Language of document : ECLI:EU:C:2016:217

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SAUGMANDSGAARD ØE

ippreżentati fis-7 ta’ April 2016 (1)

Kawża C‑149/15

Sabrina Wathelet

vs

Garage Bietheres & Fils SPRL

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour d’appel de Liège (qorti tal-appell ta’ Liège, il-Belġju)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi –Direttiva 1999/44/KE– Bejgħ u garanziji ta’ oġġetti ta’ konsum – Artikolu 1(2)(ċ) – Kunċett ta’ bejjiegħ – Responsabbiltà ta’ professjonist li qed jaġixxi bħala intermedjarju għal bejjiegħ mhux professjonist”





I –    Introduzzjoni

1.        Ma hemm l-ebda dubju li l-konsumatur li jixtri oġġett ta’ konsum mingħand individwu ieħor ma jibbenefikax mill-protezzjoni tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1999/44/KE, tal-25 ta’ Mejju 1999, dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom (2). Imma dan jgħodd ukoll meta professjonist li qed jaġixxi għan-nom u fl-interess ta’ individwu jintervjeni fil-bejgħ billi jippreżenta lilu nnifsu lill-konsumatur bħala l-bejjiegħ? Din hija l-kwistjoni li qamet f’din il-kawża.

2.        It-talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Cour d’appel de Liège (qorti tal-appell ta’ Liège, il-Belġju), tidħol fil-kuntest ta’ kawża bejn konsumatur u professjonist, li tirrigwarda bejgħ ta’ karozza użata. Il-kwistjoni prinċipali hija jekk il-professjonist, li jaġixxi bħala intermedjarju għall-proprjetarju mhux professjonist tal-karozza, huwiex responsabbli fil-konfront tal-konsumatur għan-nuqqas ta’ konformità tal-karozza.

3.        F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kwistjoni jekk il-kunċett ta’ bejjiegħ, imsemmi fl-Artikolu 1(2)(ċ) tad-Direttiva 1999/44, ikoprix professjonist, bħall-konvenut fil-kawża prinċipali, li jintervjeni fil-bejgħ bħala intermedjarju għal individwu, anki jekk id-dispożizzjoni ma tinvokax dan il-każ.

4.        Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba f’din il-kawża sabiex tiċċara l-estensjoni tal-kunċett ta’ bejjiegħ fis-sens tad-Direttiva 1999/44 u, għaldaqstant, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

5.        Fl-analiżi li ġej, sejjer qabel xejn nesponi kunsiderazzjonijiet ta’ ordni ġenerali dwar il-kunċett ta’ intermedjarju u għall-modalitajiet ta’ interpretazzjoni tal-kunċett ta’ bejjiegħ li jissemma fid-Direttiva 1999/44. Imbagħad, għab-bażi ta’ analiżi kemm tal-kliem tal-Artikolu 1(2)(ċ) ta’ din id-direttiva kif ukoll tal-għan ta’ din id-dispożizzjoni, sejjer neżamina l-kamp ta’ applikazzjoni tal-kunċett ta’ bejjiegħ fis-sens tad-Direttiva sabiex nirrispondi għad-domanda preliminari. Finalment, sejjer nindirizza l-kwistjoni tal-evalwazzjoni mill-qorti nazzjonali kif ukoll dak tar-remunerazzjoni tal-intermedjarju.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-Direttiva 1999/44

6.        Il-premessa 1 tad-Direttiva 1999/44 tirreferi għall-Artikolu 153 tat-Trattat KE (illum l-Artikolu 169 TFUE) li jipprovdi inter alia:

“Sabiex tippromwovi l-interessi tal-konsumaturi u sabiex tassigura livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur, [l-Unjoni] għandha tikkontribwixxi għall-ħarsien ta[l]-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi, kif ukoll il-promozzjoni tad-dritt tagħhom għall-informazzjoni […] sabiex iħarsu l-interessi tagħhom” (3).

7.        Il-premessi 5 u 6 tad-Direttiva 1999/44 jipprovdu:

“(5)      Billi l-ħolqien ta’ sett komuni ta’ regoli minimi ta’ liġi tal-konsumaturi, li jkun validu rrispettivament minn fejn ikunu nxtraw l-oġġetti fi ħdan il-Komunità, isaħħaħ il-fiduċja fil-konsumatur u jippermetti lill-konsumaturi li jagħmlu użu sħiħ mis-suq intern;

(6)      Billi d-diffikultajiet ewlenin li jiltaqgħu magħhom il-konsumaturi u s-sors ewlieni ta’ argumenti mal-bejjiegħa jikkonċernaw in-nuqqas ta’ konformità ta’ l-oġġetti mal-kuntratt; billi huwa xieraq għal dan il-għan li tiġi approssimata l-leġislazzjoni nazzjonali li tirregola l-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum f’dan ir-rigward, mingħajr, iżda, ma’ jaffettwaw id-dispożizzjonijiet u prinċipji tal-liġi nazzjonali relatati ma’ responsabbiltà kontrattwali u mhux kontrattwali”.

8.        F’dak li jikkonċerna r-responsabbiltà tal-bejjiegħ, il-premessa 9 ta’ din id-direttiva tipprovdi:

“(9)      Billi l-bejjiegħ għandu jkun responsabbli direttament lill-konsumatur għall-konformità ta’ l-oġġetti mal-kuntratt; billi din hija s-soluzzjoni tradizzjonali minquxa fl-ordnijiet legali ta’ l-Istati Membri; billi madankollu l-bejjiegħ għandu jkun ħieles, kif hemm provdut għalih fil-liġi nazzjonali, li jsegwi rimedji kontra l-produttur, bejjiegħ minn qabel fl-istess katina ta’ kuntratti jew kull intermedjarju ieħor, sakemm-il darba ma jkunx irrinunzja dak l-intitolament; billi din id-Direttiva ma taffettwax il-prinċipju ta’ ħelsien tal-kuntratt bejn il-bejjiegħ, il-produttur, bejjiegħ ta’ qabel jew kull intermedjarju ieħor; billi r-regoli li jirregolaw kontra min u kif il-bejjiegħ għandu jsegwi dawn ir-rimedji għandhom ikun determinati fil-liġi nazzjonali”.

9.        Skont l-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva, l-għan tagħha:

“[huwa] l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsumatur u garanziji assoċjati magħhom sabiex tiżgura livell uniformi minimu ta’ protezzjoni tal-konsumatur fil-kuntest tas-suq intern.”

10.      Għal dan l-għan, id-Direttiva 1999/44 timponi fuq il-bejjiegħa ċerti obbligi fil-konfront tal-konsumaturi, b’mod partikolari l-obbligu, taħt l-Artikolu 2(1) li jwasslu sa għand il-konsumatur oġġetti li huma konformi mal-kuntratt ta’ bejgħ u l-obbligu, bis-saħħa tal-Artikolu 3(1) li jkunu responsabbli fil-konfront tal-konsumatur għal kull nuqqas ta’ konformità li teżisti meta l-oġġetti jkunu fornuti.

11.      L-Artikolu 1(2)(ċ) tad-Direttiva 1999/44 jiddefinixxi l-kunċett ta’ bejjiegħ għall-għan tal-applikazzjoni tad-Direttiva kif ġej:

“‘bejjiegħ’: għandu jfisser kull persuna naturali jew legali li, f’kuntratt, ibiegħ oġġetti tal-konsum waqt l-eżerċizzju tas-sengħa, negozju jew professjoni tiegħu”.

12.      L-Artikolu 4 tad-Direttiva, intitolat “Dritt ta’ rimedju”, jipprovdi:

“Fejn il-bejjiegħ finali huwa responsabbli lill-konsumatur minħabba nuqqas ta’ konformità li tirriżulta minn att jew ommissjoni mill-produttur, bejjiegħ ta’ qabel fl-istess katina ta’ kuntratti jew kull intermedjarju ieħor, il-bejjiegħ finali għandu jkun intitolat li jfittex rimedji kontra l-persuna jew persuni responsabbli fil-katina kontrattwali. Il-persuna jew persuni responsabbli kontra min il-bejjiegħ finali jista’ jfittex ir-rimedji, flimkien mal-azzonijiet rilevanti u kondizzjonijiet ta’ eżerċizzju għandhom ikunu determinati skont il-liġi nazzjonali.”

13.      Skont l-Artikolu 1(1) tagħha, id-Direttiva 1999/44 tipprovdi għal armonizzazzjoni minima biss tar-regoli nazzjonali fuq il-protezzjoni tal-konsumaturi (4). F’dan ir-rigward, l-Artikolu 8, intitolat “Liġi nazzjonali u protezzjoni minima”, jispeċifika, fil-paragrafu 1 tiegħu li:

“Id-drittijiet li jirriżultaw minn din id-Direttiva għandhom jiġu eserċitati mingħajr preġudizzju għal drittijiet oħra li l-konsumatur jista’ jinvoka skond ir-regoli nazzjonali li jirregolaw responsabbiltà kontrattwali jew mhux kontrattwali.”

