Language of document : ECLI:EU:T:2006:253

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tieni Awla Estiża)

13 ta' Settembru 2006(*)

"Għajnuna mogħtija mill-Istat – Taxxa ambjentali fuq il-granulat fir-Renju Unit – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet – Rikors għal annullament – Ammissibbiltà – Persuna individwalment ikkonċernata – Natura selettiva – Obbligu ta’ motivazzjoni – Eżami diliġenti u imparzjali"

Fil-kawża T-210/02,

British Aggregates Association, stabbilita f’Lanark (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn C. Pouncey, solicitor, u L. Van Den Hende, Avukat,

rikorrenti

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn J. Flett u S. Meany, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta

sostnuta minn

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta’ l-Irlanda ta’ Fuq, inizjalment irrappreżentat minn P. Ormond, wara, minn T. Harris u R. Caudwell, bħala aġenti, assistiti inizjalment minn J. Stratford u M. Hall, barristers, wara, minn M. Hall,

intervenjent

li għandha bħala suġġett talba għal annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2002) 1478 finali, ta’ l-24 ta’ April 2002, dwar il-każ ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat Nru 863/01 – ir-Renju Unit/Taxxa fuq il-granulat,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla Estiża),

komposta minn J. Pirrung, President, A. W. H. Meij, N. J. Forwood, I. Pelikánová u S. Papasavvas, Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Diċembru 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Fuq il-fatti li wasslu għal-kawża

1        British Aggregates Association hija assoċjazzjoni li tiġbor impriżi indipendenti żgħar li jaħdmu f’barrieri fir-Renju Unit. Hija tinkludi 55 membru li jaħdmu f’aktar minn 100 barriera.

2        Il-granulat huwa materjal granuluż, kimikament inerti, użat fis-settur tal-bini u tax-xogħlijiet pubbliċi. Huwa jista’ jiġi użat per eżempju bħala mili jew saborra, jew taħlit għal ma affarijiet li jgħaqqdu, bħas-siment (li permezz tiegħu jsir il-konkrit) jew l-asfalt. Xi materjal naturalment granuluż bħar-ramel u ż-żrar jistgħu jsiru permezz ta’ għarbiel. Materjal ieħor, bħall-blat iebes, għandu jitkisser qabel l-għarbiel. Il-granulat użat għal attivitajiet differenti għandu jissodisfa l-ispeċifikazzjoni korrispondenti, u l-proprjetajiet fiżiċi tal-materjal ta’ oriġini jiddeterminaw jekk huwiex tajjeb għall-attività maħsuba. Għaldaqstant, l-ispeċifikazzjonijiet fil-qasam ta’ mili huma inqas ristretti minn dawk għall-kisi tat-toroq, li min-naħa tagħhom huma inqas ristretti minn dawk għas-superfiċji għal użu intensiv bħall-kisi mill-ġdid tat-toroq jew is-saborra tal-linji tal-ferroviji. Varjetà akbar ta’ materjal tista’ tiġi użata bħala granulat għall-użu fejn ir-restrizzjonijiet huma inqas filwaqt li l-materjal li jirrispondi għar-restrizzjonijiet akbar jinsab f’inqas kwantità.

 Il-Finance Act 2001

3        L-Artikoli 16 sa 49 tat-tieni parti tal-Finance Act 2001 (liġi tal-finanzi għas-sena 2001, iktar ‘il quddiem il-"liġi") u l-Annessi tagħha 4 sa 10 jistabbilixxu taxxa li tissejjaħ Aggregates Levy fuq il-granulat, iktar ‘il quddiem l-"AGL" (jew it-"taxxa") fir-Renju Unit.

4        Id-dispożizzjonijiet li jipprovdu l-istabbliment ta’ l-AGL daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ April 2002, skond ir-regolament ta’ implementazzjoni tal-liġi.

5        Il-liġi ġiet emendata permezz ta’ l-Artikoli 129 sa 133 u ta’ l-anness 38 tal-Finance Act 2002 (liġi dwar il-finanzi għas-sena 2002). Id-dispożizzjonijiet kif emendati jipprovdu eżenzjonijiet favur skart (spoils) li jirriżulta mill-estrazzjoni ta’ ċerti minerali, b’mod partikolari l-lavanja, is-skistu, it-tafal tal-balla u l-kaolina. Barra minn hekk, huma żiedu perijodu tranżitorju għall-introduzzjoni tat-taxxa fl-Irlanda ta’ Fuq.

6        L-AGL hija applikata bir-rata’ ta’ 1.60 lira sterlina (GBP) għal kull tunnellata ta’ granulat li jkun is-suġġett ta’ użu kummerċjali (Artikolu 16(4) tal-liġi).

7        L-Artikolu 16(2) tal-liġi kif emendata jgħid li l-AGL hija dovuta meta kwantità ta’ granulat taxxabbli hija suġġetta għal użu kummerċjali fir-Renju Unit sa mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-liġi. Għaldaqstant hija tikkonċerna l-granulat kollu importat kif ukoll dak estratt fir-Renju Unit.

8        L-Artikolu 13(2)(a) tar-regolament ta’ implementazzjoni jippermetti lil minn jaħdem f’dan is-settur li jibbenefika minn eżenzjoni mit-taxxa meta l-granulat taxxabbli jiġi esportat jew ittrasportat barra mir-Renju Unit mingħajr ma jirċievi trattament ieħor.

9        L-Artikolu 17(1) tal-liġi kif emendata jipprovdi:

"F’din il-parti, ‘granulat’ ifisser (bla ħsara għall-Artikolu 18 iktar ‘l isfel) il-blat, iż-żrar jew ir-ramel, kif ukoll is-sustanzi kollha li huma provviżorjament inkorporati jew naturalment imħallta miegħu."

10      L-Artikolu 17(2) tal-liġi jipprovdi li granulat mhuwiex taxxabbli f’erba’ każijiet: jekk huwa espressament eżentat; jekk kien użat qabel għal skopijiet ta’ bini; jekk kien diġà suġġett għal taxxa fuq il-granulat, jew jekk, fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-liġi, ma jinsabx fuq il-post ta’ oriġini tiegħu.

11      L-Artikolu 17(3) u (4) tal-liġi kif emendata jipprovdi xi każijiet ta’ eżenzjoni mit-taxxa.

12      Barra minn hekk, l-Artikolu 18(1), (2) u (3) tal-liġi kif emendata jiddeskrivi l-proċessi eżentati mit-taxxa u s-sustanzi kkonċernati minn din l-eżenzjoni.

 Il-Proċedura amministrattiva kontenzjuża quddiem il-qorti nazzjonali

13      Permezz ta’ ittra ta’ l-24 ta’ Settembru 2001, il-Kummissjoni rċeviet ilment (iktar ‘il quddiem l-"ewwel ilment"), mingħand żewġ impriżi li ma kellhom ebda konnessjoni mar-rikorrenti u li talbu li l-identità tagħhom tinżamm mill-Istat Membru kkonċernat, skond l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 659/199 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [88] tat-Trattat tal-KE (ĠU L 83, p. 1). Il-persuni li għamlu l-ilment fis-sustanza osservaw li kienu jikkostitwixxu għajnuna mogħtija mill-Istat l-esklużjoni ta’ xi materjal mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-AGL, l-eżenzjoni ta’ l-esportazzjonijiet u d-derogi li jikkonċernaw l-Irlanda ta’ Fuq.

14      Permezz ta’ ittra ta’ l-20 ta’ Novembru 2001, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta’ l-Irlanda ta’ Fuq innotifika lill-Kummissjoni bl-għajnuna mogħtija mill-Istat intitolata "Introduzzjoni permezz ta’ fażijiet tat-taxxa fuq il-granulat fl-Irlanda ta’ Fuq".

15      Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Frar 2002, il-Kummissjoni kkomunikat sinteżi ta’ l-ewwel ilment lil dan l-Istat Membru, u stiednitu, minn naħa, jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fuq dan l-ilment u, min-naħa l-oħra, jipprovdi informazzjoni addizzjonali fuq l-AGL, li huwa għamel permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Frar 2002.

16      Fil-11 ta’ Frar 2002, ir-rikorrenti ressqet rikors kontra l-AGL quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division [Qorti tal-Ġustizzja Għolja (Inghilterra u Wales), diviżjoni ta’ l-Imħallef Irjali, ir-Renju Unit]. Hija invokat b’mod partikolari l-ksur tar-regoli Komunitarji fil-qasam ta’ l-għajnuna mogħtija mill-Istat. Permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ April 2002, il-High Court of Justice ċaħdet ir-rikors filwaqt li awtorizzat lir-rikorrenti tressaq appell quddiem il-Court of Appeal (England & Wales) [qorti ta’ l-appell (Inghilterra u Wales), ir-Renju Unit]. Peress li din effettivament ippreżentat appell, il-Court of Appeal ordnat is-sospensjoni tal-proċedura, fir-rigward ta’ l-introduzzjoni ta’ dan ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

17      Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ April 2002, ir-rikorrenti kienet sadanittant ippreżentat ilment mal-Kummissjoni, fir-rigward ta’ l-AGL (iktar ‘il quddiem l-"ilment tar-rikorrenti"). Hija fis-sustanza ssostni li l-esklużjoni ta’ xi materjal mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-AGL kif ukoll l-eżenzjoni ta’ l-esportazzjonijiet kien jikkostitwixxi għajnuna mogħtija mill-Istat. Fir-rigward tad-derogi li jikkonċernaw l-Irlanda ta’ Fuq, innotifikati mill-awtoritajiet tar-Renju Unit, dawn huma inkompatibbli mas-suq komuni.

 Id-deċiżjoni kkontestata

18      Fl-24 ta’ April 2002, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fir-rigward ta’ l-AGL (iktar ‘il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata").

19      Fit-2 ta’Mejju 2002, id-deċiżjoni kkontestata ġiet ikkomunikata lir-rikorrenti mill-awtoritajiet tar-Renju Unit. Din kienet ġiet formalment innotifikata lilha mill-Kummissjoni permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Ġunju 2002.

20      Fid-Deċiżjoni tagħha (premessa 43), il-Kummissjoni tqis li t-taxxa ma tinkludix element ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat skond l-Artikolu 87(1) KE, safejn il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha tiġġustifika ruħha bil-loġika u n-natura tas-sistema fiskali. Barra minn hekk, hija tqis li l-eżenzjoni mogħtija lill-Irlanda ta’ Fuq, li kienet ġiet innotifikata lill-Kummissjoni, hija kumpatibbli mas-suq komuni.

21      Filwaqt li tiddeskrivi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-AGL, il-Kummissjoni ssostni, fis-sustanza, li din it-taxxa ser tiġi imposta fuq il-granulat pur, "iddefinit bħala granulat prodott minn riżervi naturali ta’ minerali li jkunu parti mill-ewwel estrazzjoni", u komposti "minn biċċiet ta’ blat, ramel u żrar li jistgħu jiġu użati fl-istat naturali tagħhom jew wara trattament mekkaniku bħat-tkissir, il-ħasil u t-tkejjil"(premessi 8 u 9). Fir-rigward tal-materjal eskluż u l-għanijiet mixtieqa, hija tindika fil-premessi 11 sa 13 tad-deċiżjoni kkontestata:

"L-AGL mhux ser tiġi imposta fuq materjal li huwa sekondarju jew fuq skart ta’ proċessi oħra. Skond l-awtoritajiet Brittanniċi, fost dan il-materjali hemm l-iskart tas-skistu u tal-kaolina, materjal mormi minn mineral grezz wara li jissaffa, irmied, gagazza minn fran sħan, l-skart tal-ħġieġ, u l-gomma. Bl-istess mod, hija ma teffettwax il-granulat irriċiklat, kategorija li fiha jidħlu l-blat, ir-ramel u ż-żrar li kienu ġew użati ta’ l-anqas darba (ġeneralment fis-settur tal-bini u tax-xogħlijiet pubbliċi).

Skond l-awtoritajiet Brittanniċi, l-esklużjoni ta’ tali materjal mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-AGL hija intiża sabiex tinkoraġġixxi l-użu tiegħu in kwantu materjal ta’ kostruzzjoni u sabiex titnaqqas l-estrazzjoni eċċessiva tal-granulat pur, u għaldaqstant tiġi inkoraġġata ġestjoni razzjonali tar-riżorsi.

L-istimi inizjali ta’ l-awtoritajiet Brittanniċi jerrħu fuq l-ipoteżi li l-AGL ser tippermetti li jitnaqqas il-volum tat-talba tal-granulat pur għal 20 miljun tunnellata kull sena bħala medja, sabiex tirrapporta talba annwali fir-Renju Unit minn 230 sa 250 miljun tunnellata."

22      Għal dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni relattiva fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-AGL, id-Deċiżjoni kkontestata tipprovdi fil-premessi 29 u 31:

"Il-Kummissjoni tirrileva li l-AGL ser tolqot biss l-użu kummerċjali tal-blat, tar-ramel u ż-żrar użat in kwantu granulat. Hija mhux ser tolqot dan il-materjal jekk jintuża għal skopijiet oħra. L-AGL ser tiġi imposta biss fuq il-granulat pur. Hija mhux ser tiġi intaxxata fuq il-granulat estratt in kwantu prodott sekondarju jew skart ta’ proċessi oħra (granulat sekondarju) lanqas fuq il-granulat irriċiklat. Konsegwentement, il-Kummissjoni tqis li l-AGL tikkonċerna biss xi setturi ta’ attività u xi impriżi. B’hekk hija tinnota li għandu jiġi evalwat jekk il-kamp ta’ evalwazzjoni ta’ l-AGL jiġġustifika ruħu bil-loġika u l-ekonomija tas-sistema fiskali.

[...] [I]r-Renju Unit, fil-kuntest ta’ l-eżerċizzju tal-libertà tiegħu li jiddetermina s-sistema fiskali nazzjonali tiegħu, stabbilixxa l-AGL b’mod li jimmassimizza r-rikors għal granulat irriċiklat jew għal prodotti ta’ sostituzzjoni oħra fir-rigward tal-granulat pur u sabiex jippromwovi użu razzjonali tal-granulat pur, riżors naturali li ma jerġax jiġġedded. It-theddida fuq l-ambjent li l-estrazzjoni tal-granultat jirrappreżenta, li r-Renju Unit jixtieq jillimita permezz ta’ l-AGL jinkludi fastidju minħabba l-istorbju, it-trabijiet, it-theddida għall-biodiversità u d-degradazzjonijiet viżivi".

23      Il-Kummissjoni ddeduċiet minn dan, fil-premessa 32, li ""l-AGL hija taxxa speċifika, fejn il-kamp ta’ applikazzjoni huwa limitat ħafna, iddefinit mill-Istat Membru in funzjoni tal-karatteristiċi proprji tas-settur ta’ attività kkonċernata"" u li ""[l]-istruttura u l-portata tat-taxxa jirriflettu d-distinzjoni ċara bejn l-estrazzjoni ta’ granulat pur, li jkollu konsegwenzi mhux mixtieqa għall-ambjent, u l-produzzjoni ta’ granulat sekondarju jew irriċiklat li jirrappreżenta kontribuzzjoni importanti għat-trattament tal-blat, żrar u ramel li jirriżulta mit-tħaffir, minn xogħlijiet oħra jew minn trattamenti effettwati legalment f’attivitajiet differenti"".

24      Fir-rigward ta’ l-eżenzjoni tal-granulat esportat mingħajr ma jkkun għadda minn tibdil fuq it-territorju tar-Renju Unit, id-deċiżjoni kkontestata tipprovdi fil-premessa 33:

""[...] tali soluzzjoni tiġġustifika ruħha mill-fatt li l-granulat jista’ jiġi eżentat fir-Renju Unit jekk jiġi użat fi proċessi ta’ fabbrikazzjoni eżentati (eżempju, il-fabbrikazzjoni tal-ħġieġ, tal-plastik, tal-karta, tal-fertilizzanti u tal-pestiċidi). Peress illi l-awtoritajiet Brittanniċi ma jistgħux jeżerċitaw kontoll fuq l-użu tal-granulat barra t-territorju tagħhom, l-eżenzjoni ta’ l-esportazzjonijiet hija imposta għaċ-ċertezza legali ta’ l-esportaturi tal-granulat u sabiex tevita trattament mhux ugwali ta’ l-esportaturi tal-granulat li jistgħu fil-każ kuntrarju jibbenefikaw minn eżenzjoni ġewwa r-Renju Unit"".

