Language of document : ECLI:EU:T:2018:842

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

27 ta’ Novembru 2018 (*)

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – SEAE – Assenjazzjoni – Pożizzjoni ta’ kap tad-delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea fl-Etjopja – Deċiżjoni li tirrifjuta li testendi l-assenjazzjoni – Interess tas-servizz – Obbligu ta’ motivazzjoni – Ugwaljanza fit-trattament”

Fil-Kawża T-315/17,

Chantal Hebberecht, uffiċjal tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, li tirrisjedi f’Fourmies (Franza), irrappreżentata minn B. Maréchal, avukat,

rikorrenti,

vs

Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), irrappreżentat minn S. Marquardt u R. Spac, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 270 TFUE u intiża, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjoni tas-SEAE li ġiet ikkomunikata lir-rikorrenti fit‑3 ta’ Frar 2017 li tiċħad l-ilment tagħha intiż kontra d-deċiżjoni tas-SEAE li ma jestendix l-assenjazzjoni tagħha fil-pożizzjoni ta’ kap tad-delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea fl-Etjopja u, min-naħa l-oħra, għall-kumpens għal dannu morali allegatament imġarrab mir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn I. Pelikánová, President, P. Nihoul (Relatur) u J. Svenningsen, Imħallfin,

Reġistratur: M. Marescaux, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal‑15 ta’ Mejju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Chantal Hebberecht, hija uffiċjal tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE). Fl‑1 ta’ Settembru 2013, inħatret bħala kap tad-delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea fl-Etjopja, għal perijodu ta’ erba’ snin.

2        Permezz ta’ nota tas-SEAE tat‑22 ta’ Marzu 2016, l-uffiċjali tas-SEAE f’pożizzjoni fid-delegazzjonijiet ikkonċernati mill-eżerċizzju ta’ rotazzjoni li kellu jsir fl‑2017 jew fl‑2018 ġew informati bil-possibbiltà li jressqu talba għal rotazzjoni antiċipata jew għal estensjoni tal-assenjazzjoni tagħhom. Din in-nota kienet tindika li l-kunsens kien ser jingħata biss f’każijiet eċċezzjonali li jkunu debitament immotivati, wara li jitqies l-interess tas-servizz.

3        Fil‑15 ta’ April 2016, ir-rikorrenti ressqet tali talba għal estensjoni, fejn indikat li xtaqet tivvalorizza l-esperjenza tagħha fl-Etjopja għall-ħames sena qabel ma tirtira fl‑1 ta’ Settembru 2018.

4        Permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Ġunju 2016 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), l-Awtorità tal-Ħatra (iktar ’il quddiem l-“Awtorità tal-Ħatra ”) tas-SEAE ċaħdet din it-talba, filwaqt li indikat li, “fl-interess li tiġi żgurata rotazzjoni regolari tal-kapijiet ta’ delegazzjoni, kienet ġiet implimentata b’mod ġenerali politika ċara ta’ mobilità wara massimu ta’ erba’ snin fil-pożizzjoni”.

5        Permezz ta’ nota tad‑29 ta’ Settembru 2016, ir-rikorrenti ressqet, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), ilment intiż kontra d-deċiżjoni kkontestata, liema lment ġie rreġistrat fit‑30 ta’ Settembru 2016. Insostenn ta’ dan l-ilment, hija argumentat li d-deċiżjoni kkontestata kienet tmur ġuridikament kontra l-interess tas-servizz, il-kontinwità tas-servizz, it-trasparenza, l-ugwaljanza fit-trattament u l-osservanza tal-miżuri ta’ diskriminazzjoni pożittiva favur in-nisa. Skont ir-rikorrenti:

–        l-interess tas-servizz huwa li tinżamm delegazzjoni mmexxija tajjeb, taħt id-direzzjoni ta’ kap ta’ delegazzjoni b’esperjenza; hija kellha l-esperjenza u r-relazzjonijiet neċessarji sabiex tikkontribwixxi għas-salvagwardja tal-istabbiltà tal-Etjopja u għat-twaqqif tal-fluss migratorju, u dan fl-interess tal-Unjoni;

–        it-tluq tagħha kien joħloq nuqqas ta’ kontinwità tas-servizz fuq il-livell tal-ġestjoni żgurat mis-SEAE;

–        ma ngħatatilha l-ebda spjegazzjoni dwar ir-rifjut tal-estensjoni

–        it-talba kienet ġiet imressqa fl-istess spirtu bħal oħrajn li kienu ntlaqgħu;

–        kieku ttieħdet deċiżjoni f’dan is-sens, l-estensjoni tagħha fil-pożizzjoni ta’ kap ta’ delegazzjoni, bħala mara bi grad AD 14, kienet tikkostitwixxi miżura ta’ diskriminazzjoni pożittiva eżemplari.

6        Permezz ta’ deċiżjoni tal‑1 ta’ Frar 2017, li ġiet ikkomunikata lir-rikorrenti fit‑3 ta’ Frar 2017 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment”), is-Segretarju Ġenerali tas-SEAE, fil-kwalità tiegħu ta’ Awtorità tal-Ħatra, ċaħad l-ilment. Skont l-Awtorità tal-Ħatra:

–        l-amministrazzjoni għandha setgħa wiesgħa sabiex tevalwa l-bżonnijiet marbuta mal-interess tas-servizz; dan tal-aħħar jirrikjedi mobbiltà regolari tal-persunal fid-delegazzjonijiet, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-kapijiet ta’ dawn tal-aħħar; mingħajr prevedibbiltà u awtomatiċità, l-effettività tal-eżerċizzju ta’ rotazzjoni tkun kompromessa; is-sitwazzjoni fl-Etjopja ma tistax tiġi kklassifikata bħala “eċċezzjonali”; ir-raġunijiet personali ma jikkostitwixxux raġuni valida sabiex tingħata deroga;

–        il-kontinwità tas-servizz tkun żgurata mis-SEAE bil-preżenza tal-viċi kap tad-delegazzjoni;

–        id-deċiżjoni kkontestata kienet b’mod ċar, għalkemm fil-qosor, immotivata mill-politika tas-SEAE li tiġi żgurata mobbiltà regolari tal-persunal;

–        ir-rikorrenti ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ distinzjoni arbitrarja jew manifestament inadegwata meta mqabbla mal-għan imfittex;

–        fl-assenza ta’ obbligu f’dan is-sens, ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni l-kwalità tagħha ta’ mara sabiex titqies l-estensjoni mitluba, peress li din għandha tkun immotivata biss mill-interess tas-servizz.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

7        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑15 ta’ Mejju 2017, ir-rikorrenti ippreżentat dan ir-rikors.

