Language of document : ECLI:EU:T:2020:97

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

12 ta’ Marzu 2020 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Għajnuna mogħtija minn Spanja lil ċerti klabbs tal-futbol professjonali – Garanzija – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern – Benefiċjarju indirett – Imputabbiltà lill-Istat – Vantaġġ – Kriterju ta’ investitur privat”

Fil-Kawża T‑901/16,

Elche Club de Fútbol, SAD, stabbilita f’Elche (Spanja), irrappreżentata minn M. Segura Catalán, M. Clayton u J. Morant Vidal, avukati,

rikorrenti,

sostnuta minn

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn M. García-Valdecasas Dorrego, bħala aġent,

intervenjent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Luengo, B. Stromsky u P. Němečková, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/365 tal‑4 ta’ Lulju 2016 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.36387 (2013/C) (ex 2013/NN) (ex 2013/CP) implimentata minn Spanja għal Valencia Club de Fútbol Sociedad Anónima Deportiva, Hércules Club de Fútbol Sociedad Anónima Deportiva u Elche Club de Fútbol Sociedad Anónima Deportiva (ĠU 2017, L 55, p. 12),

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn H. Kanninen (Relatur), President, J. Schwarcz u C. Iliopoulos, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal‑15 ta’ Jannar 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Elche Club de Fútbol, SAD, hija klabb tal-futbol professjonali li għandha s-sede tagħha f’Elche, fil-provinċja ta’ Alicante (il-komunità ta’ Valencia, Spanja).

2        Il-Fundación Elche Club de Fútbol (iktar ’il quddiem il-“Fundación Elche”) hija organizzazzjoni mingħajr skop ta’ lukru li l-għan soċjali tagħha huwa li tippromwovi u li twettaq attivitajiet marbuta mal-isport. Il-parti l-kbira tal-membri tal-kunsill ta’ amministrazzjoni tar-rikorrenti kienu wkoll membri tal-kumitat ta’ tmexxija tal-Fundación Elche.

3        Fis‑17 ta’ Frar 2011, l-Instituto Valenciano de Finanzas (iktar ’il quddiem l-“IVF”), l-istituzzjoni finanzjarja tal-Generalitat Valenciana (il-Komunità Awtonoma ta’ Valencia, Spanja), tat garanzija lill-Fundación Elche għal żewġ kuntratti ta’ self bankarji għal total ta’ EUR 14-il miljun mogħti mill-Caja de Ahorros del Mediterráneo, għall-ammont ta’ EUR 9 miljun, u minn Banco de Valencia, għall-ammont ta’ EUR 5 miljun, sabiex jiġu akkwistati ċerti azzjonijiet maħruġa mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ żieda fil-kapital li ġiet deċiża minn din tal-aħħar. Fil-mument tal-ħruġ ta’ din iż-żieda fil-kapital, il-Fundación Elche kellha 63.45 % tal-azzjonijiet tar-rikorrenti.

4        Il-garanzija kienet tkopri 100 % tas-somma kapitali ewlenija tas-self, flimkien mal-interessi u mal-ispejjeż tat-tranżazzjoni ggarantita. Bħala korrispettiv, il-Fundación Elche kellha tħallas kummissjoni annwali ta’ garanzija ta’ 1 % lill-IVF. Barra minn hekk, l-IVF kienet tirċievi b’rahan, bħala kontrogaranzija, l-azzjonijiet tar-rikorrenti akkwistati mill-Fundación Hércules. Il-perijodu tas-self sottostanti kien ta’ ħames snin. Ir-rata tal-interessi tas-self sottostanti kienet il-“Euro Interbank Offered Rate” (Euribor) għal sena, miżjuda b’marġni ta’ 3.5 %. Barra minn hekk, kienet tapplika wkoll kummissjoni tal-ftuħ ta’ 0.5 %. Ir-rimbors tas-self iggarantit (kapitali u interessi) kien previst u kellu jsir permezz tal-bejgħ tal-azzjonijiet tar-rikorrenti akkwistati mill-Fundación Elche.

5        Wara li ġiet informata bl-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat preżunta, mogħtija mill-Komunità Awtonoma ta’ Valencia fil-forma ta’ garanziji ta’ self bankarju favur il-Valencia Club de Fútbol, SAD, il-Hércules Club de Fútbol, SAD u r-rikorrenti, il-Kummissjoni Ewropea, fit‑8 ta’ April 2013, stiednet lir-Renju ta’ Spanja sabiex jagħmel osservazzjonijiet dwar din l-informazzjoni. Dan tal-aħħar weġibha fis‑27 ta’ Mejju u fit‑3 ta’ Ġunju 2013.

6        Permezz ta’ ittra tat‑18 ta’ Diċembru 2013, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Renju ta’ Spanja bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE. Permezz ta’ ittra tal‑10 ta’ Frar 2014, ir-Renju ta’ Spanja ppreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar id-deċiżjoni ta’ ftuħ.

7        Matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni rċeviet l-osservazzjonijiet u l-informazzjoni tar-Renju ta’ Spanja, tal-IVF, tal-Liga Nacional de Fútbol Profesional, tal-Valencia Club de Fútbol u tal-Fundaciόn Valencia.

8        Permezz tad-deċiżjoni tagħha, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/365 tal‑4 ta’ Lulju 2016 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.36387 (2013/C) (ex 2013/NN) (ex 2013/CP) implimentata minn Spanja għal Valencia Club de Fútbol Sociedad Anónima Deportiva, Hércules Club de Fútbol Sociedad Anónima Deportiva u Elche Club de Fútbol Sociedad Anónima Deportiva (ĠU 2017, L 55, p. 12, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni kkonstatat li l-garanzija pubblika mogħtija mill-IVF fis‑17 ta’ Frar 2011 sabiex tkopri ż-żewġ kuntratti ta’ self bankarju mogħtija lill-Fundación Elche għas-sottoskrizzjoni tal-azzjonijiet tar-rikorrenti, fil-kuntest tat-tranżazzjoni ta’ żieda fil-kapital deċiża minn din tal-aħħar (iktar ’il quddiem il-“miżura inkwistjoni” jew il-“garanzija kontenzjuża”), kienet tikkostitwixxi għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq intern, għall-ammont ta’ EUR 3 688 000 (Artikolu 1). Konsegwentement, il-Kummissjoni ordnat lir-Renju ta’ Spanja jirkupra l-imsemmija għajnuna mingħand ir-rikorrenti (Artikolu 2), liema rkupru kellu jsir b’mod “immedjat u effettiv” (Artikolu 3).

9        Fid-deċiżjoni kkontestata, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni qieset li l-miżura inkwistjoni, mogħtija mill-IVF, kienet timmobilizza riżorsi statali u kienet imputabbli lir-Renju ta’ Spanja. Fit-tieni lok, il-Kummissjoni qieset li l-benefiċjarju tal-għajnuna kien ir-rikorrenti u mhux il-Fundación Elche, li aġixxiet bħala vettura finanzjarja, fid-dawl b’mod partikolari tal-għan tal-miżura li kien li jiġi ffaċilitat il-finanzjament taż-żieda fil-kapital tar-rikorrenti. Issa, is-sitwazzjoni finanzjarja tar-rikorrenti fil-mument tal-għoti tal-miżura kienet dik ta’ impriża f’diffikultà fis-sens tal-paragrafu 10(a) kif ukoll tal-paragrafu 11 tal-Linji Gwida Komunitarji dwar l-Għajnuna mill-Istat għas-Salvataġġ u r-Ristrutturazzjoni ta’ Impriżi f’Diffikultà (ĠU 2004, C 244, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturazzjoni”). Fir-rigward tal-kriterji ddefiniti fl-avviż tagħha, l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli [107] u [108 TFUE] għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanziji (ĠU 2008, C 155, p. 10, iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar il-garanziji”), u fid-dawl tas-sitwazzjoni finanzjarja tar-rikorrenti kif ukoll tal-kundizzjonijiet tal-garanzija pubblika li bbenefikat minnha, il-Kummissjoni kkonkludiet favur l-eżistenza ta’ vantaġġ indebitu, li seta’ joħloq jew jhedded li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni u jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkwantifikat, fid-deċiżjoni kkontestata, l-element ta’ għajnuna allegatament mogħtija lir-rikorrenti billi bbażat ruħha fuq ir-rata ta’ referenza applikabbli b’mod konformi mal-komunikazzjoni tagħha, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-metodu li jistabbilixxi r-rati ta’ referenza u ta’ skont (ĠU 2008, C 14, p. 6, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar ir-rati ta’ referenza”), fl-assenza ta’ paragun sinjifikattiv abbażi ta’ tranżazzjonijiet simili mwettqa fis-suq. Fl-okkażjoni tal-kwantifikazzjoni tal-għajnuna kontenzjuża, il-Kummissjoni qieset li l-valur tal-azzjonijiet tar-rikorrenti mogħtija b’rahan lill-IVF, bħala kontrogaranzija, kien kważi null. Fl-aħħar, il-Kummissjoni  qieset, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-garanzija kontenzjuża ma kinitx kompatibbli mas-suq intern, b’mod partikolari fid-dawl tal-prinċipji u tal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Linji Gwida dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturazzjoni.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

10      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑21 ta’ Diċembru 2016, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

11      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑21 ta’ Frar 2017, ir-rikorrenti ressqet talba għal miżuri provviżorji sabiex tikseb is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-Artikoli 2 sa 4 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn dawn jordnaw l-irkupru mingħandha tal-għajnuna li allegatament kienet ġiet mogħtija lilha.

12      Il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑17 ta’ Marzu 2017.

13      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ April 2017, il-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali aċċetta li r-Renju ta’ Spanja jintervjeni insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti.

14      Ir-rikorrenti ppreżentat ir-replika fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑8 ta’ Mejju 2017.

15      Il-Kummissjoni ppreżentat il-kontroreplika fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑20 ta’ Ġunju 2017.

16      Ir-Renju ta’ Spanja ppreżenta n-nota ta’ intervent fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑6 ta’ Lulju 2017.

17      Il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq in-nota ta’ intervent fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑27 ta’ Lulju 2017.

18      Ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar in-nota ta’ intervent fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑21 ta’ Settembru 2017.

19      Permezz ta’ ittra tat‑13 ta’ Ottubru 2017, ir-rikorrenti indikat li hija kienet tixtieq tinstema’ waqt is-seduta.

20      Permezz ta’ digriet tal‑15 ta’ Mejju 2018, Elche Club de Fútbol vs Il‑Kummissjoni (T‑901/16 R, mhux ippubblikat, EU:T:2018:268), il-President tal-Qorti Ġenerali ordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-irkupru tal-għajnuna mingħand ir-rikorrenti u rriżerva l-ispejjeż.

21      Permezz ta’ ittri tar-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tat‑30 ta’ Ottubru 2018, il-Qorti Ġenerali għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet kollha, abbażi ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, li għalihom irċeviet tweġibiet fl‑20 u fil‑21 ta’ Novembru 2018.

