Language of document : ECLI:EU:T:2012:90

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

28 ta’ Frar 2012 (*)

“Għajnuna mill-Istat — Għajnuna mogħtija mill-awtoritajiet Awstrijaċi lill-grupp Grazer Wechselseitige (GRAWE) fil-kuntest tal-privatizzazzjoni tal-Bank Burgenland — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni u li tordna l-irkupru tagħha — Kriterju ta’ investitur privat f’ekonomija tas-suq — Applikazzjoni fis-sitwazzjoni fejn l-Istat jaġixxi bħala bejjiegħ — Determinazzjoni tal-prezz tas-suq”

Fil-Kawżi magħquda T‑268/08 u T‑281/08,

Land Burgenland (l-Awstrija), irrappreżentata minn U. Soltész u C. Herbst, avukati,

rikorrenti fil-Kawża T‑268/08,

Ir-Repubblika tal-Awstrija, irrappreżentata minn G. Hesse, C. Pesendorfer, E. Riedl, M. Fruhmann u J. Bauer, bħala aġenti,

rikorrenti fil-Kawża T‑281/08,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn V. Kreuschitz, N. Khan, K. Gross u T. Maxian Rusche, sussegwentement minn V. Kreuschitz, N. Khan u T. Maxian Rusche, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/719/KE, tat-30 ta’ April 2008, dwar l-għajnuna mill-Istat C 56/06 (ex NN 77/06) implimentata mill-Awstrija għall-privatizzazzjoni tal-Bank Burgenland (ĠU L 239, p. 32),

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn M. Jaeger, President, N. Wahl (Relatur) u S. Soldevila Fragoso, Imħallfin,

Reġistratur: T. Weiler, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Mejju 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

 Hypo Bank Burgenland AG u Ausfallhaftung

1        Sal-privatizzazzjoni tiegħu, Hypo Bank Burgenland AG (iktar ’il quddiem “BB”) kien bank reġjonali fil-forma ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata taħt id-dritt Awstrijak u kellu l-uffiċċju rreġistrat tiegħu f’Eisenstadt (l-Awstrija). L-attivitajiet tiegħu, li inizjalment kienu jikkonsistu prinċipalment fl-għoti ta’ self għax-xiri ta’ proprjetà u l-ħruġ ta’ bonds ta’ ipoteka u bonds muniċipali, ġew gradwalment estiżi għal kull tip ta’ servizzi bankarji u finanzjarji. Fl-2005, BB kellu bilanċ totali ta’ EUR 3.3 biljuni u kien miżmum 100 % mil-Land Burgenland.

2        Skont l-Artikolu 4 tal-Landes-Hypothekenbank Burgenland-Gesetz (Liġi Awstrijaka dwar il-banek ta’ self għax-xiri ta’ proprjetà, LGBl Nru 58/1991), fil-verżjoni ppubblikata fil-liġi LGBl Nru 63/1998, il-Land Burgenland kienet garanti, fis-sens tal-Artikolu 1356 tal-Allgemeines Bürgerliches Gesetzbuch (Kodiċi Ċivili Awstrijak), fil-każ li l-BB jieqaf iħallas, tal-impenji kollha tiegħu. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, il-kredituri tal-bank li jibbenefikaw minn drittijiet diretti fir-rigward tal-garanti, li huwa madankollu obbligat li jaġixxi biss meta l-attiv tal-bank ma jkunx biżżejjed sabiex ikopri d-djun.

3        Din is-sistema ta’ garanzija ta’ twettiq intiża għall-istituzzjonijiet pubbliċi ta’ kreditu (imsemmija l-“Ausfallhaftung”), b’mod partikolari dik tal-Land favur il-BB u l-predeċessuri tiegħu, ilha teżisti prattikament mingħajr ebda tibdil sa mill-1928. Hija ma tkoprix la perijodu u lanqas ammont speċifiku. Skont is-sistema legali tal-garanzija (Gewährträgerhaftung) li daħlet fis-seħħ fid-29 ta’ Ġunju 1991, il-Land Burgenland kisbet benefiċċju sabiex toffri din il-garanzija legali. Skont ftehim konkluż bejn il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u r-Repubblika tal-Awstrija, li abbażi tiegħu d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2003) 1329 finali, tat-30 ta’ April 2003, dwar l-għajnuna E 8/02, kienet adottata (ĠU 175, p. 8), l-Ausfallhaftung kellha titħassar sal-1 ta’ April 2007. Għall-obbligi kollha eżistenti sat-2 ta’ April 2003, l-Ausfallhaftung baqgħet prinċipalment tapplika sakemm jiskadu. Matul il-perijodu bejn it-2 ta’ April 2003 u l-1 ta’ April 2007, l-Ausfallhaftung setgħet, għal dak li jikkonċerna l-obbligi l-ġodda, tinżamm, bil-kundizzjoni li huma jiskadu qabel it-30 ta’ Settembru 2017.

 Għajnuna għar-ristrutturazzjoni ta’ BB awtorizzata mill-Kummissjoni fl-2004

4        Wara frodi marbuta mal-krediti mogħtija lil HOWE Bau AG u kkonstatata waqt il-verifikazzjoni tal-kontijiet annwali għas-sena 1999, il-BB sab ruħu jiffaċċja diffikultajiet finanzjarji diffiċli. Il-Land Burgenland għadaqstant ikkonkludiet, fl-20 ta’ Ġunju 2000, ftehim ta’ garanzija għal ammont ta’ EUR 171 miljun, b’interessi ta’ 5 %, sabiex tkopri djun li ma jistgħux jiġu rkuprati kontra l-BB li kienu jwasslu għal dejn eċċessiv ta’ din il-kumpannija. Barra minn hekk, sabiex jiġu koperti d-djun dubjużi addizjonali żvelati waqt verifika fil-fond, ftehim qafas ġie konkluż fit-23 ta’ Ottubru 2000, mal-kreditur prinċipali ta’ BB, jiġifieri l-Bank Austria Creditanstalt AG. Dan il-ftehim ipprovda għal rinunzja mill-Bank Austria Creditanstalt għar-rimbors ta’ self favur BB, ftehim fuq benefiċċji futuri konklużi bejn dawn iż-żewġ partijiet u garanzija tal-Land Burgenland ta’ ammont ta’ EUR 189 miljun.

5        B’ittra tat-18 ta’ Ġunju 2002, segwita b’informazzjoni supplimentari fit-3 ta’ Lulju u fid-9 ta’ Settembru 2002, ir-Repubblika tal-Awstrija nnotifikat lill-Kummissjoni bil-garanziji mogħtija mil-Land Burgenland u ppreżentatilha pjan ta’ ristrutturazzjoni għal BB.

6        B’ittra tas-26 ta’ Ġunju 2003, il-Kummissjoni għarrfet lill-awtoritajiet Awstrijaċi bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 883(2) KE fir-rigward tal-għajnuna deskritta.

7        B’ittra tad-19 ta’ Diċembru 2003, l-awtoritajiet Awstrijaċi informaw li huma kellhom l-intenzjoni, fil-kuntest tal-privatizzazzjoni ta’ BB, li jemendaw l-għajnuna inkwistjoni.

8        B’ittra tal-21 ta’ Ġunju 2004, il-Kummissjoni għarrfet lir-Repubblika tal-Awstrija bid-deċiżjoni tagħha li testendi l-proċedura formali miftuħa skont l-Artikolu 88(2) KE għall-emendi ppjanati lill-għajnuna għar-ristrutturazzjoni ta’ BB.

9        Fis-7 ta’ Mejju 2004, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2005/691/KE dwar l-għajnuna mill-Istat Nru C 44/03 (ex NN 158/01) li l-Awstrija għandha l-intenzjoni li tagħti lil BB (ĠU 2005, L 263, p. 8) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tal-2004). Essenzjalment, il-Kummissjoni qieset li ż-żewġ ftehim ta’ garanzija tal-Land Burgenland favur BB kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, b’mod partikolari peress li dawn il-miżuri ġew adottati b’kundizzjonijiet li ma kinux aċċettabbli għal investitur privat u għaldaqstant kienu jikkonferixxu lil BB vantaġġ artifiċjali fuq il-kompetituri tiegħu. Barra minn hekk, l-imsemmija miżuri u l-effetti tagħhom fuq il-kompetituri attwali u potenzjali ta’ Stati Membri oħrajn kienu jwasslu għal distorsjoni jew ikunu ta’ theddida ta’ distorsjoni lill-kompetizzjoni u jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Madankollu, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżuri ta’ ristrutturazzjoni inkwistjoni kienu inkompatibbli mas-suq komuni, skont l-Artikolu 87(3)(ċ) KE flimkien mal-linji gwida Komunitarji għall-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni ta’ impriżi f’diffikultà (ĠU 1999, C 288, p. 2). Fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-vijabbiltà għal perijodu twil tal-impriża benefiċjarja mill-għajnuna, il-Kummissjoni enfasizzat li bbażat l-evalwazzjoni tagħha fuq l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Awstrijaċi, b’mod partikolari fuq l-iskeda għat-tlestija tal-privatizzazzjoni prevista ta’ BB.

 Miżuri kkontestati meħuda fil-kuntest tal-privatizzazzjoni ta’ BB

10      Wara żewġ tentattivi mingħajr suċċess fl-2003 u fl-2005, il-Land Burgenland niedet it-tielet proċedura għall-privatizzazzjoni ta’ BB, li l-eżekuzzjoni tagħha ġiet fdata lill-bank ta’ investiment HSBC Trinkaus & Burkhardt KgaA ta’ Düsseldorf (il-Ġermanja) flimkien ma’ HSBC plc ta’ Londra (ir-Renju Unit) (iktar ’il quddiem, flimkien, imsejħa “HSBC”). Din il-proċedura bdiet f’Ottubru 2005 permezz tal-pubblikazzjoni fil-gazzetta ta’ sejħa għal offerti.

11      Fost l-14 offerent li formalment urew l-interess tagħhom li jagħmlu offerta, tlieta biss ippreżentaw offerti indikattivi kompleti fil-ħin, b’valur ta’ EUR 65 miljun, EUR 100 miljun u EUR 140 miljun rispettivament, u għaddew għat-tieni fażi tas-sejħa għal offerti, li fit-tmiem tagħha offerta vinkolanti kellha tiġi ppreżentata mhux iktar tard mis-6 ta’ Frar 2006. Żewġ offerenti, jiġifieri l-kumpannija ta’ assigurazzjoni Awstrijaka Grazer Wechselseitige Versicherung AG flimkien mal-GW Beteiligungserwerbs- und -verwaltungs-GmbH (iktar ’il quddiem “GRAWE”) u Konsorzju Awstrijak-Ukrain li jassoċja l-impriżi Awtrijaċi SLAV AG u SLAV Finanzbeteiligung GmbH u l-kumpannija b’responsabbiltà limtitata Ukraini Ukrpodshipnik u Ilyich (iktar ’il quddiem il-“Konsorzju”), ippreżentaw offerti vinkolanti. Dawn l-offerti sussegwentement kienu s-suġġett ta’ eżami individwali u ta’ negozjati kuntrattwali li ntemmu fl-4 ta’ Marzu 2006.

12      Fil-5 ta’ Marzu 2006 l-Land Burgenland tat il-kuntratt ta’ BB lil GRAWE, minkejja li l-prezz ta’ xiri li hija pproponiet (EUR 100.3 miljun) kien kunsiderevolment inqas minn dak propost mill-Konsorzju (EUR 155 miljun). Din id-deċiżjoni kienet ibbażata b’mod partikolari fuq rakkomandazzjoni bil-miktub tal-HSBC tal-4 ta’ Marzu 2006, li kienet issupplimentata bi spjegazzjonijiet orali lill-membri tal-Gvern tal-Land Burgenland fil-ġurnata tad-deċiżjoni. Ir-rakkomandazzjoni ta’ HSBC kienet tiddikjara, essenzjalment, li, jekk, fid-dawl tal-prezz ta’ xiri propost, id-deċiżjoni għandha tiffavorixxi lill-Konsorzju, kien irrakkomandat li BB jinbiegħ lil GRAWE fid-dawl ta’ kriterji oħra ta’ selezzjoni, jiġifieri l-garanzija tal-ħlas tal-prezz, il-ġestjoni kontinwa ta’ BB billi ġie evitat l-użu tal-Ausfallhaftung, iż-żidiet ta’ kapital u s-sigurtà ta’ tranżazzjonijiet.

13      Il-bejgħ ta’ BB, li kien formalment approvat mill-awtoritajiet tal-Burgenland fis-7 ta’ Marzu 2006, ingħalaq fit-12 ta’ Mejju 2006. Qabel ingħalaq, BB ħareġ, fil-kuntest tal-Ausfallhaftung, bonds għal ammont ta’ EUR 700 miljun, li 350 miljun minnhom kienu sottoskritti minn sussidjarja ta’ GRAWE. Fl-aħħar nett, minħabba l-fatt tal-privatizzazzjoni, il-perijodu tranżitorju ta’ applikazzjoni tal-Ausfallhaftung imsemmi fil-punt 3 iktar ’il fuq intemm qabel iż-żmien fil-ġurnata ta’ dan l-għeluq.

 Proċedura amministrattiva

14      Fl-4 ta’ April 2006, il-Kummissjoni rċeviet ilment mill-Konsorzju li jisħaq li r-Repubblika tal-Awstrija kienet kisret ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fil-proċess ta’ privatizzazzjoni ta’ BB. B’mod partikolari, il-lanjant sostna b’mod partikolari li l-proċedura ta’ sejħa għal offerti, li kienet inġusta, mhux trasparenti u diskriminatorja fir-rigward tiegħu, irriżultat fit-trasferiment ta’ BB, mhux lil offerent li għamel l-ogħla offerta (jiġifieri lill-Konsorzju), iżda lil GRAWE.

15      Permezz ta’ ittri tal-15 ta’ Mejju u tal-1 ta’ Ġunju 2006, l-awtoritajiet Awstrijaċi rrispondew għal talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ April 2006. Sussegwentement, fis-27 ta’ Ġunju 2006, ġiet organizzata laqgħa bejn rappreżentanti tar-Repubblika tal-Awstrija u tal-Kummissjoni u, fis-17 ta’ Lulju 2006, il-Kummmissjoni bagħtet it-tieni talba għal informazzjoni, li l-awtoritajiet Awstrijaċi rrispondew fit-18 ta’ Settembru 2006. Il-Konsorzju, min-naħa tiegħu, ikkomunika informazzjoni addizzjonali lill-Kummissjoni fil-21 ta’ April u fit-2 ta’ Ġunju 2006.

16      Permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Diċembru 2006, il-Kummissjoni informat lill-awtoritajiet Awstrijaċi bid-deċiżjoni tagħha, li tikkonċerna t-trasferiment ta’ BB lil GRAWE, li tiftaħ il-proċedura formali ta’ eżami prevista fl-Artikolu 88(2) KE. Din id-deċiżjoni ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunità Ewropea fit-8 ta’ Frar 2007 (ĠU C 28, p. 8).

17      Fl-1 ta’ Marzu 2007, ir-Repubblika tal-Awstrija ppreżentat lill-Kummissjoni l-osservazzjonijiet tagħha fuq din id-deċiżjoni ta’ ftuħ. Barra minn hekk, il-Kummissjoni rċeviet ċertu numru ta’ osservazzjonijiet u ta’ informazzjoni mingħand terzi, fosthom GRAWE u l-Konsorzju, li l-awtoritajiet Awstrijaċi kkummentaw fuqhom. Barra minn hekk, itellgħu diversi laqgħat bejn ir-rappreżentanti tar-Repubblika tal-Awstrija u tal-Kummissjoni. Fl-aħħar nett, l-awtoritajiet Awstrijaċi bagħtu, diversi drabi, osservazzjonijiet u dokumenti addizzjonali lill-Kummissjoni.

18      Fit-30 ta’ April 2008, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2008/719/KE dwar l-għajnuna mill-Istat C 56/06 (ex NN 77/06) implimentata mill-Awstrija għall-privatizzazzjoni tal-BB (ĠU L 23, p. 32) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Id-deċiżjoni kkontestata

19      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni fakkret b’mod partikolari li, sabiex tevalwa miżura adottata fil-kuntest ta’ privatizzazzjoni fid-dawl tar-regoli li jirrigwardaw l-għajnuna mill-Istat, hija tibbaża ruħha fuq diversi prinċipji li hija ffissat fit-XXIII Rapport dwar il-politika tal-kompetizzjoni tal-1993 (punti 402 et seq) kif ukoll fil-prattika preċedenti tagħha. Madankollu, il-kundizzjonijiet imfakkra f’dan ir-rapport sabiex ikun jista’ jitqies li ma kienx hemm għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE ma kinux ġew osservati f’dan il-każ.

