Language of document : ECLI:EU:C:2017:803

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

25 ta’ Ottubru 2017 (*)

“Rikors għal annullament – Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar il-Konferenza Dinjija tar-Radjukomunikazzjoni tal‑2015 tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni – Artikolu 218(9) TFUE – Deroga mill-forma ġuridika prevista– Assenza ta’ indikazzjoni tal-bażi legali”

Fil-Kawża C‑687/15,

li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, ippreżentat fis‑17 ta’ Diċembru 2015,

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Nicolae u F. Erlbacher, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

IlKunsill talUnjoni Ewropea, irrappreżentat minn I. Šulce, J.-P. Hix u O. Segnana, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn:

Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek, J. Vláčil u M. Hedvábná, bħala aġenti,

IrRepubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn T. Henze u K. Stranz, bħala aġenti,

IrRepubblika Franċiża, irrappreżentata minn F. Fize, G. de Bergues, B. Fodda u D. Colas, bħala aġenti,

IrRenju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn C. Brodie, M. Holt u D. Robertson, bħala aġenti, assistiti minn J. Holmes, barrister,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, L. Bay Larsen, J. L. da Cruz Vilaça, J. Malenovský, E. Levits u C. Vajda, Presidenti ta’ Awla, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev, C. Toader, A. Prechal (Relatur), S. Rodin u F. Biltgen, Imħallfin

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑2 ta’ Mejju 2017,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑7 ta’ Settembru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, adottati fis‑26 ta’ Ottubru 2015, fit‑3419-il sessjoni tiegħu fil-Lussemburgu, dwar il-Konferenza Dinjija tar-Radjukomunikazzjoni tal‑2015 (WRC‑15) tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (ITU) (iktar ’il quddiem l-“att ikkontestat”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

2        L-ITU hija istituzzjoni speċjalizzata tan-Nazzjonijiet Uniti responsabbli mit-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni. Bħalma jirriżulta, b’mod partikolari, mill-Artikolu 1 tal-kostituzzjoni tagħha, huwa fil-kuntest tal-ITU li l-ispettru tar-radju u l-orbiti tas-satelliti huma attribwiti lill-iskala dinjija u li l-istandards tekniċi huma żviluppati sabiex tiġi żgurata l-interkonnessjoni tan-netwerks u tat-teknoloġiji.

3        Konformement mal-Artikolu 2 tal-kostituzzjoni tal-ITU, din hija magħmula minn Stati Membri u membri ta’ setturi. Bħalissa, 193 Stat huwa membru tal-ITU, fosthom l-Istati Membri kollha tal-Unjoni li, hija nfisha, hija “Membru ta’ Settur”.

4        L-Artikolu 3 tal-kostituzzjoni tal-ITU, intitolat “Drittijiet u obbligi tal-Istati Membri u tal-Membri tas-Setturi” [traduzzjoni mhux uffiċjali], jipprevedi:

“1.      L-Istati Membri u l-Membri tas-Setturi għandhom id-drittijiet u huma suġġetti għall-obbligi previsti f’din il-kostituzzjoni u fil-ftehim.

[…]

3.      F’dak li jirrigwarda l-parteċipazzjoni tagħhom fl-attivitajiet tal-[ITU], il-Membri tas-Setturi huma awtorizzati jipparteċipaw bis-sħiħ fl-attivitajiet tas-Settur li huma membri tiegħu, suġġett għad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din il-kostituzzjoni u tal-ftehim:

[…]

b)      huma awtorizzati, suġġetti għad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-ftehim u tad-deċiżjonijiet rilevanti adottati f’dan ir-rigward mill-Konferenza Plenipotenzjarja, jipparteċipaw fl-adozzjoni ta’ Domandi u ta’ Rakkomandazzjonijiet kif ukoll ta’ deċiżjonijiet dwar il-metodi tax-xogħol u l-proċeduri tas-Settur ikkonċernat.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5        L-Artikolu 4 tal-kostituzzjoni tal-ITU, intitolat “Strumenti tal-[ITU]” [traduzzjoni mhux uffiċjali], huwa fformulat kif ġej:

“1.      L-istrumenti tal-[ITU] huma:

–        din il-kostituzzjoni tal-[ITU],

–        il-konvenzjoni tal-[ITU], u

–        ir-regolamenti amministrattivi.

[…]

3.      Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-kostituzzjoni u tal-ftehim huma kkompletati ulterjorment b’dawk tar-regolamenti amministrattivi elenkati iktar ’il quddiem, li jirregolaw l-użu tat-telekomunikazzjoni u jorbtu lill-Istati Membri kollha:

[…]

–        ir-Regolamenti tar-Radju.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6        L-Artikolu 13 tal-kostituzzjoni tal-ITU, intitolat “Konferenzi tar-Radjukomunikazzjoni u Assembleji tar-Radjukomunikazzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali], jipprovdi:

“1.      Konferenza Dinjija tar-Radjukomunikazzjoni tista’ tgħaddi għal reviżjoni parzjali jew, b’mod eċċezzjonali, totali tar-Regolament tar-Radju u tittratta kwalunkwe kwistjoni oħra ta’ natura dinjija li taqa’ fil-kompetenza tagħha u li hija relatata mal-aġenda tagħha. Il-funzjonijiet l-oħrajn ta’ din il-konferenza huma ddikjarati fil-ftehim.

2.      Il-Konferenzi Dinjija tar-Radjukomunikazzjoni normalment jissejħu kull tliet jew erba’ snin; madankollu, konformement mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-ftehim, tali konferenza tista’ ma tissejjaħx, jew tista’ tissejjaħ konferenza addizzjonali.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Id-dritt tal-Unjoni

7        Id-Direttiva 2002/21/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru [qafas] regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru [Qafas]) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349), kif emendata bid-Direttiva 2009/140/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑25 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, L 337, p. 37) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva Qafas”), ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 95 KE.

