Language of document : ECLI:EU:C:2021:752

DIGRIET TAL-VIĊI PRESIDENTA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

20 ta’ Settembru 2021 (*)

“Proċeduri għal miżuri provviżorji – Artikolu 279 TFUE – Ambjent – Attivitajiet ta’ estrazzjoni tal-linjite f’minjiera miftuħa – Minjiera tal-linjite ta’ Turów (il-Polonja) – Nuqqas ta’ eżekuzzjoni – Bidla fiċ-ċirkustanzi – Assenza – Pagamenti ta’ penalità”

Fil-Kawża C‑121/21 R,

li għandha bħala suġġett talba għal miżuri provviżorji skont l-Artikolu 279 TFUE, imressqa fis‑7 ta’ Ġunju 2021,

Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek, J. Vláčil u L. Dvořáková, bħala aġenti,

rikorrenti,

sostnuta minn:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn K. Herrmann, M Van Hoof, G. Gattinara u M. Noll-Ehlers, bħala aġenti,

intervenjenti,

vs

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna, bħala aġent,

konvenuta,

IL-VIĊI PRESIDENTA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, P. Pikamäe,

tagħti l-preżenti

Digriet

1        Permezz tat-talba tagħha għal miżuri provviżorji, ir-Repubblika Ċeka titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja tħallas pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum fl-ammont ta’ EUR 5 miljuni lill-baġit tal-Unjoni Ewropea għal nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi tagħha taħt id-digriet tal-Viċi Presidenta tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑21 ta’ Mejju 2021, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Polonja (C‑121/21 R, iktar ’il quddiem id-“digriet tal‑21 ta’ Mejju 2021”, EU:C:2021:420).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 259 TFUE, ippreżentat mir-Repubblika Ċeka fis‑26 ta’ Frar 2021 u intiż li jiġi kkonstatat li r-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt:

–        l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2012, L 26, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 174, p. 44), kif emendata bid-Direttiva 2014/52/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ April 2014 (ĠU 2014, L 124, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva EEA), moqri flimkien mal-Artikolu 4(4) sa (6), mal-Artikolu 5(1) u (2), kif ukoll mal-Artikoli 6 sa 9 ta’ din id-direttiva, billi awtorizzat l-estensjoni tal-estrazzjoni tal-linjite għal perijodu ta’ sitt snin mingħajr ma wettqet evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent;

–        l-Artikolu 6(2) sa (7), l-Artikolu 7(5), l-Artikoli 8 u 9 kif ukoll l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva EEA, billi ppermettiet l-esklużjoni tal-pubbliku kkonċernat mill-proċedura ta’ għoti tal-kunsens għall-iżvilupp;

–        l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva EEA, billi ddikjarat id-deċiżjoni tad-Direttur Reġjonali għall-Protezzjoni tal-Ambjent ta’ Wrocław (il-Polonja), tal‑21 ta’ Jannar 2020, dwar il-kundizzjonijiet ambjentali għall-proġett ta’ tkomplija tal-operazzjoni tad-depożitu tal-linjite ta’ Turów (il-Polonja) sas-sena 2044 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni EEA”), immedjatament eżegwibbli;

–        l-Artikolu 4(1)(a)(ii) u (b)(ii) tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ta’ l-ilma (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 275, rettifika fil-ĠU 2019, L 260, p. 70), billi naqset milli tinkludi, fid-deċiżjoni EEA, proċedura eventwali fil-każ ta’ nuqqas ta’ għoti tal-eżenzjonijiet għall-korpi tal-ilma kkonċernati skont l-Artikolu 4(5) ta’ din id-direttiva;