25      Il-Kummissjoni tikkonkludi fil-premessa 34:

"L-impożizzjoni ta’ taxxa fuq l-estrazzjoni ta’ granulat pur ser tikkontribwixxi għat-tnaqqis ta’ l-estrazzjoni ta’ granulat primarju, it-tnaqqis ta’ l-użu ta’ riżorsi li ma jerġgħux jiġġeddu u l-konsegwenzi dannużi għall-ambjent. B’hekk il-Kummissjoni hija ta’ l-opinjoni li l-vantaġġi li jistgħu jiżviluppaw għall-benefiċċju ta’ xi impriżi għar-raġuni tad-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-AGL huma ġġustifikati minħabba n-natura u l-ekonomija ġenerali tas-sistema fiskali""

 Fuq il-Proċedura

26      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-12 ta’ Lulju 2002, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors.

27      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-istess ġurnata, ir-rikorrenti talbet li l-kawża tinqata' skond il-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 76a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Fit-30 ta’ Lulju 2002, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet din it-talba.

28      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fid-29 ta’ Ottubru 2002, l-awtoritajiet tar-Renju Unit talbu sabiex jintervjenu f’din il-proċedura in sostenn tat-talbiet tal-konvenuta. Permezz ta’ digriet tat-28 ta’ Novembru 2002, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza laqa’ dan l-intervent. L-intervenjent ippreżenta n-nota tiegħu u l-partijiet l-oħra ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwarha fit-terminu ta’ żmien mogħti.

29      Fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tieni Awla Estiża) ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali mingħajr ma tipproċedi għal miżuri istruttorji preliminari. Il-partijiet irrispondew għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza u ppreżentaw id-dokumenti mitluba, fit-terminu ta’ żmien mogħti.

30      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu waqt is-seduta tat-13 ta’ Diċembru 2005.

 Fuq it-talbiet tal-partijiet

31      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata, minbarra fejn teżamina l-eżenzjoni mogħtija għall-Irlanda ta’ Fuq;

–        tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

32      Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jitolbu lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew infondat;

–        tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Fuq l-ammissibbiltà

 L-argumenti tal-partijiet

33      Mingħajr ma tqajjem l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà formali, il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà tar-rikors. Hija ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ma tikkonċernax lir-rikorrenti individwalment, skond ir-raba’ inċiż ta’ l-Artikolu 230 KE.

34      Il-Kummissjoni ssostni li deċiżjoni, bħad-deċiżjoni kkontestata, li tapprova sistema ta’ għajnuna, tikkostitwixxi att normativ ta’ portata ġenerali. Skond il-kriterju klassiku tal-konnessjoni individwali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill, C-50/00P, Ġabra p. I-6677), ir-rikorrenti b’hekk mhijiex individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fil-bidu tal-proċedura preliminari ta’ eżami stabbilita permezz ta’ l-Artikolu 88(3) KE.

35      B’mod partikolari, ir-rikorrenti ma kinitx uriet li ta’ l-anqas wieħed mill-membri tagħha kien individwalment ikkonċernat mid-deċiżjoni kkontestata.

36      Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni tosserva li meta hija tiddeċiedi, bħal f’dan il-każ, li ma tiftaħx il-proċedura formali ta’ eżami, – sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ konnessjoni individwali – għandu jintwera li s-sitwazzjoni kompetittiva ta’ membru tar-rikorrenti hija affettwata mill-għajnuna in kwistjoni. Hija tibbaża ruħha fuq is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Ġunju 1996, Kahn Scheepvaart vs Il-Kummissjoni (T-398/94, Ġabra p. II-477, punti 43 u 50); tas-16 ta’ Settembru 1998, Waterleiding Maatschappij vs Il-Kummissjoni (T-188/95, Ġabra p. II-3713, punti 60 sa 65), u tal-21 ta’ Marzu 2001, Hamburger Hafen- und Lagerhaus et vs Il-Kummissjoni (T-69/96, Ġabra p. II-1037, punt 41).

37      Fil-kontroreplika, il-Kummissjoni tqis b’mod definittiv li l-kriterju applikabbli, għall-iskop ta’ l-evalwazzjoni tal-konnessjoni individwali, huwa dak ta’ l-impatt sostanzjali tal-pożizzjoni kompetittiva tar-rikorrenti, fil-każ ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet bħal f’dan il-każ ta’ deċiżjoni finali adottata mal-bidu tal-proċedura formali ta’ eżami (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Jannar 1986, COFAZ et vs Il-Kummissjoni, 169/84, Ġabra p. 391).

38      Il-Kummissjoni ssostni f’dan ir-rigward li, fis-sentenzi tagħha Waterleiding Maatschappij vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, u tal-5 ta’ Diċembru 2002, Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum vs Il-Kummissjoni (T-114/00, Ġabra p. II-5121), il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet żball meta kkunsidrat li s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Mejju 1993, Cook vs Il-Kummissjoni (C-198/91, Ġabra p. I-2487), u tal-15 ta’ Ġunju 1993, Matra vs Il-Kummissjoni (C-225/91, Ġabra p. I-3203), kienu applikaw kriterju doppju, li fih id-deċiżjoni kienet ġiet adottata fil-bidu tal-proċedura preliminari ta’ eżami jew fil-bidu tal-proċedura formali ta’ eżami. Mitluba matul is-seduta sabiex tieħu pożizzjoni fuq il-portata tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Diċembru 2005, Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum (C-78/03 P. li għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġabra), il-Kummissjoni osservat li din is-sentenza, fid-dawl tal-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali M. Jacobs, ikkonfermat il-kriterju ta’ l-impatt sostanzjali tal-pożizzjoni kompetittiva tar-rikorrenti mis-sistema ta’ għajnuna kkunsidrata.

39      F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma kinitx ipprovdiet, fir-rikors, informazzjoni preċiża fuq ta’ l-anqas wieħed mill-membri tagħha, b’tali mod li ma kienx possibbli li jiġi stabblilit li ta’ l-anqas wieħed fosthom għandu l-kompetenza sabiex jaġixxi.

40      Il-Kummissjoni żżid tgħid li l-elementi ġodda ta’ fatt li jikkonċernaw erba’ membri tar-rikorrenti, mressqa biss fl-istadju tar-replika, huma inammissibbli.

41      F’kull każ, dawn l-elementi ta’ fatt ġodda ma kienux ippermettew li jiġi kkunsidrat li s-sitwazzjoni kompetittiva ta’ l-impriżi kkonċernati kienet sostanzjalment milquta mid-deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni tallega f’dan ir-rigward li l-ammonti indikati mir-rikorrenti juru li l-aktar parti importanti ta’ l-attività taż-żewġ membri tar-rikorrenti, Torrington Stone Ltd u Cloburn Quarry Co. Ltd ma kienux suġġetti għat-taxxa. Minbarra dan, mhuwiex biżżejjed li impriża tiġi obbligata li tarmi parti mill-materjal sekondarju tagħha bħala skart.

42      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li, anki jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet li r-rikorrenti għandha l-kompetenza taġixxi, fir-rigard tal-fatt li d-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet adottata fil-bidu tal-proċedura preliminari ta’ eżami, l-uniku mezz ta’ annullament ammissibbli huwa dak rigward in-nuqqas ta’ ftuħ tal-proċedura formali ta’ eżami. Fil-fatt, din it-tip ta’ irregolarità tista’ tiġi rrimedjata billi tinfetaħ il-proċedura formali. Madankollu r-rikorrenti ma kellhiex il-kompetenza taġixxi kontra d-deċiżjoni finali.

43      Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikkonċernaha direttament u individwalment, fir-rigward kemm tal-kompetenza sabiex jaġixxu tal-membri tagħha kif ukoll fir-rwol tagħha ta’ persuna li għamlet l-ilment. Fil-fatt, wieħed mill-prinċipji oġġettivi ta’ l-AGL, li huwa intiż b’mod partikolari sabiex jinkoraġġixxi l-użu tal-granulat irriċiklat u sostituti oħra għall-materjali intaxxat – huwa li jaffettwa l-istruttura tas-suq. Għaldaqstant din it-taxxa kellha impatt negattiv fuq il-pożizzjoni kompetittiva tal-membri kollha tar-rikorrenti, li jirriproduċu l-materjal kollu suġġett għall-AGL kollu. Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti, sabiex tispjega, uriet is-sitwazzjoni kompetittiva ta’ bosta fosthom.

44      Ir-rikorrenti żżid tgħid lil d-distinzjoni effettwata mill-Kummissjoni, rigward l-ammissibbiltà tal-metodi differenti, hija artifiċjali. Fil-fatt, skond ir-rikorrenti, jekk rikorrent juri li l-Kummissjoni għamlet żball manifest ta’ evalwazzjoni, dan neċessarjament jimplika li hija ltaqgħet ma’ diffikultajiet meta mponiet il-ftuħ tal-proċedura formali ta’ eżami.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

45      Skond il-ġurisprudenza, is-suġġetti l-oħra minbarra d-destinatarji ta’ deċiżjoni ma jistgħux jallegaw li huma individwalment ikkonċernati ħlief jekk din id-deċiżjoni taffettwhom għar-raġuni ta’ ċerti karatteristiċi li huma partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom fir-rigward ta’ kull persuna oħra u, minħabba dan il-fatt, tindividwalizzahom b’mod analogu bħal ma jkun id-destinatarju ta’ tali deċiżjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni, 25/62, Ġabra p. 197, 223; Cook vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 20; Matra vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 14, u, fl-aħħar lok, il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentun, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 33).

46      F’dan il-każ, iċ-ċirkustanza, invokata mill-assoċjazzjoni rikorrenti, li hija ppreżentat ilment rigward l-AGL mal-Kummissjoni u esprimiet ix-xewqa li tintervjeni fil-proċedura bħala parti interessata skond l-Artikolu 88(2) KE mhuwiex biżżejjed sabiex jagħtiha kompetenza taxiġġi li huwa proprju għaliha kontra d-deċiżjoni kkontestata li ma tiftaħx il-proċedura formali ta’ eżami. B’mod partikolari, il-fatt li l-ilment tar-rikorrenti, kif ukoll l-ewwel ilment, ippreżentat minn impriżi terzi, kien wassal lill-Kummissjoni teżamina l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-AGL fid-deċiżjoni kkontestata, ma jippermettix li r-rikorrenti tiġi kkunsidrata bħala negozjatur fejn il-pożizzjoni kienet ġiet affettwata minn din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, iċċitata iktar ‘il fuq, punti 56 u 57).

47      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ġustament tfakkar li huwa ammissibbli r-rikors ippreżentat minn assoċjazzjoni rigward il-lok u l-pożizzjoni ta’ wieħed jew bosta mill-membri tagħha li kienu setgħu huma stess jippreżentaw rikors ammissibbli (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Lulju 1995, AITEC et vs Il-Kummissjoni, T-447/93 sa T-449/93, Ġabra p. II-1971, punt 60, u tat-22 ta’ Ottubru 1996, Skibsværftsforeningen et vs Il-Kummissjoni, T-266/94, Ġabra p. II-1399, punt 50).

48      Għaldaqstant il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha tivverifika jekk, f’dan il-każ, il-membri tar-rikorrenti, jew ta’ l-anqas uħud fosthom, setgħux jiġu kkunsidrati bħala individwalment ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata.

49      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kontroll ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat prevista fl-Artikolu 88 KE, għandha ssir distinzjoni, minn naħa, bejn il-fażi preliminari ta’ eżami ta’ l-għajnuna stabbilita mill-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, li għandha biss bħala skop li tippermetti lill-Kummissjoni li tifforma l-ewwel opinjoni fuq il-kompatibbiltà parzjali jew totali ta’ l-għajnuna in kwistjoni u, min-naħa l-oħra, il-fażi ta’ eżami msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-istess Artikolu. Huwa biss fil-kuntest ta’ din ta’ l-aħħar, li hija ddestinata tippermetti lill-Kummissjoni li jkollha informazzjoni kompluta fuq l-informazzjoni tal-kawża kollha, li t-Trattat KE jipprovdi l-obbligu, għall-Kummissjoni, li tagħti intimazzjoni lill-persuni interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Cook vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 22; Matra vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 16; tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C-367/95 P, Ġabra p. I-1719, punt 38, u Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, iċċtata iktar ‘il fuq, punt 34).

50      Meta, mingħajr ma tiftaħ il-proċedura formali ta’ eżami prevista fl-Artikolu 88(2) KE, il-Kummissjoni tikkonstata, permezz ta’ deċiżjoni meħuda fuq il-bażi tal-paragrafu 3 ta’ dan l-istess Artikolu, li għajnuna hija kumpatibbli mas-suq komuni, il-benefiċjarji ta’ dawn il-garanziji ta’ proċedura previsti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu ma jistgħux jassiguraw l-osservanza lejha ħlief jekk huma għandhom il-possibbiltà li jikkontestaw din id-deċiżjoni quddiem il-qorti Komunitarja (sentenzi Cook vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 23; Matra vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 17, u Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 40).

51      Għal dawn il-motivi, hija tiddikjara ammissibbli rikors intiż għall-annullament ta’ deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 88(3) KE, ippreżentat minn parti interessata skond l-Artikolu 88(2) KE, meta l-għan ta’ l-awtur ta’ dan ir-rikors, permezz tal-preżentata tagħha, huwa li jissalvagwardja d-drittijiet proċedurali li huwa jieħu minn din l-aħħar dispożizzjoni (sentenza Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 35).

52      Madankollu, il-partijiet interessati, skond l-Artikolu 88(2) KE, li jistgħu għaldaqstant, skond ir-raba’ inċiż ta’ l-Artikolu 230, jippreżentaw rikors għal annullament, huma persuni, impriżi jew assoċjazzjonijiet eventalment affettwati fl-interessi tagħhom mill-għoti ta’ għajnuna, jiġifieri b’mod partikolari l-impriżi kompetituri tal-benefiċjarji ta’ din l-għajnuna u l-organizzazzjonijiet professjonali (sentenza Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 41).

53      Min-naħa l-oħra, jekk ir-rikorrenti tikkontesta l-fondatezza tad-deċiżjoni ta’ evalwazzjoni ta’ l-għajnuna in kwantu tali, is-sempliċi fatt li tista’ tiġi kkunsidrata bħala parti interessata fis-sens ta' l-Artikolu 88(2) KE ma jistax ikun biżżejjed sabiex tammetti l-ammissibbiltà tar-rikors. Hija għandha allura turi li għandha status partikolari skond il-ġurisprudenza Plaumann vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq. Dan ikun partikolarment il-każ jekk il-pożizzjoni tar-rikorrenti fis-suq kienet sostanzjalment affettwata mill-għajnuna li kienet is-suġġett tad-deċiżjoni in kwistjoni (sentenza Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 37).

54      Permezz ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti ma tikkuntentax ruħha li tikkontesta r-rifjut tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura formali ta’ eżami, imma hija tikkontesta wkoll il-mertu tad-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk hija indikatx b’mod rilevanti r-raġunijiet li għalihom l-AGL tista’ tolqot sostanzjalment il-pożizzjoni ta’ almenu wieħed mill-membri tagħha fis-suq tal-granulat.

55      F’dan il-każ, għal dak li jikkonċerna, fl-ewwel lok, il-limitu tal-kamp ta’ applikazzjoni materjali ta’ l-AGL, jirriżulta ċar mid-deċiżjoni kkontestata (premessa 12 u 13) li din it-taxxa għandha bħala skop li ċċaqlaq parti mit-talba għal granulat pur lejn prodotti oħra, li huma eżentati sabiex jiġi inkoraġġat l-użu tagħhom in kwantu granulat u sabiex tnaqqas l-estrazzjoni tal-granulat pur. Skond l-istimi ta’ l-awtoritajiet Brittanniċi, meħuda fid-deċiżjoni kkontestati u li mhumiex ikkontestati, din it-taxxa tippermetti li titnaqqas it-talba għal granulat pur għal madwar 8 sa 9% fis-sena, bħala medja.

