Language of document : ECLI:EU:C:2017:199

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

9 ta’ Marzu 2017 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (KE) Nru 805/2004 – Titolu eżekuttiv Ewropew għad-debiti mhux ikkontestati – Kundizzjonijiet għaċ-ċertifikazzjoni bħala titolu eżekuttiv Ewropew – Kunċett ta’ ‘qorti’ – Nutar li ħareġ mandat ta’ eżekuzzjoni abbażi ta’ ‘dokument awtentiku’ – Att awtentiku”

Fil-Kawża C-484/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Općinski sud u Novom Zagrebu – Stalna služba u Samoboru (qorti muniċipali ta’ Novi Zagreb - unità permanenti ta’ Samobor, il-Kroazja), permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Settembru 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Settembru 2015, fil-proċedura

Ibrica Zulfikarpašić

vs

Slaven Gajer,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Prechal, A. Rosas, C. Toader (Relatur) u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Lulju 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Kroat, minn A. Metelko-Zgombić, bħala aġent,

–        għall-Gvern Spanjol, minn V. Ester Casas, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Cattabriga, S. Ječmenica u M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Settembru 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 805/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, li joħloq Ordni Ewropew ta’ Infurzar [Titolu Eżekuttiv Ewropew] għal talbiet mhux kontestati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 38).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Ibrica Zulfikarpašić u Slaven Gajer dwar talba għal ħruġ ta’ ċertifikat ta’ titolu eżekuttiv Ewropew fir-rigward ta’ mandat ta’ eżekuzzjoni, maħruġ minn nutar, fil-Kroazja, abbażi ta’ “dokument awtentiku”.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Skont il-premessi 3, 5, 7, 10, 12 u 18 tar-Regolament Nru 805/2004:

“(3)      Il-Kunsill Ewropew li ltaqa’ f’Tampere fil-15 u s-16 ta’ Ottubru 1999 ikkonferma l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji bħala l-pedament għall-ħolċqen ta’ żona ġudizzjarja ġenwina.

[…]

(5)      Il-kunċett ta’ ‘talbiet [debiti] mhux kontestati’ għandu ikopri s-sitwazzjonijiet kollha li fihom kreditur, minħabba n-nuqqas verifikat ta’ xi disputa mid-debitur dwar in-natura jew il-limitu tat-talba ta’ flus, ikun kiseb jew deċiżjoni tal-qorti kontra d-debitur jew dokument ta’ infurzar li jeħtieġ il-kunsens espress tad-ebitur, sew jekk ikun settlement tal-qorti jew strument awtentiku.

[…]

(7)      Dan ir-Regolament għandu japplika għal sentenzi, settlement tal-qorti u strumenti awtentiċi dwar talbiet mhux kontestati u għad-deċiżjonijiet mogħtija wara kontestazzjonijiet għal sentenzi, settlement tal-qorti u strumenti awtentiċi ċertifikati bħala Ordnijiet Ewropej ta’ Infurzar [titoli eżekuttivi Ewropej].

[…]

(10)      Fejn qorti fi Stat Membru tkun tat sentenza fuq talba mhux kontestata fl-assenza ta’ parteċipazzjoni fil-proċedimenti, it-tneħħija ta’ xi verifiki fl-Istat Membru ta’ l-infurzar hija intrinsikament marbuta u dipendenti fuq l-eżistenza ta’ garanzija suffiċjenti ta’ l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża.

[…]

12)      Għandhom jiġu stabbiliti standards minimi għall-proċeduri li jwasslu għas-sentenza sabiex jiġi żgurat li d-debitur ikun informat dwar l-azzjoni fil-qorti kontrih, il-ħtiġiet għall-parteċipazzjoni attiva tiegħu fil-proċeduri li jikkontesta t-talba u l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ parteċipazzjoni tiegħu fi żmien bizzejjed u b’dak il-mod li huwa ikun jista’ jirranġa għad-difiża tiegħu.

[…]

(18)      Il-fiduċja reċiproka fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Mmebri tiġġustifika l-istima mill-qorti ta’ Stat Membru wieħed li l-kondizzjonijiet kollha għaċ-ċertifikazzjoni ta’ Ordni Ewropew ta’ Infurzar ikunu mħarsa biex jippermettu li sentenza għandha tkun infurzata fl-Istati Membri l-oħra kollha mingħajr reviżjoni ġudizzjarja ta’ l-applikazzjoni kif imiss ta’ l-istandards minimi proċedurali fl-Istat Membru fejn għandha tiġu nfurzata s-sentenza.”

4        L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li joħloq Ordni Ewropew ta’ Infurzar [titolu eżekuttiv Ewropew] għal talbiet [debiti] mhux kontestati li jippermetti, permezz tal-preskrizzjoni ta’ standards minimi, iċ-ċirkolazzjoni ħielsa ta’ sentenzi, settlement tal-qrati [ġudizzjarji] u strumenti awtentiċi mal-Komunità kollha mingħajr ma ikun meħtieġ li jinġiebu xi proċeduri intermedjarji fl-Istat Membru ta’ l-infurzar qabel ir-rikonoxximent u l-infurzar.”

