Language of document :

Rikors ippreżentat fit-12 ta' Lulju 2007 - Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-248/07)

Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Ċeka (rappreżentant: T. Boček, aġent)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni kollha kemm hi;

alternattivament, tannula d-deċiżjoni kkontestata safejn tikkonċerna r-Repubblika Ċeka;

tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas lura l-ammonti diġà mħallsa;

tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti titlob l-annulament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007) 1979 finali, ta' l-4 ta' Mejju 2007, dwar id-determinazzjoni ta' stokkijiet żejda ta' prodotti agrikoli barra z-zokkor u l-konsegwenzi finanzjarji ta' l-eliminazzjoni tagħhom fir-rigward ta' l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja, u s-Slovakkja1. Permezz ta' din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni stabbiliet il-kwantitajiet ta' laħam, ta' frott u ta' ross f'ċirkolazzjoni ħielsa fit-territorju tar-Repubblika Ċeka fid-data ta' l-adeżjoni li jeċċedi l-kwantitajiet li jistgħu jiġi kkunsidrati bħala livell normali fl-1 ta' Mejju 2004. Fl-istess ħin, hija talbet lir-rikorrenti tħallas ammont ta' EUR 12.287 miljuni sabiex tkopri l-ispejjeż ta' l-eliminazzjoni ta' dawn il-kwantitajiet.

In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni eċċediet is-setgħat tagħha, u b'hekk kisret il-paragrafu 4 tal-Kapitolu 4 ta' l-Anness IV ta' l-Att ta' l-Adeżjoni2, meta stabbiliet, fid-deċiżjoni kkontestata bbażata fuq din id-dispożizzjoni, l-ammont li l-Istati Membri ġodda għandhom iħallsu lill-baġit Komunitarju fir-rigward tal-kwantità totali ta' stokkijiet ta' prodotti agrikoli.

Barra minn dan, ir-rikorrenti ssostni li, anki jekk il-Kummissjoni kellha s-setgħa li tadotta d-deċiżjoni kkontestata abbażi tal-paragrafu 4 tal-Kapitolu 4 ta' l-Anness IV ta' l-Att ta' l-Adeżjoni, bl-adozzjoni ta' din id-deċiżjoni l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta' proporzonalità, peress li din il-miżura la kienet meħtieġa u lanqas adegwata fir-rigward ta' l-għan ta' l-obbligu li jiġu eliminati l-istokkijiet żejda.

Barra minn dan, ir-rikorrenti ssostni li l-konvenuta kisret il-paragrafu 2 tal-Kapitolu 4 ta' l-Anness IV ta' l-Att ta' l-Adeżjoni, moqri flimkien ma' l-Artikolu 10 KE, kif ukoll il-prinċipji ta' ċertezza legali u ta' aspettattivi leġittimi, billi naqset milli tiddefinixxi l-kunċett ta' livell ta' stokkijiet normali u billi adottat id-deċiżjoni kkontestata b'mod mhux trasparenti.

Ir-rikorrenti ssostni li l-konvenuta kisret il-paragrafu 2 tal-Kapitolu 4 ta' l-Anness IV ta' l-Att ta' l-Adeżjoni safejn id-deċiżjoni kkontestata ma ħaditx in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-konvenuta kisret il-paragrafu 4 tal-Kapitolu 4 ta' l-Anness IV ta' l-Att ta' l-Adezjoni safejn ma mmotivatx biżżejjed id-deċiżjoni tagħha.

____________

1 - ĠU L 138, 30 ta' Mejju 2007, p. 14.

2 - Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet ta' l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika ta' l-Estonja, ir-Repubblika ta' Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika ta' l-Ungerija, ir-Repubblika ta' Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja, u r-Repubblika tas-Slovakkja u l-aġġustamenti għat-Tratti li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU L 236, 23 ta' Settembru 2003, p. 33).