22      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tikkonċernaha;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

23      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

24      Ir-Renju ta’ Spanja jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrenti;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

 Id-dritt

25      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi bbażati:

–        l-ewwel wieħed, fuq żball ta’ evalwazzjoni u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni fl-identifikazzjoni tal-għajnuna u tal-benefiċjarju;

–        it-tieni wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 107 TFUE u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, maqsum f’ħames partijiet ibbażati fuq l-assenza ta’ ssodisfar tal-kundizzjonijiet li jikkonċernaw l-imputabbiltà lill-Istat, l-eżistenza ta’ vantaġġ, in-natura selettiva tal-imsemmi vantaġġ, l-eżistenza ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u ta’ effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri;

–        it-tielet wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 107 TFUE fil-kwantifikazzjoni tal-għajnuna u tal-ammont li għandu jiġi rkuprat;

–        ir-raba’ wieħed, sussidjarjament, fuq ksur tal-Artikolu 107 TFUE fl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni fl-identifikazzjoni tal-għajnuna u tal-benefiċjarju

26      Ir-rikorrenti, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja, issostni li l-Kummissjoni la mmotivat, u lanqas iġġustifikat suffiċjentement skont il-liġi l-konstatazzjoni li hija kienet il-benefiċjarja tal-għajnuna kontenzjuża.

27      Preliminarjament, ir-rikorrenti tirrileva li l-Kummissjoni ma esponietx, fid-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet għalfejn kienu tneħħew id-dubji tagħha dwar il-kwalità ta’ benefiċjarja tal-Fundación Elche, espressi fid-deċiżjoni tagħha ta’ ftuħ tal-proċedura formali.

28      Sussegwentement, ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni, fin-nuqqas tagħha li tistabbilixxi rabta ġuridika bejn is-self mogħti lill-Fundación Elche u ggarantit mill-IVF, minn naħa, u l-akkwist tal-azzjonijiet tagħha mill-Fundación Elche, min-naħa l-oħra, kellha teżamina ż-żewġ tranżazzjonijiet separatament, fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi u distinti tagħhom. F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi dedott mid-deskrizzjoni tal-għan tal-finanzjament ikkuntrattat mill-Fundación Elche li s-self mogħti lilha u l-akkwist tagħha tal-azzjonijiet tar-rikorrenti jikkostitwixxu tranżazzjoni legali waħda. Ir-Renju ta’ Spanja jżid li dawn l-elementi ma jurux li l-Fundación Elche ppruvat ittejjeb is-sitwazzjoni finanzjarja tar-rikorrenti. Il-Kummissjoni kellha teżamina b’mod partikolari jekk l-akkwist, mill-Fundación Elche tal-azzjonijiet tar-rikorrenti kienx jikkostitwixxi tranżazzjoni li ma kinitx nieqsa minn kull perspettiva ta’ profittabbiltà.

29      Issa, sa fejn dawn huma żewġ tranżazzjonijiet distinti, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kellha, sabiex tkun tista’ żżomm il-benefiċċju ta’ għajnuna għaliha, tistabbilixxi li l-għajnuna kienet ġiet ittrasferita lilha meta l-Fundación Elche xtrat l-azzjonijiet tagħha – ħaġa li l-Kummissjoni la analizzat u lanqas spjegat.

30      Barra minn hekk, billi qieset li r-rikorrenti kienet il-benefiċjarja ta’ għajnuna, il-Kummissjoni kellha, skont l-istess loġika, tqis li l-kredituri tar-rikorrenti kienu, fl-aħħar mill-aħħar, ukoll benefiċjarji tal-għajnuna. Ir-rikorrenti żżid, fir-replika, li l-Kummissjoni kellha tanalizza wkoll jekk il-banek li sellfu kinux ibbenefikaw ukoll minn għajnuna.

31      Barra minn hekk, il-Kummissjoni naqset milli tistabbilixxi li r-rikorrenti u l-Fundación Elche kienu jikkostitwixxu benefiċjarju wieħed u lanqas osservat, fuq dan il-punt, id-dmir ta’ motivazzjoni tagħha. F’dan ir-rigward, il-kunċett ta’ unità ekonomika li fuqu jidher li hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata ma japplikax għar-relazzjonijiet bejn ir-rikorrenti u l-Fundación Elche, li huma entitajiet distinti b’għanijiet soċjali differenti, peress li barra minn hekk il-Fundación Elche ma teżerċitax attivitajiet ekonomiċi.

32      Il-kriterji msemmija fil-premessa 63 tad-deċiżjoni kkontestata sabiex jiġi kkunsidrat li entità, li għandha sehem ta’ kontroll f’impriża, tipparteċipa fl-attività ekonomika ta’ din tal-aħħar ma humiex issodisfatti. Għalhekk, il-Fundación Elche ma kinitx tikkontrolla lir-rikorrenti, peress li l-għan tagħha fuq medda qasira ta’ żmien kien li terġa’ tbigħ l-azzjonijiet tagħha sabiex tirrimborsa s-self  u hija ma kellhiex, fi kwalunkwe każ, azzjonijiet tar-rikorrenti fid-data tal-għoti tal-garanzija kontenzjuża. Hija lanqas kienet taħtar il-membri tal-kunsill ta’ amministrazzjoni tar-rikorrenti, li, għall-kuntrarju, kien jiddeċiedi b’mod konġunt mal-Fundación Elche dwar il-kompożizzjoni tal-kumitat ta’ tmexxija ta’ din tal-aħħar. Fl-aħħar nett, il-Fundación Elche ma kinitx “tamministra”, kif issostni l-Kummissjoni, is-self li kien ipprovda l-kapital lir-rikorrenti, peress li hija kienet qiegħda taġixxi bħala persuna li tissellef u hija l-unika li għandha relazzjoni legali mal-IVF, fil-kuntest tal-garanzija mogħtija lilha waħedha u li minnha r-rikorrenti ma kinitx tibbenefika. Din il-garanzija kienet b’mod partikolari, suġġetta għal rahan, favur l-IVF, tal-azzjonijiet tar-rikorrenti, peress li l-IVF kienet awtorizzata tagħti u effettivament tat indikazzjonijiet lill-Fundación Elche fir-rigward tal-eżerċizzju tad-drittijiet tagħha fuq ir-rikorrenti, sabiex tippreżerva l-interessi patrimonjali tal-IVF. Il-konsegwenzi kontenzjużi, marbuta man-nuqqas ta’ ħlas parzjali tal-Fundación Elche tas-self ikkuntrattat, kienu jikkonċernaw direttament biss lill-Fundación Elche, bl-esklużjoni tar-rikorrenti. Għalhekk, fl-assenza ta’ elementi oħra, ma kien jeżisti l-ebda ftehim finanzjarju, fis-sens tal-kriterji msemmija fil-premessa 63 tad-deċiżjoni kkontestata, bejn ir-rikorrenti u l-Fundación Elche.

33      Fl-aħħar nett, is-sentenza tal‑10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et (C‑222/04, EU:C:2006:8), li għaliha tirreferi l-premessa 63 tad-deċiżjoni kkontestata, ma għandha l-ebda rabta ma’ dan il-każ, peress li ma kienx meħtieġ li jiġi stabbilit jekk il-Fundación Elche kinitx impriża – li, barra minn hekk, hija kienet billi teżerċita attività ekonomika li tikkonsisti fix-xiri ta’ azzjonijiet – u peress li l-Fundación Elche ma kinitx tikkontrolla lir-rikorrenti.

34      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

35      Għandu jiġi rrilevat qabel kollox li l-partijiet jaqblu fuq il-fatt li l-miżura inkwistjoni li hija s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata hija l-garanzija mogħtija mill-IVF fis‑17 ta’ Frar 2011 għaż-żewġ kuntratti ta’ self konklużi mill-Fundación Elche. Madankollu, dawn ma jaqblux fuq l-identità tal-benefiċjarju effettiv tal-imsemmija miżura.

36      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 107 TFUE jipprojbixxi l-għajnuna mogħtija mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat taħt kwalunkwe forma, mingħajr ma jagħmel distinzjoni skont jekk il-vantaġġi relatati mal-għajnuna jingħatawx b’mod dirett jew indirett (sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2009, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, T‑424/05, mhux ippubblikata, EU:T:2009:49, punt 108). Għalhekk, il-Kummissjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-assenjazzjoni li tkun ġiet deċiża, jekk ikun il-każ, fil-mument tal-għoti tal-miżura sabiex tiddetermina l-benefiċjarju ta’ għajnuna. F’każ bħal dan, huwa possibbli b’mod partikolari li l-benefiċjarju ma jkunx il-persuna li tkun ikkuntrattat is-self iggarantit (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2003, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑457/00, EU:C:2003:387, punti 56 u 57). Fl-aħħar nett, sabiex jiġi ddeterminat il-benefiċjarju ta’ għajnuna mill-Istat, għandhom jiġu identifikati l-impriżi li effettivament gawdew minnha (sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2003, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑457/00, EU:C:2003:387, punt 55).

37      F’dan il-każ, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessi 11 u 68 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-għan tal-garanzija mogħtija mill-IVF, kif jirriżulta mit-termini stess tal-kuntratt ta’ garanzija tas‑17 ta’ Frar 2011, kien li jiġu ggarantiti żewġ kuntratti ta’ self lill-Fundación Elche intiżi biss għall-finanzjament taż-żieda fil-kapital tar-rikorrenti. F’dan ir-rigward, la r-rikorrenti u lanqas ir-Renju ta’ Spanja ma jikkontestaw li l-garanzija mogħtija mill-IVF kienet tapplika biss jekk is-self iggarantit kien użat għall-finijiet imsemmija fil-kuntratt ta’ garanzija, jiġifieri s-sehem fiż-żieda fil-kapital tar-rikorrenti.

38      Barra minn hekk, huwa stabbilit li s-somom miksuba permezz tas-self iggarantit ġew effettivament assenjati għar-rikapitalizzazzjoni tar-rikorrenti.

39      Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ġustament qieset li r-rikorrenti kienet il-benefiċjarja tal-miżura inkwistjoni.

40      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argumenti l-oħra tar-rikorrenti u tar-Renju ta’ Spanja.

41      Fl-ewwel lok, huwa irrilevanti l-fatt li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx, barra minn hekk, li l-Fundación Elche kienet benefiċjarja ta’ għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, peress li l-Artikolu 107(1) TFUE jipprojbixxi l-għajnuna mogħtija mill-Istati jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, taħt kwalunkwe forma, ma huwiex neċessarju, sabiex tintlaħaq il-konklużjoni li l-garanzija kontenzjuża tibbenefika lil persuna oħra li ma tkunx il-persuna li tissellef li ngħatat il-garanzija, li jiġi kkonstatat minn qabel li l-intervent jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fir-rigward tal-persuna li tissellef (sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2003, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑457/00, EU:C:2003:387, punt 57).

