Language of document : ECLI:EU:F:2007:208

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TA’ L-UNJONI EWROPEA (L-Ewwel Awla)

27 ta’ Novembru 2007 (*)

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Sigurtà soċjali – Skema Konġunta ta’ l-Assigurazzjoni għall-mard – Sħubija – Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal – Artikolu 1 ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal – Artikolu 12 tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni għall-mard għall-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej”

Fil-kawża F‑122/06,

li għandha bħala suġġett rikors imressaq skond l-Artikoli 236 KE u 152 Euratom,

Anton Pieter Roodhuijzen, uffiċjal tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, residenti fil-Lussemburgu, irrappreżentat minn É. Boigelot, avukat,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn J. Currall u D. Martin, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla),

komposta minn H. Kreppel, President, H. Tagaras (Relatur) u S. Gervasoni, Imħallfin,

Reġistratur: S. Boni, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Ġunju 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-23 ta’ Ottubru 2006, A. Roodhuijzen, uffiċjal tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, jitlob lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex jannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Frar 2006, ikkonfermata fl-20 ta’ Marzu 2006, li tiċħad ir-rikonoxximent tas-sħubija tiegħu ma’ Maria Helena Astrid Hart u, bħala konsegwenza, iċċaħħadha mill-benefiċċju ta’ l-Iskema Konġunta ta’ l-Assigurazzjoni għall-mard tal-Komunitajiet Ewropej (iktar ’il quddiem l-“iSKAM”), kif ukoll id-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, adottata mill-Awtorità tal-Ħatra fit-12 ta’ Lulju 2006.

 Il-kuntest ġuridiku

2        L-Artikolu 72(1) tar-Regolamenti tal-Persunal ta’ l-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) jipprovdi li:

“Uffiċjal, il-konsorti [konjuġi] tiegħu, fejn it-tali [konjuġi] mhux eliġibbli għall-benefiċċji ta’ l-istess natura u fuq l-istess livell bis-saħħa ta’ xi disposizzjoni jew regolament ieħor, it-tfal tiegħu u dipendenti oħra fis-sens ta’ l-Artikolu 2 ta’ l-Anness VII huma assigurati kontra l-mard sa 80 % ta’ l-ispejjeż imħallsa, suġġetti għar-regoli mħejjija mill-ftehim bejn l-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet wara li jkun ikkonsultat il-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal. Din ir-rata għandha tiżdied għal 85 % tas-servizzi li ġejjin: konsulenza u viżiti, operazzjonijiet kirurġiċi, ammissjoni fl-isptar, prodotti farmaċewtiċi, radjoloġija, analiżi, testijiet tal-laboratorju, u protesi fuq preskrizzjoni bl-eċċezzjoni ta’ protesi dentali. Tiżdied għal 100 % fil-każijiet ta’ tuberkulożi, poljomelite, kankru, mard mentali, u mard ieħor rikonoxxut mill-[A]wtorità tal-[Ħ]atra bħala ta’ serjetà komparabbli, u għal eżami biex jinstab il-mard mill-ewwel u fil-każijiet ta’ [ħlas]. Madankollu, ir-rimbursar ta’ 100 % ma japplikax fil-każ ta’ mard jew aċċident fuq il-post tax-xogħol li daħħal fis-seħħ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 73.

Is-sieħeb mhux miżżewweġ ta’ uffiċjal għandu jitqies bħala miżżewweġ taħt l-iskema ta’ l-assigurazzjoni kontra l-mard, fejn l-ewwel tliet kondizzjonijiet ta’ l-Artikolu 1(2)(ċ) ta’ l-Anness VII jitħarsu.

[...]”

3        L-Artikolu 1(2) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li:

“ L-allowance tal-familja għand[ha] [t]ingħata lil:

a)      uffiċjal miżżewweġ;

b)      uffiċjal li huwa armel, iddivorzjat, separat legalment, jew mhux miżżewweġ u għandu tifel dipendenti wieħed jew aktar fis-sens ta’ l-Artikolu 2(2) jew (3) t’hawn taħt;

ċ)      uffiċjal li huwa rreġistrat bħala sieħeb stabbli, mhux miżżewweġ, sakemm:

i)      il-koppja tipproduċi dokument legali, rikonoxxut bħal tali minn Stat Membru, jew kull awtorità kompetenti ta’ Stat Membri, li tirrikonoxxi l-istat[us] tagħhom bħala sħab [imsieħba] mhux miżżewġa;

ii)      l-ebda sieħeb m’hu qiegħed f’relazzjoni maritali, jew f’xi relazzjoni oħra mhux maritali;

iii)      l-imsieħba ma jiġux min[n] xulxin b’xi mod li ġej: ġenitur, iben/bint, nannu/nanna, neputi tan-nanniet, ħu, oħt, ziju, zij[a], neputi, neputija, ħaten, ħtint;

iv)      il-koppja m’għandhiex aċċess għal żwieġ legali fi Stat Membru, il-koppja għandha titqies li għandha aċċess għal żwieġ legali għall-iskopijiet ta’ dan il-punt biss fejn il-membri tal-koppja jħarsu l-kondizzjonijiet kollha mniżżla mil-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li jippermetti ż-żwieġ tat-tali koppja;

[…]”

4        L-Artikolu 12 tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni għall-mard għall-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (iktar ’il quddiem: ir-“Regoli Komuni”) jipprovdi li:

“Huma koperti taħt l-assigurazzjoni tal-membru, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 13 u 14:

–        il-konjuġi tal-membru, sakemm dan mhuwiex huwa stess membru ta’ l-istess skema,

–        is-sieħeb rikonoxxut tal-membru, anke jekk il-kundizzjoni prevista fl-aħħar inċiż ta’ l-Artikolu 1(2)(ċ) ta’ l-Anness VII tar-[R]egolamenti tal-Persunal ma tkunx issodisfata,

–        il-konjuġi jew is-sieħeb rikonoxxut f’sitwazzjoni ta’ leave għal raġunijiet personali kif prevista fir-[R]egolamenti tal-Persunal”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5        Fl-Olanda, kif jirriżulta mill-fuljett informattiv li l-Kummissjoni annettiet mar-risposta tagħha u li, skondha, inħareġ mill-amministrazzjoni Olandiża, id-dritt nazzjonali jipprevedi, flimkien maż-żwieġ tradizzjonali, żewġ tipi ta’ unjoni, jiġifieri s-sħubija rreġistrata (“geregistreerd partnerschap”) u ftehim ta’ ħajja flimkien (“samenlevingsovereenkomst”). Filwaqt li l-ewwel unjoni twassal għal konsegwenzi legali, patrimonjali u extra patrimonjali simili, fil-parti l-kbira tagħhom, għal dawk maħluqa mir-rabta taż-żwieġ, it-tieni tip ta’ unjoni, għall-kuntrarju, tirriżulta mill-awtonomija tar-rieda tal-partijiet u prinċipalment twassal biss, bejn dawn ta’ l-aħħar, għall-konsegwenzi li jirriżultaw mid-drittijiet u obbligi previsti minnhom fil-ftehim.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali

6        Ir-rikorrent, li huwa ċittadin Olandiż, ilu uffiċjal ma’ l-Eurostat mill-15 ta’ Frar 2006. Fl-20 ta’ Frar ta’ l-istess sena, huwa talab sabiex is-sħubija tiegħu ma’ Maria Helena Astrid Hart, irregolata minn ftehim ta’ ħajja flimkien (“samenlevingsovereenkomst”) stabbilit fl-Olanda quddiem nutar, fid-29 ta’ Diċembru 2005, jiġi rikonoxxut mill-Kummissjoni sabiex din tkun tista’ tibbenifika mill-iSKAM.

