Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (l-Italja) fil-31 ta’ Marzu 2022 – Nexive Commerce Srl et vs Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni et

(Kawża C-226/22)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Consiglio di Stato

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Nexive Commerce Srl, Nexive Scarl, Nexive Services Srl, Nexive Network Srl, Nexive SpA, Brt SpA, A.I.C.A.I. Associazione Italiana Corrieri Aerei Internazionali, DHL Express (Italy) Srl, TNT Global Express Srl, Fedex Express Italy Srl, United Parcel Service Italia Srl, General Logistics Systems Enterprise Srl, General Logistics Systems Italy SpA, Federal Express Europe Inc. Filiale Italiana

Konvenuti: Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni, Presidenza del Consiglio dei Ministri, Ministero dell’Economia e delle Finanze, Ministero dello Sviluppo Economico

Domandi preliminari

Ir-raba’ inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2), l-Artikolu 9(3), u l-Artikolu 22 tad-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 1997 dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz 1 , kif emendata bid-Direttiva 2008/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Frar 2008 li temenda d-Direttiva 97/67/KE dwar it-tlestija kompleta tas-suq intern tas-servizzi postali Komunitarji 2 , għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu regola nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fl-ordinament Taljan (kif ifformulata fl-Artikoli 1(65) u (66) tal-Liġi tat-23 ta’ Diċembru 2005 Nru 266, u 65 tad-Digriet Liġi tat-23 ta’ April 2017, Nru 50 li saret liġi, bl-emendi, bil-Liġi tal-21 ta’ Ġunju 2017, Nru 96), li tippermetti li jintefa’ esklużivament fuq il-fornituri tas-settur postali, inklużi dawk li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-servizz universali, l-obbligu li jikkontribwixxu finanzjarjament għall-ispejjeż operattivi tal-awtorità regolatorja tas-settur postali, u b’dan il-mod tammetti l-possibbiltà li tiġi eskluża kull forma ta’ kofinanzjament pubbliku mill-fondi statali?

Ir-raba’ inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) u l-Artikolu 22 tad-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 1997 dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz, kif emendata bid-Direttiva 2008/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Frar 2008 li temenda d-Direttiva 97/67/KE dwar it-tlestija kompleta tas-suq intern tas-servizzi postali Komunitarji, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu li jiġu inklużi wkoll fost l-ispejjeż operattivi li jistgħu jiġu ffinanzjati mill-fornituri ta’ servizzi postali l-ispejjeż li jkollhom jiġu sostnuti għall-attivitajiet regolatorji li jkunu jirrigwardaw servizzi postali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-servizz universali, kif ukoll l-ispejjeż għal strutturi amministrattivi u ta’ natura politika (magħrufa bħala strutturi “trażversali”) li l-attivitajiet tagħha, anki jekk ma tkunx direttament intiża għar-regolamentazzjoni tas-swieq tas-servizzi postali, tirriżulta madankollu funzjonali għat-twettiq tal-kompetenzi istituzzjonali tal-awtorità bil-possibbiltà konsegwenti ta’ attribuzzjoni indiretta u parzjali tagħha (pro quota) fis-settur tas-servizzi postali?

Il-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni, ir-raba’ inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2), l-Artikolu 9(3), u l-Artikolu 22 tad-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 1997 dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz, kif emendata bid-Direttiva 2008/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Frar 2008 li temenda d-Direttiva 97/67/KE dwar it-tlestija kompleta tas-suq intern tas-servizzi postali Komunitarji, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu regola nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fl-ordinament Taljan (kif ifformulata fl-Artikoli 1(65) u (66) tal-Liġi tat-23 ta’ Diċembru 2005 Nru 266, u 65 tad-Digriet Liġi tat-23 ta’ April 2017, Nru 50 li saret liġi, bl-emendi, bil-Liġi tal-21 ta’ Ġunju 2017, Nru 96), li timponi li jintefa’ fuq il-fornituri tas-settur postali l-obbligu li jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-awtorità regolatorja tas-settur postali, mingħajr il-possibbiltà li ssir distinzjoni tal-pożizzjoni tal-fornituri ta’ servizzi ta’ posta espressa mill-pożizzjoni tal-fornituri tas-servizz universali u, għaldaqstant, mingħajr il-possibbiltà ta’ evalwazzjoni tal-intensità differenti tal-attività ta’ regolamentazzjoni mwettqa mill-awtorità regolatorja nazzjonali fir-rigward tat-tipi differenti ta’ servizzi postali?

____________

1     GU Edizzjoni speċjali, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 71.

1     GU 2008, L 52, p. 3.