Language of document : ECLI:EU:C:2019:451

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

HOGAN

ippreżentati fit-23 ta’ Mejju 2019 (1)

Kawża C383/18

Lexitor Sp. z o.o

vs

Spółdzielcza Kasa Oszczędnościowo - Kredytowa im. Franciszka Stefczyka z siedzibą w Gdyni,

Santander Consumer Bank S.A. z siedzibą we Wrocławiu,

mBank S.A. z siedzibą w Warszawie

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Rejonowy Lublin-Wschód w Lublinie z siedzibą w Świdniku (il-Qorti Distrettwali ta’ Lublin-Wschód f’Lublin li għandha s-sede tagħha fi Świdnik, il-Polonja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Protezzjoni tal-konsumatur — Direttiva 2008/48/KE — Artikolu 16(1) — Kuntratti ta’ kreditu — Ħlas lura kmieni— Dritt tal-konsumatur għal tnaqqis fl-ispiża totali tal-kreditu korrispondenti għall-interessi u għall-ispejjeż dovuti fir-rigward tat-terminu rimanenti tal-kuntratt”






1.        Din il-kawża tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU 2008, L 133, p. 66, u rettifiki fil-ĠU 2009, L 207, p. 14, ĠU 2010, L 199, p. 40, ĠU 2011, L 234, p. 46). Kif ser jintwera ftit iktar ’il quddiem, it-tifsira ta’ din id-dispożizzjoni leġiżlattiva – li tirrigwarda d-dritt tal-konsumatur għal tnaqqis fl-ispiża tal-kreditu meta huwa jkun parzjalment jew totalment ħallas lura kmieni somma dovuta skont kuntratt ta’ kreditu – għall-inqas f’ċerti aspetti, ma hijiex ċara u ma tistax tingħata interpretazzjoni li hija sodisfaċjenti. Fil-fatt jista’ jagħti l-każ – possibbilment minħabba l-kwistjonijiet imqajma minn dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari – li l-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ fil-futur iqis xieraq li jifformula mill-ġdid din id-dispożizzjoni.

2.        Fi kwalunkwe każ, it-talba għal deċiżjoni preliminari saret fil-proċedimenti bejn Lexitor Sp. z o.o u Spółdzielcza Kasa Oszczędnościowo - Kredytowa im. Franciszka Stefczyka z siedzibą w Gdyni, Santander Consumer Bank S.A. z siedzibą we Wrocławiu (“Santander Consumer Bank”) u mBank S.A. z siedzibą w Warszawie, li jirrigwardaw l-applikazzjoni ta’ spejjeż addizzjonali u penalitajiet addizzjonali meta l-konsumaturi jħallsu lura kmienu l-ammonti dovuti minnhom abbażi tal-kuntratti ta’ kreditu lill-konsumatur.

3.        Qabel ma tiġi eżaminata din il-kwistjoni, l-ewwel huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti d-dispożizzjonijiet rilevanti kemm tad-Direttiva 2008/48 kif ukoll tad-dritt nazzjonali.

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Id-Direttiva 87/102

4.        L-Artikolu 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE tat-22 ta’ Dicembru 1986 għall-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar il-kreditu lill-konsumatur (ĠU, Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15 Vol. 1, p. 326) kien jipprovdi:

“Il-konsumatur ikun intitolat li jaqdi l-obbligazzjonijiet tiegħu fil-ftehim ta’ kreditu qabel iż-żmien iffissat fil-ftehim. F’dan il-każ, in konformità mar-regoli stabbiliti mill-Istati Membri, il-konsumatur ikun intitolat għal tnaqqis ġust fin-nefqa totali tal-kreditu.”

5.        Id-Direttiva 87/102 ġiet imħassra u ssostitwita bid-Direttiva 2008/48 b’effett mill-11 ta’ Ġunju 2010.

2.      Id-Direttiva 2008/48

6.        Il-premessi 7, 9, 10, 39 u 40 tad-Direttiva 2008/48 jipprovdu:

“(7) Sabiex ikun faċilitat l-iżvilupp ta’ suq intern ta’ kreditu lill-konsumaturi li jiffunzjona tajjeb, jeħtieġ li jsir provvediment għal qafas Komunitarju armonizzat f’numru ta’ oqsma ċentrali. Bil-ħsieb tas-suq tal-kreditu lill-konsumaturi li qed jiżviluppa kontinwament u l-mobbiltà taċ-ċittadini Ewropej li qed tiżdied, leġiżlazzjoni Komunitarja li tħares il quddiem u li kapaċi tadatta ruħha għal forom futuri ta’ kreditu u li tippermetti lil Stati Membri l-livell xieraq ta’ flessibbiltà fl-implimentazzjoni tagħhom għandha tgħin biex jiġi stabbilit korp modern ta’ liġi dwar kreditu lill-konsumaturi.

[…]

(9) Armonizzazzjoni sħiħa hija meħtieġa biex tiżgura li l-konsumaturi kollha fil-Komunità igawdu livell għoli u ekwivalenti ta’ protezzjoni ta’ l-interessi tagħhom u biex jinħoloq suq intern ġenwin. L-Istati Membri għalhekk m’għandhomx jitħallew iżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet nazzjonali għajr dawk stabbiliti f’din id-Direttiva. Madankollu, tali restrizzjoni għandha tapplika biss fejn hemm dispożizzjonijiet armonizzati f’din id-Direttiva. Fejn tali dispożizzjonijiet armonizzati ma jeżistux, l-Istati Membri għandhom jibqgħu ħielsa li jżommu jew jintroduċu leġiżlazzjoni nazzjonali […]

[…]

(10) Id-definizzjonijiet li jinsabu f’din id-Direttiva jiddeterminaw il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-armonizzazzjoni. L-obbligu ta’ l-Istati Membri li jimplimentaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandu għalhekk ikun limitat għall-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu kif iddeterminat b’dawn id-definizzjonijiet […]

[…]

(39) Il-konsumatur għandu jkollu d-dritt li jifdi l-obbligi tiegħu qabel id-data miftehma fil-ftehim ta’ kreditu. Fil-każ ta’ radd lura antiċipat, kompletament jew parzjalment, il-kreditur għandu jkun intitolat għal kumpens għall-ispejjeż direttament marbutin mar-radd lura antiċipat b’kont meħud ukoll tat-tifdil possibbli magħmul mill-kreditur. Madankollu, sabiex jiġi determinat il-metodu ta’ kalkolu għall-kumpens, huwa importanti li jiġu rispettati diversi prinċipji. Il-kalkolu tal-kumpens dovut lill-kreditur għandu jkun trasparenti u komprensibbli għall-konsumaturi diġà fl-istadju prekuntrattwali u fi kwalunkwe każ matul l-eżekuzzjoni tal-ftehim ta’ kreditu. Barra minn hekk, il-metodu ta’ kalkolu għandu jkun faċli biex jiġi applikat mill-kredituri u l-kontroll superviżorju tal-kumpens mill-awtoritajiet responsabbli għandu jkun faċilitat. Għalhekk, u minħabba l-fatt li kreditu tal-konsumatur, minħabba t-tul ta’ żmien u l-volum tiegħu, mhux iffinanzjat minn mekkaniżmi ta’ finanzjament għall-perijodu fit-tul, il-livell massimu għall-kumpens għandu jkun stipulat permezz ta’ ammont b’rata fiss. Dan l-approċċ jirrifletti l-ispeċifità ta’ krediti għall-konsumaturi u m’għandux jippreġudika l-approċċ possibbli differenti applikat fil-każ ta’ prodotti oħrajn, li huma finanzjati minn mekkaniżmi ta’ finanzjament għall-perijodu fit-tul, bħal self b’ipoteka b’rata fissa.