8        Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura.

9        Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet instemgħu matul is-seduta tal‑15 ta’ Mejju 2018.

10      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat;

–        tannulla d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment;

–        lis-SEAE jħallasha, bħala kumpens għad-dannu morali, is-somma f’daqqa, prinċipalment, ta’ EUR 250 000, sussidjarjament, ta’ EUR 200 000 jew, iktar sussidjarjament, ta’ EUR 150 000, ta’ EUR 100 000 jew ta’ EUR 50 000;

–        tikkundanna lis-SEAE għall-ispejjeż tal-istanza.

Is-SEAE jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Fid-dritt

 Fuq l-att ikkontestat

11      Fl-att promotur, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-“deċiżjoni meħuda mill-[Awtorità tal-Ħatra] tas-[SEAE] [Ares (2017) 615970–03/02/2017] fir-rigward taċ-ċaħda tal-estensjoni ta’ sena tal-missjoni [tagħha] […] bħala Kap tad-Delegazzjoni tal-UE fir-Repubblika Federali Demokratika tal-Etjopja”.

12      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-att hekk identifikat mir-rikorrenti permezz tan-numru li huwa attribwit lilu fid-database Ares jikkorrispondi għad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment.

13      Hawnhekk għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita applikabbli fil-qasam tad-dritt tas-servizz pubbliku tal-Unjoni, l-ilment amministrattiv, kif previst fl-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, u ċ-ċaħda tiegħu, espliċita jew impliċita, jifformaw parti integrali minn proċedura kumplessa u jikkostitwixxu biss prerekwiżit sabiex tkun tista’ tiġi adita l-qorti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, rikors, anki jekk ikun formalment intiż kontra ċ-ċaħda tal-ilment, għandu l-effett li jadixxi l-qorti bl-att li jikkawża preġudizzju li kontrih ikun ġie ppreżentat l-ilment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Jannar 1989, Vainker vs Il‑Parlament, 293/87, EU:C:1989:8, punti 7 u 8), ħlief fil-każ fejn iċ-ċaħda tal-ilment ikollha portata differenti minn dik tal-att li kontrih dan l-ilment kien tressaq (sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2006, Staboli vs Il‑Kummissjoni, T‑281/04, EU:T:2006:334, punt 26).

14      Fil-fatt, kull deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ lment, kemm jekk tkun impliċita kif ukoll jekk tkun espliċita, kull ma tagħmel, jekk tkun pura u sempliċi, huwa li tikkonferma l-att jew l-astensjoni li l-lanjant jilmenta dwaru u ma tikkostitwixxix, waħedha, att li jista’ jiġi kkontestat, b’mod li t-talbiet intiżi kontra din id-deċiżjoni mingħajr kontenut awtonomu meta mqabbla mad-deċiżjoni inizjali għandhom jiġu kkunsidrati bħala intiżi kontra l-att inizjali. Deċiżjoni espliċita ta’ ċaħda ta’ lment tista’, fid-dawl tal-kontenut tagħha, ma jkollhiex natura konfermatorja tal-att kkontestat mir-rikorrent. Dan ikun il-każ meta d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment ikun fiha eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tar-rikorrent fir-rigward tal-punti ta’ liġi u ta’ fatt ġodda, jew meta timmodifika jew tissupplimenta d-deċiżjoni inizjali. F’dawn l-ipoteżi, iċ-ċaħda tal-ilment tikkostitwixxi att suġġett għall-istħarriġ tal-qorti, li teħodha inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-legalità tal-att ikkontestat, jew tqisha att li jikkawża preġudizzju li jissostitwixxi lil dan tal-aħħar (ara s-sentenzi tal‑24 ta’ April 2017, HF vs Il‑Parlament (T‑584/16, EU:T:2017:282, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata tal‑15 ta’ Settembru 2017, Skareby vs SEAE, T‑585/16, EU:T:2017:613, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

15      F’dan il-każ, id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment fil-fatt tikkonferma biss id-deċiżjoni kkontestata, peress li hija ma tibdilx il-parti dispożittiva tagħha u lanqas ma tinkludi eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tar-rikorrenti fir-rigward ta’ punti ta’ liġi jew ta’ fatt ġodda. Il-fatt li l-awtorità li għandha s-setgħa tiddeċiedi fuq l-ilment tar-rikorrenti kellha, bi tweġiba għall-argumenti mressqa mir-rikorrenti fl-ilment, tagħmel kjarifiki fir-rigward tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata ma jistax jiġġustifika li ċ-ċaħda tal-ilment titqies bħala att awtonomu li jikkawża preġudizzju lir-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Diċembru 2009, Il‑Kummissjoni vs Birkhoff, T‑377/08 P, EU:T:2009:485, punti 55 u 56, u tal‑14 ta’ Novembru 2013, Europol vs Kalmár, T‑455/11 P, EU:T:2013:595, punt 41).

16      F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment hija nieqsa minn kontenut awtonomu, it-talbiet għal annullament għandhom jitqiesu bħala li huma intiżi biss kontra d-deċiżjoni kkontestata, li l-legalità tagħha għandha madankollu tiġi eżaminata filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni l-motivazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2017, HQ vs OCVV, T‑592/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:897, punt 21).

 Fuq it-talbiet għal annullament

17      Insostenn tat-talbiet għal annullament, ir-rikorrenti tippreżenta tliet motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-interess u tal-kontinwità tas-servizz, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-obbligu ta’ trasparenza u, it-tielet wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-interess u tal-kontinwità tas-servizz

18      L-ewwel motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet li jirrigwardaw, rispettivament, l-interess u l-kontinwità tas-servizz.

–       Fuq l-ewwel parti, dwar l-interess tas-servizz

19      Fl-ewwel parti, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tmur kontra l-interess tas-servizz li, fil-fehma tagħha, kien jeħtieġ li tingħatalha l-estensjoni li hija kienet talbet.

20      Insostenn tal-pożizzjoni tagħha, hija tressaq erba’ argumenti.

21      L-ewwel nett, hija ssostni li ma kienx hemm għalfejn tiġi ddisturbata delegazzjoni li, taħt id-direzzjoni tagħha, kienet topera b’livell għoli ta’ prestazzjoni u ta’ motivazzjoni.

