Language of document : ECLI:EU:C:2017:985

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

20 ta’ Diċembru 2017 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà li jiġu pprovduti servizzi, libertà ta’ stabbiliment, Moviment liberu tal-kapital u libertà ta’ intrapriża – Restrizzjonijiet – Għoti ta’ konċessjonijiet ġodda għall-ġestjoni online ta’ logħob – Prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni ta’ aspettattivi leġittimi – Sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali – Obbligu jew nuqqas ta’ obbligu tal-qorti nazzjonali li tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja”

Fil-Kawża C-322/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (Il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Frar 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Ġunju 2016, fil-proċedura

Global Starnet Ltd

vs

Ministero dell’Economia e delle Finanze,

Amministrazione Autonoma Monopoli di Stato,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev, S. Rodin (Relatur) u E. Regan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ April 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Global Starnet Ltd, minn B. Carbone, C. Barreca, S. Vinti u A. Scuderi, avvocati,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino u P. G. Marrone, avvocati dello Stato,

–        għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs u L. Van den Broeck, bħala aġenti, assistiti minn P. Vlaemminck u R. Verbeke, advocaten,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u M. Figueiredo kif ukoll minn A. Silva Coelho u P. de Sousa Inês, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Malferrari u H. Tserepa-Lacombe, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Ġunju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 26, 49, 56, 63 u 267 TFUE, tal-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll tal-prinċipju ġenerali ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Global Starnet Ltd u l-Ministero dell’Economia e delle Finanze (Ministeru għall-Ekonomija u għall-Finanzi, L-Italja) u l-Amministrazione Autonoma Monopoli di Stato (l-Amministrazzjoni Awtonoma tal-Monopolji tal-Istat, l-Italja, iktar ’il quddiem l-“AAMS”) dwar l-istabbiliment tal-kundizzjonijiet applikabbli għall-ġestjoni online ta’ logħob fuq magni tad-divertiment u l-passatemp kif ukoll dwar l-avviż ta’ kuntratt li jikkonċerna l-għoti tal-konċessjoni marbuta mal-konstituzzjoni u l-użu ta’ netwerk ta’ ġestjoni online ta’ logħob fuq tali magni.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt Taljan

3        L-Artikolu 1 tal-legge n. 220, “Disposizioni per la formazione del bilancio annuale e pluriennale dello Stato (legge di stabilità 2011)” (Liġi Nru 220 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-istabbiliment ta’ baġit annwali u multiannwali tal-Istat (Liġi ta’ stabbiltà 2011)), tat-13 ta’ Diċembru 2010 (suppliment ordinarju fil-GURI Nru 297, tal-21 ta’ Diċembru 2010, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 220/2010”), jipprovdi, fil-paragrafu 78(b) tiegħu:

“[…]

4)      matul il-perijodu kollu tal-konċessjoni, id-dejn għandu jinżamm fil-limiti ta’ proporzjon […] li ma jkunx jeċċedi il-valur previst mid-digriet tal-ministeru tal-ekonomija u tal-finanzi;

[…]

8)      it-tranżazzjonijiet li jinvolvu tibdil suġġettiv tal-konċessjonarju huma kkundizzjonati għall-awtorizzazzjoni minn qabel tal-AAMS, taħt piena ta’ telf tal-konċessjoni; tibdil suġġettiv tal-konċessjonarju għandu jfisser kull tranżazzjoni mwettqa mill-konċessjonarju ta’ fużjoni, ta’ diviżjoni, ta’ trasferiment ta’ impriża, ta’ tibdil tas-sede jew tal-għan tal-kumpannija, ta’ stralċ tal-kumpannija, bl-eċċezzjoni madankollu ta’ tranżazzjonijiet ta’ bejgħ jew ta’ tpoġġija ta’ azzjonijiet tal-konċessjonarju fuq suq irregolat;

9)      it-tranżazzjonijiet li jinvolvu transferiment tal-ishma, anki ta’ dawk li jikkonferixxu l-kontroll, li jkunu proprjetà tal-konċessjonarju, u li jistgħu jimplikaw, matul l-eżerċizzju li fih tiġi eżegwita t-tranżazzjoni, tnaqqis tal-indiċi ta’ solidità patrimonjali stabbilit b’digriet tal-Ministeru għall-Ekonomija u għall-Finanzi huma sottomessi għall-awtorizzazzjoni mill-ġdid tal-AAMS, mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-konċessjonarju, f’dawn il-każijiet, li jistabbilixxi mill-ġdid, taħt piena ta’ telf tal-konċessjoni, l-indiċi ċċitat iktar ’il fuq, permezz ta’ żieda tal-kapital jew ta’ tranżazzjonijiet jew strumenti oħra intiżi għall-istabbiliment mill-ġdid ta’ dan l-indiċi fi żmien sitt xhur mid-data li fiha jkunu ġew approvati l-kontijiet;

[…]

17)      il-bilanċ favorevoli ta’ profitti mill-attivitajiet previsti fil-punt 6 jista’ jintuża għal għanijiet differenti min dawk ta’ investimenti marbuta mal-attivitajiet suġġetti għall-konċessjonijiet, iżda biss wara tingħata awtorizzazzjoni minn qabel mill-AAMS;

[…]

23)      huma previsti sanzjonijiet fil-forma ta’ penalitajiet fil-każ ta’ ksur, imputabbli lill-konċessjonarju, tal-klawżoli tal-kuntratt li jagħtu aċċess għall-konċessjoni, anki jekk dan ikun ksur involontarju; is-sanzjonijiet huma gradwali skont il-gravità tal-ksur, b’osservanza tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ effettività tas-sanzjonijiet;

[…]

25)      huwa previst li l-konċessjonarju li jtemm l-attività, meta jiskadi l-perijodu tal-konċessjoni, għandu jkompli l-amministrazzjoni ordinarja tal-attivitajiet ta’ ġestjoni u bl-eżekuzzjoni ta’ attivitajiet ta’ ġbir mill-logħob suġġett għall-konċessjoni, sat-trasferiment tal-ġestjoni u tal-eżekuzzjoni lil konċessjonarju ġdid;