8        L-Artikolu 8a tad-Direttiva Qafas, intitolat “Ippjanar strateġiku u kordinazzjoni tal-politika tal-ispettru tar-radju”, jistipula, fil-paragrafu 4 tiegħu:

“Kull fejn ikun meħtieġ li tiġi żgurata l-koordinazzjoni effettiva tal-interessi tal-Komunità Ewropea f’organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti fi kwistjonijiet tal-ispektrum tar-radju, il-Kummissjoni, waqt li tieħu l-akbar kont possibbli tal-opinjoni tal-[Grupp għal Politika dwar l-Ispettru tar-Radju (RSPG)], tista’ tipproponi għanijiet ta’ politika komuni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.”

9        L-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva, intitolat “Il-ġestjoni ta’ frekwenzi tar-radju għas-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika”, jipprovdi, fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu:

“Bl-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri jkunu qegħdin jirrispettaw il-ftehimiet internazzjonali relevanti, inklużi r-[Regolament dwar ir-Radju], u jkunu jistgħu jqisu l-prospettivi tal-politika pubblika.”

10      Id-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑7 ta’ Marzu 2002, dwar qafas regolatorju għall-politika dwar l-ispettru tar-radju fil-Komunità Ewropea (Deċiżjoni dwar l-Ispettri tar-radju) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 317, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni dwar l-Ispettru tar-radju”), ġiet ukoll adottata abbażi tal-Artikolu 95 KE. L-Artikolu 1(1) ta’ din id-deċiżjoni jipprovdi:

“L-għan ta’ din id-Deċiżjoni huwa li tiġi stabbilita politika u qafas komuni fil-Komunità sabiex tiġi żgurata l-kooperazzjoni u l-attitudni politika u, fejn xieraq, kondizzjonijiet armonizzati fir-rigward tad-disponibilità u l-użu effiċjenti ta’ l-ispettru tar-radju meħtieġa għall-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern fiż-żoni tal-politika tal-Komunità bħal komunikazzjonijiet elettroniċi, trasport u riċerka u żvilupp (R & D).”

11      Id-Deċiżjoni Nru 243/2012/UE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑14 ta’ Marzu 2012, li tistabbilixxi programm pluriennali tal-politika tal-ispettru tar-radju (ĠU 2012, L 81, p. 7), ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 114 TFUE. L-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni, intitolat “Għan u Ambitu”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi programm pluriennali tal-politika tal-ispettru tar-radju għall-ippjanar strateġiku u għall-armonizzazzjoni tal-użu tal-ispettru sabiex ikun żgurat il-funzjonament tas-suq intern fl-oqsma ta’ politika tal-Unjoni li jinvolvu l-użu ta’ spettru, bħall-politika tal-komunikazzjoni elettronika, tar-riċerka, tal-iżvilupp teknoloġiku u tal-ispazju, tat-trasport, tal-enerġija u tal-awdjoviżjoni.”

12      L-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni Nru 243/2012, intitolat “Negozjati internazzjonali”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“F’negozjati internazzjonali relatati ma’ kwistjonijiet tal-ispettru, għandhom japplikaw il-prinċipji li ġejjin:

a)      jekk is-suġġett tan-negozjati internazzjonali jaqa’ fil-kompetenza tal-Unjoni, il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tiġi stabbilita f’konformità mal-liġi tal-Unjoni;

b)      jekk is-suġġett tan-negozjati internazzjonali jaqa’ parzjalment fil-kompetenza tal-Unjoni u parzjalment fil-kompetenza tal-Istati Membri, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jipprovaw jistabbilixxu pożizzjoni komuni f’konformità mar-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni sinċiera.

Għall-fini tal-applikazzjoni tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jikkooperaw f’konformità mal-prinċipju ta’ unità fir-rappreżentazzjoni internazzjonali tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-att ikkontestat

13      Il-WRC‑15 ġiet organizzata f’Genève (l-Isvizzera) bejn it‑2 u s‑27 ta’ Novembru 2015. Hemmhekk ftehmu li jiġu rriveduti r-Regolamenti tar-Radju.

14      Fid‑29 ta’ Mejju 2015, il-Kummissjoni ppreżentat lill-Kunsill, abbażi tad-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikolu 114 u tal-Artikolu 218(9) TFUE, proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni, matul il-WRC‑15 [COM(2015) 234 final], li tipprevedi, fl-Artikolu 1 tagħha:

“L-Istati Membri, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni, għandhom jieħdu sehem fin-negozjati fil-[WRC‑15] bil-ħsieb li jiġu riveduti r-Regolamenti tar-Radju.

Il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’negozjati u matul l-adozzjoni ta’ reviżjonijiet għar-Regolamenti [tar-]Radju huma stabbiliti fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Meta proposti ġodda dwar is-suġġett fl-Anness huma magħmula waqt il-[WRC‑15] li għad m’hemmx pożizzjoni tal-Unjoni dwarhom, il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tiġi stabbilita permezz ta’ koordinazzjoni fuq il-post qabel il-[WRC‑15] tissejjaħ biex tadotta reviżjonijiet għar-Regolamenti tar-Radju. F’każijiet bħal dawn, il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tkun konsistenti mal-prinċipji stipulati fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.”

15      L-anness għall-imsemmija proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill huwa fformulat kif ġej:

“Waqt in-negozjati u l-adozzjoni ta’ reviżjonijiet għar-Regolamenti tar-Radju tal-[ITU] fil-WRC 15, għandhom jittieħdu l-pożizzjonijiet li ġejjin f’isem l-Unjoni.