22      Sussegwentement, hija ssostni li fl-Etjopja kellha tinżamm delegazzjoni kompletament operazzjonali minħabba l-għajnuna mogħtija mill-Unjoni lil dan il-pajjiż u r-riskji li kien hemm għall-Unjoni, minħabba l-possibbiltajiet ta’ destabilizzazzjoni lokali jew reġjonali jistgħu joħolqu kriżi ġdida ta’ migrazzjoni.

23      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tqis li hija kienet tissodisfa l-aħjar ir-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfatti għall-bżonnijiet tal-kariga: esperjenza miksuba fil-qasam diplomatiku, b’mod partikolari l-għajnuna għall-iżvilupp; għarfien miksub dwar il-pajjiż u r-reġjun ikkonċernat; relazzjonijiet ta’ fiduċja u ta’ rispett maħluqa mal-awtoritajiet lokali; aċċess għal data pprivileġġata b’riżultat tal-integrazzjoni tagħha f’netwerks informati tajjeb.

24      Fl-aħħar nett, hija tenfasizza li l-fatt li ma tingħatax l-estensjoni mitluba jista’ jinftiehem bħala att ta’ ġestjoni ħażina tal-fondi pubbliċi u li dan l-argument jista’ jiġi sfruttat f’diversi Stati Membri minn partiti tal-lemin estrem li jopponu għall-integrazzjoni Ewropea.

25      Dawn l-argumenti huma kkontestati mis-SEAE.

26      F’dan ir-rigward, jidher li, f’dan il-każ, ir-rikorrenti tikkontesta deċiżjoni meħuda fil-konfront tagħha fil-kuntest tal-politika ta’ mobilità implimentata mis-SEAE u li, bħala prinċipju, timplika rotazzjoni, kull erba’ snin, għal kull membru tal-persunal – fejn din il-politika hija bbażata fuq l-atti li ġejjin:

–        l-Artikolu 2 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, li jipprevedi li perijodikament l-uffiċjali assenjati f’pajjiż terz għandhom jiġu ttrasferiti skont proċedura speċifika, imsejħa l-“proċedura tal-mobbiltà”;

–        l-Artikolu 6(10) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE tas‑26 ta’ Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-SEAE (ĠU 2010, L 201, p. 30), li jipprovdi li r-“Rappreżentant Għoli għandu jistabbilixxi r-regoli dwar il-mobbiltà sabiex ikun żgurat li l-membri tal-persunal tas-SEAE jkunu soġġetti għal grad għoli ta’ mobbiltà”;

–        l-“EU Delegations’ guide” (il-Gwida tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni), li tipprevedi li assenjazzjoni f’delegazzjoni normalment iddum erba’ snin u li l-persunal għandu l-possibbiltà li jitlob estensjoni jew tluq antiċipat, filwaqt li għandu jiġi mifhum li dawn id-derogi jingħataw biss f’każijiet eċċezzjonali, li għandhom ikunu debitament immotivati u jieħdu inkunsiderazzjoni l-interess tas-servizz.

27      Dwar din il-politika ta’ rotazzjoni, għandu jiġi nnotat li, skont il-ġurisprudenza, l-istituzzjonijiet għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-organizzazzjoni tas-servizzi tagħhom skont il-missjonijiet fdati lilhom u fl-assenjazzjoni, fid-dawl tagħhom, tal-persunal li jinsab għad-dispożizzjoni tagħhom, bil-kundizzjoni li din l-assenjazzjoni ssir fl-interess tas-servizz u tosserva l-ekwivalenza tal-impjiegi (ara, f’dan s-sens, is-sentenzi tat‑23 ta’ Marzu 1988, Hecq vs Il‑Kummissjoni, 19/87, EU:C:1998:165, punt 6, u tad‑19 ta’ Ottubru 2017, Bernaldo de Quiros vs Il‑Kummissjoni, T‑649/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:736, punt 22).

28      Fl-istħarriġ li hija teżerċita fuq id-deċiżjonijiet li jirrigwardaw l-organizzazzjoni tas-servizzi, il-Qorti Ġenerali, meta tkun adita b’rikors, għandha tivverifika jekk l-Awtorità tal-Ħatra baqgħetx f’limiti raġonevoli u ma użatx is-setgħa diskrezzjonali tagħha b’mod manifestament żbaljat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2000, Dejaiffe vs UASI, T‑223/99, EU:T:2000:292, punt 53, u tal‑21 ta’ Settembru 2004, Soubies vs Il‑Kummissjoni, T‑325/02, EU:T:2004:271, punt 50).

29      Sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ żball manifest, ir-rikorrenti għandha tipproduċi provi li jirrendu l-evalwazzjonijiet imwettqa mill-amministrazzjoni implawżibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ April 2013, Demeneix vs Il‑Kummissjoni, F‑96/12, EU:F:2013:52, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      F’dan il-każ, jidher li dan ir-rekwiżit ma ġiex issodisfatt, peress li r-rikorrenti ppreżentat il-viżjoni tagħha ta’ dak li kien jimplika, skont hija, l-interess tas-servizz mingħajr ma kkontestat b’mod konvinċenti l-evalwazzjonijiet imwettqa mis-SEAE, evalwazzjonijiet li hija ma rnexxilhiex timmina l-kredibbiltà tagħhom.

31      Għaldaqstant, għal dak li jirrigwarda l-ewwel argument, is-SEAE seta’ jqis, mingħajr ma jwettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni li d-delegazzjoni kienet tkompli tiffunzjona b’mod adegwat meta titqiegħed taħt id-direzzjoni ta’ kap ta’ delegazzjoni ġdid maħtur, b’mod partikolari, fuq il-bażi tal-kwalitajiet ta’ ġestjoni tiegħu.

32      Fir-rigward tat-tieni argument, is-SEAE seta’ jqis, mingħajr ma jwettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni li d-diffikultajiet li wieħed jiltaqa’ magħhom fil-pajjiż jew fir-reġjun ikkonċernat ma kinux differenti, fin-natura tagħhom, jew fl-intensità tagħhom, minn dawk li wieħed jiltaqa’ magħhom post ieħor mingħajr ma dan għandu jostakola l-eżerċizzju ta’ rotazzjoni, peress li dawn id-diffikultajiet setgħu jiġu ttrattati, b’mod daqstant ieħor effiċjenti, minn diplomatiku ieħor, magħżul fuq il-bażi tal-esperjenza u tal-għarfien meħtieġa sabiex jokkupa din it-tip ta’ kariga f’din ix-xorta ta’ delegazzjoni.

