Language of document : ECLI:EU:C:2021:168

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

4 ta’ Marzu 2021 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Konvenzjoni li timplimenta l-ftehim ta’ Schengen – Konsultazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) meta jsir l-eżami ta’ applikazzjoni għal permess ta’ residenza mressqa minn ċittadin ta’ pajjiż terz li kien is-suġġett ta’ allert f’din is-sistema għall-finijiet ta’ rifjut ta’ dħul – Artikolu 25(1) – Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen – Kundizzjonijiet ta’ dħul għaċ-ċittadini ta’ pajjiż terz – Artikolu 6(1) u (5) – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 7 u Artikolu 24(2) – Rifjut ta’ tiġdid ta’ permess ta’ residenza għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja minħabba li l-identità tal-applikant ma ġietx stabbilita b’ċertezza”

Fil-Kawża C‑193/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Förvaltningsrätten i Malmö – Migrationsdomstolen (il-Qorti Amministrattiva sedenti f’Malmö, bħala qorti li tiddeċiedi kwistjonijiet dwar l-immigrazzjoni, l-Isvezja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Frar 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑27 ta’ Frar 2019, fil-proċedura

A

vs

Migrationsverket,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Vilaras, President tal-Awla, N. Piçarra (Relatur), D. Šváby, S. Rodin u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal A, minn T. Bodin, advokat,

–        għall-Migrationsverket, minn C. Bexelius u H. Forssell, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Svediż, inizjalment minn J. Lundberg, A. Falk, H. Eklinder, C. Meyer‑Seitz u H. Shev, sussegwentement minn H. Eklinder, C. Meyer‑Seitz u H. Shev, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman u M.A.M. de Ree, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Wils, K. Simonsson u G. Tolstoy, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑16 ta’ Lulju 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal‑14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom, iffirmata f’Schengen fid-19 ta’ Ġunju 1990 u li daħlet fis-seħħ fis-26 ta’ Marzu 1995 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2, p. 9), kif emendata bir-Regolament (UE) Nru 265/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Marzu 2010 (ĠU 2010, L 85, p. 1) (iktar ’il quddiem il-“KTFS”), kif ukoll bir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2016, L 77, p. 1 u r-rettifika fil-ĠU 2020, L 245, p. 32, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn A, ċittadin Gambjan, u l-Migrationsverket (l-Uffiċċju tal-Migrazzjoni, l-Isvezja) fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li jiċħad l-applikazzjoni għal estensjoni tal-permess ta’ residenza għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja mressqa minn A, għar-raġuni li l-identità tiegħu ma setgħetx tiġi stabbilita b’mod ċert.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Il-KTFS

3        L-Artikolu 25(1) tal-KTFS jipprovdi:

“Meta Stat Membru jikkunsidra joħroġ permess ta’ residenza, huwa għandu jwettaq tiftixa sistematika fis-Sistema tal-Informazzjoni ta’ Schengen [SIS]. Meta Stat Membru jikkunsidra joħroġ permess ta’ residenza għal persuna aljena li fil konfront tagħha inħarġet twissija bil-għan li jiġi rifjutat id-dħul, huwa għandu l-ewwel jikkonsulta lill-Istat Memrbu li jkun ħareġ it-twissija u għandu jieħu kont tal-interessi tiegħu; il-permess ta’ residenza għandu jinħareġ għal raġunijet sostantivi biss, notevolment fuq raġunijet umanitarji jew minħabba impenji internazzjonali.

Meta jinħareġ permess ta’ residenza, l-Istat Membru li joħroġ it-twissija għandu jirtira t-twissija iżda jista’ jpoġġi lill-persuna aljena kkonċernata fuq il-lista nazzjonali ta’ twissijiet.”

 Il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen

4        Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, dan “jistabbilixxi regoli li jirregolaw il-kontroll fuq il-fruntiera ta’ persuni li jkunu qed jaqsmu l-fruntieri esterni ta’ l-Istati membri ta’ l-Unjoni Ewropea.”