B –    Id-dritt Belġjan

14.      Il-kunċett ta’ bejjiegħ kif imfisser fl-Artikolu 1(2)(ċ) tad-Direttiva 1999/44 kien ġie traspost letteralment fid-dritt Belġjan fl-Artikolu 1649a, § 2, 2o, tal-Kodiċi Ċivili Belġjan.

III – Il-fatti u t-tilwima fil-kawża prinċipali

15.      Fl-24 ta’ April 2012, S. Wathelet xtrat karozza użata mingħand garaxx, jiġifieri l-kumpannija Garage Bietheres & Fils SPRL (iktar ’il quddiem “Garage Bietheres”), bil-prezz ta’ EUR 4 000.

16.      S. Wathelet ħallset is-somma ta’ EUR 4 000 lil Garage Bietheres. Madankollu hija ma rċeviet la prova tal-pagament u lanqas fattura tal-bejgħ.

17.      Garage Bietheres kienet għaddiet il-vettura mill-kontroll tekniku għas-spejjeż tagħha u kienet ressqet talba għar-reġistrazzjoni lill-awtorità Belġjana kompetenti. L-ispejjeż ta’ dik ir-reġistrazzjoni kienu tħallsu minn S. Wathelet.

18.      Xi ftit xhur iktar tard, fix-xahar ta’ Lulju 2012, il-vettura waqfet. Hija ttieħdet għand Garage Bietheres għat-tiswija. Il-garaxx kien sab ħsara fil-magna.

19.      F’ittra tat-13 ta’ Novembru 2012 indirizzata lil Garage Bietheres, S. Wathelet kienet talbitha tirritorna l-vettura filwaqt li talbet, inter alia, il-fattura tal-bejgħ.

20.      Fis-17 ta’ Novembru 2012, S. Wathelet marret għand Garage Bietheres sabiex tiġbor il-vettura tagħha. Din it-talba ġiet irrifjutata għaliex hija ma aċċettatx li tiffirma fattura tas-17 ta’ Novembru 2012 fl-ammont ta’ EUR 2 000 għat-tiswija. S. Wathelet issostni li kien f’dak il-mument li hija ġiet informata li Garage Bietheres ma kinitx il-bejjiegħ tal-vettura, imma fil-verità kienet għamlitha biss ta’ intermedjarju għal individwu (5).

21.      Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Novembru 2012, indirizzata lil S. Wathelet, Garage Bietheres kienet informatha li l-vettura akkwistata minn S. Wathelet kienet tqegħdet f’depożitu u li hija kienet avżatha mill-bidu nett li l-vettura ma kinitx ta’ Garage Bietheres, imma ta’ individwu. Skont Garage Bietheres, il-ħsara fil-magna kienet tikkostitwixxi riskju normali fil-kuntest tax-xiri ta’ vettura użata bejn individwi. Għaldaqstant, Garage Bietheres kienet baqgħat tirrifjuta li tagħti l-vettura lil S. Wathelet sakemm ma tkunx tħallset il-fattura tat-tiswija ta’ EUR 2 000. Garage Bietheres kienet bagħtet ukoll riċevuta għas-somma ta’ EUR 4 000, mimlija bl-idejn, bl-isem u l-kunjom tal-proprjetarju mhux professjonist u tax-xerrejja, S. Wathelet. Dan id-dokument kien fih biss il-firma tal-proprjetarju mhux professjonist.

22.      Fit-13 ta’ Diċembru 2012, Garage Bietheres kienet ħarrket lil S. Wathelet sabiex tidher quddiem it-Tribunal de première instance de Verviers (qorti tal-prim’istanza ta’ Verviers), fejn talbet inter alia l-ħlas tal-fattura ta’ tiswija ta’ EUR 2 000 tas-17 ta’ Novembru 2012, flimkien mal-interessi. Garage Bietheres kienet sostniet li l-vettura mixtrija minn S. Wathelet kienet ta’ wieħed mill-klijenti tagħha u l-bejgħ kien sar minn individwu lil individwu.

23.      S. Wathelet kienet ikkontestat it-talba ta’ Garage Bietheres u kienet ressqet kontrotalba fejn talbet, fuq il-bażi tal-Kodiċi Ċivili Belġjan, ix-xoljiment tal-bejgħ flimkien mar-restituzzjoni tas-somma ta’ EUR 4 000 flimkien mal-interessi. Barra minn hekk, S. Wathelet kienet talbet il-ħlas tad-danni u tal-interessi fl-ammont ta’ EUR 2 147.46. Hija sostniet li l-bejgħ tal-vettura kien seħħ bejnha u Garage Bietheres u li hija ma setgħetx tkun taf li din ma kinitx il-bejjiegħ.

24.      It-Tribunal de première instance (qorti tal-prim’istanza) kien iddeċieda li t-talba ta’ Garage Bietheres kienet parzjalment fondata u kkundannat lil S. Wathelet sabiex tħallas is-somma ta’ EUR 2 000 flimkien mal-interessi. Barra minn hekk, din il-qorti kienet qieset li l-kontrotalba ta’ S. Wathelet kienet infondata.

25.      S. Wathelet ippreżentat appell quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Cour d’appel de Liège (qorti tal-appell ta’ Liège), fejn sostniet it-talbiet tagħha fl-ewwel istanza u talbet, sussidjarjament, ir-restituzzjoni immedjata tal-vettura.

26.      Il-qorti tar-rinviju tqis li jeżistu preżunzjonijiet gravi, preċiżi u konkordanti li S. Wathelet ma kinitx ġiet informata fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ bejgħ li dan kien bejgħ minn individwu lil individwu. F’dan ir-rigward, il-qorti nazzjonali tikkunsidra li huwa stabbilit li S. Wathelet qatt ma ltaqgħet mal-proprjetarju tal-vettura u li l-garaxx kien għamilha ta’ intermedjarju fil-bejgħ mingħajr ma tħallas għal daqshekk mill-proprjetarju.

IV – Id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

27.      Il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-kunċett ta’ ‘bejjiegħ’ ta’ oġġetti ta’ konsum, imsemmi fl-Artikolu 1649a tal-Kodiċi Ċivili Belġjan miżjud bil-liġi tal-1 ta’ Settembru 1994 intitolata ‘Liġi dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi fil-każ ta’ bejgħ ta’ oġġetti ta’ konsum’ li tittrasponi fid-dritt Belġjan id-Direttiva Ewropea 1999/44/KE, tal-25 ta’ Mejju 1999, dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jkoprix biss lill-professjonist li, fil-kwalità ta’ bejjiegħ jittrasferixxi l-proprjetà ta’ oġġett ta’ konsum lil konsumatur, iżda anki l-professjonist li jintervjeni bħala intermedjarju għal bejjiegħ mhux professjonist, kemm jekk jitħallas kif ukoll jekk le, għall-intervent tiegħu, kemm jekk ikun informa kif ukoll jekk le, lix-xejjer prospettiv, li l-bejjiegħ kien individwu privat?”

28.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Gvernijiet Belġjan, Ġermaniż u Awstrijak, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Ma saritx seduta għas-sottomissjonijiet orali.

V –    Analiżi ġuridika

A –    Deliberazzjonijiet introduttivi

1.      Fuq il-kunċett ta’ intermedjarju

29.      Bħala introduzzjoni, jidhirli li jkun utli li nagħmel xi kummenti fuq il-kunċett ta’ intermedjarju, li jkopri faxxa ta’ sitwazzjonijiet li jistgħu jkollhom effetti ġuridiċi differenti u jkunu s-suġġett ta’ varjazzjonijiet nazzjonali (6), billi huwa fatt li l-liġijiet nazzjonali tal-kuntratti kienu suġġetti għal armonizzazzjoni limitata ħafna fuq il-livell Ewropew (7).

30.      Il-qorti tar-rinviju ma speċifikatx f’liema sens hija tuża l-frażi ta’ intermedjarju fit-talba għal deċiżjoni preliminari.

31.      Id-Direttiva 1999/44 innifisha ma tinkludi l-ebda definizzjoni tal-kelma intermedjarju, li tidher fil-premessa 9 u fl-Artikolu 4 tagħha, u la d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva u lanqas ix-xogħlijiet preparatorji ma jindikaw f’liema sens din il-kelma tintuża f’din id-direttiva. Il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma kellha l-okkażjoni li tindaga fuq din il-kwistjoni jew iktar ġeneralment fuq ir-rwol u r-responsabbiltajiet tal-intermedjarju fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi.