33      Dwar it-tielet argument, is-SEAE seta’ jqis mingħajr ma jwettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni li kull kap ta’ delegazzjoni f’pożizzjoni għal diversi snin kellu neċessarjament ikollu l-kwalitajiet enfasizzati mir-rikorrenti u li l-fatt li tingħata fuq din il-bażi l-estensjoni mitluba jirrendi impossibbli, jew kważi impossibbli, l-eżerċizzju ta’ rotazzjoni, f’dan il-livell ta’ responsabbiltà.

34      Dwar dan l-argument tal-aħħar, is-SEAE seta’ jqis mingħajr ma jwettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni li l-mobbiltà regolari fi ħdan l-organizzazzjoni tiegħu, b’mod partikolari fid-delegazzjoni kkonċernata, kienet tikkontribwixxi għal ġestjoni soda tal-finanzi pubbliċi u għat-tisħiħ tal-immaġni tal-Unjoni peress li din kienet allinjata mal-prattika segwita f’dan il-qasam fl-Istati Membri.

35      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif jindika s-SEAE, il-mobbiltà hija prinċipju stabbilit fl-organizzazzjoni tas-servizzi diplomatiċi, bil-għan li tiġi evitata prossimità eċċessiva, li tista’ tirriżulta minn preżenza twila wisq, bejn id-diplomatiċi u l-awtoritajiet, l-organizzazzjonijiet u l-ambjenti influwenti tal-pajjiżi akkreditati.

36      Peress li dawn l-ispjegazzjonijiet huma plawżibbli, għandu jitqies li, fid-dawl tal-argumenti ppreżentati mir-rikorrenti fl-ewwel parti ta’ dan l-ewwel motiv, l-evalwazzjoni mwettqa mis-SEAE ma tidhirx li kienet ivvizzjata bi żball manifest, bil-konsegwenza li din l-ewwel parti għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq it-tieni parti, dwar il-kontinwità tas-servizz

37      Skont ir-rikorrenti, il-kontinwità tas-servizz kienet teħtieġ li tingħatalha l-estensjoni mitluba sa fejn in-numru ta’ dawk li kienu ser jitilqu li kienu mħabbra fid-delegazzjoni kien ta’ natura tali li tiddestabbilizza lil din tal-aħħar fin-nuqqas tal-ankra soda li kienet tikkostitwixxi ż-żamma tal-kap tad-delegazzjoni.

38      Is-SEAE jikkontesta din il-pożizzjoni.

39      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-interess tas-servizz jeħtieġ li ma jseħħ l-ebda ksur fil-kontinwità tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2017, PF vs Il‑Kummissjoni, T‑617/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:829, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata) bil-konsegwenza li l-istħarriġ għandu jirrigwarda, ukoll, l-eżistenza ta’ żbalji manifesti eventwali li jirrendu implawżibbli l-evalwazzjonijiet imwettqa mill-Awtorità tal-Ħatra (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 28 u 29 iktar ’il fuq).

40      F’dan il-każ, ir-rikorrenti tenfasizza li, minbarra t-tluq tagħha, dak ta’ ħames persuni oħra li jokkupaw pożizzjonijiet importanti kien previst għall-eżerċizzju ta’ rotazzjoni 2017, jiġifieri, minn naħa, minn fost il-persunal tas-SEAE, l-assistent tagħha, il-kap tal-Amministrazzjoni u l-kap tat-taqsima Politika u, min-naħa l-oħra, minn fost il-persunal tad-Direttorat Ġenerali tal-Kooperazzjoni Internazzjonali u tal-Iżvilupp, il-kap tal-Kooperazzjoni u l-kap tat-taqsima “Żvilupp Rurali u Sigurtà tal-Ikel”.

41      F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi enfasizzat li t-tiġdid tal-persunal huwa inerenti għall-eżerċizzju ta’ mobbiltà u ma jippreġudikax, minnu nnifsu, il-kontinwità tas-servizz, fejn din il-kontinwità hija żgurata permezz ta’ konsultazzjoni bejn il-persunal li jkun ħiereġ, il-persunal li jkun ser jibqa’ u l-persunal li jkun wasal, li jintgħażel b’mod partikolari abbażi tal-għarfien u tal-esperjenza li jista’ juża għal din ix-xorta ta’ pożizzjoni kkonċernata.

42      L-argument imressaq mir-rikorrenti ma jdgħajjifx il-kredibbiltà tal-evalwazzjonijiet imwettqa mis-SEAE, fejn dan tal-aħħar seta’ jqis mingħajr ma jwettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, li, f’dan il-każ, il-kontinwità tkun żgurata, fil-kuntest ta’ din il-konsultazzjoni, l-ewwel nett, biż-żamma tal-viċi kap tad-delegazzjoni li kien diġà ilu jokkupa l-pożizzjoni għal sentejn u kellu jibqa’ għal sentejn oħra, it-tieni nett, bil-wasla ta’ kap ġdid tat-taqsima Politika li kellu għarfien u esperjenza xierqa u, it-tielet nett, bl-inklużjoni tal-pożizzjoni ta’ kap tad-delegazzjoni fil-lista ta’ pożizzjonijiet li għandhom jimtlew fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ rotazzjoni tal-2017 b’tali mod li din il-pożizzjoni ma tibqa’ qatt battala.

43      Bl-istess mod, is-SEAE seta’ jqis, mingħajr ma jwettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni li, sabiex tkun żgurata l-kontinwità fuq terminu medju, kellha ssir il-ħatra tal-kap il-ġdid tad-delegazzjoni fl-2017 sabiex it-tim ikun jista’ janalizza, taħt din id-direzzjoni l-ġdida, l-iżviluppi mistennija li jseħħu fil-pajjiż wara l-elezzjonijiet li kellhom isiru hemmhekk.

44      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li peress li ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni ma ġie stabbilit, il-parti dwar il-kontinwità tas-servizz għandha tiġi miċħuda hekk kif għandu jiġi miċħud l-ewwel motiv ikkunsidrat kollu kemm huwa, peress li ż-żewġ partijiet li jikkostitwixxuh ġew miċħuda.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ trasparenza.