5        L-Artikolu 6 ta’ dan il-kodiċi, intitolat “Kondizzjonijiet ta’ dħul għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi”, jipprovdi:

“1.      Fil-każ ta’ permanenza fit-territorju tal-Istati Membri ta’ mhux aktar minn 90 jum fi kwalunkwe perijodu ta’ 180 jum, li jinkludi li jitqies il-perjodu ta’ 180 jum li jippreċedi kull jum ta’ soġġorn, il-kondizzjonijiet tad-dħul għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandhom ikunu kif ġej:

(a)      ikollhom dokument validu tal-ivvjaġġar li jintitola lid-detentur jaqsam il-fruntiera […];

[…]

(d)      ma jkunux persuni li għalihom ikun inħareġ allert fis-SIS sabiex jiġi miċħud id-dħul;

(e)      mhumiex meqjusa bħala theddida għall-politika pubblika, is-sigurtà interna, is-saħħa pubblika jew ir-relazzjonijiet internazzjonali ta’ xi Stat Membru partikolarment jekk l-ebda allert ma jkun inħareġ fid-databases nazzjonali ta’ l-Istati Membri sabiex jiġi miċħud id-dħul għall-istess raġunijiet.

[…]

5.      B’deroga mill-paragrafu 1:

[…]

(ċ)      Ċittadin(i) ta’ pajjiż terz li ma jissodisfawx xi kondizzjoni waħda jew aktar imsemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jiġu awtorizzati minn xi Stat Membru biex jidħlu fit-territorju tiegħu għal raġunijiet umanitarji, għal raġunijiet ta’ interess nazzjonali jew minħabba obbligi internazzjonali. Meta ċ-ċittadin minn pajjiż terz konċernat ikun soġġett għal xi allert kif imsemmi fil-paragrafu 1 punt (d), l-Istat Membru li jkun qed jawtorizza d-dħul tiegħu/tagħha fit-territorju tiegħu għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra b’dan.”

 Id-dritt Svediż

6        L-Artikolu 1 tal-Kapitolu 2 tal-utlänningslag (il-Liġi dwar il-Barranin) (SFS 2005, Nru 716), jipprevedi:

“Barrani li jidħol jew li jirrisjedi fl-Isvezja għandu jkollu passaport.”

7        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Kapitolu 5 ta’ din il-liġi jipprovdi:

“Permess ta’ residenza jingħata, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 17 sa 17b:

1.      lil kull ċittadin barrani li l-konjuġi jew is-sieħeb konkubin tiegħu huwa residenti jew ingħata permess ta’ residenza fl-Isvezja,

[…]”

8        L-Artikolu 8 tal-Kapitolu 5 tal-imsemmija liġi tipprevedi:

“Permess ta’ residenza maħruġ lil barrani bis-saħħa tal-Artikolu 3(1) […] huwa limitat ratione temporis fil-mument tal-ewwel deċiżjoni, ħlief

1.      jekk il-barrani jkun ilu jikkoabita f’pajjiż barrani mal-konjuġi jew mas-sieħeb jew sieħba tiegħu, jew

2.      jekk jidher ċar, b’mod ieħor, li r-relazzjoni hija stabbilita sew.

[…]”

9        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16 tal-Kapitolu 5 tal-Liġi dwar il-Barranin huwa fformulat kif ġej:

“Barrani li, bis-saħħa tal-Artikolu 8, ingħata permess ta’ residenza temporanja minħabba rabtiet familjari jista’ jikseb permess ta’ residenza temporanja jew permanenti ġdid għal din ir-raġuni biss jekk ir-rabtiet inkwistjoni jkunu għadhom eżistenti.”