5        L-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej:

“Dan ir-Regolament għandu japplika għal sentenzi, settlement tal-qorti, u strumenti awtentiċi dwar talbiet [debiti] mhux kontestati.

Talba titqies bħala mhux kontestata jekk:

a)      id-debitur ikun espressament qabel miegħu billi ammetta jew permezz ta’ settlement li ikun ġie approvat minn qorti jew konkluż quddiem qorti fil-kors ta’ proċeduri; jew;

b)      id-debitur ma jkun oġġezzjon[a] qatt għalih[a], b’konformità mal-ħtiġiet relevanti proċedurali taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ l-oriġini, fil-kors tal-proċeduri tal-qorti; jew

ċ)      id-debitur ma jkunx deher jew ġie rappreżentat fis-smigħ tal-qorti fir-rigward ta’ dik it-talba wara li kien inizjalment oġġezzjon[a] għat-talba fil-kors tal-proċeduri tal-qorti, kemm-il darba dak il-koportament ikun jammonta għal ammissjoni siekta tat-talba jew tal-fatti allegati mill-kreditur taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ l-oriġini; jew;

d)      id-debitur ikun espressament qabel li jkun strument awtentiku.”

6        L-Artikolu 4 tal-istess regolament jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

1.      ‘sentenza’: kull sentenza mogħtija minn qorti jew tribunal ta’ Stat Membru, irrispettivament x’tissejjaħ dik is-sentenza, inkluż digriet, ordni, deċiżjoni jew mandat ta’ eżekuzzjoni, kull ukoll l-istabbiliment tan-nefqiet jew l-ispejjeż minn uffiċjal tal-qorti;.

2.      ‘talba [debitu]’: talba [dritt] għal ħlas ta’ somma speċifika ta’ flus li tkun saret dovuta jew li dwarha d-data debita tkun indikata fis-sentenza, settlement tal-qorti jew strument awtentiku;

3.      ‘strument awtentiku’:

a)      dokument li jkun tħejja formalment jew reġistrat bħala strument awtentiku, u li l-awtentiċità tiegħu:

i)      tirrelata mal-firma u l-kontenut ta’ l-istrument; u

ii)      ikun ġie stabbilit minn awtorità pubblika jew awtorità oħra li jkollha s-setgħa għal dak il-għan mill-Istat Membru li fih joriġina;

jew

b)      arranġament li jirrelata ma’ obbligi ta’ manteniment konklużi ma’ l-awtoritajiet amministrattivi jew awtentikat minnhom;

[…]

6.      ‘qorti ta’ oriġini’: il-qorti jew tribunal responsabbli għall-proċeduri fiż-żmien tat-twettieq tal-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 3(1)(a), (b) jew (ċ);

7.      l-Isvezja, il-proċeduri sommarji li jikkonċernaw ordnijiet għall-ħlas (betalningsföreläggande), l-espressjoni ‘qorti’ tinkludi s-servizz Svediż ta’ infurzar (kronofogdemyndighet).”

7        L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 805/2004, bit-titolu “Tneħħija ta’ exequatur” jipprovdi:

“Sentenza li tkun ġiet ċertifikata bħala Ordni Ewropew ta’ Infurzar [titolu eżekuttiv Ewropew] fl-Istat Membru ta’ l-oriġini għandha tkun rikonoxxuta u infurzata fl-Istati Membri l-oħra mingħajr il-ħtieġa ta’ dikjarazzjoni ta’ infurzar u mingħajr il-possibbiltà ta’ xi opposizzjoni tar-rikonoxximent tagħha.”

8        Il-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament, li jinkludi l-Artikoli 12 sa 19, jiddefinixxi l-istandards minimi applikabbli għall-proċeduri dwar id-debiti mhux ikkontestati, b’mod partikolari dawk dwar in-notifika tal-att promotur jew ta’ att ekwivalenti u dwar l-informazzjoni tad-debitur.

9        L-Artikolu 12 tal-istess regolament, bit-titolu “Kamp ta’ l-applikazzjoni ta’ l-istandards minimi”, jipprovdi:

“1. Sentenza fuq talba [debitu] li ma tkunx kontestata skod it-tifsira ta’ l-Artikolu 3(1)(b) jew (ċ) tista’ biss tiġi ċertifikata bħala Ordni Ewropew ta’ Infurzar [titolu eżekuttiv Ewropew] jekk il-proċeduri tal-qorti fl-Istat Membru ta’ l-oriġini ikunu jikkonformaw mal-ħtiġiet proċedurali stipulati f’dan il-Kapitolu.