7        Permezz ta’ nota tat-28 ta’ Frar 2006, l-Uffiċċju ta’ Ġestjoni u Ħlas ta’ l-intitolamenti individwali (PMO) ċaħad din it-talba minħabba li l-ftehim ta’ ħajja flimkien, konkluż bejn ir-rikorrent u s-sieħba tiegħu, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala sħubija rikonoxxuta mil-leġiżlazzjoni Olandiża (liġi fuq il-“geregistreerd partnerschap”, li daħlet fis-seħħ fil-1 ta’ Jannar 1998), kif huwa meħtieġ mill-Artikolu 1(2)(ċ) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal.

8        Fit-13 ta’ Marzu 2006, ir-rikorrent ikkontesta ċ-ċaħda tat-talba tiegħu u pprovda ċertifikat mill-ambaxxata ta’ l-Olanda fil-Lussemburgu li kien juri li s-“samenlevingsovereenkomst” iffirmat quddiem nutar bejn ir-rikorrent u s-sieħba tiegħu huwa rikonoxxut fl-Olanda u li għalhekk ikkonferma l-istatus tagħhom ta’ msieħba mhux miżżewġa.

9        Madankollu, permezz ta’ nota ta’ l-20 ta’ Frar 2006, il-Kummissjoni kkonfermat id-deċiżjoni tagħha tat-28 ta’ Frar 2006. Hija kkunsidrat li għalkemm il-ftehim ta’ ħajja flimkien kien jikkostitwixxi konferma formali ta’ l-istatus ta’ msieħba mhux miżżewġa tar-rikorrent u tas-sieħba tiegħu, xorta jibqa’ l-fatt li dan il-ftehim ma joħloqx drittijiet u obbligi barra dawk li l-imsieħba kienu stabbilixxew bil-miktub. Il-fatt li l-ftehim ġie ffirmat quddiem nutar ma jbiddilx il-fatt li dan huwa sempliċi kuntratt privat, li m’għandux konsegwenzi legali għal terzi u li lanqas m’huwa suġġett għall-obbligu ta’ reġistrazzjoni. Issa, l-Artikolu 1(2)(ċ) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal jissuġġetta s-sħubija mhux maritali għal tali obbligu, fejn ir-reġistrazzjoni toħloq drittijiet u obbligi simili għall-konsegwenzi legali ta’ żwieġ.

10      Ir-rikorrent ressaq ilment, fil-31 ta’ Marzu 2006, fejn ikkontesta l-interpretazzjoni, fil-fehma tiegħu stretta wisq, adottata mill-Kummissjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 1(2) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal. F’dan l-ilment, huwa sostna li r-reġistrazzjoni tal-ftehim quddiem nutar kienet kundizzjoni suffiċjenti u semma ċerti ċirkustanzi ta’ natura li juru li ftit jeżistu differenzi bejn is-sħubija tiegħu u l-istituzzjoni taż-żwieġ. B’mod partikolari, huwa enfasizza li kien ilu aktar minn sentejn f’relazzjoni mas-sieħba tiegħu, li flimkien kellhom tarbija li huwa kien irrikonoxxa uffiċjalment u li kienu qed jistennew tarbija oħra. Ir-rikorrent żied li hu u s-sieħba tiegħu kienu t-tnejn għamlu testmenti reċiproċi u li huwa kien ħareġ assigurazzjoni tal-ħajja għall-benefiċċju tas-sieħba tiegħu.

11      Permezz ta’ opinjoni ta’ l-1 ta’ Ġunju 2006, il-Kumitat ta’ Ġestjoni ta’ l-iSKAM (iktar ’il quddiem il-“Kumitat ta’ Ġestjoni”) ikkunsidra, billi bbaża ruħu fuq id-dokumenti pprovduti mir-rikorrent, b’mod partikolari l-ftehim ta’ ħajja flimkien stabbilit quddiem nutar u kif ukoll iċ-ċertifikat maħruġ mill-ambaxxata ta’ l-Olanda fil-Lussemburgu, li s-sħubija in kwistjoni kellha tiġi rikonoxxuta bħala li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 12 tar-Regoli Komuni, b’mod partikolari l-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 1(2)(ċ)(i) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal.

12      Minkejja din l-opinjoni pożittiva tal-Kumitat ta’ Ġestjoni, l-Awtorità tal-Ħatra, permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Lulju 2006, ċaħdet l-ilment tar-rikorrent. Hija kkunsidrat li l-għan tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal kien li jillimitaw il-benefiċċju ta’ l-iSKAM għall-imsieħba li jkunu ntrabtu f’relazzjoni simili għaż-żwieġ, li timplika drittijiet u obbligi reċiproċi, kif iddefiniti mil-liġi. Hija rrilevat li l-ftehim ta’ ħajja flimkien jikkostitwixxi biss kuntratt privat, li seta’ jiġi konkluż minn iktar minn żewġ persuni u li l-partijiet setgħu jagħżlu l-kontenut tiegħu, u li, minkejja li tkun irreġistrata quddiem nutar, din is-sħubija de facto ma kellha ebda konsegwenza legali u għaldaqstant ma setgħatx tiġi kkunsidrata bħala sħubija mhux maritali, kif previst mill-Artikolu 1(2)(ċ), ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal.

13      Id-deċiżjoni ta’ l-Awtorità tal-Ħatra ġiet innotifikata lir-rikorrent fit-13 ta’ Lulju 2006.

 It-talbiet tal-partijiet

14      Ir-rikorrent jitlob lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex jogħġbu :

–        jannulla d-deċiżjoni tat-28 ta’ Frar 2006, ikkonfermata fl-20 ta’ Marzu 2006, li ma tirrikonoxxix is-sħubija tiegħu ma’ Maria Helena Astrid Hart bħala sħubija mhux maritali għall-finijiet ta’ l-iSKAM;

–        jannulla d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tiegħu, ippreżentat fis-27 ta’ Marzu 2006 taħt l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, tat-12 ta’ Lulju 2006 u nnotifikata fit-13 ta’ Lulju ta’ wara;

–        f’kull każ, jordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż kollha, skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

15      Il-Kummissjoni titlob lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex jogħġbu:

–        jiddikjara r-rikors bħala mhux fondat;

–        jiddeċiedi dwar l-ispejjeż skond il-liġi.

 Fuq is-suġġett tal-kawża

16      Ir-rikorrent qiegħed jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tat-28 ta’ Frar 2006, ikkonfermata fl-20 ta’ Marzu 2006, li tiċħad ir-rikonoxximent ta’ l-isħubija tiegħu mas-sieħba tiegħu u, bħala konsegwenza, li ċċaħħadha mill-benefiċċju ta’ l-iSKAM, kif ukoll l-annullament tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, adottata mill-Awtorità tal-Ħatra fit-12 ta’ Lulju 2006. F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li, skond ġurisprudenza kostanti, f’ċirkustanzi bħal dawn it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku huwa fir-realtà adit biss bl-atti preġudizzjali li fil-konfront tagħhom tressaq l-ilment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Jannar 1989, Vainker vs Il-Parlament, 293/87, Ġabra p. 2, punt 8; sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ta’ l-14 ta’ Novembru 2006, Chatziioannidou vs Il-Kummissjoni, F‑100/05, Ġabra p. I-A-1-129, II-A-1-487, punt 24). Konsegwentement, it-talbiet tar-rikorrent għandhom jinftiehmu bħala intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni tat-28 ta’ Frar 2006, kif ikkonfermata fl-20 ta’ Marzu 2006.

 Id-dritt

17      In sostenn tat-talbiet tiegħu, ir-rikorrent jinvoka ksur ta’ l-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal, ta’ l-Artikolu 1(2)(ċ)(i) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, kif ukoll ta’ l-Artikolu 12 tar-Regoli Komuni, żball manifest ta’ evalwazzjoni, ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni kif ukoll ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħall-prinċipju ta’ trattament ugwali fost l-uffiċjali, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u d-dmir ta’ premura, kif ukoll prinċipji li jobbligaw lill-Awtorità tal-Ħatra ma tadottax deċiżjoni ħlief fuq il-bażi ta’ motivi legalment ammissibbli, jiġifieri motivi li jkunu rilevanti u li ma jkunux ivvizzjati bi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, ta’ fatt jew ta’ liġi.