32.      Madankollu, il-kelma intermedjarju tidher f’direttivi oħra dwar il-protezzjoni tal-konsumatur. Diversi fosthom jinkludu definizzjoni espliċita tal-kelma li ssemmi kull persuna li tkun qed taġixxi għan-nom u fl-interess ta’ ħaddieħor (8). Din id-definizzjoni tkopri fl-istess nifs il-professjonist li qed jaġixxi f’ismu proprju, li huwa ġeneralment ikkunsidrat bħala marbut mal-kuntratt bis-saħħa tal-liġi nazzjonali tal-kuntratti (9), u min jaġixxi f’isem persuna oħra, li min-naħa l-oħra ma huwiex ġeneralment ikkunsidrat bħala parti fil-kuntratt (10).

33.      Jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari li l-proprjetarju tal-vettura inkwistjoni ddikjara li l-vettura kienet tiegħu, li dan kien każ ta’ “bejgħ minn individwu u li l-garaxx ma [kienx] aġixxa bħala intermedjarju”. Barra minn hekk, huwa indikat fid-deċiżjoni tar-rinviju li l-ħlas tal-prezz kien ġie ttrasferit lill-proprjetarju tal-vettura (11).

34.      Nazzarda nikkonkludi minn dan li l-intermedjarju f’dan il-każ, Garage Bietheres, kien intervjena fil-bejgħ għan-nom u fl-interess tal-proprjetarju tal-vettura.

35.      Għaldaqstant, fl-analiżi li ġejja, sejjer nibbaża ruħi fuq definizzjoni tal-kunċett ta’ intermedjarju li tinkludi kull professjonist li, fil-kuntest ta’ bejgħ ta’ oġġett ta’ konsum, jintervjeni fil-konfront tal-konsumatur għan-nom u fl-interess tal-proprjetarju mhux professjonist tal-oġġett mibjugħ (12).

36.      Barra minn hekk, fl-assenza ta’ indikazzjonijiet kuntrarji, nazzarda nippreżumi li Garage Bietheres kienet ġiet awtorizzata mill-proprjetarju tal-vettura li jbigħha. Għalhekk, l-analiżi tiegħi jirrigwarda biss is-sitwazzjoni li fiha l-intermedjarju jkun ġie awtorizzat jaġixxi.

2.      Fuq is-suġġett tad-domanda preliminari

37.      Bid-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ bejjiegħ imsemmi fl-Artikolu 1649a tal-Kodiċi Ċivili Belġjan, li ddaħħal bil-ligi tal-1 ta’ Settembru 1994 sabiex tittrasponi fid-dritt Belġjan l-Artikolu 1(2)(ċ) tad-Direttiva 1999/44.

38.      Għandu jiġi osservat preliminarjament li, meta kawża titressaq quddiemha skont l-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tat-Trattati, kif ukoll dwar il-validità u l-interpretazzjoni tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija limitata għall-eżami tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni biss. Għandha tkun il-qorti nazzjonali li tevalwa l-portata tad-dispożizzjonijiet nazzjonali u l-mod li bih dawn għandhom jiġu applikati (13).

39.      Għalhekk, id-domanda preliminari għandha tiftiehem li taħseb sabiex tistabbilixxi jekk il-kunċett ta’ bejjiegħ fis-sens tal-Artikolu 1(2)(ċ) tad-Direttiva 1999/44 għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa jinkludi l-professjonist li qed jaġixxi għan-nom u fl-interess ta’ individwu, kemm jekk jitħallas kemm jekk le għall-intervent tiegħu u kemm jekk huwa jkun informa lill-konsumatur li dak il-bejjiegħ kien individwu u kemm jekk le.

3.      Fuq il-modalitajiet tal-interpretazzjoni

40.      Qabel ma nittratta l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ bejjiegħ fis-sens tal-Artikolu 1(2)(ċ) tad-Direttiva 1999/44, sejjer nesponi kunsiderazzjonijiet ta’ ordni ġenerali li jidhirli huma informattivi għal dan l-għan.

41.      L-ewwel nett, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma jkun fiha ebda rinviju espress għad-dritt tal-Istati Membri sabiex tiddetermina s-sens u l-portata tagħha għandu normalment isib, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha titfittex fid-dawl tal-kuntest tad-dispożizzjoni u tal-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (14).

42.      Billi d-definizzjoni tal-bejjiegħ imsemmija fl-Artikolu 1(2)(ċ) tad-Direttiva 1999/44 ma tinkludi ebda riferiment għal-liġijiet nazzjonali, din għandha għaldaqstant tiġi kkunsidrata bħala li toħloq kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, li jieħu l-kontenut tiegħu minn sorsi tad-dritt tal-Unjoni biss.

43.      It-tieni nett, għalkemm il-kelma bejjiegħ tidher f’atti oħra tad-dritt tal-Unjoni (15), id-definizzjoni speċifika stabbilita bl-Artikolu 1(2)(ċ) tad-Direttiva 1999/44 tinsab f’din id-direttiva biss. Għalhekk, dan huwa kunċett uniku li għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu minn din id-direttiva, kif ukoll fid-dawl tal-funzjoni partikolari tal-bejjiegħ fil-kuntest tal-imsemmija direttiva (16).

44.      It-tielet nett, il-kunċett ta’ bejjiegħ fis-sens tad-Direttiva 1999/44 għandu neċessarjament ikollu natura oġġettiva, ibbażata fuq ċerti elementi verifikabbli, li jitnisslu mill-kliem tal-Artikolu 1(2)(ċ) tad-Direttiva (“kuntratt”, bejgħ ta’ “oġġett ta’ konsum”, “eżerċizzju tas-sengħa, negozju jew professjoni”).

45.      Dan il-kunċett huwa wkoll funzjonali u relazzjonali għaliex jitnissel mill-funzjoni tal-persuna fi tranżazzjoni ekonomika partikolari (17). Għalhekk, il-bejjiegħ “ibiegħ” oġġett ta’ konsum lil konsumatur fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ bejgħ. Għaldaqstant, id-determinazzjoni tal-persuni koperti bl-Artikolu 1(2)(ċ) tad-Direttiva 1999/44 ma hijiex statika, imma tiddependi fuq il-pożizzjoni tagħhom f’relazzjoni kuntrattwali determinata. Il-funzjoni ta’ bejjiegħ għandha, prinċipalment, tiftiehem mill-perspettiva tal-konsumatur, li huwa s-suġġett ta’ protezzjoni b’din id-direttiva.

B –    Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2)(ċ) tad-Direttiva 1999/44

1.      Fuq l-interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 1(2)(ċ)

46.      Skont il-kliem tal-Artikolu 1(2)(ċ) tad-Direttiva 1999/44, il-kunċett ta’ bejjiegħ ikopri:

“kull persuna naturali jew legali li, f’kuntratt, ibiegħ oġġetti tal-konsum waqt l-eżerċizzju tas-sengħa, negozju jew professjoni tiegħu”.

47.      Għalhekk id-definizzjoni tal-kunċett ta’ bejjiegħ fis-sens tad-Direttiva 1999/44 ma tirreferix għal dik ta’ intermedjarju u, minn perspettiva iktar ġenerali, id-direttiva ma tittrattax espliċitament ir-responsabbiltà tal-intermedjarju fil-konfront tal-konsumatur (18). Lanqas ma jidher li l-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-intermedjarju kienet is-suġġett ta’ diskussjoni waqt il-proċedura leġiżlattiva qabel l-adozzjoni ta’ din id-direttiva (19), fejn it-tema ċentrali hija r-relazzjoni bejn il-bejjiegħ u l-konsumatur, b’dan tal-aħħar ikun is-suġġett tad-dritt prinċipali tad-Direttiva.

48.      Il-fatt li r-responsabbiltà tal-intermedjarju fil-konfront tal-konsumatur ma tissemmiex fid-Direttiva 1999/44 huwa iktar notevoli għaliex il-leġiżlatur Ewropew iddeċieda li jinkludi l-intermedjarju fost l-operaturi responsabbli fil-konfront tal-konsumatur, f’diversi direttivi oħra dwar il-protezzjoni tal-konsumatur (20).

49.      Barra minn hekk, il-kelma intermedjarju tissemma fid-Direttiva 1999/44 biss b’rabta mar-responsabbiltà tiegħu fil-konfront tal-bejjiegħ finali. Hekk, skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva, meta r-responsabbiltà ta’ dan il-bejjiegħ tirriżulta fil-konfront tal-konsumatur minħabba nuqqas ta’ konformità li tirriżulta minn att jew minn omissjoni tal-produttur, ta’ bejjiegħ preċedenti fl-istess katina kuntrattwali jew “ta’ kull intermedjarju ieħor”, il-bejjiegħ finali għandu d-dritt li jfittex rimedju kontra dak jew dawk responsabbli fil-katina kuntrattwali. F’dan ir-rigward, it-tieni parti ta’ dan l-artikolu tispeċifika li d-determinazzjoni tal-persuni responsabbli, flimkien mal-azzjonijiet rilevanti u l-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju, għandhom ikunu determinati skont il-liġi nazzjonali (21).