20      Waqt id-deċiżjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk it-trasferiment ta’ BB lil GRAWE jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni tirrileva, qabel kollox, li r-riżorsi tal-Land Burgenland (li huwa wieħed mid-disa’ Bundesländer tal-Awstrija) għandhom jitqiesu bħala mezzi “mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi statali”. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkonstata li GRAWE hija attiva fil-livell internazzjonali, b’mod li eventwali vantaġġ mogħti permezz ta’ riżorsi pubbliċi jaffettwa l-kompetizzjoni fis-settur bankarju u jkollu impatt fuq il-kummerċ intra-Komunitarju. Dwar il-kwistjoni dwar jekk GRAWE bbenefikatx minn vantaġġ selettiv, il-Kummisjsoni tenfasizza li għandu jiġi ddeterminat jekk il-Land Burgenland aġixxietx bħal kull bejjiegħ li jopera f’ekonomija tas-suq (private vendor test).

21      Fuq dan l-aspett tal-aħħar, filwaqt li tfakkar li l-Land Burgenland kienet irċeviet offerta mill-Konsorzju li l-valur nominali tagħha jeċċedi l-offerta ta’ GRAWE b’EUR 54.7 miljun, il-Kummissjoni tindika li operatur ekonomiku li jopera f’ekonomija tas-suq jista’ madankollu jagħżel l-offerta l-iktar baxxa f’dawn iż-żewġ ipoteżi.

22      L-ewwel tirrigwarda s-sitwazzjoni fejn huwa ċar li t-trasferiment lil offerent li għamel l-ogħla offerta ma huwiex possibbli, li timplika li f’dan il-każ li tiġi eżaminata, fl-ewwel lok, is-sigurtà tat-tranżazzjoni permezz tas-solidità ekonomika tal-konsorzju u, fit-tieni lok, il-probabbiltà li l-imsemmi konsorzju ma jiksibx fl-aħħar nett l-awtorizzazzjoni meħtieġa min-naħa tal-Finanzmarktaufsicht (Awtorità Awstrijaka ta’ sorveljanza tas-swieq finanzjarji, iktar ’il quddiem il-“FMA”). Madankollu, skont il-Kummissjoni, mhux biss ma kien ebda raġuni li wieħed jiddubita mill-fatt li l-prezz ta’ xiri ta’ EUR 155 miljun propost mill-Konsorzju seta’ jiġi ffinanzjat, iżda xejn ma jindika u lanqas ma jipprova li l-FMA kienet tipprojbixxi t-trasferiment ta’ BB lill-Konsorzju.

23      It-tieni ipoteżi tkopri l-każ fejn it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ fatturi oħrajn li ma huwiex il-prezz huwa ġġustifikat, peress li l-uniċi fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni huwa dawk li investitur li jopera f’ekonomija tas-suq kien jieħu inkunsiderazzjoni, li, skont il-Kummissjoni, jeskludi r-riskji li jirriżultaw minn obbligu ta’ ħlas ta’ garanzija li għandha tkun ikkwalifikata bħala għajnuna mill-Istat eventwalment fis-seħħ, bħall-Ausfallhaftung, l-uniku fattur li l-awtoritajiet Awstrijaċi bbażaw fuqu. Il-Kummissjoni tispeċifika fuq dan il-punt li mill-ġurisprudenza jirriżulta b’mod partikolari li, meta jkun qed jiġi evalwat il-mod kif investitur li jopera f’ekonomija tas-suq kien jaġixxi, ir-rwol tal-Istat bħala bejjiegħ ta’ impriża, minn naħa, u l-obbligi tiegħu bħala awtorità pubblika, min-naħa l-oħra, ma għandhomx jiġu konfużi. Madankollu, l-ebda investitur li jopera f’ekonomija tas-suq ma kien jaċċetta garanzija li ma kinitx tosserva l-prinċipju ta’ investitur li jopera f’ekonomija tas-suq u d-deċiżjoni fuq it-tħassir tal-Ausfallhaftung tikkonferma li din tal-aħħar ma tifformax parti mill-kundizzjonijiet tas-suq.

24      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjoni kollha, il-Kummissjoni tqis li l-awtorità Awstrijaka kompetenti ma aġixxietx bħala bejjiegħ li jopera f’ekonomija tas-suq. Il-vantaġġ ekonomiku mogħti lil GRAWE jikkorrispondi tal-inqas għad-differenza bejn l-offerta tal-Konsorzju u l-prezz ta’ xiri attwali.

25      Il-Kummissjoni żżid, għall-finijiet li jiġu eżaminati l-argumenti ppreżentati mir-Repubblika tal-Awstrija rigward l-importanza tal-Ausfallhaftung, li, anki jekk il-Land Burgenland setgħet tieħu inkunsiderazzjoni din il-garanzija bħala kriterju ta’ evalwazzjoni tal-offerti, l-offerta ta’ GRAWE ma kinitx l-aħjar.

26      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna mill-Istat li tikkonsisti fit-trasferiment ta’ BB lil GRAWE ma tistax tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni.

27      Il-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jaqra kif ġej:

“Artikolu 1

L-għajnuna mill-Istat li illegalment ġiet mogħtija lill-Awstrija, bi ksur tal-Artikolu 88(3) [KE], li tiffavorixxi lil GRAWE hi inkompatibbli mas-suq komuni. L-għajnuna tikkorrispondi mad-differenza bejn iż-żewġ offerti finali mitfugħa bħala parti mill-proċedura ta’ sejħa għall-offerti, aġġustata b’mod xieraq skont il-parametri stabbiliti fil-paragrafi 167-174 ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

1. L-Awstrija tista’ tirkupra l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 mill-benefiċjarju.

2. Is-somom li ser ikunu rkuprati jakkumulaw interessi mid-data li ġew impoġġija għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju sakemm jiġu fil-fatt irkuprati.

3. L-interessi jiġu kkalkulati b’mod kompost skont ir-Regolament (KE) Nru. 794/2004.

Artikolu 3

1. L-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Arikolu 1 ser ikun immedjat u effettiv.

2. L-Awstrija għandha tassigura li din id-Deċiżjoni tiġi implimentata fi żmien erba’ xhur mid-data tan-notifikazzjoni tagħha.

Artikolu 4

1. Fi żmien xahrejn min-notifikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, l-Awstrija għandha tissottometti lill-Kummissjoni l-informazzjoni li ġejja:

a)      l-ammont totali (prinċipal u interess ta’ rkupru) li ser ikun irkuprat mill-benefiċjarju, stabbilit skont il-parametri ta’ din id-Deċiżjoni, flimkien ma’ spjegazzjoni dettaljata tal-metodu użat biex ikun ikkalkulat dan l-ammont u l-evalwazzjoni tal-proprjeta’ minn espert indipendenti;

b)      deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri meħuda u li huma ppjanati li jikkonformaw ma’ din id-Deċiżjoni;

(ċ)      dokumenti li juri li l-benefiċjarju ġie ordnat li jħallas lura l-għajnuna.

2. L-Awstrija għandha żżomm lill-Kummissjoni infurmata bil-progress tal-miżuri nazzjonali li ttieħdu biex jimplimentaw din id-Deċiżjoni sakemm l-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 ikun kompletat. Għandha tissottometti immedjatament, fuq talba tal-Kummissjoni, informazzjoni fuq il-miżuri li diġà ttieħdu u fuq dawk ippjanati biex jikkonformaw ma’ din id-Deċiżjoni. Għandha ukoll tipprovdi informazzjoni dettaljata fuq l-ammonti ta’ għajnuna u interess irkuprat diġà rkuprati mill-benefiċjarju.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hi indirizzata lir-Repubblika tal-Awstrija.”

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

28      B’atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tat-11 u tal-15 ta’ Lulju 2008, irreġistrati bin-numri ta’ referenza T‑268/08 u T‑281/08 rispettivament, il-Land Burgenland, minn naħa, u r-Repubblika tal-Awstrija, min-naħa l-oħra, ippreżentaw dawn ir-rikorsi.

29      B’digriet tal-20 ta’ April 2008, il-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali ddeċieda, wara li sema’ lill-partijiet, li jgħaqqad il-Kawżi T‑268/08 u T‑281/08, għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza, skont l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenereali.

30      Wara li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali ġiet immodifikata, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lis-Sitt Awla, li lilha din il-kawża ġiet konsegwentement assenjata.

31      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

32      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-18 ta’ Mejju 2011.

33      Minħabba l-impediment ta’ membru tas-Sitt Awla, il-President tal-Qorti Ġenerali ħatar lilu nnifsu, skont l-Artikolu 32(3) tar-Regoli tal-Proċedura, sabiex jikkompleta l-Awla.

34      B’digriet tat-18 ta’ Novembru 2011, il-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla), fil-kompożizzjoni l-ġdida tagħha, fetħet il-proċedura orali mill-ġdid u l-partijiet ġew informati li kienu ser jinstemgħu waqt seduta l-ġdida.

35      Permezz ta’ ittri, tat-23, 24 u 25 ta’ Novembru 2011 rispettivament, il-Kummissjoni u r-rikorrenti informaw lill-Qorti Ġenerali li huma jirrinunzjaw li jinstemgħu mill-ġdid.

36      Konsegwentement, il-President tal-Qorti Ġenerali ddeċieda li jagħlaq il-proċedura orali.

37      Fil-Kawża T‑268/08, il-Land Burgenland titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

38      Fil-Kawża T‑281/08, ir-Repubblika tal-Awstrija titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

39      Fil-Kawżi T‑268/08 u T‑281/08, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikorsi bħala infondati;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

40      Insostenn tar-rikorsi tagħhom, ir-rikorrenti jqajmu formalment disa’ motivi.

41      Dawn il-motivi huma bbażati rispettivament fuq:

–        applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 87(1) KE fid-determinazzjoni tal-prezz tas-suq ta’ BB sa fejn il-Kummissjoni kienet teħtieġ, b’mod żbaljat, l-implementazzjoni ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti bil-għan tal-privatizzazzjoni kkontestata;

–        ksur tal-prassi deċiżjonali preċedenti sa fejn jikkonċerna l-applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE;

–        applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 87(1) KE sa fejn il-Kummissjoni rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni l-eżitu inċert u eventwali żmien twil tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni quddiem il-FMA fil-każ ta’ trasferiment ta’ BB lill-Konsorzju;

–        applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 87(1) KE sa fejn il-Land Burgenland ġustament ħadet inkunsiderazzjoni riskji marbuta mal-Ausfallhaftung sabiex tqabbel offerti ppreżentati mill-GRAWE u mill-Konsorzju rispettivament;

–        applikazzjoni żbaljata tal-prinċipju tal-bejjiegħ privat fl-ekonomija tas-suq fil-kuntest tal-eżami sussidjarju tar-riskji finanzjarji marbuta mal-Ausfallhaftung;

–        applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 87(1) KE minħabba ksur tar-regoli li jirregolaw l-oneru tal-prova fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti inkwistjoni;

–        applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 87(1) KE sa fejn l-offerta tal-Konsorzju ma setgħetx isservi sabiex jiġi ddeterminat il-prezz tas-suq ta’ BB.

–        applikazzjoni żbaljata tal-ħruġ ta’ titoli addizzjonali fil-kuntest tal-Ausfallhaftung;

–        applikazzjoni żbaljata f’diversi aspetti tal-Artikolu 87(1) KE fid-deteriminazzjoni tal-element ta’ għajnuna.

42      Il-Qorti Ġenerali tqis opportun li teżamina fl-ewwel lok, l-ewwel, it-tieni, is-sitt u s-seba’ motivi mqajma mir-rikorrenti, motivi li jirrelataw kollha mal-kuntest ġenerali ta’ eżami tal-attività kkontestata.

43      Qabel ma jinbeda l-eżami fil-veru sens tal-kelma tal-argumenti tal-partijiet, għandhom isiru numru ta’ osservazzjonijiet preliminari dwar il-kunċett tal-għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE kif ukoll dwar in-natura u l-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju li l-qorti tal-Unjoni Ewropea għandha twettaq f’dan il-każ.

 Osservazzjonijiet preliminari fuq il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE kif ukoll fuq in-natura u l-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju

44      L-Artikolu 87(1) KE jipprovdi li “[b]la ħsara ta’ kull deroga kontemplata f’dan it-Trattat, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun kompatibbli mas-suq komuni.”

45      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-klassifikazzjoni bħala għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, teħtieġ li l-kundizzjonijiet kollha previsti f’din id-dispożizzjoni jiġu sodisfatti. Fl-ewwel lok, irid ikun hemm intervent tal-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat. Fit-tieni lok, dan l-intervent irid ikun jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Fit-tielet lok, dan għandu jagħti vantaġġ lill-benefiċjarju tiegħu billi jiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi. Fir-raba’ lok, dan għandu jwassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, C‑280/00, Ġabra p. I‑7747, punti 74 u 75, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Frar 2006, Le Levant 001 et vs Il-Kummissjoni, T‑34/02, Ġabra p. II‑267, punt 110).

46      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-kundizzjoni relattiva għall-eżistenza ta’ vantaġġ biss hija kkontestata mir-rikorrenti. Fil-fatt, jidher li l-motivi mqajma insostenn ta’ dawn ir-rikorsi intiżi, essenzjalment, li juru li l-Kummissjoni, żbaljament, ikkonkludiet li kien jeżisti vantaġġ favur GRAWE, vantaġġ li kien jikkorrispondi għad-differenza bejn l-offerta ppreżentata minn din tal-aħħar u dik ippreżentata mill-Konsorzju.

47      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilta, il-provvista ta’ oġġetti jew ta’ servizzi b’kundizzjonijiet prefenzjali tista’ tikkostitwixxi għanjuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Frar 1988, Van der Kooy et vs Il-Kummissjoni, 67/85, 68/85 u 70/85, Ġabra p. 219, punti 28 u 29; tal-20 ta’ Novembru 2003, GEMO, C‑126/01, Ġabra p. I‑13769, punt 29 ; tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Settembru 2004, Valmont vs Il-Kummissjoni, T‑274/01, Ġabra p. II‑3145, punt 44, u tal-1 ta’ Lulju 2010, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑53/08, Ġabra p. II-3187, punt 79).

48      Meta applikat għall-każ ta’ bejgħ ta’ oġġett minn awtorità pubblika lil persuna privata, dan il-prinċipju għandu bħala konsegwenza li għandu jiġi ddeterminat jekk, b’mod partikolari, il-prezz ta’ bejgħ ta’ dan l-oġġett huwiex ekwivalenti għall-prezz tas-suq sa fejn jikkorrispondi għall-prezz li seta’ jinkiseb mix-xerrej f’kundizzjonijiet normali tas-suq (ara, f’dan is-sens is-sentenza Valmont vs Il-Kummissjoni, punt 47 iktar ’il fuq, u l-ġurisprudenza ċċitata). F’din il-perspettiva, hemm lok, għall-Kummissjoni, li tapplika l-kriterju tal-operatur privat li jopera f’ekonomija tas-suq, sabiex jiġi vverifikat jekk il-prezz imħallas mill-benefiċjarju allegat, jikkorrispondix mal-prezz li operatur privat, li jopera f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni, seta’ jiffissa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Settembru 2010, Il-Kummissjoni vs Scott, C‑290/07 P, Ġabra p. I-7763, punt 68; u tas-16 ta’ Diċembru 2010, Seydaland Vereinigte Agrarbetriebe, C‑239/09, Ġabra p. I-13083, punt 34, u l-ġurisprudenza ċċitata). L-applikazzjoni konkreta tal-imsemmi kriterju timplika, fil-prinċipju, evalwazzjoni ekonomika kumplessa (sentenza Il-Kummissjoni vs Scott, iċċitata iktar ’il quddiem, punt 68).

49      Fir-rigward tal-portata u tan-natura tal-istħarriġ ġudizzjarju, l-ewwel nett, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, kif stabbilit fit-Trattat, għandu natura legali u għandu jiġi interpretat fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi. Għal din ir-raġuni, il-qorti tal-Unjoni għandha, bħala regola u fid-dawl tal-elementi konkreti tal-kawża mressqa quddiemha u kif ukoll tan-natura teknika jew komplessa tal-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni, teżerċita stħarriġ sħiħ fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk miżura tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Mejju 2000, Franza vs Ladbroke Racing u Il-Kummissjoni, C‑83/98 P, Ġabra p. I‑3271, punt 25, u tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il-Kummissjoni, C‑487/06 P, Ġabra. p. I‑10515, punt 111). Il-qorti tal-Unjoni ma għandhiex tivverifika biss l-eżattezza materjali tal-provi invokati, il-kredibbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda għandha wkoll tistħarreġ jekk dawn l‑elementi jikkostitwixxux id-data kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex tali li jsostnu l-konklużjonijiet li jirriżultaw minnha (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Scott, punt 48 iktar ’il fuq, punt 65, u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      Madankollu, il-qorti tal-Unjoni ma tistax, fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ, tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tagħha b’dik tal-Kummissjoni. Fil-fatt, l-istħarriġ li l-qrati tal-Unjoni jeżerċitaw fuq l-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi li saru mill-Kummissjoni huwa stħarriġ limitat li jillimita ruħu neċessarjament għall-verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u tal-motivazzjoni, tal-preċiżjoni materjali tal-fatti kif ukoll tan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ abbuż ta’ poter (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Scott, punt 48 iktar ’il fuq, punt 66, u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Diċembru 2008, Ryanair vs Il-Kummissjoni, T‑196/04, Ġabra p. II‑3643, punt 41).