[…]”

4        Skont l-Artikolu 1(79) ta’ din il-liġi, il-konċessjonarji għall-ġestjoni ta’ logħob pubbliku mhux online huma obbligati li jiffirmaw addendum għall-kuntratt bil-għan li dan il-kuntratt isir konformi mad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija liġi imsemmija fil-punti preċedenti.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

5        L-AAMS tat il-konċessjoni għall-istabbiliment u l-amministrazzjoni operattiva tan-netwerk ta’ ġestjoni online ta’ logħob awtorizzat mil-liġi permezz ta’ magni ta’ diveriment u ta’ passatemp u attivitajiet konnessi magħhom lil Global Starnet abbażi ta’ dispożizzjoni li tipprovdi għall-għoti ta’ dan it-tip ta’ konċessjonijiet lill-konċessjonarji eżistenti, li minnhom Global Starnet kienet tifforma parti, mhux permezz ta’ proċeduri ta’ selezzjoni previsti għall-operaturi l-oħra ta’ logħob.

6        Bil-liġi Nru 220/2010, il-kundizzjonijiet rikjesti għall-għoti ta’ konċessjonijiet għall-organizzazzjoni u l-ġestjoni ta’ logħob pubbliku ġew mibdula b’tali mod li dawn il-kundizzjonijiet huma inqas favorevoli għal Global Starnet. Bis-saħħa ta’ din il-liġi, l-AAMS adottat id-digriet marbut mal-istabbiliment ta’ kundizzjonijiet applikabbli għall-ġestjoni online ta’ logħob fuq magni ta’ divertiment u ta’ passatemp kif ukoll l-avviż tal-kuntratt li jikkonċerna l-għoti tal-konċessjoni marbuta mal-kostituzzjoni u l-amministrazzjoni tan-netwerk ta’ ġestjoni online ta’ logħob fuq magni.

7        Global Starnet ippreżentat rikors kontra dawn iż-żewġ atti amministrattivi quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (Il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal-Lazio, l-Italja).

8        Peress li dik il-qorti ċaħdet ir-rikors tagħha, Global Starnet appellat quddiem il-Consiglio di Stato (Il-Kunsill tal-Istat, L-Italja) billi sostniet, qabel xejn, li kien hemm ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi peress li l-Liġi Nru 220/2010 awtorizzat l-inseriment ta’ kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-attività ta’ konċessjonarju għall-organizzazzjoni u l-ġestjoni ta’ logħob pubbliku li jibdlu sostanzjalment il-kuntratt ta’ konċessjoni eżistenti. Sussegwentement, hija sostniet li kien hemm ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament sa fejn hija sabet ruħha f’sitwazzjoni żvantaġġata meta mqabbla mal-kompetituri ġodda li ma humiex midjuna u li din il-liġi hija inkompatibbli mal-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni li jimponu l-eliminazzjoni ta’ kull ostaklu għall-iżvilupp tal-moviment liberu tal-oġġetti u mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Fl-aħħar, Global Starnet sostniet li d-dispożizzjonijiet kontenzjużi tal-Liġi Nru 220/2010 huma anti-kostituzzjonali sa fejn dawn jmorru kontra l-libertà ta’ intrapriża u li l-avviż tal-kuntratt li jikkonċerna l-għoti tal-konċessjoni marbuta mal-kostituzzjoni u mal-amministrazzjoni tan-netwerk ta’ ġestjoni online ta’ logħob fuq magni ta’ divertiment u ta’ passatemp huwa illegali sa fejn dan jista’ jwassal għall-esklużjoni tagħha mill-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt.

9        Fit-2 ta’ Settembru 2013, il-Consiglio di Stato (Il-Kunsill tal-Istat) laqa’ parzjalment ir-rikors ta’ Global Starnet fis-sentenza mhux definittiva tiegħu. Il-Kunsill tal-Istat iddikjara, b’mod partikolari, li din il-kumpannija kienet ġiet obbligata tipparteċipa fil-proċedura l-ġdida ta’ selezzjoni filwaqt li, skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ fid-data tal-kuntratt ta’ konċessjoni li hija bbenefikat minnha, ma kinitx neċessarja proċedura ta’ selezzjoni għall-konċessjonarji eżistenti u li ġie impost fuqha b’mod illegali kuntratt inqas favorevoli meta hija kienet wettqet investiment filwaqt li straħet fuq il-fatt li l-konċessjoni inizjali kienet sejra tiġi onorata mingħajr interuzzjoni, filwaqt li tippermetti l-aċċess għal kompetituri ġodda.

