Language of document : ECLI:EU:T:2006:273

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM' ISTANZA (L-Ewwel Awla)

27 ta' Settembru 2006 (*)

“Kompetizzjoni –Artikolu 81 KE–Artikolu 82 KE – Distribuzzjoni ta’ partijiet separati (spare parts) – Importazzjonijiet paralleli – Ilment – Deċiżjoni ta’ ċaħda”

Fil-kawża T-204/03,

Haladjian Frères SA, stabbilita f’Sorgues (Franza), irrappreżentata minn N. Coutrelis, Avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn A. Whelan u O. Beynet, bħala aġenti, assistiti minn D. Waelbroeck, Avukat,

konvenuta,

sostnuta minn

Caterpillar, Inc., stabbilita f’Peoria, Illinois (L-Istati Uniti),

Caterpillar Group Services SA, stabbilita f’Charleroi (Il-Belġju),

inizjalment irrappreżentati minn N. Levy, solicitor, u S. Kingston, barrister, wara minn M. Levy u T. Graf, Avukat,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni ta' l-1 ta’ April 2003 li tiċħad l-ilment li jikkonċerna ksur preżunt ta' l-Artikoli 81 KE u 82 KE imressqa minn Haladjian Frères SA kontra Caterpillar, Inc.,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. García-Valdecasas, President, J. D. Cooke u V. Trstenjak, Imħallfin,

Reġistratur: K. Pocheć, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Marzu 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

A –  Il-kumpanniji fil-kawża

1        Ir-rikorrenti, li ressqet l-ilment, hija impriża Franċiża li timporta u tikkummerċjalizza fl-Ewropa u fl-Afrika partijiet separati (spare parts) għall-makkinarju għas-siti ta’ kostruzzjoni. Is-sorsi prinċipali ta’ forniment tagħha jinsabu fl-Unjoni Ewropea u fl-Istati Uniti.

2        Il-kumpannija msemmija fl-ilment, Caterpillar, Inc., hija impriża Amerikana li tipproduċi u tbigħ makkinarju għas-siti ta’ kostruzzjoni kif ukoll il-partijiet separati (spare parts) korrispondenti. Il-kummerċjalizzazzjoni ta’ dawn il-prodotti fl-Ewropa u fl-Afrika jsir permezz ta’ l-intermedjarju ta’ sussidjarja Żvizzera msejħa Caterpillar Overseas. Fl-1990, Caterpillar Overseas ħolqot sussidjarja Belġjana msejħa Caterpillar Export Services (CES), sabiex tamministra u tikkontrolla l-esportazzjonijiet ta’ partijiet separati (spare parts) prodotti minn Caterpillar minn żona ġeografika għal oħra.

B –  Proċeduri amministrattivi

1.     Proċedura mibdija mill-Kummissjoni kontra Caterpillar

3        Fl-1963, Caterpillar innotifikat lill-Kummissjoni bil-ftehim standard ta’ distribuzzjoni tal-prodotti tagħha fl-Ewropa. Din in-notifika ġiet aġġornata bosta drabi, b’mod partikolari fl-1983 u fl-1992. Qabel ma tressaq l-ilment ta’ Haladjian f’Ottubru 1993, u mill-1990, bejjiegħa bl-imnut oħra ta’ partijiet separati (spare parts) kienu ressqu lmenti kontra Caterpillar.

4        Sussegwentement għal dawn l-ilmenti, fit-12 ta’ Mejju 1993 il-Kummissjoni indirizzat komunikazzjoni ta' lmenti lil Caterpillar (aktar ‘il quddiem il-“komunikazzjoni ta' lmenti”), li fiha din l-impriża ġiet akkużata li timponi ħlas ta' kummissjoni tas-servizz għall-bejgħ barra mit-territorju, li titlob prezzijiet diskriminatorji u li tipprojbixxi l-bejgħ lil bejjiegħa bl-imnut meta jidher li dawn għandhom l-intenzjoni li jesportaw.

5        Fis-27 ta’ Awwissu 1993, Caterpillar ħadet pożizzjoni fuq il-komunikazzjoni ta' lmenti billi kkontestat l-eżistenza tal-ksur kollu in kwistjoni.

2.     Proċedura mibdija wara l-ilment ta’ Haladjian

6        Fit-18 ta’ Ottubru 1993, ir-rikorrenti ppreżentat talba lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1992, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (ĠU 13, 1962, p. 204) dwar ksur preżunt ta' dawn l-aħħar dispożizzjonijiet, imwettaq minn Caterpillar (aktar ‘il quddiem l-“ilment”).

7        Fil-25 ta’ Jannar 1994, Caterpillar ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq l-ilment.

8        Fit-23 ta’ Mejju 1994, Haladjian ippreżentat il-kummenti tagħha fuq dawn l-osservazzjonijiet kif ukoll fuq ir-risposta ta’ Caterpillar għall-komunikazzjoni ta' lmenti.

9        Fil-kuntest ta’ l-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni pproċediet, fis-6 u 7 ta’ Lulju 1995, għal spezzjoni għand ċerti distributuri Ewropej ta’ Caterpillar. Bl-istess mod, f’Settembru 1995, imbagħad fi Frar 1996, il-Kummissjoni bagħtet diversi talbiet għal informazzjoni lid-distributuri Ewropej ta’ Caterpillar, li rċeviet l-aħħar risposti tagħhom f’April 1996.

10      Haladjian bagħtet ukoll bosta ittri lilll-Kummissjoni sabiex tikkomunikalha dokumenti ġodda. B’mod partikolari, fil-11 ta’ Awwissu 2000, hija bagħtet lill-Kummissjoni nota ta’ rikapitulazzjoni li kienet tiġbor l-elementi kollha ta’ l-ilment tagħha li kienu jinsabu fil-fajl.

11      Fid-19 ta’ Lulju 2001, il-Kummissjoni bagħtet ittra lir-rikorrenti skond l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2842/98, tat-22 ta’ Diċembru 1998, dwar is-smigħ tal-partijiet f’ċerti proċedimenti taħt l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat tal-KE (ĠU L 354, p. 18), fejn informatha bl-intenzjoni tagħha li tiċħad l-ilment (aktar ‘il quddiem l-“ittra Artikolu 6”).

12      Fit-22 ta’ Ottubru 2001 ir-rikorrenti kkomunikat lill-Kummissjoni l-osservazzjonijiet tagħha fuq l-ittra Artikolu 6.

13      Permezz ta’ deċiżjoni ta’ l-1 ta’ April 2003, il-Kummissjoni formalment ċaħdet l-ilment (aktar ‘il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

14      Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Mejju 2003, il-Kummissjoni indikat lil Caterpillar li, wara li kienet analizzat ir-risposta tagħha għall-komunikazzjoni ta' lmenti u l-informazzjoni li rċeviet sussegwentement, hija kienet iddeċidiet li tirtira dawn l-ilmenti u li tagħlaq il-każ.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

15      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-10 ta’ Ġunju 2003, ir-rikorrenti ressqet din il-kawża.

16      Permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Ottubru, li ġiet ikkompletata fis-16 ta’ Ottubru 2003, Caterpillar u Caterpillar Group Services talbu sabiex jintervjenu in sostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

17      Permezz ta’ digriet tal-5 ta’ Diċembru 2003 tal-President tal-Ħames Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Caterpillar u Caterpillar Group Services ġew ammessi sabiex jintervjenu in sostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni u t-talba għal trattament kunfidenzjali ġiet aċċettata.

18      Caterpillar u Caterpillar Group Services (aktar ‘il quddiem “Caterpillar”) ippreżentaw nota ta’ intervent fit-2 ta’ Frar 2004. Fit-22 u 20 ta’ April 2004, ir-rikorrenti u l-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq in-nota ta’ intervent.

19      Fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (L-Ewwel Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Kummissjoni ġiet mitluba li tindika kif kienet spiċċat il-proċedura mibdija kontra Caterpillar wara l-komunikazzjoni ta' lmenti. Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Marzu 2006, irreġistrata fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-10 ta’ Marzu 2006, il-Kummissjoni rrispondiet għal din il-mistoqsija tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

20      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza nstemgħu fis-seduta tat-28 ta’ Marzu 2006.

21      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż;

–        tordna lill-intervenjenti jbatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll l-ispejjeż tagħha relatati ma’ l-intervent.

22      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

23      L-intervenjenti jitolbu lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż sostnuti minnhom.

 Id-dritt

A –  Osservazzjonijiet preliminari fuq il-portata ta’ l-obbligi tal-Kummissjoni matul l-investigazzjoni ta’ l-ilment dwar ksur ta’ l-Artikoli 81 KE u 82 KE

24      Preliminarjament, il-partijiet prinċipali jesponu l-obbligi imposti fuq i-Kummissjoni meta ssir investigazzjoni ta’ lment, jipprovdu analiżi tal-livell ta’ prova u ta’ motivazzjoni li għandha tkun meħtieġa minn din l-istituzzjoni f’dan il-kuntest u tiddiskuti l-portata ta' l-istħarriġ ġudizzjarju tal-Qorti tal-Prim’Istasnza fil-każ ta’ rikors kontra deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ lment.

25      Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li d-deċiżjoni kkontestata tikkonkludi, skond analiżi dwar l-applikabbiltà ta’ l-Artikolu 81(1) KE u l-applikabbiltà ta’ l-Artikolu 82 KE, li l-elementi ppreżentati minn Haladjian matul il-proċedura amministrattiva, b’mod partikolari bħala risposta għall-ittra Artikolu 6, “ma jippermettux li l-[ilment] jiġi milqugħ” u, konsegwentement, tiċħdu. Huwa f’dan il-kuntest li għandu jiġi mfakkar liema huma d-drittijiet tal-persuna li tagħmel l-ilment u l-obbligi tal-Kummissjoni f’każ ta’ ċaħda ta’ lment li jallega l-eżistenza ta’ ksur ta’ l-Artikoli 81 KE u 82 KE.

26      Għaldaqstant, il-persuna li tagħmel l-ilment għandha d-dritt li tiġi informata u li tikkummenta dwar il-motivi ta’ ċaħda ta’ l-ilment tagħha prevista mill-Kummissjoni qabel ma tiġi adottata deċiżjoni f’dan is-sens minn din l-istituzzjoni. Fil-fatt, ir-Regolamenti Nri 17 u 2842/98, applikabbli f’dan il-każ, jagħtu drittijiet proċedurali lill-persuni li jkunu ressqu lment quddiem il-Kummissjoni fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 17. Fost dawn id-drittijiet hemm dawk previsti fl-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 2842/98, li jipprovdu li l-Kummissjoni, meta tikkunsidra li l-elementi li tkun ġabret ma jiġġustifikawx li l-ilment jiġi milqugħ, għandha tindika l-motivi ta’ ċaħda tagħha lill-persuna li tagħmel l-ilment u tagħtiha limitu ta’ żmien sabiex tippreżenta l-eventwali osservazzjonijiet bil-miktub.

27      Għaldaqstant, la r-Regolament Nru 17 u lanqas ir-Regolament Nru 2842/98 ma fihom dispożizzjonijiet espressi li jikkonċernaw azzjoni ulterjuri, fil-mertu, għal ilment u l-obbligi ta’ investigazzjoni eventwali tal-Kummissjoni għal dak li jikkonċerna l-investigazzjoni tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Settembru 1992, Automec vs Il-Kummissjoni, T-24/90, Ġabra p. II-2223, punt 72). Fuq dan il-punt, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni m’għandhiex l-obbligu li tibda proċeduri intiżi sabiex jistabbilixxu eventwali ksur tad-dritt Komunitarju (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Frar 1989, Star Fruit vs Il-Kummissjoni, 247/87, Ġabra p. 291, 301) u li, fost id-drittjiet mogħtija lill-persuni li jagħmlu l-ilment mir-Regolamenti Nri 17 u 2842/98, mhemmx id-dritt li tinkiseb deċiżjoni definittiva inkwantu għall-eżistenza jew le ta' l-allegat ksur (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Ottubru 1979, GEMA vs Il-Kummissjoni, 125/78, Ġabra p. 3173, punti 17 u 18).

28      Huwa fuq il-bażi ta’ dawn il-prinċipji li l-ġurisprudenza rrikonoxxiet li, jekk il-Kummissjoni m’għandhiex l-obbligu li tagħti deċiżjoni fuq l-eżistenza jew le ta’ ksur, hija ma tistax tiġi mġiegħla tagħmel investigazzjoni, minħabba li din ta’ l-aħħar ma jistax ikollha skop ieħor ħlief li tfittex l-elementi ta’ prova dwar l-eżistenza jew le ta’ ksur li hija m’għandhiex obbligu li tikkonstata (sentenza Automec vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar ‘il fuq, punt 76). Minbarra dan, anki meta tali investigazzjoni tkun saret, ebda dispożizzjoni ta’ leġiżlazzjoni sekondarja ma tista’ tagħti lill-persuna li tagħmel l-ilment id-dritt li tobbliga lill-Kummissjoni tkompli l-proċedura sa l-istadju ta’ deċiżjoni finali fejn tikkonstata l-eżistenza jew l-ineżistenza ta' l-allegat ksur (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Mejju 2001, IECC vs Il-Kummissjoni, C-449/98 P, Ġabra p. I-3875, punt 35). L-eżistenza tas-setgħa diskrezzjonali li huwa rikonoxxut li għandha l-Kummissjoni fil-kuntest ta’ l-eżami ta’ l-ilmenti, fil-fatt, mhijiex funzjoni tan-natura xi ftit jew wisq avanzata ta’ investigazzjoni ta’ każ (sentenza IECC vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar ‘il fuq, punt 37).

29      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li, meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tipproċedi għal investigazzjoni ta’ lment, hija għandha, ħlief f’każ ta’ motivazzjoni debitament sostanzjata, tagħmel dan bl-attenzjoni, bis-serjetà u bid-diliġenza meħtieġa, sabiex tkun f'pożizzjoni li tevalwa b’għarfien sħiħ l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt suġġetti għall-evalwazzjoni tagħha mill-persuni li jagħmlu l-ilment (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ Ġunju 1993, Asia Motor France et vs Il-Kummissjoni, T-7/92, Ġabra p. II-669, punt 36, u tal-21 ta’ Marzu 2001, Métropole Télévision vs Il-Kummissjoni, T-206/99, Ġabra p. II-1057, punt 59).

30      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li l-Qorti tal-Prim’Istanza għandha tivverifika jekk id-deċiżjoni kkontestata, li tiċħad l-ilment, tinkludix eżami approprjat ta’ l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt suġġetti għall-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ l-atti tal-Kummissjoni, li jinvolvu evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, bħalma huwa l-każ fil-qasam ta’ allegazzjonijiet ta’ ksur ta' l-Artikoli 81 KE u 82 KE, jillimita ruħu għall-verifika tal-ħarsien tar-regoli tal-proċedura u ta’ motivazzjoni kif ukoll għal verifika ta’ l-eżattezza materjali tal-fatti, tan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ abbuż ta’ poter (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Novembru 1987, BAT u Reynolds vs Il-Kummissjoni, 142/84 u 156/84, Ġabra p. 4487, punt 62, u tal-15 ta’ Ġunju 1993, Matra vs Il-Kummissjoni, C-225/91, Ġabra p. I-3203, punti 23 u 25; sentenza Asia Motor France et vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar ‘il fuq, punt 33).

B –  Preżentazzjoni ġenerali tas-“sistema CES”, ta' l-ilmenti ta’ Haladjian u tad-deċiżjoni kkontestata

31      L-ilment ta’ Haladjian jirreferi għall-modifiki magħmula minn Caterpillar għas-sistema ta’ kummerċjalizzazzjoni tagħha tal-partijiet separati (spare parts) sa mill-1982, u dan sabiex tillimita l-importazzjonijiet paralleli fl-Ewropa li jitilqu mill-Istati Uniti.

1.     Deskrizzjoni tas-sistema CES

32      Għall-finijiet tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tagħha, Caterpillar qasmet id-dinja f’żoni ġeografiċi differenti, fosthom l-Istati Uniti, iż-Żona KE/EFTA u l-Afrika, u fdat il-kummerċjalizzazzjoni tal-makkinarju għas-siti ta’ kostruzzjoni u partijiet separati (spare parts) korrispondenti tagħha lil 181 distributur indipendenti, li jaħdmu f'160 pajjiż. Id-distributuri ta’ Caterpillar fiż-żona KE/EFTA m’għandhomx esklużività ta’ bejgħ fit-territorju li huwa mogħti lilhom. Għaldaqstant, Caterpillar għandha żewġ distributuri fl-Italja (fosthom Maia), żewġ distributuri fir-Renju Unit (fosthom Leverton) u wieħed fi Franza (Bergerat).

33      Caterpillar ma timponix prezz ta’ bejgħ fuq id-distributuri tagħha. Kull wieħed minnhom jibqa’ liberu li jistabbilixxi l-prezzijiet tiegħu b’kunsiderazzjoni tal-prezz ta’ xiri, l-varjazzjonijiet fir-rati tal-kambju, l-ispejjeż tal-kummerċjalizzazzjoni u l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni lokali. Skond l-informazzjoni rċevuta matul il-proċedura amministrattiva, il-prezzijiet mitluba mid-distributuri Amerikani huma inqas mill-prezzijiet mitluba mid-distributuri Ewropej, li huma inqas mill-prezzijiet mitluba mid-distributuri Afrikani. Il-prezzijiet mitluba mid-distributuri Ewropej ivarjaw ukoll kunsiderevolment minn pajjiż għall-ieħor.

34      Sa l-1982, Caterpillar ma imponiet ebda limitu inkwantu għall-forniment ta' partijiet separati (spare parts) minn żona ġeografika għal oħra. Il-forniment ġewwa l-istess żona ġeografika (bħaż-żona KE/EFTA) baqgħet ukoll totalment libera għall-bejjiegħa bl-imnut tal-partijiet separati (spare parts) kif ukoll għall-utenti ta’ dawn il-partijiet. Madankollu fl-1982 Caterpillar ikkonstatat li bosta bejjiegħa bl-imnut kienu qed japprofittaw mid-differenzi fil-prezzijiet bejn iż-żoni ġeografiċi sabiex jagħmlu importazzjonijiet kunsiderevoli minn żona għall-oħra. Skond Caterpillar, dawn it-trasferimenti kienu ta' perikolu għad-dħul tad-distributuri tagħha li kienu effettwaw investimenti kunsiderevoli sabiex jirrispondu għall-eżiġenzi ta’ distribuzzjoni effettiva u kompetittiva tal-makkinarju għas-siti ta’ kostruzzjoni.

35      Sa mill-1982, Caterpillar iddeċidiet li tirrestrinġi l-bejgħ ta’ partijiet separati (spare parts) minn żona ġeografika għall-oħra (aktar ’il quddiem il-“bejgħ bejn iż-żoni”). B'hekk, permezz ta’ ittra ta’ l-24 ta’ Settembru 1982, Caterpillar indikat lid-distributuri Amerikani tagħha li l-partijiet separati (spare parts) tagħha ma setgħux jinbiegħu lil bejjiegħ bl-imnut li jesportahom minn dan il-pajjiż. Bl-istess mod, permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Diċembru 1982, Caterpillar indikat lid-distributuri Ewropej tagħha li l-imsemmija partijiet ma kellhomx jinbiegħu mill-ġdid lil bejjiegħ bl-imnut sabiex jiġu esportati barra mill-Istati Uniti jew mill-pajjiżi taż-żona KE/EFTA.

36      Peress illi dawn l-istruzzjonijiet ma kinux ġew rispettati, Caterpillar informat id-distributuri tagħha fid-dinja, permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Frar 1990, bil-ħolqien tal-Caterpillar Export Services (CES) sabiex tamministra u tikkontrolla l-bejgħ bejn iż-żoni (aktar ‘il quddiem is-“sistema CES”). Caterpillar bagħtet lid-distributuri tagħha lista, aġġornata perjodikament, ta’ bejjiegħa bl-imnut li jwettqu bejgħ bejn iż-żoni sabiex tattira l-viġilanza tagħhom u sabiex tħeġġiġhom jivverifikaw id-destinazzjoni tal-partijiet ordnati (aktar ‘il quddiem il-“lista ta’ bejjiegħa bl-imnut bejn iż-żoni”). Skond id-deċiżjoni kkontestata, din il-proċedura ta’ verifika tad-destinazzjoni tal-partijiet separati (spare parts) baqgħet madankollu għad-diskrezzjoni tad-distributur biss.

37      Skond is-sistema CES, il-partijiet separati (spare parts) prodotti minn Caterpillar għandhom jinbiegħu skond il-prinċipji segwenti.

38      Fl-ewwel lok, l-utent finali jista’ jixtri liberament il-partijiet separati (spare parts) ta’ Caterpillar fi kwalunkwe parti ta’ l-Ewropa jew fiż-żoni ġeografiċi l-oħra.

39      Fit-tieni lok, il-bejjiegħ bl-imnut Ewropew jista’ jixtri partijiet separati (spare parts) għall-bejgħ mill-ġdid fil-pajjiżi taż-żona KE/EFTA mingħand kwalunkwe distributur ta’ dawn il-pajjiżi. B'dan il-mod, huwa meqjus li jista’ jkollu stokk. Is-sistema CES ma tapplikax għall-bejjiegħ bl-imnut Ewropew li jixtri f’pajjiż taż-żona KE/EFTA sabiex ibiegħ mill-ġdid f’pajjiż ieħor ta’ din iż-żona.

40      Fit-tielet lok, il-bejjiegħ bl-imnut Ewropew li jiffornixxi ruħu fl-Istati Uniti sabiex ibiegħ fiż-żona KE/EFTA jista’ dejjem jixtri partijiet separati (spare parts) mingħand distributuri Amerikani ta’ Caterpillar, imma bil-kundizzjoni li jirrispetta proċedura partikolari li fiha żewġ aspetti essenzjali. Minn naħa, il-bejjiegħ bl-imnut Ewropew għandu jiddikjara ma' CES liema huwa l-klijent Ewropew li għalih jixtri l-partijiet, u dan sabiex jikseb kodiċi tal-klijent. Min-naħa l-oħra, id-distributur Amerikan għandu jiddikkjara ma' Caterpillar li huwa jeżegwixxi ordni għal partijiet ippreżentata minn bejjiegħ bl-imnut Ewropew sabiex jiġu esportati lejn iż-żona KE/EFTA. B’hekk Caterpillar timponi fuq dan id-distributur prezz aktar għoli minn bejn wieħed u ieħor 10% tal-prezz normalment impost għall-partijiet iddestinati għas-suq Amerikan (aktar ‘il quddiem il-“prezz għad-distributuri Amerikani”). Għal Caterpillar, din iż-żieda fil-prezz hija ġġustifikata mir-rieda tagħha li tittrasferixxi parti mill-profitt ta' din l-operazzjoni lid-distributur li jinsab fl-Ewropa, li għandu l-obbligu li jieħu ħsieb is-servizz ta’ wara l-bejgħ ta’ makkinarju għas-sit ta’ kostruzzjoni kkonċernat. Madankollu, id-distributur Amerikan jibqa’ liberu li jitlob il-prezz li jixtieq mingħand il-bejjiegħ bl-imnut Ewropew.

41      L-istess proċedura tapplika fil-każ li l-bejjiegħ bl-imnut Ewropew jixtieq jixtri fl-Ewropa sabiex ibiegħ mill-ġdid fl-Afrika.

2.     Preżentazzjoni ta’ l-ilmenti ta’ Haladjian

42      Fl-ilment, ikkompletat b’mod partikolari min-nota ta’ rikapitulazzjoni tal-11 ta’ Awwissu 2000, Haladjian issostni li l-prattiċi li ġew irrapportati jikkostitwixxu ksur ta' l-Artikoli 81 KE u 82 KE. B’mod partikolari, is-sistema CES hija, bħala tali, akkordju bejn impriżi kif stabbilit fl-Artikolu 81 KE u r-regoli ta’ implementazzjoni tagħha, b’mod partikolari fir-rigward ta’ Haladjian, huma ta’ natura li jirrestrinġu l-kompetizzjoni fil-Komunità. Għaldaqstant Haladjian tallega li Caterpillar tipprojbixxi lid-distributuri tagħha milli jbigħu bejn iż-żoni – per eżempju, l-esportazzjonijet ta’ partijiet separti mill-Istati Uniti lejn iż-żona KE/EFTA – kif ukoll milli jbiegħu lil bejjiegħa bl-imnut ta’ partijiet separati (spare parts) stabbiliti f’pajjiżi oħra ġewwa ż-żona KE/EFTA (aktar ‘il quddiem il-“bejgħ intrakomunitarju”) – per eżempju mill-Italja lejn Franza.

43      Għal dak li jirrigwarda l-bejgħ bejn iż-żoni, Haladjian tikkunsidra li l-fatt li x-xiri tagħha ta’ partijiet separati (spare parts) għall-Istati Uniti huwa limitat biss għall-partijiet li għalihom hija tkun effettivament awtorizzata minn klijent Ewropew iwaqqafha milli tiffornixxi s-suq Ewropew b’mod sodisfaċjenti, billi jċaħħadha mill-possibbiltà li tiddisponi minn stokk ta’ partijiet separati (spare parts) suffiċjenti, u toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni. Haladjian issostni wkoll li ż-żieda ta’ 10% fil-prezz għad-distributuri Amerikani f’każ ta’ bejgħ iddestinat għall-esportazzjoni jikkostitwixxi restrizzjoni ta’ kompetezzjoni li tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

44      Għal dak li jirrigwarda l-bejgħ intrakomunitarju, Haladjian issostni li Caterpillar u d-distributuri Ewropej tagħha jipprojbixxu kull importazzjoni parallela bejn l-Istati Membri tal-Komunità, li jwassal għal restrizzjoni tal-kompetizzjoni u jaffettwa l-kummerċ.

