Language of document : ECLI:EU:T:2013:594

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

14 ta’ Novembru 2013 (*)

“REACH — Miżuri tranżitorji li jikkonċernaw ir-restrizzjonijiet applikabbli għall-manifattura, għat-tqegħid fis-suq u għall-użu tal-kadmju u l-komponenti tiegħu — Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 — Restrizzjonijiet għall-użu tal-pigmenti tal-kadmju f’materjali tal-plastik — Żball manifest ta’ evalwazzjoni — Analiżi tar-riskji”

Fil-Kawża T‑456/11,

International Cadmium Association (ICdA), stabbilita fi Brussell (il‑Belġju),

Rockwood Pigments (UK) Ltd, stabbilita fi Stoke-on-Trent (ir-Renju Unit),

James M Brown Ltd, stabbilita fi Stoke-on-Trent,

inizjalment irrappreżentati minn K. Van Maldegem u R. Cana, avukati, sussegwentement minn Cana,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn P. Oliver u E. Manhaeve, bħala aġenti, assistiti minn K. Sawyer, barrister, sussegwentement minn Oliver u Manhaeve,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament parzjali tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 494/2011, tal-20 ta’ Mejju 2011, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH) fir-rigward tal-Anness XVII (Kadmju) (ĠU L 134, p. 2), sa fejn jirrestrinġi l-użu tal-pigmenti tal-kadmju f’materjali tal-plastik minbarra dawk li għalihom dan l-użu kien limitat qabel l-adozzjoni tar-Regolament Nru 494/2011,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla),

komposta, waqt id-deliberazzjonijiet, minn A. Dittrich (Relatur), President, I. Wiszniewska‑Białecka u M. Prek, Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Ġunju 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        L-ewwel rikorrenti, International Cadmium Association (ICdA), hija assoċjazzjoni internazzjonali mingħajr skop ta’ lukru li hija stabbilita fil-Belġju. Il-membri tagħha huma produtturi, konsumaturi, persuni li jipproċessaw u persuni li jirriċiklaw il-kadmju u l-komponenti tiegħu. Skont l-istatuti tagħha, il-missjoni tagħha hija li tippromwovi l-interessi tal-industrija tal-kadmju, inkluża r-rappreżentanza tal-membri tagħha quddiem kwalunkwe organu privat jew pubbliku u quddiem kwalunkwe awtorità nazzjonali jew internazzjonali. It-tieni u t-tielet rikorrenti, Rockwood Pigments (UK) Ltd u James M Brown Ltd, huma kumpanniji membri tal-ICdA. L-attività prinċipali tagħhom hija l-manifattura fi ħdan l-Unjoni Ewropea u l-bejgħ fl-Unjoni u fid-dinja kollha tal-pigmenti tal-kadmju, jiġifieri tal-oranġjo tas-sulfoselenid tal-kadmju (Nru CAS 1256-57-4), tal-aħmar tas-sulfoselenid tal-kadmju (Nru CAS 58339-34-7) u tas-sulfid taż-żinju tal-kadmju (Nru CAS 8048-07-5).

2        Il-kadmju (Nru CAS 7440-43-9) huwa element metalliku minoritarju preżenti fl-ambjent permezz ta’ riżorsi naturali, ta’ proċessi bħall-erożjoni u l-brix tal-blat u tal-art jew ta’ avvenimenti speċifiċi, bħan-nirien fil-foresti jew l-eruzzjonijiet tal-vulkani. Din is-sustanza hija prodotta għal finijiet kummerċjali, prinċipalment bħala prodott sekondarju tal-produzzjoni taż-żingu u, sa ċertu punt, tar-ram u taċ-ċomb. Għal uħud mill-użi intenzjonati tieġħu, il-kadmju metalliku huwa ttrasformat jew mibdul f’komponenti tal-kadmju. Il-pigmenti tal-kadmju huma aġenti li jagħtu l-kulur, inorganiċi u stabbli li jistgħu jiġu prodotti f’firxa ta’ toni brillanti ta’ oranġjo, aħmar, isfar u ta’ kannella. Dawn il-pigmenti jintużaw fil-prodotti tal-plastik.

3        Il-kadmju ġie kklassifikat fost is-sustanzi karċinoġeni, mutaġeni u tossiċi għar-riproduzzjoni mid-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/73/KE, tad-29 ta’ April 2004, li tadatta għall-progress tekniku għad-29 darba d-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-disposizzjonijiet amministrattivi li jirrigwardjaw il-klassifikazzjoni, l-ippakkjar u t-tikkettjar ta’ sustanzi perikolużi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 34, p. 448). Din il-klassifikazzjoni ġiet riprodotta mir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, p. 1).

4        Fis-27 ta’ Lulju 1976, il-Kunsill tal-Komunitajiet Ewropew adotta d-Direttiva 76/769/KEE, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mar-restrizzjonijiet dwar il-marketing u l-użu ta’ ċerti sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 3, p. 317). Permezz tad-Direttiva 91/338/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1991, li temenda għall-10 darba d-Direttiva 76/769/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 10, p. 293), il-Kunsill irrestrinġa t-tqegħid fis-suq u l-użu tal-kadmju u tal-komponenti tiegħu, b’tali mod li ma kinux aċċetati b’mod partikolari sabiex jagħtu l-kulur lil prodotti lesti mmanifatturati mis-sustanzi u l-preparazzjonijiet elenkati fid-Direttiva 91/338 u sabiex biex jistabbilizzaw il-prodotti lesti, elenkati b’mod eżawrjenti, immanifatturati mill-polimeri jew il-kopolimeri tal-klorur tal-vinil (PVC).

5        Fit-23 ta’ Marzu 1993, il-Kunsill adotta r-Regolament (KEE) Nru 793/93 dwar il-valutazzjoni u l-kontroll tar-riskji ta’ sustanzi eżistenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 212). Skont l-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, b’konsultazzjoni mal-Istati Membri, kellha regolarment tħejji listi ta’ sustanzi jew ta’ gruppi ta’ sustanzi ta’ prijorità li jeħtieġu attenzjoni immedjata minħabba l-effetti potenzjali li jista’ jkollhom fuq il-bniedem u l-ambjent. Skont l-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament, għal kull sustanza fil-listi ta’ prijorità kellu jinħatar Stat Membru bħala responsabbli mill-valutazzjoni tar-riskji tal-imsemmija sustanza għall-bniedem u għall-ambjent kif ukoll, jekk ikun il-każ, sabiex jipproponi strateġija għal-limitazzjoni ta’ dawn ir-riskji, inklużi miżuri ta’ kontroll u/jew programmi ta’ sorveljanza.

6        Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 143/97, tas-27 ta’ Jannar 1997, dwar it-tielet lista ta’ sustanzi ta’ prijorità kif previsti permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 793/93 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 112), il-kadmju u l-ossidu tal-kadmju (Nru CAS 1306‑19‑0) ġew inklużi fil-lista u r-Renju tal-Belġju nħatar responsabbli mill-valutazzjoni ta’ dawn is-sustanzi.

7        F’Settembru 1998 tlesta r-rapport bit-titolu “Valutazzjoni tar-riskji għas-saħħa u għall-ambjent marbuta mal-kadmju li jinsab f’ċerti prodotti u tal-effetti tar-restrizzjonijiet addizzjonali għall-użu u l-kummerċjalizzazzjoni tiegħu” ppreparat għall-Kummissjoni minn uffiċċju ta’ konsulenza stabbilit fir-Renju Unit (iktar ’il quddiem ir-“rapport tal-1998”).