10      L-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 17a tal-Kapitolu 5 ta’ din il-liġi jipprovdu:

“Fis-sitwazzjonijet imsemmija fl-Artikolu 3, il-ħruġ ta’ titolu ta’ residenza jista’ jiġi rrifjutat:

1.      jekk informazzjoni ineżatta tkun ġiet ikkomunikata deliberatament jew ċirkustanzi jkunu ġew deliberatament mistura, u li huma essenzjali għall-kisba ta’ permess ta’ residenza; [jew]

2.      fil-każ ta’ adozzjoni, ta’ żwieġ jew ta’ konkubinaġġ min-naħa tal-barrani bis-sempliċi għan li jgawdi minn permess ta’ residenza; jew

3.      jekk il-barrani jirrappreżenta theddida għall-ordni pubbliku u għas-sigurtà pubblika.

Il-ħruġ ta’ permess ta’ residenza jista’ jiġi rrifjutat ukoll fis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-punt 1 u l-punt 2(b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 jekk:

1.      il-konjuġi jew l-imsieħba ma jgħixux flimkien bħala koppja jew ma għandhomx tali intenzjoni; [jew]

[…]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11      Fid‑9 ta’ Diċembru 2013, A, ċittadin Gambjan, ingħata mill-awtoritajiet Svediżi permess ta’ residenza temporanja sabiex jingħaqad ma’ martu ta’ nazzjonalità Svediża.

12      Qabel id-dħul tiegħu fit-territorju Svediż A kien ressaq applikazzjoni għal permess ta’ residenza u kien iġġustifika l-prova tal-identità tiegħu billi ppreżenta passaport tal-pajjiż ta’ oriġini tiegħu.

13      Fid‑9 ta’ Novembru 2015, A ressaq applikazzjoni għal estensjoni ta’ dan il-permess ta’ residenza temporanja quddiem l-Uffiċċju tal-Migrazzjoni.

14      Waqt l-eżami ta’ din l-applikazzjoni, l-Uffiċċju tal-Migrazzjoni kiseb informazzjoni mill-awtoritajiet Norveġiżi li l-persuna kkonċernata kienet tqiegħdet f’detenzjoni fin-Norveġja fejn kienet għamlet użu minn diversi identitajiet foloz. Barra minn hekk, il-persuna kkonċernata, taħt waħda minn dawn l-identitajiet, ġiet ikkundannata fin-Norveġja għal piena ta’ ċaħda ta’ libertà minħabba żamma u bejgħ ta’ drogi narkotiċi, u kienet tkeċċiet bi projbizzjoni definittiva milli tidħol fit-territorju u kienet is-suġġett ta’ allert fis-SIS għall-finijiet ta’ rifjut ta’ dħul fiż-żona Schengen. Ulterjorment, applikazzjoni oħra għal permess ta’ residenza, imressqa f’Dakar (is-Senegal), ġiet irreġistrata fl-Isvezja taħt din l-identità u ġiet miċħuda minħabba li kienet ibbażata fuq żwieġ ta’ konvenjenza.

15      Barra minn hekk, mit-tweġibiet tal-qorti tar-rinviju għat-talbiet għal kjarifika tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, mit‑13 ta’ Frar 2018, A u martu ta’ nazzjonalità Svediża huma ddivorzjati u ma għandhomx ulied inkomuni. Hija tindika li A issa jgħix f’konkubinaġġ ma’ ċittadina Norveġiża, li magħha għandu żewġ ulied minuri wkoll ta’ nazzjonalità Norveġiża.

