Language of document : ECLI:EU:T:2015:974

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

15 ta’ Diċembru 2015 (*)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark verbali ARTHUR & ASTON — Trade mark nazzjonali figurattiva preċedenti Arthur — Assenza ta’ użu ġenwin tat-trade mark — Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 — Forma li hija differenti permezz ta’ elementi li jbiddlu l-karattru distintiv”

Fil-Kawża T‑83/14,

LTJ Diffusion, stabbilita f’Colombes (Franza), inizjalment irrappreżentata minn S. Lederman, sussegwentement minn F. Fajgenbaum, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn V. Melgar, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjent quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Arthur et Aston SAS, stabbilita f’Giberville (Franza), irrappreżentata minn N. Boespflug, avukat,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI, tat-2 ta’ Diċembru 2013 (Każ R 1963/2012‑1), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn LTJ Diffusion u Arthur et Aston SAS,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn H. Kanninen, President, I. Pelikánová u E. Buttigieg (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Frar 2014,

wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Mejju 2014,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Mejju 2014,

wara li rat ir-replika ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ Awwissu 2014,

wara li rat li l-partijiet ma ressqu l-ebda talba għall-iffissar ta’ seduta fi żmien xahar min-notifika tal-għeluq tal-proċedura bil-miktub, u li għaldaqstant iddeċidiet, fuq ir-rapport tal-Imħallef Relatur u skont l-Artikolu 135a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991, li taqta’ l-kawża mingħajr il-fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fl-10 ta’ Novembru 2010, l-intervenjenti, Arthur et Aston SAS, ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1).

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali ARTHUR ET ASTON.

3        Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu b’mod partikolari fil-klassi 25, skont il-Ftehim ta’ Nizza dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu mad-deskrizzjoni segwenti: “xedd is-saqajn; żraben għall-atletika; żraben għal fuq ix-xtajta; sandlijiet; stvali; stivali sal-għaksa; xedd is-saqajn magħmul mill-injam; espadrills; żraben”.

4        L-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata f’Il-Bulettin tat-trade marks Komunitarji Nru 10/2011, tas-17 ta’ Jannar 2011.

5        Fl-14 ta’ April 2011, ir-rikorrenti, LTJ Diffusion, ressqet oppożizzjoni, skont l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009, għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodotti msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq.

6        L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq it-trade mark figurattiva preċedenti Franċiża, irreġistrata bin-numru 17731, irriprodotta hawn taħt:

Image not found

7        It-trade mark preċedenti invokata insostenn tal-oppożizzjoni kienet ġiet irreġistrata fi Franza fis-16 ta’ Ġunju 1983 u mġedda fil-11 ta’ April 2003 għall-prodotti li ġejjin li jaqgħu taħt il-klassi 25: “Tessuti, ħwejjeġ lesti u tal-qies inklużi fosthom l-istvali, iż-żraben u l-papoċċi ta’ ġewwa”.

8        Il-motivi invokati insostenn tal-oppożizzjoni kienu dawk imsemmija fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

9        Għalkemm l-intervenjenti qajmet il-prova tal-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti, konformement mal-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009, ir-rikorrenti pproduċiet biss il-prova tal-użu tas-sinjal irriprodott hawn taħt:

Image not found

10      Fis-27 ta’ Awwissu 2011, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni kollha kemm hi għar-raġuni li r-rikorrenti ma kinitx ipproduċiet il-prova tal-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti, fil-forma rreġistrata tagħha (iktar ’il quddiem it-“trade mark preċedenti fil-forma rreġistrata tagħha”), fis-sens tal-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009.

11      Fit-23 ta’ Ottubru 2012, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem l-UASI, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009, mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

12      Permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Diċembru 2013 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), l-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad l-appell. Bħad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, il-Bord tal-Appell ikkonstata li s-sinjal irriprodott fil-punt 9 iktar ’il fuq (iktar ’il quddiem is-“sinjal użat”), kien differenti mill-forma tat-trade mark preċedenti fil-forma rreġistrata tagħha, b’mod li jbiddel il-karattru distintiv tiegħu. B’hekk huwa kkonkluda li l-użu tat-trade mark preċedenti invokat insostenn tal-oppożizzjoni ma kienx ġie stabbilit konformement mal-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009.