2. L-istess ħtiġiet għandhom japplikaw għall-ħruġ ta’ ċertifikat ta’ Ordni Ewropew ta’ Infurzar jew ċertifikat ta’ sostituzzjoni skond it-tifsira ta’ l-Atikolu 6(3) għal deċiżjoni wara kontestazzjoni tas-sentenza fejn, fl-istess żmien tad-deċiżjoni, il-kondizzjonijiet ta’ l-Artikolu 3(1)(b) jew (ċ) jiġu mħarsa.”

10      L-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 805/2004, bit-titolu “Provvista lid-debitur ta’ informazzjoni debita dwar it-talba [id-debitu]”, jipprovdi:

“Sabiex jiġi żgurat lid-debitur kien provdut b’informazzjoni debita dwar it-talba, id-dokument li jistitwixxi l-proċeduri jew dokument ekwivalenti għandu jkun fih dan li ġej:

a)      l-ismijiet u l-indirizzi tal-partijiet;

b)      l-ammont tat-talba [debitu];

ċ)      jekk ikun qed jintalab mgħax fuq l-ammont, ir-rata ta’ mgħax u l-perjodu li għalih ikun qed jintalab l-imgħax sakemm mgħax statutorju ma jkunx awtomatikament miżjud mal-kapital taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ l-oriġini;

d)      dikjarazzjoni tar-raġunijiet għat-talba.”

11      L-Artikolu 25(1) ta’ dan ir-regolament, dwar iċ-ċertifikazzjoni tal-atti awtentiċi, jipprovdi:

“Strument awtentiku li jikkonċerna talba [debitu] skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 4(2) li jkun infurzabbli fi Stat Membru wieħed għandu, ma’ l-applikazzjoni mill-awtorità nominata mill-Istat Membru ta’ l-oriġini, jiġi ċertifikat bħala Ordni Ewropew ta’ Infurzar [titolu eżekuttiv Ewropew], bl-użu tal-formola standard fl-Anness III.”

12      L-Artikolu 30(1)(ċ) tal-istess regolament, jipprevedi l-obbligu tal-Istati Membri li jinnotifikaw lill-Kummissjoni Ewropea “il-lista ta’ l-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 25 […]u kull bidliet fihom.”

13      Abbażi ta’ dan l-Artikolu 30(1)(ċ), ir-Repubblika tal-Kroazja nnotifikat il-lista sussegwenti:

“Il-qrati li għandhom ġurisdizzjoni, l-awtoritajiet amministrattivi, in-nutara, il-persuni fiżiċi u ġuridiċi assoċjati mal-awtoritajiet pubbliċi li huma awtorizzati joħorġu atti eżekuttivi jew titoli eżekuttivi għal debiti mhux ikkontestati skont il-leġiżlazzoni nazzjonali applikabbli.”

 Id-dritt Kroat

14      L-Artikolu 31 tal-Ovršni zakon (liġi dwar l-eżekuzzjoni forzata, Narodne novine, br. 112/12, 25/13 u 93/14) jipprevedi:

“1)      Bis-saħħa ta’ din il-liġi, dokument awtentiku huwa fattura, […] estratt minn kotba ta’ kontabbiltà, dokument privat legalizzat u kull dokument meqjus bħala dokument uffiċjali bis-saħħa ta’ liġijiet speċifiċi. Il-kalkolu tal-imgħaxijiet huwa wkoll meqjus bħala fattura.

2)      Dokument awtentiku għandu jkun eżekuttiv jekk jinkludi l-identità tal-kreditur u tad-debitur, kif ukoll is-suġġett, in-natura, il-portata u d-data tal-eżiġibbiltà tal-obbligu pekunjarju.

3)      B’żieda mal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, fattura maħruġa lil persuna fiżika li ma teżerċitax attività rreġistrata għandha tinforma lid-debitur li, f’każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu pekunjarju li jkun sar eżiġibbli, il-kreditur ikun jista’ jitlob l-eżekuzzjoni forzata fuq il-bażi ta’ dokument awtentiku.

[…]”

15      L-Artikolu 278 ta’ din il-liġi huwa fformulat kif ġej:

“In-nutara għandhom jiddeċiedu fuq it-talbiet għal eżekuzzjoni bbażati fuq dokumenti awtentiċi skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi.”

16      L-Artikolu 281(1) ta’ din il-liġi jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom in-nutara jistgħu joħorġu mandati ta’ eżekuzzjoni abbażi ta’ “dokument awtentiku”, filwaqt li l-paragrafi (2) sa (8) ta’ dan l-artikolu jittrattaw il-proċedura segwita fil-każ li n-nutar ma joħroġx tali mandat.

17      L-Artikolu 282 tal-istess liġi jipprevedi rikors, permezz ta’ oppożizzjoni, kontra l-mandat ta’ eżekuzzjoni tan-nutar u jiddefinixxi l-proċedura ta’ eżami ta’ tali rikorsi.