(40) L-Istati Membri għandu jkollhom id-dritt li jipprevedu li l-kumpens għar-radd lura antiċipat jista’ jintalab mill-kreditur biss bil-kondizzjoni li l-ammont li jkun intradd lura fi żmien 12-il xahar jaqbeż limitu definit mill-Istati Membri. Meta jkun iffissat il-limitu, li m’għandux ikun ogħla minn EUR 10 000, l-Istati Membri għandhom per eżempju jikkunsidraw l-ammont medju ta’ krediti tal-konsumatur fis-suq tagħhom.”

7.        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/48 huwa intitolat “Suġġett”. Huwa jipprovdi:

“L-għan ta’ din id-Direttiva hu li jiġu armonizzati ċerti aspetti tal-liġijiet, ir-regolamenti u l-proċeduri amministrattivi ta’ l-Istati Membri fir-rigward ta’ ftehim li jkopru kreditu għall-konsumaturi.”

8.        Skont l-Artikolu 2(1), id-Direttiva 2008/48 għandha tapplika għall-kuntratti ta’ kreditu.

9.        L-Artikolu 3tad-Direttiva 2008/48 huwa intitolat “Definizzjonijiet”. Huwa fformulat kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

[…]

(ċ)

‘ftehim ta’ kreditu’ tfisser ftehim li bih kreditur jagħti jew iwiegħed li jagħti lil konsumatur kreditu fil-forma ta’ ħlas differit, self jew akkomodazzjoni finanzjarja simili oħra; ħlief għal ftehim għall-forniment fuq bażi kontinwa ta’ servizzi jew il-forniment ta’ merkanzija ta’ l-istess xorta, fejn il-konsumatur iħallas għal tali servizzi jew merkanzija għat-tul ta’ żmien tal-provvista tagħhom permezz ta’ pagamenti bin-nifs;

[…]

(g)      ‘l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur’ tfisser l-ispejjeż kollha, inklużi interessi, kummissjonijiet, taxxi, u kwalunkwe tip ta’ onorarji oħrajn li l-konsumatur għandu jħallas b’konnessjoni mal-ftehim ta’ kreditu u li huma magħrufin mal-kreditur ħlief spejjeż notarili; l-ispejjeż relatati ma’ servizzi anċillari fir-rigward tal-ftehim ta’ kreditu, b’mod partikolari ħlasijiet obbligatorji ta’ assigurazzjoni, huma inklużi wkoll jekk, barra minn hekk, il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ servizz huwa obbligatorju biex jinkiseb il-kreditu jew biex jinkiseb il-kreditu skond it-termini u l-kondizzjonijiet kummerċjalizzati;

[…]”

10.      L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2008/48 huwa intitolat “Informazzjoni li għandha tiġi inkluża fi ftehim ta’ kreditu”. Il-paragrafu 2 tiegħu jipprovdi:

“Il-ftehim ta’ kreditu għandu jispeċifika b’mod ċar u konċiż:

[…]

(r) id-dritt ta’ radd lura antiċipat, u l-proċedura għal radd lura antiċipat kif ukoll, fejn applikabbli, l-informazzjoni dwar id-dritt tal-kreditur għal kumpens u l-mod li permezz tiegħu dan il-kumpens ser jiġi determinat;

[…]”

11.      L-Artikolu 16 tad-Direttiva 2008/48 huwa intitolat “Radd lura antiċipat” u huwa fformulat kif ġej:

“1. Il-konsumatur għandu jkun intitolat li jifdi interament jew parzjalment l-obbligi tiegħu taħt ftehim ta’ kreditu fi kwalunkwe ħin. F’tali każijiet, huwa għandu jkun intitolat għal tnaqqis fl-ispiża totali tal-kreditu, tali tnaqqis ikun jikkonsisti mill-interessi u l-ispejjeż ta’ matul it-terminu li jkun baqa’ tal-kuntratt.

2. Fil-każ ta’ radd lura antiċipat ta’ kreditu, il-kreditur għandu jkun intitolat għal kumpens ġust u ġustifikat b’mod oġġettiv għal spejjeż possibbli direttament marbuta ma’ radd lura antiċipat ta’ kreditu u dan sakemm tali radd lura antiċipat jaqa’ f’perijodu li għalih ir-rata tas-self hija fissa.

Tali kumpens ma jistax jaqbeż il-1 % ta’ l-ammont ta’ kreditu li jkun intradd lura antiċipatament, jekk il-perijodu ta’ żmien bejn ir-radd lura antiċipat u t-tmiem miftiehem tal-ftehim ta’ kreditu jaqbeż is-sena. Jekk il-perijodu ma jaqbiżx is-sena, il-kumpens ma jistax jaqbeż 0,5 % ta’ l-ammont ta’ kreditu li jkun intradd lura antiċipatament.

3. Kumpens għar-radd lura antiċipat ma jistax jintalab:

(a)      jekk ir-radd lura sar taħt kuntratt ta’ assigurazzjoni maħsub biex jipprovdi garanzija ta’ radd lura ta’ kreditu;

(b)      fil-każ ta’ faċilitajiet ta’ overdraft; jew

(ċ)      jekk ir-radd lura jaqa’ f’perijodu li għalih ir-rata tas-self mhix fissa.

4. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li:

(a)      dan il-kumpens jista’ jintalab mill-kreditur biss bil-kondizzjoni li l-ammont tar-radd lura antiċipat jaqbeż il-limitu definit mil-liġi nazzjonali. Dak il-limitu m’għandux jaqbeż l-EUR 10 000 matul kwalunkwe perijodu ta’ 12-il xahar;

(b)      il-kreditur jista’ eċċezzjonalment jitlob kumpens ogħla jekk jista’ jipprova li t-telf li ġarrab mir-radd lura antiċipat jeċċedi l-ammont determinat skond il-paragrafu 2.

Jekk il-kumpens mitlub mill-kreditur jeċċedi t-telf attwalment imġarrab, il-konsumatur jista’ jitlob tnaqqis korrispondenti.

F’dan il-każ, it-telf għandu jikkonsisti fid-differenza bejn ir-rata ta’ imgħax miftiehma inizzjalment u r-rata ta’ imgħax skond liema l-kreditur jista’ jislef l-ammont imħallas b’mod antiċipat fuq is-suq fil-ħin tar-radd lura antiċipat, u għandu jieħu kont ta’ l-impatt ta’ tali radd lura antiċipat fuq l-ispejjeż amministrattivi.

5. Kwalunkwe kumpens m’għandux jeċċedi l-ammont ta’ interess li l-konsumatur ikun ħallas matul il-perijodu bejn ir-radd lura antiċipat u d-data miftiehma ta’ l-għeluq tal-ftehim ta’ kreditu.”

12.      L-Artikolu 22 tad-Direttiva 2008/48 huwa intitolat “Armonizzazzjoni u n-natura imperattiva tad-Direttiva”. Huwa jipprovdi:

“Safejn din id-Direttiva fiha dispożizzjonijiet armonizzati, l-Istati Membri ma jistgħux iżommu jew jintroduċu fil-liġi nazzjonali tagħhom dispożizzjonijiet li jiddevjaw minn dawk stabbiliti f’din id-Direttiva.”