 It-talbiet tal-partijiet

13      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tibgħat il-kawża lura quddiem il-kulleġġ ġudikanti kompetenti tal-UASI, sabiex tingħata deċiżjoni dwar il-fondatezza tal-oppożizzjoni, fil-każ li l-Qorti Ġenerali tqis li hija ma għandhiex is-setgħa tiddeċiedi hija stess fuq dan.

14      L-UASI u l-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

15      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009. Hija tqis li l-Bord tal-Appell evalwa din id-dispożizzjoni b’mod żbaljat.

16      Skont l-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, il-prova tal-użu ġenwin ta’ trade mark Komunitarja tinkludi wkoll il-prova tal-użu tagħha f’forma li hija differenti permezz ta’ elementi li ma jbiddlux il-karattru distintiv tal-imsemmija trade mark fil-forma rreġistrata tagħha.

17      Minkejja li dan l-artikolu jirreferi biss għall-użu tat-trade mark Komunitarja, huwa għandu japplika, b’analoġija, għall-użu ta’ trade mark nazzjonali, peress li l-Artikolu 42(3) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprevedi li l-paragrafu 2 tal-istess artikolu japplika għal trade marks nazzjonali preċedenti msemmija fl-Artikolu 8(2)(a) tal-imsemmi regolament, “u dana billi l-użu f’l-Istat Membru fejn it-trade mark nazzjonali preċedenti hija protetta jiġi sostitwit b’użu [fl-Unjoni]” [sentenza tal-14 ta’ Lulju 2014, Vila Vita Hotel und Touristik vs UASI – Viavita (VIAVITA), T‑204/12, EU:T:2014:646, punt 24].

18      L-għan tal-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, li jevita li jitlob konformità stretta bejn il-forma użata tat-trade mark u dik li fiha tkun ġiet irreġistrata t-trade mark, huwa li jippermetti lill-proprjetarju ta’ din tal-aħħar jagħmel il-bidliet, fil-każ tal-użu kummerċjali tagħha, lis-sinjal li, mingħajr ma jbiddlu l-karattru distintiv tiegħu, jippermettu li jiġi adattat aħjar għall-eżiġenzi tal-kummerċjalizzazzjoni u tal-promozzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati. Konformement mal-għan tagħha, il-kamp ta’ applikazzjoni materjali ta’ din id-dispożizzjoni għandu jitqies li huwa limitat għas-sitwazzjonijiet li fihom is-sinjal konkretament użat mill-proprjetarju ta’ trade mark biex jidentifika l-prodotti jew is-servizzi li għalihom din it-trade mark tkun ġiet irreġistrata jikkostitwixxi l-forma li taħtha din l-istess trade mark tiġi użata kummerċjalment. F’sitwazzjonijiet simili, meta s-sinjal użat fil-kummerċ ikun differenti mill-forma li taħtha dan ikun ġie rreġistrat biss b’elementi negliġibbli, b’mod li ż-żewġ sinjali jistgħu jitqiesu li huma globalment ekwivalenti, id-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq tipprevedi li l-obbligu ta’ użu tat-trade mark irreġistrata jista’ jiġi ssodisfatt billi tiġi prodotta l-prova tal-użu tas-sinjal li jikkostitwixxi l-forma użata fil-kummerċ [sentenzi tal-10 ta’ Ġunju 2010, Atlas Transport vs UASI – Hartmann (ATLAS TRANSPORT), T‑482/08, EU:T:2010:229, punt 30; tal-21 ta’ Ġunju 2012, Fruit of the Loom vs UASI – Blueshore Management (FRUIT), T‑514/10, EU:T:2012:316, punt 28, u tat-12 ta’ Marzu 2014, Borrajo Canelo vs UASI – Tecnoazúcar (PALMA MULATA), T‑381/12, EU:T:2014:119, punt 26].

