Language of document : ECLI:EU:C:2022:683

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

15 ta’ Settembru 2022 (*)

[Test rettifikat permezz ta’ digriet tat‑28 ta’ Ottubru 2022]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2004/38/KE – Dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom li jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri – Il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) – Kunċett ta’ ‘membru ieħor tal-familja li huwa membru tad-dar taċ-ċittadin tal-Unjoni li jibbenefika mid-dritt primarju ta’ residenza’ – Kriterji ta’ evalwazzjoni”

Fil-Kawża C‑22/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Jannar 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑14 ta’ Jannar 2021, fil-proċedura

SRS,

AA

vs

Minister for Justice and Equality,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tielet Awla),

komposta minn K. Jürimäe, President tal-Awla, N. Jääskinen, M. Safjan, N. Piçarra (Relatur) u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal SRS u AA, minn K. Berkeley, solicitor, M. Flynn, JC, u C. O’Dwyer, SC,

–        [kif rettifikat permezz ta’ digriet tat‑28 ta’ Ottubru 2022] għall-Minister for Justice and Equality, minn M. Browne, A. Joyce u J. Quaney, bħala aġenti, assistiti minn D. Brett, D. Conlan Smyth, SC, u minn T. O’Connor, BL,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčíl, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Daniż, minn J. Nymann-Lindegren u M. Søndahl Wolff, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Olandiż, minn K. Bulterman u J. M. Hoogveld, bħala aġenti,

–        għar-Renju tan-Norveġja, minn J. T. Kaasin u H. Ruus, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Montaguti u J. Tomkin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑10 ta’ Marzu 2022,

tagħti l-prezenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn SRS u AA u mal-Minister for Justice and Equality (il-Ministru għall-Ġustizzja u għall-Ugwaljanza, l-Irlanda) dwar il-legalità ta’ deċiżjoni ta’ rifjut ta’ permess ta’ residenza.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

3        Il-premessa 6 tad-Direttiva 2004/38 tiddikjara:

“Sabiex tinżamm l-unità tal-familja fis-sens l-aktar wiesgħa u mingħajr diskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza, is-sitwazzjoni ta’ dawk il-persuni li mhumiex inklużi fiddefinizzjoni ta’ membri ta’ familja taħt din id-Direttiva, u li ħalhekk ma jgawdux minn dritt awtomatiku ta’ dħul u ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti, għandha tiġi eżaminata mill-Istat Membru ospitanti skond il-bażi talleġislazzjoni nazzjonali tiegħu, sabiex jiddeċiedi jekk id-dħul u r-residenza għandhomx jiġu awtorizzati lil dawn il-persuni, waqt li titqies ir-relazzjoni tagħhom maċċittadin ta’ l-Unjoni jew kwalunkwe ċirkostanzi oħrajn, bħad-dipendenza finanzjarja jew fiżika fuq iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni.”

4        Il-punt 2 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jiddisponi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

(2)      ‘membru tal-familja’ tfisser:

(a)      ir-raġel jew martu;

(b)      is-sieħeb/sieħba li daħal/daħlet f’kuntratt ta’ unjoni reġistrata maċ-ċittadin/a ta’ l-Unjon, skond il-bażi talleġislazzjoni ta’ Stat Membru, jekk il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru ospitanti tikkonsidra bħala ugwali għal żwieġ l-unjonijiet reġistrati u skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-leġislazzjoni rilevanti ta’ l-Istat Memrbu ospitanti;

(ċ)      id-dixxendenti diretti li għandhom inqas minn 21 sena jew li huma dipendenti u dawk tar-raġel jew tal-mara jew tassieħeb/sieħba kif imfissra fil-punt (b);

(d)      il-qraba diretti dipendenti u dawk tar-raġel jew tal-mara jew tas-sieħeb/sieħba kif imfissra fil-punt (b)”.

5        L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Benefiċjarji”, jipprevedi:

“1.      Din id-Direttiva għandha tapplika għaċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jiċċaqilqu jew li jgħixu fi Stat Membru għajr iċ-ċittadini ta’ l-istess Stat Membru, u għall-membri tal-familja tagħhom kif imfissra fil-punt 2 ta’ l-Artikolu 2 li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom.