1.      Taħt punt 1.1 tal-aġenda:

•      tiġi identifikata l-banda 1 452-1 492 MHz, u l-baned biswit xulxin 1 427-1 452 MHz u 1 492-1 518 MHz għat-Telekomunikazzjonijiet Mobbli Internazzjonali, filwaqt li jiġu protetti servizzi passivi taħt il-1 427 MHz;

•      tiġi allokata fuq bażi ko-primarja lis-servizz ċellulari u tiġi identifikata għat-Telekomunikazzjoni Mobbli Internazzjonali l-banda 3 400-3 800 MHz;

•      tiġi rrifjutata l-allokazzjoni ko-primarja lis-servizz mobbli tal-banda 470-694 MHz fl-Ewropa;

•      ma tiżdiedx l-allokazzjoni ko-primarja lis-servizz mobbli tal-baned 5 350-5 470 MHz u 5 725-5 850 MHz u lanqas ma jiġu identifikati għal IMT dawk il-baned kif ukoll il-banda 5 850-5 925 MHz, filwaqt li jiġu studjati aktar dawn it-tliet baned bil-ħsieb li jitqies l-użu tagħhom għan-netwerks taż-żona lokali bir-radju u jiġi żgurat li l-użu primarju huwa protett f’kull każ.

2.      Taħt punt 1.2 tal-aġenda:

•      jiġu stabbiliti l-livelli ta’ protezzjoni għas-servizz tax-xandir taħt is-694 MHz skont ir-riżultati tal-istudji mwettqa mill-[c]onférence [e]uropéenne des [p]ostes et [t]élécommunications u jiġi stabbilit it-tarf saflieni tal-banda għal 694 MHz;

•      ma jiġux miżjuda restrizzjonijiet addizzjonali għall-protezzjoni tax-xandir fil-banda 694-790 MHz għalkemm jistgħu jiġu adottati miżuri biex jiżguraw koeżistenza bbilanċjata bejn il-wireless broadband u sistemi ta’ radjunavigazzjoni ajrunawtiċi eżistenti mal-fruntieri tal-lvant tal-[Unjoni] fil-banda 694-790 MHz.

3.      Taħt punt 1.18 tal-aġenda, tiġi allokata l-banda 77.5-78 GHz għas-servizz ta’ radjulokazzjoni u l-użu ta’ dik il-medda għal radars tal-vetturi mingħajr l-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet eċċessivi, iżda jiġi rikonoxxut li l-istazzjonijiet tar-radjuastronomija għandhom ikomplu jibbenefikaw minn protezzjoni.

4.      Taħt punt 10 tal-aġenda, punt fl-aġenda għall-[Konferenza Dinjija tar-Radjukomunikazzjoni tal‑2019 (WRC-19)] li jindirizza l-ħtiġijiet tal-ispettru għal sistemi mobbli 5G għandu jiġi appoġġat, b’enfasi ’l fuq minn 6 GHz għal allokazzjonijiet ġodda u approċċ komuni biex jitnedew studji ta’ kompatibbiltà relatati qabel il-WRC-19.

5.      Meta tiġi nnegozjata kwalunkwe emenda rilevanti għar-Regolamenti tar-Radju tal-[ITU] fil-WRC-15, tiġi żgurata l-konformità mal-liġi tal-Unjoni, b’mod partikolari li l-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 9 tad-[Direttiva Qafas] u d-[Deċiżjoni Nru 243/2012] jiġu osservati, u ma jkollhom l-ebda preġudizzju għal aktar żvilupp prevedibbli.”

16      Wara diskussjonijiet fi ħdan il-Kunsill, dan adotta l-att ikkontestat, li jipprevedi dan li ġej:

“IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

1.      WAQT LI JFAKKAR

a)      fid-[deċiżjoni Nru 676/2002];

b)      fid-dispożizzjonijiet tad-[Direttiva Qafas], u b’mod partikolari l-Artikolu 8a(4) tagħha;

c)      fid-[Deċiżjoni Nru 243/2012];

d)      fil-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-pożizzjonijiet Ewropej għall-Konferenzi Dinjija tar-Radjukomunikazzjoni tal‑1992, l‑1997, l‑2000, l‑2003, l‑2007 u l‑2012;

e)      fl-importanza tat-teknoloġiji wireless (bla fili) li jużaw l-ispettru biex jinksibu l-objettivi tal-politika tal-[Unjoni] taħt l-inizjattiva ewlenija tal-Istrateġija UE2020 ‘Aġenda Diġitali għall-Ewropa’ biex jitwassal internet bil-broadband veloċi u jinkisbu benefiċċji ekonomiċi u soċjali sostenibbli minn suq uniku diġitali,

f)      fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal‑31 ta’ Mejju 2010 dwar l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa;

2.      WAQT LI JINNOTA

•      l-Opinjoni tal-[RSPG] ta’ Frar 2015 dwar ‘Objettivi ta’ Politika Komuni għad-WRC‑15’;

3.      JESPRIMI L-APPOĠĠ ĠENERALI TIEGĦU GĦALL-objettivi li ġejjin li għandhom jintlaħqu fid-WRC‑15 fid-dawl tal-implimentazzjoni b’suċċess tal-politiki rilevanti tal-Unjoni:

a)      Taħt il-punt 1.1 tal-aġenda:

i.      Biex tiġi identifikata l-medda ta’ frekwenza 1 452-1 492 MHz, u l-meded biswitha 1 427-1 452 MHz u 1 492-1 518 MHz [għall-IMT], filwaqt li jiġu protetti s-servizzi passivi ’l isfel minn 1 427 MHz. Din l-identifikazzjoni ma tipprekludix l-użu ta’ dawn il-meded ta’ frekwenza minn xi applikazzjonijiet, inklużi tad-difiża, tas-servizzi li huma allokati għalihom, u lanqas ma tistabbilixxi prijorità fir-Regolamenti tar-Radju;

ii.      Biex tiġi allokata l-medda ta’ frekwenza 3400-3800 MHz fuq bażi koprimarja għas-servizz ċellulari u tiġi identifikata għall-IMT, b’kunsiderazzjoni li l-medda ta’ frekwenza għandha rwol importanti għall-komunikazzjoni satellitari;

iii.      Biex ma tkun appoġġata l-ebda bidla fl-allokazzjonijiet fil-medda ta’ frekwenza 470-694 MHz fl-Ewropa;

iv.      Biex la tiżdied l-allokazzjoni koprimarja lis-servizz ċellulari tal-meded ta’ frekwenza 5 350-5 470 MHz u 5 725-5 850 MHz u lanqas ma jiġu identifikati dawk il-meded kif ukoll il-medda 5 850-5 925 MHz għall-IMT, filwaqt li dawn it-tliet meded jiġu studjati aktar fil-fond bil-ħsieb li jitqies l-użu tagħhom għan-netwerks taż-żona lokali bir-radju u jiġi żgurat li l-użu primarju jiġi mħares f’kull każ.

