Language of document : ECLI:EU:T:2005:73

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

1 ta’ Marzu 2005(*)

"Trade mark komunitarja – Proċedura ta’ oppożizzjoni – Talba għal trade mark Komunitarja verbali ENZO FUSCO – Trade mark Komunitarja verbali preċedenti ANTONIO FUSCO – Riskju ta’ konfużjoni – Xebh fis-sinjali – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94"

Fil-kawża T-185/03,

Vincenzo Fusco, residenti f’Sarmeola di Rubano (l-Italja), irrappreżentat minn B. Saguatti, Avukat,

rikorrent

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni tas-Suq Intern (Trade Marks, Diżinji u Mudelli) (UASI), irrappreżentat minn O. Montalto u P. Bullock, bħala aġenti,

konvenut

il-parti l-oħra fil-każ quddiem il-Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI, li interveniet quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, hi

Antonio Fusco International SA Lussemburgo, succursale di Lugano, stabbilita f’Lugano (l-Iżvizzera), irrappreżentata minn M. Bosshard, S. Verea u K. Muraro,

li għandha bħala suġġett rikors magħmul kontra d-deċiżjoni tar-raba’ Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI tas-17 ta’ Marzu 2003 fil-kawża R 1023/2001-4,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla),

komposta minn J. Pirrung, President, A. W. H. Meij u N. J. Forwood, Imħallfin,

Reġistratur: B. Pastor, Assistent Reġistratur

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-27 ta’ Mejju 2003,

wara li rat ir-risposta ta’ l-UASI ppreżentata fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-17 ta’ Settembru 2003,

wara li rat ir-risposta ta’ l-intervenjent ippreżentata fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-10 ta’ Settembru 2003,

wara li rat ir-replika tar-rikorrent ippreżentata fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-5 ta’ Novembru 2003,

wara s-seduta tat-22 ta’ Ġunju 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fil-21 ta’ Jannar 1998, ir-rikorrent ippreżenta talba għal trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni tas-Suq Intern (Trade Marks, Diżinji u Mudelli) (UASI), skond ir-Regolament (KE) Nru 40/94 tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-Trade marks Komunitarji (ĠU 1994, L 11, p.1).

2        It-trade mark li għaliha ġiet mitluba r-reġistrazzjoni tikkonsisti fis-sinjal verbali ENZO FUSCO.

3        Il-prodotti li għalihom ġiet mitluba r-reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 3, 9, 18, 24 u 25 tal-ftehim ta’ Nizza dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali tal-prodotti u s-servizzi għall-finijiet ta’ reġistrazzjoni tat-trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u mmodifikat, u li jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        "spapen; fwejjaħ, żjut essenzjali, kożmetici, lozjonijiet tax-xagħar; dentifriċi", li jaqgħu taħt il-klassi 3;

–        "nuċċalijiet, kaxxi tan-nuċċalijiet", li jaqgħu taħt il-klassi 9;

–        "ġilda u imitazzjoni tal-ġilda, prodotti oħra ta’ dan il-materjal mhux inklużi fi klassijiet oħra; ġlud ta’ l-annimali; bagolli u valiġġi; basktijiet ta’ l-ivvjaġġar u basktijiet; umbrelel, parasoli u bsaten", li jaqgħu taħt il-klassi 18;

–        "tessili u prodotti tessili mhux inklużi fi klassijiet oħra; għata għas-sodod u tvalji għall-imwejjed", li jaqgħu taħt il-klassi 24;

–        "ħwejjeġ, żraben u xedd ir-ras", li jaqgħu taħt il-klassi 25.

4        It-talba għal trade mark ġiet ippubblikata fil-Bullettin tat-Trade Marks Komunitarji Nru 2/1999 tal-11 ta’ Jannar 1999.

5        Fit-8 ta’ April 1999, l-intervenjent oġġezzjona għal dan, fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94, kontra t-trade mark mitluba.

6        It-trade mark invokat in sostenn tat-talba ta’ oġġezzjoni tikkonsisti fit-trade mark Komunitarja verbali ANTONIO FUSCO, iddepożitata fl-10 ta’ Ottubru 1997 u rreġistrata fit-8 ta’ Marzu 1999.

7        Il-prodotti li għalihom ġiet mitluba r-reġistrazzjoni preċedenti jikkorrispondu għad-deskrizzjonijiet li ġejjin:

–        "preparazzjonijiet ta’ bliċ u sustanzi oħra għall-ħasil tal-ħwejjeġ; preparazzjonijiet għat-tindif, għal-lustrar, biex togħrok u li joborxu; spapen; fwejjaħ, żjut essenzjali, kożmetici, lozjonijiet tax-xagħar; dentifriċi", li jaqgħu taħt il-klassi 3;

–        "nuċċalijiet, apparat u strumenti xjentifiċi, tal-baħar, għal skopijiet ta’ sondaġġi, elettriċi, fotografiċi, ċinematografiċi, ottiċi, li jiżnu, li jkejlu, li jissenjalaw, li jivverifikaw (superviżjoni), tas-salvataġġ u tat-tagħlim; apparat u strumenti għar-reġistrazzjoni, trasmissjoni u riproduzzjoni ta’ ħsejjes u stampi; tagħmir li jġorr id-data b’mod manjetiku, diski akustiċi; magni tal-bejgħ awtomatiċi u mekkaniżmi għal apparat imħaddem bil-muniti; cash registers, magni li jikkalkulaw, tagħmir għall-ipproċessar tad-data u l-kompjuters; tagħmir għat-tifi tan-nar", li jaqgħu taħt il-klassi 9;