18      L-Artikolu 283(1) tal-liġi dwar l-eżekuzzjoni forzata jipprovdi li n-nutar għandu jehmeż, fuq talba tal-persuna li ressqet it-talba, il-formola eżekuttiva ma’ kopja tal-mandat ta’ eżekuzzjoni li huwa jkun ħareġ jekk, f’terminu ta’ tmint ijiem mill-iskadenza tat-terminu għat-tressiq tal-oppożizzjoni din ma tkunx tressqet.

19      L-Artikolu 356 ta’ din il-liġi jipprovdi:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-titolu huma rregolati mill-proċedura ta’ ħruġ ta’ ċertifikati ta’ titolu eżekuttiv Ewropew għad-debiti mhux ikkontestati skont ir-Regolament [Nru 805/2004] u jistabbilixxu proċedura ta’ eżekuzzjoni abbażi tat-titolu eżekuttiv Ewropew.”

20      L-Artikolu 357 tal-imsemmija liġi jipprevedi:

“Fir-Repubblika tal-Kroazja, huma awtorizzati joħorġu:

[…]

–        ċertifikati ta’ forza eżekuttiva ta’ atti uffiċjali oħra li huma eżekuttivi fir-Repubblika tal-Kroazja skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 25(1) tar-Regolament [Nru 805/2004],

[…]

il-qrati, l-awtoritajiet amministrattivi, in-nutara jew il-persuni fiżiċi u ġuridiċi assoċjati mal-awtoritajiet pubbliċi li huma awtorizzati joħorġu kopja eżekuttiva ta’ att eżekuttiv Ewropew maħruġ minn qorti nazzjonali u li jirrigwarda debiti mhux ikkontestati”.

21      Skont l-Artikolu 358 ta’ l-istess liġi:

“1)      Iċ-ċertifikati msemmija fl-Artikolu 9(1), fl-Artikolu 24(1), fl-Artikolu 25(1) u fl-Artikolu 6(3) tar-Regolament, għandhom jinħarġu mingħajr smigħ minn qabel tad-debitur.

2)      L-awtorità jew il-persuna li tkun ħarġet iċ-ċertifikat għandha l-obbligu li tipprovdi ex officio kopja lid-debitur.

[…]

4)      jekk in-nutar jikkonstata li l-kundizzjonijiet għall-ħruġ taċ-ċertifikati msemmija fil-paragrafu (1) ta’ dan l-artikolu ma humiex issodisfatti, huwa għandu jibgħat it-talba għal ħruġ ta’ ċertifikat, flimkien ma’ kopja tal-atti jew tad-dokumenti korrispondenti, lill-qorti muniċipali li taħtha jaqa’ l-uffiċċju tiegħu sabiex tiddeċiedi fuq it-talba. In-nutar għandu l-obbligu li jispjega r-raġunijiet li għalihom huwa jqis li l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tiġi aċċettata t-talba tal-parti ma humiex issodisfatti.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

22      I. Zulfikarpašić, li jeżerċità l-professjoni ta’ avukat, ikkonkluda kuntratt ta’ assistenza u ta’ rappreżentazzjoni ma’ S. Gajer, klijent tiegħu, li ma ħallasx il-fattura maħruġa.

23      I. Zulfikarpašić ressaq, quddiem nutar, talba għal eżekuzzjoni forzata kontra S. Gajer, abbażi ta’ din il-fattura, ikklassifikata bħala “dokument awtentiku” skont il-liġi dwar l-eżekuzzjoni forzata. Fit-12 ta’ Frar 2014, in-nutar ħareġ mandat ta’ eżekuzzjoni abbażi ta’ dan id-dokument, li sar definittiv fin-nuqqas ta’ oppożizzjoni mid-debitur.

24      Fit-13 ta’ Novembru 2014, I. Zulfikarpašić talab lil nutar jiċċertifika dan il-mandat ta’ eżekuzzjoni bħala titolu eżekuttiv Ewropew.

25      Madankollu, dan in-nutar qies li l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-ħruġ taċ-ċertifikat mitlub ma kinux issodisfatti. Huwa rrileva li, skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 805/2004, id-debitu għandu jitqies bħala mhux ikkontestat. Issa, minn naħa, skont l-Artikolu 3(1)(a) sa (ċ) jistgħu jitqiesu bħala mhux ikkontestati biss id-debiti li kienu s-suġġett ta’ proċeduri ġudizzjarji u, min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 3(1)(d), jistgħu jitqiesu bħala mhux ikkontestati biss dawk espressament irrikonoxxuti f’att awtentiku, kunċett li, fis-sens tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, kellu jiġi kopert mill-att redatt minn nutar bħall-mandat ta’ eżekuzzjoni maħruġ abbażi ta’ “dokument awtentiku”. Madankollu, tali mandat ma jissodisfax il-kundizzjoni tar-rikonoxximent espliċitu tad-debitu mid-debitur.