B.      Id-dritt nazzjonali

13.      L-ustawa z dnia 12 maja 2011 roku o kredycie konsumenckim (il-Liġi tat-12 ta’ Mejju 2011 dwar il-kreditu lill-konsumatur, Dz.U. 2016, intestatura 1528, kif emendata) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Kreditu lill-Konsumatur”) tittrasponi d-Direttiva 2008/48 fid-dritt Pollak.

14.      Skont l-Artikolu 49(1) ta’ din il-liġi, fil-każ ta’ ħlas lura tal-ammont totali tal-kreditu qabel id-data indikata fil-kuntratt, l-ispiża totali tal-kreditu għandha titnaqqas bl-ispejjeż relatati mal-perijodu li bih tqassar it-tul tal-kuntratt, minkejja li l-konsumatur ikun sostna dawn l-ispejjeż qabel il-ħlas lura.

II.    Il-fatti

15.      It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda tliet kawżi magħquda mill-qorti tar-rinviju sabiex dawn jiġu eżaminati u tingħata deċiżjoni fir-rigward tagħhom kollettivament. Dawn il-kawżi essenzjalment isegwu l-istess tifsila, li hija deskritta iktar ’l isfel.

16.      Il-konvenuti, li huma istituzzjonijiet ta’ kreditu, ikkonkludew mal-konsumaturi kuntratti ta’ kreditu lill-konsumatur għal perijodi ddeterminati, u eżiġew il-ħlas ta’ kummissjoni għall-għoti tal-kreditu inkwistjoni. Fit-tliet każijiet kollha l-ammont tal-kummissjoni ma kienx jiddependi fuq it-tul tal-kuntratti ta’ kreditu. Il-konsumaturi kollha ħallsu lura l-ammont sħiħ tal-kreditu mogħti qabel id-data indikata fil-kuntratti.

17.      Sussegwentement, ġew konklużi kuntratti bejn dawn il-konsumaturi u r-rikorrenti li permezz tagħhom ittrasferixxew il-pretensjonijiet għal kreditu tagħhom relatati mal-ħlas lura kmieni tal-kreditu sħiħ tagħhom, inkluż ir-rimbors tal-kummissjoni preċedentement imħallsa. Ir-rikorrenti nnotifikat lill-konvenuti dwar it-trasferiment tal-pretensjonijiet għal kreditu inkwistjoni, u fl-istess ħin talbithom li jħallsu volontarjament l-ammont ikkontestat, li jikkonsisti minn parti tal-kummissjoni proporzjonata għall-perijodu tal-ħlas lura, flimkien mal-interessi legali għall-ħlas tardiv.

18.      Peress li l-konvenuti ma kkonformawx ma’ dawn it-talbiet, ir-rikorrenti ressqet proċeduri quddiem il-qorti tar-rinviju u talbet li jingħata digriet li jeżiġi lill-konvenuti jħallsu l-ammonti kkontestati flimkien mal-interessi legali għall-ħlas tardiv.

III. It-talba għal deċiżjoni preliminari

19.      Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk id-dritt tal-konsumatur għal tnaqqis fl-ispiża totali tal-kreditu, stabbilit permezz tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/48 għandux jiġi interpretat fis-sens li jinkludi spejjeż li ma jiddependux fuq it-tul tal-kuntratt ta’ kreditu. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-qrati Pollakki adottaw interpretazzjonijiet diverġenti. B’mod partikolari, hija ċċitat żewġ sentenzi minn żewġ qrati Pollakki differenti li ddeċidew li l-Att dwar il-Kreditu lill-Konsumatur jikkonferixxi biss id-dritt għal rimbors ta’ parti mill-ispejjeż skont it-tul tal-kuntratt. Madankollu, f’sentenza oħra, qorti oħra ddeċidiet, abbażi tal-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali fid-dawl tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2008/48, li d-dritt tal-konsumatur għal tnaqqis fl-ispejjeż jinkludi spejjeż li ma jiddependux fuq it-tul tal-kuntratt ta’ kreditu.

20.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Rejonowy Lublin-Wschód w Lublinie z siedzibą w Świdniku (il-Qorti Distrettwali ta’ Lublin-Wschód f’Lublin li għandha s-sede tagħha fi Świdnik, il-Polonja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 16(1), moqri flimkien mal-punt g tal-Artikolu 3 tad-[Direttiva 2008/48], għandu jiġi interpretat fis-sens li konsumatur li jkun ħallas minn qabel l-ammont dovut minnu taħt kuntratt ta’ kreditu, għandu dritt għal tnaqqis mill-ispiża totali tal-kreditu, inklużi l-ispejjeż li l-ammont tagħhom ma jiddependix fuq it-tul ta’ dan il-kuntratt ta’ kreditu?”

IV.    Evalwazzjoni

A.      Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari

21.      Min-naħa tal-konvenuti, Santander Consumer Bank essenzjalment issostni li d-domanda magħmula hija inammissibbli. Fil-fatt, hija ssostni li l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/48 ma huwiex applikabbli peress li t-tilwima fil-kawża prinċipali inqalgħet bejn żewġ persuni li jaġixxu għal skopijiet marbuta man-negozji tagħhom.

22.      F’dawn ir-rigward, għandu jitfakkar li l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-qrati u t-tribunali nazzjonali, li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għalihom sabiex jiddeċiedu l-kawża mressqa quddiemhom (2). Hija biss il-qorti nazzjonali, li tkun adita bit-tilwima u li jkollha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti li għandha tiddetermina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja (3).

23.      Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija fil-prinċipju marbuta li tagħti deċiżjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta biss li tagħti deċiżjoni dwar domanda magħmula minn qorti nazzjonali meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda konnessjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (4). Madankollu, il-fatt li waħda mill-partijiet fil-kawża prinċipali tikkontesta r-rilevanza tad-domanda preliminari għar-riżoluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali ma jistax, fih innifsu, jiġġustifika l-konklużjoni li dawn id-domandi għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli.

24.      F’dan il-każ, għandu jiġi nnotat li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/48 jiddependi fuq l-identità tal-partijiet mhux tat-tilwima, iżda tal-kuntratt ta’ kreditu. Fil-fatt, skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2008/48, din id-direttiva tapplika għal “ftehim ta’ kreditu”, terminu li huwa huwa ddefinit mill-Artikolu 3(ċ) ta’ din id-direttiva bħala li jfisser “ftehim li bih kreditur jagħti jew iwiegħed li jagħti lil konsumatur kreditu fil-forma ta’ ħlas differit, self jew akkomodazzjoni finanzjarja simili oħra; ħlief għal ftehim għall-forniment fuq bażi kontinwa ta’ servizzi jew il-forniment ta’ merkanzija ta’ l-istess xorta, fejn il-konsumatur iħallas għal tali servizzi jew merkanzija għat-tul ta’ żmien tal-provvista tagħhom permezz ta’ pagamenti bin-nifs”. F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li l-krediti inkwistjoni ngħataw lill-konsumaturi.

25.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex daqshekk ovvju mill-preżentazzjoni tal-kawża mwettqa mill-qorti tar-rinviju li l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/48 ma huwiex applikabbli fis-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Għalhekk, inqis li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tiddeċiedi li d-domanda magħmula hija inammissibbli.