8        F’avviż tal-1999, il-Kumitat xjentifiku tat-tossiċità, tal-ekotossiċità u tal-ambjent, imwaqqaf skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 97/579/KE, tat-23 ta’ Lulju 1997, li tistabbilixxi kumitati xjentifiċi fil-qasam tas-saħħa tal-konsumaturi u tas-sigurtà tal-ikel (ĠU L 237, p. 18), ikkritika r-rapport tal-1998. Sabiex tirrispondi għal din il-kritika, il-Kummissjoni ordnat ir-rapport bit-titolu “Ir-riskji għas-saħħa u għall-ambjent marbuta mal-użu tal-kadmju bħala aġent li jagħti l-kulur jew stabilizzatur fil-polimeri jew il-kisi tal-uċuħ metalliċiˮ, ippreparat minn uffiċċju ta’ konsulenza ieħor stabbilit fir-Renju Unit tad-19 ta’ Diċembru 2000 (iktar ’il quddiem ir-“rapport tal-2000”). Ir-rapport tal-2000 kien is-suġġett ta’ avviż tal-Kumitat xjentifiku tat-tossiċità, tal-ekotossiċità u tal-ambjent maħruġ fit-30 ta’ Ottubru 2001.

9        Ir-rapport tal-valutazzjoni tar-riskji tal-Unjoni relattiv għall-kadmju u għall-ossidu tal-kadmju, ippreparat mir-Renju tal-Belġju u li l-Parti I tiegħu, dwar l-ambjent, kienet is-suġġett ta’ avviż tal-Kumitat xjentifiku tat-tossiċità, tal-ekotossiċità u tal-ambjent tat-28 ta’ Marzu 2004, ġie ppubblikat fl-2007. Dan ir-rapport kien jinkludi konklużjonijiet dwar in-neċessità ta’ limitazzjoni tar-riskji li jikkonċernaw l-espożizzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem għall-kadmju u għall-ossidu tal-kadmju.

10      Wara l-pubblikazzjoni tar-rapport ta’ valutazzjoni tar-riskji tal-Unjoni, il-Kummissjoni adottat, skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 793/93, ir-Rakkomandazzjoni tad-29 ta’ Mejju 2008 dwar miżuri għat-tnaqqis tar-riskju għas-sustanzi Kadmju u Ossidu tal-kadmju (ĠU L 156, p. 22) kif ukoll il-Komunikazzjoni dwar ir-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju u l-istrateġiji għat-tnaqqis tar-riskju għas-sustanzi: Kadmju u ossidu tal-kadmju (ĠU 2008, C 149, p. 6). Għal dak li jikkonċerna r-riskji għall-ħaddiema marbuta mal-kadmju u mal-ossidu tal-kadmju, il-Kummissjoni rrakkomandat, fl-imsemmija komunikazzjoni, li jiġu ffissati, b’mod partikolari, il-valuri ta’ limiti għal espożizzjoni fuq ix-xogħol. Għal dak li jirrigwarda r-riskji tal-kadmju għall-konsumaturi, il-Kummissjoni rrakkomandat li tiġi kkunsidrata, skont id-Direttiva 76/769, limitazzjoni għat-tqegħid fis-suq u għall-użu ta’ stikek tal-ibbrejżjar u ġojjelli li fihom il-kadmju. Għal dak li jikkonċerna r-riskji għall-bniedem esposti via l-ambjent, marbuta mal-kadmju u mal-ossidu tal-kadmju, il-Kummissjoni rrakkomandat li tiġi kkunsidrata reviżjoni tal-valuri ta’ limiti għal konċentrazzjoni tal-kadmju u tal-ossidu tal-kadmju fil-prodotti tal-ikel, u l-iffissar ta’ valur ta’ limitu għal konċentrazzjoni tal-kadmju fit-taħlita u l-weraq tat-tabakk u l-iffissar ta’ valuri massimi ta’ konċentrazzjoni tal-kadmju u tal-ossidu tal-kadmju fil-fertilizzanti.

11      B’effett, rispettivament, mill-1 ta’ Ġunju 2008 u l-1 ta’ Ġunju 2009, ir-Regolament Nru 793/93 u d-Direttiva 76/769 tħassru, bis-saħħa tal-Artikolu 139 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, p. 1).

12      Skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 552/2009, tat-22 ta’ Ġunju 2009, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006, fir-rigward tal-Anness XVII (ĠU L 164, p. 7), il-limitazzjonijiet tat-tqegħid fis-suq u tal-użu tal-kadmju u tal-komponenti tiegħu, stabbiliti inizjalment mid-Direttiva 91/338, ġew ittrasferiti għall-Anness XVII tar-Regolament Nru 1907/2006 li jinkludi r-restrizzjonijiet applikabbli għall-manifattura, għat-tqegħid fis-suq u għall-użu ta’ ċerti sustanzi, taħlitiet u oġġetti perikolużi.

13      L-Artikolu 137(1)(a) tar-Regolament Nru 1907/2006 jinkludi miżuri tranżitorji. Din id-dispożizzjoni tipprovdi li, sa mhux iktar tard mill-1 ta’ Ġunju 2010, il-Kummissjoni għandha, jekk meħtieġ, tipprepara abbozz ta’ emenda tal-Anness XVII ta’ dan ir-regolament, skont kwalunkwe valutazzjoni tar-riskji u kwalunkwe strateġija rrakkommandata għal-limitazzjoni tar-riskji li ġiet adottata fil-livell Komunitarju skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 793/93, sa fejn hija tinkludi proposti ta’ restrizzjoni skont it-Titolu VIII tar-Regolament Nru 1907/2006, iżda li dwarhom ma tkunx għadha ttieħdet deċiżjoni taħt id-Direttiva 76/769/KEE.

14      F’Mejju 2010, il-Kummissjoni ppreparat abbozz ta’ emenda tal-Anness XVII tar-Regolament Nru 1907/2006 għal dak li jikkonċerna l-kadmju, li ġie ppreżentat lill-awtoritajiet kompetenti għar-Regolamenti Nru 1907/2006 u Nru 1272/2008 f’Ġunju 2010 u nnotifikat lill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), skont il-Ftehim dwar l-ostakoli tekniċi għall-kummerċ tad-WTO, li jinsab fl-Anness 1A tal-Ftehim li jwaqqaf lid-WTO, approvat mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-konklużjoin f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80). Dan l-abbozz ta’ emenda kien jinkludi lista eżawrjenti ta’ materjali tal-plastik li fihom l-użu tal-kadmju u tal-komponenti tiegħu kien limitat.

15      Fil-21 ta’ Ottubru 2010, dan l-abbozz ta’ emenda kien is-suġġett ta’ avviż tal-Forum għall-Iskambju ta’ Informazzjoni dwar l-Infurzar tar-Regolament Nru 1907/2006, imsemmi fl-Artikolu 76(1)(f) ta’ dan ir-regolament, li jikkoordina netwerk ta’ awtoritajiet tal-Istati Membri responsabbli mill-infurzar tal-imsemmi regolament.

16      Fil-5 ta’ Novembru 2010, il-Kummissjoni ssottomettiet lill-kumitat stabbilit taħt l-Artikolu 133(1) tar-Regolament Nru 1907/2006, verżjoni emendata tal-abbozz ta’ emenda tal-Anness XVII tal-imsemmi regolament għal dak li jikkonċerna l-kadmju. Skont din il-verżjoni, li ġiet diskussa minn dan il-kumitat waqt il-laqgħa tiegħu tal-25 ta’ Novembru 2010, ir-restrizzjonijiet proposti ma kinux limitati biss għall-użu tal-kadmju u tal-komponenti tiegħu f’ċerti materjali tal-plastik iżda kienu applikabbli għall-materjali tal-plastik kollha.

17      Fl-20 ta’ Mejju 2011, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (UE) Nru 494/2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006, fir-rigward tal-Anness XVII (Kadmju) (ĠU L 134, p. 2, iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestatˮ), li kien akkumpanjat minn analiżi ta’ impatt bid-data tal-istess jum. Ir-regolament ikkontestat kien japplika, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tiegħu, mill-10 ta’ Diċembru 2011. Permezz tal-Artikolu 1 tar-regolament ikkontestat, l-annotazzjoni Nru 23 tal-Anness XVII tar-Regolament Nru 1907/2006 ġiet emendata. Wara din l-emenda, il-kadmju u l-komponenti tiegħu ma setgħux iżjed jintużaw f’taħlitiet u oġġetti prodotti minn polimeri organiċi sintetiċi (iktar ’il quddiem il-materjali tal-plastikˮ, bl-eċċezzjoni ta’ oġġetti li, għal raġunijiet ta’ sigurtà, jingħataw il-kulur permezz tat-taħlitiet li fihom il-kadmju.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

18      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ Awwissu 2011, ir-rikorrenti bdew din il-kawża.