–        l-Artikolu 6(2) sa (7), l-Artikolu 7(1), (2) u (5) u l-Artikolu 8 tad-Direttiva EEA, billi naqset milli tippermetti l-parteċipazzjoni tal-pubbliku kkonċernat u tar-Repubblika Ċeka fil-proċedura li wasslet għad-deċiżjoni tal-Ministru għall-Klima tar-Repubblika tal-Polonja, tal‑20 ta’ Marzu 2020, dwar l-emenda tal-kunsens għall-iżvilupp Nru 65/94 sabiex jiġi estratt il-linjite mid-depożitu ta’ Turów, li permezz tagħha l-kunsens għall-iżvilupp għall-estrazzjoni tal-linjite f’din il-minjiera ġie estiż b’sitt snin (iktar ’il quddiem il-“kunsens għall-iżvilupp għall-estrazzjoni tal-linjite sas-sena 2026”);

–        l-Artikolu 9(1) u (2) tad-Direttiva EEA, billi naqset milli tippubblika l-kunsens għall-iżvilupp għall-estrazzjoni tal-linjite sas-sena 2026 u billi naqset milli tikkomunikah lir-Repubblika Ċeka f’forma li tinftiehem;

–        l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva EEA, billi naqset milli tippermetti l-istħarriġ ġudizzjarju tal-kunsens għall-iżvilupp għall-estrazzjoni tal-linjite sas-sena 2026;

–        l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Diretiva tal-Kunill 90/313/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 375), billi naqset milli tippubblika l-kunsens għall-iżvilupp għall-estrazzjoni tal-linjite sas-sena 2026;

–        il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali previst fl-Artikolu 4(3) TUE, billi naqset milli tipprovdi informazzjoni kompleta fir-rigward tal-proċedura ta’ għoti tal-kunsens għall-iżvilupp għall-estrazzjoni tal-linjite sas-sena 2026;

–        l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva EEA, moqri flimkien mal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, billi naqset milli tieħu suffiċjentement inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni EEA fil-kunsens għall-iżvilupp għall-estrazzjoni tal-linjite sas-sena 2026, u

–        l-Artikolu 8a(1)(b) tad-Direttiva EEA, billi naqset milli tistabbilixxi b’mod suffiċjenti l-kundizzjonijiet ambjentali kollha fil-kunsens għall-iżvilupp għall-estrazzjoni tal-linjite sas-sena 2026.

3        Permezz tad-digriet tal‑21 ta’ Mejju 2021, il-Viċi Presidenta tal-Qorti tal-Ġustizzja ordnat lir-Repubblika tal-Polonja twaqqaf immedjatament l-attivitajiet ta’ estrazzjoni tal-linjite fil-minjiera ta’ Turów sakemm tingħata s-sentenza li ttemm il-Kawża C‑121/21.

4        Peress li r-Repubblika tal-Polonja ma kkonformatx ruħha mal-obbligi tagħha taħt dan id-digriet, ir-Repubblika Ċeka ressqet din it-talba għal miżuri provviżorji intiżi sabiex ir-Repubblika tal-Polonja tiġi kkundannata tħallas pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum ta’ EUR 5 miljuni lill-baġit tal-Unjoni għan-nuqqas tat-twettiq tal-obbligi tagħha.

5        F’osservazzjonijiet ippreżentati fid‑29 ta’ Ġunju 2021, ir-Repubblika tal-Polonja talbet li din it-talba tiġi miċħuda. Barra minn hekk, dan l-Istat Membru talab li din il-kawża tiġi eżaminata mill-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja u li l-partijiet jinstemgħu fl-osservazzjonijiet orali tagħhom fil-kuntest ta’ seduta.

6        Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum, ir-Repubblika tal-Polonja ressqet talba bbażata fuq l-Artikolu 163 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, intiża għat-tħassir tad-digriet tal‑21 ta’ Mejju 2021. Barra minn hekk, dan l-Istat Membru talab li din il-kawża tiġi eżaminata mill-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja u li l-partijiet jinstemgħu fl-osservazzjonijiet orali tagħhom fil-kuntest ta’ seduta.