18      It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkunsidra li huwa xieraq li fl-ewwel lok jeżamina l-motivi bbażati fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal, ta’ l-Artikolu 1(2)(ċ)(i) ta’ l-Anness VII tar- Regolamenti tal-Persunal, kif ukoll ta’ l-Artikolu 12 tar-Regoli Komuni.

 L-argumenti tal-partijiet

19      Minn naħa, ir-rikorrent jikkunsidra li mill-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal, mill-Artikolu 1(2)(ċ)(i) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal u mill-Artikolu 12 tar-Regoli Komuni, li għandhom jinqraw flimkien u b’mod koerenti, jirriżulta li, skond l-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Artikolu 12 tar-Regoli Komuni, is-sieħeb mhux miżżewweġ ta’ uffiċjal, sabiex jibbenifika mill-iSKAM, għandu sempliċement jissodisfa l-ewwel tliet kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 1(2)(ċ) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, jiġifieri l-kundizzjonijiet previsti taħt (i), (ii) u (iii). Matul is-seduta, ir-rikorrent enfasizza wkoll li interpretazzjoni letterali tad-dispożizzjonijiet in kwistjoni tikkonferma din l-analiżi. Konsegwentement, b’mod kuntrarju għal dak li jsostni l-PMO fid-deċiżjoni tiegħu li tiċħad it-talba għar-rikonoxximent tas-sħubija tar-rikorrent, kif ukoll għal dak li sussegwentament sostniet l-Awtorità tal-Ħatra fid-deċiżjoni tagħha li tiċħad l-ilment, sħubija mhux maritali tista’ tiġi aċċettata għall-finijiet ta’ l-iSKAM mingħajr ma jkun meħtieġ li din tkun irreġistrata b’att ieħor minbarra b’att notarili; b’hekk, ma’ l-artikoli ċċitati iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma tistax iżżid kundizzjonijiet li ma jinsabux fl-imsemmija artikoli. Għaldaqstant, l-imsieħba mhux miżżewġa, rikonoxxuti bħala tali minn Stat Membru, li jidher b’mod ċar li huwa l-każ tas-sħubija bejn ir-rikorrent u s-sieħba tiegħu, għandhom ikunu f’pożizzjoni li jibbenifikaw mill-vantaġġi stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal.

20      Ir-rikorrent iqis f’dan ir-rigward li, minbarra l-kundizzjonijiet previsti fl-inċiżi (ii) u (iii), li ma joħolqu ebda diffikultà fil-konfront tiegħu, huwa jissodisfa wkoll il-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 1(2)(ċ)(i) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, huwa kien ippreżenta dokument legali rikonoxxut bħala tali fi Stat Membru, f’dan il-każ il-ftehim ta’ ħajja flimkien, konkluż b’att notarili, li huwa attestazzjoni tar-rikonoxximent ta’ l-istatus tiegħu ta’ sieħeb mhux miżżewweġ; barra minn hekk, flimkien ma’ dan id-dokument legali, li fl-opinjoni tiegħu huwa biżżejjed, fil-proċess tal-kawża tinsab attestazzjoni ta’ l-ambaxxata ta’ l-Olanda fil-Lussemburgu li tikkonferma r-rikonoxximent ta’ l-isħubija. F’kull każ, il-Kummissjoni hija marbuta tikkunsidra l-ftehim ta’ ħajja flimkien inkluż fil-proċess tal-kawża, ma tistax tiċħad li tirrikonoxxi, fil-konfront tas-sitwazzjoni tar-rikorrent, l-effetti li jirriżultaw mill-istatus ta’ sħubija rikonoxxuta u lanqas ma tista’ tagħmila ta’ konsulent legali fir-rigward tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ l-Olanda.

21      Ir-rikorrent jikkummenta wkoll li l-Kummissjoni stess irrikonoxxiet, fin-nota tagħha ta’ l-20 ta’ Marzu 2006, li l-ftehim ta’ ħajja flimkien bejnu u s-sieħba tiegħu kienet konferma formali ta’ l-istatus tagħhom ta’ msieħba mhux miżżewġa. Għaldaqstant, huwa sorprendenti li hija tinsisti li tiċħad lir-rikorrent u lis-sieħba tiegħu d-dritt kweżit li jirriżulta minn din il-konstatazzjoni. Safejn id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal jirreferu għar-rikonoxximent minn Stat Membru ta’ dokument u ta’ sitwazzjoni, il-Kummissjoni ma tistax tinħeba wara l-prinċipju ta’ interpretazzjoni awtonoma tad-dritt Komunitarju sabiex tiċħad li tieħu in kunsiderazzjoni d-dokumenti pprovduti u s-sitwazzjoni li huma jattestaw. Barra minn hekk, il-ftehim li huwa kkonkluda mas-sieħba tiegħu huwa att notarili, jiġifieri att maħluq minn persuna li għandha awtorità pubblika u li toħloq ukoll atti notarili vinkolanti.

22      Barra minn hekk, ir-rikorrent isostni li l-Artikolu 1(2)(ċ)(iv) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, li jirrigwarda l-kundizzjoni li l-koppja ma jkollhiex aċċess għal żwieġ ċivili fi Stat Membru, huwa espressament eskluż mill-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal u mill-Artikolu 12 tar-Regoli Komuni, fatt dan li juri b’mod ċar li l-kwistjoni ta’ żwieġ mhijiex essenzjali sabiex tiġi rikonoxxuta l-isħubija għall-finijiet ta’ l-estensjoni tal-benefiċċju ta’ l-iSKAM għas-sieħeb ta’ uffiċjal, b’mod kontrarju għall-kontestazzjoni tal-Kummissjoni. Irrispettivament minn jekk ikunx hemm aċċess għal żwieġ, il-persuni huma ħielsa li jagħżlu jew li jippreferu s-sħubija, peress li ż-żewġ istituzzjonijiet mhumiex identiċi u peress li l-uniċi similaritajiet bejniethom huma d-dikjarazzjoni pubblika u r-rikonoxximent konsegwenti.

23      Fl-aħħar, billi jirreferi għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ April 1986, Reed (59/85, Ġabra p. 1283, point 15), ir-rikorrent jikkunsidra li l-evoluzzjoni soċjali tal-moralità, f’numru ta’ Stati Membri, tiġġustifika iktar u iktar interpretazzjoni estensiva tal-kunċetti ta’ “konjuġi” u ta’ “sieħeb mhux miżżewweġ” sabiex jinkludu sħubija bejn membri tas-sess oppost li jkunu jinsabu f’relazzjoni stabbli rikonoxxuta.

24      Il-Kummissjoni tirrispondi li, b’mod kuntrarju għal dak li jsostni r-rikorrent, l-intenzjoni tal-leġiżlatur ma kinitx li jestendi l-benefiċċju ta’ l-iSKAM għall-imsieħba stabbli kollha ta’ l-uffiċjali meta s-sħubija tagħhom tkun “rikonoxxuta” iżda li jestendih biss għal dawk li l-isħubija tagħhom tkun simili ħafna għal “żwieġ” fl-Istat Membru fejn din is-sħubija tkun ġiet stabbilita.