56      Peress illi l-AGL hija intiża li tbiddel b’mod ġenerali t-tqassim tas-suq bejn il-granulat pur, li huwa taxxabbli, u l-prodotti ta’ sostituzzjoni, li huma eżentati, għandu wkoll jiġi vverifikat jekk hija tistax twassal għal emenda effettiva tas-sitwazzjoni kompetittiva ta’ xi membri tar-rikorrenti.

57      F’dan ir-rigward, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni, il-preċiżjonijiet ipprovduti mir-rikorrenti fir-replika għal dak li jikkonċerna aktar speċifikatament is-sitwazzjoni ta’ xi uħud mill-membri tagħha ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala tardivi skond l-Artikolu 48(1) tar-Regoli tal-Proċedura. Huma fil-fatt jinsabu f’diskussjoni fit-tul bejn il-partijiet. Huma jillimitaw ruħhom sabiex jikkompletaw, bħala risposta għall-argumenti ta’ inammissibbiltà tal-Kummissjoni, l-argument imresaq fir-rikors, li l-AGL kellha impatt negattiv fuq il-pożizzjoni kompetittiva ta’ l-impriżi – bħall-membri tar-rikorrenti – li jqiegħdu fis-suq materjal suġġett għat-taxxa. F’kull każ, peress li l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tar-rikors jistgħu jiġu eżaminati f’kull mument ex officio mill-qorti Komunitarja, xejn ma jipprekludi li hija tikkunsidra l-indikazzjonijiet addizzjonali pprovduti fir-replika.

58      Madankollu, skond dawn l-indikazzjonijiet addizzjonali pprovduti fir-replika, u fejn barra minn hekk l-eżattezza mhijiex ikkontestata la mill-Kummissjoni la mill-intervenjenti, xi membri tar-rikorrenti, b’mod partikolari Torrington Stone, Sherburn Stone Co. Ltd u Cloburn Quarry, jinsabu f’kompetizzjoni diretta ma’ produtturi ta’ materjal eżentat, li sar kompetittiv permezz ta’ l-istabbiliment ta’ l-AGL.

59      B’mod partikolari, ir-rikorrenti indikat li Torrington Stone, li topera ġo barriera f’Devon, kienet tipproduċi l-ġebla tal-bini mhux maqtugħ u l-ġebla tas-superfiċji, mibjugħa bħala medja [...] GBP kull tunnellata, mit-tluq mill-barriera, kif ukoll ġebla tal-bini maqtugħa, mibjugħa madwar [...] GBP, mit-tluq mill-barriera. Dawn il-prodotti jirrappreżentaw minn 3 sa 5% tal-volum tal-blat estratt. Il-95% li jibqa’ huwa rrappreżentat minn prodotti derivati jew sekondarji, fl-okkorrenza jikkostitwixxu mili ordinarju (mibjugħ bħala medja [...] GBP kull tunnellata, mit-tluq mill-barriera) u mili mkisser (mibjugħ bħala medja [...] GBP kull tunnellata mit-tluq mill-barriera). Hija biss il-ġebla tal-bini maqtugħa li mhijiex suġġetta għall-AGL. Qabel l-introduzzjoni ta’ din it-taxxa, il-mili kien mibjugħ f’medda ta’ 50 kilometru. Sa minn din l-introduzzjoni, dan jikkompeti f’din iż-żona ma’ materjal derivat li ġej b’mod partikolari mill-barrieri tal-kaolina li jinsabu aktar il-bogħod minn 80 kilometru, li mhumiex suġġetti għall-AGL.

60      Fil-każ ta’ Sherburn Stone li b’mod partikolari taħdem fil-barriera ta’ Barton fil-Yorkshire, ir-rikorrenti ppreċiżat li hija pproduċiet materjal għal speċifikazzjonijiet tekniċi għolja ddestinati għall-prodozzjoni ta’ konkrit ta’ livell għoli. Dawn il-prodotti jirrappreżentaw 50% tal-blat estratt li fih il-prezz ta’ bejgħ medju tela’ għal [...] GBP kull tunnellata, sa mit-tluq mill-barriera, huma suġġetti għall-AGL. Sa minn 50% li jibqa’ mill-blat estratt, Sherburn Stone tipproduċi granulat fin u residwu tat-tafal, użati għall-mili u mibjugħa bħala medja [...] GBP kull tunnellata, mit-tluq mill-barriera. Sa mill-istabbiliment ta’ l-AGL, il-bejgħ ta’ dawn il-prodotti derivati sar aktar u aktar diffiċli u l-istokk tagħhom ma setax jiġi amministrat.

61      Fir-rigward ta’ Cloburn Quarry, li kienet taħdem f’barrieri fl-Iskozja, ir-rikorrenti spjegat li hija kienet iddiriġiet il-produzzjoni tagħha lejn granulat b’kontenut qawwi li seta’ jiflaħ l-ispejjeż ta’ trasport aktar għolja. Dawn il-prodotti kollha kienu suġġetti għall-AGL. Il-frak taż-żrar aħmar u l-granit għal speċifikazzjonijiet tekniċi għolja, prodotti minn din l-impriża u użati b’mod partikolari in kwantu saborra jew fil-konkrit ta’ kwalità għolja u ma’ l-asfalt, jinbiegħu għal prezz medju ta’ [...] GBP kull tunnellata sa mit-tluq mill-barriera, ma jikkompetux ma’ materjal mhux suġġett għat-taxxa, idderivat mill-produzzjoni tal-kaolina u tal-lavanja. Min-naħa l-oħra, il-25% ta’ prodotti derivati estratti mill-barriera ta’ Cloburn Qurarry u li jikkonsistu fuq kollox fi granulat fin, mibjugħa għal prezz medju ta’ [...] GBP kull tunnellata, mit-tluq mill-barriera, sabiex iservu bħala mili, huma f’kompetizzjoni mal-materjal mhux suġġett għat-taxxa.

62      F’dan il-kuntest, iċ-ċirkustanza, invokata mill-Kummissjoni sabiex turi n-nuqqas ta’ impatt fuq is-sitwazzjoni kompetittiva ta’ l-impriżi msemmija iktar ‘il fuq, li l-aktar parti importanti ta’ l-attività tagħhom, bħala fatturat, ma kinitx relatata mal-granulat u għaldaqstant ma kinitx suġġetta għat-taxxa, mhijiex rilevanti, peress illi l-attività ta’ dawn l-impriżi fis-suq tal-granulat mhijiex purament marġinali, fir-rigward ta’ l-attività prinċipali tagħhom. F’kull każ, jirriżulta mill-indikazzjonijiet elenkati iktar ‘il fuq li l-użu kummerċjali tal-prodotti derivati, in kwantu granulat, jirrappreżanta parti relattivament importanti ta’ l-attività ta’ l-impriżi msemmija iktar ‘il fuq.

63      Fid-dawl ta’ l-elementi diversi msemmija iktar ‘il fuq imressqa mir-rikorrenti, għandu jiġi kkunsidrat li hija wriet mhux biss li l-miżura statali in kawża setgħet taffettwa s-sitwazzjoni kompetittiva ta’ xi wħud mill-membri tagħha, li għaldaqstant għandhom il-kompetenza sabiex jikkontestaw id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tiftaħx il-proċedura formali ta’ eżami, imma wkoll li dan l-impatt kellu natura sostanzjali.

64      Minn dan isegwi li l-iskop ta’ l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà opposta mill-Kummissjoni f’dan ir-rikors, li fih huwa intiż l-approvazzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, tal-limitu tal-kamp ta’ applikazzjoni materjali ta’ l-AGL, għandu jiġi miċħud.

65      Għal dak li jikkonċerna, fit-tieni lok, l-eżenzjoni mill-esportazzjonijiet, ir-rikorrenti ssostni li din l-eżenzjoni għandha wkoll impatt negattiv fuq il-pożizzjoni kompetittiva tal-membri tagħha li jesportaw ftit ħafna jew xejn, kuntrarjament għall-kompetituri l-aktar importanti tagħhom fis-suq tar-Renju Unit. Fil-fatt, l-eżenzjoni ta’ l-esportazzjonijiet tagħti lil dawn il-kompetituri, u b’mod partikolari min jaħdem fil-barriera ta’ Glensanda, minn fejn ġej aktar minn 90% tal-granulat esportat, il-vantaġġ li ma jkollhomx telf x’jgħaddu fuq il-prezz tal-prodotti tagħhom imqegħda fis-suq tar-Renju Unit. Il-membri tar-rikorrenti min-naħa l-oħra jkollhom ibiegħu l-granulat intaxxat tagħhom b’telf u jgħaddu t-taxxa fuq il-prodotti kollha tagħhom.

66      L-informazzjoni addizzjonali mressqa mir-rikorrenti, bħala risposta għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, jippermettu li jiġi kkunsidrat li l-pożizzjoni kompetittiva ta’ l-anqas ta’ wieħed mill-membri tar-rikorrenti tista’ tiġi sostanzjalment milquta mill-eżenzjoni ta’ l-esportazzjonijiet, Fil-fatt, ir-rikorrenti tindika, mingħajr barra minn hekk ma tiġi kkontradetta la mill-Kummissjoni la mill-intervenjenti li, fis-suq tal-granit ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi għolja użat b’mod partikolari bħala saborra għal-linji tal-ferroviji (suġġett għall-AGL), Cloburn Qurary kienet tinsab f’relazzjoni ta’ kompetizzjoni diretta mal-barriera ta’ Glensanda, li tinsab, bħal dik maħduma minn Cloburn Quarry, fl-Iskozja. Madankollu, bħala ma r-rikorrenti rrilevat fir-replika tagħha mingħajr ma kienet ġiet kuntradetta mill-partijiet l-oħra, il-barriera ta’ Glensanda tesporta 50% tal-produzzjoni tagħha. Ir-rikorrenti tiddeduċi b’mod rilevanti li l-eżenzjoni ta’ l-esportazzjonijiet tal-materjal tirrispondi għal speċifikazzjonijiet tekniċi minimi għaldaqstant toffri lil-impriża li taħdem f’din il-barriera vantaġġ kompetittiv fis-suq tal-granulat għal speċifikazzjonijiet tekniċi għoja fl-Iskozja, fil-każ fejn – kuntrarjament għal Cloburn Quarry li tbiegħ b’telf il-granulat tagħha għal speċifikazzjonjiet tekniċi minimi lir-Renju Unit u tgħaddi dan it-telf fuq il-prezz tal-materjal bi speċifikazzjonijiet tekniċi għolja – l-ammont totali ta’ l-AGL li l-barriera ta’ Glensanda jkollha tgħaddi fuq il-klijenti tagħha, fis-suq intern, huwa proporzjonalment imnaqqas bin-nofs fir-rigward ta’ l-ammont li kompetitur li ma jesportax jgħaddi.

67      Minn dan isegwi li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà opposta mill-Kummissjoni f’dan ir-rikors, fejn din hija intiża għall-approvazzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ta’ l-eżenzjoni ta’ l-esportazzjonijiet, għandha wkoll tiġi miċħuda.

68      Fid-dawl tal-motivi kollha msemmija qabel, hemm lok li l-argument sussidjarju tal-Kummissjoni għandu wkoll jiġi miċħud, li l-motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ l-obbligu li tiftaħ il-proċedura formali ta’ eżami biss huwa ammissibbli fil-kuntest ta’ rikors intiż għall-annullament ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoin li ma tqajjimx oġġezzjonijiet, fit-tmiem tal-fażi preliminari ta’ eżami ta’ l-għajnuna mogħtija mill-Istat, fir-rigward ta' miżura statali. Fl-okkorrenza, fir-rigward ta’ impatt sostanzjali tas-sitwazzjoni ta’ wħud mill-membri tagħha fis-suq, huwa possibbli għar-rikorrenti li tinvoka kwalunkwe wieħed mill-motivi ta’ illegalità elenkati fit-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 230 KE (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 37).

69      Għaldaqstant ir-rikors għandu jiġi ddikkjarat ammissibbli kollu kemm hu.

 Fuq il-mertu

70      In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka, fl-ewwel lok, il-ksur ta’ l-Artikolu 87(1) KE, fit-tieni lok, in-nuqqas ta’ motivazzjoni, fit-tielet lok, il-ksur mill-Kummissjoni ta’ l-obbligu tagħha li tiftaħ il-proċedura formali ta’ eżami u, fir-raba’ lok, il-ksur minn din l-istituzzjoni ta’ l-obbligi tagħha matul l-eżami preliminari. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li huwa opportun li tiġbor l-ewwel żewġ motivi.

 Fuq il-motivi dwar il-ksur ta’ l-Artikolu 87(1) KE u tan-nuqqas ta’ motivazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

71      Ir-rikorrenti tfakkar primarjament li l-kundizzjoni dwar is-selettività ta’ l-għajuna hija sodisfatta peress li sistema fiskali tissuġġetta operaturi li jsibu ruħhom f’sitwazzjoni komparabbli fir-rigward ta’ l-għanijiet mixtieqa minn din is-sistema, għal trattament differenti, li ma tiġġustifikax ruħha permezz tan-natura jew l-ekonomija ġenerali tas-sistema (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Novembru 2001, Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, C-143/99, Ġabra p. I-8365, punti 41 u 42).

72      B’mod partikolari, fis-sentenza Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, iċċitata iktar ‘il fuq, il-Qorti kienet iddeċidiet li l-eżenzjoni minn ekotaxxa fuq il-konsum enerġetiku permess lil impriżi li fih il-konsum jaqbeż ċertu limitu tinkludi elementi ta’ għajnuna mogħtija mill-Istati, għar-raġuni li din l-eżenzjoni ma kinitx mogħtija ħlief għal impriżi produtturi ta’ proprjetà korporattivi. Ir-rikorrenti tirrileva f’dan ir-rigward li Adria-Wien Pipeline kienet kumpannija li tipprovdi servizzi, li ma kinitx f’kompetizzjoni ma’ l-impriżi li kienu jibbenefikaw mill-eżenzjoni.

73      F’dan il-każ, in-natura ta’ l-AGL bħala ħlas fiskali eċċezzjonali, pjuttost milli vantaġġ fiskali eċċezzjonali, hija purament formali u ma tbiddilx l-analiżi. F’dan ir-rigward, l-argument tal-Kummissjoni, ibbażat fuq l-applikazzjoni settorjali ta’ l-AGL, huwa qrib ħafna ta’ l-analiżi żvilippata mill-Avukat Ġenerali M. Mischo fil-konklużjonjiet tiegħu fis-sentenza Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, iċċitata iktar ‘il fuq (Ġabra p. I-8369). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx aċċettat, fis-sentenza tagħha, l-analiżi ta’ l-Avukat Ġenerali li kkonkludiet favur in-nuqqas ta’ natura selettiva tas-sistema fiskali in kwistjoni għar-raġuni li, fl-ewwel lok, in-non impożizzjoni ma kienx jikkostitwixxi deroga għal regola ġenerali, fit-tieni lok, id-differenza ta’ trattament kien intiż għal setturi differenti u, fit-tielet lok, il-kamp ta’ applikazzjoni tat-taxxa kien ibbażat fuq kriterji oġġettivi.

74      Fl-okkorrenza, il-Kummissjoni kienet għamlet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ddeċidiet li l-limitu tal-kamp ta’ applikazzjoni materjali u geografiku ta’ l-AGL kien iġġustifikat minħabba l-loġika u n-natura ta’ din is-sistema fiskali, b’tali mod li l-AGL mhijiex għajnuna mogħtija mill-Istat skond l-Artikolu 87(1) KE.

75      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tad-distinzjoni bejn il-materjal intaxxat u l-materjal eżantat, ir-rikorrenti l-ewwel nett takkuża lill-Kummissjoni li ma pprovdietx definizzjoni b’mod oġġettiv tas-suq ikkonċernat tal-granulat pur fid-deċiżjoni kkontestata.