42      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-iżball li allegatament wettqet il-Kummissjoni meta naqset milli tidentifika benefiċjarji oħra tal-miżura inkwistjoni, fost il-banek li jsellfu u l-kredituri tar-rikorrenti, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tipproduċi l-ebda prova li ssostni l-eżistenza ta’ diversi benefiċjarji tal-għajnuna. Fi kwalunkwe każ, l-argument tar-rikorrenti huwa ineffettiv, peress li l-fatt, anki jekk jitqies bħala pprovat, li persuni oħra bbenefikaw ukoll mill-miżura inkwistjoni huwa irrilevanti, bħala tali, fuq il-konstatazzjoni li hija wkoll ibbenefikat mill-miżura inkwistjoni.

43      Fit-tielet lok, l-argument tar-rikorrenti dwar ir-riferiment, fid-deċiżjoni kkontestata, għas-sentenza tal‑10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et (C‑222/04, EU:C:2006:8), u dwar l-applikazzjoni tal-kriterji stabbiliti fiha, għandu wkoll jiġi miċħud bħala ineffettiv sa fejn dan huwa intiż kontra motiv tad-deċiżjoni kkontestata li għandu jitqies bħala superfluwu, peress li l-motiv riprodott fil-punt 37 iktar ’il fuq huwa biżżejjed sabiex fuqu tiġi bbażata l-konstatazzjoni li r-rikorrenti kienet benefiċjarja tal-miżura inkwistjoni.

44      Għaldaqstant, l-ewwel motiv, sa fejn huwa intiż kontra l-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, għandu jiġi miċħud.

45      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata hija suffiċjentement motivata fir-rigward tal-kwistjoni tad-determinazzjoni tal-benefiċjarju tal-għajnuna. Mill-eżami tad-diversi lmenti mqajma mir-rikorrenti jirriżulta b’mod partikolari li d-deċiżjoni kkontestata ppermettitilha ssir taf il-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda f’dan ir-rigward u ppermettiet lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha. Għaldaqstant, l-ewwel motiv, sa fejn huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 296 TFUE, għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107 TFUE u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

46      Dan il-motiv huwa maqsum f’ħames partijiet ibbażati fuq l-assenza ta’ ssodisfar tal-kundizzjonijiet li jikkonċernaw l-imputabbiltà lill-Istat tal-miżura inkwistjoni, l-eżistenza ta’ vantaġġ, in-natura selettiva tal-imsemmi vantaġġ, l-eżistenza ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-eżistenza ta’ effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 107 TFUE u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni fl-imputazzjoni tal-miżura inkwistjoni lill-Istat

47      Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat li l-miżura adottata mill-IVF kienet imputabbli lill-Istat, billi bbażat ruħha fuq kriterji esklużivament organiċi, u ma spjegatx b’mod suffiċjenti kif hija kienet waslet għal tali konklużjoni, billi llimitat ruħha li tagħmel dikjarazzjonijiet ġenerali. Issa, peress li l-IVF teżerċita kemm attivitajiet kummerċjali kif ukoll attivitajiet ta’ natura pubblika, il-Kummissjoni kellha tiżgura ruħha li l-għoti tal-garanzija kontenzjuża ma kienx jaqa’ fil-kuntest tal-attivitajiet tagħha mwettqa f’kompetizzjoni ma’ operaturi privati, kwistjoni li s-sentenza tal‑10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et (C‑222/04, EU:C:2006:8), tikkostitwixxi referenza deċiżiva f’dan ir-rigward.

48      Skont il-ġurisprudenza, sabiex vantaġġi jkunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, dawn għandhom, minn naħa, jingħataw direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat u, min-naħa l-oħra, ikunu imputabbli lill-Istat (sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑482/99, EU:C:2002:294, punt 24).

49      F’dan il-każ, hemm lok li jiġi eżaminat jekk il-miżura inkwistjoni setgħetx ġustament tiġi meqjusa bħala r-riżultat ta’ aġir imputabbli lill-Istat.

50      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-imputabbiltà lill-Istat ta’ miżura ta’ għajnuna adottata minn impriża pubblika tista’ tiġi dedotta minn numru ta’ indizji suffiċjentement preċiżi u konkordanti, li jirriżultaw miċ-ċirkustanzi tal-każ u mill-kuntest li fih din il-miżura tkun ġiet adottata, u li jippermettu li tiġi preżunta l-eżistenza ta’ involviment konkret tal-awtoritajiet pubbliċi fl-adozzjoni ta’ din il-miżura (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2015, SACE u Sace BT vs Il‑Kummissjoni, T‑305/13, EU:T:2015:435, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      F’dan ir-rigward, il-punti 55 u 56 tas-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il‑Kummissjoni (C‑482/99, EU:C:2002:294), jinkludu lista ta’ indizji, mhux obbligatorji u mhux eżawrjenti, li ttieħdu inkunsiderazzjoni fil-ġurisprudenza jew li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, bħall-fatt li l-impriża pubblika li tat l-għajnuna ma setgħetx tieħu din id-deċiżjoni mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti tal-awtoritajiet pubbliċi, li din l-impriża kienet marbuta b’elementi ta’ natura organika mal-Istat, li hija kellha tieħu inkunsiderazzjoni d-direttivi li jirriżultaw minn kumitat interministerjali, in-natura tal-attivitajiet tal-impriża pubblika u l-eżerċizzju ta’ dawn tal-aħħar fis-suq f’kundizzjonijiet normali tal-kompetizzjoni ma’ operaturi privati, l-istatus legali tal-imsemmija impriża, jekk din taqax taħt id-dritt pubbliku jew id-dritt komuni tal-kumpanniji, l-intensità tal-involviment eżerċitat mill-awtoritajiet fuq il-ġestjoni tagħha jew l-integrazzjoni tagħha fl-istrutturi tal-amministrazzjoni pubblika.

52      F’dan il-każ, il-Kummissjoni tibbaża ruħha, fil-premessi 54 sa 56 tad-deċiżjoni kkontestata, fuq diversi indizji.

53      L-IVF ġiet stabbilita mil-liġi fil-forma ta’ persuna rregolata mid-dritt pubbliku taħt il-kontroll tal-Komunità Awtonoma ta’ Valencia, li ċerti rappreżentanti tagħha huma membri tal-Bord Ġenerali u tal-Kumitat ta’ Investiment tal-IVF. L-IVF hija marbuta mal-Ministeru responsabbli għall-Affarijiet Ekonomiċi.

54      Skont il-liġi, l-IVF għandha l-funzjoni li taġixxi bħala strument prinċipali tal-politika ta’ kreditu pubbliku u li tikkontribwixxi għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-Komunità Awtonoma ta’ Valencia fuq is-sistema finanzjarja.

55      Il-garanzija kontenzjuża u l-kundizzjonijiet marbuta mal-għoti tagħha kienu konformi mal-baġits approvati konformement mal-limiti massimi ta’ impenn stabbiliti mil-leġiżlazzjoni applikabbli.

56      Qabelxejn, għandu jiġi dedott mill-elementi mfakkra fil-punti 53 sa 55 iktar ’il fuq li l-Kummissjoni ma bbażatx ruħha esklużivament fuq l-eżistenza ta’ rabtiet organiċi sabiex tikkonkludi dwar l-imputabbiltà tal-miżura inkwistjoni lill-Istat, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti.

57      Sussegwentement, l-ewwel nett, fir-rigward tal-istatus ġuridiku tal-IVF, id-deċiżjoni kkontestata tirrileva li din hija persuna rregolata mid-dritt pubbliku, stabbilita mil-liġi.

58      It-tieni nett, fir-rigward tan-natura tal-attivitajiet eżerċitati mill-IVF, mill-kliem tal-liġi li tistabbilixxiha jirriżulta li l-IVF issegwi funzjoni ta’ interess ġenerali li tikkonsisti fl-appoġġ, permezz ta’ finanzjamenti pubbliċi, tal-ekonomija tal-komunità ta’ Valencia. Barra minn hekk, l-IVF tassisti lill-Komunità Awtonoma ta’ Valencia fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha ta’ sorveljanza tas-sistema finanzjarja lokali.

59      Minn dan isegwi li l-IVF taġixxi bħala bank għall-iżvilupp li jsegwi għanijiet ta’ interess ġenerali u mhux bħala istituzzjoni ta’ kreditu għal għanijiet purament kummerċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2013, Nitrogénművek Vegyipari vs Il‑Kummissjoni, T‑387/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:98, punt 63). Il-kompetenzi tal-IVF fil-qasam tas-sorveljanza prudenzjali jikkonfermaw barra minn hekk li l-attività tagħha taqa’ fil-kuntest ta’ għanijiet iddefiniti mill-awtoritajiet pubbliċi.

60      It-tielet nett, lil hinn mill-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw mill-istatus tad-dritt pubbliku tal-IVF, ir-rabtiet organiċi bejn l-IVF u l-Komunità Awtonoma ta’ Valencia u l-intensità tal-involviment eżerċitat minn din tal-aħħar jimmanifestaw ruħhom permezz tal-preżenza ta’ rappreżentanti tal-Komunità Awtonoma ta’ Valencia f’diversi strutturi ta’ governanza tal-IVF kif ukoll permezz tal-konnessjoni tal-IVF mal-Ministeru responsabbli għall-Affarijiet Ekonomiċi.

61      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jitqies li l-Kummissjoni ġustament qieset li l-garanzija kontenzjuża kienet imputabbli lill-Istat.

62      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument tar-rikorrenti li l-IVF teżerċita wkoll attivitajiet, ippreżentati bħala attivitajiet kummerċjali, f’kompetizzjoni ma’ operaturi privati. Minn naħa, ir-rikorrenti tagħmel sempliċi affermazzjoni, mingħajr ma tipproduċi provi li jikkontestaw id-definizzjoni tal-funzjonijiet ta’ interess ġenerali tal-IVF fil-liġi, kif indikata fil-premessa 54 tad-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk ma ntweriex li parti mill-attivitajiet tal-IVF issir barra mill-kuntest tal-implimentazzjoni tal-funzjonijiet ta’ interess ġenerali li ġew fdati lilha, u lanqas a fortiori li dawn għandhom għan purament kummerċjali. Min-naħa l-oħra, is-sempliċi fatt li l-IVF teżerċita l-attivitajiet tagħha f’kompetizzjoni ma’ operaturi privati ma jipprekludix li l-miżuri li l-IVF tista’ tadotta jiġu imputati lill-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2016, Is‑Slovenja vs Il‑Kummissjoni, T‑507/12, mhux ippubblikata, EU:T:2016:35, punt 92).

63      Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata hija suffiċjentement motivata fir-rigward tal-kwistjoni tal-imputazzjoni tal-miżura inkwistjoni lill-Istat. Fil-fatt, mill-eżami tad-diversi lmenti mqajma mir-rikorrenti jirriżulta b’mod partikolari li d-deċiżjoni kkontestata ppermettitilha ssir taf il-ġustifikazzjonijiet għall-miżura meħuda f’dan ir-rigward u ppermettiet lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha.