19      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Mejju 2012, il-Kummissjoni ssottomettiet abbozz ta’ regolament li jemenda l-annotazzjoni Nru 23 tal-Anness XVII tar-Regolament Nru 1907/2006 li hija kienet adottat u indikat li mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan l-abbozz, ir-rikorrenti ma kellhomx iktar interess ġuridiku. Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Lulju 2012, ir-rikorrenti ssottomettew l-osservazzjonijiet tagħhom fuq din l-ittra.

20      Fit-18 ta’ Settembru 2012, il-Kummissjoni adottat, abbażi ta’ dan l-abbozz ta’ regolament, ir-Regolament (UE) Nru 835/2012 li jemenda r-Regolament Nru 1907/2006, fir-rigward tal-Anness XVII (Kadmju) (ĠU L 252, p. 1).

21      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ Ottubru 2012, ir-rikorrenti kkonfermaw l-eżistenza tal-interess ġuridiku tagħhom wara l-adozzjoni tar-Regolament Nru 835/2012.

22      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Frar 2013, ir-rikorrenti talbu li jiddaħħlu fil-proċess żewġ offerti ġodda ta’ provi rigward l-interess ġuridiku tagħhom wara l-adozzjoni tar-Regolament Nru 835/2012, jiġifieri żewġ dokumenti tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), dwar it-tnedija ta’ proċedura ta’ restrizzjoni, skont l-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 1907/2006, relattiva għall-kadmju u l-komponenti tiegħu f’materjali tal-plastik. Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tas-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali tat‑18 ta’ Frar 2013, din it-talba ntlaqgħet. Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Marzu 2013, il-Kummissjoni ssottomettiet l-osservazzjonijiet tagħha fuq l-ittra tal-11 ta’ Frar 2013.

23      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

24      Bħala miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċeduri tagħha, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-Kummissjoni sabiex tipproduċi ċerti dokumenti u għamlitilha domanda bil-miktub. Il-Kummissjoni ssodisfat din it-talba fit-terminu previst.

25      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-27 ta’ Ġunju 2013.

26      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat;

–        tannulla r-regolament ikkontestat sa fejn huwa jirrestrinġi l-użu ta’ pigmenti tal-kadmju f’materjali tal-plastik minbarra dawk li għalihom dan l-użu kien limitat qabel l-adozzjoni tal-imsemmi reglament;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

27      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-interess ġuridiku tar-rikorrenti

28      Il-Kummissjoni tikkontesta l-eżistenza ta’ interess ġuridiku tar-rikorrenti. Fil-fehma tagħha, ir-rikorrenti tilfu kwalunkwe interess ġuridiku mad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 835/2012. Fil-fatt, dan ir-regolament jintroduċi mill-ġdid ir-restrizzjonijiet fuq il-komponenti tal-kadmju użati bħala pigmenti kif kienu qabel l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat b’effett retroattiv mid-data ta’ applikazzjoni tar-regolament ikkontestat. Matul is-seduta, il-Kummissjoni sostniet ukoll li r-rikorrenti ma għandhomx interess ġuridiku inkwantu t-talba għal annullament tagħhom kienet tikkonċerna pigmenti tal-kadmju oħrajn li ma humiex l-oranġjo tas-sulfoselenid tal-kadmju, l-aħmar tas-sulfoselenid tal-kadmju u s-sulfid taż-żingu tal-kadmju. Fil-fatt, dawn il-pigmenti tal-kadmju huma l-uniċi mmanifatturati mit-tieni u mit-tielet rikorrenti.

29      Għandu jitfakkar li peress li l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà ta’ rikors u, b’mod partikolari, in-nuqqas ta’ interess ġuridiku jirrigwardaw finijiet ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tivverifika ex officio jekk ir-rikorrent għandux interess li jikseb l-annullament tal-att li huwa jikkontesta (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Marzu 2009, Shanghai Excell M&E Enterprise u Shanghai Adeptech Precision vs Il-Kunsill, T‑299/05, Ġabra p. II‑565, punt 42, u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-interess ġuridiku ta’ rikorrent għandu, fid-dawl tas-suġġett tar-rikors, ikun preżenti fl-istadju tal-preżentata tiegħu, u fin-nuqqas ta’ dan, ikun inammissibbli. L-interess ġuridiku għandu jkun preżenti sal-mument tad-deċiżjoni ġudizzjarja, u fin-nuqqas ta’ dan, ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni, li jippresupponi li r-rikors jista’, jekk dan jirnexxi, jagħti benefiċċju lill-parti li tkun ippreżentatu (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ April 2008, Flaherty et vs Il-Kummissjoni, C‑373/06 P, C‑379/06 P u C‑382/06 P, Ġabra p. I‑2649, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata) u li dan jiġġustifika interess eżistenti u attwali għall-annullament tal-att ikkontestat (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Ġunju 2009, Socratec vs Il-Kummissjoni, T‑269/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li huwa l-obbligu tar-rikorrent li jipproduċi prova tal-interess ġuridiku tiegħu, li tikkostitwixxi l-kundizzjoni essenzjali u ewlenija ta’ kwalunkwe azzjoni ġudizzjarja (digriet tal-President tat-Tieni Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Lulju 1989, S. vs Il-Kummissjoni, 206/89 R, Ġabra p. 2841, punt 8, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ April 2005, Sniace vs Il‑Kummissjoni, T‑141/03, Ġabra p. II‑1197, punt 31).

32      Fl-ewwel lok, għal dak li jirrigwarda l-interess tar-rikorrenti, fl-istadju tal-preżentata tar-rikors preżenti, li jiksbu l-annullament tar-regolament ikkontestat sa fejn jikkonċerna pigmenti oħra tal-kadmju li ma humiex it-tlieta mmanifatturati mit-tieni u mit-tielet rikorrenti, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma pproduċew ebda prova li tippermetti li jiġi konkluż li tali annullament jipprovdilhom benefiċċju. Fil-fatt, għal dak li jirrigwarda lil dawn il-pigmenti l-oħra, ir-rikorrenti invokaw interess ġuridiku, essenzjalment, minħabba li ma jistax jiġi eskluż li t-tieni u t-tielet rikorrenti jimmanifatturaw ukoll fil-futur pigmenti oħra tal-kadmju li ma humiex l-oranġjo tas-sulfo tal-kadmju, l-aħmar tas-sulfoselenid tal-kadmju u s-sulfid taż-żingu tal-kadmju. Madankollu, peress li l-manifattura, min-naħa tar-rikorrenti, ta’ pigmenti tal-kadmju li ma humiex dawk it-tlieta msemmija iktar ’il fuq hija purament ipotetika u peress li r-rikorrenti ma sostnew l-affermazzjoni tagħhom bl-ebda prova, dawn tal-aħħar ma għandhomx l-interess eżistenti u attwali għall-annullament tar-regolament ikkontestat sa fejn jikkonċerna pigmenti tal-kadmju li ma humiex it-tlieta mmanifatturati mit-tieni u mit-tielet rikorrenti. Għaldaqstant, f’dan l-istadju, ir-rikors preżenti ma jistax jitqies bħala ammissibbli ħlief sa fejn huwa jikkonċerna biss l-oranġjo tas-sulfoselenid tal-kadmju, l-aħmar tas-sulfoselenid tal-kadmju u s-sulfid taż-żingu tal-kadmju (iktar ’il quddiem il-“pigmenti tal-kadmju inkwistjoni”).