51      It-tieni nett, għandu jiġi speċifikat li l-legalità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat għandha tiġi evalwata skont l-elementi ta’ informazzjoni li l-Kummissjoni seta’ jkollha fil-mument meta hija adottat din id-deċiżjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Lulju 1986, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, 234/84, Ġabra p. 2263, punt 16, u tal-14 ta’ Settembru 2004, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑276/02, Ġabra p. I‑8091, punt 31; sentenza Valmont vs Il-Kummissjoni, punt 47 iktar ’il fuq, punt 38). Minn dan jirriżulta b’mod partikolari li, peress li l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat għandu jiġi applikat għal sitwazzjoni oġġettiva li tiġi evalwata fid-data li fiha l-Kummissjoni tieħu d-deċiżjoni tagħha, huma l-evalwazzjonijiet magħmula f’din id-data li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jitwettaq l-istħarriġ ġudizzjarju (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et, C‑341/06 P u C‑342/06 P, Ġabra p. I‑4777, punt 144).

 Fuq l-ewwel, it-tieni, is-sitt u s-seba’ motivi

 L-argumenti tal-partijiet

52      Permezz tal-ewwel motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-Kummissjoni żbaljat meta kkonkludiet, meta rreferiet għat-XXIII Rapport dwar il-politika tal-kompetizzjoni, li l-privatizzazzjoni ta’ impriża pubblika għandha titwettaq permezz ta’ proċedura ta’ sejħa għall-offerta miftuħa, trasparenti u mingħajr kundizzjonijiet u li prezz tas-suq iddeterminat abbażi ta’ rapport ta’ espert ma kienx validu. In-nuqqas ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti regolari għall-finijiet ta’ privatizzazzjoni ma tfissirx li wieħed jinsab fil-preżenza ta’ għajnuna mill-Istat, iżda biss li huwa neċessarju li jiġi vverifikat, b’mod individwalizzat, jekk il-bejgħ inkwistjoni jinkludix eventwali elementi ta’ għajnuna, verifikazzjoni li tista’ titwettaq biss abbażi ta’ rapport ta’ espert. Fi kliem ieħor, it-XXIII Rapport dwar il-politika tal-kompetizzjoni sempliċement inaqqas l-oneru tal-prova tan-nuqqas tal-għajnuna mill-Istat għal dak li jikkonċerna l-privatizzazzjonijiet imwettqa fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti. Jekk wieħed jassumi li l-interpretazzjoni tal-imsemmi rapport sostnut mill-Kummissjoni għandha tintlaqa’, jibqa’ l-fatt li dan ir-rapport, li jinkludi biss deskrizzjoni tal-attivitajiet tad-Direttorat Ġenerali tal-Kompetizzjoni u tal-għanijiet politiċi meqjusa bħala prijoritarji għal perijodu partikolari, ma għandu ebda effett legali vinkolanti.

53      F’din il-kawża, il-bejgħ ta’ BB lil GRAWE fil-fatt seħħ għall-prezz tas-suq. Dan jirriżulta b’mod ċar mir-rapporti ta’ espert indipendenti, mill-evalwazzjoni indikattiva ta’ BB imwettqa mill-HSBC fil-bidu tat-tielet proċess ta’ privatizzazzjoni u ta’ offerti tal-offerenti waqt it-tieni tentattiv ta’ privatizzazzjoni (ara l-premessa 68 tad-deċiżjoni kkontestata). L-evalwazzjonijiet inkwistjoni, inkluża dik mill-Konsorzju, qiesu li l-valur ta’ BB kien jinsab bejn EUR 44.4 u 75 miljun. Kif jirriżulta mill-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni kif ukoll mill-Komuninkazzjoni tal-Kummissjoni, 97/K 209/03, dwar elementi ta’ għajnuna Statali dwar bejgħ ta’ artijiet u bini ta’awtoritajiet pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 143) li kienet invokata b’analoġija, tali evalwazzjonijiet independenti għandhom jitqiesu bħala validi fid-determinazzjoni tal-valur tal-oġġett li huwa s-suġġett ta’ bejgħ.

54      Billi naqset milli tibbaża ruħha fuq l-evalwazzjonijiet li kienu ġew proposti lilha (ara il-premessa 68 tad-deċiżjoni kkontestata) jew li titlob rapport ta’ espert indipendenti ġdid, il-Kummissjoni, li għandha l-obbligu li tisma’, fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, l-opinjoni kollha neċessarji sabiex ikollha informazzjoni kompleta tal-fatti kollha tal-kawża, ma wettqitx eżami diliġenti u imparzjali tad-dokumenti mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tiddetermina preċiżament l-eżistenza u, skont il-każ, l-ammont tal-għajnuna.

55      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jqisu li l-obbligu li tintuża proċedura ta’ sejħa għal offerti, kif kienet ikkunsidrat il-Kummissjoni, ikun inkontradizzjoni mal-kriterju tal-bejjiegħ privat f’ekonomija tas-suq. Huma jenfasizzaw li, fil-kuntest ta’ bejgħ imwettaq minn persuni privati, l-użu ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti formalistika huwa ineżistenti jew, tal-inqas, insinjifikattiv u ħafna drabi jħalli l-opportunità għal negozjati mal-offerenti magħżula. Barra minn hekk, fil-prassi deċiżjonali tagħha, il-Kummissjoni tat lill-awtoritajiet statali marġni ta’ manuvra kunsiderevoli għal dak li jikkonċerna l-organizzazzjoni tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti. Konsegwentement, ma teżisti l-ebda prova empirika li l-offerti ppreżentati fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti jikkostitwixxu “l-aħjar il-valur tas-suq” (ara l-premessa 112 tad-deċiżjoni kkontestata) minn evalwazzjoni ta’ espert. Barra minn hekk, peress li l-impriżi privati jużaw ġeneralment proċeduri ta’ sejħa għal offerti, l-obbligu li tiġi implementata proċedura ta’ sejħa għal offerti meħtieġa mill-Kummissjoni twassal li jinħoloq trattament inugwali għad-detriment tal-impriżi pubbliċi, u dan bi ksur tal-Artikoli 295 KE u 86 KE.

56      Permezz tat-tieni motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata hija inkontradizzjoni mal-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni u, minħabba dan il-fatt, tikser il-prinċipju ta’ trattament ugwali. Sal-lum, fil-każ fejn l-ebda proċedura ma ġiet implementata fil-kuntest ta’ proċess ta’ privatizzazzjoni, jew twettqet b’mod irregolari, il-Kummissjoni dejjem ikkuntentat ruħha b’rapporti ta’ espert sabiex tiddetermina l-prezz tas-suq. Barra hekk, huma jenfasizzaw li, skont l-għarfien tagħhom, il-Kummissjoni ma kkonstatatx il-preżenza ta’ element ta’ għajnuna fil-kuntest ta’ proċess ta’ privatizzazzjoni ħlief darba waħda biss, jiġifieri fil-kawża li tat lok għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/717/KE, tas-27 ta’ Frar 2008, dwar l-għajnuna mill-Istat C 46/07 (ex NN 59/07) implimentata mir-Rumanija għal Automobile Craiova (ex Daewoo Romania) (ĠU L 239, p. 12), kawża li fiha l-Kummissjoni kkonstatat, kuntrarjament għal dak li kien il-każ f’din il-kawża, il-valur tas-suq abbażi ta’ evalwazzjoni tal-impriża pprivatizzata.

57      Permezz tas-sitt motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li, billi jeżiġu li l-awtoritajiet Awstrijaċi jistabbilixxu li l-Konsorzju ma jissodisfax il-kriterji ta’ sejħa għal offerti ta’ BB mill-perspettiva b’mod partikolari tas-sigurtà tat-tranżazzjoni u tal-fatt li tiġi evitata l-Ausfallhaftung (ara, b’mod partikolari, il-premessi 129, 132, 133, 145 u 156 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-oneru tal-prova u l-obbligi ta’ informazzjoni li għandhom l-offerenti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti. Fil-fatt, il-prova li offerent jissodisfa l-kriterji ta’ għoti għandha tiġi prodotta mill-offerent stess matul il-proċedura ta’ sejħa għal offerti u mhux, a posteriori, mill-Kummissjoni. F’din il-kawża, il-Konsorzju naqas milli jipproduċi fit-termini l-provi ta’ solvenza tiegħu u ta’ rifinanzjament ta’ BB, u dan minkejja l-fatt li huwa ġie debitament informat bl-obbligu tiegħu f’dan ir-rigward. Bir-riskju li tinħoloq diskriminazzjoni fir-rigward ta’ offerenti oħrajn, il-provi prodotti a posteriori għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli. Ir-rikorrenti jindikaw ukoll li, fin-nuqqas ta’ tali provi, il-Land Burgenland setgħet leġittament tnissel dubji fir-rigward tas-solvenza tal-Konsorzju.

58      Fl-aħħar nett, fil-kuntest tas-sitt motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li, peress li l-proċedura ta’ sejħa għal offerti tqieset bħala vvizzjata b’irregolaritajiet, sa fejn hija kienet ibbażata fuq kriterji ta’ selezzjoni illegali bħat-teħid inkunsiderazzjoni tal-Ausfallhaftung (ara l-premessi 134 et seq u 141 et seq tad-deċiżjoni kkontestata), l-offerta ta’ xiri tal-Konsorzju ma tistax isservi sabiex jiġi ddeterminat il-prezz tas-suq ta’ BB (ara l-premessi 109 sa 114 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, mill-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni jirriżulta li hija rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni r-riżultati ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti irregolari waqt id-determinazzjoni tal-element ta’ għajnuna. F’din il-kawża, ma jistax jinċaħad il-fatt li r-riskju l-iktar importanti mġarrab mil-Land Burgenland mill-perspettiva tal-mobilizzazzjoni tal-Ausfallhaftung wassal il-Konsorzju sabiex iżid b’mod eċċesiv l-offerta tiegħu bħala kumpens komparabbli għal “primju ta’ riskju”. In-natura eċċessiva, jew ta’ fantasija, tal-offerta ta’ xiri ppreżentata mill-Konsorzju hija kkonfermata b’mod konkret mill-ammont tal-offerti oħrajn ippreżentati (ara l-premessa 66 tad-deċiżjoni kkontestata) kif ukoll mill-evalwazzjonijiet indipendenti (ara l-premessa 68 tad-deċiżjoni kkontestata), li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni.

59      Il-Kummissjoni tikkontesta l-ilmenti kollha mressqa mir-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

60      L-eżami tal-ewwel motiv jeħtieġ, essenzjalment, li tingħata deċiżjoni fuq żewġ domandi: l-ewwel intiża sabiex tiddetermina jekk il-Kummissjoni eżiġietx effettivament, billi tibbaża fuq it-XXIII Rapport dwar il-politika tal-kompetizzjoni, li l-prezz tas-suq ta’ BB jista’ jiġi ddeterminat biss permezz ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti. It-tieni domanda tikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni setgħetx, mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, teskludi, f’dan il-każ, l-użu ta’ rapporti ta’ espert ippreżentati matul il-proċedura ta’ eżami tal-miżuri kkontestata u li r-rikorrenti jibbażaw ruħhom fuqhom sabiex jevalwaw l-imsemmi prezz tas-suq.

61      Mill-qari tad-deċiżjoni kkontestata kollha jirriżulta li r-rikorrenti żbaljaw meta sostnew li l-Kummissjoni “tibda mill-prinċipju li l-proċess ta’ privatizzazzjoni għandu jitwettaq fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti miftuħa, trasparenti u mingħajr kundizzjonijiet”. Fl-evalwazzjoni tagħha, il-Kummissjoni semmiet biss il-fatt li hija “fil-kuntest tal-privatizzazzjoni tibda minn numru ta’ prinċipji li huma mniżżla fit-XXIII Rapport dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni [...] u l-prattika sussegwenti”.

62      Il-punt 403 tat-XXIII Rapport dwar il-politika tal-kompetizzjoni huwa miktub b’dan il-mod:

“Għal iktar trasparenza, huwa utli li jitfakkru l-prinċipju ġenerali li l-Kummissjoni tapplika għall-privatizzazzjonijiet u li ġew iddefiniti matul is-snin abbażi tal-eżami ta’ każijiet individwali.

Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 222 [KE], id-dritt Komunitarju ma jippreġudika bl-ebda mod is-sistema ta’ proprjetà tal-impriżi. L-għajnuna li tiffaċilità l-privatizzazzjonijiet għaldaqstant ma tibbenefikax neċessarjament, bħala tali, minn deroga mill-prinċipju fundamentali ta’ inkompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mas-suq komuni, stabbilita fl-Artikolu 92(1).

Meta l-privatizzazzjoni twettaq permezz tal-bejgħ ta’ azzjonijiet fil-Borsa, huwa ġeneralment allegat li dan il-bejgħ isir b’kundizzjonijiet tas-suq u li l-operazzjoni ma tinvolvi ebda element ta’ għajnuna. Xi drabi, qabel il-ħruġ tal-azzjonijiet, dejn jista’ jiġi annullat jew jitnaqqas, mingħajr l-ebda preżunzjoni ta’ għajnuna sakemm l-introjtu tal-ħruġ huwa akbar mit-tnaqqis tad-dejn.

Jekk il-privatizzazzjoni ta’ kumpannija sseħħ mhux permezz tal-ħruġ ta’ azzjonijiet fil-Borsa, iżda permezz ta’ bejgħ innegozjat (jiġifieri permezz tal-bejgħ tat-totalità jew ta’ partijiet tal-kumpannija lil kumpanniji oħra), il-kundizzjonijiet li ġejjin għandhom jiġu osservati sabiex ikun jista’ jiġi allegat, mingħajr eżami ieħor, li l-operazzjoni ma tinvolvi ebda element ta’ għajnuna:

–        Hemm lok li tiġi mnieda sejħa għal offerta miftuħa, trasparenti u mingħajr kundizzjonijiet, mingħajr ma l-parteċipazzjoni għal din is-sejħa ta’ offerti ma tkun suġġetta għat-twettiq ta’ atti oħrajn, bħall-akkwist ta’ attiv oħrajn minbarra dawk li huwa s-suġġett tas-sejħa għal offerti jew il-kontinwazzjoni ta’ ċerti attivitajiet

–        il-kumpannija għandha tinbiegħ lill-għola offerenti;

–        l-offerenti għandhom jingħataw il-ħin u l-informazzjoni neċessarja sabiex iwettqu evalwazzjoni xierqa tal-elementi ta’ attiv, sabiex ikollhom bażi sabiex jifformulaw l-offerta tagħhom.

Il-privatizzazzjonijiet imwettqa permezz ta’ ħruġ ta’ azzjonijiet jew permezz ta’ sejħa għal offerti taħt il-kundizzjonijiet deskritti iktar ’il fuq ma għandhomx jiġu nnotifikati minn qabel lill-Kummissjoni għall-eżami tal-implikazzjonijiet tagħhom fil-qasam tal-għajnuna, iżda l-Istati Membri jistgħu jinnotifikawhom jekk huma jixtiequ jiżguraw li jkollhom is-sigurtà legali addizzjonali ta’ awtorizzazzjoni formali. F’każijiet oħrajn, il-bejgħ bi ftehim għandhom jiġu eżaminati sabiex jiġu ddeterminati l-implikazzjonijiet eventwali fil-qasam tal-għajnuna, u dan ifisser li għandhom jiġu nnotifikati. Dan japplika b’mod partikolari fil-każijiet li ġejjin:

–        bejgħ wara negozjati ma’ bejjiegħ prospettiv wieħed jew ma’ diversi bejjiegħ magħżula;

–        bejgħ preċedut bl-annullament ta’ dejn mill-Istat, minn impriżi pubbliċi oħrajn jew minn kull korp pubbliku ieħor;

–        bejgħ preċedut mill-konversjoni ta’ dejn f’kapital soċjali jew żidiet ta’ kapital;

–        bejgħ imwettaq fuq kundizzjonijiet li ma humiex komuni fi tranżazzjonijiet komparabbli konklużi bejn individwi.

F’kull każ, ma jistax ikun hemm diskriminazzjoni bbażata fuq iċ-ċittadinanza tal-bejjiegħa prospettivi ta’ azzjonijiet jew attivi inkwistjoni.

Kull bejgħ konkluż b’kundizzjonijiet li jistgħu jitqiesu bħala kundizzjonijiet kummerċjali normali għandhom jiġu ppreċeduti minn evalwazzjoni mwettqa minn konsulenti indipendenti. Il-privatizzazzjoni f’setturi sensibbli (fibri sintetiċi, tessili, industrija tal-karozzi, eċċ) għandhom dejjem ikunu s-suġġett ta’ notifika minn qabel lill-Kummissjoni.”