2.      Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dritt ta’ moviment liberu u residenza li l-persuni kkonċernati jista’ jkollhom, l-Istat Membru ospitanti, skond il-leġislazzjoni nazzjonali, għandu jiffaċilita d-dħul u r-residenza tal-persuni li ġejjin:

(a)      kwalunkwe membri oħrajn tal-familja, irrispettivament miċċittadinanza, li ma jaqgħux taħt id-definizzjoni tal-punt 2 ta’ l-Artikolu 2 li, fil-pajjiż li ġejjin minnu huma dipendenti jew membri tad-dar taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni li għandu d-dritt primarju ta’ residenza, jew meta raġunijiet serji ta’ saħħa strettament jeħtieġu l-kura personali tal-membru tal-familja miċċittadin ta’ l-Unjoni;

(b)      is-sieħeb li miegħu ċ-ċittadin ta’ l-Unjoni għandu relazzjoni stabbli, debitament ċertifikata.

L-Istat Membru ospitanti għandu jaffettwa eżami estensiv taċċirkostanzi personali u għandu jiġġustifika kwalunkwe tiċħid ta’ dħul jew ta’ residenza lil dawn in-nies.”

 Iddritt Irlandiż

6        Id-Direttiva 2004/38 ġiet trasposta fl-ordinament ġuridiku Irlandiż permezz tal-European Communities (Free Movement of Persons) (No 2) Regulations 2006 (ir-Regolament dwar il-Komunitajiet Ewropej (il-Moviment Liberu tal-Persuni) (Nru 2) tal‑2006) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament tal‑2006”).

7        L-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament, li jittrasponi l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38 f’dan l-ordinament ġuridiku, huwa fformulat kif ġej:

“[…]

‘membru tal-familja awtorizzat’, fir-rigward ta’ ċittadin tal-Unjoni, kwalunkwe membru tal-familja, tkun xi tkun in-nazzjonalità tiegħu, li ma jkunx membru rrikonoxxut tal-familja taċ-ċittadin tal-Unjoni u li, fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, fil-pajjiż li fih jirrisjedi abitwalment jew f’dak li fih kien jirrisjedi preċedentement

a)      huwa dipendenti miċ-ċittadin tal-Unjoni,

b)      huwa membru tad-dar taċ-ċittadin tal-Unjoni,

c)      għal raġunijiet serji ta’ saħħa, jeħtieġ imperattivament li ċ-ċittadin tal-Unjoni jieħu ħsiebu personalment, jew

d)      huwa s-sieħeb li miegħu ċ-ċittadin tal-Unjoni għandu relazzjoni stabbli, debitament iċċertifikata.”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

8        SRS u AA, imwielda fil-Pakistan, rispettivament, fl‑1978 u fl‑1986, huma primi kuġini. SRS mar jgħix fir-Renju Unit mal-familja tiegħu matul is-sena 1997 u kiseb in-nazzjonalità Brittanika fl‑2013. AA mar ir-Renju Unit fl‑2010, sabiex ikompli l-istudji universitarji tiegħu, li bdew fil-Pakistan. Għal dan il-għan, huwa kellu viża ta’ student għal perijodu ta’ erba’ snin, li ma kinitx tippermettilu jaħdem, u mar jgħix fl-akkomodazzjoni fejn kien jirrisjedi SRS.

9        SRS u AA b’hekk għexu flimkien, b’mod partikolari, mal-ġenituri ta’ SRS, sat-tluq ta’ dan tal-aħħar fl-Irlanda, fix-xahar ta’ Jannar 2015. AA, li l-viża ta’ student tiegħu skadiet fit‑28 ta’ Diċembru 2014, ingħaqad ma’ SRS fl-Irlanda, fil‑5 ta’ Marzu 2015, mingħajr viża. It-tnejn li huma ilhom jgħixu fl-istess dar minn din l-aħħar data.

10      Fl‑24 ta’ Ġunju 2015, AA ppreżenta applikazzjoni għal permess ta’ residenza quddiem il-Ministru għall-Ġustizzja u għall-Ugwaljanza, billi sostna, minn naħa, id-dipendenza finanzjarja tiegħu fil-konfront ta’ SRS u, min-naħa l-oħra, l-istatus tiegħu ta’ membru tal-familja li kien parti mill-membri tad-dar ta’ SRS. Din it-talba ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Diċembru 2015, għar-raġuni, b’mod partikolari, li huwa biss il-perijodu ta’ wara n-naturalizzazzjoni ta’ SRS, fix-xahar ta’ Frar 2013, li seta’ jittieħed inkunsiderazzjoni, minkejja li kellu jitqies li SRS u AA kienu rrisjedew flimkien għal perijodu ta’ inqas minn sentejn.