33      Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda l-allegat telf tal-interess ġuridiku minħabba d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 835/2012, ir-rikorrenti jsostnu li dan ir-regolament ma jipprevedix it-tħassir tar-regolament ikkontestat. Skont ir-rikorrenti, huma għad għandhom interess ġuridiku peress li, minn naħa, l-annullament tar-regolament ikkontestat għandu impatt fuq restrizzjoni futura potenzjali għall-użu tal-kadmju adottata mill-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, il-konstatazzjoni tal-illegalità tar-regolament ikkontestat isservi bħala bażi għal rikors għad-danni.

34      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li rikorrenti jista’ jibqagħlu interess li jitlob l-annullament ta’ att ta’ istituzzjoni, minn naħa, sabiex jevita li l-illegalità li dan huwa allegatament ivvizzjat biha ma terġax isseħħ fil-futur (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il-Kummissjoni, C‑362/05 P, Ġabra p. I‑4333, punt 50, u l-ġurisprudenza ċċitata) u, min-naħa l-oħra, sabiex jikseb il-konstatazzjoni, mill-qorti tal-Unjoni, ta’ illegalità mwettqa fir-rigward tiegħu, b’mod li tali konstatazzjoni tkun tista’ sservi bħala bażi ta’ rikors għad-danni eventwali intiż li jikkumpensa b’mod adegwat id-dannu kkawżat mill-att ikkontestat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Marzu 1980, Könecke Fleischwarenfabrik vs Il-Kummissjoni, 76/79, Ġabra p. 665, punti 8 u 9; tal-31 ta’ Marzu 1998, France et vs Il-Kummissjoni, C‑68/94 u C‑30/95, Ġabra p. I‑1375, punt 74, u s-sentenza Shanghai Excell M&E Enterprise u Shanghai Adeptech Precision vs Il-Kunsill, punt 29 iktar ’il fuq, punt 53).

35      Mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar iż-żamma ta’ interess ġuridiku sabiex jiġi evitat li allegata illegalità terġa’ sseħħ fil-futur, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti għad fadlilhom interess għall-inqas bħala bażi ta’ rikors għad-danni eventwali.

36      Fil-fatt, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li l-kawża żammet l-iskop tagħha peress li r-regolament ikkontestat ma ġiex formalment imħassar mill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Wunenburger vs Il‑Kummissjoni, punt 34 iktar ’il fuq, punt 48, u s-sentenza Shanghai Excell M&E Enterprise u Shanghai Adeptech Precision vs Il-Kunsill, punt 29 iktar ’il fuq, punt 47).

37      It-tieni nett, għandu jiġi ppreċiżat li l-irtirar mir-Regolament Nru 835/2012, b’effett retroattiv mid-data ta’ applikazzjoni tar-regolament ikkontestat, tar-restrizzjonijiet relattivi għall-pigmenti tal-kadmju inkwistjoni li kienu ġew introdotti minn dan ir-regolament tal-aħħar, ma jwassalx, waħdu, sabiex il-qorti tal-Unjoni jkollha l-obbligu li tiddeċiedi li ma hemmx lok għal deċiżjoni peress li ma hemmx skop għall-kawża jew peress li ma hemmx interess ġuridiku fid-data li fiha tingħata s-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Wunenburger vs Il‑Kummissjoni, punt 34 iktar ’il fuq, punt 47). L-annullament tar-regolament ikkontestat li diġà ġie eżegwit jista’ xorta jipprovdi benefiċċju lir-rikorrenti, anki jekk ir-restrizzjonijiet inkwistjoni, introdotti minn dan ir-regolament, tneħħew fil-frattant b’effett retroattiv mid-data ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament. Fil-fatt, ir-regolament ikkontestat seta’ jipproduċi effetti legali waqt il-perijodu li matulu huwa rregola r-restrizzjonijiet applikabbli għall-pigmenti tal-kadmju inkwistjoni, jiġifieri mill-mument tal-applikazzjoni tiegħu fl-10 ta’ Diċembru 2011 sal-mument tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 835/2012, fid‑19 ta’ Settembru 2012 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Ġunju 2013, Ayadi vs Il-Kummissjoni, C‑183/12 P, punt 79, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Marzu 1999, Gencor vs Il‑Kummissjoni, T‑102/96, Ġabra p. II‑753, punt 41).

38      It-tielet nett, għandu jiġi kkonstatat li, waqt dan il-perijodu, ir-regolament ikkontestat kien jipprojbixxi l-użu tal-pigmenti tal-kadmju inkwistjoni f’taħlitiet u oġġetti prodotti mill-materjali tal-plastik kollha, bl-eċċezzjoni tal-oġġetti li, minħabba raġunijiet ta’ sigurtà, jingħataw il-kulur permezz ta’ taħlitiet li fihom il-kadmju. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti għad għandhom interess li tiġi kkonstatata n-natura parzjalment illegali tar-regolament ikkontestat peress li, minn naħa, din il-konstatazzjoni torbot lill-qorti tal-Unjoni fid-dawl ta’ rikors għad-danni u, min-naħa l-oħra, hija tista’ tikkostitwixxi l-bażi għal diskussjonijiet eventwali barra mill-qrati bejn il-Kummissjoni u r-rikorrenti sabiex jiġi kkumpensat id-dannu allegatament subit minn dawn tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Shanghai Excell M&E Enterprise et Shanghai Adeptech Precision vs Il-Kunsill, punt 29 iktar ’il fuq, punti 54 u 55).

39      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li wara l-adozzjoni tar-Regolament Nru 835/2012, ir-rikorrenti kien għad għandhom interess fit-talba għall-annullament tar-regolament ikkontestat sa fejn dan kien irrestrinġa l-użu tal-pigmenti tal-kadmju inkwistjoni f’materjali tal-plastik minbarra dawk li għalihom dan l-użu kien limitat qabel l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat.

 Fuq il-mertu

40      Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jqajmu tmien motivi bbażati, l-ewwel nett, fuq ksur tal-Artikolu 137(1)(a) u tal-Artikoli 68 sa 73 tar-Regolament Nru 1907/2006, it-tieni nett, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, it-tielet nett, fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi, ir-raba’ nett, fuq ksur tar-Regolament Nru 1907/2006, sa fejn ir-regolament ikkontestat jimponi restrizzjonijiet fuq grupp ta’ sustanzi, jiġifieri l-komponenti tal-kadmju, mingħajr ma jevalwahom individwalment, il-ħames nett, fuq ksur tal-Ftehim dwar l-ostakoli tekniċi għall-kummerċ tad-WTO, is-sitt nett, fuq ksur tad-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti, is-seba’ nett, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, u t-tmien nett, fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

41      Jidher xieraq li l-ewwel nett jiġi eżaminat it-tieni motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni.

42      Dan il-motiv jinkludi żewġ partijiet. Filwaqt li l-ewwel parti hija bbażata fuq l-assenza ta’ analiżi tar-riskji, it-tieni parti hija bbażata fuq l-assenza ta’ analiżi tal-impatt relattiva għar-restrizzjonijiet għall-użu tal-pigmenti tal-kadmju imposti mir-regolament ikkontestat.

43      Fir-rigward tal-ewwel parti, ibbażata fuq l-assenza ta’ analiżi tar-riskji, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi ma analizzatx ir-riskji tal-użu tal-pigmenti tal-kadmju inkwistjoni, li huma sustanzi differenti mill-kadmju, fil-materjali tal-plastik minbarra dawk li għalihom dan l-użu kien limitat qabel l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat. Dawn il-pigmenti tal-kadmju huma espliċitament esklużi mill-klassifikazzjoni armonizzata tal-perikolu tal-komponenti tal-kadmju, skont l-Anness VI tar-Regolament Nru 1272/2008.