10      Fuq inizjattiva tal-qorti tar-rinviju li qajmet il-kwistjoni tal-kostituzzjonalità tal-Artikolu 1(79) tal-Liġi Nru 220/2010, il-Corte costituzionale (Il-Qorti Kostituzzjonali, l-Italja), bis-sentenza tagħha Nru 56/2015, tal-31 ta’ Marzu 2015, iddikjarat li l-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali huma valuri protetti mill-Kostituzzjoni Taljana, iżda mhux termini assoluti u lanqas b’mod li ma tista’ ssir ebda deorga fir-rigward tagħhom. Fir-rigward tal-konċessjonijiet ta’ servizz pubbliku, din il-qorti kkonstatat li l-possibbiltà ta’ intervent pubbliku li jwassal għal tibdil tal-kundizzjonijiet tal-oriġini għandha titqies bħala inerenti għar-relazzjoni kuntrattwali ta’ konċessjoni sa mill-bidu tagħha, fatt li huwa iktar u iktar verosimili f’qasam tant sensittiv bħal dak tal-logħob pubbliku li jixraqlu attenzjoni partikolari u mhux interrotta mil-leġiżlatur nazzjonali. Għaldaqstant, la ġew miksura l-imsemmija valuri u lanqas il-libertà ta’ intrapriża. Barra minn hekk, l-obbligi imposti mid-dispożizzjonijiet inkwistjoni jirrappreżentaw anki, f’dan il-każ, miżura minima ta’ stabbiliment mill-ġdid tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-operaturi, totalment iġġustifikata mis-sitwazzjoni tal-konċessjonarju eżistenti, li jibbenefika minn vantaġġ sa fejn ma kellux jipparteċipa fil-proċedura ta’ selezzjoni l-ġdida. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet inkwistjoni b’hekk la huma manifestament inkoerenti meta mqabbla mal-għanijiet stabbiliti mil-leġiżlatur nazzjonali, la spropozjonati meta mqabbla mal-kontenut u man-natura tar-relazzjoni kuntrattwali tal-konċessjoni, u lanqas ma jirriżultaw f’piżijiet addizzjonali intollerabbli. Finalment, il-Corte costituzionale (Il-Qorti Kostituzzjonali) iddeċidiet li t-telf preżunt totali jew parzjali tal-kapital investit kien jirrappreżenta l-iktar l-iktar konsegwenza unikament indiretta tal-obbligi ta’ ġestjoni imposti mid-dispożizzjonijiet kkontestati u bħala tali kien jaqa’ l’barra mill-isfera ta’ protezzjoni tad-dritt għad-danni.

11      Wara din is-sentenza tal-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali), li eżaminat l-Artikolu 1(79) tal-liġi Nru 220/2010 fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Kostituzzjoni Taljana li l-kontenut tiegħu, skont il-qorti tar-rinviju, jekwivali essenzjalment għall-dawk korrispondenti fit-Trattat, dik il-qorti qieset li kien neċessarju li titressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

12      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Prinċipalment: l-Artikolu 267(3) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti tal-aħħar istanza ma hijiex inkundizzjonalment obbligata li tressaq talba għal deċiżjoni preliminari fir-rigward ta’ kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt Ewropew meta, fil-kuntest tal-istess proċedura nazzjonali, il-Qorti Kostituzzjonali tkun evalwat il-kostituzzjonalità tar-regoli nazzjonali, billi użat, essenzjalment, l-istess parametri regolatorji bħal dawk li l-interpretazzjoni tagħhom qed tintalab lill-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm dawn il-parametri regolatorji huma formalment differenti peress li jinsabu f’dispożizzjonijiet tal-Kostituzzjoni u mhux f’dispożizzjonijiet tat-Trattati Ewropej?

2)      Sussidjarjament, fil-każ li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 267(3) TFUE tkun fis-sens li t-tressiq ta’ talba għal deċiżjoni preliminari huwa obbligatorju: Id-dispożizzjonijiet u l-prinċipji tal-Artikoli [26, 49, 56 u 63 TFUE] u tal-Artikolu 16 […] tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u l-prinċipju ġenerali ta’ aspettativi leġittimi [li ‘jagħmel parti mill-prinċipji fundamentali tal-Unjoni’, kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, Agrargenossenschaft Neuzelle, C-454/11, EU:C:2013:169] jipprekludu l-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali [Artikolu 1(78)(b), numri 4, 8, 9, 17, 23 u 25 tal-Liġi Nru 220/2010], li timponi, anki fir-rigward ta’ persuni li diġà huma konċessjonarji fil-kuntest tal-ġestjoni online ta’ logħob awtorizzat mil-liġi, kundizzjonijiet jew obbligi ġodda permezz ta’ addendum għall-kuntratt eżistenti (u mingħajr ma tipprevedi terminu għal aġġustament gradwali)?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

13      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 267(3) TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li l-qorti nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħha ma jistgħux jiġu appellati ġudizzjarjament ma hijiex obbligata li tagħmel tali rinviju għal deċiżjoni preliminari fuq kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni meta, fil-kuntest tal-istess proċedura nazzjonali, il-Qorti Kostituzzjonali tal-Istat Membru kkonċernat tkun evalwat il-kostituzzjonalità tar-regoli nazzjonali fid-dawl ta’ regoli ta’ riferiment li l-kontenut tagħhom ikunu identiku għal dawk tad-dritt tal-Unjoni.

14      Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi nnotat li l-qorti tar-rinviju, qabel ma ressqet it-talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, qajmet, quddiem il-Corte costituzionale (ilQorti Kostituzzjonali), kwistjoni ta’ kostituzzjonalità tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li wkoll huma suġġetti għat-tieni domanda preliminari. Il-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) tat deċiżjoni, b’risposta għal din il-kwistjoni, fuq il-konformità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet mhux mad-dritt tal-Unjoni, iżda mad-dispożizzjonijiet tal-Kostituzzjoni Taljana li tqiesu mill-qorti tar-rinviju, essenzjalment bħala l-istess regoli ta’ riferiment bħall-Artikoli 26, 49, 56 u 63 TFUE u l-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali kif ukoll il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

 Fuq l-ammissibbiltà

15      Il-Gvern Taljan jikkontesta l-ammissibbiltà tal-ewwel domanda billi jinvoka s-segwenti agrumenti.

16      Fl-ewwel lok, il-qorti nazzjonali li tkun qiegħda tagħti deċiżjoni bħala qorti tal-aħħar istanza għandha l-obbligu li tevalwa minn qabel il-kwistjoni sabiex tevita li l-partijiet jabbużaw minn din tal-aħħar. Fit-tieni lok, ma teżisti l-ebda raġuni għall-istħarriġ dwar jekk hijiex obbligata tikkonforma ruħha mal-interpretazzjoni tal-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) peress li s-sentenzi ta’ din il-qorti li jiċħdu kwistjonijiet ta’ kostituzzjonalità ma jorbtux lill-qorti nazzjonali. Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju, sa fejn qieset li l-kwistjoni ta’ kostituzzjonalità tad-dritt nazzjoni kienet rilevanti sabiex tiddeċiedi l-vertenza, u għaldaqstant għamlet id-domandi lill-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali), kienet iddeċidiet li r-regoli nazzjonali kkontestati kienu konformi mad-dritt tal-Unjoni. Fir-raba’ lok, l-ewwel domanda hija purament ipotetika u għalhekk inammissibbli peress li l-qorti tar-rinviju kellha tadixxi lill-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) b’domanda dwar il-possibbiltà ta’ kuntrarjetà tar-regoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali mad-dritt tal-Unjoni qabel ma tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’tali domanda.