50.      Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jien nikkunsidra, bħall-Gvernijiet Belġjan, Ġermaniż u Awstrijak kif ukoll il-Kummissjoni, li l-kunċett ta’ bejjiegħ imsemmi fl-Artikolu 1(2)(ċ) tad-Direttiva 1999/44 ma jinkludix il-professjonist, li qed jaġixxi għan-nom u fl-interess ta’ individwu, li jintervjeni manifestament f’din il-kwalità fil-bejgħ lill-konsumatur. Għaldaqstant, tali professjonist ma “jbiegħx” oġġett tal-konsum “f’kuntratt”, imma biss jintervjenti fil-bejgħ bejn individwi, li għalih ma tapplikax din id-direttiva.

51.      Imma, fil-fehma tiegħi, din il-konklużjoni ma teskludix minnha nnifisha li professjonist li qed jaġixxi għan-nom u fl-interess ta’ individwu jkun jista’ jiġi kkunsidrat, skont il-każ, bħala bejjiegħ fis-sens tal-Artikolu 1(2)(ċ) tad-Direttiva 1999/44 jekk, meta jippreżenta ruħu lill-konsumatur, huwa jagħti l-impressjoni li jkun qiegħed jaġixxi bħala bejjiegħ. F’dan il-każ, il-professjonist ikun jidher, mill-perspettiva tal-konsumatur, li “qiegħed ibiegħ” oġġetti tal-konsum, “f’kuntratt”, “waqt l-eżerċizzju tas-sengħa, negozju jew professjoni tiegħu”. Din is-sitwazzjoni iktar tixbah dik fejn l-intermedjarju jaġixxi f’ismu proprju (22). Bħala regola ġenerali, dan huwa marbut mal-kuntratt (23) u, għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat bħala l-bejjiegħ fis-sens tal-Artikolu 1(2)(ċ) tad-Direttiva 1999/44.

52.      Id-definizzjoni relattivament wiesgħa tal-kunċett ta’ bejjiegħ li tinsab fl-Artikolu 1(2)(ċ) tad-Direttiva 1999/44 timmilita favur l-inklużjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha tal-professjonist li, meta jippreżenta lilu nnifsu lill-konsumatur, jagħti l-impressjoni li jkun qiegħed jaġixxi bħala bejjiegħ.

53.      Il-kwistjoni li tqum hija dik jekk il-kliem preċiż tal-Artikolu 1(2)(ċ) tad-Direttiva 1999/44 jipprekludix tali interpretazzjoni.

54.      Fil-fehma tiegħi, fit-tilwima fil-kawża prinċipali, il-kwistjoni ewlenija tal-kliem tirrigwarda l-frażi “f’kuntratt” u “bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum” billi l-qorti tar-rinviju tikkunsidra bħala fatt stabbilit li Garage Bietheres biegħet oġġetti tal-konsum fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-professjoni jew negozju tiegħu (24).

a)      Fuq l-espressjoni “f’kuntratt”

55.      La l-kliem u lanqas ix-xogħlijiet preparatorji tad-Direttiva 1999/44 (25) ma jipprovdu kjarifika dwar il-portata eżatta tal-espressjoni “f’kuntratt”. Għalhekk, sabiex jiġi determinat is-sinjifikat tal-imsemmija espressjoni, huwa neċessarju rikors għat-tifsira normali tagħha fil-lingwaġġ komuni, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih hija tintuża u tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li minnu tifforma parti (26).

56.      Jien naqbel mal-analiżi ta-Kummissjoni li l-espressjoni “f’kuntratt” tippresupponi l-eżistenza ta’ kuntratt, kemm jekk bil-miktub u kemm jekk orali.

57.      Fir-rigward ta’ din l-espressjoni, il-Kummissjoni tinnota li għandha tkun il-qorti nazzjonali li tiddetermina jekk hemmx kuntratt ta’ bejgħ u, jekk ikun il-każ, bejn liema partijiet dan ġie konkluż, billi tindividwa jekk dan ġie konkluż bejn konsumatur u bejjiegħ fis-sens tad-Direttiva 1999/44.

58.      Il-Gvernijiet Belġjan, Ġermaniż u Awstrijak jargumentaw li hija biss il-persuna li hija parti fil-kuntratt bħala bejjiegħ li hija direttament responsabbli fil-konfront tal-konsumatur bis-saħħa tal-kuntratt ta’ bejgħ. Hekk, l-unika kwistjoni li tqum, f’dak li jikkonċerna l-kunċett ta’ bejjiegħ fis-sens tal-Artikolu 1(2)(ċ) tad-Direttiva 1999/44, tkun dwar min hija l-parti kontraenti tal-konsumatur (27).

59.      Jien ma naqbilx kompletament ma’ dan l-approċċ li l-kunċett ta’ bejjiegħ huwa marbut mal-identifikazzjoni tal-partijiet fil-kuntratt.

60.      Ċertament, il-bejjiegħ, kif imfisser fid-Direttiva 1999/44, huwa fil-maġġoranza tal-każijiet il-persuna li tobbliga ruħha bil-kuntratt li tikkonsenja l-oġġett mibjugħ. Madankollu, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva 1999/44, fil-fehma tiegħi għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, l-identifikazzjoni tal-partijiet fil-kuntratt u, min-naħa l-oħra, l-identifikazzjoni tal-bejjiegħ fis-sens tal-Artikolu 1(2)(ċ) tad-Direttiva 1999/44.

61.      Fuq dan il-punt, għandha titfakkar in-natura minima tal-armonizzazzjoni stabbilita b’din id-direttiva. L-identifikazzjoni tal-partijiet fil-kuntratt taqa’ taħt ir-regoli ġenerali tal-Istati Membri applikabbli għall-kuntratti ta’ bejgħ, li ma humiex armonizzati b’din id-direttiva (28).

62.      Fil-fehma tiegħi, minn dan isegwi li l-identifikazzjoni tal-partijiet fil-kuntratt taħt il-liġijiet nazzjonali ma tistax tkun determinanti b’rabta mal-evalwazzjoni mitluba mill-Artikolu 1(2)(ċ) tad-Direttiva. Għalhekk, il-kunċett ta’ bejjiegħ, bħala kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, jieħu l-kontenut tiegħu biss minn sorsi tad-dritt tal-Unjoni. Din il-konklużjoni hija msaħħa fid-dawl tal-għan tad-Direttiva, jiġifieri li tiżgura protezzjoni uniformi minima lill-konsumaturi fl-Unjoni, ikun x’ikun il-post tal-bejgħ tal-oġġetti (29).

63.      Konsegwentement, l-espressjoni “f’kuntratt” minnha nnifisha tippresupponi biss l-eżistenza ta’ kuntratt u għaldaqstant ma tipprekludix l-interpretazzjoni rrakkomandata, li professjonist li qed jaġixxi għan-nom u fl-interess ta’ individwu għandu jitqies bħala bejjiegħ fis-sens tal-Artikolu 1(2)(ċ) tad-Direttiva 1999/44 jekk, meta jippreżenta ruħu lill-konsumatur, jagħtih l-impressjoni li qiegħed jaġixxi bħala tali.

b)      Fuq l-espressjoni “jbiegħ oġġetti tal-konsum”

64.      Fis-sens normali tal-lingwaġġ komuni, il-frażi “jbiegħ” tfisser li persuna, il-bejjiegħ, jittrasferixxi oġġett lil persuna oħra, taħt ħlas tal-ammont li jikkostitwixxi l-prezz tal-oġġett.

65.      Kif isostni l-Gvern Belġjan, l-Artikolu 1(2)(ċ) tad-Direttiva 1999/44 ma jipprovdix li l-bejjiegħ għandu jkun il-proprjetarju tal-oġġett mibjugħ (30).

66.      Fl-assenza ta’ xi indikazzjoni f’dan is-sens fil-kliem tal-Artikolu 1(2)(ċ) tad-Direttiva 1999/44 u fix-xogħlijiet preparatorji tagħha, interpretazzjoni stretta tad-dispożizzjoni fis-sens li l-bejjiegħ għandu jkun il-proprjetarju tal-oġġett mibjugħ jidhirli li tkun illoġika għaliex l-intermedjarju li qed jaġixxi f’ismu proprju huwa, bħala regola ġenerali, marbut bil-kuntratt (31) minkejja li ma jkunx il-proprjetarju tal-oġġett mibjugħ.

67.      Infakkar ukoll li d-Direttiva tkopri biss parti limitata ħafna mir-regoli ġenerali tal-Istati Membri dwar il-kuntratti ta’ bejgħ u ma taffettwax il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar il-proprjetà.

68.      Barra minn hekk, id-Direttiva 1999/44 tirrigwarda prinċipalment il-garanziji tal-oġġetti tal-konsum u r-responsabbiltà għan-nuqqasijiet ta’ konformità. F’dan il-kuntest, mill-perspettiva tal-konsumatur li huwa s-suġġett tal-protezzjoni ta’ din id-direttiva, ma jidhirx li huwa rilevanti li l-proprjetarju u l-bejjiegħ tal-oġġett għandhom ikunu neċessarjament l-istess persuna.

