Language of document : ECLI:EU:C:2014:120

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ippreżentati fis-27 ta’ Frar 2014 (1)

Kawża C‑574/12

Centro Hospitalar de Setúbal, EPE

Serviço de Utilização Comum dos Hospitais (SUCH)

vs

Eurest Portugal – Sociedade Europeia de Restaurantes Lda

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supremo Tribunal Administrativo (il-Portugall)]

“Kuntratti pubbliċi — Direttiva 2004/18/KE — Nuqqas ta’ obbligu li tiġi organizzata proċedura ta’ sejħa għal offerti skont ir-regoli tal-Unjoni (għoti intern jew ‘in house’) — Kundizzjoni tal-‘kontroll analogu’ — Offerent rebbieħ ġuridikament distint mill-awtorità kontraenti u li għandu forma ta’ assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru — Sehem ta’ interessi privati fil-kapital tal-offerent rebbieħ — Kundizzjoni tat-twettiq tal-parti l-iktar importanti tal-attività tiegħu mal-awtoritajiet kontraenti li jeżerċitaw il-‘kontroll analogu’”





1.        Bis-sitt domandi preliminari li għamlilha s-Supremo Tribunal Administrativo Portugiż f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tippreċiża mill-ġdid il-portata tal-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex awtorità kontraenti tkun tista’ tinvoka l-eċċezzjoni tal-hekk imsejjaħ għoti “in house”. Bis-saħħa ta’ din l-eċċezzjoni, li l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet fis-sentenza Teckal (2), u li issa hija s-suġġett ta’ ġurisprudenza vasta, awtorità kontraenti hija eżentata milli tibda proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku jekk jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet: hija għandha teżerċita fuq l-offerent rebbieħ “kontroll analogu” għal dak li hija teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha u jekk dan l-offerent rebbieħ għandu jwettaq il-parti l-iktar importanti tal-attività tiegħu mal-awtorità jew awtoritajiet kontraenti li jikkontrollawh (3).

2.         Din il-kawża tqajjem xi kwistjonijiet ġodda li ser jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiċċara aħjar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni tal-operazzjoni interna “exception in house”. Minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tiddefinixxi l-portata tal-ġurisprudenza tagħha li tipprovdi li l-preżenza ta’ interessi privati fl-offerent rebbieħ teskludi l-possibbiltà li l-awtorità kontraenti teżerċita fuq dan l-offerent rebbieħ kontroll analogu għal dak eżerċitat fuq id-dipartimenti tagħha (4). B’mod iktar speċifiku, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċċara jekk l-approċċ restrittiv adottat f’din il-ġurisprudenza għall-ishma privati fil-kapital tal-kumpanniji ta’ offerenti rebbieħa għandux ikun segwit ukoll fil-każ li l-offerent rebbieħ ikun assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru li fost il-membri tagħha jkun hemm, minbarra l-awtoritajiet kontraenti, anki assoċjazzjonijiet li jkollhom skopijiet ta’ karità u ta’ benefiċenza.

3.        Min-naħa l-oħra, f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tippreċiża l-konfini tat-tieni “rekwiżit Teckal”, jiġifieri l-kundizzjoni li tipprovdi li l-offerent rebbieħ għandu jwettaq il-parti l-iktar importanti tal-attività tiegħu mal-awtorità jew l-awtoritajiet kontraenti li jikkontrollawh.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

4.        L-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2004/18/KE (5) jistabbilixxi li l-“‘kuntratti pubbliċi’ huma kuntratti għall-interess tal-flus konklużi bil-miktub bejn wieħed jew aktar operaturi ekonomiċi u li għandhom bħala objettiv tagħhom l-esekuzzjoni tax-xogħlijiet, il-provvista tal-prodotti jew il-disposizzjoni tas-servizzi fi ħdan it-tifsira ta' din id-Direttiva”.

B –    Id-dritt nazzjonali

5.        Skont l-Artikolu 5(2) tal-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi Portugiż (6), li ttraspona d-Direttiva 2004/18 fl-ordinament ġuridiku Portugiż fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, “[il-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbiċi] lanqas japplika għall-għoti ta’ kuntratti, irrispettivament mis-suġġett tagħhom, mill-awtoritajiet kontraenti ma’ entità, sakemm

a)      l-awtorità kontrenti teżerċita fuq l-attività ta’ din l-aħħar, individwalment jew flimkien ma’ awtoritajiet kontraenti oħra, kontroll analogu bħal dak eżerċitat fuq id-dipartimenti tagħha, u

b)      il-persuna msemmija twettaq il-parti l-iktar importanti tal-attività tagħha favur awtorità jew awtoritajiet li jeżerċitaw fuqha l-kontroll analogu għal dak imsemmi fis-subparagrafu a)”.

II – Il-fatti, il-kawża nazzjonali u d-domandi preliminari

6.        Iċ-Centro Hospitalar de Setúbal (iktar ’il quddiem, “CHS”), l-ewwel rikorrent fil-kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, huwa sptar pubbliku Portugiż.

7.        Is-Serviço de Utilização Comum dos Hospitais (iktar ’il quddiem, “SUCH”), it-tieni rikorrenti fil-kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, huwa assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru stabbilit bid-Digriet Nru 46.668, tal-24 ta’ Novembru 1965, u għandu l-Istatuti tagħha (7). Skont l-Artikolu 2 tal-istatut tiegħu, SUCH għandu l-għan li jwettaq missjoni ta’ servizz pubblika; huwa jikkostitwixxi strument li jippermetti lill-membri tiegħu li jġestu huma stess il-ħtiġijiet tagħhom u għandu bħala għan l-effikaċja tagħhom. Barra minn hekk, huwa jikkontribwixxi għat-twettiq tal-politika tas-saħħa billi jikkontribwixxi b’mod sinjifikattiv għall-effikaċja u s-sostenibbiltà finanzjarja tas-sistema tas-saħħa nazzjonali.

8.        Skont l-Artikolu 7(1) tal-Istatuti tiegħu ta’ SUCH, jistgħu jkunu membri tiegħu biss entitajiet li jappartjenu għas-settur pubbliku jew għas-settur soċjali li jipprovdu kura għas-saħħa jew li jeżerċitaw attivitajiet marbutin mal-promozzjoni u mal-protezzjoni tas-saħħa. Skont il-paragrafu 2 tal-istess artikolu, SUCH għandu madankollu jiżgura li l-maġġoranza tad-drittijiet ta’ vot fil-laqgħa ġenerali għandha tkun f’idejn persuni li jaqgħu taħt il-kontroll tal-membru tal-gvern responsabbli għas-settur tas-saħħa u huma suġġetti għas-setgħa ta’ direzzjoni, ta’ kontroll u ta’ tutela tiegħu. Fil-mument tal-fatti rilevanti għal din il-kawża, SUCH kellu 88 membru, fosthom CHS, kif ukoll 23 istituzzjoni privata ta’ solidarjetà soċjali, kollha mingħajr skop ta’ lukru u li fosthom 20 istituzzjoni tal-karità (Misericórdias).

9.        Skont l-Artikolu 3 tal-Istatuti tiegħu, SUCH huwa suġġett għas-setgħa ta’ direzzjoni, ta’ kontroll u ta’ tutela tal-membru tal-gvern responsabbli għas-settur tas-saħħa, li huwa responsabbli għall-ħatra tal-president u tal-viċi president tal-Bord tad-Diretturi, kif ukoll għall-approvazzjoni tar-riżoluzzjonijiet tal-laqgħa ġenerali dwar li għandha bħala għan it-teħid ta’ self li jinvolvi livell ta’ dejn nett daqs jew li jaqbeż il-75 % tal-kapitali tiegħu kkalkolati mis-sena preċedenti; it-tibdil tal-istatuti; u x-xoljiment ta’ SUCH.

10.      Skont l-Artikolu 5(3) tal-Istatuti tiegħu, SUCH jista’ jipprovdi servizzi lil entitajiet pubbliċi li ma humiex membri u lil entitajiet privati, nazzjonali jew barranin, fuq bażi kompetittiva u tas-suq, bil-kundizzjoni li dan ma jikkawżax preġudizzju lill-membri tiegħu u jirriżulta ta’ vantaġġ għal SUCH stess u għall-membri tiegħu, kemm mil-lat ekonomiku kif ukoll minn dak tal-valorizzazzjoni teknoloġika. Il-paragrafu 4 tal-istess artikolu jippreċiża li SUCH għandu jiżgura li l-attività tiegħu titwettaq għall-inqas f’80 % favur il-membri tiegħu.