17      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija l-qorti nazzjonali biss, li tkun tressqet il-kawża quddiemha u li għandha tkun responsabbli mid-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tiddetermina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, sakemm id-domanda magħmula tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta tieħu deċiżjoni dwarhom. Ir-rifjut li tiddeċiedi fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitlub ma jkollha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew ukoll meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex l-elementi fattwali jew tad-dritt neċessarji sabiex twieġeb b’mod utli għad-domandi magħmula lilha (ara sentenza tas-7 ta’ Lulju 2016, Muladi, C-447/15, EU:C:2016:533, punt 33).

18      F’dan il-każ, ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha l-ebda relazzjoni mal-fatti jew is-suġġett tal-kawżi prinċipali jew li l-problema hija ta’ natura ipotetika.

19      Barra minn hekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq, il-punt dwar jekk il-qorti tar-rinviju hijiex marbuta jew le bl-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni mill-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) jew anki dwar jekk hija kellhiex tadixxi lil din l-aħħar imsemmija qorti bi kwistjoni marbuta mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni huwa irrilevanti għall-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà tad-domanda preliminari odjerna.

20      Isegwi li l-ewwel domanda hija inammissibbli.

 Fuq il-mertu

21      Hemm lok li jitfakkar li qorti nazzjonali li jkollha quddiemha tilwima li tikkonċerna d-dritt tal-Unjoni, li tikkunsidra li dispożizzjoni nazzjonali mhux biss hija kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni, iżda wkoll affettwata b’vizzji ta’ antikostituzzjonalità, ma hijiex imċaħħda mill-possibbiltà jew ħielsa mill-obbligu, previsti fl-Artikolu 267 TFUE, li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja domandi dwar l-interpretazzjoni jew il-validità tad-dritt tal-Unjoni minħabba l-fatt li l-konstatazzjoni tal-antikostituzzjonalità ta’ regola tad-dritt intern hija suġġetta għal rikors obbligatorju quddiem il-qorti kostituzzjonali. Fil-fatt, l-effikaċja tad-dritt tal-Unjoni tkun mhedda jekk l-eżistenza ta’ rikors mandatorju quddiem qorti kostituzzjonali seta’ jimpedixxi lill-qorti nazzjonali, li hija adita b’kawża rregolata mid-dritt tal-Unjoni, li teżerċita l-possibbiltà, li hija mogħtija lilha mill-Artikolu 267 TFUE, li tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja domandi li jirrigwardaw l-interpretazzjoni jew il-validità tad-dritt tal-Unjoni, sabiex jippermettilha li tiddeċiedi jekk regola nazzjonali hijiex jew le kompatibbli miegħu (sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2015, Kernkraftwerke Lippe-Ems, C-5/14, EU:C:2015:354, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet flimkien, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li l-funzjonament tas-sistema ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, stabbilita permezz tal-Artikolu 267 TFUE u l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jeħtieġu li l-qorti nazzjonali tkun libera li tadixxi, fi kwalunkwe mument tal-proċeduri li jitqies xieraq, kif ukoll fi tmiem tal-proċedura inċidentali ta’ stħarriġ ta’ kostituzzjonalità, lill-Qorti tal-Ġustizzja b’kull domanda preliminari li tqis xierqa (sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2015, Kernkraftwerke Lippe-Ems, C-5/14, EU:C:2015:354, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      Issa, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-effettività tal-Artikolu 267 TFUE tiddgħajjef jekk, minħabba l-fatt li proċedura inċidentali ta’ stħarriġ tal-kostituzzjonalità tkun għadha pendenti, il-qorti nazzjonali kienet imċaħħda milli tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’domandi preliminari u tapplika immedjatament id-dritt tal-Unjoni skont id-deċiżjoni jew il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2015, Kernkraftwerke Lippe-Ems, C-5/14, EU:C:2015:354, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      Barra minn hekk, għalkemm huwa veru li l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tiegħu l-ewwel waħda tagħti lit-tieni l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għas-soluzzjoni tat-tilwima li biha huma jkunu ġew aditi, xorta waħda jibqa’ l-fatt li, meta ma jkun hemm ebda rimedju ġudizzjarju taħt id-dritt nazzjonali kontra d-deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali, din tal-aħħar hija, bħala prinċipju, marbuta li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja, konformement mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, meta tqum quddiemha kwistjoni li tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2015, Ferreira da Silva e Brito et, C-160/14, EU:C:2015:565, punt 37).

25      Il-fatt li l-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) tat deċiżjoni fuq il-konformità tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, li wkoll jifformaw parti mis-suġġett tat-tieni domanda preliminari, mad-dispożizzjonijiet tal-kostituzzjoni Taljana li l-qorti tar-rinviju qieset bħala li huma, essenzjalment, l-istess regoli ta’ riferiment bħall-Artikoli 26, 49, 56 u 63 TFUE u l-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali bl-ebda mod ma jinċidi fuq l-obbligu, previst fl-Artikolu 267 TFUE, li jitressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja domandi li jikkonċerna l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

26      Fid-dawl ta’ dak li ntqal jeħtieġ li tingħata risposta għall-ewwel domanda li l-Artikolu 267(3) TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħha ma jistgħux jiġu appellati b’mod ġudizzjarju hija obbligata, bħala prinċipju, li tipproċedi b’rinviju għal deċiżjoni preliminari ta’ kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni anki jekk, fil-kuntest tal-istess proċedura nazzjonali, il-Qorti Kostituzzjonali tal-Istat Membru kkonċernat tkun evalwat il-kostituzzjonalità tar-regoli nazzjonali fid-dawl ta’ regoli ta’ riferiment ta’ kontenut identiku għal dawk tad-dritt tal-Unjoni.

