Language of document : ECLI:EU:T:2012:90

Kawżi magħquda T-268/08 u T-281/08

Land Burgenland (l-Awstrija) u

Ir-Repubblika tal-Awstrija

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Għajnuna mill-Istat — Għajnuna mogħtija mill-awtoritajiet Awstrijaċi lill-grupp Grazer Wechselseitige (GRAWE) fil-kuntest tal-privatizzazzjoni tal-Bank Burgenland — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni u li tordna l-irkupru tagħha — Kriterju ta’ investitur privat f’ekonomija tas-suq — Applikazzjoni fis-sitwazzjoni fejn l-Istat jaġixxi bħala bejjiegħ — Determinazzjoni tal-prezz tas-suq”

Sommarju tas-sentenza

1.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Bejgħ ta’ oġġett minn entità pubblika lil persuna privata b’kundizzjonijiet preferenzjali — Inklużjoni — Evalwazzjoni skont il-kriterju ta’ investitur privat

(Artikolu 87(1) KE)

2.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Evalwazzjoni skont il-kriterju ta’ investitur privat — Trasferiment ta’ impriża — Determinazzjoni tal-prezz — Preferenza li għandha tingħata lir-riżultat ta’ proċedura għal sejħa għal offerti miftuħa, trasparenti u mingħajr kundizzjonijiet fir-rigward ta’ rapport ta’ espert

(Artikolu 87(1) KE)

3.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Evalwazzjoni skont il-kriterju ta’ investitur privat — Trasferiment ta’ impriża — Eżitu inċert u tul ta’ proċedura ta’ awtorizzazzjoni li ma jimplikawx a priori l-esklużjoni ta’ xerrej minn investitur privat

(Artikolu 87(1) KE)

4.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Evalwazzjoni skont il-kriterju ta’ investitur privat — Trasferiment ta’ impriża — Neċessità li ma jiġix permess li r-regoli li japplikaw għal awtorità pubblika meta teżercita prerogattivi ta’ setgħa pubblika ma jinċidux fuq l-għażliet magħmula minn din l-istess awtorità fl-eżerċizzju ta’ attività ekonomika

(Artikolu 87(1) KE)

5.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Evalwazzjoni skont il-kriterju ta’ investitur privat — Teħid inkunsiderazzjoni tar-riskju għad-determinazzjoni tal-prezz ta’ trasferiment ta’ impriża rrappreżentat mill-eżistenza ta’ sistema ta’ garanzija legali li tibbenefika minnha l-impriża qabel tiġi ttrasferita — Esklużjoni

(Artikolu 87(1) KE)

1.      Il-provvista ta’ oġġetti jew ta’ servizzi b’kundizzjonijiet prefenzjali tista’ tikkostitwixxi għanjuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. Meta applikat għall-każ ta’ bejgħ ta’ oġġett minn awtorità pubblika lil persuna privata, dan il-prinċipju għandu bħala konsegwenza li għandu jiġi ddeterminat jekk, b’mod partikolari, il-prezz ta’ trasferiment ta’ dan l-oġġett huwiex ekwivalenti għall-prezz tas-suq sa fejn jikkorrispondi għall-prezz li seta’ jinkiseb mix-xerrej f’kundizzjonijiet normali tas-suq. F’din il-perspettiva, hemm lok, għall-Kummissjoni, li tapplika l-kriterju ta’ operatur privat li jopera f’ekonomija tas-suq, sabiex jiġi vverifikat jekk il-prezz imħallas mill-benefiċjarju allegat tal-għajnuna, jikkorrispondix mal-prezz li operatur privat, li jopera f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni, seta’ jiffissa. L-applikazzjoni konkreta tal-imsemmi kriterju timplika, fil-prinċipju, evalwazzjoni ekonomika kumplessa.

