Language of document :

Rikors ippreżentat fis-7 ta' Mejju 2007 - OTIS et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-145/07)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Otis SA (Dilbeek, il-Belġju), Otis GmbH & Co. OHG (Berlin, il-Ġermanja), Otis BV (Amersfoort, l-Olanda), u Otis Elevator Co. (Farmington, l-Istati Uniti) (Rappreżentanti: A. Winckler, avukat, u J. Temple Lang, Solicitor)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

Tannulla jew tnaqqas sostanzjalment il-multa imposta fuq Otis permezz tad-deċiżjoni;

tordna l-Kummissjoni tbati l-ispejjeż legali u l-ispejjeż l-oħra ta' Otis relattivi għal din il-kwistjoni;

tieħu kwalunkwe miżura oħra li l-Qorti tal-Prim'Istanza jidrilha xierqa.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti, abbażi ta' l-Artikolu 230 KE, jitolbu l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007)512 finali, tal-21 ta' Frar 2007 (Każ COMP/E-1/38.823- PO/Elevators and Escalators), li biha r-rikorrenti, flimkien ma' impriżi oħra, ġew iddikjarati responsabbli li ħadu sehem f'erba' vjolazzjonijiet singli, kumplessi u kontinwati ta' l-Artikolu 81(1) KE permezz tat-tqassim tas-swieq bis-saħħa ta' akkordji u/jew prattiċi miftiehma għall-għoti ta' appalti u ta' kuntratti ta' bejgħ, ta' installazzjoni, ta' manutenzjoni u ta' mmodernizzar ta' lifts u ta' skalaturi.

In sostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw id-disa' motivi li ġejjin, mingħajr ma jikkontestaw il-konstatazzjonijiet fattwali tad-deċiżjoni kkontestata.

Il-Kummissjoni applikat ħażin it-test legali rilevanti meta ddikjarat lil Otis Elevator Company responsabbli għall-aġir ta' l-entitajiet lokali, peress li Otis Elevator Company m'eżerċitatx influwenza deċiżiva fuq l-aġir kummerċjali ta' kuljum ta' dawn l-entitajiet lokali affiljati u ma setgħetx tkun konxja ta' l-aġir illegali tagħhom.

Il-Kummissjoni applikat ħażin il-Linji ta' gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi1 u kisret il-prinċipju ta' proporzjonalità:

-     meta żiedet il-multa, imposta bħala miżura dissważiva, abbażi tal-fatturat tal-grupp kollu kemm hu; u

-     meta ddeterminat l-ammont tal-bidu relattiv għall-Ġermanja, peress li l-Kummissjoni naqset milli tieħu in konsiderazzjoni li l-arrangamenti illegali kienu jikkonċernaw biss l-iskalaturi u l-lifts 'ta' valur għoli'/ta' veloċità għolja, li jirrappreżentaw parti żgħira biss mit-total tal-lifts.

Il-Kummissjoni kisret il-Komunikazzjoni fuq il-Kooperazzjoni2.

-    billi naqset milli tagħti l-immunità lil Otis għall-arranġamenti illegali fil-Ġermanja, peress li Otis kienet l-unika kumpannija li ssottomettiet provi u informazzjoni dwar il-portata sħiha u t-tul ta' żmien sħih ta' l-arranġamenti dwar il-lifts u l-iskalaturi; jew

-    billi ma tatx immunità parzjali rigward l-iskalaturi u l-lifts, rispettivament, f'ċerti perijodi, u billi naqset milli tagħti r-raġunijiet għal dan l-aġir.

Subordinatament, il-Kummissjoni imissha tat tnaqqis ta' 50% u, fi kwalunkwe każ, tnaqqis sostanzjalment akbar minn 25%. Ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni naqset milli tapprezza l-portata u l-valur miżjud sinjifikattiv tal-provi ppreżentati minn Otis.

Minbarra dan, il-Kummissjoni kisret l-aspettattivi leġittimi ta' Otis u l-prinċipju ta' proporzjonalità:

-    billi naqset milli tagħti t-tnaqqis tas-soltu ta' 10% talli l-fatti relattivi għall-Belġju, għall-Ġermanja u għal-Lussemburgu ma ġewx ikkontestati; u

-    billi naqset milli tagħti tnaqqis talli ġiet ipprovduta informazzjoni addizzjonali u li tagħti kjarifika.

Finalment, il-Kummissjoni applikat ħazin il-Komunikazzjoni fuq il-Kooperazzjoni u l-Linji ta' gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi meta ffissat il-multa relattiva għall-Belġju, għall-Ġermanja u għal-Lussemburgu.

____________

1 - Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta' l-14 ta' Jannar 1998 intitolata "Linji ta' gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi mposti skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru. 17 u l-Artikolu 65 (5) tat-Trattat KEFA (ĠU 1998 C 9, p.3).

2 - Avviż [Komunikazzjoni] tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f'multi f'każijiet ta' kartell (ĠU 2002, C 45, p.3)