3.     Id-deċiżjoni kkontestata u r-rikors ta’ Haladjian

45      Wara li ddeskriviet is-sistema CES u ppreżentat ir-riżultati ta’ l-investigazzjoni diliġenti sabiex tivverifika l-mertu ta’ l-allegazzjonijiet ta’ Haladjian, id-deċiżjoni kkontestata tippreċiża r-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni tikkunsidra li l-elementi miġbura ma jippermettux li l-ilment jiġi milqugħ. L-evalwazzjoni ġuridika tal-Kummissjoni tiddistingwi l-bejgħ bejn iż-żoni, magħmul fil-kuntest tas-sistema CES, mill-bejgħ intrakomunitarju.

46      Fil-kuntest ta’ l-eżami ta’ l-“applikabbiltà ta’ l-Artikolu [81(1) KE] għall-akkordji u prattiċi miftiehma li jikkonċernaw [il-bejgħ bejn iż-żoni]”, id-deċiżjoni kkonestata tirrileva li s-sistema CES ma tiżolax is-suq Komunitarju, peress li ma tipprojbixxix fil-fatt jew fid-dritt, il-kompetizzjoni ta’ partijiet importati bi prezzijiet inqas mill-prezzijiet Ewropej. Minn naħa, id-deċiżjoni tirrileva, f’dan ir-rigward li fiż-żona KE/EFTA, il-bejjiegħa bl-imnut Ewropej jistgħu jiffornixxu ruħhom liberament u mingħajr ebda limitu mingħand distributuri li jinsabu f’din iż-żona u, min-naħa l-oħra, li dawn il-bejjiegħa bl-imnut jistgħu dejjem jiffornixxu ruħhom fl-Istati Uniti fil-kuntest tas-sistema CES (ir-raba subparagrafu tal-punt 7.2 tad-deċiżjoni kkontestata).

47      Ċertament li, id-deċiżjoni kkontestata tirrileva li dan is-sors ta’ forniment huwa suġġett għal-limitazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ l-utenti finali tal-partijiet, imma din il-limitazzjoni mhijiex ta’ natura li tirrestrinġi b’mod sinjifikanti l-kummerċ bejn l-Istati Uniti u l-Ewropa u li taffettwa l-kompetizzjoni intrakomunitarja, bħalma huwa attestat mill-fatt li l-importazzjonijiet li jkunu ġejjin mill-Istati Uniti jibqgħu possibbli u ta’ profitt, li. għalhekk s-suq Ewropew mhuwiex maqsum f'partijiet u li fil-prattika Haladjian tkompli tagħmel użu minn dan is-sors alternattiv (ir-raba' subparagafu tal-punt 7.2 tad-deċiżjoni kkontestata, u l-ewwel inċiż tal-konklużjoni tal-punt 7.2).

48      Bl-istess mod, id-deċiżjoni kkontestata tirrileva li d-differenza ta’ 10% bejn il-prezzijiet għad-distributuri Amerikani u l-prezzijiet applikabbli f’każ ta’ bejgħ bejn iż-żoni hija inqas kbira meta mqabbla mad-differenza bejn il-prezzijiet Amerikani u Ewropej għall-partijiet separati (spare parts) u newtrali għal dak li jikkonċerna l-kompetizzjoni bejn il-bejjiegħa bl-imnut fuq is-suq Ewropew. Konsegwentement, l-effetti li din iż-żieda fil-prezz jista’ jkollha fuq il-kompetizzjoni li l-bejjiegħa bl-imnut li jimportaw mill-Istati Uniti huma f'pożizzjoni li jeżerċitaw fir-rigward tad-distributuri uffiċjali fil-pajjiżi KE/EFTA hija minima (ir-raba' subparagrafu tal-punt 7.2 tad-deċiżjoni kkontestata u t-tielet inċiż tal-konklużjoni tal-punt 7.2).

49      Fil-kuntest ta’ l-eżami ta’ l-“applikabbiltà ta’ l-Artikolu [81(1) KE] għall-[bejgħ intrakomunitarju]”, id-deċiżjoni kkontestata tindika li s-sistema CES ma fiha ebda restrizzjoni ta’ kompetizzjoni, fid-dawl tas-suġġett ta’ l-ilment. Skond id-deċiżjoni, is-sistema CES tikkonċerna biss il-bejgħ bejn iż-żoni u ma tqiegħedx fid-dubju l-libertà ta’ xiri u ta’ bejgħ ġewwa ż-żona KE/EFTA. L-utenti finali u l-bejjiegħa bl-imnut Ewropej jistgħu jixtru partijiet separati (spare parts) liberament mingħand kwalunkwe distributur approvat minn Caterpillar stabbilit fiż-żona KE/EFTA, bil-kundizzjoni li l-partijiet mixtrija mill-bejjiegħa bl-imnut ikunu ddestinati għas-swieq tal-pajjiżi li jinsabu f’din iż-żona (punt 7.1 tad-deċiżjoni kkontestata).

50      Essenzjalment, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi fir-rikors tagħha. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-eżistenza ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni tal-fatti u żbalji ta’ dritt għal dak li jikkonċerna l-applikabbiltà ta’ l-Artikolu 81(1) KE għas-sistema CES. It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-eżistenza ta’ żbalji ta’ dritt għal dak li jikkonċerna l-applikabbiltà ta’ l-Artikolu 82 KE għas-sistema CES. It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-ksur tar-regoli ta’ proċedura u tad-drittijiet tal-persuna li tressaq l-ilment.

C –  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni tal-fatti u żbalji ta’ dritt għal dak li jikkonċerna l-applikabbiltàa’ l-Artikolu 81(1) KE

51      Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn bosta żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni tal-fatti ppreżentati lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, li wasslu għal żbalji ta’ dritt dwar l-evalwazzjoni u l-karatterizzazzjoni ta’ l-akkordji u l-prattiċi in kwistjoni fir-rigward ta’ l-Artikolu 81 KE.

1.     Fuq l-oġġezzjonijiet dwar is-sistema CES

52      L-ewwel nett ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tirrifjuta b’mod żbaljat li tikkonstata li s-sistema CES, minnha nnifisha toħloq ostakli għall-kummerċ bejn l-Istati Membri minħabba l-fatt taż-żieda fil-prezz għad-distributuri Amerikani f’każ ta’ bejgħ bejn iż-żoni u minħabba l-limitazzjoni ta’ l-ordnijiet magħmula mill-bejjiegħa bl-imnut Ewropej lill-Istati Uniti għall-partijiet biss li huma effettivament awtorizzati li jagħmlu minn klijent Ewropew. Haladjian tesponi, sussegwentement, tliet ilmenti preċiżi dwar il-lista tal-bejjiegħa bl-imnut bejn iż-żoni, is-sorveljanza tad-destinazzjoni ta’ xiri bejn iż-żoni u d-dewmien fl-attribuzzjoni tal-kodiċi intiżi sabiex jidentifikaw it-tranżazzjonijiet magħmula fil-kuntest tas-sistema CES (aktar ‘il quddiem il-“kodiċi CES”).

a)     Fuq l-effett tar-restrizzjoni tal-bejgħ bejn iż-żoni

 L-argumenti tal-partijiet

53      Ir-rikorrenti ssostni li n-natura globali tas-sistema CES u r-restrizzjoni li hija tagħmel fuq il-bejgħ bejn iż-żoni huma ħaġa waħda ma’ l-aspett intrakomunitarju tagħha, li l-effetti tagħhom għandhom jiġu evalwati konkretament u mhux fl-astratt. B’hekk ma jistax jiġi affermat li s-sistema CES m’għandhiex effett kunsiderevoli fuq il-kompetizzjoni fil-Komunità fin-nuqqas ta’ kull analiżi tas-suq rilevanti fid-deċiżjoni kkontestata. Bl-istess mod, il-kunsiderazzjoni li l-importazzjonijiet fl-Ewropa li ġejjin mill-Istati Uniti jibqgħu dejjem possibbli u ta’ profitt, li jippermetti li s-suq Ewropew ma jkunx maqsum f'partijiet (ara l-ewwel inċiż tal-punt 7.2, p. 25 tad-deċiżjoni kkontestata) mhijiex rilevanti sabiex jiġi konkluż li hemm nuqqas ta’ restrizzjoni ta’ kompetizzjoni, skond l-Artikolu 81 KE.

54      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ma tasal għal ebda konklużjoni mill-fatt li s-swieq ġeografiċi differenti huma rigorożament maqsuma f'partijiet, bħalma juri l-fatt li l-bejjiegħa bl-imnut, bid-differenza ta’ l-utenti finali, ma jistgħux jixtru b’mod indipendenti mill-Istati Uniti, il-fatt li hija stess – l-uniku sors alternattiv ta’ forniment li jeżisti fil-Komunità – ma jistax ikollha stokk li ġej mill-Istati Uniti u l-fatt li l-parti tas-suq tagħha fi Franza kienet ġiet kunsiderevolment imnaqqsa. Din il-parti tas-suq kienet naqset minn 30% fl-1982 għal 20% fl-1993 u għal inqas minn 10% fl-2003, u dan għal benefiċċju ta’ Bergerat, id-distributur ta’ Caterpillar fi Franza, li huwa b’mod ċar akbar mill-limitu ta’ apprezzabbiltà ddeterminat mill-ġurisprudenza sabiex jiġi applikat id-dritt Komunitarju (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Ottubru 2003, General Motors Nederland u Opel Nederland vs Il-Kummissjoni, T-368/00, Ġabra p. II-4491, punt 153). Dan it-tnaqqis huwa biżżejjed sabiex juri l-eżistenza ta’ restrizzjoni ta’ kompetizzjoni skond l-Artikolu 81 KE. Fid-dawl ta’ l-evoluzzjoni ta’ din il-parti tas-suq, mhuwiex rilevanti li n-numru ta’ utenti finali li għalihom Haladjian tixtri mill-Istati Uniti fil-kuntest tas-sistema CES kien żdied bejn 2001 u 2003. Minbarra dan, is-suq kollu, u mhux biss is-sitwazzjoni tal-persuna li tagħmel l-ilment, għandu jiġi eżaminat. F’din is-sitwazzjoni, għall-utent finali Ewropew li jfittex bejjiegħ li jkun jista’ jakkwistalu malajr partijiet li jkunu għandu fl-istokk, ix-xiri mill-Istati Uniti effettwat fil-kuntest tas-sistema CES ma jikkostitwixxix sors alternattiv ta’ forniment effettiv.

55      Ir-rikorrenti ssostni wkoll li ż-żieda fil-prezz għad-distributuri Amerikani f’każ ta’ esportazzjoni lejn l-Ewropea m’għandhiex bħala l-effett biss ta' żieda ta’ 10%, peress illi l-prezz effettivament impost jista’ jkun inqas mill-prezz għad-distributuri Amerikani, minħabba l-fatt li normalment Caterpillar tagħti skont lid-distributuri tagħha. Madankollu, minn bosta dokumenti pprovduti minn Haladjian lill-Kummissjoni jirriżulta li Caterpillar ma tagħtix skont ta’ użu lid-distributuri li jbigħu għall-esportazzjoni [ara l-ittra ta’ Caterpillar lid-distributuri Amerikani tat-2 ta’ Frar 1990, u l-ittra ta’ Caterpillar indirizzata lid-distributuri bl-imnut (“sub-dealers”) tat-28 ta’ Ġunju 1993]. L-ispejjeż addizzjonali għad-distributur Amerikan u konsegwentement għall-bejjiegħ bl-imnut Ewropew u l-klijent tiegħu, b’hekk jistgħu jkunu ħafna aktar għolja minn dawk evokati fid-deċiżjoni kkontestata.

56      Il-Kummissjoni u Caterpillar jirrilevaw li l-importazzjonijiet mill-Istati Uniti jibqgħu possibbli u ta’ profitt u li Haladjian tkompli tkun sors alternattiv ta’ forniment għall-utenti Ewopej. B’hekk id-diffikultajiet identifikati minn Haladjian ma jikkostitwixxux restrizzjoni ta’ kompetizzjoni, fis-sens definit mill-Artikolu 81(1) KE, b’mod partikolari fir-rigward tal-kriterji esposti fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ April 1998, Javico (C-306/96, Ġabra p. I-1983, punti 16 u 25), li tistabbilixxi li l-influwenza ta’ l-allegati restrizzjonijiet ta’ kompetizzjoni fuq il-mod kif ikun qed isir il-kummerċ bejn l-Istati Membri m’għandhiex tkun insinjifikanti, imma apprezzabbli.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

57      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li s-sistema CES tipprojbixxi l-bejgħ bejn iż-żoni, sakemm dawn ma jikkorrispondux għat-talba effettiva ta’ utent li jinkariga bejjiegħ bl-imnut bħala intermedjarju, f'liema każ it-talba għandha ssir permezz tas-sistema CES. F’dan ir-rigward, mhuwiex ikkontestat li l-bejjiegħ bl-imnut Ewropew, bħal Haladjian, ma jistax aktar jixtri partijiet separati (spare parts) prodotti minn Caterpillar fl-Istati Uniti f’ismu stess, b’mod partikolari sabiex ikollu stokk ta' l-inqas sabiex jissodisfa l-klijenti Ewropej tiegħu, kif seta’ kien il-każ qabel l-implementazzjoni tas-sistema CES. Minbarra dan, f’każ ta’ bejgħ bejn iż-żoni, il-prezz għad-distributuri Amerikani jiżdied b'madwar 10%, peress li d-distributur li jinsab fl-Istati Uniti jibqa’ madankollu liberu fir-rigward tal-prezz li huwa għandu l-intenzjoni li jitlob jitlob lill-bejjiegħ bl-imnut Ewropew.

58      F'din is-sitwazzjoni, dawn il-limitazzjonijiet ta' bejgħ bejn iż-żoni kienu ġew eżaminati mill-Kummissjoni fl-okkażjoni tal-proċeduri amministrattivi miftuħa kontra Caterpillar u sussegwentement għall-ilment ta’ Haladjian. F’dan il-kuntest, Caterpillar setgħet tindika li l-ispiża reali ta’ xiri ta’ makkinarju għas-siti ta’ kostruzzjoni tinqasam bin-nofs bejn, minn naħa, il-prezz ta’ xiri tal-makkinarju u, min-naħa l-oħra, l-ispiża tal-partijiet separati (spare parts) u tal-manutenzjoni. Fil-prattika, huwa l-bejgħ tal-partijiet separati (spare parts), aktar minn dak tal-makkinarju għas-siti ta’ kostruzzjoni, li jippermetti lid-distributuri li jlaħħqu ma’ l-ispejjeż marbuta ma’ l-implementazzjoni tan-netwerk ta’ distribuzzjoni. F’dawn il-kundizzjonijiet, Caterpillar xtaqet tistabbilixxi sistema li tippermetti li tieħu aħjar in kunsiderazzjoni l-interessi tad-distributuri, li għandhom ilaħħqu ma' obbligi li mhumiex sostnuti minn bejjiegħa bl-imnut, li jintervejnu inkwantu importaturi paralleli ta’ partijiet separati (spare parts) mingħajr ma jsostnu l-ispejjeż marbuta mad-distribuzzjoni tal-makkinarju għas-siti ta’ kostruzzjoni. Din is-sistema hija konformi ma’ l-interessi tal-klijenti ta’ Caterpillar, li għandhom interess li jkunu jistgħu jibbenefikaw minn netwerk ta’ distribuzzjoni tajjeb sabiex jassigura l-manutenzjoni u t-tiswija tal-makkinarju tagħhom. Matul is-seduta, Caterpillar ippreċiżat li dan kien element determinanti tal-politika kummerċjali tagħha u li hija kienet tistrieħ fuq in-natura tan-netwerk tagħha sabiex tikkompeti mal-produtturi oħra ta’ makkinarju għas-siti ta’ kostruzzjoni.

59      Huwa f’dan il-kuntest li s-sitwazzjoni ta’ Haladjian u ta’ bejjiegħa bl-imnut indipendenti oħra għandha tiġi evalwata. Fil-fatt, Haladjian ma tistax tikkuntenta ruħha li titlob li tinżamm is-sitwazzjoni favorevoli li kienet tibbenefika minnha qabel l-1982, sitwazzjoni li fiha hija setgħet tiffornixxi ruħha mingħajr restrizzjoni fl-Istati Uniti, peress illi hija preċiżament din is-sitwazzjoni li kienet tirriskja li tkun ta’ dannu għall-integralità u n-natura tan-netwerk dinji ta’ distribuzzjoni ta’ Caterpillar u li tikkostitwixxi r-raġuni li għaliha s-sistema CES kienet ġiet implementata. Fuq dan il-punt, għandu jiġi rrilevat – bħalma tagħmel id-deċiżjoni kkontestata – li Haladjian iżżomm dejjem il-possibbiltà li tiffornixxi ruħha fl-Istati Uniti, madankollu bil-kundizzjoni li hija tirrispetta r-regoli tas-sistema CES. Din il-possibbiltà residwali ta’ forniment hija għal kollox rilevanti, fil-każ fejn hija tippermetti lil Caterpillar li tissodisfa l-aspettattivi ta’ wħud mill-klijenti tagħha, li jixtiequ jkunu jistgħu jibbenefikaw minn sors ta’ forniment ta’ partijiet separati (spare parts) barra dak offert minn distributur lokali.

60      F’dan ir-rigward, mill-proċess jirriżulta li Haladjian dejjem uriet ċertu dinamiżmu għal dak li jikkoċerna l-importazzjonijiet paralleli mill-Istati Uniti lejn iż-żona KE/EFTA, peress illi n-numru totali ta’ utenti finali li għalihom hija rreġistrata mas-CES għall-bejgħ bejn iż-żoni żdied b’aktar minn 20% bejn l-2001 u l-2003 u li, fuq dan il-perijodu, ix-xiri tagħha fl-Istati Uniti permezz tas-sistema CES żdied għal madwar 40%. Meta għamlet dan, Haladjian adattat ruħha għar-regoli ġodda implementati mis-sistema CES u, f’każ li tiġi kkonfermata, l-affermazzjoni li hija l-unika sors alternattiv ta’ forniment li jeżisti fil-Komunità setgħet tippermettilha li tkabbar l-attivitajiet tagħha minn Franza lejn Stati Membri oħra.

61      Fir-rigward ta’ l-argument dwar it-tnaqqis tal-partijiet tagħha fuq is-suq fi Franza, għandu jiġi rrilevat li dan l-argument ma jistrieħx fuq informazzjoni konvinċenti biżżejjed, minħabba li huwa sostnut minn tqabbil bejn il-fatturat mill-bejgħ totali ta’ Bergerat, li jbiegħ prodotti oħra barra l-prodotti ta’ Caterpillar u li toffri aktar servizzi minn Haladjian u l-fatturat ta’ Haladjian u, li l-parti tas-suq inizjali ta’ Haladjian fl-1982 (“madwar terz tas-suq”) hija kkalkulata fuq il-bażi ta' stima mhux formali ta’ Bergerat magħmula fl-1979 u rraportata direttament lil Haladjian f’nota kkomunikata minn distributur Kanadiż fid-19 ta’ Ottubru 1981.

62      Fir-rigward ta’ l-argument tar-rikorrenti li ż-żieda fil-prezz mitlub minn Caterpillar mingħand id-distributur Amerikan tagħha f’każ ta’ esportazzjoni lejn l-Ewropa m’għandhiex l-effett biss li żżid il-prezz tad-distributuri Amerikani b'10%, peress illi l-prezz effettivament impost fuq klijent ta’ distributur Amerikan jista’ jkun inqas minn dan il-prezz minħabba l-fatt li jingħata skont minn Caterpillar lid-distributur, għandu jiġi rrilevat li, bħalma huwa indikat fid-deċiżjoni kkontestata (it-tielet subparagrafu tal-punt 5.1) – Caterpillar ma tintervjenix fid-determinazzjoni tal-prezz ta’ bejgħ finali mitlub mid-distributuri Amerikani tagħha għall-bejgħ bejn iż-żoni. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma ressqitx prova ta’ l-affermazzjonijiet tagħha li Caterpillar ma tatx skont ta’ użu lid-distributuri tagħha minħabba l-fatt biss li l-bejgħ isir għall-esportazzjoni, u lanqas tat prova li d-differenzi ta’ prezz kunsiderevoli bejn l-Istati Uniti u ż-żona KE/EFTA kienu, minħabba l-fatt tas-sistema CES, innewtralizzati sal-punt li tali esportazzjonijiet saru sostanzjalment inqas interessanti kummerċjalment, u dan aktar u aktar meta d-distributuri Amerikani jibqgħu liberi li joffru skont fuq il-marġini tagħhom stess. B’mod partikolari, iż-żewġ ittri ċċitati mir-rikorrenti fuq dan il-punt mhumiex konvinċenti, peress illi l-ewwel waħda, l-ittra ta’ Caterpillar lid-distributuri Amerikani tat-2 ta’ Frar 1990 ma tagħmilx referenza għall-kwistjoni ta’ l-iskont u t-tieni waħda, l-ittra ta’ Caterpillar indirizzata lid-distributuri bl-imnut tat-28 ta’ Ġunju 1993 tirreferi għall-bejjiegħa bl-imnut li x-xogħol tagħhom huwa li jiffornixxu lokalment lill-klijenti ta’ Caterpillar u mhux li jwettqu bejgħ għall-esportazzjoni.

63      Minn dan kollu jirriżulta li l-Kummissjoni m’għamlitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li l-elementi ta’ prova mressqa mir-rikorrenti sabiex isostnu n-natura restrittiva tal-bejgħ bejn iż-żoni ma kinux konvinċenti biżżejjed.

64      L-argumenti speċifiċi l-oħra mressqa mir-rikorrenti mhumiex ta’ natura li jqiegħdu in kwistjoni din il-konklużjoni.

b)     Fuq l-ilment li jirrigwarda l-lista tal-bejjiegħa bl-imnut bejn iż-żoni

65      Ir-rikorrenti ssostni li, jekk huwa veru li l-lista tal-bejjiegħa bl-imnut bejn iż-żoni ma ssemmix uffiċjalment il-bejjiegħa bl-imnut li jagħmlu kummerċ intrakomunitarju, xorta jibqa’ l-fatt li fir-realtà il-bejjiegħa bl-imnut li jagħmlu, jew jixtiequ jagħmlu kummerċ intrakomunitarju jsibu ruħhom neċessarjament fuq din il-“lista sewda”. Id-distinzjoni bejn bejjiegħ bl-imnut Ewropew, li jeżerċita attività minn Stat Membru għall-ieħor, u bejjiegħ bl-imnut bejn iż-żoni, li jaqa’ taħt is-sistema CES, b’hekk hija purament teoretika u s-sistema CES tinkludi, minnha nnifisha, element restrittiv ta’ kompetizzjoni għall-bejjiegħa bl-imnut Ewropej li jwettqu bejgħ intrakomunitarju, peress illi din il-lista tippermetti lid-distributuri ta’ Caterpillar li jagħrfuhom mill-fatt biss ta’ l-awtorizzazzjoni tagħhom inkwantu bejjiegħa bl-imnut bejn iż-żoni.

66      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrileva li, filwaqt li tafferma li l-bejjiegħa bl-imnut intrakomunitarji kollha huma wkoll bejjiegħa bl-imnut bejn iż-żoni imniżżla fuq il-lista korrispondenti, ir-rikorrenti ma turix kif dan il-kumment jippermetti li jikkaratterizza restrizzjoni tal-bejgħ intrakomuntarju jew bejgħ bejn iż-żoni. Għaldaqstant, ir-rikorrenti xorta ma spjegatx kif dan il-fatt – jekk wieħed jippresupponi li sar – seta’ jipprojbixxiha milli tiffornixxi lilha nnifisha fl-Isati Uniti fil-kuntest tas-sistema CES jew kif seta' jkun ta’ dannu għall-possibbiltajiet tagħha ta’ forniment fl-Ewropa. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-lista tal-bejjiegħa bl-imnut bejn iż-żoni sservi biss sabiex tinforma lid-distributuri ta’ Caterpillar bil-fatt li l-bejjiegħ bl-imnut li jippreżenta ruħu bħala xerrej ta’ partijiet għal suq lokali jista’ jkun, fil-fatt, bejjiegħ bl-imnut li għandu l-intenzjoni li juża dawn il-partijiet sabiex jagħmel kummerċ bejn iż-żoni bi ksur tas-sistema CES.