 Fuq it-tieni domanda

27      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 26, 49, 56 u 63 TFUE, l-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali kif ukoll il-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi għandhomx jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi fuq persuni diġà konċessjonarji fis-settur tal-ġestjoni online ta’ logħob awtorizzat mil-liġi, kundizzjonijiet ġodda għall-eżerċizzju tal-attività tagħhom permezz ta’ addendum għall-kuntratt eżistenti.

28      F’dan il-każ, fil-punti 4, 8, 9, 17, 23 u 25 tal-Artikolu 1(78)(b) tal-liġi Nru 220/2010, ġew imposti fuq il-konċessjonarji eżistenti, sitt kundizzjonijiet ġodda għall-eżerċizzju tal-attività tagħhom. Dawn jikkonsistu, rispettivament, fl-obbligu li jinżamm id-dejn fil-limiti ta’ proporzjon li ma jeċċedix valur stabbilit b’digriet, fis-sottomissjoni tat-tranżazzjonijiet li jistgħu jwasslu għal tibdil fir-rigward tal-persuna tal-konċessjonarju għall-awtorizzazzjoni minn qabel tal-AAMS, u dan taħt piena ta’ telf tal-konċessjoni, fis-sottomissjoni tat-transferimenti ta’ ishma li jkunu proprjetà tal-konċessjonarju u li jistgħu jimplikaw tnaqqis tal-indiċi ta’ solidità patrimonjali stabbilit b’digriet għall-awtorizzazzjoni minn qabel tal-AAMS, mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-konċessjonarju, f’dawn il-każijiet, li jistabbilixxi mill-ġdid dan l-indiċi, taħt piena ta’ telf tal-konċessjoni, fis-sottomissjoni tal-użu tal-bilanċ pożittiv tal-profitti minn ċerti attivitajiet għal għanijiet li ma humiex dawk marbuta mal-għan tal-konċessjoni għall-awtorizzazzjoni minn qabel tal-AAMS, fl-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet, fil-forma ta’ penalitajiet gradwali skont il-gravità tal-ksur, fl-osservanza tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ effettività f’każ ta’ ksur tal-klawżoli tal-kuntratt imputabbli lill-konċessjonarju, anki jekk dan ikun ksur involontarju, u fl-obbligu tal-konċessjonarju, meta dan itemm l-attività tiegħu, li huwa jkompli bl-amministrazzjoni ordinarja tal-attivitajiet suġġetti għall-konċessjoni sat-trasferiment tal-ġestjoni u tal-eżekuzzjoni lil konċessjonarju ġdid.

 Osservazzjonijiet preliminari

29      Jeħtieġ li jitfakkar li meta miżura nazzjonali tkun marbuta fl-istess ħin ma’ diversi libertajiet fundamentali, il-Qorti tal-Ġustizzja teżaminaha, bħala prinċipju, fid-dawl ta’ waħda biss minn dawn il-libertajiet jekk jirriżulta li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża ineżami, l-oħrajn ikunu biss sekondarji meta mqabbla ma’ tal-ewwel u jistgħu jkunu marbuta magħha (ara d-digriet tat-28 ta’ Settembru 2016, Durante, C-438/15, mhux ippubblikata, EU:C:2016:728, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta l-eżerċizzju ta’ attività ekonomika għall-kisba ta’ liċenzja u tipprevedi diversi ipoteżijiet ta’ dekadenza tal-liċenzja tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertajiet hekk iggarantiti mill-Artikoli 49 u 56 TFUE (sentenza tat-28 ta’ Jannar 2016, Laezza, C-375/14, EU:C:2016:60, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Barra minn hekk, fir-rigward tal-applikabbiltà tal-Artikoli 34 u 35 TFUE, jeħtieġ li jitfakkar li l-attività tal-operazzjoni ta’ magni tal-logħob tal-azzard jew tal-flus, irrispettivament minn jekk din tkunx separabbli jew le mill-attivitajiet marbuta mal-produzzjoni, mal-importazzjoni u mad-distribuzzjoni ta’ tali magni, ma tistax taqa’ taħt dawn l-artikoli marbuta mal-moviment liberu tal-oġġetti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2003, Anomar et, C-6/01, EU:C:2003:446, punt 56).

32      Barra minn hekk, fir-rigward tal-applikabbiltà tal-Artikolu 63 TFUE, fl-assenza ta’ elementi kuntrarji ppreżentati quddiem il-qorti tar-rinviju, l-effetti possibbli restrittivi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali fuq il-moviment liberu tal-kapital u l-libertà tal-ħlasijiet jkunu biss il-konsegwenzi inevitabbli tar-restrizzjonijiet possibbli imposti fuq il-libertajiet iggarantiti mill-Artikoli 49 u 56 TFUE.

33      Finalment, fir-rigward tal-Artikolu 26 TFUE, jeħtieġ li jiġi osservat li mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kawża prinċipali ma tikkonċernax il-kompetenza tal-Unjoni jew dik tal-istituzzjonijiet tagħha sabiex jadottaw il-miżuri previsti f’dan l-Artikolu.