16      Il-qorti tar-rinviju tippreċiża wkoll, fit-tweġibiet tagħha għat-talbiet għal kjarifika, li ċ-ċittadini Norveġiżi jibbenefikaw fl-Isvezja minn “kważi l-istess drittijiet ta’ residenza bħaċ-ċittadini Svediżi”, taħt l-Unjoni Nordika tal-Passaporti, li fiha huma partijiet b’mod partikolari r-Renju tal-Isvezja u r-Renju tan-Norveġja u li, fid-data li fiha ġiet eżaminata t-talba għal estensjoni tal-permess ta’ residenza, l-unika rabta ta’ konnessjoni invokata minn A hija dik eżistenti ma’ dawn iċ-ċittadini Norveġiżi. Hija żżid li, anki jekk fir-reġistri nazzjonali tal-popolazzjoni huwa indikat li dawn tal-aħħar ma humiex iddomiċiljati fl-Isvezja, din l-informazzjoni “tista’ tiġi emendata f’kull mument u għalhekk ma hijiex neċessarjament eżatta”, u “diversi raġunijiet [jistgħu] jispjegaw il-fatt li wieħed jirreġistra lilu nnifsu bħala li emigrant”. Min-naħa l-oħra, hija tippreċiża li A għadu rreġistrat bħala residenti f’Malmö (l-Isvezja).

17      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑2 ta’ Ġunju 2017, l-Uffiċċju tal-Migrazzjoni ċaħad l-applikazzjoni għal estensjoni tal-permess ta’ residenza temporanja mressqa minn A, minħabba, b’mod partikolari, li l-identità tiegħu ma ġietx ipprovata.

18      A ppreżenta appell kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Förvaltningsrätten i Malmö – Migrationsdomstolen (il-Qorti Amministrattiva sedenti f’Malmö, bħala qorti li tiddeċiedi kwistjonijiet dwar l-immigrazzjoni, l-Isvezja).

19      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar ir-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-istabbiliment tal-identità ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li l-applikazzjoni tiegħu għal permess ta’ residenza, imressqa meta dan ikun diġà jinsab fit-territorju nazzjonali, la hija bbażata fuq raġunijiet ta’ protezzjoni internazzjonali u lanqas fuq raġunijiet umanitarji, iżda ssir għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja tal-applikant. Din il-qorti tistaqsi, b’mod partikolari, jekk id-dritt tal-Unjoni jirrikjedix li l-identità taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz applikant għandhiex tiġi stabbilita b’mod ċert sabiex jinħariġlu tali titolu, anki jekk huwa diġà ddomiċiljat fit-territorju nazzjonali.

20      Din il-qorti tesponi li, fid-dritt Svediż, il-ħruġ ta’ permess ta’ residenza li la huwa bbażat fuq raġunijiet ta’ protezzjoni internazzjonali u lanqas fuq raġunijiet umanitarji huwa suġġett għall-prova li l-identità tal-applikant tkun stabbilita b’mod ċert permezz ta’ passaport validu għall-perijodu tal-permess ta’ residenza mitlub. Madankollu, eċċezzjonijiet għal din ir-regola huma ammessi f’sitwazzjonijiet li ma jikkorrispondux għal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

21      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-Migrationsöverdomstolen (il-Qorti Superjuri tal-Immigrazzjoni, l-Isvezja), minn naħa, iddeċidiet fis-sentenza Nru MIG 2011:11, tat‑12 ta’ Mejju 2011, li l-ħruġ ta’ permess ta’ residenza għal żmien determinat, li ċittadin ta’ pajjiż terz, fuq il-bażi ta’ rabta ta’ konnessjoni mar-Renju tal-Isvezja, b’mod partikolari żwieġ, jippreżupponi li l-identità tal-applikant tiġi stabbilita b’mod ċert peress li din il-kundizzjoni hija neċessarja sabiex jiġu ssodisfatti l-impenji li jirriżultaw mill-KTFS u mill-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Min-naħa l-oħra, hija tindika li din il-qorti superjuri annullat sentenza tal-Förvaltningsrätten i Stockholm – Migrationsdomstolen (il-Qorti Amministrattiva sedenti fi Stokkolma, bħala qorti li tiddeċiedi kwistjonijiet dwar l-immigrazzjoni, l-Isvezja), li ddeċidiet li l-KTFS u l-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jostakolaw l-applikazzjoni tal-livell ftit li xejn eżiġenti ta’ prova tal-identità permessa mill-Artikolu 16 tal-lag om tillfälliga begränsningar av möjligheten att få uppehållstillstånd i Sverige (il-Liġi li Tipprovdi Restrizzjonijiet Provviżorji għall-Possibbiltà li Jinkiseb Permess ta’ Residenza fl-Isvezja) (SFS 2016, Nru 752), li tirrigwarda speċifikament l-għoti ta’ permess ta’ residenza għall-finijiet ta’ studji fl-edukazzjoni sekondarja. Il-Migrationsöverdomstolen (il-Qorti Superjuri tal-Immigrazzjoni) spjegat ukoll li l-obbligu li tiġi stabbilita l-identità b’mod ċert, iddikjarat fis-sentenza tagħha Nru MIG 2011:11, tat‑12 ta’ Mejju 2011, japplika biss għall-applikazzjonijiet għal permess ta’ residenza mressqa minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għadhom ma humiex fit-territorju Svediż.