26      Dan in-nutar irrileva wkoll li, għalkemm fl-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 805/2004 huwa speċifikament previst li, fl-Isvezja, fil-proċeduri sommarji li jirrigwardaw l-ordnijiet ta’ ħlas, il-kelma “qorti”, tinkludi s-servizz Svediż ta’ infurzar, la din id-dispożizzjoni u lanqas id-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan ir-regolament jew dawk ta’ strumenti oħra tad-dritt tal-Unjoni relatati mal-proċeduri ta’ eżekuzzjoni ma jassimilaw in-nutar, fil-Kroazja, ma’ “qorti”.

27      Għaldaqstant, skont l-Artikolu 358(4) tal-liġi dwar l-eżekuzzjoni forzata, l-istess nutar ressaq il-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali quddiem l-Općinski sud u Novom Zagrebu - Stalna služba u Samoboru (qorti muniċipali ta’ Novi Zagreb - unità permanenti ta’ Samobor, il-Kroazja) sabiex din tiddeċiedi fuq it-talba għal ċertifikazzjoni mressqa minn I. Zulfikarpašić.

28      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Općinski sud u Novom Zagrebu - Stalna služba u Samoboru (qorti muniċipali ta’ Novi Zagreb - unità permanenti ta’ Samobor, il-Kroazja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari sussegwenti:

“Id-dispożizzjonijiet tal-liġi […] dwar l-eżekuzzjoni forzata li huma relatati mat-titolu eżekuttiv Ewropew huma konformi mar-Regolament Nru 805/2004 u, b’mod iktar preċiż, fil-Kroazja, fil-proċeduri ta’ adozzjoni ta’ deċiżjoni [mandat] ta’ eżekuzzjoni abbażi ta’ dokument awtentiku, il-kliem “imħallef”, “tribunal” u “qorti” jinkludu wkoll in-nutara, in-nutara jistgħu joħorġu ċertifikati ta’ titolu eżekuttiv Ewropew relatati ma’ deċiżjonijiet ta’ eżekuzzjoni definittivi u eżekuttivi li huma taw abbażi ta’ dokument awtentiku meta d-deċiżjoni inkwistjoni ma ġietx ikkontestata u, fil-każ li huma ma jkunux jistgħu jagħmlu dan, qorti tista’ toħroġ ċertifikat ta’ titolu eżekuttiv Ewropew li jirreferi għal deċiżjoni ta’ eżekuzzjoni adottata minn nutar abbażi ta’ dokument awtentiku meta din id-deċiżjoni essenzjalment tirrigwarda kreditu [debitu] mhux ikkontestat u, f’dan il-każ, liema formola għandha tintuża?”

 Fuq id-domanda preliminari

29      Il-domanda magħmula tinqasam fi tliet partijiet..

 Fuq l-ewwel parti tad-domanda

30      Permezz tal-ewwel parti tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk ir-Regolament Nru 805/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-Kroazja, in-nutara, li jaġixxu fil-kuntest tas-setgħat mogħtija lilhom mid-dritt nazzjonali fil-proċeduri ta’ eżekuzzjoni forzata abbażi ta’ “dokument awtentiku”, jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “qorti” fis-sens ta’ dan ir-regolament.

31      Il-Gvern Kroat u dak tar-Renju ta’ Spanja jqisu li r-risposta għal din id-domanda għandha tkun fl-affermattiv. Il-kliem “qorti” u “proċeduri tal-qorti” użati f’dan ir-Regolament Nru 805/2004 jkopru mhux biss il-qrati fis-sens strett, iżda wkoll, b’mod ġenerali, kull awtorità meta din teżerċità funzjoni essenzjalment ġudizzjarja, fatt li huwa l-każ f’dan il-każ. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni Ewropea tqis li r-risposta għal din id-domanda għandha tkun fin-negattiv.

32      L-ewwel nett, hemm lok li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li ma jkun fiha ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġi ddeterminat is-sens u l-portata tagħha, għandu normalment jingħata, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi, li għandha titfittex fid-dawl tal-kuntest tad-dispożizzjoni u tal-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara s-sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2016, Mikołajczyk, C‑294/15, EU:C:2016:772, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Fir-rigward tal-istruttura tar-Regolament Nru 805/2004, hemm lok li jiġi osservat li, għalkemm, f’diversi drabi, dan jirreferi għall-kunċetti ta’ “qorti” u ta’ “proċeduri tal-qorti”, dan ma jispeċifikax l-elementi kostituttivi. Għaldaqstant, l-Artikolu 4(6) ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi l-kunċett ta’ “qorti ta’ oriġini” bħala “il-qorti jew tribunal responsabbli għall-proċeduri fiż-żmien tat-twettieq tal-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 3(1)(a), (b) jew (ċ)”. L-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi l-kunċett ta’ “sentenza” bħala “kull sentenza mogħtija minn qorti jew tribunal ta’ Stat Membru”.