b)      Taħt il-punt 1.2 tal-aġenda:

i.      Biex it-tarf il-baxx tal-medda jiġi ssettjat għal 694 Mhz u jiġu appoġġati r-rakkomandazzjonijiet ITU‑R għal-livelli ta’ ħarsien għas-servizz tax-xandir taħt il-694 MHz skont ir-riżultati tal-istudji mwettqa mill-Konferenza Ewropea tal-Amministrazzjonijiet Postali u tat-Telekomunikazzjoni;

ii.      Biex tiġi żgurata koeżistenza bbilanċjata bejn il-broadband bla fili u x-xandir, u ma jiżdidux restrizzjonijiet addizzjonali li jmorru lil hinn mill-ftehim GE‑06 għall-ħarsien tax-xandir fil-medda ta’ frekwenza 694-790 MHz;

iii.      Biex jiġi żgurat aċċess ibbilanċjat bejn is-servizzi ċellulari u s-servizzi tar-radjunavigazzjoni ajrunawtika (ARNS) fil-fruntieri tal-Istati Membri tal-Lvant, sabiex ikun iffaċilitat l-użu tas-servizzi ċellulari fil-pajjiżi kollha tal-[Unjoni] permezz ta’ dispożizzjonijiet regolatorji xierqa tar-regolamenti tar-radju, filwaqt li tingħata preferenza lill-iżgħar distanzi ta’ separazzjoni effettivi bejn ARNS u IMT u li jiġu appoġġati d-drittijiet tal-Istati Membri tal-Lvant tal-UE f’dan ir-rigward.

c)      Taħt il-punt 1.18 tal-aġenda, biex il-medda 77,5-78 GHz tiġi allokata għas-servizz tar-radjulokazzjoni sabiex jiġi ffaċilitat l-użu ta’ radars tal-vetturi mingħajr l-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet eċċessivi, u biex ikun rikonoxxut li l-istazzjonijiet tar-radjuastronomija għandhom ikomplu jgawdu minn protezzjoni;

d)      Taħt il-punt 10 tal-aġenda, biex jiġi appoġġat punt fl-aġenda għall-WRC‑19 li jindirizza l-ħtiġijiet tal-ispettru għas-sistemi ċellulari 5G, b’enfasi ’l fuq minn 6 GHz għal allokazzjonijiet ġodda u approċċ komuni biex jitnedew studji ta’ kompatibbiltà relatati, qabel id-WRC‑19;

4.      JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI BIEX:

•      Isegwu l-objettivi stipulati fil-paragrafu 3 u jirrispettaw il-prinċipji stipulati fid-[Deċiżjoni Nru 243/2012] meta jinnegozjaw kwalunkwe emenda rilevanti għar-Regolamenti tar-Radju tal-ITU fid-WRC‑15.

5.      JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI BIEX:

•      Tibgħat rapport minnufih lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bir-riżultati tad-WRC‑15 u dwar il-mezzi li jiżguraw li t-tħejjijiet Ewropej għall-konferenza li jmiss fl‑2019 (WRC‑19) jappoġġaw bis-sħiħ il-politiki u l-prinċipji tal-Unjoni.”

17      Meta ġie adottat l-att ikkontestat, il-Kummissjoni għamlet id-dikjarazzjoni li jmiss, inkluża fil-minuti tas-sessjoni tal-Kunsill:

“Il-Kummissjoni tinnota b’dispjaċir li l-Kunsill adotta konklużjonijiet bi tħejjija għall-[WRC‑15], minflok deċiżjoni, kif previst fl-Artikolu 218(9) […] TFUE. Fil-fehma tal-Kummissjoni, din il-pożizzjoni tmur kontra t-Trattat u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja […]. Il-Kummissjoni tirriżerva d-drittijiet kollha tagħha f’dan ir-rigward.”

 It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

18      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla l-att ikkontestat u

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

19      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell fl-intier tiegħu u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

20      Ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq tħallew jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

 Fuq ir-rikors

 Fuq l-ammissibbiltà tal-motivi tal-Istati Membri intervenjenti

21      Insostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tqajjem motiv wieħed ibbażat fuq il-fatt li, billi adotta l-att ikkontestat, minflok deċiżjoni kif propost mill-Kummissjoni, il-Kunsill kiser l-Artikolu 218(9) TFUE.

22      Fin-noti ta’ intervent tagħhom, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża jikkontestaw l-applikabbiltà tal-Artikolu 218(9) TFUE għal dan il-każ, billi jargumentaw, b’mod partikolari, li l-Unjoni ma kellhiex il-kompetenza esterna meħtieġa sabiex il-Kunsill jistabbilixxi, konformement mal-imsemmija dispożizzjoni, pożizzjonijiet li għandhom jittieħdu f’isem l-Unjoni fuq il-punti fl-aġenda tal-WRC‑15 imsemmija fl-att ikkontestat.

23      Madankollu, skont l-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, parti li hija ammessa bħala intervenjent f’kawża mressqa quddiem din tal-aħħar ma tistax tbiddel is-suġġett tal-kawża kif iċċirkoskritt mit-talbiet u mill-motivi tal-partijiet prinċipali. Minn dan isegwi li huma biss l-argumenti ta’ intervenjent li jaqgħu fil-kuntest deskritt minn dawn it-talbiet u motivi li huma ammissibbli (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2014, Il‑Ġermanja vs Il‑Kunsill, C‑399/12, EU:C:2014:2258, punt 27).