11.      Fis-27 ta’ Lulju 2011, CHS għamel ftehim ma’ SUCH li kellu bħala għan il-provvista, minn dan tal-aħħar, ta’ ikliet għall-pazjenti u għall-persunal ta’ CHS. Il-ftehim sar għal perijodu ta’ ħames snin li jiġġedded u jistabbilixxi l-ħlas ta’ prezz annwali ta’ EUR 1 295 289, għal total, għall-ħames snin tat-tul tal-ftehim, ta’ EUR 6 476 445. Il-provvista tas-servizz li hija s-suġġett tal-ftehim ingħatat direttament minn CHS lil SUCH, mingħajr ma saru proċeduri ta’ għoti previsti fid-Direttiva 2004/18 billi, fil-fehma tal-partijiet kontraenti, dan il-ftehim kien jaqa’ fil-kuntest tar-relazzjonijiet “in house” li jeżistu bejn SUCH u l-isptarijiet li huma membri tiegħu, fosthom CHS.

12.      Billi kkunsidrat li l-għoti dirett lil SUCH tal-provvista tas-servizzi li kienet is-suġġett tal-ftehim konkluż ma’ CHS kien illegali, sa fejn kien twettaq mingħajr il-proċedura ta’ sejħa pubblika għal offerti u għalhekk bi ksur tar-regoli nazzjonali u Ewropej fir-rigward tal-kuntratti pubbliċi, Eurest (Portugal) – (Sociedade Europeia de Restaurantes Lda, iktar ’il quddiem “Eurest”), kumpannija li tipprovdi l-istess servizzi bħal dawk li s-suġġett tal-ftehim, kif ukoll parti f’kuntratt ma’ CHS għall-provvista ta’ ikliet, li kien ġie xolt wara l-konklużjoni tal-ftehim bejn CHS u SUCH, ippreżentat rikors quddiem it-Tribunal Administrativo e Fiscal de Almada. Fir-rikors tagħha Almada talbet, minn naħa, l-annullament tad-digriet tal-Bord tad-Diretturi ta’ CHS li jipprovdi x-xoljiment tal-kuntratt tagħha li rabatha ma’ dan l-isptar u, min-naħa l-oħra, l-annullament tal-ftehim konkluż bejn CHS u SUCH.

13.      B’sentenza tat-30 ta’ Jannar 2012, it-Tribunal Administrativo e Fiscal de Almada laqa’ r-rikors u ddikjara null il-ftehim konkluż bejn CHS u SUCH. Din il-qorti kkunsidrat li ma ġiex ipprovat li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 5(2) tal-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi kienu ssodisfatti u li, għalhekk, l-għoti tas-servizzi previsti mill-ftehim kellu jkun suġġett għal proċedura ta’ sejħa pubblika għal offerti. CHS u SUCH appellaw is-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza quddiem it-Tribunal Central Administrativo do Sul, li permezz ta’ sentenza tas-26 ta’ April 2012, ċaħad ir-rikorsi tagħhom. Kemm SUCH kif ukoll CHS appellaw minn din is-sentenza quddiem is-Supremo Tribunal Administrativo, jiġifieri l-qorti tar-rinviju.

14.      L-ewwel nett, il-qorti tar-rinviju tiddikjara li huwa paċifiku li sptar bħal CHS, bħala persuna ġuridika fid-dritt pubbliku, jikkostitwixxi awtorità kontraenti. Huwa wkoll paċifiku li l-ftehim konkluż minnu ma’ SUCH, entità li hija distinta minnu, jikkostitwixxi kuntratt pubbliku ta’ servizzi. Il-qorti tar-rinviju tosserva wkoll li, sabiex dan il-kuntratt ikun jista’ jkun is-suġġett ta’ għoti dirett “in house”, jeħtieġ li jiġu ssodisfatti ż-żewġ kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(2) tal-Kodiċi tal-Kuntratti, imsemmi fil-punt 5 supra, li jikkodifika l-ġurisprudenza Teckal.

15.      Iktar speċifikament, għal dak li jirrigwarda l-ewwel kundizzjoni, jiġifieri l-eżistenza tal-“kontroll analogu”, il-qorti tar-rinviju tosserva li n-natura partikolari ġuridika ta’ SUCH, li għandu bħala membri istituzzjonijiet privati ta’ solidarjetà soċjali, tqajjem kwistjonijiet ġodda fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li sehem, anki minoritarju, ta’ impriża privata fil-kapital ta’ kumpannija, fi kwalunkwe każ jeskludi l-eżistenza ta’ dan it-tip ta’ kontroll (8) u dan, b’mod partikolari, fir-rigward tal-fatt li fid-dritt tal-Unjoni, sabiex ikun hemm impriża, ma huwiex meħtieġ li l-entità inkwistjoni jkollha skop ta’ lukru. Barra minn hekk, b’riferiment għal sentenza tal-Qorti tal-Awdituri Portugiża li ċaħdet l-approvazzjoni tal-ftehim inkwistjoni u li l-motivazzjoni tagħha ġiet irripetuta fis-sentenza kkontestata quddiemha, il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi jekk tistax tiġi ssodisfatta l-kundizzjoni tal-kontroll analogu f’dan il-każ, filwaqt li jittieħed in-numru tal-membri li ma humiex pubbliċi ta’ SUCH, l-awtonomija wiesgħa tiegħu u l-indipendenza tiegħu fir-rigward tas-setgħat pubbliċi, id-dinamika konkreta tal-funzjonament tiegħu u, b’mod partikolari, tal-funzjonament tal-Bord tad-Diretturi tiegħu, kif ukoll id-daqs u l-kumplessità tiegħu.

16.      Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni neċessarja għall-applikazzjoni tal-eċċezzjoni relatata mal-għoti “in house”, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk hija tistax tiġi ssodisfatta meta, skont l-Istatuti tiegħu, SUCH setax qala’ 20 % tad-dħul mill-bejgħ tiegħu billi pprovda servizzi, fuq bażi kompetittiva, lil persuni li huma differenti mill-membri tiegħu.

17.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-qorti tar-rinviju, b’digriet tas-6 ta’ Novembru 2012, iddeċidiet neċessarju li tissospendi l-proċeduri pendenti quddiemha sabiex tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja dawn id-domandi preliminari:

“1)      Il-fatt li sptar pubbliku jagħti, mingħajr ma jsegwi l-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti prevista bil-liġi għall-kuntratt inkwistjoni, lil assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru li magħha dan huwa assoċjat u li l-għan tagħha huwa t-twettiq ta’ missjoni ta’ servizz pubbliku fil-qasam tas-saħħa sabiex titjieb l-effikaċja u l-effiċjenza tal-imsieħba [membri] tagħha, kuntratt għas-servizzi relattivi għall-ikel f’ambjent ta’ sptar li jaqa’ taħt il-kompetenza tagħha, u b’hekk jittrasferixxi lil dik l-assoċjazzjoni r-responsabbiltà tal-funzjonijiet tiegħu f’dan il-qasam, huwa kompatibbli mal-ġurisprudenza Komunitarja dwar il-qasam tal-għoti intern ta’ kuntratti jekk, skont l-istatuti, din l-assoċjazzjoni jista’ jkollha bħala msieħba mhux biss entitajiet li jappartjenu għas-settur pubbliku, iżda wkoll għas-settur soċjali u fid-data tal-għoti tal-kuntratt, l-entitajiet tas-settur soċjali kienu rrappreżentati minn 23 istituzzjoni privata ta’ solidarjetà soċjali (IPSS), kollha kemm huma mingħajr skop ta’ lukru, fosthom istituzzjonijiet karitattivi, minn total ta’ 88 membru?