–        "metall prezzjuż u l-ligi tagħhom u prodotti ta’ metall prezzjuż jew miksija b’dan mhux inklużi fi klassijiet oħra; ġojjelli, ħaġar prezzjuż; strumenti li juru l-ħin u kronometriċi", li jaqgħu taħt il-klassi 14;

–        "ġilda jew imitazzjoni tal-ġilda, prodotti oħra ta’ dan il-materjal mhux inklużi fi klassijiet oħra; ġlud ta’ l-annimali; bagolli u valiġġi; umbrelel, parasoli u bsaten; frosti u oġġetti tas-sarraġ", li jaqgħu taħt il-klassi 18;

–        "għamara, mirja, frejms għar-ritratti; prodotti, mhux inklużi fi klassijiet oħra, ta’ l-injam, sufra, qasba, qasba tal-bambù, wicker, qarn, għadma, avorju, whalebone, qoxra, ambra, madreperla, sostituti għal dawn il-materjali, jew ta’ materja plastika", li jaqgħu taħt il-klassi 20;

–        "tessili u prodotti tessili mhux inklużi fi klassijiet oħra; għata għas-sodod u tvalji għall-imwejjed", li jaqgħu taħt il-klassi 24;

–        "ħwejjeġ, żraben u xedd ir-ras", li jaqgħu taħt il-klassi 25.

8        B’deċiżjoni tat-28 ta’ Settembru 2001, id-diviżjoni ta’ l-oppożizzjoni ċaħdet it-talba tar-reġistrazzjoni skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

9        Fil-5 ta’ Diċembru 2001, ir-rikorrent ressaq appell quddiem l-UASI kontra d-deċiżjoni tad-diviżjoni ta’ l-oppożizzjoni.

10      B’deċiżjoni tas-17 ta’ Marzu 2003 (iktar ‘il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), ir-raba’ bord ta’ l-appell ta’ l-UASI ċaħad ir-rikors. Sostanzjalment, il-bord ta’ l-appell qies li l-kunjom "Fusco", preżenti f’kull sinjal u li, fl-Italja, mhuwiex la rari u lanqas partikolarment diffuż, għandu karattru aktar individwali permezz tar-rapport ma’ l-ismijiet "Antonio" u "Enzo", li huma tnejn mill-ismijiet l-aktar komuni. Hu ddefinixxa l-grad tax-xebh tas-sinjali bħala mhux baxx u lanqas għoli, iżda medju. Billi l-prodotti ddeżinjati huma identiċi, il-bord ta’ l-appell ikkonkluda li l-preżenza ta’ l-element verbali "Fusco" fiż-żewġ sinjali huwa ta’ natura li tirrendi possibbli r-riskju ta’ konfużjoni fil-pubbliku interessat.

 Talbiet tal-partijiet

11      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        preliminarjament, tannulla d-deċiżjoni kkontestata tal-bord ta’ l-appell;

–        tiddikjara li t-trade mark Komunitarja mitluba ENZO FUSCO tiġi rreġistrata;

–        sussidjarjament, jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza ssib li t-trade marks jistgħu jikkawżaw konfużjoni, tippreċiża l-kamp eżatt ta’ applikazzjoni territorjali tad-deċiżjoni;

–        preliminarjament, tiddeċiedi li l-proċedura ta’ trasformazzjoni prevista mill-Artikolu 108 tar-Regolament Nru 40/94 mhux ser tiġi eskluża ħlief għal dak it-territorju li għalih, b’mod espliċitu ġiet mgħarrfa l-eżistenza ta’ riskju ta’ konfużjoni;

–        tikkundanna lill-UASI u l-intervenjent ibatu l-ispejjeż jew, sussidjarjament, tordna l-kumpens għall-ispejjeż .

12      Waqt is-seduta, ir-rikorrent irrinunzja għat-tieni u tielet talba, ħaġa li l-Qorti tal-Prim’Istanza ħadet in kunsiderazzjoni. Huwa rrikonoxxa wkoll li r-raba’ talba tikkonċerna kwistjoni futura li tqum biss fl-ipoteżi li r-rikors jiġi miċħud.

13      L-UASI u l-intervenjent jitolbu l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent ibati l-ispejjeż.

 Fid-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà

 L-argumenti tal-partijiet

14      L-intervenjent jirrileva li l-firem ta’ l-avukat li jidhru fit-talba u fil-mandat ad litem huma differenti. Minbarra dan, il-kopji tat-talba mhumiex iċċertifikati konformi minn avukat mill-avukatura ta’ Stat Membru. Waqt is-seduta, l-intervenjent ippreżenta lil-Qorti tal-Prim’Istanza tliet perizji grafoloġiċi biex jiġġustifika l-fatt li jqis neċessarju li jqajjem il-kwistjoni ta’ l-awtentiċità tal-firma ta’ l-avukat tar-rikorrent.