34      L-Artikolu 4(7) tal-istess regolament jipprevedi li, fl-Isvezja, fil-proċeduri sommarji li jirrigwardaw l-ordinjiet ta’ ħlas (betalningsföreläggande), il-kelma “qorti” tinkludi s-servizz Svediż ta’ infurzar (kronofogdemyndighet). Peress li dan l-artikolu jirrigwarda speċifikament l-awtorità li huwa jirreferi għaliha, in-nutara fil-Kroazja ma jaqgħux taħtu.

35      Hemm ukoll lok li jiġi kkonstatat li, bid-differenza, pereżempju, tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Lulju 2012, dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (ĠU 2012, L 201, p. 107), li l-Artikolu 3(2) tiegħu jippreċiża li l-kelma “qorti”, fis-sens ta’ dak ir-regolament, tinkludi mhux biss l-awtoritajiet ġudizzjarji, iżda wkoll kull awtorità kompetenti oħra f’dan il-qasam li teżerċità funzjonijiet ġudizzjarji u li tissodisfa ċertu kundizzjonijiet li din l-istess dispożizzjoni telenka, ir-Regolament Nru 805/2004 ma jinkludi ebda dispożizzjoni ġenerali li għandha tali effett.

36      Din il-konstatazzjoni hija kkorraborata mill-ġurisprudenza dwar ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1), li abbażi tagħha l-Qorti ddeċidiet li l-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, li jipprevedi li l-kelma “qorti” tinkludi s-servizz Svediż ta’ infurzar u n-nutara fl-Ungerija, ma jinkludix in-nutara fil-Kroazja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-lum, Pula Parking, C‑551/15, punt 46).

37      Għaldaqstant, hekk kif tfakkar fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, hemm lok li jiġu eżaminati l-kunċetti ta’ “qorti” u ta’ “proċeduri tal-qorti” fid-dawl tal-għanijiet segwiti mir-Regolament Nru 805/2004, li l-interpretazzjoni tiegħu hija mitluba mill-qorti tar-rinviju f’din il-kawża.

38      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi osservat li mill-kliem tal-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li dan tal-aħħar huwa intiż li jiżgura, fir-rigward tad-debiti mhux ikkontestati, il-moviment liberu tas-sentenzi fl-Istati Membri kollha mingħajr in-neċessità li wieħed jirrikorri għal proċeduri intermedjarji fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni qabel ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni.

39      Madankollu, skont il-premessa 10 ta’ dan ir-regolament, dan il-għan ma jistax jintlaħaq billi b’xi mod jiddgħajfu d-drittijiet tad-difiża (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2006, ASML, C‑283/05, EU:C:2006:787, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata.

40      Barra minn hekk, mill-premessa 3 tar-Regolament Nru 805/2004 jirriżulta li l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi ġudizzjarji jikkostitwixxi l-bażi tal-ħolqien ta’ żona ġudizzjarja Ewropea ġenwina. Dan il-prinċipju huwa b’mod partikolari bbażat fuq il-fiduċja reċiproka fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri li għaliha tirreferi l-premessa 18 ta’ dan ir-regolament.

41      Fil-fatt, il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri huwa, fid-dritt tal-Unjoni, ta’ importanza fundamentali, peress li dan jippermetti l-ħolqien u ż-żamma ta’ żona mingħajr fruntieri interni, fuq il-bażi tal-livell għoli ta’ fiduċja li għandu jkun hemm bejn l-Istati Membri (sentenza tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 78).

42      Skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 805/2004, dan il-prinċipju jirriżulta fir-rikonoxximent u fl-eżekuzzjoni tas-sentenzi, li jkunu ġew iċċertifikati bħala titolu eżekuttiv Ewropew fl-Istat Membru ta’ oriġini, fl-Istati Membri l-oħra.

43      Il-preservazzjoni tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi, f’kuntest tal-moviment liberu tas-sentenzi hekk kif imfakkar fil-punti 38 u 39 ta’ din is-sentenza, jeħtieġ evalwazzjoni stretta tal-elementi li jiddefinixxu l-kunċett ta’ “qorti” fis-sens ta’ dan ir-regolament, sabiex l-awtoritajiet nazzjonali jkunu jistgħu jidentifikaw is-sentenzi mogħtija minn qrati ta’ Stati Membri oħra. Fil-fatt, l-osservanza tal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri tal-Unjoni li fuqu hija bbażata l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament tippresupponi, b’mod partikolari, li s-sentenzi li l-eżekuzzjoni tagħhom hija mitluba fi Stat Membru għajr dak ta’ oriġini jkunu ngħataw fi proċeduri ġudizzjarji li joffru garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità kif ukoll l-osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju.

