Language of document :

Appell ippreżentat fid-9 ta' Lulju 2008 minn Petrus Kerstens mis-sentenza mogħtija fit-8 ta' Mejju 2008 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-kawża F-119/06, Kerstens vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-266/08 P)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Petrus Kerstens (Overijse, il-Belġju) (rappreżentant: C. Mourato, avukat)

Parti oħra fil-proċeduri: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet ta' l-appellant

tannulla s-sentenza appellata;

tirrinvija l-kawża quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ta' l-Unjoni Ewropea;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

B'dan l-appell, l-appellant jitlob l-annullament tas-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (TSP) tat-8 ta' Mejju 2008, mogħtija fil-kawża Kerstens vs Il-Kummissjoni, F-119/06, li tiċħad ir-rikors li permezz tiegħu l-appellant kien talab, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tat-8 ta' Diċembru 2005 tal-Bord ta' l-Uffiċċju għall-Amministrazzjoni u l-Ħlas ta' Drittjiet Individwali li timmodifika l-organigramm ta' dan l-Uffiċċju, safejn din id-deċiżjoni kellha l-effett li tassenja mill-ġdid lir-rikorrent, li dak iż-żmien kien kap ta' l-unità "Riżorsi", għal pożizzjoni ta' riċerka u, min-naħa l-oħra, danni bħala kumpens għad-dannu allegatament imġarrab.

B'sostenn ta' l-appell tiegħu, l-appellant jinvoka aggravju bbażat fuq żnaturament tal-fatti u tal-provi kif ukoll fuq żball ta' liġi mwettaq mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (TSP) fl-applikazzjoni ta' l-Artikolu 7 tar-Regoli tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej u tar-regolamenti dwar sanzjonijiet dixxiplinari u abbuż ta' poter billi t-TSP ikkonkluda li ma kienx hemm ksur ta' l-imsemmi Artikolu 7 abbażi ta' konstatazzjonijiet ta' fatt ineżatti.

Barra minn dan, l-appellant isostni li t-TSP ma mmotivax biżżejjed is-sentenza appellata fir-rigward ta' l-evalwazzjoni ta' l-interess tas-servizz imwettqa mill-Uffiċċju għall-Amministrazzjoni u l-Ħlas ta' Drittjiet Individwali u fir-rigward tal-ħolqien ta' dipartiment tar-riċerka addizzjonali fid-dawl tan-nuqqas kroniku ta' persunal fl-Uffiċċju.

It-tielet nett, l-appellant jikkunsidra li nkisru d-drittijiet tad-difiża tiegħu, safejn it-TSP ibbaża diversi raġunamenti fuq ir-rapport dwar l-iżvilupp tal-karriera ta' l-appellant għall-perijodu bejn l-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru 2006, ippreżentat għall-ewwel darba mill-Kummissjoni matul is-seduta, mingħajr ma l-appellant kellu l-opportunità li jsostni l-pożizzjoni tiegħu fir-rigward ta' dawn ir-raġunamenti.

____________