2)      Jista’ jitqies li, għad-deċiżjonijiet tiegħu, [il-kuntrattur] jinsab f’pożizzjoni ta’ subordinazzjoni meta mqabbel mal-imsieħba pubbliċi, sa fejn dawn tal-aħħar jeżerċitaw, b’mod iżolat jew b’mod konġunt, kontroll analogu għal dak li huma jeżerċitaw għad-dipartimenti tagħhom stess jekk, b’konformità mal-istatuti, [il-kuntrattur] għandu jiżgura li l-maġġoranza tad-drittijiet ta’ vot jappartjenu lill-imsieħba li jagħmlu parti u li huma soġġetti għas-setgħa ta’ direzzjoni, ta’ superviżjoni u ta’ tutela tal-membru tal-gvern inkarigat mill-qasam tas-saħħa u li l-Bord tal-Amministrazzjoni tiegħu ukoll ikun kompost, fil-maġġor parti tiegħu, minn imsieħba pubbliċi?

3)      Il-kundizzjoni dwar il-‘kontroll analogu’ tista’ titqies bħala [s]sodisfatta fid-dawl tal-ġurisprudenza Komunitarja li tikkonċerna l-għoti intern ta’ kuntratti meta, b’konformità mal-istatuti, [il-kuntrattur] huwa suġġett għas-setgħat ta’ tutela tal-membru tal-gvern inkarigat mill-qasam tas-saħħa li għandu jinnomina l-President u l-Viċi President tal-Bord tal-Amministrazzjoni, japprova d-deliberazzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali dwar is-self li jinvolvi dejn nett ta’ 75 % jew iktar tal-kapital tiegħu irreġistrat għas-sena preċedenti, japprova d-deliberazzjonijiet dwar l-emendi tal-istatuti, japprova d-deliberazzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali dwar ix-xoljiment [tal-kuntrattur], kif ukoll jiddetermina d-destinazzjoni tal-beni tiegħu f’każ ta’ xoljiment?

4)      Il-fatt li [l-kuntrattur] huwa organizzazzjoni ta’ daqs kbir u kumplessa, li taġixxi fit-territorju Portugiż kollu u li għandha bħala msieħba d-dipartimenti u l-istituzzjonjiet kollha tas-Serviço Nacional de Saúde, inklużi l-ikbar sptarijiet tal-pajjiż, li għandha dħul mill-bejgħ previst ta’ madwar EUR 90 miljun, li għandha attività li tkopri diversi oqsma ta’ attività kumplessi, li għandha indikaturi ta’ attivitajiet kbar ħafna, u li għandha iktar minn 3 300 impjegat, li tipparteċipa f’żewġ gruppi addizzjonali ta’ impriżi u f’żewġ kumpanniji kummerċjali, jippermetti li tikklassifika r-relazzjoni bejnha u bejn l-imsieħba pubbliċi tagħha bħala għoti purament intern jew ‘in-house’?

5)      Il-fatt li [l-kuntrattur] jista’, b’konformità mal-istatuti, jipprovdi servizzi, fuq bażi kompetittiva, lil entitajiet pubbliċi li ma humiex imsieħba jew lil entitajiet privati, nazzjonali jew barranin (i) ladarba dan ma jikkawża ebda preġudizzju lill-imsieħba [u li dan ikun ta’ vantaġġ għaliho u għall-entità kuntrattur], kemm fuq il-livell ekonomiku kif ukoll fil-qasam ta’ arrikkiment u ta’ valorizzazzjoni teknoloġika u ii) ladarba l-provvista ta’ dawn is-servizzi ma tirrappreżentax volum ta’ ħruġ ta’ fatturi ta’ iktar minn 20 % tad-dħul mill-bejgħ tagħha annwali globali tas-sena preċedenti, jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-kundizzjoni dwar l-għoti intern, b’mod partikolari l-kundizzjoni dwar l-‘iskop essenzjali tal-attività’ meħtieġa mill-Artikolu 5(2)(b) tal-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi, hija sodisfatta?

6)      Jekk ir-risposta għal kwalunkwe waħda minn dawn id-domandi ta’ hawn fuq ma hijiex, fiha nnifisha, biżżejjed sabiex jiġi konkluż li l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(2) tal-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi humiex sodisfatti jew le fid-dawl tal-ġurisprudenza Komunitarja dwar l-għoti intern ta’ kuntratti, l-evalwazzjoni konġunta ta’ dawn ir-risposti tippermetti li jiġi konkluż li jeżisti dan it-tip ta’ għoti?”

III –  Il-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

18.      It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-7 ta’ Diċembru 2012. CHS, SUCH, Eurest, il-Gvern Portugiż u dak Spanjol, kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub u kollha intervjenew fis-seduta li saret fil-21 ta’ Novembru 2013.

IV – Analiżi ġuridika

19.      L-ewwel nett jeħtieġ li jiġi osservat li, skont id-digriet tar-rinviju, huwa paċifiku li l-kuntratt konkluż bejn CHS u SUCH jikkostitwixxi kuntratt pubbliku, u li, bħala tali, huwa suġġett, fil-prinċipju, għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-kuntratti pubbliċi, u b’mod partikolari għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/18 (9).

20.      Min-naħa l-oħra, l-kwistjoni kkontestata quddiem il-qorti tar-rinviju, li għaliha jirreferu d-domandi preliminari magħmula minn din il-qorti lill-Qorti tal-Ġustizzja, tirrigwarda l-applikabbiltà għal dan il-kuntratt tal-eċċezzjoni għall-għoti “in house”.

A –    Fuq l-ewwel domanda preliminari

21.      Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-eċċezzjoni għall-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/18 li tirriżulta mill-ġurisprudenza tagħha dwar l-għoti “in house” tistax tapplika wkoll meta l-offerent rebbieħ ikun assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru li għandha bħala għan it-twettiq ta’ missjoni ta’ servizz pubbliku, u li skont l-Istatuti tagħha jistgħu jkunu membri ta’ entitajiet li jaqgħu mhux biss taħt is-settur pubbliku, imma anki tas-settur soċjali u, meta fid-data tal-għoti tal-kuntratt, parti, għalkemm minoritarja, mill-membri ta’ din l-assoċjazzjoni ma tkunx taqa’ taħt is-settur pubbliku, imma tkun magħmula minn istituzzjonijiet tas-settur soċjali li jiżvolġu attivitajiet mingħajr skop ta’ lukru, b’mod partikolari attivitajiet ta’ benefiċenza.

22.      Din il-kwistjoni tirrigwarda l-ewwel wieħed miż-żewġ kundizzjonijiet Teckal jiġifieri l-eżerċizzju min-naħa tal-awtorità kontraenti, fuq offerent rebbieħ, ta’ “kontroll analogu” għal dak li hija teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha (10). Għaldaqstant huwa opportun li preliminarjament titfakkar fil-qosor il-portata tal-kundizzjoni tal-“kontroll analogu” kif spjegat fil-ġurisprudenza.

23.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li jeżisti kontroll analogu meta l-offerent rebbieħ ikun suġġett għal kontroll li jippermetti lill-awtorità kontraenti li tinfluwenza d-deċiżjonijiet tiegħu. Din għandha tkun possibbiltà ta’ influwenza determinanti kemm fuq l-għanijiet strateġiċi kif ukoll fuq id-deċiżjonijiet importanti ta’ din l-entità. Fi kliem ieħor, l-awtorità kontraenti għandha tkun f’pożizzjoni li teżerċita fuq din l-entità kontroll strutturali u funzjonali. Il-Qorti tal-Ġustizzja teżiġi wkoll li dan il-kontroll ikun effettiv (11).

24.      Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, jekk tintuża entità li hija miżmuma konġuntament minn iktar minn awtorità pubblika waħda, il-“kontroll analogu” jista’ jiġi eżerċitat ukoll konġuntament minn dawn l-awtoritajiet, mingħajr ma jkun indispensabbli li dan il-kontroll jiġi eżerċitat individwalment minn kull waħda minnhom (12).

25.      Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, is-sehem, anki minoritarju, ta’ impriża privata fil-kapital ta’ kumpannija li fiha għandha sehem ukoll l-awtorità kontraenti inkwistjoni, teskludi fi kwalunkwe każ li din l-awtorità kontraenti tista’ teżerċita fuq din il-kumpannija kontroll simili għal dak li hija teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess (13).

