Language of document :

Rikors ippreżentat fis-26 ta' April 2007 - Chi Mei Optoelectronics Europe u Chi Mei Optoelectronics UK vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-140/07)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Chi Mei Optoelectronics Europe BV (Hoofddorp, L-Olanda), Chi Mei Optoelectronics UK Ltd (Havant, Ir-Renju Unit) (rappreżentanti: S. Völcker, F. Louis, A. Vallery, lawyers)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

Ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jogħġobha

tannulla d-deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi; u

tordna li l-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors tagħhom ir-rikorrenti jitolbu l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2007)546 tal-15 ta' Frar 2007 li abbażi tagħha l-Kummissjoni ġiegħlet lir-rikorrenti, skond l-Artikolu 18(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1/20031, sabiex jipprovdu informazzjoni speċifika u dokumenti relattivi għall-prattiki li qed jiġu investigati fil-Każ COMP/F/39309 - Thin Films Transistors Liquid Crystal Displays.

Ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata hija illegali peress li l-Kummissjoni m'għandhiex is-setgħa ta' investigazzjoni u ta' infurzar sabiex iġġiegħel lil kumpanniji sussidjarji ta' l-UE jippreżentaw dokumenti u jipprovdu informazzjoni li hi biss taħt il-kustodja u l-kontroll ta' entitajiet legali li jinsabu barra mill-ġurisdizzjoni tal-Kummissjoni. Qed jiġi għaldaqstant sostnut li l-Kummissjoni żbaljat fid-dritt billi bagħtet talba formali għal informazzjoni lir-rikorrenti, li biha ġegħlithom jipprovdu dokumenti u informazzjoni li tinsab biss taħt il-kontrol u fil-pussess tal-kumpannija parent tagħhom li tinsab barra mit-territorju ta' l-UE.

Preċiżament, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 18(1) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003 peress li tinjora l-prinċipju ta' proprjetà u kontroll tad-dokumenti u b'hekk il-limitazzjoni intrinżika ta' dawn id-dispożizzjonijiet. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipji ġenerali tad-dritt internazzjonali ta' territorjalità, ta' sovranità, ta' nuqqas ta' intervent u ta' ugwaljanza bejn l-Istati billi allegatament timponi ġurisdizzjoni ta' infurzar fuq kumpannija li tinsab barra mill-UE.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta' Diċembru 2002 fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU 2003, L 1, p. 1).