24      Issa, huwa paċifiku bejn il-partijiet prinċipali li l-Artikolu 218(9) TFUE huwa applikabbli għal din il-kawża. Is-suġġett tal-kawża, kif iċċirkoskritt mit-talbiet u l-motivi ta’ dawn il-partijiet prinċipali, jirrigwarda biss il-kwistjoni dwar jekk l-adozzjoni tal-att ikkontestat saritx f’konformità mar-rekwiżiti formali u proċedurali previsti f’din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, il-motivi tal-Istati Membri intervenjenti msemmija fil-punt 22 ta’ din is-sentenza għandhom mill-ewwel jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

 Fuq il-motiv uniku

 L-argumenti tal-partijiet

25      Skont il-Kummissjoni, billi adotta konklużjonijiet minflok deċiżjoni, il-Kunsill kiser l-Artikolu 218(9) TFUE.

26      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar li, meta jadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE, il-Kunsill jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata. Ir-regoli ta’ votazzjoni li japplikaw għall-adozzjoni ta’ att bħal konklużjonijiet tal-Kunsill huma, min-naħa l-oħra, mimlija, fil-prattika, b’diverġenzi ta’ opinjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Il-Kunsill qies, diversi drabi, li tali atti għandhom jiġu adottati b’konsensus, li jimplika li dawn ma jistgħux jiġu adottati jekk Stat Membru jopponi għalihom. Il-Kummissjoni tqis li dawn ir-regoli ta’ votazzjoni ma humiex f’konformità mat-Trattati. Skont dik l-istituzzjoni, mill-Artikolu 16(3) TUE, li jipprevedi li “[d]-deċiżjonijiet tal-Kunsill għandhom jittieħdu b’maġġoranza kwalifikata, ħlief fejn it-Trattati jipprovdi mod ieħor”, jirriżulta fil-fatt li dawn l-atti għandhom jiġu adottati bil-maġġoranza kwalifikata. Din il-kawża turi li t-tfittxija għall-konsensus, minflok il-maġġoranza kwalifikata, tista’ twassal għal riżultat differenti, li jaffettwa negattivament il-politika tal-Unjoni.

27      Fil-fatt, il-Kummissjoni targumenta, f’dan ir-rigward, li d-dispożizzjonijiet tal-att ikkontestat jiddevjaw mill-proposta tagħha tad‑29 ta’ Mejju 2015. Il-maġġoranza tal-emendi saru preċiżament sabiex il-kontenut tal-att ikkontestat jikkorrispondi mal-forma li l-Kunsill iddeċieda li jagħżel. Għalhekk, l-ewwel nett, l-att ikkontestat ma jinkludi ebda indikazzjoni dwar il-bażi legali tiegħu. Issa, kuntrarjament għal dak li jargumenta l-Kunsill, il-Kummissjoni tqis li din l-ommissjoni ma tikkostitwixxix difett purament formali. It-tieni nett, minflok uża premessi ddettaljati sabiex jispjega r-raġunijiet li jiġġustifikaw l-att li kellu jiġi adottat, il-Kunsill illimita ruħu li “jfakkar” lista ta’ atti tal-Unjoni adottati fil-qasam tal-azzjoni kkonċernata. It-tielet nett, il-Kummissjoni targumenta li, minflok iddeċieda li l-Istati Membri, filwaqt li jaġixxu flimkien fl-interess tal-Unjoni, “jadottaw” ċerti pożizzjonijiet matul il-WRC‑15, mill-att ikkontestat jirriżulta li l-Kunsill “jesprimi l-appoġġ ġenerali tiegħu” għall-għanijiet li għandhom jintlaħqu fil-kuntest tan-negozjati fil-WRC‑15 u “jistieden lill-Istati Membri biex” ifittxu li jilħqu ċerti għanijiet matul dawn in-negozjati.

28      Billi mexa b’dan il-mod, skont il-Kummissjoni, il-Kunsill ma wasalx biex jistabbilixxi pożizzjonijiet ċari u vinkolanti li l-Istati Membri kellhom josservaw fil-parteċipazzjoni tagħhom fil-WRC‑15, billi jaġixxu flimkien fl-interess tal-Unjoni, iżda pjuttost stabbilixxa obbligi li jagħmel l-aħjar tiegħu. Tali obbligi madankollu ma humiex xierqa biex jiggarantixxu rappreżentazzjoni esterna b’saħħitha u magħquda tal-Unjoni fix-xena internazzjonali u, konsegwentement, ma jippermettux li jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti mit-Trattati.

29      Il-Kunsill jargumenta li, fid-deċiżjoni fuq proposta tal-Kummissjoni bbażata fuq l-Artikolu 218(9) TFUE, huwa stabbilixxa pożizzjoni vinkolanti tal-Unjoni fid-dawl tal-WRC‑15, konformement ma’ din id-dispożizzjoni.

30      Fil-fatt, minn naħa, l-att ikkontestat jidentifika b’mod ċar il-prijoritajiet tal-Unjoni għal kull wieħed mill-punti fuq l-aġenda tal-WRC‑15 li huma elenkati fl-anness għall-proposta tal-Kummissjoni tad‑29 ta’ Mejju 2015. Min-naħa l-oħra, il-pożizzjonijiet iddefiniti fl-att ikkontestat huma ta’ natura vinkolanti.

31      F’dak li jirrigwarda l-allegat nuqqas ta’ bażi legali, il-Kunsill iqis li tali ommissjoni tikkostitwixxi l-iktar l-iktar difett purament formali li ma jistax iwassal għall-annullament tal-att ikkontestat u jinnota f’dan ir-rigward li l-Kummissjoni ma tikkontestax li l-bażi legali proċedurali applikabbli hija l-Artikolu 218(9) TFUE, u lanqas li l-bażi legali sostantiva hija l-Artikolu 114 TFUE.