64      Għalhekk, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 107 TFUE u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ

65      Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni ma vverifikatx jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Avviż dwar il-garanziji kinux applikabbli f’dan il-każ. B’mod iktar ġenerali, fid-deċiżjoni kkontestata ma tidhirx l-analiżi speċifika tal-eżistenza ta’ vantaġġ li jirriżulta mill-miżura inkwistjoni.

66      Qabel kollox, ir-rikorrenti tinvoka l-assenza ta’ analiżi tas-sitwazzjoni tal-Fundación Elche, meta hija kienet l-unika benefiċjarja tal-garanzija mogħtija mill-IVF. Issa, skont ir-rikorrenti, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Fundación Elche ma kinitx teżerċita attivitajiet ekonomiċi, ma kinitx iltaqgħet ma’ diffikultajiet finanzjarji wara l-għoti tal-garanzija u barra minn hekk ma kienet ibbenefikat minn ebda vantaġġ.

67      Sussegwentement, ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-Kummissjoni ma qabblitx it-termini tal-garanzija kontenzjuża mal-kundizzjonijiet prevalenti fis-suq u lanqas ħadet inkunsiderazzjoni l-kontrogaranziji offruti mill-Fundación Elche, jiġifieri r-rahan tal-azzjonijiet tagħha u ipoteka fuq art ta’ sitt ettari.

68      Fl-aħħar nett,  anki jekk jitqies li r-rikorrenti hija l-benefiċjarja tal-garanzija kontenzjuża, l-elementi li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata dwar is-sitwazzjoni ekonomika tagħha ma jippermettux li tiġi stabbilita, fir-rigward tagħha, il-klassifikazzjoni ta’ impriża f’diffikultà, u lanqas li tingħatalha n-nota ta’ kreditu CCC. Ir-rikorrenti tenfasizza, f’dan ir-rigward, l-assenza ta’ riferiment fid-deċiżjoni kkontestata għal analiżi minn terz tas-solvenza tagħha  u tipproduċi, bħala prova kuntrarja, kuntratt ta’ self li hija kkonkludiet ma’ Banco de Valencia f’Ottubru 2010. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti tikkontesta r-rabta stabbilita bejn in-nota ta’ kreditu tagħha u l-valur tal-azzjonijiet tagħha.

69      Ir-Renju ta’ Spanja jsostni l-motiv tar-rikorrenti u jżid, fir-rigward tal-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika tagħha, li din kellha tiġi evalwata mill-Kummissjoni fid-dawl tal-partikolaritajiet tas-settur tal-futbol professjonali, peress li l-assenza ta’ risposta għall-argumenti f’dan is-sens fid-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi, skont ir-Renju ta’ Spanja, nuqqas ta’ motivazzjoni. Barra minn hekk, ir-Renju ta’ Spanja jindika li, minkejja n-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjoni stabbilita mill-Avviż dwar il-garanziji li ma tkoprix iktar minn 80 % tas-self iggarantit, l-IVF aġixxiet bħala operatur privat f’ekonomija tas-suq peress li ħadet inkunsiderazzjoni, sabiex tiddefinixxi l-portata tal-garanzija, kontrogaranziji sinjifikattivi mogħtija mill-Fundación Elche.

70      Qabel kollox, il-Kummissjoni tirribatti li r-rikorrenti tibbaża ruħha fuq il-premessa żbaljata li ma hijiex hija stess, iżda l-Fundación Elche, li kienet il-benefiċjarja tal-miżura inkwistjoni u tirrileva li l-Fundación Elche ma kellhiex, fi kwalunkwe każ, il-kapaċità finanzjarja sabiex tħallas id-dejn li jirriżulta mis-self li kien ingħatalha.

71      Sussegwentement, il-Kummissjoni ssostni li hija effettivament eżaminat, fid-deċiżjoni kkontestata, jekk il-garanzija kinitx ingħatat skont il-kundizzjonijiet tas-suq, billi bbażat ruħha fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tar-rikorrenti li fid-dawl tagħha l-ebda istituzzjoni finanzjarja ma kienet taċċetta li tagħti self bħal dak inkwistjoni, mingħajr garanzija pubblika. Hija qabblet ukoll il-miżura inkwistjoni ma’ tranżazzjonijiet imwettqa taħt il-kundizzjonijiet tas-suq, kif jirriżulta mill-iżviluppi tad-deċiżjoni kkontestata dwar il-kalkolu tal-ammont tal-għajnuna, peress li huwa nnotat li la r-Renju ta’ Spanja u lanqas ir-rikorrenti ma allegaw matul il-fażi amministrattiva li self simili kien ingħata lil din tal-aħħar. Fir-rigward tal-kontrogaranziji offruti, il-Kummissjoni tindika li, minn naħa, il-valur tal-azzjonijiet tar-rikorrenti mogħtija b’rahan kien jirrifletti s-sitwazzjoni finanzjarja tal-klabb u kellu, għalhekk, jitqies bħala kważi null. Min-naħa l-oħra, l-ipoteka invokata mir-rikorrenti ma kinitx issemmiet mir-Renju ta’ Spanja matul il-fażi amministrattiva u kienet, barra minn hekk, ta’ valur żgħir (EUR 600 000) meta mqabbla mal-ammont tas-self mogħti lill-Fundación Elche (EUR 14-il miljun).

72      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li hija ġustament ikklassifikat lir-rikorrenti bħala impriża f’diffikultà fid-data tal-għoti tal-garanzija kontenzjuża, peress li t-titjib tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha seħħ biss wara l-adozzjoni tal-miżura inkwistjoni. Id-diffikultajiet finanzjarji li ltaqgħet magħhom ir-rikorrenti jiġġustifikaw li ngħatatilha nota ta’ kreditu CCC. Fir-rigward tas-self ta’ Banco de Valencia mogħti mingħajr garanzija pubblika li tinvoka r-rikorrenti, dan ma huwiex komparabbli, b’mod partikolari fir-rigward tat-tul tiegħu u tad-data tal-konklużjoni tiegħu.

73      Fl-aħħar nett, b’risposta għall-argumenti invokati mir-Renju ta’ Spanja, il-Kummissjoni tenfasizza li l-evalwazzjoni tad-diffikultajiet ta’ impriża għandha ssir b’mod oġġettiv fid-dawl tas-sitwazzjoni speċifika tal-impriża inkwistjoni, peress li la r-Renju ta’ Spanja u lanqas ir-rikorrenti ma wrew li għandu jiġi applikat metodu ieħor fir-rigward tal-klabbs tal-futbol. Fir-rigward tal-argument tar-Renju ta’ Spanja li l-kopertura żgurata mill-garanzija kontenzjuża setgħet teċċedi 80 % tas-self iggarantit, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, il-Kummissjoni tirrispondi li l-kuntest, u b’mod partikolari l-valur baxx tal-kontrogaranziji proposti, ma jippermettix li din il-kundizzjoni stabbilita mill-Avviż dwar il-garanziji tiġi injorata, iktar u iktar peress li l-imsemmi avviż jissuġġerixxi, f’tali ipoteżi, li l-miżura għandha tiġi nnotifikata lilha minn qabel.

74      Din il-parti dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ hija artikolata fi tliet ilmenti, indirizzati, l-ewwel nett, kontra l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-Fundación Elche, it-tieni nett, kontra l-assenza ta’ eżami, minn naħa, tat-termini tal-garanzija kontenzjuża u tal-garanziji mogħtija bħala kontroparti u, min-naħa l-oħra, tal-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom twettqu tranżazzjonijiet simili fis-suq u, it-tielet nett, kontra l-evalwazzjoni żbaljata tas-sitwazzjoni finanzjarja tar-rikorrenti fid-data tal-għoti tal-garanzija kontenzjuża. Il-Qorti Ġenerali ser teżamina t-tielet ilment qabel it-tieni lment, peress li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata parzjalment fuq il-konstatazzjoni preċedenti tad-diffikultajiet finanzjarji tar-rikorrenti sabiex tislet il-konklużjonijiet ikkontestati fil-kuntest tat-tieni lment.

–       Fuq l-ammissibbiltà tat-tieni parti sa fejn din tirrigwarda ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

75      Wara mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, il-Kummissjoni kkontestat l-ammissibbiltà ta’ din il-parti sa fejn din tirrigwarda ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

76      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti tar-rikorrenti dwar in-nuqqas jew dwar l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni ma humiex distinti, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, minn dawk li jirrigwardaw il-fondatezza tal-motivi esposti fid-deċiżjoni kkontestata.

77      Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi formalità essenzjali li għandha tiġi distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivi, peress li din tirriżulta mil-legalità sostantiva tal-att ikkontestat (sentenzi tat‑22 ta’ Marzu 2001, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑17/99, EU:C:2001:178, punt 35, u tat‑18 ta’ Jannar 2005, Confédération nationale du Crédit mutuel vs Il‑Kummissjoni, T‑93/02, EU:T:2005:11, punt 67).

78      Barra minn hekk, ir-rikors jenfasizza, fit-titoli ppreżentati fil-kuntest ta’ din il-parti, l-assenza ta’ analiżi mwettqa mill-Kummissjoni u jesponi, fl-iżviluppi relatati miegħu, kemm l-assenzi ta’ analiżi jew ta’ verifika, kif ukoll l-evalwazzjonijiet allegatament żbaljati tal-Kummissjoni. Għandu jiġi rrilevat li dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirrigwardaw il-fondatezza u mhux il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Fl-aħħar nett, ir-rikors isemmi, b’mod sporadiku, assenza jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, iżda dawn huma sistematikament marbuta ma’ kunsiderazzjonijiet dwar il-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata.

79      Għandu jitfakkar f’dan ir-rigward li, skont l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikors promotur għandu jinkludi espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati. Din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u sabiex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ tiddeċiedi fuq ir-rikors, skont il-każ, mingħajr ma tkun meħtieġa informazzjoni oħra sabiex issostniha. Ir-rikors għandu, għalhekk, jispjega fiex jikkonsisti l-motiv li fuqu huwa bbażat ir-rikors, b’tali mod li s-sempliċi dikjarazzjoni astratta tiegħu ma tissodisfax ir-rekwiżiti tar-Regoli tal-Proċedura (sentenzi tas‑16 ta’ Settembru 2013, British Telecommunications u BT Pension Scheme Trustees vs Il‑Kummissjoni, T‑226/09 u T‑230/09, mhux ippubblikata, EU:T:2013:466, punt 232, u tal‑11 ta’ Settembru 2014, Gold East Paper u Gold Huasheng Paper vs Il‑Kunsill, T‑444/11, EU:T:2014:773, punt 93).

80      Għalhekk, fid-dawl tal-prinċipji u tal-elementi mfakkra fil-punti 75 sa 79 iktar ’il fuq, fil-kuntest ta’ din il-parti, l-ilmenti diretti kontra l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli u għandhom jiġu eżaminati l-argumenti bbażati, essenzjalment, fuq żball ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni fl-istabbiliment ta’ vantaġġ.

81      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma kisritx l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-eżistenza ta’ vantaġġ. Fil-fatt, l-iżviluppi li ġejjin juru, minn naħa, li r-rikorrenti kienet f’pożizzjoni li tikkontesta l-fondatezza tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, li l-Qorti Ġenerali kienet f’pożizzjoni li teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq dan il-punt.