63      Kif ir-rikorrenti nfushom jammettu, il-linji gwida msemmija f’dan ir-rapport huma intiżi biss sabiex jippreċiżaw il-każijiet li fihom huwa allegat li l-miżuri ta’ privatizzazzjoni kkunsidrati mill-Istati Membri ma għandhomx element ta’ għajnuna u fejn, għaldaqstant, ma hemmx lok li jiġu nnotifikati, ħlief jekk il-awtoritajiet nazzjonali jixtiequ li jiżguraw ruħhom li jkollha s-sigurtà legali tat-tranżazzjoni.

64      Barra minn hekk minn dawn il-linji gwida ma jirriżultax li l-Kummissjoni teżiġi l-implementazzjoni ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti miftuħa, trasparenti u mingħajr kundizzjonijiet f’kull sitwazzjoni. Huma jiddikjaraw biss li, fil-każ li tali proċedura hija implementata, hija għandha tissodisfa ċertu numru ta’ kundizzjonijiet sabiex ikun allegat li l-privatizzazzjoni inkwistjoni tissodisfa d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.

65      Bl-istess mod, l-imsemmi rapport ma jipprovdi ebda element rilevanti għal din il-kawża fir-rigward tal-ammissibbiltà eventwali tar-rapporti ta’ espert ippreżentati bil-għan li jiġi ffissat il-prezz tas-suq tal-entità li hija ppjanata l-privatizzazzjoni tagħha. F’dan ir-rigward, l-unika indikazzjoni pprovduta mir-rapporti ta’ espert hija li “[kull] bejgħ konkluż b’kundizzjonijiet li ma jistgħux jitqiesu bħala kundizzjonijiet kummerċjali normali għandhom jiġu ppreċeduti minn evalwazzjoni mwettqa minn konsulenti indipendenti”. Madankollu, din is-sitwazzjoni tal-aħħar ma hijiex speċifikament imsemmija f’din il-kawża, peress li l-Kummissjoni espressament eskludiet, fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti mibdija bil-għan tal-privatizzazzjoni ta’ BB, li din ma kinitx tirrigwarda bejgħ konkluż b’kundizzjonijiet kummerċjali speċjali (ara, f’dan is-sens, il-premessi 111 u 112 tad-deċiżjoni kkontestata).

66      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li l-affermazzjoni tar-rikorrenti li tipprovdi li l-Kummissjoni, b’nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza bejn operaturi privati u persuni, ikkonkludiet, billi tibbaża ruħha fuq it-XXIII Rapport fuq il-politika tal-kompetizzjoni, li proċedura ta’ sejħa għal offerti biss tippermetti li jiġi ddeterminat il-prezz tas-suq fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriża bil-għan tal-privatizzazzjoni tagħha.

67      Għal dawn ir-raġunijiet kollha, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq il-portata legali tat-XXIII Rapport fuq il-politika tal-kompetizzjoni li, kif issemma preċedentement, kellu biss l-għan li jfakkar lill-Istat Membri, f’interess ta’ trasparenza u ta’ kjarifikazzjoni, il-linji gwida ġenerali segwiti mill-Kummissjoni bil-għan tal-eżami tal-miżuri meħuda fil-kuntest tal-privatizzazzjonijiet ta’ impriżi.

68      Għaldaqstant, jibqa’ li jiġi ddeterminat, fil-kuntest tal-ewwel motiv, jekk il-Kummissjoni, mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, irrifjutatx li tieħu inkunsiderazzjoni rapporti ta’ espert differenti li l-rikorrenti bbażaw fuqhom f’din il-kawża bil-għan li jiġi ddeterminat il-prezz tas-suq ta’ BB

69      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prezz tas-suq ta’ impriża, li ġeneralment jiddependi fuq l-offerta u t-talba, jikkorrispondi għall-prezz l-iktar għoli li investitur privat li jopera f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni jkun lest li jħallas għaliha (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2004, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑277/00, Ġabra p. I‑3925, punt 80, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 48 iktar ’il fuq).

70      Meta awtorità pubblika għandha l-intenzjoni li tbigħ impriża li tappartjeni lilha u li hija tirrikorri, sabiex tagħmel dan, għal proċedura ta’ sejħa għal offerti miftuħa, trasparenti u mingħajr kundizzjonijiet, għaldaqstant jista’ jiġi allegat li l-prezz tas-suq jikkorrispondi għall-offerta l-iktar għolja, peress li għandu jiġi stabbilit, l-ewwel nett, li din l-offerta hija vinkolanti u li hija kredibbli u, it-tieni nett, li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ fatturi ekonomiċi minbarra l-prezz ma huwiex iġġustifikat, bħar-riskji off-balance li jeżistu bejn l-offerti. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma twettaqx żball manifest ta’ evalwazzjoni billi tikkonkludi li l-element ta’ għajnuna jista’ jiġi evalwat mill-prezz tas-suq, li huwa stess, jiddependi fuq offerti konkretament ippreżentati fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti.

71      F’tali ċirkustanzi, ma jistax jiġi allegat fil-konfront tal-Kummissjoni li ma ħaditx inkunsiderazzjoni rapporti ta’ espert indipendenti, imsemmija fil-premessa 68 tad-deċiżjoni kkontestata, li kkorroboraw l-idea sostnuta mir-rikorrenti li tipprovdi li l-prezz propost minn GRAWE għandu jkun konformi mal-prezz tas-suq.

72      Fil-fatt, l-użu ta’ tali rapporti ta’ espert sabiex jiġi ddeterminat il-prezz tas-suq ta’ BB jagħmel sens biss fil-każ fejn l-ebda proċedura ta’ sejħa għal offerti bil-għan tal-bejgħ tagħha ma ġiet segwita jew, eventwalment, fil-każ meta ġie konkluż li l-proċedura ta’ sejħa għal offerti implementata ma kinitx miftuħa, trasparenti jew mingħajr kundizzjonijiet. F’dan ir-rigward, huwa inkontestabbli li l-offerti validament u effettivament ippreżentati fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti varata bil-għan tal-privatizzazzjoni ta’ impriża speċifika jikkostitwixxu, prinċipalment, l-aħjar valur approssimattiv tal-prezz tas-suq tal-imsemmija entità mir-rapporti ta’ espert indipendenti. Fil-fatt, tali rapporti ta’ espert, irrispettivament mill-metodu u mill-parametri magħżula għar-redazzjoni tagħhom, jibbażaw fuq eżami prospettiv u li jwasslu, għaldaqstant, għal evalwazzjoni tal-prezz tas-suq tal-impriża inkwistjoni ta’ valur inqas minn dak li jirriżulta mill-offerti konkreti u validament ippreżentati fil-kuntest ta’ sejħa għal offeri legalment implementata.

73      Għall-istess raġunijiet, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma qiesitx neċessarju li tirrediġi studju ex post minn espert indipendenti, jew, għalhekk, li naqset mid-dmir tagħha ta’ eżami diliġenti u imparzjali tal-miżuri li hija għandha tagħmel. Kif jirriżulta b’mod ċar mill-premessi 112 sa 113 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni telqet mill-konstatazzjoni, li, fil-preżenza ta’ offerti ta’ xiri vinkolanti ta’ BB, ir-rapporti ta’ espert indipendenti, irrispettivament mill-awtur, id-data ta’ redazzjoni tagħhom jew il-metodu ta’ analiżi magħżula, kienu, bħala tali, irrilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk il-prezz imħallas minn GRAWE sabiex jerġa’ jinxtara l-BB jikkorrispondix għall-prezz tas-suq. Barra minn hekk, ir-rikorrenti naqsu li jistabbilixxu li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-informazzjoni u l-evalwazzjonijiet kollha li ġew ippreżentati lilha, b’mod partikolari mill-awtoritajiet Awstrijaċi, matul il-proċedura amministrattiva.

74      Konsegwentement, l-ewwel motiv għandu jinċaħad.

75      Permezz tat-tieni motiv tagħhom, li huwa strettament marbut mal-ewwel, ir-rikorrenti għandhom l-intenzjoni li juru li d-deċiżjoni kkontestata titbiegħed mill-prassi deċiżjonali preċedentement adottata mill-Kummissjoni, sa fejn hija l-ewwel darba li l-Kummissjoni kienet teħtieġ li Stat Membru li jixtieq jipprivatizza impriża li tappartjeni lilu li huwa jorganizza proċedura ta’ sejħa għal offerti miftuħa, trasparenti u mingħajr kundizzjonijiet.

76      Fuq dan l-aspett, il-Qorti Ġenerali tfakkar li l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat huwa ta’ natura ġuridika u għandu jiġi interpretat fid-dawl ta’ elementi oġġettivi (ara s-sentenza Valmont vs Il-Kummissjoni, punt 47 iktar ’il fuq, punt 37, u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-klassifikazzjoni ta’ miżura ta’ għajnuna mill-Istat ma tistax għaldaqstant tiddependi fuq evalwazzjoni suġġettiva tal-Kummissjoni u għandha tiġi ddeterminata irrispettivament minn kull prattika amministrattiva preċedenti tal-Kummissjoni, anki jekk kienet stabblita (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Settembru 2003, Freistaat Sachsen et vs Il-Kummissjoni, C‑57/00 P u C‑61/00 P, Ġabra p. I‑9975, punti 52 u 53, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ġunju 2005, Regione autonoma della Sardegna vs Il-Kummissjoni, T‑171/02, Ġabra p. II‑2123, punt 177).

77      F’tali kundizzjonijiet, ir-rikorrenti ma jistgħux jallegaw ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali billi jibbażaw ruħhom fuq il-prassi deċiżjonali preċedenti. Peress li l-Kummissjoni hija meħtieġa li twettaq analiżi individwalizzata taċ-ċirkustanzi speċifiċi għal kull kawża, hija marbuta bid-deċiżjonijiet preċedenti.

78      Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti, li qed jużaw affermazzjonijiet ġenerali billi jiddikjaraw li sakemm il-Kummissjoni dejjem “salvat” il-privatizzazzjonijiet, naqsu milli jiddikjaraw sa liema punt iċ-ċirkustanzi li taw lok għad-deċiżjonijiet li huma jiċċitaw u l-kunsiderazzjonijiet legali li huma bbażati fuqhom huma komparabbli ma’ dawk inkwistjoni f’din il-kawża. B’mod partikolari, ma ġiex stabbilit li waħda minn dawn id-deċiżjonijiet kienet tirrigwarda sitwazzjoni fejn, bħall-kawża preżenti, kien ġie konkluż li l-prezz tas-suq tal-oġġett jew tal-entità li qed tinbiegħ kien validament iffissat permezz ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti miftuħa, trasparenti u mingħajr kundizzjonijiet.

79      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li t-tieni motiv ma jistax, f’kwalunkwe każ, jintlaqa’.

80      Rigward is-sitt motiv, abbażi tal-fatt li l-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-oneru tal-prova u l-obbligi ta’ informazzjoni li għandhom l-offerenti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti varata bil-għan tal-privatizzazzjoni ta’ impriża, jidher mill-bidu nett li, mill-argumentazzjoni tagħhom, ir-rikorrenti jagħmlu konfużjoni bejn, minn naħa, l-obbligi ta’ informazzjoni li għandhom l-offerenti fil-kuntest tal-proċedura kollha ta’ sejħa għal offerti u, min-naħa l-oħra, ir-rekwiżit ta’ eżami diliġenti u imparzjali li huwa impost fuq il-Kummissjoni fir-rigward tal-miżuri ta’ għajnuna allegati.

81      Fir-rigward tal-obbligi ta’ informazzjoni li huma imposti fuq l-offerenti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-Konsorzju kellu jipproduċi l-prova li huwa kien solventi u li l-FMA kienet ser tiddeċiedi favur it-trasferiment ta’ BB lilu.

82      Madankollu, kif il-Kummissjoni ġustament irrilevat, il-Konsorzju ma kienx neċessarjament f’pożizzjoni li jipprovdi ebda informazzjoni fuq l-eżitu favorevoli jew le tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni quddiem il-FMA f’sitwazzjoni fejn il-Land Burgenland kienet iddeċidiet li tagħżel l-offerta tal-imsemmi konsorzju. Barra minn hekk, peress li l-ammont tal-offerta ta’ xiri mill-ġdid ippreżentata mill-Konsorzju kienet kunsiderevolment ogħla minn dak tal-offerta ppreżentata minn GRAWE u li, għaldaqstant, l-eżistenza ta’ vantaġġ favur din tal-aħħar ma setgħetx tiġi eskluża, kien preċiżament kompitu tal-awtoritajiet kompetenti li jipprovdu indizji serji li l-eżami mwettaq mill-FMA kien iwassal għal projbizzjoni tat-trasferiment ta’ BB lil Konsorzju, fatt li huma naqsu milli jagħmlu.

83      Rigward il-prova tal-kapaċità u tas-solvenza finanzjarja tal-Konsorzju, jidher li ebda waħda mill-partijiet għall-proċedura formali ta’ eżami ma kkontestat il-kapaċità tiegħu li jiġbor il-fondi neċessarji sabiex jonora l-prezz ta’ xiri offrut. Barra minn hekk, mill-proċess jirriżulta li, fil-prinċipju, il-prova ta’ kapaċità finanzjarja ta’ offerent sabiex jonera l-prezz ta’ xiri propost hija evalwata fi stadju kmieni tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti, jiġifieri fl-istadju tad-“Due diligence” li, skont ir-rikorrent, tfisser eżami tal-bilanċi kif ukoll tar-riżorsi personali u materjali tal-offerti li l-offerta tagħhom tqieset soda u ammissibbli. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-offerta tal-Konsorzju ġiet eskluża biss fl-istadju finali ta’ negozjati mwettqa fil-kuntest ta’ din il-proċedura, peress li, kif dan issemma fil-premessa 53 tad-deċiżjoni kkontestata, “l-Awstrija baqgħet tistenna lill-Konsorzju li jressaq lilu nnifsu ’il quddiem bħala sieħeb tal-kummerċ finanzjarjament sod, kif kien ħabbar matul in-negozjati”.

84      L-aspetti l-oħrajn imsemmija mir-rikorrenti, li jikkonċernaw il-kapaċità tal-Konsorzju li jikkontrolla l-problemi ta’ likwidità fil-każ ta’ pussess mill-ġdid ta’ BB (ara l-premessi 78 u 79 tad-deċiżjoni kkontestata li jirrigwardaw il-“finanzjament mill-ġdid tal-BB wara t-trasferiment tiegħu”), minbarra li huma biss rilevanti fil-każ li l-Ausfallhaftung għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, sitwazzjoni li ser tiġi eżaminati iktar ’il quddiem (ara l-punti 149 et seq. iktar ’il quddiem), ma humiex, fi kwalunkwe każ, iktar fondati. Fil-fatt, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Konsorzju qatt ma eskluda l-prinċipju stess ta’ riskju ta’ ħruġ ta’ depożiti u ta’ kanċellazzjoni ta’ linji inter-bankarji (anki jekk huwa kien stmah għal livell iktar baxx mill-Kummissjoni) u li huwa kien ipprovda, permezz ta’ garanzija, dikjarazzjonijiet ta’ intenzjoni mingħand banek differenti (ara l-premessa 78 tad-deċiżjoni kkontestata). F’tali ċirkustanzi, ma huwiex sostenibbli li l-Konsorzju ma pprovda ebda garanzijia tas-solvenza tiegħu.

85      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, b’rispsosta għal domanda magħmula mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta fuq il-kwisjtoni dwar jekk u sa liema punti r-rikorrenti jikkontestaw il-kapaċità ekonomika tal-Konsorzju sabiex iħallas il-prezz ta’ xiri ta’ BB ta’ EUR 155 miljun, dawn ikkonfermaw li huma ma kinux ikkontestaw bl-ebda mod il-fatt li l-Konsorzju kien kapaċi jħallas l-imsemmi prezz.

86      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha, is-sitt motiv għandu jiġi miċħud.

87      Fl-aħħar nett, fir-rigward tas-seba’ motiv, abbażi tal-fatt li l-offerta tal-Konsorzju ma setgħetx isservi sabiex jiġi ddeterminat il-prezz tas-suq, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-eżami tal-ewwel motiv (ara b’mod partikolari l-punt 70 iktar ’il fuq), meta awtorità pubblika għandha l-intenzjoni li tbigħ impriża li tappartjeni lilha u li hija tirrikorri, sabiex tagħmel dan, għal proċedura ta’ sejħa għal offerti miftuħa, trasparenti u mingħajr kundizzjonijiet, għaldaqstant jista’ jiġi allegat li l-prezz tas-suq jikkorrispondi għall-offerta l-iktar għolja, peress li għandu jiġi stabbilit, l-ewwel nett, li din l-offerta hija vinkolanti u li hija kredibbli u, it-tieni nett, li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ fatturi ekonomiċi minbarra l-prezz ma huwiex iġġustifikat, bħar-riskji off-balance li jeżistu bejn l-offerti.