32      Fir-rigward tal-modalitajiet ta’ votazzjoni, il-Kunsill jargumenta li, minkejja li l-maġġoranza kkwalifikata kienet bħala prinċipju applikabbli għall-adozzjoni tal-att ikkontestat, il-fatt li kienet possibbli li tinkiseb l-unanimità fi ħdan il-Kunsill għall-adozzjoni ta’ dan l-att ma jistax jimplika li l-Kunsill ma aġixxiex skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 218(9) TFUE. Dik l-istituzzjoni żżid li, peress li l-Kummissjoni ma emendatx il-proposta tagħha tad‑29 ta’ Mejju 2015 matul id-dibattiti li wasslu għall-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Unjoni sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-emendi li kien se jkun hemm ftehim fuqhom fi ħdan il-Kunsill, mill-Artikolu 293(1) TFUE jirriżulta li l-Kunsill kellu jiddeċiedi bl-unanimità.

33      Il-Kunsill jenfasizza li huwa jadotta kultant, fil-forma ta’ konklużjonijiet, ċerti atti li jipproduċu jew li huma intiżi li jipproduċu effett ġuridiku, filwaqt li jippreċiża li, f’każijiet bħal dawn, huwa għandu josserva r-rekwiżiti proċedurali previsti mit-Trattati, konformement mal-bażi legali applikabbli.

34      Skont dik l-istituzzjoni, kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni, il-fatt li l-att ikkontestat jiddevja mill-proposta ppreżentata minnha fid‑29 ta’ Mejju 2015, ma juri bl-ebda mod li t-tfittxija għall-konsensus, minflok il-maġġoranza kkwalifikata, tista’ twassal għal riżultat differenti, li jaffettwa negattivament il-politika tal-Unjoni.

35      Barra minn hekk, il-Kunsill jirrileva li l-ilment invokat mill-Kummissjoni dwar il-forma tal-att ikkontestat jikkontradixxi l-prattika stabbilita tagħha fir-rigward tal-istabbiliment tal-pożizzjoni tal-Unjoni fid-dawl tal-konferenzi dinjija tar-radjukomunikazzjoni preċedenti. Dik l-istituzzjoni tqis li qari tat-Trattati kif maħsub mill-Kummissjoni jikkumplika b’mod sinjifikattiv id-difiża tal-interessi tal-Unjoni fix-xena internazzjonali u jaqleb l-ekwilibriju istituzzjonali previst mit-Trattati.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

36      Permezz tal-motiv uniku tagħha, il-Kummissjoni targumenta, essenzjalment, li, billi adotta konklużjonijiet dwar il-WRC‑15, minflok deċiżjoni konformement mal-proposta tagħha tad‑29 ta’ Mejju 2015, il-Kunsill kiser l-Artikolu 218(9) TFUE. Hija tikkritika wkoll lill-Kunsill li ma indikax il-bażi legali tal-att ikkontestat.

37      Skont din id-dispożizzjoni, “[i]l-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni […] għandu jadotta deċiżjoni […] li tistabbilixxi l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim”.

38      Billi adotta l-att ikkontestat fil-forma ta’ konklużjonijiet, il-Kunsill għaldaqstant uża forma ta’ att differenti minn dik prevista mill-imsemmija dispożizzjoni.

39      Madankollu, il-Kunsill jargumenta li t-Trattat iħallilu l-għażla tal-forma ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE. F’dan il-każ, huwa adotta materjalment deċiżjoni fil-forma ta’ konklużjonijiet. Huwa jqis, barra minn hekk, li n-nuqqas li tissemma l-bażi legali tal-att ikkontestat ma jikkostitwixxix difett sostanzjali.

40      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-forma tal-att ikkontestat, għandu jitfakkar li t-Trattati stabbilixxew sistema ta’ tqassim ta’ kompetenzi bejn l-istituzzjonijiet differenti tal-Unjoni, li tagħti lil kull waħda minnhom il-missjoni rispettiva tagħhom fl-istruttura istituzzjonali tal-Unjoni u fit-twettiq tal-kompiti mogħtija lilhom. Għalhekk, l-Artikolu 13(2) TUE jipprovdi li kull istituzzjoni tal-Unjoni għandha taġixxi fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha mit-Trattati, konformement mal-proċeduri, mal-kundizzjonijiet u mal-għanijiet previsti minnhom. Din id-dispożizzjoni tirrifletti l-prinċipju ta’ ekwilibriju istituzzjonali, li jikkaratterizza l-istruttura istituzzjonali tal-Unjoni, li jimplika li kull istituzzjoni għandha teżerċita l-kompetenzi tagħha filwaqt li tosserva dawk tal-oħrajn (sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2016, Il‑Kunsill vs Il‑Kummissjoni, C‑660/13, EU:C:2016:616, punti 31 u 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

41      Fil-fatt, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diġà, sa fejn ir-regoli dwar il-mod kif l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jaslu għad-deċiżjonijiet tagħhom huma stabbiliti mit-Trattati u ma jaqgħux fid-diskrezzjoni la tal-Istati Membri u lanqas tal-istituzzjonijiet stess, it-Trattati biss jistgħu, f’każijiet partikolari, jawtorizzaw lil istituzzjoni temenda proċedura deċiżjonali li huma jistabbilixxu (sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Is‑Slovakkja u L‑Ungerija vs Il‑Kunsill, C‑643/15 u C‑647/15, EU:C:2017:631, punt 149).

42      F’dan il-każ, hemm lok, l-ewwel nett, li jiġi enfasizzat li, kuntrarjament għal dak li jissuġġerixxi l-Kunsill, il-prattika tal-istituzzjonijiet, u b’mod partikolari, f’dak li jirrigwarda din il-kawża, allegata prattika stabbilita fir-rigward tal-istabbiliment tal-pożizzjoni tal-Unjoni fid-dawl tal-konferenzi dinjija tar-radjukomunikazzjoni permezz ta’ konklużjonijiet, li tikkontradixxi mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni fil-kuntest ta’ din il-kawża, ma tistax temenda r-regoli tat-Trattati li l-istituzzjonijiet huma obbligati josservaw. Fil-fatt, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, sempliċi prattika tal-Kunsill ma tistax tidderoga mir-regoli tat-Trattat u konsegwentement ma tistax toħloq preċedent li jorbot lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2008, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑133/06, EU:C:2008:257, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Opinjoni 1/08, (Ftehimiet li jemendaw l-iskedi ta’ rabtiet speċifiċi skont il-GATS), tat‑30 ta’ Novembru 2009, EU:C:2009:739, punt 172 u l-ġurisprudenza ċċitata].

