Language of document : ECLI:EU:F:2007:190

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tieni Awla)

8 ta’ Novembru 2007

Kawża F-125/06

Walter Deffaa

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Riforma tar-Regolamenti tal-Persunal – Trasferiment – Impjieg ta’ direttur generali – Klassifikazzjoni fi grad – Artikolu 7(1) tar-Regolamenti tal-Persunal – Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal – It-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 44 tar-Regolamenti tal-Persunal – Artikolu 45(1) tar-Regolamenti – Primjum maniġerjali”

Suġġett: Rikors, ippreżentat taħt l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu, W. Deffaa jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-President tal-Kummissjoni, tat-12 ta’ Jannar 2006, li taħtru fil-kariga ta’ Direttur Ġenerali tas-Servizz ta’ Verifika Interna, b’effett mill-1 ta’ Awwissu 2004, safejn din id-deċiżjoni tiffissa l-klassifikazzjoni tiegħu fil-grad A*15, skala 4, u, safejn meħtieġ, l-annullament tad-deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali “Persunal u Amministrazzjoni”, tat-23 ta’ Diċembru 2005, li tiċħad it-talba tiegħu sabiex jibbenefika minn skala ogħla fil-grad tiegħu, b’effett mid-data tal-ħatra tiegħu bħala direttur ġenerali, skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 44 tar-Regolamenti tal-Persunal, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004 (KE, Euratom), tat-22 ta’ Marzu 2004 (ĠU L 124, p. 1).

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Pożizzjoni vakanti – Mili ta’ pożizzjoni vakanti permezz ta’ trasferiment – Klassifikazzjoni fi grad

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 7(1) u 29; Anness XIII, Artikolu 2(1) u Anness XIII.1)

2.      Uffiċjali – Promozzjoni fi skala – Uffiċjal li jokkupa kariga amministrattiva

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 44(2); Anness XIII, Artikolu 7(4))

1.      Uffiċjal tal-grad antik A 2, imsemmi mill-ġdid A*15 wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 723/2004, li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll il-Kondizzjonijiet ta’ l-impieg ta’ ħaddiema oħra, maħtur, fil-grad u skala tiegħu, fil-kariga ta’ direttur ġenerali fil-Kummissjoni, wara li tefa’ l-kandidatura tiegħu wara avviz ta’ pożizzjoni vakanti għal kariga fil-grad antik A 1, imsemmi mill-ġdid A*16, ma jistax isostni raġonevolment li l-Kummissjoni hija marbuta li taħtru fil-grad A*16, l-ogħla grad tal-grupp ta’ funzjonijiet in kwistjoni, sabiex tattribwixxilu funzjonijiet ogħla ta’ direttur ġenerali.

L-ebda dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal ma tipprojbixxi lill-Kummissjoni milli taħtar uffiċjali fil-kariga ta’ direttur ġenerali fil-grad l-iktar baxx tal-grupp ta’ funzjonijiet in kwistjoni, sakemm huma ma jkunux diġà kklassifikati fi grad ogħla. Ħatra bħal din għall-grad l-iktar baxx tal-grupp ta’ funzjonijiet ma tistax tkun ikkunsidrata bħala inkompatibbli mal-prinċipju li kull uffiċjal huwa intitolat li jiżviluppa l-karriera tiegħu fi ħdan l-istituzzjoni tiegħu, peress li uffiċjal tal-grad A*15, ittrasferit għal kariga ta’ direttur ġenerali, li jżomm il-grad tiegħu, għandu l-possibbiltà li eventwalment jieħu promozzjoni oħra għall-grad A*16.

Peress li fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti il-livell ta’ l-impjieg li kellu jimtela kien stabbilit fil-grad A 1, it-tneħħija ta’ l-imsemmi grad, sa mill-1 ta’ Mejju 2004, li kienet ir-riżultat ta’ l-introduzzjoni tas-sistema l-ġdida ta’ karriera, wasslet lill-Kummissjoni sabiex tapplika l-Anness XIII.1 tar-Regolamenti tal-Persunal sabiex jiġi ddeterminat il-grad korrispondenti. Il-kariga tad-direttur ġenerali tikkorrispondi għal żewġ gradi, jiġifieri l-gradi A*15 u A*16. Id-determinazzjoni tal-livell tal-impjieg li kellu jimtela, li l-Kummissjoni waslet għaliha billi rrediġiet l-avviż tal-pożizzjoni vakanti skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal l-antiki, ma setgħetx testendi l-effetti ta’ dan lilhinn mid‑data ta’ l-1 ta’ Mejju 2004, stabbilita mil-leġiżlatur Komunitarju bħala d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ l-istruttura l-ġdida tal-karriera ta’ l-uffiċjali Komunitarji.

Ma jistax jiġi argumentat b’suċċess li huwa impossibbli għall-Awtorità tal-Ħatra li tattribwixxi funzjonijiet ogħla lil uffiċjal mingħajr ma tippromwovih għal grad ogħla. F’dan id-rigward, it-tabella deskrittiva tad-diversi impjiegi li jidhru fl-Anness XIII.1 tar-Regolamenti tal-Persunal tipprovdi li grad wieħed u identiku jikkorrispondi għal impjiegi ta’ livelli differenti, bħall-kariga ta’ direttur u ta’ direttur ġenerali, fir-rigward tal-grad A*15.

(ara l-punti 58 sa 62)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 11 ta’ Lulju 2007, Centeno Mediavilla et vs Il‑Kummissjoni, T‑58/05, ĠabraSP p. I-A-2-0000 u II-A-2-0000, punt 109

2.      Id-dispożizzjonijiet tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 44 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jirregolaw il-promozzjoni għal skala, u ta’ l-Artikolu 7(4) ta’ l-Anness XIII ta’ l-istess regolamenti, li jirregolaw il-primjum maniġerjali, fil-verżjoni tagħhom skond ir-Regolament Nru 723/2004, li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll il-Kondizzjonijiet ta’ l-impieg ta’ ħaddiema oħra, huma simili ħafna, tant li applikazzjoni separata ta’ kull waħda minnhom, mingħajr kunsiderazzjoni għall-oħra, ma tistax tkun aċċettata.

Il-vantaġġi finanzjarji previsti f’dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet huma identiċi fl-ammont tagħhom u, anki jekk il-modalitajiet ta’ l-għoti tagħhom huma differenti, dawn huma simili ħafna f’dak li jirrigwarda l-għan u l-użu tagħhom, jiġifieri, b’mod partikolari, li jikkumpensaw l-obbligi inerenti għall-funzjonijiet maniġerjali intermedji jew għolja.

Barra minn hekk, li jiġi aċċettat li uffiċjal irreklutat qabel l-1 ta’ Mejju 2004 u li jeżerċita funzjonijiet maniġerjali jista’ jakkumula l-primjum maniġerjali u l-promozzjoni għal skala, filwaqt li l-uffiċjali rreklutati wara t-30 ta’ April 2004, li jeżerċitaw funzjonijiet maniġerjali qatt ma jistgħu, fi kwalunkwe każ, jieħdu primjum maniġerjali, ikollu l-effett li joħloq, mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva, nuqqas ta’ trattament ugwali bejn l-uffiċjali fl-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet il-ġodda, introdotti fir-riforma amministrattiva, skond jekk ikunux ġew irreklutati qabel jew wara d-dħul fis-seħħ tagħhom.

(ara l-punti 82 u 84 sa 88)