67      Minn dak kollu li ngħad preċedentement jirriżulta li l-oġġezzjoni tar-rikorrenti dwar il-lista tal-bejjiegħa bl-imnut bejn iż-żoni għandha tiġi miċħuda.

c)     Fuq l-ilment dwar is-sorveljanza tad-destinazzjoni tal-bejgħ bejn iż-żoni

68      Ir-rikorrenti tikkontesta l-affermazzjoni, li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata, li l-bejjiegħ bl-imnut Ewropew inkluż fil-lista tal-bejjiegħa bl-imnut bejn iż-żoni ma jiġix imċaħħad mill-possibbiltà li jixtri partijiet, imma li jista’ jkun suġġett għad-diskrezzjoni biss tad-distributur għall-proċedura ta’ verifika tad-destinazzjoni tal-prodotti mixtrija sabiex jinbiegħu fiż-żona KE/EFTA (il-ħames subparagrafu tat-tieni inċiż tal-punt 5.3 tad-deċiżjoni kkontestata). Fir-realtà, l-allegata diskrezzjoni mogħtija lid-distributuri tikkostitwixxi obbligu impost minn Caterpillar lid-distributuri tagħha. Fil-fatt, bħalma dawn id-distributuri għandhom jirrispettaw ir-regoli tas-sistema CES għall-bejgħ bejn iż-żoni, dan ir-rispett jgħaddi neċessarjament mis-sorveljanza effettiva tad-destinazzjoni tal-partijiet separati (spare parts) mibjugħa lill-bejjiegħa bl-imnut Ewropej li jinsabu fuq il-lista tal-bejjiegħa bl-imnut bejn iż-żoni. Għaldaqstant, ftit jimporta li Haladjian ma kinitx allegat li kienet ġiet suġġetta minn distributur Ewropew għall-proċedura ta’ verifika tad-destinazzjoni tal-prodotti mixtrija sabiex jinbiegħu fiż-żona KE/EFTA. Fil-fatt, jekk dan id-distributur jaf li d-destinazzjoni tal-prodott hija ż-żona KE/EFTA, huwa m’għandu ebda obbligu li jagħmel verifika skond is-sistema CES. Minbarra dan, safejn Haladjian hija stabbilita fi Franza, fejn il-prezzijiet huma għolja, ix-xiri tagħha fl-Istati Membri l-oħra sabiex terġa’ tbigħ fi Franza jikkorrispondu neċessarjament għal bejgħ intrakomunitarju ma jagħmilx sens u li tintalab sabiex turi li hija kienet ġiet suġġetta fil-Komunità għal proċedura ta’ verifika tad-destinazzjoni tal-prodotti mixtrija. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tfakkar li l-ittra ta’ M.A. lil Schmidt tal-11 ta’ Settembru 1990 tippermetti li tistabbilixxi li l-importazzjonijiet ta’ Haladjian fil-portijiet ta’ Le Havre u ta’ Marsilja kienu sorveljati mid-distributur Franċiż Bergerat.

69      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrileva li l-affermazzjoni tar-rikorrenti, li l-kontroll tad-destinazzjoni tal-bejgħ bejn iż-żoni fir-realtà huwa impost minn Caterpillar u mhuwiex fid-diskrezzjoni tad-distributur ikkonċernat, mhijiex biżżejjed sabiex turi li d-deċiżjoni kkontestata hija żbaljata fuq dan il-punt. Fil-fatt, jirriżulta mill-ittra ta’ Caterpillar tat-13 ta’ Diċembru 1990, li tesponi l-kontenut tas-sistema CES lid-distributuri taż-żona KE/EFTA, li hija r-responsabbiltà tad-distributur li jiddetermina jekk il-partijiet li huwa jbigħ lil bejjiegħ bl-imnut li jinsab fiż-żona KE/EFTA għandhomx din iż-żona bħala destinazzjoni jew żona ġeografika oħra. B’hekk dan il-kontroll jibqa’ fid-diskrezzjoni tad-distributur, li jwettqu jekk jikkunsidra li huwa neċessarju. F’każ ta’ dubju, huwa obbligu tad-distributur li jistaqsi lill-bejjiegħ bl-imnut id-destinazzjoni tal-partijiet li huwa jixtri. Jekk il-bejgħ mill-ġdid isir barra ż-żona kkonċernata, il-bejgħ huwa suġġett għas-sistema CES; jekk dan mhuwiex il-każ, huwa ma jeħtieġx formalitajiet oħra. Fil-każ ta’ bejgħ magħmul minn distributur taż-żona KE/EFTA lil bejjiegħ bl-imnut ta’ din iż-żona, tali kontroll jista’ eventwalment jiġġustifika ruħu jekk dan id-distributur iqis li d-destinazzjoni tal-partijiet tirriskja li tkun l-Afrika, li f’dak il-każ ikun bejgħ bejn iż-żoni. B’hekk ebda dokument ippreżentat fil-proċess ma jippermetti li jistabbilixxi li Caterpillar timponi fuq id-distributuri tagħha li jivverifikaw sistematikament id-destinazzjoni tal-prodotti mibjugħa.

70      Barra minn hekk, ir-referenza magħmula mir-rikorrenti għall-ittra ta’ M.A. lil Schmidt tal-11 ta’ Settembru 1990, li tgħid li l-importazzjonijiet ta’ Haladjian fil-portijiet ta’ Le Havre u ta’ Marsilja li ġejjin mill-Istati Uniti huma sorveljati mid-distributur Franċiż Bergerat, bl-ebda mod ma tippermetti li jiġi stabbilit li din is-sorveljanza kienet meħtieġa minn Caterpillar u mis-sistema CES. Fil-fatt, dan id-dokument jaqa' taħt kuntest partikolari, li fih Bergerat u Caterpillar jippruvaw jidentifikaw is-sorsi ta’ forniment ta’ Haladjian, li kompliet tiġi fornita mill-Istati Uniti barra mis-sistema CES.

71      Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tikkontestax l-evalwazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata li hija ma indikatx jew uriet a fortiori, li hija kienet is-suġġett ta’ tali kontroll tad-destinazzjoni tal-partijiet separati (spare parts) mixtrija minn distributur li jinsab fiż-żona KE/AELE. B’hekk fuq dan il-bażi hija ma tistax tallega li s-sistema CES tostakola l-bejgħ intrakomunitarju.

72      Minn dak kollu li ngħad preċedentement jirriżulta li l-ilment tar-rikorrenti dwar is-sorveljanza tad-destinazzjoni tal-bejgħ bejn iż-żoni għandu jiġi miċħud.

d)     Fuq l-ilment marbut mad-dewmien fl-għoti tal-kodiċi CES

73      Ir-rikorrenti tesponi li Caterpillar xi drabi prpovditilha il-kodiċi CES tard, u dan anki meta tali kodiċi kienu neċessarji sabiex tissodisfa l-ordnijiet tal-klijenti tagħha fl-Istati Uniti. Skond ir-rikorrenti, dan id-dewmien għandu jittieħed in kunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata n-natura antikompetittiva tas-sistema CES. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li r-raġunament magħmul fil-punt 5.4 tad-deċiżjoni kkontestata sabiex tiċħad l-allegazzjoni tagħha ma jiħux in kunsiderazzjoni elementi ta’ prova ppreżentati fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkontesta ċerti elementi li jinsabu fil-lista li Haladjian hemżet ma’ l-osservazzjonijiet tagħha fuq l-ittra Artikolu 6, bħan-nuqqas ta’ eżempji li jippermettu li tiġi stabbilita n-natura vera u l-fatt li l-punt ta’ tluq meħud in kunsiderazzjoni sabiex jiġi kkalkulat it-terminu ta’ għoti tal-kodiċi mhuwiex id-data ta’ trażmissjoni ta’ din it-talba lil CES fil-Belġju, imma d-data ta’ trażmissjoni tat-talba fl-Istati Uniti, filwaqt li dokumenti oħra juru li Caterpillar stess irrikonoxxiet li d-dewmien in kwistjoni kien veru.

74      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrileva li, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, ir-rikorrenti ma pproduċiet ebda dokument, prova jew sinjal ta’ prova sabiex turi li d-dewmien fl-għoti tal-kodiċi CES, li xi kultant sar sa mit-twaqqif tas-sistema CES, huwa marbut mal-volontà deliberata ta’ Caterpillar li tirrendi l-funzjonament tas-sistema CES aktar diffiċli għaliha.

75      Fil-fatt, mill-korrispondenza bejn Caterpillar u Haladjian jirriżulta, mill-ittri tal-21 u 28 ta’ Mejju 1993, li Caterpillar informat lil Haladjian bil-fatt li l-għoti tal-kodiċi CES kien jistrieħ fuq il-kisba ta’ sensiela ta’ informazzjoni neċessarja għar-realizzazzjoni ta’ l-ordnijiet, li – f’dak il-mument – ma kinitx kollha preżenti fir-reġistri ta’ l-ordnijiet trażmessi minn Haladjian.

76      Bl-istess mod, sussegwentement għall-ilment ifformulat minn Haladjian fis-7 ta’ Marzu 2000, li ċertu dewmien fl-għoti tal-kodiċi kien seħħ matul is-sena 1999 u fil-bidu tas-sena 2000, Caterpillar irrispondiet, permezz ta’ ittra tal-31 ta’ Marzu 2000, li qatt ma kien hemm waqfien fl-għoti tal-kodiċi li dan id-dewmien kien marbut mad-diffikultajiet li CES iltaqgħet magħhom sabiex tikkuntattja l-persuni li kienu awtorizzaw lil Haladjian sabiex tagħmel ordni mill-Istati Uniti u li, sabiex tirrimedja għal dawn id-diffikultajiet, CES kienet iddeċidiet li tagħmel is-sistema tagħha aktar flessibbli billi tivverifika wħud minn dawn il-ħatriet b'mod irregolari, u mhux kollha kemm huma, bħalma kien il-każ preċedentement.

77      Minn dak kollu li ngħad preċedentment jirriżulta li l-ilment tar-rikorrenti dwar id-dewmien fl-għoti tal-kodiċi CES għandu jiġi miċħud.

78      Konsegwentement, l-ilmenti kollha tar-rikorrenti dwar in-natura intrinsikament antikompetittiva tas-sistema CES għandhom jiġu miċħuda.

2.     Fuq l-ilmenti dwar l-ittra tal-15 ta’ Diċembru 1982 ta’ Caterpillar lid-distributuri Ewropej tagħha

79      Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata bbażat ruħha, fil-kuntest tal-preżentazzjoni tal-modifiki magħmula lis-sistema ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti ta’ Caterpillar sa mill-1982 (punt 5.2) u ta’ l-eżami ta’ l-applikabbiltà ta’ l-Artikolu 81(1) KE għall-akkordji u prattiċi in kwistjoni fiż-żona KE/EFTA (punt 7.1), fuq verżjoni żbaljata ta’ l-ittra tal-15 ta’ Diċembru 1982 mibgħuta minn Caterpillar lid-distributuri tagħha fl-Ewropa. Fil-fatt, skond il-verżjoni ċċitata fid-deċiżjoni kkontestata, Caterpillar talbet lid-distributuri tagħha sabiex ma jbigħux partijiet separati (spare parts) lil bejjiegħ bl-imnut li jixtieq jesportahom barra mill-Istati Uniti jew mill-pajjiżi taż-żona KE/EFTA. Madankollu, l-unika verżjoni li għandha tittieħed in kunsiderazzjoni hija l-verżjoni ta’ din l-ittra li ntbagħtet lil Haladjian minn Leverton, wieħed mid-distributuri stabbiliti fir-Renju Unit, u li minnha jirriżulta li l-projbizzjoni ta’ bejgħ barra mit-territorju allokat kienet tikkonċerna l-Istati Uniti biss u mhux il-pajjiżi taż-żona KE/EFTA, bħalma kien indikat b’mod żbaljat fid-deċiżjoni kkontestata.

80      Ir-rikorrenti ssostni wkoll li d-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet adottata bi ksur ta’ l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 2842/98, li jipprovdi li l-persuna li tagħmel l-ilment għandha titqiegħed f'pożizzjoni li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fuq il-motivi ta’ ċaħda msemmija fl-ilment tagħha, peress illi l-verżjoni ta’ l-ittra tal-15 ta’ Diċembru 1982 li fuqha hija bbażata d-deċiżjoni mhijiex dik li kienet mehmuża ma’ l-ittra Artikolu 6 u li l-Kummissjoni ma indikatx lir-rikorenti liema kienet ser tkun l-interpretazzjoni u l-portata li hija kellha l-intenzjoni li tagħti lil dan id-dokument fid-deċiżjoni finali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Ottubru 1983, AEG vs Il-Kummissjoni, 107/82, Ġabra p. 3151, punti 26 u 27).

81      Il-Kummissjoni, sostnuta minn Caterpillar, tikkontesta din l-analiżi.

82      L-ewwel nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrileva li ma jeżistux żewġ verżjonijiet ta’ l-ittra tal-15 ta’ Diċembru 1982, kif tafferma r-rikorrenti, imma jeżistu żewġ ittri differenti, bid-data ta’ l-istess ġurnata, li Caterpillar bagħtet lil destinatarji differenti. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi nnutat li l-kontenut ta’ l-ittra ċċitata fid-deċiżjoni kkontestata jikkorrispondi sewwa għall-kontenut ta’ l-ittra tal-15 ta’ Diċembru 1982, mibgħuta minn Caterpillar lid-distributuri tagħha taż-żona KE/EFTA (anness 46 għar-rikors, paġna 1034). B’hekk id-deċiżjoni kkontestata mhijiex żbaljata fuq dan il-punt. Barra minn hekk, fir-rigward ta’ l-ittra tal-15 ta’ Diċembru 1982 invokata mir-rikorrenti, għandu jiġi rrilevat li din l-ittra fir-realtà tikkorrispondi għal ittra ta’ l-istess ġurnata indirizzata minn Caterpillar lil distributuri li m’għandhomx bħala territorju allokat iż-żoni ġeografiċi li jaqgħu taħt iż-żona KE/EFTA (anness 46 għar-rikors, paġna 1038, ara wkoll anness 1 għall-intervent). B’hekk il-Kummissjoni ma kellhiex tieħu din l-ittra in kunsiderazzjoni sabiex teżamina l-applikabbiltà ta’ l-Artikolu 81(1) KE għall-akkordji u prattiċi in kwistjoni ġewwa ż-żona KE/EFTA.

83      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li s-sistema CES kienet ġiet biss stabbilita fl-1990, u din sabiex jiġi rrimedjat in-nuqqas ta’ ħarsien ta’ l-istruzzjonijiet indirizzati lid-distributuri Caterpillar fl-1982. B’hekk huwa biss mill-1990 li Caterpillar kienet realment f'pożizzjoni li tamministra u tikkontrolla l-esportazzjonjiet ta’ partijiet separati (spare parts) minn żona ġeografika għall-oħra. F’dan ir-rigward, mill-proċess jirriżulta li, permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Diċembru 1990 mibgħuta lid-distributuri kollha tagħha fil-Komunità wara rifjut ta' bejgħ mid-distributur Ġermaniż Zeppelin lil bejjiegħ bl-imnut Belġjan, Caterpillar fakkret espressament li s-sistema CES ma kinitx tapplika għall-bejjiegħa bl-imnut li jbigħu lil utenti li jinsabu fiż-żona KE/EFTA. B’hekk dan id-dokument jippermetti sewwa lill-Kummissjoni li tikkunsidra li ma jeżistux, f’dan il-każ, istruzzjonijiet bil-miktub ta’ Caterpillar lid-distributuri Ewropej tagħha sabiex titlobhom biex ma jbigħux lil bejjiegħa bl-imnut li jixtiequ jixtru f’pajjiż taż-żona KE/EFTA sabiex ibiegħu mill-ġdid f’pajjiż ieħor ta’ din iż-żona, kif huwa indikat fid-deċiżjoni kkontestata, fil-punti 6.1 u 7.1.

84      Minbarra dan, ir-rikorrenti ma tistax tibbaża ruħha fuq ksur ta’ l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 2842/98, peress illi ż-żewġ ittri tal-15 ta’ Diċembru 1982 kienu ġew ikkomunikati lilha fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva bħala dokumenti mehmża ma’ l-osservazzjonijiet ta’ Caterpillar dwar l-ilment bid-data tad-9 ta’ Frar 1994 u li hija kkummentat dwarhom fl-osservazzjonijiet tagħha dwar l-ittra Artikolu 6, filwaqt li ġibdet l-attenzjoni tal-Kummissjoni għal dak li hija kienet taħseb li kienet il-verżjoni t-tajba ta’ l-ittra tal-15 ta’ Diċembru 1982 li għandha tittieħed in kunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-akkordji u prattiċi in kwistjoni ġewwa ż-żona KE/EFTA. B’hekk ir-rikorrenti ma tistax takkuża lill-Kummissjoni li esponiet il-kontenut ta’ l-ittra effettivament mibgħuta minn Caterpillar lid-distributuri tagħha fiż-żona KE/EFTA u li minnha ħarġet il-konklużjonijiet li jirriżultaw.

85      Minn dak kollu li ngħad preċedentement jirriżulta li l-ilmenti tar-rikorrenti dwar l-ittra tal-15 ta’ Diċembru 1982 ta’ Caterpillar lid-distributuri Ewoprej tagħha għandhom jiġu miċħuda.

3.     Fuq l-ilmenti dwar id-dokumenti li jikkonċernaw Bergerat u l-offerti magħmula minn Bergerat lil klijenti ta’ Haladjian

a)     Fuq l-ilment dwar l-ittra tad-19 ta’ Lulju 1990 ta’ Caterpillar lil Bergerat

 Id-deċiżjoni kkontestata

86      Fil-kuntest tal-preżentazzjoni tar-riżultati ta’ l-investigazzjoni li tikkonċerna r-relazzjoni bejn Caterpillar u d-distributur Franċiż tagħha Bergerat, fil-punt 6.2 id-deċiżjoni kkontestata tesponi il-kontenut ta’ skambju ta’ ittri bejn dawn iż-żewġ impriżi. Minn naħa, fir-rigward ta’ l-ittra ta’ l-10 ta’ Lulju 1990, indirizzata minn Bergerat lil Caterpillar, sabiex jilmenta dwar il-pressjoni ta’ kompetizzjoni eżerċitata fuq it-territorju tiegħu minn importazzjonijiet ta’ partijiet separati (spare parts) ġejjin mill-Istati Uniti u li fiha jitlob sabiex jiġi informat bir-riżultati ta’ l-implementazzjoni tas-sistema CES fl-Istati Uniti u, min-naħa l-oħra, l-ittra tad-19 ta’ Lulju 1990, mibgħuta bħala risposta minn Caterpillar lil Bergerat, sabiex tinformah li s-sistema CES tilħaq l-għan tagħha meta s-sors ta’ forniment tal-bejjiegħa bl-imnut ta’ partijiet separati (spare parts) tat-trade mark Caterpillar jibdew jonqsu, imbagħad jieqfu kompletament. Din l-ittra tad-19 ta’ Lulju 1990 tindika wkoll li l-għanijiet tas-sistema CES huma li jtemmu l-attivitajiet tal-bejjiegħa bl-imnut filwaqt li jieħdu ħsieb li jisfruttaw il-possibbiltajiet ta’ bejgħ addizzjonali u li ma jitilfu ebda kuntratt importanti li jikkonċerna partijiet separati (spare parts) oriġinali prodotti minn Caterpillar (punt 6.2 tad-deċiżjoni kkontestata, p. 11).

87      Skond id-deċiżjoni kkontestata, dawn id-dokumenti jikkonfermaw il-politika ta’ Caterpillar li tikkontrolla, permezz tas-sistema CES, il-bejgħ bejn iż-żoni u li tipprevjeni li tali bejgħ isir barra minn din is-sistema. In sostenn ta’ dan l-argument, id-deċiżjoni kkontestata tindika li, jekk l-ittra ta’ Caterpillar tad-19 ta’ Lulju 1990 tidher li hija favur politika kummerċjali intiża sabiex ittemm l-attivitajiet tal-bejjiegħa bl-imnut, din l-ittra, moqrija fil-kuntest tagħha – fir-realtà tirreferi biss għall-importazzjonijiet tal-bejjiegħa bl-imnut ġejjin mill-Istati Uniti effettwati barra mis-sistema CES. Din l-interpretazzjoni hija korroborata mill-fatt li din l-ittra tirrispondi għal dik ta’ Bergerat ta’ l-10 ta’ Lulju 1990, li fiha din il-kumpannija kienet qajmet il-problema ta’ l-applikazzjoni stretta tas-sistema CES għall-esportazzjonijiet mill-Istati Uniti, u minħabba l-fatt li “ebda prova ma teżisti ta’ l-implementazzjoni ta’ politika intiża sabiex ittemm l-importazzjonijiet ta’ partijiet mill-Istati Uniti lejn l-Ewropea min-naħa tal-bejjiegħa bl-imnut” (punt 6.2 tad-deċiżjoni kkontestata, p. 12).

 L-argumenti tal-partijiet

88      Ir-rikorrenti tirrileva li mill-ittra tad-19 ta’ Lulju 1990 ta’ Caterpillar lil Bergerat jirriżulta espressament li l-għan tas-sistema CES huwa li twaqqaf kompletament is-sorsi ta’ forniment tal-bejjiegħa bl-imnut ta’ partijiet oriġinali prodotti minn Caterpillar fl-Istati Uniti. B’hekk id-deċiżjoni kkontestata hija żbaljata li tipprovdi li dan id-dokument ma jurix li saru tentattivi sabiex tiġi iżolata ż-żona KE/EFTA minn żoni ġeografiċi oħra. Sabiex tasal għal din il-konklużjoni, id-deċiżjoni ssostni li l-ittra tad-19 ta’ Lulju 1990 hija intiża biss għall-attivitajiet tal-bejjiegħa bl-imnut li jsiru “barra mis-sistema CES”. Madankollu, għar-rikorrenti, din l-interpretazzjoni ma taqbilx mal-kliem ta’ din l-ittra u lanqas mal-kuntest tas-sistema CES, li tistrieħ fuq l-idea li l-bejjiegħa bl-imnut m’għandhomx id-dritt li jagħmlu kummerċ bejn iż-żoni, dritt li huwa miftuħ għall-utenti finali biss. Skond ir-rikorrenti, il-bejjiegħa bl-imnut li fir-rigward tagħhom saret il-projbizzjoni ta’ esportazzjoni msemmija fl-ittra tad-19 ta’ Lulju 1990 huma l-bejjiegħa bl-imnut kollha, u mhux il-bejjiegħa bl-imut li jintervjenu barra mis-sistema CES biss.

89      Il-Kummissjoni, sostnuta minn Caterpillar, issostni li dawn il-kritiki jinjoraw il-kliem stess ta’ l-ittra tad-19 ta’ Lulju 1990, li għandha l-intenzjoni li tassigura ruħha li l-partijiet kollha, u b’mod partikolari l-bejjiegħa bl-imnut, jirrispettaw is-sistema CES, li tippermetti lil Haladjian li tagħmel ordnijiet fl-Istati Uniti f’isem il-klijenti tagħha.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

90      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrileva li l-ilmenti fformulati mir-rikorrenti kontra l-interpretazzjoni tal-kontenut ta’ l-ittra ta’ Caterpillar tad-19 ta’ Lulju 1990 esposta fid-deċiżjoni kkontestata bl-ebda mod ma jippermettu li din l-interpretazzjoni tiġi kkontestata. Fil-fatt id-deċiżjoni kkontestata tirrileva ġustament li r-referenza “stopping resellers’ activities” (it-tmiem ta' l-attivitajiet tal-bejjiegħa bl-imnut), li tinsab fl-ittra ta’ Caterpillar Overseas tad-19 ta’ Lulju 1990 u li, minnha nnifisha, tista’ tindika r-rieda ta’ Caterpillar li telimina l-bejjiegħa bl-imnut, bilfors li għandha tinqara fil-kuntest tagħha, jiġifieri fid-dawl ta’ l-ittra ta’ Bergerat ta’ l-10 ta’ Lulju 1990, li fiha huwa kien qajjem il-problema ta’ l-applikazzjoni stretta tas-sistema CES għall-esportazzjonijiet effettwati mill-Istati Uniti. F’dan il-kuntest, l-“attivitajiet tal-bejjiegħa bl-imnut” li Caterpillar tixtieq ittemm jistgħu jiġu interpretati bħala dawk li s-sistema CES għandha l-intenzjoni li tillimita, jiġifieri l-importazzjonijiet fl-Ewropa mill-Istati Uniti magħmula minn bejjiegħa bl-imnut li ma jgħaddux mill-intermedjarju tas-sistema CES. Huma dawn is-sorsi ta’ forniment li s-sistema CES tixtieq twaqqaf u mhux dawk li, fil-kuntest tas-sistema CES, jippermettu lil bejjiegħ bl-imnut Ewropew jiffornixxu ruħu fl-Istati Uniti jekk huwa jintervjeni f’isem utenti Ewropew, bħal ma tipprova ssostni r-rikorrenti mingħajr element ieħor ta’ prova.

91      Minn dak kollu li ngħad preċedentement jirriżulta li l-ilment tar-rikorrenti dwar l-ittra tad-19 ta’ Lulju 1990 ta’ Caterpillar lil Bergerat għandu jiġi miċħud.

b)     Fuq l-ilmenti dwar l-offerti magħmula minn Bergerat lil klijenti ta’ Haladjian

 Id-deċiżjoni kkontestata

92      Fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-applikabbiltà ta’ l-Artikolu 81(1) KE għall-akkordji u l-prattiċi in kwistjoni ġewwa ż-żona KE/EFTA, id-deċiżjoni kkontestata tirrileva li, matul il-proċedura amministrattiva, Haladjian ippreżentat bosta dokumenti dwar offerti kummerċjali ppreżentati f’Ġunju 1993 mid-distributur Franċiż Bergerat lil uħud mill-klijenti tagħha. Skond Haladjian, dawn l-offerti jinkludu “klawżoli restrittivi ta’ kompetizzjoni, minħabba li huma jipproponu skont speċjali għal żieda fil-bejgħ” jiġifieri skont kwantitattiv u “proposti oħra, bħan-nuqqas ta' bidla fil-prezzijiet għal matul sentejn”. Bil-kontra, id-deċiżjoni kkontestata tindika li “il-fatt li Bergerat jipprova, permezz ta’ informazzjoni li tgħaddi mis-sistema CES, li jsir jaf l-ismijiet tal-klijenti ta’ Haladjian u li jipprova jeħodhom għalih ma jikkostitwixxix restrizzjoni ta’ kompetizzjoni” [l-ewwel subparagrafu tal-punt 7.1(b) tad-deċiżjoni kkontestata, p. 21].