45      Ir-rikorrenti ssostni li r-regoli ta’ trasparenza ma ġewx osservati, peress li ma ngħatatilha l-ebda spjegazzjoni reali ħlief l-affermazzjoni kkomunikata bil-fomm li l-politika ta’ mobbiltà ma kellha ebda eċċezzjoni, affermazzjoni li, mill-bqija, hija żbaljata fid-dawl ta’ sitwazzjonijiet oħrajn li fihom kienu ġew aċċettati eċċezzjonijiet.

46      F’dan ir-rigward, biżżejjed jiġi kkonstatat li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi formalità essenzjali li għandha tkun distinta mill-fondatezza ta’ din il-motivazzjoni, li taqa’ taħt il-legalità fuq il-mertu tal-att ikkontestat (ara s-sentenzi tal‑1 ta’ Marzu 2017, Silvan vs Il‑Kummissjoni, T‑698/15 P, mhux ippubblikata, EU:T:2017:131, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad‑19 ta’ Lulju 2017, Il‑Parlament vs Meyrl, T‑699/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2017:524, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      Skont il-kliem ifformulat fl-Artikolu 296 TFUE l-obbligu ta’ motivazzjoni kif previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal għandu bħala għan, minn naħa, li jipprovdi lill-persuna kkonċernata b’informazzjoni suffiċjenti sabiex tkun taf jekk l-att huwiex fondat, jew jekk eventwalment huwiex ivvizzjat b’difett li jippermetti li tiġi kkontestata l-validità tiegħu quddiem il-qorti tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lil din tal-aħħar teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità ta’ dan l-att (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Jannar 2017, LP vs Europol, T‑719/15 P, mhux ippubblikata, EU:T:2017:7, punt 17).

48      F’dan il-każ, is-SEAE indika, fid-deċiżjoni kkontestata, li r-rifjut tal-estensjoni kien ibbażat fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata rotazzjoni regolari tal-kapijiet ta’ delegazzjoni, fejn politika ċara ta’ mobilità wara massimu ta’ erba’ snin hija ġeneralment segwita.

49      Din il-motivazzjoni kienet ġiet riprodotta, u ddettaljata, fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, fejn l-argumenti mqajma mir-rikorrenti kienu ġew analizzati fid-dettall hekk kif jirriżulta mill-punt 6 iktar ’il fuq.

50      Barra minn hekk, l-argument ibbażat fuq in-natura żbaljata tal-motivazzjoni huwa sovrappost mal-motiv dwar l-ugwaljanza fit-trattament, li huwa ttrattat iktar ’l isfel.

51      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq, jirriżulta li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat ukoll.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

52      It-tielet motiv huwa maqsum fi tliet partijiet.

–       Fuq l-ewwel parti, dwar diskriminazzjoni ta’ natura razzjali kontra r-rikorrenti

53      Fl-ewwel parti, ir-rikorrenti ssostni li ċ-ċaħda tat-talba tagħha kienet ibbażata fuq diskriminazzjoni ta’ natura antisemitika.

54      Indipendentement min-natura ġenerali ta’ dawn l-allegazzjonijiet, għandu jitfakkar li l-Artikolu 91(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jeżiġi, taħt piena ta’ inammissibbiltà, li motiv imqajjem quddiem il-qorti ikun tqajjem fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża, sabiex l-Awtorità tal-Ħatra setgħet tkun taf il-kritika li l-persuna kkonċernata tressaq kontra d-deċiżjoni kkontestata (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2013, Il‑Kummissjoni vs Moschonaki, T‑476/11 P, EU:T:2013:557, punti 71 u 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      F’dan il-każ, fl-ilment tagħha, ir-rikorrenti ma għamlet l-ebda riferiment għal suspetti ta’ raġunijiet ta’ natura antisemitika. Barra minn hekk, hija ma allegatx li ċirkustanzi li seħħew wara l-ilment jistgħu jagħtu lok għal suspetti ta’ diskriminazzjoni fil-konfront tagħha.

56      Għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

–       Fuq it-tieni parti, dwar l-għoti ta’ estensjoni lil kapijiet ta’ delegazzjoni oħra

57      Fit-tieni parti, ir-rikorrenti tqis li s-SEAE kiser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta rrifjutalha l-estensjoni, imma taha lil kapijiet ta’ delegazzjoni oħra li madankollu kienu jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli.

58      Infakkar, f’dan ir-rigward, li l-obbligu li tiġi żgurata ugwaljanza fit-trattament jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, stabbilit mill-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2010, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il‑Kummissjoni, C‑550/07 P, EU:C:2010:512, punti 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59      Skont il-ġurisprudenza, dan il-prinċipju jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, ħlief jekk tali trattament ikun oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2010, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni, C-550/07 P, EU:C:2010:512, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      Il-prinċipju ma huwiex miksur minn differenzi ġġustifikati abbażi ta’ kriterju oġġettiv u raġonevoli meta dawn id-differenzi huma proporzjonati mal-għan imfittex bid-differenzazzjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Marzu 2004, Afari vs BĊE, T‑11/03, EU:T:2004:77, punt 65, u tat‑23 ta’ Jannar 2007, Chassagne vs Il‑Kummissjoni, F‑43/05, EU:F:2007:14, punt 91).

61      Fl-argumenti tiegħu, is-SEAE jenfasizza li d-deċiżjonijiet dwar l-estensjonijiet huma bbażati fuq l-interess tas-servizz, fejn il-prinċipju ta’ ugwaljanza diffiċilment ikun applikabbli għalihom, peress li l-paraguni huma kkumplikati minħabba d-differenzi li jeżistu bejn il-pajjiżi.

62      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-prinċipju inkwistjoni għandu portata ġenerali u japplika għall-atti adottati mill-Awtorità tal-Ħatra fil-kuntest tar-Regolamenti tal-Persunal kull darba li huwa possibbli li jsir paragun bejn sitwazzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2006, Buendia Sierra vs Il‑Kummissjoni, T‑311/04, EU:T:2006:329, punt 130).

63      L-applikazzjoni tiegħu fiha nnifisha ma hijiex prekluża mill-fatt li d-deċiżjonijiet dwar it-talbiet għal estensjoni jkunu bbażati fuq l-interess tas-servizz, fejn dan l-interess jinsab fost il-kriterji oġġettivi u raġonevoli li jistgħu jiġġustifikaw differenza fit-trattament bejn uffiċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2006, De Smedt vs Il‑Kummissjoni, F‑59/05, EU:F:2006:105, punt 76).