15      Fir-replika tiegħu, ukoll waqt is-seduta, l-avukat tar-rikorrent afferma li l-firem li jidhru fuq it-talba u fuq il-mandat ad litem huma l-istess, waħda fil-forma leġibbli u kompluta, l-oħra applikata fil-forma mqassra. Minbarra dan, ir-rikorrent jinkludi mar-replika seba’ kopji tat-talba ċċertifikati bħala konformi mill-avukat tiegħu.

16      Ir-rikorrent jirrifjuta l-produzzjoni ta’ tliet perizji grafoloġiċi minħabba li mressqa tard. L-UASI indikat li hija wkoll disposta li taqbel ma din l-opinjoni.

 Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

17      L-avukat tar-rikorrent afferma li l-firem li jidhru fuq it-talba u fuq il-mandat ad litem huma l-istess u l-grafoloġi, fil-perizji tagħhom, urew li l-firem li fuq il-bażi tagħhom ifformaw l-opinjoni tagħhom ma jippermettux li jeskludu li dawn il-firem ġejjin mill-istess persuna, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li m’għandhiex tintlaqa’ l-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mill-intervenjent, mingħajr ma’ l-Qorti tal-Prim’Istanza jkollha tippronunzja ruħha fuq il-perizji grafoloġiċi ġewx imressqa tard jew le.

18      F’dak li jikkonċerna l-konformità tal-kopji ċċertifikati, huwa biżżejjed li jiġi rilevat li r-rikorrent irregolarizza t-talba.

 Dwar id-domanda għal annullament

 L-argumenti tal-partijiet

19      In sostenn tat-talba tiegħu għal annullament, ir-rikorrent invoka raġuni waħda, relattiva għall-ksur ta’ l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

20      Il-partijiet ma jikkontestawx li l-prodotti koperti mit-trade marks in kwistjoni huma identiċi. Għall-bqija, il-partijiet jirreferu esklużivament għat-trade mark Taljan.

21      Ir-rikorrent jafferma, sostanzjalment, li l-bord ta’ l-appell applika b’mod żbaljat il-prinċipji li jirregolaw l-evalwazzjoni tar-riskju ta’ konfużjoni.

22      L-ewwel nett, ir-rikorrent josserva applikazzjoni ħażina mill-bord ta’ l-appell tal-prinċipju li jgħid li t-tqabbil tas-sinjali f’kunflitt irid jiġi effettwat f’mod konformi u sintetiku billi tittieħed in kunsiderazzjoni l-impressjoni globali prodotta minn dawn. Skond hu, il-bord ta’ l-appell, bi żball, iffokat l-analiżi komparattiva tagħha fuq l-element waħdieni "Fusco".

23      Fit-tieni nett, ir-rikorrent iqis li l-bord ta’ l-appell ibbaża r-raġunament tiegħu fuq teorema preżupposta li tgħid li, fi trade mark kompost minn isem u minn kunjom, l-element dominanti u distingwibbli huwa dejjem ikkostitwit mill-kunjom. Hu jqis li l-evalwazzjoni ta’ tali sinjali għandha titqies fuq l-istess prinċipji li jirregolaw it-tixbih ta’ sinjali oħra. Waqt is-seduta, ir-rikorrent irrefera għal serje ta’ deċiżjonijiet reċenti ta’ qrati Ġermaniżi u Spanjoli li ddeċidew li l-konsumatur kontemporanju medju ma jikkunsidrax, a priori, li l-kunjom jikkostitwixxi element dominanti ta’ sinjal magħmul skond il-formula "isem + kunjom".

24      Fit-tielet nett, ir-rikorrent iqajjem il-punt li l-bord ta’ l-appell ibbaża d-deċiżjoni kkontestata fuq fatti ineżatti. L-ewwel nett, kontrarjament għal dak li l-bord ta’ l-appell espona fid-deċiżjoni tiegħu, il-kunjom "Fusco" mhuwiex kunjom rari, iżda kunjom bejn wieħed u ieħor diffuż. Minbarra dan, jekk hu veru li l-ismijiet "Antonio" u "Enzo" huma ismijiet imxerrda ma’ l-Italja, dan ma jnaqqas xejn mill-fatt li huma ismijiet ferm differenti. Skond ir-rikorrent, l-identità tal-kunjom preżenti f’kull sinjal in kwistjoni hija mxejna mid-differenza bejn l-ismijiet "Enzo" u "Antonio" kif ukoll mill-fatt li "Fusco" huwa kunjom bejn wieħed u ieħor magħruf fl-Italja.

25      Fir-raba’ lok, skond ir-rikorrent, il-konsumatur Taljan tal-prodotti ta’ l-ilbies huwa partikolarment attent u avżat u ser ikun perfettament kapaċi li jassoċja l-prodotti li għalihom jirreferu rispettivament it-trade marks in kwistjoni ma’ żewġ stilisti differenti, mingħajr ir-riskju li tiġi konfuża l-oriġini tagħhom. Ir-rikorrent jikkontesta l-konklużjonijiet tal-bord ta’ l-appell li jgħidu li din il-kapaċità ta’ għarfien tista’ eventwalment tkun il-frott ta’ proċess ta’ formazzjoni maż-żmien, iżda li ma teżistix a priori.