19      F’dan il-każ, huwa stabbilit li, għall-perijodu rilevanti mis-17 ta’ Jannar 2006 sas-16 ta’ Jannar 2011, huwa biss l-użu ġenwin tat-trade mark użata li ġie stabbilit fil-proċedimenti quddiem l-UASI. Għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk il-Bord tal-Appell kellux raġun jikkonkludi li din it-trade mark kellha xi differenzi meta mqabbla mat-trade mark preċedenti fil-forma rreġistrata tagħha, li jbiddlu l-karattru distintiv ta’ din tal-aħħar.

20      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-karattru distintiv ta’ trade mark fis-sens tar-Regolament Nru 207/2009 juri li din it-trade mark tippermetti li jiġi identifikat il-prodott li għalih tkun saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala li joriġina minn impriża partikolari u b’hekk tiddistingwi dan il-prodott minn dawk ta’ impriżi oħrajn (ara s-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Specsavers International Healthcase et, C‑252/12, Ġabra, EU:C:2013:497, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21      It-trade mark preċedenti fil-forma rreġistrata tagħha tirrappreżenta l-isem Arthur fil-forma ta’ firma bil-miktub, bl-iswed fuq bażi bajda, impoġġija b’mod immejjel u kkompressat, bl-ittri jkunu rrappreżentati fil-forma ta’ kitba magħluqa ħafna. L-ewwel ittra tal-imsemmija trade mark hija enfasizzata billi hija miktuba b’ittra kbira u mgħejuna permezz ta’ punt bejn iż-żewġ linji tal-“A”. Minkejja li l-element verbali “arthur” jikkostitwixxi l-element dominanti tat-trade mark preċedenti fil-forma rreġistrata tagħha, il-karattru distintiv tagħha jiġi mhux biss minn dan l-element verbali, iżda wkoll mill-preżentazzjoni grafika tiegħu li, minkejja li hija sekondarja, la hija negliġibbli u lanqas komuni.

22      Bħalma nnota ġustament il-Bord tal-Appell fil-punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata, is-sinjal użat għandu xi differenzi sinjifikattivi meta mqabbel mat-trade mark preċedenti fil-forma rreġistrata tiegħu. Minkejja li s-sinjal użat juża l-element verbali “arthur”, il-karattri użati biex jiġu rrappreżentati l-ittri li jikkostitwixxu dan l-element verbali huma karattri ta’ stampar abjad b’ittri kbar, bi stilizzazzjoni ħafifa, fuq bażi sewda u mpoġġija b’mod orizzontali. Barra minn hekk, is-sinjal użat ipoġġi l-kelma “arthur” fi kwadru rettangolari iswed li min-naħa tiegħu għandu qafas irqiq abjad.

23      Dawn id-differenzi huma ta’ natura li jbiddlu, mill-perspettiva tal-konsumatur medju Franċiż li għalih huma intiżi l-prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 25, il-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti fil-forma rreġistrata tagħha. Fil-fatt, l-element grafiku tal-imsemmija marka, ikkostitwit minn firma stilizzata, tisparixxi kompletament mis-sinjal użat u huwa ssostitwit b’element grafiku radikalment differenti, klassiku ħafna, simetriku u statiku, minkejja li, bħalma rrileva ġustament l-UASI, it-trade mark preċedenti fil-forma rreġistrata tagħha tattira l-attenzjoni bl-asimetrija u d-dinamiżmu mogħtija mill-moviment tal-ittra, mix-xellug għal-lemin. Id-differenzi bejn it-trade mark u s-sinjal imsemmija iktar ’il fuq ma humiex negliġibbli u ma jistgħux jitqiesu li huma globalment ekwivalenti, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 18 iktar ’il fuq.