22      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Förvaltningsrätten i Malmö – Migrationsdomstolen (il-Qorti Amministrattiva sedenti f’Malmö, bħala qorti li tiddeċiedi kwistjonijiet dwar l-immigrazzjoni, l-Isvezja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      Id-dispożizzjonijiet tal-[KTFS], b’mod partikolari d dispożizzjonijiet relatati mar-riċerki sistematiċi fis-[SIS], u tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, b’mod partikolari l-obbligu stabbilit fih dwar id detenzjoni ta’ passaport validu, jipprekludu l-għoti ta’ permess ta’ residenza permezz ta’ talba mressqa fl-Isvezja, li la tkun ibbażata fuq raġunijiet ta’ protezzjoni u lanqas fuq raġunijiet umanitarji, sa fejn l-identità tal-persuna li tkun ressqet it-talba ma tkunx stabbilita b’mod ċar?

2)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva, l-istabbiliment tal-identità jista’ jkun suġġett għal eċċezzjonijiet skont il-leġiżlazzjoni jew il-ġurisprudenza nazzjonali?

3)      Fil-każ ta’ risposta negattiva għat-tieni domanda, liema eċċezzjonijiet jippermetti d-dritt tal-Unjoni, jekk ikun il-każ?”

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

23      Peress li ddeċidiet li tagħti deċiżjoni mingħajr ma tinżamm seduta, minħabba r-riskji sanitarji marbuta mal-pandemija tal-coronavirus, il-Qorti tal-Ġustizzja indirizzat lill-partijiet u lill-partijiet ikkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea diversi mistoqsijiet għal tweġibiet bil-miktub li ġew imwieġba minn A, mill-Uffiċċju għall-Migrazzjoni, mill-Gvern Svediż kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

24      Il-Gvern Svediż jeċċepixxi l-inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari minħabba, minn naħa, li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludix espożizzjoni suffiċjenti tal-kuntest fattwali u ġuridiku tal-kawża prinċipali li tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi b’mod utli għad-domandi magħmula lilha. Min-naħa l-oħra, ir-relazzjoni bejn l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba u r-realtà jew is-suġġett tal-kawża prinċipali ma tirriżultax minn din id-deċiżjoni, iktar u iktar peress li, f’din il-kawża, il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli tirrikjedi li l-applikant għal permess ta’ residenza jipproduċi l-prova ċerta tal-identità tiegħu, peress li l-kundizzjonijiet li fihom identità inċerta hija ammessa ma humiex issodisfatti. Fl-aħħar nett, id-deċiżjoni tar-rinviju lanqas ma turi b’mod ċar ir-rabta eżistenti bejn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li l-interpretazzjoni tagħhom hija mitluba u d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali, fejn għalhekk huwa diffiċli li tiġi identifikata r-rilevanza tad-domandi preliminari għas-soluzzjoni tagħha.