43      It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-argument tal-Kunsill ibbażat fuq il-punt 9 tas-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni (60/81, EU:C:1981:264), li jipprovdi li l-forma li fiha l-atti jew id-deċiżjonijiet jittieħdu hija, bħala prinċipju, indifferenti għad-determinazzjoni ta’ jekk humiex intiżi li jipproduċu effetti ġuridiċi, għandu jiġi rrilevat li l-ġurisprudenza li tirriżulta minn dik is-sentenza hija rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk att jistax ikun is-suġġett ta’ rikors għal annullament. Min-naħa l-oħra, minnha ma jista’ bl-ebda mod jiġi dedott li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma ħielsa li jidderogaw mill-forma tal-att prevista mid-dispożizzjoni rilevanti tat-Trattat.

44      Il-fatt li istituzzjoni tal-Unjoni tidderoga mill-forma ġuridika prevista mit-Trattati jikkostitwixxi ksur tal-forom proċedurali sostanzjali ta’ natura li jwassal għall-annullament tal-att inkwistjoni, peress li din id-deroga tista’ toħloq inċertezzi fir-rigward tan-natura ta’ dan l-att jew tal-proċedura li għandha tiġi segwita għall-adozzjoni tagħha, u b’hekk tikkomprometti ċ-ċertezza legali.

45      F’dan il-każ, l-adozzjoni tal-att ikkontestat fil-forma ta’ konklużjonijiet tagħti lok għal inċertezza fir-rigward tan-natura u tal-portata ġuridika ta’ dan l-att. Fil-fatt, bħalma rrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punti 69 sa 72 tal-konklużjonijiet tiegħu, filwaqt li l-Kunsill isostni li l-imsemmi att jikkostitwixxi “essenzjalment” deċiżjoni min-naħa tiegħu li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni matul il-WRC‑15, ir-Repubblika Ċeka u r-Repubblika Franċiża jikklassifikawha bħala pożizzjoni komuni tal-Unjoni u tal-Istati Membri, u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqisha bħala pożizzjoni kkoordinata bejn l-Istati Membri kollha fil-forma ta’ konklużjonijiet tal-Kunsill. Barra minn hekk, il-Kunsill jargumenta li l-att ikkontestat huwa ta’ natura vinkolanti, filwaqt li r-Repubblika Ċeka hija tal-opinjoni li dan l-att huwa legalment vinkolanti biss għal ċerti partijiet, billi jkopri aspetti li jaqgħu, skont dan l-Istat Membru, fil-kompetenza tal-Unjoni, u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis li l-imsemmi att jikkostitwixxi konklużjonijiet mhux vinkolanti. Fir-rigward tal-Kummissjoni, hija targumenta li, billi adotta l-att ikkontestat fil-forma ta’ konklużjonijiet, il-Kunsill għażel forma ġuridika li hija ġeneralment irriżervata għall-atti ta’ natura mhux vinkolanti.

46      Il-kliem użat fl-att ikkontestat jikkontribwixxi, barra minn hekk, għal din l-inċertezza. Fil-fatt, minkejja li l-proposta tal-Kummissjoni tad‑29 ta’ Mejju 2015 kienet tirrigwarda “deċiżjoni tal-Kunsill” dwar il-pożizzjoni “li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni” matul il-WRC‑15, l-att ikkontestat jikkonsisti għall-Kunsill, skont il-punt 3 tiegħu, f’li “jesprimi l-appoġġ ġenerali tiegħu” għal serje ta’ għanijiet li għandhom jintlaħqu matul il-WRC‑15 sabiex ikun hemm implementazzjoni tajba tal-politiki kkonċernati tal-Unjoni u, skont il-punt 4 tiegħu, “jistieden lill-Istati Membri biex” ifittxu dawn l-għanijiet u josservaw il-prinċipji esposti fid-Deċiżjoni Nru 243/2012 f’negozjati li jirrigwardaw eventwali emendi tar-regolamenti tar-radju tal-ITU fil-WRC‑15. Bħalma enfasizzat il-Kummissjoni, l-użu ta’ dan il-kliem ma huwiex kompatibbli mal-effett vinkolanti li għandha jkollha deċiżjoni ta’ istituzzjoni tal-Unjoni skont l-Artikolu 288 TFUE. Barra minn hekk, ebda element tal-att ikkontestat ma juri li l-Istati Membri huma obbligati jieħdu pożizzjoni “f’isem l-Unjoni” matul il-WRC‑15, kuntrarjament għal dak li jipprevedi l-Artikolu 218(9) TFUE.

47      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, billi adotta l-konklużjonijiet fuq il-WRC‑15, minflok deċiżjoni, kif previst fl-Artikolu 218(9) TFUE, il-Kunsill kiser il-forom sostanzjali meħtieġa minn din id-dispożizzjoni.

48      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-fatt li l-att ikkontestat ma jsemmix il-bażi legali li huwa bbażat fuqha, għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li l-indikazzjoni tal-bażi legali hija meħtieġa fid-dawl tal-prinċipju ta’ għoti ta’ kompetenzi stabbilit fl-Artikolu 5(2) TUE, li jipprovdi li l-Unjoni għandha taġixxi biss fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha mill-Istati Membri fit-Trattati sabiex twettaq l-għanijiet stabbiliti minn dawn it-Trattati kemm għall-azzjoni interna kif ukoll għall-azzjoni internazzjonali tal-Unjoni [ara, f’dan is-sens, Opinjoni 2/94 (Adeżjoni tal-Komunità mal-KEDB), tat‑28 ta’ Marzu 1996, EU:C:1996:140, punt 24, u s-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑370/07, EU:C:2009:590, punt 46].

