Language of document : ECLI:EU:F:2015:154

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

16 ta’ Diċembru 2015

Kawża F‑118/14

Wolfgang Bärwinkel

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Riforma tar-Regolamenti tal-Persunal – Regoli tranżitorji dwar kollokazzjoni f’tipi ta’ pożizzjonijiet – Artikolu 30(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal – Kunċett ta’ att li jikkawża preġudizzju – Deċiżjoni li tirrikonoxxi l-eżerċizzju, minn ċerti uffiċjali, ta’ responsabbiltajiet speċjali – Nuqqas ta’ inklużjoni ta’ isem ir-rikorrenti fl-ewwel lista ta’ 34 uffiċjali ddikjarati li jeżerċitaw responsabbiltajiet speċjali – Rekwiżiti relatati mal-fażi prekontenzjuża – Assenza ta’ ilment fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal – Artikolu 81 tar-Regoli tal-Proċedura”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat abbażi tal-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA abbażi tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu W. Bärwinkel jitlob, essenzjalment, l-annullament tad-Deċiżjoni Nru 6/14 tas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, tal-1 ta’ Jannar 2014, dwar il-kollokazzjoni tal-uffiċjali fil-gradi AD 9 sa AD 14 li għandhom responsabbiltajiet speċjali fit-tipi ta’ pożizzjonijiet “Kap ta’ Unità jew ekwivalenti” jew “Konsulent jew ekwivalenti” qabel il-31 ta’ Diċembru 2015, u tad-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, tat-13 ta’ Jannar 2014, li tikkolloka 34 uffiċjal ta’ din l-istituzzjoni fit-tip ta’ pożizzjoni “Kap ta’ Unità jew ekwivalenti” b’applikazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 6/14.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud għaliex manifestament inammissibbli. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali – Att li jikkawża preġudizzju – Kunċett – Att ta’ portata ġenerali – Rikors ta’ uffiċjal kontra d-deċiżjoni ta’ istituzzjoni li timplementa l-Artikolu 30(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal – Inammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90, 91 u Anness XIII, Artikolu 30(3))

2.      Rikorsi tal-uffiċjali – Att li jikkawża preġudizzju – Kunċett – Rifjut ta’ inklużjoni fil-lista ta’ uffiċjali ddikjarati li jeżerċitaw responsabbiltajiet speċjali fi ħdan istituzzjoni – Nuqqas ta’ inklużjoni minħabba emenda tar-Regolamenti tal-Persunal li għandha l-effett li tillimita l-karrieri tal-amministraturi fil-grad AD12 – Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 45, 90(1), u Anness XIII, Artikolu 30(3))

3.      Rikorsi tal-uffiċjali – Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel – Termini – Deċiżjoni li tirrikonoxxi l-eżerċizzju, minn ċerti uffiċjali, ta’ responsabbiltajiet speċjali – Ilment ippreżentat kontra n-nuqqas ta’ inklużjoni ta’ isem il-persuna kkonċernata fil-lista ta’ uffiċjali ddikjarati li jeżerċitaw tali responsabbiltajiet – Inammissibbiltà

(Artikolu 336 TFUE; Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 45, 90, 91(1), u Anness XIII, Artikolu 30(2) sa (4))

1.      Peress li uffiċjal jew membru tal-persunal ma huwiex awtorizzat jaġixxi fl-interess tal-liġi jew tal-istituzzjonijiet u jista’ jinvoka biss, insostenn ta’ rikors, ilmenti li huma personali għalih, talbiet intiżi għall-annullament ta’ deċiżjoni tal-istituzzjoni li timplementa l-Artikolu 30(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, kif emendati bir-Regolament Nru 1023/2013, għandhom jiġu miċħuda għaliex manifestament inammissibbli, indipendentement mill-fatt li l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal ikkonċernat kellu l-intenzjoni jikkontesta din id-deċiżjoni fl-ilment tiegħu u mill-fatt li l-Awtorità tal-Ħatra ċaħdet l-imsemmi lment fuq il-mertu.