76      Sussegwentement ir-rikorrenti tibbaża ruħha prinċipalment fuq id-distinzjoni, fost il-materjal pur, bejn il-materja prima li huwa l-prodott prinċipali estratt minn barriera, u l-materjal sekondarju, li huwa prodott sekondarju ta’ valur żgħir li jirriżulta inevitabbilment mill-estrazzjoni tal-materja prima.

77      Ir-rikorrenti hija ta’ l-opinjoni li l-loġika tas-sistema fiskali in kwistjoni kienet implikat li l-AGL tiġi applikata għall-materja prima użata in kwantu granulat li jista’ jiġi ssostitwit minn prodotti ta’ sostituzzjoni (prodotti sekondarji ta’ barrieri jew mini, prodotti rriċiklati jew materjal ta’ sostituzzjoni ieħor). Min-naħa l-oħra, għandha tiġi eżentata l-materja prima li ma tistax tiġi ssostitwita kif ukoll il-materja sekondarja prodotta matul l-estrazzjoni ta’ tali materja prima. Fil-fatt, it-tassazzjoni ta’ dawn l-aħħar żewġ kategoriji ta’ materjal, fin-nuqqas ta’ sostituti għall-materja prima, ma kellux bħala effett li jindirizza t-talba lejn sostituti inqas dannużi għall-ambjent.

78      Ir-rikorrenti tammetti li l-liġi – li tistabbilixxi lista tal-materjal intaxxat u tal-materjal eżentat – ma tużax it-termini ta’ materja "prima"u "sekondarja", u li d-definizzjonijiet imsemmija iktar ‘il fuq mhumiex l-uniċi possibbli. Madankollu hija takkuża lill-Kummissjoni li użat dawn it-termini fid-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma tiddefinihom, ħaġa li hija sors ta’ konfużjoni.

79      Minbarra dan, il-Kummissjoni kienet affermat b’mod żbaljat, fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 29), li l-AGL "mhux ser tkun applikabbli għall-granulat estratt in kwantu prodott sekondarju jew skart ta’ proċessi oħra (granulat sekondarju)". Madankollu, xi granulat sekondarju (bħall-prodotti derivati mill-kalċju estratt sabiex jipproduċi l-ġir jew is-siment, jew il-prodotti dderivati ta’ l-estrazzjoni tar-ramel silikonuż użat fil-fabbrikazzjoni tal-ħġieġ) huwa intaxxat. L-affermazzjoni msemmija iktar ‘il fuq b’hekk tirriżulta f’evalwazzjoni manifestament żbaljata tan-natura ta’ l-AGL mill-Kummissjoni. Minbarra dan, id-deċiżjoni kkontestata tibbaża ruħha fuq evalwazzjoni ta’ l-AGL fil-verżjoni tagħha stabbilita mil-liġi.

80      Barra minn hekk, fir-rigward ta’ l-għanijiet ta’ l-AGL, il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, bħal fil-każ ta’ l-intervenjenti, irreferiet biss għall-preokupazzjonijiet ambjentali marbuta ma’ l-estrazzjoni tal-materjal użat bħala granulat.

81      Madankollu, kuntrarjament għall-argument tal-Kummissjoni, il-limitu tal-kamp ta’ applikazzjoni tat-taxxa ma jissodisfax l-għan imsegwi, li fis-sustanza jwassal li jikkontrolla l-effett ambjentali tal-produzzjoni tal-granulat u li jiffavorixxi l-użu ta’ materjal irriċiklat jew materal ta’ sostituzzjoni ieħor, sabiex inaqqas il-konsegwenzi dannużi ta’ l-estrazzjoni fuq l-ambjent. Taħt dan l-aspett, il-liġi fil-fatt tistabbilixxi differenzi ta’ trattament għal dak li jikkonċerna sitwazzjonijiet simili.

82      Fl-ewwel lok, grupp importanti ta’ prodotti primarji – b’mod partikolari t-tafal, il-lavanja, il-kaolina, it-tafal tal-balla u l-iskistu – kif ukoll il-prodotti sekondarji tagħhom mhumiex suġġetti għall-AGL. L-estrazzjoni ta’ dawn il-prodotti mill-barrieri għandu l-istess impatt fuq l-ambjent bħal dak tal-prodotti intaxxati, bħall-kalċju jew il-granit. Madankollu, uħud minn dawn il-prodotti primarji, bħat-tafal tal-balla, użat sabiex jipproduċi l-madum u l-iskistu użat sabiex jipproduċi l-briks, jistgħu jiġu ssostitwiti minn materjal estratt minn barrieri li jinsabu f’żoni li fihom l-ambjent huwa inqas fraġli jew minn materjal sekondarju, sabiex jipproduċu tipi oħra ta’ madum u ta’ briks magħmula minn żrar tal-faħam mitfi li huma s-sostituti tal-briks.

83      Minbarra dan, materjal bħas-skistu u l-lavanja ta’ kwalità ħażina, kif ukoll it-tafal, il-kaolina u t-tafal tal-balla estratti minn numru kbir ta’ barrieri fir-Renju Unit, u użati, in kwantu materja prima bħall-granulat, huma ezenti, għalkemm huma jistgħu jiġu ssostitwiti minn prodotti ta’ sostituzzjoni. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma taċċettax l-argument tal-Kummissjoni u ta’ l-intervenjent li dan il-materjal huwa eżentat, minħabba li ma jikkostitwixxix granulat. Hija tippreċiża li t-terminu "granulat"huwa intiż għad-destinazzjoni finali ta’ materjal, u mhux grupp partikolari ta’ materjal. Il-materjal eżentat imsemmi iktar ‘il fuq ftit li xejn kien ġie użat bħala granulat fil-passat fir-Renju Unit, b’mod partikolari minħabba l-ispejjeż ta’ trasport tiegħu. Madankollu l-eżenzjoni tiegħu tiffavorixxi l-użu ta’ tali materja prima in kwantu granulat.

84      L-esklużjoni ta’ dan il-materjal mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-AGL b’hekk ma tiġġustifikax ruħha la min-natura la mill-ekonomija ġenerali ta’ l-AGL. F’dan ir-rigward ir-rikorrenti tinvoka s-sentenza Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, iċċitata iktar ‘il fuq (punti 52 u 53), u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Ottubru 2002, Diputación Floral de Guipúzoca et vs Il-Kummissjoni (T-269/99, T-271/99 u T-272/99, Ġabra p. II-4217, punt 62).

85      Fit-tieni lok, materja prima oħra hija suġġett għall-AGL, għalkemm ma tistax tiġi ssostitwita minn prodotti ta’ sostituzzjoni. Ir-rikorrenti tirreferi għall-frak taż-żrar aħmar, użat għall-kulur partikolari tiegħu għas-superfiċji tat-toroq għall-mixi u tal-passaġġi tar-roti; il-granulat bi speċifikazzjonijiet tekniċi għolja, bħall-materjal użat għas-superfiċji tat-toroq jew il-granit bi speċifikazzjonijiet tekniċi għolja għas-saborra tal-linji ferroviji, u l-granulat użat għall-fabbrikazzjoni ta’ konkrit li ma jiċkienx jew ta’ solidità għolja. Minħabba karatteristiċi tekniċi ta’ dan il-materjal divers, ftit ikun possibbli li jiġi ssostitwit bi prodotti ta’ sostituzzjoni. Bi prezz aktar għoli, huma ma jiġux użati bħala mili.

86      Fit-tielet lok, huma suġġetti għall-AGL il-prodotti sekondarji ta’ grupp importanti ta’ materja prima li huma stess huma eżentati – bħall-kalċju ddestinat għall-produzzjoni tas-siment u tal-konkrit, il-ġebel maqtugħ u materjal bħar-ramel silikonuż jew il-kalċju ddestinat għal xi applikazzjonijiet industrijali (per eżempju l-produzzjoni tal-ħġieġ). Madankollu, din il-materja prima ma tistax tiġi ssostitwita minn prodotti ta’ sostituzzjoni.

87      Dawn l-inkoerenzi, fir-rigward tal-loġika u n-natura tas-sistema fiskali indikata mill-Kummissjoni, juru li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-AGL fir-realtà jwassal għall-volontà li jeżenta xi setturi mit-taxxa sabiex jipproteġi l-kompetittività tagħhom. Dan huwa kkonfermat minn bosta dikjarazzjonijiet ta’ l-awtoritajiet tar-Renju Unit, b’mod partikolari matul evalwazzjoni ta’ l-effetti ta’ regolament fuq it-taxxa tal-granulat, anness mar-rikors, li jsostni li "xi materjal [eżentat] huwa magħmul minn kompożizzjonijiet importanti ta’ prodotti li huma s-suġġett ta’ kummerċ dinji, li fihom il-produtturi tar-Renju Unit ibatu minn żvantaġġ kompetittiv fir-rigward ta’ l-importaturi kif ukoll għall-esportazzjoni"kif ukoll fil-kuntest ta’ studju dwar l-ekotaxxi fl-Unjoni Ewropea, ukoll anness mar-rikors.

88      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-eżenzjoni ta’ l-esportazzjonijiet ta’ granulat hija wkoll f’kuntradizzjoni ma’ l-għanijiet ambjentali allegatament mixtieqa mill-AGL. Din l-eżenzjoni hija intiża biss li tippreżerva l-kompettività tal-produtturi Brittanniċi fis-swieq ta’ esportazzjoni. Madankollu, fil-qasam ta’ ekotaxxi, il-prinċipju ta’ min iniġġeż għandu jħallas jirrappreżenta kriterju essenzjali sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ għajnuna (konklużjoni ta’ l-Avukat Ġenerali M. Jacobs fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-20 ta’ Novembru 2003, GEMO, C-126/01, Ġabra p. I-13769, I-13772). F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tikkontesta l-ġustifikazzjoni, imressqa mill-Kummissjoni fir-risposta, li l-AGL kienet taxxa indiretta fuq il-konsum. Din il-ġustifikazzjoni ma tidhirx fid-deċiżjoni kkontestata, u hija, barra minn hekk, żbaljata. Fuq kollox, hija ma tilleġittimax l-eżenzjoni ta’ l-esportazzjonijiet, bħal ma turi per eżempju t-taxxa fuq il-granulat stabbilita fl-Iżvezja, fejn l-esportazzjonijiet mhumiex eżentati. It-taxxi fuq il-granulat huma intiżi li jagħtu risposta għall-preokkupazzjonijiet ambjentali dwar il-produzzjoni, u normalment m’għandux ikun hemm riskju ta’ taxxa doppja. Fir-rigward tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ kontroll mill-awtoritajiet tar-Renju Unit tad-destinazzjoni tal-granulat esportat, din hija żbaljata. Fil-fatt huwa faċli li wieħed jiddistingwi l-granulat iddestinat sabiex jiġi użat fil-proċessi eżentati, minn granulat suġġett għat-taxxa, permezz tal-proprjetajiet kimiċi tagħhom.

89      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni. Il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tieħu pożizzjoni fuq id-differenzi ta’ trattament imsemmija iktar ‘il fuq, li huma inkompatibbli ma’ l-għanijiet allegati ta’ l-AGL, fejn dawn ma jkunux "manifestament irrilevanti u insinjifikanti jew b’mod ċar sekondarji"(sentenza Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 64).

90      Il-Kummissjoni tiċħad dan l-argument. Hija ssostni li, fil-każ ta’ miżura settorjali, il-kriterju ta’ selettività huwa sodisfatt, meta din il-miżura tagħti vantaġġ eċċezzjonali (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Ġunju 1999, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, imsejħa "Maribel", C-75/97, Ġabra p. I-3671, punti 32 u 33, u Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 48). Min-naħa l-oħra, sistema li timponi taxxa eċċezzjonali f’settur determinat ma tistax tikkostitwixxi għajnuna mogħtija mill-Istat. Fil-fatt, ma tirrappreżentax theddida għas-suq intern li r-regoli dwar l-għajnuna mogħtija mill-Istat normalment jipproteġu.

91      Taxxa eċċezzjonali b’hekk ma tinkludi ebda element ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat, bil-kundizzjoni li din tapplika għal settur determinat jew li d-dispożizzjonijiet relatati magħha jaqgħu fin-natura jew l-ekonomija ġenerali tas-sistema.

92      F’dan il-każ, l-AGL tikkostitwixxi imposta fiskali eċċezzjonali fuq settur determinat u limitat, is-settur ta’ l-użu kkummerċjali tal-granulat pur. Hija ma tagħti ebda vantaġġ selettiv, u b’hekk ma tattirax investituri jew persuni li joħolqu x-xogħol fir-Renju Unit, ma teskludix il-granulat li ġej minn Stati Membri oħra mis-suq Brittanniku u ma tissussidjax l-esportazzjonijiet. Għaldaqstant l-AGL ma taqax taħt id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 87(1) li jiddefinixxi l-għajnuna mogħtija mill-Istat, imma taħt dispożizzjonijiet tat-Trattat applikabbli għall-qasam fiskali. Is-sentenza Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, iċċitata iktar ‘il fuq, invokata mir-rikorrenti, b’hekk mhijiiex rilevanti f’dan il-każ.

93      Fir-rigward ta’ l-emenda tal-liġi li saret wara n-notifika tal-proġett ta’ għajnuna mogħtija mill-istat in kwistjoni, irrilevata mir-rikorrenti, il-Kummissjoni tippreċiża li hija kienet ġiet infurmata bil-miktub, wara oralment, bil-proġetti ta’ emenda tal-liġi, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

94      L-AGL ma tinkludi ebda element ta’ għajnuna, fil-każ fejn id-derogi allegati, favur materjal eżentat, skond il-Kummissjoni jaqgħu taħt in-natura u l-ekonomija tas-sistema.

95      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tiċħad l-inkoerenzi ppreżentati mir-rikorrenti għal dak li jikkonċerna l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-AGL. Hija ssostni li l-granulat pur biss huwa suġġett għall-AGL.

96      Barra minn hekk, xi materjali użati bħala granulat, minħabba b’mod partikolari l-prezzjijiet inferjuri tagħhom, jibbenefikaw minn eżenzjoni inerenti għan-natura u għall-ekonomija tas-sistema, fil-każ fejn huma jistgħu jissostitwixxu l-granulat pur.

97      Min-naħa l-oħra, il-kalċju jew ir-ramel użati, in kwantu prodotti derivati mill-ewwel estrazzjoni, bħala granulat jistgħu jiġu ssostitwiti minn granulat irriċiklat jew minn sostituti oħra, li jiġġustifika l-issuġġettar tagħhom għall-AGL. Minbarra dan, it-tassazzjoni tagħhom tirrifletti wkoll ix-xewqa li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-ispejjeż ambjentali ta’ l-estrazzjoni tagħhom.

98      Fil-każ fejn l-eżenzjoni ta’ xi materjal tiġġustifika ruħha, skond il-Kummissjoni, minħabba n-natura jew l-ekonomija tas-sistema, iċ-ċirkustanza invokata mir-rikorrenti, li dan il-materjal huwa f’kompetizzjoni mal-granulat suġġett għat-taxxa, ma tippermettix li jiġi kkunsidrat li din tinkludi elementi ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat.

99      Fit-tieni lok, l-eżenzjoni ta’ l-esportazzjonijiet huwa wkoll skond il-loġika ta’ l-AGL.

100    Fl-aħħar nett, id-deċiżjoni kkontestata hija suffiċjentement motivata.

101    L-intervenjenti taqbel ma’ l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni. Hija ssostni li l-AGL kienet maħluqa sabiex tiggarantixxi li l-impatt ta’ l-estrazzjoni tal-granulat pur fuq l-ambjent jirrifletti ruħu fil-prezzijiet. L-għan prijoritarju mixteq minn din it-taxxa huwa li jinċentiva r-rikors għal prodotti ta’ sostituzzjoni bħall-granulat irriċiklat jew materjal ta’ sostituzzjoni ieħor tal-granulat pur, u sabiex jippromwovi użu effikaċi tal-granulat kif ukoll l-iżvilupp ta’ prodotti ta’ sostituzzjoni. Għan sussidjarju huwa li jżomm il-kompetittività tar-Renju Unit, billi tintaxxa l-prodotti importati u li teżenta l-esportazzjonijiet.

