Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Polonja) fis-17 ta’ Marzu 2021 – Harman International Industries vs AB SA

(Kawża C-175/21)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Sąd Okręgowy w Warszawie

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Harman International Industries

Konvenut: AB SA

Domanda preliminari

It-tieni sentenza tal-Artikolu 36 TFUE moqrija flimkien mal-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea 1 , kif ukoll mat-tieni sentenza tal-Artikolu 19(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu prassi tal-qrati nazzjonali tal-Istati Membri li skontha l-qrati:

-    meta jieħdu inkunsiderazzjoni l-pretensjonijiet tal-proprjetarju ta’ trade mark intiżi sabiex jiġu pprojbiti l-introduzzjoni, it-tqegħid fis-suq, l-offerta, l-importazzjoni, ir-reklamar tal-prodotti li għandhom trade mark tal-Unjoni, sabiex tiġi ordnata t-tneħħija mis-suq jew sabiex tiġi ordnata d-distruzzjoni ta’ tali prodotti,

-    meta jordnaw, fi proċeduri kawtelatorji, il-qbid tal-prodotti li għandhom trade mark tal-Unjoni;

fid-deċiżjonijiet tagħhom jagħmlu riferiment għal “oġġetti li ma tqegħdux fis-suq fit-territorju taż-Żona Ekonomika Ewropea mill-proprjetarju tat-trade mark jew bil-kunsens tiegħu”, u konsegwentement id-determinazzjoni ta’ liema oġġetti li għandhom it-trade mark tal-Unjoni huma kkonċernati mill-ordnijiet u l-projbizzjonijiet imposti (jiġifieri d-determinazzjoni ta’ liema oġġetti ma tqegħdux fis-suq fit-territorju taż-Żona Ekonomika Ewropea mill-proprjetarju tat-trade mark jew bil-kunsens tiegħu) titħalla, fid-dawl tal-formulazzjoni ġenerali tal-kontenut tad-deċiżjoni, f’idejn l-awtorità li teżegwixxi, u b’hekk din l-awtorità, li twettaq id-determinazzjoni msemmija, tibbaża ruħha fuq id-dikjarazzjonijiet tal-proprjetarju tat-trade mark jew fuq il-mezzi pprovduti mill-proprjetarju (fosthom mezzi informatiċi u databases) u l-ammissibbiltà tal-kontestazzjoni tad-determinazzjonijiet hawn fuq imsemmija tal-awtorità li teżegwixxi quddiem il-qorti fi proċeduri ta’ eżami hija eskluża jew limitata min-natura tar-rimedji legali disponibbli għall-konvenut fi proċedura kawtelatorja jew ta’ eżekuzzjoni?

____________

1 ĠU 2017, L 154, p. 1.