26.      Dan premess, għal dak li jirrigwarda speċifikament it-talba għal deċiżjoni preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel nett għandu jiġi osservat li l-fatt li l-entità kontraenti hija kkostitwita fil-forma tad-dritt privat, bħala assoċjazzjoni, bl-ebda mod ma jeskludi minnu nnifsu l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni “in house” (14). Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diversi drabi rrikonoxxiet l-applikabbiltà ta’ din l-eċċezzjoni fil-każ ta’ entità kontraenti kkostitwita fil-forma li hija tad-dritt privat, bħal, pereżempju, kumpannija b’responsabbiltà limitata (15).

27.      Dwar il-fatt li l-offerent rebbieħ tal-għoti dirett ma jkollux skop ta’ lukru, dan ma huwiex rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-eċċezzjoni “in house”. Fil-fatt, l-applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni hija bbażata fuq ir-relazzjoni interna li teżisti bejn l-awtorità kontraenti u l-offerent rebbieħ b’mod li ma jkunx hemm it-tlaqqigħ ta’ żewġ volontajiet awtonomi li jirrappreżentaw interessi ġuridiċi differenti (16). Għaldaqstant din ir-relazzjoni hija indipendenti mhux biss min-natura ġuridika tal-offerent rebbieħ, imma anki mill-fatt jekk dan għandux jew le skop ta’ lukru. Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-assenza ta’ skop ta’ lukru ta’ persuna, u partikolarment ta’ assoċjazzjoni, bl-ebda mod ma teskludi li hija teżerċita attività ekonomika u ma hijiex suffiċjenti għalhekk, fiha nfisha, sabiex teskludi din il-persuna mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi (17).

28.      Għal dak li jirrigwarda l-preżenza, fost il-membri tal-awtorità kontraenti, ta’ entitajiet li ma jaqgħux biss taħt is-settur pubbliku, imma wkoll taħt is-settur soċjali, jeħtieġ li jitfakkar li, kif diġà semmejt fil-punti preċedenti 2 sa 25, il-Qorti tal-Ġustizzja, f’ġurisprudenza li hija issa stabbilita, stabbilixxiet li sehem, anki minoritarju, f’impriża privata fil-kapital ta’ kumpannija li fiha għandha sehem awtorità kontraenti li trid tagħmel għoti “in house”, jeskludi li din l-awtorità tista’ teżerċita fuq din il-kumpannija kontroll analogu.

29.      Kif irrilevat barra minn hekk il-qorti tar-rinviju stess, skont din il-ġurisprudenza, il-possibbiltà, għal awtorità kontraenti, li teżerċita kontroll analogu fuq l-offerent rebbieħ, hija eskluża fil-każ li jeżistu interessi privati f’dan tal-aħħar fil-forma ta’ sehem ta’ impriża fil-kapital azzjonarju ta’ kumpannija.

30.      Iżda l-każ ta’ SUCH huwa differenti minn każ bħal dan billi, minn naħa, ma huwiex ikkostitwit fil-forma ta’ kumpannija u għaldaqstant ma għandux kapital azzjonarju u, minn naħa l-oħra, l-entitajiet privati għal promozzjoni soċjali li jikkostitwixxu l-membri tiegħu li ma għandhomx natura pubblika, ma humiex neċessarjament impriżi f’sens strett.

31.      Il-kwistjoni ċentrali li tqajjem l-ewwel domanda preliminari hija madankollu proprju din: f’sitwazzjoni bħal dik ta’ SUCH għandu jiġi applikat il-prinċipju żviluppat mill-ġurisprudenza li l-preżenza ta’ interessi privati fi ħdan l-offerent rebbieħ teskludi l-possibbiltà, għall-awtorità kontraenti, li teżerċita fuqu kontroll analogu bl-esklużjoni konsegwenti tal-possibbiltà li jsir għoti dirett lil din il-persuna bl-applikazzjoni tal-eċċezzjoni “in house”?

32.      F’dan ir-rigward, infakkar preliminarjament li l-Qorti tal-Ġustizzja rrepetiet diversi drabi li l-għan prinċipali tar-regoli tal-Unjoni fir-rigward tal-kuntratti pubbliċi huwa l-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-ftuħ kemm jista’ jkun wiesa’ għall-kompetizzjoni fl-Istati Membri kollha (18). Dan l-għan jimplika l-obbligu għal kwalunkwe awtorità kontraenti li tapplika r-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, meta l-kundizzjonijiet previsti minn dawn ir-regoli jkunu ssodisfatti, bil-konsegwenza li kull eċċezzjoni għall-applikazzjoni ta’ dan l-obbligu għandha tiġi interpretata b’mod strett (19).

33.      Minn din il-perspettiva, nirrileva, li skont il-ġurisprudenza, żewġ raġunijiet jitolbu li tiġi eskluża l-eżistenza ta’ relazzjoni “in house” li tiġġustifika għoti dirett fil-preżenza ta’ interessi privati fil-kapital tal-offerent rebbieħ. Fil-fatt, kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, ir-relazzjoni bejn awtorità pubblika, li hija l-awtorità kontraenti, u d-dipartimenti tagħha hija rregolata minn kunsiderazzjonijiet u rekwiżiti indirizzati li jintlaħqu għanijiet ta’ interess pubbliku, filwaqt li, għall-kuntrarju, kull investiment ta’ kapital privat f’impriża privata jobdi kunsiderazzjonijiet indirizzati għall-interessi privati u għandu għanijiet ta’ natura differenti (20).

34.      Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-għoti ta’ kuntratt pubbliku lil impriża mħallta semipubblika mingħajr sejħa għal offerti, jippreġudika l-għan ta’ kompetizzjoni libera u mingħajr distort u l-prinċipju ta’ trattament ugwali ta’ dawn ikkonċernati, sa fejn, b’mod partikolari, proċedura bħal din toffri lil impriża privata preżenti fil-kapital ta’ din l-impriża vantaġġ meta mqabbel mal-kompetituri tagħha (21).

35.      Jiena naħseb li ż-żewġ kunsiderazzjonijiet żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar is-sehem ta’ impriża privata fil-kapital ta’ kumpannija jistgħu jiġu applikati f’sitwazzjoni, skont l-elementi eżistenti fil-proċess, kif inhi dik ta’ SUCH.

36.      Fil-fatt, minn naħa, l-analiżi li s-segwitu ta’ interessi privati jobdu kunsiderazzjonijiet differenti minn dawk li huma inerenti għas-segwitu ta’ interessi pubbliċi, fil-fehma tiegħi, ma hijiex limitata għal każ biss tal-preżenza ta’ investimenti privati f’kumpannija. Ma hemmx dubju, fil-fatt, li s-sehem ta’ persuni bħall-entitajiet privati għal promozzjoni tas-solidarjetà soċjali jissodisfaw loġika u interessi ta’ natura privata, kif jistgħu jkunu, pereżempju, interessi ta’ karità jew ta’ benefiċenza, li għandhom għanijiet huma kemm huma ta’ min ifaħħarhom, mhux bilfors jikkoinċidu mal-interess pubbliku. Dawn l-għanijiet, fil-fatt, anki għalkemm jistgħu jiġu deskritti, b’mod astratt, bħala ta’ interess ġenerali għandhom, madankollu, elementi proprji ta’ interess privat, bħal, pereżempju, il-konnotazzjoni reliġjuża (22) jew assoċjattiva, li għalkemm jistgħu jkunu kumplimentari mal-interess pubbliku, huma madankollu estranji.

37.      Min-naħa l-oħra, sa fejn ma huwiex eskluż li l-assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru, kif inhuma l-assoċjazzjonijiet tal-karità membri ta’ SUCH, jistgħu jeżerċitaw attività ekonomika f’kompetizzjoni ma’ operaturi oħrajn u jistgħu jipparteċipaw f’sejħiet għall-offerti (23), l-għoti dirett ta’ kuntratt pubbliku bl-applikazzjoni tal-eċċezzjoni “in house” jista’ joffri anki hawnhekk, bħal fil-każ tal-kumpanniji, vantaġġ lil dawn l-operaturi fir-rigward tal-kompetituri tagħhom.