 L-argumenti tal-partijiet

93      Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija żbaljata safejn hija tirreferi għall-offerti magħmula minn Bergerat lill-klijenti tagħha mingħajr ma hija tissubixxi dannu mill-fatt li Bergerat jista’ jibbenefika mill-“informazzjoni li tgħaddi permezz mis-sistema CES”. Meta għamlet dan, il-Kummissjoni tidher tammetti li s-sistema CES tippermetti lid-distributuri li jkunu informati fuq l-attivitajiet tal-bejjiegħa bl-imnut. Madankollu, ir-rikorrenti ssostni li d-dokumenti forniti matul il-proċedura amministrattiva juru li Bergerat kellu l-isem tal-klijenti ta’ Haladjian sa mill-14 ta’ April 1993 jiġifieri l-għada stess tal-ġurnata li fiha hija informat lil Caterpillar bl-intenzjoni tagħha li taġixxi għal dawn il-klijenti fil-kuntest tas-sistema CES. Minbarra dan, il-Kummissjoni ma tiħux in kunsiderazzjoni l-fatt li rappreżentant ta’ Bergerat kien żar lill-klijenti tagħha akkumpanjat minn rappreżentant ta’ Caterpillar, li juri l-prattika miftiehma bejn dawn l-impriżi. Minbarra dan, ir-rikorrenti ssostni li minn ittra tal-21 ta’ Settembru 1999 ta’ Caterpillar lil bejjiegħa bl-imnut Grieg, jirriżulta li s-sistema CES timplika, minnha nnifisha, li d-distributur tal-prodotti ta’ Cateprillar mill-post ta’ destinazzjoni jaf bl-eżistenza ta’ kull xerrej ġdid li juża’ s-sistema CES kif ukoll l-identità tal-klijenti tagħha. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kellha tagħraf, inkwantu prattiċi miftiehma pprojbiti taħt l-Artikolu 81 KE, it-trażmissjonijiet kollha ta’ informazzjoni sensittiva lil Bergerat fuq l-attivitajiet ta’ Haladjian, bl-għan li tirrestrinġi jew anki telimina l-preżenza tagħha fuq is-suq inkwantu kompetitriċi.

94      Minbarra dan, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija żbaljata safejn hija tikkwalifika l-iskont offert minn Bergerat lill-klijenti tagħha bħala “skont kwantitattiv” li ma jikkostitwixxix restrizzjoni tal-kompetizzjoni. Madankollu, l-imsemmi skont mhuwiex proporzjonali għall-kwantitajiet mixtrija, imma huwa skond iż-żieda tax-xiri u għalhekk mhuwiex skont kwantitattiv (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Novembru 1983, Michelin vs Il-Kummissjoni, 322/81, Ġabra p. 3461). Bl-istess mod, id-deċiżjoni kkontestata ma tiħux in kunsiderazzjoni l-fatt li l-offerta tan-nuqqas ta' tibdil fil-prezzijiet għal matul sentejn kienet proposta wkoll minn Bergerat. Fid-dawl tal-kuntest li jaqa' fih dan l-iskont, li huwa intiż b’mod speċifiku għall-klijienti ta’ Haladjian li jesponu l-inkwiet tagħhom li jikkonservaw sors alternattiv ta’ forniment fl-Istati Uniti billi jqabbduha bħala intermedjarju – u dan anki meta Haladjian, l-unika kompetitriċi ta’ Bergerat fuq is-suq Franċiż, tissubixxi kontroll strett fuq il-kapaċitatjiet tagħha ta’ azzjoni – huwa manifest li l-għan ta’ dawn l-offerti ta’ prezz huwa li jirrestrinġi l-kompetizzjoni fuq is-suq in kwistjoni billi jelimina lil Haladjian.

95      Il-Kummissjoni ssostni li xejn ma jippermetti li jiġi affermat li l-offerti ta’ Bergerat ma kinux leġittimi jew li kienu jirriżultaw minn informazzjoni miksuba fil-kuntest tas-sistema CES, peress illi l-klijenti ta’ Haladjian setgħu wkoll ikunu klijenti ta’ Bergerat. Bl-istess mod, Haladjian ma kinitx ressqet il-prova li s-sistema CES timplika neċessarjament trażmissjoni ta’ l-informazzjoni dwar il-klijenti li jqabbdu bejjiegħ bl-imnut.

96      Caterpillar tindika, min-naħa tagħha, li l-politika ta’ CES hija li ma tiffornixxix lid-distributuri l-isem tal-konsumaturi finali li jimportaw fit-territorju tagħhom.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

97      L-allegazzjoni ta’ Haladjian li kompetitur tagħha, id-distributur Franċiż Bergerat, inqeda minn informazzjoni li hija kienet ikkomunikat lil Caterpillar – jiġifieri l-isem tal-klijenti li kienu qabduha sabiex tixtri partijiet separati (spare parts) mingħand distributuri Amerikani fuq il-bażi tas-sistema CES – sabiex jersaq lejn il-klijenti tagħha u jħeġġiġhom sabiex jixtru minn Bergerat u mhux mingħandha jista’ wkoll jiġi kkaratterizzat bħala ksur ta’ l-Artikolu 81(1) KE jekk hija kienet sostnuta minn elementi ta’ prova suffiċjenti sabiex jippermettu li jissodisfaw il-kundizzjonijiet legali stabbiliti f'din id-dispożizzjoni. Huwa f’dan il-kuntest, jiġifieri fid-dawl ta’ l-elementi preżenti fil-proċess, li għandha tiġi analizzata l-affermazzjoni – anki jekk fil-qosor – tad-deċiżjoni kkontestata li “il-fatt li Bergerat jipprova, permezz ta’ l-informazzjoni li tgħaddi mis-sistema CES, li jsir jaf l-ismijiet tal-klijenti ta’ Haladjian u li jipprova jeħodhom għalih ma jikkostitwixxix restrizzjoni ta’ kompetizzjoni”.

98      Madankollu, fir-rigward tad-dokumenti li jikkonċernaw Bergerat li tirreferi għalihom ir-rikorrenti, l-eżami tagħhom jippermetti biss li jiġi stabbilit li rappreżentant ta’ din l-impriża kien mar għand wieħed mill-klijenti li kien qabbad lill Haladjian fil-kuntest tas-sistema CES, flimkien ma’ rappreżentant ta’ Caterpillar (faks ta’ Bergerat lil [B.] ta’ l-14 ta’ April 1993, anness 32 għar-rikors, paġna 766), u li, wara din iż-żjara, dan il-klijent irċieva offerta kummerċjali mingħand Bergerat li kienet tinkludi “skont supplementari ta’ 10% fuq iż-żieda tax-xiri ta’ partijiet separati (spare parts), mhux għall-esportazzjoni, mogħti mill-1 ta’ Lulju sal-31 ta’ Diċembru 1993” u l-iffriżar tal-prezzijiet tal-partijiet separati (spare parts) għall-1993 u 1994 (ittra ta’ Bergerat lil [B.] tat-30 ta’ Ġunju 1993, anness 32 għar-rikors, paġna 768). Dawn id-dokumenti jindikaw ukoll li l-istess impenji kienu saru minn Bergerat fir-rigward ta' klijent ieħor ta’ Haladjian wara żjarat effettwati għand din l-impriża (ittra ta’ Bergerat lil [G.] tat-30 ta’ Ġunju 1993, anness 32 għar-rikors, paġna 772).

99      Min-naħa l-oħra, dawn id-dokumenti mhumiex biżżejjed sabiex jistabbilixxu li Bergerat kiseb komunikazzjoni ta’ l-isem tal-klijenti ta’ Haladjian permezz tas-sistema CES. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, bħala risposta għal mistoqsija fuq dan il-punt matul is-seduta, ir-rikorrenti indikat lill-Qorti tal-Prim’Istanza li d-dokument ta’ CES tal-25 ta’ Mejju 1993 (anness 32 għar-rikors, paġna 767), li fih hemm l-isem ta’ ċerti klijenti li għalihom hija tintervjeni fl-Istati Uniti fil-kuntest tas-sistema CES – u b’mod partikolari l-isem taż-żewġ klijenti msemmija aktar 'il fuq li kienu rċevew offerta kummerċjali mingħand Bergerat – kien dokument li kien ġie indirizzat lilha minn Caterpillar u li ma kinitx f'pożizzjoni li tistabbilixxi li kien ġie wkoll ikkomunikat lil Bergerat jew li Bergerat kien jaf bih permezz ta’ l-intermedjarju ta’ Caterpillar. Minbarra dan, għandu jittieħed in kunsiderazjoni l-fatt li kull klijent ta’ Haladjian fil-qasam ta’ partijiet separati (spare parts) prodotti minn Caterpillar huwa neċessarjament klijent ta’ Caterpillar li kien xtara l-makkinarju għas-siti ta’ kostruzzjoni li kienu jikkorrispondu għalihom dawn il-partijiet. Għalhekk wieħed jista' jifhem li rappreżentant ta’ Caterpillar imur għand utenti ta’ makkinarju għas-siti ta’ kostruzzjoni sabiex jistaqsi fuq il-bżonnijiet tagħhom fil-qasam ta’ partijiet separati (spare parts). Konsegwentement, il-miżuri magħmula minn Bergerat ma’ klijenti ta’ Haladjian, xi drabi fil-preżenza ta’ rappreżentant ta’ Caterpillar, setgħu jiġu kkunsidrati bħala miżura kummerċjali ta’ Bergerat lejn il-klijenti kollha tiegħu li jixtru materjali tat-trade mark Caterpillar, li jistgħu jkunu wkoll klijenti ta’ Haladjian, mingħajr ma dan jinvolvi restrizzjoni ta’ kompetizzjoni fir-rigward ta’ l-Artikolu 81 KE.

100    Bl-istess mod, fir-rigward ta’ l-ittra tal-21 ta’ Settembru 1999 ta’ Caterpillar lil bejjiegħ bl-imnut Grieg, il-kontenut tagħha jikkontradixxi l-affermazzjoni tar-rikorrenti. Fil-fatt, din l-ittra, li tesponi l-prinċipji tas-sistema CES, tindika espressament li, f’dan il-kuntest, il-bejjiegħ bl-imnut Ewropew jista’ jiffornixxi ruħu mingħand kwalunkwe distributur approvat minn Caterpillar u tippreċiża li, jekk il-bejjiegħ bl-imnut jagħżel li jiffornixxi ruħu mingħand CES fil-Belġju, CES titlob lid-distributur tal-post ta’ destinazzjoni tal-prodott il-permess li taġixxi f’ismu. Madankollu din it-talba ma timplikax, li CES tikkomunika lil dan id-distributur l-identità tal-klijent li jintervjeni għalih il-bejjiegħ bl-imnut.

101    Għaldaqstant ebda dokument ma jsostni l-affermazzjoni tar-rikorrenti li Bergerat – jew kull distributur ieħor taż-żona KE/EFTA – jista’ jkollu aċċess, fuq il-bażi tas-sistema CES, għal isem il-klijenti li kienu qabbdu lil Haladjian għall-bejgħ bejn iż-żoni.

102    Barra minn hekk, fir-rigward ta’ l-ilmenti tar-rikorrenti dwar in-natura żbaljata tad-deċiżjoni kkontestata peress li ma kinitx eżaminat l-iskont u l-offerti ta’ nuqqas ta' tibdil fil-prezzijiet proposti minn Bergerat għal tnejn mill-klijenti tagħha, anki jekk dawn l-offerti kummerċjali kellhom bħala skop li jeliminaw lil Haladjian mis-suq in kwistjoni, għandu jiġi rrilevat li dawn l-allegazzjonijiet li jikkonċernaw ksur ta’ l-Artikolu 82 KE u mhux l-Artikolu 81 KE, ma kellhomx għalfejn jiġu eżaminati mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ l-eżami ta’ l-ilment ta’ Haladjian, li kien jirreferi għal Caterpillar u mhux Bergerat. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti baqgħet ma ressqitx prova ta' l-iċken prattika miftiehma bejn Caterpillar u Bergerat għal dak li jikkonċerna dawn l-offerti kummerċjali.

103    Minn dak kollu li ngħad preċedentement jirriżulta li l-ilmenti tar-rikorrenti dwar l-offerti magħmula minn Bergerat lil klijenti ta’ Haladjian għandhom jiġu miċħuda.

4.     Fuq l-ilmenti dwar id-dokumenti li jikkonċernaw Leverton

a)     Id-deċiżjoni kkontestata

104    Fir-rigward tad-dokumenti li jikkonċernaw Leverton, wieħed mid-distributuri ta’ Caterpillar stabbiliti fir-Renju Unit, li kienu ġew ippreżentati minn Haladjian sabiex turi li dan id-distributur kien ipproponielha prezzijiet ipprojbiti tant kemm huma għoljin, id-deċiżjoni kkontestata tirrileva fil-punt 6.4 li t-tariffa proposta lil Haladjian minn Leverton fl-ittra tagħha tal-21 ta’ April 1993 kienet tikkorrispondi għall-prezz propost għall-utenti tar-Renju Unit. Għaldaqstant, id-deċiżjoni tikkonkludi li, jekk din it-tariffa hija esaġerata għal Haladjian, hija esaġerata wkoll għall-utenti tar-Renju Unit.

b)     L-argumenti tal-partijiet

105    Ir-rikorrenti ssostni li fuq dan il-punt id-deċiżjoni kkontestata tonqos milli tfakkar li fl-1983 Leverton ħabbret li kien ser ikollha tieqaf milli tikkunsinna lil Haladijan u milli tirrileva li l-offerta ta’ Leverton magħmula skond it-tariffa nazzjonali fil-21 ta’ April 1993 kienet identika għal dik magħmula fl-istess waqt minn Maia lil Haladjian, u dan wara tixwix min-naħa ta’ Caterpillar. Barra minn hekk, l-affermazzjoni li “jekk din it-tariffa hija esaġerata għal Halajdian, hija esaġerata wkoll għall-utenti [tar-Renju Unit]” hija żbaljata, peress illi l-importanza ta’ l-ordnijiet magħmula mill-bejjiegħa bl-imnut għall-finijiet ta’ kummerċ intrakomunitarju tippermetti li jinkisbu prezzijiet ikkalkulati b’referenza għall-“Consumer price” (imsejħa wkoll “tariffa internazzjonali” minn Maia) qabel it-twaqqif tas-sistema CES u li dawn il-prezzijiet kienu inqas mit-tariffi nazzjonali mitluba mid-distributuri Ewropej fuq it-territorji rispettivi tagħhom.

106    Il-Kummissjoni, sostnuta minn Caterpillar, tikkontesta din l-analiżi.

c)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

107    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrileva li ebda wieħed mill-argumenti ppreżentati mir-rikorrenti ma jippermetti li jiġi stabbilit li kien hemm żball manifest ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni.

108    Fir-rigward ta’ l-ommissjoni tar-rifjut ta’ bejgħ minn Leverton lil Haladjian f’Marzu 1983, l-eżami tad-dokument in kwistjoni (anness 5 għar-rikors, paġna 380) jippermetti biss li jiġi kkonstatat li Leverton issospendiet ordnijiet ta’ Haladjian sakemm stenniet li jsiru d-diskussjonijiet dwar l-implementazzjoni tas-sistema ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti ta’ Caterpillar, li kienet għadha kif ġiet stabbilita. Fi kwalunkwe każ, dan id-dokument sar qabel it-twaqqif tas-sistema CES.

109    Fir-rigward ta’ l-ommissjoni tad-deċiżjoni kkontestata ta’ l-offerta magħmula minn Maia lil Haladjian fl-istess mument, għandu jiġi rrilevat li din l-offerta hija eżaminata permezz tad-deċiżjoni matul l-eżami tad-dokumenti dwar Maia. B’hekk dan l-eżami ma kellux isir matul l-eżami tad-dokumenti dwar Leverton. Minbarra dan, l-offerta ta’ Maia tirreferi għat-tariffa Taljana u mhux għat-tariffa fis-seħħ fir-Renju Unit u tinkludi skont ta’ 10%. B’hekk it-termini tagħha mhumiex identiċi għal dawk ta’ l-offerta ta’ Leverton. Minbarra dan, ir-rikorrenti ma tipprovdix kif tali offerti jistgħu jikkostitwixxu l-prova ta’ miftiehma bejn Caterpillar u d-distributuri Ingliżi u Taljani tagħha fir-rigward tagħha.

110    Fir-rigward tal-kritika tar-rikorrenti kontra l-affermazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata li, “jekk [it-]tariffa [fis-seħħ fir-Renju Unit] hija esaġeratament għolja għal Haladjian, hija esaġerata wkoll għall-utenti [tar-Renju Unit]” – kritika li tistrieħ fuq l-allegazzjoni li l-importanza ta’ l-ordnijiet mgħamula mill-bejjiegħa bl-imnut bħala bejgħ intrakomunitarju tippermetti li jinkisbu prezzijiet inqas mit-tariffi nazzjonali qabel it-twaqqif tas-sistema CES –, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li dawn il-kritiki m’għandhomx effett fuq id-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata tindika li d-distributur jibqa’ liberu mill-prezz propost lill-bejjiegħ bl-imnut, peress li dan jista’ b'hekk jipproponi l-prezz nazzjonali jew kull prezz ieħor li huwa jikkunsidra xieraq. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma wrietx kif il-prezz propost f’dan il-każ minn Leverton kien diskriminatorju fir-rigward tagħha.

111    Minn dak kollu li ngħad preċedentement jirriżulta li l-ilmenti tar-rikorrenti dwar id-dokumenti li jikkonċernaw Leverton għandhom jiġu miċħuda.

5.     Fuq l-ilmenti dwar id-dokumenti li jikkonċernaw Maia

112    Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tibdel in-natura tal-kontenut tad-dokumenti li jikkonċernaw Maia ikkomunikati matul il-proċedura amministrattiva. Fil-fatt, pjuttost milli tanalizza dawn id-dokumenti bħala eżempju ta’ dak li għandu jagħmel bejjiegħ bl-imnut sabiex jiġġieled kontra l-projbizzjoni de facto li jipprattika importazzjonijiet paralleli fil-Komunità, id-deċiżjoni tużahom sabiex tispjega u tiġġustifika il-prattiċi ta’ Caterpillar.

a)     Fuq id-dokumenti li jikkonċernaw in-netwerk Maia/ICBO/Schmidt

 Id-deċiżjoni kkontestata [punt 6.3 u punt 7.1(c)]

113    Skond id-deċiżjoni kkontestata, id-dokumenti li jikkonċernaw Maia prodotti minn Haladjian matul il-proċedura amministrattiva li jippermettu li jiġi stabbilit li dan id-distributur kien stabbilixxa netwerk paralleli ta’ distribuzzjoni kien jiffornixxi lil Haladjian barra mis-sistema CES. Id-dokumenti rilevanti f’dan ir-rigward huma esposti fil-punt 6.3 tad-deċiżjoni kkontestata. Dawn id-dokumenti huma l-ittra anonima rċevuta minn Caterpillar fi Frar 1990 li tinformaha bil-fatt li l-kumpannija Taljana ICBO – li fost l-azzjonisti tagħha hemm M.A., uffiċjal ta’ Maia, u l-kumpannija Amerikana Schmidt – xtraw partijiet separati (spare parts) lil Maia f’isem Schmidt li għaddewhom lil Haladjian, il-faks tat-13 ta’ Frar 1990 indirizzata minn M.A. lil Schmidt li jinformaha li Caterpillar xtaqet tikseb spjegazzjonijiet għal dak li jikkonċerna l-bejgħ ta’ Maia lil ICBO u l-ittra tal-21 ta’ Settembru 1990 indirizzata minn M.A. lil Schmidt sabiex tagħtiha akkont taż-żjara ta’ Caterpillar u tar-risposta mogħtija minn Maia għal dak li jikkonċerna l-bejgħ magħmul lil ICBO.

114    Il-kontenut ta’ din l-ittra tal-21 ta’ Settembru 1990, riprodotta fid-deċiżjoni kkontestata, huwa s-segwenti:

“[...] Aħna irċevejna ż-żjara ta’ [rappreżentanti ta’ Caterpillar Franza u l-Italja]. Dan huwa dak li qalulna. Fi Franza, jeżisti kompetitur b’saħħtu ħafna (Haladjian, kif miktub fuq il-lista tal-bejjiegħa bl-imnut!) li, fil-passat, irċieva bosta kontejners ġejjin mill-Istati Uniti ... Il-kontejners m’għadhomx jaslu, iżda madankollu n-negozju ta' Haladjian miexi tajjeb. Min/fejn huwa s-sors il-ġdid? F’Marsilja [Bergerat] sema' ċertu għadjut li jikkonċerna t-traffiku ta’ partijiet oriġinali CAT ġejjin mill-Italja “amministrati” mill-MAFIA Taljana ... Aħna rrispondejna bħall-aħħar darba. Aħna nafu lil ICBO; din tbigħ apparat użat lejn pajjiżi Afrikani ... B’mod edukat ħafna, ir-rappreżentanti ta’ Caterpillar qalu li huma jemnuna, imma li aħna għadna nkunu prudenti ħafna peress li finalment ir-reazzjoni tagħhom tista’ tkun (it-tmiem tal-kuntratt) ... Issa l-impriża tiegħi hija inkwetata ħafna. Jien naħseb li aħna għandna niddiskutu personalment fuq din il-kwistjoni minħabba li s-sitwazzjoni qed issir aktar u aktar perikoluża [...]” (ir-raba' subparagrafu tal-punt 6.3 tad-deċiżjoni kkontestata).

115    Skond id-deċiżjoni kkontestata, dawn id-dokumenti jippermettu li jiġi stabbilit il-kuntest li taqa' fih l-ordni ta’ Haladjian mingħand Maia fl-1993 (it-tieni subparagrafu tal-punt 6.3 tad-deċiżjoni kkontestata, p. 15). Il-fatti segwenti ser jiġu, b’mod partikolari, esposti. Fl-ewwel lok, Maia, distributur uffiċjali ta’ Caterpillar, kien uża ICBO bħala netwerk paralleli għan-netwerk uffiċjali tiegħu sabiex jagħmel il-kummerċ ta’ partijiet separati (spare parts) lejn pajjiżi mhux Ewropej billi jdur mas-sistema CES u billi jikser il-kuntratt tiegħu ta’ distribuzzjoni. Fit-tieni lok, ICBO u Schmidt kienu kisbu mingħand Maia partijiet għal prezzijiet differenti mit-tariffa Taljana billi kienu taparsi kienu ser jibagħtu dawn il-partijiet lejn l-Istati Uniti. Fir-realtà, dawn il-partijiet kienu ddestinati għal Haladjian għall-attivitajiet kummerċjali tagħha fl-Afrika u almenu skond l-affermazzjonijiet ta’ Haladjian, fi Franza. Fit-tielet lok, il-bejgħ ta’ Maia lil Haladjian li sar permezz ta’ l-intermedjarju ta’ ICBO u ta’ Schmidt, kien ġie ppreżentat lil Caterpillar bħallikieku kien bejgħ ta’ prodotti użati ddestinat għall-Afrika. Fir-raba' lok, fl-1993, meta Caterpillar kienet ġiet informata bl-attività paralleli illeċita ta’ Maia, din kienet iddeċidiet li twaqqaf il-parteċipazzjoni tagħha fin-netwerk u b'hekk ġew implikati ICBO, Schmidt u Haladjian. F’dan ir-rigward, għalkemm M.A. kiteb lil Schmidt li huwa kien irċieva mid-Direttur Ġenerali tagħha l-ordni li jevita l-kuntatti ma’ Haladjian, dan jidher li jaqa’ biss taħt l-attivitajiet kummerċjali klandestini tagħhom.

116    Id-deċiżjoni kkontestata tirrileva li Haladjian ma tikkonstestax dan il-kuntest. B’mod partikolari, Haladjian ma ġġibx prova dwar lejn liema pajjiż kienu ddestinati l-partijiet li Maia kienet ipprovditilha permezz ta’ l-intermedjarju ta’ ICBO u ta’ Schmidt. Bl-istess mod, id-deċiżjoni kkontestata tosserva li Haladjian ma wrietx la li hija ppruvat, qabel l-ordni li hija għamlet lil Maia fl-24 ta’ Frar 1993 (aktar ‘il quddiem l-“ordni ta’ l-24 ta’ Frar 1993”) li teffettwa xiri dirett ta’ partijiet mingħand Maia għas-suq Franċiż jew għal suq ieħor taż-żona KE/EFTA, la li Maia rrifjutat li tipprovdilha dawn il-partijiet, u lanqas li – f’każ ta’ kawża fuq il-prezzijiet f’tali każ – Caterpillar interveniet fuq il-prezz (punt 6.3 tad-deċiżjoni kkontestata, p. 16 u 17).

 L-argumenti tal-partijiet

117    Ir-rikorrenti ssostni li t-tliet dokumenti li jikkonċernaw Maia għas-sena 1990 juru b’mod ċar li l-fornimenti ta’ Haladjian fl-Italja u għad-destinazzjoni ta’ Franza kienu suġġetti għal restrizzjonijiet min-naħa ta’ Caterpillar u minn uħud mid-distributuri tagħha, u dan kuntrarjament għal dak li tirrakkomanda s-sistema CES u għal dak li tindika d-deċiżjoni kkontestata.