 Fuq it-talba tar-Repubblika tal-Polonja intiża għat-tħassir tad-digriet tal21 ta’ Mejju 2021

 Fuq it-talba tar-Repubblika tal-Polonja li l-kawża tintbagħat quddiem l-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja u li jiġi organizzat smigħ tal-partijiet

7        Ir-Repubblika tal-Polonja tqis li, fid-dawl tan-natura sensittiva u tal-importanza estrema tal-interessi li jikkonċernaw l-ambjent, is-saħħa u l-ħajja tal-bniedem kif ukoll is-sigurtà ġenerali mhedda fil-każ taż-żamma tal-miżura provviżorja inkwistjoni fid-digriet tal‑21 ta’ Mejju 2021, it-talba intiża għat-tħassir ta’ dan id-digriet għandha tiġi eżaminata mill-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja.

8        Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Polonja tqis li l-kumplessità tal-kawża titlob li l-partijiet jinstemgħu sabiex tingħata deċiżjoni fuq din it-talba.

9        F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 161(1) tar-Regoli tal-Proċedura, moqri flimkien mal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2012/671/UE tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑23 ta’ Ottubru 2012 dwar il-funzjonijiet ġudizzjarji tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja (ĠU 2012, L 300, p. 47), il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu jiddeċiedi huwa stess fuq it-talbiet għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni jew għal miżuri provviżorji jew għandu jibgħat minnufih dawn it-talbiet lill-Qorti tal-Ġustizzja.

10      Għalhekk, b’applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu kompetenza ta’ attribuzzjoni sabiex tingħata deċiżjoni dwar kull talba għal miżuri provviżorji jew, meta jqis li ċirkustanzi partikolari jkunu jitolbu li din tintbagħat lil kulleġġ ġudikanti, jista’ jibgħat talba lill-Qorti tal-Ġustizzja.

11      Minn dan isegwi li huwa biss il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja li għandu jevalwa, każ b’każ, jekk it-talbiet għal miżuri provviżorji mressqa quddiemu jeħtiġux li dawn jintbagħtu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għall-finijiet tal-attribuzzjoni lil kulleġġ ġudikanti.

12      F’dan il-każ, it-talba tar-Repubblika tal-Polonja intiża għat-tħassir tad-digriet tal‑21 ta’ Mejju 2021 ma turi ebda element ta’ natura li jitlob l-attribuzzjoni tagħha lil kulleġġ ġudikanti, b’tali mod li ma hemmx lok li din it-talba tintbagħat lill-Qorti tal-Ġustizzja.

13      Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda t-talba għas-smigħ tal-partijiet, għandu jitfakkar li huwa biss l-Imħallef għal miżuri provviżorji li għandu l-kompetenza jevalwa r-rilevanza ta’ tali talba fir-rigward tas-suġġett tat-tilwima u tan-neċessità li tinkiseb kjarifika mill-partijiet sabiex tingħata deċiżjoni dwar l-imsemmija tilwima (ara, b’analoġija, id-digriet tat‑3 ta’ Marzu 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑791/19 R, mhux ippubblikat, EU:C:2020:147, punt 9 u l-ġurisprudenza ċċitata).

14      F’dan il-każ, peress li l-proċess jinkludi biżżejjed informazzjoni sabiex tingħata deċiżjoni, ma hemmx lok li jiġi organizzat smigħ tal-partijiet.

 Fuq il-mertu

 Argumenti

15      Insostenn tat-talba tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni, fl-ewwel lok, li l-analiżi mwettqa sabiex jiġi eżegwit id-digriet tal‑21 ta’ Mejju 2021 ippermettew li jiġi stabbilit li l-waqfien tal-attivitajiet ta’ estrazzjoni tal-linjite fil-minjiera ta’ Turów ser iwassal neċessarjament għall-waqfien permanenti tal-impjant tal-enerġija ta’ Turów. Skont dan l-Istat Membru, dan l-impjant ma jistax, fid-dawl tad-disinn teknoloġiku tiegħu, jerġa’ jibda jaħdem wara l-waqfien tal-unitajiet tal-enerġija kollha tiegħu. Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Polonja tindika li ostakoli teknoloġiċi u loġistiċi kif ukoll rekwiżiti ambjentali ma jippermettux li f’dan l-impjant jinħaraq il-linjite li joriġina minn minjieri miftuħa oħra. Tali ċirkustanzi ma ttiħdux inkunsiderazzjoni fid-digriet tal‑21 ta’ Mejju 2021.