38.      Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti jwasslu, fil-fehma tiegħi, għall-esklużjoni, għall-inqas fl-istat attwali tad-dritt (24), li awtorità kontraenti tkun tista’ teżerċita kontroll analogu għal dak li hija teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha fuq assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru li jkollha fost il-membri tagħha, anki jekk f’livell minoritarju, persuni li ma jaqgħux taħt id-dritt pubbliku iżda taħt id-dritt privat u li jkollhom interessi privati, bħall-assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru li għandhom interessi ta’ karità u ta’ solidarjetà. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, l-għoti dirett ta’ kuntratt pubbliku min-naħa tal-awtorità kontraenti lil persuna ta’ dan it-tip fuq il-bażi tal-eċċezzjoni “in house”, għandha tkun eskluża. Naturalment, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tagħmel l-aċċertamenti meħtieġa f’dan ir-rigward.

39.      Dan premess, madankollu, hemm bżonn li nagħmel ftit iktar kunsiderazzjonijiet.

40.      L-ewwel nett, il-fatt li s-sehem ta’ entitajiet li għandhom interessi, anki minoritarju, f’offerent rebbieħ, anki jekk dawn l-entitajiet ma għandhomx skop ta’ lukru, fl-istat attwali tad-dritt, jipprekludi li jkun hemm relazzjoni ta’ tip “in house” bejn awtorità kontraenti waħda jew iżjed u l-imsemmi offerent rebbieħ bl-ebda mod ma jfisser li n-natura u l-għanijiet tal-organi ta’ solidarjetà, tal-volontarjat jew tal-benefiċenza ma tistax tiġi kkunsidrata wkoll fil-kuntest tad-dritt tal-kuntratti pubbliċi. Fil-fatt f’dan ir-rigward ma nistax ma nosservax li, minn naħa, is-solidarjetà hija rrikonoxxuta espressament fl-Artikolu 2 TUE bħala wieħed mill-valuri li jikkaratterizzaw il-mudell ta’ soċjetà Ewropea u li għalhekk entitajiet li għandhom fil-mira dan il-valur jikkontribwixxu attivament fil-bini ta’ soċjetà Ewropea skont l-ispirtu tat-Trattati (25). Min-naħa l-oħra, u skont din l-osservazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-kunsiderazzjonijiet ta’ tip soċjali u ta’ solidarjetà ma humiex estranji għal-leġiżlazzjoni fuq il-kuntratti pubbliċi, kif juri pereżempju l-Artikolu 26 tad-Direttiva 2004/18, li jistabbilixxi li l-kundizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ kuntratt pubbliku jistgħu jkunu bbażati fuq kunsiderazzjonijiet ta’ tip soċjali (26).

41.      It-tieni nett, għandu jiġi osservat li s-sempliċi fatt li l-Istatuti tal-assoċjazzjoni li tkun l-offerent rebbieħ mingħajr skop ta’ lukru jipprevedi li jistgħu jagħmlu parti minnha persuni li ma jaqgħux taħt is-settur pubbliku biss, imma anki taħt is-settur soċjali, fih innifsu, ma jeskludix l-eżistenza ta’ relazzjoni “in house”, fil-każ li, fil-mument tal-għoti tal-kuntratt, minn din l-assoċjazzjoni jagħmlu parti esklużivament awtoritajiet pubbliċi. Il-fatt li jiġi ammess li s-sempliċi possibbiltà prevista fl-istatut li persuni privati jipparteċipaw f’assoċjazzjoni jista’ jissospendi indefinittivament l-evalwazzjoni tan-natura kompletament pubblika jew le tagħha ma jikkonformax mal-prinċipju taċ-ċertezza tad-dritt. Isegwi li, fil-każ li l-membri tal-assoċjazzjoni inkwistjoni huma esklużivament awtoritajiet pubbliċi fil-mument meta l-kuntratt inkwistjoni jingħata, il-possibbiltà għal persuni privati li jipparteċipaw f’din l-assoċjazzjoni ma jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni biss fil-każ, f’dan il-mument, li teżisti perspettiva konkreta għal tul ta’ żmien qasir ta’ tali ftuħ. Is-sempliċi possibbiltà li persuni privati jipparteċipaw f’assoċjazzjoni ma hijiex għaldaqstant biżżejjed biex jiġi konkluż li l-kundizzjoni dwar il-kontroll analogu min-naħa tal-awtorità pubblika ma hijiex issodisfatta (27).

42.      Bil-kontra, fil-każ li kuntratt ikun ingħata, mingħajr sejħa għall-offerti lil assoċjazzjoni, lil assoċjazzjoni li l-membri tagħha huma kollha awtoritajiet pubbliċi u, il-fatt li matul il-perijodu tal-validità ta’ dan il-kuntratt, persuni privati jkunu ġew ammessi bħala membri ta’ din l-assoċjazzjoni jikkostitwixxi bidla ta’ kundizzjoni fundamentali tal-kuntratt li tkun teħtieġ li ssir sejħa għal offerti (28).

43.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li, fil-fehma tiegħu, ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari mqajma mill-qorti tar-rinviju għandha tkun fis-sens li l-eċċezzjoni għall-applikabbiltà tar-regoli tal-Unjoni dwar kuntratti pubbliċi, li hija prevista għall-għoti “in house” ma tistax tiġi applikata meta l-offerent rebbieħ li lilu l-awtorità kontraenti għandha l-intenzjoni li tagħti direttament il-kuntratt, mingħajr sejħa għal offerti pubblika, huwa entità tad-dritt privat li fost il-membri tagħha jinkludu, anki għalkemm f’numru minoritarju, persuni li għandhom interessi privati.

B –    Fuq it-tieni u t-tielet domanda preliminari

44.      Permezz tat-tieni u t-tielet domandi preliminari, li jistgħu fil-fehma tiegħi jiġu ttrattati b’mod konġunt, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk jistax ikun hemm “kontroll analogu” fuq offerent rebbieħ li l-Istatuti tiegħu jikkonferixxu setgħat partikolari, fil-korpi statutorji tiegħu, lill-membri tiegħu li jaqgħu taħt id-dritt pubbliku jew lill-membru kompetenti tal-gvern.

45.      B’mod iktar partikolari, permezz tat-tieni domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk il-membri pubbliċi ta’ offerent rebbieħ għandhom fuqu “kontroll analogu”, individwali jew konġunt, fejn, skont l-Istatuti tiegħu, dan l-offerent rebbieħ għandu jiżgura li l-maġġoranza tad-drittijiet tal-vot fil-laqgħa ġenerali tkun f’idejn il-membri li jaqgħu taħt l-awtorità tal-membru tal-gvern responsabbli għall-qasam tas-saħħa u huma suġġetti għall-setgħat ta’ direzzjoni, ta’ kontroll u ta’ tutela tiegħu, u anki meta l-maġġoranza tal-membri tal-Bord tad-Diretturi tiegħu jkun ifformat minn membri pubbliċi.

46.      Bit-tielet domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju essenzjalment trid tkun taf jekk jeżistix “kontroll analogu” fil-każ li l-kuntrattur, skont l-istatut tiegħu, ikun suġġett għall-setgħa ta’ tutela tal-membru tal-gvern responsabbli għas-settur tas-saħħa, li jkun dak li jaħtar il-president u l-viċi president tal-bord tad-diretturi, japprova ċerti riżoluzzjonijiet partikolari tal-laqgħa ġenerali, jiġifieri dawk previsti mill-Artikolu 3 tal-Istatut ta’ SUCH (29).

47.      Jirriżulta mir-risposta għall-ewwel domanda preliminari li huwa eskluż li awtorità kontraenti tista’ teżerċita fuq offerent rebbieħ kontroll analogu għal dak li teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha fil-każ li f’dik il-persuna hemm sehem, anki minoritarju, f’entitajiet li jkollhom interessi privati. Fil-fehma tiegħi, din hi konsegwenza koerenti ta’ konstatazzjoni bħal dik, li tesprimi interpretazzjoni restrittiva tal-eċċezzjoni skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 32, li sehem fil- offerent rebbieħ ta’ entitajiet li għandhom interessi privati ma jistax jiġi rrimedjat permezz ta’ dispożizzjonijiet eventwali tal-istatut ta’ dik il-persuna li jagħtu setgħat partikolari ta’ kontroll u ta’ tutela lill-membri pubbliċi l-oħra tagħha jew lill-membru kompetenti tal-gvern. Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, minn dawn isegwi li kemm għat-tieni domanda kif ukoll għat-tielet domanda preliminari għandhom jingħataw risposta negattiva.

