Language of document : ECLI:EU:T:2011:363

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

13 ta’ Lulju 2011(*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tal-installazzjoni u tal-manutenzjoni ta’ liftijiet u ta’ eskalejters – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE – Manipulazzjoni tas-sejħiet għal offerti – Tqassim tas-swieq – Iffissar ta’ prezzijiet”

Fil-Kawżi T‑141/07, T‑142/07, T‑145/07 u T‑146/07,

General Technic-Otis Sàrl, stabbilita f’Howald (il-Lussemburgu), inizjalment irrappreżentata minn M. Nosbusch, sussegwentement minn A. Winckler, avukati, u J. Temple Lang, solicitor,

rikorrenti fil-Kawża T‑141/07,

General Technic Sàrl, stabbilita f’Howald, irrappreżentata minn M. Nosbusch,

rikorrenti fil-Kawża T‑142/07,

Otis SA, stabbilita f’Dilbeek (il-Belġju),

Otis GmbH & Co. OHG, stabbilita f’Berlin (il-Ġermanja),

Otis BV, stabbilita f’Amersfoort (il-Pajjizi l-Baxxi),

Otis Elevator Company, stabbilita f’FarminGTOn, Connecticut (l-Istati Uniti),

irrappreżentati minn A. Winckler, avukat, u J. Temple Lang,

rikorrenti fil-Kawża T‑145/07,

United Technologies Corporation, stabbilita f’Wilmington, Delaware (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn A. Winckler, avukat, u J. Temple Lang,

rikorrenti fil-Kawża T‑146/07,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata fil-Kawżi T-141/07, T-142/07, minn A. Bouquet, R. Sauer, bħala aġenti, assistiti minn A. Condomines, avukat, u, fil-Kawżi T‑145/07 u T‑146/07, minn A. Bouquet, Sauer, J. Bourke, bħala aġenti, assistiti minn A. Condomines,

konvenuta,

li għandhom bħala suġġett talbiet għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2007) 512 finali, tal-21 ta’ Frar 2007, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 KE (Każ COMP/E-1/38.823 – Liftijiet u eskalejters), jew, sussidjarjament, għal tnaqqis tal-ammont tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn M. E. Martins Ribeiro (Relatur), President, N. Wahl u A. Dittrich, Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduti tal-1, tas-6 u tas-7 ta’ Ottubru 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Dawn il-kawżi għandhom bħala suġġett talbiet għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2007) 512 (finali), tal-21 ta’ Frar 2007, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 KE (Każ COMP/E-1/38.823 – Liftijiet u eskalejters) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) li sommarju tagħha huwa ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tas-26 ta’ Marzu 2008 (ĠU C 75, p. 19), jew, sussidjarjament, għal tnaqqis tal-ammont tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti.

2        Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ikkunsidrat illi l-kumpanniji segwenti kisru l-Artikolu 81 KE:

–        Kone Belgium SA (iktar ’il quddiem “Kone Belġju”), Kone GmbH (iktar ’il quddiem “Kone Ġermanja”), Kone Lussemburgu Sàrl (iktar ’il quddiem “Kone Lussemburgu”), Kone BV Liften en Roltrappen (iktar ’il quddiem “Kone il-Pajjiżi l-Baxxi”) u Kone Oyj (iktar ’il quddiem, “KC”) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien jew separatament, “Kone”);

–        Otis SA (iktar ’il quddiem “Otis Belġju”), Otis GmbH & Co. OHG (iktar ’il quddiem “Otis Ġermanja”), General Technic-Otis Sàrl (iktar ’il quddiem “GTO”), General Technic Sàrl (iktar ’il quddiem “GT”), Otis BV (iktar ’il quddiem “Otis il-Pajjiżi l-Baxxi”), Otis Elevator Company (iktar ’il quddiem “OEC”) u United Technologies Corporation (iktar ’il quddiem “UTC”) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien jew separatament, “Otis”;

–        Schindler SA/NV (iktar ’il quddiem “Schindler Belġju”), Schindler Deutschland Holding GmbH (iktar ’il quddiem “Schindler Ġermanja”), Schindler Sàrl (iktar ’il quddiem “Schindler Lussemburgu”, Schindler Liften BV (iktar ’il quddiem “Schindler il-Pajjiżi l-Baxxi”) u Schindler Holding Ltd (iktar ’il quddiem “Schindler Holding”) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien jew separatament, “Schindler”);

–        ThyssenKrupp Liften Liftijiet NV (iktar ’il quddiem “TKLA”), ThyssenKrupp Aufzüge GmbH (iktar ’il quddiem “TKA”), ThyssenKrupp Fahrtreppen GmbH (iktar ’il quddiem “TKF”), ThyssenKrupp Elevator AG (iktar ’il quddiem “TKE”), ThyssenKrupp AG (iktar ’il quddiem “TKAG”), ThyssenKrupp Liftijiet Lussemburgu Sàrl (iktar ’il quddiem “TKAL”) u ThyssenKrupp Liften BV (iktar ’il quddiem “TKL”) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien jew separatament, “ThyssenKrupp”);

–        Mitsubishi Elevator Europe BV (iktar ’il quddiem “MEE”).

3        UTC hija kumpannija minn ta’ quddiem fid-dinja fis-sistemi ta’ kostruzzjoni u fl-industrija aerospazjali. OEC hija sussidjarja 100 % ta’ UTC li hija bbażata fl-Istati Uniti u li teżerċita l-attivitajiet tagħha fil-qasam tal-eskalejters u tal-liftijiet permezz ta’ kumpanniji sussidjarji nazzjonali. Dawn huma b’mod partikolari, fil-Belġju, Otis Belġju, fil-Ġermanja, Otis Ġermanja, fil-Lussemburgu, GTO, u fil-Pajjiżi l-Baxxi, Otis il-Pajjiżi l-Baxxi. Fil-mument meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, Otis Belġju kienet 75 % proprjetarja ta’ GTO, filwaqt li GT kienet il-proprjetarja tal-25 % l-oħra (premessi 21 sa 26 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Il-proċedura amministrattiva

 L-investigazzjoni tal-Kummissjoni

4        Matul is-sajf tal-2003, il-Kummissjoni rċeviet informazzjoni dwar il-possibbiltà tal-eżistenza ta’ akkordju bejn l-erba’ produtturi prinċipali tal-liftijiet u tal-eskalejters li kienu jeżerċitaw attivitajiet kummerċjali fl-Unjoni, jiġifieri Kone, Otis, Schindler u ThyssenKrupp (premessi 3 u 91 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Il-Belġju

5        Mit-28 ta’ Jannar 2004 u matul ix-xahar ta’ Marzu 2004, il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 14(2) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli 85 [KE] u 86 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3), għamlet spezzjonijiet, b’mod partikolari fl-istabbilimenti tas-sussidjarji ta’ Kone, ta’ Otis, ta’ Schindler u ta’ ThyssenKrupp fil-Belġju (premessi 92, 93, 95 u 97 tad-deċiżjoni kkontestata).

6        Sussegwentement, Kone, Otis, ThyssenKrupp u Schindler ippreżentaw talbiet skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155) (iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002”). Dawn it-talbiet ġew ikkompletati mill-impriżi kkonċernati (premessi 94, 96, 98 u 103 tad-deċiżjoni kkontestata).

7        Fid-29 ta’ Ġunju 2004, Kone ingħatat immunità kkundizzjonata skont il-paragrafu 8(b) ta’ dan l-Avviż (premessa 99 tad-deċiżjoni kkontestata).

8        Bejn Settembru u Diċembru 2004, il-Kummissjoni bagħtet ukoll talbiet għal informazzjoni, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81[KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), lill-impriżi li pparteċipaw fil-ksur fil-Belġju, lil diversi klijenti f’dan l-Istat Membru u lill-assoċjazzjoni Belġjana Agoria (premessi 101 u 102 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Il-Ġermanja

9        Mit-28 ta’ Jannar 2004 u matul ix-xahar ta’ Marzu 2004, il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 17, għamlet spezzjonijiet, b’mod partikolari fl-istabbilimenti tas-sussidjarji ta’ Otis u ta’ ThyssenKrupp fil-Ġermanja (premessi 104 u 106 tad-deċiżjoni kkontestata).

10      Fit-12 u fit-18 ta’ Frar 2004, Kone ffinalizzat it-talba tagħha tat-2 ta’ Frar 2004, skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, fir-rigward tal-Belġju permezz ta’ informazzjoni dwar il-Ġermanja. Bl-istess mod, bejn Marzu 2004 u Frar 2005, Otis iffinalizzat it-talba tagħha fir-rigward tal-Belġju permezz ta’ informazzjoni dwar il-Ġermanja. Fil-25 ta’ Novembru 2004 Schindler ippreżentat talba skont l-imsemmi Avviż li kellha informazzjoni dwar il-Ġermanja, li ġiet iffinalizzata bejn Diċembru 2004 u Frar 2005. Fl-aħħar nett, f’Diċembru 2005, ThyssenKrupp ippreżentat talba lill-Kummissjoni, fir-rigward tal-Ġermanja, skont l-imsemmi Avviż (premessi 105, 107, 112 u 114 tad-deċiżjoni kkontestata).

11      Bejn Settembru u Novembru 2004, il-Kummissjoni bagħtet ukoll talbiet għal informazzjoni, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003, lill-impriżi li pparteċipaw fil-ksur fil-Ġermanja, lil diversi klijenti f’dan l-Istat Membru u lill-assoċjazzjonijiet VDMA, VFA u VMA (premessi 110, 111 u 113 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Il-Lussemburgu

12      Fil-5 ta’ Frar 2004, Kone ffinalizzat it-talba tagħha tat-2 ta’ Frar 2004, fir-rigward tal-Belġju, permezz ta’ informazzjoni dwar il-Lussemburgu. Otis u ThyssenKrupp għamlu talba verbali fir-rigward tal-Lussemburgu. Schindler ippreżentat talba fir-rigward tal-Lussemburgu skont l-istess Avviż (premessi 115, 118, 119 u 124 tad-deċiżjoni kkontestata).

13      Mid-9 ta’ Marzu 2004, il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 17, għamlet spezzjonijiet, b’mod partikolari fl-istabbilimenti tas-sussidjarji ta’ Schindler u ta’ ThyssenKrupp fil-Lussemburgu (premessa 116 tad-deċiżjoni kkontestata).

14      Fid-29 ta’ Ġunju 2004, Kone ingħatat immunità kkundizzjonata skont il-paragrafu 8(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 għall-parti tat-talba tagħha li tirrigwarda l-Lussemburgu (premessa 120 tad-deċiżjoni kkontestata).

15      F’Settembru u f’Ottubru 2004, il-Kummissjoni bagħtet ukoll talbiet għal informazzjoni, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003, lill-impriżi li pparteċipaw fil-ksur fil-Lussemburgu, lil diversi klijenti f’dan l-Istat Membru u lill-Federazzjoni Lussemburgiża tal-kumpanniji tal-liftijiet (premessi 122 u 123 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Il-Pajjiżi l-Baxxi

16      F’Marzu 2004, Otis għamlet talba skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 fir-rigward tal-Pajjiżi l-Baxxi, li ġiet iffinalizzata sussegwentement. F’April 2004, saret talba skont dan l-Avviż minn ThyssenKrupp, li ġiet ukoll sussegwentement iffinalizzata f’diversi drabi. Fl-aħħar nett, fid-19 ta’ Lulju 2004, Kone ffinalizzat it-talba tagħha fir-rigward tal-Belġju fit-2 ta’ Frar 2004, permezz ta’ informazzjoni dwar il-Pajjiżi l-Baxxi (premessi 127, 129 u 130 tad-deċiżjoni kkontestata).

17      Fis-27 ta’ Lulju 2004, Otis ingħatat immunità kkundizzjonata skont il-paragrafu 8(a) tal-imsemmi Avviż (premessa 131 tad-deċiżjoni kkontestata).

18      Mit-28 ta’ April 2004, il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 17, għamlet spezzjonijiet, b’mod partikolari fl-istabbilimenti tas-sussidjarji ta’ Kone, ta’ Schindler, ta’ ThyssenKrupp u ta’ MEE fil-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll fl-istabbilimenti tal-assoċjazzjoni Boschduin (premessa 128 tad-deċiżjoni kkontestata).

19      F’Settembru 2004, il-Kummissjoni bagħtet ukoll talbiet għal informazzjoni, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003, lill-impriżi li pparteċipaw fil-ksur fil-Pajjiżi l-Baxxi, lil diversi klijenti f’dan l-Istat Membru u lill-assoċjazzjonijiet VLR u Boschduin (premessi 133 u 134 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet

20      Fis-7 ta’ Ottubru 2005, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li kienet indirizzata b’mod partikolari lill-kumpanniji imsemmija fil-punt 2 iktar ’il fuq. Id-destinatarji kollha tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet bagħtu osservazzjonijiet bil-miktub bħala risposta għall-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni (premessi 135 u 137 tad-deċiżjoni kkontestata).

21      Ma saret l-ebda seduta peress illi l-ebda destinatarju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma għamel talba f’dan is-sens (premessa 138 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Id-deċiżjoni kkontestata

22      Fil-21 ta’ Frar 2007, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, li fiha hija kkonstatat illi l-kumpanniji destinatarji ta’ din id-deċiżjoni kienu pparteċipaw f’erba’ ksur uniċi, kumplessi u kontinwi tal-Artikolu 81(1) KE f’erba’ Stati Membri, u dan billi jaqsmu swieq bejniethom permezz ta’ ftehim u qbil bejniethom dwar l-għoti ta’ sejħiet għal offerti u ta’ kuntratti marbuta mal-bejgħ, l-installazzjoni, il-manutenzjoni u l-modernizzazzjoni ta’ liftijiet u ta’ eskalejters (premessa 2 tad-deċiżjoni kkontestata).

23      Fir-rigward tad-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat illi, minbarra s-sussidjarji tal-impriżi kkonċernati fil-Belġju, fil-Ġermanja, fil-Lussemburgu u fil-Pajjiżi l-Baxxi, il-kumpanniji parent tal-imsemmija sussidjarji għandhom jinżammu responsabbli in solidum għall-ksur tal-Artikolu 81 KE imwettaq mis-sussidjarji rispettivi tagħhom, minħabba l-fatt illi huma setgħu jeżerċitaw influwenza deċiżiva fuq il-politika kummerċjali tagħhom matul it-tul tal-ksur u peress li seta’ jiġi preżunt illi huma użaw dan il-poter (premessi 608, 615, 622, 627 u 634 sa 641 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-kumpanniji parent ta’ MEE ma nżammux responsabbli in solidum għall-aġir tas-sussidjarja tagħhom, minħabba l-fatt illi ma setax jiġi stabbilit jekk kinux eżerċitaw influwenza deċiżiva fuq l-aġir tas-sussidjarja (premessa 643 tad-deċiżjoni kkontestata).

24      Sabiex jiġi kkalkolat l-ammont tal-multi, il-Kummissjoni applikat, fid-deċiżjoni kkontestata, il-metodu spjegat fil-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida tal-1998”). Hija evalwat ukoll jekk, u sa liema punt, l-impriżi kkonċernati kienu jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti mill-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

25      Il-Kummissjoni kklassifikat il-ksur bħala “serju ħafna” fid-dawl tan-natura tagħhom u tal-fatt li kull wieħed minnhom kien ikopri t-territorju kollu ta’ Stat Membru (il-Belġju, il-Ġermanja, il-Lussemburgu jew il-Pajjiżi l-Baxxi), anki jekk l-impatt reali tagħhom ma setax jitkejjel (premessa 671 tad-deċiżjoni kkontestata).

26      Sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-kapaċità ekonomika effettiva tal-impriżi kkonċernati li tikkawża preġudizzju sinjifikattiv lill-kompetizzjoni, il-Kummissjoni, għal kull pajjiż, qasmet lil dawn l-impriżi f’diversi kategoriji skont id-dħul mill-bejgħ magħmul fis-suq tal-liftijiet u/jew tal-eskalejters, inkluż, jekk ikun il-każ, fis-servizzi tal-manutenzjoni u tal-modernizzazzjoni (premessi 672 u 673 tad-deċiżjoni kkontestata).

27      F’dak li jirrigwarda l-akkordju fil-Belġju, Kone u Schindler tpoġġew fl-ewwel kategorija, b’ammont inizjali tal-multa, stabbilit skont il-gravità tal-ksur, ta’ EUR 40 000 000. Otis tpoġġiet fit-tieni kategorija, b’ammont inizjali tal-multa ta’ EUR 27 000 000. ThyssenKrupp tpoġġiet fit-tielet kategorija, b’ammont inizjali tal-multa ta’ EUR 16 500 000 (premessi 674 u 675 tad-deċiżjoni kkontestata). Ġie applikat fattur multiplikatur ta’ 1.7 fuq l-ammont inizjali tal-multa li kellha tiġi imposta fuq Otis u ġie applikat fattur multiplikatur ta’ 2 fuq l-ammont inzijali tal-multa ta’ ThyssenKrupp, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni d-daqs u r-riżorsi globali tagħhom, b’tali mod li l-ammont inizjali tal-multi tagħhom żdied għal EUR 45 900 000 u għal EUR 33 000 000 rispettivament (premessi 690 u 691 tad-deċiżjoni kkontestata). Peress li l-ksur dam seba’ snin u tmien xhur (mid-9 ta’ Mejju 1996 sad-29 ta’ Jannar 2004), il-Kummissjoni żiedet l-ammont inizjali tal-multa għall-impriżi kkonċernati b’75 %. B’hekk l-ammont bażiku tal-multa sar EUR 70 000 000 għal Kone, EUR 80 325 000 għal Otis, EUR 70 000 000 għal Schindler u EUR 57 750 000 għal ThyssenKrupp (premessi 692 u 696 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni qieset li ThyssenKrupp kellha tiġi kkunsidrata bħala reċediva u żiedet l-ammont tal-multa tagħha b’50 % minħabba din iċ-ċirkustanza aggravanti (premessi 697, 698 u 708 sa 710 tad-deċiżjoni kkontestata). L-ebda ċirkustanza aggravanti oħra ma ġiet applikata fil-konfront tal-impriżi kkonċernati (premessi 733, 734, 749, 750 u 753 sa 755 tad-deċiżjoni kkontestata). Bis-saħħa tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, Kone bbenefikat minn immunità totali tal-multi. Otis ibbenefikat, minn naħa waħda, minn tnaqqis ta’ 40 % tal-ammont tal-multa fil-faxxa stipulata fl-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-punt 23(b) tal-imsemmi Avviż, u min-naħa l-oħra, minn tnaqqis ta’ 1 % tal-ammont tal-multa minħabba n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti. ThyssenKrupp ibbenefikat, minn naħa waħda, minn tnaqqis ta’ 20 % tal-ammont tal-multa fil-faxxa stipulata fit-tieni inċiż tal-ewwel paragrafu tal-punt 23(b) tal-imsemmi Avviż u, min-naħa l-oħra, minn tnaqqis ta’ 1 % tal-ammont tal-multa minħabba n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti. Schindler ibbenefikat minn tnaqqis ta’ 1 % tal-ammont tal-multa minħabba n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti (premessi 760 sa 777 tad-deċiżjoni kkontestata).

28      F’dak li jirrigwarda l-akkordju fil-Ġermanja, Kone, Otis u ThyssenKrupp tpoġġew fl-ewwel kategorija, b’ammont inizjali tal-multa ta’ EUR 70 000 000. Schindler tpoġġiet fit-tieni kategorija, b’ammont inizjali tal-multa ta’ EUR 17 000 000 (premessi 676 sa 679 tad-deċiżjoni kkontestata). Ġie applikat fattur multiplikatur ta’ 1.7 fuq l-ammont inizjali tal-multa li kellha tiġi imposta fuq Otis u ġie applikat fattur multiplikatur ta’ 2 fuq l-ammont inizjali tal-multa ta’ ThyssenKrupp, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni d-daqs u r-riżorsi globali tagħhom, b’tali mod li l-ammont inizjali tal-multi tagħhom żdied għal EUR 119 000 000 u għal EUR 140 000 000 rispettivament (premessi 690 u 691 tad-deċiżjoni kkontestata). Peress li l-ksur imwettaq minn Kone, Otis u ThyssenKrupp dam tmien snin u erba’ xhur (mill-1 ta’ Awwissu 1995 sal-5 ta’ Diċembru 2003), il-Kummissjoni żiedet l-ammont inizjali tal-multa għal dawn l-impriżi b’80 %. Peress li l-ksur imwettaq minn Schindler dam ħames snin u erba’ xhur (mill-1 ta’ Awwissu 1995 sas-6 ta’ Diċembru 2000), il-Kummissjoni żiedet l-ammont inizjali tal-multa għal din l-impriża b’50 %. B’hekk l-ammont bażiku tal-multa sar EUR 126 000 000 għal Kone, EUR 214 200 000 għal Otis, EUR 25 500 000 għal Schindler u EUR   252 000 000 għal ThyssenKrupp (premessi 693 u 696 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni qieset li ThyssenKrupp kellha tiġi kkunsidrata bħala reċediva u żiedet l-ammont tal-multa tagħha b’50 % minħabba din iċ-ċirkustanza aggravanti (premessi 697 sa 707 tad-deċiżjoni kkontestata). L-ebda ċirkustanza attenwanti oħra ma ġiet applikata fil-konfront tal-impriżi kkonċernati (premessi 727 sa 729, 735, 736, 742 sa 744, 749, 750 u 753 sa 755 tad-deċiżjoni kkontestata). Kone ibbenefikat, minn naħa waħda, minn tnaqqis massimu ta’ 50  % tal-ammont tal-multa stipulat fl-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-punt 23(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 u, min-naħa l-oħra, minn tnaqqis ta’ 1 % tal-ammont tal-multa minħabba n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti. Otis ibbenefikat, minn naħa waħda, minn tnaqqis ta’ 25 % tal-ammont tal-multa fil-faxxa stipulata fit-tieni inċiż tal-ewwel paragrafu tal-punt 23(b) tal-imsemmi Avviż u, min-naħa l-oħra, minn tnaqqis ta’ 1 % tal-ammont tal-multa minħabba n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti. Schindler ibbenefikat, minn naħa waħda, minn tnaqqis ta’ 15 % tal-ammont tal-multa fil-faxxa stipulata fit-tielet inċiż tal-ewwel paragrafu tal-punt 23(b) tal-imsemmi Avviż u, min-naħa l-oħra, minn tnaqqis ta’ 1 % tal-ammont tal-multa minħabba n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti. ThyssenKrupp ibbenefikat minn tnaqqis ta’ 1 % tal-ammont tal-multa minħabba n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti (premessi 778 sa 813 tad-deċiżjoni kkontestata).

29      F’dak li jirrigwarda l-akkordju fil-Lussemburgu, Otis u Schindler tpoġġew fl-ewwel kategorija, b’ammont inizjali tal-multa ta’ EUR 10 000 000. Kone u ThyssenKrupp tpoġġew fit-tieni kategorija, b’ammont inizjali tal-multa ta’ EUR 2 500 000 (premessi 680 sa 683 tad-deċiżjoni kkontestata). Ġie applikat fattur multiplikatur ta’ 1.7 fuq l-ammont inizjali tal-multa li kellha tiġi imposta fuq Otis u ġie applikat fattur multiplikatur ta’ 2 fuq l-ammont inizjali tal-multa ta’ ThyssenKrupp, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni d-daqs u r-riżorsi globali tagħhom, b’tali mod li l-ammont inizjali tal-multi tagħhom żdied għal EUR  17 000 000 u għal EUR 5 000 000 rispettivament (premessi 690 u 691 tad-deċiżjoni kkontestata). Peress li l-ksur dam tmien snin u tliet xhur (mis-7 ta’ Diċembru 1995 sad-9 ta’ Marzu 2004), il-Kummissjoni żiedet l-ammont inizjali tal-multa għall-impriżi kkonċernati b’80 %. B’hekk l-ammont bażiku tal-multa sar EUR 4 500 000 għal Kone, EUR 30 600 000 għal Otis, EUR 18 000 000 għal Schindler u EUR 9 000 000 għal ThyssenKrupp (premessi 694 u 696 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni qieset li ThyssenKrupp kellha tiġi kkunsidrata bħala reċediva u żiedet l-ammont tal-multa tagħha b’50 % minħabba din iċ-ċirkustanza aggravanti (premessi 697, 698 u 711 sa 714 tad-deċiżjoni kkontestata). L-ebda ċirkustanza aggravanti oħra ma ġiet applikata fil-konfront tal-impriżi kkonċernati (premessi 730, 749, 750 u 753 sa 755 tad-deċiżjoni kkontestata). Bis-saħħa tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, Kone bbenefikat minn immunità totali tal-multi. Otis ibbenefikat, minn naħa waħda, minn tnaqqis ta’ 40 % tal-ammont tal-multa fil-faxxa stipulata fl-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-punt 23(b) tal-imsemmi Avviż u, min-naħa l-oħra, minn tnaqqis ta’ 1 % tal-ammont tal-multa minħabba n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti. Schindler u ThyssenKrupp ibbenefikaw biss minn tnaqqis ta’ 1 % tal-ammont tal-multa minħabba n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti (premessi 814 sa 835 tad-deċiżjoni kkontestata).

30      F’dak li jirrigwarda l-akkordju fil-Pajjiżi l-Baxxi, Kone tpoġġiet fl-ewwel kategorija, b’ammont inizjali tal-multa ta’ EUR 55 000 000. Otis tpoġġiet fit-tieni kategorija, b’ammont inizjali tal-multa ta’ EUR 41 000 00. Schindler tpoġġiet fit-tielet kategorija, b’ammont inizjali tal-ammont tal-multa ta’ EUR 24 500 000. ThyssenKrupp u MEE tpoġġew fir-raba’ kategorija, b’ammont inizjali tal-ammont tal-multa ta’ EUR 8 500 000 (premessi 684 u 685 tad-deċiżjoni kkontestata). Ġie applikat fattur multiplikatur ta’ 1.7 fuq l-ammont inizjali tal-multa li kellha tiġi imposta fuq Otis u ġie applikat fattur multiplikatur ta’ 2 fuq l-ammont inizjali tal-multa ta’ ThyssenKrupp, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni d-daqs u r-riżorsi globali tagħhom, b’tali mod li l-ammont inizjali tal-multi tagħhom żdied għal EUR 69 700 000 u għal EUR 17 000 000 rispettivament (premessi 690 u 691 tad-deċiżjoni kkontestata). Peress li l-ksur imwettaq minn Otis u ThyssenKrupp dam ħames snin u għaxar xhur (mill-15 ta’ April 1998 sal-5 ta’ Marzu 2004), il-Kummissjoni żiedet l-ammont inizjali tal-multa għal dawn l-impriżi b’55 %. Peress li l-ksur imwettaq minn Kone u Schindler dam erba’ snin u disa’ xhur (mill-1 ta’ Ġunju 1999 sal-5 ta’ Marzu 2004), il-Kummissjoni żiedet l-ammont inizjali tal-multa għal dawn l-impriżi b’45 %. Peress li l-ksur imwettaq minn MEE dam erba’ snin u xahar (mill-11 ta’ Jannar 2000 sal-5 ta’ Marzu 2004), il-Kummissjoni żiedet l-ammont inizjali tal-multa għal din l-impriża b’40 %. B’hekk, l-ammont bażiku tal-multa sar EUR 79 750 000 għal Kone, EUR 108 035 000 għal Otis, EUR 35 525 000 għal Schindler, EUR 26 350 000 għal ThyssenKrupp u EUR 11 900 000 għal MEE (premessi 695 u 696 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni qieset li ThyssenKrupp kellha tiġi kkunsidrata bħala reċediva u żiedet l-ammont tal-multa tagħha b’50 % minħabba din iċ-ċirkustanza aggravanti (premessi 697, 698 u 715 sa 720 tad-deċiżjoni kkontestata). L-ebda ċirkustanza attenwanti oħra ma ġiet applikata fil-konfront tal-impriżi kkonċernati (premessi 724 sa 726, 731, 732, 737, 739 sa 741, 745 sa 748 u 751 sa 755 tad-deċiżjoni kkontestata). Bis-saħħa tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, Otis bbenefikat minn immunità totali tal-multi. ThyssenKrupp ibbenefikat, minn naħa waħda, minn tnaqqis ta’ 40 % tal-ammont tal-multa fil-faxxa stipulata fl-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-punt 23(b) tal-imsemmi Avviż u, min-naħa l-oħra, minn tnaqqis ta’ 1 % tal-ammont tal-multa minħabba n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti. Schindler et MEE bbenefikaw minn tnaqqis ta’ 1 % tal-ammont tal-multa minħabba n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti (premessi 836 sa 855 tad-deċiżjoni kkontestata).

31      Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata huwa kif ġej:

“Artikolu 1

1.      Fir-rigward tal-Belġju, l-impriżi segwenti kisru l-Artikolu 81 KE, billi ftehmu, b’mod regolari u kollettivament, matul il-perijodi indikati, fil-kuntest ta’ akkordji u prattiki miftiehma fil-livell nazzjonali relatati mal-liftijiet u mal-eskalejters, sabiex jaqsmu s-swieq bejniethom, jaqsmu s-sejħiet għal offerti pubbliċi u privati u kuntratti oħra skont l-ishma miftiehma minn qabel għall-bejgħ u għall-installazzjoni, u sabiex ma jikkompetux kontra xulxin għall-kuntratti ta’ manutenzjoni u ta’ modernizzazzjoni:

–        Kone: [KC] u [Kone Belġju]: mid-9 ta’ Mejju 1996 sad-29 ta’ Jannar 2004;

–        Otis: [UTC], [OEC] u [Otis Belġju]: mid-9 ta’ Mejju 1996 sad-29 ta’ Jannar 2004;

–        Schindler: Schindler Holding […] u [Schindler Belġju]: mid-9 ta’ Mejju 1996 sad-29 ta’ Jannar 2004; u

–        ThyssenKrupp: [TKAG], [TKE] u [TKLA]: mid-9 ta’ Mejju 1996 sad-29 ta’ Jannar 2004.

2.      Fir-rigward tal-Ġermanja, l-impriżi segwenti kisru l-Artikolu 81 KE, billi ftehmu, b’mod regolari u kollettivament, matul il-perijodi indikati, fil-kuntest ta’ akkordji u prattiki miftiehma fil-livell nazzjonali relatati mal-liftijiet u mal-eskalejters, sabiex jaqsmu s-swieq bejniethom, jaqsmu s-sejħiet għal offerti pubbliċi u privati u kuntratti oħra skont l-ishma miftiehma minn qabel għall-bejgħ u għall-installazzjoni:

–        Kone: [KC] u [Kone Ġermanja]: mill-1 ta’ Awwissu 1995 sal-5 ta’ Diċembru 2003;

–        Otis: [UTC], [OEC] u [Otis Ġermanja]: mill-1 ta’ Awwissu 1995 sal-5 ta’ Diċembru 2003;

–        Schindler: Schindler Holding […] u [Schindler Ġermanja]: mill-1 ta’ Awwissu 1995 sas-6 ta’ Diċembru 2000; u

–        ThyssenKrupp: [TKAG], [TKE], [TKA] u [TKF] mill-1 ta’ Awwissu 1995 sal-5 ta’ Diċembru 2003.

3.      Fir-rigward tal-Lussemburgu, l-impriżi segwenti kisru l-Artikolu 81 KE, billi ftehmu, b’mod regolari u kollettivament, matul il-perijodi indikati, fil-kuntest ta’ akkordji u prattiki miftiehma fil-livell nazzjonali relatati mal-liftijiet u mal-eskalejters, sabiex jaqsmu s-swieq bejniethom, jaqsmu s-sejħiet għal offerti pubbliċi u privati u kuntratti oħra skont l-ishma miftiehma minn qabel għall-bejgħ u għall-installazzjoni, u sabiex ma jikkompetux kontra xulxin għall-kuntratti ta’ manutenzjoni u ta’ modernizzazzjoni:

–        Kone: [KC] u [Kone Lussemburgu]: mis-7 ta’ Diċembru 1995 sad-29 ta’ Jannar 2004;

–        Otis: [UTC], [OEC], [Otis Belġju], [GTO] u [GT]: mis-7 ta’ Diċembru 1995 sad-9 ta’ Marzu 2004;

–        Schindler: Schindler Holding […] u [Schindler Lussemburgu]: mis-7 ta’ Diċembru 1995 sad-9 ta’ Marzu 2004; u

–        ThyssenKrupp: [TKAG], [TKE] u [TKAL]: mis-7 ta’ Diċembru 1995 sad-9 ta’ Marzu 2004.

4.      Fir-rigward tal-Pajjiżi l-Baxxi, l-impriżi segwenti kisru l-Artikolu 81 KE, billi ftehmu, b’mod regolari u kollettivament, matul il-perijodi indikati, fil-kuntest ta’ akkordji u prattiki miftiehma fil-livell nazzjonali relatati mal-liftijiet u mal-eskalejters, sabiex jaqsmu s-swieq bejniethom, jaqsmu s-sejħiet għal offerti pubbliċi u privati u kuntratti oħra skont l-ishma miftiehma minn qabel għall-bejgħ u għall-installazzjoni, u sabiex ma jikkompetux kontra xulxin għall-kuntratti ta’ manutenzjoni u ta’ modernizzazzjoni:

–        Kone: [KC] u [Kone il-Pajjiżi l-Baxxi]: mill-1 ta’ Ġunju 1999 sal-5 ta’ Marzu 2004;

–        Otis: [UTC], [OEC] u [Otis il-Pajjiżi l-Baxxi]: mill-15 ta’ April 1998 sal-5 ta’ Marzu 2004;

–        Schindler: Schindler Holding […] u [Schindler il-Pajjiżi l-Baxxi]: mill-1 ta’ Ġunju 1999 sal-5 ta’ Marzu 2004;

–        ThyssenKrupp: [TKAG] u [TKL]: mill-15 ta’ April 1998 sal-5 ta’ Marzu 2004; u

–        [MEE]: mill-11 ta’ Jannar 2000 sal-5 ta’ Marzu 2004.

Artikolu 2

1. Għall-ksur fil-Belġju msemmi fl-Artikolu 1(1), is-segwenti multi huma imposti:

–        Kone: [KC] u [Kone Belġju], in solidum: EUR 0;

–        Otis: [UTC], [OEC] u [Otis Belġju], in solidum: EUR 47 713 050;

–        Schindler: Schindler Holding […] u [Schindler Belġju], in solidum: EUR 69 300 000; u

–        ThyssenKrupp: [TKAG], [TKE] u [TKLA], in solidum: EUR 68 607 000.

2 Għall-ksur fil-Ġermanja msemmi fl-Artikolu 1(2), is-segwenti multi huma imposti:

–        Kone: [KC] u [Kone Ġermanja], in solidum: EUR 62 370 000;

–        Otis: [UTC], [OEC] u [Otis Ġermanja], in solidum: EUR 159 043 500;

–        Schindler: Schindler Holding […] u [Schindler Ġermanja], in solidum: EUR 21 458 250; u

–        ThyssenKrupp: [TKAG], [TKE], [TKA] u [TKF], in solidum: EUR 374 220 000.

3. Għall-ksur fil-Lussemburgu msemmi fl-Artikolu 1(3), is-segwenti multi huma imposti:

–        Kone: [KC] u [Kone Lussemburgu], in solidum: EUR 0;

–        Otis: [UTC], [OEC], [Otis Belġju], [GTO] u [GT], in solidum: EUR 18 176 400;

–        Schindler: Schindler Holding […] u [Schindler Lussemburgu], in solidum: EUR 17 820 000; u

–        ThyssenKrupp: [TKAG], [TKE] u [TKAL], in solidum: EUR 13 365 000.

4. Għall-ksur fil-Pajjiżi l-Baxxi msemmi fl-Artikolu 1(4), is-segwenti multi huma imposti:

–        Kone: [KC] u [Kone il-Pajjiżi l-Baxxi], in solidum: EUR 79 750 000;

–        Otis: [UTC], [OEC] u [Otis il-Pajjiżi l-Baxxi], in solidum: EUR 0;

–        Schindler: Schindler Holding […] u [Schindler il-Pajjiżi l-Baxxi], in solidum: EUR 35 169 750;

–        ThyssenKrupp: [TKAG] u [TKL], in solidum: EUR 23 477 850; u

–        [MEE]: EUR 1 841 400

[…]”

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

32      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Mejju 2007 (fil-Kawżi T-141/07 u T-142/07) u fis-7 ta’ Mejju 2007 (fil-Kawżi T-145/07 u T-146/07), ir-rikorrenti GTO, GT, Otis Belġju, Otis Ġermanja, Otis il-Pajjiżi l-Baxxi, OEC u UTC, ippreżentaw dawn ir-rikorsi.

33      Fid-dawl tar-rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali fil-kawża preżenti u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, għamlet xi domandi bil-miktub lill-partijiet u talbithom jipproduċu xi dokumenti. Huma għamlu dan fit-terminu mogħti.

34      Wara talba mressqa mill-Kummissjoni fit-18 ta’ Awwissu 2009 fil-Kawża T‑145/07, il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, talbet ukoll lill-Kummissjoni sabiex tirrispondi għal xi domandi u sabiex tipproduċi xi dokumenti. Hija għamlet dan fit-terminu mogħti.

35      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet fil-Kawżi T‑141/07, T‑145/07 u T‑146/07 u r-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduti tal-1, tas-6 u tas-7 ta’ Ottubru 2009.

36      Ir-rikorrenti fil-Kawża T‑142/07 ma kinitx rappreżentata fis-seduta tal-1 ta’ Ottubru 2009. Madankollu, waqt din is-seduta, il-Kummissjoni rrispondiet għal xi domandi tal-Qorti Ġenerali.