24      Meta jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-grafika partikolari tal-kelma “arthur” tikkontribwixxi, flimkien mal-imsemmija kelma, għall-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti fil-forma rreġistrata tagħha u li hija mibdula b’mod radikali fis-sinjal użat, il-konklużjoni tal-Bord tal-Appell li d-differenzi bejn it-trade mark u s-sinjal inkwistjoni huma tali li l-karattru distintiv tal-ewwel jinsab mibdul, għandha tiġi aċċettata.

25      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argumenti tar-rikorrenti.

26      Fl-ewwel lok, għandha tiġi miċħuda, bħala nieqsa fil-fatt, l-oġġezzjoni tar-rikorrenti li l-Bord tal-Appell ma tax deċiżjoni fuq bidla possibbli tal-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti fil-forma rreġistrata tagħha u ma wettaqx, f’dan ir-rigward, analiżi konkreta ta’ din it-trade mark u tas-sinjal użat. Fil-fatt, huwa biżżejjed li wieħed iħares lejn il-punti 26 sa 30 u 34 sa 36 tad-deċiżjoni kkontestata biex jikkonstata li l-Bord tal-Appell wettaq analiżi konkreta u ddettaljata tat-trade mark u tas-sinjal imsemmija iktar ’il fuq sabiex jasal għall-konklużjoni, fil-punt 40 tal-istess deċiżjoni, li s-sinjal użat kien differenti mit-trade mark preċedenti fil-forma rreġistrata tagħha, b’mod li kien jbiddel il-karattru distintiv ta’ din tal-aħħar.

27      Għandha wkoll tiġi miċħuda l-oġġezzjoni tar-rikorrenti li l-Bord tal-Appell ma tax deċiżjoni fuq il-karattru distintiv tal-element grafiku tat-trade mark preċedenti fil-forma rreġistrata tagħha, u lanqas fuq il-kwistjoni ta’ jekk l-użu ta’ tipa ta’ kitba ġdida, ikklassifikata mill-Bord tal-Appell innifsu bħala “klassika ħafna”, setgħetx, fiha nnifisha, twassal għal bidla tal-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti fil-forma rreġistrata tagħha.

28      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 34 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qies li l-elementi figurattivi tat-trade mark preċedenti fil-forma rreġistrata tagħha ma setgħux jitqiesu li kienu negliġibbli. Fil-punt 35 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa kompla billi speċifika li l-kelma “arthur” ma kinitx irrappreżentata f’karattri pjuttost normali u komuni, u billi fakkar li t-trade mark preċedenti li fuqha kienet ibbażata l-oppożizzjoni ma kinitx irreġistrata bħala trade mark verbali iżda bħala trade mark figurattiva. Fl-aħħar, fil-punt 36 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qies li s-sinjal użat kien jagħti lill-konsumatur impressjoni differenti ħafna minn dik li kienet tipproduċi t-trade mark preċedenti fil-forma rreġistrata tagħha, peress li dan ma kien jirriproduċi ebda wieħed mill-elementi figurattivi ta’ din tal-aħħar u huwa kien ikkostitwit minn elementi figurattivi, b’mod partikolari karattri tal-istampar bilkemm stilizzati.

29      B’hekk, mill-punti 34 sa 36 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Bord tal-Appell, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, eżamina l-karattru distintiv tal-elementi figurattivi tat-trade mark preċedenti fil-forma li taħtha ġiet irreġistrata, u kkonkluda li dawn l-elementi ma kienu la normali u lanqas komuni. B’hekk huwa qies, b’mod impliċitu iżda neċessarju, li dawn l-elementi figurattivi kienu jikkontribwixxu għall-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti fil-forma rreġistrata tagħha. Mill-punti msemmija iktar ’il fuq tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta wkoll, b’mod partikolari mill-punt 36 tal-imsemmija deċiżjoni, li l-Bord tal-Appell qies li l-bidla tal-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti fil-forma rreġistrata tagħha kienet tirriżulta mit-tneħħija, fis-sinjal użat, tal-elementi figurattivi msemmija iktar ’il fuq u mis-sostituzzjoni tagħhom b’oħrajn iktar komuni u inqas stilizzati.