102    L-istruttura u l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-AGL huma kompatibbli ma’ l-ekonomija jew in-natura tas-sistema fiskali, bħala ma kkonfermat il-High Court of Justice fid-deċiżjoni tagħha tad-19 ta’ April 2002, imsemmija iktar ‘il fuq. Fil-fatt, skond l-għanijiet tagħha, it-taxxa tapplika għall-granulat pur kollu. Hija ma tapplika la għall-materjal użat għall-skopijiet barra l-użu in kwantu granulat, la għall-iskart li ġej minn proċessi oħra ta’ trasformazzjoni.

103    B’mod partikolari, il-kaolina u t-tafal tal-balla mhumiex suġġetti għall-AGL, minħabba li mhumiex granulat. Il-bċejjeċ, skart jew prodotti sekondarji oħra huma wkoll eżentati, sabiex jiġi inkoraġġat l-użu tagħhom in kwantu sostituti tal-granulat pur. Il-lavanja, il-faħam u l-faħam artab kannella u l-iskistu mhumiex granulat pur użat bħala tali. L-iskart tagħhom huwa magħmul mill-istess materjal u minħabba dan il-fatt huma wkoll eżentati. Fir-rigward tal-ġebla tal-kalċju, din hija taxxabbli in kwantu taqa’ taħt il-kategorija tal-granulat pur. Dawn il-prodotti sekondarji, identifikati mill-aspett mineroloġiku, huma għaldaqstant ukoll intaxxati. Huwa biss il-kalċju użat biex jipproduċi l-ġir jew is-siment li jikkostitwixxi proċess eżentat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

104    F’dan il-każ, il-kontroversja tirrigwarda l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ selettività effettwat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, meta hija ċaħdet il-kwalifika ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat għar-raġuni li "l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-AGL jiġġustifika ruħu bil-loġika u bin-natura tas-sistema fiskali"(premessa 43).

105    Għandu jiġi mfakkar li, sabiex tikkostitwixxi għajnuna mogħtija mill-Istat, skond l-Artikolu 87(1) KE, miżura għandha b’mod partikolari tkun ta’ natura li tagħti vantaġġ selettiv, għall-benefiċċju esklużiv ta’ xi impriżi jew ta’ ċerti setturi ta’ attività. Dan l-Artikolu huwa intiż fil-fatt għall-għajnuna li tgħawweġ jew thedded li tgħawweġ il-kompetizzjoni "billi tivvaforixxi xi impriżi jew xi produzzjonijiet".

106    F’dan ir-rigward, skond ġurisprudenza kostanti, l-Artikolu 87 (1) KE ma jiddistingwixxix bejn il-kawżi jew l-għanijiet ta’ miżura ta’ tnaqqis ta’ l-imposti li normalment jitħallsu minn impriża, imma jiddeffinixxi din il-miżura fil-funzjoni ta’ l-effetti tagħha. Minn dan jirriżulta li la n-natura fiskali la l-għan ekonomiku jew soċjali jew l-għanijiet ta’ protezzjoni ta’ l-ambjent jew tas-sigurtà tal-persuni, eventwalment mixtieqa minn tali miżura, ma huma biżżejjed sabiex tiġi evitata l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu ċċitat [ara, għal dak li jikkonċerna l-eżenzjonijiet selettivi tat-taxxi soċjali, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Lulju 1974, L-Italja vs Il-Kummissjoni, 173/73, Ġabra p. 709, punti 27 u 28, u Maribel, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 25; għal dak li jikkonċerna bonus ta’ interessi selettivi, mogħtija lil-impriżi żgħar u medji (SME) għar-rinnovazzjoni tal-parking tal-vetturi industrijali bil-ħsieb ta’ protezzjoni ta’ l-ambjent u ta’ titjib tas-sigurtà fit-toroq, sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Frar 2003, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-409/00, Ġabra p. I-1487, punt 46, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ Settembru 2000, CETM vs Il-Kummissjoni, T-55/99, Ġabra p. II-3207, punt 53].

107    Matul il-kontroll tan-natura selettiva ta’ miżura, il-qorti Komunitarja tivverifika jekk il-Kummissjoni qisietx ġustament li d-distinzjoni bejn impriżi, fil-qasam ta’ vantaġġi u ta’ imposti, magħmula mill-miżura kkunsidrata, taqax taħt in-natura jew l-ekonomija tas-sistema ġenerali applikabbli. Jekk din id-distinzjoni tibbaża ruħa fuq għanijiet oħra minn dawk mixtieqa mis-sistema ġenerali, il-miżura in kwistjoni hija prinċipju kkunsidrat bħala li tissodisfa l-kundizzjoni ta’ selettività prevista fl-Artikolu 87(1) KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi L-Italja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 33; Maribel, iċċitata iktar ‘il fuq, punti 33 u 39, u Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 49). Huwa obbligu tar-rikorrenti li tressaq elementi ta’ prova suffiċjenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Spanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 53, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Marzu 2002, Diputación Floral de Álava et vs Il-Kummissjoni, T-127/99, T-129/99 u T-148/99, Ġabra p. II-1275).

108    Barra minn hekk din il-ġurisprudenza ntużat mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha ta’ l-10 ta’ Diċembru 1998 fuq l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mogħtija mill-Istat għal miżuri li jaqgħu taħt il-fiskalità diretta ta’ l-impriżi (ĠU C 384, p. 3).

109    F’dan il-każ, għandu jiġi eżaminat jekk, fir-rigward tan-natura tagħha jew tal-karatteristiċi tagħha, it-taxxa in kwistjoni tippreżentax natura selettiva, skond il-kriterji applikati mill-ġurisprudenza msemmija iktar ‘il fuq. Sabiex turi li dawn il-kriterji huma sodisfatti, ir-rikorrenti tinvoka l-inkoerenza fir-rigward ta’ l-għanijiet ambjentali mressqa, minn naħa, tal-limitu tal-kamp ta’ applikazzjoni materjali ta’ l-AGL u, min-naħa l-oħra, l-eżenzjoni ta’ l-esportazzjonijiet.

–       kamp ta’ applikazzjoni materjali ta’ l-AGL

110    Primarjament, għandu jiġi eżaminat l-ilment tar-rikorrenti li l-Kummissjoni - meta rreferiet biss għal-lista tal-materjal intaxxat stabbilita mil-liġi – fir-realtà bbażat ruħha fuq definizzjoni mhux eżatta tal-kamp ta’ applikazzjoni materjali ta’ l-AGL, li kien wassal għal evalwazzjoni manifestament żbaljata tan-natura ta’ din it-taxxa fid-deċiżjoni kkontestata.

111    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ma tressaq ebda element serju li jippermetti li jiġi presuppost li d-deċiżjoni kkontestata tibbaża ruħha fuq eżami ta’ l-AGL kif stabbilit mil-liġi fil-verżjoni inizjali tagħha. Jekk huwa veru li, matul in-notifika ta’ l-AGL, permezz ta’ ittra ta’ l-20 ta’ Diċembru 2001, li d-dispożizzjonjiet rilevanti tal-liġi li tistabbilixxi din it-taxxa, ma kienux għadhom ġew emendati, għandu mandakollu jiġi kkonstatat li l-ittra ta’ notifika b’mod ċar kienet infurmat lill-Kummissjoni li emendi kienu ġew introdotti mill-Finance Act 2002 u li l-proġett propost, li skond din l-ittra, kien jagħmel parti mill-Finance Act 2002, ma kienx għadu ġie stabbilit. Minbarra dan, id-deċiżjoni kkontestata kif ukoll xi elementi ta’ l-inkartament jikkonfermaw li l-Kummissjoni kkunsidrat ulterjorment dawn l-emendi, għall-finijiet ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari fejn dawn jintroduċu eżenzjoni ta’ l-iskart li jirriżulta mill-estrazzjoni tal-faħam, tal-faħam artab kannella, tal-lavanja u ta’ l-iskistu, jew minn sustanzi elenkati fl-Artikolu 18(3) tal-liġi. Fil-fatt, fl-ittra tagħhom lill-Kummissjoni tad-19 ta’ Frar 2002, l-awtoritajiet tar-Renju Unit kienu spjegaw, bħala risposta għal mistoqsija minn din l-istituzzjoni, li l-eżenzjoni ta’ xi uħud minn dan il-materjal hija intiża sabiex tippermetti l-użu tagħhom bħala sostituti tal-granulat pur. Barra minn hekk, jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata (b’mod partikolari l-premessi 11 u 29) li l-Kummissjoni kkunsidrat l-eżenzjoni ta’ dan l-iskart.

112    Sussegwentement, l-allegazzjoni tar-rikorrenti, li jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 29 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-Kummissjoni għamlet l-iżball li tikkunsidra li l-prodotti dderivati jew skart kollu li kien ġej mill-estrazzjoni tal-blat, tar-ramel jew taż-żrar kienu eżentati, għandha wkoll tiġi miċħuda. Il-qari tad-dispożizzjoni in kawża tal-premssa 29 – tgħid li l-AGL – "mhux ser tiġi imposta fuq il-granulat estratt inkwantu prodott sekondarju jew skart ta’ proċessi oħra (granulat sekondarju)"– propost mir-rikorrenti, fil-fatt tibbaża ruħha fuq interpretazzjoni tal-kunċett ta’ "granulat sekondarju", distint minn dak applikat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata kollha. Fil-fatt jirriżulta mir-risposti tal-konvenuta għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza li hija użat it-termini "granulat prim"sabiex tiddefinixxi essenzjalment il-granulat suġġett għall-AGL, u dawk ta’ "granulat sekondarju"sabiex tirreferi ruħha essenzjalment għall-granulat eżentat elenkat b’mod preċiż fil-liġi. Min-naħa l-oħra dawn it-termini – fejn huwa paċifiku bejn il-partijiet li huma jistgħu jirrikorru għal kunċetti differenti – huma użati mir-rikorrenti sabiex tiddistingwi l-prodotti li huma s-suġġett ta’ l-attività prinċipali ta’ barriera (materja prima), min-naħa, minn prodotti derivati, li jirriżultaw mill-estrazzjoni tal-materja prima (materja sekondarja), min-naħa l-oħra. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fl-ekonomija tad-deċiżjoni kkontestata u fid-dawl ta’ l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Kummissjoni, id-dispożizzjoni in kawża tal-premessa 29 tad-deċiżjoni kkontestata tillimita ruħha li tgħid li l-AGL mhux ser tiġi imposta fuq il-prodotti derivati jew fuq l-iskart ta’ l-ewwel estrazzjoni, meta dawn huma eżentati mil-liġi kif emendata. Dan il-qari tal-premessa 29 huwa korroborat mill-fatt li, fl-ittra tagħhom lill-Kummissjoni tad-19 ta’ Frar 2002, l-awtoritajiet tar-Renju Unit kienu wrew b’mod ċar u preċiż il-motivi li għalihom il-granulat ta’ kwalità inferjuri li huwa l-prodotti derivat ta’ xi materjal eżentat (ara l-punt 136 hawn fuq) kien suġġett għall-AGL.

113    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tar-rikorrenti, li d-deċiżjoni kkontestata tibbaża ruħha fuq definizzjoni żbaljata tal-kamp ta’ applikazzjoni materjali ta’ l-AGL, għandu jiġi miċħud.

114    Għal dak li jikkonċerna l-inkoerenza allegata tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-AGL fir-rigward ta’ l-għanijiet ambjentali tagħha, għandu primarjament jiġi rrilevat li taxxa tista’ tiġi ddefinita bħala taxxa ambjentali jew ekotaxxa "meta l-bażi taxxabbli tagħha jkollu manifestament effetti negattivi fuq l-ambjent", bħal ma tħabbar il-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha tas-26 ta’ Marzu 1997 fuq it-taxxi, dazji u ħlasijiet ambjentali fuq is-suq uniku [COM (97) 9 finali, punt 11]. B’hekk ekotaxxa hija miżura fiskali awtonoma kkaratterizzata mill-għan ambjentali tagħha u l-istima speċifika tagħha. Hija tipprovdi t-tassazzjoni ta’ xi proprjetà jew servizzi sabiex tinkludi l-effett ambjentali fil-prezz tagħhom u/jew li tagħmel il-prodotti rriċiklati aktar kompetittivi u sabiex tidderieġi l-produtturi u l-konsumaturi lejn attivitatjiet li aktar jirrispettaw l-ambjent.

115    Għandu jiġi enfasizzat f’dan ir-rigward li huwa possibbli għall-Istati Membri, li fl-istat attwali tad-dritt Komunitarju jikkonservaw, fin-nuqqas ta’ koordinazzjoni f’dan il-qasam, il-kompetenza tagħhom fil-qasam tal-politika ambjentali, li jistabbilixxu ekotaxxi settorjali sabiex jilħqu ċerti għanijiet ambjentali, imsemmija fil-punt preċedenti. B’mod partikolari l-Istati Membri huma liberi, fil-bilanċ tad-diversi interessi preżenti, li jiddeffinixxu l-prijoritajiet tagħhom fil-qasam tal-protezzjoni ta’ l-ambjent u sabiex konsegwentement jiddeterminaw il-proprjetajiet jew servizzi li huma jiddeċiedu li jissuġġettaw għal ekotaxxa. Minn dan isegwi li, bħala prinċipju, l-unika ċirkustanza li fiha ekotaxxa tikkostitwixxi miżura selettiva, li hija intiża għal ċerti proprjetajiet jew servizzi speċifiċi u li mhijiex suxxettibbli li tiġi relatata ma’ sistema ġenerali ta’ tassazzjoni applikabbli għall-attivitajiet simili kollha li teżerċita impatt komparabbli fuq l-ambjent, ma tippermettix li jiġi kkunsidrat li l-attivitatjiet simili, mhux suġġetti għal din l-ekotaxxa, jibbenefikaw minn vantaġġ selettiv.

116    B’mod partikolari, in-nuqqas ta’ suġġettar ta’ tali attivitajiet simili għal ekotaxxa imposta fuq xi prodotti speċifiċi ma jistax tiġi assimilat ma’ miżura ta’ tnaqqis ta’ l-imposti f’dawn is-setturi ta’ attività, li jixxiebħu ma’ dawk in kwistjoni b’mod partikolari fis-sentenzi Spanja vs Il-Kummissjoni, CETM vs Il-Kummissjoni u Diputación Floral de Álava et vs Il-Kummissjoni, iċċitati iktar ‘il fuq. Fil-fatt, bid-differenza ta’ ekotaxxa li tikkaratterizza ruħha preċiżament mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha u l-għan proprju tagħha (ara l-punt 113 iktar ‘il fuq) u minħabba dan il-fatt ma tistax bħala prinċipju tiġi relatata ma’ sistema ġenerali, il-miżuri ta’ tnaqqis ta’ l-imposti msemmija iktar ‘il fuq jidderogaw minn sistema ta’ imposti li normalment taqa’ fuq l-impriżi. Fl-ewwel żewġ sentenzi msemmija iktar ‘il fuq, dan huwa tnaqqis, taħt il-forma ta’ bonus ta’ interessi, ta’ imposti li jirriżultaw, f’kundizzjonijet kummerċjali normali, min-neċessità għall-impriżi li jġeddu l-vetturi industrijali tagħhom. Fil-kuntest ta’ din is-sistema ta’ imposti, iċ-ċirkustanza li dawn il-bonuses ta’ interessi, barra minn hekk mogħtija biss lill-SME's, huma intiżi li jiffavorixxu t-tiġdid tal-parking tal-vetturi industrijali fl-Istati Membri kkonċernati, f’xewqa ta’ protezzjoni ta’ l-ambjent u ta’ titjib tal-protezzjoni tat-triq, mhuwiex biżżejjed li jiġi kkunsidrat li dan il-vantaġġ ikun marbut ma’ sistema fiha nfisha, li r-rikorrenti min-naħa l-oħra ma jkunx identifika magħha (sentenza CETM vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punti 53 u 54). Fit-tielet sentenza msemmija iktar ‘il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kreditu ta’ taxxa in kwistjoni, li jibbenefika biss lill-impriżi li għandhom mezzi finanzjarji importanti, jikser il-prinċipji inerenti għas-sistema fiskali ta’ l-Istat Membru kkonċernat (punt 166 tas-sentenza).