16      Fit-tieni lok, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li s-sospensjoni tal-attivitajiet ta’ estrazzjoni tal-linjite fil-minjiera ta’ Turów tista’ twassal għal riskji għall-ambjent u għas-sigurtà, bħal ċedimenti tal-art, li jistgħu jikkawżaw id-distruzzjoni tas-sistema ta’ dranaġġ jew jikkawżaw ħsara lil din tal-aħħar jew lill-iskrin antifiltrazzjoni.

17      Fit-tielet lok, ir-Repubblika tal-Polonja tqis li huwa neċessarju li jitkomplew l-attivitajiet ta’ estrazzjoni tal-linjite għall-finijiet tat-tqegħid f’sigurtà tal-minjiera ta’ Turów. Ma huwiex possibbli li tiġi ggarantita l-istabbiltà tal-pendil u tal-artijiet kontra l-effetti negattivi dovuti għall-infiltrazzjoni tal-ilma tax-xita u tal-ilma ta’ taħt l-art, mingħajr ma jitkomplew dawn l-attivitajiet.

18      Fir-raba’ lok, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li t-tmiem tal-attivitajiet ta’ estrazzjoni tal-linjite fil-minjiera ta’ Turów ma jippermettix li jiġi evitat it-tnaqqis fil-livell tal-ilma ta’ taħt l-art fit-territorju Ċek. Skont dan l-Istat Membru, is-sospensjoni ta’ dawn l-attivitajiet matul it-tul tal-proċedura prinċipali ma tistax tikkontribwixxi għat-titjib tal-provvista tal-ilma fit-territorju Ċek.

19      Fil-ħames lok, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li s-sospensjoni tal-imsemmija attivitajiet tista’ twassal ukoll għal riskju reali għas-sigurtà tas-sistema elettro-enerġetika Pollakka u Ewropea. Ħsara li seħħet fis‑17 ta’ Mejju 2021 fl-impjant tal-enerġija ta’ Rogowiec (il-Polonja) uriet li s-sospensjoni ta’ dawn l-attivitajiet twassal għal riskju ikbar għas-sigurtà tan-netwerk tal-elettriku Pollakk.

20      Fis-sitt u fl-aħħar lok, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni, essenzjalment, li l-waqfien tal-attivitajiet ta’ estrazzjoni tal-linjite fil-minjiera ta’ Turów jista’ jwassal għal waqfien fid-distribuzzjoni ta’ tisħin u ta’ ilma tax-xorb fit-territorji ta’ Bogatynia (il-Polonja) u ta’ Zgorzelec (il-Polonja), li jhedded is-saħħa tal-abitanti ta’ dawn it-territorji.

 Kunsiderazzjonijiet

21      Qabelxejn, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 162(1) tar-Regoli tal-Proċedura, digriet għal miżuri provviżorji ma huwiex appellabbli.

22      Madankollu, skont l-Artikolu 163 ta’ dawn ir-regoli, fuq talba ta’ parti, digriet għal miżuri provviżorji jista’ f’kull ħin jiġi emendat jew irrevokat wara bidla fiċ-ċirkustanzi. Il-kunċett ta’ “bidla fiċ-ċirkustanzi” jirreferi b’mod partikolari għall-okkorrenza ta’ kull element ta’ natura fattwali jew legali li jista’ jqiegħed inkwistjoni l-evalwazzjonijiet tal-Imħallef għal miżuri provviżorji fir-rigward tal-kundizzjonijiet li għalihom l-għoti tas-sospensjoni jew tal-miżura provviżorja huwa suġġett.

23      Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk l-elementi invokati mir-Repubblika tal-Polonja insostenn tat-talba tagħha bbażata fuq l-Artikolu 163 tar-Regoli tal-Proċedura jikkostitwixxux “bidla fiċ-ċirkustanzi” fis-sens ta’ dan l-artikolu.