48.      Barra minn hekk, nosserva inċidentalment, li l-fatt li l-offerent rebbieħ huwa suġġett għat-tutela diretta (30) jew indiretta (31) tal-membru kompetenti tal-gvern ma jfissirx neċessarjament li l-awtoritajiet kontraenti jeżerċitaw fuq dan l-offerent rebbieħ, individwalment jew konġuntament, kontroll analogu għal dak li huma jeżerċitaw fuq id-dipartimenti tagħhom.

49.      Fil-fatt, huwa veru li s-setgħa ta’ kontroll fuq l-korpi statutorji deċiżjonali tal-offerent rebbieħ jista’, f’ċirkustanzi xierqa għal kull tip ta’ każ, jitqies li huwa wieħed mill-elementi li jippermettu lill-awtoritajiet kontraenti li jkollhom dawn li jeżerċitaw fuq dan l-offerent rebbieħ kontroll analogu għal dak li huma jeżerċitaw fuq id-dipartimenti tagħhom (32). B’mod astratt, huwa veru wkoll li ma huwiex eskluż li, f’ċirkustanzi speċifiċi ta’ każ konkret (33), is-setgħat ta’ kontroll u ta’ tutela mogħtija lill-awtoritajiet pubbliċi li jikkontrollaw l-awtoritajiet kontraenti li min-naħa tagħhom jeżerċitaw il-kontroll fuq l-offerent rebbieħ jistgħu jikkontribwixxu biex jillimitaw l-awtonomija tal-volontà ta’ dan tal-aħħar b’mod tali li tista’ tiġi rrikonoxxuta l-eżistenza ta’ kontroll analogu fuqu min-naħa tal-awtoritajiet kontraenti msemmija.

50.      Madankollu, minkejja dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-eżistenza tal-kontroll analogu għandha tiġi kkonstatata b’riferiment speċifiku għall-awtoritajiet kontraenti li għandhom jeżerċitawh fuq il-persuna li jkunu jridu jagħtuha direttament il-kuntratt u mhux b’riferiment għall-Istat bħala tali permezz tal-membru kompetenti tal-gvern.

51.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li r-risposta għat-tieni u t-tielet domandi preliminari għandha tkun fis-sens li, fejn entitajiet li għandhom interessi privati jkollhom sehem, anki minoritarju, f’offerent rebbieħ, id-dispożizzjonijiet tal-Istatuti ta’ din dan l-offerent rebbieħ li jagħtu setgħat partikolari ta’ kontroll u ta’ tutela lill-bqija tal-membri pubbliċi tiegħu jew lill-membru tal-gvern kompetenti ma jippermettux li tiġi konkluża l-eżistenza ta’ kontroll analogu fuq dan l-offerent rebbieħ, ta’ natura li tiġġustifika l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni “in house”.

C –    Fuq ir-raba’ domanda preliminari

52.      Permezz tar-raba’ domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk il-fatt li l-offerent rebbieħ ikun organizzazzjoni kumplessa u ta’ daqs kbir, li jopera fuq it-territorju nazzjonali kollu, jippermettix li r-relazzjoni bejnha u l-membri pubbliċi tagħha tiġi kkwalifikata bħala relazzjoni “in house” b’mod li jista’ jiġi ġġustifikat li jingħatalu direttament kuntratt pubbliku.

53.      Bħat-tliet domandi preċedenti, din id-domanda tirrigwarda l-ewwel “kundizzjoni Teckal”, jiġifieri l-eżistenza ta’ “kontroll analogu”. Fil-punt 23 fakkart il-portata ta’ din il-kundizzjoni kif iddefinita mill-ġurisprudenza, jiġifieri bħala forma ta’ kontroll strutturali, funzjonali u effettiv. Fil-punt 27, min-naħa l-oħra, fakkart li, skont il-ġurisprudenza, il-bażi tal-eċċezzjoni “in house” hija l-assenza ta’ awtonomija tal-offerent rebbieħ.

54.      Għalhekk, minn dawn il-premessi jirriżulta li d-daqs sinjifikattiv u l-istruttura kumplessa ta’ entità ma jikkostitwixxux, fihom infushom, elementi li jippermettu li jiġi stabbilit li awtorità pubblika teżerċita effettivament kontroll strutturali u funzjonali fuq din l-entità u għalhekk li tiġi deskritta bħala “kontroll analogu” fis-sens tal-ġurisprudenza r-relazzjoni li teżisti bejniethom.

55.      Madankollu, dan ma jfissirx li dawn l-elementi huma totalment irrilevanti fl-analiżi biex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ kontroll analogu. Fil-fatt, id-daqs sinjifikattiv u l-istruttura kumplessa ta’ entità jistgħu, fil-fehma tiegħi, jikkostitwixxu indizji li, fil-kuntest ta’ evalwazzjoni kumplessiva taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, jistgħu jikkontribwixxu biex iwasslu għall-konklużjoni li l-imsemmija entità tgawdi minn marġni ta’ awtonomija b’mod li teskludi l-eżistenza ta’ kontroll analogu. Għaldaqstant nikkonkludi li r-raba’ domanda preliminari għandha tingħata risposta f’dan is-sens.

D –    Fuq il-ħames domanda preliminari

56.      Permezz tal-ħames domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-eċċezzjoni “in house” tistax tiġi applikata fejn, skont l-Istati tiegħu, offerent rebbieħ jista’ jipprovdi servizzi, fuq bażi kompetittiva, lil entitajiet pubbliċi li ma humiex membri jew lil entitajiet privati sakemm, fl-ewwel lok, li dan ma joħloq l-ebda dannu lill-membri tiegħu u li dan ikun ta’ vantaġġ għal dawn tal-aħħar u għall-offerent rebbieħ innifsu u, fit-tieni lok, li l-provvista ta’ dawn is-servizzi ma tirrappreżentax volum li jaqbeż l-20 % tad-dħul mill-bejgħ tiegħu globali u annwali tas-sena preċedenti.

57.      Filwaqt li l-ewwel erba’ domandi preliminari kollha jirrigwardaw l-ewwel kundizzjoni Teckal, jiġifieri l-eżistenza tal-“kontroll analogu”, il-ħames domanda preliminari tikkonċerna, min-naħa l-oħra, it-tieni kundizzjoni meħtieġa biex tkun tista’ tiġi applikata l-eċċezzjoni “in house”, jiġifieri l-kundizzjoni li l-offerent rebbieħ għandu jwettaq il-parti l-iktar importanti tal-attività tiegħu mal-awtorità jew l-awtoritajiet kontraenti li jikkontrollawh.

58.      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li din it-tieni kundizzjoni għandha l-għan li b’mod partikolari tiggarantixxi li r-regoli f’dan il-qasam ta’ kuntratti pubbliċi jibqgħu jiġu applikati fil-każ meta persuna kkontrollata minn entità waħda jew iżjed tkun attiva fis-suq u għaldaqstant tkun tista’ tidħol f’kompetizzjoni ma’ impriżi oħrajn. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li impriża ma hijiex neċessarjament imċaħħda mil-libertà ta’ azzjoni mis-sempliċi fatt li d-deċiżjonijiet li jikkonċernawha jittieħdu mill-entità pubblika li tikkontrollaha, jekk hija tista’ xorta waħda teżerċita parti importanti mill-attività ekonomika tagħha ma’ operaturi oħra (34).

59.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li l-offerent rebbieħ inkwistjoni jwettaq il-parti l-iktar importanti tal-attività tiegħu mal-awtorità jew l-awtoritajiet li tagħhom tkun proprjetà biss jekk l-attività tagħha hija sostanzjalment u prinċipalment intiża esklużivament għall-awtorità (jew l-awtoritajiet) inkwistjoni u jekk, għalhekk, kull attività oħra tirriżulta li għandha biss natura marġinali (35). Fil-każ li diversi awtoritajiet kontraenti jeżerċitaw il-kontroll analogu fuq l-offerent rebbieħ, l-attività li għandha tiġi kkunsidrata hija dik imwettqa mill-offerent rebbieħ ma’ dawn l-awtoritajiet kontraenti kollha (36).