26      Fil-ħames lok, il-bord ta’ l-appell injora l-pertinenza tan-notorjetà tat-trade marks ikkonċernati. F’dak li jikkonċerna, l-ewwel nett, it-trade mark preċedenti, dan mhuwiex rinomat. Minħabba li t-trade mark ta’ qabel mhuwiex rinomat, il-grad ta’ xebh bejn it-trade marks opposti ma jistax ikun għoli biżżejjed biex iwassal għar-riskju ta’ konfużjoni. Wara, il-bord ta’ l-appell għandu jieħu in kunsiderazzjoni l-fatt li t-trade mark ENZO FUSCO hija protetta fl-Italja mill-1982 u li r-rikorrent huwa stilista b’esperjenza, li ilu jeżerċita għal aktar minn tletin sena.

27      L-UASI tirribatti li l-bord ta’ l-appell applikat korrettament il-prinċipji li jirregolaw it-tixbih tas-sinjali f’kunflitt. Hu jinnota, b’mod partikolari, li l-kunjom "Fusco" jikkostitwixxi element dominanti f’kull wieħed mis-sinjali għar-raġunijiet mogħtija fid-deċiżjoni kkontestata.

28      Skond l-intervenjent, il-kunjom jikkostitwixxi l-element prinċipali li jiddistingwi l-istat ċivili ta’ persuna u jiġi, għalhekk meqjus, mill-konsumatur, bħala l-element dominanti tat-trade mark magħmula skond il-formula "isem + kunjom". Minbarra dan, l-intervenjent iqis li, meta l-konsumatur ikun ikkonfrontat bit-trade marks f’kunflitt, jista’ jaħseb li teżisti konnessjoni familjari bejn is-sidien taż-żewġ trade marks. In sostenn ta’ din it-teżi, jippreżenta numru differenti ta’ deċiżjonijiet mogħtija mill-qrati Taljani f’dan il-qasam.

29      Għal dak li jirrigwarda n-notorjetà tas-sinjali fil-kawża, l-UASI u l-intervenjent iqisu, sostanzjalment, li l-argumenti mressqa mir-rikorrent huma bla effett.

 Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

30      Skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, dwar l-oppożizzjoni tas-sid tat-trade mark preċedenti, li t-trade mark mitluba tiġi miċħuda r-reġistrazzjoni jekk, minħabba fl-identità tiegħu jew fix-xebh tiegħu mat-trade mark preċedenti u minħabba fl-identità jew ix-xebh tal-prodotti jew tas-servizzi li ż-żewġ trade marks jindikaw, jeżisti riskju ta’ konfużjoni fil-pubbliku tat-territorju li fih it-trade mark preċedenti hija protetta.

31      Skond ġurisprudenza kostanti, jikkostitwixxi riskju ta’ konfużjoni r-riskju li l-pubbliku jista’ jemmen li l-prodotti jew is-servizzi in kwistjoni jiġu mill-istess impriża jew, fil-każ l-ieħor, minn impriżi affiljati ekonomikament.

32      Skond l-istess ġurisprudenza, ir-riskju ta’ konfużjoni jrid jiġi meqjus globalment, skond il-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti għal dawn is-sinjali u l-prodotti in kwistjoni u billi jittieħdu in kunsiderazzjoni l-fatturi kollha rilevanti fil-każ in kwistjoni, l-iktar ta’ l-interdipendenza bejn ix-xebh fis-sinjali u f’dik tal-prodotti u servizzi ddeżinjati [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Lulju 2003, Laboratorios RTB vs L-UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), Ġabra p. II-2821, punti 31 sa 33, u l-ġurisprudenza ċċitata].

–       Fuq il-pubbliku destinatarju

33      Fil-każ in kwistjoni, it-trade mark preċedenti hija t-trade mark Komunitarja. Isegwi minn dan li t-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta huwa dak tal-Komunità Ewropea. Minkejja dan, jirriżulta mill-karattru unitarju tat-trade mark Komunitarja, skond l-Artikolu 1(2), tar-Regolament Nru 40/94, li trade mark Komunitarja preċedenti hija protetta bl-istess mod fl-Istati Membri kollha. It-trade marks Komunitarji preċedenti, b’konsegwenza, jistgħu jkunu opposti għal kull talba ta’ trade mark ulterjuri li tista’ tirrestrinġi l-protezzjoni tagħhom, f’dak li għandu x’jaqsam mal-perċezzjoni tal-konsumaturi ta’ parti tat-territorju Komunitarju. Jirriżulta li l-prinċipju stabbilit mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 40/94, li jgħid li huwa biżżejjed, biex tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni ta’ trade mark, li motiv assolut ta’ rifjut jeżisti f’parti mill-Komunità, tapplika, b’analoġija, ukoll għal motiv ta’ rifjut relatat ma’ l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

34      Minkejja li l-bord ta’ l-appell irrefera, fil-paragrafu 15 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-konsumatur "tat-territorju Komunitarju", jidher mir-raġunament ġenerali li l-bord ta’ l-appell eżamina biss is-suq Taljan. B’hekk, fil-paragrafu 20 tad-deċiżjoni kkontestata, hija tirreferi għall-istatistika relattiva għall-frekwenza tal-kunjom "Fusco" fit-territorju Taljan. Fil-paragrafu 22 ta’ din id-deċiżjoni, hija teżamina l-perċezzjoni li għandu l-"konsumatur Taljan" tat-trade mark preċedenti. Jidher mill-kuntest li l-paragrafu 23 tad-deċiżjoni kkontestata għandha perċezzjoni waħdanija tal-konsumaturi Taljani, minkejja li referenza espliċita għas-suq Taljan ma tidher imkien. Dan il-paragrafu fih, fil-fatt, raġunament parallel għal dak tal-paragrafu preċedenti, li jirreferi espliċitament għas-suq Taljan.