88      Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma twettaqx żball manifest ta’ evalwazzjoni billi tikkonkludi li l-element ta’ għajnuna jista’ jiġi evalwat mill-prezz tas-suq, li huwa stess, jiddependi fuq offerti konkretament ippreżentati fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti.

89      Barra minn hekk, mill-perspettiva tal-bejjiegħ privat f’ekonomija tas-suq, ir-raġunijiet suġġettivi jew strateġiċi li wasslu lil offerenti speċifiku li jippreżenta offerta ta’ ċertu ammont ma humiex determinanti. Il-bejjiegħ privat f’ekonomija tas-suq jagħżel, fil-prinċipju, offerta ta’ xiri iktar għolja, u dan irrispettivament mir-raġunijiet li wasslu lix-xerrejja potenzjali li jipproponu offerti ta’ ċertu ammont. Konsegwentement, l-allegazzjoni tar-rikorrenti li tipprovdi li l-ammont tal-offerta ppreżentata mill-Konsorzju hija eċċessiva għandha tiġi miċħuda.

90      Rigward l-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li l-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża ruħha fuq ir-riżultati ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti li hija stess sabet li huma illegali, għandu jitfakkar li, fl-istadju tal-ftuħ tal-proċedura formali ta’ eżami, hija espremiet dubji fuq ir-regolarità tas-sejħa għal offerti, b’mod partikolari mill-perspettiva tal-osservanza tal-prinċipju tat-trattament ugwali bejn l-offerenti (ara, f’dan ir-rigward, il-premessa 42 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni wasslet għall-konklużjoni li n-nuqqasijiet li jivvizzjaw il-kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti ma kinux influwenzaw l-ammont tal-offerti konkretament ippreżentati u li, għaldaqstant, l-offerta nominali l-iktar għolja kienet tikkostitwixxi valur tajjeb approssimattiv tal-prezz tas-suq (ara l-premessa 143 tad-deċiżjoni kkontestata).

91      Barra minn hekk, fil-kontinwazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-kuntest tat-tieni motiv, għandu jiġi konkluż li r-referiment għall-allegata prassi deċiżjonali stabbilita tal-Kummissjoni ma jsostnix iktar l-perspettiva difiża mir-rikorrenti. B’mod partikolari fir-rigward tal-kawżi li taw lok għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/513/KE, tat-8 ta’ Settembru 1999, dwar l-għajnuna mogħtija minn Franza lill-impriża Stardust Marine (ĠU 2000, L 206, p. 6), u għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/628/KE, tal-11 ta’April 2000, dwar l-għajnuna mogħtija mill-Italja liċ-Centrale del Latte di Roma (ĠU L 265, p. 15), li r-rikorrenti jirreferu għalihom, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li huma jikkonċernaw sitwazzjoni fejn l-implementazzjoni ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti miftuħa, trasparenti u mingħajr kundizzjonijiet kienet preċiżament nieqsa.

92      Konsegwentement, is-sitt motiv għandu wkoll jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 87(1) KE sa fejn il-Kummissjoni rrifjutat tieħu inkunsiderazzjoni l-eżitu inċert u l-eventwali tul twil tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni quddiem il-FMA fil-każ ta’ trasferiment ta’ BB lill-Konsozju

 L-argumenti tal-partijiet

93      Ir-rikorrenti jilmentaw li l-Kummissjoni, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-bejjiegħ privat f’ekonomija tas-suq, wettqet eżami inkomplet tas-sigurtà tat-tranżazzjoni. Huma jallegaw, essenzjalment, li waqt l-evalwazzjoni u l-paragun tal-offerti ta’ pussess mill-ġdid ta’ BB, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-eżitu inċert u t-tul possibbli tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni quddiem il-FMA fil-każ ta’ bejgħ lill-Konsorzju. Preċiżament għal dawn ir-raġunijiet, bejjiegħ privat kien jagħżel l-offerta ta’ GRAWE, offerta li, minkejja ta’ ammont inferjuri minn dak tal-offerta ppreżentata mill-Konsorzju, kienet tiskadi fil-31 ta’ Marzu 2006, u li, fid-dawl tar-rapporti ta’ espert ċċitati fil-premessa 68 tad-deċiżjoni kkontestata u tal-esperjenza mit-tentattivi preċedenti ta’ privatizzazzjoni ta’ BB, kien partikolarment interessanti.

94      Skont ir-rikorrenti, l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi li t-tul tal-proċedura ta’ eżami mwettqa mill-awtorità ta’ sorveljanza ma setgħetx tiġġustifika l-esklużjoni ta’ offerent ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti, peress li dan jippermetti diskriminazzjonijiet kontra offerenti barranin (ara l-premessa 130 tad-deċiżjoni kkontestata), interpretat ħażin il-fatt li għandha ssir distinzjoni bejn ir-rwol tal-Istat bħala bejjiegħ privat u dak li huwa jeżerċita b’diskrezzjoni assoluta bħala awtorità regolatorja tas-swieq finanzjarji. F’dan ir-rigward, fid-dawl tal-indipendenza tal-FMA u tar-regoli li għalihom hija suġġetta, l-awtoritajiet Awstrijaċi ma jkunux f’pożizzjoni li jiksbu ebda informazzjoni fuq l-eżitu tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni. Barra minn hekk, l-ilment tal-Kummissjoni kien jittratta kwistjoni li ma taqax taħt id-dritt tal-għajnuna mill-Istat (iżda pjuttost taħt il-libertà ta’ stabbiliment u l-moviment liberu tal-kapital) u naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni t-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Istat Federali u l-Länder.

95      Ir-rikorrenti jżidu li, f’din il-kawża, l-aġir tal-Land Burgenland, li l-ewwel nett ikkonsista li jagħżel il-bejjiegħ sabiex, fit-tieni lok, jitlob l-awtorizzazzjonijiet meħtieġa, mhux biss huwa konformi mal-kriterju tal-bejjiegħ privat, iżda wkoll rikonoxxut fil-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni.

96      Ir-rikorrenti jsostnu li, kif jirriżulta b’mod partikolari minn ittra tal-konsulent tal-HSBC tat-3 ta’ Marzu 2008 u mibgħuta lill-Kummissjoni fil-5 ta’ Mejju 2008, kien hemm numru ta’ indizji f’din il-kawża li jargumentaw kontra l-vijabilità tal-bejgħ ta’ BB lill-Konsorzju.

97      Qabel kollox, huma jenfasizzaw li l-membri tal-Konsorzju ma għandhom l-ebda klassifika minn aġenzija ta’ klassifika rikonoxxuta internazzjonalment, anki jekk, kif il-Kummissjoni ssemmi f’diversi komunikazzjonijiet u deċiżjonijiet tagħha, din hija kundizzjoni indispensabbli sabiex ikun jista’ jeżerċita attivitajiet fuq is-swieq bankarji u ta’ kapital Ewropej.

98      Ir-rikorrenti jqisu, sussegwentement, li, fin-nuqqas ta’ analiżi ta’ solvenza ppreżentata mill-Konsorzju, huma rreferew għall-prattika ta’ aġenziji ta’ klassifika li tipprovdi li impriża ma tistax tingħata, fil-prinċipju, klassifika iktar vantaġġuża minn dik tal-Istat fejn hija stabbilita, f’dan il-każ l-Ukraina, li tibbenefika minn klassifika massima ta’ “B” (“sub investment grade”).

99      Ir-rikorrrenti jirreferu, barra minn hekk, għan-nuqqasijiet li jivvizzjaw il-pjan ta’ negozju (business plan) ippreżentat mill-Konsorzju (ara l-ittra tal-awtoritajiet Awstrijaċi tal-1 ta’ Marzu 2007), għan-nuqqas ta’ esperjenza tal-Konsorzju fuq is-suq bankarju Ewropew u għax-xewqa tal-imsemmi konsorzju li jmexxi politika kummerċjali ġdida għal BB li, maż-żmien u kif ukoll jirriżulta mill-osservazzjonijiet tal-HSBC, jista’ jwassal għal telf sostanzjali tal-fondi tiegħu stess u, għaldaqstant, għal intervent tal-Land Burgenland taħt l-Ausfallhaftung. Ir-rikorrenti jsostnu li dawn l-aspetti neċessarjament ittieħdu inkunsiderazzjoni mill-FMA, li, skont kriterji msemmija fl-Artikolu 5(1)(3) tal-Bankwesengesetz (BWG, Liġi Federali fuq is-sistema bankarja), għandha tevalwa jekk il-Konsorzju joffrix garanzija ta’ ġestjoni ekonomikament solida u prudenti ta’ BB wara l-pussess mill-ġdid ta’ dan tal-aħħar, li l-Kummissjoni naqset milli teżamina bi ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 253 KE.

100    L-estimi pessimistiċi rigward l-awtorizzazzjoni tal-FMA fil-każ ta’ trasferiment ta’ BB lill-Konsozju huma wkoll sostnuti bl-informazzjoni dwar in-nuqqasijiet strutturali u funzjonali tas-settur bankarju Ukrain, kif jirriżultaw b’mod partikolari mir-rapporti perijodiċi tal-Fondi Monetarji Internazzjonali. Dawn ir-rapporti kienu espressament imsemmija mill-awtoritajiet Awstrijaċi matul il-proċedura formali u huma, fi kwalunkwe każ, pubblikament aċċessibbli. Fir-replika tagħhom, ir-rikorrenti jsemmu li l-iżvilupp reċenti fis-settur bankarju Ukrain ikkonferma t-tħassib li huma kienu esprimew meta seħħew il-fatti.

101    Skont ir-rikorrenti, għandu wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li t-twettiq mill-FMA tal-obbligu tagħha ta’ kontroll ikun iktar diffiċli fil-każ ta’ akkwist ta’ BB mill-Konsorzju minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni istituzzjonalizzata bejn l-FMA u l-awtoritajiet Ukraini, b’mod partikolari permezz ta’ protokoll ta’ ftehim konkluż mal-bank nazzjonali Awstrijak.

102    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsemmu li l-Land Burgenland ma bbażatx ruħha biss fuq l-evalwazzjoni tagħha stess, iżda għamlet kuntatt b’mod informali mal-FMA sabiex tiżgura ruħha fuq l-affidabbiltà tal-previżjonijiet tagħha rigward l-awtorizzazzjoni li din l-awtorità tagħti lill-Konsorzju. Skont l-informazzjoni pprovduta mill-FMA, l-eżitu tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni tal-akkwist ta’ BB mill-Konsorzju kienet kompletament miftuħa, iżda huwa aċċettat li din il-proċedura twassal inizjalment għal projbizzjoni fil-każ ta’ akkwist ta’ BB mill-Konsorzju. Madankollu, in-natura inċerta u t-tul itwal ta’ dan l-akkwist ma kinux aċċettabbli għal-Land Burgenland, bħala bejjiegħ privat. Minn dan irriżulta li, kif ir-Repubblika tal-Awstrija kienet iddikjarat f’ittra tal-1 ta’ Ġunju 2006, il-Land Burgenland kienet telqet mill-prinċipju li “l-FMA ma kinitx u probabbilment ma setgħetx tawtorizza l-akkwist tal-bank mill-Konsorzju”. Il-konstazzjonijiet iddikjarati permezz tad-digriet għal miżuri provviżorji tal-Landesgericht Eisenstadt (Tribunal Reġjonali ta’ Eisenstadt, l-Awstrija) tas-26 ta’ Mejju 2006 jikkonferma dan il-fatt. Ir-rikorrenti speċifikaw li mid-diskussjonijiet jirriżulta li l-awtoritajiet kompetenti kellha mal-FMA li wieħed ma setax iserraħ fuq deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni f’terminu ta’ diversi ġimgħat fil-każ ta’ trasferiment ta’ BB lill-GRAWE. Min-naħa l-oħra, l-FMA ssuġġeriet li, fil-każ ta’ trasferiment ta’ BB lill-Konsorzju, din il-proċedura probabbilment tieħu sitt xhur jew, fl-agħar każ, sena. Ma kien ebda dubju li l-proċedura ta’ awtorizzazzjoni quddiem l-FMA tkun, fil-każ ta’ bejgħ lill-Konsorzju, kunsiderevolment itwal u l-eżitu tagħha ħafna iktar inċert.

103    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jenfasizzaw li l-Kummisjoni applikat b’mod żbaljat il-kriterju ta’ bejjiegħ privat billi eżiġiet, għal dak li jikkonċerna t-trasferiment ta’ BB lil GRAWE, il-prova li l-bejgħ lill-Konsorzju ma kienx manifestament possibbli jew li l-FMA kienet ċertament tipprojbixxi bejgħ lill-Konsorzju. Kif il-konsulent tal-HSBC spjega b’mod ċar fl-osservazzjonijiet tiegħu ta’ Mejju 2006, bejjiegħ privat raġonevoli kien jipprova jimmassima l-valur antiċipat tal-prezz ta’ xiri, iddefinit bħala l-offerta li tagħha l-probabbiltajiet ta’ kisba huwa l-ikbar. Madankollu, peress li l-valur antiċipat tal-prezz ta’ xiri propost minn GRAWE kien kunsiderevolment ogħla minn dak tal-Konsorzju, id-deċiżjoni tal-Land Burgenland favur ta’ GRAWE kienet iġġustifikata fid-dawl tal-fatt li l-prezz ta’ xiri nominali inferjuri offert minn GRAWE kien il-parti l-kbira kkompensat minn iktar sigurtà tat-tranżazzjoni. Fi kliem ieħor, il-Kummissjoni ma kinitx integrat fl-analiżi tagħha l-probabbiltà, ta’ 50 %, li l-bejgħ lill-Konsorzju ma jiġix awtorizzat mill-FMA.

104    Fir-replika, ir-rikorrenti jenfasizzaw li l-Kummissjoni tikkontradixxi ruħha rigward il-marġni ta’ preċiżjoni li kellha l-Land Burgenland għal dak li jikkonċerna l-eżitu tal-proċedura quddiem il-FMA: filwaqt li jirrikonoxxu li l-eżitu ta’ din il-proċedura ma setgħax jiġi evalwat bi preċiżjoni bil-quddiem, il-Kummissjoni teżiġi, f’passaġġi oħrajn fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, li r-rifjut ta’ awtorizzazzjoni tal-akkwist ta’ BB lill-offerenti li joffri l-iktar ikun manifest.

105    Il-Kummissjoni tikkontesta l-ilmenti mqajma mir-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

106    L-ewwel motiv jikkonċerna l-kwistjoni, imsemmija fil-premessa 121 in fine tad-deċiżjoni kkontestata, tal-awtorizzazzjoni li għandha tingħata mill-awtorità tas-swieq finanzjarji kompetenti fil-kuntest tal-proċess ta’ privatizzazzjoni, jiġifieri l-FMA. Ir-rikorrenti jsostnu fil-fatt li l-eżitu inċert u t-tul tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni fil-każ li BB jinbiegħ lill-Konsorzju jiġġustifikaw li BB, fl-aħħar nett, jinbigħ lil GRAWE, u dan anki meta l-offerta ppreżentata minn din l-aħħar kienet ta’ ammont inferjuri.

107    F’dan ir-rigward, il-partijiet jaqblu fuq il-fatt, imsemmi fil-premessa 120 tad-deċiżjoni kkontestata, li bejjiegħ li jopera skont il-prinċipji tal-ekonomija tas-suq jista’ jagħżel l-offerta l-iktar baxxa jekk huwa ċar li t-trasferiment lill-offerent li joffri l-iktar ma huwiex possibbli. B’mod iktar speċifiku, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li, kuntrarjament għal dak li r-rikorrenti ssuġġerew, il-Kummissjoni rrikonoxxiet b’mod ċar, fil-premessa 125 tad-deċiżjoni kkontestata, il-fatt li bejjiegħ f’ekonomija tas-suq ma jagħżilx xerrej li, probabbilment, ma jiksibx l-awtorizzazzjonijiet meħtieġa mingħand l-awtoritajiet kompententi.

108    Għaldaqstant hija l-Qorti Ġenerali li għandha tiddetermina jekk il-Kummissjoni wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni billi kkonkludiet li l-elementi mressqa mir-rikorrenti — bil-għan li juru, l-ewwel nett, li l-awtorizzazzjoni mill-FMA tat-trasferiment ta’ BB lill-Konsorzju kienet mgħobbija b’inċertezza u, it-tieni nett, li l-proċedura ta’ awtorizzazzjoni quddiem l-FMA fil-każ ta’ trasferiment ta’ BB lill-Konsorzju tkun itwal — ma ġġustifikawx, fid-dawl tal-kriterju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq, li kien ġie deċiż li BB jinbiegħ lil GRAWE.