B.      Fuq il-mertu

26.      Fir-rigward tad-domanda magħmula, essenzjalment, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/48 għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta konsumatur ikun għamel ħlas lura kmieni, it-tnaqqis fl-ispejjeż tal-kreditu li huwa intitolat għalih dan il-konsumatur jista’ jikkonċerna l-ispejjeż li l-ammont tagħhom ma jiddependix fuq it-tul tal-kuntratt ta’ kreditu.

1.      Kontenut tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/48

27.      Skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/48, il-“konsumatur għandu jkun intitolat li jifdi interament jew parzjalment l-obbligi tiegħu taħt ftehim ta’ kreditu fi kwalunkwe ħin. F’tali każijiet, huwa għandu jkun intitolat għal tnaqqis fl-ispiża totali tal-kreditu, tali tnaqqis ikun jikkonsisti mill-interessi u l-ispejjeż ta’ matul it-terminu li jkun baqa’ tal-kuntratt.”

28.      Għalhekk, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/48 isegwi li, fil-każ ta’ ħlas lura kmieni, l-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-konsumaturi jkollhom dritt għal tnaqqis li, fl-ewwel lok, għandu jitwettaq fuq l-ispiża totali tal-kreditu u, fit-tieni lok, li jkopri l-interessi u l-ispejjeż għaż-żmien li jifdal tal-kuntratt.

29.      Fir-rigward tal-ewwel parti ta’ din id-dispożizzjoni, hija tispeċifika t-tip ta’ spejjeż li, fid-dawl tan-natura tagħhom, jistgħu jitnaqqsu. Fil-fatt, peress li l-Artikolu 16(1) jipprovdi li t-tnaqqis għandu jsir fuq l-ispiża totali tal-kreditu, huma biss l-ispejjeż li jagħmlu parti mill-ispiża totali tal-kreditu li jistgħu jitnaqqsu.

30.      L-ispiża totali ta’ kreditu hija ddefinita fl-Artikolu 3(g) tad-Direttiva 2008/48 bħala “l-ispejjeż kollha [….] li l-konsumatur għandu jħallas b’konnessjoni mal-ftehim ta’ kreditu u li huma magħrufin mal-kreditur ħlief spejjeż notarili; l-ispejjeż relatati ma’ servizzi anċillari fir-rigward tal-ftehim ta’ kreditu, b’mod partikolari ħlasijiet obbligatorji ta’ assigurazzjoni, huma inklużi wkoll jekk, barra minn hekk, il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ servizz huwa obbligatorju biex jinkiseb il-kreditu jew biex jinkiseb il-kreditu skond it-termini u l-kondizzjonijiet kummerċjalizzati”. Għalhekk, l-ispejjeż notarili huma esklużi mid-dritt għal tnaqqis f’każ ta’ ħlas lura kmieni skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/48.

31.      F’dak li jirrigwarda t-tieni parti tal-Artikolu 16(1), hija tipprovdi li t-tnaqqis applikabbli għandu jkopri l-“interessi u l-ispejjeż ta’ matul it-terminu li jkun baqa’ tal-kuntratt”. Minn dan isegwi li, l-ewwel nett, it-tnaqqis għandu jikkonċerna kemm l-interessi kif ukoll l-ispejjeż u, it-tieni nett, għandu jirrigwarda “it-terminu li jkun baqa’ tal-kuntratt”.

32.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, l-Artikolu 16(1) jistabbilixxi ċerti prinċipji fundamentali – jiġifieri, dawk li għadni kif iddeskrivejt – li għandhom jiġu osservati mill-Istati Membri. Nipproponi issa li neżamina sa fejn id-Direttiva 2008/48 tikkostitwixxi miżura ta’ armonizzazzjoni.

2.      Portata tal-armonizzazzjoni milħuq mid-Direttiva 2008/48

33.      Ċertament, l-ewwel sentenza tal-premessa 9 tindika li “[a]rmonizzazzjoni sħiħa hija meħtieġa”. Madankollu, il-grad ta’ armonizzazzjoni mfittex minn direttiva ma għandux jitfixkel mal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-armonizzazzjoni. Għalhekk, l-armonizzazzjoni sħiħa msemmija fil-premessa 9 ma tikkonċernax neċessarjament l-aspetti kollha tal-kreditu lill-konsumatur imsemmi fid-Direttiva 2008/48. Għandu jiġi nnotat ukoll li t-tielet sentenza ta’ din l-istess premessa espressament tindika li l-projbizzjoni imposta fuq l-Istati Membri milli jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet nazzjonali minbarra dawk li huma stabbiliti f’din id-direttiva “għandha tapplika biss fejn hemm dispożizzjonijiet armonizzati f’din id-direttiva. Fejn tali dispożizzjonijiet armonizzati ma jeżistux, l-Istati Membri għandhom jibqgħu ħielsa li jżommu jew jintroduċu leġiżlazzjoni nazzjonali”.

34.      Il-fatt li l-għan tad-Direttiva 2008/48 huwa li tinkiseb armonizzazzjoni sħiħa biss fir-rigward ta’ ċerti aspetti tal-kreditu lill-konsumatur huwa kkonfermat mill-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva. Skont din id-dispożizzjoni, l-għan tad-Direttiva 2008/48 huwa li “jiġu armonizzati ċerti aspetti tal-liġijiet, […] fir-rigward ta’ ftehim li jkopru kreditu għall-konsumaturi.” Barra minn hekk, l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2008/48 sempliċement jipprovdi li huwa biss “[s]afejn din id-Direttiva fiha dispożizzjonijiet armonizzati, [li] l-Istati Membri ma jistgħux iżommu jew jintroduċu fil-liġi nazzjonali tagħhom dispożizzjonijiet li jiddevjaw minn dawk stabbiliti f’din id-Direttiva.”

35.      Fl-aħħar nett, jista’ jiġi osservat ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà aċċettat, fil-kuntest ta’ direttiva intiża li tikseb armonizzazzjoni sħiħa, li l-aspetti kollha msemmija f’din id-direttiva ma ġewx armonizzati. Pereżempju, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill dwar il-VAT (5) li, meta l-Istat Membri jagħmlu użu mill-possibbiltajiet previsti fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 17(5) tas-Sitt Direttiva, huma jistgħu japplikaw metodu ta’ kalkolu differenti minn dak imsemmi f’din id-direttiva, sakemm, b’mod partikolari, il-metodu magħżul jiżgura determinazzjoni tal-proporzjon tat-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa li tkun iktar preċiża minn dik prevista fid-direttiva (6).

36.      Sa fejn jirrigwarda l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/48, jista’ jiġi nnotat li peress li din id-dispożizzjoni ma tistabbilixxix il-metodu ta’ kalkolu li għandu jiġi użat, nemmen li l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni hija li tagħti lill-Istati Membri ċerta diskrezzjoni f’din il-kwistjoni. Barra minn hekk, il-premessa 10 tipprovdi li, il-portata tal-armonizzazzjoni miġjuba mid-Direttiva 2008/48 hija ddeterminata mid-definizzjonijiet speċifiċi li jinsabu fl-Artikolu 3(g) tad-Direttiva. Għalhekk, huwa importanti li jiġi nnotat li l-kelma “tnaqqis” użata fl-Artikolu 16(1) ma hijiex iddefinita minn din id-direttiva.