Fil-fatt, l-imsemmija deċiżjoni hija att ta’ portata ġenerali u ma tinkludix deċiżjoni definittiva tal-amministrazzjoni fir-rigward tas-sitwazzjoni individwali tal-persuna kkonċernata. Konsegwentement, din id-deċiżjoni ma hijiex deċiżjoni li taffetwaha direttament u individwalment.

(ara l-punti 40 u 41)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: digriet tat-8 ta’ Marzu 2007, Strack vs Il‑Kummissjoni, C‑237/06 P, EU:C:2007:156, punt 64

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenzi tal-21 ta’ Lulju 1998, Mellett vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, T‑66/96 u T‑221/97, EU:T:1998:187, punt 83, u tad-29 ta’ Novembru 2006, Agne‑Dapper et vs Il‑Kummissjoni et, T‑35/05, T‑61/05, T‑107/05, T‑108/05 u T‑139/05, EU:T:2006:365, punt 56

2.      Fir-rigward tad-deċiżjoni tal-amministrazzjoni li wħud mill-uffiċjali ta’ din l-istituzzjoni jiġu kkollokati f’tip ta’ pożizzjoni “Kap ta’ Unità jew ekwivalenti” introdotta bir-Regolament Nru 1023/2013, li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea, b’applikazzjoni ta’ deċiżjoni interna li timplementa l-Artikolu 30(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, kif emendati bl-imsemmi regolament, sa fejn il-lista ta’ uffiċjali li hija tistabbilixxi ma tinkludix l-isem ta’ uffiċjal fil-grad AD 13, l-imsemmija deċiżjoni ma tistax titqies li hija deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra li tirrifjuta li tatih il-benefiċċju tas-sistema derogatorja prevista fl-Artikolu 30(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda jew li hija deċiżjoni tal-imsemmija awtorità li affettwat l-aspettattivi ta’ karriera tal-imsemmi uffiċjal billi ċaħħditu mill-possibbiltà li jiġi promoss fil-grad AD 14 skont ir-Regolamenti tal-Persunal kif emendati.

Din il-konklużjoni hija kkonfermata, minn naħa, mill-fatt li, fil-każ ta’ att ta’ natura ġenerali intiż li jiġi implementat permezz ta’ sensila ta’ deċiżjonijiet individwali li jaffettwaw diversi uffiċjali ta’ istituzzjoni, il-fatt li din il-miżura ta’ natura ġenerali ma tiġix implementata fir-rigward ta’ każ speċifiku ma jistax jitqies li huwa deċiżjoni, anki impliċita, ta’ ċaħda ta’ talba kif previst fl-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.

Min-naħa l-oħra, fil-qasam ta’ promozzjonijiet, uffiċjal li ismu ma huwiex inkluż fil-lista annwali ta’ uffiċjali promossi jista’ jressaq ilment direttament kontra din il-lista għaliex, minħabba l-obbligu li l-Awtorità tal-Ħatra għandha li ta’ kull sena twettaq proċedura ta’ promozzjoni, in-nuqqas ta’ inklużjoni ta’ isem l-uffiċjal f’din il-lista unika jkun ifisser li din l-awtorità, li ta’ kull sena għandha twettaq eżami komparattiv tal-merti tal-uffiċjali kollha tagħha, irrifjutat li tippromwovi lill-persuna kkonċernata fil-kuntest tal-proċedura ta’ promozzjoni inkwistjoni, li jfisser li l-imsemmija awtorità tkun wettqet evalwazzjoni definittiva tas-sitwazzjoni tal-pesuna kkonċernata.