60.      Barra minn hekk, fis-sentenza Asociación Nacional de Empresas Forestales (37), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, ħlief għall-aċċertamenti meħtieġa ta’ fatt li għandha tagħmel il-qorti tar-rinviju, dik il-kundizzjoni tkun issodisfatta f’każ meta l-offerent rebbieħ kien iwettaq mal-entitajiet u l-korpi pubbliċi li għalihom kien jappartjeni medja ta’ madwar 90 % tal-attività tiegħu (38).

61.      Dan premess, għal dak li jirrigwarda l-ewwel nett, id-dispożizzjoni tal-Istatuti li bis-saħħa tagħha l-offerent rebbieħ inkwistjoni jista’ jipprovdi servizzi fuq bażi kompetittiva ma’ terzi bil-kundizzjoni li dan ma jikkawża l-ebda preġudizzju lill-membri u jkun ta’ vantaġġ għal dawn tal-aħħar, nikkonkludi li, sa fejn din id-dispożizzjoni tirrappreżenta limitu għall-eżerċizzju mill-offerent rebbieħ ta’ attivitajiet f’kompetizzjoni ħielsa, hija ma tistax tikkostitwixxi ostakolu għall-applikazzjoni tat-tieni kundizzjoni Teckal.

62.      Min-naħa l-oħra iktar rilevanti hija l-kwistjoni biex jiġi ddeterminat jekk din il-kundizzjoni tkunx issodisfatta meta l-offerent rebbieħ jagħmel 20 % tad-dħul mill-bejgħ tiegħu globali annwali ma’ entitajiet pubbliċi li ma humiex membri u ma’ persuni privati, jiġifieri ma’ terzi. F’dan ir-rigward inqis li, kif titlob il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 32, jeħtieġ li jiġi adottat approċċ restrittiv fl-interpretazzjoni tal-eċċezzjoni inkwistjoni. Minn din il-perspettiva, f’sitwazzjoni fejn l-offerent rebbieħ jaqla’, f’kompetizzjoni libera, sehem ta’ 20 % tal-attività tiegħu, jiena tal-fehma li ma jistax jiġi kkunsidrat li, kif titlob il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 59 iktar ’il fuq, huwa qiegħed jagħmel attività sostanzjalment u prinċipalment esklużiva għall-awtoritajiet li jikkontrollawh u li, għalhekk kull attività oħra għandha natura sempliċement marġinali. Fil-fehma tiegħi attività li tammonta għal kwint tal-attività totali ta’ offerent rebbieħ ma tistax titqies, anki mil-lat kwantitattiv biss, bħala attività marġinali.

63.      Għaldaqstant jidhirli li, fl-istat attwali tad-dritt (39), ir-risposta għall-ħames domanda preliminari għandha tkun fis-sens li l-eċċezzjoni “in house” ma tistax tiġi applikata meta offerent rebbieħ jista’, skont l-Istatut tiegħu, jipprovdi servizzi fuq bażi kompetittiva lil entitajiet pubbliċi li ma humiex membri u lil entitajiet privati sa sehem li jirrappreżenta 20 % tad-dħul mill-bejgħ tiegħu globali annwali tas-sena preċedenti.

E –    Fuq is-sitt domanda preliminari

64.      Jeħtieġ li r-risposta għas-sitt domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju biss, kif mitlub mill-qorti stess, għandha tkun li jekk l-ebda waħda mir-risposti preċedenti, meħudin waħda waħda, ma hija biżżejjed biex jiġi stabbilit jekk il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni “in house” humiex issodisfatti jew le. Għalhekk il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-evalwazzjoni flimkien ta’ dawn ir-risposti tippermettix li jiġi konkluż li din l-eċċezzjoni hija applikabbli għal każ bħal dak pendenti quddiemha.

65.      Fid-dawl tar-risposti mogħtija għall-ewwel ħames domandi preliminari nikkunsidra li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ssegwi l-approċċ li jiena nipproponi, hija ma għandhiex għalfejn tirrispondi din id-domanda. Fil-fatt minn dawn ir-risposti, u partikolarment mir-risposti għall-ewwel u l-ħames domanda preliminari, jirriżulta li f’każ bħal dak pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, din l-eċċezzjoni, fl-istat attwali tad-dritt (40), ma tistax tiġi applikata u dan, indipendentement minn possibbli evalwazzjoni konġunta ta’ dawn ir-risposti. Għaldaqstant nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja biex ma tirrispondix din id-domanda preliminari.

V –    Konklużjoni

66.      Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi d-domandi preliminari magħmula mis-Supremo Tribunal Administrativo kif ġej:

L-eċċezzjoni għall-applikabbiltà tar-regoli tal-Unjoni dwar kuntratti pubbliċi li hija prevista għall-għoti “in house” ma tistax tiġi applikata meta l-offerent rebbieħ li lilu l-awtorità kontraenti għandha l-intenzjoni tagħti direttament il-kuntratt mingħajr sejħa għal offerti pubblika, huwa entità tad-dritt privat li fost il-membri tagħha jinkludu, anki għalkemm f’numru minoritarju, persuni li għandhom interessi privati. F’dan il-każ, l-eżistenza, fl-Istatuti tal-offerent rebbieħ, ta’ dispożizzjonijiet li jagħtu setgħat partikolari ta’ kontroll u ta’ tutela lill-bqija tal-membri pubbliċi tiegħu jew lill-membru tal-gvern kompetenti ma jippermettux li tiġi konkluża l-eżistenza ta’ kontroll analogu fuq dan l-offerent rebbieħ, ta’ natura li tiġġustifika l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni “in house”.

Id-daqs sinjifikattiv u l-istruttura kumplessa ta’ entità jistgħu jikkostitwixxu indizji li, fil-kuntest ta’ evalwazzjoni kumplessiva taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ konkret, jistgħu jikkontribwixxu biex iwasslu għall-konklużjoni li l-imsemmija entità tgawdi minn marġni ta’ awtonomija b’mod li teskludi l-eżistenza ta’ kontroll analogu.

L-eċċezzjoni “in house” ma tistax tiġi applikata meta offerent rebbieħ jista’, skont l-Istatut tiegħu, jipprovdi servizzi fuq bażi kompetittiva lil entitajiet pubbliċi li ma humiex membri jew lil entitajiet privati sa sehem li jirrappreżenta 20 % tad-dħul mill-bejgħ tiegħu globali annwali tas-sena preċedenti.


1 – Lingwa oriġinali: it-Taljan.


2 – Sentenza tat-18 ta’ Novembru 1999, Teckal (C-107/98, Ġabra p. I‑8121).


3 – Ara, inter alia, is-sentenzi tal-11 ta’ Jannar 2005, Stadt Halle u RPL Lochau (C‑26/03, Ġabra p. I‑1, punt 49); tat-13 ta’ Ottubru 2004, Parking Brixen (C‑458/03, Ġabra p. I‑8585, punt 62); tal-11 ta’ Mejju 2006, Carbotermo u Consorzio Alisei (C‑340/04, Ġabra p. I‑4137, punt 33); tad-19 ta’ April 2007, Asemfo (C‑295/05, Ġabra p. I‑2999, punt 55); tat-13 ta’ Novembru 2008, Coditel Brabant (C‑324/07, Ġabra p. I‑8457, punt 27); tal-10 ta’ Settembru 2009, Sea (C‑573/07, Ġabra p. I-8127, punt 40); tad-29 ta’ Novembru 2012, Econord, (C‑182/11 u C‑183/11, punt 25); u tad-19 ta’ Diċembru 2012, Ordine degli Ingegneri della Provincia di Lecce et, (C-159/11, punt 32). Ara wkoll il-konklużjonijiet reċenti tiegħi fil-kawża Datenlotsen Informationssysteme (C-15/13).


4 – Ara infra l-punti 25 u 28.


5 – Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, dwar il-kordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti ta’ xogħlijiet pubbliċi, kuntratti ta’ provvista pubbliċi u kuntratti ta’ servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132).


6 – Adottat bid-Digriet Nru 18/2008, tad-29 ta’ Jannar 2008.