34      Minn dan isegwi li hemm lok li tingħata risposta għat-tieni domanda unikament sa fejn din tikkonċerna l-Artikoli 49 u 56 TFUE, l-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali kif ukoll il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

 Fuq ir-restrizzjonijiet għal-libertajiet iggarantiti mill-Artikoli 49 u 56 TFUE

35      Hemm lok li jitfakkar li għandhom jitqiesu bħala restrizzjoniijet għal-libertà ta’ stabbiliment u/jew għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi dawk il-miżuri kollha li jipprojbixxu, jostakolaw jew jirrendu inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertajiet iggarantiti mill-Artikoli 49 u 56 TFUE (ara s-sentenza tat-22 ta’ Jannar 2015, Stanley International Betting u Stanleybet Malta, C-463/13, EU:C:2015:25, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      F’dan il-każ, il-kundizzjonijiet il-ġodda għall-eżerċizzju tal-attività tagħhom, imposti fuq il-konċessjonarji eżistenti, permezz tal-punti 4, 8, 9, 17, 23 u 25 tal-Artikolu 1(78)(b) tal-liġi Nru 220/2010, kif stabbiliti fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, jistgħu jirrendu inqas attraenti jew anki impossibbli l-eżerċizzju tal-libertajiet iggarantiti mill-Artikoli 49 u 56 TFUE, sa fejn dawn il-kundizzjonijiet jistgħu jostakolaw il-profittabbiltà tal-investiment tagħhom.

37      Konsegwentement, l-imsemmija miżuri jikkostitwixxu restrizzjonijiet għal-libertajiet iggarantiti mill-Artikoli 49 u 56 TFUE.

38      Hemm lok li jiġi eżamint jekk dawn ir-restrizzjonijiet jistgħux madakollu jiġu ġġustifikati.

 Fuq il-ġustifikazzjoni tar-restrizzjonijiet għal-libertajiet iggarantiti mill-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE

–       Fuq l-eżistenza ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali

39      Jeħtieġ li jitfakkar li l-leġiżlazzjoni dwar il-logħob tal-azzard tagħmel parti mill-oqsma li fihom jeżistu diverġenzi kunsiderevoli ta’ natura morali, reliġjuża u kulturali bejn l-Istati Membri. Fl-assenza ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni f’dan il-qasam, l-Istati Membri jgawdu minn diskrezzjoni wiesgħa fl-għażla tal-livell ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u tal-ordni soċjali li jikkunsidraw l-iktar xieraq (sentenza tat-8 ta’ Settembru 2016, Politanò, C-225/15, EU:C:2016:645, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Għaldaqstant, l-Istati Membri huma liberi li jiffissaw l-għanijiet tal-politika tagħhom fil-qasam tal-logħob tal-azzard u, jekk ikun il-każ, li jiddefinixxu bi preċiżjoni l-livell ta’ protezzjoni mixtieq. Madankollu, ir-restrizzjonijiet li l-Istati Membri jimponu għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-ġustifikazzjoni tagħhom għal raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali u l-proporzjonalità tagħhom (sentenza tat-8 ta’ Settembru 2016, Politanò, C-225/15, EU:C:2016:645, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      F’dan il-każ, jirriżulta mill-kontenut tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 43 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-għan ta’ dawn id-dispożizzjonijiet huwa li titjieb il-solidità ekonomika u finanzjarja tal-konċessjonarji, li tissaħħaħ l-onorabbiltà u l-affidabbiltà tagħhom kif ukoll, li tiġi miġġielda l-kriminalità.

42      Fid-dawl tal-partikolarità tas-sitwazzjoni marbuta mal-logħob tal-azzard, tali għanijiet għandhom n-natura li jikkostitwixxu raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjonijiet għal-libertajiet fundamentali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2016, Politanò, C-225/15, EU:C:2016:645, punti 42 u 43).

43      L-identifikazzjoni tal-għanijiet effettivament imfittxija mid-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, f’kull każ, taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2016, Laezza, C-375/14, EU:C:2016:60, punt 35).

44      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, meta Stat Membru jinvoka raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali sabiex jiġġustifika leġiżlazzjoni li hija ta’ natura li xxekkel l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, din il-ġustifikazzjoni għandha wkoll tiġi interpretata fid-dawl tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u b’mod partikolari tad-drittijiet fundamentali li issa huma ggarantiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tkun tista’ tibbenefika mill-eċċezzjonijiet previsti biss jekk hija tkun tikkonforma mal-imsemmija prinċipji kif ukoll mal-imsemmija drittijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, Berlington Hungary et, C-98/14, EU:C:2015:386, punt 74 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

45      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-prinċipji ta’ ċertezza legali u dak ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi kif ukoll il-libertà ta’ intrapriża previst fl-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali msemmija fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, li timponi fuq persuni diġà konċessjonarji fis-settur tal-ġestjoni online ta’ logħob awtorizzat mil-liġi kundizzjonijiet ġodda għall-eżerċizzju tal-attività tagħhom permezz ta’ addendum għall-kuntratt eżistenti.

–       Fuq il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

46      Hemm lok li jiġi enfasizzat li l-prinċipju taċ-ċertezza legali, li huwa konsegwenza ta’ dak ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, jirrikjedi, b’mod partikolari, li r-regoli tad-dritt ikunu ċari, preċiżi u prevedibbli fl-effetti tagħhom, b’mod partikolari meta jista’ jkollhom effetti negattivi fuq l-individwi u fuq l-impriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, Berlington Hungary et, C‑98/14, EU:C:2015:386, punt 77 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

47      Madankollu, operatur ekonomiku ma jistax jibbaża l-aspettattivi tiegħu biss fuq l-assenza totali ta’ emenda leġiżlattiva, iżda biss jikkontesta l-modalitajiet ta’ applikazzjoni ta’ tali emenda (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, Berlington Hungary et, C-98/14, EU:C:2015:386, punt 78 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

48      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-leġiżlatur huwa obbligat li jipprovdi għal perijodu tranżitorju ta’ tul suffiċjenti li jkun jippermetti lill-operaturi ekonomiċi jadattaw ruħhom jew għal sistema ta’ kumpens raġonevoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, Berlington Hungary et, C-98/14, EU:C:2015:386, punt 85 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

49      Għalkemm hija l-qorti tar-rinvju li għandha teżamina, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti preċedenti, u billi twettaq evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex konformi mal-prinċpju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, hemm lok li jiġi nnotat li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-liġi Nru 220/2010 kienet tipprevedi terminu ta’ 180 jum dekorribbli mid-dħul fis-seħħ tagħha sabiex jiġu introdotti l-kundizzjonijiet il-ġodda li hija kienet tistabbilixxi permezz ta’ addendum għall-kuntratt, liema terminu kien jidher bħala prinċipju suffiċjenti sabiex jippermetti lill-konċessjonarji jadattaw għal dawn il-kundizzjonijiet.