Madankollu, dan ma japplikax fil-każ tas-sistema derogatorja prevista fl-Artikolu 30(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal kif emendati li, wara kollox ma hijiex obligatorja u ma tirrikjedix eżami komparattiv tal-merti bħal dak imsemmi fl-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, l-ewwel nett, billi f’din id-dispożizzjoni uża l-kliem “jistgħu jiġu kollokati”, il-leġiżlatur tal-Unjoni ta’ lil kull Awtorità tal-Ħatra biss il-possibbiltà li jużaw jew ma jużawx din is-sistema derogatorja, filwaqt li llimita l-eżerċizzju ta’ din il-possibbiltà kemm ratione temporis, sa fejn id-deċiżjonijiet tal-Awtorità tal-Ħatra kellhom jittieħdu qabel il-31 ta’ Diċembru 2015, kif ukoll kwantitattivament, peress li kien biss numru ta’ uffiċjali li jikkorrispondi għal 5 % tan-numru ta’ uffiċjali fil-grupp ta’ funzjonijiet AD fis-servizz fil-31 ta’ Diċembru 2015, li setgħa jibbenefika minn din is-sistema.

It-tieni nett, fid-deċiżjoni interna ta’ implementazzjoni tal-Artikolu 30(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal kif emendati, l-użu tal-kliem “tista tidentifika”, “tista’ tikkolloka” u “f’kull mument bejn l-1 ta’ Jannar 2014 u l-31 ta’ Diċembru 2015” jindika b’mod ċar li f’din id-deċiżjoni l-Awtorità tal-Ħatra la kienet iddeċidiet li timponi fuqa nnifisha l-obbligu li tuża s-sistema derogatorja prevista fl-Artikolu 30(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda, u lanqas li tagħmel dan permezz ta’ deċiżjoni unika ta’ kollokament.

(ara l-punti 47 sa 51)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenza tas-16 ta’ Ottubru 1980, Hochstrass vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, 147/79, EU:C:1980:238, punt 3

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2006, Buendía Sierra vs Il‑Kummissjoni, T‑311/04, EU:T:2006:329, punt 108, u l-ġurisprudenza ċċitata

3.      Fir-rigward tas-sistema derogatorja fil-qasam ta’ promozzjoni ta’ amministraturi ta’ grad AD 12 jew iktar prevista fl-Artikolu 30(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, kif emendati bir-Regolament Nru 1023/2013, li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea modifiant le Regolamenti tal-Persunal, jekk uffiċjal kien jixtieq jikseb il-benefiċċju tal-imsemmija sistema, huwa ma kellux iressaq ilment kontra n-nuqqas ta’ inklużjoni ta’ ismu fil-lista ta’ uffiċjali benefiċjarji tal-imsemmija sistema u kkollokati fit-tip ta’ pożizzjoni “Kap ta’ Unità jew ekwivalenti”, iżda kellu jressaq talba abbażi tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal quddiem l-Awtorità tal-Ħatra. Talba li f’kull każ kellha titressaq qabel l-iskadenza tat-terminu previst minn din id-deċiżjoni, jiġifieri l-31 ta’ Diċembru 2015.

Fil-fatt, il-possibbiltà ta’ kollokament derogatorju previst fl-Artikolu 30(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal kif emendati setgħet tintuża biss sal-31 ta’ Diċembru 2015. Barra minn hekk, b’kuntrast mal-kollokament obbligatorju previst fl-Artikolu 30(2) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal kif emendati, din il-possibbiltà ta’ kollokament derogatorju ma hijiex marbuta mal-impjiegi u l-funzjonijiet tal-uffiċjali kif okkupati u eżerċitati fil-31 ta’ Diċembru 2015, iżda hija, bil-kontra ta’ dan, marbuta mar-responsabbiltajiet, li għandhom ikunu “speċjali”, kif eżerċitati fid-data ta’ meta l-Awtorità tal-Ħatra tuża din il-possibbiltà, fejn huwa enfasizzat li, skont l-Artikolu 30(4) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal kif emendati, fil-każ ta’ bdil tal-funzjonijiet li jkun jikkorrispondi għal tip ieħor ta’ pożizzjoni, dan il-kollokament fakultattiv ma jibqax validu.

(ara l-punti 55 u 56)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: digriet tas-16 ta’ Lulju 2015, FG vs Il‑Kummissjoni, F‑20/15, EU:F:2015:93, punti 31 u 66