24      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li l-argumenti tar-Repubblika tal-Polonja esposti fil-punti 15 sa 19 ta’ dan id-digriet essenzjalment jikkostitwixxu biss repetizzjoni jew żvilupp ta’ argumenti mressqa minn dan l-Istat Membru fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu dwar it-talba għal miżuri provviżorji mressqa mir-Repubblika Ċeka fis‑26 ta’ Frar 2021. Konsegwentement, tali argumenti ma jistgħux jikkostitwixxu “bidla fiċ-ċirkustanzi”, fis-sens tal-Artikolu 163 tar-Regoli tal-Proċedura, u għandhom, konsegwentement, jiġu miċħuda.

25      Għal dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-argumenti tar-Repubblika tal-Polonja esposti fil-punt 20 ta’ dan id-digriet, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan l-Istat Membru ma jurix b’mod suffiċjenti li l-waqfien tal-estrazzjoni tal-linjite fil-minjiera ta’ Turów joħloq riskju reali ta’ waqfien ta’ provvista ta’ tisħin u ta’ ilma tax-xorb fit-territorji ta’ Bogatynia u ta’ Zgorzelec. Konsegwentement, tali dikjarazzjonijiet lanqas ma jistgħu jitqiesu bħala “bidla fiċ-ċirkustanzi”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 163, ta’ natura li tqiegħed inkwistjoni l-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fid-digriet tal‑21 ta’ Mejju 2021.

26      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li tiġi miċħuda t-talba tar-Repubblika tal-Polonja intiża għat-tħassir tad-digriet tal‑21 ta’ Mejju 2021.

 Fuq it-talba tar-Repubblika Ċeka intiża għall-ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità

 Fuq it-talba tar-Repubblika tal-Polonja li l-kawża tintbagħat quddiem l-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja u li jiġi organizzat smigħ tal-partijiet

27      Ir-Repubblika tal-Polonja tqis li, fid-dawl tal-miżuri provviżorji ordnati mid-digriet tal‑21 ta’ Mejju 2021, it-talba għal pagamenti ta’ penalità mressqa mir-Repubblika Ċeka għandha tiġi eżaminata mill-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li d-deċiżjoni li jiġu imposti pagamenti ta’ penalità fuq Stat Membru ma għandhiex tittieħed minn Imħallef uniku.

28      Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Polonja tqis li l-kumplessità tal-kawża titlob li l-partijiet jinstemgħu sabiex tingħata deċiżjoni fuq din it-talba.

29      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punti 9 sa 13 ta’ dan id-digriet, il-Viċi Presidenta tal-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tibgħat kawża lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex din tattribwixxiha lil kulleġġ ġudikanti.

30      F’dan il-każ, peress li t-talba għal pagamenti ta’ penalità mressqa mir-Repubblika Ċeka ma tinkludi ebda element ta’ natura li jitlob l-attribuzzjoni tagħha lil kulleġġ ġudikanti, ma hemmx lok li din tintbagħat lill-Qorti tal-Ġustizzja.

31      Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 13 ta’ dan id-digriet, l-Imħallef għal miżuri provviżorji jista’ jorganizza s-smigħ tal-partijiet meta jqis li dan huwa neċessarju sabiex jiddeċiedi dwar it-talba mressqa quddiemu.

32      F’dan il-każ, peress li l-proċess jinkludi elementi suffiċjenti sabiex tingħata deċiżjoni, ma hemmx lok li jiġi organizzat smigħ tal-partijiet.

 Fuq l-ammissibiltà

33      Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni, essenzjalment, li t-talba għal pagamenti ta’ penalità mressqa mir-Repubblika Ċeka hija inammissibbli peress li, fil-kuntest ta’ proċeduri għal miżuri provviżorji, hija biss il-Kummissjoni, bħala gwardjan tat-Trattati, li tista’ tressaq talba intiża għall-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità fuq Stat Membru.

