Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Stuttgart (il-Ġermanja) fis-26 ta' Marzu 2021 – Paypal (Europe) Sàrl et Cie, SCA vs PQ

(Kawża C-190/21)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Oberlandesgericht Stuttgart

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Paypal (Europe) Sàrl et Cie, SCA

Konvenut: PQ

Domandi preliminari

Talba abbażi ta’ tort, ikkunsidrata b’mod iżolat u mogħtija tifsira indipendenti, għandha titqies bħala kwistjoni relatata ma’ kuntratt skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali 1 fil-każ fejn kwistjoni relatata ma’ tort tikkompeti b’xi mod ma’ kwistjoni relatata ma’ kuntratt, iżda l-eżistenza tagħha ma tiddependix fuq l-interpretazzjoni tal-kuntratt?

Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta fin-negattiv: Meta fornitur ta’ servizzi ta’ pagament jittrasferixxi flus elettroniċi mill-kont ta’ klijent lejn il-kont ta’ pagament ta’ operatur ta’ logħob tal-azzard miżmum mal-istess fornitur ta’ servizzi ta’ pagament, u meta l-involviment tal-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament fil-pagamenti lill-operatur ta’ logħob tal-azzard jista’ jitqies li għandu natura ta’ tort, il-post fejn ikun twettaq l-avveniment dannuż fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 jinsab:

Fil-post fejn huwa stabbilit il-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament, bħala l-post tat-tranżazzjoni bi flus elettroniċi?

Fil-post fejn talba għal rimbors tal-ispejjeż takkumula għall-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament kontra l-klijent li ordna l-pagament bħala riżultat tat-tranżazzjoni (kemm-il darba din tkun legali)?

Fil-post fejn jirrisjedi l-klijent li ordna l-pagament?

Fil-post fejn jinżamm il-kont tal-bank tal-klijent, li għalih il-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament ikollu prokura ta’ debitu dirett li jippermettilu li jżid il-kreditu fil-kont tal-flus elettroniċi?

Fil-post fejn jintilfu bil-logħob tal-azzard il-flus ittrasferiti mill-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament lejn il-kont tal-imħatri li l-lagħab għandu mal-operatur ta’ logħob tal-azzard, jiġifieri, il-post fejn huwa stabbilit l-operatur ta’ logħob tal-azzard?

Fil-post fejn il-klijent jilgħab il-logħba pprojbita (kemm-il darba dan ikun ukoll il-post fejn jirrisjedi l-klijent)?

F’ebda wieħed minn dawn il-postijiet?

Jekk il-parti 2 tat-tieni domanda tingħata risposta fl-affermattiv u huwa l-post fejn talba għal rimbors tal-ispejjeż takkumula għall-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament kontra l-klijent bħala riżultat tal-operazzjoni: Fejn takkumula t-talba għal rimbors tal-ispejjeż kontra l-klijent li ordna l-pagament? Jista’ l-post ta’ provvista tal-kuntratt qafas għal servizzi ta’ pagament jew il-post fejn jirrisjedi d-debitur jitqiesu li huma l-post fejn jinsab id-dejn?

____________

1     ĠU 2012 L 351, p. 1.