7 – L-Istatuti ta’ SUCH għaddew minn diversi bidliet matul iż-żmien. Il-verżjoni fis-seħħ fil-mument tal-fatti rilevanti inkwistjoni hija dik approvata f’Ottubru 2010.


8 – Ara s-sentenza Stadt Halle u RPL Lochau, iċċitata iktar ’il fuq (punti 49 u 50).


9 – Fil-fatt, ma huwiex ikkontestat li l-valur tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, kif indikat fil-punt 11 preċedenti, jaqbeż sewwa l-limitu stabbilit fl-Artikolu 7(b) tal-istess direttiva, kif emendata.


10 – Ara l-punt 1 iktar ’il fuq.


11 – Sentenza Econord, iċċitata iktar ’il fuq (punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).


12Ibidem (punt 28 u ġurisprudenza ċċitata).


13 – Ara s-sentenzi Stadt Halle u RPL Lochau, iċċitata iktar ’il fuq (punt 49); tal-10 ta’ Novembru 2005, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑29/04, Ġabra p. I‑9705, punt 46); tas-6 ta’ April 2006, ANAV (C-410/04, Ġabra p. I‑3303, punt 31); tat-8 ta’ April 2008, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑337/05, Ġabra p. I‑2173, punt 38); Coditel Brabant, iċċitati iktar ’il fuq (punt 30); Sea, iċċitata iktar ’il fuq (punt 46); tal-15 ta’ Ottubru 2009, Acoset (C-196/08, Ġabra p. I‑9913, punt 53); u tat-22 ta’ Diċembru 2101, Mehiläinen u Terveystalo Healthcare (C-215/09, Ġabra p. I‑13749, punt 32).


14 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Sea, iċċitata iktar ’il fuq (punt 41). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Stix-Hackl fil-kawża Stadt Halle u RPL Lochau, iċċitati iċċitata iktar ’il fuq.


15 – Minbarra s-sentenza Sea ċċitata fin-nota tal-qiegħ il-paġna preċedenti, ara wkoll, inter alia, is-sentenzi ANAV, iċċitata iktar ’il fuq (pereżempju, il-punt 33), u Econord, iċċitata iktar ’il fuq (pereżempju, il-punti 29 u 32).


16 – F’dan ir-rigward, ara f’iktar dettall il-konklużjonijiet reċenti tiegħi fil-kawża Datenlotsen Informationssysteme, iċċitata iktar ’il fuq (punt 41, fejn hemm referenzi fit-tul għall-ġurisprudenza).


17 – Ara s-sentenzi tad-29 ta’ Novembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-119/06, Ġabra p. I‑0168, punti 37 u 41), u tat-23 ta’ Diċembru 2009, CoNISMa (C‑305/08, Ġabra p. I‑12129, punt 45).


18 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi CoNISMa, iċċitata iktar ’il fuq (punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata), u Carbotermo u Consorzio Alisei, iċċitata iktar ’il fuq (punt 58).


19 – Ara, fost l-oħrajn, is-sentenzi Stadt Halle u RPL Lochau, iċċitata iktar ’il fuq (punti 44 u 46); Parking Brixen, iċċitata iktar ’il fuq (punt 63); kif ukoll ANAV, iċċitata iktar ’il fuq (punt 26). F’dan ir-rigward, ara wkoll il-punt 38 tal-konklużjonijiet reċenti tiegħi fil-kawża Datenlotsen Informationssysteme, iċċitata iktar ’il fuq.


20 – Ara s-sentenzi Stadt Halle u RPL Lochau, iċċitata iktar ’il fuq (punt 50), u Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, iċċitata iktar ’il fuq (punt 47).


21 – Sentenza Stadt Halle u RPL Lochau, iċċitata iktar ’il fuq (punt 51).


22 – Dan li jidher, bla ħsara għall-verifiki li għandha tagħmel il-qorti tar-rinviju, li huwa l-każ għall-“Misericórdias” membri ta’ SUCH.


23 – Ara s-sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑119/06, iċċitata iktar ’il fuq, punti 37 u 41), u CoNISMa, iċċitata iktar ’il fuq (punt 45).


24 – Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat f’dan ir-rigward li l-aħħar verżjoni tal-proposta għal direttiva tal-Parlament u tal-Kunsill dwar il-kuntratti pubbliċi (Dokument tal-Kunsill Nru 11745/13), li bħalissa qed jiġi diskuss mill-Kunsill u li l-Kummissjoni rreferiet għalih fis-seduta jipprevedi bħala kundizzjoni għall-għoti “in house”, l-assenza ta’ sehem privat dirett fil-kapital tal-persuna ġuridika li fuqha l-awtorità kontraenti teżerċita kontroll analogu, madankollu bl-eċċezzjoni ta’ ishma mhux ta’ kontroll u mhux ta’ bblokkar legalment vinkolanti li ma jippermettux l-eżerċizzju ta’ influwenza deċiżiva fuq din il-persuna ġuridika. Ma huwiex eskluż li, fil-każ li din id-dispożizzjoni tinżamm fil-verżjoni finali tad-direttiva l-ġdida, din id-dispożizzjoni tista’ twassal, f’ċerti każijiet speċifiċi, għal interpretazzjoni differenti minn dik ibbażata fuq l-istat attwali tad-dritt.


25 – Minn din il-perspettiva, jista’ jiġi rrilevat, pereżempju, li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri fir-rigward tal-organizzazzjoni tas-sistema tagħhom ta’ għajnuna soċjali billi rrikonoxxiet il-possibbiltà li jiġu ammessi operaturi privati f’din is-sistema bil-kundizzjoni li dawn tal-aħħar ma jkollhomx skop ta’ lukru. Ara s-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 1997, Sodemare et (C-70/95, Ġabra p. I‑3395, punt 32).


26 – Ara wkoll, f’dan ir-rigward, il-premessa 46 tad-Direttiva.


27 – Ara f’dan is-sens is-sentenza Sea, iċċitata iktar ’il fuq (punti 49 sa 51).


28Ibidem, punt 53.


29 – Ara l-punt 9 iktar ’il fuq.


30 – Bħal fil-każ tad-dispożizzjoni statutorja msemmija fit-tielet domanda preliminari, jiġifieri l-Artikolu 3 tal-Istatut ta’ SUCH.


31 – Bħal fil-każ tad-dispożizzjoni statutorja msemmija fit-tieni domanda preliminari, jiġifieri l-Artikolu 7(2) tal-Istatuti ta’ SUCH.


32 – Ara s-sentenza Sea, iċċitata iktar ’il fuq (punt 89); f’dan l-istess sens, ara wkoll Coditel Brabant, iċċitata iktar ’il fuq (punt 34); iżda ara wkoll is-sentenza Parking Brixen, iċċitata iktar ’il fuq (punt 69).


33 – Iżda fejn ma jkunx hemm sehem ta’ interessi privati fl-offerent rebbieħ.


34 – Ara Carbotermo u Consorzio Alisei, iċċitata iktar ’il fuq (punti 60 u 61).


35Ibidem, punti 62 u 63 (korsiv miżjud minni).


36Ibidem, punti 70 u 71.


37 – Iċċitata iktar ’il fuq.


38Ibidem, punt 63.


39 – Fil-fatt, jeħtieġ jiġi rrilevat li, fl-aħħar verżjoni tal-proposta għal direttiva tal-Parlament u l-Kunsill dwar il-kuntratti pubbliċi, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24 iktar ’il fuq, hemm stabbilit espressament li l-eċċezzjoni “in house” tista’ tapplika bil-kundizzjoni li iktar minn 80 % tal-attivitajiet tal-offerent rebbieħ inkwistjoni titwettaq favur awtorità jew awtoritajiet kontraenti li jikkontrollawh [ara l-Artikolu 11(1)(b)]. Jidher evidenti li, fil-każ li dan il-limitu jiġi kkonfermat fid-direttiva, dan jirrifletti għażla tal-leġiżlatur li jibdel l-istat tad-dritt fil-futur. Iżda dan ma għandu, fil-fehma tiegħi, l-ebda rwol fl-interpretazzjoni tad-dritt kif inhu fis-seħħ attwalment.


40 – Ara n-noti ta’ qiegħ il-paġna 24 u 38 iktar ’il fuq.