11      Fix-xahar ta’ Jannar 2016, wara li inkluda fil-fajl dokumenti oħra intiżi sabiex jipprovaw li huwa kien responsabbli għal SRS bejn ix-xahar ta’ Lulju 2010 u dak ta’ Jannar 2015, AA talab l-eżami mill-ġdid ta’ din id-deċiżjoni. Fil‑15 ta’ Awwissu 2016, il-Ministru għall-Ġustizzja u għall-Ugwaljanza kkonferma l-imsemmija deċiżjoni għar-raġuni li, għalkemm SRS u AA kienu rrisjedew fl-istess indirizz, madankollu ma kienx ġie stabbilit li SRS “kien effettivament il-kap ta’ din id-dar fir-Renju Unit”.

12      SRS u AA għalhekk ippreżentaw rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni tal‑15 ta’ Awwissu 2016 quddiem il-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda). Huma sostnew li l-kriterju ta’ “kap tad-dar” ma kienx ċar u li ma kellhom ebda indikazzjoni dwar il-mod kif jikkonformaw miegħu. Permezz ta’ sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, din il-qorti ċaħdet dan ir-rikors billi kkunsidrat li, sabiex ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala “membru ieħor tal-familja li huwa membru tad-dar ta’ ċittadin tal-Unjoni”, fis-sens tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38, kellu jintwera li dan iċ-ċittadin kien il-“kap tad-dar” fl-Istat ta’ oriġini tiegħu.

13      SRS u AA appellaw minn din is-sentenza quddiem il-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell, l-Irlanda) billi sostnew, b’mod partikolari, li l-High Court (il-Qorti Għolja) interpretat b’mod restrittiv il-kunċett ta’ “membru ieħor tal-familja li huwa membru tad-dar taċ-ċittadin tal-Unjoni” u li hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni verżjonijiet lingwistiċi oħra tad-Direttiva 2004/38. Permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Diċembru 2019, il-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell) ċaħdet dan l-appell. Hija ddeċidiet li persuni li jgħixu taħt l-istess saqaf ma humiex neċessarjament parti mill-istess dar u li, sabiex ikunu jistgħu jitqiesu bħala membri tal-familja li huma membri tad-dar ta’ ċittadin tal-Unjoni, dawn il-persuni għandhom jagħmlu parti integrali miċ-ċellola tal-familja ta’ dan iċ-ċittadin u li jibqgħu f’futur prevedibbli, billi jirrisjedu taħt l-istess saqaf fl-Istat Membru ospitanti mhux biss għal raġunijiet ta’ konvenjenza, iżda wkoll minħabba rabta emozzjonali.

14      SRS u AA ġew awtorizzati jippreżentaw appell quddiem is-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda), il-qorti tar-rinviju. Fl‑20 ta’ Lulju 2020, din il-qorti llimitat dan l-appell għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “membru ieħor tal-familja li huwa membru tad-dar taċ-ċittadin tal-Unjoni”, fis-sens tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38.

15      Filwaqt li tirrileva ċerti differenzi skont il-verżjonijiet lingwistiċi tad-Direttiva 2004/38, l-imsemmija qorti tosserva li sabiex jinftiehem dan il-kunċett, l-espressjoni “kap tad-dar”, minkejja li ma għadhiex, tista’ tkun utli. Hija tipproponi wkoll serje ta’ kriterji sabiex twassal għal interpretazzjoni uniformi tal-imsemmi kunċett, li fosthom hemm it-tul u l-għan tal-familja. Hija żżid li, fid-dawl tal-għan imfittex minn din id-direttiva, jiġifieri li jiġi ffaċilitat il-moviment taċ-ċittadini tal-Unjoni, għandu jiġi ddeterminat ukoll jekk iċ-ċittadin tal-Unjoni huwiex dissważ milli jiċċaqlaq fi Stat Membru ieħor jekk il-membru l-ieħor tal-familja kkonċernat, fis-sens tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tal-imsemmija direttiva, ma kienx f’pożizzjoni li jakkumpanjah.

16      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Supreme Court (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Jista’ t-terminu ta’ membru tad-dar ta’ ċittadin tal-Unjoni, kif użat [fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2)] tad-Direttiva [2004/38], jiġi ddefinit sabiex ikun ta’ applikazzjoni universali fl-Unjoni [Ewropea] u, jekk iva, x’inhi din id-definizzjoni?