109    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kontenut innifsu tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni, mill-elementi fil-proċess jirriżulta li, skont l-Artikolu 20(3) tal-BWG, applikabbli fiż-żmien meta seħħew il-fatti, l-akkwist ta’ holding kwalifikata fi stabbiliment ta’ kreditu Awtrijak huwa suġġett għal dikjarazzjoni u awtorizzazzjoni.

110    L-eżami tal-akkwist ta’ holding kwalifikata jitwettaq skont test ta’ kapaċità u ta’ reputazzjoni (“Fit & Proper”) li huwa ddefinit fl-Artikolu 5(1) tal-BWG. Kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessi 125 u 126 tad-deċiżjoni kkontestata, li ma humiex ikkontestati mill-partijiet, skont l-Artikolu 20 tal-BWG, l-FMA tista’ tissuġġetta lill-bejjiegħ ta’ bank għal kriterji ta’ kwalifikazzjoni u ta’ esperjenza biss meta l-partijiet fin-negozjati kkonkludew ftehim ta’ bejgħ vinkolanti. Minn dan jirriżulta li evalwazzjoni simultanja ta’ diversi bejjiegħa potenzjali ma tistax titwettaq mill-FMA. Barra minn hekk, din l-awtorità tal-aħħar ikkonfermat lill-Kummissjoni li hija tibda’ l-eżami tal-akkwist ta’ holding kwalifikata biss jekk kienet teżisti intenzjoni konkreta u miftuħa manifestata ta’ akkwist u ta’ bejgħ min-naħa taż-żewġ partijiet fit-tranżazzjoni. F’din il-kawża, il-Land Burgenland kellu għaldaqstant definittivament jagħżel waħda mill-offerti ta’ xiri ta’ BB qabel ma l-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ pussess mill-ġdid tista’ tinbeda quddiem il-FMA. Barra minn hekk, skont l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Awstrijaċi stess, l-FMA hija, bħala awtorità amministrattiva indipendenti, suġġetta għal obbligi ta’ kunfidenzjalità u ta’ imparzjalità. Għaldaqstant, hija ma tistax tagħmel previżjonijiet a priori fuq l-eżitu ta’ proċedura ta’ awtorizzazzjoni li nbdiet.

111    Barra minn hekk, il-partijiet jaqblu fuq il-fatt li l-FMA tista’ tipprojbixxi l-akkwist f’terminu ta’ tliet xhur qabel id-dikjarazzjoni, fin-nuqqas ta’ dan l-akkwist jitqies awtorizzat. Jekk l-FMA tqis li teħtieġ iktar żmien, għall-eżami tagħha, mit-tliet xhur mogħtija lilha, hija għandha l-ewwel nett tipprojbixxi l-akkwist qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ tliet xhur. Din il-projbizzjoni tal-aħħar, madankollu, ma tippreġudikax id-deċiżjoni definittiva tal-FMA fuq l-akkwist tal-holding kwalifikata.

112    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argumenti speċifikament imressqa mir-rikorrenti, huma jikkonsistu prinċipalment, l-ewwel nett, f’kunsiderazzjonijiet ġenerali li jirrigwardaw l-attitudni riżervata, jew ukoll ostili, li l-awtoritajiet ta’ sorveljanza kellhom jew għandhom, b’mod ġenerali, ikollhom fir-rigward tal-operaturi oriġinarji mill-Ukraina, it-tieni nett, f’indikazzjonijiet li jirrigwardaw is-sitwazzjoni tal-membri tal-Konsorzju u, it-tielet nett, f’indikazzjonijiet ipprovduti mill-FMA stess.

113    Għal dak li jikkonċerna, l-ewwel nett, il-kunsiderazzjonijiet ġenerali dwar l-attitudni riżervata ħafna li l-awtoritajiet ta’ sorveljanza effettivament kellhom, kif jattesta l-eżempju tad-deċiżjoni tal-Bundesanstalt für Finanzdienstleistungsaufsicht (Uffiċċju Federali Ġermaniż ta’ Kontroll tas-Servizzi Finanzjarji) li, wara eżami li dam tlettax-il xahar, irrifjuta l-pussess mill-ġdid ta’ NordFinanz Bank AG minn grupp Ukrain jew ukoll ir-rifjut fl-1994 li tagħti liċenzja bankarja lil predeċessur ta’ wieħed mill-membri tal-Konsorzju (SLAV), jew li għandhom ikollhom, b’mod ġenerali, (fid-dawl b’mod partikolari tal-armonizzazzjoni fil-livell Ewropew tar-regoli ta’ proċedura u tal-kriterji ta’ evalwazzjoni applikabbli għall-evalwazzjoni prudenzjali tal-akkwisti u taż-żidiet ta’ holding f’entitajiet tas-settur finanzjarju) fir-rigward ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi stabbiliti fl-Ukraina, huma ma humiex, għall-finijiet ta’ din il-kawża, la rilevanti u lanqas konvinċenti fuq il-mertu.

114    Qabel kollox, dawn l-elementi ma jagħtux l-iċken indikazzjoni fuq l-eżitu konkret li l-proċedura ta’ awtorizzazzjoni quddiem l-FMA seta’ kellha fil-każ li l-Land Burgenland kienet iddeċidiet li tbigħ BB lill-Konsorzju. F’din il-kawża, ma kinitx kwistjoni li jiġi ddeterminat jekk l-entitajiet tas-settur bankarju Ukrain humiex suġġetti għal obbligi jew għal kontroll ta’ kwalità suffiċjenti, jiġifieri ekwivalenti għal dik ta’ obbligi u ta’ kontrolli mwettqa fl-Istati Membri tal-Unjoni. Kif il-Kummissjoni semmiet b’mod ċar, mingħajr ma kienet ikkontestata fuq dan il-punt mir-rikorrenti, l-eżami mwettaq mill-FMA fuq l-akkwist ta’ holding fl-istabbilmenti bankarji huwa intiż li jiddetermina jekk l-akkwirenti potenzjali jippreżentawx, fir-rigward tal-kriterji ta’ kwalifika u ta’ esperjenza msemmija fl-Artikolu 20 tal-BWG, evidenza ta’ affidabbiltà bil-ħsieb ta’ ġestjoni solida u trasparenti tal-istabbiliment ta’ kreditu kkonċernat.

115    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li ċertu numru ta’ kunsiderazzjonijiet magħmula f’din il-kawża, b’mod partikolari fir-replika tagħha, ittrattaw l-iżviluppi ta’ prassi ġodda wara l-kriżi finanzjarja li seħħet fil-livell mondjali. Madankollu, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 51 iktar ’il fuq, il-legalità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ elementi ta’ informazzjoni li l-Kummissjoni seta’ kellha għad-dispożizzjoni tagħha meta hija ddeċidiet fuqha.

116    Konsegwentement, ma hemmx lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni żviluppi li seħħew wara l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, li, skont id-definizzjoni, ma tressqux għall-attenzjoni tal-Kummissjoni. L-argumenti bbażati, l-ewwel nett, fuq il-prudenza li, wara l-kriżi finanzjarja, l-korpi ta’ kontroll u l-awtoritajiet regolatorji finanzjarji għandhom juru minn issa ’il quddiem u, it-tieni nett, l-eventwali emendi tad-dritt applikabbli li rriżultaw mill-kriżi finanzjarja għandhom ukoll jiġu miċħuda.

117    Sussegwentement, l-argument żviluppat mir-rikorrenti ma jsemmix il-fatt li l-intenzjoni espressa mill-Konsorzju li jakkwista lil BB setgħet tiġi analizzata bħala intenzjoni li jistabbilixxi stabbiliment ta’ kreditu fl-Awstrija. F’dan ir-rigward, jekk l-integrazzjoni ta’ wieħed mill-membri tal-Konsorzju, jiġifieri Active Bank, kienet indirizzata mir-rikorrenti, ma kienx stabbilit, min-naħa l-oħra, li din l-integrazzjoni kienet ippjanata biss wara eventwali trasferiment ta’ BB lill-Konsorzju. Barra minn hekk dan l-element ma kienx wieħed li kellu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-istadju tal-proċedura ta’ eżami quddiem l-FMA.

118    Barra minn hekk, dawn il-kunsiderazzjonijiet ġenerali jeskludu l-fatt li l-FMA għandha, kif ir-rikorrenti jenfasizzaw fl-att rispettiv tagħhom, teżamina kull talba għal akkwist ta’ holding fi stabbilment finanzjarju mingħajr preġudizzju. Il-fatt li ċerti membri tal-Konsorzju kienu oriġinarjament stabbiliti fl-Ukraina ma jistax, waħdu, jispjega għaliex FMA rriżervat eżitu negattiv għall-proċedura ta’ awtorizzazzjoni.

119    Fir-rigward, it-tieni nett, indizji ppreżentati mir-rikorrenti li jikkonċernaw il-Konsorzju, jiġifieri n-nuqqas ta’ klassifika minn aġenzija internazzjonalment rikonoxxuta, l-allegati nuqqasijiet li vvizzjaw il-pjan ta’ negozju tiegħu, in-nuqqas ta’ esperjenza jew ukoll il-politika kummerċjali li huwa għandu l-intenzjoni li jmexxi fi ħdan BB, ma humiex iktar rilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-possibbiltajiet ta’ suċċess tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni quddiem l-FMA.

120    L-ewwel nett, ir-rikorrenti ma semmewx jekk u sa liema punt dawn l-elementi ttieħdu inkunsiderazzjoni mill-FMA fl-evalwazzjoni tagħha.

121    Sussegwentement, u kif il-Kummissjoni enfasizzat, permezz tal-argumentazzjoni tagħhom ibbażati fuq l-allegati nuqqasijiet li vvizzjaw il-pjan ta’ negozju tal-konsorzju, in-nuqqas ta’ esperjenza tiegħu jew ukoll il-politika kummerċjali li l-imsemmi konsorzju ppjana li jmexxi fi ħdan BB, ir-rikorrenti jsemmu fil-fatt it-tħassib li jirrigwarda l-futur kummerċjali ta’ BB, jiġifieri l-entità għal bejgħ, u li ma humiex relatati ma’ dawk li janimaw bejjiegħ f’ekonomija tas-suq.

122    It-tielet nett, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li minn kuntatti informali mal-FMA jirriżulta li, fl-każ ta’ bejgħ lil GRAWE, wieħed jista’ jibbaża fuq deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni fi ftit ġimgħat wara l-bejgħ ta’ BB, filwaqt li wieħed kellu jistenna proċedura ta’ awtorizzazzjoni li ddum sitt xhur, jew ukoll sena, fil-każ ta’ bejgħ lill-Konsorzju. Din l-informazzjoni, ipprovduta waqt il-laqgħa tal-31 ta’ Jannar 2006, ġiet ikkonfermata fit-2 ta’ Marzu 2006. Għaldaqstant wara li ġiet informata li l-eżitu tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni kienet kompletament miftuħa, il-Land Burgenland “bdiet mill-prinċipju li l-FMA ma kinitx ser u ma setgħetx probabbilment tawtorizza l-akkwist tal-bank mill-Konsorzju”, peress li hija ddeċidiet li tbigħ il-BB lil GRAWE.

123    Madankollu, kif il-Kummissjoni semmiet fil-premessa 127 tad-deċiżjoni kkontestata, billi ddikjarat, b’mod informali, li l-eżitu tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni kien miftuħ, l-FMA ma ppreġudikatx in-natura negattiva, jew le, ta’ dan l-eżitu. Il-Kummissjoni ma żbaljatx dwar is-sinjifikat tal-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Awstrijaċi.

124    Fit-tielet lok, fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tat-tul probabbli tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni quddiem l-FMA, hemm lok, preliminarjament, li jitfakkar li l-Kummissjoni qieset li l-itwal tul probabbli tal-proċedura quddiem l-FMA ma kienx ta’ natura li jikkostitwixxi ostaklu għal bejgħ ta’ BB lill-Konsorzju.

125    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni mmotivat il-pożizzjoni tagħha fil-kliem li ġej (ara l-premessa 130 tad-deċiżjoni kkontestata):

“Barra dan, it-tul innifsu tal-proċedura tal-FMA — inqas minn tlett xhur għal GRAWE, imma sa sena għall-Konsorzju — mhix biżżejjed biex tiskwalifika l-Konsorzju. L-Awstrija rrimarkat li l-BB kien ser isofri minn inċertezza fit-tul, u kien ser jispiċċa bħala bank fid-diffikultà. Madanakollu, la fil-prinċipju lanqas in concreto l-Kummissjoni ma tista’ taċċetta dan l-argument. Fil-prinċipju, dan ikun jammonta għal diskriminazzjoni kontra persuna minn barra mill-Unjoni Ewropea li titfa’ offerta — anke forsi minn Stat Membru ieħor, billi dan ir-raġunament seta’ jkun ugwalment applikat għal kull akkwirent potenzjali preżentament mhux magħruf mill-FMA, jiġifieri kull entità mhux Awstrijaka oħra. Dwar il-każ in kwistjoni, l-Kummissjoni tinnota li l-BB ma kienx fid-diffikultà fil-mument tal-bejgħ. Billi l-proċeduri tal-bejgħ kienu ilhom għaddejjin mill-2003, l-urġenza ukoll mhix spjegata biżżejjed. F’dan il-kuntest, l-argument li GRAWE kienet imponiet limitu fuq l-offerta tagħha wkoll mhux aċċettabbli, billi dan kien ser jagħti opportunitajiet numerużi biex il-proċeduri tas-sejħa għall-offerti kienu influwenzati b’mod diskriminatorju.”

126    Għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni qablet mal-evalwazzjoni tal-awtoritajiet Awstrijaċi, li tgħid li, fil-każ tal-akkwist ta’ BB mill-Konsorzju, wieħed kellu jistenna proċedura ta’ awtorizzazzjoni li tista’ ddum sa sena (anki jekk tul ta’ sitt xhur kien jidhrilha iktar probabbli), filwaqt li, fil-każ ta’ pussess mill-ġdid ta’BB minn GRAWE, dan it-tul kien ikun ta’ xhur (ara l-premessa 130 tad-deċiżjoni kkontestata).

127    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni rrifjutat li tqis li din iċ-ċirkustanza kienet ta’ natura li teskludi l-Konsorzju għal żewġ raġunijiet: l-ewwel, ta’ natura teoretika, hija dovuta għar-riskju ta’ diskriminazzjoni kontra l-offerenti kollha mhux Awstrijaċi, it-tieni, marbuta ma’ din il-kawża, ibbażata fuq il-konstatazzjoni li BB ma kienx jinsab f’diffikultà fil-mument tat-trasferiment u li għaldaqstant ma kien hemm ebda urġenza partikolari li jinbiegħ il-BB lil GRAWE.

128    Kif ir-rikorrenti enfasizzaw, l-ewwel motiv ta’ esklużjoni tat-teħid inkunsiderazzjoni tat-tul tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni quddiem l-FMA, jiġifieri r-riskju li tinħoloq diskriminazzjoni fir-rigward ta’ offerenti stabbiliti f’pajjiżi oħrajn, jeskludi distinzjoni fundamentali li għandha ssir, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE bejn l-obbligi li l-Istat għandu jassumi bħala impriża li teżerċita attività ekonomika u l-obbligi li jista’ jkollu bħala awtorità pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ryanair vs Il-Kummissjoni, punt 50 iktar ’il fuq, punt 84).

129    F’din il-kawża, jekk l-Istat jaġixxi bħala operatur privat f’ekonomija tas-suq fil-kuntest tad-deċiżjoni li jbigħ il-BB, huwa jopera skont il-pregorattivi tiegħu ta’ setgħa pubblika meta huwa jaġixxi bħala awtorità responsabbli mill-evalwazzjoni prudenzjali tal-akkwisti u taż-żidiet ta’ holding f’entitajiet tas-settur finanzjarju. Il-Land Burgenland ma tistax lanqas tiġi kkritikata għall-fatt li l-FMA ddikjarat li, fir-rigward ta’ GRAWE, li kien diġà magħruf minn din l-awtorità, deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni setgħet tintlaħaq fi ftit ġimgħat, filwaqt li, fir-rigward tal-Konsorzju, li ma kienx magħruf mill-FMA — dan kien ifisser investigazzjoni iktar fil-fond — il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni bil-għan tal-privatizzazzjoni ta’ BB tieħdu probabbilment iktar xhur.

130    Għaldaqstant, il-Kummissjoni żbaljat meta ddikjarat, insostenn tar-rifjut tagħha li tqis li t-tul probabbilment itwal tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni quddiem l-FMA fil-każ ta’ trasferiment ta’ BB lill-Konsorzju jkun jista’ jostakola tali trasferiment, li kien hemm riskju ta’ ksur tat-trattament ugwali bejn l-offerenti. Fil-fatt hemm kontradizzjoni bejn, minn naħa, il-fatt li tiġi eżaminata l-attitudni tal-Land Burgenland fir-rigward tal-kriterju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq u, min-naħa l-oħra, dak kontra r-riskju ta’ ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba d-differenza ta’ tul bejn il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni fil-każ ta’ bejgh ta’ BB lil GRAWE u dak fil-każ ta’ trasferiment lill-Konsorzju.