37      Fil-Kawża T‑141/07, fuq talba tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti ppreżentat, fit-12 ta’ Ottubru 2009, ittra fejn ippreċiżat l-informazzjoni tal-fajl li hija kienet talbet li ma tiġix ippubblikata fil-pubblikazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali waqt is-seduta. B’ittra tat-12 ta’ Novembru 2009, il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq din l-ittra. Sussegwentement, il-proċedura orali ta’ din il-kawża ngħalqet.

38      Fil-Kawża T‑142/07, permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Ottubru 2009, ir-rikorrenti indikat lill-Qorti Ġenerali li ma kellhiex oġġezzjoni għat-tagħqid tal-imsemmija kawża għall-finijiet tas-sentenza mal-Kawżi T‑141/07, T‑145/07 u T‑146/07. Sussegwentement, il-proċedura orali fil-Kawża T‑142/07 ingħalqet.

39      Fil-Kawżi T‑145/07 u T‑146/07, fuq talba tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti ppreżentaw, fil-15 ta’ Ottubru 2009, ittra li ppreċiżat l-informazzjoni tal-fajl li hija kienet talbet li ma tiġix ippubblikata fil-pubblikazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali waqt is-seduta. Sussegwentement, il-proċedura orali ta’ din il-kawża ngħalqet.

40      Wara li nstemgħu r-rikorrenti fil-Kawżi T-141/07, T-145/07 u T-146/07 fuq dan il-punt waqt is-seduta, u r-rikorrenti fil-Kawża T‑142/07 ukoll ressqet l-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tgħaqqad dawn il-kawżi għall-finijiet tas-sentenza finali skont l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha.

41      Fil-Kawża T‑141/07, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċernaha;

–        sussidjarjament, tannulla jew tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuqha fid-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

42      Fil-Kawża T‑142/07, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċernaha;

–        sussidjarjament, tannulla jew tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuqha fid-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

43      Fil-Kawża T‑145/07, ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla jew tnaqqas sostanzjalment il-multi imposti fuqhom fid-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż;

–        tieħu kwalunkwe miżura oħra li l-Qorti Ġenerali tqis xierqa.

44      Fil-Kawża T‑146/07, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla jew tnaqqas sostanzjalment il-multa imposti fuqha fid-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż;

–        tieħu kwalunkwe miżura oħra li l-Qorti Ġenerali tqis xierqa.

45      F’kull kawża, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikorsi;

–        tikkundanna lir-rikorrenti jbatu l-ispejjeż.

 Id-dritt

46      Qabel kollox, għandu jiġi nnotat li r-rikorsi mressqa mir-rikorrenti fil-Kawża T‑141/07 u T‑142/07 għandhom għan doppju, jiġifieri, primarjament, talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, u sussidjarjament, talba għall-annullament jew tnaqqis tal-ammont tal-multi. Bil-kontra, ir-rikorsi mressqa mir-rikorrenti fil-Kawżi T‑145/07 u T‑146/07 jipprevedu biss l-annullament jew it-tnaqqis tal-multi.

47      Wara stedina tal-Qorti Ġenerali, waqt is-seduta, sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fuq il-portata eżatta tal-argumenti tagħha, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑141/07 iddikjarat, essenzjalment, li huwa biss il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, fil-kuntest tal-imputazzjoni tal-aġir ta’ GTO lejn il-kumpanniji parent tagħha, li jista’ jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata fit-totalità tagħha.

48      Ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑141/07, T‑142/07, T‑145/07 u T‑146/07 jinvokaw, flimkien, tmien motivi. L-ewwel huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipji li jirregolaw l-imputazzjoni tar-responsabbiltà għall-ksur tal-Artikolu 81 KE, ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, tal-individwalità tal-pieni u ta’ ugwaljanza fit-trattament, u ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża kif ukoll tal-Artikolu 253 KE fl-imputazzjoni fuq il-kumpanniji parent tal-ksur imwettaq mis-sussidjarji rispettivi tagħhom. It-tieni huwa bbażat fuq ksur tal-Linji gwida tal-1998, tal-protezzjoni tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament u tad-drittijiet tad-difiża fl-iffissar tal-ammont inizjali tal-multi skont il-gravità tal-ksur. It-tielet, invokat ukoll mir-rikorrenti fil-Kawża T‑145/07, huwa bbażat fuq ksur tal-Linji gwida tal-1998 u tal-prinċipji ta’ proporzjonalità fl-iffissar tal-ammont inizjali tal-multa skont il-gravità tal-ksur fil-Ġermanja. Ir-raba’, invokat mir-rikorrenti fil-Kawżi T‑145/07 u T‑146/07, huwa bbażat fuq ksur tal-Linji gwida tal-1998 u tal-prinċipji ta’ proporzjonalità fl-applikazzjoni tal-fattur multiplikatur tal-grupp sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan ta’ dissważjoni fl-iffissar tal-ammont inizjali tal-multi. Il-ħames, invokat mir-rikorrenti fil-Kawżi T‑141/07 u T‑145/07, huwa bbażat fuq ksur tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 u fuq ksur tal-prinċipji tal-aspettattivi leġittimi ta’ proporzjonalità, ta’ ekwità, u ta’ ugwaljanza fit-trattament fl-evalwazzjoni tal-kooperazzjoni. Is-sitta, invokat mir-rikorrenti fil-Kawżi T‑141/07 u T‑145/07, huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettativi leġittimi u ta’ proporzjonalità fl-iffissar tal-ammont tat-tnaqqis tal-multa mogħti minħabba l-kooperazzjoni barra mill-kuntest tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002. Is-seba’, invokat mir-rikorrenti fil-Kawżi T‑141/07 u T‑145/07, huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Fl-aħħar, it-tmien motiv, invokat mir-rikorrenti fil-Kawża T‑141/07, huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fil-kalkolu tal-ammont finali tal-multi.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji li jirregolaw l-imputazzjoni tar-responsabbiltà għall-ksur tal-Artikolu 81 KE, ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, tal-individwalità tal-pieni u ta’ ugwaljanza fit-trattament, u ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża kif ukoll tal-Artikolu 253 KE fl-imputazzjoni fuq il-kumpanniji parent tal-ksur imwettaq mis-sussidjarji rispettivi

 Osservazzjonijiet preliminari

49      Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑141/07, T‑142/07, T‑145/07 u T‑146/07 jikkontestaw ir-responsabbiltà ta’ UTC, ta’ OEC, ta’ Otis Belġju u ta’ GT għall-aġir antikompetittiv tas-sussidjarji rispettivi tagħhom fil-Belġju, fil-Ġermanja, fil-Lussemburgu u fil-Pajjiżi l-Baxxi.

50      Minkejja li r-rikorrenti fil-Kawżi T‑145/07 u T‑146/07 iressqu dan il-motiv biss fil-kuntest tat-talba għall-annullament jew ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multi, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz ta’ dan il-motiv, l-imsemmija rikorrenti jitolbu, bħar-rikorrenti fil-Kawżi T‑141/07 u T‑142/07, mhux biss l-annullament jew it-tnaqqis tal-ammont tal-multi imposti, iżda wkoll l-annullament tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn il-Kummissjoni kkonstatat fih, inġustament, ksur imputat lill-kumpanniji parent ikkonċernati.

51      B’hekk, dan il-motiv jirrigwarda, minn naħa, il-legalità tal-konstatazzjoni ta’ ksur imwettaq mill-kumpanniji parent prevista fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, u, min-naħa l-oħra, il-legalità tal-multi imposti fuq l-imsemmija kumpanniji, fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata.

52      Fir-rigward tar-responsabbiltà in solidum ta’ kumpannija parent għall-aġir tas-sussidjarja tagħha, għandu jitfakkar li l-fatt li sussidjarja għandha personalità ġuridika distinta ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi mwarrba l-possibbiltà li l-aġir tagħha jiġi imputat lill-kumpannija parent (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Lulju 1972, Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni, 48/69, Ġabra p. 619, punt 132).

53      Fil-fatt, id-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jikkonċerna l-attivitajiet tal-impriżi u l-kunċett ta’ impriża jinkludi kull entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus ġuridiku ta’ dik l-entità u mill-mod li bih tiġi ffinanzjata (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, C-97/08 P, Ġabra p. I-8237, punt 54, u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      Il-qrati tal-Unjoni spjegaw ukoll illi l-kunċett ta’ impriża, meta jitqiegħed f’dan il-kuntest, għandu jinftiehem bħala li jkopri unità ekonomika anki jekk, mill-perspettiva ġuridika, din l-unità ekonomika hija magħmula minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Lulju 1984, Hydrotherm Gerätebau, 170/83, Ġabra p. 2999, punt 11, u Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 53 iktar ’il fuq, punt 55, u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Ġunju 2000, DSG vs Il-Kummissjoni, T-234/95, Ġabra p. II-2603, punt 124). Huma b’hekk enfasizzaw li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, is-separazzjoni formali bejn żewġ kumpanniji, li tirriżulta mill-personalità ġuridika distinta tagħhom, ma hijiex determinanti, peress li dak li hu deċiżiv huwa l-unità jew le, tal-aġir tagħhom fis-suq. Għalhekk jista’ jkun neċessarju li jiġi stabbilit jekk żewġ kumpanniji li għandhom personalitajiet ġuridiċi distinti jiffurmawx jew jaqgħux taħt l-istess impriża jew entità ekonomika waħda li għandha aġir uniku fis-suq (sentenza Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni, punt 90 iktar ’il fuq, punt 140, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Settembru 2005, DaimlerChrysler vs Il-Kummissjoni, T-325/01, Ġabra p. II‑3319, punt 85).

55      Meta tali entità ekonomika tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, hija għandha, skont il-prinċipju tar-responsabbiltà personali, tirrispondi għal dan il-ksur (ara s-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 53 iktar ’il fuq, punt 56, u l-ġurisprudenza ċċitata).

56      B’hekk, l-aġir ta’ sussidjarja jista’ jiġi imputat lill-kumpannija parent b’mod partikolari meta, għalkemm ikollha personalità ġuridika distinta, din is-sussidjarja ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, iżda tapplika essenzjalment l-istruzzjonijiet li jingħatawlha mill-kumpannija parent, b’mod partikolari fid-dawl tar-rabtiet ekonomiċi, organizzazzjonali u ġuridiċi li jgħaqqdu lil dawn iż-żewġ entitajiet ġuridiċi (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Metsä-Serla et vs Il-Kummissjoni, C-294/98 P, Ġabra p. I‑10065, punt 27; tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 117, u Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 53 iktar ’il fuq, punt 58, u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jiffurmaw parti mill-istess unità ekonomika u, għaldaqstant, jiffurmaw impriża waħda fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 91 iktar ’il fuq. Għaldaqstant, il-fatt li kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE jippermetti li l-Kummissjoni tindirizza deċiżjoni li timponi multi lill-kumpannija parent, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi stabbilit l-involviment personali ta’ din tal-aħħar fil-ksur (sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 53 iktar ’il fuq, punt 59).

58      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-Kummissjoni ma tistax tikkuntenta ruħha li tikkonstata li impriża setgħet teżerċita tali influwenza determinanti fuq impriża oħra, mingħajr ma jkun hemm bżonn li tivverifika jekk din l-influwenza ġietx effettivament eżerċitata. Bil-kontra, bħala prinċipju huwa obbligu tal-Kummissjoni li tipprova tali influwenza determinanti abbażi ta’ serje ta’ elementi fattwali, fosthom, b’mod partikolari, l-eventwali setgħa ta’ direzzjoni ta’ waħda minn dawn l-impriżi fir-rigward tal-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Ottubru 2003, Aristrain vs Il-Kummissjoni, C-196/99 P, Ġabra p. I-11005, punti 96 sa 99 u Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 56 iktar ’il fuq, punti 118 sa 122; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Avebe vs Il-Kummissjoni, T‑314/01, Ġabra p. II-3085, punt 136).

59      Fil-każ speċifiku fejn kumpannija parent ikollha 100 % tal-kapital tas-sussidjarja tagħha li wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, minn naħa, din il-kumpannija parent tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din is-sussidjarja, u, min-naħa l-oħra, teżisti preżunzjoni konfutabbli li l-imsemmija kumpannija parent effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha (ara s-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 53 iktar ’il fuq, punt 60, u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tipprova li l-kapital kollu tas-sussidjarja huwa miżmum mill-kumpannija parent sabiex tippreżumi li din tal-aħħar teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din is-sussidjarja. Il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni, sussegwentement, li tikkunsidra lill-kumpannija parent responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq il-kumpannija sussidjarja tagħha, sakemm din il-kumpannija parent, li għandha l-oneru li taqleb din il-preżunzjoni, ma tipproduċix provi suffiċjenti li jistgħu juru li l-kumpannija sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq (ara s-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 53 iktar ’il fuq, punt 61, u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li fil-punti 28 u 29 tas-sentenza tagħha tas-16 ta’ Novembru 2000, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni  (C-286/98 P, Ġabra p. I-9925), il-Qorti tal-Ġustizzja semmiet, minbarra l-fatt li l-kumpannija parent ikollha 100 % tal-kapital tas-sussidjarja, ċirkustanzi oħra, bħan-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-influwenza li l-kumpannija parent teżerċita fuq il-politika kummerċjali tas-sussidjarja tagħha u r-rappreżentazzjoni komuni taż-żewġ kumpanniji matul il-proċedura amministrattiva, madankollu xorta jibqa’ l-fatt li l-imsemmija ċirkustanzi ssemmew biss bil-għan li jiġu esposti l-elementi kollha li fuqhom il-Qorti Ġenerali kienet ibbażat ir-raġunament tagħha u mhux sabiex l-implementazzjoni tal-preżunzjoni msemmija fil-punt 59 iktar ’il fuq tiġi suġġetta għall-produzzjoni ta’ indizji addizzjonali fir-rigward tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza tal-kumpannija parent (sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 53 iktar ’il fuq, punt 62).

62      Fid-dawl tal-prinċipji mfakkra hawn fuq, għandha tiġi eżaminata l-imputazzjoni tal-ksur imwettaq minn Otis Ġermanja, Otis Belġju, Otis il-Pajjiżi l-Baxxi u GTO fuq il-kumpanniji parent rispettivi tagħhom. F’dan ir-rigward, għandha tiġi eżaminata suċċessivament, l-imputazzjoni fuq UTC u OEC tal-ksur imwettaq fil-Belġju, fil-Ġermanja u fil-Pajjiżi l-Baxxi minn Otis Belġju, Otis Ġermanja u Otis il-Pajjiżi l-Baxxi (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, “is-sussidjarji Otis”) (premessi 615 sa 621 tad-deċiżjoni kkontestata), u, min-naħa l-oħra, l-imputazzjoni fuq UTC, OEC, Otis Belġju u GT, tal-ksur imwettaq minn GTI fil-Lussemburgu (premessi 622 sa 626 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Fuq l-imputazzjoni fuq UTC u OEC tal-ksur imwettaq mis-sussidjarji Otis

63      Fil-premessa 615 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tispjega li, “[m]inkejja li [is-sussidjarji Otis] huma l-entitajiet ġuridiċi li pparteċipaw direttament fil-akkordji, il-proprjetarju tagħhom, OEC, u l-uniku proprjetarju tagħha u l-kumpannija parent aħħarija UTC, kienu f’pożizzjoni sabiex jeżerċitaw influweza deċiżiva fuq il-politika kummerċjali ta’ kull waħda mis-sussidjarji waqt id-dewmien tal-ksur, u jista’ jiġi preżunt li dawn użaw dan il-poter”.

64      Fil-premessi 616 sa 618 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tqis li l-argument li jipprovdi li s-sussidjarji Otis ħadu d-deċiżjonijiet kummerċjali tagħhom kollha b’mod awtonomu u mingħajr l-ebda istruzzjoni minn naħa ta’ OEC jew l-argument li jipprovdi li l-attivitajiet kurrenti, inklużi d-deċiżjonijiet dwar il-parteċipazzjoni jew le f’sejħiet għal offerti [kunfidenzjali](1), ma kinux suġġetti għall-approvazzjoni fil-livell ta’ OEC, jew ukoll l-argument ibbażat fuq [kunfidenzjali] huma “insuffiċjenti sabiex tiġi nnegata l-preżunzjoni li tipprovdi li [is-sussidjarji Otis] ma ddeterminawx b’mod awtonomu l-aġir tagħhom fis-suq”. Dwar dan l-argument tal-aħħar, il-Kummissjoni żżid, fil-premessa 61 tad-deċiżjoni kkontestata, minn naħa li [kunfidenzjali] u, min-naħa l-oħra, li [kunfidenzjali].

65      Il-Kummissjoni tafferma wkoll fil-premessa 619 tad-deċiżjoni kkontestata li, “[f]ir-risposti tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, OEC, UTC u s-sussidjarji kkonċernati tagħhom [ma pprovdew] l-ebda element ta’ informazzjoni li jikkarifika r-relazzjonijiet soċjali bejniethom, l-istruttura ta’ ġerarkija u l-obbligi tar-relazzjoni sabiex tiġi nnegata l-preżunzjoni li tipprovdi li OEC u UTC eżerċitaw influwenza deċiżiva fuq is-sussidjarji tagħhom, li ostakolat lil dawn tal-aħħar milli jiddeterminaw b’mod awtonomu l-aġir tagħhom fis-suq.”

66      Fl-aħħar, fil-premessa 620 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirrileva li, bil-kontra ta’ dak li sostniet OEC, din tal-aħħar, “ma hijiex responsabbli in solidum għall-każijiet differenti ta’ ksur tal-Artikolu 81 [KE], fuq il-bażi ta’ raġunijiet ‘prattiċi jew politiċi’, Iżda pjuttost esklussivament fuq il-bażi tal-fatt li OEC u UTC huma parti minn unità ekonomika li wettqet ksur serju ħafna tad-dritt dwar il-kompetizzjoni [tal-Unjoni] […]”.

67      Fl-ewwel parti, ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑145/07 u T‑146/07 isostnu, essenzjalment, li, fid-dawl tan-natura personali tar-responsabbiltà għat-twettiq ta’ ksur tad-dritt dwar il-kompetizzjoni, din tirrikonoxxi biss żewġ sitwazzjonijiet li fihom il-kumpannija parent tista’ tinżamm responsabbli għall-kondotta tas-sussidjarja tagħha, jiġifieri, minn naħa, meta s-sussidjarja ma ddeċidietx b’mod awtonomu l-politika kummerċjali tagħha, iżda applikat, fid-dimensjonijiet kollha tagħhom, l-istruzzjonijiet li ngħatat mill-kumpannija parent, li għandu jiġi pprovat mill-Kummissjoni, u, min-naħa l-oħra, meta l-kumpannija parent saret taf bl-aġir illeċitu tas-sussidjarja u ma temmitux filwaqt li kellha l-opportunità tagħmel dan. Issa, ma teżisti l-ebda prova f’dan is-sens fid-deċiżjoni kkontestata.

68      B’hekk, ir-responsabbiltà ta’ kumpannija parent ma tistax tkun ibbażata fuq il-kapaċità li tinfluwenza tagħha, kif sostnut fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004, tal-20 ta’ Jannar 2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40). Il-pożizzjoni tal-Kummissjoni timplika li kumpannija parent ma tkunx f’pożizzjoni li tkun tista’ tinnega l-preżunzjoni kif proposta minnha, peress li jkun impossibbli li kumpannija li żżomm il-kapital kollu ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata oħra ma jkollhiex, bi dritt, il-poter li teżerċita influwenza, ħlief fil-każ ta’ ċirkustanzi estremi. Barra minn hekk, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑146/07 tafferma li t-teżi tal-Kummissjoni tipprekludi l-preżunzjoni ta’ innoċenza żgurata mill-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEBD”), u mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, li ma jippermettix lill-Kummissjoni timponi multi ħlief meta l-ksur ikun twettaq b’mod deliberat jew minħabba negliġenza.

69      Qabel kollox, f’dan ir-rigward, għanu jiġi nnotat li l-argument tar-rikorrenti jirriżulta minn qari żbaljat tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 52 sa 61 iktar ’il fuq. Skont din il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni ma tistax, sabiex timputa l-aġir antikompetittiv ta’ kumpannija fuq oħra, tibbaża ruħha fuq is-sempliċi kapaċità ta’ influwenza ta’ tali kumpannija, kif sostnut fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 139/2004, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġi vverifikat jekk din l-influwenza ġietx effettivament eżerċitata. Bil-kontra, bħala prinċipju, hija l-Kummissjoni li għandha turi tali influwenza determinanti fuq il-bażi tal-elementi fattwali kollha, fosthom, l-eventwali poter ta’ direzzjoni ta’ waħda minn dawn il-kumpanniji fuq oħra. Madankollu, din il-ġurisprudenza, meta kumpannija parent tikkontrolla 100 % ta’ sussidjarja li adottat aġir li jikkostitwixxi ksur, teżisti preżunzjoni konfutabbli li tgħid li l-imsemmija kumpannija parent effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha u għaldaqstant huwa suffiċjenti li l-Kummissjoni turi li l-kapital kollu tas-sussidjarja huwa miżmum mill-kumpannija parent. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li hija l-kumpannija parent li għandha tinnega lil din il-preżunzjoni billi tressaq provi suffiċjenti ta’ natura li juru li s-sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq (sentenzi Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, punt 61 iktar ’il fuq, punt 29, u Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 53 iktar ’il fuq, punt 61).

70      Fil-kawża preżenti, huwa paċifiku li, waqt il-perijodu li fih seħħ il-ksur, UTC kellha 100 % tal-kapital ta’ OEC, u indirettament, permezz ta’ OEC, 100 % tal-kapital ta’ Otis Belġju, ta’ Otis Ġermanja u ta’ Otis il-Pajjiżi l-Baxxi. Għaldaqstant, huwa ġustament li l-Kummissjoni qieset li UTC, waqt il-perijodu li fih seħħ il-ksur, eżerċitat influwenza determinanti fuq il-politika soċjali ta’ dawn tal-aħħar. Għaldaqstant, ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑145/07 u T‑146/07 ma jistgħux isostnu li, fil-każ ta’ sussidjarji miżmuma bi 100 % mill-kumpannija parent tagħhom, il-Kummissjoni ikollha turi li s-sussidjarja ma ddeċidietx b’mod awtonomu l-politika kummerċjali tagħha, jew li l-kumpannija parent kienet taf bl-aġir illeċitu tas-sussidjarja u temmietux meta kellha s-setgħa tagħmel dan.

71      It-tieni nett, fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza, għandu jitfakkar li dan il-prinċipju, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 6(2) tal-KEDB, huwa parti mid-drittijiet fundamentali li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u kkonfermata, barra minn hekk, mill-Artikolu 6(2) UE kif ukoll mill-Artikolu 48(1) tal-Karta, huma rrikonoxxuti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Fid-dawl tan-natura tal-ksur inkwistjoni kif ukoll tan-natura u l-livell ta’ gravità tas-sanzjonijiet marbutin miegħu, il-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza japplika b’mod partikolari għall-proċeduri li jirrigwardaw ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ multi jew ta’ pagamenti ta’ penalità (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ April 2006, Degussa vs Il-Kummissjoni, T-279/02, Ġabra p. II-897, punt 115, u l-ġurisprudenza ċċitata).

72      Il-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza jimplika li kull persuna akkużata hija preżunta innoċenti sakemm tinstab ħatja skont il-liġi (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Ottubru 2005, Sumitomo Chemical u Sumika Fine Chemicals vs Il‑Kummissjoni, T‑22/02 u T‑23/02, Ġabra p. II-4065, punt 106).

73      Fir-rigward tal-punt dwar jekk regola li tirrigwarda l-imputabbiltà ta’ ksur bħal dik stipulata fil-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 96 iktar ’il fuq hijiex kompatibbli mal-Artikolu 6(2) tal-KEDB, għandu jiġi enfasizzat li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) ikkunsidrat li din id-dispożizzjoni ma tipprekludix preżunzjonijiet ta’ fatt jew ta’ liġi li jinsabu fil-liġijiet ripressivi iżda titlob sabiex dawn jiġu inklużi f’limiti raġonevoli illi jieħdu inkunsiderazzjoni l-gravità tal-kwistjoni u jirrispettaw id-drittijiet tad-difiża (ara Qorti EDB, is-sentenza Salabiaku vs Franza tas-7 ta’ Ottubru 1988, Serje A Nru 141 A, § 28; ara wkoll f’dan is-sens, Qorti EDB, sentenza Grayson u Barnham vs Ir-Renju Unit tat-23 ta’ Settembru 2008, Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet, 2008, § 40). B’hekk, ma jistax ikun hemm ksur tal-preżunzjoni tal-innoċenza, jekk fi proċeduri ta’ kompetizzjoni, ċerti konklużjonijiet isiru abbażi ta’ esperjenza komuni, sakemm l-impriżi kkonċernati jkollhom il-possibbiltà li jikkonfutaw dawn il-konklużjonijiet (ara, b’analoġija, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott inkonnessjoni mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Ġunju 2009, T Mobile Netherlands et, C-8/08, Ġabra p. I-4529, I-4533, punt 93).

74      F’din il-kawża, il-Kummissjoni, l-ewwel nett stabbilixxiet, fid-deċiżjoni kkontestata, mingħajr riferiment għal xi preżunzjoni ta’ fatt jew ta’ liġi, li s-sussidjarji Otis wettqu ksur tal-Artikolu 81 KE fil-Belġju, fil-Ġermanja u fil-Pajjiżi l-Baxxi.

75      Fid-dawl tal-fatt li l-Artikolu 81 KE jitkellem dwar l-aġir tal-impriżi, il-Kummissjoni sussegwentement eżaminat jekk l-entità ekonomika li wettqet dawn il-ksur kinitx tinkludi wkoll lill-kumpanniji parent tas-sussidjarji Otis. Hija stabbilixxiet li OEC u UTC eżerċitaw influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarji tagħhom billi bbażat ruħha fuq il-preżunzjoni ta’ responsabbiltà li tirriżulta b’mod partikolari mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 59 iktar ’il fuq. Fl-aħħar nett, sabiex jiġu rrispettati d-drittijiet tad-difiża, dawn il-kumpanniji parent, li kienu destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, kellhom il-possibbiltà li jirribattu din il-preżunzjoni billi jressqu provi li jistgħu juru l-awtonomija tas-sussidjarji tagħhom. Madankollu, fil-premessa 621 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-preżunzjoni ma ġietx ikkonfutata.

76      Peress li l-preżunzjoni msemmija fil-punt 59 iktar ’il fuq hija konfutabbli, u tikkonċerna biss l-imputazzjoni fuq il-kumpannija parent ta’ ksur diġà stabbilit fil-konfront tas-sussidjarja u li, barra minn hekk, hija parti minn proċedura li tirrispetta d-drittijiet tad-difiża, l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza għandu, konsegwentement, jiġi miċħud.

77      It-tielet nett, ir-rikorrenti fil-Kawżi T-145/07 u 146/07 ma jistgħux barra minn hekk jallegaw li l-prinċipju tan-natura individwali tal-pieni u tas-sanzjonijiet inkiser fil-kawża preżenti. Skont dan il-prinċipju, li hu applikabbli f’kull proċedura amministrattiva li tista’ tagħti lok għal sanzjonijiet skont ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, impriża ma għandhiex tiġi ppenalizzata ħlief għall-fatti li hi tiġi akkużata bihom individwalment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Diċembru 2001, Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il-Kummissjoni, T-45/98 u T-47/98, Ġabra p. II-3757, punt 63). Fil-fatt, ma hijiex relazzjoni ta’ istigazzjoni, fir-rigward tal-ksur bejn il-kumpannija parent u s-sussidjarja u inqas u inqas ma hija l-implikazzjoni tal-kumpannija parent fl-imsemmi ksur, iżda huwa l-fatt li dawn jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE li jawtorizza lill-Kummissjoni tindirizza d-deċiżjoni li timponi multi fuq il-kumpannija parent (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2003, Michelin vs Il-Kummissjoni, T-203/01, Ġabra p. II-4071, punt 290). F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li UTC u OEC ġew issanzjonati personalment għall-ksur li ġew akkużati li wettqu huma stess minħabba r-rabtiet ekonomiċi u ġuridiċi stretti li għaqduhom mas-sussidjarji Otis (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Metsä-Serla et vs Il-Kummissjoni, punt 56 iktar ’il fuq, punt 34). Isegwi li l-prinċipju tan-natura individwali tal-pieni u tas-sanzjonijiet ma nkisirx.

78      Għaldaqstant, hemm lok li jiġi konkluż li l-Kummissjoni setgħet ġustament tibbaża ruħha fuq il-preżunzjoni li OEC u UTC eżerċitaw influwenza deċiżiva fuq il-politika kummerċjali tas-sussidjarji Otis waqt il-perijodu tal-ksur (premessa 615 tad-deċiżjoni kkontestata).

79      Fil-kuntest tat-tieni parti, ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑145/07 u T‑146/07 isostnu li, anki fil-każ fejn iż-żamma ta’ 100 % tal-kapital ta’ kumpannija hija suffiċjenti sabiex tiġi sostnuta l-preżunzjoni ta’ responsabbiltà tal-kumpannija parent, huma pproduċew elementi suffiċjenti ta’ natura li jinnegaw din il-preżunzjoni, bil-kontra tal-affermazzjoni li tidher fil-premessa 619 tad-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk huwiex ġustament li l-Kummissjoni affermat, fil-premessa 621 tad-deċiżjoni kkontestata, li UTC u OEC ma kkonfutawx il-preżunzjoni ta’ responsabbiltà għall-ksur imwettaq mis-sussidjarji Otis.

80      L-ewwel nett, għandu jiġi miċħud l-argument ta’ UTC, ibbażat fuq l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-konklużjoni tal-Kummissjoni li tgħid li hija ma kkonfutatx il-preżunzjoni ta’ responsabbiltà. Skont ġurisprudenza stabbilita l-motivazzjoni mitluba mill-Artikolu 253 KE għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunijiet tal-awtorità tal-Unjoni, awtriċi tal-att ikkontestat, b’mod li l-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu bil-ġustifikazzjonijiet għall-miżuri li ttieħdu u li l-qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita s-setgħa ta’ stħarriġ tagħha (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C-367/95 P, Ġabra p. I-1719, punt 63, u tat-30 ta’ Settembru 2003, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-301/96, Ġabra p. I-9919, punt 87; is-sentenza Avebe vs Il-Kummissjoni, punt 58 iktar ’il fuq, punt 41). Issa, fil-kawża preżenti, il-Kummissjoni esponiet b’mod ċar, fil-premessi 616 sa 620 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 64 sa 66 iktar ’il fuq), ir-raġunijiet għalfejn hija kkunsidrat li UTC ma kkonfutatx l-imsemmija preżunzjoni.

81      It-tieni nett, għandu jitfakkar li, sabiex tiġi kkonfutata preżunzjoni ta’ responsabbiltà, il-kumpannija parent għandha tressaq provi suffiċjenti sabiex turi li s-sussidjarja tagħha aġġixxiet b’mod awtonomu fis-suq. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi vverifikat jekk, kif isostnu r-rikorrenti, tressqux tali provi.

82      L-ewwel nett, l-argument tar-rikorrenti fil-Kawża T‑146/07, li jipprovdi li UTC u OEC huma entitajiet ġurdiċi distinti mis-sussidjarji tagħhom, ma huwiex ta’ natura li jikkonfuta l-preżunzjoni msemmija iktar ’il fuq, peress li s-separazzjoni formali bejn il-kumpanniji, li tirriżulta mill-personalitajiet ġuridiċi distinti tagħhom, ma tipprekludix li dawn jistgħu jikkostitwixxu impriża waħda għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE, minħabba l-uniċità tal-aġir tagħhom fuq is-suq (ara l-punt 52 iktar ’il fuq).

83      It-tieni nett, is-separazzjoni tal-korpi ta’ direzzjoni u ta’ ġestjoni ta’ UTC u tas-sussidjarji Otis, u [kunfidenzjali] bejn il-kunsill ta’ amministrazzjoni ta’ OEC u dawn l-imsemmija sussidjarji waqt il-perijodu ta’ ksur, invokati mir-rikorrenti fil-Kawżi T‑145/07 u T‑146/07, ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala determinanti. Fil-fatt, hekk kif tinnota b’mod partikolari l-Kummissjoni fil-premessa 618 tad-deċiżjoni kkontestata, [kunfidenzjali] ma jistax, bħala tali, juri li s-sussidjarji Otis jiddeterminaw b’mod awtonomu l-politika kummerċjali tagħhom. F’kull każ, għandu jiġi kkonstatat li dawn l-affermazzjonijiet ma humiex sostnuti minn provi dokumentarji, bħal-lista nominattiva tal-membri tal-entitajiet statutorji tal-imsemmija impriżi fil-perijodu ta’ meta seħħ il-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Ottubru 2008, Schunk u Schunk Kohlenstoff-Technik vs Il-Kummissjoni, T-69/04, Ġabra p. II-2567, punt 69).

84      It-tielet nett, il-kwalità ta’ UTC bħala kumpannija holding ta’ konglomerat varjat, fejn is-sorveljanza tal-attivitajiet ta’ OEC hija limitata għal dak li kien meħtieġ mill-obbligi imposti fuq UTC, fil-konfront tal-azzjonisti tagħha, abbażi tad-dritt applikabbli, lanqas ma hija ta’ natura li tikkonfuta l-preżunzjoni ta’ responsabbiltà. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar preċiżament li, fil-kuntest ta’ grupp ta’ kumpanniji, holding hija kumpannija li hija intiża li tiġbor flimkien l-ishma f’diversi kumpanniji u li għalhekk il-funzjoni tagħha hija li tiżgura l-unità tat-tmexxija tagħhom (is-sentenza Schunk u Schunk Kohlenstoff-Technik vs Il-Kummissjoni, punt 83 iktar ’il fuq, punt 63). Barra minn hekk, fil-kawża preżenti, UTC stess sostniet, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u fir-rikors tagħha, diversi provi li jimplikawaha fid-determinazzjoni tal-politika kummerċjali tas-sussidjarja tagħha li jissuġġerixxu li s-sussidjarji Otis ma jiddeterminawx l-aġir tagħhom fis-suq b’mod awtonomu. [kunfidenzjali]

85      Ir-raba’ nett, bil-kontra ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti fil-Kawżi T‑145/07 u T‑146/07, l-applikazzjoni ta’ politika formali u bil-miktub ta’ rispett tar-regoli ta’ kompetizzjoni ma tistax tikkonfuta l-preżunzjoni ta’ responsabbiltà ta’ OEC u ta’ UTC għall-aġir tas-sussidjarji tagħhom. Fil-fatt, l-applikazzjoni ta’ tali politika ma tippermettix li jintwera li l-imsemmija sussidjarji jiddeterminaw b’mod awtonomu l-politika kummerċjali tagħhom fis-suq. Il-fatt li UTC u OEC jiżguraw l-implementazzjoni ta’ tali politika [kunfidenzjali] jew ukoll il-fatt, enfasizzat minn OEC fir-rikors li hija [kunfidenzjali] qishom iktar isostnu t-teżi li tipprovdi li s-sussidjarji Otis ma jaġġixxux b’awtonomija.

86      F’dan il-kuntest, hemm ukoll lok li jiġu miċħuda l-argumenti tar-rikorrenti fil-Kawża T‑145/07, li jipprovdu, minn naħa, li l-fatt li kumpannija tqassam xi regoli jew Linji gwida kummerċjali bbażati fuq ċerti prinċipji ma jurux kontroll fuq id-dettalji kollha tal-aġir ta’ kuljum tas-sussidjarja tagħha, u, min-naħa l-oħra, imur kontra s-sens komun u l-prinċipji elementarji tal-ġustizzja li jintużaw xi istruzzjonijiet, stabbiliti sabiex jipprevjenu aġir legali, sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà għal dan l-aġir meta dawn l-istruzzjonijiet ma ġewx osservati. Fil-fatt, dawn l-argumenti huma bbażati fuq il-premessa żbaljata li tipprovdi li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-eżistenza tal-imsemmija regoli u Linji gwida sabiex issostni r-responsabbiltà ta’ OEC, li ma huwiex il-każ fil-kawża preżenti, peress li l-Kummissjoni bbażat ruħa, fil-premessa 615 tad-deċiżjoni kkontestata, fuq il-preżunzjoni ta’ responsabbiltà affermata minn ġurisprudenza stabbilita (ara l-punti 59 u 60 iktar ’il fuq).

87      Il-ħames nett, il-fatt, enfassizzat mir-rikorrenti fil-Kawża T‑146/07, li ċerti impjegati kienu aġġixxew kontra l-istruzzjonijiet ta’ UTC, b’mod partikolari billi ħbew l-aġir tagħhom mis-superjuri tagħhom u minn UTC, ma jistax jikkonfuta l-preżunzjoni ta’ nuqqas ta’ awtonomija tas-sussidjarji kkonċernati. F’dan ir-rigward, id-distinzjoni mwettqa minn UTC bejn, minn naħa, is-sussidjarji Otis u, min-naħa l-oħra, l-impjegati ta’ dawn is-sussidjarji, li kienu wettqu l-ksur u ħbew l-aġir tagħhom mis-superjuri tagħhom u minn UTC hija artifiċjali. L-imsemmija impjegati jinsabu, fil-konfront tas-sussidjarji Otis li jimpjegawhom, f’relazzjoni li hija kkaratterizzata mill-fatt li huma jaħdmu għal u taħt id-direzzjoni ta’ kull waħda minnhom, u huma integrati, waqt il-perijodu li ddum din ir-relazzjoni, fl-imsemmija impriżi, u b’hekk jifformaw unità ekonomika ma’ kull waħda minnhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 1975, Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, 40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, Ġabra p. 1663, punt 539, u tas-16 ta’ Settembru 1999, Becu et, C-22/98, Ġabra p. I-5665, punt 26).