69.      Fi kliem ieħor, fil-kuntest tad-Direttiva 1999/44, sabiex jassumi l-funzjoni ta’ bejjiegħ, l-operatur inkwistjoni ma għandux neċessarjament ikun il-proprjetarju tal-oġġett (32). Għalhekk ma teżisti l-ebda raġuni sabiex il-portata tal-kunċett ta’ bejjiegħ tiġi limitata għall-proprjetarju tal-oġġett mibjugħ.

2.      Fuq l-interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 1(2)(ċ)

70.      Interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 1(2)(ċ) tad-Direttiva 1999/44 issaħħaħ l-interpretazzjoni letterali ta’ din id-dispożizzjoni, li professjonist li qed jaġixxi għan-nom u fl-interess ta’ individwu jista’ jitqies bħala bejjiegħ fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni jekk, meta jippreżenta ruħu lill-konsumatur, jagħtih l-impressjoni li qiegħed jaġixxi bħala bejjiegħ.

71.      Il-funzjoni primordjali tal-bejjiegħ fil-kuntest tad-Direttiva 1999/44 hija li jikkonsenja lill-konsumatur oġġett konformi mal-kuntratt ta’ bejgħ u li jsewwih jew jissostitwih f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità (33). Għal dan l-għan, il-kunċett ta’ bejjiegħ fis-sens tal-Artikolu 1(2)(ċ) jiddelimita ċ-ċirku tal-persuni li mingħandhom il-konsumatur jista’ jitlob rimedju fil-każ fejn l-oġġett ma huwiex konformi mal-kuntratt.

72.      Għalhekk, l-għarfien mill-konsumatur tal-identità tal-bejjiegħ huwa manifestament imperattiv f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità. Barra minn hekk, l-għarfien tal-identità tal-bejjiegħ jista’ wkoll ikun deċiżiv għall-konsumatur li jkollu jagħżel bejn diversi bejjiegħa, billi l-konsumatur sejjer jevalwa l-esperjenza, il-professjonalità u s-solvenza tal-bejjiegħ kif ukoll il-kapaċità li jissodisfa r-responsabbiltajiet tiegħu f’każ ta’ konformità.

73.      Fil-każ fejn professjonist jintervjeni bħala intermedjarju għal individwu, bħal f’dan il-każ, in-nuqqas ta’ għarfien mill-konsumatur tal-identità tal-bejjiegħ ser joħloq iktar preġudizzju, għaliex il-konsumatur ma jkunx jaf il-pożizzjoni legali tiegħu u r-rimedji li jkollu disponibbli. Hekk, jekk jirriżulta li l-bejjiegħ huwa individwu, in-natura obbligatorja tad-drittijiet tal-konsumatur, stabbilita bl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 1999/44, ma tkunx applikata, u l-konsumatur ma jibbenefikax mill-protezzjoni tal-imsemmija direttiva. Għaldaqstant, il-bejjiegħ mhux professjonist ikun jista’ inter alia jeżenta ruħu minn kull responsabbiltà fir-rigward tad-difetti moħbija tal-oġġett mibjugħ. Dan l-eżempju huwa iktar rilevanti fil-kuntest tal-bejgħ ta’ vettura użata.

74.      Minn dan isegwi li protezzjoni effettiva tal-konsumatur timplika li dan tal-aħħar għandu jkun jaf jekk il-bejjiegħ ikun individwu. Kif jiddikjara l-Gvern Belġjan, din l-informazzjoni hija komparabbli ma’ “tagħrif importanti li l-konsumatur medju għandu bżonn, skond il-kuntest, sabiex jieħu deċiżjoni transazzjonali informata”, informazzjoni li l-bejjiegħ huwa obbligat li jagħti lill-konsumatur bis-saħħa tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2005/29/KE (34).

75.      Għalhekk, fil-fehma tiegħi, sabiex tingħata effettività lid-Direttiva 1999/44 għandha tiġi segwita l-interpretazzjoni rrakkomandata u jiġi inkluż fil-kamp tal-applikazzjoni tal-Artikolu 1(2)(ċ) tagħha l-professjonist li qed jaġixxi għan-nom u fl-interess ta’ individwu, li, meta jippreżenta ruħu lill-konsumatur, jagħti l-impressjoni li qiegħed jaġixxi bħala bejjiegħ. F’dan il-każ, jien nara li l-intermedjarju wettaq “għażla rrevokabbli” u ma jistax jaħrab mir-responsabbiltajiet tiegħu f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità tal-oġġett billi jirreferi lill-konsumatur għall-individwu li jista’ jkun ma jinstabx jew anki insolventi (35).

76.      Jidhirli li l-interpretazzjoni proposta hija konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li s-sistema ta’ protezzjoni implimentata bid-direttivi tal-Unjoni fil-qasam ta’ protezzjoni tal-konsumaturi hija bbażata fuq l-ideja li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità fil-konfront tal-professjonist f’dak li jikkonċerna kemm fis-setgħa ta’ negozjar kif ukoll il-livell ta’ informazzjoni (36).

77.      Meta l-konsumatur ma jkunx ġie mgħarraf li l-bejjiegħ huwa individwu, jeżisti nuqqas kbir ta’ simetrija ta’ informazzjoni bejn il-konsumatur u l-intermedjarju (37). Dan in-nuqqas ta’ simetrija jista’ jiġi kkoreġut biss bl-inizjattiva tal-intermedjarju li barra minn hekk ġeneralment ser isibha iktar faċli biex jirrimedja s-sitwazzjoni (38). Barra minn hekk, ta’ spiss dan in-nuqqas ta’ simetrija tal-informazzjoni jinħoloq jew, tal-inqas, jinħeba mill-intermedjarju. Dan isaħħaħ it-teżi li r-responsabbiltà tal-bejjiegħ bis-saħħa tad-Direttiva 1999/44 għandha tkun tista’ tiġi imposta fuq l-intermedjarju li, meta jippreżenta lilu nnifsu lill-konsumatur, jagħti l-impressjoni li huwa qiegħed jaġixxi bħala l-bejjiegħ.

78.      L-interpretazzjoni opposta li teskludi f’kull każ lill-professjonist li qed jaġixxi bħala intermedjarju mill-kamp tal-Artikolu 1(2)(ċ) tad-Direttiva 1999/44 tkun tippreġudika l-għan globali imfittex mil-leġiżlazzjoni Ewropea fil-qasam ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u stabbilit bl-Artikolu 169 TFUE (ex Artikolu 153 KE), jiġifieri li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u, għaldaqstant, il-fiduċja tal-konsumaturi, li hija fundamentali għas-suq intern.

C –    Fuq l-evalwazzjoni li għandha titwettaq mill-qorti nazzjonali

79.      Għandha tkun il-qorti nazzjonali li tivverifika, billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ u l-provi kollha (39), jekk il-professjonist jistax jiġi kkunsidrat bħala l-bejjiegħ fis-sens tal-Artikolu 1(2)(ċ) tad-Direttiva 1999/44, jiġifieri jekk, meta ppreżenta ruħu lill-konsumatur, tahx l-impressjoni li qiegħed jaġixxi bħala bejjiegħ tal-oġġett inkwistjoni.

80.      Madankollu, jidhirli opportun li nesponi xi kunsiderazzjonijiet ta’ ordni ġenerali dwar l-evalwazzjoni tal-qorti nazzjonali.

81.      L-ewwel nett, għandu jitfakkar l-premessa li d-Direttiva 1999/44 ma tkoprix ir-responsabbiltà tal-intermedjarju fil-konfront tal-konsumatur (40). Fil-fehma tiegħi, minn dan isegwi li l-impożizzjoni tar-responsabbiltà tal-bejjiegħ fuq l-intermedjarju bis-saħħa ta’ din id-direttiva għandha tibqa’ eċċezzjonali.

82.      Għaldaqstant, l-intermedjarju li ma jagħmel xejn għajr joħloq relazzjoni bejn il-konsumatur u l-proprjetarju mhux professjonist ma għandu qatt jiġi kkunsidrat bħala l-bejjiegħ fis-sens tal-imsemmija direttiva. Sabiex din ir-responsabbiltà tiġi imputata lill-intermedjarju, huwa mitlub li tal-inqas dan ikun ipparteċipa b’mod attiv fil-bejgħ.

83.      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tista’ tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha madwar ir-rwol tal-professjonist fil-bejgħ inkwistjoni, u l-ewwelnett il-fatt li l-oġġett kien ġie espost fl-istabbiliment tal-professjonist.