2)      Jekk dan it-terminu ma jistax jiġi ddefinit, abbażi ta’ liema kriterji għandhom l-Imħallfin iħarsu lejn l-evidenza sabiex il-qrati nazzjonali jkunu jistgħu jiddeċiedu skont lista ta’ fatturi deċiżi min hu jew min ma huwiex membru tad-dar ta’ ċittadin tal-Unjoni għall-iskopijiet tal-moviment liberu?”

 Fuq iddomandi preliminari

17      Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta l-kunċett ta’ “kull membru ieħor tal-familja li huwa membru tad-dar taċ-ċittadin tal-Unjoni li jibbenefika mid-dritt primarju ta’ residenza”, imsemmi fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38, b’mod li jiġu ppreċiżati l-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għal dan il-għan.

18      Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38 jirreferi għal-leġiżlazzjoni nazzjonali, dan ir-riferiment, kif tirrileva l-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, ma jikkonċernax id-definizzjoni tal-persuni msemmija f’din id-dispożizzjoni, iżda l-kundizzjonijiet li fihom l-Istat Membru ospitanti għandu jiffavorixxi d-dħul u r-residenza ta’ dawn il-persuni.

19      Peress li l-imsemmija dispożizzjoni ma tinkludi ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri sabiex tiddefinixxi l-kunċett ta’ “kull membru ieħor tal-familja li huwa membru tad-dar taċ-ċittadin tal-Unjoni”, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll mill-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li l-istess dispożizzjoni għandha normalment tingħata, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss is-sens abitwali tat-termini tagħha, iżda wkoll il-kuntest li fih hija taqa’ u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Ziolkowski u Szeja, C‑424/10 u C‑425/10, EU:C:2011:866, punt 32; tas‑26 ta’ Marzu 2019, SM (Wild imqiegħed taħt kafala Alġerina), C‑129/18, EU:C:2019:248, punt 50; kif ukoll tal‑24 ta’ Frar 2022, A et (Kuntratti ta’ assigurazzjoni għal poloz marbuta ma’ unitajiet), C‑143/20 u C‑213/20, EU:C:2022:118, punt 68).

20      Fir-rigward tal-interpretazzjoni letterali tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38, għandu qabel kollox jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-formulazzjoni użata f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax isservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jew tingħata prijorità fil-konfront tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra. Il-ħtieġa ta’ interpretazzjoni u ta’ applikazzjoni uniformi ta’ kull dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni teskludi li din tiġi kkunsidrata separatament f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi tagħha, iżda teżiġi li din tiġi interpretata skont l-istruttura ġenerali u l-għan tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Ottubru 1977, Bouchereau, 30/77, EU:C:1977:172, punt 14, u tal‑25 ta’ Frar 2021, Bartosch Airport Supply Services, C‑772/19, EU:C:2021:141, punt 26).

21      F’dan il-każ, għalkemm il-kliem użat f’ċerti verżjonijiet lingwistiċi tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38, bħall-verżjonijiet bil-lingwa Spanjola (“viva con”), Taljana (“convive”) jew Olandiża (“inwonen”), jistgħu jiġu interpretati bħala li jirreferu għal sempliċi koabitazzjoni taħt l-istess saqaf, it-termini użati f’verżjonijiet lingwistiċi oħra ta’ din id-dispożizzjoni jindikaw il-ħajja domestika u l-attivitajiet u l-kwistjonijiet kollha relatati ma’ komunità ta’ ħajja tal-familja fi ħdan l-istess dar, li jinvolvi aktar minn sempliċi qsim ta’ akkomodazzjoni jew sempliċi koabitazzjoni temporanja għal raġunijiet ta’ konvenjenza pura. Dan huwa b’mod partikolari l-każ tal-verżjonijiet bil-lingwa Ċeka (“domácnost”), Ġermaniża (“häusliche Gemeinschaft”), Estonjana (“leibkond”), Ingliża (“household”), jew Franċiża (“ménage”), Ungeriża (“háztartás”), Portugiża (“comunhão de captação”), Slovakka (“domácnosť”) u Finlandiża (“samassa taloudessa”) tal-imsemmija dispożizzjoni.