44      F’dan il-każ, hemm lok li jitfakkar li, skont id-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar l-eżekuzzjoni forzata, fil-Kroazja, in-nutara għandhom is-setgħa jiddeċiedu permezz ta’ mandat fuq it-talbiet għal ftuħ ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni abbażi ta’ dokument awtentiku. Ladarba l-mandat jiġi nnotifikat lill-konvenut, huwa jista’ jressaq oppożizzjoni. In-nutar li quddiemu titressaq oppożizzjoni ammissibbli, motivata u mressqa fil-ħin kontra l-mandat li huwa jkun ħareġ, għandu jibgħat il-fajl, għall-finijiet tal-proċeduri ta’ oppożizzjoni, lill-qorti li għandha ġurisdizzjoni, li għandha tiddeċiedi fuq l-oppożizzjoni.

45      Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-mandat ta’ eżekuzzjoni abbażi ta’ “dokument awtentiku”, maħruġ min-nutar, huwa nnotifikat lid-debitur biss wara li jkun inħareġ, mingħajr mat-talba li tkun tressqet quddiem in-nutar ma tkun ġiet ikkomunikata lil dan id-debitur.

46      Għalkemm huwa veru li d-debitur għandu l-possibbiltà li jressaq oppożizzjoni kontra l-mandat ta’ eżekuzzjoni maħruġ min-nutar u għalkemm jidher li n-nutar jeżerċità r-responsabbiltajiet mogħtija lilu fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata abbażi ta’ “dokument awtentiku” taħt il-kontroll ta’ qorti, li lilha n-nutar għandu jibgħat il-kontestazzjonijiet eventwali, xorta jibqa’ l-fatt li l-eżami, min-nutar, fil-Kroazja, tat-talba għal ħruġ ta’ mandat ta’ eżekuzzjoni fuq tali bażi ma huwiex kontradittorju.

47      Issa, skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 805/2004, sentenza dwar debitu mhux ikkontestat fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) u (ċ) ta’ dan ir-regolament tista’ tiġi ċċertifikata bħala titolu eżekuttiv Ewropew biss jekk il-proċeduri ġudizzjarji fl-Istat Membru ta’ oriġini kienu jissodisfaw l-istandards minimi msemmija fil-Kapitolu III tiegħu.

48      L-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament, moqri fid-dawl tal-premessa 12 tiegħu, jipprevedi l-għoti ta’ informazzjoni “debita” lid-debitur sabiex ikun jista’ jipprepara d-difiża tiegħu u b’hekk jiggarantixxi n-natura kontradittorja tal-proċeduri li jwasslu għall-ħruġ ta’ titolu eżekuttiv li jista’ jagħti lok għall-ħruġ ta’ ċertifikat. Dawn l-istandards minimi juru r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jiżgura li l-proċeduri li jwasslu għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar debitu mhux ikkontestat joffru l-garanziji suffiċjenti tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2016, Pebros Servizi, C‑511/14, EU:C:2016:448, punt 44).

49      Issa, proċedura nazzjonali ta’ adozzjoni ta’ mandat ta’ eżekuzzjoni mingħajr notifika tal-att promotur jew tal-att ekwivalenti u mingħajr informazzjoni, f’dan l-att, lid-debitur dwar id-debitu, li twassal sabiex id-debitur ikun jaf dwar id-debitu mitlub biss fil-mument li fih huwa jiġi nnotifikat b’dan il-mandat, ma tistax tiġi kklassifikata bħala kontradittorja.

50      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li r-risposta għall-ewwel parti tad-domanda tkun li r-Regolament Nru 805/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-Kroazja, in-nutara, li jaġixxu fil-kuntest tas-setgħat mogħtija lilhom mid-dritt nazzjonali fil-proċeduri ta’ eżekuzzjoni forzata abbażi ta’ “dokument awtentiku”, ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “qorti” fis-sens ta’ dan ir-regolament.

 Fuq it-tieni u t-tielet parti tad-domanda

51      Permezz tat-tieni u tat-tielet parti tad-domanda, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, minn naħa, jekk ir-Regolament Nru 805/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li mandat ta’ eżekuzzjoni maħruġ minn nutar, fil-Kroazja, abbażi ta’ “dokument awtentiku” u li ma kienx is-suġġett ta’ oppożizzjoni jista’ jiġi ċċertifikat bħala titolu eżekuttiv Ewropew u, min-naħa l-oħra, jekk dan ir-regolament għandux jiġi interpretat fis-sens li s-setgħa ta’ ħruġ ta’ tali ċertifikat tappartjeni lin-nutara jew fis-sens li din is-setgħa tappartjeni lill-qrati nazzjonali.