25      Qabel kollox, il-Kummissjoni tfakkar li minn ġurisprudenza kostanti jirriżulta li, sabiex tiġi interpretata dispożizzjoni ta’ dritt Komunitarju, m’għandhomx jitqiesu biss it-termini tagħha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti d-dispożizzjoni in kwistjoni. Minn naħa, il-Kummissjoni tikkunsidra li huwa diffiċli ħafna li jiġi kkontestat li l-għan, kemm ta’ l-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll ta’ l-Artikolu 1 ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa li jkopri l-persuni li huma “simili” għall-“konjuġi” ta’ uffiċjali. Barra minn hekk, skond il-Kummissjoni, dan l-għan joħroġ b’mod ċar mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jirreferi għas-sieħeb mhux miżżewweġ ta’ uffiċjal li jista’ “jitqies” bħala l-konjuġi tiegħu. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ssostni li d-diċitura “newtrali” ta’ l-Artikolu 1(2)(ċ)(i) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal hija fil-prattika dovuta għad-diversità kbira bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fir-rigward ta’ “sħubija simili għal żwieġ” li jeżistu fl-Istati Membri u, konsegwentement, għall-impossibbiltà għal-leġiżlatur li jadotta formulazzjoni iktar espliċità li, minħabba l-preċiżjoni kbira wisq tagħha, jkollha r-riskju li tħalli barra sħubija implementata għal dan il-għan f’ċerti Stati Membri.

26      Barra minn hekk, li kieku l-leġiżlatur Komunitarju xtaq jestendi l-benefiċċju ta’ l-iSKAM għal kategoriji oħra ta’ sħubija stabbli, huwa kien jindika dan espressament. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva li fl-Olanda jeżisti biss tip wieħed ta’ “sħubija rreġistrata” simili għal żwieġ. Il-ftehim ta’ ħajja flimkien, konkluż mir-rikorrent, ma jikkostitwix legalment tali sħubija rreġistrata iżda sempliċement kuntratt jew “ftehim ta’ koabitazzjoni” li jista’ jiġi konkluż bejn żewġ persuni jew iktar, fejn din il-possibbiltà ta’ l-aħħar hija, għall-kuntrarju, ipprojbita fil-kuntest ta’ “sħubija rreġistrata”. Il-Kummissjoni tenfassizza wkoll li r-reġistrazzjoni minn nutar ta’ ftehim ta’ ħajja flimkien mhijiex obbligatorja, ħlief fil-każ ta’ l-għotja ta’ ċerti vantaġġi. Barra minn hekk, filwaqt li l-vera “sħubija rreġistrata” għandha l-oriġini tagħha fil-liġi, il-ftehim ta’ ħajja flimkien jirriżulta mis-sempliċi awtonomija tal-volontà tal-partijiet. Bl-istess mod, filwaqt li minn ta’ l-ewwel jirriżultaw drittijiet u obbligi legali bħal fiż-żwieġ, tat-tieni, għall-kuntrarju, jimplika biss konsegwenzi patrimonjali.

27      Skond il-Kummissjoni, il-fatt li l-ftehim ta’ ħajja flimkien kien ġie rreġistrat minn nutar u li l-Olanda tirrikonoxxi dan il-ftehim ta’ koabitazzjoni mhuwiex rilevanti. Tali rikonoxximent m’għandux konsegwenzi legali fuq il-kwistjoni jekk dan il-“ftehim ta’ koabitazzjoni” jistax jimponi ruħu fuq prinċipal Komunitarju għall-finijiet ta’ l-estensjoni tal-benefiċċju ta’ l-iSKAM għas-sieħeb ta’ uffiċjal.

28      Fl-aħħar, sabiex tirrispondi għall-argument tar-rikorrent ibbażat fuq is-sentenza Reed, iċċitata iktar ’il fuq, il-Kummissjoni tfakkar li, fis-sentenza tal-31 ta’ Mejju 2001, D u L-Iżvezja vs Il-Kunsill (C‑122/99 P u C‑125/99 P, Ġabra p. I‑4319, punti 37 u 38), il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat espressament li ma kienx ir-rwol tal-qorti Komunitarja li tinterpreta b’mod estensiv il-kunċetti ta’ “żwieġ” jew ta’ “sħubija rreġistrata” iżda li, għall-kuntrarju, kien biss il-leġiżlatur li kellu jemenda r-Regolamenti tal-Persunal sabiex iqis ċerti forom ta’ sħubija rreġistrata bħala simili għaż-żwieġ. Il-Kummissjoni żżid li, barra minn hekk, minn dik is-sentenza jirriżulta espliċitament li l-leġiżlatur xtaq li mill-iSKAM jibbenifikaw biss il-persuni involuti fi sħubija maritali stabbli li l-effetti tagħha jkunu ekwivalenti għaż-żwieġ.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

29      Mit-test stess ta’ l-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li, sabiex jiġi ddefinit il-kunċett ta’ “sieħeb mhux miżżewweġ ta’ uffiċjal”, dan l-artikolu jirreferi direttament għall-ewwel tliet kundizzjonijiet ta’ l-Artikolu 1(2)(ċ) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li l-kwistjoni tar-reġistrazzjoni tas-sħubija, imsemmija fis-sentenza introduttiva ta’ l-Artikolu 1(2)(ċ) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala kundizzjoni preliminari. Li kieku l-leġiżlatur xtaq jiddisponi mod ieħor, l-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Artikolu 12 tar-Regoli Komuni ma kinux jirreferu rispettivament għas-sieħeb “mhux miżżewweġ” u “rikonoxxut” ta’ l-uffiċjal, iżda għas-sieħeb “irreġistrat” tiegħu, it-terminu użat fl-Artikolu 1(2)(ċ) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal; barra minn hekk, għandu jiġi osservat li t-tmien premessa tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 723/2004 tat-22 ta’ Marzu 2004 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal ta’ l-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet ta’ l-Impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 02 p. 130), li tirrigwarda l-estensjoni tal-vantaġġi tal-koppji miżżewġin għal tipi ta’ unjonijiet oħra, tirreferi għal “uffiċjali f’relazzjoni mhux maritali rikonoxxuta minn Stat Membru bħala sħubija stabbli”, mingħajr ma tagħmel ebda riferiment għall-kundizzjonijiet dwar ir-reġistrazzjoni tar-relazzjoni kkonċernata. F’dan l-istess kuntest, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jixtieq jippreċiża li, essenzjalment, ma teżistix differenza bejn il-kunċett ta’ sieħeb mhux miżżewweġ ta’ uffiċjal, imsemmi fl-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal, u dak ta’ sieħeb rikonoxxut ta’ uffiċjal, fis-sens ta’ l-Artikolu 12 tar-Regoli Komuni.

30      B’hekk, hija l-qorti Komunitarja li, sabiex tiddeċiedi dwar l-estensjoni tal-benefiċċju ta’ l-iSKAM għas-sieħeb mhux miżżewweġ ta’ uffiċjal, għandha tistħarreġ jekk ġewx issodisfati l-ewwel tliet kundizzjonijiet biss ta’ l-Artikolu 1(2)(ċ) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal.

31      Fir-rigward ta’ l-ewwel tliet kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 1(2)(ċ) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, mhuwiex ikkontestat mill-partijiet li l-aħħar tnejn fosthom, li jirrigwardaw rispettivament in-nuqqas tar-rabta ta’ l-imsieħba f’relazzjoni oħra mhux maritali u n-nuqqas ta’ rabtiet ta’ parentela bejniethom, huma ssodisfati fil-kawża preżenti.

32      Barra minn hekk, l-ewwel kundizzjoni, li fuqha hija bbażata fir-realtà d-differenza bejn l-interpretazzjoni tal-partijiet (iktar ’il quddiem il- “kundizzjoni kkontestata”), tiddikjara li l-koppja għandha tipproduċi dokument legali, rikonoxxut bħala tali minn Stat Membru jew minn xi awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, li jirrikonoxxi l-istatus tagħhom bħala msieħba mhux miżżewġa. Din il-kundizzjoni fiha tliet partijiet :

–        l-ewwel parti tirrigwarda l-produzzjoni ta’ dokument “legali” dwar l-istatus tal-persuni;

–        it-tieni parti timponi r-rekwiżit li l-imsemmi dokument legali jkun “rikonoxxut” bħala tali minn Stat Membru;

–        fl-aħħar, fit-tielet parti, huwa meħtieġ li dan id-dokument legali, dwar l-istatus tal-persuni, jirrikonoxxi l-istatus ta’ “msieħba mhux miżżewġa” tal-persuni kkonċernati.