117    F’dan il-kuntest ġuridiku, bħal ma l-ekotaxxi jikkostitwixxu min-natura tagħhom miżuri speċifiċi adottati mill-Istati Membri fil-kuntest tal-politika ambjentali tagħhom, qasam li fih huma jibqgħu kompetenti fin-nuqqas ta’ miżuri ta’ armonizzazzjoni, huwa obbligu tal-Kummissjoni, matul l-evalwazzjoni ta’ ekotaxxa fir-rigard tar-regoli Komunitarji dwar l-għajnuna mogħtija mill-Istat, li tieħu in kunsiderazzjoni l-eżiġenzi marbuta mal-protezzjoni ta’ l-ambjent imsemmija fl-Artikolu 6 KE. Fil-fatt, l-imsemmi Artikolu jipprovdi li dawn l-eżiġenzi għandhom jiġu integrati fid-definizzjoni u l-implementazzjoni b’mod partikolari ta’ sistema li tassigura li ma jkunx hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern.

118    Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li, matul il-kontroll tagħha ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tiftaħx il-proċedura formali ta’ eżami prevista fl-Artikolu 88(2) KE, il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha sempliċiment, fir-rigward ta’ setgħa wiesgħa ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni għandha skond l-Artikolu 88(3) KE, li tivverifika r-rispett tar-regoli u ta’ motivazzjoni, l-eżattezza materjali tal-fatti applikati sabiex joperaw l-għażla kkontestata, in-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti, kif ukoll in-nuqqas ta’ distorsjoni ta’ setgħa (sentenzi Matra vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 25, u Skibsværftsforenigen et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punti 169 u 170).

119    F’dan il-każ, huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha li għaldaqstant huwa obbligu tal-Qorti tal-Prim’Istanza li teżamina jekk il-Kummissjoni ma qabżitx il-limiti tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħha meta tqis, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-limitu tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-AGL seta’ jiġġustifika ruħu mill-insegwiment ta’ l-għanijiet ambjentali mressqa.

120    F’dan ir-rigward, din il-kawża tiddistingwi ruħha mill-kontroversja deċiża fis-sentenza Adria-Wien Pipeline u Wietesdorfer & Peggauer Zementwerke, iċċitata iktar ‘il fuq, invokata mir-rikorrenti. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mitluba teżamina mhux il-limitu tal-kamp ta’ applikazzjoni materjal ta’ ekotaxxa bħal f’dan il-każ, imma l-eżenzjoni parzjali tal-ħlas ta’ tali taxxa – stabbilita fl-okkorrenza fil-kuntest tal-Strukturanpassungsgesetz (liġi Awstrijaka fuq l-adattament ta’ l-istrutturi) ta’ 1996, fuq il-konsum tal-gas naturali u ta’ l-enerġija elettrika mill-impriża – mogħija lill-uniċi impriżi prodotturi ta’ proprjetà korporattiva.

121    Fis-sentenza msemmija iktar ‘il fuq, id-differenza kkontestata b’hekk ma tirrigwardax it-tip ta’ prodott suġġett għall-ekotaxxa in kwistjoni, imma l-utilizzaturi industrijali sewwa jekk jaħdmu sew jekk le fis-setturi primarji u sekondarji ta’ l-ekonomija nazzjonali. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-għoti ta’ vantaġġi lill-impriżi li fihom l-attività prinċipali hija l-fabbrikazzjoni ta’ proprjetà korporattiva ma ssibx ġustifikazzjoni fin-natura jew l-ekonomija ġenerali tas-sistema ta’ impożizzjoni stabbilita skond is-Strukturanpassungsgesetz. Fis-sustanza hija ddeċidiet li, fil-każ li l-konsum ta’ enerġija mis-settur ta’ l-impriżi produtturi ta’ propjetà korporttiva u mill-impriżi li jipprovdu servizzi kien ukoll dannuż għall-ambjent, il-kunsiderazzjonijiet ta’ ordni ekoloġika fil-bażi ta’ l-Istrukturanpassungsgesetz ma jiġġustifikawx trattament differenti ta’ dawn iż-żewġ setturi. Huwa f’dan il-kuntest li l-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari ċaħdet l-argument tal-Ġvern Awstrijak, inspirat mill-ħsieb ta’ preżervazzjoni tal-kompetittività ta’ l-impriżi produtturi ta’ proprjetà korporttiva, fejn ir-rimborż parzjali tat-taxxi ambjentali in kwistjoni għal dawn l-impriżi biss kien iġġustifikat minħabba l-fatt li huma kienu proporzjonalment aktar affettwati mill-oħrajn mill-imsemmija taxxi (punti 44, 49 u 52 tas-sentenza).

122    F’dan il-każ, ir-rikorrenti ssostni in sostenn tar-rikors tagħha li d-definizzjoni tal-materjal suġġett għall-AGL ma tissodisfax l-għanijiet ambjentali mressqa, imma fir-realtà twassal għall-volontà li teżenta xi setturi mit-taxxa u li tipproteġi l-kompettività tagħhom.

123    Għaldaqstant għandhom jiġu eżaminati l-inkoerenzi fid-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni materjali ta’ l-AGL, allegati mir-rikorrenti.

124    Fl-okkorrenza, jirriżulta espliċitament mill-ittra ta’ notifika u mid-deċiżjoni kkontestata (premessi 5, 16 u 31) li l-AGL hija intiża, minn naħa, li timmassimizza r-rikors għal granulat irriċklat jew materjal ta’ sostituzzjoni ieħor fir-rigward tal-granulat pur, u li tippromwovi użu razzjonali tal-granulat pur, riżors naturali li ma jistax jiġġedded. Min-naħa l-oħra, l-ittra ta’ notifika u d-deċiżjoni kkontestata jirreferu wkoll, b’mod aktar impliċitu, għall-internalizzazzjoni ta’ l-effetti ambjentali skond il-prinċipju ta’ min iniġġeż għandu jħallas, meta huma jgħidu fil-kuntest tad-determinazzjoni ta’ l-għanijet ta’ l-AGL li "l-effetti fuq l-ambjent ta’ l-estrazzjoni tal-granulat intiż mit-taxxa jinkludi l-ħsejjes ta’ l-istorbju, it-trabijiet, u t-theddida bħall-biodiversità u d-degradazzjonijiet viżivi". Dawn l-għanijiet huma espliċiti fl-ittra ta’ l-awtoritajiet tar-Renju Unit lill-Kummissjoni tad-19 ta’ Frar 2002.

125    Fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 8), il-granulat pur huwa ddefinit bħala "granulat prodott minn depożiti naturali ta’ minerali li jkun is-suġġett ta’ l-ewwel estrazzjoni"u bħala "biċċiet ta’ blat, ramel u żrar li jistgħu jiġu użati fl-istat naturali jew wara trattament mekkaniku bħat-tkissir, il-ħasil u t-tkejjil".

126    Huwa paċifiku bejn il-partijiet li t-terminu "granulat"ma jinkludix grupp partikolari ta’ materjal iddefinit mill-uniċi proprjetajiet fiżiċi-kimiċi tagħhom. L-użu ta’ materjal (blat, ramel jew żrar) in kwantu granuat jiddependi wkoll mill-prezz ta’ dan il-materjal u mill-ispejjeż tat-trasport. Huwa paċifiku wkoll li xi materjal eżentat mill-ħlas tat-taxxa, bħas-skistu u l-lavanja ta’ kwalità ħażina, it-tafal, il-kaolina u t-tafal tal-balla, f’ċerti każijiet, jiġu użat l-ewwel, wara estrazzjoni, in kwantu granulat.

127    Għaldaqstant l-AGL tikkostitwixxi ekotaxxa li bħala prinċipju hija imposta fuq it-tqegħid fis-suq tal-granulat pur – jiġifieri materjal granuluż ta’ l-ewwel estrazzjoni użat fil-bini u fix-xogħlijiet pubbliċi – bl-esklużjoni ta’ xi materjal speċifikat fil-liġi. Għandha tiġi eżaminata l-koerenza ta’dan il-kamp ta’ applikazzjoni fir-rigward ta’ l-għanijiet ambjentali mixtieqa (ara l-punt 123 iktar ‘il fuq).

128    Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li l-materjal imqiegħed fis-suq għal użu ieħor barra dak tal-granulat ma jaqax taħt is-settur suġġett għall-AGL. Kuntrarjament għall-argument tar-rikorrenti, l-eżenzjoni tagħhom b’hekk ma tippreżenta ebda natura derogatorja fir-rigward tas-sistema ta’ l-ekotaxxa in kwistjoni. B’mod partikolari, id-deċiżjoni li tistabblixxi ekotaxxa fl-uniku settur tal-granulat – u mhux b’mod ġenerali fis-setturi ta’ użu tal-barrieri u tal-mini kollha li għandhom l-istess impatt fuq l-ambjent milli l-estrazzjoni tal-granulat - taqa’ taħt il-kompetenza ta’ l-Istat Membru kkonċernat li jiffissa l-prijoritajiet tiegħu fil-qasam ta’ politika ekonomika, fiskali u ambjentali. Tali għażla, ukoll motivata mix-xewqa li tippreżerva l-kompettività internazzjonali ta’ xi setturi, b’hekk ma ppermettietx li tiġi ddubitata l-koerenza ta’ l-AGL ma’ l-għanijiet ambjentali mixtieqa (ara l-punt 114 iktar 'il fuq).

129    F’dan il-kuntest, l-argumenti tar-rikorrenti, dwar l-eżenzjoni ta’ materjal bħal b’mod partikolari l-lavanja u l-iskistu ta’ kwalità superjuri, it-tafal tal-balla, il-kaolina, il-faħam u l-faħam artab kannella, bħala prinċipju mhux tajbin minħabba l-proprjetajiet fiżiċi tagħhom jew minħabba l-prezz tagħhom għal użu ta’ granulat, mhumiex rilevanti f’dan il-każ.

130    Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li kien possibbli għall-Istat Membru kkonċernat, fil-kuntest tal-politika ambjentali tiegħu, li jiddetermina liberament il-materjal għal użu ta’ granulat li huwa jikkunsidra opportun li jintaxxa, u li jeskludi, fir-rigward ta’ l-għanijiet ambjentali mixtieqa, mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-AGL xi materjal – b’mod partikolari l-iskistu u l-lavanja ta’ kwalità ħażina, it-tafal u l-iskart tal-kaolina u tat-tafal tal-balla – anki meta jintużaw bħala granulat wara l-estrazzjoni tagħhom. F’dan ir-rigward, l-ispjegazzjoni magħmula mill-intervenjent u l-Kummissjoni, li l-eżenzjoni ta’ dan il-materjal – li sa llum huwa ftit użat in kwantu granulat għar-raġuni ta’ l-ispejjeż ta’ trasport għolja – tippermetti l-użu tagħhom in kwantu sostituti tal-granulat pur imsemmi mill-ekotaxxa u tista’ b’dan il-mod tikkontribwixxi għal razjonalizzazzjoni ta’ l-estrazzjoni u ta’ l-użu ta’ dawn ta’ l-aħħar, hija ammissibbli fir-rigward ta’ l-għanijiet ambjentali mixtieqa.

131    Fil-fatt, jirriżulta mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-AGL, kif ukoll mill-ittra ta’ l-awtoritajiet tar-Renju Unit lill-Kummissjoni tad-19 ta’ Frar 2002, li l-istabbiliment ta’ l-AGL huwa intiż preċiżament li jnaqqas u jirrazzjonalizza l-estrazzjoni tal-materjal normalment użat in kwantu granulat, li jirrappreżenta 70% tat-tunnellaġġ tal-mineral estratt fir-Renju Unit, b’mod paritkolari billi jivvaforixxi s-sostituzzjoni tiegħu permezz ta’ prodotti rriċiklati jew permezz ta’ materjal pur ieħor, eżentati, bħall-bċejjeċ jew skart tal-lavanja, l-iskistu, it-tafal, il-kaolina u t-tafal tal-balla.

132    Minbarra dan, il-Kummissjoni indikat, mingħajr ma kienet kuntradetta mir-rikorrenti, li kien jeżisti stokk importanti spiss qadim ta’ bċejjeċ tal-lavanja (jew lavanja ta’ kwalità inferjuri) fil-borġijiet fir-reġjun ta’ Wales, u tal-kaolina kif ukoll tat-tafal tal-balla f’Devon u f’Cornwall. Dan l-istokk huwa kkunsidrat attwalment bħala skart u jiddegrada l-kampanja. Huma xi drabi jinsabu, skond informazzjoni li tinsab fl-ittra ta’ l-awtoritajiet tar-Renju Unit tad-19 ta’ Frar 2002, f’parkijiet nazzjonali. L-eżenzjoni tat-tqegħid fis-suq ta’ dan il-materjal sabiex jintuża bħala granulat jagħmilhom kompetittivi fir-rigward ta’ granulat pur ieħor u għaldaqstant jippermetti tnaqqis ta’ l-istokk. Minbarra dan, il-Kummissjoni ppreċiżat matul is-seduta li l-kalċju seta’ jiġi estratt mingħajr ma jiproduċi ħafna skart, bid-differenza tal-lavanja li hija fraġli, fejn l-estrazzjoni inevitabbilment tipproduċi skart fi kwantità importanti.

133    F’dan il-kuntest, l-argument tar-rikorrenti dwar l-impatt fuq l-ambjent ta’ l-estrazzjoni tal-lavanja, ta’ l-iskistu, tat-tafal, tal-kaolina u tat-tafal tal-balla mhuwiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li l-eżenzjoni ta’ dan il-materjal tikser l-għanijiet ambjentali mixtieqa u għaldaqstant li hija tagħti vantaġġ selettiv lis-setturi ta’ attività kkonċernati. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma tressaq ebda element konvinċenti li jippermetti li jqiegħed fid-dubju l-leġittimità, fir-rigward ta’ l-għanijiet imressqa, ta’ l-għażla tal-leġiżlatur nazzjonali li jissuġġetta għall-AGL it-tqegħid fis-suq tal-granulat biss fejn l-estrazzjoni hija kkunsidrata bħala l-kawża prinċipali ta’ degradazzjoni ta’ l-ambjent, kif jirriżulta mill-ittra tad-19 ta’ Frar 2002, imsemmija iktar ‘il fuq.

134    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-eżenzjoni ta’ xi materjal pur użat in kwantu granulat, prevista mil-liġi kif emendata, ma tiksirx l-għanijiet ambjentali mressqa u tista’ raġonevolment tiġi ġġustifikata min-natura u l-ekonomija ta’ l-AGL.

135    Fit-tielet lok, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti dwar in-natura inkoerenti ta’ l-issuġġettar għall-AGL, b’mod partikolari tal-granulat ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi għolja (materjal użat għas-superfiċji tat-toroq, granit użat għas-saborra, granulat użat għall-fabbrikazzjoni tal-konkrit li ma jiċkienx u ta’ solidità għolja) jew tal-frak taż-żrar aħmar (użat in kwantu superfiċji ta’ toroq li jimxu fuqhom in-nies jew passaġġi għar-roti) li ma jistgħux jiġu ssostitwiti minn prodotti ta’ sostituzzjoni. Żgur li, bħal ma tallega r-rikorrenti, it-tassazzjoni ta’ dan il-materjal – li mhuwiex użat bħala bċejjeċ tal-ġebel minħabba l-prezz għoli tiegħu – ma jistax bħala prinċipju jkollu bħala effett li jċaqlaq it-talba lejn prodotti ta’ sostituzzjoni bħall-granulat irriċiklat, b’mod li jnaqqas l-estrazzjoni tal-granulat pur. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li din it-tassazzjoni setgħet raġjonevolment tissodisfa waħda mill-għanijiet ta’ l-AGL, intiża sabiex tikkontrolla l-effett ambjentali marbut mal-produzzjoni tal-granulat pur.