131    Madankollu, dan l-iżball huwa ta’ natura li jinvalida d-deċiżjoni kkontestata biss fil-każ li l-Kummissjoni ma tkun ressqet ebda motiv ieħor validu insostenn tal-pożizzjoni tagħha. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita sew, motiv żbaljat ma jistax jiġġustifika l-annullament tal-att jekk jeżistu motivi oħrajn li huma suffiċjenti biex jifformaw il-bażi tagħha (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ April 2011, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C‑321/09 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 61, u l-ġurisprudenza ċċitata).

132    Madankollu, fir-rigward tat-tieni motiv mressaq mill-Kummissjoni f’dan il-kuntest, ibbażat fuq din il-kawża u li jipprovdi li ma kienx hemm urġenza partikolari li tiġġustifika t-trasferiment ta’ BB lil GRAWE pjuttost lill-Konsorzju, ma jistax jiġi kkritikat. Ċertament, mill-fatti esposti jirriżulta li l-azzjonijiet imwettqa mil-Land Burgenland bil-għan ta’ bejgħ ta’ BB datati mill-2003 u li, kif isostnu wkoll ir-rikorrenti, huwa speċifikament għaliex il-proċess ta’ privatizzazzjoni ta’ BB kien partikolarment twil u jiswa ħafna li l-Land Burgenland ma riditx titlef opportunità oħra li tbigħ il-BB. Ma jistax jiġi eskluż, fid-dawl tad-dubji li hija kellha fir-rigward tal-eżitu tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni quddiem il-FMA, il-Land Burgenland ippreferiet li tittrasferixxi l-BB lil GRAWE, li l-offerta tiegħu kienet ta’ tul limitat. Madankollu, il-Land Burgenland kienet għadha meħtieġa li tipproduċi elementi konkreti bil-għan li turi li t-tul tal-proċedura quddiem l-FMA fil-każ ta’ trasferiment ta’ BB lill-Konsorzju kien serjament jikkomprometti l-possibbiltajiet ta’ privatizzazzjoni, dimostrazzjoni li kienet preċiżament nieqsa.

133    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet li la l-eżitu inċertu u lanqas it-tul probabbilment itwal tal-proċedura quddiem l-FMA — fil-każ li jkun ġie deċiż li BB jinbiegħ lill-Konsorzju — ma jiġġustifika li l-Konsorzju jiġi eskluż bħala akkwirent.

134    Fir-rigward, fir-raba’ lok, tal-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li l-Kummissjoni kienet wisq stretta mill-perspettiva tal-applikazzjoni tat-test ta’ investitur privat f’ekonomija tas-suq, billi eżiġiet, f’din il-kawża, li kellu jkun “ovvju li t-trasferiment lil min tefa’ l-ogħla offerta ma kienx ser iseħħ” (ara l-premessa 120 tad-deċiżjoni), huwa lanqas jista’ jintlaqa’.

135    Fil-fatt, mill-qari flimkien tat-taqsima tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata dwar is-sigurtà tat-tranżazzjoni jirriżulta b’mod ċar li l-formulazzjoni magħżula tirriżulta minn abbuż ta’ lingwa, il-Kummissjoni ħadet ħsieb li teżamina bir-reqqa l-argumenti li l-awtoritajiet Awstrijaċi kienu ppreżentaw sabiex turi n-natura inċerta u t-tul tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni quddiem l-FMA. Għaldaqstant, il-Kummissjoni aċċettat b’mod ċar li kien “evidenti li venditur privat fis-suq ma jagħżilx akkwirent bi probabbiltà kbira li ma jiksibx il-permess neċessarju mill-FMA (jew xi awtorità oħra involuta fin-negozju)” (premessa 125 tad-deċiżjoni kkontestata).

136    Għaldaqstant il-Kummissjoni ma ċaħditx lil-Land Burgenland “marġni ta’ preċiżjoni” f’din il-kawża. Hija sempliċement ikkonkludiet li xejn ma jipprova jew ma jindika l-FMA kienet tipprojbixxi t-trasferiment lill-Konsorzju (ara l-premessa 133 tad-deċiżjoni kkontestata).

137    Barra minn hekk, ir-rikorrenti baqgħu ma stabbilixxewx kif huma wasslu għall-konklużjoni li kienet teżisti probabbiltà ta’ 50 % li l-bejgħ ta’ BB lill-Konsorzju ma jseħħx (u a contrario ta’ 50 % li huwa jseħħ).

138    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni li jirrigwarda t-teħid inkunsiderazzjoni tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni quddiem l-FMA, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 253 KE, għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni, li tkun adottat dan l-att, b’mod illi jippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u li jippermetti lill-qorti kompetenti li tagħmel l-istħarriġ tagħha. Il-ħtieġa ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari għall-kontenut tal-att, għan-natura tal-motivi invokati kif ukoll tal-interess li d-destinatarji jew persuni oħra li huma direttament u individwalment ikkonċernati mill-att jistgħu jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha ta’ fatt u ta’ dritt rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-kliem tiegħu, iżda wkoll fil-kuntest tiegħu u tar-regoli ġuridiċi kollha li jkopru din il-kwistjoni (ara, is-sentenza Chronopost u La Poste vs UFEX et, punt 51 iktar ’il fuq, punt 88, u l-ġurisprudenza ċċitata).

139    F’din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tad-dikjarazzjonijiet iddettaljati esposti fil-premessi 125 sa 133 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti kienu f’pożizzjoni li jifhmu r-raġunament li wassal il-Kummissjoni li tikkonkludi li bejjiegħ li jopera f’ekonomija tas-suq ma kienx jeskludi li l-Konsorzju jsir l-akkwirent ta’ BB abbażi tal-konsegwenzi tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni quddiem l-FMA. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-eżami ta’ dan il-motiv, il-Qorti Ġenerali, fid-dawl ta’ dawn l-istess dikjarazzjonijiet, kienet f’pożizzjoni li teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq dan ir-raġunament.

140    Fid-dawl tal-kunsiderazzjoni kollha preċedenti, it-tliet motiv għandu wkoll jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 97(1) KE sa fejn il-Land Burgenland kien intitolat li jieħu inkunsiderazzjoni r-riskji finanzjarji marbuta mal-Ausfallhaftung

 L-argumenti tal-partijiet

141    Ir-rikorrenti jqisu li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, bejjiegħ ħa neċessarjament inkunsiderazzjoni r-riskji li jirriżultaw mill-Ausfallhaftung. Id-distinzjoni li l-Kummissjoni għamlet bejn il-bejjiegħa pubbliċi u l-bejjiegħa privati hija partikolarment artifiċjali u formalistika, sa fejn hija ma toffrix stampa realistika tal-aġir tal-operaturi ekonomiċi fuq is-suq.

142    Fl-ewwel lok, huma jsostnu li, jekk effettivament sar riferiment fil-kawżi Gröditzer Stahlwerke (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Jannar 2003, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑334/99, Ġabra p. I‑1139, punti 136 et seq), Stardust Marine (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑482/99, Ġabra p. I‑4397) u BP Chemicals (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Settembru 1998, BP Chemicals vs Il-Kummissjoni T‑11/95, Ġabra p. II‑3235) għall-kwistjoni dwar jekk l-Istat daħalx f’obbligi bħala azzjonist jew bħala setgħa pubbliku, il-fatti inkwistjoni f’dawk il-kawżi huma distinti b’mod ċar minn dawk imsemmija f’din il-kawża.

143    F’din il-kawża, il-Land Burgenland ma intervjenitx quddiem il-BB bħala setgħa pubblika u ma tatx l-Ausfallhaftung fil-kuntest tal-prerogattivi ta’ setgħa pubblika. Ir-rikorrenti jenfasizzaw li din il-garanzija hija bbażata fuq dispożizzjoni tad-dritt privat Awstrijak, jiġifieri l-Artikolu 1356 tal-Allgemeines Bürgerliches Gesetzbuch dwar l-Ausfallbürgschaft (depożitu fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas). L-Ausfallhaftung tikkorrispondi għal “dikjrazzjoni ta’ min iħaddem ta’ dritt ċivili”, distinta mill-garanziji tal-Istat li kienu ngħataw mil-Länder Ġermaniżi (Anstaltslast u Gewährträgerhaftung), li biha l-Land Burgenland tejjeb is-sitwazzjoni ekonomika tal-bank u li hija biss ir-rifless tal-interessi tal-Land bħala proprjetarju. Din l-analiżi tikkorrispondi, barra minn hekk, għall-ġurisprudenza tal-Oberste Gerichtshop (Qorti Suprema, Awstrijaka), li, f’sentenza tal-4 ta’ April 2006, iddikjarat li l-“Ausfallhaftung twettaq il-funzjoni ta’ sostituzzjoni ta’ fondi proprji” u “tikkostitwixxi, għaldaqstant, strument ta’ finanzjament tal-fondi proprji”. Il-fatt li l-Land Burgenland intrabtet fir-rigward tal-Ausfallhaftung fil-kuntest ta’ liġi jirriżulta min-neċessità li toffri reklamar suffiċjenti lill-impenn inkwistjoni.

144    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-Ausfallhaftung mogħtija favur banek Awstrijaċi kienet għajnuna mill-Istat eżistenti u, għaldaqstant, legali sal-iskadenza tat-terminu ta’ tranżizzjoni. L-effetti tagħha kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-miżura ta’ privatizzazzjoni inkwistjoni. L-approċċ tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward huwa kontradittorju u jikkomprometti l-possibbiltajiet għal Land li jipprivatizza bank meta hija ma hijiex f’pożizzjoni li timminimizza, fl-istess ħin, ir-riskju li għandu jsir intervent skont l-Ausfallhaftung.

145    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jqisu li n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-Ausfallhaftung ma huwiex espost b’mod koerenti mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni ma tistax fl-istess ħin tirrifjuta l-konsegwenzi tal-Ausfallhaftung fl-istadju tal-eżami tad-deċiżjoni li jinbiegħ il-BB lil GRAWE u li tieħu inkunsiderazzjoni s-somma li għandha titħallas taħt din il-garanzija fil-kalkolu tal-element ta’ għajnuna (ara l-premessa 170 tad-deċiżjoni kkontestata).

146    Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti jqisu li l-approċċ tal-Kummissjoni jikkostitwixxi ostakolu għall-privatizzazzjoni u li din hija inkontradizzjoni mad-Deċiżjoni tal-2004, li kienet issuġġettat l-għoti ta’ għajnuna għall-ristrutturazzjoni u għall-privatizzazzjoni ta’ BB.

147    Fil-ħames u l-aħħar lok, ir-rikorrenti jenfasizzaw li l-Land Burgenland naqset ħafna l-effetti ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni tal-Ausfallhaftung billi ħadet id-deċiżjoni ta’ trasferiment tal-BB lil GRAWE, jiġifieri impriża li tibbenefika minn klassifika solida u li tippreżenta profil ta’ riskju minimu. Barra minn hekk, il-Land Burgenland xtaqet tirreġistra l-azzjoni tagħha fil-kuntest tal-miżuri utli li kienu ġew miftiehma li jikkonċernaw l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni msemmija fid-Deċiżjoni tal-2004.

148    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-ilmenti kollha.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

149    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddeskriviet (ara, b’mod partikolari, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, taħt il-premessa 21), l-Ausfallhaftung bħala miżura ta’ garanzija legali, li tinvolvi l-obbligu għall-awtoritajiet statali, b’mod partikolari, reġjonali, li jintervjenu fil-każ ta’ insolvenza jew ta’ likwidazzjoni tal-istabbiliment ta’ kreditu inkwistjoni. Skont din il-garanzija, il-kredituri tal-istabbilimenti ta’ kreditu jistgħu jeżerċitaw dritt dirett fir-rigward tal-awtorità pubblika garanti f’sitwazzjoni fejn l-istabbiliment ta’ kreditu nnifsu jinsab f’sitwazzjoni ta’ likwidazzjoni jew ta’ insolvenza u fejn l-attiv tal-imsemmi stabbiliment ma jkunx biżżejjed sabiex jissodisfahom. Din id-deskrizzjoni tal-Ausfallhaftung ma kinitx formalment ikkontestata mir-rikorrenti.

150    Mill-proposta tal-Kummissjoni ta’ miżuri utli li jirrigwardaw l-Ausfallhaftung jirriżulta li r-Repubblika tal-Awstrija ntrabtet li tneħħi din il-garanzija fit-tmien ta’ perijodu tranżitorju. Konkretament u kif jirriżulta mill-punt 3 iktar ’il fuq, l-obbligi eżistenti fit-2 ta’ April 2003 huma koperti mill-Ausfallhaftung sad-data ta’ skadenza tagħhom. Matul il-perijodu tranżitorju, li kien jiddekorri mill-1 ta’ April 2007, sakemm l-istabbilimenti finanzjarji kkonċernati huma privatizzati f’data preċedenti, l-Ausfallhaftung tinżamm għall-obbligi l-ġodda li d-data ta’ skadenza tagħhom huma qabel it-30 ta’ Settembru 2017.

151    Minn dan jirriżulta li, anki jekk BB jiġi pprivatizzat, il-Land Burgenland għandu jibqa’ jaġixxi bħala garanti tiegħu fir-rigward, minn naħa, l-obbligi assunti qabel it-2 ta’ April 2003 (u irrispettivament mid-data ta’ skadenza ta’ dawn l-obbligi), u min-naħa l-oħra, l-obbligi kkuntrattati matul il-perijodu tranżitorju (li jiskadi fid-data ta’ privatizzazzjoni) li d-data ta’ skadenza tagħhom hija qabel it-30 ta’ Settembru 2017.

152    Huwa f’din il-perspettiva li r-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kellha neċessarjament tieħu inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni tagħha tal-offerti ta’ xiri, l-Ausfallhaftung, li, fil-mument tal-bejgħ, kopriet kważi EUR 3.1 biljuni tal-passiv ta’ BB. Il-Land Burgenland setgħet tinħtieġ li taġixxi bħala garanti għat-telf li BB jista’ jġarrab anki wara l-privatizzazzjoni tiegħu, hija kienet tkun intitolata li tiżgura li l-imsemmi xerrej jippreżenta evidenza ta’ serjetà u ta’ solvenza suffiċjenti, li tmur lil hinn mis-sempliċi kapaċità tiegħu li jħallas il-prezz ta’ xiri, bil-għan li jiġi miġġieled kull riskju ta’ likwidazzjoni u ta’ rkupru tal-BB. Fl-aħħar nett, l-awtoritajiet Awstrijaċi allegaw li t-trasferiment tal-bank lil GRAWE għal prezz kunsiderevolement inqas minn dak propost mill-Konsorzju kien totalment iġġustifikat minn riskju iktar baxx li jkollu jwettaq l-obbligu ta’ garanzija bis-saħħa tal-Ausfallhaftung.

153    Madankollu, fl-opinjoni tal-Kummissjoni, l-Ausfallhaftung, li kienet preċedentement ikkunsidrata bħala għajnuna eżistenti, ma setgħetx tittieħed inkunsiderazzjoni meta, bħal din il-kawża, tirrigwarda l-eżami ta’ tranżazzjoni speċifika abbażi tal-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq. Ir-raġuni mressqa tirrisjedi fil-fatt li, b’definizzjoni, din il-garanzija, li kienet ikkunsidrata bħala għajnuna eżistenti, ma hijiex waħda li bejjiegħ privat jkollu jagħti. Għaldaqstant il-Kummissjoni ċaħdet, fid-deċiżjoni kkontestata, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-Ausfallhaftung fil-kliem li ġejjin:

“(135) Il-Kummissjoni hi tal-opinjoni li l-Ausfallhaftung hi element li ma kienx imissu ġie kkunsidrat mill-Provinċja tal-Burgenland. Kif intqal fid-deċiżjoni tal-ftuħ, jekk jittieħed kont tal-Ausfallhaftung wieħed kier ser iħallat ir-rwol tal-Provinċja tal-Burgenland bħala dak li jagħti l-għajnuna u r-rwol tal-Provinċja tal-Burgenland bħala venditur tal-bank.

[…]

137) […] M’hemmx preċedent biex jappoġġja l-veduta tal-Awstrija li investitura tal-ekonomija tas-suq kien ser jikkunsidra garanzija kategorizzata bħala għajnuna mill-Istat: ex hypothesi, l-ebda investitur tas-suq kien ser joħroġ garanzija li ma tikkonformax mal-prinċipju tal-investitur tas-suq u d-deċiżjoni dwar l-abolizzjoni tal-Ausfallhaftung tikkonferma li l-Ausfallhaftung ma kienetx mogħtija fuq termini tas-suq. Il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li garanzij speċifiċi, li kienu kkunsidrati bħala għajnuna illegali, ma setgħux ikunu kkunsidrati waqt il-kalkulazzjoni tal-ispejjeż potenzjali tal-likwidazzjoni. Dan ma jfissirx li a contrario miżura eżistenti ta’ għajnuna setgħet tkun ikkunsidrata. Il-Kummissjoni tħoss li mhux relevant jekk l-għajnuna kienetx illegali jew eżistenti. Sakemm il-miżura tikkwalifika bħala għajnuna, l-ebda venditur privat ma kien ser jagħtiha u għalhekk ma kienx ser jikkunsidra tali miżura.”