25      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn din tal-aħħar u l-qrati nazzjonali, stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li hija adita bil-kawża u li hija responsabbli għad-deċiżjoni ġudizzjarja li ser tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża prinċipali, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti l-ġudizzju tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, bħala regola, tagħti deċiżjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2019, A.K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 97, kif ukoll tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies, C‑502/19, EU:C:2019:1115, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      Minn dan jirriżulta li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest fattwali u ġuridiku li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha nnifisha, u li fir-rigward tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex id-dmir li tivverifika l-eżattezza, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut, mill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq talba mressqa minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Airbnb Ireland, C‑390/18, EU:C:2019:1112, punt 29, kif ukoll tal‑24 ta’ Ottubru 2018, XC et, C‑234/17, EU:C:2018:853, punt 16 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

27      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju esponiet ir-raġunijiet li għalihom hija tqis li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet, kemm tal-KTFS dwar ir-riċerki fis-SIS, kif ukoll tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen li jirrikjedu li kull ċittadin ta’ pajjiż terz ikollu fil-pussess tiegħu dokument tal-ivvjaġġar validu għat-tul kollu tar-residenza mitluba, hija neċessarja sabiex tiddeċiedi l-kawża li biha hija adita. Hija pprovdiet ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja punti ta’ fatt u ta’ liġi suffiċjenti sabiex din tirrispondi b’mod utli għad-domandi magħmula. Għalhekk, ma jidhirx li l-kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ma għandhom ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali jew li dawn jikkonċernaw problema ipotetika. Barra minn hekk, ir-rabta bejn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li l-interpretazzjoni tagħhom hija mitluba u d-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali, dwar ir-rekwiżiti tal-prova tal-identità tal-applikant għal permess ta’ residenza hija ċara fid-dawl tal-ġurisprudenza nazzjonali dwar dawn ir-rekwiżiti, indikata fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, li l-għan tagħha, imfakkar mill-qorti tar-rinviju nnifsu, huwa dak li jiġu ssodisfatti l-impenji li jirriżultaw mill-KTFS u mill-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

28      Minn dan jirriżulta li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

29      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet tal-KTFS, b’mod partikolari l-Artikolu 25(1) tagħha, u/jew tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tippermetti l-ħruġ, l-estensjoni jew it-tiġdid ta’ permess ta’ residenza għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja, mitluba mit-territorju ta’ dan l-Istat Membru minn ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun is-suġġett ta’ allert fis-SIS għall-finijiet ta’ rifjut ta’ dħul fiż-żona Schengen u li l-identità tiegħu ma setgħetx tiġi stabbilita permezz ta’ dokument tal-ivvjaġġar validu.

30      Fl-ewwel lok, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 25(1) tal-KTFS jipprevedi li l-Istat Membru li għandu l-intenzjoni joħroġ permess ta’ residenza għandu jwettaq tiftixa sistematika fis-SIS u, meta jkun hemm allert dwar l-applikant għall-finijiet ta’ rifjut ta’ dħul fiż-żona Schengen, dan l-Istat jista’ joħroġlu tali permess biss “għal raġunijet sostantivi biss, notevolment fuq raġunijet umanitarji jew minħabba impenji internazzjonali”, wara li jkun ikkonsulta lill-Istat Membru li joħroġ l-allert u jkun ħa inkunsiderazzjoni l-interessi tiegħu. Mit-tieni subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li, meta jinħareġ dan il-permess ta’ residenza, l-Istat Membru li joħroġ l-allert għandu jipproċedi għall-irtirar tal-allert fis-SIS, iżda madankollu jista’ jinkludi lill-applikant fil-lista nazzjonali ta’ allert tiegħu.

31      Għalhekk, dawn id-dispożizzjonijiet huma intiżi sabiex jipprevjenu s-sitwazzjonijiet li fihom ċittadin ta’ pajjiż terz jingħata permess ta’ residenza filwaqt li jkun is-suġġett ta’ allert fis-SIS għall-finijiet ta’ rifjut ta’ dħul fiż-żona Schengen (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2018, E, C‑240/17, EU:C:2018:8, punt 38).