52      L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, bit-titolu “Drittijiet ta’ infurzar [Titoli eżekuttivi] li għandhom jiġu ċertifikati bħala Ordni Ewropew ta’ Infurzar [titolu eżekuttiv Ewropew]”, jiddefinixxi l-kundizzjonijiet li fihom debitu jitqies bħala mhux ikkontestat billi jiddistingwi bejn il-każijiet previsti fl-Artikolu 3(1)(a) sa (ċ), li jirrigwarda d-debiti kkontestati fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji u dawk previsti fl-Artikolu 3(1)(d), li jirrigwarda d-debiti espressament irrikonoxxuti mid-debitur f’att awtentiku.

53      Għalkemm mir-risposta mogħtija għall-ewwel parti tad-domanda jirriżulta li l-mandat ta’ eżekuzzjoni maħruġ minn nutar, fil-Kroazja, abbażi ta’ “dokument awtentiku” ma jistax jiġi kklassifikat bħala sentenza ġudizzjarja, minħabba li din l-awtorità nazzjonali ma għandhiex il-kwalità ta’ qorti u li, għaldaqstant, ma jistax jitqies li dan id-digriet huwa maħruġ fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji, għadu jrid jiġi eżaminat jekk tali mandat jistax jitqies bħala att awtentiku relatat ma’ debitu mhux ikkontestat fis-sens tal-Artikolu 3(1)(d) tar-Regolament Nru 805/2004.

54      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi l-att awtentiku bħala att li jkun tħejja jew ġie rreġistrat formalment bħala att awtentiku u li l-awtentiċità tiegħu, li tirrelata mal-firma u mal-kontenut, ġiet stabbilita minn awtorità awtorizzata tagħmel dan, jew bħala ftehim fil-qasam ta’ obbligi ta’ manteniment konkluż ma’ awtoritajiet amministrattivi jew awtentifikati minnhom.

55      Għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm, fl-ordinament ġuridiku Kroat, in-nutara huma awtorizzati jħejju atti awtentiċi, in-natura mhux ikkontestata tad-debitu ikkonstatat minn mandat ta’ eżekuzzjoni maħruġ abbażi ta’ “dokument awtentiku” hija nieqsa.

56      Fil-fatt, b’mod konformi mal-premessa 5 tar-Regolament Nru 805/2004, l-Artikolu 3(1)(d) tiegħu, jipprevedi li att awtentiku jista’ jiġi ċċertifikat bħala titolu eżekuttiv Ewropew biss sa fejn id-debitur ikun espressament irrikonoxxa d-dejn f’dan l-att.

57      Issa, fil-kawża prinċipali, in-nutar ħareġ mandat ta’ eżekuzzjoni abbażi ta’ “dokument awtentiku”, jiġifieri l-fattura maħruġa minn I. Zulfikarpašić fir-rigward ta’ kuntratt ta’ assistenza u ta’ rappreżentazzjoni, li tħejja b’mod unilaterali mill-avukat. Mill-kontenut ta’ dan il-mandat ma jirriżultax li d-debitur espressament irrikonoxxa d-debitu.

58      Barra minn hekk, l-assenza ta’ oppożizzjoni min-naħa tad-debitur ma tistax tiġi assimilata ma’ rikonoxximent espress tad-debitur, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(d) tar-Regolament Nru 805/2004 peress li dan ir-rikonoxximent għandu jkun indikat fl-att awtentiku li huwa s-suġġett taċ-ċertifikazzjoni.

59      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li r-risposta għat-tieni u għat-tielet parti tad-domanda tkun li r-Regolament Nru 805/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li mandat ta’ eżekuzzjoni maħruġ minn nutar, fil-Kroazja, abbażi ta’ “dokument awtentiku”, u li ma kienx is-suġġett ta’ oppożizzjoni ma jistax jiġi ċċertifikat bħala titolu eżekuttiv Ewropew peress li dan ma jirrigwardax debitu mhux ikkontestat fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament.

 Fuq l-ispejjeż

60      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-Regolament (KE) Nru 805/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, li joħloq Ordni Ewropew ta’ Infurzar [Titolu Eżekuttiv Ewropew] għal talbiet mhux kontestati għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-Kroazja, in-nutara, li jaġixxu fil-kuntest tas-setgħat mogħtija lilhom mid-dritt nazzjonali fil-proċeduri ta’ eżekuzzjoni forzata abbażi ta’ “dokument awtentiku”, ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “qorti” fis-sens ta’ dan ir-regolament.

2)      Ir-Regolament Nru 805/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li mandat ta’ eżekuzzjoni maħruġ minn nutar, fil-Kroazja, abbażi ta’ “dokument awtentiku”, u li ma kienx is-suġġett ta’ oppożizzjoni ma jistax jiġi ċċertifikat bħala titolu eżekuttiv Ewropew peress li dan ma jirrigwardax debitu mhux ikkontestat fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Kroat.