44      Għandu jiġi rrilevat li r-regolament ikkontestat ġie adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 131 tar-Regolament Nru 1907/2006. Kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1907/2006, dan ir-regolament huwa intiż sabiex jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, inkluż il-promozzjoni ta’ metodi alternattivi għall-evalwazzjoni ta’ perikoli marbuta mas-sustanzi, kif ukoll il-moviment liberu tas-sustanzi fis-suq intern filwaqt li jittejbu l-kompetittività u l-innovazzjoni. Fid-dawl tal-premessi 87, 89 u 91 tar-Regolament Nru 1907/2006, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlatur iffissa bħala għanijiet prinċipali għall-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet ġodda għall-emenda tar-restrizzjonijiet eżistenti previsti fit-Titolu VIII tal-imsemmi regolament, l-ewwel wieħed minn dawn it-tliet għanijiet, jiġifieri dak li jiġi żgurat livell għoli tal-protezzjoni għas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Lulju 2009, S.P.C.M. et, C‑558/07, Ġabra p. I‑5783, punt 45).

45      Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet b’mod effettiv, għandu jiġi enfasizzat li, f’kuntest tekniku kumpless ta’ natura evoluttiva, bħal dak fil-kawża prinċipali, l-awtoritajiet tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa, b’mod partikolari fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-fatti ta’ natura xjentifika u teknika kumplessi ħafna, sabiex jistabbilixxu n-natura u l-portata tal-miżuri li huma jadottaw, filwaqt li l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu jkun limitat għal eżami tal-kwistjoni jekk l-eżerċizzju ta’ tali setgħa huwiex ivvizzjat minn żball manifest jew minn użu ħażin ta’ poter jew jekk dawn l-awtoritajiet eċċedewx b’mod manifest il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom. F’kuntest bħal dan, il-qorti tal-Unjoni ma tistax fil-fatt tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-fatti ta’ natura xjentifika u teknika ma’ dik tal-istituzzjonijiet li lilhom biss it-Trattat FUE kkonferixxa dan il-kompitu (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 2010, Afton Chemical, C‑343/09, Ġabra p. I‑7027, punt 28, u tal-21 ta’ Lulju 2011, Etimine, C‑15/10, Ġabra p. I‑6681, punti 59 u 60).

46      Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-awtoritajiet tal-Unjoni, li timplika stħarriġ ġudizzjarju limitat tal-eżerċizzju tagħha, ma tapplikax esklużivament għan-natura u għall-portata tad-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati, iżda wkoll, sa ċertu punt, għall-konstatazzjoni tad-data bażika. Madankollu, tali stħarriġ ġudizzjarju, anki jekk għandu portata limitata, jirrikjedi li dawn l-awtoritajiet, awturi tal-att inkwistjoni, ikunu f’pożizzjoni li jistabbilixxu quddiem il-qorti tal-Unjoni li l-att kien ġie adottat permezz ta’ eżerċizzju effettiv tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom, li jippresupponi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi kollha u taċ-ċirkustanzi rilevanti tas-sitwazzjoni li dan l-att kien intiż sabiex jirregola (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Afton Chemical, punt 46 iktar ’il fuq, punti 33 u 34).

47      F’dan il-każ għandu jiġi rrilevat li, minkejja li r-regolament ikkontestat ġie adottat permezz tal-miżuri tranżitorji msemmija fl-Artikolu 137(1)(a) tar-Regolament Nru 1907/2006, xorta jibqa’ l-fatt li, sabiex jiġi emendat l-Anness XVII tal-imsemmi regolament, il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 68 ta’ dan ir-regolament għandhom jiġu ssodisfatti. Fil-fatt, il-miżuri tranżitorji msemmija fl-Artikolu 137(1)(a) tal-imsemmi regolament huma dispożizzjonijiet proċedurali u jistgħu, bħala tali, jissostitwixxu biss ir-regoli proċedurali previsti fl-Artikoli 69 sa 73 ta’ dan ir-regolament u mhux il-kundizzjonijiet fuq il-mertu sabiex jiġu stabbiliti r-restrizzjonijiet il-ġodda jew jiġu emendati restrizzjonijiet eżistenti, msemmija fl-Artikolu 68 tar-Regolament Nru 1907/2006. Barra minn hekk, mill-Artikolu 137(1)(a) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-proposti ta’ restrizzjoni għandhom ikunu konformi mat-Titolu VIII tal-istess regolament, jiġifieri mal-Artikoli 68 sa 73 tiegħu.

48      L-introduzzjoni mir-regolament ikkontestat ta’ restrizzjonijiet ġodda relattivi għall-pigmenti tal-kadmju inkwistjoni kienet tippresupponi, għaldaqstant, li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 68(1) tar-Regolament Nru 1907/2006 kienu ssodisfatti. Din id-dispożizzjoni tipprovdi li meta jkun hemm riskju mhux aċċettabbli għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent li jkun ġej mill-manifattura, użu jew tqegħid fis-suq ta’ sustanzi, li jkun jeħtieġ li jiġi indirizzat fuq livell tal-Unjoni, l-Anness XVII għandu jiġi emendat permezz tal-adozzjoni ta’ restrizzjonijiet ġodda applikabbli għall-manifattura, għall-użu u għat-tqegħid fis-suq ta’ sustanzi waħedhom jew li jinsabu fit-taħlitiet jew f’oġġetti. Kwalunkwe deċiżjoni bħal din għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-impatt soċjo-ekonomiku tar-restrizzjoni, inkluża d-disponibbiltà ta’ alternattivi.

49      Konsegwentement, l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat kienet tippresupponi li l-Kummissjoni kellha tqis, ġustament, li l-użu tal-pigmenti tal-kadmju inkwistjoni fil-materjali tal-plastik, minbarra dawk li għalihom dan l-użu kien limitat qabel l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, kien ta’ riskju mhux aċċettabbli għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent li jkun jeħtieġ azzjoni fuq livell tal-Unjoni.

50      Anki jekk jiġi preżunt li, kif sostniet il-Kummissjoni waqt is-seduta, il-miżuri meħuda skont l-Artikolu 137(1)(a) tar-Regolament Nru 1907/2006 ma għandhomx jissodisfaw il-kundizzjonijiet fuq il-mertu previsti fl-Artikolu 68 ta’ dan ir-regolament, iżda r-regoli fis-seħħ qabel l-imsemmi regolament, jiġifieri l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 793/93, għandu jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni tal-aħħar kienet tipprovdi wkoll li miżuri ta’ restrizzjoni setgħu jiġu adottati biss fuq il-bażi ta’ valutazzjoni tar-riskji.

51      Fid-dawl tal-argument imressqa mir-rikorrenti, għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk ir-regolament ikkontestat huwiex ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni dovut għall-assenza ta’ valutazzjoni tar-riskji tal-pigmenti tal-kadmju inkwistjoni fil-materjali tal-plastik minbarra dawk li għalihom dan l-użu kien limitat qabel l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat.

52      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-valutazzjoni xjentifika tar-riskji, imwettqa minn esperti xejntifiċi, għandha tagħti lill-Kummissjoni informazzjoni affidabbli u solida biżżejjed sabiex tkun tista’ tistabbilixxi l-portata kollha tal-kwistjoni xjentifika u sabiex tiddetermina l-politika tagħha skont it-tagħrif kollu li jkollha. Konsegwentement, jekk mhux sabiex tadotta miżuri arbitrarji, li ma jistgħu bl-ebda mod isiru leġittimi mill-prinċipju ta’ prekawzjoni, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-miżuri li hija tadotta, anki jekk ikunu miżuri preventivi, ikunu bbażati fuq valutazzjoni xjentifika tar-riskji l-iktar eżawrenti possibbli fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Settembru 2002, Pfizer Animal Health vs Il-Kunsill, T‑13/99, Ġabra p. II‑3305, punt 162).

