Language of document : ECLI:EU:F:2014:160

DIGRIET TAL-PRESIDENT TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

12 ta’ Ġunju 2014

Kawża F‑28/14 R

Stéphane De Loecker

vs

Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE)

“Servizz pubbliku – Membru tal-persunal temporanju – Rexissjoni ta’ kuntratt – Proċeduri għal miżuri provviżorji – Talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni – Ammissibbiltà tar-rikors prinċipali”

Suġġett :      Rikors ippreżentat skont l-Artikoli 278 TFUE u 157 KEEA, kif ukoll skont l-Artikolu 279 TFUE applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu S. De Loecker talab is-sospensjoni, fl-istennija tad-deċiżjoni fuq il-mertu: – tad-deċiżjoni tal-20 ta’ Diċembru 2013 tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (iktar ’il quddiem ir-“Rappreżentant Għoli”) li jtemm il-kuntratt tiegħu bħala membru tal-persunal temporanju fis-sens tal-Artikolu 2(e) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-impjieg”) b’effett mill-31 ta’ Marzu 2014; – tar-rifjut tar-Rappreżentant Għoli li jisimgħu wara l-ilment ibbażat fuq fastidju li huwa kien ressaq kontra l-Uffiċjal Kap Operattiv tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE); – taċ-ċaħda tat-talba tiegħu li jinħatar investigatur estern ta’ livell għoli ħafna sabiex jeżamina l-ilment tiegħu bbażat fuq fastidju; – tad-deċiżjoni li l-ilment imsemmi iktar ’il fuq jiġi rreġistrat “bħala talba u li tiġi kkunsidrata mid-[Direttorat Ġenerali ‘Riżorsi umani u sigurtà’] tal-Kummissjoni Ewropea”.

Deċiżjoni:      It-talba għal miżuri provviżorji ta’ S. De Loecker hija miċħuda. L-ispejjeż huma rriżervati.

Sommarju

1.      Proċeduri għal miżuri provviżorji – Sospensjoni tal-eżekuzzjoni – Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà – Interess tar-rikorrent li jikseb is-sospensjoni – Talba intiża sabiex tinkiseb is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni tar-Rappreżentant Għoli li ma jirċevix uffiċjal sabiex jipprovdilu spjegazzjonijiet fir-rigward ta’ deċiżjoni – Sospensjoni li ma tistax tbiddel is-sitwazzjoni tar-rikorrent – Inammissibbiltà – Talba għas-sospensjoni ta’ deċiżjoni ta’ rifjut li jiġi maħtur investigatur sabiex jeżamina lment għal fastidju –Ammissibbiltà

(Artikolu 278 TFUE; Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 102(2))

2.      Rikorsi ppreżentati minn uffiċjali – Att li jikkawża preġudizzju – Kunċett – Miżura kawtelatorja – Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

3.      Rikorsi ppreżentati minn uffiċjali – Att li jikkawża preġudizzju – Kunċett – Deċiżjoni tar-Rappreżentant Għoli li lment għal fastidju jiġi kkunsidrat mid-dipartimenti tal-Kummissjoni – Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

4.      Proċeduri għal miżuri provviżorji – Sospensjoni tal-eżekuzzjoni – Miżuri provviżorji – Kundizzjonijiet għall-għoti – Urġenza – Dannu gravi u irreparabbli – Oneru tal-prova – Dannu morali li ma jistax jiġi rrimedjat fi proċeduri għal miżuri provviżorji u lanqas fil-kawża prinċipali – Assenza ta’ urġenza

(Artikoli 278 TFUE u 279 TFUE; Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 102(2))

5.      Proċeduri għal miżuri provviżorji – Sospensjoni tal-eżekuzzjoni – Kundizzjonijiet għall-għoti – Dannu gravi u irreparabbli – Rabta kawżali bejn id-dannu allegat u l-att ikkontestat

(Artikolu 278 TFUE)

1.      Bħala prinċipju, talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni amministrattiva negattiva ma tistax tiġi prevista, peress li l-għoti ta’ tali sospensjoni ma jistax ikollu bħala effett li jbiddel is-sitwazzjoni tar-rikorrent. Issa, dan huwa preċiżament il-każ fir-rigward ta’ sospensjoni tal-eżekuzzjoni tar-rifjut tar-Rappreżentant Għoli li jagħti intervista lil uffiċjal sabiex jipprovdilu spjegazzjonijiet fir-rigward ta’ deċiżjoni, peress li s-sospensjoni ma tkun ta’ ebda utilità prattika għar-rikorrent, sa fejn din ma tistax tapplika bħala deċiżjoni pożittiva li tilqa’ t-talba għal intervista tiegħu. Għalhekk is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ma twassal għal ebda bidla fis-sitwazzjoni tar-rikorrent.

Min-naħa l-oħra, rifjut tar-Rappreżentant Għoli li jaħtar investigatur estern ta’ livell għoli sabiex jeżamina l-ilment tal-persuna kkonċernata għal fastidju psikoloġiku huwa ħaġa waħda indiviżibbli ma’ deċiżjoni li dan l-ilment jiġi kkunsidrat mid-dipartimenti tal-istituzzjoni. Għalhekk, dan ir-rifjut ma jistax jiġi kkunsidrat bħala deċiżjoni negattiva.