32      Min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 25(1) tal-KTFS ma jiddeterminawx il-kundizzjonijiet legali li tali ċittadin għandu jissodisfa sabiex jidħol u jirrisjedi fiż-żona Schengen, inkluż l-istabbiliment tal-identità tiegħu.

33      Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 62 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni minn qabel previst fl-Artikolu 25(1) tal-KTFS ma għandux l-effett li jwassal għaċ-ċaħda sistematika tal-applikazzjoni għal permess ta’ residenza mressqa minn ċittadin ta’ pajjiż terz li kien is-suġġett ta’ allert fis-SIS għall-finijiet ta’ rifjut ta’ dħul fiż-żona Schengen. Fil-fatt, l-Istat Membru li fih dan iċ-ċittadin ikun ressaq tali applikazzjoni jżomm, wara li jkun ħa inkunsiderazzjoni l-interessi tal-Istat Membru li joħroġ l-allert, il-fakultà li joħroġ dan il-permess ta’ residenza lill-imsemmi ċittadin biss għal “raġunijiet serji”.

34      F’dan ir-rigward, għalkemm mill-formulazzjoni stess ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li din għandha l-intenzjoni li tillimita biss għal “raġunijiet sostantivi” r-raġunijiet li għalihom Stat Membru jista’ joħroġ permess ta’ residenza lil ċittadin ta’ pajjiż terz li kien is-suġġett ta’ allert fis-SIS għall-finijiet ta’ rifjut ta’ dħul fiż-żona Schengen, u li fost dawn jinsabu espliċitament ir-raġunijiet “umanitarji jew minħabba impenji internazzjonali”, madankollu minn din ma jirriżultax li dawn iż-żewġ raġunijiet huma limitattivi. Fil-fatt, peress li dawn il-motivi huma introdotti bl-avverbju “notevolment”, huma ma jistgħux ikunu ta’ natura eżawrjenti.

35      Kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 66 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-raġunijiet relatati mar-rispett tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat, b’mod partikolari d-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja u tad-drittijiet tat-tfal, kif stabbiliti fl-Artikoli 7 u 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li l-osservanza tiegħu huwa impost fuq l-Istati Membri meta jimplimentaw il-KTFS, li tagħmel parti sħiħa mid-dritt tal-Unjoni bis-saħħa tal-Protokoll Nru 19 dwar l-Acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas ta’ l-Unjoni Ewropea (ĠU 2010, C 83, p. 290), jistgħu jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “raġunijiet sostantivi” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

36      Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 25(1) tal-KTFS ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jċaħħad lill-Istati Membri mill-possibbiltà li joħorġu permess ta’ residenza għal raġunijiet marbuta mar-riunifikazzjoni tal-familja, għas-sempliċi raġuni li l-identità taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat ma tistax tiġi stabbilita b’mod ċert permezz ta’ dokument tal-ivvjaġġar validu.

37      Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 58 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 25(1) tal-KTFS għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika mhux biss għal applikazzjoni għall-ħruġ ta’ permess ta’ residenza iżda wkoll għal applikazzjoni għal estensjoni jew għal tiġdid ta’ tali permess, imressqa minn ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun diġà jinsab fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.

38      Għaldaqstant, l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha tikkonsulta s-SIS qabel l-estensjoni jew it-tiġdid ta’ permess ta’ residenza u, meta l-applikant ikun is-suġġett ta’ allert fiha għall-finijiet ta’ rifjut ta’ dħul fiż-żona Schengen, din l-awtorità għandha tikkonsulta lill-Istat Membru li joħroġ l-allert u tieħu inkunsiderazzjoni l-interessi tiegħu, peress li tali permess ta’ residenza jista’ jiġi estiż jew imġedded biss għal “raġunijiet sostantivi”, fis-sens tal-Artikolu 25(1) tal-KTFS, kif interpretat fil-punt 35 ta’ din is-sentenza.