–       Fuq l-ilment kontra l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni tal-Fundación Elche fl-analiżi tal-eżistenza ta’ vantaġġ

82      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, b’risposta għall-ewwel motiv, li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet żbalji ta’ evalwazzjoni meta identifikat lir-rikorrenti bħala l-benefiċjarja tal-miżura inkwistjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, l-argumenti tar-rikorrenti li huma intiżi li jikkontestaw l-għoti ta’ vantaġġ favur il-Fundación Elche, sa fejn dawn huma bbażati fuq il-premessa li l-imsemmija fondazzjoni hija l-unika benefiċjarja tal-garanzija kontenzjuża, għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi.

83      Għall-kuntrarju, ir-rikorrenti, permezz ta’ dan l-ilment, tinvoka wkoll il-fatt li l-IVF tat il-garanzija lill-Fundación Elche, li jiġġustifika li tiġi analizzata s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ din tal-aħħar għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ.

84      F’dan ir-rigward, hemm lok li jitqies, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni (ara l-punt 70 iktar ’il fuq), li l-fatt li r-rikorrenti kienet il-benefiċjarja tal-miżura inkwistjoni fis-sens tad-dritt tal-għajnuna mill-Istat, kif ġie kkonfermat fil-kuntest tal-ewwel motiv, huwa indipendenti mill-fatt li l-Fundación Elche hija parti għall-kuntratt ta’ garanzija konkluż mal-IVF u hija identifikata, fl-imsemmi kuntratt, bħala l-benefiċjarja tal-garanzija, kif jirriżulta mill-punt 3 iktar ’il fuq. Fi kliem ieħor, il-fatt li l-Fundación Elche ma hijiex identifikata bħala l-benefiċjarju effettiv tal-miżura inkwistjoni ma għandux effett fuq il-fatt li hija tibbenefika mill-garanzija kontenzjuża skont il-kuntratt konkluż fis‑17 ta’ Frar 2011 mal-IVF.

85      Minn dan jirriżulta li l-Fundación Elche għandha tirrispondi, mal-IVF, għall-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ ħlas tas-self sottostanti l-kuntratt ta’ garanzija u għall-invokazzjoni, mill-banek li jsellfu, tal-garanzija. Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat ukoll li dan l-istat ta’ fatt jintwera mill-azzjoni għall-irkupru, imsemmija mir-rikorrenti fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, li ġiet ippreżentata minn dak iż-żmien mill-IVF kontra l-Fundación Elche, li talbet ir-rimbors tas-somom li hija ħallset lill-banek li jsellfu bħala garanzija, wara n-nuqqas ta’ ħlas parzjali tal-Fundación Elche tas-self iggarantit.

86      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, is-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tal-Fundación Elche għalhekk tikkostitwixxi, bħala prinċipju, karatteristika rilevanti sabiex jiġi evalwat ir-riskju meħud mill-garanti pubbliku u, bl-istess mod, il-primjum ta’ garanzija li jitlob, f’ċirkustanzi bħal dawn, operatur privat.

87      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-qorti tal-Unjoni Ewropea għandha b’mod partikolari tivverifika li l-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni kull element rilevanti f’dan il-każ li jippermettilha tiddetermina jekk jirriżultax vantaġġ mill-miżura inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Jannar 2013, Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, C‑73/11 P, EU:C:2013:32, punt 73, u tal‑15 ta’ Diċembru 2009, EDF vs Il‑Kummissjoni, T‑156/04, EU:T:2009:505, punt 221).

88      Il-Qorti Ġenerali għandha għalhekk tistħarreġ ir-rilevanza f’dan il-każ tal-elementi li allegatament ma ttiħdux inkunsiderazzjoni matul il-proċedura amministrattiva, imbagħad, fl-affermattiv, jekk il-Kummissjoni ħadithomx inkunsiderazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Jannar 2013, Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, C‑73/11 P, EU:C:2013:32, punt 77).

89      L-ewwel nett, kif jirriżulta mill-punti 84 sa 86 iktar ’il fuq, is-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tal-Fundación Elche tikkostitwixxi, bħala prinċipju, fatt rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ li jirriżulta mill-kundizzjonijiet tal-għoti tal-garanzija kontenzjuża.

90      Madankollu, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha l-Kummissjoni ssostni li l-Fundación Elche ma kellhiex, fi kwalunkwe każ, il-kapaċità finanzjarja sabiex tħallas id-dejn li jirriżulta mis-self li kien ġie mogħti lilha, b’mod partikolari fid-dawl tal-valur baxx tal-assi tagħha.

91      Anki jekk dan il-fatt jiġi pprovat, xorta jibqa’ l-fatt li l-probabbiltà ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu min-naħa tal-persuna li tissellef, f’dan il-każ il-Fundación Elche, minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja tagħha hija, fiha nnifisha, fatt rilevanti li l-Kummissjoni kienet obbligata teżamina (ara, f’dan ir-rigward, il-paragrafu (d) tal-punt 3.2 tal-Avviż dwar il-garanziji), filwaqt li jitfakkar li deċiżjoni għandha tkun suffiċjenti fiha nnifisha u li l-motivazzjoni tagħha ma tistax tirriżulta minn spjegazzjonijiet mogħtija iktar tard meta d-deċiżjoni inkwistjoni tkun diġà s-suġġett ta’ rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni (sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2013, Wabco Europe et vs Il‑Kummissjoni, T‑380/10, EU:T:2013:449, punt 107). Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat, b’risposta għall-argument tal-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni patrimonjali tal-Fundación Elche, li l-fondi proprji ta’ din tal-aħħar, għalkemm limitati, kienu madankollu fil-pożittiv fid-data tal-għoti tal-garanzija kontenzjuża, b’differenza mis-sitwazzjoni li kienet tikkaratterizza, fl-istess mument, lir-rikorrenti (premessi 20 u 22 tad-deċiżjoni kkontestata).

92      It-tieni nett, ladarba tiġi stabbilita r-rilevanza tas-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tal-Fundación Elche, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni ħadithiex inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ vantaġġ.

93      Qabel kollox, id-deċiżjoni kkontestata tippreżenta, fil-punt 2 tal-premessa 11 dwar id-deskrizzjoni tal-miżuri u tal-benefiċjarji, il-miżura inkwistjoni billi tindika l-informazzjoni msemmija fil-punti 3 u 4 iktar ’il fuq, imbagħad tesponi, fil-premessa 22, id-data finanzjarja prinċipali tal-Fundación Elche bejn Diċembru 2009 u Diċembru 2011, wara li ssemmi r-rabtiet kapitalistiċi u organizzazzjonali bejnha u r-rikorrenti (premessa 21). Sussegwentement, wara l-analiżi magħmula fil-premessi 63 u 66 sa 69 tad-deċiżjoni kkontestata, ġie konkluż li l-benefiċjarju tal-miżura inkwistjoni ma hijiex il-Fundación Elche, iżda r-rikorrenti. L-iżviluppi li jsegwu din il-konstatazzjoni, fil-premessi 70 sa 88, jirrigwardaw il-karatterizzazzjoni ta’ vantaġġ, filwaqt li l-premessi 91 sa 95 jirrigwardaw il-kwantifikazzjoni tal-element ta’ għajnuna. F’dan l-istadju, il-Fundación Elche ma terġax tissemma u lanqas a fortiori s-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tagħha.

94      Mill-eżami tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li din ma tiħux is-sitwazzjoni tal-Fundación Elche inkunsiderazzjoni sabiex tikkaratterizza l-eżistenza ta’ vantaġġ, peress li l-uniċi elementi ta’ analiżi f’dan ir-rigward jinsabu qabel, fil-premessa 68, li skonthom huwa kkonstatat li s-sitwazzjoni tal-Fundación Elche ma kinitx tjiebet wara l-għoti tal-garanzija kontenzjuża, li, flimkien mal-fatt li r-riskju ta’ attivazzjoni tal-imsemmija garanzija kien jiddependi, skont il-Kummissjoni, fuq il-prestazzjonijiet tar-rikorrenti, jiġġustifika li din tiġi meqjusa bħala l-unika benefiċjarja tal-miżura ta’ għajnuna. Għall-kuntrarju, id-deċiżjoni kkontestata bl-ebda mod ma tiddeċiedi dwar l-effett, fl-evalwazzjoni tar-riskju assoċjat mal-għoti tal-garanzija kontenzjuża, tas-sitwazzjoni individwali tal-Fundación Elche.

95      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt rilevanti tas-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tal-Fundación Elche sabiex tevalwa l-eżistenza ta’ vantaġġ u, minħabba f’hekk, wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Franza u Orange, C‑486/15 P, EU:C:2016:912, punti 88 u 89).

–       Fuq l-ilment kontra l-evalwazzjoni żbaljata tas-sitwazzjoni finanzjarja tar-rikorrenti fid-data tal-għoti tal-garanzija kontenzjuża

96      F’dan il-każ, il-Kummissjoni bbażat ruħha, fil-premessa 79 tad-deċiżjoni kkontestata, fuq il-paragrafu 10(a) u fuq il-paragrafu 11 tal-Linji Gwida dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturazzjoni sabiex tikklassifika lir-rikorrenti bħala impriża f’diffikultà fid-data tal-adozzjoni tal-garanzija kontenzjuża.

97      Il-paragrafu 10(a) tal-Linji Gwida dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturazzjoni jipprevedi li impriża hija, bħala prinċipju u indipendentement mid-daqs tagħha, meqjusa bħala li tkun f’diffikultà, “jekk din tkun kumpannija b’responsabbiltà limitata, meta iktar minn nofs il-kapital irreġistrat tagħha jkun għeb u iktar minn kwart ta’ dak il-kapital ikun intilef matul it‑12‑il xahar preċedenti”. Sussegwentement, skont il-paragrafu 11 ta’ dawn il-linji gwida, “[a]nki jekk l-ebda waħda mill-kundizzjonijiet tal-[paragrafu] 10 ma tkun issodisfatta, impriża tista’ madankollu tiġi kkunsidrata f’diffikultà b’mod partikolari meta jkunu preżenti l-indizji normali ta’ impriża f’diffikultà, bħaż- żieda fit-telf, it-tnaqqis fid-dħul mill-bejgħ, it-tkabbir fl-inventarju tal-istokk, l-eċċess ta’ kapaċità, it-tnaqqis fil-fluss tal-flus, iż-żieda fid-dejn, iż-żieda tal-piżijiet finanzjarji u t-tnaqqis fil-valur nett tal-assi jew valur nett tal-assi ta’ żero” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

98      F’dan il-każ, fil-premessa 79 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti wriet dħul mill-bejgħ imnaqqas bejn is-sena finanzjarja li għalqet f’Ġunju 2008 u dik li ntemmet f’Ġunju 2010 (minn EUR 7.1 miljun għal EUR 4.4 miljun), dħul qabel it-taxxa negattiv għas-snin finanzjarji li għalqu f’Ġunju 2007, 2008, 2009 u 2010 (minn EUR - 6.2 miljun għas-sena finanzjarja 2006/2007 għal EUR - 1.1 miljun għas-sena 2009/2010) u fondi proprji negattivi għas-snin finanzjarji li għalqu f’Ġunju 2009 u 2010 (EUR - 10.2 miljun għal kull sena finanzjarja msemmija). Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-kapital azzjonarju tar-rikorrenti, li hija kumpannija b’responsabbiltà limitata, naqas b’iktar minn nofs bejn is-sena finanzjarja 2008/2009 u s-sena finanzjarja 2009/2010, kif jirriżulta mill-premessa 20 tad-deċiżjoni kkontestata.