64      Min-noti ppreżentati mill-partijiet u mid-diskussjonijiet li seħħew waqt is-seduta, jirriżulta li, anki jekk ma huwiex faċli, paragun huwa possibbli bejn it-tweġibiet mogħtija għat-talbiet għal estensjoni, peress li s-SEAE stess jagħmel tali paragun fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment billi jenfasizza kif il-kapijiet ta’ delegazzjoni msemmija mir-rikorrenti kienu jinsabu f’sitwazzjonijiet differenti minn tagħha.

65      Għalhekk, id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment tanalizza l-argumenti magħmula mir-rikorrenti fir-rigward ta’ erba’ talbiet milqugħa b’mod favorevoli filwaqt li l-persuni kkonċernati kienu jinsabu f’sitwazzjonijiet paragunabbli għal tagħha fir-rigward tal-età tal-irtirar u tal-instabbiltà politika li kien hemm fil-pajjiż akkreditarju.

66      Dan l-argument għandu jiġi eżaminat abbażi tal-ġurisprudenza li tagħti lill-amministrazzjoni setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tiddeċiedi l-miżuri li għandhom jittieħdu fl-interess tas-servizz, fejn il-qorti tal-Unjoni jkollha, għaldaqstant, tivverifika, fl-istħarriġ tagħha, jekk twettqitx differenza arbitrarja jew twettaqx żball manifest ta’ evalwazzjoni (sentenza tal‑25 ta’ Frar 2010, Pleijte vs Il‑Kummissjoni, F‑91/08, EU:F:2010:13, punt 58).

67      Mid-diskussjonijiet bejn il-partijiet, jidher li, fost il-fajls invokati mir-rikorrenti, żewġ talbiet kienu relatati mal-eżerċizzju ta’ rotazzjoni li matulu t-talba għal estensjoni kienet tressqet mir-rikorrenti, jiġifieri l-eżerċizzju ta’ rotazzjoni 2017.

68      F’każ wieħed, ingħatat l-estensjoni, skont is-SEAE, sabiex diplomatiku jinżamm fil-pożizzjoni matul il-perijodu normali ta’ assenjazzjoni barra mill-pajjiż, jiġifieri erba’ snin, peress li l-assenjazzjoni oriġinarjament ingħatat għal perijodu limitat ta’ tliet snin minħabba li din kienet assenjazzjoni f’pajjiż “diffiċli”. F’dak il-każ, is-SEAE xtaq jallinja t-tul tal-assenjazzjoni għal dik il-persuna mal-prassi segwita fis-servizz, jiġifieri assenjazzjoni ta’ massimu ta’ erba’ snin. Għas-SEAE, din is-sitwazzjoni hija differenti minn dik li kienet tinsab fiha r-rikorrenti, peress li din tal-aħħar kienet ġiet assenjata mill-ewwel għal perijodu ta’ erba’ snin fil-pożizzjoni tagħha ta’ kap ta’ delegazzjoni.

69      Fil-każ l-ieħor, id-deċiżjoni kienet immotivata, skont is-SEAE, mill-bżonn li l-kap tad-delegazzjoni jinżamm fil-pożizzjoni tiegħu sabiex it-tim ikun jista’ jsegwi taħt id-direzzjoni tiegħu l-iżviluppi marbuta maż-żamma ta’ elezzjonijiet fil-pajjiż akkreditarju.

70      Ir-rikorrenti ssostni li elezzjonijiet kienu seħħew ukoll fil-pajjiż li fih hija kienet ġiet assenjata bil-konsegwenza li, għall-istess raġunijiet, it-talba tagħha kien imissha ġiet milqugħa.

71      Skont is-SEAE, iż-żewġ sitwazzjonijiet, madankollu, ma jistgħux jiġu pparagunati, minħabba li l-elezzjonijiet ikkunsidrati fid-deċiżjonijiet ma kinux seħħew fl-istess mument fir-rigward tat-tluq possibbli tal-kap tad-delegazzjoni. Fil-pajjiż fejn kienet ingħatat l-estensjoni, dawn ġraw qabel l-eżerċizzju ta’ rotazzjoni, fatt li kien irrenda deżiderabbli ż-żamma fil-pożizzjoni tal-kap tad-delegazzjoni sabiex jiġu analizzati l-iżviluppi li segwew. Dan kien differenti fil-pajjiż ta’ assenjazzjoni tar-rikorrenti, fejn l-elezzjonijiet seħħew wara t-tluq tal-kap tad-delegazzjoni, fatt li kien irrenda preferibbli li sseħħ bidla immedjata, sabiex it-tim għalhekk ikun jista’ jsegwi l-proċess kollu mmexxi minn direzzjoni ġdida.

72      Fin-noti tagħha, ir-rikorrenti tanalizza wkoll żewġ każijiet oħra fejn, fil-fehma tagħha, kienet ingħatat estensjoni bi ksur tal-ugwaljanza fit-trattament.

73      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-każijiet inkwistjoni kienu jirrigwardaw eżerċizzji ta’ rotazzjoni preċedenti bil-konsegwenza li, anki jekk dawn jibqgħu possibbli, il-paraguni huma inqas immedjati, peress li l-prijoritajiet u r-restrizzjonijiet jistgħu jvarjaw maż-żmien.

74      F’każ wieħed, ingħatat estensjoni, skont is-SEAE, fid-dawl tal-fatt li, kuntrarjament għal dik immexxija mir-rikorrenti, id-delegazzjoni ma kellha l-ebda viċi kap ta’ delegazzjoni. F’ieħor, din kienet ingħatat sabiex jiġi evitat li t-tluq tal-kap tad-delegazzjoni jikkoinċidi ma’ dak tal-kap tat-taqsima Politika, fatt li ma kienx mixtieq, peress li d-delegazzjoni kienet magħmula minn tim żgħir fejn il-kontinwità ma setgħetx tkun żgurata mill-membri li kienu ser jibqgħu.

75      F’ebda wieħed minn dawn iż-żewġ fajls, u lanqas f’dawk eżaminati iktar ’il fuq, id-deċiżjoni li tingħata l-estensjoni ma kienet ittieħdet, fi kwalunkwe każ, sabiex il-persuna kkonċernata tkun tista’ ttemm il-karriera tagħha fil-pożizzjoni li fiha hija kienet assenjata, peress li d-deċiżjoni kienet ibbażata, bil-kontra, fuq evalwazzjoni mwettqa fir-rigward tal-interess tas-servizz u relatata mal-kontribut li ż-żamma tal-persuna kkonċernata kienet tikkostitwixxi fir-rigward tal-vantaġġ li seta’ jinkiseb mill-wasla ta’ direzzjoni ġdida.