88      Is-sitt nett, fir-rigward tal-argument imqajjem mir-rikorrenti fil-Kawża T‑145/07, li jipprovdi li s-sussidjarji Otis jiddisponu minn “grad suffiċjenti ta’ awtonomija”, sabiex jiddeterminaw l-aspetti kollha tal-aġir tagħhom fuq is-suq, fir-rigward tal-klijenti u tal-kompetituri, kif ukoll minn “awtonomija neċessarja” sabiex iwettqu l-attivitajiet kummerċjali li jimplikaw tranżjazzjonijiet [kunfidenzjali], għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija rikorrenti ma jsostnux li s-sussidjarji aġixxew b’mod kompletament awtonomu fis-suq, iżda, bil-kontra, li kellhom biss awtonomija relattiva, limitata għal attivitajiet kummerċjali partikolari.

89      It-tielet nett, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti fil-Kawża T‑146/07, li jipprovdi li r-responsabbiltà prevista fil-punt 59 iktar ’il fuq tkun preżunzjoni inkonfutabbli meta tikkostitwixxi sistema ta’ responsabbiltà stretta. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat in-natura konfutabbli tal-preżunzjoni fis-sentenza riċenti tagħha Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 53 iktar ’il fuq (punti 60 u 61). Fil-kawża preżenti, il-fatt li r-rikorrenti ma pproduċewx provi ta’ natura li jikkonfutaw il-preżunzjoni tan-nuqqas ta’ awtonomija tas-sussidjarji ma ffissirx li l-preżunzjoni qatt ma tista’ tiġi kkonfutata (ara f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fis-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 53 iktar ’il fuq, Ġabra p. I-8241, punt 75, u nota ta’ qiegħ il-paġna 67).

90      Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni ġustament imputat il-ksur imwettaq mis-sussidjarji Otis fil-Belġju, fil-Ġermanja u fil-Pajjiżi l-Baxxi fuq il-kumpanniji parent tagħhom OEC u UTC.

 Fuq l-imputazzjoni tal-ksur imwettaq minn GTO fuq GT, Otis Belġju, OEC u UTC

–       Id-deċiżjoni kkontestata

91      Fil-premessa 626 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li GT, li kellha [kunfidenzjali] % tal-kapital ta’ GTO fiż-żmien meta twettaq il-ksur, u Otis Belġju, li kellha l-bqija, jiġifieri [kunfidenzjali] %, kellhom “jinżammu responsabbli in solidum ma’ GTO għall-ksur tal-Artikolu 81 [KE] li seħħ fil-Lussemburgu”. Hija spjegat, minn naħa, li, minħabba “ir-rabtiet stretti personali, ekonomiċi u ġuridiċi bejn GTO u ż-żewġ kumpanniji parent tagħha, dawn [kienu] ikkunsidrati bħala li jifformaw unità ekonomika […] u [kien] sar magħruf li GTO ma [kinitx] iddeċidiet b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, iżda li [kienet] wettqet, essenzjalment, istruzzjonijiet li [kienu] ingħatawla mill-kumpanniji parent” (premessa 622 tad-deċiżjoni kkontestata). Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni kkunsidrat li “Otis Belġju u GT ma [kinux] ikkonfutaw il-prova li tipprovdi li kienu f’pożizzjoni li jeżerċitaw influwenza deċiżiva fuq il-politika kummerċjali ta’ GTO, li [kienu] effettivament eżerċitaw id-drittijiet u ta’ kontroll tagħhom u għamlu użu minn mezzi oħra sabiex jeżerċitaw l-influwenza deċiżiva tagħhom” (premessa 626 tad-deċiżjoni kkontestata).

92      Fir-rigward tal-eżerċizzju minn GT u minn Otis Belġju ta’ influwenza deċiżiva fuq il-politika kummerċjali ta’ GTO, il-Kummissjoni osservat, fil-premessa 622 tad-deċiżjoni kkontestata:

“[…] [kunfidenzjali] Konsegwentement, il-Kummissjoni tqis li, fil-perijodu li fih seħħ il-ksur fil-Lussemburgu, GTO eżerċitat attivitajiet taħt il-kontroll komuni ta’ Otis [Belġju] u ta’ GT u li l-politika kummerċjali ta’ GTO kienet iddeterminata mill-ftehim komuni taż-żewġ azzjonisti. Barra minn hekk, il-kumpanniji parent huma marbuta mal-operat ta’ GTO fil-Lussemburgu bl-eżempji li ġejjin: [kunfidenzjali].”

93      Fil-punt 623 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tfakkar li, “il-fatt li l-attivitajiet kurrenti ta’ sussidjarja huma ġestiti biss mid-diretturi tas-sussidjarja ma huwiex fattur deċiżi waqt l-imputazzjoni tar-responsabbiltà fuq il-kumpannija parent” u żżid fil-premessa 624 li, “minħabba il-fatt tat-tqassim ta’ drittijiet ta’ vot bejn l-azzjonisti fil-kunsill amministrattiv ta’ GTO” [kunfidenzjali] għandu jiġi kkunsidrat li “kull deċiżjoni kbira adottata minn GTO waqt il-perijodu li fih seħħ il-ksur jirrifletti neċessarjament ir-rieda ta’ Otis [Belġju] u dik ta’ GT”.

94      Fir-rigward tal-argument imressaq minn GT, li jipprovdi li hija ma kinitx f’pożizzjoni sabiex teżerċita influwenza deċiżiva fuq it-tfassil tal-istrateġija kummerċjali ta’ GTO, il-Kummissjoni tispjega wkoll fil-premessa 625 tad-deċiżjoni kkontestata:

“[kunfidenzjali].”

95      Fl-aħħar, fil-premessa 622 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkonstata li “OEC u UTC għandhom ukoll jinżammu responsabbli [għall-aġir antikompetittiv ta’ GTO], [UTC] peress li hija l-kumpannija parent ewlenija bi 100 % ta’ Otis [Belġju]. Via Otis [Belġju], OEC u UTC kienu f’pożizzjoni li jeżerċitaw influwenza deċiżiva fuq il-politika kummerċjali ta’ GTO waqt il-perijodu li fih seħħ il-ksur kollu u jista’ jiġi preżunt li għamlet użu minn dan il-poter”.

–       Fuq l-imputazzjoni tal-ksur imwettaq minn GTO fuq GT

96      Ir-rikorrenti fil-Kawża T‑142/07 issostni, l-ewwel nett, li l-Kummissjoni ma mmotivatx suffiċjentement fil-liġi l-implikazzjoni ta’ GT fil-ksur li twettaq fil-Lussemburgu.

97      Kif tfakkar fil-punt 80 iktar ’il fuq, il-motivazzjoni mitluba mill-Artikolu 253 KE għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunijiet tal-awtorità tal-Unjoni, awtriċi tal-att ikkontestat, b’mod li l-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu bil-ġustifikazzjonijiet għall-miżuri li ttieħdu u li l-qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita s-setgħa ta’ stħarriġ tagħha. Issa, hekk kif tfakkar fil-punti 91 sa 93 iktar ’il fuq, mill-premessa 622 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni kkunsidrat li, waqt il-perijodu li fih seħħ il-ksur fil-Lussemburgu, GTO wettqet attivitajiet taħt il-kontroll komuni ta’ Otis Belġju u ta’ GT. Fir-rigward tal-imputazzjoni ta’ GT, il-Kummissjoni rrilevat fil-premessa 625 tad-deċiżjoni kkontestata [kunfidenzjali].

98      Minn dan jirriżulta li l-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni għandu jiġi miċħud.

99      It-tieni nett, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑142/07 tikkontesta l-fondatezza tal-imputazzjoni fuq GT tal-ksur imwettaq minn GTO.

100    Ir-rikorrenti fil-Kawża T‑142/07, tallega li l-Kummissjoni ma stabbilietx li GT eżerċitat influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ GTO fis-suq. Hija tirreferi f’dan ir-rigward, għall-fatt li GT hija kumpannija ta’ natura purament finanzjarja mingħajr attività kummerċjali tagħha stess, fejn ir-riżultati jirriżultaw biss mill-prodotti tal-holdings tagħha. Hija qatt ma wettqet dħul mill-bejgħ, qatt ma kellha impjegati u qatt ma kellha spejjeż tal-operat. Barra minn hekk, il-holding ta’ GT f’GTO hija holding minoritarju, li qatt ma mar lil hinn minn dak li huwa neċessarju għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji ta’ GT.

101    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li fil-kuntest tad-dritt tal-kompetizzjoni, il-kunċett ta’ impriża jinkludi kull entità li twettaq attività ekonomika, indipendentement mill-istatus ġuridiku ta’ din l-entità u l-mod kif tiġi ffinanzjata. Is-sempliċi żamma ta’ ishma, anki ta’ kontroll, ma huwiex biżżejjed li jikkaratterizza attività ekonomika tal-korp detentur ta’ dawn l-ishma, meta dawn ma jagħtux lok ħlief għall-eżerċizzju ta’ drittijiet marbuta mal-kwalità ta’ azzjonist jew ta’ membru, kif ukoll, jekk ikun il-każ, għall-ġbir ta’ dividendi, sempliċi frott ta’ proprjetà ta’ beni. Bil-kontra, entità li filwaqt li żżomm ishma ta’ kontroll f’kumpannija, teżerċita effettivament dan il-kontroll billi tipparteċipa direttament jew indirettament fl-amministrazzjoni tagħha għandha tiġi kkunsidrata li tagħmel parti mill-attività ekonomika eżerċitata mill-impriża kkontrollata (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et, C-222/04, Ġabra p. I-289, punti 107, 111 u 112).

102    Fil-kawża preżenti, minkejja li GT żammet biss [kunfidenzjali] % tal-kapital azzjonarju ta’ GTO, għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif jirriżulta mill-ftehim tad-direzzjoni u tal-ġestjoni [kunfidenzjali] konkluż bejn GTO u GT (iktar il-quddiem, il-“ftehim tal-1987”) u mill-ftehim tad-direzzjoni u tal-ġestjoni [kunfidenzjali] konkluż bejn GTO u M.D. (iktar il-quddiem il-“ftehim tal-1995”), il-ġestjoni [kunfidenzjali]. Issa, skont il-kliem tal-ftehim tal-1987 u tal-ftehim tal-1995, il-ġestjoni [kunfidenzjali] ġiet attribwita inizjalment lil GT u wara lil M.D. [kunfidenzjali].

103    Abbażi tal-ftehim tal-1987 u tal-ftehim tal-1995, id-delegat [kunfidenzjali]. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-analiżi tal-eżistenza ta’ entità ekonomika bejn diversi kumpanniji li jagħmlu parti minn grupp, tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni l-influwenza tal-kumpannija parent fuq il-politika tal-prezz, l-attività ta’ produzzjoni u ta’ distribuzzjoni, l-għanijiet tal-bejgħ, il-marġni gross, l-ispejjeż tal-bejgħ, il-“cash flow”, l-istoks u l-kummerċjalizzazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-12 ta’ Diċembru 2007, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, T-112/05, Ġabra p. II-5049, punt 64, u l-ġurisprudenza ċċitata), iżda wkoll l-elementi rilevanti kollha li jirrigwardaw ir-rabtiet ekonomiċi, organizzazzjonali u ġuridiċi li jgħaqqdu lil dawn l-imsemmija kumpanniji, li jistgħu jvarjaw skont il-każ u għaldaqstant ma jistgħux jiġu elenkati b’mod eżawrjenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 53 iktar ’il fuq, punt 74). Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni setgħet tikkunsidra ġustament li GT u, mill-1995, M.D., [kunfidenzjali], eżerċitaw influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ GTO.

104    Barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat li M.D. stess pparteċipat f’laqgħat antikompetittivi previsti fl-Artikolu 1(3) tad-deċiżjoni kkontestata (ara t-tabelli 8 u 10 li jidhru fil-premessa 311 u 347 tad-deċiżjoni kkontestata), [kunfidenzjali] mill-1 ta’ Jannar 1996, u li, għaldaqstant, GT kienet perfettament informata dwar l-aġir ta’ GTO u implikata fihom. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali diġà kkunsidrat li l-aġir antikompetittiv ta’ sussidjarja jista’ jiġi imputat fuq il-kumpannija parent, meta jeżistu provi preċiżi tar-responsabbiltà attiva tal-kumpannija parent fl-aġir antikompetittiv tas-sussidjarja. Dan huwa manifestament il-każ fil-kawża preżenti, [kunfidenzjali] (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, KNP BTvs Il-Kummissjoni, T-309/94, Ġabra p. II-1007, punt 47). F’dan ir-rigward, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 87 iktar ’il fuq, M.D. ma tistax tiġi disassoċjata minn GT, [kunfidenzjali], iżda bil-kontra, għandha tiġi kkunsidrata bħala li tifforma unità ekonomika magħha.

105    Minn dak li ntqal qabel, il-Kummissjoni stabbiliet suffiċjentement fil-liġi li GT eżerċitat influwenza determinanti fuq l-aġir fis-suq ta’ GTO. Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq l-imputazzjoni allegatament illegali tal-aġir ta’ GTO fuq GT għandu jiġi miċħud.

–       Fuq l-imputazzjoni tal-ksur imwettaq minn GTO fuq Otis Belġju, OEC u UTC

106    Ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑141/07 u T‑145/07 isostnu li l-Kummissjoni ma stabbilietx suffiċjentement fil-liġi li Otis Belġju, OEC u UTC kienu responsabbli għall-aġir ta’ GTO.

107    L-ewwel nett, huma jirrelevaw li ż-żamma minn Otis Belġju, OEC u UTC ta’ sehem f’GTO ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġi imputat fuqhom il-ksur ta’ din tal-aħħar. B’hekk, il-kunċett ta’ kontroll konġunt, użat mill-Kummissjoni, huwa rrilevanti. Skont il-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni, li ġiet ikkonfermata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha Avebe vs Il-Kummissjoni, punt 58 iktar ’il fuq, il-kumpanniji parent li jżommu sehem f’impriża komuni ma jistax jinzammu responsabbli għall-prattiki antikompetittivi ta’ din tal-aħħar ħlief jekk ipparteċipaw f’tali prattiċi jew jekk kienu jafu bihom.

108    Qabel kollox, fir-rigward tal-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni li fuqha jibbażaw ruħhom ir-rikorrenti fil-Kawżi T-141/07 u T-145/07, għandu jiġi rrilevat li l-evalwazzjoni tal-eżistenza eventwali tal-kontroll konġunt tal-kumpanniji parent fuq is-sussidjarja tagħhom għandha titwettaq skont il-fatti proprji ta’ kull kawża. Konsegwentement, l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fuq iċ-ċirkustanzi fattwali tal-każijiet preċedenti ma jistgħux jiġu trasposti f’dan il-każ partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-9 ta’ Lulju 2007, Sun Chemical Group et vs Il-Kummissjoni, T‑282/06, Ġabra p. II-2149, punt 88). Għandu jitfakkar ukoll li d-deċiżjonijiet li jirrigwardaw kawżi oħra jista’ jkollhom biss natura indikattiva peress li d-data ċirkustanzjali tal-kawżi ma hijiex identika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Settembru 2006, JCB Service vs Il-Kummissjoni, C‑167/04 P, Ġabra p. I-8935, punti 201 u 205, u tas-7 ta’ Ġunju 2007, Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni, C‑76/06 P, Ġabra p. I-4405, punt 60).

109    Bil-kontra ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti fil-Kawżi T‑141/07 u T‑145/07, fis-sentenza tagħha Avebe vs Il-Kummissjoni, punt 58 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali qatt ma ordnat li l-Kummissjoni turi, għall-finijiet tal-imputazzjoni fuq kumpannija parent tal-aġir antikompetittiv ta’ sussidjarja konġunta, li l-kumpannija parent stess kienet ipparteċipat fl-akkordju jew li kellha konnoxxenza tal-parteċipazzjoni tas-sussidjarja fl-akkordju. F’din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li s-sitwazzjoni li fiha l-kumpanniji parent ta’ sussidjarja li jikkontrollaw l-ishma kollha tal-imsemmija sussidjarja u li jiddisponu minn setgħa direzzjonali konġunta fuqha tikkostitwixxi sitwazzjoni analoga għal dik fl-oriġini tas-sentenza Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, punt 61 iktar ’il fuq, li fiha kumpannija parent unika kkontrollat bi 100 % lis-sussidjarja tagħha, sabiex tistabbilixxi l-preżunzjoni li l-imsemmija kumpannija parent eżerċitat effettivament influwenza fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha. Għandu jiġi enfassizzat b’mod partikolari li l-Qorti Ġenerali innotat, f’din il-kawża, li ż-żewġ assoċjati b’ 50 % tal-impriża komuni inkwistjoni, setgħu biss jaġixxu u jiffirmaw b’mod konġunt f’isem l-impriża komuni, sabiex jorbtuha f’obbligi lejn partijiet terzi u sabiex iqabbdu terzi għaliha u sabiex jirċievu u jonfqu fondi f’isimha. Barra minn hekk, il-ġestjoni ta’ kuljum kienet ir-responsabbiltà ta’ żewġ diretturi, maħtura rispettivament mill-kumpanniji parent. Fl-aħħar, dawn tal-aħħar assumew l-impenji tal-impriża b’mod illimitat u in solidum. Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li, fit-totalità tagħhom, l-elementi fattwali kkostitwew indikazzjonijiet suffiċjentement importanti sabiex tiġi bbażata fuqhom il-preżunzjoni li tipprovdi li l-kumpanniji parent iddeterminaw b’mod konġunt l-inzjattiva fis-suq tas-sussidjarja tagħhom, sa tali punt, li din setgħet titqies bħala li ma tiddisponi minn l-ebda awtonomija reali f’dan ir-rigward (is-sentenza Avebe vs Il-Kummissjoni, punt 58 iktar ’il fuq, punti 138 u 139).

110    Fil-kawża preżenti, bil-kontra ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti fil-Kawżi T‑141/07 u T‑145/07, il-Kummissjoni ma bbażatx ruħha fuq is-sempliċi sehem ta’ Otis Belġju u, indirettament, ta’ OEC u ta’ UTC fil-kapital tas-sussidjarja tagħhom sabiex tistabbilixxi r-responsabbiltà tagħhom. Fil-fatt, fil-premessa 622 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset, minn naħa [kunfidenzjali]. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni kkunsidrat li Otis Belġju kienet ukoll marbuta mat-tmexxija ta’ GTO fil-Lussemburgu b’diversi modi [kunfidenzjali] (premessa 622 tad-deċiżjoni kkontestata).

111    It-tieni nett, ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑141/07 u T‑145/07 jaffermaw li Otis Belġju, OEC u UTC ma kinux f’pożizzjoni sabiex jinfluwenzaw il-politika kummerċjali ta’ GTO. B’mod partikolari, ir-rwol ta’ Otis Belġju kien limitat għal kontribuzzjoni ta’ kapital u ġbir ta’ dividendi. Billi bbażaw ruħhom b’mod partikolari fuq il-ftehim tal-1987, li kien ta l-ġestjoni [kunfidenzjali] ta’ GTO lil GT, u fuq il-ftehim tal-1995, li kien ta l-ġestjoni ta’ din lil M.D., ir-rikorrenti affermaw li Otis Belġju ma kellhiex il-poter sabiex tintervjeni fil-ġestjoni ta’ GTO u lanqas sabiex taħtar persuni sabiex jirrapreżentaw lil GTO, fis-sens li Otis Belġju ma tistax tinsab responsabbli għall-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ GTO. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi eżaminat jekk il-provi mressqa mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata jistabbilixxux suffiċjentement fil-liġi l-eżerċizzju minn Otis Belġju ta’ influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ GTO.

112    Skont l-Artikolu 8 tal-istatuti ta’ GTO, id-deċiżjonijiet tal-kunsill amministrattiv ta’ GTO jittieħdu permezz ta’ maġġoranza ta’ 80 % tal-voti. Fid-dawl tal-fatt li GTO inżammet bi [kunfidenzjali] % minn Otis Belġju, il-bqija ta’ [kunfidenzjali] % inżammew minn GT, u peress li abbażi tal-Artikolu 7 tal-istatuti ta’ GTO, kull soċju huwa rrappreżentat fil-kunsill amministrattiv tal-kumpannija bi proporzjon tas-sehem tiegħu fil-kapital, Otis Belġju neċessarjament, permezz tar-rappreżentant jew rappreżentanti tagħha fil-kunsill amminsitrattiv, waqt il-perijodu li fih seħħ il-ksur kollu, tat il-kunsens tagħha għad-deċiżjonijiet kollha tad-deċiżjonijiet tal-kunsill amministrattiv li għandhom jittieħdu b’maġġoranza ta’ 80 % tal-voti. Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat f’dan ir-rigward, li l-quorum stabbilit għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet tal-kunsill amminsitrattiv ta’ GTO ġie ffissat flimkien ma’ GT u Otis Belġju fl-att kostituttiv ta’ GTO.

113    Skont l-Artikolu 8 tal-istatuti ta’ GTO, il-kunsill amminsitrattiv kien kompetenti fir-rigward ta’ dak kollu li ma huwiex irriżervat għall-assoċjati bil-liġi, jew mill-istatuti. Il-kunsill amminsitrattiv seta’ jiddelega s-setgħat ta’ ġestjoni ta’ kuljum lil amministratur. Skont din id-dispożizzjoni, il-ġestjoni ta’ kuljum ta’ GTO kienet madankollu limitata, għal dak kollu li ma kienx irriżervat għall-kunsill amminsitrattiv u li jeħtieġ l-approvazzjoni bi 80 % tal-membri tiegħu. Barra minn hekk, skont it-tielet riżoluzzjoni tal-kunsill amminsitrattiv ta’ GTO [kunfidenzjali], ikkonfermata bid-deċiżjoni tal-kunsill amminsitrattiv ta’ GTO [kunfidenzjali], il-kunsill amminsitrattiv ta’ GTO iddispona minn kompetenzi speċifiċi li ma setax jiddelega, [kunfidenzjali]. Għandu jiġi kkonstatat minn naħa li, l-imsemmija kompetenzi tal-kunsill amminsitrattiv, waqgħu taħt id-determinazzjoni tal-politika kummerċjali ta’ GTO, b’mod partikolari [kunfidenzjali] u, min-naħa l-oħra, it-twettiq tal-kompetenzi tiegħu kien neċessarjament jeħtieġ l-approvazzjoni tar-rappreżentant jew rappreżentanti ta’ Otis Belġju fi ħdan il-kunsill amminsitrattiv ta’ GTO.

114    B’risposta għal domanda bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑141/07 barra minn hekk indikat li eżami tal-arkivji disponibbli wera li l-kunsill amminsitrattiv ta’ GTO ma kienx wettaq il-kompetenzi msemmija iktar ’il fuq li kienu rriżervati għalih permezz tar-riżoluzzjoni tal-10 ta’ Frar 1987. [kunfidenzjali]

115    Minkejja l-elementi msemmija fil-punti 112 sa 114 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑141/07 u T‑145/07 isostnu li Otis Belġju, OEC u UTC ma kinux f’pożizzjoni li jeżerċitaw influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ GTO, peress li l-ġestjoni [kunfidenzjali], iddefinita b’mod wiesgħa ħafna fil-ftehim tal-1987 u fil-ftehim tal-1995 [kunfidenzjali], kienet ingħatat, l-ewwel lil GT, u wara lil M.D. Huma jallegaw li, bil-kontra ta’ dak li tafferma l-Kummissjoni fil-premessa 622 tad-deċiżjoni kkontestata, [kunfidenzjali]. GTO kienet għaldaqstant amminitrata b’mod operattiv f’awtonomija totali minn M.D. waqt il-perijodu kollu li fih seħħ il-ksur.

116    Għalkemm, kif jenfasizzaw  ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑141/07 u T‑145/07, u hekk kif ġie rrilevat fil-punt 102 iktar ’il fuq, is-setgħat ta’ ġestjoni [kunfidenzjali] fdati lil M.D. kienu [kunfidenzjali], l-istatuti ta’ GTO ipprovdew madankollu, b’mod espress, fl-Artikolu 8 tagħhom, li “[d]in il-ġestjoni ta’ kuljum kienet madankollu limitata u [li] dak kollu li [kien] jagħmel parti minnha [kien] irriżervat għall-kunsill [amministrattivi] u [kien] jeħtieġ l-approvazzjoni ta’ 80 % tal-membri tal-kunsill [amminsitrattiv]”.

117    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfassizzat li, b’risposta għal domanda bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑141/07 ipproduċiet il-proċessi-verbali ta’ xi laqgħat tal-kunsill amministrattiv li nżammew waqt il-perijodu li fih seħħ il-ksur. [kunfidenzjali]

118    Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, huwa ġustament li l-Kummissjoni qieset, fil-premessa 622 tad-deċiżjoni kkontestata, li kull deċizjoni importanti fi ħdan GTO kellha tittieħed b’maġġoranza ta’ 80 % tal-voti, u li, għaldaqstant, waqt il-perijodu li fih seħħ il-ksur fil-Lussemburgu, GTO eżerċitat l-attivitajiet tagħha taħt il-kontroll komuni ta’ Otis Belġju u ta’ GT u li l-politika kummerċjali ta’ GTO kienet iddeterminata permezz tal-ftehim komuni taż-żewġ azzjonisti tagħha. Konsegwentement, il-Kummissjoni setgħet tikkunsidra li Otis Belġju u GT kellhom jinżammu responsabbli għall-ksur ta’ GTO fil-Lussemburgu.

119    Inkwantu, hekk kif ġie rrilevat fil-punti 63 sa 90 iktar ’il fuq, OEC u UTC jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li eżerċitaw influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ Otis Belġju, huwa wkoll ġustament li l-Kummissjoni qieset, fil-premessa 622 tad-deċiżjoni kkontestata, li OEC u UTC kellhom jinżammu responsabbli għall-ksur ta’ GTO.

120    Peress li mill-iżviluppi preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni ġustament żammet responsabbli lil Otis Belġju, OEC u UTC għall-ksur ta’ GTO, ma hemmx lok li jiġi eżaminat l-argument tar-rikorrenti fil-Kawżi T‑141/07 u T‑145/07, li jipprovdi li l-parteċipazzjoni ta’ Otis Belġju fl-akkordju fil-Belġju huwa irrilevanti.

–       Fuq il-ksur tad-drittijiet ta’ difiża

121    Ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑141/07 u T‑145/07 isostnu li d-drittijiet ta’ difiża tagħhom inkisru, minħabba n-nuqqas ta’ referenza, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, [kunfidenzjali], li fuqha l-Kummissjoni bbażat ruħha fil-premessa 622 tad-deċiżjoni kkontestata sabiex tistabbilixxi li Otis Belġju kienet marbuta mal-operat ta’ GTO [kunfidenzjali].

122    Hija ġurisprudenza stabbilita li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża f’kull proċedura li tista’ twassal għal penali, b’mod partikolari għal multi jew għal penali perijodiċi, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, li għandu jiġi osservat anki jekk tkun proċedura ta’ natura amministrattiva. F’dan ir-rigward, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tikkostitwixxi l-garanzija proċedurali li tapplika l-prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju li jeżiġi r-rispett tad-drittijiet tad-difiża f’kull proċedura. Dan il-prinċipju jeħtieġ b’mod partikolari, li dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet indirizzata mill-Kummissjoni lil impriża li fil-konfront tagħha hija għandha l-intenzjoni timponi sanzjoni għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tinkludi l-elementi essenzjali meqjsua kontriha, bħall-fatti allegati, il-kwalifika li tingħatalhom u l-provi li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża ruħha, sabiex din l-impriża tkun f’pożizzjoni li ssostni l-argumenti tagħha b’mod effikaċi fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva mressqa kontriha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-3 ta’ Settembru 2009, Papierfabrik August Koehler et vs Il-Kummissjoni, C-322/07 P, C-327/07 P u C-338/07 P, Ġabra p. I-7191, punti 34 sa 36, u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll is-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, C-534/07 P, Ġabra p. I-7415, punt 26).

123    Ir-rispett tad-drittijiet ta’ difiża jirrikjedi li l-impriża kkonċernata tkun tpoġġiet fil-pożizzjoni, sa mill-fażi tal-proċedura amministrattiva, li tressaq l-opinjoni tagħha b’mod effettiv fuq il-verità u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati kif ukoll fuq id-dokumenti miżmuma mill-Kummissjoni sabiex issostni l-eżistenza ta’ ksur fir-rigward tagħha (ara s-sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I-123, punt 66, u l-ġurisprudenza ċċitata).

124    F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita n-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ dokument jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża biss jekk l-impriża kkonċernata turi, minn naħa, li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq dan id-dokument sabiex issostni l-ilment tagħha dwar l-eżistenza ta’ ksur u, min-naħa l-oħra, li dan l-ilment seta’ biss jiġi pprovat permezz ta’ riferiment għall-imsemmi dokument. Jekk jeżistu dokumenti ta’ prova oħra li l-partijiet kienu jafu bihom matul il-proċedura amministrattiva li jsostnu b’mod speċifiku l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni, l-eliminazzjoni bħala prova tad-dokument inkriminanti li ma ġiex ikkomunikat ma taffettwax il-fondatezza tal-oġġezzjoni msemmija fid-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, hija l-impriża kkonċernata li għandha turi li r-riżultat li waslet għalih il-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha kien ikun differenti li kieku dokument mhux ikkomunikat, li fuqu l-Kummissjoni kienet ibbażat ruħha sabiex tinkrimina lil din l-impriża, ma kienx jiġi kkunsidrat bħala prova kontriha (sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 123 iktar ’il fuq, punti 71 sa 73).

125    Fil-kawża preżenti, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li, peress li mill-punti 106 sa 118 iktar ’il fuq jirriżulta li, indipendentement mill-eżistenza, [kunfidenzjali], huwa ġustament li l-Kummissjoni qieset, fil-premessa 622 tad-deċiżjoni kkontestata li, waqt il-perijodu li fih seħħ il-ksur fil-Lussemburgu, GTO wettqet l-attivitajiet tagħha taħt il-kontroll konġunt ta’ Otis Belġju u ta’ GT u li l-politika kummerċjali ta’ GTO kienet iddeterminata permezz tal-ftehim komuni taż-żewġ azzjonisti tagħha, l-irregolarità allegatament adottata mill-Kummissjoni minħabba n-nuqqas ta’ referenza, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, [kunfidenzjali] ma jistax jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet ta’ difiża tar-rikorrenti. Fil-fatt, il-proċedura amministrattiva ma setgħetx tirriżulta f’riżultat differenti kieku din il-preċiżazzjoni kienet dehret fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

126    Barra minn hekk, huwa minnu li fil-punt 597 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni sempliċiment indikat li kellha l-intenzjoni żżomm lil Otis Belġju u lil GT responsabbli għall-ksur imwettaq mis-sussidjarja tagħhom GTO u ppreċiżat li d-deċiżjonijiet importanti ta’ GTO kienu jeħtieġu l-kunsens ta’ GT u ta’ Otis Belġju. Hija rrilevat ukoll li l-parteċipazzjoni diretta ta’ Otis Belġju fil-kartell fil-Belġju u r-rabtiet personali eżistenti bejn M.D., [kunfidenzjali] ta’ GT, u GTO, fejn kien il-[kunfidenzjali] għaldaqstant ma ssemmiex fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

127    Madankollu, f’kull każ, il-fatt li [kunfidenzjali] jirriżulta minn diversi dokumenti li ġew ikkomunikati mir-rikorrenti fil-Kawżi T‑141/07 u T‑145/07 lill-Kummissjoni, bħala risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, b’mod partikolari [kunfidenzjali].

128    Issa, il-Kummissjoni semmiet b’mod speċifiku, fil-punt 597 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li hija kellha l-intenzjoni żżomm lil Otis Belġju responsabbli għall-ksur imwettaq minn GTO fil-Lussemburgu. Barra minn hekk, il-kontenut ta’ dawn id-dokumenti, u r-rilevanza eventwali tagħhom fir-rigward tal-imsemmija responsabbiltà ma setgħux jiġu injorati mir-rikorrenti fil-Kawżi T‑141/07 u T‑145/07, meta dawn tal-aħħar ikkomunikawhom lill-Kummissjoni, peress li, barra minn hekk, dawn ibbażaw ruħhom b’mod espress fuq dawn id-dokumenti sabiex isostnu l-argumenti tagħhom. Għaldaqstant, dawn ma jistgħux, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 122 sa 124 iktar ’il fuq, jallegaw li kien hemm ksur tad-drittijiet ta’ difiża tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-27 ta’ Settembru 2006, Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, T‑59/02, Ġabra p. II-3627, punt 270).

129    Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

–       Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

130    Ir-rikorrenti fil-Kawzi T‑141/07, T‑145/07 u T‑146/07, li jibbażaw ruħhom fuq l-istatuti ta’ MEE, li ma humiex parti mill-fajl tal-Kummissjoni u ma ġewx annessi mar-rikors tagħhom, isostnu, essenzjalment, li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament billi żammet lil Otis Belġju u lil GT responsabbli għall-ksur imwettaq mis-sussidjarja tagħhom, filwaqt li kienet ikkunsidrat, ġustament, li l-kontroll eżerċitat fuq MEE mill-kumpanniji parent tagħha, Mitsubishi Electric Corporation (iktar il-quddiem “MEC”) u TBI Holding ma kienx suffiċjenti sabiex jinżammu responsabbli għall-ksur imwettaq mis-sussidjarja tagħhom.

131    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif jirriżulta mill-punti 106 sa 118 iktar ’il fuq, huwa ġustament li l-Kummissjoni qieset, fil-premessa 622 tad-deċiżjoni kkontestata, li, waqt il-perijodu li fih twettaq il-ksur fil-Lussemburgu, GTO wettqet l-attivitajiet tagħha taħt il-kontroll konġunt ta’ Otis Belġju u ta’ GT u li l-politika kummerċjali ta’ GTO kienet iddeterminata permezz tal-ftehim komuni ta’ dawn iż-żewġ azzjonisti. L-argument li jipprovdi, li bħall-kumpanniji parent ta’ MEE, il-kumpanniji parent ta’ GTP ma kellhomx jinżammu responsabbli għall-ksur ta’ din tal-aħħar, għaldaqstant, ma jistax jiġi milqugħ.

132    Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, u peress li r-rikorrenti fil-Kawżi T‑141/07, T‑145/07 u T‑146/07 isostnu li huwa ġustament li l-Kummissjoni kkonstatat li l-kontroll eżerċitat fuq MEE mill-kumpanniji parent ma kienx suffiċjenti sabiex jinżammu responsabbli għall-ksur imwettaq mis-sussidjarji tagħhom, hemm lok li jiġi kkunsidrat li s-sitwazzjonijiet li fihom jinsabu MEE u GTO ma humiex paragunabbli, fis-sens li l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jistax, f’kull każ, jintlaqa’.

133    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-ilmenti dwar l-imputazzjoni tal-ksur ta’ GTO u s-sussidjarji Otis fuq il-kumpanniji parent tagħhom għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Linji gwida tal-1998, tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament, tad-drittijiet ta’ difiża u tal-Artikolu 25 KE, fl-ifissar tal-ammont inizjali tal-multi skont il-gravità tal-ksur

 Osservazzjonijiet preliminari

134    Preliminarjament, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa għal dak li jirrigwarda l-metodu ta’ kalkolu tal-multi. Dan il-metodu, hekk kif spjegat mil-Linji gwida tal-1998, fih elementi differenti ta’ flessibbiltà li jippermettu lill-Kummissjoni teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Settembru 2009, Papierfabrik August Koehler et vs  Il-Kummissjoni, punt 122 iktar ’il fuq, punt 112, u l-ġurisprudenza ċċitata).

135    Il-gravità tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni għandha tiġi stabbilita abbażi ta’ għadd kbir ta’ elementi bħal, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, il-kuntest tagħha u l-effett dissważiv tal-multi, u dan mingħajr ma ġiet stabbilita lista restrittiva jew eżawrjenti tal-kriterji li għandhom jiġu kkunsidrati b’mod obbligatorju (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Marzu 2009, Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, C-510/06 P, Ġabra p. I-1843, punt 72, u tat-3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, punt 122 iktar ’il fuq, punt 54).

136    Kif ġie espost fil-punt 24 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni, f’din il-kawża, iddeterminat l-ammont tal-multa billi applikat il-metodu stabbilit fil-Linji gwida tal-1998.

137    Għalkemm il-Linji gwida tal-1998 ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala regola ta’ dritt li l-amministrazzjoni hija obbligata tosserva f’kull każ, dawn madankollu jikkostitwixxu regola ta’ kondotta indikattiva tal-prassi li għandha tiġi segwita u li, f’każ partikolari, l-amministrazzjoni ma tistax titbiegħed minnha mingħajr ma tagħti raġunijiet li jkunu kompatibbli mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (ara s-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 56 iktar ’il fuq, punt 209, u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza Carbone Lorraine vs Il-Kummissjoni, T‑73/04, Ġabra p. II-2661, punt 70).

138    Billi tadotta regoli ta’ kondotta bħal dawn u billi tħabbar, permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom, li hija kienet ser tapplikahom minn hemm ’il quddiem għall-każijiet li jaqgħu taħthom, il-Kummissjoni tillimita ruħha fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u ma tistax tmur kontra dawn ir-regoli mingħajr ma twettaq ksur, skont il-każ, tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħal dawk tal-ugwaljanza fit-trattament jew tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (ara s-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 56 iktar ’il fuq, punt 211, u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza Carbone Lorraine vs Il-Kummissjoni, punt 137 iktar ’il fuq, punt 71).