35      Minbarra dan, l-argumenti mressqa mill-partijiet jirreferu unikament għat-territorju Taljan.

36      Isegwi li jaqbel li jiġi limitat l-eżami tad-deċiżjoni kkontestata għar-riskju waħdieni ta’ konfużjoni fil-każ tal-konsumatur Taljan.

37      La l-bord ta’ l-appell u lanqas id-diviżjoni ta’ l-oppożizzjoni ta’ l-UASI ma waslu għal konklużjoni espliċita fuq il-kompożizzjoni tal-pubbliku rilevanti. Minkejja dan jidher mid-deċiżjoni tad-diviżjoni ta’ l-oppożizzjoni li din ivvalutat ir-riskju ta’ konfużjoni b’paragun mal-perċezzjoni tal-konsumatur medju, li hu normalment meqjus bħala mgħarraf u raġonevolment attent u avżat. Il-bord ta’ l-appell impliċitament approva din il-konklużjoni, mingħajr ma’ r-rikorrent jew l-intervenjent reġgħu kkontestawha.

38      Isegwi li huwa neċessarju għal-Qorti tal-Prim’Istanza, li tevalwa r-riskju ta’ konfużjoni b’paragun mal-perċezzjoni ta’ konsumatur medju Taljan u mhux speċjalizzat.

–       Dwar ix-xebh fil-prodotti

39      Il-partijiet ma jikkontestawx il-konklużjoni tal-bord ta’ l-appell li tgħid li l-prodotti ddeżinjati mit-trade marks in kwistjoni huma identiċi. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li trid tibda minn din il-premessa.

–       Dwar ix-xebh fis-sinjali

40      Huwa paċifiku li l-konsumatur Taljan jipperċepixxi s-sinjali bħala li jirrappreżentaw struttura identika, li tikkonsisti f’isem segwit minn kunjom ("isem + kunjom").

41      Kemm fuq il-livell viżiv kif ukoll fuq il-livell fonetiku, is-sinjali f’kunflitt jixtiebhu minħabba fil-preżenza ta’ l-isem "Fusco" fiż-żewġ sinjali. Minn naħa l-oħra, huma jiddistingwu ruħhom permezz ta’ l-isem li jiġi qabel dan it-terminu, jiġifieri "Antonio" u "Enzo", b’dan ta’ l-aħħar ikun id-diminuttiv ta’ l-isem Vincenzo. Il-partijiet jaqblu fuq il-fatt li dawn l-ismiijiet mhumiex simili la fuq il-livell viżiv lanqas fuq dak akustiku.

42      Fuq livell kunċettwali, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-konsumatur jiddeduċi normalment mill-fatt li l-ismijiet huma differenti li l-kliem "Enzo Fusco", minn naħa, u "Antonio Fusco", min-naħa l-oħra, jindikaw żewġ persuni differenti. Minbarra dan, huwa kostanti bejn il-partijiet li s-sinjali m’għandhom l-ebda rapport semantiku mal-prodotti ddeżinjati, iżda li huma pperċepiti bħala ismijiet proprji.

43      Il-bord ta’ l-appell qies li l-kunjom "Fusco" jikkostitwixxi l-element dominanti u distingwibbli taż-żewġ sinjali, l-ewwel nett, minħabba li jirrigwarda kunjom, it-tieni nett, minħabba li dan il-kunjom mhuwiex partikolarment diffuż fl-Italja u, it-tielet nett, minħabba li la "Antonio" u lanqas "Enzo" ma huma ismijiet insoliti fl-Italja.

44      It-tilwima toħodna prinċipalment fuq il-kwistjoni li nsiru nafu jekk il-preżenza ta’ ismijiet differenti hijiex biżżejjed, f’dan il-każ, biex jiġi eskluż riskju ta’ konfużjoni fil-konsumatur Taljan, teżi difiża mir-rikorrent, jew jekk, għal kuntrarju, fis-sinjali in kawża, il-kelma "Fusco" tikkostitwixxix element dominanti sal-punt li joħloq subordinazzjoni jew li jikkanċella, fil-perċezzjoni u fil-memorja tal-konsumatur, il-preżenza ta’ l-ismijiet "Enzo" u "Antonio" li, minn naħa tagħhom, huma kompletament differenti.