53      Għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni tammetti li r-rapport ta’ valutazzjoni tar-riskji tal-Unjoni jittratta biss b’mod indirett il-pigmenti tal-kadmju, jiġifieri sa fejn is-siti ta’ produzzjoni ta’ dawn il-pigmenti huma kkonċernati. Dan huwa konformi mal-premessi 1 u 2 tar-Regolamenti Nru 835/2012, li minnhom jirriżulta li l-estensjoni tar-restrizzjoni għal dak li jikkonċerna l-użu tal-kadmju u tal-komponenti tiegħu għall-materjali tal-plastik kollha ma kinitx ibbażata fuq dan ir-rapport. Madankollu, il-Kummissjoni ssostni li d-deċiżjoni tagħha li testendi r-restrizzjoni relattiva għall-użu tal-komponenti tal-kadmju kollha bħala aġent li jagħti l-kulur għall-materjali tal-plastik minbarra dawk li għalihom dan l-użu kien limitat qabel l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat kienet ibbażata fuq it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ sorsi ta’ informazzjoni oħrajn.

54      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, il-Kummissjoni tirreferi għar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill, tal-25 ta’ Jannar 1988, dwar programm ta’ azzjoni Komunitarja sabiex tikkumbatti t-tniġġis ambjentali mill-kadmju (ĠU C 30, p. 1). F’din ir-riżoluzzjoni, il-Kunsill irrikonoxxa li l-espożizzjoni tal-bniedem u tal-ambjent għall-kadmju kienet ġejja minn diversi sorsi u b’mod partikolari, minn emissjonijiet mir-rimi tal-iskart. Ċertament għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li Kummissjoni ma setgħetx tibbaża ruħha fuq din ir-riżoluzzjoni minħabba li kienet ġiet adottata qabel l-introduzzjoni tar-restrizzjonijiet taħt id-Direttiva 91/338. Fil-fatt, din ir-riżoluzzjoni tirrakkomanda approċċ permezz ta’ stadji u xejn ma jindika li dan l-approċċ kien ġie kompletament implementat mid-Direttiva 91/338. Madankollu, l-imsemmija riżoluzzjoni ma tinkludix, fiha nnifisha, valutazzjoni tar-riskji tal-pigmenti tal-kadmju fil-materjali tal-plastik.

55      It-tieni nett, il-Kummissjoni tirreferi għar-rapport tal-2000, li kien ibbażat fuq ir-rapport tal-1998 u hija stmat għal 0.005 % il-perċentwali ta’ kadmju li joħroġ mill-plastik ikkulurit sakemm il-prodott ikun għadu jeżisti. Ir-rapport tal-2000, li kien is-suġġett ta’ avviż tal-Kumitat xjentifiku tat-tossiċità, tal-ekotossiċità u tal-ambjent bid-data tat-30 ta’ Ottubru 2001, identifika l-inċinerazzjoni tal-plastik li fih il-pigmenti tal-kadmju kif ukoll ir-rimi f’landfills u l-flussi korrispondenti tal-iskart tal-plastic u tal-irmied mill-inċineraturi bħala sors tal-kadmju fl-ambjent. Madankollu, ebda konklużjoni ma setgħet tiġi fformulata fuq is-sorsi preċiżi tal-kadmju misjuba fl-iskular tal-landfills.

56      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża ruħha fuq ir-rapport tal-2000, peress li kien iffinalizzat qabel ir-rapport ta’ valutazzjoni tar-riskji tal-Unjoni. Fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li hija għandha, li tapplika wkoll għall-konstatazzjoni tad-data bażika (ara l-punt 47 iktar ’il fuq), ċertament xejn ma kien jipprekludi lill-Kummissjoni milli tieħu inkunsiderazzjoni data xjentifika minn riżorsi oħra li ma huwiex ir-rapport ta’ valutazzjoni tar-riskji tal-Unjoni, bħar-rapport tal-2000. Barra minn hekk, ir-rapport ta’ valutazzjoni tar-riskji tal-Unjoni jindika, fil-punt 0.1.1 tal-Parti I tiegħu, li huwa la jirrigwarda l-oqsma kollha kkonċernati mill-kadmju u l-ossidu tal-kadmju u lanqas il-komponenti kollha ta’ dawn is-sustanzi. Apparti dan, huwa jirreferi għal diversi studji oħrajn mingħajr ma jsemmihom b’mod esklużiv. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-fatt li r-rapport ta’ valutazzjoni tar-riskji tal-Unjoni, bid-data tal-2007, ma jinkludix ir-riżultati tar-rapport tal-2000 juri li r-rilevanza ta’ dan tal-aħħar hija limitata. Dan huwa kkonfermat mill-avviż tal-Kumitat xjentifiku tat-tossiċità, tal-ekotossiċità u tal-ambjent fuq l-imsemmi rapport, li jipprovdi li r-riżultati tiegħu ma setgħux jintużaw b’mod iżolat u li l-importanza tar-riskji possibbli marbuta mal-użi tal-kadmju msemmija f’dan ir-rapport kellha tiġi vvalutata f’kuntest iktar wiesa’.

57      It-tielet nett, il-Kummissjoni tirreferi għall-istudju bit-titolu “Il-komportament tal-PVC fil-landfills”, ippreparat minn kumpannija Ġermaniża għall-Kummissjoni fl‑2000, li jindika li l-istadju aċidoġeniku tal-iżvilupp prekoċi tal-landfills juri l-effettività kbira tal-iskular. Skont dan l-istudju, minħabba l-aċidità tal-prodotti ta’ fermentazzjoni li jirriżultaw fil-fażi tal-ilma, l-idroġenu potenzjali (pH) tal-iskular huwa dgħajjef u l-metall tqil jista’ jinħall matul din il-fażi. Skont il-Kummissjoni, dan kien importanti fir-rigward tar-rilaxx ta’ joni tal-kadmju, anki li joħorġu mill-komponenti ddefiniti bħala mhux solubbli bħall-pigmenti tal-kadmju.

58      F’dan ir-rigward, l-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li l-fatt li l-Kummissjoni ma kkomunikatx dan l-istudju lit-tielet rikorrenti wara t-talba tagħha, tal-24 ta’ Mejju 2001, għal aċċess għad-dokumenti relattivi għall-preparazzjoni tal-abbozz ta’ emenda tal-Anness XVII tar-Regolament Nru 1907/2006, skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), juri li l-Kummissjoni ma bbażatx il-valutazzjoni tar-riskji fuq dan id-dokument, għandu jiġi miċħud.

59      Il-Kummissjoni tindika li ma kkomunikatx l-imsemmi dokument minħabba li, fil-fehma tagħha, dan ma kienx jikkostitwixxi dokument relattiv għall-preparazzjoni tal-imsemmi abbozz, fis-sens li ma huwiex dokument meħtieġ mid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi applikabbli jew minn proċedimenti amministrattivi rilevant għat-tfassil ta’ dan l-abbozz. Kif jirriżulta mill-proċess, il-Kummissjoni kkomunikat għat-tielet rikorrenti 47 dokument wara t-talba li għamlitilha. Anki jekk jiġi preżunt li l-Kummissjoni ma ssodisfatx l-obbligi tagħha li jirriżultaw mir-Regolament Nru 1049/2001 inkwantu ma kkomunikatx id-dokumenti rilevanti kollha, dan il-fatt ma jistax juri li l-Kummissjoni m ħaditx inkunsiderazzjoni l-imsemmija dokumenti fil-kuntest tal-valutazzjoni tagħha tar-riskji. Fil-fatt, il-proċedura li wasslet għall-emenda tal-Anness XVII tar-Regolament Nru 1907/2006 u dik dwar it-talba għal aċċess għad-dokumenti tal-Kummissjoni taħt ir-Regolament Nru 1049/2001 jikkostitwixxu proċeduri awtonomi li ma jiddependux waħda mill-oħra.

60      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, kif jallegaw ir-rikorrenti, l-istudju bit-titolu “Il-komportament tal-PVC fil-landfills” jirrigwarda biss lill-PVC. Issa, għalkemm huwa minnu li dan l-istudju jinkludi data relattiva għall-valutazzjoni tar-riskji tal-pigmenti tal-kadmju, il-valur tiegħu huwa, madankollu, limitat għal dak li jikkonċerna l-materjali tal-plastik minbarra l-PVC.