118    Fir-rigward ta’ l-ittra anonima indirizzata lil Caterpillar fi Frar 1990, ir-rikorrenti tosserva li dan id-dokument jindika espressament li l-merkanzija mixtrija minn ICBO fl-Italja, permezz ta’ l-intermedjarju ta’ Schmidt, hija kkunsinjatha f’Marsilja, imbagħad miġbura u meħlusa mid-dwana minn Haladjian. Din il-preċiżazzjoni, li hija nieqsa mid-deċiżjoni kkontestata, turi sewwa li x-xiri ta’ Haladjian effettwat permezz ta’ l-intermedjarju ta’ ICBO u ta’ Schmidt kien iddestinat għal Franza u mhux għall-Afrika.

119    Fir-rigward tal-faks tat-13 ta’ Frar 1990 indirizzata minn M.A. lil Schmidt, ir-rikorrenti tosserva li din ma tillimitax ruħha li tiddikjara li Maia kienet ser jiltaqa’ ma’ Caterpillar sabiex tispjega ruħha fuq il-bejgħ lil ICBO. F’din il-faks, M.A. jitlob ukoll l-opinjoni tad-destinatarju fuq xenarju vvintat fejn isir bejgħ speċifiku għad-destinazzjoni ta’ l-Afrika fl-1986. Meta tinqara flimkien ma’ l-ittra anonima, din il-faks tippermetti li jiġi kkonstatat li Maia kienet għawġet il-fatti ppreżentati lil Caterpillar billi ġabet skuża ta' bejgħ għall-Afrika – u b’hekk bi ksur tas-sistema CES, li tipprojbixxi lil distributur li jbiegħ lil bejjiegħ bl-imnut li jesporta barra miż-żona –, minflok ma rrikonoxxiet bejgħ mill-Italija lejn Franza, kif għaldaqstant jirriżulta mill-ittra anonima. Madankollu, peress illi l-bejgħ mill-Italja fi Franza huwa perfettament awtorizzat – skond Caterpillar kif ukoll il-Kummissjoni –, ir-rikorrenti tesponi li huwa diffiċli li wieħed jifhem għalfejn bejgħ mill-Italja fi Franza, inkluż dak li jsir minn intermedjarju bħal ICBO, għandu jkun is-suġġett ta’ akkuża anonima segwita minn “spjegazzjonijiet” lil Caterpillar.

120    Fir-rigward ta’ l-ittra tal-21 ta’ Settembru 1990 ta’ M.A. lil Schmidt dwar iż-żjara li saret għand Maia minn rappreżentanti ta’ Caterpillar fi Franza u fl-Italja, ir-rikorrenti ssostni li din l-ittra tindika, meta hija tħares lejn is-sitwazzjoni ta’ Haladjian, li dan il-bejjiegħ bl-imnut fil-passat kien irċieva bosta kontejners mill-Istati Uniti mill-portijiet ta’ Le Havre u ta’ Marsilja “fejn [Bergerat] kellu informaturi”. Ir-referenzi magħmula għal Bergerat f'din il-parti ta' l-ittra bħalma f'partijiet oħra jippermettu li jiġi stabbilit li Caterpillar aġixxiet b'konsultazzjoni stretta mad-distributur Franċiż tagħha u juru r-rwol ta’ Bergerat fis-sorveljanza ta’ Haladjian u fl-azzjonijiet ta’ Caterpillar sabiex tiskoraġġixxi lil Maia milli tiffornixxi lil Haladjian. Din l-ittra kellha wkoll tiġi mqabbla ma’ l-ittra ta’ l-10 ta’ Lulju 1990 mibgħuta minn Bergerat lil Caterpillar, li tirreferi għall-intervenjenti kollha dwar ir-rispett tar-regoli tas-sistema.

121    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tikkritika d-deċiżjoni kkontestata safejn hija tafferma li l-bejgħ effettwat mill-intermedjarju ta’ ICBO serva sabiex idur mas-sistema CES u ppermetta xiri għad-destinazzjoni ta’ l-Afrika. Din l-affermazzjoni tistrieħ biss fuq il-faks tat-13 ta’ Frar 1990, li fiha M.A. informa lil Schmidt b'dak li huwa kien ser jitkellem dwaru ma’ Caterpillar sabiex jaħbi t-traċċi tal-forniment ta’ Haladjian f’Marsilja. Din hija spjegazzjoni ta’ apparenza pura li ma tikkorrispondix għall-fatti hawn in kwistjoni. Id-deċiżjoni kkontestata tieħu dan in kunsiderazzjoni, safejn hija tindika li, tkun xi tkun l-interpretazzjoni li għandha tingħata lil din l-ittra, il-fatt jibqa’ li Haladjian qatt ma tat prova li l-bejgħ ta’ Maia permezz ta’ l-intermedjarju ta’ ICBO kien iddestinat kollu kemm hu jew parti minnu għal Franza (punt 6.3 tad-deċiżjoni kkontestata, p. 17). Għaldaqstant, peress li mhijiex kapaċi li tagħti prova ta’ dak li tafferma, il-Kummissjoni tikkunsidra li hija Haladjian li għandha tagħti prova tal-kuntrarju. Madankollu, minbarra min-natura tagħha manifestament żbaljata fid-dawl tad-dokumenti ċċitati aktar 'il fuq, li jistabbilixxu b’mod ċar li dan il-bejgħ kien iddestinat għal Franza u mhux għall-Afrika, din l-akkuża tikkostitwixxi wkoll ksur tad-drittijiet tal-persuna li tagħmel l-ilment, li tressaq ilment kontriha, għall-ewwel darba fid-deċiżjoni kkontestata, li ma pprovdietx provi fuq dan il-punt, mingħajr ma kienet ġiet mitluba tagħmel dan f’għaxar snin ta’ proċedura. Minbarra dan, il-Kummissjoni ma jistax ikollha dubji rigward id-destinazzjoni finali tal-partjiet ordnati għal Maia mill-intermedjarju ta’ ICBO u ta’ Schmidt, peress illi l-akbar parti tal-bejgħ ta’ Haladjian kien sar fi Franza.

122    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti li dawn id-dokumenti juru li Maia ppruvat taħbi lil Caterpillar, mhux ksur tas-sistema CES – minħabba esportazzjonijiet fl-Afrika mhux iddikkjarati –, imma ksur ta’ regola mhux miktuba li ma tippermettix lil Maia li tbigħ lil bejjiegħ bl-imnut Ewropew li jixtri partijiet iddestinati għaż-żona KE/EFTA. Fil-fatt, ir-rikorrenti tieħu bħala punt ta’ tluq l-eżistenza ta’ restrizzjonijiet li għandhom jiġu moħbija mingħajr ma tressaq prova ta’ dan, u dan anki meta kienet f'pożizzjoni li turi d-destinazzjoni reali tal-partijiet mixtrija mingħand Maia mill-intermedjarju ta’ ICBO.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

123    Essenzjalment, ir-rikorrenti tikkontesta l-evalwazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata li d-dokumenti li jikkonċernaw Maia għall-perijodu ta' qabel l-ordni ta’ l-24 ta’ Frar 1993 ma jippermettux li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ restrizzjonijiet għall-kummerċ intrakomunitajru għal dak li jikkonċerna l-bejjiegħa bl-imnut Ewropej. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma tikkontestax li nqdiet bin-netwerk Maia/ICBO/Schmidt sabiex tiffornixxi ruħha fl-Italja, imma ssostni li dan il-forniment kien iddestinat biss sabiex jitwettaq bejgħ intrakomunitajru – mill-Italja lejn Franza –, u dan sabiex iddur ma’ dak li hija tafferma li huwa l-impossibbiltà prattika li twettaq tali bejgħ minħabba l-imġiba ta’ Caterpillar u tad-distributuri tagħha, b’mod paritkolari Bergerat.

124    Madankollu, id-deċiżjoni kkontestata tiċħad dan l-argument għar-raġuni li ebda dokument ma jippermetti li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali projbizzjoni li tipprattika bejgħ intrakomunitarju. B’mod partikolari, id-deċizjoni tirrileva li Haladjian ma tagħtix prova li l-partijiet separati (spare parts) miksuba mill-Italja mill-intermedjarju ta’ ICBO fil-fatt kellhom lil Franza bħala destinazzjoni finali. B’hekk il-punt ta’ tluq ta’ l-argument tar-rikorrenti mhuwiex stabbilit. Bl-istess mod, id-deċiżjoni kkontestata tirrileva li, anki jekk wieħed jippresupponi li d-destinazzjoni finali ta’ dawn il-partijiet separati (spare parts) kienet fil-fatt Franza, din mhijiex prova li Caterpillar kienet ipprojbixxiet lid-distributuri Ewropej tagħha milli jbigħu partijiet separati (spare parts) lil Haladjian (ara it-tielet subparagrafu tal-punt 6.3 tad-deċiżjoni kkontestata, p. 16).

125    Għandhom jiġu eżaminati l-elementi rilevanti tal-proċess sabiex jiġi ddeterminat jekk il-Kummissjoni għamlitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ddeċidiet li tiċħad minħabba insuffiċjenza ta’ provi l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti fuq id-destinazzjoni Franċiża tal-partijiet mixtrija għal Maia, mill-intermedjarju ta’ ICBO u ta’ Schmidt, u fuq il-fatt li fil-prattika kien impossibbli għaliha li tiffornixxi ruħha direttament mingħand Maia, minħabba l-allegat akkordju jew prattika miftiehma bejn Caterpillar u d-distributuri Ewropej tagħha.

126    Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li d-dokumenti invokati mir-rikorrenti għandhom valur probatorju limitat ħafna minħabba n-natura tagħhom u ċ-ċirkustanzi li jinsabu fihom. Għaldaqstant, l-ewwel dokument li jikkonċerna l-attivitajiet tan-netwerk Maia/ICBO/Schmidt fl-1990 hija ittra indirizzata lil Caterpillar fi Frar 1990. Iż-żewġ dokumenti l-oħra ċċitati mir-rikorrenti, jiġifieri l-faks tat-13 ta’ Frar 1990, indirizzata minn M.A. lil Schmidt, u l-ittra tal-21 ta’ Settembru 1990 indirizzata minn M.A. lil Schmidt jidħlu f’kuntest li fih Caterpillar staqsiet lilha nnifisha, sussegwentement għall-ittra anonima, jekk l-imġiba tad-distributur Taljan tagħha kinitx leali u skond it-termini tal-kuntratt ta’ distribuzzjoni.

127    L-eżami ta’ dawn it-tliet dokumenti jipprovdi s-segwenti indikazzjonijiet. Fl-ewwel lok, l-ittra anonima indirizzata lil Caterpillar fi Frar 1990 tindika li l-partijiet mibjugħa lil Schmidt minn ICBO kienu ġew ikkunsinnjati f’maħżen f’Marsilja fejn kienu “miġbura u meħlusa mid-dwana minn Haladjian”. Fit-tieni lok, il-faks tat-13 ta’ Frar 1990 indirizzata minn M.A. lil Schmidt issemmi bejgħ ta’ 120 miljun lira Taljana effettwat fl-1986 minn Maia lil ICBO għall-użu ta’ partijiet separati (spare parts) minn imprendituri Taljani fil-Kamerun u l-Gabon. Fit-tielet lok, l-ittra tal-21 ta’ Settembru 1990 indirizzata minn M.A. lil Schmidt mal-ewwel tindika li matul żjara ta’ rappreżentanti ta’ Caterpillar għand Maia, Caterpillar indikat lil Maia li hija kienet taf li Haladjian kienet irċeviet bosta kontejners ta’ partijiet separati (spare parts) f’Le Havre u f’Marsilja li kienu ġew mill-Istati Uniti, li l-imsemmija kontejners ma waslux mingħajr ma dan inaqqas il-bejgħ ta’ Haladjian u li Caterpillar għaldaqstant kienet tistaqsi lilha nnifisha liema seta’ kien is-sors ġdid ta’ forniment ta’ Haladjian. Sussegwentement din l-ittra tesponi r-risposta ta’ Maia, li kienet diġà ngħatat lil Caterpillar, u li minnha jirriżulta li Maia kienet taf – b’xi mod hija biss – li ICBO kienet tbigħ partijiet separati (spare parts) użati għal użu f’bosta pajjiżi Afrikani.

128    Mal-qari ta’ dawn it-tliet dokumenti, l-evalwazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li tistabbilixxi li d-dokumenti kkomunikati minn Haladjian ma jippermettux li tiġi stabbilita d-destinazzjoni finali tal-partijiet mixtrija fl-Italja minn Haladjian, b’hekk mhijiex manifestament żbaljata. Fil-fatt, l-indikazzjoni, li toħroġ minn ittra anonima, li l-partijiet mixtrija minn Haladjian għal Maia permezz ta’ l-intermedjarju ta’ ICBO u ta’ Schmidt kienu kkunsinjati u meħlusa mid-dwana f’Marsilja, li jħalli lil wieħed jaħseb li l-partijiet esportati lejn l-Istati Uniti, fejn kien jinsab Schmidt, kienu sussegwentement esportati mill-ġdid lejn Franza fejn dawn ġew meħlusa mid-dwana, għandha tiġi mqabbla ma’ l-indikazzjonijiet mogħtija minn Maia lil Caterpillar, li jagħmlu referenza għal bejgħ fl-Afrika. B’hekk ċerti dokumenti jippermettu li wieħed jaħseb li xi partijiet seta' effettivament kellhom l-Afrika bħala destinazzjoni finali. Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ elementi ta’ prova pprovduti minn Haladjian fuq id-destinazzjoni reali tal-partijiet mixtrija għal Maia, permezz ta’ l-intermedjarju ta’ ICBO u ta’ Schmidt, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li fid-deċiżjoni kkontestata kkunsidrat li xejn ma kien jagħti prova li d-destinazzjoni finali ta’ dawn il-partijiet fil-fatt kienet Franza.

129    Minbarra dan, u tkun xi tkun id-destinazzjoni finali tal-partijiet in kwistjoni, id-dokumenti ċċitati mid-deċiżjoni kkontestata u kkritikati mir-rikorrenti ma jistabbilixxux li l-bejgħ intrakomunitarju ma kienx possibbli minħabba Caterpillar. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti baqgħet ma stabbilixxietx l-iċken akkordju jew l-iċken prattika miftiehma bejn Caterpillar u d-distributuri Ewropej tagħha li minħabba fihom hija ma kinitx tkun tista' tixtri fl-Italja sabiex tbiegħ fi Franza, li jikkostitwixxi l-qalba ta’ l-argument tagħha f’dan ir-rikors.

130    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tistax tallega li d-drittijiet tagħha inkwantu bħala persuna li għamlet l-ilment kienu ġew miksura minħabba li hija ma kellhiex l-okkażjoni li tipprovdi l-provi dwar id-destinazzjoni finali tal-partijiet mingħand Maia permezz ta’ l-intermedjarju ta’ ICBO u ta’ Schmidt matul il-proċedura amministrattiva, peress illi hija r-rikorrenti stess li allegat fl-osservazzjonijiet tagħha fuq l-ittra Artikolu 6 li d-destinazzjoni ta’ dawn il-partijet kienet Franza, mingħajr madankollu ma ressqet il-prova f’dik l-okkażjoni. B’hekk ir-rikorrenti ma tistax takkuża lill-Kummissjoni li ċaħdet din l-allegazzjoni minħabba insuffiċjenza ta’ provi.

131    Minn dak kollu li ngħad preċedentement jirriżulta li l-ilmenti tar-rikorrenti dwar id-dokumenti li jikkonċernaw in-netwerk Maia/ICBO/Schmidt, li Haladjian kienet serviet ruħha minnhom għall-fornimenti tagħha qabel l-ordni ta’ l-24 ta’ Frar 1993, għandhom jiġu miċħuda.

b)     Fuq id-dokumenti li jikkonċernaw l-ordni ta’ l-24 ta’ Frar 1993

 Id-deċiżjoni kkontestata

132    Id-deċiżjoni kkontestata teżamina wkoll it-tieni sensiela ta’ dokumenti li jikkonċernaw l-ordni ta’ l-24 ta’ Frar 1993 kif ukoll it-trattament tagħha minn Maia u xi drabi minn Caterpillar.

133    Permezz ta’ ittra ta’ l-24 ta’ Frar 1993, Haldajian kienet kitbet lil Maia sabiex tindikalha li hija kienet ġiet awtorizzata minn bosta utenti Franċiżi, li l-ittri tagħhom kienu mehmuża ma’ l-anness, sabiex tixtri partijiet separati (spare parts) prodotti minn Caterpillar, li hija kienet tkellmet dwar il-kontenut ta’ dawn l-ittri ma’ Caterpilliar, li kienet qaltilha li jkun aħjar li tqiegħed l-ordni tagħha ma' distributur u li, konsegwentement, hija kienet interessati mix-xiri tal-partijiet separati (spare parts) fil-Consumer price f’dollari ta’ l-Istati Uniti (aktar ‘il quddiem “dollari”) (il-ħames subparagrafu tal-punt 6.3 tad-deċiżjoni kkontestata).

134    Wara li fit-30 ta’ Marzu 1993 Haladjian reġgħet bagħtitilha, Maia kienet bagħtet faks fil-31 ta’ Marzu 1993 lil Caterpillar sabiex tinforma ruħha dwar kif kellha ġġib ruħha u kkuntattjat ukoll lil Caterpillar permezz tat-telefon. Wara nota interna ta’ Maia ta’ l-20 ta’ April 1993, Caterpillar kienet irrispondiet li Maia kellu tagħti risposta lil Haldjian u li, jekk Maia kienet taqbel, hija setgħet tipproponi prezz skond it-tariffa Taljana (is-seba’ subparagrafu tal-punt 6.3 tad-deċiżjoni kkontestata).

135    Skond id-deċiżjoni kkontestata, l-ordni tal-21 ta’ Frar 1993 tippreżenta karatteristika mhux normali. Fil-fatt, fl-ewwel lok, Haladjian tesponi li hija kienet ġiet awtorizzata minn klijenti Franċiżi sabiex tixtri partijiet prodotti minn Caterpillar, madankollu tali awtorizzazzjoni mhijix neċessarja meta bejjiegħ bl-imnut jixtri partijiet f’pajjiż taż-żona KE/EFTSA sabiex jibgħathom f'pajjiż ieħor ta’ din iż-żona. Fit-tieni lok, Haladjian tindika li hija tkellmet dwar dawn l-ittri ta’ awtorizzazzjoni ma’ diriġent ta’ Caterpillar, filwaqt li l-bejjiegħ bl-imnut li jagħmel kummerċ intrakomunitarju m’għandux obbligu li jiddiskuti ma’ persuna sabiex jagħmel ordni. Fit-tielet lok, l-ordni tal-21 ta’ Frar 1993 titlob prezzijiet mhux fil-munita lokali, imma bbażati fuq il-Consumer price f’dollari. Madankollu, kull distributur jipprattika tariffa ta’ bejgħ fil-munita tiegħu stess u mhux f’dollari (punt 6.3 tad-deċiżjoni kkontestata).

136    F'dan ir-rigward, id-deċiżjoni kkontestata tfakkar, fl-ewwel lok, li Haladjian ma wrietx li preċedentement kienet ibbenefikat minn prezzijiet espressi f’dollari min-naħa ta’ Maia jew minn distributuri Ewropej oħra għal prodotti ddestinati fi Franza jew f’pajjiżi oħra taż-żona KE/EFTA, fit-tieni lok li Haladjian qatt ma ressqet provi li Maia kienet talbet din l-allegata tariffa internazzjonali f’dollari mingħand klijenti Komunitarji oħra u li – konsegwentement –ir-rifjut li jiġi mitlub dan il-prezz jjikkostitwixxi diskriminazzjoni fir-rigward ta' Haladjian u, fit-tielet lok, li Haladjian ma wrietx li hija kienet ibbenefikat, mingħajr l-intervent ta’ Caterpillar, minn prezz inqas minn dak offert minn Maia fl-ittra tagħha tat-8 ta’ April 1993. B’hekk minħabba l-kontenut tagħha, l-ordni ta’ l-24 ta’ Frar 1993 tikkostitwixxi reazzjoni għall-fatt li Maia ddeċidiet li tieqaf tiffornixxi lil Haladjian billi ddur mas-sistema CES u hija intiża li tippermettilha tipprokura elementi in sostenn ta’ l-ilment [punt 6.3 u punt 7.1(c) tad-deċiżjoni kkontestata].

137    Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata (is-sitt subparagrafu tal-punt 6.3) tirreferi għall-ittra tat-30 ta’ Marzu 1993, mibgħuta minn M.A. lil Schmidt u dan wara l-ordni ta’ l-24 ta’ Frar 1993. Din l-ittra tindika dan li ġej:

“L-ewwel aħbarijiet ta’ Caterpillar mhumiex tajbien. It-Tnejn wara nofs in-nhar, id-Direttur Ġenerali tiegħi informani li huwa kien irċieva telefonata minn Ġinevra fejn ġie avżat sabiex jevita li H.F. Avignon tiġi fornita; uffiċjalment dan ma jistax isir, konsegwentement, aħna ser nirrispondu u nipproponu l-lista ta’ prezz Taljan (dan ifisser il-prezz konsumatur [Consumer price] f’dollari darbtejn!! bħala medja); aħna dalwaqt ser nirċievu r-risposta definittiva ta’ Caterpillar. [...]”

138    Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ April 1993, Maia kienet ipproponiet lil Haladjian prezz skond it-tariffa Taljana flimkien ma’ skont ta’ 10%. Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ April 1993, Haladjian kienet irrifjutat din il-proposta u kienet talbet li tibbenefika mill-Consumer price f’dollari, kif kien ġie propost lil klijenti Komunitarji oħra ta’ Maia, flimkien ma’ skont. Fin-nuqqas ta’ dan, Haladjian kienet informat lil Maia bl-intenzjoni tagħha li tressaq ilment li jikkonċerna prattika ta’ prezzijiet diskriminatorji quddiem il-Kommissjoni. Skond in-nota interna ta’ Maia ta’ l-20 ta’ April 1993, iċċitata aktar ‘il fuq, din kienet informat lil Caterpillar u lil Bergerat bir-reazzjoni ta’ Haladjian (it-tmien u d-disa' subparagrafi tal-punt 6.3 tad-deċiżjoni kkontestata).

139     Skond in-nota interna ta’ Maia tat-30 ta’ April 1993, Haladjian kienet indirizzat ruħha lil Maia minħabba li hija kienet fil-pożizzjoni li tirrikatta lil Maia peress illi, fl-ewwel lok, fil-passat Maia kienet applikat it-tariffa internazzjonali għal klijenti Komunitajri (għad-deċiżjoni kkontestata, din in-nota hawnhekk tirriproduċi l-kontenut ta’ l-ittra ta’ Haladjian lil Maia tat-22 ta’ April 1993 iċċitata fil-punt preċedenti, li tirreferi ruħha għall-Consumer price f’dollari), fit-tieni lok li Maia ma kinitx irrispettat ir-regoli tas-sistema CES għall-bejgħ barra mill-Komunità, fit-tielet lok li Haladjian hija fil-pożizzjoni li tagħti prova ta’ l-eżistenza tal-bejgħ ta’ Maia lil Haladjian permezz ta’ l-intermedjarju ta’ ICBO u, fir-raba' lok, li xi diriġenti ta’ Caterpillar kienu jafu bl-attivitajiet paralleli ta’ Maia, li huma koprew sal-ġurnata ta’ llum (it-tieni subparagrafu tal-punt 6.3 u n-nota fil-qiegħ tal-paġna, nru 10 tad-deċiżjoni kkontestata).

140    Peress li l-ordni ta’ l-24 ta’ Frar 1993 tirrifletti d-diskussjonijiet ma’ Caterpillar u tieħu in kunsiderazzjoni l-biża' ta’ Maia li jiġi mitmum il-kuntratt ta’ distribuzzjoni tagħha minħabba l-abbuż tas-sistema CES, id-deċiżjoni kkontestata tirrileva li “mhuwiex stramb” li Maia kienet talbet lil Caterpillar sabiex tagħtiha spejgazzjonijiet fuq il-mod ta' kif għandha titratta din l-ordni. Fuq dan il-punt, id-deċiżjoni kkontestata tirrileva li Caterpillar irrispondiet għal din it-talba filwaqt li indikat li Maia kellha tirrispondi lil Haldjian u li, jekk Maia kienet taqbel, hija setgħet tipproponi prezz skond it-tariffa Taljana. Skond id-deċiżjoni kkontestata, dan kien biss “suġġeriment”. Maia mxiet fuq dan is-suġġeriment – b’awtonomija kompleta skond id-deċiżjoni kkontestata – fit-8 ta’ April 1993, peress illi hija pproponiet lil Haladjian prezz ibbażat fuq it-tariffa Taljana flimkien ma’ skont ta’ 10% – l-istess bħal dak miksub minn wieħed mill-aktar klijenti importanti ta’ Maia. Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata tikkonkludi li dawn il-konsultazzjonijiet bejn Maia u Caterpillar ma jikkostitwixxux prattika miftiehma intiża sabiex tipprevjeni jew tirrendi aktar diffiċli l-kummerċ paralleli bejn l-Istati Membri skond l-Artikolu 81 KE. Minbarra dan, id-deċiżjoni kkontestata tirrileva li, bħal ma d-dokumenti ċċitati ma jurux restrizzjoni tal-kompetizzjoni skond l-Artikolu 81 KE, l-allegata pressjoni ta’ Bergerat fuq Caterpillar sabiex hija tissorvelja l-importazzjonijiet fi Franza lanqas tikkostitwixxi restrizzjoni ta’ kompetizzjoni [punt 6.3 u punt 7.1(c) tad-deċiżjoni kkontestata, p. 17]

 L-argumenti tal-partijiet

141    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tikkontesta l-mod li bih id-deċiżjoni kkontestata tevalwa l-kontenut ta’ ċerti dokumenti li jikkonċernaw Maia għas-sena 1993.

