Language of document :

Rikors ippreżentat fl-14 ta' Meju 2009 - Ir-Repubblika Ellenika vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

(Kawża T-184/09)

Lingwa tal-kawża: Il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Ellenika (rappreżentanti: V. Kontolaimos, E. Levtheriotou u B. Karra)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tilqa' r-rikors u tannulla d-deċiżjoni kkontestata jew, sussidjarjament, temenda d-deċiżjoni kkontestata fis-sens li tnaqqas il-korrezzjoni finanzjarja għal 5 % jew, sussidjarjament, tapplika l-korrezzjoni ta' 10 % biss fir-rigward tal-kwantità li tikkorrispondi għaz-zokkor importat minn E.V.Z;

tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors tagħha għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Marzu 2009, "li teskludi mill-finanzjament Komunitarju ċerti spejjeż magħmula mill-Istati Membri taħt il-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), Taqsima 'Garanzija'", innotifikata bin-Nru C(2009)1945 u ppubblikata bin-Nru 2099/253/KE (ĠU L 75, p. 15), u li tikkonċerna l-applikazzjoni ta' korrezzjonijiet finanzjarji għar-restituzzjonijiet fuq l-esportazzjoni u l-OKS fil-qasam taz-zokkor minħabba n-nuqqas ta' kontrolli, ir-Repubblika Ellenika tinvoka s-segwenti motivi ta' annullament:

L-ewwel motiv ta' annullament jirrigwarda l-annullament tal-proċedura għall-verifika tal-kontijiet minħabba ksur tar-regoli proċedurali sostantivi, previsti fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru°1663/95 1 u li jirigwardaw diskussjoni bilaterali dwar il-korrezzjonijiet li għandhom isiru fir-rigward ta' restituzzjonijiet fuq l-esportazzjoni ta' zokkor inkorporat fi prodotti li ma jinsabux fl-Anness I.

It-tieni motiv ta' annullament jirrigwarda l-evalwazzjoni żbaljata tal-fatti, il-motivazzjoni insuffiċjenti u l-qbiż tal-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni fir-rigward tal-evalwazzjoni tar-riskju għall-FAEGG.

It-tielet motiv ta' annullament jirrigwarda l-ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità.

____________

1 - Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1663/95, tas-7 ta' Lulju 1995, li jistabbilixxi regoli ddettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 729/70 li jirrigwarda l-proċedura għall-verifikar tal-kontijiet tat-Taqsima Garanziji tal-FAEGG (ĠU L 158, p. 6).