30      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti sostniet li l-element verbali “arthur” kien jikkostitwixxi l-uniku element distintiv u dominanti tat-trade mark preċedenti fil-forma rreġistrata tagħha, bil-grafika li tikkaratterizza dan l-element verbali tkun komuni u sekondarja. Konsegwentement, skont ir-rikorrenti, applikazzjoni ġusta tal-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 kellha twassal biex il-Bord tal-Appell iqis li s-sinjal użat, li kien jieħu fit-totalità tiegħu dan l-element verbali distintiv u dominanti, mingħajr iż-żieda ta’ ebda element verbali ieħor jew ta’ xi element grafiku distint, iżda f’tipa differenti, ukoll komuni u sekondarja, ma kienx ibiddel il-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti fil-forma rreġistrata tagħha.

31      Insostenn tal-premessa li l-element verbali “arthur” kien jikkostitwixxi l-uniku element distintiv u dominanti tat-trade mark preċedenti fil-forma rreġistrata tagħha, ir-rikorrenti tissottometti li diversi deċiżjonijiet ta’ qrati, kemm Franċiżi kif ukoll tal-Unjoni, kienu ngħataw f’dan is-sens. Ir-rikorrenti invokat b’mod partikolari s-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2005, Sadas vs UASI – LTJ Diffusion (ARTHUR ET FELICIE), T‑346/04, Ġabra, EU:T:2005:420), dwar l-oppożizzjoni li hija kienet għamlet, ibbażata fuq it-trade mark preċedenti fil-forma rreġistrata tagħha, kontra l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, bħala trade mark Komunitarja, tas-sinjal verbali ARTHUR ET FELICIE. Ir-rikorrenti invokat ukoll is-sentenza tal-Cour d’appel de Paris tal-11 ta’ Mejju 2005, mogħtija fil-kuntest ta’ azzjoni kontra l-vjolazzjoni tal-użu tat-trade mark verbali ARTHUR ET FELICIE li hija kienet għamlet.

32      Barra minn hekk, ir-rikorrenti kkritikat lill-Bord tal-Appell talli ċaħad ir-rilevanza kollha tas-sentenza ARTHUR ET FELICIE, punt 31 iktar ’il fuq (EU:T:2005:420), u tad-deċiżjonijiet tal-istanzi nazzjonali li hija kienet invokat matul il-proċedura amministrattiva. Billi kkontestat l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell li l-konstatazzjonijiet ippreżentati fis-sentenza u fid-deċiżjonijiet imsemmija iktar ’il fuq ma kinux rilevanti, peress li huma kienu saru fil-kuntest ta’ eżami dwar il-probabbiltà ta’ konfużjoni u mhux f’dak tal-eżami tan-natura tal-użu tat-trade mark preċedenti fil-forma rreġistrata tagħha (punti 32 u 38 tad-deċiżjoni kkontestata), ir-rikorrenti targumenta, essenzjalment, li l-analiżi tal-karattru distintiv tal-imsemmija trade mark kellha tkun l-istess fil-kuntest tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 207/2009, dwar il-probabbiltà ta’ konfużjoni, bħal dik fl-Artikolu 15 tal-imsemmi regolament, dwar l-użu tat-trade mark irreġistrata.

33      Bi tweġiba għall-argumenti tar-rikorrenti ppreżentati fil-punti 30 sa 32 iktar ’il fuq, għandu jitfakkar l-ewwel nett li, bħalma jirriżulta mill-punt 21 iktar ’il fuq, l-element verbali “arthur” jikkostitwixxi l-element dominanti tat-trade mark preċedenti fil-forma rreġistrata tagħha, fis-sens li jiddomina l-impressjoni tat-totalità prodotta minn din it-trade mark. Il-preżentazzjoni grafika ta’ dan l-element verbali għandha aspett sekondarju, iżda mhux negliġibbli, f’din l-impressjoni globali.