(ara l-punti 47-48)

2.      Il-prezz tas-suq ta’ impriża, li ġeneralment jiddependi fuq l-offerta u t-talba, jikkorrispondi għall-prezz l-iktar għoli li investitur privat li jopera f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni jkun lest li jħallas għaliha. Meta awtorità pubblika għandha l-intenzjoni li tbigħ impriża li tappartjeni lilha u meta hija tirrikorri, sabiex tagħmel dan, għal proċedura ta’ sejħa għal offerti miftuħa, trasparenti u mingħajr kundizzjonijiet, jista’ għaldaqstant jiġi allegat li l-prezz tas-suq jikkorrispondi għall-offerta l-iktar għolja, peress li għandu jiġi stabbilit, l-ewwel nett, li din l-offerta hija vinkolanti u li hija kredibbli u, it-tieni nett, li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ fatturi ekonomiċi minbarra l-prezz bħar-riskji off-balance li jeżistu bejn l-offerti ma huwiex iġġustifikat. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma twettaqx żball manifest ta’ evalwazzjoni billi tikkonkludi li l-element ta’ għajnuna jista’ jiġi evalwat mill-prezz tas-suq, li huwa stess, jiddependi fuq offerti konkretament ippreżentati fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti. F’tali ċirkustanzi, ma jistax jiġi allegat fil-konfront tal-Kummissjoni li ma ħaditx inkunsiderazzjoni rapporti ta’ espert indipendenti.

Fil-fatt, l-użu ta’ tali rapporti ta’ espert sabiex jiġi ddeterminat il-prezz tas-suq ta’ impriża jagħmel sens biss fil-każ fejn l-ebda proċedura ta’ sejħa għal offerti bil-għan tal-bejgħ tagħha ma ġiet segwita jew, eventwalment, fil-każ meta jkun ġie konkluż li l-proċedura ta’ sejħa għal offerti implementata ma kinitx miftuħa, trasparenti jew mingħajr kundizzjonijiet. F’dan ir-rigward, huwa inkontestabbli li l-offerti validament u effettivament ippreżentati fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti varata bil-għan tal-privatizzazzjoni ta’ impriża speċifika jikkostitwixxu, prinċipalment, l-aħjar valur approssimattiv tal-prezz tas-suq tal-imsemmija entità mir-rapporti ta’ espert indipendenti. Fil-fatt, tali rapporti ta’ espert, irrispettivament mill-metodu u mill-parametri magħżula għar-redazzjoni tagħhom, huma bbażati fuq eżami prospettiv u li jwasslu, għaldaqstant, għal evalwazzjoni tal-prezz tas-suq tal-impriża inkwistjoni ta’ valur inqas minn dak li jirriżulta mill-offerti konkreti u validament ippreżentati fil-kuntest ta’ sejħa għal offeri legalment implementata. Għall-istess raġunijiet, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma qiesitx neċessarju li tirrediġi studju ex post minn espert indipedenti, jew, għalhekk, li naqset mid-dmir tagħha ta’ eżami diliġenti u imparzjali tal-miżuri li hija għandha tagħmel.

Barra minn hekk, mill-perspettiva tal-bejjiegħ privat f’ekonomija tas-suq, ir-raġunijiet suġġettivi jew strateġiċi li jwasslu lil offerenti speċifiku li jippreżenta offerta ta’ ċertu ammont ma humiex determinanti. Il-bejjiegħ privat f’ekonomija tas-suq jagħżel, fil-prinċipju, l-offerta ta’ xiri iktar għolja, u dan irrispettivament mir-raġunijiet li wasslu lix-xerrejja potenzjali li jipproponu offerti ta’ ċertu ammont.

(ara l-punt 69-73, 89)

3.      Fir-rigward tal-kriterju ta’ investitur privat, sabiex jiġi ddeterminat jekk it-trasferiment ta’ impriża minn entità pubblika lil persuna pubblika tippreżentax in-natura ta’ għajnuna statali, għandu jitqies li bejjiegħ li jopera skont il-prinċipji tal-ekonomija tas-suq jista’ jagħżel l-offerta l-iktar baxxa jekk ikun ċar li t-trasferiment lill-offerent li joffri l-iktar ma huwiex possibbli. F’dan ir-rigward, bejjiegħ f’ekonomija tas-suq ma jagħżilx xerrej li, probabbilment, ma jiksibx mill-awtoritajiet kompetenti l-awtorizzazzjonijiet meħtieġa.