61      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-premessi tar-regolament ikkontestat kien jirrigwardaw biss il-projbizzjoni tal-użu tal-kadmju fl-oġġetti kollha tal-PVC (premessi 9 sa 12 tar-regolament ikkontestat), mingħajr ma jirreferu għal materjali oħra tal-plastik, u li, skont il-paragrafu 4 tal-annotazzjoni Nru 23 tal-Anness XVII tar-Regolament Nru 1907/2006, kif emendat bir-regolament ikkontestat, il-PVC huwa l-uniku materjal tal-plastik li għalih ġiet prevista deroga speċifika mir-restrizzjonijiet inkwistjoni, jiġifieri għat-taħlitiet prodotti mill-iskart tal-PVC, imsejħa “PVC irkuprat”. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-abozz ta’ emenda tal-Anness XVII tar-Regolament Nru 1907/2006, ippreżentat mill-Kummissjoni lill-awtoritajiet kompetenti għar-Regolamenti Nru 1907/2006 u Nru 1272/2008 għal-laqgħa tagħhom tal-15 sas-17 ta’ Ġunju 2010 matul il-fażi tal-preparazzjoni tar-regolament ikkontestat, ifformula proposta bit-titolu “Il-projbizzjoni tal-użu tal-kadmju fil-plastik kollu li fih il-PVC” u li din il-proposta tista’ tinftiehem bħala li ma tapplikax għall-“materjali tal-plastik kollu, inkluż il-PVC”. Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, il-Qorti Ġenerali tqis li mill-istudju bit-titolu “Il-komportament tal-PVC fil-landfills” la jirriżulta li l-Kummissjoni eżaminat ukoll il-kwistjoni dwar jekk il-komportament ta’ materjali tal-plastik ieħor li ma huwiex il-PVC kinitx distinta minn dik tal-PVC għal dak li jikkonċerna l-pigmenti tal-kadmju u lanqas, kieku kien il-każ, sa liema punt il-materjali l-oħra tal-plastik ikkonċernati mir-restrizzjonijiet inkwistjoni kienu paragunabbli mal-PVC f’dan ir-rigward.

62      Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni tirreferi għall-Komunikazzjoni dwar ir-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju u l-istrateġiji għat-tnaqqis tar-riskju għas-sustanzi: Kadmju u ossidu tal-kadmju, li tipprovdi li l-espożizzjoni għall-kadmju fl-ambjent hija kkalkolata abbażi tal-emissjonijiet tal-kadmju antropoġeniċi kollha magħrufin, jiġifieri b’mod partikolari l-kadmju li jiġi rrilaxxat mill-produtturi u mis-setturi tal-ipproċessar tal-kadmju/tal-ossidu tal-kadmju u l-kadmju f’sorsi mxerrdin bħall-fertilizzanti, il-produzzjoni tal-azzar, il-kombustjoni taż-żejt u tal-faħam, it-traffiku, l-inċinerazzjoni tal-iskart, u l-landfills. Għal dak li jirrigwarda l-valutazzjoni tar-riskji għas-saħħa tal-bniedem, sabiex tiġġustifika l-konklużjoni li tgħid li huwa neċessarju li jittieħdu miżuri speċifiċi għat-tnaqqis tar-riskji, din il-komunikazzjoni tirreferi għar-riskji tal-ġenotossiċità u l-karċinoġeniċità bħala konsegwenza tal-espożizzjoni tal-kadmju fl-ambjent, tkun xi tkun is-sitwazzjoni tal-espożizzjoni, minħabba li s-sustanza hija kkunsidrata bħala karċinoġenu mingħajr valur ta’ limitu. Għal dak li jikkonċerna l-valutazzjoni tar-riskji għall-ambjent, din il-komunikazzjoni tirreferi b’mod partikolari għar-riskji għal sit ta’ landfill li tnixxi direttament fl-ilma tal-wiċċ, għall-ilmijiet tar-Renju Unit u fir-reġjun tal-Wallonie tal-Belġju li l-konċentrazzjoni tal-kadmju hija ogħla u għall-ħamrija fir-Renju Unit fuq livell reġjonali.

63      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li din il-komunikazzjoni tippreżenta r-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskji inklużi fir-rapport ta’ valutazzjoni tar-riskji tal-Unjoni u l-istrateġiji rrakkomandati sabiex jiġu limitati r-riskji tal-kadmju u tal-ossidu tal-kadmju. Madankollu, kif diġà ġie kkonstatat (ara l-punt 53 iktar ’il fuq), ir-rapport ta’ valutazzjoni tar-riskji tal-Unjoni jitratta biss b’mod indirett il-pigmenti tal-kadmju, jiġifieri sa fejn is-siti ta’ produzzjoni ta’ dawn il-pigmenti huma kkonċernati.

64      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-użu tal-pigmenti tal-kadmju kien, ċertament, limitat f’numru kbir ta’ materjali tal-plastik qabel id-dħul fis-seħħ tar-regolament ikkontestat, bis-saħħa tad-Direttiva 91/338 (ara l-punt 4 iktar ’il fuq) u li, bis-saħħa tar-Regolament Nru 552/2009, dawn ir-restrizzjonijiet ġew ittrasferiti għall-Anness XVII tar-Regolament Nru 1907/2006 (ara l-punt 12 iktar ’il fuq). Madankollu, għandu wkoll jiġi kkonstatat, kif jallegaw ir-rikorrenti, li l-pigmenti tal-kadmju inkwistjoni kienu espliċitament esklużi mill-klassifikazzjoni armonizzata tal-perikolu tal-komponenti tal-kadmju, skont l-Anness VI tar-Regolament Nru 1272/2008.

65      Il-ħames nett, il-Kummissjoni tirreferi għall-istudji bit-titolu “Analiżi tat-talba għal deroga għall-użu ta’ metall tqil fiċ-ċestuni u palits tal-plastik”, bid-data tad-29 ta’ Settembru 2008, li jikkonċerna l-komportament tal-kadmju u tal-pigmenti tal-metall tqil fil-landfills. Dan l-istudju jinkludi silta ta’ rapport tal-Kunsill tal-Ministri Nordiċi tal-2003, li jipprovdi li l-mobbiltà tal-kadmju ġewwa l-landfills hija dgħajfa u li jgħid ukoll li l-eliminazzjoni kompleta tal-kadmju mix-xita tista’ tieħu diversi mijiet sa diversi eluf ta’ snin jew, f’ċerti każijiet, anki iktar, iżda li jipprovdi wkoll li ma kienet teżisti ebda prova li l-landfills jistgħu jitqiesu bħala żoni ta’ konfinament permanenti tal-kadmju. Sussegwentement, l-istudju jindika li l-istabbiltà tal-metall tqil tidher tiddependi mill-integrità taċ-ċestun/palit. Dan l-istudju jirreferi għal każ iddokumentat li jispjega li l-ħażna fl-apert tar-ramel tal-polietilene b’densità għolja (PEHD) ikkuluriti bil-pigmenti tal-kadmju għal 5-6 snin irriżulta f’konċentrazzjonijiet għolja tal-kadmju fil-ħamrija u fin-nixxiegħat tal-ilma fil-qrib. Barra minn hekk, dan l-istudju jirreferi għal żewġ studji oħra. Skont l-ewwel studju, il-pigmenti sofor tas-sulfid tal-kadmju għandhom reżistenza eċċellenti, ħlief fil-preżenza tal-umdità, u għaldaqstant huma biss ftit sensibbli għall-alterazzjonijiet esterni. Skont it-tieni studju, il-pigmenti tal-kadmju huma solidi fid-dawl, iżda jistgħu jiġu ossidati bil-mod fis-sulfat solubbli bid-dawl (raġġi ultravjola), l-arja u l-ilma. Din il-foto-ossidazzjoni hija iktar sinifikanti għall-isfar tal-kadmju milli għall-aħmar tal-kadmju. Madankollu, skont dan it-tieni studju, il-kapaċità ta’ reżistenza għad-dawl u għat-temp tiddependi mill-pigment u wkoll mill-mezz li fih jintuża dan il-pigment, jiġifieri mill-fatt li ċ-ċestuni jew il-palits ikunu sħaħ jew imrammlin.