136    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li f’dan il-każ, l-ammont tat-taxxa, li huwa ugwali għal 1.60 GBP għal kull tunnellata ta’ granulat intaxxat, jikkorrispondi approssimativament għall-effetti ambjentali medji marbuta ma’ l-estrazzjoni tal-granulat fir-Renju Unit, evalwati għal 1.80 GBP kull tunnellata, skond l-indikazzjonijiet ipprovduti fir-rapport tax-xahar ta’ April 2001 stabbilit mill-Ecotec Research & Consulting, "Study on the Economic and Environmental Implications of the use of Environmental Taxes and Charges in the European Union and its Member States"(Studju dwar l-effetti ekonomiċi u ambjentali ta’ l-applikazzjoni tat-taxxi u ta’ ħlasijiet ambjentali fl-Unjoni Ewropea u fl-Istati Membri tagħha), imressaq mir-rikorrenti. Barra minn hekk, dan ir-rapport jenfasizza l-importanza ta’ ammont suffiċjenti tat-taxxa. L-indikazzjonijiet imsemmija iktar ‘il fuq għaldaqstant jikkonfermaw li t-tassazzjoni tal-materjal ikkonċernat tista’ tiġi kkunsidrata bħala leġittima fir-rigward ta’ l-eżiġenzi tal-prinċipju ta’ min iniġġeż għandu jħallas.

137    Il-prinċipju ta’ min iniġġeż għandu jħallas jippermetti wkoll li jiġġustifika l-issuġettar tal-prodotti derivati ta’ l-estrazzjoni ta’ materjal li ma jistax jiġi ssostitwit minn prodotti ta’ sostituzzjoni, b’mod partikolari l-issuġġettar tal-granulat ta’ kwalità inferjuri li huma l-prodotti derivati ta’ l-estrazzjoni tal-kalċju ddestinat għall-produzzjoni tas-siment u tal-ġir, tal-ġebel maqtugħ u tar-ramel silikonuż użat fil-fabbrikazzjoni tal-ħġieġ, kif jirriżulta mill-ittra ta’ l-awtoritajiet tar-Renju Unit tad-19 ta’ Frar 2002. Minbarra dan, it-tassazzjoni ta’ dawn il-prodotti tista’ tiġi ġġustifikata mill-għan – ukoll invokat mill-intervenjent fl-ittra msemmija iktar ‘il fuq, intiż sabiex jinkoraġġixxi estrazzjoni u trattament aktar razzjonali tal-granulat, b’mod li jnaqqas il-proporzjoni ta’ granulat ta’ kwalità inferjuri. Fil-fatt, din il-proporzjoni, li jinbidel minn barriera għall-oħra, kif issostni r-rikorrenti, jista’ madankollu jiġi mibdul għall-istess barriera. Madankollu l-Kummissjoni sostniet f’dan ir-rigward, b’mod partikolari fir-risposta tagħha, mingħajr ma kienet kontradetta mir-rikorrenti, id-differenza ta’ prezz relatativament żgħir bejn il-granulat ta’ kwalità inferjuri u l-materjal li ma jistax jiġi ssostitwit li fosthom hemm il-prodotti sekondarji.

138    Jirriżulta ċar li l-argument kollu tar-rikorrenti, dwar l-inkoerenzi allegati fid-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni materjali ta’ l-AGL, fir-rigward ta’ l-għanijiet ambjentali mixtieqa, huwa nieqes minn kull fondament.

139    Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma kinitx stabbilixxet li d-deċiżjoni kkontestata kienet ivvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni f'dak li hija tikkonstata li d-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni materjali ta’ l-AGL ma tinkludix elementi ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat.

140    F’dan ir-rigward ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li kienet naqset milli tagħti l-motivazzjoni dwar id-differenzi ta’ trattament li jikkonċernaw is-suġġettar ta’ l-AGL li kien ser jiġi eżaminat.

141    Skond ġurisprudenza stabbilita sewwa, il-motiv mitlub mill-Artikolu 253 KE għandu jiġi adattat għan-natura ta’ l-att in kwistjoni u għandu jidher b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament ta’ l-istituzzjoni, awtriċi ta’ l-att, b’mod li jippermetti lill-partijiet interessati li jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-kontroll tagħha. L-eżiġenza ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata fil-funzjoni taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut ta’ l-att, tan-natura tal-motivi invokati u ta’ l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament jew individwalment mill-att ikunu jistgħu jirċievu spjegazzjonijiet. Mhuwiex mitlub li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt rilevanti kollha, fil-każ fejn il-kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta’ att li jissodisfa l-eżiġenzi ta’ l-Artikolu 253 KE għandux jiġi evalwat fir-rigward mhux biss mill-kliem tiegħu, imma wkoll mill-kuntest tiegħu kif ukoll mir-regoli ġuridiċi kollha li jirrigwardaw il-materja kkonċernata (sentenzi Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’ s France, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 63, u Thermenhotel Stosier Franz et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 94).

142    Minn dan jirriżulta li l-eżiġenza ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni meħuda fil-qasam ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat ma tistax tiġi ddeterminata fil-funzjoni ta’ l-interess ta’ informazzjoni ta’ l-uniku Stat Membru li għalih din id-deċiżjoni hija indirizzata (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Ġunju 1998, British Airways et u British Midland Airways vs Il-Kummissjoni, T-371/94 u T-394/94, Ġabra p. II-2405, punt 92). B’mod partikolari, huwa obbligu tal-Kummissjoni, meta hija tapprova miżura mal-bidu tal-fażi preliminari ta’ eżami prevista fl-Artikolu 88(3) KE, li tesponi fil-qosor il-motivi prinċipali ta’ din id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni, sabiex tippermetti lil terzi interessati lil jsiru jafu l-ġustifikazzjoni tagħha u sabiex jevalwaw l-opportunità li jressqu rikors kontra l-imsemmija deċiżjoni sabiex japplikaw drittijiet proċedurali li huma mogħtija lilhom mill-Artikolu 88(2) KE.

143    Fir-rigward b’mod aktar partikolari ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħlaq il-proċedura preliminari li tikkonkludi bl-ineżistenza ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat akkużata minn persuna li għamlet ilment, il-Kummissjoni f’kull każ għandha l-obbligu li turi b’mod suffiċjenti lill-persuna li għamlet l-ilment ir-raġunijiet li għalihom l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt invokati fl-ilment ma kienux biżżejjed sabiex juru l-eżistenza ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat. Madankollu, il-Kummissjoni m’għandhiex obbligu li tieħu pożizzjoni fuq elementi li huma manifestament irrilevanti, insinjifikanti jew b’mod ċar sekondarji (sentenza Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 64).

144    Fl-okkorrenza, jirriżulta b’mod ċar mill-premessi 31, 32 u 34 tad-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni kkonkludiet li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-AGL kien iġġustifikat mil-loġika u n-natura ta’ din is-sistema fiskali, għar-raġuni li l-AGL kienet tikkostitwixxi ekotaxxa speċifika, li l-kamp ta’ applikazzjoni limitat ħafna kien ġie ddefinit mill-Istat Membru kkonċernat, li huwa liberu li jiddetermina s-sistema fiskali nazzjonali tiegħu, fil-funzjoni tal-karatteristiċi proprji għas-settur ta’ attività kkunsidrata. Il-Kummissjoni enfasizzat, fis-sustanza, li d-distinzjoni stabbilita bejn is-setturi intaxxati u dawk li huma eżentati huwa ġġustifikat minn xewqa, minn naħa, li jnaqqas l-estrazzjoni tal-granulat li jwassal għal konsegwenzi mhux mixtieqa għall-ambjent u sabiex jippromwovi użu razzjonali ta’ dan il-granulat u, min-naħa l-oħra, li jiffavorixxi l-użu ta’ granulat irriċiklat jew materjal ta’ sostituzzjoni ieħor, b’mod li jnaqqas l-użu ta’ riżorsi li ma jiġġeddux u l-konsegwenzi dannużi tagħhom fuq l-ambjent.

145    Il-Kummissjoni b’hekk esponiet b’mod komprensiv imma ċar il-motivi li għalihom hija ċaħdet l-ilmenti – fejn is-sustanza tinsab b’mod suċċint ħafna fil-premessi 14 u 15 tad-deċiżjoni kkontestata - żviluppati mir-rikorrenti fl-ilment tagħha. Fil-fatt ir-rikorrrenti kienet ikkritikat id-distinzjoni stabbilita bejn, minn naħa, il-materjal suġġett għall-AGL, bħal xi prodotti derivati ta’ kwalità inferjuri (bħall-prodotti derivati tal-kalċju estratt sabiex jipproduċi l-ġir jew is-siment), jew il-ġebla ramlija, li skond ir-rikorrenti, hija intaxxata għalkemm mhijiex iddestinata sabiex tiġi użata in kwantu granulat, u min-naħa l-oħra, xi prodotti derivati eżentati (bħall-iskart tal-lavanja u tal-kaolina, użati in kwantu granulat, imsemmija fil-premessa 11 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija kienet sostniet li tali distinzjoni kienet ta’ natura li tgħawweġ il-kompetizzjoni bejn dawn il-kategoriji ta’ materjali diversi u mhumiex iġġustifikati min-natura jew il-loġika tas-sistema.

146    F’dawn iċ-ċirkustanzi, fir-rigward, minn naħa, tal-libertà ta’ l-Istati Membri – li taqa’ taħt id-deċiżjoni kkontestata (premessi 31 u 32) – li jiddeterminaw il-politika fiskali u ambjentali tagħhom billi jirrikorru bħal f’dan il-każ għall-istabbiliment ta’ ekotaxxa settorjali (ara l-punti 114, 116, 127 u 129, iktar ‘il fuq) u, min-naħa l-oħra, għaċ-ċirkustanza li r-rikorrenti hija assoċjazzjoni li tiġbor operaturi ekonomiċi infurmati, id-deċiżjoni kkontestata, li b'mod qasir tesponi l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuqhom hija hija bbażata, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni.

–       eżenzjoni mill-esportazzjonijiet

147    Ir-rikorrenti ssostni li l-eżenzjoni ta’ l-esportazzjonijiet ta’ granulat hija wkoll f’kuntradizzjoni ma’ l-għanijiet ambjentali allegatament mixtieqa mill-AGL. Din l-eżenzjoni hija intiża biss li tippreżerva l-kompettività tal-produtturi Brittanniċi fis-swieq ta’ esportazzjoni.

148    Għandu jiġi mfakkar, primarjament, li l-AGL hija intaxxata fuq l-użu jew it-tqegħid fis-suq tal-granulat pur fir-Renju Unit. L-importazzjoni ta’ granulat pur huwa intaxxat u l-esportazzjoni ta’ tali materjal huwa eżentat, sabiex, skond l-awtoritajiet tar-Renju Unit, "jassigura ugwaljanza ta’ trattament bejn il-granulat pur prodott fir-Renju Unit u dak prodotti fi Stati Membri oħra"(premessa 22 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni tiġġustifika din l-eżenzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 33), bil-fatt li l-awtoritajiet tar-Renju Unit ma jistgħux jeżerċitaw kontroll fuq l-użu tal-materjal in kwantu granulat barra mit-territorju tagħhom.

149    Quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni u l-intervenjent ppreċiżaw din il-motivazzjoni. Il-Kummissjoni enfasizzat b’mod partikolari li l-AGL kienet tikkostitwixxi taxxa indiretta fuq il-konsum, bħala prinċipju applikabbli fl-Istati Membri li fihom il-konsum ikun seħħ, sabiex tevita eventwali impożizzjoni doppja fuq prodotti esportati. L-intervenjent irrileva min-naħa tiegħu li l-Artikolu 91 KE awtorizza l-eżenzjoni ta’ taxxa interna, fuq l-esportazzjoni, bil-kundizzjoni li l-ammont eżentat ma jaqbiżx l-ammont tat-taxxa mħallsa.

150    Din il-motivazzjoni, ibbażata fuq in-natura ta’ taxxa indiretta ta’ l-AGL, għandha tiġi kkunsidrata, fil-każ fejn, kuntrarjament għall-argument tar-rikorrenti, hija marbuta mal-motivi esposti mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata u għaldaqstant ma tistax tiġi kkunsidrata bħala motivazzjoni addizzjonali magħmula wara l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Fil-fatt, l-enfażi magħmula fuq il-kuntroll ta’ l-impjieg tal-materjal ikkonċernat in kwantu granulat jindika li l-Kummissjoni rreferiet, fid-deċiżjoni kkontestata, għall-fatt li l-miżura kkunsidrata kienet tikkostitwixxi taxxa indiretta fuq il-prodotti stess u mhux l-impriżi.

151    Fl-okkorrenza, għandu jiġi kkonstatat li l-AGL li tiġi applikata, kuntrarjament għall-analiżi tar-rikorrenti, għat-tqegħid fis-suq tal-granulat, għaldaqstant tolqot il-prodotti u mhux id-dħul tal-produttui, fil-fatt tikkostitwixxi taxxa indiretta, mmexxija mill-prinċipju tat-tassazzjoni fil-pajjiż ta’ destinazzjoni, skond l-Artikolu 91 KE.

152    Madankollu, skond il-ġurisprudenza, miżura fiskali speċifika li hija ġġustifikata mil-loġika interna tas-sistema fiskali tevita l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 87(1) KE (sentenzi Diputación Floral de Álava et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 164, u Diputación Floral de Guipúzcoa et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 61).

153    F’dan il-każ, l-eżenzjoni ta’ l-esportazzjonijiet ma tistax għaldaqstant tiġi kkunsidrata bħala li tagħti vantaġġ selettiv lill-esportaturi fil-każ fejn hija tiġġustifika ruħha min-natura tat-taxxa indiretta ta’ l-AGL. Kien fil-fatt possibbli għall-Istat Membru kkonċerat li jippriveleġġa l-kunsiderazzjonijiet marbuta ma’ l-istruttura tas-sistema fiskali in kwistjoni, fir-rigward għall-għanijiet ambjentali mixtieqa. Iċ-ċirkustanza, allegata mir-rikorrenti, li Stati Membri oħra jagħmlu għażliet differenti mhijiex rilevanti.

154    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni m’għamlitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonstatat, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-eżenzjoni ta’ l-esportazzjonijiet ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mogħtija mill-Istat.

155    Barra minn hekk, fir-rigward tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, filwaqt li bbażat ruħha fuq l-istruttura ta’ l-AGL, iġġustifikat biżżejjed id-dritt li tiċħad l-akkużi magħmula mir-rikorrenti fl-ilment tagħha, għal dak li jikkonċerna l-vantaġġ selettiv allegatament mogħti lill-esportaturi mill-fatt ta’ l-eżenzjoni ta’ esportazzjonijiet.

156     Fid-dawl ta’ dawn il-motivi kollha, il-motivi bbażati fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 87(1) KE u n-nuqqas ta’ motivazzjoni għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ l-obbligu li tiftaħ il-proċedura formali ta’ eżami

 L-argumenti tal-partijiet

157    Ir-rikorrenti ssostni li l-inkoerenzi allegati fil-limitu tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-AGL iwasslu inevitabbilment għall-konklużjoni li l-kwalifika ta’ l-AGL qajmet diffikultajiet serji. Dawn id-diffikulatjiet kienu wkoll ikkorroborati mill-iżviluppi imporanti li kienu ngħatawlha mill-High Court of Justice, fid-deċiżjoni tagħha tad-19 ta’ April 2002 imsemmija iktar ‘il fuq, kif ukoll mid-dikjarazzjonijiet ta’ l-awtoritajiet tar-Renju Unit li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-AGL kellu jiġi ddeterminat b’mod li jipproteġi l-kompettività internazzjonali tas-setturi eżentati. Minbarra dan, l-eżenzjoni ta’ l-iskistu u tal-lavanja, kif ukoll l-esportazzjonijet, kienet kontra l-prinċipju ta’ min iniġġeż għandu jiħallas. Barra minn hekk il-Kummissjoni stess kienet ammettiet, fir-risposta tagħha, li l-kwalifika ta’ l-AGL fir-rigward ta’ l-Artikolu 87(1) KE qajmet numru kbir ta’ mistoqsjiet kumplessi, b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna l-limitazzjoni tas-suq ikkonċernat.