142    L-ewwel nett hija tikkritika l-evalwazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata li l-ordni ta’ l-24 ta’ Frar 1993 kienet tippreżenta karatteristika mhux normali. Fl-ewwel lok, hija tosserva li d-deċiżjoni kkontestata tonqos milli tirrileva li l-imsemmi ordni taqa' fil-kuntest tad-diskussjonijiet li Haladjian kellha fl-istess mument ma’ Caterpillar għal dak li jikkonċerna l-applikazzjoni tas-sistema CES fir-rigward tagħha u tirreferi għall-iskambju ta’ ittri bejn Caterpillar u bejnha stess tat-30 ta’ Marzu u t-13 ta’ April 1993. Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni toħroġ mill-prinċipju li m'hemmx restrizzjoni għall-kummerċ intrakomunitarju u li, konsegwentement, mhuwiex normali li ssir talba lil Maia għas-suq Franċiż filwaqt li ssir referenza għal ftehim preliminari ta’ Caterpillar. Madankollu, jekk tali kumment jista’ jiġġustifika ruħu fit-teorija, ir-rikorrenti madankollu ssostni li d-dokumenti dwar Maia juru fir-realtà li l-kummerċ intrakomunitarju huwa ristrett. Għaldaqstant ir-reazzjoni ta’ Maia, li kkonsultat lil Caterpillar malajr rigward l-ordni ta’ Haladjian, turi l-impossibbiltà li tagħmel kummerċ intrakomunitarju liberament u bil-miftuħ. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tesponi li, jekk ir-referenza magħmula fl-ordni ta’ l-24 ta’ Frar 1993 għal kuntatti ta’ Haladjian ma’ Caterpillar, setgħet, l-iżjed, tispjega li Maia indirizzat ruħha lil din ta’ l-aħħar sabiex titlob kjarifiki, din ir-referenza ma tiġġustifikax li Maia titlobha istruzzjonijiet. Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-istruttura tal-prezzijiet tal-kummerċ intrakomunitarju meta hija tqis “anormali” it-talba ta’ Haladjian sabiex tikseb prezzijiet ikkalkulati skond il-Consumer price f’dollari. Fil-fatt, huwa skond din it-tariffa (imsejħa wkoll “tariffa internazzjonali” fin-nota interna ta’ Maia tat-30 ta’ April 1993), u mhux skond it-tariffi nazzjonali eżaġeratament għoljin, li kien isir normalment ix-xiri tal-bejjiegħa bl-imnut sakemm Caterpillar opponiet.

143    Sussegwentement, ir-rikorrenti ssostni li n-nota interna ta’ Maia ta’ l-20 ta’ April 1993, mibgħuta lil Caterpillar fit-23 ta’ April, ma tistax tiġi ridotta għaż-żewġ elementi ċċitati mid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri li Caterpillar kienet inċitat lil Maia sabiex tirrispondi lil Haladjian billi tissuġġerilha li ssegwi t-tariffa Taljana u li Maia kienet informat lil Bergerat bir-reazzjoni ta’ Haladjian għal din l-offerta ta’ prezz. Din in-nota indikat ukoll li Caterpillar kienet l-ewwel nett issuġġeriet lil Maia sabiex tieħu ftit żmien qabel ma tirrispondi lil Haladjian, li Maia xtaqet tkun jaf jekk il-bejjiegħ bl-imnut Taljan l-ieħor kienx irċieva l-istess talba biex eventwalment tagħti l-istess risposta, li l-“kunsilli” ta’ Caterpillar mhumiex limitati li jissuġġerixxu lil Maia tipproponi lil Haladjian it-tariffa Taljana, peress li Caterpillar daħlet fid-dettall tal-kundizzjonijiet ta’ bejgħ u ssuġġeriet li titlob il-mudelli u n-numri tal-magni tal-klijenti Franċiżi, li Maia ppruvat, mill-ġdid, tiggwadanja ż-żmien meta, fis-16 ta’ April 1993, Haladjian talbitha komunikazzjoni tat-tariffa Taljana u li Maia informat lil Bergerat mhux biss bir-“reazzjoni ta’ Haladjian” bħal ma tgħid b’mod żbaljat id-deċiżjoni kkontestata, imma wkoll bil-mod li bih Maia kienet aġixxiet fir-rigward ta' Haladjian.

144    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata kellha tieħu in kunsiderazzjoni l-ispjegazzjoni mogħtija fl-ittra tat-30 ta’ Marzu 1993 ta’ M.A. lil Schmidt, li minnha jirriżulta li Caterpillar kienet “avżat” lil Maia sabiex tevita li tiffornixxi lil “HF Avignon” (jiġifieri lil Haladjian), minħabba li dan “ma [setax] isir uffiċjalment”, li konsegwentement Maia kienet ipproponiet lil Haladjian it-tariffa Taljana u li Maia kienet qed tistenna fuq dan il-punt ir-risposta finali ta’ Caterpillar.

145    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tikkritika r-raġunijiet imressqa mid-deċiżjoni kkontestata sabiex issostni li l-prezzijiet proposti minn Maia kienu stabbiliti minnha b’mod awtonomu għal kollox u li l-konsultazzjonijiet ta’ Caterpillar minn Maia ma kinux jikkostitwixxu prattiċi miftiehma skond l-Artikolu 81KE, jiġifieri l-evalwazzjoni li t-talbiet ta’ Maia ma kellhomx skop ieħor ħlief li jeżerċitaw rikatt fuq Maia u l-evalwazzjoni li l-kontenut ta’ l-iskambji bejn Maia u Caterpillar jistgħu jiġu spjegati mill-fatt li x-xiri effettwat mill-intermedjarju ta’ ICBO u ta’ Schmidt kienu ddestinati għall-Afrika.

146    Inkwantu għall-allegat rikatt, skond ir-rikorrenti din l-ispjegazzjoni ma taqbilx mal-kronoloġija ta’ l-avvenimenti peress illi l-ordni ta’ l-24 ta’ Frar 1993 kienet saret qabel it-tħabbir tat-tmiem tar-relazzjonijiet kummerċjali mill-intermedjarju ma’ Maia, li seħħ permezz ta' l-ittra ta’ M.A. lil Schmidt tat-30 ta’ Marzu 1993. Bl-istess mod, l-imsemmija ordni kien saret xahrejn qabel it-theddida ta’ Haladjian li tibda proċeduri quddiem l-awtoritajiet Komunitarji, ifformulata fl-ittra tagħha tat-22 ta’ April 1993 wara r-rifjut ta’ Maia li tagħtiha prezzijiet identiċi għal dawk offerti lil xerrejja oħra tal-Komunità li jinsabu f’sitwazzjoni simili.

147    Barra minn hekk, bħal fil-każ ta’ l-iżball magħmul rigward dokumenti ta’ l-1990, id-deċiżjoni kkontestata tafferma mill-ġdid li t-tranżazzjonijiet effettwati mill-intermedjarju ta’ ICBO kienu ddestinati għall-Afrika, permezz ta’ tidwir mas-sistema CES, u li Haladjian ma ressqitx prova kuntrarja. Madankollu, il-kwistjoni ta’ bejgħ ta’ Maia lil Haladjian permezz ta’ l-intermedjarju ta’ ICBO hija totalment distinta minn dik ta’ l-ordni ta’ l-24 ta’ Frar 1993, intiża sabiex tixtri direttament u bil-miftuħ mingħand Maia fil-kuntest tas-sistema mwaqqfa minn Caterpillar. Għaldaqstant, l-interpretazzjoni ta’ l-ordni ta’ l-24 ta’ Frar 1993 fid-dawl tar-relazzjonijiet kummerċjali li kien hemm bejn Maia u Haladjian twassal neċessarjament għal nuqqas ta’ fehim totali tas-sitwazzjoni. Hi x’inhi l-evalwazzjoni li tista’ ssir dwar ir-relazzjonijiet ma’ ICBO, kemm jekk ikun rikonoxxut jew le li huma xhieda ta’ ostakoli għall-kummerċ intrakomunitarju, fi kwalunkwe każ dawn ir-relazzjonijiet m'għandhomx effett fuq l-evalwazzjoni li għandha ssir fuq il-provi diretti tal-prattiċi miftiehma li seħħew bejn Maia u Caterpillar għal dak li jikkonċerna r-risposta li għandha tingħata għall-ordni ta’ Haladjian.

148    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija żbaljata meta hija tafferma li ma kinitx tat prova tad-diskriminazzjoni tal-prezz li bih Haladjian akkużat lil Maia fl-ittra tagħha tat-22 ta’ April 1993. Għaldaqstant, huwa biżżejjed li ssir referenza għall-ittra ta’ M.A. lil Schmidt tat-30 ta’ Marzu 1993 sabiex jiġi kkonstatat l-għan apertament u kunxjentement diskriminatorju ta’ l-imsemmija prezzijiet. Bl-istess mod, id-deċiżjoni kkontestata ma tistax, mingħajr kuntradizzjoni, tikkontesta li Maia talbet it-tariffa internazzjonali lil klijenti Komunitarji oħra, peress illi dan il-fatt huwa msemmi fl-istess deċiżjoni darbtejn, meta hija tirreferi għan-nota interna miktuba bl-idejn ta’ Maia tat-30 ta’ April 1993 (is-subparagrafu ta’ qabel ta’ l-aħħar tal-punt 6.3, p. 14, l-aħħar inċiż p. 15) u dan għalkemm in-nota fil-qiegħ tal-paġna nru 10 tad-deċiżjoni kkontestata tindika li r-referenza tat-tariffa internazzjonali f’din in-nota interna ta’ Maia mhijiex “ammissjoni” ta’ Maia imma hija sempliċement ir-riproduzzjoni tal-kontenut ta’ l-ittra ta’Haladjian tat-22 ta’ April 1993.

149    Tali interpretazzjoni hija żbaljata peress illi, anki jekk wieħed jippresupponi li l-awtur tan-nota interna tat-30 ta’ April 1993 jiċċita biss l-ittra ta’ Haladjian tat-22 ta’ April 1993, xorta jibqa’ l-fatt li l-imsemmija nota tesponi li dan il-fatt seħħ, li Haladjian tista’ tagħti prova tiegħu u li l-fatt li Caterpillar tista’ ssir taf jinkwetah. Għaldaqstant din in-nota turi mhux biss li d-diskriminazzjoni li Haladjian hija vittma tagħha hija reali, imma wkoll li Maia kienet qed tibża’ li Caterpillar tinduna li huwa biegħ bi prezzijiet kompetittivi għad-destinazzjoni ta’ Stati Membri oħra ["avrà certamente 'material' che puo 'inchiodarci e avvolarare la sua affermazione dell'ultima lettera' (noi vendiamo usando il listino Internazionale a clienti EEC)"].

150    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tirrileva li, f’Mejju 1994, hija kienet taf bl-offerti magħmula minn Maia lil utent Ingliż (aktar ‘il quddiem “C.”) għal prezzijiet ħafna aktar vantaġġjużi mill-prezzijiet li kienu ġew proposti lilha minn Maia – id-differenzi kienu skond il-partijiet minn 90% sa 160%. Matul dak iż-żmien, Haladjian kienet irċeviet ukoll offerta ta’ bejjiegħ bl-imnut Taljan (aktar ‘il quddiem “M.”), li kien jiffornixxi ruħu mingħand Maia u kien fil-pożizzjoni li joffri lil Haladjian prezzijiet inqas minn dawk li Haladjian setgħet tikseb direttament minn Maia.

151    Fir-raba lok, ir-rikorrenti ssostni li minn dak li ngħad preċedentement jirriżulta li l-Kummissjoni għamlet żball ta’ dritt meta ma kkunsidratx l-eżistenza ta’ prattiċi miftiehma bejn Caterpillar u Maia. Fil-fatt, ir-raġunament tal-Kummissjoni jistrieħ fuq in-natura mhux normali ta’ l-ordni ta’ l-24 ta’ Frar 1993 u fuq il-fatt li Haladjian ma tatx prova li din l-ordni kienet saret qabel ordnijiet oħra simili. Madankollu, ikun mingħajr interess, biex jiġi ddeterminat jekk jeżistux restrizzjonijiet ta’ kompetizzjoni f’każ ta’ ordni intrakomunitarja, li ssir referenza għall-motivi suġġettivi tat-tranżazzjoni jew għall-eżistenza jew le ta’ tranżazzjonijiet preċedenti simili.

152    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti filwaqt li tfakkar li mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-kuntatti bejn Caterpillar u Maia, wara l-ordni ta’ l-24 ta’ Frar 1993, ma jistabbilixxux l-eżistenza ta’ allegata regola mhux miktuba li tipprojbixxi l-esportazzjonijiet lil bejjiegħa bl-imnut ġewwa ż-żona KE/EFTA, imma tispjega ruħha permezz tal-kuntest partikolari li fih saret din l-ordni. Minbarra dan, xejn ma jagħti prova li Maia ma ffissatx liberament il-prezz ta’ bejgħ ta’ tali tranżazzjoni, inkluż l-iskont ta’ 10% mogħti lil Haladjian. Il-Kummissjoni tikkritika wkoll il-karattru suffiċjentement probatorju tad-dokumenti dwar l-offerti magħmula minn Maia lil C. u l-offerta magħmula lil Haladjian minn M.

153    Barra minn hekk, Caterpillar issostni li Maia ddeċidiet unilateralment li tikkuntattja lil Caterpillar u lil Bergerat u li r-risposta tagħha kienet sempliċement li tipproponi li titratta lil Haladjian bl-istess mod bħax-xerreja l-oħra ta’ partijiet separati (spare parts), jiġifieri billi juża’ l-lista tal-prezzijiet ta’ bejgħ bl-imnut.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

154    Ebda wieħed mill-argumenti ppreżentati mir-rikorrenti ma jippermettu li jikkaratterizzaw żball manifest ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni. F’dan il-każ, ir-rikorrenti tillimita ruħha li tikkritika l-kontenut tad-dokumenti differenti ċċitati u analizzati mill-Kummissjoni għal dak li jikkonċerna t-trattament ta’ l-ordni ta’ l-24 ta’ Frar 1993, mingħajr ma tressaq elementi ta’ natura li jikkontestaw il-konklużjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata fuq dan il-punt, jiġifieri, minn naħa, l-evalwazzjoni li l-prattika miftiehma li saret bejn Maia u Caterpillar fir-rigward tat-trattament ta’ din l-ordni ma tikkostitwixxix restrizzjoni tal-kompetizzjoni skond l-Artikolu 81 KE u, min-naħa l-oħra, l-evalwazzjoni li l-offerta ta’ prezz magħmula minn Maia lil Haladjian – it-tariffa nazzjonali Taljana bi skont ta’ 10% – kienet għal kollox awtonoma minkejja s-suġġeriment ta’ Caterpillar, li pproponiet l-applikazzjoni tat-tariffa nazzjonali Taljana.

155    Fil-fatt, skond id-deċiżjoni kkontestata, il-prattika miftiehma bejn Maia u Caterpillar rigward ir-risposta li kellha tingħata lill-ordni ta’ Haladjian, li tirriżulta espressament min-nota interna ta’ Maia ta’ l-20 ta’ April 1993 indirizzata lil Caterpillar fit-23 ta’ April 1993, tispjega ruħha mill-kuntest li fih saret din l-ordni u l-fatt li l-imsemmija ordni kienet tippreċiża li d-diskussjonijiet kienu seħħew bejn Haladjian u Caterpillar għal dak li jikkonċerna wħud mill-elementi tagħha, jiġifieri l-ittri ta’ awtorizzazzjoni tal-klijenti ta’ Haladjian.

156    Madankollu, għandu jiġi mfakkar li, fil-passat, il-bejgħ ta’ Maia lil Haladjian kien sar fuq il-bażi ta’ netwerk li kien idaħħal lil ICBO mill-Italja u lil Schmidt mill-Istati Uniti. Minbara dan, wara l-investigazzjoni magħmula minn Caterpillar, Maia kienet iddeċidiet li ttemm din is-sistema ta’ forniment sabiex tevita l-waqfien tal-kuntratt ta’ distribuzzjoni tagħha li Caterpillar kienet hedditha bih (ara l-ittra tat-30 ta’ Marzu 1993 indirizzata minn M.A. lil Schmidt, anness 29 għar-rikors). F’dawn il-kundizzjonijiet, id-deċiżjoni kkontestata mhijiex manifestament żbaljata minħabba li hija tattribwixxi l-volontà ta’ Maia li ma titlifx il-benefiċċju tal-kuntratt ta’ distribuzzjoni tagħha għall-fatt li Maia staqsiet lil Caterpillar liema linja kellha tieħu sabiex tirrispondi għall-ordni ta’ l-24 ta’ Frar 1993. Din l-imġiba tista' tiġi spjegata wkoll mill-kontenut ta’ l-imsemmija ordni, li tirreferi għall-kuntatti ma’ Caterpillar u l-awtorizzazzjonijiet ta’ xiri ffirmati minn utenti Franċiżi, anke jekk tali kuntatti u tali awtorizzazzjonijiet mhumiex meħtieġa f’każ ta’ bejgħ intrakomunitarju mill-Italja lejn Franza. B’hekk Maia setgħet leġittimament tħoss il-bżonn li tikkuntattja lil Caterpillar sabiex tkun taf aktar dwar dan il-punt.

157    Konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata ma tippreżentax żball manifest ta’ evalwazzjoni safejn hija tasal għall-konklużjoni li l-prattika miftiehma bejn Maia u Caterpillar kienet tiġġustifika ruħha minħabba raġunijiet temporanji li ma jippermettux li tiġi stabbilita, skond kif meħtieġ mil-liġi, l-eżistenza ta’ ostakolu għall-bejgħ intrakomunitajru lill-bejjiegħa bl-imnut.

158    Fir-rigward tan-natura awtonoma ta’ l-offerta proposta minn Maia – jiġifieri t-tariffa nazzjonali Taljana bi skont ta’ 10%, – għandu jiġi enfasizzat li d-deċiżjoni kkontestata mhijiex manifestament żbaljata safejn hija tindika li, jekk din l-offerta ta' l-anqas ġiet parzjalment issuġġerita minn Caterpillar, li pproponiet lil Maia li tirrispondi lil Haladjian fuq il-bażi tat-tariffa nazzjonali Taljana, hija saret b'mod kompletament awtonomu totali kif jirriżulta mill-indikazzjoni “jekk aħna qbilna” li tinsab fin-nota interna ta’ Maia ta’ l-20 ta’ April 1993, li tesponi l-kontenut ta’ l-indikazzjonijiet mogħtija bit-telefon minn rappreżentant ta’ Caterpillar lil Maia rigward l-ordni ta’ Haladjian. Minbarra dan, l-iskont ta’ 10% kien ġie propost fuq l-inizjattiva ta’ Maia stess. Għaldaqstant dan l-iskont juri l-prinċipju ġenerali, espost fid-deċiżjoni kkontestata, li d-distributur huwa liberu li jipproponi l-prezz li huwa jixtieq lill-bejjiegħa bl-imnut. Skond is-sistema CES, l-imsemmi distributur għandu sempliċement jara li jirrispetta r-regoli applikabbli f’każ ta’ bejgħ bejn iż-żoni, li ma jidhirx li kien il-każ hawnhekk, meta wieħed jieħu in kunsiderazzjoni l-fatt li l-ordni ta’ l-24 ta’ Frar 1993 tipprevali fuq l-ittri ta’ awtorizzazzjoni kkomunikati minn utenti Franċiżi.

159    Konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata ma tippreżentax żball manifest ta’ evalwazzjoni fejn hija tasal għall-konklużjoni li l-offerta ta’ Maia lil Haladjian saret b’awtonomija sħiħa minn dan id-distributur u li hija ma kellhiex bħala effett li tostakola l-bejgħ intrakomunitarju lill-bejjiegħa bl-imnut.

160    Minbarra dan, u minkejja l-allegazzjonijiet tagħha f’dan is-sens, ir-rikorrenti baqgħet ma wrietx li l-offerta ta’ Maia kienet diskriminatorja fir-rigward tagħha jew aktar ġeneralment li kienet tirrestrinġi l-kompetizzjoni. B’mod partikolari, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ma setgħetx tasal għal tali evalwazzjoni fid-dawl ta’ l-elementi li kienu ġew ikkomunikati lilha, jiġifieri r-referenza magħmula għat-tariffa internazzjonali fl-ittra ta’ M.A. lil Schmidt tat-30 ta’ Marzu 1993 (il-“Consumer price f’dollari”) u fin-nota interna ta’ Maia tat-30 ta’ April 1993, peress illi t-tranżazzjoni in kwistjoni ma taqax taħt is-sistema CES u li hija kienet saret, f’kull każ, barra minn kull intervent muri minn Caterpillar fuq dan il-punt.

161    Fir-rigward ta’ l-offerti magħmula minn Maia lil utent Ingliż C. fis-26 ta’ Jannar u 21 Frar 1994, għal prezzijiet li kienu ħafna aktar vantaġġjużi minn dawk proposti lil Haladjian minn Maia fit-8 ta’ April 1993, għandu jiġi rrilevat li dawn l-offerti kienu saru f’liri Taljani u mhux f’dollari u li perijodu ta’ għaxra u ta’ ħdax il-xahar jisseparawhom mill-offerta magħmula lil Haladjian minn Maia, u dan f’mument meta l-lira Taljana kienet suġġetta għal ħafna varjazzjonijiet monetarji. Fin-nuqqas ta’ elementi li jippermettu li jiġi stabbilit li ordni ta’ Haladjian li saret f’dak il-mument kienet ġie ttrattata differentement minn dik li saret mill-utent Ingliż, il-Kummissjoni m’għamlitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta indikat li Haladjian ma kinitx uriet li kienet is-suġġett ta’ diskriminazzjoni tariffarja min-naħa ta’ Maia u, fi kwalunkwe każ, li din id-diskriminazzjoni hija imputabbli lil Caterpillar.

162    Bl-istess mod, fir-rigward ta’ l-offerta magħmula lil Haladjian minn bejjiegħ bl-imnut Taljan M., li kien jiffornixxi ruħu mingħand Maia, u li kien f'pożizzjoni li joffri lil Haladjian prezzijiet inqas minn dawk li hija setgħet tikseb direttament mingħand Maia, għandu wkoll jiġi rrilevat li din l-offerta mhijiex inkwantu tali suffiċjentement probatorja sabiex tistabbilixxi d-diskriminazzjoni tariffarja allegata mir-rikorrenti. Fil-fatt, xejn f'din l-offerta, magħmula f’dollari, ma tħalli li jidher li l-bejjiegħ bl-imnut Taljan xtara l-partijiet mingħand Maia bħalma tallega r-rikorrenti. Għaldaqstant, peress li ma setax isir tqabbil validu ma' l-offerta ta’ Maia lil Haldjian, il-Kummissjoni m’għamlitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta indikat li Haladjian ma kinitx uriet li kienet is-suġġett ta’ diskriminazzjoni tariffarja min-naħa ta’ Maia u, fi kwalunkwe każ, li din id-diskriminazzjoni kienet imputabbli lil Caterpillar.

163    Barra minn hekk, il-kritika tar-rikorrenti fir-rigward ta’ l-allegat rikatt eżerċitat fuq Maia mhijiex rilevanti, peress illi t-theddida ta’ riferiment lill-Kummissjoni minħabba prezz diskriminatorju toħroġ ċara mill-ittra ta’ Haladjian tat-22 ta’ April 1993 li tirrifjuta l-offerta ta’ Maia u titlob li tibbenefika mill-Consumer price f’dollari. F’dan ir-rigward, il-kronoloġija ta’ l-avvenimenti, li r-rikorrenti tinvoka sabiex tirrifjuta l-eżistenza ta’ tali rikatt, tikkuntradixxi l-allegazzjonijiet tagħha, peress illi hija stess, fl-ittra tagħha tat-22 ta’ April 1993, thedded li tmur quddiem l-awtoritajiet Komunitarji sabiex turi n-nuqqas ta’ sodisfazzjon tagħha dwar il-kundizzjonijiet tariffarji proposti minn Maia fit-8 ta’ April 1993. Bl-istess mod, l-argument tar-rikorrenti dwar il-bejgħ fl-Afrika, mhuwiex rilevanti, fil-każ fejn mhemmx effett fuq ir-raġunament espost fid-deċiżjoni kkontestata fuq l-ordni ta’ Haladjian u r-risposta li kienet ingħatat minn Maia.

164    Minn dak kollu li ngħad preċedentement jirriżulta li l-ilmenti tar-rikorrenti dwar id-dokumenti li jikkonċernaw l-ordni ta’ l-24 ta’ Frar 1993 għandhom jiġu miċħuda.

6.     Konklużjoni

165    Minn dak kollu li ngħad preċedentement jirriżulta li r-rikorrenti ma ppreżentatx elementi ta’ natura li jikkontestaw l-evalwazzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata li tikkonċerna l-applikabbiltà ta’ l-Artikolu 81 KE.

166    B’mod partikolari, fir-rigward ta’ l-evalwazzjoni dwar l-effett tas-sistema CES fuq il-bejgħ magħmul ġewwa ż-żona KE/EFTA, għandu jiġi rrilevat li ebda element prodott mir-rikorrenti ma jikkontestax il-konklużjoni li l-Kummissjoni wasslet għaliha wara l-eżami ta’ l-ilment, jiġifieri li “ma ngħatat ebda prova ta' restrizzjoni ta’ kompetizzjoni li tfixkel jew tirrendi aktar diffiċli l-bejgħ tal-partijiet separati (spare parts) ġewwa din iż-żona” (it-tielet subparagrafu tal-punt 7.1 tad-deċiżjoni kkontestata, p. 22).