99      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li r-rikorrenti kienet, fid-data tal-għoti tal-garanzija kontenzjuża, impriża f’diffikultà fis-sens tal-paragrafu 10(a) u tal-paragrafu 11 tal-Linji Gwida dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturazzjoni.

100    L-ebda wieħed mill-argumenti mressqa mir-rikorrenti ma huwa ta’ natura li jikkontesta din il-konklużjoni.

101    Qabel kollox, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, id-data finanzjarja ppreżentata mir-rikorrenti għas-sena finanzjarja 2010/2011 tikkonċerna sena finanzjarja li għalqet wara l-għoti tal-garanzija kontenzjuża fis‑17 ta’ Frar 2011. Issa, ir-rikorrenti ma tispjegax kif din tikkostitwixxi madankollu element rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni tagħha fid-data tal-għoti tal-imsemmija garanzija.

102    Barra minn hekk, il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata tosserva, fil-premessa 80, li t-telf irreġistrat mir-rikorrenti bejn l‑2007 u l‑2010 naqas sabiex jiġi konkluż li din tal-aħħar ma kinitx tinsab f’sitwazzjoni ta’ diffikultà estrema (“situación de crisis grave” fil-verżjoni Spanjola, l-unika verżjoni awtentika), fis-sens tal-Avviż dwar il-garanziji, ma jikkontradixxix il-konstatazzjoni, magħmula fil-premessa 79, li s-sitwazzjoni finanzjarja tar-rikorrenti kienet tissodisfa l-kriterji ta’ impriża f’diffikultà fis-sens tal-Linji Gwida dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturazzjoni. Fil-fatt, kif ikkonfermat il-Kummissjoni b’risposta għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-konstatazzjonijiet magħmula fil-premessa 80 huma intiżi, kif turi l-kwantifikazzjoni tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata fil-kumplament tad-deċiżjoni kkontestata, sabiex jiġi ddeterminat jekk hemmx lok jew le li jiġu applikati l-punt 2.2 u l-paragrafu (a) tal-punt 4.1 tal-Avviż dwar il-garanziji u li jitqies, b’mod eċċezzjonali, li r-rikorrenti rċeviet vantaġġ ugwali għall-ammont totali tas-self iggarantit (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Frar 2018, Larko vs Il‑Kummissjoni, T‑423/14, taħt appell, EU:T:2018:57, punti 189 u 190).

103    Sussegwentement, fir-rigward tas-self mingħajr garanzija miksub mir-rikorrenti mingħand Banco de Valencia f’Ottubru 2010 (ara l-punt 68 iktar ’il fuq), sa fejn ir-rikorrenti tfittex, permezz tal-invokazzjoni tagħha, li tikkontesta li hija kienet f’diffikultà finanzjarja fid-data tal-għoti tal-miżura inkwistjoni, għandu jiġi rrilevat, kif tagħmel il-Kummissjoni mingħajr ma ġiet ikkontestata fuq dan il-punt, li dan is-self fir-realtà għandu l-effett li jaggrava l-livell ta’ dejn tar-rikorrenti meta mqabbel mal-istat tas-sitwazzjoni tagħha fl-għeluq tas-sena finanzjarja 2009/2010. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmi self ingħata għal perijodu ta’ sena, jiġifieri tul sinjifikattivament inqas minn dak tas-self kontenzjuż, għal perijodu ta’ ħames snin, li jirrendi inċert kull paragun bejniethom, b’mod partikolari fid-dawl tal-kundizzjonijiet tagħhom u tar-rati rispettivi tagħhom. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma spjegatx kif il-kundizzjonijiet għal self ta’ maturità qasira mogħti diversi xhur qabel il-garanzija kontenzjuża jistgħu jikkontestaw il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tagħha fid-data tal-għoti tal-miżura.

104    Fir-rigward tal-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-analiżi tas-solvenza tar-rikorrenti li saret minn aġenzija ta’ evalwazzjoni jew minn wieħed mill-banek li jagħtu s-self iggarantit, skont il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, skont il-paragrafu (d) tal-punt 3.2 tal-Avviż dwar il-garanziji, li tirreferi għalih ir-rikorrenti, l-analiżi li tippermetti “li min jissellef jiġi kklassifikat permezz ta’ klassifika tar-riskju […] tista’ tiġi pprovduta minn aġenzija ta’ klassifika rikonoxxuta internazzjonalment jew, fejn disponibbli, bil-klassifika interna użata mill-bank li jipprovdi s-self sottostanti”. Minn dan isegwi li l-Avviż dwar il-garanziji ma jistabbilixxix, f’dan ir-rigward, obbligu għall-Kummissjoni li tfittex u li tieħu inkunsiderazzjoni l-evalwazzjonijiet stabbiliti minn tali entitajiet.

105    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument tar-Renju ta’ Spanja li, essenzjalment, is-sitwazzjoni ekonomika tar-rikorrenti kellha tiġi evalwata mill-Kummissjoni fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tas-settur tal-futbol professjonali, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, minn naħa, li n-natura ekonomika tal-prattika tal-futbol mill-klabbs professjonali diġà ġiet irrikonoxxuta mill-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2005, Piau vs Il‑Kummissjoni, T‑193/02, EU:T:2005:22, punt 69) u, min-naħa l-oħra, li l-kunċett ta’ impriża f’diffikultà, kif iddefinit fil-paragrafu 9 tal-Linji Gwida dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturazzjoni, huwa kunċett oġġettiv li għandu jiġi evalwat biss fid-dawl tal-indizji konkreti tas-sitwazzjoni finanzjarja u ekonomika tal-impriża inkwistjoni (sentenza tas‑6 ta’ April 2017, Regione autonoma della Sardegna vs Il‑Kummissjoni, T‑219/14, EU:T:2017:266, punt 184), peress li l-kunsiderazzjonijiet ġenerali dwar il-karatteristiċi speċifiċi tas-settur inkwistjoni stabbiliti mir-Renju ta’ Spanja ma humiex adattati sabiex jikkonfutaw il-konstatazzjonijiet magħmula abbażi tad-data finanzjarja individwali tar-rikorrenti.

106    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

–       Fuq l-ilment kontra l-assenza ta’ eżami, minn naħa, tat-termini tal-garanzija kontenzjuża u tal-garanziji mogħtija bħala kontroparti u, min-naħa l-oħra, tal-kundizzjonijiet li fihom twettqu tranżazzjonijiet simili fis-suq

107    Qabel kollox, fir-rigward tal-allegata assenza ta’ eżami tat-termini tal-garanzija kontenzjuża u tal-garanziji mogħtija bħala kontroparti, għandu qabelxejn jiġi kkonstatat, kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, li d-deċiżjoni kkontestata ssemmi, fil-premessa 86, li “[primjum] annwali ta’ garanzija ta’ […] 1 % [impost] għall-garanzij[a] inkwistjoni ma [jistax jitqies] li jirriflett[i] r-riskju ta’ inadempjenza għas-self garantit, minħabba d-diffikultajiet” tar-rikorrenti. Minn dan isegwi li l-livell tal-primjums ta’ garanzija meħtieġa fil-kuntest tal-kuntratti konklużi bejn il-Fundación Elche u l-IVF fil-fatt ittieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni u li l-kritika fformulata mir-rikorrenti hija fattwalment żbaljata.

108    Fir-rigward tal-obbligu speċifiku, previst miċ-ċertifikat ta’ garanzija tal-IVF tal‑10 ta’ Novembru 2010 u allegatament injorat mill-Kummissjoni, li jipprovdi li s-self iggarantit kellu jingħata b’kundizzjonijiet li “ma jiddevjawx b’mod sinjifikattiv minn dawk applikati fis-suq għal tranżazzjonijiet ta’ din in-natura”, dan huwa fatt irrilevanti, peress li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ibbażata fuq il-konstatazzjoni li l-banek li jsellfu, billi taw is-self fid-dawl tal-garanzija offruta mill-IVF, huma stess aġixxew skont modalitajiet li ma humiex konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq.

109    Sussegwentement, fir-rigward tal-kontrogaranziji offruti, il-kritika indirizzata lill-Kummissjoni li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-għoti b’rahan tal-azzjonijiet tar-rikorrenti hija wkoll fattwalment żbaljata, peress li huwa enfasizzat espressament, fil-premessa 93 tad-deċiżjoni kkontestata, li “il-valur [tal-]ishma [tal-klabbs benefiċjarji] bħala titolu ta’ self kien viċin iż-żero”.

110    Madankollu, ir-rikorrenti ssemmi wkoll allegat żball tal-Kummissjoni fir-rabta li din għamlet fid-deċiżjoni kkontestata bejn in-nota ta’ kreditu li ġiet attribwita lilha, minn naħa, u l-valur tal-azzjonijiet tagħha, min-naħa l-oħra.

111    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata, sabiex tikkonkludi li l-azzjonijiet tar-rikorrenti huma ta’ valur baxx, fuq il-fatt li din tal-aħħar kienet impriża f’diffikultà fid-data tal-għoti tal-miżura inkwistjoni, li għaliha ma kien jeżisti l-ebda pjan ta’ vijabbiltà affidabbli li juri li l-attività tagħha setgħet tiġġenera profitt għall-azzjonisti tagħha.

112    Issa, kif jirriżulta mill-eżami tat-tielet ilment ta’ din il-parti fil-punti 96 sa 106 iktar ’il fuq, il-klassifikazzjoni ta’ impriża f’diffikultà adottata fir-rigward tar-rikorrenti fid-deċiżjoni kkontestata hija eżenti minn żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni.

113    Għad irid jiġi ddeterminat jekk il-metodu użat mill-Kummissjoni f’dan il-każ, li jikkonsisti f’li jiġi dedott valur “viċin iż-żero” tal-azzjonijiet tar-rikorrenti mill-fatt li hija kienet f’diffikultà, barra minn hekk mingħajr ma ġie stabbilit pjan ta’ vijabbiltà – dan il-punt ma huwiex ikkontestat –, fihx żball manifest. Għal dan l-għan, il-Qorti Ġenerali għamlet mistoqsija lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, fejn stednitha tagħti dettalji dwar il-metodu użat minnha sabiex tevalwa l-valur tal-azzjonijiet tar-rikorrenti u tindika jekk iż-żieda fil-kapital tal‑2011 kellhiex effett fuq dan il-valur. Fuq dan l-aħħar punt, il-Kummissjoni wieġbet li l-effett taż-żieda fil-kapital tar-rikorrenti ma setax jittieħed inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-valur tal-azzjonijiet fil-mument tal-għoti tal-garanzija kontenzjuża, peress li dan kien ġie qabel l-injezzjoni ta’ kapital.