37.      Kif diġà osservajt, dan ovvjament ma jfissirx li l-Istati Membri jistgħu jagħżlu kwalunkwe metodu li jixtiequ. L-Istati Membri għandhom josservaw il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 16(1) li jirrigwardaw l-obbligu li jiġu koperti kemm l-interessi kif ukoll l-ispejjeż. Madankollu, fir-rigward tad-determinazzjoni dwar liema parti tal-interessi u tal-ispejjeż tista’ titnaqqas, l-ebda wieħed minn dawn il-prinċipji ma jeżiġi, kif tistaqsi l-qorti tar-rinviju, li l-ammont tal-ispejjeż ikkonċernati jkun jiddependi fuq it-tul tal-kuntratt ta’ kreditu. Għalkemm l-Artikolu 16(1) tad-direttiva jispeċifika li tali parti tikkorrispondi għall-interessi u spejjeż “[dovuti] ta’ matul it-terminu li jkun baqa’ tal-kuntratt”, din id-dispożizzjoni tibqa’ relattivament vaga peress li tista’ tfisser li l-interessi u spejjeż ikkonċernati jkunu dawk li jirriżutaw wara d-data ta’ ħlas lura (7).

38.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, huwa ċar fl-opinjoni tiegħi li d-Direttiva 2008/48 ma tarmonizzax il-metodu ta’ kalkolu li għandu jintuża għad-determinazzjoni tat-tnaqqis applikabbli fil-każ ta’ ħlas lura kmieni tal-kreditu, iżda tistabbilixxi l-prinċipji li l-Istati Membri għandhom josservaw fid-determinazzjoni ta’ dan il-metodu.

3.      Analiżi tal-kompatibbiltà tal-interpretazzjonijiet differenti proposti mal-Artikolu 16(1)

39.      Fil-kawża prinċipali, il-formulazzjoni tal-Liġi tat-12 ta’ Mejju 2011 dwar il-kreditu lill-konsumatur tidher li hija relattivament miftuħa, li huwa kkonfermat mill-fatt li l-qrati Pollakki interpretawha b’modi differenti, kif imsemmi mill-qorti tar-rinviju.

40.      Għalhekk, peress li l-qorti tar-rinviju hija meħtieġa li tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali skont id-dritt tal-Unjoni, nipproponi li neżamina r-rekwiżit impost fuq l-Istati Membri mill-frażi “ta’ matul it-terminu li jkun baqa’ tal-kuntratt” stabbilita fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/48 li għalih tirreferi d-domanda (8).

41.      F’dan ir-rigward, jista’ jiġi nnotat li l-qorti tar-rinviju tipproponi żewġ interpretazzjonijiet differenti tal-frażi.

42.      L-ewwel interpretazzjoni tibbaża ruħha fuq l-idea li l-kliem “ta’ matul it-terminu li jkun baqa’ tal-kuntratt” għandhom l-għan li jillimitaw it-tnaqqis għall-ispejjeż relatati mat-tul tal-kreditu biss. Għalhekk, il-kelma “spejjeż” tirreferi għall-ispejjeż li l-istituzzjoni ta’ kreditu għandha ġġarrab fir-rigward tal-kreditu mogħti (9). Essenzjalment, għalhekk, l-Artikolu 16(1) jeżenta lill-konsumaturi milli jħallsu, fir-rigward tal-“ispejjeż”, l-ispejjeż relatati mal-perijodu rimanenti tal-kuntratt. Il-punt hawnhekk huwa li peress li l-istituzzjoni ta’ kreditu ma hijiex ser iġġarrab dawn l-ispejjeż, il-konsumatur għandu jkun intitolat għat-tnaqqis tagħhom mill-ispiża totali tal-kreditu (10).

43.      It- tieni interpretazzjoni tikkonsisti fil-kunsiderazzjoni li l-ispiża totali tal-kreditu għandha titnaqqas proporzjonalment għall-perijodu tal-kuntratt rimanenti. Essenzjalment, il-kliem “ta’ matul it-terminu li jkun baqa’ tal-kuntratt” jindikaw biss kif huwa kkalkolat it-tnaqqis, jiġifieri proporzjonalment għaż-żmien rimanenti tal-kuntratt.

44.      Barra minn hekk, għandhom jitqiesu żewġ interpretazzjonijiet oħra.

45.      It-tielet waħda, li hija dik proposta mill-konvenuti, tikkonsisti fil-kunsiderazzjoni li l-ispejjeż li jistgħu jitnaqqsu mill-ispiża totali tal-kreditu huma biss dawk formalment ippreżentati fil-kuntratt ta’ kreditu bħala dipendenti fuq it-tul tal-kuntratt ta’ kreditu stess. Għall-kuntrarju, peress li s-servizz ipprovdut, li huwa l-għoti tal-kreditu, jitwettaq kollu mill-mument li l-flus isiru disponibbli għall-konsumatur, il-marġni ta’ profitt tal-istituzzjoni ta’ kreditu għandu jibqa’ intatt.

46.      Skont ir-raba’ u l-aħħar interpretazzjoni, it-tnaqqis li l-konsumatur ikun intitolat għalih jikkorispondi għall-ħlasijiet ta’ darba jew għall-ħlasijiet rikorrenti li jkun għadhom ma humiex dovuti meta jkun sar il-ħlas kmieni.

47.      Sabiex jiġi ddeterminat liema minn dawn l-interpretazzjonijiet hija kompatibbli mal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/48, huwa neċessarju li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji li din id-dispożizzjoni stabbilixxiet, peress li dawn il-prinċipji jistgħu jiġu dedotti, skont il-metodi ta’ interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, mill-kuntest li fih hija msemmija din id-dispożizzjoni, mill-għanijiet tagħha u mill-formulazzjoni tagħha (11)

48.      F’dak li jirrigwarda l-kuntest, għandu jiġi osservat li diversi partijiet ipproponew l-adozzjoni ta’ interpretazzjoni sistematika tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/48 fid-dawl tal-Artikolu 16(2). Għalhekk, peress li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu huma intitolati taħt l-Artikolu 16(2) għal kumpens “ġust u ġustifikat b’mod oġġettiv” għall-“[i]spejjeż possibbli direttament marbuta ma’ radd lura antiċipat ta’ kreditu u dan sakemm tali radd lura antiċipat jaqa’ f’perijodu li għalih ir-rata tas-self hija fissa”, il-portata tat-tnaqqis stabbilita fl-Artikolu 16(1) għandha tiġi interpretata b’mod wiesa’ u b’mod li tiffavorixxi l-konsumatur.

49.      Madankollu, min-naħa tiegħi, ma hinix konvint minn dan l-approċċ. Fil-fatt, kuntrarjament għall-argument imressaq mill-Gvern Pollak, ma nemminx li sabiex jingħata effett sħiħ (“effett utli”) lill-Artikolu 16(2), l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li neċessarjament jinvolvi tnaqqis fil-profitt tal-istituzzjoni ta’ kreditu. Fil-fatt, kuntrarjament għal dik li tidher li hija l-interpretazzjoni mifruxa, l-Artikolu 16(2) ma huwiex intiż li jikkumpensa l-profitt li l-persuna li tislef setgħet tagħmel li kieku ma seħħx il-ħlas lura kmieni tal-kreditu. Ċertament, anki jekk l-istituzzjoni ta’ kreditu tislef mill-ġdid l-ammonti mħallsa lura, il-marġni ta’ profitt tagħha ma jkunx neċessarjament l-istess bħal dak li kien ikun li kieku l-kuntratt inizjali ta’ kreditu baqa’ fis-seħħ (12). Madankollu, dan ma għandux jaħbi l-fatt li l-kliem tal-Artikolu 16(2) jirreferi għall-“[i]spejjeż” u mhux għat-“telf”, imġarrba mill-istituzzjoni li, barra minn hekk, għandhom ikunu “direttament marbuta ma’ radd lura antiċipat ta’ kreditu”. Għalhekk, minn dan isegwi li l-kumpens li jista’ jintalab abbażi ta’ din id-dispożizzjoni huwa intiż biss sabiex jikkumpensa l-ispejjeż sostnuti bħala konsegwenza tal-ħlas lura kmieni tal-kreditu meta jkollhom jitwettqu operazzjonijiet speċifiċi mill-istituzzjoni ta’ kreditu għal dan l-iskop (13).

