Language of document :

Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Marzu 2023 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Polonja

(Kawża C-201/23)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Rikorrent: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: J. Samnadda, B. Sasinowska, aġenti)

Konvenut: Ir-Repubblika tal-Polonja

Talbiet

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara li billi ma adottatx il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva 2019/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) tas-17 ta’ April 2019 dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-Suq Uniku Diġitali u li temenda d-Direttivi 96/9/KE u 2001/29/KE 1 kif ukoll billi ma nnotifikathomx lill-Kummissjoni, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 29 ta’ din id-direttiva;

tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja tħallas lill-Kummissjoni s-somma f’daqqa li tikkorrispondi għall-ogħla miż-żewġ ammonti li ġejjin: i) ammont ta’ kuljum ta’ EUR 13 700 immultiplikat bin-numru ta’ ġranet li jkunu għaddew mid-data ta’ wara l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni stabbilit fid-direttiva inkwistjoni sad-data ta’ tmiem tal-ksur, jew, fin-nuqqas ta’ waqfien tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, sad-data ta’ għoti tas-sentenza f’din il-kawża; ii) ammont minimu ta’ somma f’daqqa li jammonta għal EUR 3 836 000;

jekk in-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi msemmi fl-ewwel inċiż ikompli sad-data ta’ għoti tas-sentenza f’din il-kawża, tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja tħallas lill-Kummissjoni pagamenti ta’ penalità li jammontaw għal EUR 82 200 għal kull ġurnata ta’ dewmien mid-data ta’ għoti tas-sentenza f’din il-kawża sad-data li fiha r-Repubblika tal-Polonja tikkonforma ruħha mal-obbligi imposti fuqha mid-direttiva; u

tikkundanna lil Ir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

It-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill skada fis-7 ta’ Ġunju 2021.

Id-Direttiva (UE) 2019/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) jistabbilixxi regoli li l-għan tagħhom huwa li jiġu armonizzati ulterjorment id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni applikabbli għad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-suq intern, b’teħid inkunsiderazzjoni partikolari tal-użu diġitali u transkonfinali tal-kontenut protett. Din id-direttiva tistabbilixxi wkoll ir-regoli dwar l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet għad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, faċilitazzjoni tal-liċenzji, kif ukoll ir-regoli li għandhom bħala għan li jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq għall-isfruttament ta’ xogħlijiet u materjal protett ieħor.

Skont l-Artikolu 29(1) tad-Direttiva: “L-Istati Membri jdaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sas-7 ta’ Ġunju 2021. Għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni b’dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza.

Il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika tal-Polonja fit-23 ta’ Lulju 2021. Fid-19 ta’ Mejju 2022, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lir-Repubblika tal-Polonja. Minkejja dan, il-miżuri ta’ traspożizzjoni għadhom ma ġewx adottati mir-Repubblika tal-Polonja u lanqas ma ġew innotifikati lill-Kummissjoni.

____________

1     ĠU 2019, L 130, p. 92.