114    F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li huma rilevanti, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kriterju ta’ operatur privat f’ekonomija tas-suq, l-elementi disponibbli u l-iżviluppi prevedibbli meta ttieħdet id-deċiżjoni li titwettaq it-tranżazzjoni (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Il‑Kummissjoni vs Frucona Košice, C‑300/16 P, EU:C:2017:706, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

115    Issa, peress li r-rikapitalizzazzjoni tar-rikorrenti hija l-għan u l-effett imfittex tal-garanzija kontenzjuża, din hija parametru prevedibbli fid-data tal-għoti tal-garanzija kontenzjuża u li operatur privat, li jkun fis-sitwazzjoni tal-IVF, kien jieħu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-valur tal-azzjonijiet mirhuna. Minn dan isegwi li, billi naqset milli teħodha inkunsiderazzjoni, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni.

116    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li ma eżaminatx l-eżistenza ta’ ipoteka fuq art ta’ sitt ettari mogħtija wkoll b’kontrogaranzija lill-IVF mill-Fundación Elche.

117    Qabel kollox, għandu jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq il-fatt li r-Renju ta’ Spanja ma invokax din l-ipoteka fl-osservazzjonijiet li huwa kien għamel matul il-proċedura amministrattiva. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi enfasizzat li, l-ewwel nett, l-eżistenza ta’ ipoteka tirriżulta mill-elementi disponibbli matul il-proċedura amministrattiva, f’dan il-każ il-kuntratt ta’ garanzija konkluż bejn il-Fundación Elche u l-IVF fis‑17 ta’ Frar 2011, it-tieni nett, hija l-Kummissjoni li għandha tipproduċi l-prova tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2007, Olympiaki Aeroporia Ypiresies vs Il‑Kummissjoni, T‑68/03, EU:T:2007:253, punt 34) u, it-tielet nett, il-Kummissjoni hija obbligata li tmexxi l-proċedura amministrattiva b’mod diliġenti u imparzjali sabiex ikollha, meta tiġi adottata d-deċiżjoni finali, l-elementi l-iktar kompleti u affidabbli possibbli sabiex tagħmel dan (sentenza tat‑3 ta’ April 2014, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑559/12 P, EU:C:2014:217, punt 63).

118    Sussegwentement, hemm lok li tiġi applikata l-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 87 u 88 iktar ’il fuq sabiex jiġi evalwat jekk l-ipoteka inkwistjoni tikkostitwixxix element rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ u jekk, jekk ikun il-każ, il-Kummissjoni ħaditx dan inkunsiderazzjoni.

119    F’dan il-każ, l-ipoteka mogħtija mill-Fundación Elche, garanzija mogħtija mill-persuna li tissellef iggarantita, tikkostitwixxi fiha nnifisha karatteristika tal-garanzija kontenzjuża li l-Kummissjoni hija obbligata teżamina (ara, f’dan ir-rigward, il-paragrafu (d) tal-punt 3.2 tal-Avviż dwar il-garanziji). Barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat mill-Kummissjoni li d-deċiżjoni kkontestata ma ssemmi din l-ipoteka bl-ebda mod. Il-fatt, imsemmi mill-Kummissjoni, li l-valur tal-art ipotekata huwa ċarament insuffiċjenti sabiex iservi bħala garanzija għal self ta’ EUR 14-il miljun ma huwa marbut a fortiori ma’ ebda evalwazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Jannar 2013, Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, C‑73/11 P, EU:C:2013:32, punt 87).

120    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt rilevanti li kien jikkostitwixxi l-ipoteka mogħtija mill-Fundación Elche lill-IVF sabiex tevalwa l-eżistenza ta’ vantaġġ u, b’dan il-mod, wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni.

121    Fl-aħħar nett, dejjem fil-kuntest ta’ dan l-ilment, fir-rigward tal-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni tal-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom twettqu tranżazzjonijiet simili fis-suq, ir-rikorrenti tenfasizza r-rata applikabbli fl‑2011, skont Banco de España, għat-tranżazzjonijiet ta’ tul ta’ ħames snin jew inqas għal self li jammonta għal iktar minn miljun euro, li hija biss ftit inqas minn dik mogħtija fil-kuntest tas-self iggarantit lill-Fundación Elche.

122    Issa, peress li r-rikorrenti ma tippreċiżax kif is-sitwazzjoni tagħha hija komparabbli ma’ dik tal-persuni li jissellfu koperti mill-istatistiċi ta’ Banco de España, ma huwiex possibbli, f’dan il-każ, li jinsilet tagħlim utli mill-allegazzjoni tar-rikorrenti.

123    Ir-rikorrenti tikkritika wkoll lill-Kummissjoni li ma vverifikatx jekk il-primjum ta’ garanzija dovut mill-Fundación Elche, stabbilit għal 1 % tal-ammont kopert, “kienx isegwi l-liġijiet tas-suq”. Hemm lok li dan l-argument jiġi eżaminat flimkien mal-argument żviluppat insostenn tat-tielet motiv, li, essenzjalment, il-Kummissjoni wettqet żball meta kkonkludiet li ma kienx hemm tranżazzjonijiet simili li jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ primjum ta’ garanzija ta’ referenza.

124    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li persuna li tissellef li tidħol f’self iggarantit mill-awtoritajiet pubbliċi ta’ Stat Membru normalment tikseb vantaġġ, sa fejn l-ispiża finanzjarja li hija ser tbati tkun inqas minn dik li jkollha tbati fil-każ li kellha tikseb dan l-istess finanzjament u din l-istess garanzija bil-prezzijiet tas-suq (sentenzi tat‑8 ta’ Diċembru 2011, Residex Capital IV, C‑275/10, EU:C:2011:814, punt 39, u tat‑3 ta’ April 2014, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑559/12 P, EU:C:2014:217, punt 96).

125    Kif tfakkar fil-paragrafu (d) tal-punt 3.2 tal-Avviż dwar il-garanziji, sabiex jiġi ddeterminat il-prezz tas-suq korrispondenti, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi tal-garanzija u tas-self sottostanti, li jinkludu b’mod partikolari l-ammont u t-tul tat-tranżazzjoni, il-garanzija mogħtija minn persuna li tissellef u l-elementi l-oħra li jaffettwaw l-evalwazzjoni tar-rata ta’ rkupru u l-probabbiltà ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu min-naħa tal-persuna li tissellef minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja tagħha, is-settur ta’ attività tagħha u l-prospetti tagħha.

126    Meta l-prezz imħallas għall-garanzija jkun mill-inqas għoli daqs il-primjum ta’ garanzija ta’ referenza korrispondenti offrut fis-swieq finanzjarji, il-garanzija ma tkunx tinkludi għajnuna (ara t-tieni subparagrafu tal-paragrafu (d) tal-punt 3.2 tal-Avviż dwar il-garanziji). Jekk fis-swieq finanzjarji ma jeżisti l-ebda primjum ta’ garanzija ta’ referenza korrispondenti, l-ispiża finanzjarja totali tas-self iggarantit, inkluż ir-rata ta’ interessi u l-primjum imħallas, għandha tiġi mqabbla mal-prezz tas-suq ta’ self simili li ma huwiex iggarantit (ara t-tielet subparagrafu tal-paragrafu (d) tal-punt 3.2 tal-Avviż dwar il-garanziji). Fl-aħħar nett, fl-assenza ta’ prezz tas-suq ta’ self simili mhux iggarantit, għandha tintuża r-rata ta’ referenza, iddefinita konformement mal-Komunikazzjoni dwar ir-rati ta’ referenza (ara t-tieni paragrafu tal-punt 4.2 tal-Avviż dwar il-garanziji).

127    F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni kkontestata teskludi li l-primjum ta’ garanzija mitlub jieħu inkunsiderazzjoni d-diffikultajiet finanzjarji tar-rikorrenti u r-riskju assoċjat ta’ nuqqas ta’ pagament tas-self iggarantit (premessa 86(c)). Fil-premessa 85 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tenfasizza li impriża f’diffikultà ma jirnexxilhiex issib, mingħajr garanzija pubblika, istituzzjonijiet finanzjarji lesti li jagħtuha self, indipendentement mill-kundizzjonijiet. Il-Kummissjoni ma tindika mkien f’dawn il-premessi, u lanqas f’dawn l-argumenti relatati mal-karatterizzazzjoni ta’ vantaġġ (punt 7.2 tad-deċiżjoni kkontestata), liema huwa l-prezz tas-suq li fir-rigward tiegħu hija tevalwa l-primjum inkwistjoni. Il-Kummissjoni lanqas ma teżamina, f’dan l-istadju, l-għoti ta’ rahan mogħti lill-IVF bħala kontrogaranzija (ara l-punt 4 iktar ’il fuq). B’mod ġenerali, il-Kummissjoni sempliċement tipproċedi għall-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja tar-rikorrenti sabiex tikkonkludi, fid-dawl tal-ammont tal-primjum ta’ garanzija mħallas lill-IVF, li dan ma huwiex konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq.

128    Quddiem il-Qorti Ġenerali,  il-Kummissjoni essenzjalment tispjega li d-deċiżjoni kkontestata tiffoka fuq paragun bejn il-primjum tal-garanzija dovut u l-prezz tas-suq, fid-dawl tas-sitwazzjoni tar-rikorrenti, li hija impriża f’diffikultà. Fi kliem ieħor, teżisti preżunzjoni li l-primjum ta’ garanzija ma huwiex konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq meta l-persuna li tissellef li tingħata l-garanzija, jew f’dan il-każ il-benefiċjarju tal-vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, tkun impriża f’diffikultà.

129    Issa, kif tfakkar fil-punt 126 iktar ’il fuq, il-paragrafu (d) tal-punt 3.2 u l-punt 4.2 tal-Avviż dwar il-garanziji jippreskrivu t-tfittxija minn qabel ta’ eventwali prezz tas-suq li fir-rigward tiegħu jiġu pparagunati t-termini tat-tranżazzjoni kontenzjuża. Fir-rigward speċifikament tal-impriżi f’diffikultà, il-Kummissjoni tiddistingwi, fil-punt 4.1(a) tal-Avviż dwar il-garanziji, is-sitwazzjoni ta’ impriżi f’diffikultà skont ir-riskju tagħhom ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li ma huwiex uniformi. L-imsemmi avviż għalhekk jagħmel distinzjoni bejn il-każ fejn garanti fis-suq jeżisti għal impriża f’diffikultà u dak fejn ikun probabbli li ma jeżistix tali garanti. Għalhekk huwa aċċettat li jista’ jkun hemm prezz tas-suq anki meta l-garanzija tingħata lil impriża f’diffikultà.