45      Preliminarjament, għandu jintqal li l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 40/94 jiddisponi li jistgħu jikkostitwixxu trade marks Komunitarji dawk is-sinjali kollha ta’ rappreżentazzjoni grafika, partikolarment il-kunjomijiet ta’ persuni. L-Artikoli 7 u 8 ta’ dan ir-regolament, relattiv għar-rifjut ta’ reġistrazzjoni, ma jagħmel l-ebda distinzjoni bejn is-sinjali ta’ natura differenti. L-evalwazzjoni tar-riskju ta’ konfużjoni, fis-sens ta’ l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, bejn tali sinjali jrid isir b’konsegwenza, skond l-istess prinċipji li jikkonċernaw kull sinjal ieħor. Iżda dan ma jeskludix il-fatt li sinjal li jikkonsisti mill-isem ta’ persuna jista’ jinfluwenza l-perċezzjoni ta’ tali sinjal fuq il-pubbliku rilevanti.

46      Kif jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti, l-evalwazzjoni tar-riskju ta’ konfużjoni għandha, fir-rigward tax-xebh viżiv, fonetiku u kunċettwali tas-sinjali in kawża, għandu jkun ibbażat fuq l-impressjoni komplessiva magħmula minnha, billi jinżamm amment, partikolarment, ta’ l-elementi distingwibbli u dominanti tagħhom [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Ottubru 2003, Phillips-Van Heusen vs L-UASI – Pash Textilvertrieb und Einzelhandel (BASS), T-292/01, Ġabra p. II-4335, punt 47, u l-ġurisprudenza ċċitata]. Rarament, il-konsumatur għandu l-possibbiltà li jipproċedi għal paragun dirett ta’ trade marks differenti iżda jrid jafda fuq ix-xbieha mhux perfetta li żamm fil-memorja (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C-342/97, Ġabra p. I-3819, paragrafu 26). Ġeneralment, dawn huma l-karatteristiċi dominanti u distingwibbli ta’ sinjal li huma iktar faċilment mgħallma bl-amment [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Ottubru 2002, Oberhauser vs L-UASI – Petit Liberto (Fifties), T-104/01, Ġabra p. II-4359, punti 47 u 48]. Għaldaqstant, il-bżonn li tevalwa l-impressjoni globali prodotta minn sinjal ma teskludix l-eżami ta’ kull komponent tiegħu sabiex jiġu ddeterminati l-elementi dominanti.

47      Isegwi li, fit-tfittxija, minn naħa, ta’ l-elementi simili u differenti tas-sinjali mqabbla u, min-naħa l-oħra, jekk jeżistix element dominanti li jista’ b’iktar faċilità jibqa’ mfakkar mill-konsumatur, il-bord ta’ l-appell ma mexiex kontra l-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza.

48      Minkejja dan jinħtieġ eżami aktar fid-dettall tal-pertinenza tat-teżi, milqugħa mill-bord ta’ l-appell, li tgħid li l-kunjom "Fusco" jikkostitwixxi l-element dominanti tas-sinjali fil-kawża.

49      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li ma’ l-ewwel daqqa ta’ għajn, fiż-żewġ sinjali fil-każ, il-kelma "Fusco" mhijiex imqiegħda b’mod evidenti la fuq livell viżiv u lanqas fuq livell fonetiku. F’dak li jikkonċerna t-trade mark preċedenti, l-isem "Antonio" jidher f’ras is-sinjal. Minbarra dan, kemm fuq livell viżiv kif ukoll fuq dak fonetiku, din il-kelma hija itwal minn dik tal-kelma li jmiss "Fusco". F’dak li jikkonċerna l-isem "Enzo", li jidher f’ras is-sinjal mitlub, dan huwa kemmxejn iqsar mill-kelma "Fusco" fuq livell viżiv, waqt li, fuq livell fonetiku, il-kliem "Enzo" u "Fusco", li fihom kull wieħed żewġ sillabi, għandhom l-istess tul.

50      L-UASI u l-intervenjent, bħall-bord ta’ l-appell fid-deċiżjoni kkontestata, minkejja dan jikkunsidraw li, fis-sinjal kompost minn isem u kunjom, dan ta’ l-aħħar jagħti lit-trade mark il-karattru distingwibbli u li jikkostitwixxi, b’konsegwenza, l-element dominanti, sakemm mhuwiex kunjom ferm mxerred li, għalhekk, ikollu karattru distingwibbli ferm imnaqqas.

51      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis, l-ewwel nett, li l-ebda parti ma’ reġgħet qegħdet fid-diskussjoni l-evalwazzjoni tal-bord ta’ l-appell li tgħid li la l-kunjom "Enzo" lanqas l-isem "Antonio" ma huma meqjusa bħal li kienu aktar importanti, li jikkaratterizzaw jew huma distingwibbli mill-kelma "Fusco".

52      Għalhekk, jinħtieġ li jintqal li l-perċezzjoni tas-sinjali li jikkostitwixxu kunjomijiet ta’ persuna jistgħu jvarjaw fil-pajjiżi differenti tal-Komunità Ewropea. Biex tkun taf jekk, f’pajjiż partikolari, il-pubbliku rilevanti ġeneralment jattribwixxix aktar karattru distingwibbli lill-kunjom milli lill-isem, il-ġurisprudenza ta’ tali pajjiż, għalkemm ma torbotx l-istituzzjonijiet Komunitarji, tista’ tagħti indikazzjonijiet utli.