50.      Il-possibbiltà li jintalab kumpens għat-telf ta’ profitt bħala riżultat tal-ħlas lura kmieni tal-kuntratt ta’ kreditu hija fil-fatt prevista mid-Direttiva 2008/48: madankollu, din hija prevista fl-Artikolu 16(4)(b) u mhux fl-Artikolu 16(2). Madankollu, peress li l-Artikolu 16(4)(b) huwa fakultattiv, l-Istati Membri kellhom jipprovdu għal tali possibbiltà fil-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-direttiva. Barra minn hekk, l-Artikolu 16(4)(4) jipprovdi li tali kumpens jista’ jintalab b’mod eċċezzjonali biss jekk l-istituzzjoni ta’ kreditu tista’ turi li t-telf li hija ġarrbet jeċċedi l-limitu previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(2). Konsegwentement, ir-riskju li istituzzjoni ta’ kreditu tista’ tirċievi kumpens minkejja li l-profitt tagħha ma ġiex imnaqqas b’mod sinjifikattiv huwa relattivament limitat.

51.      F’dak li jirrigwarda l-għanijiet imfittxija mill-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/48, ma huwiex ikkontestat li l-premessa 79 tipprovdi li l-għan tad-direttiva huwa li jiġi ffaċilitat “l-iżvilupp ta’ suq intern ta’ kreditu lill-konsumaturi li jiffunzjona tajjeb”. Madankollu, għall-kuntrarju tal-argument imressaq mill-konvenuti, ma jistax jiġi dedott minnha li l-għan tal-Artikolu 16(1) huwa l-protezzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu milll-konsegwenzi ta’ ħlas kmieni. Fil-fatt, din il-premessa espressament issemmi li l-iżvilupp ta’ suq intern li jiffunzjona tajjeb għandu jintlaħaq bil-previżjoni ta’ qafas armonizzat tal-Unjoni f’diversi oqsma ewlenin u mhux bil-protezzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu mill-konsegwenzi tal-ħlas lura kmieni.

52.      Għall-kuntrarju, ma jistax jiġi injorat il-fatt li l-premessa 39, li hija dik li tindirizza b’mod speċifiku l-għanijiet tal-Artikolu 16(1), ma tagħmel l-ebda riferiment għal dan it-tnaqqis iżda minflok tipprovdi biss li “[i]l-konsumatur għandu jkollu d-dritt li jifdi l-obbligi tiegħu qabel id-data miftehma fil-ftehim ta’ kreditu”. Dan jissuġġerixxi fil-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni qies li dan it-tnaqqis huwa pperċepit bħala s-sempliċi konsegwenza tal-ħlas lura kmieni u, għalhekk, xi ħaġa li tista’ tiġi faċilment ikkalkolata. Barra minn hekk, l-idea li l-konsegwenzi tal-ħlas lura kmieni għandhom ikunu faċilment evalwati hija wkoll indikata fl-istess premessa, meta il-kliem jirreferi, din id-darba, għall-kumpens li hija intitolata għalih istituzzjoni ta’ kreditu. Fil-fatt, skont il-premessa 39, f’tali sitwazzjoni: “[…] il-metodu tal kalkolu għandu jkun faċli biex jiġi applikat mill-kredituri […]”.

53.      Minn din il-perspettiva, għalkemm l-ewwel interpretazzjoni, li abbażi tagħha t-tnaqqis għandu jikkorrispondi għall-ispejjeż li l-istituzzjoni ta’ kreditu mhux ser ikollha ġġarrab minħabba l-ħlas lura kmieni, tidher relattivament sempliċi, u għalhekk pjuttost attraenti, huwa probabbli li l-implimentazzjoni tagħha tqajjem diffikultajiet sinjifikattivi prattiċi. Fil-fatt, kif osservat il-qorti tar-rinviju fit-talba tagħha, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu rarament jispeċifikaw liema mill-ispejjeż sostnuti minnhom huma koperti mill-ispejjeż iffatturati lill-konsumaturi u, anki meta jagħmlu hekk, il-konsumatur xorta waħda jkollu d-dritt li jikkontesta l-eżattezza ta’ dawn l-ispeċifikazzjonijiet.

54.      Lanqas l-ammont tat-tariffi ffatturati ma huwa ta’ għajnuna. Fil-fatt, anki meta l-ispejjeż iffatturati jkunu ġew ikkalkolati b’riferiment għat-tul tal-kreditu, għandu jiġi nnotat li dawn jistgħu jservu sabiex jikkumpensaw parzjalment l-ispejjeż rikorrenti u parzjalment l-ispejjeż ta’ darba, inklużi spejjeż li jkunu rriżultaw qabel il-ħlas lura kmieni. L-istess japplika meta tali tariffi jkunu ġew ikkalkolati fir-rigward tal-ammont ta’ kreditu mogħti, peress li l-ispejjeż varjabbli kollha ma humiex neċessarjament spejjeż rikorrenti. Fl-aħħar nett, kwalunkwe spejjeż jew tariffi li l-konsumaturi jintalbu jħallsu jistgħu jinkludu parti mill-profitt, peress li ma hemm l-ebda regola li tobbliga lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jilħqu l-marġni ta’ profitt tagħhom biss permezz ta’ interessi ffatturati lill-konsumaturi.

55.      Għalhekk, fil-prattika, l-uniku mod sabiex wieħed ikollu idea ċara tal-ammont li l-istituzzjoni ta’ kreditu ser jiffranka huwa li hija tkun meħtieġa li twettaq kontabbiltà tal-ispejjeż, li l-għan speċifiku tagħha huwa l-identifikazzjoni u l-evalwazzjoni tal-elementi li jikkostitwixxu d-dħul operazzjonali nett tagħha. Fil-fatt, fil-każ tal-istituzzjoni ta’ kreditu, dawn l-elementi jinkludu l-ispejjeż li jirriżultaw mit-tul tal-krediti mogħtija. Madankollu, il-kontabbiltà tal-ispejjeż la ġiet imposta b’mod obbligatorju fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu mid-Direttiva 2008/48 u lanqas, milli jidher, minn kwalunkwe att ieħor tal-Unjoni (14). Għalhekk, li kieku kellu jiġi adottat l-ewwel approċċ mill-Qorti tal-Ġustizzja, ikun ifisser li l-kontabbiltà tal-ispejjeż fil-prattika issir obbligatorja, minkejja li tali obbligu ma huwiex previst xi mkien ieħor. Barra minn hekk, fil-każ ta’ tilwima dwar l-ammont tat-tnaqqis li huwa intitolat għalih il-konsumatur meta jagħmel ħlas lura kmieni, il-qrati nazzjonali jkollhom jirrikorru għall-esperti ta’ kontabbiltà, anki jekk l-ispejjeż involuti jkunu, min-natura tagħhom, relattivament żgħar.

