Language of document :

Rikors ippreżentat fis-7 ta’ Frar 2014 – Islamic Republic of Iran Shipping Lines et vs Il-Kunsill

(Kawża T-87/14)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Islamic Republic of Iran Shipping Lines (Teheran, l-Iran); Hafize Darya Shipping Lines (HDSL) (Teheran); Khazar Shipping Lines (Anzali Free Zone, l-Iran); IRISL Europe GmbH (Hamburg, il-Ġermanja); IRISL Marine Services and Engineering Co. (Qeshm Island, l-Iran); Irano Misr Shipping Co. (Teheran); Safiran Payam Darya Shipping Lines (SAPID) (Teheran); Shipping Computer Services Co. (Teheran); Soroush Sarzamin Asatir Ship Management (Teheran); South Way Shipping Agency Co. Ltd (Teheran); u Valfajr 8th Shipping Line Co. (Teheran) (rappreżentanti: F. Randolph, QC, M. Lester, Barrister, u M. Taher, Solicitor)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/685/PESK, tas-26 ta’ Novembru 2013, li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 316, p. 46) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1203/2013, tas-26 ta’ Novembru 2013, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 316, p. 1), sa fejn dawn japplikaw għar-rikorrenti;

tiddikjara l-inapplikabbiltà fir-rigward tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/497/PESK, tal-10 ta’ Ottubru 2013, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 272, p. 46) u fir-rigward tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 971/2013, tal-10 ta’ Ottubru 2013, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 272, p. 1);

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti jinvokaw l-“oġġezzjoni tal-illegalità” insostenn tat-talba tagħhom għal dikjarazzjoni ta’ illegalità tal-miżuri ta’ Ottubru sa fejn: dawn ma għandhomx bażi legali soda; jiksru l-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti u l-prinċipji ta’ finalità, ta’ ċertezza legali, ta’ ne bis in idem, u ta’ res judicata; jiddiskriminaw kontra IRISL u jiksru d-drittijiet fundamentali tagħha mingħajr ġustifikazzjoni jew proporzjon; jiksru d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti; u jagħmlu użu ħażin mill-poteri tal-Kunsill.

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw dawn il-motivi għall-annullament tal-miżuri kkontestati.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li ma hemm bażi legali soda għall-miżuri kkontestati.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kunsill wettaq żball manifest fid-deċiżjonijiet tiegħu li jinkludu r-rikorrenti kollha.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kunsill kiser id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti.

Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-miżuri kkontestati jiksru l-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti, u l-prinċipji ta’ finalità, ta’ ċertezza legali, ta’ ne bis in idem, ta’ res judicata, u ta’ nondiskriminazzjoni.

Il-ħames motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-miżuri kkontestati jiksru, mingħajr ġustifikazzjoni jew proporzjon, id-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti, b’mod partikolari d-dritt tagħhom għar-reputazzjoni u għall-proprjetà