167    Bl-istess mod, fir-rigward ta’ l-evalwazzjoni dwar l-effett tas-sistema CES fuq il-bejgħ bejn iż-żoni li sar bejn l-Istati Uniti u ż-żona KE/EFTA, ebda element imressaq mir-rikorrenti ma huwa ta’ natura li jikkontesta l-konklużjoni tal-Kummissjoni skond il-proċedura amministrattiva, li tipprovdi li s-sistema CES ma tiżolax is-suq Komunitarju meta tipprojbixxi l-kompetizzjoni ta’ partijiet separati (spare parts) importati mill-Istati Uniti bi prezzijiet inqas mill-prezzijiet Ewropej u lanqas taffettwa l-kummerċ intrakomunitarju ta’ tali partijiet separati (spare parts) (l-ewwel u t-tieni inċiżi tal-punt 7.2 tad-deċiżjoni kkontestata, p. 25). F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, sabiex tiġi ġġustifikata l-applikazzjoni tar-regoli ta’ kompetizzjoni għal akkordju li jikkonċerna prodotti mixtrija fl-Istati Uniti sabiex jinbiegħu fil-Komunità, dan l-akkordju għandu, fuq il-bażi ta’ ġabra ta’ elementi ta’ fatt u ta’ dritt, jippermetti li jipprevedi bi probabbiltà suffiċjenti li jkun jista’ teżerċita influenza mhux insinifikanti fuq il-kompetizzjoni fil-Komunità u l-kummerċ bejn l-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Javico, iċċitata aktar ‘il fuq, punti 16 u 18). Is-sempliċi fatt li mġiba tipproduċi ċerti effetti, ikunu li jkunu, fuq l-ekonomija tal-Komunità ma jikkostitwixxix minnu nnifsu rabta suffiċjentement stretta sabiex tippermetti li tiġi stabbilita l-kompetenza Komunitarja. Sabiex ikun jista’ jittieħed in kunsiderazzjoni, dan l-effett għandu jkun sostanzjali, jiġifieri kunsiderevoli u mhux ta’ importanza żgħira.

168    Konsegwentement, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

D –  Fuq it-tieni motiv, dwar ir-raġunament segwit mid-deċiżjoni kkontestata għal dak li jikkonċerna l-applikabbiltà ta’ l-Artikolu 82 KE

1.     Fuq il-kontenut ta’ l-ilment

169    Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija żbaljata meta, fil-punt 8, hija tafferma li l-ilment ma jinvokax ksur ta’ l-Artikolu 82 KE.

170    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrileva li għal dak li jikkonċerna l-allegazzjoni ta’ ksur ta’ l-Artikolu 82 KE, l-ilment huwa limitat li jindika, fil-parti finali tiegħu, li l-imġieba ta’ Caterpillar “setgħet tiġi kkunsidrata bħala abbuż ta’ pożizzjoni dominanti pprojbita mill-Artikolu [82] KE” u li Haladjian kienet għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni sabiex tgħinha tikkaratterizza s-suq rilevanti, il-pożizzjoni dominanti ta’ Caterpillar u l-abbuż ta’ din il-pożizzjoni dominanti, jekk il-Kummissjoni kienet tikkunsidra li huwa neċessarju li tinvestiga dan il-punt. Minbarra dan, għandu jiġi enfasizzat li, fl-osservazzjonijiet tagħha fuq l-ittra Artikolu 6, ir-rikorrenti rrikonoxxiet fir-rigward ta' dan il-punt li, jekk huwa veru li hija ma kinitx approfondiet l-allegazzjonijiet tagħha dwar il-ksur ta’ l-Artikolu 82 KE fl-ilment, dan kien minħabba li hija kienet – u baqgħet – konvinta li l-imġiba li Caterpillar ġiet akkużata biha kienet ipprojbita mill-Artikolu 81 KE. Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe indikazzjoni fl-ilment li tippermetti li jinftiehem kif l-imġiba ta’ Caterpillar tista’ tikkostitwixxi abbuż ta’ pożizzjoni dominanti, huwa żbaljat li r-rikorrenti tikkritika d-deċiżjoni kkontestata għaliex tindika li l-ilment tagħha ma jinvokax ksur ta’ l-Artikolu 82 KE.

2.     Fuq l-allegazzjonijiet esposti fin-nota ta’ rikapitulazzjoni tal-11 ta’ Awwissu 2000

171    Fil-punt 8 id-deċiżjoni kkontestata tirrileva li huwa biss fin-nota ta’ rikapitulazzjoni tal-11 ta’ Awwissu 2000 li Haladjian invokat espliċitament, imma b’mod ġenerali u mingħajr ma ressqet provi, allegazzjonijiet dwar ksur ta' l-Artikolu 82 KE, li jillimitaw rwieħhom li jelenkaw ċerti prattiċi abużivi msemmija f'din id-dispożizzjoni. Madankollu, anki jekk jiġi stabbilit li Caterpillar tgawdi minn pożizzjoni dominanti fuq is-suq tal-partijiet separati (spare parts) tagħha, dawn l-oġġezzjonijiet huma miċħuda mid-deċiżjoni kkontestata.

a)     Fuq l-allegata impożizzjoni ta’ prezzijiet ta’ tranżazzjoni inġusti

172    Fir-rigward ta’ l-ewwel allegazzjoni ta’ ksur ta’ l-Artikolu 82, dwar l-impożizzjoni ta’ prezzijiet ta’ tranżazzjoni inġusti, id-deċiżjoni kkontestata tirrileva li tali allegazzjoni ma tistax tiġi milqugħa peress illi Caterpillar ma timponi ebda prezz u minħabba li d-distributuri tagħha huma liberi li jipproponu lill-bejjiegħa bl-imnut u lill-utenti l-prezzijiet li huma għandhom l-intenzjoni li jitolbu (it-tieni subparagrafu tal-punt 8 tad-deċiżjoni kkontestata).

173    Ir-rikorrenti tafferma li din l-evalwazzjoin hija żbaljata, meta wieħed jieħu in kunsiderazzjoni l-pressjoni eżerċitata minn Caterpillar fuq Maia fl-1993. Minbarra dan, il-kwistjoni essenzjali hawnhekk hija li wieħed isir jaf jekk il-fatt li Caterpillar żiedet b’għaxar punti l-prezz ta’ bejgħ għad-distributuri Amerikani tal-partijiet separati (spare parts) ddestinati sabiex jiġu esportati fl-Ewropa u li ma ppermettietx lil bejjiegħ bl-imnut Ewropew, li jiffornixxi ruħu mill-Istati Uniti, li jikseb il-benefiċċju ta’ l-iskonti kwantitattivi, jikkostitwixxix prezz inġust. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tafferma li, anki jekk wieħed jippresupponi li spiża addizzjonali tista’ tiġi kkunsidrata sabiex “tikkumpensa” lid-distributur Ewropej fuq it-territorju li fih il-prodotti huma esportati, il-penalizzazzjoni tad-distributur Amerikan li jesporta lejn l-Ewropa tmur lil hinn sew minn dan l-għan. Minbarra dan, id-deċiżjoni kkontestata ma tiħux in kunsiderazzjoni l-informazzjoni kkomunikata mir-rikorrenti, matul il-proċedura amministrattiva, għal dak li jikkonċerna d-diskriminazzjoni subita mill-utent Ewropew li jixtri fl-Istati Uniti, direttament jew permezz ta’ l-intermedjarju ta’ bejjiegħ bl-imnut Ewropew, li jħallas b’dollari skond il-prezz tas-suq, meta mqabbel mad-distributuri Ewropej li jixtru fil-Belġju bil-munita Ewropea għal prezz li neċessarjament jimplika rata tad-dollaru inferjuri għar-rata reali tagħha. Din l-għajnuna mogħtija minn Caterpillar lid-distributuri Ewropej tagħha toħloq distorsjoni fis-suq filwaqt li tippermetilhom jaffaċċjaw l-importazzjonijiet ġejjin mill-Istati Uniti.

174    L-ewwel nett, u b’mod ġenerali, il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrileva li l-allegazzjonijiet ta’ ksur ta’ l-Artikolu 82 KE, esposti għall-ewwel darba mir-rikorrenti fin-nota ta’ rikapitulazzjoni tal-11 ta’ Awwissu 2000, jillimitaw ruħhom li jaffermaw li Caterpillar imponiet fuq Haladjian u fuq bejjiegħa bl-imnut Ewropej oħra kundizzjonijiet ta’ bejgħ sfavorevoli u diskriminatorji u li, konsegwentement, “l-imġiba ta’ [Caterpillar] kienet tikkostitwixxi abbuż ta’ pożizzjoni dominanti skond l-Artikolu 82 KE, manifestat b’mod partikolari mill-impożizzjoni ta’ prezzijiet ta’ tranżazzjoni inġust, il-limitazzjoni ta’ swieq għad-dannu tal-konsumaturi u l-applikazzjoni fir-rigward tas-sħab kummerċjali ta’ kundizzjonijiet mhux ugwali għal tranżazzjonijiet ekwivalenti, il-ksur kollu espressament previst fl-Artikolu 82 KE”. Filwaqt li tagħmel dan, ir-rikorrenti tikkuntenta ruħha li tinvoka l-eżistenza formali ta’ ksur ta’ l-Artikolu 82 KE, mingħajr ma ssostni din l-allegazzjoni permezz ta’ argumenti xierqa għal dan il-każ u mingħajr ma tipprovdi l-inqas element ta’ prova in sostenn ta’ tali affermazzjoni.

175    Għal dak li jikkonċerna l-ewwel allegazzjoni ta’ Haladjian, hemm lok li jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tikkontestax li Caterpillar tħalli lid-distributuri tagħha, b’mod partikolari d-distributuri Amerikani, libertà totali sabiex jiddeterminaw il-prezz ta’ bejgħ mill-ġdid tal-partijiet separati (spare parts) lill-klijenti tagħhom, bħal Haladjian. Ir-rikorrenti tillimita ruħha li tmur fuq argumenti li kienu diġà ġew risposti jew affermazzjonijiet li m’għandhomx elementi ta’ prova suffiċjenti.

176    B'hekk, fir-rigward ta’ l-allegata pressjoni eżerċitata minn Caterpillar fuq Maia fl-1993, l-eżami tal-kuntatti li saru bejn dawn iż-żewġ impriżi rigward l-ordni ta’ l-24 ta’ Frar 1993, effettwat fil-kuntest ta’ l-ewwwel motiv, jippermetti li jistabbilixxi li l-Kummissjoni m’għamlitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta indikat li dawn il-kuntatti kienu jispjegaw ruħhom mill-kuntest partikolari li fih saret din l-ordni (ara l-punti 155 u 156 aktar ‘il fuq). Għall-istess raġunijiet, dawn il-kuntatti ma jippermettux li tiġi stabbilita bħala prova suffiċjenti l-eżistenza ta’ l-allegati prezzijiet ta’ tranżazzjoni inġusti allegata minn Haladjian. L-istess japplika fil-każ ta’ bejjiegħ bl-imnut Ewropew sabiex jikseb skont kwantitattiv mingħand distributuri Amerikani ta’ Caterpillar, peress li din il-kwistjoni kienet ġiet eżaminata fil-kuntest ta’ l-ewwel motiv u ma tippermettix li tiġi identifikata l-eżistenza ta’ eventwali restrizzjoni ta’ kompetizzjoni fil-każ in eżami.

177    Barra minn hekk, l-affermazzjoni tar-rikorrenti li ż-żieda ta’ 10% fil-prezz mitlub minn Caterpillar fir-rigward tad-distributuri Amerikani tagħha f’każ ta’ ordnijiet ta’ partijiet Amerikani ddestinati għall-esportazzjoni lejn iż-żona KE/EFTA kienet tmur lil hinn min-neċessitajiet tas-sistema CES mhijiex sostnuta minn ebda prova li tikkonċerna n-natura sporporzjonata u mhux iġġustifikata ta’ din il-miżura. Għalhekk tali affermazzjoni mhijiex biżżejjed sabiex tikkontesta r-raġunijiet oġġettivi tad-differenza fil-prezz mitlub minn Caterpillar fir-rigward tad-distributuri Amerikani tagħha f’każ ta’ bejgħ għall-esportazzjoni msemmi fid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri, essenzjalment, in-neċessità li tiġi ppreżervata l-kwalità u l-integrità tan-netwerk Ewropew tagħha ta’ distribuzzjoni.

178    Bl-istess mod, l-informazzjoni dwar l-iżvilupp tal-prezzijiet mitluba fi Franza minn Bergerat u miksuba fl-Istati Uniti minn Haladjian bejn 1992 u 2000, ikkomunikati matul il-proċedura amministrattiva fl-anness għan-nota ta’ rikapitulazzjoni tal-11 ta’ Awwissu 2000, imressqa mir-rikorrenti bħala prova tal-fatt li hija subiet diskriminazzjoni meta mqabbla mad-distributuri Ewropej ta’ Caterpillar, safejn hija kellha tħallas ix-xiri tagħha fl-Istati Uniti f’dollari, filwaqt li d-distributuri Ewropej jistgħu jixtru fl-Ewropa mingħand Caterpillar Overseas billi jħallsu f’munita Ewropea skond l-indiċi tar-rata tad-dollaru li tkun l-aktar favorevoli għalihom, mhijiex biżżejjed sabiex tikkontesta l-evalwazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata dwar l-allegata impożizzjoni ta’ prezzijiet ta’ tranżazzjoni inġusti. Fil-fatt, dawn id-differenzi ta’ prezz ikkonstatati minn Haladjian jistgħu perfettament jispjegaw ruħhom, minn naħa, bl-evalwazzjoni tad-dollaru meta mqabbel mal-munita Ewropea fuq il-perijodu 1992/2000 u, min-naħa l-oħra, min-neċessitajiet xierqa għan-netwerk ta’ distribuzzjoni ta’ Caterpillar, safejn Caterpillar tista’ tiddeċiedi, fuq il-politika kummerċjali tagħha, li tevita li d-distributuri Ewropej tagħha ma jbatux f’daqqa l-effetti marbuta mal-varjazzjoni tas-swieq monetarji. Barra minn hekk u fuq kollox, is-sitwazzjoni tal-bejjiegħa bl-imnut Ewropej ma tistax tiġi assimilata ma’ dik tad-distributuri Ewropej ta’ Caterpillar, fid-dawl tal-fatt li dawk ta’ l-ewwel mhumiex imġiegħla jwettqu obbligi kuntrattwali li huma suġġetti għalihom it-tieni kategorija.

179    Konsegwentement, ir-rikorrenti baqgħet ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ żball manifest ta’evalwazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni għal dak li jikkonċerna l-eżami ta’ l-allegazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ ksur ta’ l-Artikolu 82 KE minħabba l-fatt ta’ l-impożizzjoni minn Caterpillar ta’ prezzijiet ta’ tranżazzjoni inġusti.

b)     Fuq l-allegata limitazzjoni tas-swieq għad-dannu tal-konsumaturi

180    Fir-rigward tat-tieni allegazzjoni ta’ ksur ta’ l-Artikolu 82 KE, dwar il-limitazzjoni tas-swieq għad-dannu tal-konsumaturi, id-deċiżjoni kkontestata tesponi li din l-affermazzjoni hija mingħajr bażi, peress illi l-utenti jistgħu jiffornixxu ruħhom mingħajr restrizzjoni fid-dinja kollha u li l-bejjiegħa bl-imnut jistgħu jiffornixxu ruħhom f’żoni ġeografiċi oħra billi jindikaw l-identità ta’ l-utenti taż-żona ġeografika ta’ destinazzjoni tal-partijiet ordnati (it-tieni subparagrafu tal-punt 8 tad-deċiżjoni kkontestata).

181    Ir-rikorrenti tikkritika din l-evalwazzjoni billi ssosnti li hija ma tikkunsidrax il-kumplessità u r-riġidità tas-sistema CES, li teżiġi aktar informazzjoni minn kemm huwa neċessarju. Bl-istess mod, il-fatt li l-bejjiegħ bl-imnut Ewropew ma jistax jaħżen fl-Istati Uniti, fejn il-partijiet separati (spare parts) huma irħas, anki f’isem utent iddikjarat, għandu l-effett li jillimita l-possibbiltajiet ta’ forniment ta’ l-utenti Ewropej. Ir-rikorrenti tinvoka, f’dan ir-rigward, rapporti magħmula f’Jannar u Frar 1993 minn tnejn mill-klijenti tagħha, li xtaqu li hija tkun tista’ tamministra stokk kunsiderevoli ta’ partjiet separati.

182    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrileva li mill-eżami ta’ l-argumenti ppreżentati fil-kuntest ta’ l-ewwel motiv jirriżulta li ebda wieħed minn dawn l-argumenti ma jippermetti li jiġi konkluż li l-ordnijiet magħmula mill-utenti Ewropej li jużaw Haladjian bħala mandatarja fil-kuntest tas-sistema CES ma kinux ġew sodisfatti (ara punti 74 sa 77 aktar ‘il fuq). B’hekk is-swieq ma kinux ġew limitati għad-dannu ta’ l-utenti, kif tafferma r-rikorrenti.

183    Barra minn hekk, għandu jiġi kkunsidrat ukoll il-fatt li l-volontà, perfettament leġittima, ta’ l-utenti Ewropej li jkunu jistgħu jibbenefikaw minn partijiet mixtrija fl-Istati Uniti, fejn dawn huma orħos, għandha titqies fir-rigward tal-politika ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ Caterpillar – ammessa mill-Kummissjoni –, li tixtieq tillimita tali bejgħ bejn iż-żoni sabiex tipprivileġġja lid-distributuri Ewropej tagħha li, sabiex ikunu preżenti fuq post u joffru s-servizzi kollha mixtieqa minn Caterpillar, bħall-bejgħ tal-makkinarju għas-siti ta’ kostruzzjoni, ikollhom isostnu spejjeż li l-bejjiegħa bl-imnut Ewropej li jiffornixxu ruħhom mill-Istati Uniti f’isem utenti Ewropej ma jsostnux. B’hekk l-argumenti ppreżentati mir-rikorrenti ma jippermettux li jikkontestaw din is-sitwazzjoni, li toħloq bilanċ bejn l-interessi tal-partijiet differenti in kwistjoni, minkejja l-volontà espressa minn żewġ klijenti ta’ Haladjian li jixtiequ jkunu jistgħu jilħqu l-massimu tal-possibbiltajiet ta’ forniment tagħhom mingħajr madankollu ma jieħdu in kunsiderazzjoni l-interessi ta’ Caterpillar stess u n-netwerk ta’ distribuzzjoni tagħha.

184    Konsegwentement, ir-rikorrenti baqgħet ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni safejn dan jikkonċerna l-eżami ta’ l-allegazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ ksur ta’ l-Artikolu 82 KE minħabba l-fatt li Caterpillar limitat is-swieq għad-dannu tal-konsumaturi.

c)     Fuq l-allegata applikazzjoni fir-rigward tas-sħab kummerċjali ta’ kundizzjonijiet mhux ugwali għal tranżazzjonijiet ekwivalenti

185    Fir-rigward tat-tielet allegazzjoni ta’ ksur ta’ l-Artikolu 82 KE dwar l-applikazzjoni fir-rigward tas-sħab kummerċjali ta’ kundizzjonijiet mhux ugwali għal tranżazzjonijiet ekwivalenti, id-deċiżjoni kkontestata tikkonstata li l-persuna li għamlet l-ilment ma ressqet ebda element li juri li hija subiet diskriminazzjoni meta mqabbla ma’ bejjiegħa bl-imnut oħra. Għall-kuntrarju, is-sistema CES titratta b’mod uniformi l-bejjiegħa bl-imnut Ewropej kollha (it-tieni subparagrafu tal-punt 8 tad-deċiżjoni kkontestata).

186    Ir-rikorrenti ssostni li hawnhekk il-kwistjoni rilevanti mhijiex id-diskriminazzjoni subita minnha fir-rigward tal-bejjiegħa bl-imnut Ewropej l-oħra, imma dik tad-diskriminazzjoni li hija tissubixxi meta mqabbla max-xerrejja Ewropej l-oħra – distributuri, bejjiegħa bl-imnut u utenti – u dan għal volumi simili. Għaldaqstant, il-fatt li s-sistema CES ma taċċettax il-bejjiegħa bl-imnut Ewropej, bħal Haladjian, ħlief bil-kundizzjoni li huma jaġixxu biss inkwantu mandatarji ta’ utenti finali jwassal sabiex jiġu imposti fuqhom kundizzjonijiet li mhumiex oġġettivament iġġustifikati u li l-uniku għan tagħhom huwa li jnaqqas il-possibbiltajiet ta’ offerta alternattiva.

187    Il-Qorti tal-Prim’Istanza hawnhekk terġa' tirrileva li r-rikorrenti ma tistax titlob l-istess trattament kummerċjali bħal dak li huwa mogħti minn Caterpillar lid-distributuri Ewropej tagħha, peress illi dawn id-distributuri huma mġiegħla jwettqu obbligi kuntrattwali li Haladjian mhijiex suġġetta għalihom. Għalhekk din il-kategorija ta’ xerrejja tiddistingwi ruħha mill-bejjiegħa bl-imnut u utenti li mhumiex imġiegħla jwettqu obbligi.

188    Konsegwentement, ir-rikorrenti baqgħet ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni għal dak li jikkonċerna l-eżami ta’ l-allegazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ ksur ta’ l-Artikolu 82 KE minħabba l-fatt li fir-rigward tas-sħab kummerċjali ġew applikati kundizzjonijiet mhux ugwali għal tranżazzjonijiet ekwivalenti.

3.     Fuq l-ilmenti l-oħra tar-rikorrenti

189    Ir-rikorrenti tikkritika d-deċiżjoni kkontestata safejn din ma tieħu ebda kunsiderazzjoni tal-prattiċi l-oħra ta’ Caterpillar, li jaqgħu taħt politika ta’ esklużjoni sistematika fir-rigward tagħha, peress illi hija l-unika kompetitriċi tad-distributuri Ewropej li jirrisjedu fl-Ewropea. Dawn il-prattiċi magħmula l-aktar minn Caterpillar ma’ Bergerat jikkonsistu fis-sorveljanza tal-fornimenti tagħha, fil-“ħruġ” mis-sitema CES li jippermetti lil Bergerat tersaq lejn il-klijenti tagħha, bir-roħs tal-“profitt kreditu” lil Bergerat, li jippermetti lil din l-impriża tkun taf l-ammont tax-xiri li għamlet fl-Istati Uniti permezz ta’ Haladjian f’isem il-klijenti Franċiżi tagħha, f’manuvri intiżi sabiex ma jiġux ikkunsidrati l-attivitajiet tagħha u dawk tal-bejjiegħa bl-imnut in ġenerali, filwaqt li tħalli x’jinftiehem li l-kwalità u l-awtentiċità tal-partijiet li huma jbigħu mhumiex iggarantiti.

190    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrileva li dawn l-ilmenti, u b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw l-azzjonijiet imputabbli lil Bergerat, ma kinux ġew invokati mir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva inkwantu allegazzjonijiet ta’ ksur ta’ l-Artikolu 82 KE. B’hekk id-deċiżjoni kkontestata ma tistax tiġi kkritikata li ma eżaminathomx minn dan l-angolu.

4.     Konklużjoni

191    Minn dak kollu li ngħad preċedentement jirriżulta li l-argumenti ppreżentati mir-rikorrenti għal dak li jikkonċerna r-raġunament segwit mid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward ta' l-applikabbiltà ta’ l-Artikolu 82 KE ma jippermettux li jiġu kkontestati l-evalwazzjonijiet ta’ l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt effettwati f’dan il-kuntest mill-Kummissjoni. Konsegwentement, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

E –  Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tar-regoli ta’ proċedura

1.     Fuq l-ilment ibbażat fuq id-dewmien mhux raġonevoli tal-proċedura

192    Ir-rikorrenti tikkonstata li l-proċedura amministrattiva, malli sar l-ilment sad-deċiżjoni ta’ rifjut, kienet damet qrib l-għaxar snin u ssostni li tali dewmien mhuwiex raġonevoli. Fil-fatt, l-investigazzjoni kienet twila wisq peress li għaddew seba’ snin minn meta sar l-ilment f’Ottubru 1993 sa Settembru 2000, data li fiha d-dipartimenti tal-Kummissjoni kienu informawha oralment bl-intenzjoni tagħhom li ma jiħdux aktar azzjoni fir-rigward ta' dan l-ilment. Bl-istess mod, ir-rikorrenti kellha tieħu bosta passi sa minn Ottubru 2000, fosthom rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni, sabiex tikseb l-ittra Artikolu 6 u d-deċiżjoni finali. Minbarra dan, it-tul ta’ żmien mhux raġonevoli tal-proċedura amministrattiva kien influwenza l-kontenut tal-fajl u b'hekk tellef lir-rikorrenti mill-possibbiltajiet li tiġbor elementi ta’ prova addizzjonali li jikkonċernaw il-prezzijiet skond l-implementazzjoni tas-sistema CES.