33      Fil-kawża preżenti, l-ewwel żewġ partijiet tal-kundizzjoni kkontestata huma ssodisfati. Fil-fatt, ir-rikorrent ipproduċa ftehim ta’ ħajja flimkien konkluż mas-sieħba tiegħu, stabbilit quddiem nutar fl-Olanda, kif ukoll attestazzjoni mill-ambaxxata ta’ l-Olanda fil-Lussemburgu fejn huwa ċċertifikat li dan id-dokument, li jirrikonoxxi l-istatus ta’ msieħba mhux miżżewġa tar-rikorrent u tas-sieħba tiegħu, huwa rikonoxxut fl-Olanda. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni ma nnegatx in-natura “legali” ta’ dan il-ftehim ta’ ħajja flimkien u lanqas ir-“rikonoxximent” tiegħu minn Stat Membru.

34      Fir-rigward tat-tielet parti, ir-rikorrent jikkunsidra li, safejn iċ-ċertifikat ta’ l-ambaxxata ta’ l-Olanda fil-Lussemburgu jindika espressament li s-“samenlevingsovereenkomst” jirrikonoxxi l-istatus tiegħu u tas-sieħba tiegħu bħala msieħba mhux miżżewġa, dan id-dokument huwa biżżejjed sabiex jiġi kkonstatat li t-tielet parti tal-kundizzjoni kkontestata hija ssodisfata wkoll.

35      It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jistax isegwi dan l-argument. Il-kwistjoni ta’ jekk żewġ persuni jkunux f’sitwazzjoni ta’ “msieħba mhux miżżewġa”, fis-sens tar-Regolamenti tal-Persunal, ma tistax tiġi evalwata biss mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ Stat Membru. B’hekk, fir-rigward b’mod partikolari tas-“samenlevingsovereenkomst”, ir-rekwiżit ta’ status ta’ “msieħba mhux miżżewġa” ma jistax jiġi ssodisfat mis-sempliċi fatt li dokument legali, rikonoxxut bħala tali minn Stat Membru, jafferma l-eżistenza ta’ tali status. Fil-fatt, il-ftehim ta’ ħajja flimkien taħt id-dritt Olandiż huwa biss kuntratt konkluż b’mod ħieles bejn il-partijiet, bla ħsara għar-rispett tar-regoli marbuta ma’ l-ordni pubblika u l-moralità. Dan jista’ jiġi konkluż bejn żewġ persuni jew iktar u ma jeżisti ebda obbligu legali li fih jiġu inklużi ċerti impenji jew dikjarazzjonijiet, b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-obbligu li jgħixu bħala familja waħda. Barra minn hekk, bħala prinċipju, dan il-ftehim ma jorbotx lill-partijiet ħlief fir-rigward tad-drittijiet u l-obbligi previsti minnhom u l-effetti legali tiegħu fil-konfront ta’ terzi, li f’kull każ huma limitati, jeħtieġu dikjarazzjonijiet u proċeduri partikolari.

36      Għall-kuntrarju, hemm lok li jiġi ammess, billi tiġi segwita sa ċertu punt il-pożizzjoni tal-Kummissjoni fejn din issostni li l-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Artikolu 12 tar-Regoli Komuni jikkonċernaw sħubija “simili” għaż-żwieġ, li, sabiex taqa’ taħt l-imsemmija dispożizzjonijeit, sħubija għandu jkollha ċerti similaritajiet maż-żwieġ.

37      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-parametri li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkunsidra li t-tielet parti tal-kundizzjoni kkontestata għandha tinftiehem bħala li tgħaqqad flimkien tliet kundizzjonijiet sekondarji kumulattivi.

38      L-ewwel nett, din it-tielet parti tal-kundizzjoni kkontestata tassumi, u t-terminu stess li jintuża fid-dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal applikabbli jikkonferma din l-interpretazzjoni, li l-imsieħba għandhom jiffurmaw “koppja”, jiġifieri unjoni bejn żewġ persuni, bl-eċċezzjoni ta’ unjonijiet ta’ persuni oħra li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ ftehim ta’ ħajja flimkien taħt id-dritt Olandiż. Għandu jiġi kkonstatat, u l-partijiet jaqblu fuq dan il-punt, li dan huwa l-każ fil-kawża preżenti.

39      It-tieni nett, l-użu tat-terminu “status” juri li r-relazzjoni bejn l-imsieħba għandu jkollha elementi ta’ pubbliċità u ta’ formalità. Minkejja li hija marbuta parzjalment ma’ l-ewwel parti tal-kundizzjoni kkontestata (ara l-punt 32 ta’ din is-sentenza), din it-tieni kundizzjoni sekondarja tat-tielet parti tmur lil hinn mis-sempliċi rekwiżit ta’ dokument “legali”. Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li din it-tieni kundizzjoni sekondarja hija ssodisfata fil-kawża preżenti. Minn naħa, peress li ġie konkluż quddiem nutar mingħajr ma kien jeżisti obbligu f’dan is-sens, il-ftehim li jorganizza l-ħajja flimkien tar-rikorrent u tas-sieħba tiegħu jibbenefika mill-awtentiċità li tikkonferixxi fuqu l-konklużjoni tiegħu permezz ta’ att notarili; min-naħa l-oħra, dan il-ftehim jirregola l-ħajja flimkien ta’ l-imsieħba b’mod strutturat u dettaljat, billi jsegwi l-istil ta’ kitba użat f’testijiet legali.

40      Fl-aħħar nett, il-kunċett ta’ “msieħba mhux miżżewġa” għandu jinftiehem bħala li jirrappreżenta sitwazzjoni fejn l-imsieħba jkollhom komunità ta’ ħajja komuni, ikkaratterizzata b’ċerta stabbiltà, u jkunu marbuta, fil-kuntest ta’ din il-komunità ta’ ħajja, bi drittijiet u obbligi reċiproċi li jikkonċernaw il-ħajja flimkien tagħhom.

41      Dan huwa l-każ fil-kawża preżenti.

42      Qabel kollox, fil-preambolu tas-“samenlevingsovereenkomst” konkluż bejn ir-rikorrent u s-sieħba tiegħu, dawn ta’ l-aħħar jiddikjaraw b’mod espress li ilhom mill-1 ta’ Lulju 2004 jgħixu flimkien bħala familja waħda. Barra minn hekk, kif irrileva r-rikorrent waqt is-seduta, l-Artikolu 7 tal-ftehim ta’ ħajja flimkien jimponi fuq il-koppja l-obbligu li jkollhom residenza komuni.

