Language of document : ECLI:EU:T:2011:330

Kawża T-318/09

Audi AG u Volkswagen AG

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja verbali TDI — Raġuni assoluta għal rifjut — Karattru deskrittiv — Nuqqas ta’ karattru distintiv miksub permezz tal-użu — Artikolu 7(1)(c) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 — Artikolu 75 u Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009”

Sommarju tas-sentenza

1.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Trade marks li jikkonsistu esklużivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jintużaw sabiex jindikaw il-karatteristiċi ta’ prodott

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 7(1)(c))

2.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Trade mark nieqsa minn karattru distintiv — Eċċezzjoni — Kisba tal-karattru distintiv permezz tal-użu

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 7(1)(b) u (3))

1.      Jista’ jservi sabiex jindika, skont l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja, il-karatteristiċi essenzjali tal-prodotti u servizzi kkonċernati mill-applikazzjoni għal trade mark is-sinjal verbali TDI, li r-reġistrazzjoni tiegħu bħala trade mark Komunitarja ntalbet għall-“Vetturi u l-elementi ta’ kostruzzjoni tagħhom”, li tifforma parti mill-klassi 12 skont il-Ftehim ta’ Nice.

F’dak li jirrigwarda l-vetturi, dan is-sinjal verbali, li jikkostitwixxi t-taqsira ta’ “turbo diesel injection” jew ta’ “turbo direct injection”, jiddeskrivi l-kwalità tagħhom, peress li l-fatt li għandhom magna “turbo diesel injection” jew “turbo direct injection” jikkostitwixxi karatteristika essenzjali ta’ vettura. Fir-rigward tal-elementi ta’ kostruzzjoni tal-vetturi, is-sinjal verbali TDI jiddeskrivi t-tip tagħhom.

Barra minn hekk, is-sinjal TDI huwa deskrittiv tal-prodotti kkonċernati fl-Unjoni kollha. Fil-fatt, peress li l-vetturi huma kkummerċjalizzati, bħala prinċipju, taħt l-istess denominazzjonijiet fis-suq intern kollu, ma teżistix differenza bejn id-diversi partijiet tal-Unjoni fir-rigward tal-fehma, mill-pubbliku rilevanti, tat-tifsira tas-sinjal imsemmi u tar-relazzjoni eżistenti bejn dan is-sinjal u l-prodotti msemmija fl-applikazzjoni għat-trade mark.

(ara l-punti 18, 19)

2.      Trade mark tista’ tiġi rreġistrata skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja biss jekk titressaq il-prova li din tkun kisbet, permezz tal-użu li jkun sar minnha, karattru distintiv fil-parti tal-Unjoni li fiha ma kellhiex tali karattru ab initio. L-imsemmija parti tal-Unjoni, prevista fil-paragrafu 2 tal-imsemmi Artikolu tista’, f’kull każ, tkun tikkonsisti minn Stat Membru wieħed.

Huwa għalhekk fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni fejn it-trade mark li saret applikazzjoni għaliha ma kellhiex karattru distintiv ab initio li din għandha tkun kisbet karattru distintiv permezz tal-użu sabiex tkun tista’ tiġi rreġistrata skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009. Barra minn hekk, il-provi mressqa fir-rigward ta’ ċerti Stati Membri ma jistgħux jipprovaw li s-sinjal kiseb karattru distintiv fl-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni.

(ara l-punti 46, 47)