Language of document :

Rikors ippreżentat fl-4 ta' Mejju 2007 - General Technic vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-142/07)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: General Technic Sàrl (Il-Lussemburgu, Gran Dukat tal-Lussemburgu) (rappreżentant: M. Nosbusch, Avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla, abbażi ta' l-Artikolu 230 KE, id-deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni li ġġib id-data tal-21 ta' Frar 2007, dwar proċedura għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 ŻEE fil-każ COMP/E-1/38.823 - Elevators and Escalators, safejn din tikkonċerna lil GT;

sussidjarjament, abbażi ta' l-Artikolu 229 KE, tannulla jew tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuqha permezz ta' din id-deċiżjoni;

tikkundanna lill-Kummissjoni sabiex tbati l-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan ir-rikors, ir-rikorrenti titlob l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007) 512 finali, tal-21 ta' Frar 2007, dwar proċedura għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 ŻEE (Każ COMP/E-1/38.823 - PO/Elevators and Escalators), dwar akkordju fuq is-suq ta' l-installazzjoni u l-manutenzjoni ta' lifts u ta' skalaturi mekkaniċi fil-Belġju, fil-Ġermanja, fil-Lussemburgu u fl-Olanda, li jikkonċerna l-manipulazzjoni ta' sejħiet għal offerti, it-tqassim tas-swieq, l-iffissar tal-prezzijiet, l-għoti ta' proġetti u ta' kuntratti ta' bejgħ, ta' l-installazzjoni, tal-manutenzjoni u ta' l-immoderniżżar tal-makkinarju u l-iskambju ta' informazzjoni, safejn dan jikkonċernaha. Sussidjarjament, ir-rikorrenti titlob l-annullament jew it-tnaqqis tal-multa li ġiet imposta fuqha mid-deċiżjoni kkontestata.

In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tgħid li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta kkundannatha tħallas il-multa flimkien u in solidum mal-kumpannija sussidjarja tagħħa li kienet parti fl-akkordju. Hija tippremetti li l-Kummissjoni kienet żbaljata fuq in-natura u l-portata tal-parteċipazzjoni tagħha fil-kapital azzjonarju tal-kumpannija sussidjarja tagħha, peress illi r-rikorrenti hija kumpannija ta' natura purament finanzjarja mingħajr attivita` kummerċjali proprja u hija azzjonarju b'minoranza fil-kumpannija sussidjarja, u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju għall-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tagħha. Ir-rikorrenti issostni wkoll li l-Kummissjoni ma tatx prova suffiċjenti skond il-liġi ta' l-involviment tagħha fl-akkordju in kwistjoni, għall-kuntrarju tar-rwol personali ta' l-azzjonist tagħha, fil-kapacità tiegħu ta' amministratur-azzjonist tal-kumpannija sussidjarja.

____________