76      Skont il-Qorti Ġenerali, dawn il-kunsiderazzjonijiet ifformulati fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment sabiex jispjegaw id-differenza magħmula bejn il-fajls huma ta’ natura plawżibbli mingħajr ma r-rikorrenti pproduċiet provi li jindikaw li setgħet twettqet diskriminazzjoni arbitrarja jew seta’ twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni.

77      Fir-rigward tal-post li jista’ jingħata lill-kunsiderazzjonijiet personali bħax-xewqa li ttemm il-karriera tagħha f’post determinat, għandu jitfakkar li d-deċiżjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq l-interess tas-servizz u li, anki jekk l-awtorità tista’ teħodhom inkunsiderazzjoni, tali kunsiderazzjonijiet ma jistgħux jieħdu preċedenza fuq elementi oħra meqjusa bħala iktar importanti fir-rigward ta’ dan l-interess.

78      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, it-tieni parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq it-tielet parti, dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu fir-rigward tan-nisa

79      Fit-tielet parti, ir-rikorrenti tqis li t-talba tagħha kien imissha ġiet aċċettata fuq il-bażi tal-Artikolu 1d(2) u (3) tar-Regolamenti tal-Persunal, li, fil-fehma tagħha, jimplika l-adozzjoni ta’ miżuri li jikkumpensaw għall-fatt li n-nisa huma inqas irrappreżentati fil-karigi ta’ direzzjoni fis-servizz pubbliku tal-Unjoni.

80      Is-SEAE kkritika din il-pożizzjoni.

81      Skont l-Artikolu 1d(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, ugwaljanza sħiħa bejn l-irġiel u n-nisa fil-ħajja tax-xogħol għandha tkun element essenzjali li għandu jkun ikkunsidrat fl-implimentazzjoni tal-aspetti kollha tar-Regolamenti tal-Persunal.

82      Skont din l-istess dispożizzjoni, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma għandux jipprojbixxi lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni milli jżommu jew jadottaw miżuri li jipprevedu vantaġġi speċifiċi sabiex jagħmluha iktar faċli għas-sess li huwa inqas irrappreżentat li jfittex attività professjonali jew sabiex jipprevjenu jew jikkumpensaw għal żvantaġġi fil-karrieri professjonali.

83      Skont l-Artikolu 1d(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, l-Awtoritajiet tal-Ħatra tal-istituzzjonijiet għandhom jistabbilixxu, bi ftehim komuni, wara li jikkonsultaw mal-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal, il-miżuri u l-azzjonijiet sabiex jippromwovu opportunitajiet indaqs bejn l-irġiel u n-nisa fl-oqsma koperti mir-Regolamenti tal-Persunal u għandhom jadottaw id-dispożizzjonijiet xierqa li jindirizzaw it-tali de facto inugwaljanzi li jfixklu l-opportunitajiet għan-nisa f’dawn l-oqsma.

84      Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta, l-ewwel nett, li l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa hija element “essenzjali” għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal, it-tieni nett, li din id-dimensjoni għandha tkun fl-aspetti “kollha” marbuta ma’ din l-implimentazzjoni, it-tielet nett, li l-istituzzjonijiet jistgħu jadottaw miżuri intiżi sabiex jikkumpensaw għall-fatt li n-nisa huma inqas irrappreżentati f’ċerti karigi u, ir-raba’ nett, li dawn għandhom jistabbilixxu bi ftehim komuni miżuri sabiex jindirizzaw it-tali de facto inugwaljanzi li jfixklu l-opportunitajiet għan-nisa.

85      Skont is-SEAE, il-ġeneru ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni fid-deċiżjonijiet dwar l-estensjoni ta’ assenjazzjoni f’pożizzjoni ta’ kap ta’ delegazzjoni, peress li tali deċiżjonijiet għandhom ikunu bbażati, b’mod esklużiv, fuq l-interess tas-servizz.

86      Din il-pożizzjoni ġiet ikkonfermata fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, li fiha s-SEAE indika li, “peress li l-estensjoni tal-assenjazzjoni tal-persunal f’Delegazzjoni hija mmotivata biss mill-interess tas-servizz, ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni l-kwalità tagħha ta’ mara sabiex titqies l-estensjoni possibbli ta’ assenjazzjoni tagħha f’din il-pożizzjoni”.

87      Din ġiet ikkonfermata wkoll fit-tweġiba mogħtija mis-SEAE għall-mistoqsijiet bil-miktub magħmula mill-Qorti Ġenerali qabel is-seduta, fejn huwa kien enfasizza, minn naħa, li “ma [kienx hemm] rabta bejn il-politika ta’ ugwaljanza fl-opportunitajiet u l-politika ta’ mobbiltà fi ħdan is-SEAE” u, min-naħa l-oħra, li “l-ipproċessar ta’ tali talba [għal estensjoni] [kien] jaqa’ taħt il-kuntest tal-politika ta’ mobbiltà u mhux […] tal-politika ta’ ugwaljanza fl-opportunitajiet bejn l-irġiel u n-nisa”.

88      Waqt is-seduta, ir-rappreżentant tas-SEAE indika, fl-istess sens, li “l-politika ta’ mobbiltà [kienet] politika separata mill-politika ta’ ugwaljanza fl-opportunitajiet”. Bi tweġiba għal mistoqsijiet magħmula bħala miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura wara s-seduta, is-SEAE ppreċiża wkoll li “t-talbiet għal estensjoni [kienu] pproċessati skont l-interess tas-servizz f’kull każ individwali, irrispettivament minn jekk l-il-persuna li ressqet it-talba [kinitx] raġel jew mara”.

89      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, meta adotta d-dispożizzjonijiet inkwistjoni, il-leġiżlatur tar-Regolamenti tal-Persunal wera r-rieda tiegħu li jagħti lill-ugwaljanza tal-ġeneri, b’mod partikolari lir-rappreżentanza tan-nisa f’ċerti karigi, post “essenzjali” fid-deliberazzjonijiet li jimplimentaw l-aspetti “kollha” tar-Regolamenti tal-Persunal.

90      Din ir-rieda ma hijiex riflessa fil-pożizzjonijiet adottati mis-SEAE li, bid-dikjarazzjonijiet li huwa għamel matul il-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji, indika, għall-kuntrarju, li, f’dak li kien jirrigwardah, huwa kien iqis il-kunsiderazzjonijiet dwar il-ġeneru bħala esterni għall-interess tas-servizz.