130    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tirrileva li l-Kummissjoni tindika, fil-premessa 80 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti “ma [kinitx] f’sitwazzjoni estremament diffiċli, fis-sens tal-punt 2.2 u tal-punt [4.1(a)] tal-Avviż [dwar il-garanziji]”, wara li kkonstatat, fil-premessa 79, li hija “kien[et] f’diffikultà finanzjarja fis-sens tal-[paragrafi] 10(a) u 11 tal-Linji Gwida [dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturazzjoni]”. B’dan il-mod, il-Kummissjoni adottat ukoll l-interpretazzjoni magħmula fil-punt 129 iktar ’il fuq tal-paragrafu (a) tal-punt 4.1 tal-Avviż dwar il-garanziji bħala li hija intiża sabiex tiddistingwi, fost l-impriżi f’diffikultà fis-sens tal-Linji Gwida dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturazzjoni, żewġ subkategoriji ta’ impriżi skont ir-riskju ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tagħhom. Dan huwa iktar manifest fil-verżjoni Spanjola tad-deċiżjoni kkontestata, l-unika verżjoni awtentika, li fil-premessa 80 issemmi l-assenza ta’ “sitwazzjoni estremament diffiċli” (situación de crisis grave), peress li l-aġġettiv “estremament” jikklassifika t-terminu bħala “kriżi” u jiddistingwi b’mod iktar ċar is-sitwazzjoni prevista fil-premessa 80 minn dik prevista fil-premessa 79 tad-deċiżjoni kkontestata, billi tidentifika kategorija ta’ impriżi f’diffikultà fis-sens tal-Linji Gwida dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturazzjoni li ma jinsabux f’sitwazzjoni estremament diffiċli fis-sens tal-paragrafu (a) tal-punt 4.1 tal-Avviż dwar il-garanziji.

131    Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, mill-punt 3.3 tal-Avviż dwar il-garanziji ma jirriżultax li ma jeżistix prezz tas-suq għall-garanziji mogħtija lil impriża f’diffikultà. Fil-fatt, l-imsemmi punt jikkonċerna s-sistema ta’ evalwazzjoni ssemplifikata li tapplika, b’eċċezzjoni, għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju u sempliċement jindika li din ma tapplikax għall-impriżi li l-evalwazzjoni tagħhom hija CCC/Caa jew agħar.

132    Konsegwentement, il-Kummissjoni, billi ppreżumiet li l-ebda istituzzjoni finanzjarja ma kienet tidħol garanti għal impriża f’diffikultà u, għaldaqstant, li l-ebda primjum ta’ garanzija ta’ referenza korrispondenti ma kien offrut fis-suq, kisret l-Avviż dwar il-garanziji, li hija obbligata tosserva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2008, Il‑Ġermanja et vs Kronofrance, C‑75/05 P u C‑80/05 P, EU:C:2008:482, punti 60 u 61 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għall-istess raġunijiet, hija kisret ukoll l-obbligu tagħha li twettaq evalwazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni kwalunkwe element rilevanti f’dan il-każ li jippermettilha tiddetermina jekk ir-rikorrenti ma kinitx tkun kisbet, manifestament, faċilitajiet paragunabbli min-naħa ta’ operatur privat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Jannar 2013, Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, C‑73/11 P, EU:C:2013:32, punt 73).

133    Peress li dan l-iżball ġie rrilevat, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni tipproċedi, fil-premessa 93 tad-deċiżjoni kkontestata, għal analiżi iktar iddettaljata fil-kuntest tal-kwantifikazzjoni tal-element ta’ għajnuna. Għalhekk, hija teskludi l-eżistenza ta’ prezz tas-suq ta’ self simili mhux iggarantit (ara l-punt 126 iktar ’il fuq), “minħabba l-għadd limitat ta’ osservazzjonijiet ta’ tranżazzjonijiet simili fis-suq”, li ma huwiex “se jipprovdi tqabbil sinifikanti”.

134    Fir-rikors ir-rikorrenti kkontestat l-assenza ta’ analiżi mill-Kummissjoni tal-kundizzjonijiet tas-suq bl-għan li jiġi stabbilit prezz tas-suq ta’ self simili mhux iggarantit. Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni ssostni li, “kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, [hija] kkonkludiet li l-garanziji inkwistjoni kienu jagħtu vantaġġ, wara li wettqet paragun ma’ tranżazzjonijiet imwettqa skont il-kundizzjonijiet tas-suq, li huwa rifless b’mod ċar fil-kalkolu tal-ammont tal-għajnuna”, billi rreferiet għall-premessa 93(c) tad-deċiżjoni kkontestata.

135    Għandu jiġi rrilevat f’dan ir-rigward li, fil-premessa 93(c) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tapplika r-rata ta’ referenza applikabbli f’dan il-każ, iddefinita konformement mal-Komunikazzjoni dwar ir-rati ta’ referenza. Issa, kif tfakkar fil-punt 126 iktar ’il fuq, l-użu tar-rata ta’ referenza jikkostitwixxi metodu awtomatiku, fl-assenza ta’ prezz tas-suq identifikat abbażi ta’ tranżazzjonijiet simili. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq l-applikazzjoni ta’ dan il-metodu fil-kuntest tal-kalkolu tal-ammont ta’ għajnuna sabiex targumenta li hija effettivament wettqet paragun tat-tranżazzjoni kontenzjuża ma’ tranżazzjonijiet imwettqa skont il-kundizzjonijiet tas-suq.

136    Il-Qorti Ġenerali madankollu staqsiet lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, sabiex tkun taf in-natura u l-portata tal-investigazzjonijiet imwettqa minnha sabiex tasal għall-konklużjoni tagħha dwar l-assenza ta’ prezz tas-suq għal self simili mhux iggarantit. Bħala risposta, il-Kummissjoni llimitat ruħha li tindika li l-ebda informazzjoni dwar rati ta’ interessi fuq self mogħti f’sitwazzjonijiet simili ma kienet ġiet ipprovduta matul l-investigazzjoni, mingħajr ma pprovdiet indikazzjonijiet dwar il-miżuri ta’ investigazzjoni meħuda, fejn xieraq.

137    Għandu jitfakkar li l-oneru tal-prova li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-kriterju tal-operatur privat – li japplika f’dan il-każ – huma ssodisfatti jaqa’ fuq il-Kummissjoni, li għandha titlob l-informazzjoni rilevanti kollha matul il-proċedura amministrattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Marzu 2013, Il‑Kummissjoni vs Buczek Automotive, C‑405/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:186, punti 33 u 34, u tal‑20 ta’ Settembru 2017, Il‑Kummissjoni vs Frucona Košice, C‑300/16 P, EU:C:2017:706, punt 24). F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma tistax tinvoka n-natura frammentarja tal-informazzjoni li ġiet trażmessa lilha matul il-proċedura amministrattiva sabiex tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha, peress li hija ma eżerċitatx is-setgħat kollha li hija kellha sabiex tikseb l-informazzjoni neċessarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ April 1994, Il-Ġermanja u Pleuger Worthington vs Il-Kummissjoni, C‑324/90 u C‑342/90, EU:C:1994:129, punt 29). Dan japplika iktar u iktar meta d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata mhux fuq nuqqas ta’ produzzjoni ta’ provi li ġew mitluba mill-Kummissjoni lill-Istat Membru kkonċernat, iżda fuq il-konstatazzjoni li operatur privat ma kienx jaġixxi bl-istess mod bħall-awtoritajiet tal-imsemmi Stat Membru, li hija konstatazzjoni li tippreżumi li l-Kummissjoni kellha l-informazzjoni kollha rilevanti neċessarja għat-tħejjija tad-deċiżjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2013, Il‑Kummissjoni vs Buczek Automotive, C‑405/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:186, punt 35).

138    F’dan il-każ, mir-risposti mogħtija mill-Kummissjoni, fir-risposta tagħha, u sussegwentement fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti Ġenerali tiddeduċi li, matul il-proċedura amministrattiva, din ma talbitx lir-Renju ta’ Spanja jew lil sorsi oħra għal informazzjoni dwar l-eżistenza ta’ self simili għas-self sottostanti għat-tranżazzjoni kontenzjuża. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża ruħha fuq nuqqas ta’ produzzjoni ta’ elementi mitluba minnha sabiex tasal għall-konklużjoni, fil-premessa 93 tad-deċiżjoni kkontestata, li kien jeżisti biss “għadd limitat ta’ osservazzjonijiet ta’ tranżazzjonijiet simili fis-suq” li ma “[kienx] se jipprovdi tqabbil sinifikanti”.

139    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tinvoka l-ebda element ieħor miksub matul il-proċedura amministrattiva li jsostni l-konklużjoni tagħha dwar l-assenza ta’ tranżazzjonijiet komparabbli.

140    Għaldaqstant, il-konklużjoni inkwistjoni li waslet għaliha l-Kummissjoni fil-premessa 93 tad-deċiżjoni kkontestata ma hijiex issostanzjata b’mod suffiċjenti fid-dritt.

141    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandha tintlaqa’ t-tieni parti tat-tieni motiv, sa fejn l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ hija vvizzjata bi żbalji manifesti peress li, l-ewwel nett, hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni tal-Fundación Elche, it-tieni nett, hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-ipoteka mogħtija minn din tal-aħħar bħala kontrogaranzija, it-tielet nett, hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni r-rikapitalizzazzjoni tar-rikorrenti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-valur tal-azzjonijiet mirhuna lill-IVF, ir-raba’ nett, hija ppreżumiet li l-ebda istituzzjoni finanzjarja ma kienet ser tidħol garanti għal impriża f’diffikultà u, għaldaqstant, li l-ebda primjum ta’ garanzija ta’ referenza korrispondenti ma kien offrut fis-suq u, il-ħames nett, hija ma ssostanzjatx b’mod suffiċjenti l-konklużjoni tagħha dwar l-insuffiċjenza ta’ tranżazzjonijiet komparabbli sabiex tistabbilixxi l-prezz tas-suq ta’ self simili mhux iggarantit.

142    Konsegwentement, hemm lok li jiġi deċiż l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrenti, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-bqija tal-argumenti u tal-motivi mqajma insostenn ta’ dan ir-rikors.

 Fuq l-ispejjeż

143    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mir-rikorrenti, inklużi dawk relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji, konformement mat-talbiet ta’ din tal-aħħar.

144    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Għalhekk, ir-Renju ta’ Spanja għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/365 tal4 ta’ Lulju 2016 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.36387 (2013/C) (ex 2013/NN) (ex 2013/CP) implimentata minn Spanja għal Valencia Club de Fútbol Sociedad Anónima Deportiva, Hércules Club de Fútbol Sociedad Anónima Deportiva u Elche Club de Fútbol Sociedad Anónima Deportiva, hija annullata sa fejn din tikkonċerna lil Elche Club de Fútbol, SAD.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti minn Elche Club de Fútbol, inklużi dawk relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji.

3)      Ir-Renju ta’ Spanja għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Kanninen

Schwarcz

Iliopoulos

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑12 ta’ Marzu 2020.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l‑Ispanjol.