Language of document : ECLI:EU:T:2013:594

Kawża T‑456/11

International Cadmium Association (ICdA) et

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“REACH — Miżuri tranżitorji li jikkonċernaw ir-restrizzjonijiet applikabbli għall-manifattura, għat-tqegħid fis-suq u għall-użu tal-kadmju u l-komponenti tiegħu — Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 — Restrizzjonijiet għall-użu tal-pigmenti tal-kadmju f’materjali tal-plastik — Żball manifest ta’ evalwazzjoni — Analiżi tar-riskji”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) tal-14 ta’ Novembru 2013

1.      Rikors għal annullament — Irtirar tas-sustanza mill-att ikkontestat fil-mori tal-kawża — Assenza ta’ tħassir tal-att ikkontestat — Att ikkontestat li seta’ jipproduċi effetti legali — Rikors li jżomm l-iskop tiegħu — Bażi ta’ eventwali rikors għad-danni — Żamma tal-interess ġuridiku

(Artikolu 263 TFUE)

2.      Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Reġistrazzjoni, valutazzjoni u awtorizzazzjoni ta’ sustanzi kimiċi — Regolament REACH — Restrizzjonijiet applikabbli għal ċerti sustanzi — Introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet ġodda u emenda ta’ restrizzjonijiet eżistenti — Setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet tal-Unjoni — Portata — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti — Żball manifest ta’ evalwazzjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1907/2006, Artikolu 68(1) u Anness XVIII)

3.      Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Reġistrazzjoni, valutazzjoni u awtorizzazzjoni ta’ sustanzi kimiċi — Regolament REACH — Restrizzjonijiet applikabbli għal ċerti sustanzi — Introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet ġodda u emenda ta’ restrizzjonijiet eżistenti — Kundizzjonijiet — Evalwazzjoni tar-riskji

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1907/2006, Artikoli 68(1) u 137(1)(a), u Anness XVII; Regolament tal-Kunsill Nru 793/93, Artikolu 11)

1.      L-irtirar minn regolament, b’effett retroattiv mid-data ta’ applikazzjoni tar-regolament ikkontestat, tar-restrizzjonijiet għall-użu ta’ ċerti prodotti introdotti minn dan ir-regolament tal-aħħar, ma jċaħħadx lir-rikors għal annullament mill-iskop tiegħu, peress li l-att ikkontestat ma ġiex formalment imħassar mill-Kummissjoni.

Barra minn hekk, dan l-irtirar ma jwassalx, waħdu, sabiex il-qorti tal-Unjoni jkollha l-obbligu li tiddeċiedi li ma hemmx lok għal deċiżjoni peress li ma hemmx skop għall-kawża jew peress li ma hemmx interess ġuridiku fid-data li fiha tingħata s-sentenza. L-annullament tal-att ikkontestat li diġà ġie eżegwit jista’ xorta jipprovdi benefiċċju lir-rikorrent, anki jekk ir-restrizzjonijiet inkwistjoni, introdotti minn dan l-att, tneħħew fil-frattant b’effett retroattiv mid-data ta’ applikazzjoni tal-imsemmi att. Fil-fatt, dan l-att ikkontestat seta’ jipproduċi effetti legali waqt il-perijodu li matulu huwa rregola r-restrizzjonijiet applikabbli għall-prodotti inkwistjoni, jiġifieri mill-mument tal-applikazzjoni tiegħu sal-mument tad-dħul fis-seħħ tar-regolament li rtira r-restrizzjonijiet.

Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li, waqt dan il-perijodu, l-att ikkontestat kien jipprojbixxi ċertu użu mill-prodotti inkwistjoni. F’dan il-kuntest, ir-rikorrent għad għandu interess li tiġi kkonstatata n-natura parzjalment illegali ta’ dan l-att, peress li, minn naħa, din il-konstatazzjoni torbot lill-qorti tal-Unjoni fid-dawl ta’ rikors għad-danni u, min-naħa l-oħra, hija tista’ tikkostitwixxi l-bażi għal diskussjonijiet eventwali barra mill-qrati bejn il-Kummissjoni u r-rikorrent sabiex jiġi kkumpensat id-dannu allegatament subit minn dan tal-aħħar.

(ara l-punti 36-38)

2.      Sabiex ikunu jistgħu jilħqu b’mod effettiv l-għanijiet tar-Regolament Nru 1907/2006, dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), f’kuntest tekniku kumpless ta’ natura evoluttiva, l-awtoritajiet tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa, b’mod partikolari fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-fatti ta’ natura xjentifika u teknika kumplessi ħafna, sabiex jistabbilixxu n-natura u l-portata tal-miżuri li huma jadottaw, filwaqt li l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu jkun limitat għal eżami tal-kwistjoni jekk l-eżerċizzju ta’ tali setgħa huwiex ivvizzjat minn żball manifest jew minn użu ħażin ta’ poter jew jekk dawn l-awtoritajiet eċċedewx b’mod manifest il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom. F’kuntest bħal dan, il-qorti tal-Unjoni ma tistax fil-fatt tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-fatti ta’ natura xjentifika u teknika ma’ dik tal-istituzzjonijiet li lilhom biss it-Trattat FUE kkonferixxa dan il-kompitu.

Madankollu, is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-awtoritajiet tal-Unjoni, li timplika stħarriġ ġudizzjarju limitat tal-eżerċizzju tagħha, ma tapplikax esklużivament għan-natura u għall-portata tad-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati, iżda wkoll, sa ċertu punt, għall-konstatazzjoni tad-data bażika. Madankollu, tali stħarriġ ġudizzjarju, anki jekk għandu portata limitata, jirrikjedi li dawn l-awtoritajiet, awturi tal-att inkwistjoni, ikunu f’pożizzjoni li jistabbilixxu quddiem il-qorti tal-Unjoni li l-att kien ġie adottat permezz ta’ eżerċizzju effettiv tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom, li jippresupponi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi kollha u taċ-ċirkustanzi rilevanti tas-sitwazzjoni li dan l-att kien intiż sabiex jirregola.

Il-valutazzjoni xjentifika tar-riskji, imwettqa minn esperti xejntifiċi, għandha tagħti lill-Kummissjoni informazzjoni affidabbli u solida biżżejjed sabiex tkun tista’ tistabbilixxi l-portata kollha tal-kwistjoni xjentifika u sabiex tiddetermina l-politika tagħha skont it-tagħrif kollu li jkollha. Konsegwentement, jekk mhux sabiex tadotta miżuri arbitrarji, li ma jistgħu bl-ebda mod isiru leġittimi mill-prinċipju ta’ prekawzjoni, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-miżuri li hija tadotta, anki jekk ikunu miżuri preventivi, ikunu bbażati fuq valutazzjoni xjentifika tar-riskji l-iktar eżawrjenti possibbli fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami.

Peress li mill-proċess ma jirriżultax li l-Kummissjoni evalwat l-elementi u ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti tas-sitwazzjoni li r-regolament ikkontestat kellu l-intenzjoni jirregola, billi kkonkludiet, abbażi ta’ elementi xjentifiċi insuffiċjenti, li kien hemm riskju għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent li kien jeħtieġ azzjoni fil-livell tal-Unjoni, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni.

(ara l-punti 45, 46, 52, 71)

3.      Minkejja li r-regolament ikkontestat, li introduċa restrizzjonijiet dwar ċerti sustanzi, ġie adottat permezz tal-miżuri tranżitorji msemmija fl-Artikolu 137(1)(a) tar-Regolament Nru 1907/2006, dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), xorta jibqa’ l-fatt li, sabiex jiġi emendat l-Anness XVII tal-imsemmi regolament, il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 68 ta’ dan ir-regolament għandhom jiġu ssodisfatti.

L-introduzzjoni mir-regolament ikkontestat ta’ restrizzjonijiet ġodda dwar ċerti sustanzi kienet tippresupponi li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 68(1) tar-Regolament Nru 1907/2006 kienu ssodisfatti. Konsegwentement, l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat kienet tippresupponi li l-Kummissjoni kellha tqis, ġustament, li l-użu tas-sustanzi inkwistjoni fil-materjali tal-plastik, minbarra dawk li għalihom dan l-użu kien limitat qabel l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, kien ta’ riskju mhux aċċettabbli għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent li jkun jeħtieġ azzjoni fuq livell tal-Unjoni.

Anki jekk jiġi preżunt li l-miżuri meħuda skont l-Artikolu 137(1)(a) tar-Regolament Nru 1907/2006 ma għandhomx jissodisfaw il-kundizzjonijiet fuq il-mertu previsti fl-Artikolu 68 ta’ dan ir-regolament, iżda r-regoli fis-seħħ qabel l-imsemmi regolament, jiġifieri l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 793/93, dwar il-valutazzjoni u l-kontroll tar-riskji ta’ sustanzi eżistenti, għandu jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni tal-aħħar kienet tipprovdi wkoll li miżuri ta’ restrizzjoni setgħu jiġu adottati biss fuq il-bażi ta’ valutazzjoni tar-riskji.

(ara l-punti 47-50)