Language of document :

Rikors ippreżentat fis-7 ta' Mejju 2007 - United Technologies vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-146/07)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: United Technologies Corp. (Hartford, l-Istati Uniti) (rappreżentanti: A. Winckler, lawyer u J. Temple Lang, Solicitor)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla jew tnaqqas sostanzjalment il-multa imposta lil UTC in segwitu għad-deċiżjoni;

tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż legali ta' UTC u spejjeż oħra fir-rigward ta' din il-kawża; u

tieħu kull miżura oħra li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra xierqa.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan ir-rikors, ir-rikorrenti titlob l-annullament parzjali, skond l-Artikolu 230 KE, tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007)512 finali tal-21 ta' Frar 2007 (Kawża COMP/E-1/38.823 - PO/Elevators and Escalators), li abbażi tagħha r-rikorrenti, flimkien ma' impriżi oħra ġew ikkunsidrati bħala responsabbli ta' parteċipazzjoni f'erba' ksur distinti, kumplessi u kontinwi ta' l-Artikolu 81(1) KE billi qasmu s-swieq permezz ta' qbil u/jew ftehim sabiex jiġu allokati offerti u kuntratti għall-bejgħ, installazzjoni, servizz u mmodernizzar tal-lifts u l-iskali mobbli.

In sostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorenti l-ewwel nett issostni li l-Kummissjoni żbaljatament ikkunsidrat li s-sempliċi proprjetà legali ta' kumpannija sussidjarja tagħha tiġġustifika r-responsabbiltà bħala kumpannija prinċipali. Ir-rikorrenti tallega f'dan ir-rigward li i) l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/20031 jeħtieġ evidenza ta; intenzjoni jew negliġenza, ii) l-kumpannija prinċipali għandha fil-fatt teżerċita kontroll fuq il-politika kummerċjali tal-kumpannija sussidjarja matul il-perijodu tal-ksur jew li tkun taf dwar dan l-aġir u ma tagħmel xejn sabiex ittemmu, u iii) li r-responsabbiltà tal-kumpannija prinċipali għall-ksur antitrust tas-sussidjarji tagħha jridu jkunu bbażati fuq l-aġir fattwali tagħha u mhux fuq il-kapaċità li tinfluwenza.

Sussegwentement, ir-rikorrenti tikkontesta li kull preżunzjoni ta' responsabbiltà għandha tiġi eskluża billi s-sussidjarji tagħha kienu jiddeterminaw b'mod awtonomu l-aġir kummerċjali tagħhom ta' kuljum u li l-impjegati in kwistjoni ma obdewx l-istruzzjonijiet wara li r-rikorrenti kienet ħadet kull miżura raġonevoli sabiex tiżgura r-rispett tar-regoli tal-kompetizzjoni. Barra minn dan, il-Kummissjoni naqset, skond ir-rikorrenti, milli tagħti r-raġunijiet għalfejn ikkunsidrat li r-rikorrenti ma kinitx eskludiet kull preżunzjoni ta' responsabbiltà.

Barra minn dan ir-rikorrenti tallega li ż-żieda ta' 70% tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti minħabba fid-daqs u bħala disważiv mhijiex iġġustifikata u hija sproporzjonata.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju tat-trattament ugwali meta qieset li r-rikorrenti kienet responsabbli għall-aġir illeċitu tas-sussidjarji tagħha filwaqt li l-Kummissjoni applikat evalwazzjoni ġuridiku differenti sabiex sabet li Mitsubishi Electric Corporation Japan ma kinitx responsabbli għall-aġir tas-sussidjarji tagħha.

____________

1 - Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta'Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU 2003 L 1, p. 1).