34      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fis-sistema tar-rimedji ġudizzjarji stabbilita mit-Trattat, parti tista’ mhux biss titlob, skont l-Artikolu 278 TFUE, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-att ikkontestat fil-kawża fuq il-mertu, iżda tista’ tinvoka wkoll l-Artikolu 279 TFUE, sabiex titlob l-għoti ta’ miżuri provviżorji. Skont din l-aħħar dispożizzjoni, l-Imħallef għal miżuri provviżorji jista’ b’mod partikolari jindirizza, b’mod provviżorju, l-ordnijiet xierqa lill-parti l-oħra (digriet tal‑20 ta’ Novembru 2017, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑441/17 R, EU:C:2017:877, punt 96).

35      L-Artikolu 279 TFUE jagħti għaldaqstant lill-Qorti tal-Ġustizzja l-kompetenza tippreskrivi kwalunkwe miżura provviżorja li hija tqis neċessarja sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa tad-deċiżjoni definittiva (digriet tal‑20 ta’ Novembru 2017, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑441/17 R, EU:C:2017:877, punt 97).

36      B’mod partikolari, l-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu jkun jista’ jiżgura l-effettività ta’ ordni indirizzata lil parti skont l-Artikolu 279 TFUE, billi jadotta kull miżura intiża sabiex din il-parti tosserva d-digriet għal miżuri provviżorji. Miżura bħal din tista’ b’mod partikolari tikkonsisti fil-previżjoni tal-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità fil-każ fejn l-imsemmija ordni ma tkunx osservata mill-parti kkonċernata (digriet tal‑20 ta’ Novembru 2017, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑441/17 R, EU:C:2017:877, punt 100).

37      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li Stat Membru jista’ jinvoka l-Artikolu 279 TFUE sabiex jitlob l-għoti ta’ miżuri provviżorji, bħall-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità, kontra parti fil-każ tan-nuqqas ta’ osservanza minn din tal-aħħar ta’ ordni indirizzata lilha skont din id-dispożizzjoni.

38      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba tar-Repubblika Ċeka intiża għall-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità fuq ir-Repubblika tal-Polonja hija ammissibbli.

 Fuq il-mertu

 Argumenti

39      Ir-Repubblika Ċeka titlob li r-Repubblika tal-Polonja tiġi kkundannata tħallas pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum fl-ammont ta’ EUR 5 miljuni u li din is-somma titħallas lill-baġit tal-Unjoni.

40      Ir-Repubblika Ċeka tfakkar li, permezz tad-digriet tal‑21 ta’ Mejju 2021, il-Viċi Presidenta tal-Qorti tal-Ġustizzja ordnat lir-Repubblika tal-Polonja twaqqaf immedjatament, u sal-għoti tas-sentenza li ttemm il-kawża fil-mertu, l-attivitajiet ta’ estrazzjoni tal-linjite fil-minjiera ta’ Turów.

41      Skont ir-Repubblika Ċeka, dan l-obbligu jista’, bħala prinċipju, jiġi ssodisfatt b’mod immedjat, mhux iktar tard minn ftit jiem. Hija tqis ukoll li r-Repubblika tal-Polonja ma tista’ tinvoka ebda raġuni leġittima sabiex jiġi ġġustifikat in-nuqqas ta’ osservanza tiegħu sebat ijiem wara l-pubblikazzjoni tad-digriet tal‑21 ta’ Mejju 2021. Ir-Repubblika Ċeka tosserva li, mill‑21 ta’ Mejju 2021, il-kumpannija li topera l-minjiera ta’ Turów ippubblikat dikjarazzjoni li tindika li x-xogħol fil-minjieri ma kienx ser jiġi sospiż. Barra minn hekk, il-Prim Ministru tar-Repubblika tal-Polonja għamel dikjarazzjoni f’dan is-sens. Barra minn hekk, immaġnijiet tat‑30 ta’ Mejju 2021 kif ukoll kejl tal-livell tal-ħoss li sar fil‑31 ta’ Mejju u fl‑1 ta’ Ġunju 2021 juru li l-estrazzjoni tal-linjite fil-minjiera ta’ Turów għadha għaddejja.