22      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li ma hemm xejn, fil-formulazzjoni tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38, li jippermetti li jitqies li, sabiex tiġi interpretata din id-dispożizzjoni, hemm lok li jintuża l-kunċett ta’ “kap tad-dar”. Fil-fatt, kif ippreċiża l-Avukat Ġenerali fil-punt 34 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan iwassal sabiex jiġi impost, fil-prattika, kriterju addizzjonali mhux previst mill-kliem tal-imsemmija dispożizzjoni.

23      L-interpretazzjoni letterali tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38, tgħid li, sabiex il-“membru l-ieħor tal-familja” ikun jista’ jaqa’ taħt din id-dispożizzjoni, għandu jkollu rabta maċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat li jimplika iktar minn sempliċi koabitazzjoni għal raġunijiet ta’ konvenjenza pura, hija kkorroborata mill-kuntest li fih tinsab l-imsemmija dispożizzjoni. Fil-fatt, iż-żewġ ipoteżijiet l-oħra msemmija fl-istess dispożizzjoni, moqrija fid-dawl tal-premessa 6 ta’ din id-direttiva, jirreferu għal sitwazzjoni ta’ dipendenza tal-“membru l-ieħor tal-familja” lejn iċ-ċittadin tal-Unjoni. L-ewwel waħda, jiġifieri dik fejn dan il-membru l-ieħor tal-familja huwa dipendenti fuq iċ-ċittadin tal-Unjoni, tikkonċerna sitwazzjoni ta’ dipendenza finanzjarja. It-tieni waħda, dik fejn iċ-ċittadin tal-Unjoni għandu, għal raġunijiet ta’ saħħa gravi, imperattivament u personalment jieħu ħsieb il-“membru l-ieħor tal-familja” ikkonċernat, jirreferi espliċitament għal sitwazzjoni ta’ dipendenza fiżika. F’dan il-kuntest, l-ipoteżi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri dik fejn il-membru l-ieħor tal-familja jagħmel parti mid-dar taċ-ċittadin tal-Unjoni, għandha tinftiehem bħala li tinkludi wkoll sitwazzjoni ta’ dipendenza fondata, din id-darba, ibbażata fuq l-eżistenza ta’ rabta personali mill-qrib u stabbli bejn dawn iż-żewġ persuni.

24      Tali interpretazzjoni hija, barra minn hekk, ikkorroborata mill-għan li għandu jintlaħaq mill-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38, moqri fid-dawl tal-premessa 6 tagħha, li tippreċiża li din id-direttiva għandha l-għan li “tinżamm l-unità tal-familja fis-sens l-aktar wiesgħa”, billi tiffavorixxi d-dħul u r-residenza tal-persuni li, minkejja li ma jaqgħux taħt waħda mill-kategoriji ta’ “membri tal-familja” ta’ ċittadin tal-Unjoni, iddefiniti fil-punt 2 tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, madankollu jżommu rabtiet familjari mill-qrib u stabbli ma’ dan iċ-ċittadin minħabba ċirkustanzi fattwali speċifiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Settembru 2012, Rahman et, C‑83/11, EU:C:2012:519, punt 32, kif ukoll tas‑26 ta’ Marzu 2019, SM (Wild imqiegħed taħt kafala Alġerina), C‑129/18, EU:C:2019:248, punt 60).

25      B’differenza mill-membri tal-familja taċ-ċittadin tal-Unjoni ddefiniti fil-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38, il-“membri l-oħra tal-familja” ta’ dan iċ-ċittadin, fis-sens tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva, ma jibbenefikawx minn dritt ta’ dħul u ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti tal-imsemmi ċittadin, iżda mill-possibbiltà li jingħataw tali dritt, kif tistabbilixxi l-premessa 6 tal-imsemmija direttiva, “waqt li titqies ir-relazzjoni tagħhom maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni jew kwalunkwe ċirkostanzi oħrajn, bħad-dipendenza finanzjarja jew fiżika fuq iċ-ċittadin”. Għal dan il-għan, dawn il-“membri l-oħra tal-familja” jibbenefikaw, bis-saħħa tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tal-istess direttiva, minn garanziji ta’ natura proċedurali, jiġifieri mill-kisba ta’ deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tagħhom għal dħul u għal residenza, li għandha tkun ibbażata fuq eżami fid-dettall tas-sitwazzjoni personali tagħhom u tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari kollha speċifiċi għaliha u li, fil-każ ta’ rifjut, għandha tkun motivata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Settembru 2012, Rahman et, C‑83/11, EU:C:2012:519, punti 19 sa 22, kif ukoll tas‑26 ta’ Marzu 2019, SM (Wild imqiegħed taħt kafala Alġerina), C‑129/18, EU:C:2019:248, punt 62).

