Language of document : ECLI:EU:T:2009:141

Kawża T‑122/04

Outokumpu Oyj u Luvata Oy

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq tat-tubi industrijali tar-ram — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE — Iffissar tal-prezzijiet u tqassim tas-swieq — Multi — Daqs tas-suq ikkonċernat — Ċirkustanzi aggravanti — Reċidiva”

Sommarju tas-sentenza

1.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kuntest ġuridiku — Linji gwida adottati mill-Kummissjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)

2.      Proċedura — Rikors promotur — Motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ dispożizzjoni li mhijiex espliċitament imsemmija fir-rikors

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 21; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 44)

3.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Ċirkustanzi aggravanti — Reċidiva

(Artikolu 65 KEFA; Artikolu 81 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 2)

4.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Ċirkustanzi aggravanti — Reċidiva

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 2)

5.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Daqs tas-suq tal-prodotti inkwistjoni — Teħid inkunsiderazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 1 A)

1.      Fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità tal-multi imposti għall-ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni, hija l-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha tivverifika jekk il-Kummissjoni eżerċitatx is-setgħa diskrezzjonali tagħha skont il-metodu previst fil-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA, u, jekk tikkonstata li hija tbegħdet minnha, hija għandha tivverifika jekk tali tbegħid huwiex iġġustifikat u mmotivat biżżejjed kif meħtieġ mil-liġi.

L-awtolimitazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni li tirriżulta mill-adozzjoni tal-Linji gwida fil-fatt mhijiex inkompatibbli mal-fatt li l-Kummissjoni żżomm marġni ta’ diskrezzjoni sostanzjali. Il-Linji gwida fihom elementi ta’ flessibbiltà differenti li jippermettulha teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 17, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja.

Barra minn hekk, fl-oqsma bħal dak tad-determinazzjoni tal-ammont ta’ multa, fejn il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni, pereżempju f’dak li jikkonċerna r-rata ta’ żieda minħabba r-reċidiva, l-istħarriġ tal-legalità mwettaq fuq dawn l-evalwazzjonijiet huwa limitat għal dak tan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni.

Barra minn hekk, il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni u l-limiti li hija imponiet fir-rigward tagħha ma jippreġudikawx, bħala prinċipju, l-eżerċizzju, mill-qorti Komunitarja, tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, li jippermettilha tannulla, tnaqqas jew iżżid l-ammont tal-multa imposta mill-Kummissjoni.

(ara l-punti 33-36)

2.      Mill-ġurisprudenza, kif ukoll mill-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Artikolu 44 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, jirriżulta, li rikorrent mhuwiex obbligat jiċċita l-artikoli tat-Trattat jew il-prinċipji ġenerali tad-dritt li huwa jinvoka. Huwa biżżejjed li l-fatti, il-motivi u t-talbiet tar-rikorrent ikunu jidhru fir-rikors b’mod li l-konvenut ikun jista’ jiddefendi b’mod effettiv l-interessi tiegħu u b’mod li l-Qorti tal-Prim’Istanza tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha.

Fil-kuntest ta’ rikors intiż għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-ammont ta’ multa imposta fuq impriża permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni għal ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni, motiv li jinvoka għall-ewwel darba fir-replika l-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali fid-dawl tal-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni għandu jiġi ddikjarat ammissibbli, meta mir-rikors ikun jirriżulta li r-rikorrent jikkontesta ż-żieda tal-ammont tal-multa, b’mod partikolari fid-dawl tar-rati ta’ żieda applikati mill-Kummissjoni fid-deċiżjonijiet preċedenti tagħha.

(ara l-punt 53)

3.      Il-Kummissjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni, sabiex tikkonstata reċidiva fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE, ksur ikkonstatat bis-saħħa tat-Trattat KEFA. Fil-fatt, it-trattati kostituttivi stabbilixxew sistema legali unika fejn it-Trattat KEEA jikkostitwixxi, u t-Trattat KEFA kien jikkostitwixxi sat-23 ta’ Lulju 2002, lex specialis li tidderoga mil-lex generalis li huwa t-Trattat KE. Barra minn hekk, il-projbizzjoni ta’ akkordji hija prevista minn żewġ dispożizzjonijiet analogi, jiġifieri l-Artikoli 81 KE u 65 KEFA, li, minkejja li jirriżultaw minn żewġ trattati distinti, jirreferu għal kunċetti ġuridiċi identiċi. Fl-aħħar nett, l-ebda element fil-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA ma jindika li l-espressjoni “reċidiva ta’ l-istess tip”, għandha tiġi mifhuma fis-sens li l-Kummissjoni ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni, sabiex tikkonstata reċidiva fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE, ksur ikkonstatat bis-saħħa tat-Trattat KEFA.

(ara l-punti 55, 57)

4.      Il-kunċett ta’ reċidiva jimplika biss il-konstatazzjoni preliminari ta’ ksur tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni. Għaldaqstant l-eżistenza ta’ ċirkustanzi speċjali li ġġustifikat in-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ multa f’deċiżjoni preċedenti ma timpedixxix lill-Kummissjoni milli tikkonstata r-reċidiva. Barra minn hekk, dawn iċ-ċirkustanzi speċjali huma neċessarjament relatati mad-deċiżjoni preċedenti u ma jippreżentaw ebda rabta mal-propensità tal-impriża kkonċernata li tinjora r-regoli tal-kompetizzjoni. Għaldaqstant dawn ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi stabbilita r-rata ta’ żieda tal-multa minħabba reċidiva.

(ara l-punti 58, 64)

5.      Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-gravità ta’ ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni sabiex jiġi determinat l-ammont inizjali tal-multa imposta fuq impriża, il-Kummissjoni tista’, mingħajr madankollu mhija obbligata tagħmel dan, tieħu inkunsiderazzjoni d-daqs tas-suq affettwat. Għal dan il-għan, hija tista’ tieħu inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ tas-suq ikkonċernat. Ebda raġuni valida ma timponi li dan id-dħul mill-bejgħ jiġi kkalkolat billi jiġu esklużi ċerti spejjeż ta’ manifattura. Fil-fatt, fis-setturi industrijali kollha jeżistu spejjeż inerenti għall-prodott finali li l-manifattur ma jistax jikkontrolla, imma li xorta waħda jikkostitwixxu element essenzjali tal-attivitajiet kollha tiegħu u li, għaldaqstant, ma jistgħux jiġu esklużi mid-dħul mill-bejgħ tiegħu meta jiġi ffissat l-ammont inizjali tal-multa. Il-fatt li l-prezz ta’ materja prima jikkostitwixxi parti sinjifikattiva mill-prezz finali tal-prodott lest jew li r-riskju ta’ fluttwazzjonijiet fil-prezzijiet huwa, għal materja prima, ogħla milli għal oħrajn, ma jannullax din il-konklużjoni.

(ara l-punti 76, 78, 82)