34      B’dan, għandu jiġi enfasizzat li ma huwiex biżżejjed li l-element dominanti tat-trade mark preċedenti fil-forma rreġistrata tagħha jintuża fis-sinjal użat, bħalma huwa l-każ f’dan il-każ fir-rigward tal-element verbali “arthur”, sabiex dan is-sinjal jitqies li ma jbiddilx il-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti fil-forma rreġistrata tagħha. L-eżami tal-bdil tal-karattru distintiv jikkonsisti fil-paragun tat-trade mark preċedenti fil-forma rreġistrata tagħha mas-sinjal użat sabiex jiġi eżaminat jekk din it-trade mark u dan is-sinjal humiex differenti jew le minħabba elementi negliġibbli u jekk jistgħux jitqiesu globalment ekwivalenti (sentenzi ATLAS TRANSPORT, punt 18 iktar ’il fuq, EU:T:2010:229; FRUIT, punt 18 iktar ’il fuq, EU:T:2012:316, u PALMA MULATA, punt 18 iktar ’il fuq, EU:T:2014:119). Bħalma diġà ġie konkluż, il-konstatazzjonijiet tal-Bord tal-Appell f’dan ir-rigward ma humiex ivvizzjati bi żball.

35      Sussegwentement, fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-element verbali “arthur” jikkostitwixxi l-uniku element distintiv tat-trade mark preċedenti fil-forma rreġistrata tagħha, din l-allegazzjoni hija żbaljata għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 21 sa 24 iktar ’il fuq, peress li l-karattru distintiv ta’ din it-trade mark jirriżulta mhux biss minn dan l-element verbali, iżda wkoll mill-preżentazzjoni grafika tal-imsemmi element, li la hija negliġibbli u lanqas komuni.

36      Barra minn hekk, l-allegazzjoni msemmija iktar ’il fuq tar-rikorrenti ma hijiex ikkorroborata mis-sentenza ARTHUR ET FELICIE, punt 31 iktar ’il fuq (EU:T:2005:420). F’din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma kkonkludiet li l-element verbali “arthur” kien jikkostitwixxi l-uniku element distintiv tat-trade mark preċedenti fil-forma rreġistrata tagħha. Fil-kuntest tal-paragun tas-sinjali f’kunflitt fil-kawża li wasslet għas-sentenza ARTHUR ET FELICIE, punt 31 iktar ’il fuq (EU:T:2005:420), u b’mod iktar speċifiku fil-punt 46 tal-imsemmija sentenza, hija kkonstatat biss, bħal f’dan il-każ (ara l-punt 21 iktar ’il fuq), il-karattru dominanti ta’ dan l-element verbali u l-karattru sekondarju tal-elementi figurattivi.