139    Barra minn hekk, il-Linji gwida tal-1998 jistabbilixxu, b’mod ġenerali u fl-astratt, il-metodoloġija li l-Kummissjoni imponiet fuqha nnifisha għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multi imposti minn din id-deċiżjoni u jiżguraw, konsegwentement, iċ-ċertezza legali tal-impriżi (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 56 iktar ’il fuq, punti 211 u 213).

140    Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li l-Linji gwida tal-1998 jipprovdu, l-ewwel nett, l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur bħala tali, li abbażi tagħha jista’ jiġi stabbilit ammont inizjali ġenerali (it-tieni paragrafu tal-punt 1 A). It-tieni nett, il-gravità hija analizzata abbażi tan-natura tal-ksur imwettaq u tal-karatteristiċi tal-impriża kkonċernata, b’mod partikolari, id-daqs tagħha u l-pożizzjoni tagħha fis-suq rilevanti, li tista’ tagħti lok għall-kalkolu tal-ammont inizjali, għall-klassifikazzjoni tal-impriżi f’kategoriji u għall-iffissar ta’ ammont inizjali speċifiku (it-tielet u s-seba’ paragrafi tal-punt 1 A).

 Id-deċiżjoni kkontestata

141    Fl-ewwel lok, fit-taqsima tad-deċiżjoni kkontestata ddedikata għall-gravità tal-ksur (taqsima 13.6.1), il-Kummissjoni teżamina b’mod parallel l-erba’ ksur ikkonstatati fl-Artikolu 1 tagħha, minħabba li “[għandhom]karatteristiċi komuni” (premessa 657 tad-deċiżjoni kkontestata). Din it-taqsima hija maqsuma fi tliet sotto-taqsimiet, l-ewwel waħda intitolata “Natura tal-ksur” (sotto-taqsima 13.6.1.1), it-tieni waħda intitolata “Portata tas-suq ġeografiku kkonċernat” (sotto-taqsima 13.6.1.2) u t-tielet waħda intitolata “Konklużjoni dwar il-gravità tal-ksur” (sotto-taqsima 13.6.1.3).

142    Fis-sotto-taqsima intitolata “Natura tal-ksur”, il-Kummissjoni tispjega, fil-premessi 658 u 659 tad-deċiżjoni kkontestata, dan li ġej:

“658 Il-ksur suġġett ta’ din id-deċiżjoni kien jikkonsisti prinċiparjament f’kollużjoni sigrieta bejn kompetituri sabiex jaqsmu bejniethom is-swieq jew jiffriżaw l-ishma tas-suq billi jaqsmu bejniethom il-proġetti ta’ bejgħ u ta’ installazzjoni ta’ liftijiet u/jew ta’ eskalejters ġodda, u sabiex ma jikkompetux bejniethom f’dak li jirrigwarda l-manutenzjoni u l-modernizzazzjoni ta’ liftijiet u ta’ eskalejters (ħlief fil-Ġermanja, fejn l-attività ta’ manutenzjoni u ta’ modernizzazzjoni ma kinitx is-suġġett ta’ diskussjonijiet bejn il-membri tal-akkordju). Tali restrizzjonijiet orizzontali huma, min-natura tagħhom, fost il-ksur l-iktar serju tal-Artikolu 81 [KE]. Il-ksur f’din il-kawża artifiċjalment ipprivaw lill-klijenti mill-vantaġġi li huma setgħu jittamaw li jiksbu bi proċess ta’ offerta kompetittiva. Huwa interessanti wkoll li jingħad li ċerti proġetti magħmula bil-qerq kienu kuntratti pubbliċi ffinanzjati mit-taxxi u magħmula proprju bil-għan li jintlaqgħu offerti kompetittivi, u b’mod partikolari, li jippreżentaw relazzjoni tajba ta’ kwalità mal-prezz.

659 Sabiex tiġi evalwata l-gravità ta’ ksur, l-elementi relatati mal-għan tiegħu huma ġeneralment iktar sinjifikattivi minn dawk relatati mal-effetti tiegħu, b’mod partikolari meta ftehim, bħal f’din il-kawża, jirrigwardaw ksur serji ħafna, bħall-iffissar tal-prezzijiet u t-tqassim tas-suq. L-effetti ta’ ftehim huma ġeneralment kriterju mhux konklużiv sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur”.

143    Il-Kummissjoni tiddikjara li “hija ma pprovatx turi l-effetti speċifiki tal-ksur, għaliex huwa impossibbli li tistabbilixxi b’ċertezza suffiċjenti l-parametri kompetittivi applikabbli (prezz, kundizzjonijiet kummerċjali, kwalità, innovazzjoni u oħrajn) fin-nuqqas ta’ ksur” (premessa 660 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, hija tqis li “huwa evidenti li l-ksur kellhom impatt reali” u għal dan il-għan tispjega li “il-fatt li diversi arranġamenti antikompetittivi ġew implementati minn membri tal-akkordju jissuġġerixxi fih innifsu impatt fuq is-suq, anki jekk l-effett reali huwa diffiċli li jitkejjel, għaliex ma huwiex magħruf, b’mod partikolari, jekk u kemm proġetti oħra kienu s-suġġett ta’ qerq fl-offerti, u lanqas kemm proġetti kienu s-suġġett ta’ tqassim bejn il-membri tal-akkordju mingħajr ma kienu meħtieġa kuntatti bejniethom” (premessa 660 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-istess premessa, il-Kummissjoni żżid li “l-ishma konġunti għoljin fis-suq tal-kompetituri juru effetti antikompetittivi probabbli u li l-istabbilità relattiva ta’ dawn l-ishma tas-suq matul it-tul tal-ksur tikkonferma dawn l-effetti”.

144    Fil-premessi 661 sa 669 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirrispondi l-argumenti mressqa mir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva intiżi sabiex juru l-impatt imnaqqas tal-ksur fuq is-suq.

145    Fis-sub-taqsima intitolata “Portata tas-suq ġeografiku kkonċernat”, il-Kummissjoni ssostni, fil-premessa 670 tad-deċiżjoni kkontestata, li “l-akkordji suġġett tad-deċiżjoni kkontestata jkopru t-territorji kollha tal-Belġju, tal-Ġermanja, tal-Lussemburgu u tal-Pajjiżi l-Baxxi, rispettivament”, u li “mill-ġurisprudenza jirriżulta b’mod ċar li suq ġeografiku nazzjonali li jkopri Stat Membru sħiħ jirrappreżenta fih innifsu parti sostanzjali tas-suq komuni”.

146    Fis-sub-taqsima intitolata “Konklużjoni dwar il-gravità tal-ksur”, il-Kummissjoni tindika, fil-premessa 671 tad-deċiżjoni kkontestata, li kull destinatarju wettaq ksur wieħed jew diversi ksur serji ħafna tal-Artikolu 81 KE, “fid-dawl tal-natura tal-ksur u tal-fatt li kull ksur kien ikopri t-territorju kollu ta’ Stat Membru (il-Belġju, il-Ġermanja, il-Lussemburgu jew il-Pajjiżi l-Baxxi)”. Hija tikkonkludi li “dawn il-fatturi huma tali li l-ksur għandu jiġi kkunsidrat bħala serju ħafna anki jekk l-impatt reali tagħhom ma jistax jitkejjel”.

147    Fit-tieni lok, fit-taqsima tad-deċiżjoni kkontestata intitolata “Trattament differenti” (taqsima 13.6.2), il-Kummissjoni tiffissa ammont inizjali tal-multa għal kull impriża li pparteċipat f’akkordji differenti (ara l-punti 28 sa 31 iktar ’il fuq) li jikkunsidra, skont il-premessa 672 tad-deċiżjoni kkontestata, “il-kapaċità ekonomika effettiva ta’ min jikkometti l-ksur li jikkawża dannu sinjifikattiv lill-kompetizzjoni”. Il-Kummissjoni tispjega, fil-premessa 673 tad-deċiżjoni kkontestata, li, “għal dan il-għan, l-impriżi ġew maqsuma f’diversi kategoriji skont id-dħul mill-bejgħ magħmul mil-liftijiet u/jew l-eskalejters, inkluż, jekk ikun il-każ, fis-servizzi ta’ manutenzjoni u ta’ modernizzazzjoni”.

 Fuq il-kwalifika ta’ “serju ħafna” tal-ksur fil-Lussemburgu

148    Ir-rikorrenti fil-Kawża T-141/07 issostni li, billi kkwalifikat il-ksur fil-Lussemburgu bħala “serju ħafna”, il-Kummissjoni applikat b’mod ħażin il-Linji gwida tal-1998, fid-dawl tal-portata ġeografika dgħajfa tagħhom, ġeneralment meħuda inkunsiderazzjoni fil-prassi deċiżjonali tagħha, u tal-impatt limitat tal-prattiki inkwistjoni fuq is-suq rilevanti. Hija tikkonkludi li l-ammont inizjali ta’ EUR 10 miljun għall-ksur fil-Lussemburgu għandu jitnaqqas. Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-valur totali tas-suq affettwat bl-akkordju fil-Lussemburgu. Minkejja li r-rikorrenti fil-Kawża T-141/07 kienet ifformulat dan l-argument tal-aħħar fil-kuntest tal-motiv tagħha bbażat fuq il-kwalifikazzjoni żbaljata ta’ ksur fil-Lussemburgu, min-noti tagħha jirriżulta li dan l-ilment jipprevedi, essenzjalment, l-iffissar tal-ammont ta’ tluq ġenerali tal-multa, u għaldaqstant, ser jiġi eżaminat fil-punti 166 sa 178 iktar ’il quddiem.

149    L-ewwel nett, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑141/07 issostni li l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-impatt konkret tiegħu fuq is-suq meta dan jista’ jitkejjel. Issa, l-impatt tal-ksur fil-Lussemburgu kien negliġibbli, li kellu jwassal lill-Kummissjoni sabiex tillimita l-multa imposta fuq GTO. Sabiex issostni din l-affermazzjoni, din tal-aħħar tirreferi b’mod partikolari għan-nuqqas ta’ osservanza u ta’ ineffikaċja tal-ftehim, fin-nuqqas ta’ parteċipazzjoni ta’ ċerti impriżi fl-akkordji, li ppermetta ż-żamma ta’ ċertu grad ta’ kompetizzjoni, u għall-fatt li, bejn il-parteċipanti fl-akkordju, it-telf ta’ sejħiet għal offerti għall-benefiċċju ta’ impriżi oħra, ma kienx ġie ikkumpensat minn allokazzjoni mill-ġdid ta’ proġetti eżistenti. Ir-rikorrenti fil-Kawża T‑141/07 issostni wkoll li biss ċerti proġetti kienu l-għan tal-akkordju.

150    Għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, il-Linji gwida tal-1998 jindikaw, fl-ewwel u fit-tieni paragrafi tal-punt 1 A, dan li ġej:

“L-evalwazzjoni tan-natura tal-gravità tal-ksur għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-natura stess tal-ksur, l-impatt konkret tiegħu fuq is-suq meta dan jista’ jitkejjel u l-firxa tas-suq ġeografiku kkonċernat.

Il-ksur se jinqasam għalhekk fi tliet kategoriji: ksur ftit serju, ksur serju u ksur serju ħafna.”

151    Skont l-ewwel paragrafu tal-punt 1 A tal-Linji gwida tal-1998, il-Kummissjoni għandha għalhekk, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, teżamina l-impatt konkret fuq is-suq biss meta jidher li dan l-impatt jista’ jitkejjel (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, punt 122 iktar ’il fuq, punt 74; is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2003, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, T-224/00, Ġabra p. II-2597, punt 143, u Degussavs Il-Kummissjoni, punt 71 iktar ’il fuq, punt 216).

152    Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi evalwat l-impatt konkret ta’ ksur fuq is-suq, hija l-Kummissjoni li għandha tirreferi għall-kompetizzjoni li kieku normalment kienet teżisti fin-nuqqas ta’ ksur (ara s-sentenza Carbone Lorraine vs Il-Kummissjoni, punt 137 iktar ’il fuq, punt 83, u l-ġurisprudenza ċċitata).

153    Fil-kawża preżenti, il-Kummissjoni, fil-premessa 660 tad-deċiżjoni kkontestata, tiddikjara li “hija ma pprovatx turi l-effetti speċifiċi tal-ksur, għaliex kien impossibbli li jiġu stabbiliti b’ċertezza suffiċjenti l-parametri kompetittivi applikabbli (prezz, kundizzjonijiet kummerċjali, kwalità, innovazzjoni u oħrajn) fin-nuqqas tal-ksur”. Anki jekk fil-premessa 660 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tqis li huwa evidenti li l-akkordji kellhom impatt reali, minn meta ġew implementati, li fih innifsu jissuġġerixxi impatt fuq is-suq, u anki jekk, fil-premessi 661 sa 669, il-Kummissjoni ċaħdet l-argumenti tal-impriżi kkonċernati li kienu intenzjonati sabiex juru l-effetti mnaqqsa tal-akkordji, għandu jiġi kkonstatat illi, fid-deċiżjoni kkontestata, l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-impatt eventwali tagħhom fuq is-suq.

154    Huwa b’hekk li l-Kummissjoni, fil-premessa 671 tad-deċiżjoni kkontestata, tibbaża l-konklużjoni tagħha dwar l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur biss fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tan-natura tal-imsemmija ksur u tal-portata ġeografika tagħhom. Fil-fatt, il-Kummissjoni, fl-imsemmija premessa, tikkonkludi li “fid-dawl tan-natura tal-ksur u tal-fatt li kull ksur kien ikopri t-territorju kollu ta’ Stat Membru (il-Belġju, il-Ġermanja, il-Lussemburgu jew il-Pajjiżi l-Baxxi) għandu jiġi kkunsidrat li kull destinatarju wettaq ksur wieħed [jew] diversi ksur serji ħafna tal-Artikolu 81 KE.”

155    L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti fil-Kawża T‑141/07 ma wrietx li l-impatt konkret tal-akkordju fil-Lussemburgu kien tkejjel, iżda sempliċiment tafferma li l-effetti kienu neċessarjament negliġibbli. F’dan ir-rigward, il-fatti invokati mill-imsemmija rikorrenti, dwar in-nuqqas ta’ osservanza u tal-ineffikaċja tal-ftehim, in-nuqqas ta’ parteċipazzjoni ta’ ċerti impriżi fl-akkordji u n-nuqqas ta’ allokazzjoni mill-ġdid ta’ proġetti fil-każ ta’ telf ta’ proġetti favur terżi (ara l-punt 149 iktar ’il fuq), anki jekk jitqiesu bħala l-verità, ma jippermettux li jiġi konkluż li l-effetti tal-akkordji setgħu jitkejjlu fis-suq Lussemburgiż, peress li r-rikorrenti ma jikkontestawx l-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni li jipprovdu li kien impossibbli, fil-kawża preżenti, li jiġu ddeterminati b’ċertezza suffiċjenti l-parametri applikabbli fin-nuqqas tal-ksur.

156    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑141/07 ma wrietx, fil-kawża preżenti, li l-Kummissjoni kienet obbligata, skont il-Linji gwida tal-1998 u l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 151 iktar ’il fuq, li tieħu inkunsiderazzjoni l-impatt konkret tal-ksur għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-gravità tagħhom.

157    It-tieni nett, anki jekk jitqies li l-impatt konkret tal-ksur seta’ jitkejjel u li l-argumenti tar-rikorrenti riprodotti fil-punt 149 iktar ’il fuq kienu fondati sa fejn urew impatt iżgħar tal-akkordji fis-suq Lussemburgiż, għandu jiġi kkonstatat li l-kwalifika tal-ksur preżenti bħala “serju ħafna” ma tidhirx inqas adattata.

158    Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li, minħabba n-natura tagħhom stess, il-ksur ikkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata jidher fost il-ksur l-iktar serju tal-Artikolu 81 KE, peress li għandu bħala għan “kollużjoni sigrieta bejn kompetituri sabiex jaqsmu bejniethom is-swieq jew jiffriżaw l-ishma tas-suq billi jaqsmu bejniethom il-proġetti ta’ bejgħ u ta’ installazzjoni ta’ liftijiet u/jew ta’ eskalejters ġodda, u sabiex ma jikkompetux bejniethom f’dak li jirrigwarda l-manutenzjoni u l-modernizzazzjoni ta’ liftijiet u ta’ eskalejters (ħlief fil-Ġermanja, fejn l-attività ta’ manutenzjoni u ta’ modernizzazzjoni ma kinitx is-suġġett ta’ diskussjonijiet bejn il-membri tal-akkordju)” (premessa 658 tad-deċijoni kkontestata). F’dan ir-rigward, il-Linji gwida tal-1998 jesponu li l-ksur “serju ħafna” jikkonsisti essenzjalment f’restrizzjonijiet oriżontali bħal kartelli ta’ prezzijiet u kwota tas-sehem tas-suq, jew prattiki oħra li jippreġudikaw il-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Dan il-ksur jidher ukoll fl-eżempji ta’ akkordji espressament iddikjarati bħala inkompatibbli mas-suq komuni fl-Artikolu 81(1)(ċ) KE. Minbarra li dawn ibiddlu b’mod gravi l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni, dawn l-akkordji, billi jobbligaw lill-partijiet sabiex jirrispettaw swieq distinti, ta’ spiss jiġu ddelimitati mill-fruntieri nazzjonali, jagħtu lok għal iżolament ta’ dawn is-swieq, li għaldaqstant jikkontrobattu l-għan prinċipali tat-Trattat KE dwar integrazzjoni tas-suq Komunitarju. Barra minn hekk, il-ksur ta’ dan it-tip, b’mod partikolari meta jkun jikkonsisti f’akkordji orizzontali, huwa kklassifikat mill-ġurisprudenza bħala “partikolarment serju” jew bħala “ksur manifest” (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ April 1995, Tréfilunion vs Il-Kummissjoni, T-148/89, Ġabra p. II-1063, punt 109; tal-15 ta’ Settembru 1998, European Night Services et vs Il-Kummissjoni,  T-374/94, T-375/94, T-384/94 u T-388/94, Ġabra p. II-3141, punt 136, u tat-18 ta’ Lulju 2005, Scandinavian Airlines System vs Il-Kummissjoni, T-241/01, Ġabra p. II-2917, punt 85).

159    Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-effett ta’ prattika antikompetittiva ma huwiex, fih innifsu, kriterju determinanti fl-evalwazzjoni tal-gravità ta’ ksur. Elementi li jirrigwardaw l-aspett intenzjonali jista’ jkollhom iktar importanza minn dawk li jirrigwardaw l-effetti msemmija, speċjalment meta dan ikun ksur intrinsikament serju bħat-tqassim tas-swieq (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-2 ta’ Ottubru 2003, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, C-194/99 P, Ġabra p. I-10821, punt 118, u Prym et Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, punt 122 iktar ’il fuq, punt 96; sentenzi Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il-Kummissjoni, punt 77 iktar ’il fuq, punt 199, u Degussa vs Il-Kummissjoni, punt 71 iktar ’il fuq, punt 251).

160    Huwa b’hekk li n-natura tal-ksur għandha rwol importanti, b’mod partikolari sabiex ksur jiġi kkaratterizzat bħala “serju ħafna”. Mid-deskrizzjoni tal-ksur serju ħafna tal-Linji gwida tal-1998 jirriżulta li ftehim jew prattiċi miftehma li jkunu b’mod partikolari intiżi sabiex ikun hemm iffissar ta’ prezzijiet jew tqassim tas-swieq jistgħu jiġu kkwalifikati, abbażi tan-natura tagħhom stess, bħala “serju ħafna”, mingħajr ma jkun neċessarju li tali mġiba tkun ikkaratterizzata minn impatt jew firxa ġeografika partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, punt 122 iktar ’il fuq, punt 75, u tal-24 ta’ Settembru 2009, Erste Bank der österreichischen Sparkassen et vs Il-Kummissjoni, C-125/07 P, C-133/07 P, C-135/07 P u C-137/07 P, Ġabra p. I-8681, punt 103). Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-fatt li, filwaqt li d-deskrizzjoni tal-ksur serju tirreferi espliċitament għall-impatt fuq is-suq u għall-effetti fuq żoni wiesgħa tas-suq komuni, dik ta’ ksur serju ħafna, bil-kontra, ma ssemmi l-ebda rekwiżit la ta’ impatt konkret fuq is-suq u lanqas tal-effetti fuq żona ġeografika partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Schunk u Schunk Kohlenstoff-Technik vs Il-Kummissjoni, punt 83 iktar ’il fuq, punt 171, u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, fid-dawl tal-għan tiegħu, il-ksur previst mid-deċiżjoni kkontestata huwa, min-natura tiegħu, serju ħafna, anki jekk jiġi stabbilit li l-akkordji ma pproduċewx l-effetti mixtieqa.

161    Barra minn hekk, anki jekk jitqies li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni dan l-element fakultattiv li huwa l-ksur fis-suq u li hija kellha konsegwentement tressaq, fid-deċiżjoni kkontestata, indikazzjonijiet konkreti, kredibbli u suffiċjenti li jippermettu li tiġi evalwata l-influwenza effettiva li l-ksur setgħa kellu fir-rigward tal-kompetizzjoni fis-suq (sentenza Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, punt 122 iktar ’il fuq, punt 82), għandu jiġi kkunsidrat li hija ssodisfat dan l-obbligu. Fil-fatt, fir-rigward tal-ksur fil-Lussemburgu, il-Kummissjoni kkonstatat li l-impriżi kkonċernati bil-ftehim kienu wettqu kważi 100 % tal-bejgħ akkumulat ta’ liftijiet u ta’ eskalejters mekkaniċi fl-2003, filwaqt li osservat li s-sussidjarji lokali ta’ Kone, ta’ Otis, ta’ Schindler u ta’ ThyssenKrupp kienu l-uniċi fornituri stabbiliti fil-Lussemburgu li offrew l-eskalejters mekkaniċi (premessa 52 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija enfassizzat ukoll il-frekwenza tal-laqgħat (premessa 302 tad-deċiżjoni kkontestata), il-prekawzjonijiet meħuda sabiex jinħbew il-laqgħat u l-kuntatti (premessi 304 sa 307 tad-deċiżjoni kkontestata) u l-eżistenza ta’ mekkaniżmu ta’ kumpens (premessi 317 u 336 tad-deċiżjoni kkontestata).

162    B’hekk, hekk kif tfakkar fil-punt 153 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet fil-premessa 660 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-fatt li l-arranġamenti antikompetittivi ġew implementati jissuġerixxi fih innifsu impatt fuq is-suq, anki jekk l-effett reali huwa diffiċli sabiex jitkejjel, peress li ma huwiex possibbli li jiġi stabbilit, b’mod partikolari, jekk, u kemm mill-proġetti l-oħra kienu suġġett ta’ bid rigging, u lanqas kemm mill-proġetti setgħu kienu s-suġġett ta’ tqassim bejn il-membri tal-akkordju mingħajr il-bżonn ta’ kuntatt bejniethom. Hija żiedet li l-ishma tas-suq akkumulat ikbar tal-kompetituri indikaw l-effetti antikompetittivi probabbli u li l-istabbiltà relattiva ta’ dawn l-ishma tas-suq waqt il-perijodu kollu li fih seħħ il-ksur ikkonfermaw dawn l-effetti.

163    It-tieni nett, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni li tipprovdi li l-ksur kellu jiġi kkwalifikat bħala “serju” fid-dawl tal-firxa limitata tas-suq ġeografiku kkonċernat bih, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni ma tistax isservi bħala qafas legali għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni (sentenzi JCB Service vs Il-Kummissjoni, punt 108 iktar ’il fuq, punti 201 u 205, u Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni, punt 108 iktar ’il fuq, punt 60; sentenza Carbone Lorraine vs Il-Kummissjoni, punt 137 iktar ’il fuq, punt 92; ara, ukoll, is-sentenza Scandinavian Airlines System vs Il-Kummissjoni, punt 158 iktar ’il fuq, punt 132). F’kull każ, fid-dawl tal-eżami mwettaq fil-punti 158 sa 160 iktar ’il fuq, tali argument ma jistax jintaqa’.

164    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, l-firxa tas-suq ġeografiku tirrappreżenta biss kriterju wieħed minn tliet kriterji rilevanti, skont il-linji gwida, għall-finijiet tal-evalwazzjoni globali tal-gravità tal-ksur. Fost dawn il-kriterji interdipendenti in-natura tal-ksur għandha rwol importanti. Min-naħa l-oħra, il-firxa tas-suq ġeografiku ma hijiex kriterju awtonomu fis-sens li huwa biss il-ksur li jikkonċerna l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri li jista’ jiġi kklassifikat bħala “serju ħafna”. La t-Trattat KE, la r-Regolament Nru 1/2003, la l-Linji gwida u lanqas il-ġurisprudenza ma jippermettu li jiġi meqjus li biss ir-restrizzjonijiet ġeografikament estiżi ħafna jistgħu jiġu kklassifikati hekk (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2006, Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il-Kummissjoni, T-259/02 sa T-264/02 u T-271/02, Ġabra p. II-5169, punt 311, u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, it-territorju sħiħ ta’ Stat Membru, anki jekk huwa, fil-konfront ma’ Stati Membri oħra, relattivament żgħir, jikkostitwixxi, f’kull każ, parti sostanzjali tas-suq komuni (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-9 ta’ Novembru 1983, Nederlandsche Banden-Industrie-Michelin vs Il-Kummissjoni, 322/81, Ġabra p. 3461, punt 28; ara s-sentenza Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 312, u l-ġurisprudenza ċċitata). Peress li l-akkordju inkwistjoni jkopri t-territorju kollu tal-Lussemburgu, għandu jiġi kkunsidrat li dan jirrapreżenta parti sostanzjali tas-suq komuni.

165    Minn dak kollu li ntqal qabel jirriżulta li l-argumenti tar-rikorrenti fil-Kawża T‑141/07 imsemmija fil-punti 148 u 149 iktar ’il fuq għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-allegata illegalità tal-ammont inizjali tal-multi

–       Fuq l-ammont inizjali ġenerali tal-multi

166    L-ewwel nett, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑141/07 issostni li, fir-rigward tal-ksur fil-Lussemburgu, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-daqs limitat tas-suq affettwat, filwaqt li kienet affermat b’mod espress li dan l-element kien rilevanti għall-kalkolu tal-multi. F’dan ir-rigward, hija tenfassizza li l-ammont iniziali ta’ EUR 10 miljun (li jirrapreżenta 31.3 % tal-valur tas-suq inkwistjoni) huwa manifestament sproporzjonat fid-dawl tal-ammont inizjali ġenerali ffissat għall-ksur fil-Belġju (15.7 % tal-valur tas-suq affettwat), fil-Pajjiżi l-Baxxi (15.2 % tal-valur tas-suq affettwat) u fil-Ġermanja (12 % tal-valur tas-suq ta’ referenza magħżul mill-Kummissjoni) u għandu jitnaqqas.

167    L-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti fil-Kawżi T-147/07, T-149/07 u T-150/07 ma jikkontestawx il-legalità tal-metodoloġija spjegata fil-punt 1 A tal-Linji gwida tal-1998 dwar l-iffissar tal-ammonti inizjali ġenerali tal-multi. L-imsemmija metodoloġija tissodisfa loġika stabbilita, li l-ammont inizjali ġenerali tal-multa, stabbilit skont il-gravità tal-ksur, huwa kkalkolat skont in-natura u l-portata ġeografika tal-ksur kif ukoll skont l-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq meta jkun jista’ jitkejjel (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2006, BASF vs Il-Kummissjoni, T-15/02, Ġabra p. II-497, punt 134, u tas-6 ta’ Mejju 2009, Wieland Werke vs Il-Kummissjoni, T-116/04, Ġabra p. II-1087, punt 62).

168    Barra minn hekk, id-daqs tas-suq ikkonċernat ma huwiex, bħala regola ġenerali, element obbligatorju, iżda sempliċement element rilevanti, fost oħrajn, għall-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, peress li l-Kummissjoni, barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, ma hijiex obbligata tiddelimita s-suq ikkonċernat jew tevalwa d-daqs tiegħu meta l-ksur inkwistjoni jkollu għan antikompetittiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, punt 122 iktar ’il fuq, punti 55 u 64, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2009, Hoechst vs Il-Kummissjoni, T-161/05, Ġabra p. II-3555, punt 109).

169    B’hekk sabiex jiġi ffissat l-ammont inizjali ġenerali tal-multa, il-Kummissjoni tista’, mingħajr madankollu ma tkun obbligata tagħmel dan, tieħu inkunsiderazzjoni l-valur tas-suq li huwa s-suġġett tal-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi BASF vs Il-Kummissjoni, punt 167 iktar ’il fuq, punt 134, u Wieland Werke vs Il-Kummissjoni, punt 167 iktar ’il fuq, punt 63). Fil-fatt, il-Linji gwida tal-1998 ma jipprovdux li l-ammont tal-multi għandu jiġi kkalkolat skont id-dħul mill-bejgħ globali jew skont id-dħul mill-bejgħ imwettaq mill-impriżi fuq is-suq ikkonċernat. Madankollu huma lanqas jipprekludu illi tali dħul mill-bejgħ jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit l-ammont tal-multa sabiex jiġu osservati l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u meta ċ-ċirkustanzi hekk jitolbu (sentenza Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, punt 151 iktar ’il fuq, punt 187).

170    L-argument tar-rikorrenti fil-Kawża T-141/07 li jipprovdi li l-ammont inizjali ġenerali tal-multa stabbilit għal GTO għandu jirrifletti d-daqs allegatament limitat tas-suq Lussemburgiż huwa għalhekk ibbażat fuq premessa żbaljata u għandu jiġi miċħud.

171    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm il-Kummissjoni indikat, fil-premessa 666 tad-deċiżjoni kkontestata, b’risposta għal argument li jipprovdi li l-effett tal-akkordju fil-Lussemburgu kellu jitqies bħala limitat minħabba l-fatt li jkopri Stat Membru wieħed biss, li “[i]d-daqs tas-suq Lussemburgiż fil-konfront tal-Istati Membri l-oħra huwa meħud inkunsiderazzjoni kif għandu jkun għall-kalkolu tal-multa (ara [il-premessi] 680 sa 683)”, il-premessi tad-deċiżjoni kkontestata li tirreferi għalihom il-Kummissjoni, jirrigwadaw it-tqassim tal-parteċipanti fl-akkordju fil-Lussemburgu f’kategoriji, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ trattament differenti bejniethom. Għandu jiġi enfassizzat ukoll li l-Kummissjoni ffissat l-ammont inizjali ġenerali tal-multa għal EUR 10 miljun. Għaldaqstant, minkejja li l-Kummissjoni ddeterminat il-gravità tal-ksur permezz tan-natura u tal-firxa ġeografika tiegħu, hija qieset opportun li tiffissa l-ammont inizjali ġenerali tal-multi għan-nofs tal-limitu minimu ta’ EUR 20 miljun li huwa normalment previst mil-Linji gwida tal-1998 għal dan it-tip ta’ ksur serju ħafna (ara t-tielet inċiż tat-tieni paragrafu tal-punt 1A).

172    Fid-dawl, minn naħa, tan-natura partikolarment serja tal-akkordju u, min-naħa l-oħra, tal-fatt li dan kopra parti sostanzjali tas-suq komuni, għandu jiġi kkunsidrat li l-ammont inizjali ta’ EUR 10 miljun impost fuq Otis għall-ksur fil-Lussemburgu ma għandux jitnaqqas.

173    Ir-rikorrenti fil-Kawża T‑141/07 tafferma wkoll li l-ammont inizjali stabbilit għall-akkordju fil-Lussemburgu huwa sproporzjonat fil-konfront tal-ammont inizjali stabbilit għall-ksur fil-Belġju, fil-Ġermanja u fil-Pajjiżi l-Baxxi.

174    Hekk kif kien tfakkar fil-punti 167 sa 170 iktar ’il fuq, fid-dawl tal-loġika stabbilita li hija bażi tal-metodolġija esposta fil-punt 1A tal-Linji gwida tal-1998, il-Kummissjoni, meta ffissat l-ammont inizjali ġenerali tal-multa, ma kinitx obbligata li tieħu inkunsiderazzjoni d-daqs tas-suq affettwat, u wisq inqas li tiffissa dan l-ammont skont perċentwali fissa tad-dħul mill-bejgħ globali tas-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza BASF vs Il-Kummissjoni, punt 167 iktar ’il fuq, punt 134).

175    Anki jekk jitqies li l-Kummissjoni, meta tikkonstata diversi każijiet ta’ ksur serju ħafna f’deċiżjoni unika, għandha tirrispetta rapport proporzjonali bejn l-ammont inizjali ġenerali u d-daqs tas-swieq differenti affettwati, xejn ma jindika fil-kawża preżenti li l-ammont inizjali ġenerali ffissat għall-akkordju fil-Lussemburgu huwa sproporzjonat fir-rigward tal-ammont inizjali ġenerali stabbilit għall-akkordji fil-Belġju, fil-Ġermanja u fl-Olanda.

176    Fil-fatt, l-eżami ta’ informazzjoni rilevanti juri li l-Kummissjoni, fid-dawl tad-daqs tas-swieq affettwati, iffissat b’mod koerenti l-ammonti inizjali ġenerali tal-multi. B’hekk, il-Kummissjoni ffissat l-ammonti inizjali ġenerali ikbar fil-każ ta’ swieq ikbar, mingħajr ma użat madankollu formola matematika preċiża, ħaġa li, fi kwalunkwe każ, ma kinitx obbligata tagħmel (ara l-punti 167 sa 170 iktar ’il fuq). B’hekk, għas-suq li nettament huwa l-ikbar, dak tal-Ġermanja, li jirrappreżenta EUR 576 miljun, l-ammont inizjali ġenerali ġie ffissat bħala EUR 70 miljun, għaż-żewġt iswieq li jmiss f’termini ta’ daqs, dak tal-Pajjiżi l-Baxxi u tal-Belġju, li jirrappreżentaw EUR 363 miljun u EUR 254 miljun rispettivament, l-ammont inizjali ġenerali ġie ffissat bħala EUR 55 miljun u EUR 40 miljun rispettivament; fl-aħħar nett, fir-rigward tas-suq Lussemburgiż, ta’ daqs manifestament iżgħar, li jirrappreżenta EUR 32 miljun, minkejja li l-Linji gwida tal-1998 jistabbilixxu, għal ksur serju ħafna, l-iffissar ta’ ammont minħabba l-gravità ta’ “iktar minn EUR 20 miljun”, il-Kummissjoni qieset opportun li tillimita dan l-ammont għal EUR 10 miljuni.

177    F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li, anki kieku d-daqs tas-suq Lussemburgiż jitnaqqas fil-konfront tad-daqs tas-swieq ikkonċernati bil-ksur l-ieħor, hija l-Kummissjoni li għandha tiffissa l-ammont inizjali tal-multi f’livell suffiċjentement għoli sabiex jirrefletti n-natura “serja ħafna” tal-ksur inkwistjoni.

178    Isegwi li l-argumenti tar-rikorrenti fil-Kawża T‑141/07 għandhom jiġu miċħuda sa fejn hija tinvoka n-natura allegatament eċċessiva tal-ammont inizjali ġenerali tal-multa li ġie stabbilit għall-ksur fil-Lussemburgu.

179    It-tieni nett, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑145/07 isostnu, fir-rigward tal-ksur fil-Ġermanja, li l-Kummissjoni ffissat l-ammont inizjali tal-multa billi bbażat ruħha fuq id-daqs tas-suq tal-liftjiet u tal-eskalejters mekkaniċi, li, skont il-premessa 82 tad-deċiżjoni kkontestata, jitla sa’ EUR 576 miljun. Billi għamlet dan, hija kisret il-Linji gwida tal-1998 u l-prinċipju ta’ proporzjonalità waqt l-iffissar ta’ dan l-ammont inizjali, peress li l-akkordji affettwaw biss il-bejgħ tal-eskalejters mekkaniċi u sehem żgħir tal-bejgħ tal-liftijiet fil-Ġermanja. B’hekk, il-Kummissjoni ma identifikatx is-swieq affettwati bl-akkordji u lanqas id-daqs tagħhom. Hija lanqas ma setgħet tiddetermina l-impatt reali tal-ksur. Issa, mid-dokumenti kkomunikati minn Otis jirriżulta li l-akkordju ma kkonċernax is-suq tal-liftijiet kollu, iżda biss il-proġetti tal-eskalejters mekkaniċi u l-proġetti tal-liftijiet ta’ valur għoli, li kienu l-proġetti tal-liftijiet b’veloċità qawwija li inkludew il-liftijiet standard. Issa, skont Otis, l-ammont totali ta’ bejgħ imwettaq permezz tal-akkordju fil-Ġermanja kien ta’ EUR 128 miljun, u mhux ta’ EUR 576 miljun (premessi 82 u 280 tad-deċiżjoni kkontestata).

180    Qabel kollox, għandu jiġi enfassizzat li r-rikorrenti fil-Kawża T‑145/07 lanqas ma jikkontestaw il-metodoloġija esposta fil-punt 1A tal-Linji gwida tal-1998 dwar id-determinazzjoni tal-ammont inizjali tal-multa, li hekk kif tfakkar fil-punt 174 iktar ’il fuq, tirrispondi għal loġika stabbilita. Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 168 iktar ’il fuq, id-daqs tas-suq ikkonċernat huwa biss element rilevanti sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur, li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tiddetermina l-ammont inizjali tal-multa.

181    L-ewwel nett, bil-kontra ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti fil-Kawża T‑145/07, il-Kummissjoni ma fissatx l-ammont inizjali ġenerali tal-multa għall-ksur fil-Ġermanja billi bbażat ruħha fuq id-daqs tas-suq. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-premessi 657 sa 671 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni bbażat il-konklużjoni tagħha dwar l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur fuq in-natura tal-imsemmi ksur u fil-firxa ġeografika tiegħu.