84.      Bħala regola ġenerali, tali kostatazzjoni għandha, fil-fehma tiegħi, twassal għal preżunzjoni qawwija li l-konsumatur kien ħa l-impressjoni li l-professjonist kien qed jaġixxi bħala bejjiegħ. F’tali sitwazzjoni, jien nara li l-oneru huwa fuq il-professjonist li jrid jeżonera ruħu mir-responsabbiltà bis-saħħa tad-Direttiva 1999/44 li jipprova li l-konsumatur kien jaf jew messu kien jaf, waqt il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ bejgħ, li l-bejjiegħ kien individwu. Ninnota li ġeneralment għandu jkun faċli għall-professjonist li jipprova l-għarfien mill-konsumatur tal-identità tal-bejjiegħ mhux professjonist. Ikun suffiċjenti għalih li jġib il-prova li huwa kien informa lill-konsumatur, u mingħajr dubju huwa l-intermedjarju li huwa l-iktar fi grad li juri dan.

85.      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tista’ wkoll tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi li ġejjin sabiex tiddetermina jekk il-professjonist, meta ppreżenta ruħu lill-konsumatur, tax l-impressjoni li qiegħed jaġixxi bħala bejjiegħ:

–        l-isforzi konkreti li wettaq il-professjonist fil-kuntest tal-bejgħ,

–        il-portata tal-korrispondenza u d-djalogu bejn il-konsumatur u l-professjonist,

–        il-fatt li l-konsumatur wettaq il-ħlas tal-oġġett lill-professjonist, u

–        l-ispejjeż inkorsi mill-professjonist b’rabta mal-bejgħ, sakemm il-konsumatur kien jaf bihom.

86.      Il-qorti tar-rinviju tista’ wkoll tistabbilixxi jekk il-professjonist ibigħ, ġeneralment, oġġetti tal-konsum tat-tip speċifiku li huwa s-suġġett tal-bejgħ inkwistjoni u tieħu dan l-element inkunsiderazzjoni.

87.      It-tieni nett, jidhirli li huwa ċar li l-osservanza tal-prinċipju ta’ effettività tal-protezzjoni tal-konsumaturi ma tistax tiġi estiża sabiex tissostitwixxi kompletament il-passività totali tal-konsumatur ikkonċernat (41). Hekk, l-intermedjarju ma għandux jiġi kkunsidrat bħala l-bejjiegħ fis-sens tad-Direttiva 1999/44, jekk il-qorti nazzjonali tikkunsidra li l-konsumatur medju, jiġifieri konsumatur normalment informat u raġonevolment attent u avżat (42), ma setax leġittimament ma jkunx jaf, waqt il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ bejgħ, li l-professjonist kien qiegħed jaġixxi biss bħala intermedjarju għal individwu (43). F’dan ir-rigward, kuntratt ta’ bejgħ miktub, li jinkludi l-isem tal-bejjiegħ mhux professjonist ikun indikazzjoni qawwija ħafna tal-għarfien ta’ dan l-element mill-konsumatur, sakemm dan id-dokument jingħata lill-konsumatur qabel il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ bejgħ.

D –    Fuq ir-remunerazzjoni tal-intermedjarju

88.      Il-kwistjoni tar-remunerazzjoni tal-intermedjarju għall-intervent tiegħu hija marbuta mar-relazzjoni kuntrattwali bejn il-proprjetarju mhux professjonist u l-intermedjarju, li ġeneralment taqa’ barra l-kamp tal-applikazzjoni tad-Direttiva 1999/44, ħlief f’dak li jikkonċerna d-dritt tal-bejjiegħ finali għar-rimedji tiegħu, bis-saħħa tal-Artikolu 4 tagħha, kontra l-intermedjarju fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità li tirriżulta mill-att jew omissjoni ta’ dan tal-aħħar (44).

89.      Barra minn hekk, il-fatt li l-intermedjarju jkun jitħallas jew le għall-intervent tiegħu ma jidhirlix li huwa rilevanti mill-perspettiva tal-konsumatur. Ġeneralment, il-konsumatur lanqas ma jkun konxju mill-fatt li l-intermedjarju jkun jitħallas jew le.

90.      Għalhekk, bħall-Kummissjoni u l-Gvern Awstrijak, jien nikkunsidra l-fatt li l-intermedjarju jkun jitħallas jew le għall-intervent tiegħu ma huwiex rilevanti għall-evalwazzjoni taħt l-Artikolu 1(2)(ċ) sabiex jiġi stabbilit jekk il-professjonist għandux jiġi kkunsidrat bħala l-bejjiegħ fis-sens tad-Direttiva (45).

91.      Prima facie, l-impożizzjoni fuq l-intermedjarju tal-obbligi tal-bejjiegħ li jitnisslu mid-Direttiva 1999/44 meta huwa ma jkun irċieva l-ebda remunerazzjoni jew, l-iktar, remunerazzjoni żgħira ħafna, tista’ tidher irraġonevoli.

92.      Madankollu, għandu jitfakkar li l-intermedjarju ma jġorrx neċessarjament il-piż finanzjarju aħħari. Għall-kuntrarju, f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità tal-oġġett mibjugħ, fejn l-ispiża tkun imposta fuq l-intermedjarju bħala bejjiegħ fis-sens tad-Direttiva 1999/44, l-intermedjarju jista’ ifittex rimedju, bis-saħħa tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 1999/44 u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-liġi nazzjonali rilevanti, kontra l-persuna/i responsabbli, jiġifieri, ġeneralment, il-proprjetarju mhux professjonist.

93.      Effettivament, l-interpretazzjoni li jien nirrakkomanda tal-Artikolu 1(2)(ċ) tad-Direttiva 1999/44 timplika biss li l-intermedjarju jassumi r-riskju ta’ insolvenza tal-proprjetarju mhux professjonist, li madankollu jikkostitwixxi aspett fundamentali għall-konsumatur. Dan ir-riżultat jidher li mhux irraġonevoli, minħabba l-fatt li l-intermedjarju jista’ faċilment jelimina dan ir-riskju billi jinforma lill-konsumatur bl-identità tal-bejjiegħ mhux professjonist jew billi jżid primjum tar-riskju għar-remunerazzjoni ffissata għall-intervent.

VI – Konklużjoni

94.      Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domanda preliminari magħmula mill-Cour d’appel de Liège (qorti tal-appell ta’ Liège):

L-Artikolu 1(2)(ċ) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1999/44/KE, tal-25 ta’ Mejju 1999, dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom, għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi l-professjonist li qed jaġixxi għan-nom u fl-interess ta’ individwu, kemm jekk jirċievi remunerazzjoni għall-intervent tiegħu kemm jekk le, jekk l-intermedjarju, meta jippreżenta ruħu lill-konsumatur, jagħti l-impressjoni li qiegħed jaġixxi bħala bejjiegħ.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 223.


3 –      Verżjoni kkonsolidata 1997 tat-Trattat KE (ĠU C 340, p. 173).


4 – Fil-proposta tagħha tat-8 ta’ Ottubru 2008 li wasslet għall-adozzjoni tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2011, dwar drittijiet tal-konsumatur [COM (2008) 614 finali], il-Kummissjoni kienet ipproponiet li tissostitwixxi erba’ direttivi, fosthom id-Direttiva 1999/44, bi “strument wieħed orizzontali” bbażat fuq armonizzazzjoni sħiħa fil-qasam ta’ protezzjoni tal-konsumaturi. Madankollu, dan l-approċċ kien ġie miċħud mill-Kunsill. Il-verżjoni finali tad-Direttiva 2011/83, tal-25 ta’ Ottubru 2011 (ĠU L 304, p. 64), tinkludi emenda waħda biss tad-Direttiva 1999/44 (l-Artikolu 8a ġdid), li jimponi fuq l-Istati Membri, meta huma jadottaw dispożizzjonijiet fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi iktar stretti minn dawn previsti fl-Artikolu 5(1) sa (3), u fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 1999/44, li jinformaw lill-Kummissjoni.


5 – Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-proprjetarju tal-vettura ma kienx rċieva l-prezz kollu tal-bejgħ, għaliex Garage Bietheres kienet żammet is-somma ta’ EUR 800 bħala spejjeż tat-tiswija li saret fuq il-vettura sabiex din tkun tista’ tinbiegħ.


6 – Ara “Principles, Definitions and Model Rules of European Private Law, Draft Common Frame of Reference (DCFR)”, dokument elaborat fuq talba tal-Kummissjoni mill-Grupp ta’ studju fuq il-Kodiċi Ċivili Ewropew u l-Grupp Acquis Komunitarju, 2009, Ktieb II, Kapitolu 6, intitolat “Representation”.


7 – Ara, madankollu, il-proposta tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Ottubru 2011 ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Liġi Komuni Ewropea dwar il-bejgħ [COM (2011) 635 finali] li jaħseb, fir-rigward tal-kuntratti transkonfinali, għal “korp awtonomu u uniformi ta’ regoli fil-qasam kuntrattwali li jinkludi dispożizzjonijiet maħsuba sabiex jipproteġi l-konsumaturi, il-liġi komuni dwar il-bejgħ, li tiġi kkunsidrata bħala t-tieni sistema ta’ dritt kuntrattwali fi ħdan id-dritt nazzjonali ta’ kull Stat Membru” (punt 1, p. 4, tal-proposta) sakemm il-partijiet għall-kuntratt jaqblu.