53      F’dan il-każ, jeħtieġ li tittieħed in kunsiderazzjoni l-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti Taljan għandu tas-sinjali in kwistjoni. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tinnota li, kif sostnut mill-intervenjent, il-ġurisprudenza Taljana tqis ġeneralment li l-isem jikkostitwixxi l-qalba tas-sinjal kompost mill-isem u l-kunjom. Minbarra dan, mhux ikkontestat mill-partijiet li l-kunjom "Fusco" ma jidhirx fost l-ismijiet l-iktar diffużi fl-Italja.

54      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li mhemmx lok fil-każ preżenti, li terġa’ titqiegħed in kwistjoni l-evalwazzjoni tal-bord ta’ l-appell, li magħha taqbel id-diviżjoni ta’ l-oppożizzjoni, li tgħid li l-konsumatur Taljan jattribwixxi, bħala regola ġenerali, aktar karattru distingwibbli lill-kunjom milli lill-isem preżenti fit-trade mark in kwistjoni.

55      B’konsegwenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li s-sinjali fil-kawża juru ċertu xebh fil-fatt li l-aktar element karatteristiku tagħhom huwa identiku. Minħabba fl-elementi l-oħra preżenti f’dawn is-sinjali, jiġifieri l-ismijiet "Antonio" u "Enzo", mhemmx xebh dgħajjef jew għoli.

–       Dwar ir-riskju ta’ konfużjoni

56      Skond ġurisprudenza kostanti, l-evalwazzjoni tar-riskju ta’ konfużjoni timplika ċerta interdipendenza bejn il-fatturi meħuda in kunsiderazzjoni, u partikolarment bejn ix-xebh tat-trade marks u dik tal-prodotti u tas-servizzi ddeżinjati. Għalhekk, grad baxx ta’ xebh bejn il-prodotti u s-servizzi ddeżinjati jista’ jiġi kkompensat bi grad għoli ta’ xebh bejn is-sinjali (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon, Ġabra. p. I-6191, punt 24; Canon, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 18, u Lloyd Schuhfabrik Meyer, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 20).

57      F’dan il-każ, ir-rikorrent, fl-ewwel lok jafferma li l-pubbliku destinatarju huwa partikolarment attent fix-xiri tal-prodotti in kwistjoni.

58      F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur jista’ jvarja skond il-kategorija tal-prodotti u tas-servizzi in kwistjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza Lloyd Schuhfabrik Meyer, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 26). Kif ġustament irrilevat l-UASI, mhuwiex biżżejjed li r-rikorrent jafferma, b’mod ġenerali u mingħajr ma’ din l-allegazzjoni tiġi ppreċiżata jew sostnuta minn provi, li l-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur tal-prodotti in kwistjoni hija għolja. Minn dan joħroġ li l-argument tar-rikorrent, li jgħid li l-konsumatur destinatarju huwa partikolarment attent, ma tistax tintlaqa'.

59      Fit-tieni lok, ir-rikorrent iqis li l-bord ta’ l-appell għandu jieħu in kunsiderazzjoni l-fatt li t-trade mark preċedenti ma tgawdi minn ebda notorjetà.

60      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li l-intervenjent ma jippretendix li t-trade mark preċedenti tgawdi minn karattru distingwibbli elevat minħabba fl-għarfien tagħha fis-suq Taljan. Madankollu, l-UASI u l-intervenjent ġustament jindikaw li r-rikorrent jiżbalja rigward il-konsegwenzi li jitqajmu minn nuqqas ta’ notorjetà tat-trade mark preċedenti, billi jsostnu li t-trade mark preċedenti, f’dak il-każ, tgawdi biss minn livell baxx ta’ protezzjoni. Fil-fatt, il-karattru distingwibbli tat-trade mark preċedenti, li jiġi mill-kwalitajiet intrinsiċi ta’ dan it-trade mark jew minn notorjetà tiegħu, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni sabiex wieħed japprezza jekk ix-xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi ddeżinjati miż-żewġ trade marks huwiex biżżejjed biex tagħti lok għar-riskju ta’ konfużjoni (sentenza Canon, iċċitata iktar ‘il fuq, punti 18 u 24). Minn naħa l-oħra, l-eżistenza tan-notorjetà mhuwiex prerekwiżit għall-protezzjoni tad-dritt preċedenti.

61      Fit-tielet lok, ir-rikorrent iqis li l-bord ta’ l-appell għandu jikkunsidra li t-trade mark ENZO FUSCO hija protetta fl-Italja sa mill-1982 u li r-rikorrent huwa stilista b’esperjenza, li ilu jeżerċita għal aktar minn tletin sena.

62      Rigward dan il-punt, il-bord ta’ l-appell indika li l-paragrafu 18 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ksib ta’ jedd formali fl-Italja fuq it-trade mark ENZO FUSCO sa mill-1982 ma għandu l-ebda inċidenza fuq il-kwistjoni tal-litiġju, billi l-uniċi titli li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni huma ż-żewġ trade marks Komunitarji in kwistjoni.