56.      Indipendentement mill-merti teoretiċi ta’ din l-interpretazzjoni possibbli, fid-dawl tad-diffikultajiet prattiċi involuti li, kif diġà semmejt, jistħgu jkunu kunsiderevoli, jien nikkunsidra li din l-interpretazzjoni hija inkompatibbli mal-idea impiċita tal-premessa 39 tad-Direttiva 2008/48 li l-evalwazzjoni tal-konsegwenzi ta’ ħlas kmieni għandha tkun sempliċi.

57.      Iktar determinanti hija l-formulazzjoni tal-Artikolu 16(1). Fil-fatt, f’dan ir-rigward, kemm l-ewwel kif ukoll it-tielet interpretazzjoni huma inkonsistenti mar-riferiment magħmul f’dan l-artikolu għall-kelma “interessi”. Ser nibda bit-tielet interpretazzjoni.

58.      Skont din l-interpretazzjoni, huma biss l-ispejjeż, sakemm dawn ikunu ġew formalment iddikjarati li jiddependu fuq it-tul tal-kuntratt, li jistgħu jitnaqqsu. Madankollu, jista’ jiġi nnotat li peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni qies li huwa meħtieġ li jsir riferiment kemm għall-interessi kif ukoll għall-ispejjeż, it-tnaqqis imsemmi fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/48 għandu għalhekk jiġi interpratat fis-sens li jirrigwarda ż-żewġ elementi u mhux biss l-ispejjeż, kif ikkunsidrat fit-tielet interpretazzjoni.

59.      Barra minn hekk, anki jekk it-tielet interpretazzjoni kellha tiġi applikata wkoll fil-każ tal-interessi, fil-prattika din ma tistax taħdem bl-użu biss tat-tieni jew tar-raba’ interpretazzjoni (15). Għalhekk, iż-żamma tat-tielet interpretazzjoni tippreżupponi l-applikazzjoni ta’ żewġ metodi ta’ kalkolu distinti, rispettivament wieħed għall-interessi u ieħor għall-ispejjeż. Madankollu, dan ikun inkonsistenti mal-formulazzjoni stess tal-Artikolu 16(1).

60.      Fir-rigward tal-ewwel interpretazzjoni, ninnota li l-kelma “interessi” tagħmel riferiment għal element tar-remunerazzjoni tal-istituzzjoni ta’ kreditu li huwa preċiż u ddeterminat faċilment, peress li huwa kkalkolat bl-applikazzjoni ta’ perċentwali annwali. Bħal kwalunkwe element ieħor tar-remunerazzjoni tagħha, il-ħlas tal-interessi naturalment jikkontribwixxi għall-profitabbiltà tal-istituzzjoni ta’ kreditu, iżda jintuża wkoll sabiex jittrasferixxi fuq il-konsumaturi l-ispejjeż sostnuti mill-banek fir-rigward tal-krediti. Konsegwentement, l-interpretazzjoni tal-kelma “spejjeż” imsemmija fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/48 fis-sens li tirreferi għall-ispejjeż sostnuti mill-istituzzjoni ta’ kreditu kif issuġġerit mill-ewwel u mit-tielet interpretazzjoni, tista’ tirriżulta fi tnaqqis doppju tal-istess element, peress li huma kkonċernati l-interessi wkoll. Madankollu, min-naħa tiegħi, ma nqisx li din kienet l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni.

61.      Peress li l-kelma “interessi” hija konnessa mal-kelma “spejjeż” permezz tal-konjugazzjoni “u”, jidhirli li huwa iktar loġiku li t-tnejn huma relatati mal-ħlasijiet li jeħtieġ li jsiru mill-konsumatur. Għalhekk, il-kelma “spejjeż” fl-Artikolu 16(1) ma tirreferix, kif jiġi preżunt mill-ewwel interpretazzjoni, għall-ispejjeż sostnuti mill-istituzzjoni ta’ kreditu, iżda pjuttost għall-ħlasijiet mitluba mill-konsumaturi flimkien mal-interessi.

62.      Fi kliem ieħor, il-kliem “[dovut] ta’ matul it-terminu li jkun baqa’ tal-kuntratt” għandhom jinftiehmu fis-sens li t-tnaqqis previst fl-Artikolu 16(1) ma jiddependix fuq l-iskop tal-ispejjeż iffatturati lill-konsumaturi, kif issuġġerit mill-ewwel jew it-tielet interpretazzjoni, iżda pjuttost fuq id-data li fiha jintalab il-ħlas tal-ispejjeż mill-konsumaturi.

63.      Fil-fehma tiegħi, it-tieni jew ir-raba’ interpretazzjonijiet biss huma konsistenti ma’ din il-konstatazzjoni. Naċċetta li ż-żewġ interpretazzjonijiet għandhom l-iżvantaġġi tagħhom, madankollu, kif diġà kelli okkażjoni nosserva, ma hemm l-ebda interpretazzjoni tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/48 disponibbli li hija kompletament sodisfaċjenti.

64.      B’mod partikolari, nirrikonoxxi li ż-żewġ interpretazzjonijiet jistgħu jirriżultaw fi żbilanċ fir-relazzjoni bejn il-kreditur u d-debitur. Fil-fatt, fil-każ tat-tieni interpretazzjoni, jekk il-ħlas lura jsir kmieni ħafna, l-ispejjeż fissi sostnuti mill-istituzzjoni ta’ kreditu jistgħu ma jkunux ġew amortizzati b’mod sħiħ mit-tariffi u l-interessi mħallsa mill-konsumatur u, konsegwentement, l-istituzzjoni ta’ kreditu tista’ ġġarrab telf. Sa fejn hija kkonċernata r-raba’ interpretazzjoni, din tħalli l-bieb miftuħ għall-possibbiltà li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, billi jgħaddu fuq il-konsumatur l-ispejjeż rikorrenti fil-bidu tal-kuntratt, jevitaw il-konsegwenzi tat-tnaqqis ta’ spejjeż f’każ ta’ ħlas lura kmieni. Madankollu, iż-żewġ interpretazzjonijiet għandhom il-vantaġġ distint li l-konsumatur ser jikseb tnaqqis kemm fir-rigward tal-interessi kif ukoll fir-rigward tal-ispejjeż bħala riżultat tal-ħlas lura kmieni b’mod li huwa (relattivament) proporzjonat sa fejn il-kuntratt ta’ kreditu jkun tħallas lura kmieni.

65.      Barra minn hekk, ma hinix konvint li l-leġiżlatur tal-Unjoni neċessarjament ried jikseb bilanċ perfett bejn l-interessi tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u dawk tal-konsumaturi, Fil-fatt, jirriżulta wkoll mill-Artikolu 16(5) tad-Direttiva 2008/48 li, sa ċertu punt, il-leġiżlatur ma riedx jeskludi l-possibbiltà li l-konsumatur ikollu jħallas l-istess ammont li kien ikollu jħallas fl-assenza ta’ ħlas lura kmieni (16).

66.      Minkejja li l-formulazzjoni tal-Artikolu 16(1) setgħet, b’vantaġġ, tiġi espressa b’mod iktar ċar fuq dan il-punt speċifiku, mhux biss it-tieni u r-raba’ interpretazzjoni huma kompatibbli mal-prinċipji stabbiliti fid-Direttiva 2008/48, iżda huwa probabbli wkoll li jirriflettu l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni.