182    It-tieni nett, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-impatt tal-ksur fil-Ġermanja, hekk kif diġà tfakkar fil-punt 151 iktar ’il fuq, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni għandha twettaq eżami tal-impatt konkret fuq is-suq, biss meta jidher li dan l-impatt jista’ jitkejjel. Issa, dan ma huwiex il-każ fil-kawża preżenti.

183    Bil-kontra ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, mill-premessa 664 tad-deċiżjoni kkontestata, li barra minn hekk fiha l-Kummissjoni tirrispondi għall-allegazzjoni ta’ Otis u ta’ Kone dwar l-impatt allegatament limitat tal-ksur, jirriżulta li kien “impossibbli li jintwerew l-effetti preċiżi tal-ksur”, u li l-ftehim fil-Ġermanja ma affettwawx biss lill-eskalejters mekkaniċi u l-proġetti tal-liftijiet ta’ valur għoli, u li l-Kummissjoni kkunsidrat li kien probabbli “li l-attivitajiet tal-akkordju fuq il-proġetti tal-liftijiet ta’ iktar minn miljun Euro, li jinkudu l-liftijiet b’veloċità qawwija u ta’ valur għoli, kellhom impatt fuq il-funzjonament tal-bqija tas-suq tal-liftijiet”. Fl-imsemmija premessa, il-Kummissjoni rrilevat ukoll li peress li l-valur totali ta’ proġett jiddependi fuq in-numru u t-tip ta’ liftijiet, kien impossibbli li jintwerew l-effetti preċiżi tal-ksur u li l-fatti kienu wrew b’mod ċar li l-intenzjoni tal-partijiet ma kinitx li jeskludu ċertu tipi ta’ prodotti, iżda li jiftehmu fuq il-proġetti jew il-kompetizzjoni li setgħet tiġi eliminata l-iktar faċilment.

184    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti fil-Kawża T‑145/07 ma wrewx li l-impatt tal-ksur fil-Ġermanja seta’ jitkejjel, iżda biss li l-ksur kien twettaq fuq suq allegatament imnaqqas. B’hekk, huma jsostnu li ressqu l-prova li l-akkordju fil-Ġermanja kkonċerna biss l-eskalejters mekkaniċi u l-proġetti tal-liftijiet ta’ valur għoli/b’veloċità qawwija u li l-liftijiet standard kienu inklużi fl-imsemmija proġetti biss b’mod inċidentali. Għaldaqstant, l-allegat suq tal-liftijiet standard ma ġiex affettwat. F’kull każ, dawn l-argumenti għandhom jiġi miċħuda.

185    Qabel kollox, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑145/07 jaffermaw li l-akkordju kkonċerna biss il-proġetti tal-liftijiet b’veloċità qawwija, li għalihom Otis, Kone u ThyssenKrupp kienu l-uniċi kumpanniji li setgħu jippreżentaw offerta, u kkonċernaw lill-liftijiet standard biss b’mod inċidentali, sa fejn kienu parti minn proġett ta’ liftijiet ta’ valur għoli/b’veloċità qawwija jew ta’ proġett ta’ eskalejters mekkaniċi, li huwa, mill-bqija, sostnut mid-dokumenti annessi mar-rikors tagħhom, fosthom dikjarazzjoni bil-miktub ta’ Dr. R.

186    F’dan ir-rigward, għandha tiġi miċħuda l-affermazzjoni li tipprovdi li l-proġetti tal-liftijiet ta’ valur għoli huma l-proġetti tal-liftijiet b’veloċità qawwija. Bil-kontra ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti fil-Kawża T‑145/07, Kone, Otis u ThyssenKrupp ma kinux l-uniċi offerenti effettivi għall-proġetti ta’ liftijiet ta’ valur għoli. Minbarra Schindler, li r-rikorrenti enfasizzaw  li ma pparteċipatx b’mod attiv fid-diskussjonijiet wara x-xahar ta’ Diċembru 2000, mid-dikjarazzjoni bil-miktub ta’ Dr. R ippreżentata mir-rikorrenti sabiex isostnu l-argumenti tagħhom, jirriżulta li, minkejja li Kone, Otis, Schindler u ThyssenKrupp irrappreżentaw it-totalità tal-bejgħ tal-liftijiet b’veloċità qawwija fil-Ġermanja fl-2003, “impriżi oħra fil-Ġermanja wasslu sabiex ħadu parti sostanzjali tal-proġetti ta’ liftijiet b’valur ogħla minn miljun Euro”, li jikkonferma li, skont il-kliem stess tar-rapport ta’ perizja prodott mir-rikorrenti fil-Kawża T‑145/07, il-proġetti ta’ liftijiet ta’ valur għoli ma humiex identiċi għall-proġetti ta’ liftijiet b’veloċità qawwija.

187    Barra minn hekk, hekk kif tirrileva l-Kummissjoni, fid-dawl tal-prezz medju ta’ lift b’veloċità qawwija, ta’ madwar EUR 167 000, u l-affermazzjoni tar-rikorrenti li tipprovdi li kull proġett ta’ valur għoli fih mill-inqas lift wieħed b’veloċità qawwija, ma jistax jiġi eskluż li diversi liftijiet standard ġew inklużi f’tali proġetti. F’dan ir-rigward, OEC ippreċiżat, f’dikjarazzjoni tal-[kunfidenzjali], li l-akkordji dwar il-proġetti ta’ tagħmir ġdid inkludew, barra l-proġetti ta’ eskalejters mekkaniċi, il-“proġetti ta’ prestiġju”. Issa, OEC indikat ukoll li, f’ċerti każijiet limitati, il-proġetti ma inkludewx liftijiet b’veloċità qawwija iżda kienu proġetti speċjali li inkludew numru kbir ta’ unitajiet. Kone ddikjarat ukoll li l-uniku element determinanti kien il-valur globali tal-proġett, ikun x’ikun in-numru u t-tip tal-liftijiet (ara l-punt 254 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u tal-premessa 241 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, din l-affermazzjoni ma hijiex ikkontestata mir-rikorrenti.

188    Hekk kif jirrilevaw ir-rikorrenti stess, kompetituri numerużi oħra barra Otis, Kone u ThyssenKrupp kienu f’pożizzjoni sabiex jippreżentaw offerti għall-proġetti ta’ iktar minn miljun Euro, li inkludew biss liftijiet standard. B’hekk, huma jaffermaw, fir-rikors tagħhom, billi jibbażaw ruħhom fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ Dr. R., li “ċerti proġetti kbar ta’ liftijiet standard, li għalihom diversi kompetituri oħra huma f’pożizzjoni sabiex jippreżentaw offerti, jistgħu wkoll jilħqu valur ogħla minn miljun Euro”. Kone affermat ukoll, fl-osservazzjonijiet tagħha tat-12 ta’ Frar 2004, li fi ħdan il-qasam tal-liftijiet [kunfidenzjali]. L-affermazzjoni tar-rikorrenti li tipprovdi li l-akkordju kkonċerna biss il-proġetti tal-liftijiet li għalihom Otis, Kone u ThyssenKrupp kienu l-uniċi kumpanniji kapaċi sabiex jippreżentaw offerta għandha tiġi miċħuda.

189    Wara, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑145/07 isostnu li l-allegazzjonijiet, li jidhru fil-premessa 664 tad-deċiżjoni kkontestata, li jipprovdu li eżistiet “sovrappożizzjoni” probabbli jew indiretta tad-diskussjonijiet dwar il-liftijiet ta’ valur għoli lejn il-liftijiet l-oħra kollha, huma vagi, paradossali, u f’kunflitt mal-provi fattwali u ekonomiċi.

190    F’dan ir-rigward, għandu jiġi miċħud l-ilment invokat mir-rikorrenti bbażat fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, minħabba l-fatt li l-Kummissjoni ma spjegatx kif id-diskussjonijiet fuq il-liftijiet b’veloċità qawwija setgħu jaffettwaw b’mod indirett il-bqija tal-bejgħ tal-liftijiet u għalfejn dawn probabbilment ġew affettwati. Fil-fatt, fil-premessa 664 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat b’mod espress li l-akkordji fil-Ġermanja kienu bbażati fuq il-proġetti li jirrigwardaw l-eskalejters mekkaniċi, il-liftijiet u l-liftijiet b’veloċità qawwija, f’diversi konfigurazzjonijiet, u li l-valur totali ta’ proġett kien jiddependi fuq in-numru u t-tip tal-liftijiet. Hija rrilevat ukoll li l-attivitajiet tal-akkordju fuq il-proġetti tal-liftijiet ta’ iktar minn miljun Euro, li inkludew il-liftijiet b’veloċità qawwija u ta’ valur għoli, kien affettwa l-funzjonament tal-bqija tas-suq tal-liftijiet, li ma setax jiġi sseparat minnu, peress li s-sensieli kollha tal-prodotti (liftijiet b’veloċità qawwija, b’veloċita dgħajfa u oħrajn) ġew affettwati fi gradi differenti. Fl-aħħar, hija enfassizzat li l-intenzjoni tal-partijiet ma kinix li jiġu esklużi ċerti tipi ta’ prodotti, iżda li jiftiehmu dwar il-proġetti fejn il-kompetizzjoni setgħet tiġi eleminata l-iktar faċilment (ara wkoll il-premessa 242 tad-deċiżjoni kkontestata).

191    Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mill-punti 186 u 187 iktar ’il fuq, l-eżistenza ta’ suq distint u mhux affettwat għal-liftijiet standard ma ġietx stabbilita, peress li l-proġetti tal-liftijiet ta’ valur għoli u l-proġetti tal-eskalejters mekkaniċi jinkludu wkoll il-liftijiet standard, u, kultant, dan it-tip ta’ liftijiet biss.

192    Barra minn hekk, bil-kontra ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti fil-Kawża T‑145/07, il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ effetti, għall-inqas indiretti, fuq is-suq kollu tal-liftijiet u ta’ eskalejters mekkaniċi ma hijiex f’kunflitt mal-allegati provi fattwali u ekonomiċi li huma ppreżentaw. Fir-rigward tal-argument tagħhom li jipprovdi li l-marġni benefiċjarji mwettqa minn Otis fuq il-liftijiet standard mibjugħa fil-kuntest tal-proġetti ta’ valur ta’ inqas minn miljun Euro ma kienx ogħla waqt il-perijodu tal-akkordju ħlief qabel u wara dan il-perijodu, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li ThyssenKrupp affermat li l-livell inizjali sabiex proġett jagħmel parti mill-akkordju kien tbiddel minn DEM 500 000 għal DEM 1 000 000 fl-1998 u għal EUR 1 000 000 mill-2002, u li proġetti ta’ valur inqas minn miljun Euro kienu għaldaqstant ukoll is-suġġett tad-diskussjonijiet (premessa 241 tad-deċiżjoni kkontestata), fis-sens li l-marġni benefiċjarji mwettqa minn Otis fil-kuntest tal-proġetti ta’ valur inqas minn miljun Euro setgħu wkoll jiġu affettwati mill-akkordju. Min-naħa l-oħra, f’kull każ, peress li l-argument tar-rikorrenti huwa bbażat biss fuq l-informazzjoni dwar il-bejgħ tal-grupp Otis, ma huwiex possibbli li jiġu ddeterminati b’ċertezza suffiċjenti l-parametri kompetittivi li kienu jiġu applikati fin-nuqqas tal-ksur. Barra minn hekk, ir-rikorrenti stess, fil-kuntest tal-proċedura amminsitrattiva, enfasizzaw diversi drabi l-valur kbir pubbliċitarju tal-“proġetti ta’ prestiġju”, li jippermetti li jiġi eskluż in-nuqqas ta’ kull effett tal-akkordju fis-suq tal-liftijiet standard.

193    Fl-aħħar, għandu jiġi enfassizzat li, anki jekk jitqies li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni l-element fakultattiv li huwa l-impatt tal-ksur fis-suq, u li kellha tressaq, fid-deċiżjoni kkontestata, indikazzjonijiet konkreti, kredibbli u suffiċjenti, li jippermettu li tiġi evalwata l-influwenza effettiva li l-ksur setgħa kellu fir-rigward tal-kompetizzjoni fis-suq (sentenza Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, punt 122 iktar ’il fuq, punt 82), hemm lok li jiġi kkunsidrat li hija f’kull każ issodisfat dan l-obbligu.

194    F’dak li jirrigwarda l-ksur fil-Ġermanja, il-Kummissjoni rrilevat b’mod partikolari li Kone, Otis, Schindler u ThyssenKrupp kellhom, bħala valur, iktar minn 60 % tal-bejgħ ta’ liftijiet u kważi 100 % tas-suq tal-eskalejters (premessi 51 u 232 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, wara s-sena 2000, it-tliet parteċipanti fl-akkordju flimkien kellhom madwar 75 % tas-suq tal-eskalejters u kważi 50 % tas-suq tal-liftijiet (premessi 278 u 280 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, l-għan tal-akkordju kien li jiffriża l-ishma tas-suq rispettivi tal-impriżi kkonċernati (premessi 236 et seq tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni enfasizzat ukoll il-frekwenza tal-laqgħat (premessi 217 u 218 tad-deċiżjoni kkontestata) u l-prekawżjonijiet meħuda mill-parteċipanti sabiex jaħbu l-kuntatti tagħhom (premessi 219 sa 221 tad-deċiżjoni kkontestata).

195    B’hekk, il-Kummissjoni kkonkludiet, fil-premessa 660 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-fatt li diversi arranġamenti antikompetittivi kienu ġew implementati jissuġġerixxi fih innifsu impatt fuq is-suq, anki jekk l-effett reali kien diffiċli sabiex jitkejjel, peress li ma kienx possibbli li jiġi stabbilit, b’mod partikolari, jekk u kemm kien hemm proġetti oħra li kienu s-suġġett ta’ bid rigging, u lanqas kemm mill-proġetti setgħu kienu s-suġġett ta’ tqassim bejn il-membri tal-akkordju mingħajr il-bżonn ta’ kuntatt bejniethom. Il-Kummissjoni żiedet li l-ishma tas-suq akkumulat ikbar tal-kompetituri indikaw l-effetti antikompetittivi probabbli u li l-istabbiltà relattiva ta’ dawn l-ishma tas-suq waqt il-perijodu kollu li fih seħħ il-ksur ikkonfermat dawn l-effetti.

196    It-tielet nett, ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑145/07 isostnu li, bil-kontra tal-premessa 664 tad-deċiżjoni kkontestata, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma indikatx li d-diskussjonijiet ibbażati fuq il-proġetti tal-liftijiet ta’ iktar minn miljun Euro kienu affettwaw is-suq tal-liftijiet ta’ valur inqas minn dan l-ammont. Għaldaqstant, id-drittijiet ta’ difiża tar-rikorrenti fil-Kawża T‑145/07 inkisru.

197    Hekk kif tfakkar fil-punt 122 iktar ’il fuq, il-prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġ ir-rispett tad-drittijiet ta’ difiża f’kull proċedura jirrikjedi li dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet indirizzata mill-Kummissjoni lil impriża li fil-konfront tagħha hija għandha l-intenzjoni timponi sanzjoni għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tinkludi l-elementi essenzjali meqjsua kontriha, bħall-fatti allegati, il-kwalifika li tingħatalhom u l-provi li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża ruħha, sabiex din l-impriża tkun f’pożizzjoni li ssostni l-argumenti tagħha b’mod effettiv fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva mressqa kontriha.

198    Fil-kawża preżenti, mill-punt 583 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jirriżulta b’mod partikolari li, peress li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-akkordju seta’ kellu xi effetti fuq il-qasam kollu tal-liftijiet u tal-eskalejters mekkaniċi fil-Ġermanja, din għamlet, f’dan ir-rigward, riferiment speċifiku għas-sehem tas-suq akkumulat tal-parteċipanti fl-akkordju fil-qasam tal-liftijiet kollu u tal-eskalejters mekkaniċi. Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-gravità ta’ kull ksur għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, il-Kummissjoni indikat ukoll, fil-punt 617(b), tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li hija kienet ser tieħu inkunsiderazzjoni, fl-evlawazzjoni tal-gravità tal-ksur, li “l-arranġamenti kienu mifruxa fuq l-oqsma kollha tal-liftijiet u tal-eskalejters mekkaniċi”.

199    Barra minn hekk, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑145/07 ħadu pożizzjoni f’dan ir-rigward, fir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. B’hekk huma indikaw b’mod partikolari lill-Kummissjoni li [kunfidenzjali].

200    Għaldaqstant, l-argument li jipprovdi li l-Kummissjoni kisret id-dritt ta’ difiża tar-rikorrenti billi ma indikatx, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li d-diskussjonijiet dwar il-proġetti ta’ liftijiet ta’ iktar minn miljun Euro affettwaw s-suq tal-liftijiet ta’ valur inqas minn dan ma huwiex fondat, u għandu jiġi miċħud.

201    Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑145/07 isostnu li l-ammont inizjali ta’ EUR 70 miljun, iffissat għall-akkordju fil-Ġermanja, huwa manifestament sproporzjonat fil-konfront tal-ammont ta’ bejgħ effettivament suġġett għall-arranġamenti illegali. B’hekk, minkejja li l-Kummissjoni kienet indikat, fil-premessa 664 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija kienet ser tieħu inkusiderazzjoni l-fatt li l-attivitajiet tal-akkordju ma setgħux jaffettwaw direttament is-suq tal-liftijiet kollu, hija ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li kienet biss parti limitata tat-totalità tas-suq tal-liftijiet li kienet is-suġġett tad-diskussjonijiet. Barra minn hekk, billi ffissat l-ammont inizjali tal-multa fir-rigward tal-Ġermanja, il-Kummissjoni kienet idderogat mill-mod ta’ kalkolu tal-ammont tal-multa applikat fid-deċiżjoni kkontestata. Peress li l-Kummissjoni kienet irrikonoxxiet li l-portata tal-akkordji fil-Ġermanja kienet iktar limitata minn dik fit-tliet pajjiżi tal-Benelux, hija ma setgħatx tapplika l-istess kriterji għall-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta abbażi tal-ksur imwettaq fil-Ġermanja.

202    Qabel kollox, tfakkar, fil-punt 174 iktar ’il fuq, li fid-dawl tal-loġika stabbilita li hija bażi tal-metodolġija esposta fil-punt 1A tal-Linji gwida tal-1998, il-Kummissjoni, meta tiffissa l-ammont inizjali ġenerali tal-multa, ma hijiex obbligata li tieħu inkunsiderazzjoni d-daqs tas-suq affettwat.

203    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, minkejja li l-Kummissjoni ma pprovatx turi l-effetti speċifiċi tal-ksur (premessa 660 tad-deċiżjoni kkontestata), hija xorta, fir-rigward tal-ksur fil-Ġermanja, iffissat ammont inizjali mnaqqas sabiex tikkunsidra, għall-benefiċċju tal-impriżi kkonċernati, il-possibbiltà li mhux it-totalità tas-suq tal-liftijiet kien affettwat direttament mill-akkordji. B’hekk, kif il-Kummissjoni tirrileva fil-premessa 664 tad-deċiżjoni kkontestata, hija “ikkunsidrat li l-attivitajiet tal-akkordju fil-Ġermanja forsi ma affettwawx direttament is-suq kollu tal-liftijiet” meta ġiet biex tistabbilixxi l-ammont inizjali tal-multa. Fil-fatt, kien jidher li l-ammont inizjali għall-akkordju fil-Ġermanja kien iffissat f’ammont inqas minn dak applikat għall-akkordji l-oħra msemmija fid-deċiżjoni kkontestata, fid-dawl tad-daqs tas-swieq ikkonċernati (ara l-punt 176 iktar ’il fuq).

204    Barra minn hekk, anki jekk jitqies li, fir-rigward tal-liftijiet, l-akkordju fil-Ġermanja ma kienx affettwa l-proġetti tal-liftijiet ta’ valur għoli/b’veloċità qawwija (ara l-punti 184 sa 191 iktar ’il fuq), l-ammont inizjali tal-multa jibqa’ ġustifikat anki meta jitqabbel mal-ammonti l-oħra stabbiliti għal akkordji oħrajn. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfassizzat li s-suq ġeografiku kkonċernat bl-akkordju fil-Ġermanja kien nettament usa’ mis-swieq ġeografiċi kkonċernati bl-akkordji l-oħra.

205    Fl-aħħar, anki jekk jitqies, bħalma jallegaw ir-rikorrenti fil-Kawża T‑145/07, li l-akkordju fil-Ġermanja affettwa biss parti mis-suq tal-liftijiet, jiġifieri l-proġetti tal-liftijiet ta’ valur għoli/b’veloċità qawwija, il-volum totali tas-suq affettwat mill-akkordju kien, skont l-istimi mressqa minn Otis, ta’ EUR 128 miljun, fis-sens li l-ammont inizjali rrappreżenta 54 % tal-volum tas-suq affettwat.

206    Issa, diġà ġie deċiż li l-ammont inizjali ta’ tali perċentwali ogħla jista’ jiġi ġġustifikat fil-każ ta’ ksur serju ħafna (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi BASF vs Il-Kummissjoni, punt 167 iktar ’il fuq, punti 130 u 133 sa 137, u Carbone Lorraine vs Il-Kummissjoni, punt 137 iktar ’il fuq, punt 121). Barra minn hekk, hekk kif irrilevat il-Kummissjoni fil-premessa 659 tad-deċiżjoni kkontestata, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-effett ta’ prattika antikompetittiva ma huwiex kriterju determinanti fl-evalwazzjoni tal-gravità ta’ ksur. B’mod partikolari, elementi li jirrigwardaw l-aspett intenzjonali jista’ jkollhom iktar importanza minn dawk li jirrigwardaw l-effetti msemmija, speċjalment meta dan ikun ksur intrinsikament gravi bħat-tqassim tas-swieq (sentenzi Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, punt 159 iktar ’il fuq, punt 118, u Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, punt 122 iktar ’il fuq, punt 96; sentenzi Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Ternivs Il-Kummissjoni, punt 77 iktar ’il fuq, punt 199, u Degussa vs Il-Kummissjoni, punt 71 iktar ’il fuq, punt 251).

207    Anki jekk jitqies li l-Kummissjoni, meta tikkonstata diversi ksur serji ħafna f’deċiżjoni waħda unika, għandha tirrispetta rapport ta’ proporzjon bejn l-ammonti inizjali ġenerali u d-daqs tas-swieq differenti affettwati, ma hemm xejn x’jindika f’din il-kawża li l-ammonti inizjali ġenerali ffissati għall-ksur fil-Belġju, fil-Ġermanja, fil-Lussemburgu u fil-Pajjiżi l-Baxxi ma humiex koerenti jew li huma sproporzjonati.

208    Fil-fatt, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 176 iktar ’il fuq, l-eżami ta’ informazzjoni rilevanti juri li l-Kummissjoni, fid-dawl tad-daqs tas-swieq affettwati, iffissat b’mod raġjonevoli u koerenti l-ammonti inizjali ġenerali tal-multi għall-ksur fl-Istati Membri kkonċernati.

209    Għaldaqstant, l-ilmenti kollha li jirrigwardaw l-ammont inizjali ġenerali tal-multi għandhom jiġu miċħuda.

–       Fuq l-ammont inizjali speċifiku tal-multi

210    Għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, trattament differenti bejn l-impriżi kkonċernati huwa parti mid-diskrezzjoni tal-Kummissjoni skont din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha, il-Kummissjoni hija mitluba tindividwalizza l-penali skont l-aġir u l-karatteristiċi partikolari għall-impriżi kkonċernati, sabiex tiggarantixxi, f’kull każ, l-effikaċja sħiħa tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 109, u Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni, punt 108 iktar ’il fuq, punt 44).

211    Huwa b’dan il-mod li l-Linji gwida tal-1998 jipprovdu li, għal ksur ta’ gravità partikolari, fil-każijiet li jinvolvu diversi impriżi, bħall-kartelli, jista’ jkun jaqbel li jiġi deċiż ammont inizjali ġenerali sabiex jiġi ffissat ammont inizjali speċifiku filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-piż, u konsegwentement l-impatt reali, tal-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ kull impriża fuq il-kompetizzjoni, b’mod partikolari meta jkun hemm disparità kunsiderevoli fid-daqs tal-impriżi li jkunu wettqu ksur tal-istess tip (is-sitt paragrafu tal-punt 1 A). B’mod partikolari, huwa meħtieġ li tittieħed inkunsiderazzjoni l-kapaċità ekonomika effettiva ta’ min iwettaq il-ksur li jikkawża dannu sinjifikattiv lill-operaturi l-oħra, b’mod partikolari lill-konsumaturi (ir-raba’ paragrafu tal-punt 1 A).

212    Il-Linji gwida tal-1998 jispeċifikaw ukoll li l-prinċipju ta’ sanzjoni ugwali għall-istess aġir jista’ jwassal, meta ċ-ċirkustanzi jeżiġu dan, għall-applikazzjoni ta’ ammonti differenti fuq l-impriżi kkonċernati mingħajr ma din id-differenza tkun irregolata minn kalkolu aritmetiku (is-seba’ paragrafu tal-punt 1 A).

213    Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Linji gwida tal-1998 ma jipprovdux li l-ammont tal-multi huwa kkalkolat skont id-dħul mill-bejgħ magħmul mill-impriżi fis-suq ikkonċernat. B’hekk, sabiex tiġi evalwata l-influwenza ta’ impriża fuq is-suq jew, skont il-Linji gwida, il-kapaċità ekonomika effettiva tagħha sabiex tikkawża dannu sinjifikattiv lill-operaturi l-oħra, il-Kummissjoni ma għandhiex l-obbligu li tiddefinixxi s-suq minn qabel u lanqas li tevalwa d-daqs tiegħu (sentenza Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, punt 122 iktar ’il fuq, punt 63). Madankollu, il-Linji gwida tal-1998 lanqas jipprekludu illi tali dħul mill-bejgħ jiġu kkunsidrati fl-iffissar tal-ammont tal-multa sabiex jiġu osservati l-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni u meta ċ-ċirkustanzi jitolbu dan (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, T-23/99, Ġabra p. II-1705, punti 283 u 284; tad-9 ta’ Lulju 2003, Cheil Jedang vs Il-Kummissjoni, T-220/00, Ġabra p. II-2473, punt 82, u tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, T-38/02, Ġabra p. II-4407, punt 157).

214    F’dan il-każ, mill-premessi 672 sa 685 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni applikat, għal kull ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, “trattament differenti għall-impriżi sabiex tikkunsidra l-kapaċità ekonomika effettiva ta’ min wettaq il-ksur li jikkawża dannu sinjifikattiv għall-kompetizzjoni” (premessa 672 tad-deċiżjoni kkontestata). Għal kull ksur, hija għamlet klassifikazzjoni tal-impriżi sabiex tiffissa l-ammonti inizjali speċifiċi tal-multa, skont id-dħul mill-bejgħ tagħhom magħmul fuq kull suq nazzjonali tal-prodotti kkonċernati (premessi 673 sa 685 tad-deċiżjoni kkontestata). Bl-eċċezzjoni tal-iffissar tal-ammont inizjali speċifiku għal Schindler minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju fil-Ġermanja, il-Kummissjoni bbażat ruħha, sabiex tiffissa l-ammonti inizjali ta’ impriżi oħra, għal kull ksur, fuq id-dħul mill-bejgħ tas-sena 2003, li kienet, skont il-Kummissjoni, l-iktar sena reċenti li matulha l-imsemmija impriżi kienu membri attivi tal-akkordji kkonċernati (premessi 674, 676, 680 u 684 tad-deċiżjoni kkontestata).

215    L-ewwel nett, fir-rigward tal-ksur fil-Lussemburgu, ir-rikorrenti fil-Kawża T-141/07 tfakkar li, skont il-Linji gwida tal-1998, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni, għad-determinazzjoni tal-ammont inizjali tal-multa, il-kapaċità ekonomika effettiva tal-awturi tal-ksur sabiex iwettqu dannu importanti għall-operaturi l-oħra. Issa, GTO kienet kumpannija żgħira amministrata b’awtonomija totali li fl-ebda każ ma setgħet toħloq dannu sinjifikattiv fis-suq. Ir-rikorrenti fil- fil-Kawża T-141/07 kienet impriża lokali ta’ daqs żgħir, kemm fir-rigward tan-numru ta’ impjegati u kemm fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ tagħha, li kienet attiva biss fis-suq Lussemburgiż.

216    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat qabel kollox li, hekk kif jirriżulta mill-iżviluppi preċedenti (ara l-punti 63 sa 90 u 96 sa 105 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni kkunsidrat ġustament, fid-deċiżjoni kkontestata, li GTO ifformat, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni, unità ekonomika ma’ UTC, OEC, is-sussidjarji Otis u GT. L-argumenti tar-rikorrenti fil-Kawża T‑141/07 dwar id-daqs allegatament żgħir tagħha għandhom jiġu miċħuda.

217    Barra minn hekk, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑141/07 ma tikkontestax li “d-dħul mill-bejgħ ta’ GTO fl-2003 kien l-ogħla fost dak tal-parteċipanti fl-akkordju fil-Lussemburgu” (premessa 681 tad-deċiżjoni kkontestata) u li l-parteċipanti fl-akkordju rrapreżentaw flimkien madwar 80 % tas-suq ikkonċernat (premessi 324 u 325 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dawn iċ-ċirkustanzi, GTO ma hijiex fondata sabiex issostni li l-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmi akkordju ma setgħetx toħloq dannu importanti għall-operaturi l-oħra, b’mod partikolari l-konsumaturi, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-punt 1A tal-Linji gwida tal-1998.

218    It-tieni nett, fir-rigward tal-ksur fil-Ġermanja, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑145/07 jinvokaw nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament meta mqabbla ma’ Schindler, fir-rigward tal-ammont inizjali speċifiku tal-multi.

219    Fil-fatt, l-ammont inizjali tal-multa impost fuqhom kien ġie kkalkolat fuq il-bażi tan-natura u tal-portata ġeografika tal-aġir antikompetittiv biss, filwaqt li dak tal-multa imposta fuq Schindler kien ħa inkunsiderazzjoni l-fatt li l-imsemmi aġir kien twettaq biss fuq parti mis-suq tal-prodotti kkonċernati. L-applikazzjoni tal-approċċ magħżul mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ Schindler fuq is-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-Kawża T‑145/07 kellha wkoll twassal għal tnaqqis fl-ammont inizjali tal-multa tagħhom.

220    Għandu jiġi rrilevat li, fir-rigward tal-akkordju fil-Ġermanja, is-sitwazzjoni ta’ Schindler hija differenti minn dik ta’ ThyssenKrupp. Fil-fatt, ma huwiex ikkontestat li, matul il-parteċipazzjoni kollha ta’ Schindler fl-akkordju fil-Ġermanja bejn Awwissu 1995 u Diċembru 2000, din kienet tikkonċerna biss l-eskalejters (premessa 213 u Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni kkontestata). Għalhekk Schindler ipparteċipat biss fil-parti tal-ksur li tirrigwarda l-eskalejters ikkonstatata fl-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni kkontestata. Min-naħa l-oħra, ThyssenKrupp ipparteċipat f’żewġ partijiet tal-ksur, jiġifieri dik li tirrigwarda l-eskalejters, bejn Awwissu 1995 u Diċembru 2003, u dik li tirrigwarda l-liftijiet, bejn Diċembru 2000 u Diċembru 2003 (premessi 212 u 213, u l-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni kkontestata). L-applikazzjoni ta’ trattament differenti hija intiża speċifikament sabiex tieħu inkunsiderazzjoni d-differenzi bejn l-impriżi fir-rigward tal-kapaċità tagħhom li jikkawżaw dannu sinjifikattiv għall-kompetizzjoni, li, fir-rigward ta’ Schindler, kienet neċessarjament inqas peress li hija ma pparteċipatx fil-parti tal-akkordju dwar il-liftijiet.

221    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti fil-Kawża T-145/07 ma jistgħux jikkonkludu b’mod validu li ġew suġġetti għal trattament diskriminatorju li rriżulta mit-teħid inkunsiderazzjoni għal Schindler, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont inizjali speċifiku tal-multa, tad-dħul mill-bejgħ imwettaq fis-suq tal-eskalejters mekkaniċi biss. Bil-kontra, kien b’mod partikolari t-teħid inkunsiderazzjoni tad-differenzi bejn is-sitwazzjoni ta’ Schindler, minn naħa, u dik tal-parteċipanti l-oħra fl-akkordju, min-naħa l-oħra, li wasslet lill-Kummissjoni, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, sabiex tieħu inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ differenti għaż-żewġ kategoriji ta’ impriżi kkonċernati.

222    Minn dak kollu li ntqal qabel jirriżulta li l-ilmenti kollha li jirrigwardaw l-ammont inizjali speċifiku tal-multi għandu jiġi miċħud.

223    Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Linji gwida tal-1998 u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fl-iffissar tar-rata taż-żieda tal-ammont inizjali tal-multa permezz tat-tul tal-perijodu tal-ksur fil-Ġermanja

224    Ir-rikorrenti fil-Kawża T‑145/07 isostnu li ż-żieda fl-ammont inizjali tal-multa ta’ 10 % fis-sena, minħabba t-tul tal-perijodu tal-ksur fil-Ġermanja, hija sproporzjonata. Fil-fatt, l-ewwel nett, id-diskussjonijiet kienu jirrigwardaw biss, għal iktar minn nofs tad-dewmien tal-arranġamenti l-eskalejters mekkaniċi u għaldaqstant setgħu jaffettwaw biss suq li fih il-bejgħ ammonta għal EUR 70 miljun fl-2003 (premessa 82 tad-deċiżjoni kkontestata). It-tieni nett, Otis żammet biss parti limitata tas-suq għal iktar min-nofs tad-dewmien tal-arranġamenti u kellha pożizzjoni ħafna iktar dgħajfa minn Kone u ThyssenKrupp fis-suq tal-eskalejters mekkaniċi. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kellha tapplika bilanċ meta ddeterminat is-sehem tal-eskalejters mekkaniċi fl-ammont inizjali billi tieħu inkunsiderazzjoni l-pożizzjoni relattiva ta’ kull waħda mill-kumpanniji implikati fl-arranġamenti li jirrigwardaw l-eskalejters mekkaniċi, kif kienet għamlet għal Schindler (premessa 676 tad-deċiżjoni kkontestata).

225    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, it-tul tal-perijodu tal-ksur jikkostitwixxi wieħed mill-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta fuq l-impriżi li huma responsabbli mill-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

226    F’dak li jirrigwarda l-fattur li jikkonċerna t-tul tal-ksur, il-Linji gwida tal-1998 jagħmlu distinzjoni bejn il-ksur ta’ tul qasir (ġeneralment ta’ inqas minn sena), li fir-rigward tiegħu l-ammont tat-tluq deċiż abbażi tal-gravità ma għandux jiżdied, il-ksur ta’ tul medju (ġeneralment ta’ bejn sena u ħames snin), li fir-rigward tiegħu dan l-ammont jista’ jiżdied b’50 %, u l-ksur ta’ tul twil (ġeneralment ta’ iktar minn ħames snin), li fir-rigward tagħhom dan l-ammont jista’ jiżdied b’10 % għal kull sena (l-ewwel sat-tielet paragrafi tal-punt 1B).

227    Huwa paċifiku li Otis ipparteċipat fl-akkordju fil-Ġermanja mill-1 ta’ Awwissu 1995 sal-5 ta’ Diċembru 2003, jiġifieri perijodu ta’ tmien snin u erba’ xhur, li jikkorrispondi għal ksur ta’ tul twil.

228    Għaldaqstant, kien bl-applikazzjoni tar-regoli li l-Kummissjoni imponiet fuqha nnfisha fil-Linji gwida tal-1998 li żdied bi 80 %, jiġifieri 10 % għal kull sena, l-ammont inizjali tal-multa abbażi tat-tul tal-perijodu ta’ ksur fil-Ġermanja.

229    Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li ż-żieda tal-ammont inizjali b’80 % ma tistax tiġi kkunsidrata bħala manifestament sproporzjonata fid-dawl taż-żmien twil tal-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-8 ta’ Ottubru 2008, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, T‑68/04, Ġabra p. II-2511, punt 113).

230    Essenzjalment, l-argumenti tar-rikorrenti jirriżultaw f’konfużjoni bejn il-kriterju ta’ gravità u dak ta’ dewmien previsti mill-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003. Fil-fatt, permezz tal-argumenti tagħhom, huma jdaħħlu inkwistjoni ż-żieda tal-ammont iniżjali tal-multa b’10 % fis-sena, billi jirreferu għal elementi marbuta mal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur. B’hekk, dawn jirreferu għall-fatt li, l-ewwel nett, l-akkordju fil-Ġermanja fl-ewwel ħames snin tiegħu wassal għal arranġamenti illeċiti fis-suq tal-eskalejters mekkaniċi biss u li, it-tieni nett, huma żammew parti żgħira tas-suq relevanti waqt iktar minn nofs tal-perijodu li fih seħħ l-akkordju minħabba b’mod partikolari, il-pożizzjoni dgħajfa tagħhom fis-suq tal-eskalejters mekkaniċi.

231    Anki jekk jitqies li l-kunsiderazzjonijiet dwar il-gravità tal-ksur jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-perċentwali ta’ żieda tal-ammont inizjali tal-multa abbażi tad-dewmien tal-ksur, fi kwalunkwe każ, l-argumenti tar-rikorrenti ma jistgħux jintlaqgħu.