43      Għandu jiġi kkonstatat ukoll li l-ftehim ta’ ħajja flimkien tar-rikorrent u tas-sieħba tiegħu jistabbilixxi regoli estensivi dwar id-drittijiet u l-obbligi li jirrigwardaw il-ħajja komuni tagħhom bħala koppja. B’mod partikolari, skond l-Artikolu 3 tal-ftehim, l-imsieħba jingħataw prokura reċiproka għall-atti ġuridiċi li jirrigwardaw il-ħajja ta’ kuljum tagħhom. Fir-rigward ta’ l-Artikolu 4 tal-ftehim, dan jiddikjara li l-oġġetti kollha meħtieġa għall-ħajja ta’ kuljum huma proprjetà komuni, bl-eċċezzjoni ta’ dawk imniżżla fl-anness tal-ftehim u meta l-partijiet jiftiehmu mod ieħor bil-miktub. Dawn l-oġġetti li huma proprjetà komuni tal-familja huma elenkati fl-Artikolu 4(2) tal-ftehim. L-imsieħba jobbligaw lil xulxin ukoll, fl-Artikolu 5 tal-ftehim, sabiex kull xahar u pro rata mad-dħul nett mix-xogħol, jagħmlu kontribuzzjoni f’kont komuni sabiex ikunu koperti l-ispejjeż tal-ħajja ta’ kuljum. Barra minn hekk, l-Artikolu 8 tal-ftehim jiddisponi li, f’kull każ fejn ikun hemm nuqqas ta’ qbil dwar il-proprjetà ta’ oġġett, l-oġġett għandu jiġi kkunsidrat bħala proprjetà tat-tnejn, fejn kull parti tgawdi nofs indiviż minnu. Fl-aħħar, huwa importanti li jingħad li l-Artikolu 9 tal-ftehim jipprovdi li kull sieħeb jidentifika lill-ieħor, b’mod reċiproku, bħala l-benefiċjarju tal-“pensjoni tas-sieħeb” fil-każ fejn ir-regoli tal-pensjonijiet rispettivi tagħhom jirrikonoxxu tali pensjoni.

44      Fir-rigward tat-tfal, għalkemm fil-ftehim ta’ ħajja flimkien m’hemm ebda indikazzjoni dwar dan il-punt, mill-fuljett informattiv, anness mar-risposta u msemmi fil-punt 5 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li taħt id-dritt Olandiż, fil-każ fejn il-ġenituri jkunu sempliċi msieħba, il-missier tat-tifel jew tifla jista’, permezz tar-rikonoxximent tiegħu jew tagħha, iżda wkoll permezz ta’ ċerti proċeduri, jakkwista l-istess drittijiet fuq it-tifel jew tifla li kien ikollu li kieku kien miżżewweġ ma’ l-omm. B’mod partikolari, huwa jakkwista r-responsabbiltà parentali flimkien ma’ l-omm; barra minn hekk, jekk ikun il-każ, it-tifel jew tifel jistgħu jieħdu isem il-missier. Fil-kawża preżenti, ir-rikorrent, mingħajr ma saret kontradizzjoni min-naħa tal-Kummissjoni, iddikjara li kien irrikonoxxa l-ewwel tarbija tiegħu meta twieldet, u dan ikkonferixxielu drittijiet estiżi bħala missier.

45      Barra minn hekk, għalkemm bħala prinċipju l-konklużjoni ta’ ftehim ta’ ħajja flimkien torbot biss lill-imsieħba (ara l-punt 35 ta’ din is-sentenza), għandu jiġi rrilevat li l-fuljett imsemmi iktar ’il fuq, wara li jindika li l-qrati Olandiżi bdew jitrattaw lill-koppji li jkunu kkonkludew ftehim ta’ ħajja flimkien bl-istess mod bħal dawk li jkunu kkonkludew sħubija rreġistrata jew żwieġ (“courts are starting to put couples with a cohabitation agreement on the same footing as married and registered couples”), jammetti b’mod espress li, fir-rigward tal-koppji li jkunu kkonkludew ftehim ta’ ħajja flimkien, jistgħu jiġu rikonoxxuti xi effetti fil-konfront ta’ terzi, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-pensjoni ta’ l-irtirar; issa, preċiżament, kif ingħad fl-aħħar parti tal-punt 43 ta’ din is-sentenza, l-imsieħba fil-kawża preżenti identifikaw lil xulxin, b’mod reċiproku, bħala benefiċjarji tal-“pensjoni tas-sieħeb” fil-każ fejn ir-regoli tal-pensjonijiet rispettivi tagħhom jirrikonoxxu tali pensjoni.

46      Dawn l-elementi kollha juru li, anke jekk il-konsegwenzi li jirriżultaw mill-ftehim ta’ ħajja flimkien konkluż bejn ir-rikorrent u s-sieħba tiegħu mhumiex estiżi daqs dawk li jeżistu fi ħdan żwieġ jew ukoll fi ħdan “geregistreerd partnerschap”, dawn jistgħu jkunu simili fuq numru ta’ punti jekk, bħalma huwa l-każ fil-kawża preżenti, l-imsieħba jorganizzaw dan il-ftehim fil-forma ta’ kuntratt.

47      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti (punti 42 sa 46 ta’ din is-sentenza), għandu jiġi kkonstatat li t-tielet kundizzjoni sekondarja tat-tielet parti tal-kundizzjoni kkontestata, jiġifieri dik dwar il-kunċett ta’ “msieħba mhux miżżewġa”, kif definit fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, hija ssodisfata u li, bħala konsegwenza, it-tielet parti tal-kundizzjoni kkontestata hija ssodisfata wkoll.

48      Minn dak kollu li ntqal qabel jirriżulta li, fil-kawża preżenti, l-ewwel tliet kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 1(2)(ċ) ta’ l-Anness VII tar- Regolamenti tal-Persunal u msemmija fl-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal huma ssodisfati.

49      Barra minn hekk, tali interpretazzjoni hija in konformità ma’ l-evoluzzjoni soċjali tal-moralità, li r-rilevanza tagħha fl-interpretazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal ħarġet biċ-ċar fis-sentenza Reed, iċċitata iktar ’il fuq, invokata mir-rikorrent fl-atti tiegħu. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-estensjoni tal-benefiċċju ta’ l-iSKAM għas-sieħeb ta’ uffiċjal tgħodd ukoll għas-sieħeb ta’ l-istess sess, peress li l-awturi tar-Regolamenti tal-Persunal aċċettaw li xi drittijiet ġodda jistgħu jiġu rikonoxxuti fil-konfront ta’ persuni li mhumiex marbuta bi żwieġ. Barra minn hekk, u kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, l-interpretazzjoni adottata iktar ’il fuq mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku – interpretazzjoni li, barra minn hekk, tikkonċerna b’mod partikolari l-kunċett ta’ “sħubija” – ma tmurx kontra l-ġurisprudenza li tgħid li l-qorti Komunitarja ma tistax tinterpreta b’mod estensiv il-kunċett ta’ “żwieġ” (ara s-sentenza D u L-Iżvezja vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ‘il fuq, punti 37 sa 39). Barra minn hekk, fil-kuntest preżenti għandu jiġi rrilevat li l-estensjoni tal-benefiċċju ta’ l-iSKAM għas-sieħeb stabbli ta’ uffiċjal għandha għanijiet ta’ solidarjetà u ta’ koeżjoni soċjali, li huma differenti mill-għanijiet tad-dispożizzjonijiet li jikkonferixxu lill-uffiċjali vantaġġi purament finanzjarji, fil-forma ta’ żidiet fis-salarju, bħal per eżempju l-allowance tal-familja lis-sieħeb ta’ uffiċjal, prevista fl-Artikolu 1(2)(ċ) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal; għalhekk, m’huwiex irraġonevoli li dawn il-vantaġġi ta’ l-aħħar jiġu suġġetti għal kundizzjonijiet iktar stretti, f’dak li jirrigwarda r-relazzjoni bejn l-uffiċjal u s-sieħeb mhux miżżewweġ tiegħu, meta mqabbla mal-vantaġġ li jinvolvi l-estensjoni tal-benefiċċju ta’ l-iSKAM għal dan ta’ l-aħħar.

50      Konsegwentement, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkunsidra li s-sieħba tar-rikorrent tista’, b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal u ta’ l-Artikolu 12 tar-Regoli Komuni, tibbenifika mill-iSKAM irriżervata għas-“sieħeb mhux miżżewweġ ta’ uffiċjal” u għas-“sieħeb rikonoxxut tal-membru”.