–       Fuq il-libertà ta’ intrapriża

50      Kif diġà ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja, eżami tar-restrizzjoni rrappreżentata minn leġiżlazzjoni nazzjonali skont l-Artikoli 49 u 56 TFUE jkopri wkoll l-eventwali restrizzjonijiet tal-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet previsti fl-Artikoli 15 sa 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali b’tali mod li ma humiex neċessarju eżami separat tal-libertà ta’ intrapriża (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ April 2014, Pfleger et, C-390/12, EU:C:2014:281, punt 60, kif ukoll tal-11 ta’ Ġunju 2015, Berlington Hungary et, C-98/14, EU:C:2015:386, punt 91).

 Fuq il-proporzjonalità tar-restrizzjoni tal-libertajiet iggarantiti mill-Artikoli 49 u 56 TFUE kif ukoll tal-libertà ta’ intrapriża

51      Fir-rigward tal-proporzjonalità tal-miżuri previsti fil-punti 4, 8, 9, 17, 23 u 25 tal-Artikolu 1(78)(b) tal-liġi Nru 220/2010, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk dawn il-miżuri humiex adatti sabiex jiggarantixxu t-twettiq tal-għanijiet imfittxija u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, b’mod partikolari, billi jiżguraw li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirrispondi verosimilment għax-xewqa li jintlaħqu dawn l-għanijiet b’mod koerenti u sistematiku (sentenza tat-8 ta’ Settembru 2016, Politanò, C‑225/15, EU:C:2016:645, punt 44).

52      F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li hija l-qorti tar-rinviju, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-indikazzjonijiet mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, li għandha tivverifika, fl-evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi marbuta mal-għoti tal-konċessjonijiet il-ġodda, jekk ir-restrizzjonijiet inkwistjoni imposti mill-Istat Membru kkonċernat jissodisfawx il-kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jirrigwarda l-proporzjonalità tagħhom (sentenza tat-8 ta’ Settembru 2016, Politanò, C-225/15, EU:C:2016:645, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53      Jeħtieġ li jitfakkar li l-miżuri previsti fil-punti 8, 9 u 17 tal-Artikolu 1(78)(b) tal-liġi Nru 220/2010, jissottomettu għal awtorizzazzjoni minn qabel mill-AAMS, rispettivament, it-tranżazzjonijiet li jistgħu jwasslu għal tibdil fir-rigward tal-persuna tal-konċessjonarju, it-transferimenti tal-ishma li jkunu proprjetà tal-konċessjonarju u li jistgħu jimplikaw tnaqqis fl-indiċi ta’ solidità patrimonjali stabbilit b’digriet kif ukoll l-użu tal-bilanċ pożittiv tal-profitti minn ċerti attivitajiet għal għanijiet li ma humiex dawk marbuta mal-għan tal-konċessjoni.

54      Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk, il-kriterji marbuta mas-setgħat ta’ awtorizzazzjoni minn qabel mill-AAMS humiex adatti sabiex jiggarantixxu li jintlaħqu l-għanijiet imfittxija u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinltaħqu dawn l-għanijiet.

55      Barra minn hekk, il-miżuri previsti mill-punti 4 u 9 tal-Artikolu 1(78)(b) tal-liġi Nru 220/2010, jiġifieri, rispettivament, l-obbligu li jinżamm id-dejn fil-limiti ta’ proporzjon li ma jeċċedix il-valur stabbilit b’digriet u s-sottomissjoni tat-transferimenti ta’ ishma li jkunu proprjetà tal-konċessjonarju u li jisgħtu jimplikaw tnaqqis tal-indiċi ta’ solidità patrimonjali stabbilit b’digriet għall-awtorizzazzjoni minn qabel tal-AAMS, jidhru li huma utli sabiex tiġi żgurata ċerta kapaċità finanzjarja tal-operatur u sabiex jiġi ggarantit li dan ikun f’pożizzjoni li jonora l-obbligi li jirriżultaw mill-attività ta’ dħul fis-servizz u ta’ użu operattiv ta’ netwerk ta’ ġestjoni online ta’ logħob tal-azzard.

56      Il-qorti tar-rinviju hija obbligata li tiżgura li, għall-ewwel waħda minn dawn il-miżuri, il-proprozjoni tad-dejn, għat-tieni miżura, l-indiċi ta’ solidità patrimonjali, ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-imsemmi għan.

57      Barra minn hekk, fir-rigward tal-miżuri previsti fil-punti 8 u 17 tal-Artikolu 1(78)(b) tal-liġi Nru 220/2010, jiġifieri, rispettivament, is-sottomissjoni tat-tranżazzjonijiet li jistgħu jwasslu għal tibdil fir-rigward tal-persuna tal-konċessjonarju għall-awtorizzazzjoni minn qabel tal-AAMS, taħt piena ta’ telf tal-konċessjoni, u s-sottomissjoni tal-użu tal-bilanċ pożittiv tal-profitti minn ċerti attivitajiet għal għanijiet li ma humiex dawk marbuta mal-għan tal-konċessjoni għall-awtorizzazzjoni minn qabel tal-AAMS, hemm lok li jiġi osservat li dawn jistgħu, sa fejn huma jistgħu jipprevjenu l-influwenza ta’ organizzazzjonijiet kriminali fuq l-attivitajiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll il-ħasil tal-flus, jintużaw fil-ġlieda kontra l-kriminalità u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan.