39      Min-naħa tagħha, l-awtorità tal-Istat Membru li joħroġ l-allert huwa obbligat, konformement mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali ddikjarat fl-Artikolu 4(3) TUE, li jieħu pożizzjoni dwar il-ħruġ, l-estensjoni jew it-tiġdid tal-permess ta’ residenza taċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat f’terminu raġonevoli, adattat skont il-każ inkwistjoni, ta’ natura li jagħtih iż-żmien neċessarju sabiex jiġbor l-informazzjoni rilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2018, E, C‑240/17, EU:C:2018:8, punt 53).

40      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, għandu jitfakkar li l-Artikolu 6(1)(a) ta’ dan il-kodiċi jimponi fuq iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri, għal soġġorn fiż-żona Schengen “ta’ mhux aktar minn 90 jum fi kwalunkwe perijodu ta’ 180 jum”, li jkunu fil-pussess ta’ dokument tal-ivvjaġġar validu li jawtorizza lid-detentur tiegħu jaqsam il-fruntiera.

41      Minn dan jirriżulta li l-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen ma jirregolax is-sitwazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali, li diġà jkunu jinsabu fit-territorju ta’ Stat Membru fih jibbenefikaw minn permess ta’ residenza għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2009, Zurita García u Choque Cabrera, C‑261/08 u C‑348/08, EU:C:2009:648, punt 45).

42      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li:

–        l-Artikolu 25(1) tal-KTFS għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tippermetti l-ħruġ, l-estensjoni jew it-tiġdid ta’ permess ta’ residenza għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja, mitluba mit-territorju ta’ dan l-Istat Membru minn ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun is-suġġett ta’ allert fis-SIS għall-finijiet ta’ rifjut ta’ dħul fiż-żona Schengen u li l-identità tiegħu ma setgħetx tiġi stabbilita permezz ta’ dokument tal-ivvjaġġar validu, meta l-interessi ta’ dan l-Istat Membru li joħroġ l-allert, li jkun ġie kkonsultat minn qabel, ittieħdu inkunsiderazzjoni u l-permess ta’ residenza nħareġ, ġie estiż jew imġedded biss għal “raġunijiet sostantivi”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni;

–        il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, b’mod partikolari l-Artikolu 6(1)(a) tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax għal ċittadin ta’ pajjiż terz li jinsab f’tali sitwazzjoni.

 Fuq it-tieni u t-tielet domanda

43      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni u t-tielet domanda.

 Fuq l-ispejjeż

44      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 25(1) tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom, iffirmata f’Schengen fid19 ta’ Ġunju 1990 u li daħlet fis-seħħ fis26 ta’ Marzu 1995, kif emendata bir-Regolament (UE) Nru 265/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal25 ta’ Marzu 2010, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tippermetti l-ħruġ, l-estensjoni jew it-tiġdid ta’ permess ta’ residenza għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja, mitluba mit-territorju ta’ dan l-Istat Membru minn ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun is-suġġett ta’ allert fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen għall-finijiet ta’ rifjut ta’ dħul fiż-żona Schengen u li l-identità tiegħu ma setgħetx tiġi stabbilita permezz ta’ dokument tal-ivvjaġġar validu, meta l-interessi ta’ dan l-Istat Membru li joħroġ l-allert, li jkun ġie kkonsultat minn qabel, ittieħdu inkunsiderazzjoni u l-permess ta’ residenza nħareġ, ġie estiż jew imġedded biss għal “raġunijiet sostantivi”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Ir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) u, b’mod partikolari l-Artikolu 6(1)(a) tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax għal ċittadin ta’ pajjiż terz li jinsab f’tali sitwazzjoni.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Isvediż.