Madankollu, la l-eżitu inċert u lanqas it-tul prevedibbli tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ma jiġġustifika li kandidat bejjiegħ jiġi eskluż bħala xerrej. Għal dak li jikkonċerna t-trasferiment ta’ impriża fil-kuntest ta’ privatizzazzjoni, huwa b’mod partikolari l-każ meta ma jkunx hemm urġenza partikolari li tiġġustifika t-trasferiment tal-impriża lil xerrej ieħor u li ma huwiex ipprovat li t-tul tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni kkomprometta b’mod sinjifikattiv il-possibbiltajiet ta’ privatizzazzjoni.

(ara l-punti 107, 132, 133)

4.      Fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, għandha ssir distinzjoni bejn l-obbligi li Istat għandu jassumi bħala impriża li teżerċita attività ekonomika u l-obbligi li jista’ jkollu bħala awtorità pubblika. Jekk l-Istat jaġixxi bħala operatur privat f’ekonomija tas-suq fil-kuntest ta’ deċiżjoni ta’ bejgħ, huwa jopera skont il-pregorattivi tiegħu ta’ setgħa pubblika meta huwa jaġixxi bħala awtorità responsabbli mill-evalwazzjoni prudenzjali tal-akkwisti u taż-żidiet ta’ holding f’entitajiet tas-settur finanzjarju.

F’tali każ, il-Kummissjoni tiżbalja meta tiddikjara, insostenn tar-rifjut tagħha li tqis li t-tul probabbilment itwal tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni quddiem l-awtorità kompetenti fil-każ ta’ bejgħ tal-impriża lil ċertu offerent ikun jista’ jostakola tali bejgħ, li kien hemm riskju ta’ ksur tat-trattament ugwali bejn l-offerenti. Fil-fatt hemm kontradizzjoni bejn, minn naħa, il-fatt li tiġi eżaminata l-attitudni tal-Istat fir-rigward tal-kriterju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq u, min-naħa l-oħra, dak kontra r-riskju ta’ ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba d-differenza ta’ tul bejn il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni fil-każ ta’ trasferiment tal-impriża lil ċertu offerent u dak fil-każ ta’ trasferiment lil offerent ieħor.

(ara l-punti 128-130)

5.      Sistema ta’ garanzija legali, li tinvolvi l-obbligu għall-awtoritajiet statali, b’mod partikolari, reġjonali, li jintervjenu fil-każ ta’ insolvenza jew ta’ likwidazzjoni tal-istabbiliment ta’ kreditu inkwistjoni u li jipprovdu li l-kredituri tal-istabbilimenti ta’ kreditu jistgħu jeżerċitaw dritt dirett fir-rigward tal-awtorità pubblika garanti f’sitwazzjoni fejn l-istabbiliment ta’ kreditu nnifsu jinsab f’sitwazzjoni ta’ likwidazzjoni jew ta’ insolvenza u fejn l-attiv tal-imsemmi stabbiliment ma jkunx biżżejjed sabiex jissodisfahom, ma’ tistax tittieħed inkunsiderazzjoni meta tirrigwarda l-eżami ta’ tranżazzjoni speċifika abbażi tal-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq.

Fil-fatt, dak li huwa determinanti fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-operatur privat, huwa li wieħed isir jaf jekk il-miżuri inkwistjoni humiex dawk li setgħu jingħataw minn operatur privat f’ekonomija tas-suq, li jserraħ fuq il-fatt li jagħmel profit fuq tul qasir jew twil. Barra minn hekk, irrispettivament mill-klassifikazzjoni tal-impenji inkwistjoni li setgħet tintlaqa’, il-kwistjoni fundamentali hija dik dwar jekk l-imsemmija impenji humiex dawk li jistgħu jiġu sottoskritti minn operatur privat f’ekonomija tas-suq. Għalhekk, sistema ta’ garanzija legali mal-karatteristiċi deskritti hawn fuq, ma kinitx sottoskritta għall-kundizzjonijiet normali tas-suq, u ma tistax, għaldaqstant, tittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-aġir tal-imsemmija awtoritajiet abbażi tal-kriterju ta’ investitur privat f’ekonomija tas-suq.

(ara l-punti 149, 157, 158)