37      Fir-rigward, fl-aħħar nett, tal-fatt li r-rikorrenti semmiet is-sentenza tal-Cour d’appel de Paris tal-11 ta’ Mejju 2005 (ara l-punt 31 iktar ’il fuq) kif ukoll xi deċiżjonijiet oħrajn ta’ istanzi nazzjonali, invokati wkoll quddiem l-UASI, għandu jiġi nnotat li kemm din is-sentenza kif ukoll dawn id-deċiżjonijiet ma humiex ta’ natura li jikkontestaw il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punt 24 iktar ’il fuq, peress li bl-ebda mod ma ġie konkluż hemmhekk li l-element grafiku tat-trade mark preċedenti fil-forma rreġistrata tagħha kien negliġibbli u li ma kienx jikkontribwixxi, mal-element verbali “arthur”, għall-karattru distintiv ta’ din it-trade mark. Kuntrarjament, dan l-element grafiku, li għandu l-forma ta’ firma bil-miktub, kien ġie kklassifikat bħala “partikolari”. Huwa b’hekk, b’mod partikolari, li l-Cour d’appel de Paris, fis-sentenza msemmija tagħha, kienet iddeskriviet it-trade mark preċedenti fil-forma rreġistrata tagħha bħala “[li hija] ippreżentata fi grafika partikolari bil-forma ta’ firma bil-miktub, b’forma axxendenti, u b’punt taħt l-ittra A”. Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li s-sistema Komunitarja tat-trade marks hija awtonoma u li l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tiġi evalwata biss abbażi tar-Regolament Nru 207/2009, b’mod illi l-UASI jew, fuq rikors, il-Qorti Ġenerali, ma humiex obbligati jaslu għal riżultati identiċi għal dawk li jaslu għalihom l-amministrazzjonijiet jew il-qrati nazzjonali f’sitwazzjoni simili [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Jannar 2006, Deutsche SiSi-Werke vs UASI, C‑173/04 P, Ġabra, EU:C:2006:20, punt 49, u tat-23 ta’ Jannar 2014, Coppenrath-Verlag vs UASI – Sembella (Rebella), T‑551/12, EU:T:2014:30, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata].

38      Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet fil-punti 33 sa 37 iktar ’il fuq, u mingħajr il-bżonn li tingħata deċiżjoni fuq il-fondatezza tal-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-analiżi tal-karattru distintiv tat-trade mark fil-forma rreġistrata tagħha għandha tkun l-istess fil-kuntest tal-Artikoli 8 u 15 tar-Regolament Nru 207/2009 (ara l-punt 32 iktar ’il fuq), il-premessa tal-argumenti tar-rikorrenti li l-element verbali “arthur” jikkostitwixxi l-uniku element distintiv u dominanti tat-trade mark preċedenti fil-forma rreġistrata tagħha, għandha tiġi miċħuda. Minn dan jirriżulta li l-kumplament tal-argumenti tar-rikorrenti, ibbażati fuq din il-premessa żbaljata, għandhom jiġu miċħuda (ara l-punt 30 iktar ’il fuq).

39      Fit-tielet lok, l-argument tar-rikorrenti li s-soluzzjoni adottata fid-deċiżjoni kkontestata tmur kontra s-soluzzjoni adottata fid-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI, tal-4 ta’ Ottubru 2013 (Każ R 737/2013‑2), għandu jiġi miċħud. Huwa biżżejjed jiġi kkonstatat li l-oqsfa fattwali li dawn iż-żewġ deċiżjonijiet jidħlu fihom huma differenti, peress li r-relazzjoni bejn il-forma tat-trade mark preċedenti fil-forma rreġistrata tagħha u l-forma tas-sinjal użat kif iddefinit fid-deċiżjoni kkontestata hija differenti mir-relazzjoni bejn il-forma tat-trade mark preċedenti u dik tas-sinjal użat kif iddefinit fid-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI, tal-4 ta’ Ottubru 2013, iċċitata iktar ’il fuq. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-UASI għandha tiddeċiedi skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ u li huwa ma huwiex marbut minn deċiżjonijiet preċedenti mogħtija f’każijiet oħrajn. Fil-fatt, il-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell għandha tiġi evalwata unikament abbażi tar-Regolament Nru 207/2009, u mhux abbażi ta’ prassi deċiżjonali preċedenti għalihom. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-kontroll tagħhom tal-legalità, il-Qorti Ġenerali ma hijiex marbuta mill-prassi deċiżjonali tal-UASI (ara s-sentenza PALMA MULATA, punt 18 iktar ’il fuq, EU:T:2014:119, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-motiv ta’ annullament ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu jiġi miċħud. Minn dan jirriżulta li r-rikors għandu jkun miċħud fit-totalità tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

41      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

42      Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it-talbiet tal-UASI u tal-intervenjenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

Taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      LTJ Diffusion hija kkundannata għall-ispejjeż.

Kanninen

Pelikánová

Buttigieg

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-15 ta’ Diċembru 2015.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.