8 – Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE, tal-20 ta’ Diċembru 1985, biex tħares lill-konsumaturi rigward kuntratti nnegozjati barra mil-post tan-negozju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 262) (revokata bid-Direttiva 2011/83), u l-Artikolu 2(1)(e) tad-Direttiva 2008/122/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Jannar 2009, dwar il-protezzjoni tal-konsumatur rigward ċerti aspetti ta’ kuntratti ta’ timeshare, kuntratti dwar prodotti ta’ vaganza għal perijodu fit-tul, kuntratti ta’ bejgħ mill-ġdid u kuntratti ta’ skambju (ĠU L 33, p. 10). Ara, ukoll, il-punt 2 tal-Artikolu 2 tal-proposta tal-Kummissjoni, tat-8 ta’ Ottubru 2008, tad-Direttiva 2011/83, imsemmija hawnhekk (nota ta’ qiegħ il-paġna 4 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


9 – Ara “Principles, Definitions and Model Rules of European Private Law, Draft Common Frame of Reference (DCFR)”, op. cit., Ktieb II, Kapitolu 6, nota I.1 tal-punt II.‑6:106, intitolat “Representative acting in own name”.


10 – Ibidem, punt II.6:105, intitolat “When representative’s act affects principal’s legal position”.


11 – Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


12 – Jiġifieri fuq definizzjoni iktar limitata minn dik użata fl-atti tal-Unjoni msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


13 – Sentenza Innoventif (C‑453/04, EU:C:2006:361, punt 29) u digriet Koval’ský (C‑302/06, EU:C:2007:64, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).


14 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Seattle Genetics (C‑471/14, EU:C:2015:659, punt 23) u Axa Belgium (C‑494/14, EU:C:2015:692, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).


15 – Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 3(h) tar-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Ottubru 2004, dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi, (ĠU L 364, p. 1).


16 – Min-naħa l-oħra, id-definizzjoni ta’ “konsumatur” li tidher fl-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 1999/44 tinsab f’atti oħra tal-Unjoni. Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 2(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288), u l-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 97/7/KE, tal-20 ta’ Mejju 1997, dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi fil-qasam ta’ kuntratti b’distanza (ĠU L 144, p. 19). Din tal-aħħar kienet tħassret bid-Direttiva 2011/83.


17 – Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ konsumatur fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13 għandu “natura oġġettiva ” u “għandu jiftiehem fid-dawl ta’ kriterju funzjonali, konsistenti minn evalwazzjoni jekk ir-rapport kuntrattwali inkwistjoni jinsabx fil-kuntest ta’ attivitajiet estrani għall-eżerċizzju ta’ professjoni” (digriet Tarcău, C‑74/15, EU:C:2015:772, punt 27) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Ara, ukoll, is-sentenza Costea (C‑110/14, EU:C:2015:538, punt 21) u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Costea (C‑110/14, EU:C:2015:271, punt 28). Ara, fir-rigward tal-kunċett ta’ konsumatur fis-sens tal-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni dwar il-Kompetenza Ġudizzjarja u l-Eżekuzzjoni ta’ Deċiżjonijiet f’Materja Ċivili u Kummerċjali, iffirmata fi Brussell fis-27 ta’ Settembru 1968 (ĠU 1972, L 299, p. 32), is-sentenza Benincasa (C‑269/95, EU:C:1997:337, punt 16) fejn il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat “il-pożizzjoni ta’ din il-persuna f’kuntratt determinat, b’rabta man-natura u l-għan tiegħu” [traduzzjoni mhux uffiċjali].


18 – Ara, wkoll, Livre vert sur la révision de l’acquis communautaire en matière de protection des consommateurs [COM(2006) 744 finali, punt 4.2].


19 – Min-naħa l-oħra, il-possibbiltà li jiġu inklużi dispożizzjonijiet fuq ir-responsabbiltà tal-produttur fil-konfront tal-konsumatur kienet is-suġġett ta’ diskussjonijiet. Ara, b’mod partikolari, Livre vert sur les garanties des biens de consommations et les services après-vente [COM (93) 509 finali]; Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew, tas-6 ta’ Mejju 1994, fuq il-Ktieb l-aħdar tal-Kummissjoni fuq il-garanziji tal-oġġetti għall-konsum u s-servizz wara l-bejgħ (ĠU C 205, p. 562) [traduzzjoni mhux uffiċjali]; Parir tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, tas-27 ta’ Novembru 1996, fuq il-proposta tad-Direttiva (punti 1.4 u 2.5, ĠU 1997, C 66, p. 5); Riżoluzzjoni Leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew, tal-10 ta’ Marzu 1998, fuq il-proposta tad-Direttiva (l-emendi 4, 5 u 25, ĠU C 104, p. 30), u proposta emendata tal-Kummissjoni [COM (1998) 217 finali, punt 5].


20 – Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 8 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


21 – Ara, ukoll, il-premessa 9 tad-Direttiva 1999/44 li tispeċifika li din id-direttiva “ma taffettwax il-prinċipju ta’ ħelsien tal-kuntratt bejn il-bejjiegħ, il-produttur, bejjiegħ ta’ qabel jew kull intermedjarju ieħor”. Hekk ukoll, fil-kuntest tad-dritt internazzjonali privat, l-Artikolu 1(2)(g) tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU L 177, p. 6) jipprovdi li “il-kwistjoni jekk l-aġent huwiex kapaċi jorbot prinċipal […] fir-rigward ta’ parti terz” hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.


22 – Iż-żewġ sitwazzjonijiet jitqegħdu wkoll maġenb xulxin fi “Principles, Definitions and Model Rules of European Private Law, Draft Common Frame of Reference (DCFR)”, op. cit., Ktieb II, Kapitolu 6, punt II.‑6:106: “When the representative, despite having authority, does an act in the representative’s own name or otherwise in such a way as not to indicate to the third party an intention to affect the legal position of a principal, the act affects the legal position of the representative in relation to the third party as if done by the representative in a personal capacity”. Ara, ukoll, l-Artikolu 13(1) tal-Konvenzjoni fuq ir-rappreżentazzjoni fil-qasam ta’ bejgħ internazzjonali ta’ merkanzija, iffirmata f’Ġenève fis-17 ta’ Frar 1983, li tipprovdi li l-atti jorbtu biss lill-intermedjarju u lil terzi jekk “a) it-terz ma jkunx jaf jew ma jistax jiġi kkunsidrat li kien jaf bil-kwalità tal-intermedjarju, jew b) jirriżulta miċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari b’referenza għal kuntratt ta’ kummissjoni, li l-intermedjarju ried jorbot lilu nnifsu biss”.


23 – Ara l-punt 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


24 – Tista’ tqum il-kwistjoni jekk l-espressjoni “waqt l-eżerċizzju tas-sengħa, negozju jew professjoni tiegħu” timplikax li l-professjonist għandux ibigħ ġeneralment l-oġġetti tal-konsum tat-tip speċifiku li huwa l-oġġett tal-bejgħ inkwistjoni. Jidhirli li tali interpretazzjoni hija eżaġerata. Madankollu dan ma jeskludix li dan il-fatt jista’ jkun rilevanti għall-evalwazzjoni jekk, meta ppreżenta ruħu lill-konsumatur, l-intermedjarju tax l-impressjoni li qiegħed jaġixxi bħala bejjiegħ. Ara l-punt 86 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


25 – Fil-fatt, l-espressjoni “f’kuntratt” ma tidhirx fil-proposta inizjali tal-Kummissjoni [Proposta ta’ Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-bejgħ u l-garanziji tal-oġġetti tal-konsum, COM(95) 520 finali], tat-23 ta’ Awwissu 1996, lanqas fil-proposta emendata [Proposta emendata ta’ Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-bejgħ u l-garanziji tal-oġġetti tal-konsum, COM(98) 217 finali], tal-1 ta’ April 1998. L-espressjoni żdiedet fl-Artikolu 1(2)(c) mingħajr spjegazzjoni, fil-Proposta komuni (KE) Nru 51/98, tal-24 ta’ Settembru 1998, adottata mill-Kunsill dwar id-Direttiva 1999/44 (ĠU C 333, p. 46), u aċċettata mill-Parlament Ewropew fid-deċiżjoni tiegħu tas-17 ta’ Diċembru 1998, dwar il-pożizzjoni komuni adottata mill-Kunsill (ĠU 1999, C 98, p. 226).


26 – Ara s-sentenza Content Services (C‑49/11, EU:C:2012:419, punt 32).


27 – Ara wkoll Reich, N., Micklitz, H. W., Rott, P., u Tonner K., European Consumer Law, it-tieni edizzjoni, Intersentia, p. 173, kif ukoll Bianca, M., u Grundmann S., (Ed.), EU Sales Directive, Commentary, Intersentia, p. 114.