49      Fil-fatt, l-għażla tal-bażi legali adatta għandha importanza ta’ natura kostituzzjonali peress li l-Unjoni, li għandha biss kompetenzi ta’ attribuzzjoni, għandha torbot l-atti li hija tadotta mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE li jagħtuha s-setgħa għal dan l-għan [Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR UE‑Kanada), tas‑26 ta’ Lulju 2017, EU:C:2017:592, punt 71].

50      Sussegwentement, l-indikazzjoni tal-bażi legali għandha wkoll importanza partikolari sabiex tippreżerva l-prerogattivi tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni kkonċernati permezz tal-proċedura ta’ adozzjoni ta’ att (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑370/07, EU:C:2009:590, punt 48).

51      Għaldaqstant, f’dan il-każ, tali indikazzjoni tista’ taffettwa l-kompetenzi tal-Kummissjoni u tal-Kunsill kif ukoll ir-rwoli rispettivi tagħhom fil-proċedura ta’ adozzjoni tal-att ikkontestat. Bl-istess mod, l-indikazzjoni tal-bażi legali hija meħtieġa għad-determinazzjoni tal-modalitajiet tal-votazzjoni fi ħdan il-Kunsill (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑370/07, EU:C:2009:590, punt 48). B’mod partikolari, peress li l-att ikkontestat bl-ebda mod ma jaqa’ taħt waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) TFUE, bħala prinċipju, il-Kunsill kellu jadotta dan l-att konformement mad-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 218(8) TFUE u tal-Artikolu 218(9) TFUE, b’deċiżjoni b’maġġoranza kkwalifikata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, Ir-Renju Unit vs Il‑Kunsill, C‑81/13, EU:C:2014:2449, punt 66).

52      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-indikazzjoni tal-bażi legali hija meħtieġa fid-dawl tal-obbligu ta’ motivazzjoni li jirriżulta mill-Artikolu 296 TFUE. Dan l-obbligu, li huwa ġġustifikat b’mod partikolari mill-istħarriġ ġudizzjarju li għandu jkun jista’ jiġi eżerċitat mill-Qorti tal-Ġustizzja, għandu japplika, bħala prinċipju, għal kull att tal-Unjoni li jipproduċi effetti ġuridiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑370/07, EU:C:2009:590, punti 42 u 45).

53      Fl-aħħar nett, ir-rekwiżit taċ-ċertezza legali jirrikjedi li kull att intiż li joħloq effetti ġuridiċi jislet l-effett vinkolanti tiegħu minn dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li għandha tiġi indikata b’mod speċifiku bħala bażi legali u li tistabbilixxi l-forma ġuridika li għandu jkollu l-att (sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2016, Il‑Kummissjoni vs McBride et, C‑361/14 P, EU:C:2016:434, punt 47).

54      F’dan il-każ, l-att ikkontestat huwa att tal-Unjoni, peress li ġie adottat mill-Kunsill, u jipproduċi effetti ġuridiċi, sa fejn huwa jistabbilixxi l-għanijiet li huwa jistieden lill-Istati Membri li jfittxu matul il-WRC‑15. Minn dan isegwi li l-Kunsill kellu jindika, fl-att ikkontestat, il-bażi legali sostantiva u proċedurali li huwa bbażat fuqha.

55      Barra minn hekk, filwaqt li huwa minnu li l-ommissjoni ta’ riferiment għal dispożizzjoni speċifika tat-Trattat ma tistax tikkostitwixxi difett sostanzjali meta l-bażi legali ta’ att tista’ tiġi stabbilita permezz ta’ elementi oħrajn tiegħu, bħalma jargumenta l-Kunsill, tali riferiment espliċitu huwa madankollu indispensabbli meta, fin-nuqqas tiegħu, il-persuni kkonċernati u l-Qorti tal-Ġustizzja jitħallew fl-inċertezza dwar il-bażi legali speċifika (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2016, Il‑Kummissjoni vs McBride et, C‑361/14 P, EU:C:2016:434, punt 48).

56      Issa, f’dan il-każ, minflok indika l-bażi legali tal-att ikkontestat, il-Kunsill sempliċement, fil-punt 1 ta’ dan l-att, fakkar il-kuntest ġuridiku rilevanti u l-prattika istituzzjonali tal-Kunsill u, fil-punt 2 tal-imsemmi att, ħa nota tal-opinjoni tar-RSPG tax-xahar ta’ Frar 2015 fuq l-għanijiet politiċi komuni għall-WRC‑15. Minn din il-konstatazzjoni, flimkien ma’ dawk magħmula fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li ebda element tal-att ikkontestat ma jippermetti li tiġi identifikata l-bażi legali sostantiva u proċedurali tiegħu.

57      Minn dan isegwi li l-bażi legali tal-att ikkontestat ma tistax tiġi ddeterminata b’mod ċar. F’dawn iċ-ċirkustanzi, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Kunsill, in-nuqqas ta’ riferiment, fl-att ikkontestat, għal kwalunkwe bażi legali ma jistax jiġi kkunsidrat bħala difett purament formali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑370/07, EU:C:2009:590, punti 60 u 61).

58      Għaldaqstant, id-deroga mill-forma ġuridika prevista fl-Artikolu 218(9) TFUE u l-ommissjoni tal-indikazzjoni tal-bażi legali jikkawżaw konfużjoni fir-rigward tan-natura u tal-portata ġuridika tal-att ikkontestat kif ukoll tal-proċedura li kellha tiġi segwita għall-adozzjoni tiegħu, liema konfużjoni setgħet iddgħajjef lill-Unjoni fid-difiża tal-pożizzjoni tagħha fil-WRC‑15 (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑370/07, EU:C:2009:590, punt 49).

59      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-att ikkontestat għandu jiġi annullat.

 Fuq l-ispejjeż

60      Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kunsill tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

61      Skont l-Artikolu 140(1) tal-istess regoli, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża u r-Renju Unit għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, adottati fis26 ta’ Ottubru 2015, fit3419-il sessjoni fil-Lussemburgu, dwar il-Konferenza Dinjija tar-Radjukomunikazzjoni tal2015 (WRC15) tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (ITU) huma annullati.

2)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa kkundannat għall-ispejjeż.

3)      Ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.