26      F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex “membru ieħor tal-familja” ikun jista’ jitqies bħala li jagħmel parti mid-dar, fis-sens tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38, ta’ ċittadin tal-Unjoni li jibbenefika minn dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti, huwa għandu jipproduċi l-prova ta’ rabta personali mill-qrib u stabbli ma’ dan iċ-ċittadin, li tiċċertifika sitwazzjoni ta’ dipendenza reali bejn dawn iż-żewġ persuni kif ukoll il-qsim ta’ komunità ta’ ħajja domestika li ma seħħitx għall-iskop li jinkiseb dħul u residenza f’dak l-Istat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2012, Rahman et, C‑83/11, EU:C:2012:519, punt 38).

27      Sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ tali rabta, il-grad ta’ parentela bejn iċ-ċittadin tal-Unjoni u l-membru l-ieħor tal-familja tiegħu kkonċernati ċertament jikkostitwixxi element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni. Madankollu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 40 u 41 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll, skont iċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ, ir-rabta mill-qrib tar-relazzjoni tal-familja inkwistjoni, tar-reċiproċità u tal-intensità tar-rabta eżistenti bejn dawn iż-żewġ persuni. Din ir-rabta għandha tkun tali li, jekk il-membru l-ieħor tal-familja kkonċernat kien prekluż milli jagħmel parti mid-dar taċ-ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti, tal-inqas waħda minn dawn iż-żewġ persuni tkun affettwata.

28      Madankollu, ma jistax ikun meħtieġ li l-imsemmija rabta tkun tali li ċ-ċittadin tal-Unjoni jirrinunzja milli jeżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu, jekk dan il-membru l-ieħor tal-familja tiegħu ma setax jakkumpanjah jew jingħaqad miegħu fl-Istat Membru ospitanti. Fil-fatt, tali rekwiżit iwassal sabiex il-“membru l-ieħor tal-familja” ikkonċernat, fis-sens tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38, jiġi assimilat mal-membri tal-familja msemmija espressament fil-punt 2 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva.

29      It-tul tal-komunità tal-ħajja domestika bejn iċ-ċittadin tal-Unjoni u l-membru l-ieħor tal-familja tiegħu kkonċernat jikkostitwixxi wkoll element importanti li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ rabta personali stabbli. Dan il-perijodu għandu jkun jista’ jiġi ddeterminat indipendentement mid-data li fiha nkiseb l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni. Fil-fatt, mill-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38, interpretat fid-dawl tal-premessa 6 tagħha, jirriżulta li, sabiex tiġi evalwata l-istabbiltà tar-rabta personali li tgħaqqad lil dawn iż-żewġ individwi, hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-perijodu ta’ wara l-kisba ta’ dan l-istatus, iżda wkoll il-perijodu preċedenti għaliha.

30      Konsegwentement, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “kull membru ieħor tal-familja li huwa membru tad-dar taċ-ċittadin tal-Unjoni li jibbenefika mid-dritt primarju ta’ residenza”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni, jindika l-persuni li għandhom relazzjoni ta’ dipendenza ma’ dan iċ-ċittadin, ibbażata fuq rabtiet personali mill-qrib u stabbli, minsuġa fl-istess dar, fil-kuntest ta’ komunità ta’ ħajja domestika li tmur lil hinn minn sempliċi koabitazzjoni temporanja, iddeterminata minn raġunijiet ta’ konvenjenza pura.

 Fuq lispejjeż

31      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

il-kunċett ta’ “kull membru ieħor tal-familja li huwa membru tad-dar taċ-ċittadin tal-Unjoni li jibbenefika mid-dritt primarju ta’ residenza”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni, jindika l-persuni li għandhom relazzjoni ta’ dipendenza ma’ dan iċ-ċittadin, ibbażata fuq rabtiet personali mill-qrib u stabbli, minsuġa fl-istess dar, fil-kuntest ta’ komunità ta’ ħajja domestika li tmur lil hinn minn sempliċi koabitazzjoni temporanja, iddeterminata minn raġunijiet ta’ konvenjenza pura.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.