232    L-ewwel nett, ma huwiex ikkontestat li l-arranġamenti kumplessi jew ta’ kollużjoni dwar l-eskalejters mekkaniċi u l-liftijiet fil-Ġermanja kkostitwew ksur uniku u kontinwu (premessa 569 tad-deċiżjoni kkontestata) peress li, waqt il-perijodu li fih seħħ il-ksur kollu, il-parteċipanti segwew għan komuni intiż b’mod partikolari sabiex iqassmu l-proġetti bejniethom u sabiex jillimitaw l-aġir kummerċjali individwali tagħhom meta ppreżentaw xi offerti. Peress li r-rikorrenti fil-Kawża T‑145/07 ma jikkontestawx il-kwalifika tal-ksur bħala ksur uniku u kontinwu, ma jistgħux jakkużaw lill-Kummissjoni li użat ammont inizjali magħqud għall-arranġamenti li jirrigwardaw l-eskalejters mekkaniċi u l-liftijiet. Fid-dawl tan-natura tal-ksur u l-firxa ġeografika tiegħu, il-Kummissjoni kkwalifikatu bħala “serju ħafna” (premessa 671 tad-deċiżjoni kkontestata), u dan b’mod indipendenti mill-kwistjoni sabiex isir magħruf jekk kinitx taf b’xi varjazzjonijiet fir-rigward tal-prodotti kkonċernati (liftijiet u/jew eskalejters mekkaniċi). Issa, peress li l-ksur kellu natura “serja ħafna” waqt il-perijodu kkontestat kollu, il-Kummissjoni kellha dritt tapplika l-istess rata taż-żieda fuq il-perijodu sħiħ tal-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-12 ta’ Settembru 2007, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, T‑30/05, Ġabra p. II‑107, punt 196).

233    It-tieni nett, għandu jitfakkar li s-sitwazzjoni ta’ Otis ma tistax titqabbel ma’ dik ta’ Schindler (ara l-punti 220 u 221 iktar ’il fuq). Qabel kollox, Otis ma tikkontestax li hija pparteċipat fl-arranġamenti illegali li kkonċernaw lill-eskalejters mekkaniċi u l-liftijiet, u wara li l-arranġamenti illegali kkostitwew ksur uniku u kontinwu u, fl-aħħar, li l-Kummissjoni użat, sabiex tapplika trattament differenti fuq l-impriżi, id-dħul mill-bejgħ tagħhom għall-prodotti li kienu s-suġġett tal-akkordju, sabiex tieħu inkunsiderazzjoni tal-kapaċità ekonomika effettiva tagħhom li setgħet tippreġudika l-kompetizzjoni u għaldaqstant, kien ġustament li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-parti tas-suq miżmuma minn Otis fl-2003, li kienet is-sena kompleta l-iktar riċenti tal-attività tal-kartell, fuq it-totalità tas-suq tal-eskalejters mekkaniċi u tal-liftijiet għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont inizjali speċifiku tal-multa. Issa, id-dħul mill-bejgħ globali mwettaq minn Otis f’dan is-suq fl-2003 kien simili għal dak ta’ Kone u ta’ ThyssenKrupp (premessa 677 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-klassifikazzjoni ta’ Otis fl-istess kategorija ta’ Kone u ta’ ThyssenKrupp għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont inizjali speċifiku tal-multi għaldaqstant tidher koerenti u oġġettivament ġustifikata. Fid-dawl tal-iżviluppi li jidhru fil-punt 232 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑145/07 ma tistax barra minn hekk tikkontesta l-applikazzjoni tal-istess rata ta’ żieda fuq l-imsemmi ammont minħabba d-dewmien tal-ksur fuq l-impriżi kollha li huma parti mill-istess kategorija.

234    Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Linji gwida tal-1998 u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fl-applikazzjoni tal-fattur multiplikatur ta’ grupp għall-finijiet tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-għan ta’ dissważjoni fl-iffissar tal-ammont inizjali tal-multi

235    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tfakkar il-ħtieġa li l-multi jiġu ffissati “f’livell li jiżgura effett disważiv suffiċjenti, b’teħid inkunsiderazzjoni tad-daqs ta’ kull impriża” (premessa 686 tad-deċiżjoni kkontestata). B’hekk, wara li kkonstatat li, “[b]’dħul mill-bejgħ dinji rispettiv ta’ EUR 47 100 000 000 u ta’ EUR 34 300 000 000, ThyssenKrupp u UTC/Otis huma atturi ħafna iktar importanti mid-destinatarji l-oħra”, il-Kummissjoni qieset li “l-ammont inizjali [tal-multi] [kienet] teħtieġ żieda fl-aġġustament sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni d-daqs u r-riżorsi globali” ta’ dawn l-impriżi u li “l-applikazzjoni ta’ fattur multiplikatur ta’ 2 (żieda ta’ 100 %) fuq l-ammont inizjali tal-multa imposta fuq ThyssenKrupp u ta’ 1,7 (żieda ta’ 70 %) fuq l-ammont inizjali tal-multa imposta fuq UTC/Otis [kienet] indikata” (premessa 690 tad-deċiżjoni kkontestata).

236    Ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑145/07 u T‑146/07 isostnu li l-Kummissjoni kisret il-Linji gwida tal-1998 u l-prinċipju ta’ proporzjonalità billi applikat fattur multiplikatur ta’ 1.7 fuq l-ammont inizjali tal-multi imposti fuq il-kumpanniji tal-grupp Otis fl-erba’ Stati Membri kkonċernati, sabiex tiżgura effett disważiv suffiċjenti fuq l-imsemmija multi.

237    L-ewwel nett, ir-rikorrenti jikkontestaw it-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ ta’ UTC għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-fattur ta’ dissważjoni.

238    F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jitfakkar li huwa ġustament li l-Kummissjoni kkunsidrat li r-rikorrenti fil-Kawżi T‑141/07, T‑142/07, T‑145/07 u T‑146/07 jifformaw unità ekonomika (ara l-punti 67 sa 90 u 106 sa 120 iktar ’il fuq).

239    Sussegwentement għandu jiġi enfasizzat li l-ħtieġa li jiġi żgurat effett dissważiv biżżejjed tal-multa, inkwantu din ma timmotivax iż-żieda ġenerali tal-multi fil-kuntest tal-implementazzjoni ta’ politika ta’ kompetizzjoni, tirrikjedi li l-ammont tal-multa jiġi stabbilit sabiex jieħu inkunsiderazzjoni l-impatt mistenni fuq l-impriża li fuqha tkun ġiet imposta, u dan bil-għan li l-multa ma ssirx ineffikaċi, jew mill-banda l-oħra eċċessiva, b’mod partikolari fid-dawl tal-kapaċità finanzjarja tal-impriża inkwistjoni, skont l-eżiġenzi bbażati, minn naħa waħda, fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata l-effettività tal-multa u, min-naħa l-oħra, l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2008, Lafarge vs Il-Kummissjoni, T-54/03, li ma hijiex ippubblikata fil-Ġabra, punt 670).

240    Huwa veru, għall-finijiet tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-għan tal-effett dissważiv, il-Kummissjoni ma ddefinixxietx, fil-Linji gwida tal-1998, il-metodoloġija jew il-kriterji individwalizzati li l-espożizzjoni speċifika tagħhom jista’ jkollha saħħa vinkolanti. Ir-raba’ paragrafu tal-punt 1 A tal-Linji gwida, fil-kuntest tal-indikazzjonijiet dwar l-evalwazzjoni tal-gravità ta’ ksur, jirreferi biss għall-ħtieġa li l-ammont tal-multa jiġi ddeterminat f’livell li jiżgura li dan ikollu natura suffiċjentement dissważiva (sentenza Schunk u Schunk Kohlenstoff-Technik vs Il-Kummissjoni, punt 83 iktar ’il fuq, punt 193)

241    Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Kummissjoni hija korretta meta tuża d-dħul mill-bejgħ globali ta’ kull impriża li tifforma parti minn akkordju bħala kriterju rilevanti għall-finijiet tal-iffissar tal-fattur multiplikatur ta’ dissważjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 2006, Showa Denko vs Il-Kummissjoni, C 289/04 P, Ġabra p. I-5859, punti 17 u 18). B’hekk, id-daqs u r-riżorsi globali ta’ impriża huma kriterji rilevanti fid-dawl tal-għan li għandu jintlaħaq, jiġifieri li tiġi żgurata l-effettività tal-multa billi l-ammont tagħha jiġi adattat skont ir-riżorsi globali tal-impriża u l-kapaċità tagħha li tikseb il-fondi meħtieġa għall-ħlas tal-imsemmija multa. Fil-fatt, l-iffissar ta’ rata ta’ żieda tal-ammont inizjali sabiex jiġi żgurat effett dissważiv biżżejjed tal-multa huwa intiż iktar sabiex jiżgura l-effettività tal-multa milli sabiex jindika l-ħsara tal-ksur għall-andament normali tal-kompetizzjoni u, għaldaqsant, il-gravità tal-imsemmi ksur (sentenza Lafarge vs Il-Kummissjoni, punt 239 iktar ’il fuq, punt 672).

242    Konsegwentement, il-Kummissjoni ma kisritx il-linji gwida tal-1998 u lanqas il-prinċipju ta’ proporzjonalità billi bbażat ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ tal-grupp Otis għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-fattur ta’ dissważjoni.

243    It-tieni nett, ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑145/07 u T‑146/07 isostnu li l-Kummissjoni kellha teżamina jekk id-dissważjoni kinitx neċessarja fir-rigward ta’ Otis, billi tibbaża ruħha fuq il-probabbiltà li din terġa’ twettaq ksur, u li kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-isforzi tar-rikorrenti sabiex jevitaw ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni, peress li dawn għamlu dak kollu li kien raġonevolament possibbli sabiex jevitaw il-ksur ikkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata. Huma jirreferu f’dan ir-rigward, għall-programm ta’ konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni eżistenti fi ħdan il-grupp Otis, għall-kooperazzjoni tagħhom waqt il-proċedura amministrattiva u għat-tħassir tal-kuntratti mal-impjegati responsabbli għall-ksur li kienu, barra minn hekk, wettqu sforzi kbar sabiex jaħbu l-aġir tagħom mis-superjuri tagħhom.

244    Fil-kawża preżenti, huwa stabbilit li, sabiex tapplika fuq Otis rata ta’ multiplikazzjoni fid-dawl li ssaħħah l-effett dissważiv tal-multi, il-Kummissjoni ma wettqitx evalwazzjoni tal-probabbiltà li terġa’ twettaq ksur. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-premessi 688 sa 690 tad-deċiżjoni kkontestata, hija ħadet inkunsiderazzjoni biss tad-daqs u tar-riżorsi globali tagħha, b’mod partikolari, id-dħul mill-bejgħ dinji tagħha.

245    Madankollu, in-nuqqas ta’ evalwazzjoni tal-probabbiltà li Otis terġa’ twettaq ksur ma jaffettwax il-legalità tar-rata ta’ multiplikazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali, BASF vs Il-Kummissjoni, punt 167 iktar ’il fuq, punt 229, u tat-12 ta’ Diċembru 2007, BASF u UCB vs Il-Kummissjoni, T-101/05 u T-111/05, Ġabra p. II-4949, punt 47, u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, ir-rabta bejn, minn naħa, id-daqs u r-riżorsi globali tal-impriżi, u, min-naħa l-oħra, il-ħtieġa li jiġi żgurat l-effett dissważiv tal-multa ma tistax tiġi kkontestata. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li impriża ta’ daqs kbir, li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha riżorsi finanzjarji konsiderevoli meta mqabbla ma’ dawk tal-membri l-oħra tal-akkordju, tista’ timmobilizza iktar faċilment il-fondi meħtieġa għall-ħlas tal-multa tagħha, li jiġġustifika, bil-għan li jiġi żgurat li din tal-aħħar ikollha effett dissważiv suffiċjenti, l-impożizzjoni, b’mod partikolari bl-applikazzjoni ta’ multiplikatur, ta’ multa proporzjonalment iktar għolja mill-istess ksur imwettaq minn impriża li ma jkollhiex dawn ir-riżorsi (ara s-setentenza BASF vs Il-Kummissjoni, punt 167 iktar ’il fuq, punt 235, u l-ġurisprudenza ċċitata).

246    Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ reċidività għandu jiġi miċħud.

247    Fir-rigward tal-programm ta’ konformizzazzjoni mar-regoli tal-kompetizzjoni eżistenti fi ħdan Otis u tal-fatt li din tal-aħħar kienet ħassret il-kuntratti tagħha mal-impjegati li kienu responsabbli għall-ksur, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif tenfassizza ġustament il-Kummissjoni fil-premessa 688 tad-deċiżjoni kkontestata, tali miżuri ma jaffettwaw bl-ebda mod ir-realtà tal-ksur imwettaq. Peress li ż-żieda tal-ammont inizjali sabiex jiġi żgurat effett suffiċjentement dissważiv tal-multa huwa intiż b’mod partikolari sabiex jiżgura l-effettività tal-multa fir-rigward tal-kapaċità finanzjara tal-impriża, il-Kummissjoni ma hijiex marbuta tieħu inkunsiderazzjoni tali miżuri meta tiddetermina r-rata ta’ multiplikazzjoni applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza BASF u UCB vs Il-Kummissjoni, punt 245 iktar ’il fuq, punt 52).

248    Għall-istess raġunijiet, l-argument ibbażat fuq il-kooperazzjoni ta’ Otis waqt il-proċedura amministrattiva għandu jiġi miċħud. Għandu jiżdied li l-Kummissjoni rrikonoxxiet ir-realtà tal-kooperazzjoni ta’ Otis u rrikompensatha fil-kuntest tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 kif ukoll barra minn dan l-avviż (ara l-Kapitolu 13.8 tad-deċiżjoni kkontestata). L-evalwazzjoni ta’ din il-kooperazzjoni tal-Kummissjoni hija s-suġġett tal-punti 252 sa 379 iktar ’il quddiem.

249    It-tielet nett, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑146/07 tosserva li l-Kummissjoni, billi applikat ir-rata ta’ multiplikazzjoni fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ tal-grupp tirriskja li tevita l-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ stabbilit mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

250    Dan l-argument għandu jiġi miċħud ukoll. Fil-fatt, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑146/07 ma tispjegax kif iż-żieda fl-ammont tal-multa fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ toħloq ir-riskju li jinqabeż il-limitu superjuri ta’ 10 % previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, li jirreferi għad-dħul mill-bejgħ globali tal-impriża kkonċernata. F’kull każ, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑146/07 ma tallegax li, fil-kawża preżenti, il-limitu ta’ 10 % kien inqabeż.

251    Minn dak kollu li ntqal preċedentement jirriżulta li dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, tal-Artikolu 253 KE u fuq il-ksur tal-prinċipji tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta’ proporzjonalità, ta’ ekwità, ta’ ugwaljanza fit-trattament u tad-drittijiet ta’ difiża

252    Ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑141/07 u T‑145/07 ifakkru li huma ppreżentaw xi talbiet sabiex jibbenefikaw minn immunità minn multi jew minn tnaqqis fl-ammont tagħhom abbażi tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002. Madankollu, il-Kummissjoni kienet kisret id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi avviż, l-Artikolu 253 KE, il-prinċipji tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta’ proporzjonalità, ta’ ekwità, ta’ ugwaljanza fit-trattament u kif ukoll tad-drittijiet ta’ difiża tagħhom billi evalwat il-kwalità u l-utilità tal-kooperazzjoni tagħhom.

 Fuq l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002

253    Għandu jiġi rrilevat li fl-Avviż dwar il-kooperazzjoni, il-Kummissjoni ddefinixxiet il-kundizzjonijiet li taħthom l-impriżi li jikkooperaw magħha sabiex jiġi stabbilit akkordju jistgħu jiġu eżentati mill-multa jew jibbenefikaw minn tnaqqis tal-ammont tal-multa li kieku kien ikollhom iħallsu.

254    L-ewwel nett, l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 jipprovdi, fil-paragrafu 8 tiegħu, taħt it-Titolu A:

“[I]l-Kummissjoni ser tagħti lil impriża immunità minn kull multa li kieku kienet tkun imposta jekk:

a)      l-impriża hija l-ewwel waħda li tressaq provi li fl-opinjoni tal-Kummissjoni jistgħu jippermettulha tieħu deċiżjoni biex twettaq investigazzjoni fis-sens tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 17, b’konnessjoni ma’ kartell allegat li qiegħed jaffetwa ‘l-Komunità;

b)      l-impriża hija l-ewwel waħda li tressaq provi li fl-opinjoni tal-Kummissjoni jistgħu jippermettuha ssib ksur ta’ l-Artikolu 81 KE b’konnessjoni ma’ kartell allegat li jaffettwa il-Komunità.”

255    Sussegwentement, l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 jipprovdi, fil-paragrafu 20 tiegħu, taħt it-Titolu B, li “[i]mpriżi li ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet taħt is-sezzjoni A hawn fuq jistgħu jkunu eliġibbli biex jibbenefikaw minn tnaqqis ta’ kull multa li kieku kienet tkun imposta” u, fil-paragrafu 21 tiegħu li, “[b]iex tikkwalifika, impriża għandha tipprovdi l-Kummissjoni bi provi tal-ksur tal-liġi ssospettat li jirrappreżentaw valur miżjud b’rispett għall-evidenza li diġà tinstab fil-pussess tal-Kummissjoni u għanda twaqqaf l-involviment tagħha fil-ksur tal-liġi ssuspettat mhux aktar tard miż-żmien li fih tressaq il-provi”.

256    Fir-rigward tal-kunċett tal-valur miżjud, fil-paragrafu 22 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 huwa spjegat li:

“Il-kunċett ta’ ‘valur miżjud’ jirreferi għall-punt sa fejn il-provi pprovduti jinforzaw, bin-natura tagħhom u/jew bil-livell ta’ detall, l-abilità tal-Kummissjoni li tipprova l-fatti msemmija. F’din l-istima, il-Kummissjoni ġeneralment tikkunsidra l-provi bil-miktub li joriġinaw mill-perjodu ta’ żmien li miegħu jirrelataw il-fatti biex ikollhom valur ikbar mill-provi stabbiliti wara. Bl-istess mod, provi li huma direttament rilevanti għall-fatti msemmija ġeneralment jiġu kkunsidrati li għandhom valur akbar minn dawk b’rilevanza indiretta biss”.

257    L-ewwel paragrafu tal-punt 23(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 jipprovdi klassifikazzjoni fi tliet kategoriji għat-tnaqqis tal-multi:

“–      [l]-ewwel impriża li tissodisfa l-punt 21: tnaqqis ta’ 30-50 %;

–       it-tieni impriża li tissodisfa il-punt 21: tnaqqis ta’ 20-30 %;

–       impriżi oħra li jissodisfaw il-punt 21: tnaqqis sa 20 %.”

258    It-tieni paragrafu tal-punt 23(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 jipprovdi:

“Biex jiġi ddeterminat il-livell ta’ tnaqqis f’kull waħda minn dawn il-faxex, il-Kummissjoni ser tieħu kont taż-żmien li fih ġew mressqin il-provi li jissodisfaw il-punt 21 u l-punt sa fejn jirrappreżentaw valur miżjud. Tista’ wkoll tieħu kont tal-miżura u tal-kontinwità ta’ kull kooperazzjoni ipprovduta mill-impriża wara d-data tas-sottomissjoni tagħha.”

259    Fl-aħħar nett, l-aħħar paragrafu tal-punt 23(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 jipprovdi:

“[J]ekk impriża tipprovdi provi rrelatati ma’ fatti li qabel ma kinux magħrufa lill-Kummissjoni li għandhom rilevanza diretta fuq il-gravità u t-tul tal-kartell issuspettat, il-Kummissjoni mhijiex ser tieħu kont ta’ dawn l-elementi meta tordna li tiġi imposta multa fuq l-impriża li tipprovdi dawn il-provi.”

 Fuq il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni u l-istħarriġ tal-qrati tal-Unjoni

260    Għandu jitfakkar li l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, li jikkostitwixxi l-bażi ġuridika għall-impożizzjoni tal-multi fil-każ ta’ ksur tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, jagħti lill-Kummissjoni marġni ta’ diskrezzjoni fl-iffissar tal-multi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Ottubru 1997, Deutsche Bahn vs Il-Kummissjoni, T-229/94, Ġabra p. II-1689, punt 127) li huwa, b’mod partikolari, funzjoni tal-politika ġenerali tagħha fil-qasam tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 210 iktar ’il fuq, punti 105 u 109). Huwa f’dan il-kuntest li, biex tiżgura t-trasparenza u n-natura oġġettiva tad-deċiżjonijiet tagħha fil-qasam tal-multi, il-Kummissjoni adottat u ppubblikat, fl-2002, l-Avviż dwar il-kooperazzjoni. Dan huwa strument intiż li jippreċiża, fir-rispett tad-dritt ta’ kompetenzi superjuri, il-kriterji li l-Kummissjoni tixtieq tapplika fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha. Minnu jirriżulta awtolimitazzjoni ta’ din is-setgħa (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ April 1998, Vlaams Gewest vs Il-Kummissjoni, T-214/95, Ġabra p. II-717, punt 89), sa fejn hija l-Kummissjoni li għandha tikkonforma ruħha mar-regoli indikattivi li hija imponiet fuqha nnifisha (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 1996, AIUFFASS u AKT vs Il-Kummissjoni, T-380/94, Ġabra p. II-2169, punt 57).

261    L-awtolimitazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni li tirriżulta bl-adozzjoni tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 madankollu ma hijiex inkompatibbli maż-żamma ta’ marġni ta’ diskrezzjoni sostanzjali mill-Kummissjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il-Kummissjoni, punt 164 iktar ’il fuq, punt 224).

262    L-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 fih, fil-fatt, elementi differenti ta’ flessibbiltà li jippermettu lill-Kummissjoni teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha b’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’analoġija, is-sentenza Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il-Kummissjoni, punt 164 iktar ’il fuq, punt 224).

263    B’hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ meta hija msejħa tevalwa jekk provi prodotti minn impriża li esprimiet ix-xewqa tagħha li tibbenefika mill-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 għandhomx valur miżjud sinjifikattiv skont il-paragrafu 21 tal-imsemmi Avviż (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Mejju 2007, SGL Carbon vs Il Kummissjoni, C-328/05 P, Ġabra p. I-3921, punt 88, u s-sentenza Hoechst vs Il-Kummissjoni, T-410/03, Ġabra p. II-881, punt 555). Fir-rigward tal-paragrafu 8 (a) u (b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, għandu jiġi kkonstatat li dan il-marġni ta’ diskrezzjoni sostanzjali jirriżulta mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni, li tirreferi espressament għall-produzzjoni ta’ provi li “fl-opinjoni tal-Kummissjoni”, huma ta’ natura li jippermettulha tadotta deċiżjoni li tordna investigazzjonijiet jew li jippermettulha tikkonstata ksur rispettivament. L-evalwazzjoni tal-kwalità jew tal-utilità tal-kooperazzjoni mogħtija minn impriża fil-fatt timplika evalwazzjonijiet fattwali kumplessi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2007, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 81, u s-sentenza Carbone Lorraine vs Il-Kummissjoni, punt 137 iktar ’il fuq, punt 271).

264    Bl-istess mod, il-Kummissjoni, wara li tkun ikkonstatat li xi provi għandhom valur miżjud sinjifikattiv skont il-punt 21 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, għandha marġni ta’ diskrezzjoni meta hija msejħa tistabbilixxi l-livell eżatt tat-tnaqqis tal-ammont tal-multa li għandu jingħata lill-impriża kkonċernata. Fil-fatt, l-ewwel paragrafu tal-punt 23(b) tal-imsemmi Avviż jipprovdi skala għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa għad-diversi kategoriji ta’ impriżi msemmija, filwaqt li t-tieni subparagrafu tal-imsemmi paragrafu jistabbilixxi l-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni sabiex tiddefinixxi mill-ġdid il-livell ta’ tnaqqis fil-limiti ta’ din l-iskala.

265    Fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni li l-Kummissjoni għandha sabiex tevalwa l-kooperazzjoni ta’ impriża bis-saħħa tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, huwa biss eċċess manifest ta’ dan il-marġni li jista’ jiġi kkundannat mill-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2007, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, punt 263 iktar ’il fuq, punti 81, 88 u 89, u s-sentenza Hoechst vs Il-Kummissjoni, punt 263 iktar ’il fuq, punt 555).

 Fuq il-kooperazzjoni ta’ Otis għall-finijiet tal-istabbiliment tal-ksur fil-Belġju

266    Il-Kummissjoni ddeċidiet, fil-premessa 767 tad-deċiżjoni kkontestata, “li tagħti tnaqqis tal-multa lil Otis ta’ 40 % fl-iskala prevista fil-paragrafu 23, [l-ewwel subparagrafu] (b), l-ewwel [inċiż] tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002”.

267    Fil-premessa 763 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tispjega li “Otis kienet it-tieni impriża li bagħtet informazzjoni dwar il-Belġju, ftit wara t-tieni serje ta’ ispezzjonijiet imwettqa fil-Belġju”, u li “[i]t-talba [abbażi tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002] ta’ Otis tgħaqqa[d] flimkien essenzjalment xi dikjarazzjonijiet orali tal-impriża u xi provi limitati u kontemporanji”.

268    Fir-rigward tal-valur tal-kooperazzjoni ta’ Otis, il-Kummissjoni tippreċiża fil-premessa 766 tad-deċiżjoni kkontestata li din il-kooperazzjoni baqgħet għaddejja u li “żiedet il-kapaċità tal-Kummissjoni li turi l-ksur, b’mod partikolari permezz ta’ provi li kkonsistew f’dokumenti kontemporanji li ressqu konsegwentement valur ikbar sinjifikattiv”. Il-Kummissjoni żżid fl-imsemmija premessa li “[m]adankollu, il-provi mibgħuta pprovdew biss informazzjoni limitata fuq il-fatti preċedentement injorati mill-Kummissjoni”.

269    Skont ir-rikorrenti fil-Kawża T‑145/07, Otis kellha tibbenefika minn tnaqqis fl-ammont tal-multa ta’ 50 %, peress li kienet ipprovdiet, fi stadju bikri tal-proċedura, xi provi kunsiderevoli fuq l-akkordji fil-Belġju, fosthom provi kontemporanji bħal-listi ta’ proġetti. Huma jirreferu għal dan fir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Skont Otis, il-portata u l-valur tal-provi ppreżentati kienu qabżu sew l-informazzjoni ppreżentata minn Kone fir-rigward tal-ksur fil-Ġermanja, li għalihom il-Kummissjoni kienet tat tnaqqis ta’ 50 %.

270    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti fil-Kawża T‑145/07 ma jikkontestawx li l-kooperazzjoni ta’ Otis taqa’ taħt l-ewwel inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 23(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 u li, abbażi ta’ dan, din l-impriża kellha d-dritt għal tnaqqis tal-ammont tal-multa bejn 30 % u 50 %. It-tnaqqis tal-multa ta’ 40 % mogħtija lil Otis abbażi tal-kooperazzjoni tagħha (premessa 767 tad-deċiżjoni kkontestata) tinsab b’hekk fl-iskala prevista għal dan il-għan fl-imsemmi avviż.

271    Mingħajr ma jkun hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tal-argumenti tar-rikorrenti, li jirreferu essenzjalment għal xi osservazzjonijiet ifformulati f’dokument anness mar-rikors, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kawża preżenti, huma ma wrewx li l-Kummissjoni qabżet b’mod manifest il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha billi ffissat it-tnaqqis tal-ammont tal-multa ta’ Otis għal 40 % abbażi tal-kooperazzjoni tagħha għall-istabbiliment tal-ksur fil-Belġju.

272    Għal dan il-għan, għandu jitfakkar li l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 jipprovdi, fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 23(b) tiegħu li, sabiex jiġi ddefinit il-livell tat-tnaqqis tal-multa fi skala, il-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni, l-ewwel tad-“data li fiha l-provi li jissodisfaw il-kundizzjoni stabbilita fil-p[aragrafu] 21 inbagħtu u l-grad ta’ valur ogħla li dawn jirrapreżentaw”.

273    Issa, mill-konstatazzjonijiet mhux ikkontestati tad-deċiżjoni kkontestata (premessi 95, 96 u 766 tad-deċiżjoni kkontestata) jirriżulta li, anki jekk Otis issodisfat il-kundizzjonijiet tal-paragrafu 21 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 fi ftit żmien wara l-bidu tal-proċedura, xorta jibqa’ l-fatt li l-provi dwar l-akkordju fil-Belġju prodotti minn Otis li taw lok għal tnaqqis fl-ammont tal-multa ġew ikkomunikati lill-Kummissjoni biss fil-mument li fih din kienet diġà rċeviet talba minn Kone abbażi tal-imsemmi avviż li ppermettilha tikkonstata ksur fil-Belġju (premessa 760 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, il-Kummissjoni kienet diġa organizzat żewġ serji ta’ ispezzjonijiet fil-Belġju, b’mod partikolari fil-bini ta’ Otis Belġju.

274    Indipendentement mill-kwalità u mill-utilità tal-provi kkomunikati minn Otis, il-Kummissjoni, fid-dawl tad-data li fiha ġew ikkomunikati dawn il-provi, ma qabżitx b’mod manifest il-marġni ta’ diskrezzjoni billi tat tnaqqis fl-ammont tal-multa ta’ 40 % lil Otis abbażi tal-kooperazzjoni tagħha sabiex jiġi stabbilit l-akkordju fil-Belġju.

275    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkonfutata mill-argument ibbażat fuq it-tnaqqis tal-ammont tal-multa ta’ 50 % mogħtija lil Kone fil-kuntest tal-akkordju fil-Ġermanja. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-evalwazzjoni ta’ dak li jikkostitwixxi valur miżjud sinjifikattiv jissopponi bħala definizzjoni analiżi proprja fil-kuntest tal-provi kollha li tiddisponi minnhom il-Kummissjoni fir-rigward ta’ ksur partikolari, fis-sens li l-informazzjoni marbuta ma’ ksur distint, fil-kawża preżenti l-ksur fil-Belġju u fil-Ġermanja, ma humiex komparabbli. Peress li s-sitwazzjonijiet tal-impriżi differenti ma humiex komparabbli, huwa mingħajr ma wettqet ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li l-Kummissjoni tat tnaqqis ta’ 40 % lil Otis fir-rigward tal-kooperazzjoni tagħha fl-istabbiliment tal-akkordju fil-Belġju, filwaqt li tat tnaqqis ta’ 50 % lil Kone għall-kooperazzjoni tagħha fil-kuntest tal-istabbiliment tal-ksur fil-Ġermanja.

276    F’kull każ, l-ewwel nett, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑145/07 ma jsostnux l-affermazzjoni li tipprovdi li l-portata u l-valur tal-provi ppreżentati minn Otis li jirrigwardaw akkordju fil-Belġju jaqbżu sew l-informazzjoni ppreżentata minn Kone fir-rigward tal-Ġermanja.

277    It-tieni nett, ma huwiex ikkontestat li Kone pprovdiet lill-Kummissjoni bi provi ta’ valur miżjud sinjifikattiv fir-rigward tal-akkordju fil-Ġermanja fit-12 u fit-18 ta’ Frar 2004, jiġifieri fix-xahar wara l-ewwel verifika tal-Kummissjoni fit-28 ta’ Jannar 2004 (premessi 104 sa 106 u 792 tad-deċiżjoni kkontestata), filwaqt li l-kooperazzjoni ta’ Otis fir-rigward tal-akkordju fil-Belġju bdiet fil-[kunfidenzjali], jiġifieri wara l-organizzazzjoni tat-tieni serje ta’ verifiki f’dan l-Istat Membru, fid-9 ta’ Marzu 2004 (premessi 95 u 96 tad-deċiżjoni kkontestata).

278    It-tielet nett, fil-mument li fih Otis, li l-kooperazzjoni tagħha taqa’ taħt l-ewwel inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 23(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, ipprovdiet lill-Kummissjoni b’xi provi dwar l-akkordju fil-Belġju, il-Kummissjoni kellha diġà provi suffiċjenti sabiex tikkonstata l-ksur, li kienu jinsabu fit-talba preċedenti ta’ Kone, li permezz tagħhom din tal-aħħar ingħatat immunità totali mill-multi (premessi 760 u 761 tad-deċiżjoni kkontestata). Bil-kontra, fir-rigward tal-ksur fil-Ġermanja, l-ebda impriża ma bbenefikat minn immunità mill-multi, li jimplika li l-Kummissjoni ma kellhiex provi suffiċjenti sabiex tikkonstata l-ksur fil-Ġermanja fil-mument fejn Kone fformulat id-domanda tagħha abbażi ta’ dan l-avviż.

279    Minn dak kollu li ntqal qabel jirriżulta li l-ilmenti kollha ta’ Otis dwar l-applikazzjoni tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 fuq il-kooperazzjoni tagħha għall-finijiet tal-istabbiliment tal-ksur fil-Belġju għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq il-kooperazzjoni ta’ Otis għall-finijiet tal-istabbiliment tal-ksur fil-Ġermanja

280    Otis, li kienet it-tieni impriża li ppreżentat talba abbażi tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 dwar l-akkordju fil-Ġermanja, fil-[kunfidenzjali], (premessa 107 tad-deċiżjoni kkontestata), kisbet tnaqqis fl-ammont tal-multa ta’ 25 % abbażi tal-paragrafu 23(b), ta’ dan l-avviż għall-kooperazzjoni tagħha fl-istabbiliment tal-akkordju fil-Ġermanja (premessa 800 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni spjegat dan fil-premessi 796 u 799 tad-deċiżjoni kkontestata:

“796 B’teħid inkunsiderazzjoni tal-importazzjoni tagħhom, kif ukoll taż-żmien meta seħħew l-ossevazzjonijiet ta’ Otis, il-provi mibgħuta kellhom valur miżjud sinjifikattiv, li jsaħħah il-kapaċità tal-Kummissjoni sabiex tipprova l-fatti inkwistjoni. Madankollu din hija kundizzjoni preliminari normali għall-għoti ta’ tnaqqis tal-multi abbażi tal-p[aragrafi] 21 u 22 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni [tal-2002]. Otis ma wrietx kif il-kooperazzjoni tagħha setgħet tiġi assimmilata ma’ ċirkustanzi eċċezzjonali. Barra minn hekk, l-Avviż dwar il-kooperazzjoni [tal-2002] ma jawtorrizzax l-għoti ta’ tnaqqis ogħla mill-iskala ta’ 20-30 % lit-tieni impriża li tibgħat xi provi.

[…]

799 It-tnaqqis tal-multa fl-iskala prevista tieħu inkunsiderazzjoni tal-mument fejn il-provi intbagħtu, il-grad tal-valur miżjud tagħha kif ukoll il-grad u l-kontinwità tal-kooperazzjoni tal-impriża wara l-osservazzjonijiet tagħha. Otis issodisfat lill-kundizzjoni tal-p[aragrafu] 21 kompletament biss wara l-kumplament tat-[kunfidenzjali]. Sakemm, id-dikjarazzjonijiet ta’ Otis ma kinux ta’ valur miżjud sinjifikattiv li jssaħħah il-kapaċità tal-Kummissjoni b’mod kunsiderevoli sabiex tipprova l-ksur [kunfidenzjali]. Madankollu, il-provi minbgħuta ma kienx fihom provi kontemporanji.”

281    L-ewwel nett, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑145/07 isostnu li l-Kummissjoni kisret l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, peress li Otis kienet issodisfat il-kundizzjonijiet sabiex tikseb immunità mill-multi abbażi tal-paragrafu 8(b) tal-imsemmi avviż. Fil-fatt, il-Kummissjoni kienet informat lil Otis, [kunfidenzjali], li hija setgħet dejjem tibbenefika mill-immunità għall-Ġermanja abbażi tal-imsemmi avviż u li setgħet tingħata immunità kundizzjonali. Madankollu, it-talba għal immunità kienet ġiet miċħuda [kunfidenzjali]. Bil-kontra ta’ dak li qieset il-Kummissjoni, il-provi, l-ispjegazzjonijiet u l-informazzjoni li Otis kienet ipprovditilha qabel [kunfidenzjali] kienu ppermettewla tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE skont il-paragrafu 8(b) ta’ dan l-avviż.

282    Għandu jitfakkar li, fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni li tiddisponi minnha l-Kummissjoni sabiex tevalwa l-kooperazzjoni ta’ impriża abbażi tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, huwa biss użu eċċessiv manifest ta’ dan il-marġni li jista’ jiġi kkontestat mill-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2007, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, punt 263 iktar ’il fuq, punti 81, 88 u 89, u s-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2008, Hoechst vs Il-Kummissjoni, punt 263 iktar ’il fuq, punt 555).

283    Għandu jitfakkar ukoll li waħda mill-kundizzjonijiet sabiex tinkiseb l-immunità abbażi tal-paragrafu 8(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 hija li l-impriża tkun l-ewwel waħda sabiex tipprovdi provi li, fl-opinjoni tal-Kummissjoni, huma ta’ natura li jippermettulha tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE fir-rigward ta’ akkordju preżunt li jaffettwa lill-Komunità.

284    Għandu jiġi kkonstatat li, fil-mument li fih Otis ifformulat it-talba tagħha abbażi tal-imsemmi avviż dwar il-ksur fil-Ġermanja, fil-[kunfidenzjali], il-Kummissjoni kienet diġà wettqet żewġ sensieli ta’ verifiki f’dan il-pajjiż, fit-28 ta’ Jannar u fid-9 ta’ Marzu 2004 (premessi 104 u 106 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, il-Kummissjoni kienet diġa rċeviet xi informazzjoni mingħand parti terza waqt is-Sajf tal-2003 (premessa 91 tad-deċiżjoni kkontestata) u kienet tressqet quddiema talba abbażi ta’ dan l-avviż mingħand Kone fit-12 ta’ Frar 2004 (premessa 105 tad-deċiżjoni kkontestata).

285    Skont ir-rikorrenti fil-Kawża T‑145/07, mill-ittra tal-Kummissjoni lil Otis jirriżulta madankollu li [kunfidenzjali] il-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tistabbilixxi l-ksur fil-Ġermanja qabel ma ngħatat l-informazzjoni ppreżentata minn Otis.

286    F’din l-ittra, il-Kummissjoni, wara li fakkret li [kunfidenzjali] informat lil Otis li kienet waslet sabiex tieħu deċiżjoni dwar l-ewwel talba abbażi tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 u [kunfidenzjali]. Il-Kummissjoni żiedet li kienet ser tivverifika [kunfidenzjali]. Madankollu, il-Kummissjoni insistiet fuq il-fatt li [kunfidenzjali] għall-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju fil-Ġermanja.

287    Għandu jiġi rrilevat li l-ittra [kunfidenzjali] għandha tinqara fid-dawl tal-paragrafu 18 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, li jipprovdi li “[i]l-Kummissjoni ma hijiex ser tikkunsidra applikazzjonijiet oħra għall-immunità minn multi qabel ma tkun ħadet pożizzjoni fuq applikazzjoni eżistenti fir-rigward tal-istess ksur tal-liġi issuspettat”. B’hekk, din l-ittra kienet intiża biss sabiex tinforma lil Otis li l-Kummissjoni, wara li tiddeċiedi dwar it-talba ta’ immunità ta’ impriża oħra, f’dan il-każ dik ta’ Kone, setgħet issa tieħu inkunsiderazzjoni t-talba għal immunità ta’ Otis. Madankollu, hija ma kien fiha l-ebda evalwazzjoni tal-kwalità tal-kooperazzjoni ta’ Otis. Bil-kontra, l-ittra indikat b’mod espliċitu li l-Kummissjoni kellha teżamina jekk il-provi ppreżentati minn Otis issodisdawx il-kundizzjonijiet tal-paragrafu 8(b) tal-imsemmi avviż.

288    Fir-rigwad tal-kwalità tal-kooperazzjoni ta’ Otis fir-rigward tal-akkordju fil-Ġermanja, għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif jirriżulta mill-fajl, din ikkonsistiet, essenzjalment, f’xi dikjarazzjonijiet unilaterali.

289    Issa, xi dikjarazzjonijiet unilaterali ta’ impriża, anki ddettaljati, ma jistgħux ikunu suffiċjenti sabiex jiġi kkonstatat ksur, jekk ma humiex sostnuti minn provi dokumentati preċiżi u konsistenti. Fil-fatt, huwa neċessarju li l-Kummissjoni telenka fid-deċiżjoni tagħha provi preċiżi u konsistenti biex ikollha l-konvinzjoni ċerta li l-ksur seħħ (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Lulju 2000, Volkswagen vs Il-Kummissjoni, T-62/98, Ġabra p. II-2707, punt 43, u l-ġurisprudenza ċċitata).

290    Huwa minnu li, Otis, fil-kuntest tat-talba tagħha abbażi tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, ippreżentat ċerti provi dokumentati. [kunfidenzjali]

291    Madankollu, il-valur ta’ dawn il-provi huwa limitat. Fil-fatt, dawn ma fihom, bħala tali, l-ebda indikazzjoni tal-aġir antikompetittiv ikkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata. [kunfidenzjali]

292    F’din is-sitwazzjoni, u anki jekk il-provi mibgħuta minn Otis kienu jinkludu xi dokumenti kontemporanji (jiġifieri n-nota tal-ispejjeż ta’ żewġ impjegati ta’ Otis), huwa mingħajr ma eċċediet b’mod manifest il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha li l-Kummissjoni ddeċidiet li l-osservazzjonijiet ippreżentati minn Otis ma kinux suffiċjenti sabiex jiġi kkonstatat ksur tal-Artikolu 81 KE fil-Ġermanja. Għaldaqstant, huwa ġustament li l-Kummissjoni rrifjutat li tagħti immunità mill-multi lil Otis abbażi tal-paragrafu 8(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

293    Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata minħabba l-fatt li d-deċiżjoni kkontestata fiha diversi referenzi għall-osservazzjonijiet ta’ Otis. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni diġà rċeviet talba abbażi tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 ta’ Kone fil-mument li fih ireċeviet it-talba ta’ Otis abbażi tal-istess avviż u din l-ewwel talba kienet tikkonsisti, bħal dik ta’ Otis, essenzjalment, f’xi dikjarazzjonijiet unilaterali u ma kinitx sostnuta minn ebda prova oħra ħlief id-dikjarazzjonijiet bil-miktub tagħha, ibbażati fuq il-memorja (premessa 788 tad-deċiżjoni kkontestata). Peress li l-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża ruħha unikament fuq id-dikjarazzjonijiet unilaterali ta’ Kone sabiex tikkonstata l-ksur fil-Ġermanja, u lanqas, barra minn hekk, fuq dawk ta’ Otis, hija kellha tirreferi, fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 209 sa 288 tad-deċiżjoni kkontestata), għal sensiela ta’ provi oħra, li fosthom jidhru dawk ippreżentati minn Otis, li kienu madankollu insuffiċjenti, fihom infushom, sabiex jiġi kkonstatat il-ksur (ara l-punt 289 iktar ’il fuq).

294    It-tieni nett, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑145/07 tqis li, fil-mument li fih il-Kummissjoni ċaħdet it-talba għal immunità ta’ Otis, [kunfidenzjali], hija ma kinitx analizzat totalment l-informazzjoni pprovduta minn din l-impriża, u b’mod partikolari d-dokumenti [kunfidenzjali]. Issa, analiżi korretta tad-dokumenti tagħha kienet twassal lill-Kummissjoni sabiex tagħti l-immunità lil Otis.

295    Dan l-argument għandu jiġi miċħud peress li mill-analiżi li saret fil-punti 282 sa 293 iktar ’il fuq li t-totalità tal-informazzjoni ppreżentata minn Otis lill-Kummissjoni, u għaldaqstant, id-dokument ukoll [kunfidenzjali], ma ssodisfawx il-kundizzjonijiet tal-paragrafu 8(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002. Fil-fatt, id-dikjarazzjonijiet unilaterali ta’ Otis, li ma ġewx sostnuti minn provi dokumentati preċiżi u konkordanti, ma kinux, fihom infushom, ta’ natura li jippermettu lill-Kummissjoni tikkonstata ksur fil-Ġermanja.

296    F’kull każ, l-affermazzjoni tar-rikorrenti fil-Kawża T‑145/07 li tipprovdi li l-Kummissjoni ma analizzax id-dokumenti [kunfidenzjali] hija żbaljata. Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li l-ittra tal-Kummissjoni lil Otis [kunfidenzjali], li tinforma lil din tal-aħħar bil-fatt li l-Kummissjoni kienet ser teżamina jekk Otis tissodisfax il-kundizzjonijiet tal-paragrafu 8(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, tagħmel referenza speċifika għad-dikjarazzjoni mwettqa [kunfidenzjali] u għad-dokument ikkomunikat [kunfidenzjali]. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għamlet użu, minn naħa, mill-informazzjoni kkomunikata minn Otis [kunfidenzjali] (ara l-punti 108, 228, 253, 255, 257, 265, 266, 268 u 270 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u l-premessi 213, 240, 242, 244, 251 sa 254, 257 u 260 tad-deċiżjoni kkontestata) u [kunfidenzjali] (ara l-punti 255, 275 u 282 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u l-premessi 242 u 272 tad-deċiżjoni kkontestata). Fir-rigward tal-posta elettronika ta’ Otis lill-Kummissjoni [kunfidenzjali], huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li din kien fiha biss proposta ta’ Otis li tqiegħed l-impjegati tagħha, u sa fejn kien possibbli, l-impjegati preċedenti tagħha, għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni.

297    It-tielet nett, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑145/07 isostnu li l-Kummissjoni żammet fajl mhux komplet tad-dokumenti ppreżentati minn Otis u li, konsegwentement, il-bażi fattwali tal-evalwazzjoni tagħha tal-kooperazzjoni ta’ din tal-aħħar ma kinitx kompleta, u għaldaqstant, ma kinitx korretta. B’hekk, fid-deċiżjoni kkontestasta, ġiet eskluża kontribuzzjoni [kunfidenzjali] li fiha sunt tal-vjaġġi mwettqa fil-Ġermanja, ta’ kontribuzzjoni [kunfidenzjali] li tinkludi n-noti tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar kif ukoll żewġ CD-ROM li fihom xi posta elettronika, ta’ kontribuzzjoni [kunfidenzjali] li fiha sunt tal-miżuri meħuda minn Otis sabiex tgħin lill-Kummissjoni, u ta’ kontribuzzjoni [kunfidenzjali] li fiha offerta intiża sabiex jitqegħdu l-impjegati preċedenti ta’ Otis għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata ma ssemmix il-kooperazzjoni li Otis kienet tat lill-Kummissjoni billi rrispondiet għat-talbiet informali għall-informazzjoni tagħha li rrigwardaw lill-Ġermanja.

298    Dan l-ilment għandu jiġi miċħud għall-istess motivi esposti fil-punt 295 iktar ’il fuq. F’kull każ, għandu jiġi kkonstatat li, bil-kontra ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti fil-Kawża T‑145/07, il-kontribuzzjonijiet ta’ Otis [kunfidenzjali] jagħmlu parti mill-fajl tal-Kummissjoni, issemmew fil-punt 108 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u fil-premessa 107 tad-deċiżjoni kkontestata, u barra minn hekk intużaw mill-Kummissjoni, hekk kif jirriżulta mill-punti 231, 232 u 258 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u mill-premessi 216, 217, 245 u 247 tad-deċiżjoni kkontestata. Fir-rigward taż-żewġ CD-ROM li kienu ġew ikkomunikati lill-Kummissjoni u li ma jidhrux fil-fajl tagħha, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li, hekk kif jirrilevaw ir-rikorrenti fil-Kawża T‑145/07, huma parti mill-kontribuzzjoni ta’ Otis [kunfidenzjali], imsemmija fil-premessa 107 tad-deċiżjoni kkontestata. In-nuqqas ta’ referenzi specifiċi għall-imsemmija CD-ROM fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u fid-deċiżjoni kkontestata hija spjegata mill-fatt li ma kienx fihom informazzjoni utli għall-istħarriġ tal-Kummissjoni, li b’mod partikolari jirriżulta mill-analiżi ta’ ċerti dokumenti li kien hemm f’dawn is-CD-ROM, li ġew prodotti minn Otis wara domanda bil-miktub tal-Qorti Ġenerali. Fir-rigward tal-kontribuzzjoni [kunfidenzjali] li kien fiha sunt tal-miżuri meħuda minn Otis sabiex tgħin lill-Kummissjoni u dik [kunfidenzjali] ikkostitwita minn offerta intiża sabiex l-impjegati preċedenti ta’ Otis jitqegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li dawn ma jikkostitwux informazzjoni dwar l-akkordju fil-Ġermanja. Fl-aħħar, il-posta elettronika li allegatament ma tidhirx fil-posta elettronika tal-Kummissjoni jikkonċernaw biss, essenzjalment, hekk kif tirrileva ġustament il-Kummissjoni, aspetti purament prattiċi tal-kooperazzjoni ta’ Otis (bħall-iffissar ta’ laqgħat jew in-nuqqas ta’ ċerti kollaboraturi). L-ilment tar-rikorrenti fil-Kawża T‑145/07 ibbażata fuq żbalji fl-evalwazzjoni tal-kooperazzjoni ta’ Otis ma jistax, għaldaqstant, jintlaqa’.

299    Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑145/07 josservaw li l-Kummissjoni ma spjegatx, fid-deċiżjoni kkontestata l-motiv għalfejn hija ċaħdet it-talba għal immunità ta’ Otis. Billi għamlet dan, il-Kummissjoni kienet kisret l-Artikolu 253 KE, l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, il-prinċipju ta’ aspettativi leġittimi, kif ukoll id-drittijiet ta’ difiża ta’ Otis, fis-sens li l-multa imposta fuq Otis għall-akkordju fil-Ġermanja għandha tiġi annullata.

300    Mill-paragrafu 31 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, invokat specifikament mir-rikorrenti, jirriżulta li, “il-fatt li impriża kkooperat [mal-Kummissjoni] matul il-proċedura amministrattiva tagħha ser jiġi indikat f’kull deċiżjoni, biex tiġi spjegata r-raġuni għall-immunità jew tnaqqis tal-multa”.

301    Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-kliem tiegħu, iżda wkoll fil-kuntest tiegħu, kif ukoll fid-dawl tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal- 25 ta’ Ġunju 1998, British Airways et vs Il-Kummissjoni, T‑371/94 u T‑394/94, Ġabra p. II-2405, punt 94, u l-ġurisprudenza ċċitata).

302    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali diġà kkunsidrat li motivazzjoni tista’ tkun impliċita bil-kundizzjoni li hija tippermetti lil dawk ikkonċernati li jkunu jafu r-raġunijiet li għalihom ittieħdu l-miżuri inkwistjoni u lill-Qorti Ġenerali li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha (ara, f’dan is-sens, sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 123 iktar ’il fuq, punt 372, u tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, C‑3/06 P, Ġabra p. I-1331, punt 46).

303    Fil-kawża preżenti, għandu jiġi kkonstatat li, fil-premessa 795 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirrileva li “Otis talbet l-immunità, bl-applikazzjoni tal-p[aragrafu] 8(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni [tal-2002], billi sostniet li hija kienet l-ewwel impriża sabiex tipprovdi provi addizzjonali li mingħajrhom il-Kummissjoni ma kinitx tkun f’pożizzjoni sabiex turi l-eżistenza tal-akkordju fil-Ġermanja”.

304    Għalkemm il-Kummissjoni ma rrispondietx espliċitament għal dan l-argument, hija rrispondiet b’mod impliċitu, billi spjegat fil-premessi 796 sa 800 tad-deċiżjoni kkontestata li l-provi pprovduti minn Otis kienu tawha dritt għal tnaqqis fl-ammont tal-multa ta’ 25 % abbażi tal-paragrafi 21 sa 23 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

305    Issa, fid-dawl tal-kuntest ġuridiku li fih ġiet eżaminata l-kooperazzjoni ta’ Otis, it-talba tagħha għal immunità mill-multi ġiet neċessarjament miċħuda minħabba l-fatt li l-kundizzjonijiet tal-paragrafu 8(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 ma ġewx sodisfatti, jew, fi kliem ieħor, il-provi ppreżentati minn Otis ma ppermettewx lill-Kummissjoni tikkonstata ksur fil-Ġermanja.

306    Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata tippermetti lill-Otis issir taf bil-ġustifikazzjonijiet għar-rifjut tal-Kummissjoni sabiex tagħtiha immunità mill-multi għall-kooperazzjoni tagħha fil-kuntest tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 u lill-Qorti Ġenerali sabiex teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha. Għaldaqstant, l-ilmenti bbażati fuq ksur tal-Artikolu 253 KE u fuq l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 għandhom jiġu miċħuda. Peress li r-rikorrenti fil-Kawża T‑145/07 jibbażaw l-ilment tagħhom dwar il-ksur tad-drittijiet ta’ difiża tagħhom biss fuq l-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward taċ-ċaħda tat-talba għal immunità ta’ Otis, dan għandu jiġi miċħud ukoll. L-istess jgħodd għall-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettativi leġittimi, li kien jobbliga lill-Kummissjoni tipprovdi spjegazzjonijiet fuq id-deċiżjoni li ma tagħtihiex immunità.

307    Il-ħames nett, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑145/07 isostnu li kieku l-Qorti Ġenerali kellha tikkonkludi li Otis ma tistax tibbenefika minn immunità mill-multi, il-Kummissjoni xorta waħda tkun kisret l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 billi rrifjutat li tagħtiha “immunità parzjali” għal ċerti aspetti tal-arranġament illegali li hija kienet l-ewwel li żvelat, skont l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 23(b) ta’ dan l-avviż. B’hekk, il-Kummissjoni ma kellhiex timponi multa fuq Otis għall-akkordju dwar il-liftijiet għall-perijodu bejn Diċembru 2000 u Ġunju 2002 u għall-akkordju dwar l-eskalejters mekkaniċi għall-perijodu bejn Awwissu 1995 sa Ġunju 2002.

308    L-aħħar subparagrafu tal-paragrafu 23(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 jipprovdi li, “jekk impriża tipprovdi provi rrelatati ma’ fatti li qabel ma kinux magħrufa lill-Kummissjoni li għandhom rilevanza diretta fuq il-gravità u t-tul tal-kartell issuspettat, il-Kummissjoni mhijiex ser tieħu kont ta’ dawn l-elementi meta tordna li tiġi imposta multa fuq l-impriża li tipprovdi dawn il-provi”.

309    Anki jekk il-kooperazzjoni pprovduta minn Otis tat valur miżjud sinjifikattiv fil-konfront tal-elementi li kienu diġà fil-pussess tal-Kummissjoni, li wassalha sabiex tagħti tnaqqis ta’ 25 % mill-ammont tal-multa tagħha abbażi tat-tieni inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 23(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 (premessi 796 sa 800 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni setgħet tikkunsidra ġustament li din l-impriża ma setgħetx tippretendi tnaqqis addizzjonali mill-ammont tal-multa abbażi tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 23(b) tal-imsemmi avviż.

310    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, minn naħa, fil-mument li fih Otis ikkomunikat it-talba tagħha lill-Kummissjoni, [kunfidenzjali], din kienet diġà rċeviet talba mingħand Kone, fit-12 ta’ Frar 2004, dwar l-istess ksur, u kienet ukoll irċeviet xi informazzjoni minn parti terza. Barra minn hekk, hija kienet diġà organizzat żewġ serje ta’ verifiki fil-Ġermanja fil-qasam tal-liftijiet u tal-eskalejters mekkaniċi. B’hekk, fit-talba tagħha tat-12 ta’ Frar 2004, Kone kienet diġà informat lill-Kummissjoni [kunfidenzjali]. Barra minn hekk, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑145/07 ma jikkontestawx il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni ta’ ksur uniku u kontinwu fir-rigward tal-qasam tal-liftijiet u tal-eskalejters mekkaniċi, fis-sens li l-argumenti li jipprovdu li Otis ma kellhiex tingħata multa għall-“akkordju dwar il-liftijiet” għall-perijodu bejn Diċembru 2000 sa Ġunju 2002 u għall-“akkordju dwar l-eskalejters mekkaniċi” għall-perijodu bejn Awwissu 1995 sa Ġunju 2002 ma jistgħux jintlaqgħu.

311    F’dan il-kuntest, bil-kontra ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti fil-Kawża T-145/07, il-fatt li l-Kummissjoni ma kellhiex konoxxenza tad-dettalji speċifiċi dwar id-dati u l-postijiet tal-laqgħat bejn il-kompetituri ma huwiex rilevanti, peress li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-fatti fir-rigward tal-Artikolu 81 KE, ma huwiex indispendabbli li d-data, u, a fortiori, il-post tal-laqgħat bejn il-kompetituri jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni (is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, T-305/94 sa T-307/94, T-313/94 sa T-316/94, T-318/94, T-325/94, T-328/94, T-329/94 u T-335/94, Ġabra p. II-931, punt 675; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, T-25/95, T-26/95, T-30/95 sa T-32/95, T-34/95 sa T-39/95, T-42/95 sa T-46/95, T-48/95, T-50/95 sa T-65/95, T-68/95 sa T-71/95, T-87/95, T-88/95, T-103/95 u T-104/95, Ġabra p. II-491, punt 2354). Minn dak li ntqal qabel jirriżulta li, bil-kontra ta’ dak li jaffermaw ir-rikorrenti, il-Kummissjoni diġà kienet informata, meta huma ppreżentaw it-talba tagħhom abbażi tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, bl-eżistenza tal-akkordju mix-xahar ta’ Awwissu 1995.

312    Min-naħa l-oħra, hekk kif diġà ġie rrilevat fil-punt 295 iktar ’il fuq, it-talba ta’ Otis kienet komposta minn dikjarazzjonijiet unilaterali, li ma kinux sostnuti minn ebda prova dokumentata preċiża u konkordanti tal-ksur. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba ta’ Otis dwar il-Ġermanja ma kienx fiha provi li għandhom impatt dirett fuq wieħed mill-elementi identifikabbli ta’ gravità jew ta’ dewmien tal-ksur. Fil-fatt, il-kontribuzzjoni ta’ Otis setgħet tinfluwenza biss indirettament l-istabbiliment tad-dewmien u tal-gravità tal-ksur, sa fejn kull element tal-kontribuzzjoni tagħha kellu jiġi kkorroborat minn provi oħra li l-Kummissjoni kienet ġabret waqt l-istħarriġ tagħha.

313    Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-aħħar subparagrafu tal-paragrafu 23(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 għandu jiġi miċħud.

314    Ir-rikorrenti fil-Kawża T‑145/07 jallegaw ukoll ksur tal-Artikolu 253 KE, sa fejn il-Kummissjoni ma indikatx ir-raġuni għalfejn Otis ma setgħetx tibbenefika minn “immunità parzjali” abbażi tal-aħħar subparagrafu tal-paragrafu 23(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

315    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-aħħar subparagrafu tal-paragrafu 23(b), li jidher taħt it-Titolu B tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 “Tnaqqis fl-ammont tal-multa”, jaqa’ taħt il-kuntest tad-determinazzjoni tal-livell ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa li tista’ tibbenefika minnha impriża li pprovdiet lill-Kummissjoni b’xi provi ta’ valur miżjud sinjifikattiv. Peress li l-Kummissjoni, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kooperazzjoni ta’ Otis abbażi tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 (premessi 795 sa 800 tad-deċiżjoni kkontestata), tat tnaqqis fl-ammont tal-multa ta’ 25 % abbażi tat-tieni inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 23(b) tal-imsemmi avviż, hija ċaħdet impliċitament, iżda neċessarjament it-talba ta’ Otis li tibbenefika mill-applikazzjoni tal-aħħar subparagrafu tal-paragrafu 23(b) ta’ dan l-avviż.

316    Fid-dawl tal-kuntest legali li fih ġiet eżaminata l-kooperazzjoni ta’ Otis, u peress li l-Kummissjoni qieset, fil-premessi 795 sa 800 tad-deċiżjoni kkontestata, li Otis ma setgħetx tibbenefika minn iktar minn tnaqqis ta’ 25 % mill-ammont tal-multa tagħha, it-talba tagħha għall-applikazzjoni tal-aħħar subparagrafu tal-paragrafu 23(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 ġiet neċessarjament miċħuda minħabba l-fatt li l-kundizzjonijiet ta’ din id-dispożizzjoni ma ġewx sodisfatti jew, fi kliem ieħor, li l-provi li hija ppreżentat fir-rigward tal-fatti preċedentement injorati mill-Kummissjoni ma kellhomx impatt dirett fuq il-gravità jew id-dewmien tal-akkordju preżunt.

317    Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata tippermetti lil Otis issir taf il-ġustifikazzjonijiet għar-rifjut tal-Kummissjoni li tapplika l-aħħar subparagrafu tal-paragrafu 23(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 fl-iffissar tal-ammont tal-multa tagħha u lill-Qorti Ġenerali sabiex teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha. Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 253 KE għandu jiġu miċħud.

318    Is-sitt nett, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑145/07 isostnu li, il-Qorti Ġenerali kellha tqis li Kone kellha tibbenefika minn immunità għall-Ġermanja, peress li l-kooperazzjoni ta’ Otis kellha tiġi annalizzata fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tnaqqis pervist mill-paragrafu 23(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 u tagħti lok għal tnaqqis ta’ 50 % mill-ammont tal-multa tagħha fir-rigward tal-Ġermanja, u f’kull każ għal tnaqqis kunsiderevolment ogħla minn 25 %. Dan l-ilment ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, huwa bbażat fuq ipoteżi sempliċi li tipprovdi li Kone kellha tibbenefika minn immunità għall-Ġermanja, li barra minn hekk, ma hijiex sostnuta.

319    Is-seba’ nett, fir-rigward tat-tnaqqis fl-ammont tal-multa ta’ 25 % li ngħatat lil Otis abbażi tal-kooperazzjoni tagħha fil-kuntest tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑145/07 isostnu, l-ewwel nett, li din it-tnaqqis huwa mmotivat b’mod insuffiċjenti, bi ksur tal-Artikolu 253 KE.

320    Dan l-ilment għandu jiġi miċħud. Il-Kummissjoni esponiet, fil-premessi 796 sa 800 tad-deċiżjoni kkontestata, il-motivi li wassluha sabiex tagħti tnaqqis lil Otis tal-ammont tal-multa ta’ 25 % abbażi tal-kooperazzjoni tagħha fil-kuntest tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002. Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata tippermetti lil Otis sabiex issir taf il-ġustifikazzjonijiet tal-imsemmi tnaqqis u lill-Qorti Ġenerali sabiex teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha.

321    It-tieni nett, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑145/07 jallegaw li l-Kummissjoni, skont il-paragrafi 21 u 22 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, kellha tagħti tnaqqis ta’ 50 % fuq l-ammont tal-multa lil Otis, u, f’kull każ, tnaqqis kunsiderevolment ogħla minn 25 %, peress li l-kooperazzjoni ta’ Otis kienet tat valur miżjud sinjifikattiv li ppermetta lill-Kummissjoni tipprova l-ksur.

322    F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jiġu kkonstatat li l-ewwel kontribuzzjoni ta’ Otis fil-kuntest tat-talba tagħha abbażi tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 dwar il-ksur fil-Ġermanja, [kunfidenzjali], ġiet ippreżentata wara t-talba ta’ Kone dwar l-istess ksur, ippreżentata fit-12 ta’ Frar 2004 u kkompletata fit-18 ta’ Frar 2004. Għaldaqstant, Kone kienet l-ewwel impriża li ssodisfat il-paragrafu 21 tal-imsemmi avviż.

323    L-applikazzjoni tal-iskala ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa prevista fl-ewwel inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 23(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 fuq il-kooperazzjoni ta’ Otis kienet ġiet eskluża peress li dan il-benefiċċju kien irriżervat għall-ewwel impriża li ssodisfat il-kundizzjonijiet tal-paragrafu 21 tal-imsemmi avviż.

324    Il-kooperazzjoni ta’ Otis, bħala t-tieni impriża li ssodisfat il-kundizzjoni stabbilita fil-paragrafu 21 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, taqa’ b’hekk neċessarjament taħt it-tieni inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 23(b) ta’ dan l-avviż. Abbażi ta’ dan, l-imsemmija impriża għandha dritt għal tnaqqis tal-ammont tal-multa ta’ bejn 20 % u 30 %. It-tnaqqis ta’ 25 % mogħti lil Otis abbażi tal-kooperazzjoni tagħha għall-finijiet tal-istabbiliment tal-ksur fil-Ġermanja (premessa 800 tad-deċiżjoni kkontestata) jagħmel b’hekk parti mill-iskala prevista għal dan il-għan mill-imsemmi avviż.

325    Peress li Otis ma kinitx l-ewwel impriża li fformulat talba abbażi tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 dwar il-Ġermanja, hija ma setgħetx tibbenefika minn tnaqqis ta’ 50 % fuq l-ammont tal-multa tagħha. L-argument tagħha li jipprovdi, bil-kontra ta’ dak li jidher fil-premessa 799 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija ssodisfat il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 21 ta’ dan l-avviż qabel il-[kunfidenzjali], huwa f’dan ir-rigward mingħajr rilevanza.

326    Għandu jitfakkar li l-Kummissjoni tiddisponi minn marġni ta’ diskrezzjoni meta hija tintalab sabiex tiddetermina l-livell preċiż tat-tnaqqis tal-ammont tal-multa li għandha tingħata fl-iskali previsti fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 23(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 u huwa biss użu eċċessiv manifest ta’ dan il-marġni li jista’ jiġi kkontestat mill-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2007, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, punt 263 iktar ’il fuq, punti 81, 88 u 89, u s-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2008, Hoechst vs Il-Kummissjoni, punt 263 iktar ’il fuq, punt 555).

327    Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti fil-Kawża T‑145/07 urewx li l-Kummissjoni qabżet manifestament il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha billi ffissat it-tnaqqis tal-ammont tal-multa ta’ Otis b’25 % abbażi tal-kooperazzjoni tagħha għall-istabbiliment tal-ksur fil-Ġermanja. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti fil-Kawża 145/07 isostnu li l-provi li kellha l-Kummissjoni qabel ma Otis ippreżentat id-dokumenti tagħha kienu vagi u rrigwardaw biss is-snin 2002 u 2003, li Otis kompliet tikkoopera anki wara ċ-ċaħda tat-talba tagħha għal immunità u li l-konklużjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata huma bbażati fuq l-informazzjoni li ppreżentat Otis, li juri l-valur miżjud sinjifikattiv tagħhom.

328    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 jipprovdi, fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 23(b) tiegħu, li, sabiex jiġi ddefinit il-livell tat-tnaqqis tal-ammont tal-multa fl-iskala applikabbli, f’dan il-każ l-iskala bejn 20 % u 30 %, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni li “[i]ż-żmien li fih ġew mressqin il-provi li jissodisfaw il-p[aragrafu] 21 u l-punt sa fejn jirrappreżentaw valur miżjud”.

329    Minn naħa, anki jekk jitqies li, hekk kif jallegaw ir-rikorrenti fil-Kawża T‑145/07, Otis kienet issodisfat diġà il-kundizzjonijiet tal-paragrafu 21 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 qabel il-[kunfidenzjali], xorta jibqa’ il-fatt li din l-impriża ma setgħetx, f’kull każ, tissodisfa l-imsemmija kundizzjonijiet qabel [kunfidenzjali], id-data li fiha Otis ippreżentat it-talba tagħha għall-Ġermanja (premessa 107 tad-deċiżjoni kkontestata). Issa, f’dan il-mument, il-Kummissjoni kienet tiddisponi diġà minn xi dikjarazzjonijiet ta’ informatur (premessa 91 tad-deċiżjoni kkontestata), kienet diġà organizzat żewġ serji ta’ verifiki fil-Ġermanja (premessi 104, 106 u 107 tad-deċiżjoni kkontestata) u kienet diġà rċeviet talba ta’ Kone, li kienet tiddeskrivi l-oġġettivi, l-organizzazzjoni, il-parteċipanti, is-suġġett u d-dewmien tal-akkordju.

330    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-grad tal-valur miżjud ta’ Otis, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tat-talba abbażi tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 għall-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur fil-Ġermanja, din l-impriża, essenzjalment, ippreżentat lill-Kummissjoni b’xi dikjarazzjonijiet unilaterali li jikkonċernaw l-imsemmi ksur. Huwa minnu li, hekk kif tenfassizza l-Kummissjoni fil-premessa 799 tad-deċiżjoni kkontestata li, “id-dikjarazzjonijiet ta’ Otis ressqu valur miżjud sinjifikattiv li kunsiderevolament żdiedu l-kapaċità tal-Kummissjoni sabiex tipprova l-ksur”. Madankollu, l-provi stabbiliti minn impriża għall-finijiet ta’ talba abbażi tal-imsemmi avviż, għandhom valur kwalittativ inqas għoli minn provi bil-miktub li joriġinaw mill-perjodu ta’ żmien li miegħu jirrelataw il-fatti (ara l-paragrafu 22 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002).

331    Barra minn hekk, fir-rigward tad-dokumenti kontemporanji tal-ksur li ġew ippreżentati minn Otis lill-Kummissjoni, għandu jitfakkar li dawn kellhom biss valur probatorju limitat sa fejn ma kien fihom l-ebda indikazzjoni tal-aġir antikompetittiv ikkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 291 iktar ’il fuq).

332    Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, il-Kummissjoni ma eċċedietx b’mod manifest il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha, billi tat lil Otis, abbażi tal-kooperazzjoni tagħha għall-finijiet tal-istabbiliment tal-akkordju fil-Ġermanja, tnaqqis fl-ammont tal-multa li jinsab fin-nofs tal-iskala applikabbli abbażi tat-tieni inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 23(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

333    It-tielet nett, anki jekk jitqies li, hekk kif jallegaw ir-rikorrenti fil-Kawża T‑145/07, il-kontribuzzjoni ta’ Otis kienet ta’ kwalità ogħla minn dik ta’ Kone, tali konstatazzjoni ma tippermettix li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni kisret b’mod manifest il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ekwità billi tat tnaqqis tal-ammont tal-multa ta’ 25 % lil Otis u ta’ 50 % lil Kone. Fil-fatt, huwa paċifiku li l-kooperazzjoni ta’ Kone ppreċediet dik ta’ Otis u li l-kooperazzjoni ta’ Kone kienet ta’ kwalità suffiċjenti sabiex tkun ikkunsidrata bħala li tagħti valur miżjud sinjifikattiv lill-provi li kienu diġà fil-pussess tal-Kummissjoni. Peress li huwa fl-interess tal-Komunità li l-akkordji sigrieti jiġu żvelati u pprojbiti fl-iqsar żmien possibbli, huwa konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità u ta’ ekwità li tingħata benefiċċju ikbar l-ewwel impriża li, permezz tal-kooperazzjoni tagħha, issaħħah b’mod sinjifikattiv il-kapaċità tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-ksur ikkonċernat.

334    Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-ilment tar-rikorrenti fil-Kawża T‑145/07, ibbażata fuq il-fatt li t-trattament differenti ta’ Otis u ta’ Kone kiser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għandu jitfakkar li l-kooperazzjoni ta’ Kone ppreċediet dik ta’ Otis, u li l-kooperazzjoni ta’ Kone kienet bdiet ftit ta’ żmien wara l-ewwel serje ta’ verifikazzjonijiet fil-Ġermanja filwaqt li dik ta’ Otis kienet bdiet biss wara t-tieni serje ta’ verifiki (premessi 104 sa 107 tad-deċiżjoni kkontestata). Anki jekk jitqies li l-kwalità intrinsika tal-kontribuzzjoni ta’ Otis kienet superjuri għal dik ta’ Kone, għandu jiġi rrilevat li l-evalwazzjoni tal-valur miżjud ta’ talba abbażi tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 titwettaq permezz tal-provi diġà fil-pussess tal-Kummissjoni. Issa, il-Kummissjoni kienet tiddisponi minn ħafna iktar provi fil-mument li fih Otis ifformulat it-talba tagħha, b’rispett għall-provi li keient tiddisponi minnhom fil-mument tat-talba ta’ Kone.

335    Peress li s-sitwazzjonijiet tal-impriżi differenti ma jistgħux jiġu pparagunati, huwa mingħajr ma wettqet ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li l-Kummissjoni tat tnaqqis tal-ammont tal-multa lil Kone ta’ 50 % abbażi tal-ewwel inċiż tal-paragrafu 23(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 u tnaqqis tal-ammont tal-multa ta’ Otis ta’ 25 % abbażi tat-tieni inċiż tal-imsemmija dispożizzjoni.

336    Il-ħames nett, l-argument tar-rikorrenti fil-Kawża T‑145/07, imsemmi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna tar-replika, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet ta’ difiża tagħhom, sa fejn ma kellhomx aċċess għad-dokumenti ppreżentati mill-informatur waqt il-proċedura amministrattiva, ma jistax jintlaqa’, peress li huma ma jispjegawx b’liema mod setgħet teżisti possibbiltà li d-deċiżjoni kkontestata seta’ jkollha kontenut differenti kieku huma kellhom aċċess għal dawn id-dokumenti (ara s-sentenza Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, punt 159 iktar ’il fuq, punt 31, u l-ġurisprudenza ċċitata).

337    It-tmien nett, u sussidjarjament, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑145/07 isostnu li, anki jekk il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li Otis ma tistax tibbenefika minn tnaqqis ta’ 50 % abbażi tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, il-kooperazzjoni tagħha xorta għandha tiġi kkunsidrata bħala ċirkustanza attenwanti fil-kuntest tal-Linji gwida tal-1998.

338    Dan l-ilment, li ġie fformulat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna tar-rikors u ma ġie żviluppat bl-ebda mod mir-rikorrenti, ma jissodisfax il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura u għaldaqstant huwa inammissibbli.

339    Minn dak kollu li ntqal qabel jirriżulta li l-ilmenti kollha ta’ Otis dwar l-applikazzjoni tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 fuq il-kooperazzjoni tagħha għall-finijiet tal-istabbiliment tal-ksur fil-Ġermanja għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq il-kooperazzjoni ta’ Otis għall-finijiet tal-istabbiliment tal-ksur fil-Lussemburgu

340    Il-Kummissjoni ddeċidiet, fil-premessa 823 tad-deċiżjoni kkontestata, “li tagħti lil Otis tnaqqis fuq il-multa tagħha ta’ 40 % fl-iskala prevista fl-[ewwel inċiż] tal-p[aragrafu] 23[b] tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni [tal-2002]”.

341    Fil-premessa 818 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat li “Otis kienet it-tieni impriża li ppreżentat talba [abbażi tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002] sabiex tipprovdi xi informazzjoni dwar l-akkordju fil-Lussemburgu”. Hija ppreċiżat, fil-premessa 819 tad-deċiżjoni kkontestata, li Otis ipprovdiet [kunfidenzjali]. Il-Kummissjoni żiedet fil-premessa 820 tad-deċiżjoni kkontestata, [kunfidenzjali].

342    Fir-rigward tal-valur tal-kooperazzjoni ta’ Otis, il-Kummissjoni indikat ukoll dak li ġej fil-premessi 821u 822 tad-deċiżjoni kkontestata:

“821 Il-Kummissjoni tikkonkludi li t-tagħqid flimkien, minn naħa, tad-dikjarazzjonijiet [kunfidenzjali] u min-naħa l-oħra, tal-provi kontemporanji [kunfidenzjali] ipprovduti minn Otis jagħtu valur miżjud sinjifikattiv. [kunfidenzjali]

822 […] Otis tissodisfa kompletament il-kundizzjoni tal-p[aragrafu] 21 wara l-provi li żiedet fil-[kunfidenzjali], u b’hekk tat valur miżjud li saħħah il-kapaċita tal-Kummissjoni sabiex tipprova l-ksur b’mod kunsiderevoli, u espliċitament ikkonfermat id-dati tal-bidu u tat-tmiem tal-akkordju. L-informazzjoni l-ġdid li hemm fl-osservazzjonijiet kienet madankollu limitata [kunfidenzjali].”

343    Ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑141/07 u T‑145/07 isostnu li l-kooperazzjoni ta’ Otis abbażi tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 tiġġustifika, bl-applikazzjoni tal-kriterji ddefiniti fl-ewwel inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 23(b) tal-imsemmi avviż, it-tnaqqis massimu, jiġifieri 50 % tal-ammont tal-multa, fid-dawl tad-data li fiha hija kienet ikkomunikat il-provi lill-Kummissjoni, tal-valur miżjud tagħha fir-rigward kemm ta’ kemm tkun tista’ tifhem il-ksur mill-Kummissjoni u kemm tal-provi dokumentati b’hekk mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħha u tal-kooperazzjoni kontinwa u totali waqt il-perijodu kollu tal-istħarriġ. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑141/07 tippreċiża li l-elementi mressqa minn GTO b’mod partikolari ppermettew li jiġi ddeterminat bi preċiżjoni d-dewmien tal-akkordju, li jiżvela l-eżistenza ta’ mekkaniżmu korrettur li ma kkumpensax it-telf ta’ kuntratti għall-benefiċċju ta’ kompetituri mhux membri tal-akkordju u li jiġi deskritt il-mekkaniżmu ta’ sorveljanza tal-prezzijiet mill-partijiet fl-akkordju. Ir-rikorrenti fil-Kawża T‑145/07 isostnu wkoll li l-portata tal-provi mressqa minn Otis fir-rigward tal-akkordju fil-Lussemburgu taqbeż sew dik tad-dokumenti ppreżentati minn Kone fir-rigward tal-Ġermanja, u li għalihom il-Kummissjoni tat tnaqqis ta’ 50 %.

344    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat qabel kollox li r-rikorrenti fil-Kawżi T‑141/07 u T‑145/07 ma jikkonstestawx li l-kooperazzjoni ta’ Otis taqa’ taħt l-ewwel inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 23(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 u li, abbażi ta’ dan, din l-impriża kellha dritt għal tnaqqis tal-ammont tal-multa bejn 30 % u 50 %. B’hekk it-tnaqqis ta’ 40 % mogħti lil Otis abbażi tal-kooperazzjoni tagħha (premessa 823 tad-deċiżjoni kkontestata) jaqa’ fl-iskala prevista għal dan il-għan fl-imsemmi avviż.

345    Għandu jitfakkar li l-Kummissjoni tiddisponi minn marġni ta’ diskrezzjoni meta hija tintalab sabiex tiddetermina l-livell preċiż tat-tnaqqis tal-ammont tal-multa li għandha tingħata fl-iskali previsti fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 23(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 u huwa biss użu eċċessiv manifest ta’ dan il-marġni li jista’ jiġi kkontestat mill-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2007, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, punt 263 iktar ’il fuq, punti 81, 88 u 89, u s-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2008, Hoechst vs Il-Kummissjoni, punt 263 iktar ’il fuq, punt 555).

346    L-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 jipprovdi, fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 23(b) tiegħu li, sabiex tiddefinixxi l-livell tat-tnaqqis tal-ammont tal-multa fi skala, il-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni “taż-żmien li fih ġew mressqin il-provi li jissodisfaw il-punt 21 u l-punt sa fejn jirrappreżentaw valur miżjud”. Barra minn hekk, skont l-istess dispożizzjoni, il-Kummissjoni “tista’ wkoll tieħu kont tal-miżura u tal-kontinwità ta’ kull kooperazzjoni pprovduta mill-impriża wara d-data tas-sottomissjoni tagħ[h]a.”

347    Issa, l-ewwel nett, mingħajr ekwivoku, mill-konstatazzjonijiet mhux ikkontestati tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, anki jekk il-kooperazzjoni ta’ Otis issodisfat il-kundizzjonijiet tal-paragrafu 21 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, xorta jibqa’ il-fatt li l-provi dwar l-akkordju fil-Lussemburgu li ġew ipprovduti minn Otis, u li taw lok għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa ġew ikkomunikati lill-Kummissjoni, minn naħa, biss wara li kienet diġà kisbet mingħand Kone l-informazzjoni dwar l-imsemmi akkordju li ppermettitilha tikkonstata l-ksur, li għaliha din l-impriża kisbet l-immunità abbażi tal-paragrafu 8(b) tal-imsemmi avviż (premessa 816 tad-deċiżjoni kkontestata), u, min-naħa l-oħra, wara li kienet wettqet verifika fil-bini tal-allegati parteċipanti fl-akkordju fil-Lussemburgu (premessa 116 tad-deċiżjoni kkontestata).

348    It-tieni nett, fir-rigward tal-grad tal-valur miżjud tal-provi li Otis ressqet fil-konfront tal-provi diġà fil-pussess tal-Kummissjoni, għandu jiġi kkunsidrat fil-kawża preżenti, bħalma tagħmel il-Kummissjoni li, peress li Kone kienet diġà pprovdiet lill-Kummissjoni b’xi provi li ppermettewlha tikkonstata ksur fil-Lussemburgu, il-valur miżjud tal-kooperazzjoni ta’ Otis, li kkomunikat lill-Kummissjoni xi informazzjoni li kienet għadha ma tafx biha kif ukoll ċerti provi dokumentati ġodda, jiġifieri l-listi ta’ proġetti, kienet neċessarjament limitata.

349    F’dawn iċ-ċirkustanzi, indipendentement mill-portata u mill-kontinwità tal-kooperazzjoni li wriet Otis, il-Kummissjoni ma eċċedietx b’mod manifest il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha billi tat tnaqqis fl-ammont tal-multa ta’ 40 % lil Otis abbażi tal-kooperazzjoni tagħha għall-finijiet tal-istabbiliment tal-akkordju fil-Lussemburgu.

350    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkonfutata mill-argument tar-rikorrenti fil-Kawża T‑145/07, ibbażat fuq it-tnaqqis tal-ammont tal-multa ta’ 50 % mogħti lil Kone fil-kuntest tal-akkordju fil-Ġermanja.

351    Fil-fatt, hekk kif tfakkar fil-punt 275 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-evalwazzjoni ta’ dak li jikkostitwixxi valur miżjud sinjifikattiv jissupponi bħala definizzjoni analiżi adattata fil-kuntest tal-provi kollha li tiddisponi minnhom il-Kummissjoni fir-rigward ta’ ksur partikolari, fis-sens li xi informazzjoni marbuta ma’ ksur distint, f’dan il-każ, il-ksur fil-Lussemburgu u dak fil-Ġermanja, ma humiex komparabbli. Peress li s-sitwazzjonijiet ta’ impriżi differenti ma humiex komparabbli, huwa mingħajr ma wettqet ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li l-Kummissjoni tat tnaqqis ta’ 40 % lil Otis fir-rigward tal-kooperazzjoni tagħha fl-istabbiliment tal-akkordju fil-Lussemburgu, filwaqt li tat tnaqqis ta’ 50 % lil Kone għall-kooperazzjoni tagħha fil-kuntest tal-ksur fil-Ġermanja.

352    F’kull każ, minn naħa, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑145/07 ma jispjegawx biżżejjed l-affermazzjoni tagħhom li tipprovdi li l-firxa u l-valur probatorju tal-provi ppreżentati minn Otis dwar l-akkordju fil-Lussemburgu kienu jaqbżu “sew” l-informazzjoni ppreżentata minn Kone fir-rigward tal-Ġermanja.

353    Min-naħa l-oħra, fil-mument li fih Otis, li l-kooperazzjoni tagħha taqa’ taħt l-ewwel inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 23(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, ipprovdiet lill-Kummissjoni b’xi provi dwar l-akkordju fil-Lussemburgu, il-Kummissjoni kienet tiddisponi diġa minn provi suffiċjenti sabiex tikkonstata l-ksur, li kienu jinsabu fid-domanda preċedenti ta’ Kone, li għaliha din tal-aħħar ingħatat immunità totali mill-multi (premessa 816 tad-deċiżjoni kkontestata). Bil-kontra, fir-rigward tal-ksur fil-Ġermanja, l-ebda impriża ma bbenefikat minn immunità mill-multi. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kinitx tiddisponi minn provi suffiċjenti sabiex tikkonstata l-ksur fil-Ġermanja fil-mument li fih Kone fformulat it-talba tagħha abbażi tal-imsemmi avviż. Anki jekk jitqies, kif jallegaw ir-rikorrenti fil-Kawża T‑145/07, li l-provi li jirrigwardaw il-ksur fil-Ġermanja pprovduti minn Kone, li l-kooperazzjoni tagħha taqa’ wkoll taħt l-ewwel inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 23(b) ta’ dan l-avviż, kienu inqas iddettaljati minn dawk ippreżentati minn Otis dwar l-akkordju fil-Lussemburgu, il-Kummissjoni ma eċċedietx b’mod manifest il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha billi tat lil Otis tnaqqis mill-ammont tal-multa ta’ 40 % u lil Kone tnaqqis tal-ammont tal-multa ta’ 50 % għall-kooperazzjoni tagħhom dwar, rispettivament, l-akkordji fil-Lussemburgu u fil-Ġermanja, peress li l-valur miżjud tal-provi huwa evalwat, skont il-paragrafu 21 tal-imsemmi avviż, permezz tal-provi diġà fil-pussess tal-Kummissjoni.

354    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-ilmenti kollha ta’ Otis dwar l-applikazzjoni tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 għall-kooperazzjoni tagħha sabiex jiġi stabbilit il-ksur fil-Lussemburgu għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq il-motiv li jirriżulta mill-ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ proporzjonalità u ta’ amministrazzjoni tajba fl-iffissar tal-ammont tat-tnaqqis tal-multa mogħti minħabba l-kooperazzjoni barra mill-kuntest tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002

355    Fil-punt 614 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni kienet ħabbret li hija kien bi ħsiebha “tagħti tnaqqis tal-multa minħabba l-kooperazzjoni barra mill-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, b’mod partikolari meta kumpannija ma tikkontestax jew meta din tagħti għajnuna addizzjonali li tippermetti li jiġu kkjarifikati jew kkompletati l-fatti ikkonstatati mill-Kummissjoni.”

356    Fil-premessa 758 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li, “sa fejn il-punt 614 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kien joħloq aspettattivi f’din il-kawża, hija ddeċidiet li tinterpreta dan il-punt favur impriżi li, fuq din il-bażi, ikkontribwixxew sabiex jiġu stabbiliti fatti tal-ksur imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata, billi ma jikkontestawx il-fatti jew billi jagħtu informazzjoni oħra jew dettalji addizzjonali”.

357    B’hekk, il-Kummissjoni tat lill-parteċipanti kollha, fl-erba’ każijiet ta’ ksur tnaqqis fl-ammont tal-multi ta’ 1 % għall-kooperazzjoni tagħhom lil hinn mill-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, abbażi tan-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti esposti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (premessi 768, 774, 777, 794, 801, 806, 813, 824, 829, 835, 845, 854, 855 u 856 tad-deċiżjoni kkontestata) bl-eċċezzjoni, minn naħa, tal-impriżi li bbenefikaw minn immunità mill-multi (premessi 762, 817 u 839 tad-deċiżjoni kkontestata) u, min-naħa l-oħra, ta’ Kone fil-kuntest tal-akkordju fil-Pajjiżi l-Baxxi (premessa 851 tad-deċiżjoni kkontestata).

358    L-ewwel nett, ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑141/07 u T‑145/07 isostnu li huma setgħu leġittimament jippretendu tnaqqis ta’ mill-inqas 10 % fl-ammont tal-multi imposti fuq Otis għall-ksur fil-Belġju, fil-Ġermanja u fil-Lussemburgu, abbażi tan-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti msemmija fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Tali aspettitivi leġittimi jirriżultaw, fl-opinjoni tagħhom, mill-punt 614 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u mill-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni, li abbażi tagħha, impriża li ma tikkontestax il-mertu tal-fatti li hija akkużata bihom fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tibbenefika minn tnaqqis ta’ 10 % mill-ammont tal-multa tagħha. Barra minn hekk, it-tim tal-Kummissjoni kien ta xi garanziji f’dan is-sens lill-avukat ta’ Otis fis-7 ta’ Mars 2006.

359    L-ewwel nett, hemm lok li jitfakkar li d-dritt li tiġi invokata l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi huwa estiż għal kull individwu li jinsab f’sitwazzjoni li minnha jirriżulta li l-amministrazzjoni tal-Unjoni, billi pprovdietlu garanzija preċiża, qajjmet fih aspettattivi fondati [is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Ottubru 1999, Atlanta vs Il-Komunità Ewropea, C-104/97 P, Ġabra p. I-6983, punt 52, u tal-15 ta’ Lulju 2004, Di Lenardo u Dilexport, C-37/02 u C-38/02, Ġabra p. I-6911, punt 70; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Diċembru 1998, Embassy Limousines & Services vs Il-Parlament, T-203/96, Ġabra p. II-4239, punt 74, u tal-15 ta’ Novembru 2007, Enercon vs UASI (Apparat li jikkonverti l-enerġija mir-riħ), T-71/06, mhux ippublikata fil-Ġabra, punt 36].

360    Bil-kontra, l-ebda persuna ma tista’ tinvoka ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi fin-nuqqas ta’ assigurazzjoni preċiża li tkun ingħatatilha mill-amministrazzjoni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Settembru 1995, Lefebvre et vs Il-Kummissjoni, T-571/93, Ġabra p. II-2379, punt 72, u tad-29 ta’ Jannar 1998, Dubois et Fils vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T-113/96, Ġabra p. II-125, punt 68). Informazzjoni preċiża, mingħajr kundizzjonijiet u konsistenti, li toriġina minn sorsi awtorizzati u affidabbli, indipendentement mill-forma ta’ notifika tagħha, tikkostitwixxi tali garanzija (is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Lulju 1998, Mellett vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑66/96 u T‑221/97, ĠabraSP p. I-A-449 u II-1305, punti 104 u 107).

361    Huwa minnu li, l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 bil-kontra tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-1996, ma jipprovdi l-ebda tnaqqis fl-ammont tal-multa favur impriżi li ma jikkontestawx il-mertu tal-fatti li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża l-akkużi fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Madankollu, il-Kummissjoni tirrikonoxxi, fil-premessa 758 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-punt 614 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ħoloq, għall-impriżi, l-aspettativa leġittima li n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti kien iwassal għal tnaqqis tal-ammont tal-multa, barra mill-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

362    Fil-punt 614 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni kienet iddikjarat li hija “[kellha] l-intenzjoni tagħti tnaqqis [tal-multi] għall-kooperazzjoni għall-kooperazzjoni lil hinn mill-Avviż dwar il-kooperazzjoni [tal-2002], b’mod partikolari meta impriża ma kkontestatx jew met[a] din ipprovdiet għajnuna addizzjonali li tippermetti li jiġu kkjarifikati l-fatti kkonstatati mill-Kummissjoni”. Tali affermazzjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li tikkostitwixxi garanzija preċiża li setgħet toħloq fir-rikorrenti speranzi fondati li kien ser jingħatalhom tnaqqis tal-multi ogħla minn 1 %. Fil-fatt, il-punt 614 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma jindikax id-daqs jew ir-rata ta’ tnaqqis li, jekk ikun il-każ tingħata lill-impriżi kkonċernati, fis-sens li, dan ma setax joħloq kwalunkwe aspettativa leġittima. F’dan ir-rigward, l-affermazzjoni tar-rikorrenti, ikkontestata mill-Kummissjoni, li tipprovdi li din tal-aħħar kienet indikat lill-avukat ta’ Otis, waqt laqgħa tal-[kunfidenzjali], li l-punt 614 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kien ser ikun applikat bl-istess mod fil-kuntest tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-1996, ma hijiex sostnuta mill-iċken prova u għandha tiġi miċħuda.

363    It-tieni nett, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li l-Kummissjoni dderogat mill-prattika preċedenti tagħha, li abbażi tagħha, impriża li ma tikkontestatax il-mertu tal-fatti li hija akkużata bihom fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tibbenefika minn tnaqqis ta’ 10 % fl-ammont tal-multa imposta fuqha, peress li, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 163 iktar ’il fuq, prassi deċiżjoni tal-Kummissjoni ma tistax, skont ġurisprudenza stabbilita, isservi ta’ kuntest ġuridiku għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni.

364    Barra minn hekk, ir-rikorenti ma jikkontestawx li huwa biss l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 li japplika għat-talba tagħhom, peress li fil-fatt din it-talba ġiet ifformulata espliċitament abbażi ta’ dan l-avviż. Għaldaqstant, il-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni jew tal-ġurisprudenza dwar l-applikazzjoni tat-tieni inċiż tal-punt D(2) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-1996 ma setgħatx fi kwalunkwe każ toħloq aspettitiva leġittima fir-rikorrenti fir-rigward tal-livell tat-tnaqqis tal-multi mogħti minħabba n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti dwar l-akkordji fil-Belġju, fil-Ġermanja u fil-Lussemburgu, ibbażati fuq il-punt 614 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

365    It-tieni nett, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑145/07 isostnu li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità billi ma tatx tnaqqis ta’ 10 % minħabba n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti.

366    Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa meħtieġ u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi li jridu jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, peress li meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva, u li l-inkonvenjenzi li jinħolqu ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet previsti (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Mejju 1998, Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni, C‑180/96, Ġabra p. I-2265, punt 96, u s-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2007, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, punt 232 iktar ’il fuq, punt 223).

367    Fir-rigward tar-rata evantwali ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa minħabba n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti, għandu jiġi rrilevat li mill-ġurisprudenza jirriżulta li, impriża li tiddikjara espressament li hija ma tikkontestax l-allegazzjonijiet ta’ fatt li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża l-ilment tagħha tista’ tiġi kkunsidrata bħala li kkontribwixxiet sabiex tiffaċilita l-kompitu tal-Kummissjoni li jikkostitwixxi fil-konstatazzjoni u l-eliminazzjoni tan-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli tal-Unjoni tal-kompetizzjoni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, Mo och Domsjö vs Il-Kummissjoni, T‑352/94, Ġabra p. II-1989, punt 395, u SCA Holding vs Il-Kummissjoni, T‑327/94, Ġabra p. II-1373, punt 157).

368    Fil-premessa 758 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni madankollu indikat li “[l-]portata tat-tnaqqis ikollha tieħu inkunsiderazzjoni li l-kooperazzjoni offerta wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, meta l-Kummissjoni tkun diġà stabbilixxiet l-elementi ta’ ksur kollha, f’mument fejn l-impriża diġà għandha konoxxenza tal-elementi kolla tal-istħarriġ u kellha aċċess għall-fajl tal-istħarriġ, fil-parti l-kbira tal-każijiet, tgħin lill-Kummissjoni biss marġinalment fl-istħarriġ tagħha”. Hija żiedet li, “[ġ]eneralment, l-ammissjoni tal-fatti f’dawn iċ-ċirkustanzi hija l-iktar l-iktar prova li ssostni l-fatt li l-Kummissjoni tikkunsidra normalment bħala suffiċjentement ipprovati mill-provi l-oħra preżenti fil-fajl.”

369    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 jeżiġi livell ogħla ta’ kooperazzjoni mal-Kummissjoni, peress li dan jipprevedi barra minn hekk “allinjament eqreb bejn il-livell ta’ tnaqqis ta’ multi u l-valur tal-kontribuzzjoni ta’ kumpanija biex ikun stabbilit il-ksur tal-liġi” (paragrafu 5 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002). B’hekk, minn naħa, b’differenza mill-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-1996, l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 ma jipprovdix tnaqqis mill-ammont tal-multi minħabba nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-talbiet ippreżentati quddiem il-Kummissjoni abbażi tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, it-tnaqqis massimu li jistgħu jiksbu l-impriżi li ma huma la l-ewwel u lanqas it-tieni sabiex jissodisfaw il-kundizzjoni stabbilita fil-paragrafu 21 tiegħu, iżda li l-provi tagħhom jippreżentaw madankollu valur miżjud sinjifikattiv fil-konfront tal-provi diġà fil-pussess tal-Kummissjoni titla sa 20 %.

370    Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, minħabba l-fatt li t-tnaqqis mogħti fil-kawża preżenti għan-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti jiżdied mat-tnaqqis tal-multi diġà mogħti fil-kuntest tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 u minħabba l-valur marġinali ta’ kooperazzjoni offerta wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (premessa 758 tad-deċiżjoni kkontestata), l-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta’ proporzjonalità meta ma tatx tnaqqis tal-multa ta’ 10 % lil Otis għan-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti dwar l-akkordji fil-Belġju, fil-Ġermanja u fil-Lussemburgu.

371    It-tielet nett, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑145/07 jirrilevaw li l-Kummissjoni ma tat l-ebda tnaqqis tal-ammont tal-multa lil Otis għall-kooperazzjoni tagħha u għall-ispjegazzjonijiet addizzjonali jew għall-informazzjoni addizzjonali li hija ppreżentat fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kif ukoll wara li ppreżentat din ir-risposta, u b’hekk kisret l-aspettativi leġittimi li l-punt 614 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kien ħoloq. Għaldaqstant, Otis għandha dritt għal tnaqqis addizzjonali.

372    L-ewwel nett, fir-rigward tal-ksur fil-Ġermanja, Otis kienet ipprovdiet spjegazzjonijiet u informazzjoni addizzjonali, b’mod partikolari fuq il-laqgħat illeċiti. B’hekk, preċedentement għall-mument li fih il-Kummissjoni rċeviet ir-risposta ta’ Otis għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, l-istituzzjoni kienet nieqsa minn provi suffiċjenti sabiex turi li l-laqgħat seħħew [kunfidenzjali]. Dawn il-laqgħat jissemmew fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 333 tad-deċiżjoni kkontestata.

373    F’dan ir-rigward, qabel kollox, għandu jitfakkar li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-fatti fid-dawl tal-Artikolu 81 KE, huwa indispensabbli li d-data u, a fortiori, il-post fejn seħħew il-laqgħat jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni (ara l-punt 311 iktar ’il fuq).

374    Barra minn hekk, u f’kull każ, mill-proċess u b’mod partikolari mill-osservazzjonijiet ta’ Kone tat-18 ta’ Frar 2004 jirriżulta li l-Kummissjoni kellha konoxxenza, qabel “l-għajnuna addizzjonali” ta’ Otis, tal-laqgħat [kunfidenzjali], peress li din il-laqgħa diġà ssemmiet fil-punt 260 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

375    F’dawn iċ-ċirkustanzi, u anki jekk Otis informat effettivament lill-Kummissjoni wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet biż-żamma ta’ laqgħa [kunfidenzjali], li l-Kummissjoni ma kinitx taf biha, huwa mingħajr ma eċċediet b’mod manifest il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha li din ma tatx tnaqqis mill-ammont tal-multa għall-informazzjoni addizzjonali pprovduta minn Otis fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet dwar iż-żamma ta’ erba’ laqgħat illeċiti fil-kuntest tal-ksur fil-Ġermanja.

376    It-tieni nett, Otis kienet, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u sussegwentement, ipprovdiet xi informazzjoni addizzjonali li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni. B’hekk, Otis kienet issuġġerixxiet fil-[kunfidenzjali] fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet xi korrezzjonijiet fuq ċerti konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni. Fil-[kunfidenzjali] fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, Otis kienet ukoll ipprovdiet xi informazzjoni fuq l-impjegati mkeċija u żżid, fil-[kunfidenzjali] fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, verżjoni stampata ta’ lista elettronika li tiżvela linji moħbija li fihom informazzjoni addizzjonali. Barra minn hekk, Otis kienet ipprovdiet xi provi ekonomiċi fuq il-portata tal-arranġamenti fuq il-liftijiet applikati fil-Ġermanja. Barra minn hekk, [kunfidenzjali], ir-rappreżentanti ta’ Otis kienu ltaqgħu mat-tim responabbli tal-kawża sabiex jirrispondu għal kull domanda u sabiex jiddiskutu l-possibbiltajiet l-oħra li Otis kienet tiddisponi minnhom sabiex isegwi l-kooperazzjoni tagħha fl-istħarriġ. Fl-aħħar, Otis kienet spjegat l-iżviluppi riċenti tal-ġurisprudenza sabiex tgħin lill-Kummissjoni tiddetermina d-destinatarju eżatt tad-deċiżjoni fil-Lussemburgu.

377    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-ebda wieħed mill-elementi msemmija fil-punt preċedenti ma żied xi preċiżazzjonijiet jew informazzjoni utli li l-Kummissjoni ma kinitx taf biha. B’hekk, fil-[kunfidenzjali] tar-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, Otis issuġġeriet biss xi korrezzjonijiet li rrigwardaw konstatazzjonijiet “periferiċi” jew mhux sostantanzjali tal-imsemmija kommunikazzjoni. Essenzjalment, Otis ipproponiet li r-referenzi għall-impjegati tagħha juru li dawn, fejn kien il-każ, ġew imkeċċija. Fil-[kunfidenzjali] fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, Otis ipprovdiet xi informazzjoni dwar l-impjegati mkeċċija. Issa tali informazzjoni ma hijiex ta’ natura li tiffaċilita l-kompitu tal-Kummissjoni li tikkonstata u li twaqqaf ksur (sentenza BASF vs Il-Kummissjoni, punt 167 iktar ’il fuq, punt 589). Barra minn hekk, l-istampar tal-lista elettronika, li ġiet mehmuza mar-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ma tippreżenta l-ebda valur probatorju addizzjonali peress li Otis kienet diġà pprovdiet lill-Kummissjoni bil-verżjoni elettronika tagħha [kunfidenzjali]. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma jispjegawx l-eventwali utilità tal-informazzjoni allegatament moħbija fil-verżjoni elettronika ta’ din il-lista. Fir-rigward tal-allegati provi ekonomiċi dwar il-portata tal-akkordju fil-Ġermanja, l-imsemmija provi ma ffaċilitawx il-konstatazzjoni tal-ksur, peress li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni tal-argumenti ta’ Otis li jipprovdi li s-suq tal-liftijiet u s-suq tal-liftijiet b’veloċità qawwija jikkostitwixxu żewġ swieq distinti. Otis lanqas ma turi kif il-laqgħat miżmuma mal-Kummissjoni [kunfidenzjali] ipprovdew informazzjoni ġdida li kienet iffaċilitat il-konstatazzjoni u t-twaqqif tal-ksur. Fl-aħħar, il-fatt li Otis ipprovdiet xi argumenti ġuridiċi lill-Kummissjoni dwar il-preżunzjoni ta’ responsabbiltà tal-kumpanniji parent lejn is-sussidjarji tagħhom, f’tentattiv sabiex tnaqqas l-ammont tal-multi u tmur kontra l-pożizzjoni tal-Kummissjoni, lanqas ma ffaċilitat il-konstatazzjoni u t-twaqqif tal-ksur.

378    Minn dak kollu li ntqal qabel jirriżulta li l-ilment ta’ Otis dwar ir-rifjut tal-Kummissjoni li tagħtiha tnaqqis fl-ammont tal-multa wara li pprovdiet informazzjoni spjegattiva u addizzjonali ma jistax jintlaqa’.

379    Minn dak kollu li ntqal qabel jirriżulta li dan il-motiv għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.

 Fuq il-motiv li jirriżulta mill-ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003

380    Ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑141/07 u T‑145/07 isostnu li l-ammont tal-multi imposti fuq GTO għandu jiġi llimitat għal 10 % tad-dħul mill-bejgħ tagħha, skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

381    Fid-dawl tal-fatt li l-imsemmija rikorrenti ma jallegawx li l-multa imposta fuq GTO fid-deċiżjoni kkontestata qabżet il-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ tal-impriżi kollha li jikkostitwixxu l-unità ekonomika li wettqu l-ksur waqt is-sena kummerċjali ta’ qabel, għandu jiġi kkonstatat li dan l-ilment jitħallat mal-ilmenti eżaminati fil-punti 63 sa 90 u 106 sa 120 iktar ’il fuq, dwar l-imputazzjoni ta’ UTC, OEC u Otis Belġju għall-aġir ta’ GTO. Issa, mill-iżviluppi jirriżulta li huwa ġustament li l-Kummissjoni imputat fuq dawn il-kumpanniji l-aġir tas-sussidjarji tagħhom, li jifformaw magħhom unità ekonomika. Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-motiv li jirriżulta minn ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fil-kalkolu tal-ammont finali tal-multi

382    Ir-rikorrenti fil-Kawża T‑141/07 issostni li l-ammont finali tal-multa imposta fuqha huwa sproporzjonat.

383    F’dan ir-rigward, hekk kif tfakkar fil-punt 366 iktar ’il fuq, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jirrikjedi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimament imfittxa mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, filwaqt li huwa mifhum li, meta teżisti għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel dik li hija l-inqas oneruża u l-iżvantaġġi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta pparagunati mal-għanijiet imfittxa.

384    Minn dan isegwi li l-multi ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxa, jiġifieri meta mqabbla mal-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni, u li l-ammont tal-multa imposta fuq impriża fil-qasam tal-kompetizzjoni għandu jkun proporzjonat mal-ksur, evalwat fl-intier tiegħu, filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-gravità tiegħu (sentenza tat-12 ta’ Settembru 2007, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, punt 232 iktar ’il fuq, punt 224). Barra minn hekk, fl-iffissar tal-ammont tal-multi, il-Kummissjoni hija korretta li tieħu inkunsiderazzjoni l-ħtieġa li tiggarantixxi li l-multi jkollhom effett suffiċjentement dissważiv (ara, f’dan is sens, is-sentenza Musique Diffusion française et vs Il Kummissjoni, punt 210 iktar ’il fuq, punt 108, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, Europa Carton vs Il Kummissjoni, T-304/94, Ġabra p. II-869, punt 89).

385    Sabiex jiġi stabbilit ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ir-rikorrenti fil-Kawża T-141/07, l-ewwel nett, tinvoka d-dimensjoni nazzjonali tal-prattiki kkontestati fil-Lussemburgu, fejn l-impatt fuq is-suq kien limitat. Sabiex tagħmel dan hija tibbaża ruħha esklużivament fuq l-argumenti li hija żviluppat fil-kuntest tal-motivi dwar il-kwalifikazzjoni allegatament żbaljata tal-ksur u fuq in-natura allegatament eċċessiva tal-ammont inizjali tal-multa imposta għall-ksur fil-Lussemburgu. It-tieni nett, hija tibbaża ruħha fuq l-argument tad-daqs imnaqqas ta’ GTO u fuq il-fatt li din kienet ġestita f’awtonomija kompleta, u tirreferi f’dan ir-rigward esklużivament għall-argumenti li hija ppreżentat fil-kuntest tal-motiv tagħha dwar l-applikazzjoni tal-fattur multiplikatur tal-grupp għall-finijiet tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-għan ta’ dissważjoni fl-iffissar tal-ammont inizjali tal-multa tagħha. It-tielet nett, hija tafferma li, fiż-żmien meta seħħew il-fatti, fil-Lussemburgu ma kinitx teżisti leġizlazzjoni dwar ir-rispett tar-regoli tal-kompetizzjoni u lanqas kwalunkwe awtorità nazzjonali għall-kompetizzjoni. Ir-raba’ nett, billi tibbaża ruħha fuq il-provi ppreżentati fil-kuntest tal-motiv tagħha dwar il-kooperazzjoni tagħha waqt il-proċedura amministrattiva, hija ssostni li kkooperat mal-Kummissjoni b’mod preċiż u estensiv.

386    Meta ġiet mistoqsija dwar dan waqt is-seduta, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑141/07 affermat li dan il-motiv ma kellux portata awtonoma meta mqabbel mal-motivi l-oħra li fihom hija invokat argumenti identiċi. B’hekk, fir-rigward tal-argumenti dwar id-daqs imnaqqas tas-suq, tal-impatt allegatament limitat tal-ksur, tad-daqs allegatament imnaqqas ta’ GTO u tal-kooperazzjoni tagħha waqt il-proċedura amministrattiva, peress li r-rikorrenti ma ressqitx elementi oħra barra dawk li żviluppat fil-kuntest tal-motivi l-oħra tar-rikors tagħha, hemm lok li dawn jiġu miċħuda, għall-motivi stabbiliti fil-punti 148 sa 165, 167 sa 172, 238 sa 242, 344 sa 354 u 359 sa 364 iktar ’il fuq.

387    Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq in-nuqqas, fil-Lussemburgu, ta’ leġiżlazzjoni dwar ir-rispett tar-regoli tal-kompetizzjoni u ta’ awtorità għall-kompetizzjoni, għandu jiġi enfassizzat li, minkejja li huwa minnu li l-Lussemburgu ma kien jiddisponi, waqt il-perijodu li fih seħħ il-ksur, minn ebda leġiżlazzjoni nazzjonali dwar ir-rispett tar-regoli tal-kompetizzjoni u lanqas minn ebda awtorità nazzjonali għall-kompetizzjoni, ir-Regolament Nru 17 kien, skont l-Artikolu 24 tiegħu, applikabbli fl-Istati Membri kollha, waqt il-perijodu kollu li fih seħħ il-ksur. Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

388    Isegwi li r-rikorsi għandhom jiġu miċħuda fl-intier tagħhom.

 Fuq l-ispejjeż

389    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

390    Peress li r-rikorrenti fil-Kawżi T‑141/07, T‑142/07, T‑145/07 u T‑146/07 tilfu, hemm lok li jiġu kkundannati għall-ispejjeż, skont kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-Kawżi T141/07, T142/07, T145/07 u T146/07 huma magħquda għall-finijiet ta’ din is-sentenza.

2)      Ir-rikorsi huma miċħuda.

3)      Fil-Kawża T141/07, General Technic-Otis Sàrl hija kkundannata għall-ispejjeż.

4)      Fil-Kawża T142/07, General Technic Sàrl hija kkundannata għall-ispejjeż.

5)      Fil-Kawża T145/07, Otis SA, Otis GmbH & Co. OHG, Otis BV u Otis Elevator Company huma kkundannati għall-ispejjeż.

6)      Fil-Kawża T146/07, United Technologies Corporation hija kkundannata għall-ispejjeż.


Martins Ribeiro

Wahl

Dittrich

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Lulju 2011.

Firem


Werrej



Il-proċedura amministrattiva

L-investigazzjoni tal-Kummissjoni

Il-Belġju

Il-Ġermanja

Il-Lussemburgu

Il-Pajjiżi l-Baxxi

Dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet

Id-deċiżjoni kkontestata

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji li jirregolaw l-imputazzjoni tar-responsabbiltà għall-ksur tal-Artikolu 81 KE, ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, tal-individwalità tal-pieni u ta’ ugwaljanza fit-trattament, u ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża kif ukoll tal-Artikolu 253 KE fl-imputazzjoni fuq il-kumpanniji parent tal-ksur imwettaq mis-sussidjarji rispettivi

Osservazzjonijiet preliminari

Fuq l-imputazzjoni fuq UTC u OEC tal-ksur imwettaq mis-sussidjarji Otis

Fuq l-imputazzjoni tal-ksur imwettaq minn GTO fuq GT, Otis Belġju, OEC u UTC

– Id-deċiżjoni kkontestata

– Fuq l-imputazzjoni tal-ksur imwettaq minn GTO fuq GT

– Fuq l-imputazzjoni tal-ksur imwettaq minn GTO fuq Otis Belġju, OEC u UTC

– Fuq il-ksur tad-drittijiet ta’ difiża

– Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Linji gwida tal-1998, tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament, tad-drittijiet ta’ difiża u tal-Artikolu 25 KE, fl-ifissar tal-ammont inizjali tal-multi skont il-gravità tal-ksur

Osservazzjonijiet preliminari

Id-deċiżjoni kkontestata

Fuq il-kwalifika ta’ “serju ħafna” tal-ksur fil-Lussemburgu

Fuq l-allegata illegalità tal-ammont inizjali tal-multi

– Fuq l-ammont inizjali ġenerali tal-multi

– Fuq l-ammont inizjali speċifiku tal-multi

Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Linji gwida tal-1998 u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fl-iffissar tar-rata taż-żieda tal-ammont inizjali tal-multa permezz tat-tul tal-perijodu tal-ksur fil-Ġermanja

Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Linji gwida tal-1998 u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fl-applikazzjoni tal-fattur multiplikatur ta’ grupp għall-finijiet tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-għan ta’ dissważjoni fl-iffissar tal-ammont inizjali tal-multi

Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, tal-Artikolu 253 KE u fuq il-ksur tal-prinċipji tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta’ proporzjonalità, ta’ ekwità, ta’ ugwaljanza fit-trattament u tad-drittijiet ta’ difiża

Fuq l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002

Fuq il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni u l-istħarriġ tal-qrati tal-Unjoni

Fuq il-kooperazzjoni ta’ Otis għall-finijiet tal-istabbiliment tal-ksur fil-Belġju

Fuq il-kooperazzjoni ta’ Otis għall-finijiet tal-istabbiliment tal-ksur fil-Ġermanja

Fuq il-kooperazzjoni ta’ Otis għall-finijiet tal-istabbiliment tal-ksur fil-Lussemburgu

Fuq il-motiv li jirriżulta mill-ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ proporzjonalità u ta’ amministrazzjoni tajba fl-iffissar tal-ammont tat-tnaqqis tal-multa mogħti minħabba l-kooperazzjoni barra mill-kuntest tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002

Fuq il-motiv li jirriżulta mill-ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003

Fuq il-motiv li jirriżulta minn ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fil-kalkolu tal-ammont finali tal-multi

Fuq l-ispejjeż



*Lingwi tal-kawża: il-Franċiż u l-Ingliż.


1 Informazzjoni kunfidenzjali moħbija.