67.      Għalhekk, fil-fehma tiegħi, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu, inter alia, li jittrasponu din id-dispożizzjoni jew, għall-inqas, fejn xieraq, li jinterpretaw id-dritt nazzjonali tagħhom fid-dawl ta’ waħda jew l-oħra minn dawn iż-żewġ interpretazzjonijiet.

V.      Konklużjoni

68.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposta li għandha tingħata mill-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda magħmula mis-Sąd Rejonowy Lublin-Wschód w Lublinie z siedzibą w Świdniku (il-Qorti Distrettwali ta’ Lublin-Wschód f’Lublin li għandha s-sede tagħha fi Świdnik, il-Polonja) hija s-segwenti:

L-Artikolu 16(1), moqri flimkien mal-Artikolu 3(g) tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta konsumatur ikun għamel ħlas kmieni, it-tnaqqis li huwa intitolat għalih dan il-konsumatur, jista’ jirrigwarda l-ispejjeż li l-ammont tagħhom ma jiddependix fuq it-tul tal-kuntratt ta’ kreditu. Madankollu, Stat Membru ma jistax jillimita – u qorti nazzjonali ma tistax tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha sabiex tillimita – dan it-tnaqqis sempliċiment għall-ammont tal-ispejjeż iffrankati mill-istituzzjoni ta’ kreditu bħala riżultat tal-ħlas lura kmieni.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Sentenza tal-5 ta’ Lulju 2016, Ognyanov (C-614/14, EU:C:2016:514, punt 16).


3      Sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010, Sbarigia (C-393/08, EU:C:2010:388, punti 19 sa 20).


4      Sentenza tal-20 ta’ Settembru 2018, OTP Bank u OTP Faktoring (C-51/17, EU:C:2018:750, punt 37).


5      Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU, Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9 Vol. 1 p. 23).


6      Fil-fatt, l-ebda dispożizzjoni ta’ din id-direttiva ma tipprovdi b’mod espliċitu li huwa possibbli għall-Istati Membri li jidderogaw minn dan il-metodu. Ara, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2012, BLC Baumarkt  (C-511/10, EU:C:2012:689, punt 24).


7      Il-verżjoni Franċiża u l-verżjoni Taljana tad-Direttiva 2008/48 jużaw l-aġġettiv “dovut” (l-“intérêts et frais dus pour la durée résiduelle”, “dovuti per la restante durata”). Madankollu, minbarra l-fatt li dan l-aġġettiv ma jinsabx f’verżjonijiet lingwistiċi oħra, ma jidhirlix li dan jikkontradixxi dak li jien diġà ddeskrivejt, minħabba li l-kelma tista’ tinftiehem fis-sens ta’ skadenza. Fi kwalunkwe każ, il-verżjoni Ingliża ma fihiex tali aġġettiv (“interest and the costs for the remaining duration”), filwaqt li l-verżjoni Spanjola u l-verżjoni Ġermaniża jużaw termini pjuttost ġeneriċi, rispettivament “correspondientes a la duración” u “für die verbleibende Laufzeit des Vertrags richtet”).


8      Ara, pereżempju, is-sentenza tas-27 ta’ Marzu 2019, Pawlak (C-545/17, EU:C:2019:260, punt 83).


9      Skont din l-interpretazzjoni, sostnuta mill-konvenuti fil-kawża prinċipali u mill-Gvern Spanjol, l-ispiża ta’ darba ma setgħatx titnaqqas fil-każ ta’ ħlas lura kmieni. Huma biss l-ispejjeż rikorrenti li jsiru wara l-ħlas lura li jkunu kkonċernati minn dan it-tnaqqis


10      Għalhekk, l-ispejjeż li għandhom jitnaqqsu mill-ispiża totali tal-kreditu huma żgħar: dawn essenzjalment jikkonsistu fl-ispejjeż relatati mal-preparazzjoni u t-trażmissjoni tal-informazzjoni perjodika lill-konsumatur skont id-dispożizzjonijiet tal-Unjoni u d-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli. Fil-fatt, il-biċċa l-kbira tal-ispejjeż iġġenerati minn self huma spejjeż ta’ darba, bħall-ispejjeż għall-kumpilazzjoni u l-ipproċessar tal-fajl tal-applikant jew it-tfittxija għall-informazzjoni dwar l-affidibbiltà finanzjarja tal-konsumatur. Fil-prattika, l-ispejjeż ikkonċernati huma dawk rikorrenti li jkunu saru wara d-data tal-ħlas lura kmieni, peress li l-ispejjeż ta’ darba huma ġeneralment indipendenti mit-tul tal-kuntratt.


11      Ara s-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2010, TNT Express Nederland (C‑533/08, EU:C:2010:243, punt 44).


12      Fil-każ li l-istituzzjoni ta’ kreditu tislef mill-ġdid is-somom imħallsa lura, il-kundizzjonijiet ta’ finanzjament mill-ġdid (jew billi jintuża s-suq interbankarju jew il-flus tad-depożitanti jekk l-istituzzjoni ta’ kreditu hija bank) setgħu nbidlu. Madankollu, f’din is-sitwazzjoni, bħala prinċipju, anki r-rata ta’ interessi applikabbli għall-kuntratti ta’ kreditu tkun differenti. Għalhekk, il-marġni ta’ profitt jinbidel l-ewwel u qabel kollox jekk il-kompetizzjoni fis-suq tkun evolviet mill-konklużjoni tal-kuntratt.


13      Ir-raġunijiet għalfejn it-telf ta’ profitt ma huwiex kopert mill-kumpens stabbilit fl-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2008/48 jistgħu jinsiltu mill-premessa 39, peress li din tal-aħħar tenfasizza li “kreditu tal-konsumatur, minħabba t-tul ta’ żmien u l-volum tiegħu, mhux iffinanzjat minn mekkaniżmi ta’ finanzjament għall-perijodu fit-tul”. Fil-fatt, f’din iċ-ċirkustanza, it-telf ta’ profitt, għalkemm possibbli, jibqa’ relattivament limitat sakemm is-suq ma jinqalibx kompletament.


14      Tali obbligu jeżisti biss f’ċirkustanzi speċifiċi ħafna. Ara, pereżempju, l-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli u li jemenda d-Direttivi 98/26/KE u 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 236/2012 (ĠU 2014, L 257, p. 1) u l-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2017/352 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar 2017 li jistabbilixxi qafas għall-forniment tas-servizzi portwarji u regoli komuni dwar it-trasparenza finanzjarja tal-portijiet (ĠU 2017, L 57, p. 1).


15      Barra minn hekk, dan jimplika l-kunsiderazzjoni, u għalhekk l-impożizzjoni, li parti mill-profitt jista’ jiġi attribwit għall-perijodu rimanenti. Madankollu, il-marġni ta’ profitt ma huwiex neċessarjament lineari.


16      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat, l-ewwel nett, li skont l-Artikolu 10(2)(r) tad-Direttiva 2008/48, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu għandhom jinformaw lill-konsumaturi dwar il-proċedura għal ħlas lura kmieni u dwar it-termini u l-kundizzjonijiiet għal tali ħlas lura kmieni. Għalhekk, dawn it-termini u kundizzjonijiet huma wkoll element li l-konsumaturi jistgħu jikkunsidraw qabel ma jiddeċiedu li jieħdu kreditu mingħand istituzzjoni ta’ kreditu partikolari minflok ma’ oħra.