91      Is-SEAE jsostni li ma huwiex marbut, fis-sitwazzjoni attwali, b’ebda dispożizzjoni li timponilu jikkumpensa għall-fatt li n-nisa huma inqas irrappreżentati f’ċerti karigi, peress li tali dispożizzjonijiet jistgħu jiġu adottati biss b’applikazzjoni tal-Artikolu 1d(2) jew (3) tar-Regolamenti tal-Persunal, li kien għadu ma ġiex implimentat.

92      F’dan il-kuntest, il-kwistjoni hija li jiġi ddeterminat jekk, fl-istennija tal-miżuri li għandhom għaldaqstant jiġu adottati mill-istituzzjonijiet, dawn, kif isostni s-SEAE, jistgħux jeskludu mid-deċiżjonijiet li jimplimentaw aspetti tar-Regolamenti tal-Persunal il-kunsiderazzjonijiet dwar il-ġeneru, b’mod partikolari dawk dwar ir-rappreżentanza tan-nisa f’ċerti karigi.

93      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fl-Artikolu 1d(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-leġiżlatur tar-Regolamenti tal-Persunal ma jillimitax ruħu jiddikjara l-adozzjoni ta’ miżuri mill-istituzzjonijiet. Huwa jiddikjara, ukoll, mingħajr ma din id-dikjarazzjoni hija akkumpanjata minn xi perijodu ta’ żmien jew minn xi kundizzjoni, u mingħajr ma din hija suġġetta għall-adozzjoni ta’ ċerti miżuri, li l-ugwaljanza tal-ġeneri hija dimensjoni “essenzjali” li għandha tkun ikkunsidrata fl-aspetti “kollha” li jimplimentaw ir-Regolamenti tal-Persunal.

94      Minn dan isegwi li, billi eskluda l-ugwaljanza tal-ġeneri mill-kunsiderazzjonijiet relatati mal-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar it-talba għal estensjoni mressqa mir-rikorrenti, filwaqt li din id-dimensjoni hija ta’ natura essenzjali f’għajnejn il-leġiżlatur tar-Regolamenti tal-Persunal, is-SEAE kiser id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal iċċitati mir-rikorrenti.

95      Dan l-iżball huwa ta’ natura evidenti minħabba l-kuntrast bejn, minn naħa, l-esklużjoni tal-kunsiderazzjonijiet relatati mal-ġeneru fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment u, min-naħa l-oħra, in-natura essenzjali mogħtija lil dawn il-kunsiderazzjonijiet mil-leġiżlatur tar-Regolamenti tal-Persunal.

96      Madankollu, skont il-ġurisprudenza, l-annullament ta’ deċiżjoni amministrattiva minħabba żball ma huwiex iġġustifikat meta dan l-iżball ma influwenzax b’mod determinanti l-kontenut ta’ dik id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2015, Navarro vs Il‑Kummissjoni T‑556/14 P, EU:T:2015:368, punt 26).

97      F’dan il-każ, id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata seta’ jkun differenti kieku l-ugwaljanza tal-ġeneri ma kinitx ġiet eskluża a priori, bħala prinċipju, mill-evalwazzjoni mwettqa mis-SEAE, filwaqt li d-deċiżjonijiet dwar l-organizzazzjoni tas-servizzi tiegħu għandhom jidħlu fil-kuntest legali stabbilit mir-Regolamenti tal-Persunal.

98      Għal din ir-raġuni, it-tielet parti tat-tielet motiv għandha tiġi milqugħa u d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.

 Dwar it-talba għal kumpens

99      Ir-rikorrenti titlob li s-SEAE jiġi kkundannat iħallasha bħala kumpens għad-dannu morali somma f’daqqa, prinċipalment, ta’ EUR 250 000, sussidjarjament, ta’ EUR 200 000 jew, iktar sussidjarjament, ta’ EUR 150 000, ta’ EUR 100 000 jew ta’ EUR 50 000.

100    Skont l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, kull rikors għandu jinkludi indikazzjoni tas-suġġett tal-kawża u espożizzjoni fil-qosor tal-motivi mressqa. Din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq ir-rikors, skont il-każ, mingħajr ebda informazzjoni oħra ta’ sostenn. Sabiex jiġu ggarantiti ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja jeħtieġ, sabiex rikors jitqies bħala ammissibbli, li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom dan ikun ibbażat joħorġu, tal-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test stess tar-rikors. Fir-rigward b’mod iktar partikolari ta’ rikors intiż għall-kumpens għad-dannu allegatament ikkawżat minn istituzzjoni tal-Unjoni, tali rikors għandu jinkludi l-elementi li jippermettu li jiġu identifikati l-aġir li r-rikorrent jallega fil-konfront tal-istituzzjoni, ir-raġunijiet li għalihom huwa jqis li hemm rabta kawżali eżistenti bejn l-aġir u d-dannu li huwa jallega li ssubixxa, kif ukoll in-natura u l-portata ta’ dan id-dannu (ara d-digriet tas‑16 ta’ Jannar 2004, Arizona Chemical et vs Il‑Kummissjoni, T‑369/03 R, EU:T:2004:9, punt 120 u l-ġurisprudenza ċċitata).

101    Issa, għandu jiġi kkonstatat li r-rikors ma kienx jissodisfa, fir-rigward tal-identifikazzjoni tad-dannu allegat kif ukoll tar-rabta kawżali bejn l-aġir allegatament illegali u dan id-dannu, il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura.

102    Fil-fatt, ir-rikorrenti ma tipproduċi ebda prova li tista’ tistabbilixxi l-eżistenza ta’ dannu, tkejjel il-portata tiegħu jew turi l-preżenza ta’ rabta kawżali.

103    Għaldaqstant din it-talba għal kumpens għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

 Fuq l-ispejjeż

104    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, kull parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

105    F’dan il-każ, peress li s-SEAE essenzjalment tilef, huwa għandu jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) tat30 ta’ Ġunju 2016 li tiċħad it-talba ta’ Chantal Hebberecht sabiex jestendi b’sena l-assenjazzjoni tagħha bħala kap tad-delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea fl-Etjopja hija annullata.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Is-SEAE huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Pelikánová

Nihoul

Svenningsen

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis‑27 ta’ Novembru 2018.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.