(ara l-punti 27 u 28)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: digrieti Ellinikos Niognomon vs Il‑Kummissjoni, T‑312/08 R, EU:T:2008:407, punt 26, u Henkel u Henkel France vs Il‑Kummissjoni T‑607/11 R, EU:T:2012:22, punt 21

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: digriet Bermejo Garde vs KESE, F‑41/10 R, EU:F:2010:89, punt 38

2.      Sempliċi miżura kawtelatorja, intiża sabiex iżżomm deċiżjoni tal-amministrazzjoni li hija diġà s-suġġett ta’ rikors ma hijiex att li jikkawża preġudizzju.

(ara l-punt 31)

3.      L-atti preparatorji ta’ deċiżjoni ma jikkawżawx preġudizzju u huwa biss permezz ta’ rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni meħuda fit-tmiem tal-proċedura li l-uffiċjal jista’ jsostni l-irregolarità tal-atti preċedenti li huma strettament marbuta mad-deċiżjoni. Għalhekk, għalkemm ċerti miżuri purament preparatorji jistgħu jikkawżaw preġudizzju lill-uffiċjal sa fejn jistgħu jinfluwenzaw il-kontenut ta’ att li jista’ jiġi kkontestat sussegwenti, madankollu dawn il-miżuri preparatorji ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ rikors indipendenti u għandhom jiġu kkontestati permezz ta’ rikors ippreżentat kontra dan l-att.

Għalhekk, il-miżuri preparatorji li jikkostiwixxu deċiżjoni tar-Rappreżentant Għoli, fil-kwalità tiegħu bħala awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, li jiġi kkunsidrat ilment għal fastidju mid-dipartimenti tal-Kummissjoni, u tar-rifjut tiegħu li jaħtar investigatur estern ta’ livell għoli sabiex jeżamina dan l-ilment, jikkostitwixxu orjentament mogħti għall-mod dwar kif dan l-ilment għandu jiġi investigat, u ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ rikors indipendenti, differenti mir-rikors kontra d-deċiżjoni finali tal-amministrazzjoni. B’mod partikolari, la l-eżistenza, jekk tiġi preżupposta stabbilita, ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-prinċipju ta’ imparzjalità u lanqas il-fatt li l-istituzzjoni kienet bdiet l-investigazzjoni tagħha fir-rigward ta’ talba għal assistenza ma jippermettu waħedhom li juru li atti li jikkawżaw preġudizzju, jiġifieri li jistgħu jkunu suġġetti għal rikors kontenzjuż, kienu ġew adottati.

(ara l-punti 34, 35 u 37)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: digrieti Santarelli vs Il‑Kummissjoni, 78/87 u 220/87, EU:C:1988:255, punt 13, u Gómez-Reino vs Il‑Kummissjoni, C‑471/02 P(R), EU:C:2003:210, punt 65

Il‑Qorti tal-Prim’ Istanza: sentenza Latino vs Il‑Kummissjoni, T‑145/01, EU:T:2003:42, punt 101

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: digriet Nijs vs Il-Qorti tal-Awdituri, F‑64/08, EU:F:2008:179, punt 17; sentenzi Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, F‑65/09, EU:F:2010:149, punt 42, u l-ġurisprudenza ċċitata, u Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, F‑1/10, EU:F:2010:166, punt 47, u l-ġurisprudenza ċċitata

4.      L-għan tal-proċeduri għal miżuri provviżorji ma huwiex li jiġi żgurat il-kumpens għal dannu, iżda li tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tas-sentenza fuq il-mertu. Sabiex jintlaħaq dan l-aħħar għan, jeħtieġ li l-miżuri mitluba jkunu urġenti fis-sens li jkun neċessarju, sabiex jiġi evitat dannu gravi u irreparabbli għall-interessi tar-rikorrent, li dawn ikunu stabbiliti u jipproduċu l-effetti tagħhom sa minn qabel ma tingħata d-deċiżjoni fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, hija l-parti li titlob l-għoti ta’ miżuri provviżorji li għandha tipproduċi l-prova li hija ma tistax tistenna t-tmiem tal-proċedura fil-kawża prinċipali mingħajr ma tbati dannu ta’ dan it-tip.

F’dan ir-rigward, ma hemmx urġenza meta l-għoti ta’ sospensjoni tal-eżekuzzjoni ma jistax jirrimedja d-dannu morali allegat b’mod iktar effettiv minn eventwali annullament tad-deċiżjoni kkontestata fit-tmiem il-proċedura fil-kawża prinċipali.

(ara l-punti 38 u 55)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: digriet De Loecker vs SEAE, F‑78/13 R, EU:F:2013:134, punti 20 u 25, u l-ġurisprudenza ċċitata

5.      L-għoti ta’ sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ att huwa ġġustifikat biss jekk teżisti rabta kawżali bejn l-att inkwistjoni u d-dannu gravi u irreparabbli allegat u, ukoll iktar preċiżament, jekk dan l-att jikkostitwixxi r-raġuni determinanti għal dan id-dannu.

(ara l-punt 56)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: digriet Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, C‑399/02 P(R), EU:C:2003:90, punt 26

Il‑Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea digriet Al-Chihabi vs Il‑Kunsill, T‑593/11 R, EU:T:2011:770, punt 16, u l-ġurisprudenza ċċitata