51      L-argumenti kuntrarji invokati mill-Kummissjoni mhumiex ta’ natura li jikkontestaw din il-konstatazzjoni.

52      Dan japplika b’mod partikolari għall-argument li l-benefiċċju ta’ l-iSKAM huwa rriżervat biss għal sħubija “simili” għaż-żwieġ, argument li l-Kummissjoni tibbaża fuq interpretazzjoni tar-regoli applikabbli li ma tikkunsidrax biss it-termini tagħhom, iżda wkoll il-kuntest tagħhom u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li jagħmlu parti minnha. Għalkemm jaċċetta li tali metodu ta’ interpretazzjoni għandu jirbaħ fuq interpretazzjoni purament letterali, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jarax għalfejn interpretazzjoni b’dan il-metodu għandu jkollha l-effett li teskludi lis-sieħba tar-rikorrent mill-benefiċċju ta’ l-iSKAM. Għall-kuntrarju, huwa preċiżament billi jsegwi l-metodu ta’ interpretazzjoni propost mill-Kummissjoni, li huwa s-suġġett ta’ ġurisprudenza kostanti (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Novembru 1983, Merck, 292/82, Ġabra p. 3781, punt 12; is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ta’ l-14 ta’ Diċembru 2006, André vs Il-Kummissjoni, F‑10/06, Ġabra p. I-A-1-183, II-A-1-755, punt 35), li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku mhux tali ma kkuntentax ruħu bl-affermazzjoni magħmula fiċ-ċertifikat ta’ l-ambaxxata ta’ l-Olanda fil-Lussemburgu iżda għażel li jeżamina, fil-punti 42 sa 46 ta’ din is-sentenza, l-essenza stess tas-sħubija in kwistjoni u kkonkluda, minn dan l-eżami, li din is-sħubija għandha aspetti simili għaż-żwieġ, b’tali mod li s-sieħba tar-rikorrent tista’ tibbenifika mill-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal, u dan minkejja l-fatt li, fl-ordni ġuridika nazzjonali kkonċernata, teżisti forma oħra ta’ sħubija rreġistrata, li tixbah iktar liż-żwieġ u li hija koperta ex officio minn dan l-artikolu. Għall-kuntrarju, safejn l-argument ta’ xebh bejn sħubija u żwieġ imur lil hinn mir-rekwiżit li jkun hemm ċerti similaritajiet ammess fil-kawża preżenti (ara l-punt 36 u, għal kull waħda minn dawn is-similaritajiet, il-punti 38, 39 u 40 sa 47 ta’ din is-sentenza), jekk jintlaqa’ dan l-argument tkun qiegħda tiġi miżjuda kundizzjoni addizzjonali li ma teżistix fl-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal.

53      Fl-istess kuntest, għandu jiġi miċħud l-argment tal-Kummissjoni bbażat fuq l-użu ta’ l-espressjoni “jitqies bħala miżżewweġ”, li tinsab fl-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal, fejn hija ssostni li t-terminu “jitqies” għandu jinftiehem bħala li jkopri msieħba essenzjalment “simili” għal miżżewġin u b’hekk jikkostitwixxi kundizzjoni meħtieġa sabiex is-sieħeb mhux miżżewweġ ta’ uffiċjal ikun jista’ jibbenefika mill-iSKAM. Din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi segwita. Fil-fatt, u b’analoġija ma’ dak li ġie adottat fir-rigward ta’ l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet oħra tar-Regolamenti tal-Persunal (bħal per eżempju l-Artikolu 2(4) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, li jippermetti li “titqies” bħala tifel dipendenti kull persuna li fil-konfront tagħha l-uffiċjal għandu responsabbiltà legali u li l-manteniment tagħha jinvolvi spejjeż kbar), l-espressjoni “jitqies bħala miżżewweġ”, użata fl-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal, għandha sempliċement tinftiehem fis-sens li, għall-finijiet ta’ l-iSKAM, għandu jiġi rriżervat l-istess trattament għas-sieħeb mhux miżżewweġ u għall-konjuġi ta’ uffiċjal fejn it-tliet kundizzjonijiet ta’ l-Artikolu 1(2)(ċ) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal ikunu ssodisfati.

54      Barra minn hekk, fir-rigward tal-pożizzjoni tal-Kummissjoni li r-referenza li l-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal jagħmel għall-Artikolu 1(2)(ċ) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal mhijiex limitata biss għall-kundizzjonijiet (i) sa (iii) ta’ din id-dispożizzjoni ta’ l-aħħar iżda tinkludi s-sentenza introduttorja tagħha li tirreferi għal rekwiżit ta’ reġistrazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li, anke jekk tali interpretazzjoni tar-referenza magħmula mill-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal tiġi kkunsidrata bħala fondata, il-motivi tar-rikorrent xorta għandhom jintlaqgħu. Fil-fatt, fil-kawża preżenti, kif fakkar ir-rikorrent matul is-seduta, il-ftehim ta’ ħajja flimkien kien is-suġġett ta’ reġistrazzjoni quddiem nutar, jiġifieri quddiem uffiċjal pubbliku li għandu awtorità pubblika. Permezz ta’ din ir-reġistrazzjoni quddiem nutar, dan id-dokument akkwista ċertu livell “legali”, u minħabba dan jibbenifika minn ċerti karatteristiċi magħrufa fid-dritt nazzjonali u marbuta ma’ l-atti awtentiċi, bħalma hija ċ-ċertezza fir-rigward kemm tal-kunsens u tal-firem tal-partijiet, u kemm fir-rigward tal-kontenut tal-ftehim. Dawn il-karatteristiċi mhumiex biss ta’ natura li jiffaċilitaw ir-rispett u l-eżekuzzjoni tal-ftehim ta’ ħajja flimkien bejn l-imsieħba, iżda jippermettu wkoll li l-effetti tal-ftehim ta’ ħajja flimkien jiġu estiżi fil-konfront ta’ terzi; fil-fatt, kif jirriżulta mill-fuljett imsemmi iktar ’il fuq maħruġ mill-amministrazzjoni Olandiża (ara l-punt 45 ta’ din is-sentenza), terzi, bħall-fondi ta’ pensjoni, jistgħu jissuġġettaw ir-rikonoxximent ta’ ftehim ta’ ħajja flimkien għall-kundizzjoni li tali ftehim ikun ġie konkluż quddiem nutar. B’hekk anke jekk jitqies li l-kundizzjoni tar-reġistrazzjoni hija meħtieġa, din il-kundizzjoni, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, ma titlobx il-konklużjoni ta’ “geregistreerd partnerschap”, peress li reġistrazzjoni quddiem nutar tissodisfa r-rekwiżiti li joħorġu mit-test.

55      Għaldaqstant, fil-kawża preżenti, ir-rikorrent mhuwiex marbut li juri l-eżistenza ta’ “geregistreerd partnerschap” bejnu u s-sieħba tiegħu sabiex hija tkun tista’ tibbenifika mill-iSKAM.