42      F’dan il-kuntest, ir-Repubblika Ċeka tfakkar, l-ewwel, li d-digriet tal‑21 ta’ Mejju 2021 jimponi fuq ir-Repubblika tal-Polonja li twaqqaf biss l-estrazzjoni tal-linjite fil-minjiera ta’ Turów. Konsegwentement, xejn ma jwaqqaf lir-Repubblika tal-Polonja milli twettaq l-attivitajiet neċessarji għall-manutenzjoni tal-minjiera jew tat-tagħmir tagħha. It-tieni, ir-Repubblika Ċeka tenfasizza li ma ġiex stabbilit li l-waqfien immedjat tal-estrazzjoni tal-linjite mill-minjiera ta’ Turów iwassal ukoll għall-waqfien immedjat tal-operat tal-impjant tal-enerġija li jaħdem permezz tal-minjiera. Fi kwalunkwe każ, ir-Repubblika tal-Polonja għandha l-possibbiltà li tordna lill-impjanti tal-enerġija l-oħra li jinsabu fit-territorju tagħha li jżidu l-produzzjoni tal-elettriku tagħhom u li jibbenefikaw mill-kummerċ transkonfinali tal-elettriku. It-tielet, u fl-aħħar nett, skont ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Polonja ma tistax validament issostni li huwa neċessarju terminu supplimentari sabiex twettaq l-obbligi tagħha li jirriżultaw mid-digriet tal‑21 ta’ Mejju 2021, filwaqt li hija tirrifjuta mill-bidu li twettaq l-obbligi tagħha u li hija ma ħadet ebda miżura sabiex tikkonforma ruħha magħhom.

43      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Repubblika Ċeka tqis li l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità ta’ ammont adegwat jippermetti li tiġi ggarantita l-osservanza, mir-Repubblika tal-Polonja, tal-obbligi li jirriżultaw mid-digriet tal‑21 ta’ Mejju 2021.

44      Ir-Repubblika Ċeka ssostni li r-Repubblika tal-Polonja ma osservat, b’mod intenzjonali, l-ebda wieħed mill-obbligi tagħha taħt id-digriet tal‑21 ta’ Mejju 2021, lanqas parzjalment. Ir-Repubblika Ċeka tqis li l-ispejjeż finanzjarji kkawżati mill-waqfien tal-attivitajiet ta’ estrazzjoni fil-minjiera ta’ Turów jammontaw għal madwar EUR 3 biljuni. B’hekk, jekk dawn l-attivitajiet kellhom, abbażi tad-digriet tal‑21 ta’ Mejju 2021, jiġu sospiżi għal sena sħiħa, l-ispiża finanzjarja ta’ kuljum ta’ din is-sospensjoni tkun tammonta għal madwar EUR 8.2 miljuni. Din hija r-raġuni għalfejn ir-Repubblika Ċeka hija tal-opinjoni li għandhom jiġu imposti fuq ir-Repubblika tal-Polonja pagamenti ta’ penalità fl-ammont ta’ EUR 5 miljuni kuljum, li għandu jiġi allokat lill-baġit tal-Unjoni.

45      Ir-Repubblika tal-Polonja tosserva, fl-ewwel lok, li, wara l-għoti tad-digriet tal‑21 ta’ Mejju 2021, hija ħadet ċertu numru ta’ miżuri sabiex tiddetermina l-kundizzjonijiet oġġettivi li fihom dan id-digriet seta’ jiġi eżegwit. Madankollu, mill-konsultazzjonijiet u mill-istudji mwettqa sabiex jiġi eżegwit l-imsemmi digriet jirriżulta li l-waqfien f’daqqa tal-attivitajiet ta’ estrazzjoni tal-linjite fil-minjiera ta’ Turów jikkawża riskju għall-ħajja u għas-saħħa tal-bniedem kif ukoll għas-sigurtà pubblika u għall-ambjent.

46      Fit-tieni lok, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni, essenzjalment, li l-ammont tal-pagamenti ta’ penalità propost mir-Repubblika Ċeka, jiġifieri EUR 5 miljuni kuljum, huwa manifestament sproporzjonat fir-rigward taċ-ċirkustanzi tal-każ u ma huwiex konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam. Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li r-Repubblika Ċeka qiegħda twettaq abbuż ta’ dritt meta tipproponi tali ammont.

 Kunsiderazzjonijiet

47      Għandu jitfakkar li, permezz tad-digriet tal‑21 ta’ Mejju 2021, il-Viċi Presidenta tal-Qorti tal-Ġustizzja ordnat lir-Repubblika tal-Polonja twaqqaf immedjatament l-attivitajiet ta’ estrazzjoni tal-linjite fil-minjiera ta’ Turów sal-għoti tas-sentenza li ttemm il-Kawża C‑121/21.

48      Issa, mill-atti tal-proċess jirriżulta mingħajr ekwivoku li r-Repubblika tal-Polonja ma osservatx dan id-digriet.

49      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher għalhekk neċessarju li għandha tissaħħaħ l-effettività tal-miżuri provviżorji ordnati mid-digriet tal‑21 ta’ Mejju 2021, billi tiġi prevista l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità fuq ir-Repubblika tal-Polonja sabiex tiddiswadi lil dan l-Istat Membru milli jdewwem it-tqegħid f’konformità tal-aġir tiegħu ma’ dan id-digriet.

50      Fir-rigward tal-ammont ta’ dawn il-pagamenti ta’ penalità, għandu jiġi osservat li l-proposti fformulati mir-Repubblika Ċeka ma jistgħux jorbtu lill-Imħallef għal miżuri provviżorji, peress li dan tal-aħħar jibqa’ liberu li jiffissa l-pagamenti ta’ penalità imposti fl-ammont u taħt il-forma li huwa jqis xierqa sabiex iħeġġeġ lir-Repubblika tal-Polonja ttemm in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi tagħha taħt id-digriet tal‑21 ta’ Mejju 2021, peress li l-pagamenti ta’ penalità ffissati għandhom, minn naħa, jiġu adattati għaċ-ċirkustanzi u, min-naħa l-oħra, ikunu proporzjonati man-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat kif ukoll mal-kapaċità ta’ ħlas ta’ dan l-Istat Membru (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (Dħul minn proprjetà immobili barranija), C‑842/19, mhux ippubblikata, EU:C:2020:915, punti 63 u 64 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

51      Fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, u fid-dawl, b’mod partikolari, tal-fatt li d-digriet tal‑21 ta’ Mejju 2021 jirrigwarda miżuri provviżorji li l-osservanza tagħhom hija neċessarja sabiex jiġi evitat dannu gravi u irreparabbli għall-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem, hemm lok li r-Repubblika tal-Polonja tiġi ordnata tħallas lill-Kummissjoni pagamenti ta’ penalità fl-ammont ta’ EUR 500 000 kuljum, mid-data tal-komunikazzjoni ta’ dan id-digriet lir-Repubblika tal-Polonja u sakemm dan l-Istat Membru josserva d-digriet tal‑21 ta’ Mejju 2021.

Għal dawn il-motivi, il-Viċi Presidenta tal-Qorti tal-Ġustizzja tordna:

1)      It-talba intiża sabiex id-digriet tal-Viċi Presidenta tal-Qorti tal-Ġustizzja tal21 ta’ Mejju 2021, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Polonja (C121/21 R, EU:C:2021:420) jitħassar hija miċħuda.

2)      Ir-Repubblika tal-Polonja hija kkundannata tħallas lill-Kummissjoni pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 500 000 kuljum, mid-data tal-komunikazzjoni ta’ dan id-digriet lir-Repubblika tal-Polonja u sakemm dan l-Istat Membru josserva d-digriet tal-Viċi Presidenta tal-Qorti tal-Ġustizzja tal21 ta’ Mejju 2021, IrRepubblika Ċeka vs IlPolonja (C121/21 R, EU:C:2021:420).

3)      L-ispejjeż huma rriżervati.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.