28 – Fl-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta ta’ direttiva tagħha, il-Kummissjoni tiddikjara li d-Direttiva 1999/44 tħalli r-regoli ġenerali tal-Istati Membri applikabbli għall-kuntratti ta’ bejgħ, bħal dawk dwar il-formazzjoni tal-kuntratt, u dwar il-vizzji tal-kunsens, eċċ. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tenfasizza li l-proposta hija maħsuba biss sabiex tkopri parti limitata ħafna mill-kwistjonijiet li jitqajmu mill-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum. Ara l-Proposta ta’ direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-bejgħ u l-garanzija tal-oġġetti tal-konsum [COM(95) 520 final], paragrafu II(d), u paragrafu III, taħt l-Artikolu 7 [illum l-Artikolu 8 tad-Direttiva 1999/44].


29 – Ara, b’mod partikolari, il-premessa 5 tad-Direttiva 1999/44. Fil-parir tiegħu tas-27 ta’ Novembru 1996 dwar il-proposta tal-Kummissjoni tad-Direttiva 1999/44, punt 2.1, il-Kumitat ekonomiku u soċjali jenfasizza l-għan li tiġi żgurata lill-konsumatur, f’każ ta’ xiri fi Stat Membru ieħor ta’ prodott li jirriżulta difettuż, protezzjoni komparabbli ma’ dik mogħtija lilu fl-Istat fejn huwa jirrisjedi.


30 – Min-naħa l-oħra, jien ma naqbilx kompletament mal-opinjoni tal-Gvern Awstrijak li skont il-kliem tal-Artikolu 1(2)(c) jeħtieġ li jkun hemm trasferiment tal-proprjetà. Fil-fehma tiegħi, il-frażi “jbigħ” timplika t-trasferiment tal-proprjetà lill-konsumatur. Kif isostni l-Gvern Awstrijak, dan ma jeskludix kuntratt ta’ bejgħ b’riżerva tal-proprjetà, imma jfisser biss li l-kuntratt jinvolvi t-trasferiment tal-proprjetà ta’ oġġett lil konsumatur.


31 – Ara l-punt 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


32 – Jekk huwa veru li l-professjonist li ma huwiex il-proprjetarju tal-oġġett ġeneralment ma jkunx jista’ jorganizza, mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju, it-tiswija jew is-sostituzzjoni tal-oġġett, skont l-Artikolu 3(2) u (3) tad-Direttiva 1999/44, f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità, l-Artikolu 3(5) ta’ din id-direttiva espressament jagħti lill-konsumatur id-dritt li jitlob riduzzjoni adegwata tal-prezz jew ix-xoljiment tal-kuntratt jekk il-bejjiegħ ma jimplimentax il-mod tat-tneħħija tad-dannu fi żmien raġonevoli, rekwiżiti li tali professjonist ċertament jista’ jissodisfa.


33 – Ara l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 3 tad-Direttiva 1999/44.


34 – Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 149, p. 22). L-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2005/29 isemmi, bħala eżempju ta’ tagħrif importanti, “l-indirizz ġeografiku u l-identità tal-kummerċjant, bħall-isem kummerċjali tiegħu u, fejn ikun applikabbli, l-indirizz ġeografiku u l-identità tal-kummerċjant li f’ismu qiegħed jaġixxi”.


35 – Ara, b’analoġija, is-sentenza Gruber (C‑464/01, EU:C:2005:32, punti 50 u 51), rigward il-kwalifika ta’ kuntratt bħala “kuntratt konkluż minn persuna għal użu jista’ jiġi kkunsidrat bħala estranju għall-attività professjonali tiegħu” [traduzzjoni mhux uffiċjali] fis-sens tal-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni dwar il-Kompetenza Ġudizzjarja u l-Eżekuzzjoni ta’ Deċiżjonijiet f’Materja Ċivili u Kummerċjali, iffirmata fi Brussell fis-27 ta’ Settembru 1968. Dik il-kawża kienet tirrigwarda s-sitwazzjoni opposta, billi l-konsumatur ippreżenta lilu nnifsu bħala professjonist. Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li l-qorti nazzjonali għandha, fil-każ fejn iċ-ċirkustanzi oġġettivi tal-fajl ma jkunux juru fil-grad mitlub mil-liġi li l-operazzjoni li wasslet għall-konklużjoni ta’ kuntratt b’għan dupliċi tkun issegwi għan professjonali mhux traskurabbli, “tivverifika […] jekk il-parti l-oħra fil-kuntratt setgħetx leġittimament ma tkunx taf bl-għan estranju għall-professjoni tal-operazzjoni minħabba l-fatt li l-allegat konsumatur kien, fil-verità, minħabba l-imġiba tiegħu fil-konfront tal-parti kontraenti futura tiegħu, tah l-impressjoni li huwa kien qed jaġixxi għal finijiet professjonali”. Ara, ukoll, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Gruber (C‑464/01, EU:C:2004:529, punt 51).


36 – Ara, fir-rigward tad-Direttiva 1999/44, is-sentenza Faber (C‑497/13, EU:C:2015:357, punt 42), u, fir-rigward tad-Direttiva 93/13, is-sentenzi Bucura (C‑348/14, EU:C:2015:447, punt 52), Costea (C‑110/14, EU:C:2015:538, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata), BBVA (C‑8/14, EU:C:2015:731, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll Kušionová (C‑34/13, EU:C:2014:2189, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata) u d-digriet Tarcău (C‑74/15, EU:C:2015:772, punt 24).


37 – Ara, f’sens simili, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Faber (C‑497/13, EU:C:2014:2403, punt 66), rigward il-konformità mal-kuntratt tal-oġġetti kkonsenjati.


38 – Ara, wkoll, l-Artikolu 7 tal-Proposta ta’ direttiva tal-Kummissjoni, tat-8 ta’ Ottubru 2008, imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Bl-Artikolu 7(1) ta’ din il-proposta, il-Kummissjoni kienet ipproponiet li tobbliga lill-intermedjarju li jindika lill-konsumatur, qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, li qiegħed jaġixxi għan-nom jew fl-interess ta’ konsumatur ieħor, u li l-kuntratt konkluż ma għandux jitqies bħala kuntratt bejn il-konsumatur u l-professjonist, imma bħala kuntratt konkluż bejn żewġ konsumaturi li, għalhekk, ma jaqax fil-kamp tal-applikazzjoni tad-direttiva. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 7(2) l-intermedjarju li ma josservax l-obbligu ta’ informazzjoni kellu jitqies li kkonkluda l-kuntratt f’ismu proprju. Madankollu l-Artikolu 7 tal-proposta kien ġie skartat. Ara, b’mod partikolari, il-Linji gwida ġenerali tal-Kunsill, adottati fl-24 ta’ Jannar 2011 [2008/196 (COD)], u l-emendi tal-Parlament Ewropew, adottati fl-24 ta’ Marzu 2011, rigward il-proposta tal-Kummissjoni (ĠU 2012, C 247E, p. 55).


39 – Ara, f’dan is-sens, fir-rigward tal-kunċett ta’ konsumatur, is-sentenzi Faber (C‑497/13, EU:C:2015:357, punt 38-48) u Costea (C‑110/14, EU:C:2015:538, punti 22 u 23), kif ukoll id-digriet Tarcău (C‑74/15, EU:C:2015:772, punt 28).


40 – Ara l-punt 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


41 – Ara s-sentenza Kušionová (C‑34/13, EU:C:2014:2189, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).


42 – Ara s-sentenza Bucura (C‑348/14, EU:C:2015:447, punt 56).


43 – Ara, bl-istess mod, is-sentenza Gruber (C‑464/01, EU:C:2005:32, punt 51), li tirrigwarda l-kwalifika ta’ kuntratt bħala “kuntratt konkluż minn persuna għall-użu tagħha li jista’ jiġi kkunsidrat bħala estranju għall-attività professjonali tiegħu” fis-sens tal-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni dwar il-Kompetenza Ġudizzjarja u l-Eżekuzzjoni ta’ Deċiżjonijiet f’Materja Ċivili u Kummerċjali, iffirmata fi Brussell fis-27 ta’ Settembru 1968.


44 – Ara l-punt 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


45 – Il-Gvern Ġermaniż jargumenta li l-fatt li l-professjonist jirċievi kumpens mingħand il-proprjetarju għall-intervent tiegħu jista’ jkun indizju li huwa ma biegħx f’ismu imma f’isem il-proprjetarju, sakemm il-konsumatur kien jaf b’din ir-remunerazzjoni. Filwaqt li naqbel fuq dan il-punt, jien nistaqsi jekk din l-ipoteżi tistax isseħħ konkretament, billi l-konsumatur rarament ikun jaf bir-relazzjoni kuntrattwali bejn il-bejjiegħ u l-intermedjarju.