56      Għal finijiet ta’ kompletezza, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku josserva li l-pożizzjoni tal-Kummissjoni fuq ir-rekwiżit ta’ ftehim tat-tip ta’ “geregistreerd partnerschap” taħt id-dritt Olandiż tista’ twassal għal nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament. Fil-fatt, peress li diversi pajjiżi m’għandhomx forom ta’ unjoni li jistgħu jitqabblu ma’ unjoni fil-forma ta’ “geregistreerd partnerschap”, ir-rekwiżit, kif titlob il-Kummissjoni, ta’ sħubija “rreġistrata” ta’ dan it-tip, ikollu bħala konsegwenza, għall-koppji mhux miżżewġa li, minħabba, b’mod partikolari, kemm tal-lok ta’ residenza tagħhom u kemm tan-nazzjonalità ta’ l-imsieħba tagħhom, jkunu marbuta iktar strettament ma’ dawn il-pajjiżi, li jċaħħad b’mod definittiv lis-sieħeb ta’ uffiċjal mill-benefiċċju ta’ l-iSKAM barra ż-żwieġ. Għall-kuntrarju, jekk jitqies li l-Kummissjoni taċċetta sħubija konkluża fil-forma ta’ ftehim ta’ ħajja flimkien għal dawn il-koppji, ir-rifjut tagħha li tirrikonoxxi “sempliċi” ftehim ta’ ħajja flimkien għall-koppji li huma marbuta iktar strettament, fis-sens spjegat iktar ’il fuq, mal-pajjiżi li jirrikonoxxu forom ta’ unjoni oħra barra ż-żwieġ jew l-isħubija “rreġistrata”, iwassal għal nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament għal dawn il-koppji ta’ l-aħħar; fil-fatt, għal dawn l-istess koppji, l-estensjoni tal-benefiċċju ta’ l-iSKAM għas-sieħeb jiġi miċħud, filwaqt li din l-estensjoni tiġi awtorizzata għall-koppji li jkollhom ir-rabtiet imsemmija iktar ’il fuq mal-pajjiżi li ma jirrikonoxxux sħubija “rreġistrata”. Tali nuqqas ta’ ugwaljanza huwa iktar diffiċli li jiġi ġġustifikat fil-preżenza ta’ sħubija li ma tkunx “irreġistrata” fis-sens mogħti mill-Kummissjoni iżda li madankollu jkollha similaritajiet iktar b’saħħithom maż-żwieġ milli għandha l-“geregistreerd partnerschap” taħt id-dritt Olandiż. Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li, skond il-ġurisprudenza, meta jipprojbixxu lil kull Stat Membru milli japplika d-dritt tiegħu b’mod differenti skond in-nazzjonalità, l-Artikoli 12 KE, 39 KE, 43 KE u 49 KE ma jkoprux l-eventwali differenzi fit-trattament, minn Stat Membru għall-ieħor, li jistgħu jirriżultaw mid-differenzi li jeżistu bejn il-leġiżlazzjonijiet ta’ l-Istati Membri differenti sakemm dawn jaffettwaw kull persuna li taqa’ taħt l-applikazzjoni tagħhom, skond kriterji oġġettivi u irrispettivament min-nazzjonalità tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 1978, Kenny, 1/78, Ġabra p. 1489, punt 18; tas-7 ta’ Mejju 1992, Wood u Cowie, C‑251/90 u C‑252/90, Ġabra p. I‑2873, punt 19; tat-3 ta’ Lulju 1979, Van Dam en Zonen et, 185/78 sa 204/78, Ġabra p. 2345, punt 10, u ta’ l-1 ta’ Frar 1996, Perfili, C‑177/94, Ġabra p. 161, punt 17), bin-nuqqas ta’ ugwaljanza tat-tip ta’ dak imsemmi fil-punt preżenti ma jaqax taħt din il-ġurisprudenza; fil-fatt, minn naħa, u kuntrarjament għall-premessa li fuqha hija bbażata l-ġurisprudenza in kwistjoni, in-nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament imsemmi f’dan il-punt għandu l-oriġini tiegħu fin-nazzjonalità tal-persuni kkonċernati, kif ukoll fil-lok ta’ residenza tagħhom, kriterju li ħafna drabi jikkoinċidi ma’ dak tan-nazzjonalità, min-naħa l-oħra, fil-kawżi li taw lok għall-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq, il-kwistjoni ta’ ugwaljanza fit-trattament tqajmet fir-rigward tar-regoli tal-moviment liberu filwaqt li, fil-kawża preżenti, hija involuta l-garanzija tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bħala prinċipju tad-dritt tas-servizz pubbliku Komunitarju.

57      Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, hemm lok li jintlaqgħu l-motivi tar-rikorrent ibbażati fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal, ta’ l-Artikolu 1(2)(ċ)(i) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal u ta’ l-Artikolu 12 tar-Regoli Komuni u li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma jkun hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar il-motivi l-oħra tiegħu li, kif tirrileva ġustament il-Kummissjoni, ġew invokati b’mod diżorganizzat fir-rikors fejn uħud minnhom, barra minn hekk, ma ġewx żviluppati fid-dettall.

58      Huwa minnu li l-interpretazzjoni adottata mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-konfront ta’ l-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal, moqri flimkien ma’ l-Artikolu 1(2)(ċ)(i) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal u ta’ l-Artikolu 12 tar-Regoli Komuni, tista’, f’ċerti każijiet, twassal lis-servizzi li tkun saritilhom talba għall-estensjoni tal-benefiċċju ta’ l-iSKAM għas-sieħeb mhux miżżewweġ ta’ uffiċjal sabiex ikollhom iwettqu riċerki u verifiki, filwaqt li l-leġiżlatur Komunitarju, bir-Regolament Nru 723/2004, xtaq jissimplifika l-ġestjoni amministrattiva ta’ l-istituzzjonijiet. Madankollu, dan l-għan jintlaħaq, fil-parti l-kbira tiegħu, mir-regoli l-ġodda fir-rigward ta’ l-allowances u l-benefiċċji, l-uniċi suġġetti li fir-rigward tagħhom ir-Regolament Nru 723/2004, fil-premessa 26 tiegħu, jagħmel referenza għas-simplifikazzjoni, suġġetti li barra minn hekk mhux biss huma distinti minn dak ta’ l-estensjoni tal-benefiċċju ta’ l-iSKAM iżda huma wkoll, minn perspettiva soċjali, inqas sensittivi minn dan is-suġġett ta’ l-aħħar (ara, f’dan is-sens, il-punt 49 ta’ din is-sentenza). Barra minn hekk, l-għan ta’ simplifikazzjoni għandu, f’kull każ, jiġi kkonċiljat mal-prinċipji superjuri tad-dritt u tar-regoli statutorji; issa, ir-restrizzjonijiet li jistgħu jirriżultaw għall-amministrazzjonijiet mill-interpretazzjoni adottata fil-kawża preżenti huma biss il-konsegwenza ta’ l-applikazzjoni mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ta’ dawn il-prinċipji u regoli sabiex jillimita s-sens eżatt tal-kunċett ta’ “sieħeb mhux miżżewweġ” ta’ l-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal.

 Fuq l-ispejjeż

59      Skond l-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea tad-29 ta’ Awwissu 2007 (ĠU L 225, p. 1), id-dispożizzjonijiet ta’ l-imsemmija Regoli dwar l-ispejjeż u l-ispejjeż ġudizzjarji japplikaw biss għall-kawżi mressqa quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku mill-jum li fih jidħlu fis-seħħ dawn ir-Regoli, jiġifieri l-1 ta’ Novembru 2007. Id-dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza li huma rilevanti għal dan is-suġġett għandhom jibqgħu japplikaw mutatis mutandis għall-kawżi pendenti quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qabel din id-data.

60      Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrent.

Għal dawn il-motivi,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla)

jaqta’ u jiddeċiedi li:

1)      Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tat-28 ta’ Frar 2006, ikkonfermata fl-20 ta’ Marzu 2006, li ma tirrikonoxxix l-isħubija ta’ Anton Pieter Roodhuijzen ma’ Maria Helena Astrid Hart bħala sħubija mhux maritali, għall-finijiet ta’ l-Iskema Konġunta ta’ l-Assigurazzjoni għall-mard tal-Komunitajiet Ewropej, hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej hija kkundannata tbati l-ispejjeż.

Kreppel

Tagaras

Gervasoni

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fis-27 ta’ Novembru 2007.

W. Hakenberg

 

      H. Kreppel

Reġistratur

 

      President

It-test ta’ din id-deċiżjoni kif ukoll tad-deċiżjonijiet tal-qrati Komunitarji ċċitati fiha u li għadhom mhux ippubblikati fil-Ġabra jinsabu fis-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja: www.curia.europa.eu


* Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż.