Language of document :

Rikors ippreżentat fl-24 ta' Frar 2010 - Ir-Repubblika tal-Ungerija vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża T-89/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika tal-Ungerija (rappreżentanti: J. Fazekas, M.Z. Fehér, K. Szíjjártó, aġenti)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

Tannulla l-Artikolu 1(3) u (4), il-punt 3.3 tal-Anness I u l-Anness II tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni [C(2009) 10152], tal-14 ta' Diċembru 2009, dwar proġett maġġuri msemmi "Awtostrada M43 bejn Szeged u Makó", li jagħmel parti mill-programm operattiv "Trasport", intiż għall-għajnuna strutturali tal-Unjoni permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u tal-Fond ta' Koeżjoni, skont l-objettiv "Konverġenza, sa fejn l-imsemmija dipożizzjonijiet jeskludu il-ħlasijiet tal-VAT mill-ispejjeż eliġibbli.

Tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti tikkontesta parzjalment id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-14 ta' Diċembru 2009, dwar proġett maġġuri msemmi "Awtostrada M43 bejn Szeged u Makó", li jagħmel parti mill-programm operattiv "Trasport", intiż għall-għajnuna strutturali tal-Unjoni permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u tal-Fond ta' Koeżjoni, skont l-objettiv "Konverġenza". Fl-imsemmija deċiżjoni l-Kummissjoni awtorizzat il-ħlas ta' kontribuzzjoni mill-Fond ta' Koeżjoni għall-imsemmi proġett maġġuri. Minbarra dan, fit-taqsima "spejjeż mhux eliġibbli" tal-Anness I tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ċaħdet it-talba tal-amministrazzjoni Ungeriża li, fil-kuntest ta' dan il-proġet, jiġu inklużi l-ħlasijiet tal-VAT.

Fil-motivi tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata bi ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, b'mod partikolari, tal-Artikolu 56(4) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 1 u tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1084/2006 2.

Ir-rikorrenti tikkunsidra li l-Artikolu 3(e) tar-Regolament Nru 1084/2006 jistabbilixxi b'mod ċar li t-taxxa fuq il-valur miżjud li tkun rekuperabbli mhijiex eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-Fond ta' Koeżjoni. Fl-opinjoni tar-rikorrenti, minn din id-dispożizzjoni għandu jiġi dedott li ma hemm ebda dubu li t-taxxa fuq il-valur miżjud li mhijiex rekuperabbli hija eliġibbli. Konsegwentement, u fid-dawl tal-fatt li, l-benefiċjarju tal-proġett maġġuri msemmi fid-deċiżjoni kkontestata ma jissodisfax, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jew nazzjonali dwar il-VAT, ir-rekwiżit tal-persuna taxxabbli, b'tali mod li jista' jitlob ir-rimbors tal-ammont ta' taxxa mħallsa biss jekk din tkun taxxa tal-output, ir-rikorrenti tiddikjara li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma kellhiex teskludi l-ispejjeż marbuta ma din it-taxxa mill-għajnuna.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti tikkontesta li, peress li l-Kummissjoni lanqas ma kkunsidrat bħala eliġibbli dawk l-ispejjeż li r-Regolament Nru 1084/2006 ma nkludiex fost l-ispejjeż eliġibbli, filwaqt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali korrispondenti ssemmihom espliċitament bħala spejjeż eliġibbli, il-Kummissjoni ċaħħdet lill-Istati Membri, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, mill-kompetenzi li huma għandhom taħt l-Artikolu 56(4), tar-Regolament Nru 1083/2006.

Ir-rikorrenti tallega wkoll li l-argument tal-Kummissjoni, li jgħid li t-taxxa output imħallsa mill-benefiċjarju tal-kontribuzzjoni hija "rekuperabbli" permezz tal-VAT li tiġi ffatturata flimkien mal-miżata impost għall-użu tat-triq mill-amministratur tal-infrastruttura mibnija mill-benefiċjarju, jikkostitwixxi interpretazzjoni wiesgħa ħafna tal-kunċett tat-"taxxa fuq il-valur miżjud li tkun rekuperabbli", previst fl-Artikolu 3(e) tar-Regolament Nru 1084/2006, li barra li mhijiex koperta mill-kliem ta' din id-dispożizzjoni, tmur ukoll kontra l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-VAT.

Fl-aħħar nett, il-rikorrenti ssostni li la r-Regolament Nru 1083/2006 u lanqas ir-Regolament Nru 1084/2006 ma jippermettu interpretazzjoni li tgħid li l-Kummissjoni, fl-evalwazzjoni tal-ispejjeż eliġibbli, inkluża l-VAT eliġibbli, tista' tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq il-fatt l-Istat Membru seta' għażel soluzzjoni legali oħra fir-rigward tal-iżvilupp tal-proġett u l-amministrazzjoni tal-infrastruttura. Skont ir-rikorrenti, fundamentalment, huma l-Istati Membri li huma kompetenti għall-organizzazzjoni tal-amministrazzjoni tal-infrastrutturi nazzjonali u tas-servizzi pubbliċi relatati magħhom. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ssostni wkoll li, kemm il-darba jkunu sodisfatti r-rekwiżiti stabbiliti mil-liġijiet tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha taċċetta l-għażla magħmula mill-Istat Membru, anki meta din tkun tinvolvi konsegwenzi li jirriżultaw mill-kwalità jew nuqqas ta' kwalità ta' pesruna suġġetta għall-VAT tal-benefiċjaru fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-ispejjeż eliġibbli.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006, tal-11 ta' Lulju 2006, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 (ĠU L 210, p. 25).

2 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1084/2006, tal-11 ta' Lulju 2006, li jistabbilixxi Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1164/94 (ĠU L 210, p. 79).