158     Minbarra dan, id-dokument ta’ konsultazzjoni ppubblikat fid-9 ta’ Diċembru 2002 mill-awtoritajiet tar-Renju Unit juri li dawn kellhom diffikultajiet għal dak li jikkonċerna l-koerenza tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-AGL ma’ l-għanijet ambjentali mixtieqa.

159    Barra minn hekk, l-invokazzjoni fir-risposta ta’ l-interess ta’ l-Istat Membru kkonċernat sabiex jieħu deċiżjoni malajr, kif ukoll tar-riskju tad-disfunzjoni tas-sistema ta’ kontroll ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat, juri li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq kriterji oħra barra dawk dwar "diffikultajiet serji".

160    F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki jekk wieħed jippreżupponi li d-deċiżjoni kkontestata mhijiex ivvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni, kif ir-rikorrenti tikkontesta, hija mhijiex ivvizzata minn ksur ta’ l-Artikolu 88(3), li kien impona lill-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura formali ta’ eżami.

161    Il-Kummissjoni tikkuntesta li huwa ċar li l-AGL kienet tikkostitwixxi taxxa fiskali eċċezzjonali li ma kinitx taqa’ taħt regoli relatati ma’ l-għajnuna mogħtija mill-Istat, li l-esklużjoni tas-sostituti tal-kategorjia tal-granulat pur kienet iġġustifikata minħabba n-natura jew l-ekonomija ġenerali tas-sistema, u li l-mekkaniżmu normali applikabbli għat-taxxi indiretti għall-konsum ma kienx jaqa’ taħt is-settur ta’ l-għajnuna mogħtija mill-Istat.

162    L-intervenjent jippreċiża li l-konsulatazzjoni fuq il-granulat li ġej mill-iskart, li nbdiet fid-9 ta’ Diċembru 2002, kienet intiża li tiġbor informazzjoni dwar il-granulat, sabiex teżamina jekk kienx hemm lok li teżentahom, u jekk tali eżenzjoni kienet ta’ qliegħ għall-industrija u setgħet tiġi effettwata mingħajr taxxa eċċessiva għall-impriżi jew riskju ta’ abbuż. Id-dokument ta’ konsultazzjoni invokat mir-rikorrenti ma jissuġġerix li t-trattament ta’ l-iskart huwa inkompatibbli ma’ l-għanijet tat-taxxa.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

163    Għandu jiġi eżaminat primarjament l-argument tal-Kummissjoni li, kuntrarjament għall-argument tar-rikorrenti, ibbażat fuq il-ġurisprudenza preċedenti għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 659/1999, f’April 1999, il-preżenza ta’ diffikultajiet serji ta’ evalwazzjoni ta’ miżura ta’ għajnuna ma timponilhiex aktar li tiftaħ il-proċedura formali ta’ eżami. Il-Kummissjoni ssostni b’mod partikolari li, fil-każ ta’ għajnuna mhux innotifikata, hija għandha d-dritt, mingħajr ma tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE, li primarjament tieħu l-informazzjoni neċessarja mill-Istat Membri kkonċernat, skond l-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 659/1999.

164    F’dan il-każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrileva li l-miżura statali in kawża kienet ġiet innotifikata biss minħabba li hija kienet tipprovdi eżenzjoni favur l-Irlanda ta’ Fuq, u mhux id-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-AGL, l-unika in kwistjoni fil-każ preżenti.

165    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-obbligu tal-Kummissjoni li teżamina primarjament għajnuna illegali eventwali ma’ l-Istat Membri kkonċernat, skond il-każ billi titolbu informazzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-10 ta’ Mejju 2005, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-400/99, Ġabra p. I-3657, punti 29 u 30), ma setax jeżenta lil din l-istituzzjoni mill-obbligu tagħha li tiftaħ il-proċedura formali ta’ eżami b’mod partikolari jekk, fid-dawl ta’ l-informazzjoni miksuba, hija tibqa’ b’dawn id-diffikultajiet serji ta’ evalwazzjoni tal-miżura kkunsidrata. Fil-fatt tali obbligu jirriżulta direttament mill-Artikolu 88(3) KE kif kien ġie interpretat mill-ġurisprudenza, u barra minn hekk huwa espressament ikkonfermat mid-dispożizzjonijiet flimkien ta’ l-Artikolu 4(4) u ta’ l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999, meta l-Kummissjoni tikkonstata, wara eżami preliminari, li l-miżura illegali tqajjem dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ April 2002, Government of Gibraltar vs Il-Kummissjoni, T-195/01 u T-207/01, Ġabra p. II-2309, punti 69 u 72).

166    Fil-fatt, skond ġurisprudenza kostanti, il-proċedura ta’ l-Artikolu 88(2) KE tassumi natura indispensabbli peress illi l-Kummissjoni kellha diffikultajiet serji biex tevalwa jekk għajnuna hijiex kompatibbli mas-suq komuni. Il-Kummissjoni b’hekk ma tistax tirreferi għall-fażi preliminari ta’ l-Artikolu 88(3) sabiex tieħu deċiżjoni favorevoli għal miżura statali ħlief jekk hija wkoll għandha l-konvinzjoni, permezz ta’ l-ewwel eżami, li din il-miżura kemm ma tikkostitwixxix għajnuna skond l-Artikolu 87(1) KE, kemm, jekk hija tikkwalifika bħala għajnuna, hija kompatibbli mas-suq komuni. Min-naħa l-oħra, jekk dan l-ewwel eżami jwassal lill-Kummissjoni li jkollha konvinzjoni kuntrarja, jew jekk ma jippermettilhiex li tegħleb id-diffikulatajiet kollha mqajma mill-evalwazzjoni tal-kumpatibbiltà tal-miżura kkunsidrata mas-suq komuni, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tikkunsidra l-opinjonijiet neċessarji kollha u li tiftaħ, għal dan il-għan, il-proċedura ta’ l-Artikolu 88(2) KE (sentenzi Matra vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 33, u Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 39; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-10 ta’ Mejju 2000, SIC vs Il-Kummissjoni, T-46/97, Ġabra p. II-2125, punt 71, u tal-15 ta’ Marzu 2001, Prayon-Rupel vs Il-Kummissjoni, T-73/98, Ġabra p. II-867, punt 42).

167    L-obbligu li tiftaħ il-proċedura formali ta’ eżami jimponi ruħu b’mod partikolari meta l-Kummissjoni, wara li tkun ipproċediet, fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni kkomunikata mill-Istat Membri kkonċernat, għal eżami suffiċjenti tal-miżura statali in kawża, jibqa’ jkollha dubji fuq l-eżistenza ta’ elementi ta’ għajnuna skond l-Artikolu 87(1) KE, kif ukoll fuq il-kompatibbiltà tagħhom mas-suq komuni (sentenza ta’ l-10 ta’ Mejju 2005, L-Italja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punti 47 u 48).

168    F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, iċ-ċirkustanza li l-Kummissjoni kienet ikkunsidrat l-interess ta’ l-Istat Membru kkonċernat sabiex tieħu deċiżjoni ta’ malajr ma jippermettilhiex li tippreżupponi biss li din l-istituzzjoni kienet ibbażat ruħha fuq kriterji barra dawk dwar in-nuqqas ta’ diffikultajiet serji ta’ evalwazzjoni, sabiex tiddeċiedi li ma tiftaħx il-proċedura formali ta’ eżami.

169    Fir-rigward tad-dokument ta’ konsultazzjoni tad-9 ta’ Diċembru 2002, wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, m’għandhiex tiġi kkunsidrata għall-finjiet ta’ l-evalwazzjoni tal-legalità ta’ din id-deċiżjoni. Fil-fatt, skond ġurisprudenza stabbilita sewwa, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, l-evalwazzjonijiet kumplessi mressqa mill-Kummissjoni m’għandhomx jiġu eżaminati ħlief fil-funzjoni ta’ l-uniċi elementi li hija kellha fil-mument fejn hija effettwathom (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Ottubru 1999, Kneissl Dachstein vs Il-Kummissjoni, T-110/97, Ġabra p. II-2281, punt 47, u Salomon vs Il-Kummissjoni, T-123/97, Ġabra p. II-2925, punt 48).

170    Minn dan jirriżulta li l-uniċi argumenti utilment invokati mir-rikorrenti in sostenn ta’ dan il-motiv, dwar l-inkoerenzi allegati fil-limitu tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-AGL, jaqblu ma’ dawk li hija kienet ressqet fil-kuntest tal-motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 87(1) KE.

171    Madankollu, bħal ma l-Qorti tal-Prim’Istanza diġà ddeċidiet, il-limitu tal-kamp ta’ applikazzjoni materjali ta’ ekotaxxa, bħall-AGL, jaqa’ taħt il-kompetenza ta’ l-Istat Membru kkonċernat, li huwa liberu li jiffissa l-prijoritajiet tiegħu fil-qasam tal-politika ambjentali (ara l-punti 115 u 116 iktar ‘il fuq). F’dan il-kuntest, jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet li ntqalu qabel (ara l-punti 139 u 140 iktar ‘il fuq) li l-Kummissjoni setgħet tqis, mingħajr ma tagħmel żball manifest ta’ evalwazzjoni li ma jkun hemm ebda dubju li l-limitu tal-kamp ta’ applikazzjoni materjali ta’ l-AGL ma kienx jinkludi element ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat. Barra minn hekk, l-eżenzjoni ta’ l-esportazzjonijiet setgħet inkontestabbilment tiġġustifika ruħha min-natura tat-taxxa indiretta ta’ l-AGL (ara l-punti 154 u 155 iktar ‘il fuq). F’dawn iċ-ċirkustanzi, la l-iżviluppi li jinsabu fid-deċiżjoni tal-High Court of Justice tad-19 ta’ April 2002, la d-dikjarazzjonijiet ta’ l-intervenjent ma jispjegaw l-għażla tiegħu li ma jissuġġettax xi materjal lill-AGL minħabba x-xewqa li jippreżerva l-kompetittività internazzjonali tas-setturi kkonċernati, la l-kumplessità allegata tal-limitu tas-suq ikkonċernat, invokat mir-rikorrenti, ma juru l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji għal dak li jikkonċerna l-kwalifika ta’ l-AGL fir-rigward tal-kriterju tas-selettività.

172    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma qabżitx il-limiti tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħha meta kkunsidrat li l-kontroll, fir-rigward ta’ l-Artikolu 87(1) KE, in kwantu l-limitu tal-kamp ta’ applikazzjoni materjali ta’ l-AGL kif ukoll l-eżenzjoni ta’ l-esportazzjonijiet, ma jippreżenta ebda diffikultà serja li timponilha l-obbligu li tiftaħ il-proċedura formali ta’ eżami.

173    Minn dan isegwi li l-motiv ibbażat fuq il-ksur ta’l-obbligu li tiftaħ il-proċedura formali ta’ eżami għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur mill-Kummissjoni ta’ l-obbligi tagħha matul l-eżami preliminari

 L-argumenti tal-partijiet

174    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma pproċedietx għal eżami diliġenti u imparzjali ta’ l-ilment tagħha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kienet ammettiet, fir-risposta tagħha, li kienet adattat malajr id-deċiżjoni kkontestata, fuq talba ta’ l-intervenjent.

175    Barra minn hekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet naqset li turi b’mod suffiċjenti l-motivi ta’ rifjut ta’ l-ilment tagħha. Hija ma kkunsidratx l-inkoerenzi ppreżentati mir-rikorrenti fl-ilment tagħha, bħat-tassazzjoni tal-materja sekondarja li ħarġet mill-produzzjoni tal-kalċju mhux intaxxat, u non tassazzjoni ta’ l-iskistu estratt għal użu bħala granulat. Barra minn hekk, fil-każ ta’ l-esportazzjonijiet, id-deċiżjoni kkontestata ma teżaminax il-kwistjoni ta’ l-eżenzjoni ta’ l-esportazzjonijiet tal-materjal ta’ kwalità inferjuri.

176    Il-Kummissjoni tiċħad dan l-argument. Hija tgħid li l-kwistjonjiet kollha mqajma minn dan l-ilment, li huma barra minn hekk identiċi għal dawk li kienu ġew evokati fl-ewwel ilment, kienu ġew eżaminati fid-deċiżjoni kkontestata. L-iskeda tispjega biss in-nuqqas ta’ riferiment ta’ l-ilment tar-rikorrenti, fil-premessa 3 tad-deċiżjoni kkontestata li tirreferi għall-ewwel ilment.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

177    Skond il-ġurisprudenza, meta partijiet interessati jkunu ppreżentaw lill-Kummissjoni lmenti dwar miżuri statali li ma kienux ġew innotifikati skond l-Artikolu 88(3) KE, din l-istituzzjoni għandha l-obbligu, fil-kuntest tal-fażi preliminari prevista minn din id-dispożizzjoni, li tipproċedi, fl-interess ta’ amministrazzjoni ġusta tar-regoli fundamentali tat-Trattat dwar għajnuna mogħtija mill-Istat, għal eżami diliġenti u imparzjali ta’ dawn l-ilmenti (sentenzi Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 62, u SIC vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 105).

178    F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma tressaq ebda element serju li jippermetti li jiġi presuppost li l-Kummissjoni ma kinitx ipproċediet għal investigazzjoni suffiċjenti ta’ l-inkartament. Bil-kontra, jirriżulta mid-dokumenti ta’ l-inkartament li din l-istituzzjoni kienet stiednet l-awtoritajiet tar-Renju Unit jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-ilmenti prinċipali li jinsabu fl-ewwel ilment – li essenzjalment jixbħu l-ilmenti li jinsabu fl-ilment tar-rikorrenti, u li hija kienet talbet informazzjoni addizzjonali, li kienet ġiet ipprovduta fl-ittra tad-19 ta’ Frar 2002, imsemmija iktar ‘il fuq. F’dan il-kuntest, fin-nuqqas ta’ kull indikazjoni oħra, l-unika ċirkustanza li d-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet adottata malajr ma tippermettix li jiġi konkluż li kien hemm insuffiċjenza ta’ investigazzjoni.

179    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni kkomunikat id-deċiżjoni kkontestata, iddestinata għall-Istat Membru kkonċernat, lir-rikorrenti skond il-prinċipju ta’ amministrazzjoni ġusta. Madankollu, din id-deċiżjoni turi b’mod suffiċjenti r-raġunijiet taċ-ċaħda ta’ l-ilmenti msemmija fl-ilment tar-rikorrenti, kif kien diġà deċiż (ara l-punti 144, 145 u 154 iktar ‘il fuq).

180    Minn dan isegwi li l-motiv ibbażat fuq il-ksur mill-Kummissjoni ta’ l-obbligi tagħha matul l-eżami preliminari għandu jiġi miċħud.

181    Fid-dawl ta’ dawn il-motivi kollha, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

182    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, skond it-talbiet tal-Kummissjoni.

183    Skond l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri li jintervjenu fil-kawża jbatu l-ispejjeż tagħhom. Minn dan isegwi li r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta’ l-Irlanda ta’ Fuq ibati l-ispejjeż tiegħu.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tieni Awla Estiża)

taqta' u tiddeciedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tal-Kummissjoni.

3)      L-intervenjent għandha tbati l-ispejjeż tiegħu.

Pirrung

Meij

Forwood

Pelikánová

 

       Papasavvas

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fil-

Reġistratur

 

       il-President

E. Coulon

 

       J. Pirrung

Werrej

Fuq il-fatti li wasslu għal-kawża

Il-Finance Act 2001

Il-Proċedura amministrattiva kontenzjuża quddiem il-qorti nazzjonali

Id-deċiżjoni kkontestata

Fuq il-Proċedura

Fuq it-talbiet tal-partijiet

Fuq l-ammissibbiltà

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq il-mertu

Fuq il-motivi dwar il-ksur ta’ l-Artikolu 87(1) KE u tan-nuqqas ta’ motivazzjoni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

– kamp ta’ applikazzjoni materjali ta’ l-AGL

– eżenzjoni mill-esportazzjonijiet

Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ l-obbligu li tiftaħ il-proċedura formali ta’ eżami

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur mill-Kummissjoni ta’ l-obbligi tagħha matul l-eżami preliminari

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-ispejjeż



* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.