66      F’dan ir-rigward, l-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li l-fatt li l-Kummissjoni ma kkomunikatx dan l-istudju kif ukoll ir-rapport tal-Kunsill tal-Ministri Nordiċi lit-tielet rikorrenti, wara t-talba tagħha għal-access għal dawn id-dokumenti tal-24 ta’ Mejju 2011, juri li l-Kummissjoni ma bbażatx il-valutazzjoni tagħha tar-riskji fuq dawn id-dokumenti, għandu jiġi miċħud għall-istess raġunijiet bħal dawk imsemmija fil-punti 59 u 60 iktar ’il fuq.

67      Madankollu, kif jallegaw ir-rikorrenti, ir-rilevanza ta’ dan l-istudju u tar-rapport tal-Kunsill tal-Ministri Nordiċi msemmi fih sabiex jiġu ddeterminati r-riskji tal-pimenti tal-kadmju inkwistjoni fil-materjali tal-plastik minbarra dawk li għalihom l-użu ta’ dawn il-pigmenti kien limitat qabel l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, hija limitata.

68      Fil-fatt, minn naħa, għal dak li jirrigwarda r-rapport tal-Kunsill ta’ Ministri Nordiċi, dan ma jikkonċernax l-użu ta’ pigmenti tal-kadmju, iżda l-komportament reazzjoni tal-kadmju fil-landfills inġenerali. Barra minn hekk, minkejja li huwa jindika li l-mobbiltà tal-kadmju ġewwa l-landfills hija dgħajfa u li l-eliminazzjoni l-eliminazzjoni kompleta tal-kadmju mix-xita tista’ tieħu diversi mijiet sa diversi eluf ta’ snin jew, f’ċerti każijiet, anki iktar, iżda li jipprovdi wkoll li ma kienet teżisti ebda prova li l-landfills jistgħu jitqiesu bħala żoni ta’ konfinament permanenti tal-kadmju, dan ir-rapport ċarament ma jikkostitwixxix bażi suffiċjenti għall-valutazzjoni tar-riskji tal-użu tal-pigmenti tal-kadmju inkwistjoni fil-materjali tal-plastik.

69      Min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda l-kontentut ta’ dan l-istudju, huwa minnu li dan jitratta wkoll il-komportament tal-pigmenti tal-kadmju fil-landfills. F’dan ir-rigward, l-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li l-Kummissjoni ma wrietx l-eżistenza ta’ rabta bejn l-użu ta’ pigmenti tal-kadmju u l-iskular fil-landfills u li s-sors prinċipali tal-kadmju fil-landfills, ikkonstatat fir-rapport ta’ valutazzjoni tar-riskji tal-Unjoni, huwa l-ossidu tal-kadmju, għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, dan l-istudju jirreferi espressament għal każ li fih il-ħażna ta’ ramel tal-PEHD ikkuluriti bil-pigmenti tal-kadmju waslet għal tniġġis tal-ħamrija u tal-ilma kkawżat mill-kadmju wara espożizzjoni fit-tul għall-maltemp. Barra minn hekk, anki jekk jiġi preżunt li l-ossidu tal-kadmju jikkostitwixxi s-sors prinċipali tal-kadmju fil-landfills, għandu jiġi rrilevat, kif tallega l-Kummissjoni, li l-impatt globali fuq l-ambjent jiddependi mill-kwantitajiet assoluti li jinsabu fl-ambjent u tal-bdil tas-solubbiltà li jirriżulta mill-kundizzjonijiet ambjentali u mid-degradazzjoni tal-pigmenti tal-kadmju.

70      Madankollu, filwaqt li dan l-istudju jindika li l-kapaċità ta’ reżistenza għad-dawl u għall-maltemp tiddependi b’mod partikolari fuq il-mezz li fih ikun intuża l-pigment tal-kadmju, jiġifieri mill-fatt li ċ-ċestuni jew il-palits ikunu sħaħ jew imrammlin, huwa ma jinkludi ebda argument dwar il-preżenza u l-komportament tal-pigmenti tal-kadmju fid-diversi materjali tal-plastik. Madankollu, dak li huwa inkwistjoni f’din il-kawża hija preċiżament il-valutazzjoni tar-riskji tal-pigmenti tal-kadmju inkwistjoni fil-materjali tal-plastik minbarra dawk li għalihom l-użu ta’ dawn il-pigmenti kien limitat qabel l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li dan l-istudju kien jikkonċerna biss il-materjali tal-plastik użati preċiżament għall-manifattura ta’ ċestuni jew ta’ palits.

71      Fid-dawl ta’ dan li ntqal, mill-proċess ma jirriżultax li l-Kummissjoni evalwat l-elementi u ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti tas-sitwazzjoni li r-regolament ikkontestat kellu l-intenzjoni jirregola. Billi kkonkludiet, abbażi ta’ elementi xjentifiċi msemmija fil-punti 55 sa 71 iktar ’il fuq, li kien hemm riskju għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent li kien jeħtieġ azzjoni fil-livell tal-Unjoni, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni.

72      Konsegwentement, l-ewwel parti tal-motiv preżenti għandha tiġi milqugħa.

73      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, u mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni kemm fuq it-tieni parti tal-motiv preżenti kif ukoll fuq il-motivi l-oħra mqajma mir-rikorrenti, ir-rikors għandu jiġi milqugħ u r-regolament ikkontestat għandu jiġi parzjalment annullat sa fejn huwa jirrestrinġi l-użu ta’ pigmenti tal-kadmju inkwistjoni fit-taħlitiet u fl-oġġetti prodotti minn materjali tal-plastik minbarra dawk li għalihom dan l-użu kien limitat qabel l-adozzjoni tal-imsemmi regolament. Minn naħa l-oħra, il-kumplament tar-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

 Fuq l-ispejjeż

74      Skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ taqsam l‑ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha jekk il-partijiet jitilfu fuq waħda jew iktar mit-talbiet rispettivi tagħhom. F’dan il-każ, peress li l-Kummissjoni tilfet il-parti essenzjali tat-talbiet tagħha, iċ-ċirkustanzi tal-kawża jiġu evalwati b’mod ġust jekk jiġi deċiż li hija għandha tbati 90 % tal-ispejjeż tagħha u 90 % tal-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti tal-Kummissjoni, u dawn tal-aħħar għandhom ibatu 10 % tal-ispejjeż tagħhom u 10 % tal-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

Taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 494/2011, tal-20 ta’ Mejju 2011, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH) fir-rigward tal-Anness XVII (Kadmju), huwa annullat sa fejn jirrestrinġi l-użu tal-oranġjo tas-sulfoselenid tal-kadmju (Nru CAS 1256-57-4), tal-aħmar tas-sulfoselenid tal-kadmju (Nru CAS 58339-34-7) u tas-sulfid taż-żingu tal-kadmju (Nru CAS 8048-07-5) fit-taħlitiet u fl-oġġetti prodotti minn polimeri organiċi sintetiċi minbarra dawk li għalihom dan l-użu kien limitat qabel l-adozzjoni tar-Regolament Nru 494/2011.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati 90 % tal-ispejjeż tagħha u 90 % tal-ispejjeż subiti minn International Cadmium Association (ICdA), Rockwood Pigments (UK) Ltd u James M Brown Ltd.

4)      L-ICdA, Rockwood Pigments (UK) u James M Brown għandhom ibatu 10 % tal-ispejjeż tagħhom u 10 % tal-ispejjeż subiti mill-Kummissjoni.

Dittrich

Wiszniewska-Białecka

Prek

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-14 ta’ Novembru 2013.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.