154    Din il-pożizzjoni tal-Kummissjoni għandha tiġi approvata.

155    Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kriterju ta’ investitur privat, għandha tiġi stabbilita distinzjoni bejn l-obbligi li l-Istat għandu jassumi bħala proprjetarju azzjonist ta’ kumpannija, u l-obbligi li jista’ jkollu bħala setgħa pubblika (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Settmbru 1994, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑278/92 sa C‑280/92, Ġabra p. I‑4103, punt 22).

156    B’hekk huwa, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2003, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, punt 142 iktar ’il fuq, li l-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet li diversi self u garanziji, li investitur privat qatt ma kien jagħti bl-istess kundizzjonijiet u li kellhom jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat illegali, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami tal-kwistjoni dwar jekk il-likwidazzjoni ta’ Gröditzer Stahlwerke kienx iktar oneruż mill-privatizzazzjoni tiegħu bi prezz negattiv.

157    Ir-rikorrenti jiżbaljaw meta jsostnu li din il-kawża ma hijiex rilevanti sa fejn hija tikkonċerna għajnuna mill-Istat illegali u mhux għajnuna eżistenti. Fil-fatt, dak li huwa determinanti fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-operatur privat, huwa li wieħed isir jaf jekk il-miżuri inkwistjoni humiex dawk li operatur privat f’ekonomija tas-suq, li jserraħ fuq il-fatt li jagħmel profit fuq tul qasir jew twil, setax jagħti. Barra minn hekk, irrispettivament mill-klassifikazzjoni tal-impenji inkwistjoni li setgħet tintlaqa’, il-kwistjoni fundamentali hija dik dwar jekk l-imsemmija impenji humiex dawk li jistgħu jiġu sottoskritti minn operatur privat f’ekonomija tas-suq.

158    Għaldaqstant, anki jiġi kien, b’nuqqas ta’ osservazna tan-natura obbligatorja tad-Deċiżjoni C (2003) 1329 finali, permess lill-awtoritajiet Awstrijaċi li jikkontestaw, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, il-kwalifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat tal-Ausfallhaftung li kienet sostnuta f’din l-istess deċiżjoni, għandu jiġi konkluż li, fid-dawl tal-karatteristiċi deskritti iktar ’il fuq tas-sistema implementata mill-Ausfallhaftung, din tal-aħħar ma kinitx sottoskritta għall-kundizzjonijiet normali tas-suq, u ma tistax, għaldaqstant, tittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-aġir tal-imsemmija awtoritajiet abbażi tal-kriterju ta’ investitur privat f’ekonomija tas-suq.

159    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li eskludiet it-teħid inkunsiderazzjoni tal-Ausfallhaftung fil-kuntest tal-evalwazzjonijiet tal-offerti ppreżentati mill-Konsorzju u minn GRAWE rispettivament bil-għan tal-pussess mill-ġdid ta’ BB.

160    Konsegwentement, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq applikazzjoni żbajata tal-prinċipju tal-bejjiegħ privat f’ekonomija tas-suq fil-kuntest tal-eżami sussidjarju tar-riskji marbuta mal-Ausfallhaftung

161    Permezz tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-eżami, sussidjarju, tar-riskji finanzjarji mġarrba mil-Land Burgenland fil-każ li hija kienet iddeċidiet li tbigħ il-BB lill-Konsorzju kien żbaljat. Huma jsostnu b’mod partikolari li l-evalwazzjoni tal-portata tat-telf ta’ likwidità wara l-implementazzjoni tal-Ausfallhaftung tibbaża fuq ipoteżi żbaljati u ma hijiex suffiċjentement immotivata. Barra minn hekk, il-Kummissjoni żbaljat meta naqset li tieħu inkunsiderazzjoni, fix-xenarju ta’ likwidazzjoni ta’ BB, rapport ta’ espert indipendenti, li l-Land Burgenland setgħet biss tibbaża ruħha fuqu.

162    Għandu jitfakkar li l-Kummissjoni, għall-finijiet ta’ kompletezza, eżaminat l-argumenti tar-rikorrenti flimkien mat-teħid inkunsiderazzjoni tal-Ausfallhaftung (ara l-premessi 144 sa 157 tad-deċiżjoni kkontestata). Fi tmien ta’ dan l-eżami, hija waslet għall-konklużjoni li l-offerta ta’ GRAWE, anki jekk il-perspettiva tar-Repubblikat tal-Awstrija tiġi segwita u l-Ausfallhaftung tittieħed inkunsiderazzjoni, ma tikkostitwixxix l-aħjar offerta.

163    Madankollu, peress li għandu jiġi kkonfermat l-argument prinċipali espost mill-Kummissjoni, jiġifieri dak li jwassal għall-konklużjoni li l-Ausfallhuftung ma setgħetx tittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-offerti ta’ xiri ta’ BB (ara r-raba’ motiv), ma hemmx lok tiġi eżaminata l-fondatezza ta’ dan il-motiv, li jikkonċerna biss l-argument espost sussidjarjament u li, b’definizzjoni, ma jistax jikkontesta s-soluzzjoni adottata definittivament mill-Kummissjoni. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, motiv żbaljat ma jistax jiġġustifika l-annullament tal-att li huwa vvizzjat biha jekk għandu natura kompleta u jekk jeżistu motivi oħrajn li huma suffiċjenti biex jifformaw il-bażi tagħha (ara s-sentenza Il-Greċja vs IL-Kummissjoni, punt 131 iktar ’il fuq, punt 61, u l-ġurisprudenza ċċitata).

164    Dan il-motiv għandu konsegwentement jiġi ddikjarat inapplikabbli.

 Fuq it-tmien motiv, ibbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tal-ħruġ ta’ dokumenti fil-kuntest tal-Ausfallhaftung

 L-argumenti tal-partijiet

165    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni żbaljat meta kkonkludiet li GRAWE bbenefikat minn vantaġġ minħabba l-ħruġ ta’ dokumenti, lejliet l-għeluq tal-bejgħ, ta’ self addizzjonali li jammontaw għal EUR 380 miljuni favur GRAWE. Kif jirriżulta minn diversi xhieda u mill-iskeda tal-ħruġ ta’ dokumenti kkomunikati mill-awtoritajiet Awstrijaċi, il-Kummissjoni injorat, b’mod partikolari li, il-ħruġ ta’ dokumenti ġodda tħabbru liż-żewġ offerenti u bbenefikawhom sa l-istess punt. Barra minn hekk, il-Kummissjoni naqset milli tikkompara l-vantaġġ rispettiv li ż-żewġ offerenti setgħu jiksbu mill-ħruġ ta’ dokumenti ġoddi, fid-dawl tal-profil ta’ riskju u tal-klassifika differenti tagħhom. B’mod partikolari, huma jsostnu li, peress li GRAWE kellha klassifika tajba ħafna, il-vantaġġ marbut mal-Ausfallhaftung, fir-rigward tagħhom, kien ikun jitnaqqas ftit biss. Il-Konsorzju, min-naħa tiegħu, kien jibbenefika minnu ħafna, li kien, il-parti l-kbira, jikkompensa l-prezz ta’ xiri. Waqt il-paragun taż-żewġ offerti ta’ prezz ta’ xiri, il-Kummissjoni definittivament ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-prezz ta’ xiri, fatt li jikkostitwixxi żball manifest fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-fatti.

166    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jqisu li, fl-eventwalità li l-ħruġ ta’ dokumenti ta’ self addizzjonali għal ammont ta’ EUR 380 miljun kien imwiegħed biss lil GRAWE, il-vantaġġ li kien jirriżulta minnu għal dan tal-aħħar kien ikun dgħajjef fid-dawl tal-profil eċċellenti ta’ riskju tiegħu.

167    Il-Kummissjon tikkontesta dawn l-ilmenti kollha.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

168    Għandu jitfakkar li l-Kummissjoni kkonkludiet, fil-premessa 171 tad-deċiżjoni kkontestata, dan li ġej:

“Il-ħruġ ta’ bonds addizzjonali fl-ammont ta’ EUR 380 miljun taħt il-garanzija tal-istat la kien imsemmi fl-ittra ta’ proċess u lanqas fl-abbozz tal-kuntratt ma’ GRAWE. Il-Kummissjoni hi tal-opinjoni li tali arranġament kien ta’ importanza konsiderevoli fil-proċess tal-bejgħ u kellu jkun imsemmi fl-abbozz tal-kuntratt mal-Konsorzju. Barra minn hekk il-Konsorzju kkonferma li ma kkunsidrax il-ħruġ ta’ bonds addizzjonali ġodda fl-offerta tiegħu. Għalhekk il-Kummissjoni hi tal-opinjoni li l-vantaġġ mogħti lil GRAWE rigward il-vantaġġ ta’ finanzjament mill-ġdid li rriżulta mill-EUR 380 miljun addizzjonali jeħtieġ aġġustament li jżid id-differenza bejn l-offerta tal-Konsorzju u l-prezz attwali tal-bejgħ. Il-bażi tal-kalkolu hi r-rata ta’ interessi mħallsa mill-BB għall-bonds addizzjonali fl-ammont ta’ EUR 380 miljun ikkomparata ma’ l-ispejjeż biex il-BB ikun iffinanzjat mill-ġdid wara l-għeluq.”

169    Huma dawn il-konklużjonijiet li r-rikorrenti jirreferu għalihom fil-kuntest tal-ewwel motiv. Essenzjalment, huma jsostnu li l-aġġustament għaż-żieda tal-valur totali tal-vantaġġ miksub minn GRAWE minħabba l-ħruġ ta’ dokumenti ta’ self addizzjonali għal ammont ta’ EUR 380 miljun ma jsemmix il-fatt li dan il-ħruġ ta’ dokumenti kien jibbenefika wkoll lill-Konsorzju.

170    Madankollu, jekk, kif jirriżulta mill-premessi 148 u 171 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma rrifjutatx li tintegra dan il-ħruġ ta’ dokumenti addizzjonali fix-xenarju ta’ likwidazzjoni, eżaminat sussidjarjament, propost mill-awtoritajiet Awstrijaċi fil-każ ta’ trasferiment lill-Konsorzju, hija llimitata ruħha, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-ammont tal-vantaġġ mogħti lil GRAWE, li tindika li, konkretament, l-offerta ppreżentata mill-Konsorzju ma kinitx tieħu inkunsiderazzjoni l-ħruġ ta’ dokumenti addizzjonali. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt, minn naħa, li l-ħruġ ta’ dokumenti addizzjonali ta’ valur ta’ EUR 380 miljun ma kienx imsemmi la fl-ittra ta’ proċedura u lanqas fl-abbozz tal-kuntratt mal-Konsorzju u, min-naħa l-oħra, dan tal-aħħar ikkonfermat li ma ħax effettivament inkunsiderazzjoni dan il-ħruġ.

171    L-argument tal-rikorrenti li jipprovdi li, fl-eventwalità stess li l-ħruġ ta’ dokumenti addizzjonali kien propost biss lil GRAWE, din tal-aħħar ma bbenefikat minn ebda vantaġġ komplementari, fid-dawl tal-klassifika finanzjarja tagħha iktar għolja u tal-profil tagħha ta’ riskju iktar favorevoli minn dak li kien jibbenefika minnu l-Konsorzju, ma jibbaża fuq ebda spjegazzjoni konvinċenti u għandu, għal din ir-raġuni biss, jiġi miċħud.

172    Anki jekk ir-rikorrenti għandhom l-intenzjoni li jinvokaw, f’dan il-motiv, ir-riskju mġarrab mil-Land Burgenland skont l-Ausfallhaftung, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mir-raba’ motiv (ara l-punt 158 iktar ’il fuq), din il-garanzija ma hijiex element li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni inkwisjtoni fid-dawl tal-kriterju ta’ investitur f’ekonomija tas-suq. Barra minn hekk u kif enfasizzat il-Kummissjoni, ma jeħtie’x, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-ammont tal-għajnuna, li jiġi ddeterminat x’kien ikun il-vantaġġ ipotetiku li kien jibbenefika minnu l-BB, fil-każ li kien jiġi akkwistat mill-Konsorzju, iżda pjuttost li jiġi magħruf x’kien il-vantaġġ li ngħata konkretament u oġġettivament lil GRAWE.

173    Għaldaqstant it-tmien motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq id-disa’ motiv, ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata fir-rigward ta’ diversi aspetti tal-Artikolu 87(1) KE fid-determinazzjoni tal-element ta’ għajnuna

 L-argumenti tal-partijiet

174    Ir-rikorrenti jilmentaw li l-Kummissjoni kkonkludiet li teżisti għajnuna mingħajr ma stabbilit b’ċertezza li GRAWE kienet kisbet vantaġġ. Dan jikkostitwixxi applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 87(1) KE peress li l-Kummissjoni ma għamiltx distinzjoni suffiċjenti bejn l-eżistenza ta’ għajnuna u l-importanza tal-element ta’ għajnuna. Huma jikkritikaw ukoll lill-Kummissjoni li ma ħaditx inkunsiderazzjoni, fil-premessa 156 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-riskju ta’ nuqqas ta’ ħlas tal-prezz mill-Konsorzju għall-finijiet ta’ paragun tal-offerta tiegħu ma’ dik ta’ GRAWE, fatt li jikkostitwixxi żball manifest fid-determinazzjoni tal-fatti. Fl-aħħar nett, huma jilmentaw li l-Kummissjoni jeżiġiet, fit-tieni sentenza tal-premessa 174 tad-deċiżjoni kkontestata, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-vantaġġ li jista’ jinkiseb mir-rapport fiskali tat-telf, anki jekk il-vantaġġi fiskali tat-tranżazzjoni għall-Konsorzju ma ġewx eżaminati.

175    Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

176    Permezz tal-argument tagħhom, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni li kkonkludiet li jeżisti vantaġġ mingħajr lanqas ma żgurat ruħha li l-aġġustamenti invokati fil-premessi 167 sa 174 tad-deċiżjoni kkontestata, li jirreferu għat-teħid inkunsiderazzjoni tad-differenzi bejn iż-żewġ offerti ppreżentati u l-vantaġġ addizzjonali li GRAWE kisbet mill-ħruġ ta’ dokumenti addizzjonali għall-ammont ta’ EUR 380 miljun, iwasslu għall-konklużjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna negattiva.

177    Madankollu, jekk ir-raġunament sussidjarju espost fir-rigward tax-xenarju ta’ likwidazzjoni jiġi eskluż u jekk jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni qieset li biss għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-vantaġġ addizzjonali li GRAWE kisbet mill-ħruġ addizzjonali ta’ dokumenti għal ammont ta’ EUR 380 miljun (ara l-punti 168 sa 171 iktar’il fuq), ir-rikorrenti ma kinux f’pożizzjoni li juru li l-imsemmija aġġustamenti jwasslu li jinnewtralizzaw l-vantaġġ finanzjarju li GRAWE kisbet permezz tal-privatizzazzjoni ta’ BB.

178    Fil-fatt, l-ammont ta’ tluq tal-għajnuna li għandu jiġi rkuprat fil-prinċipju tad-differenza ta’ EUR 54.7 miljun bejn l-offerta ta’ prezz tal-Konsorzju u l-prezz ta’ xiri effettivament imħallas minn GRAWE, ammont li għandu jiġi aġġustat skont differenzi fil-parametri li GRAWE u l-Konsorzjoni ħadu konkretament inkunsiderazzjoni tagħhom fil-preżentazzjoni tal-offerti ta’ bejgħ tal-BB. Madankollu d-deċiżjoni kkontestata tipprovdi biss li żewġ tipi ta’ aġġustamenti fil-forma ta’ tnaqqis, jiġifieri dak ta’ ammont ta’ EUR 2.1 miljuni li jirriżulta mid-differenza fl-ammont tal-penalità ta’ rimbors antiċipat (ara l-premessa 168 tad-deċiżjoni kkontestata) u dak, ta’ ammont li għandu jiġi stabbilit, li jikkorrispondi għat-trasferiment lil-Land Burgenland ta’ erba’ kumpanniji tal-proprjetà immobbli.

179    Fl-aħħar nett, id-disa’ motiv huwa infondat u għandu jiġi miċħud.

180    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li dawn ir-rikorsi għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

181    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r‑rikorrenti tilfu, hemm lok li jiġu kkundannati għall-ispejjeż, skont kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

Taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikorsi huma miċħuda.

2)      Ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Land Burgenland huma kkundannati għall-ispejjeż.

Jaeger

Wahl

Soldevila Fragoso

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Frar 2012.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż