Language of document :

Rikors ippreżentat fl-4 ta' Mejju 2007 - General Technic-Otis vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-141/07)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: General Technic-Otis (Howald, Gran Dukat tal-Lussemburgu) (rappreżentant: M. Nosbusch, avocat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla, abbażi ta' l-artikolu 230 KE, id-deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni li ġġib id-data tal-21 ta' Frar 2007, dwar il-proċedura għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 ŻEE fil-każ COMP/E-1/38.823 - Elevators and Escalators, safejn din tikkonċerna lil GTO;

sussidjarjament, abbażi ta' l-Artikolu 229 KE, tannulla jew tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuqha permezz ta' din id-deċiżjoni;

tikkundanna lill-Kummissjoni sabiex tbati l-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan ir-rikors, ir-rikorrenti titlob l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007)512 finali, tal-21 ta' Frar 2007, dwar proċedura li biħa ġie applikat l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 ŻEE (każ COMP/E-1/38.823- PO/Elevators and Escalators), dwar akkordju fuq is-suq ta' l-installazzjoni u tal-manteniment ta' lifts u ta' skalaturi mekkaniċi fil-Belġju, fil-Ġermanja, fil-Lussemburgu u fl-Olanda, li jikkonċerna l-manipulazzjoni ta' sejħiet għal offerti, it-tqassim tas-swieq, l-iffissar tal-prezzijiet, l-għoti ta' proġetti u tal-kuntratti ta' bejgħ, ta' installazzjoni u ta' manutenzjoni u ta' l-immoderniżżar tal-makkinarju u l-iskambju ta' informazzjoni, safejn dan jikkonċernaha. Sussidjarjament, ir-rikorrenti titlob l-annullament jew it-tnaqqis tal-multa li ġiet imposta fuqha mid-deċiżjoni kkuntestata.

Ir-rikorrenti tibbaża l-pretenzjonijiet tagħha fuq seba' motivi:

Fl-ewwel motiv tagħha r-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kkommettiet żball ta' dritt u ta' fatt meta applikat ir-regoli dwar il-kalkolu tal-multi peress li kkunsidrat li l-prattiċi inkriminanti kienu jikkostitwixxu offiża "gravi ħafna". B'konsegwenza ta' dan ir-rikorrenti tippretendi li s-somma bażika tal-multa għandha tiġi mnaqqsa, fid-dawl tal-portata geografika limitata tas-suq in kwistjoni u ukoll minħabba l-impatt limitat tal-prattiċi inkriminanti fuq is-suq in kwistjoni.

Fit-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni kkommettiet żball ta' dritt u ta' fatt minħabba li ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-kapacità ekonomika effettiva tar-rikorrenti li tikkawża ħsara. Bl-istess mod, hija ssostni li, meta iffisat is-somma tal-multa, il-Kummissjoni kien imissha ħadet in kunsiderazzjoni l-istat tagħha ta' impriża żgħira jew medja, li hija mmexxija b'mod kompletament awtonomu u li, minħabba f'hekk, mhijiex kapaċi tikkawża ħsara kunsiderevoli fuq is-suq.

Fit-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ikkommettiet żball ta' dritt u ta' fatt minħabba li ma llimitatx l-ammont tal-multa għal 10 % tal-fatturat tagħha u ma kinitx iġġustifikata li tieħu in kunsiderazzjoni il-fatturat tal-kumpanniji prinċipali biex tikkalkula l-ammont massimu tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti.

Ir-raba' motiv huwa bbażat fuq il-vjolazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-prinċipju ta' trattament ugwali minħabba li naqset milli tapplika l-prinċipji ta' responsabbilità b'mod koerenti fil-konfront tal-membri l-oħra ta' l-akkordju in kwistjoni. Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni attribwiet il-prattiċi inkriminanti lill-kumpanniji prinċipali tagħha waqt li hija m'għamlitx l-istess fir-rigward ta' kumpannija oħra kkundannata fl-istess deċiżjoni, anki jekk din kienet tinsab f'sitwazzjoni simili għal dik tar-rikorrenti f'dak li jirrigwarda l-eżerċizzju ta' kontroll mill-kumpanniji prinċipali.

Peremezz tal-ħames motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kkommettiet żball ta' dritt u ta' fatt minħabba li ma tathiex riduzzjoni ta' 50% ta' l-ammont tal-multa skond il-Komunikazzjoni fuq il-Kooperazzjoni1. Ir-rikorrenti ssostni li l-kooperazzjoni mas-servizzi tal-Kummissjoni kienet stretta, kostanti u partikolarment wiesgħa u kienet tiġġustifika r-riduzzjoni massima tal-multa prevista mill-Komunikazzjoni fuq il-Kooperazzjoni, jiġifieri 50%.

Is-sitt motiv invokat mir-rikorrenti huwa bbażat fuq vjolazzjoni tal-prinċipju ta' l-aspettattivi leġittimi peress li l-Kummissjoni ma tathiex riduzzjoni supplementari ta' 10 % tal-multa għan-nuqqas ta' kontestazzjoni tal-fatti. Ir-rikorrenti tallega li n-notifika ta' l-ilmenti, kif ukoll il-prattika li biha il-Kummissjoni tieħu d-deċiżjonijiet, nisslet fiha, it-tama fondata li, fuq din il-bażi, tottjeni riduzzjoni ta' 10%, u mhux biss ta' 1% li ġiet mogħtija mid-deċiżjoni kkuntestata.

Is-seba' motiv huwa bbażat fuq vjolazzjoni tal-prinċipju ta' proporzjonalità tal-pieni, minħabba li l-multa imposta fuq ir-rikorrenti mhijiex iġġustifikata fir-rigward ta' l-offiża in kwistjoni, u speċjalment fir-rigward ta' l-impatt allegatament limitat fuq is-suq, u minħabba l-implementazzjoni minn kumpannija ta' daqs żgħir.

____________

1 - Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f'multi f'każijiet ta' kartell (ĠU 2002, C 45, p.3)