58      Fir-rigward tal-miżura prevista fil-punt 25 tal-Artikolu 1(78)(b) tal-liġi Nru 220/2010, jiġifieri, l-obbligu tal-konċessjonarju, meta dan itemm l-attività tiegħu, li jkompli l-amministrazzjoni ordinarja tal-attivitajiet suġġetti għall-konċessjoni, sat-trasferiment tal-ġestjoni u tal-eżekuzzjoni lill-konċessjonarju l-ġdid, din hija ta’ natura li tiżgura l-kontinwità tal-attività legali ta’ ġbir ta’ mħatri sabiex jitrażżan l-iżvilupp ta’ attività illegali parallela u, għaldaqstant, tista’ tikkontribwixxi favur il-ġlieda kontra l-kriminalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2016, Laezza, C-375/14, EU:C:2016:60, punti 33 u 34).

59      Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk miżura inqas severa għall-konċessjonarju tkunx tippermetti li jintlaħaq l-istess għan, filwaqt li tieħu kont tal-fatt li l-konċessjonarju huwa obbligat li jipprovdi servizzi li huma suġġetti għall-konċessjoni, possibbilment għal perijodu mhux definit u b’bilanċ negattiv bil-għan li jikkontribwixxi għall-interess ġenerali.

60      Fir-rigward tal-miżura prevista fil-punt 23 tal-Artikolu 1(78)(b) tal-liġi Nru 220/2010, jiġifieri l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet fil-forma ta’ penalitajiet f’każ ta’ ksur tal-klawżoli tal-kuntratt impputabbli lill-konċessjonarju, anki jekk dan ikun ksur involontarju, jeħtieġ li jitfakkar li s-sanzjonijiet ma jkunux konformi mad-dritt tal-Unjoni jekk il-kundizzjonijiet li jiddeterminaw l-applikazzjoni tagħhom ikunu kuntrarji għad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2007, Placanica et, C-338/04, C-359/04 u C-360/04, EU:C:2007:133, punt 69). Is-sanzjonijiet m’għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija u sanzjoni m’għandhiex tkun tant sproporzjonata meta mqabbla mal-gravità tal-ksur li ssir ostakolu għall-libertajiet stabbiliti fit-Trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2007, Ntionik u Pikoulas, C-430/05, EU:C:2007:410, punt 54).

61      Sabiex jiġi evalwat jekk tali sanzjoni hijiex konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, in-natura u l-gravità tal-ksur li din is-sanzjoni hija intiża li tippenalizza, kif ukoll il-metodi ta’ determinazzjoni tal-ammont tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Mejju 2008, Ecotrade, C-95/07 u C-96/07, EU:C:2008:267, punti 65 sa 67, kif ukoll tal-20 ta’ Ġunju 2013, Rodopi-M 91, C‑259/12, EU:C:2013:414, punt 38).

62      F’dan il-każ, skont il-punt 23 tal-Artikolu 1(78)(b) tal-Liġi Nru 220/2010, is-sanzjonijiet għandhom ikunu “gradwali skont il-gravità tal-ksur, b’osservanza tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ effettività tas-sanzjonijiet”. Għaldaqstant, ma jirriżultax la mill-imsemmi kliem u lanqas mill-proċess li jinsab għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, li s-sanzjonijiet previsti minn din id-dispożizzjoni jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni.

63      Barra minn hekk, hemm lok li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-istabbiliment ta’ sistema ta’ responsabbiltà oġġettiva ma hijiex sproporzjonata meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija, meta din is-sistema tkun tali li tħeġġeġ lill-persuni kkonċernati sabiex josservaw id-dispożizzjonijiet ta’ regolament u meta l-għanijiet segwiti jkollhom interess ġenerali li jista’ jiġġustifika l-istabbiliment ta’ tali sistema (sentenza tad-9 ta’ Frar 2012, Urbán, C-210/10, EU:C:2012:64, punt 48).

64      Bl-istess mod, sistema, bħal dik fil-kawża prinċipali, li fiha tista’ tiġi imposta sanzjoni, anki abbażi ta’ ksur involontarju, f’każ ta’ ksur tal-klawżoli tal-kuntratt imputabbli lill-konċessjonarju, ma tmurx kontra d-dritt tal-Unjoni.

65      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li għandha tingħata risposta għat-tieni domanda li l-Artikoli 49 u 56 TFUE kif ukoll il-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi fuq persuni diġà konċessjonarji fis-settur tal-ġestjoni online ta’ logħob awtorizzat mil-liġi, kundizzjonijiet ġodda għall-eżerċizzju tal-attività tagħhom permezz ta’ addendum għall-kuntratt eżistenti, dment li l-qorti tar-rinviju tikkonkludi li din il-leġiżlazzjoni tista’ tiġi ġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, li hija adatta sabiex tiżgura li jintlaħqu l-għanijiet imfittxija u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

 Fuq l-ispejjeż

66      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 267(3) TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħha ma jistgħux jiġu appellati b’mod ġudizzjarju hija obbligata, bħala prinċipju, li tipproċedi b’rinviju għal deċiżjoni preliminari ta’ kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni anki jekk, fil-kuntest tal-istess proċedura nazzjonali, il-Qorti Kostituzzjonali tal-Istat Membru kkonċernat tkun evalwat il-kostituzzjonalità tar-regoli nazzjonali fid-dawl ta’ regoli ta’ riferiment ta’ kontenut identiku għal dawk tad-dritt tal-Unjoni.

2)      L-Artikoli 49 u 56 TFUE kif ukoll il-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi fuq persuni diġà konċessjonarji fis-settur tal-ġestjoni online ta’ logħob awtorizzat mil-liġi, kundizzjonijiet ġodda għall-eżerċizzju tal-attività tagħhom permezz ta’ addendum għall-kuntratt eżistenti, dment li l-qorti tar-rinviju tikkonkludi li din il-leġiżlazzjoni tista’ tiġi ġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, li hija adatta sabiex tiżgura li jintlaħqu l-għanijiet imfittxija u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.