63      Din il-konklużjoni trid tiġi milqugħa. Jekk ir-rikorrent huwa sid ta’ trade mark nazzjonali preċedenti għat-trade mark Komunitarja ANTONIO FUSCO u li hu, għallinqas fis-sustanza, identiku għat-trade mark Komunitarja mitluba, huwa obbligu tiegħu, jekk iqisha bħala leġittima u jekk irid, li jfittex protezzjoni permezz ta’ proċedura ta’ oppożizzjoni jew ta’ annullament jew, jekk neċessarju, quddiem il-qrati nazzjonali kompetenti fil-kuntest permess mill-Artikolu 106 tar-Regolament Nru 40/94. Minn naħa l-oħra, sakemm it-trade mark Komunitarja preċedenti ANTONIO FUSCO tibqa’ effettivament protetta, l-eżistenza ta’ reġistrazzjoni nazzjonali preċedenti għal din ta’ l-aħħar mhijiex rilevanti fil-kuntest ta’ oppożizzjoni kontra talba għal trade mark Komunitarja, anki jekk it-trade mark Komunitarja mitluba hija identika għal trade mark nazzjonali tar-rikorrent li hija preċedenti għat-trade mark Komunitarja kkontestata [ara, f’dan is-sens, dwar l-eżistenza ta’ motiv assolut għar-rifjut tar-reġistrazzjoni ta’ trade mark preċedenti, sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Ottubru 2002, Matratzen Concord vs L-UASI – Hukla Germany (MATRATZEN), T-6/01, Ġabra p. II‑4335, punt 55].

64      Billi l-argument tar-rikorrent ifittex li jindika li l-karattru distingwibbli tat-trade mark Komunitarja preċedenti huwa mxejjen mill-fatt li t-trade mark Taljana ENZO FUSCO, li allegatament hija protetta sa mill-1982, ikkoeżistew paċifikament flimkien, għandu jiġi nnutat li, anki jekk tintlaqa’ din it-teżi, il-perijodu ta’ koeżistenza taż-żewġ trade marks kien wieħed wisq qasir sabiex jinfluwenza l-perċezzjoni tal-konsumatur Taljan. Fil-fatt, mill-inkartament jirriżulta li t-trade mark Komunitarja preċedenti ġiet iddepożitata fl-10 ta’ Ottubru 1997 u rreġistrata fit-8 ta’ Marzu 1999. Billi t-talba għat-trade mark ikkontestata ġiet iddepożitata fil-21 ta’ Jannar 1998, il-perijodu rilevanti ma damx aktar minn erba’ xhur.

65      Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda l-istorja professjonali u personali tar-rikorrent jew għan-notorjetà eventwali ta’ l-isem "Enzo Fusco", il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li r-rikorrent ma ppreżentax l-elementi neċessarji biex jagħti l-opportunità li l-materjalità jew l-istess pertinenza ta’ dawn l-elementi jiġu evalwati. Huwa b’mod partikolari naqas milli juri kif dawn l-elementi jinfluwenzaw il-perċezzjoni, mill-konsumatur Taljan, tas-sinjali in kwistjoni.

66      Fl-evalwazzjoni globali tar-riskju ta’ konfużjoni, xebh żgħir fis-sinjali jista’ jiġi kkompensat minn fatturi oħra rilevanti bħal xebh qawwi fil-prodotti.

67      F’dan il-każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-konsumatur Taljan, minħabba l-fatt li ġeneralment aktar jattribwixxi karattru distingwibbli lill-kunjom milli lill-isem, jiftakar aktar l-element "Fusco" milli l-ismijiet "Antonio" u "Enzo". Minbarra dan, il-prodotti in kwistjoni huma identiċi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-bord ta’ l-appell qies bla ma għamel l-ebda żball legali li l-konsumatur, meta kkonfrontat minn prodott bit-trade mark mitluba ENZO FUSCO jista’ jħawwad dan mat-trade mark preċedenti ANTONIO FUSCO, għalhekk hemm riskju ta’ konfużjoni.

68      Billi l-uniku motiv imressaq għall-ksur ta’ l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 huwa bla bażi, it-talba prinċipali tar-rikorrent m’għandhiex tintlaqa’.

 Dwar it-talba sussidjara intiża li tikkonstata li l-proċedura ta’ bdil mhijiex eskluża

69      Skond l-Artikolu 108(1)(a), tar-Regolament Nru 40/94, minn jitlob għat-trade mark Komunitarja jista’ jitlob il-bdil tat-talba tiegħu għal trade mark Komunitarja f’talba għal trade mark nazzjonali sa fejn it-talba għal trade mark Komunitarja tiġi rrifjutata.

70      F’dan il-każ, jaqbel li jiġi konstatat li r-rikorrent għadu ma talabx il-bdil tat-talba tiegħu għal trade mark Komunitarja. Issa, it-talba sussidjara essenzjalment tfittex, fis-sustanza, li l-Qorti tal-Prim’Istanza tqis, fuq bażi preliminari u mingħajr relazzjoni ma’ att impunjabbli permezz ta’ l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94, l-eżistenza ta’ obbligu ta’ l-UASI.

71      Billi tali konstatazzjoni ma taqax taħt il-kompetenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, it-talba sussidjarja għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

 Fuq l-ispejjeż

72      Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli ta’ Proċedura, il-parti illi titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Billi r-rikorrent tilef il-kawża, għandu jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż, skond it-talbiet ta’ l-UASI u l-intervenjent.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeciedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż.

Pirrung

Meij

Forwood

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-1 ta’ Marzu 2005

H. Jung

 

       J. Pirrung

Reġistratur

 

       President


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.