193     L-ewwel nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li, fil-każ li d-deċiżjoni kkontestata hija deċiżjoni ta’ rifjut ta’ lment, perijodu ta’ żmien possibbilment eċċessiv għat-trattament ta’ l-ilment ma jistax, bħala prinċipju, ikollu effett fuq il-kontenut stess tad-deċiżjoni finali adottata mill-Kummissjoni. Fil-fatt, dan id-dewmien ma jistax, ħlief f’sitwazzjoni eċċezzjonali, ibiddel l-elementi ta’ sustanza li, skond il-każijiet, li jistabbilixxu l-eżistenza jew le ta’ ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni, jew li jiġġustifikaw li l-Kummissjoni ma tagħmilx investigazzjoni (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Diċembru 2000, SGA vs Il-Kummissjoni, C-39/00 P, Ġabra p. I-11201, punt 44). Għalhekk, bħala prinċipju, it-tul ta’ żmien ta’ l-investigazzjoni ta’ l-ilment ma jikkawżax dannu lill-persuna meta jkun hemm rifjut.

194    Minbarra dan, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma turix b’mod rilevanti kif l-elementi ta’ sustanza kkunsidrati mid-deċiżjoni kkontestata huma suxxettibbli li kienu ġew affettwati jew mibdula minħabba t-tul ta’ żmien tal-proċedura amministrattiva.

195    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-ħarsien mill-Kummissjoni ta’ terminu raġonevoli meta jiġu adottati d-deċiżjonijiet fl-aħħar tal-proċeduri amministrattivi fil-qasam tal-politika ta’ kompetizzjoni jikkostitwixxi applikazzjoni tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba (ara, fil-qasam ta’ ċaħda ta' lmenti, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Marzu 1997, Guérin automobiles vs Il-Kummissjoni, C-282/95 P, Ġabra p. I-1503, punti 37 u 38). Il-karattru raġonevoli tat-tul ta’ żmien ta’ tali proċedura għandu jiġi evalwat skond iċ-ċirkustanzi stess ta’ kull kawża u, b’mod partikolari, skond il-kuntest tagħha, l-istadji proċedurali differenti li l-Kummissjoni għandha ssegwi, il-kumplessità tal-kawża kif ukoll l-importanza tagħha għad-diversi partijiet interessati (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-22 ta’ Ottubru 1997, SCK u FNK vs Il-Kummissjoni, T-213/95 u T-18/96, Ġabra p. II-1739, punt 57).

196    F’dan il-każ, it-tul ta’ żmien tal-proċedura huwa spejgat minħabba l-kumplessità tal-fatti, li jikkontestaw il-politika dinjija u Ewropea ta’ kummerċjalizzjoni ta’ impriża importanti, u minħabba n-neċessità li jiġu eżaminati l-bosta allegazzjonijiet u annessi dokumentarji ppreżentati mir-rikorrenti. Għaldaqstant, flimkien ma’ l-ilment, magħmul fit-18 ta’ Ottubru 1993, li sar fil-kuntest ta’ proċedura preċedentement miftuħa mill-Kummissjoni kontra Caterpillar wara li fit-12 ta’ Mejju 1993 intbagħtet komunikazzjoni ta' lmenti, ir-rikorrenti bagħtet bosta ittri lill-Kummissjoni, f’April u f'Mejju 1994, f’Awwissu 1998, f’Mejju u f'Awwissu 1994, f’Novembru u f'Diċembru 1997 u f’Awwissu 2000 sabiex tikkomunikalha elementi ġodda jew sabiex tikkummenta fuq l-istat tal-proċedura. Bl-istess mod, wara l-ittra Artikolu 6, indirizzata lir-rikorrenti fid-19 ta’ Lulju 2001, hija kkomunikat bosta osservazzjonijiet fit-22 ta’ Ottubru 2001, li kellhom jiġu eżaminati mill-Kummissjoni qabel ma hija tadotta d-deċiżjoni kkontestata fl-1 ta’ April 2003.

197    Konsegwentement, l-ilment ibbażat fuq it-tul ta’ żmien mhux raġonevoli tal-proċedura amministrattiva għandu jiġi miċħud.

2.     Fuq l-ilmenti bbażati fuq in-nuqqas ta’ diliġenza u ta’ imparzjalità fl-eżami ta’ l-ilment u n-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

198    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma aġixxietx b'mod diliġenti u imparzjali meta ċaħdet l-ilment tagħha mingħajr ma eżaminat is-sitwazzjoni tas-suq rilevanti, u dan anki meta l-Kummissjoni kellha informazzjoni fuq dan il-punt, jiġifieri lista annessa ma’ l-ilment, li kienet turi t-tnaqqis ta’ bejgħ ta’ Haladjian mill-1989 sa l-1992 u li reġa’ beda jiżdied fl-1999, kif ukoll informazzjoni dwar prodotti mibjugħa u prezzijiet mitluba minn diversi distributuri fl-Ewropa u fl-Istati Uniti, li kienu ġew ikkomunikati minn Haladjian jew minn distributuri. Minbarra dan, ir-rikorrenti ssostni li fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni kellha tispjega r-raġunijiet li għalihom hija ddeċidiet li tiċħad l-ilment, filwaqt li matul seba’ snin hija kienet tatha indikazzjonijiet opposti. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tesponi li permezz ta’ ittra tat-13 ta’ April 1995 il-Kummissjoni kienet qaltilha li xi partijiet tal-fajl kienu ta’ “importanza partikolari” jew li ittra tas-Sur van Miert, li dak iż-żmien kien membru tal-Kummissjoni inkarigat mill-kompetizzjoni, mill-15 ta’ Ġunju 1995 kien ta x’jinftiehem li kienet ser tiġi mibgħuta komunikazzjoni ta' lmenti lil Caterpillar.

199    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrileva li l-Kummissjoni mhijiex obbligata, fil-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet adottati minnha sabiex tassigura l-applikazzjoni tar-regola ta’ kompetizzjoni, li tieħu pożizzjoni fuq l-argumenti kollha li l-partijiet interessati jinvokaw in sostenn tat-talba tagħhom. Huwa biżżejjed li hija tesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali li jkollhom importanza essenzjali fil-kuntest tad-deċiżjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Lulju 1998, ITT Promedia vs Il-Kummissjoni, T-111/96, Ġabra p. II-2937, punt 131).

200    F’dan ir-rigward, fil-każ ta’ l-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma eżaminatx is-sitwazzjoni tas-suq rilevanti, għandu jiġi rrilevat li fil-punt 4 id-deċiżjoni kkontestata tiddefinixxi s-suq in kwistjoni, safejn dan jikkonċerna kemm il-prodotti kkonċernati, jiġifieri l-makkinarju għas-siti ta’ kostruzzjoni u l-partijiet separati (spare parts) tagħhom, kif ukoll id-dimensjoni ġeografika ta’ l-imsemmi suq. Minbarra dan, id-deċiżjoni kkontestata turi b’mod ċar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali li jiġġustifikaw iċ-ċaħda ta’ l-ilment safejn dan jikkonċerna l-allegazzjonijiet ta’ ksur ta’ l-Artikoli 81 KE u 82 KE. Għalhekk, il-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li ma rreferietx, matul il-proċedura amministrattiva jew fid-deċiżjoni kkontestata, għal dokumenti li r-rikorrenti ma turix in-natura essenzjali tagħhom.

201    Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-ittra tal-Kummissjoni tat-13 ta’ April 1995 tillimita ruħha li tistaqsi lir-rikorrenti liema kienu, fost id-dokumenti tal-fajl li kienu ta' importanza partikolari, dawk li kienu suxxettibbli li jkunu kunfidenzjali fir-rigward ta’ Caterpillar u li inkwantu tali ma setgħux jiġu kkomunikati lil din l-impriża. Bl-istess mod, l-ittra tal-15 ta’ Ġunju 1999 indirizzata lir-rikorrenti mill-membru tal-Kummissjoni s-Sur Van Miert kienet limitata li tindika li, “wara s-sentenza reċenti fil-kawża Javico, is-servizzi [tagħha kienu] fil-fażi li jikkonkludu l-proċeduri ta’ konsultazzjoni qabel ma tintbagħat komunikazzjoni ta' lmenti ġdida” u li l-persuna li tagħmel l-ilment kellha madankollu tammetti “li [kien] impossibbli [għaliha], f’dak l-istadju, li tippreġudika r-riżultat ta’ din il-konsultazzjoni”. Għalhekk dawn id-dokumenti ma jippermettux li jiġi stabbilit li, matul seba’ snin, il-Kummissjoni kienet pprovdiet lir-rikorrenti indikazzjonijiet li jippermettulha taħseb li hija kienet iddeċidiet li tippenalizza lil Caterpillar skond l-Artikoli 81 KE u 82 KE pjuttost milli tiċħad l-ilment u li huma ma kellhomx jiġu eżaminati fil-kuntest tad-deċiżjoni finali.

202    Konsegwentement, l-ilmenti bbażati fuq in-nuqqas ta’ diliġenza u ta’ imparzjalità fl-eżami ta’ l-ilment u n-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu miċħuda.

3.     Fuq l-ilment ibbazat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 2842/98

203    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 2842/98, fejn skond it-termini tiegħu meta l-Kummissjoni tikkunsidra li l-elementi li hija ġabret ma jiġġustifikawx li tingħata risposta favorevoli għall-ilment, hija tindika l-motivi lill-persuna li tagħmel l-ilment u tagħtiha terminu ta’ żmien sabiex tippreżenta osservazzjonijiet bil-miktub. F’dan il-każ, il-Kummissjoni ma kinitx qegħditha f'pożizzjoni li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fuq il-motivi maħsuba sabiex tiċħad l-ilment tagħha. B'hekk, id-deċiżjoni kkontestata takkuża lir-rikorrenti li ma kinitx ipproduċiet ċertu numru ta’ provi, b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna r-realtà tax-xiri lil Maia bil-Consumer price f’dollari qabel l-14 ta’ Frar 1993 jew il-fatt li l-ordnijiet magħmula lil Maia kienu ddestinati għal Franza u mhux għall-Afrika, mingħajr ma ngħatat il-possibbiltà li targumenta fuq dawn il-kwistjonijiet fl-osservazzjonijiet tagħha fuq l-ittra Artikolu 6.

204    Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrileva li l-ittra Artikolu 6 indikat li, wara li analizzat id-dokumenti differenti miksuba fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni kienet waslet għall-konklużjoni li, “fl-istat ta’ l-affarijiet [,] l-elementi miġbura ma ppermett[ewx] li tingħata risposta favorevoli [għat]-talba”. Fir-rigward, b’mod aktar partikolari, tad-dokumenti li jikkonċernaw lil Maia, l-ittra Artikolu 6 kienet, fost affarijiet oħra, tirrileva dan li ġej:

“ICBO u Schmidt jiksbu mingħand Maia partijiet għal prezzijiet (‘Consumer price’ f’dollari jew ‘tariffa internazzjonali’ f’dollari) oħra u – apparentement ħafna aktar baxxi – minn dawk tat-tariffa Taljana li taparsi juru li dawn il-partijiet huma ddestinati għall-Istati Uniti, pajjiż li, minħabba prezzijiet ħafna aktar baxxi minn dawk mitluba fl-Ewropa, l-esportazzjonijiet bi prezzijiet attwali Ewropej mhumiex normalment vantaġġjużi. Dawn il-partijiet huma fir-realtà ddestinati għal Haladjian [...] għall-attivitajiet kummerċjali tagħha fl-Afrika u fi Franza.”

205    Huwa b'risposta għal din il-preżentazzjoni tar-raġunament li l-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li ssegwi li Haladjian sostniet, mingħajr ma pprovdiet elementi ta’ prova f’dan ir-rigward, li l-partijiet separati (spare parts) mixtrija mill-intermedjarju ta’ ICBO u ta’ Schmidt kellhom lil Franza bħala destinazzjoni u li Maia ma azzardatx tiffornixxi lil Haladjian bil-miftuħ minħabba t-theddida tat-tmiem tal-kuntratt tagħha maħruġ minn Caterpillar. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax tkun sorpriża li d-deċiżjoni kkontestata tirrispondi għal dawn l-osservazzjonijiet billi tirrileva li Haldjian qatt ma kienet tat prova li setgħet tibbenefika mit-tariffa internazzjonali mingħand Maia u li hija lanqas ma kienet tat prova li l-bejgħ effettwat mill-intermedjarju ta’ ICBO u ta’ Schmidt kellu lil Franza u mhux l-Afrika bħala destinazzjoni finali.

206    Konsegwentement, l-ilment ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 2842/98 għandu jiġi miċħud.

4.     Fuq l-ilmenti bbażati fuq il-ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-proċess

207    Ir-rikorrenti tfakkar li, permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Ottubru 2001, hija talbet mingħand l-uffiċjal tas-seduta kopja ta’ żewġ dokumenti msemmija fl-ittra Artikolu 6, jiġifieri informazzjoni fuq il-prezzijiet li kienu ġew ipprovduti minn ċerti distributuri Ewropej ta’ Caterpillar (ara l-punt 5.1 ta' l-ittra Artikolu 6,) u dokumenti fil-pussess tal-Kummissjoni ġejjin minn Leverton [ara l-punt 7.1(d) ta’ l-ittra Artikolu 6)]. Permezz ta’ ittra ta’ l-10 ta’ Diċembru 2001, l-uffiċjal tas-seduta, minn naħa, irrisponda li l-informazzjoni dwar il-prezzijiet mitluba minn Caterpillar mingħand id-distributuri differenti tagħha hija informazzjoni kunfidenzjali filwaqt li rrileva li, bħalma ċ-ċaħda ta’ l-ilment imsemmi ma kinitx bbażata fuq livelli ta’ prezzijiet speċifiċi, il-konoxxenza ta’ dawn id-dokumenti ma kinitx indispensabbli għall-persuna li għamlet l-ilment. L-uffiċjal tas-seduta, min-naħa l-oħra, ippreċiża li d-dokument ta’ Leverton li ma kienx ikkomunikat kien jipprojbixxi lil din ta’ l-aħħar milli tinqeda mis-sussidjarja Amerikana tagħha sabiex tiffornixxi ruħha barra mis-sistema CES. L-uffiċjal tas-seduta kkonkluda li dan id-dokument ma kienx rilevanti għaċ-ċaħda ta’ l-ilment.

208    Madankollu, ir-rikorrenti ssostni li, kuntarjament għal dak li afferma l-uffiċjal tas-seduta, dokument dwar il-mod kif Caterpillar tapplika s-sistema CES għas-sussidjarja Amerikana ta’ distributur Ewropew kien għal kollox rilevanti għat-trattament tal-kawża, safejn kien jippermetti li jiġu analizzati l-effetti tas-sistema CES fuq il-kompetizzjoni fil-Komunità. Minbarra dan, ir-rikorrenti tindika li l-ittra Artikolu 6 esponiet ċertu informazzjoni fuq il-prezzijiet mitluba minn Caterpillar mid-distributuri tagħha, filwaqt li ebda kunsiderazzjoni fuq dan il-punt ma tidher fid-deċiżjoni kkontestata. Madankollu tali informazzjoni hija rilevanti sabiex tiddetermina l-kontenut tal-politika ta’ prezz ta’ Caterpillar fir-rigward tad-distributuri tagħha. Għaldaqstant, huwa utli li jiġi vverifikat jekk teżisti korrelazzjoni bejn l-iskonti maħsuba li jingħataw li Bergerat ippropona lil xi klijenti ta’ Haladjian fl-1993 u l-prezzijiet mitluba minn Caterpillar lil dan id-distributur għal dan il-perijodu jew, aktar ġeneralment, jekk il-prezzjijiet mitluba minn Caterpillar lid-distributuri tagħha huma sostanzjalment differenti mill-prezz għad-distributuri Amerikani u, fl-affermattiv, għal liema raġunijiet.

209    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tirrileva li d-deċiżjoni kkontestata ma tiħux in kunsiderazzjoni l-fatt li impjegat ta’ Maia kien irrikonoxxa fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva li Caterpillar kienet ser twaqqaf l-iskont f’każ ta’ bejgħ lil Haladjian.

210    Għal dawn ir-raġunijiet kollha, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tieħu kull miżura utli sabiex tivverifika li l-fajl tal-Kummissjoni ma jinkludix elementi mhux ikkunsidrati jew li huma analizzati minnha inkorrettament, u dan sabiex tivverifika jekk id-deċiżjoni hijiex realment ibbażata fuq fatti eżatti u jekk hija ma tagħmilx żbalji manifesti ta’ evalwzzjoni li jiżdiedu ma’ dawk li r-rikorrenti setgħet turi. Peress li fformulat din it-talba r-rikorrenti hija konxja li, inkwantu persuna li għamlet ilment, hija m’għandhiex dritt ta’ aċċess għall-fajl kif mifhum mill-impriżi li jikkontestawh. Barra minn hekk hija ma tippretendix li jkollha konoxxenza ta’ kunfidenzjalità tal-kummerċ. Din hija r-raġuni li għaliha tissuġġerixxi lill-Qorti tal-Prim’Istanza li jkollha aċċess dirett għall-proċess, jew ta' l-anqas għal kull dokument li hija tikkunsidra utli, billi tieħu in kunsiderazzjoni n-neċessità li tneħħi kull inċertezza sabiex tinstab soluzzjoni għall-kawża.

211    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrileva li l-argumenti ppreżentati mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ l-ilment ibbażat fuq il-ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-proċess b’ebda mod ma jikkontesta l-evalwazzjoni ta’ l-uffiċjal tas-seduta li l-kontenut tad-dokumenti in kwistjoni kienu kunfidenzjali fir-rigward tiegħu minħabba raġunijiet marbuta mal-kunfidenzjalità tal-kummerċ. B’hekk f’dan il-każ m'hemmx ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-proċess.

212    Minbarra dan, sabiex tikkritika l-evalwazzjoni ta’ l-uffiċjal tas-seduta li tipprovdi li l-konoxxenza tad-dokumenti in kwistjoni b’ebda mod ma kienet indispensabbli sabiex jinftiehmu r-raġunijiet li għalihom l-ilment ta’ Haladjian kien ġie miċħud, ir-rikorrenti tillimita ruħha li tindika b’mod purament ipotetiku u prospettiv x’seta’ kien l-interess għall-Kummissjoni li teżamina l-politika ta’ prezz ta’ Caterpillar fir-rigward tad-distributuri tagħha. F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li, sussegwentement għal ilment minħabba ksur ta’ l-Artikoli 81 KE u 82 KE, il-Kummissjoni mhijiex obbligata li tibda proċedura intiża sabiex tistabbilixxi l-imsemmi ksur, imma biss li teżamina attentament l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt miġjuba għall-konoxxenza tagħha mill-persuna li għamlet l-ilment sabiex tevalwa jekk dawn l-elementi jurux imġiba ta’ natura li tfixkel il-kompetizzjoni ġewwa s-suq komuni u li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri (ara punti 26 sa 28 aktar ‘il fuq). Għalhekk il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li fid-deċiżjoni kkontestata ma daħlitx aktar fid-dettall dwar il-politika ta’ prezz ta’ Caterpillar fir-rigward tad-distributuri tagħha, peress illi din id-deċiżjoni tesponi b’mod suffiċjenti skond il-liġi, ir-raġunijiet li għalihom l-allegazzjonijiet ta’ ksur ta’ l-Artikoli 81 KE u 82 KE imressqa minn Haladjian għandhom jiġu miċħuda.

213    B’hekk il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tqisx neċessarju li tieħu miżuri istruttorji sabiex tordna lill-Kummissjoni sabiex tipproduċi d-dokumenti utli kollha għas-soluzzjoni tal-kawża bħala risposta għat-talba f’dan is-sens magħmula mir-rikorrenti.

214    Fl-aħħar lok, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tistax tirreferi għall-ewwel darba matul l-istadju tal-proċedimenti ġudizzjarji għall-fatt li, skond hi, matul laqgħa fil-kabinett tal-membru tal-Kummissjoni s-Sur Van Miert, fid-29 ta’ Ġunju 1998, wieħed mill-intervenjenti indika li “matul spezzjoni, uffiċjal ta’ Maia rrikonoxxa [bil-miktub] li, jekk Caterpillar kienet taf li hija kienet qed tbigħ lil Haladjian, dan l-iskont tagħha [kien] jitwaqqaf” sabiex tallega l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, anki jekk wieħed jippresupponi li dan il-fatt kien seħħ, li ma jirriżultax mill-proċess, mhuwiex biżżejjed inkwantu tali li jikkontesta d-deċiżjoni kkotnestata, peress illi din tindika li Caterpillar kienet heddet lil Maia qabel Frar 1993 li kienet ser twaqqaf il-kuntratt ta’ distribuzzjoni tagħha, li kien iseħħ jekk kienet issir taf li hija daret mar-regoli tas-sistema CES billi pproċediet għal bejgħ bejn iż-żoni mingħajr ma tirrispetta r-regoli relatati. Għalhekk il-kummentarju ta’ l-uffiċjal ta’ Maia li ssir referenza għalih aktar ‘il fuq jidher perfettament li jidħol fil-kuntest tat-theddida magħmula minn Caterpillar li twaqqaf il-kuntratt ta’ Maia jekk huwa jkompli jbigħ lis-sussidjarja tagħha ICBO/Schmidt, li kien ġie rraportat permezz ta’ l-ittra anonima ta’ Frar 1990.

215    Konsegwentement, l-ilmenti bbażati fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 2842/98 għandhom jiġu miċħuda.

216    Minn dak kollu li ngħad preċedentement jirriżulta li t-tielet motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

217    Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż


Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi ordnata tbati l-ispejjeż tagħha u dawk tal-Kummissjoni u dawk ta' l-intervenjenti, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (L-Ewwel Awla)

taqta' u tiddeċiedi

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tal-Kummissjoni u tal-partijiet intervenjenti.

García-Valdecasas

Cooke

Trstenjak

Mogħtija fil-qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fis-27 ta' Settembru 2006.

E. Coulon

 

      R. García-Valdecasas

Reġistratur

 

      President

Werrej

Il-fatti li wasslu għall-kawża

A –  Il-kumpanniji fil-kawża

B –  Proċeduri amministrattivi

1.  Proċedura mibdija mill-Kummissjoni kontra Caterpillar

2.  Proċedura mibdija wara l-ilment ta’ Haladjian

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

A –  Osservazzjonijiet preliminari fuq il-portata ta’ l-obbligi tal-Kummissjoni matul l-investigazzjoni ta’ l-ilment dwar ksur ta’ l-Artikoli 81 KE u 82 KE

B –  Preżentazzjoni ġenerali tas-“sistema CES”, ta' l-ilmenti ta’ Haladjian u tad-deċiżjoni kkontestata

1.  Deskrizzjoni tas-sistema CES

2.  Preżentazzjoni ta’ l-ilmenti ta’ Haladjian

3.  Id-deċiżjoni kkontestata u r-rikors ta’ Haladjian

C –  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni tal-fatti u żbalji ta’ dritt għal dak li jikkonċerna l-applikabbiltŕ l-Artikolu 81(1) KE

1.  Fuq l-oġġezzjonijiet dwar is-sistema CES

a)  Fuq l-effett tar-restrizzjoni tal-bejgħ bejn iż-żoni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

b)  Fuq l-ilment li jirrigwarda l-lista tal-bejjiegħa bl-imnut bejn iż-żoni

c)  Fuq l-ilment dwar is-sorveljanza tad-destinazzjoni tal-bejgħ bejn iż-żoni

d)  Fuq l-ilment marbut mad-dewmien fl-għoti tal-kodiċi CES

2.  Fuq l-ilmenti dwar l-ittra tal-15 ta’ Diċembru 1982 ta’ Caterpillar lid-distributuri Ewropej tagħha

3.  Fuq l-ilmenti dwar id-dokumenti li jikkonċernaw Bergerat u l-offerti magħmula minn Bergerat lil klijenti ta’ Haladjian

a)  Fuq l-ilment dwar l-ittra tad-19 ta’ Lulju 1990 ta’ Caterpillar lil Bergerat

Id-deċiżjoni kkontestata

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

b)  Fuq l-ilmenti dwar l-offerti magħmlula minn Bergerat lil klijenti ta’ Haladjian

Id-deċiżjoni kkontestata

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

4.  Fuq l-ilmenti dwar id-dokumenti li jikkonċonċernaw Leverton

a)  Id-deċiżjoni kkontestata

b)  L-argumenti tal-partijiet

c)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

5.  Fuq l-ilmenti dwar id-dokumenti li jikkonċernaw Maia

a)  Fuq id-dokumenti li jikkonċernaw in-netwerk Maia/ICBO/Schmidt

Id-deċiżjoni kkontestata [punt 6.3 u punt 7.1(c)]

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

b)  Fuq id-dokumenti li jikkonċernaw l-ordni ta’ l-24 ta’ Frar 1993

Id-deċiżjoni kkontestata

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

6.  Konklużjoni

D –  Fuq it-tieni motiv, dwar ir-raġunament segwit mid-deċiżjoni kkontestata għal dak li jikkonċerna l-applikabbiltŕ ta’ l-Artikolu 82 KE

1.  Fuq il-kontenut ta’ l-ilment

2.  Fuq l-allegazzjonijiet esposti fin-nota ta’ rikapitulazzjoni tal-11 ta’ Awwissu 2000

a)  Fuq l-allegata impożizzjoni ta’ prezzijiet ta’ tranżazzjoni inġusti

b)  Fuq l-allegata limitazzjoni tas-swieq għad-dannu tal-konsumaturi

c)  Fuq l-allegata applikazzjoni fir-rigward tas-sħab kummerċjali ta’ kundizzjonijiet mhux ugwali għal tranżazzjonijiet ekwivalenti

3.  Fuq l-ilmenti l-oħra tar-rikorrenti

4.  Konklużjoni

E –  Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tar-regoli ta’ proċedura

1.  Fuq l-ilment ibbażat fuq id-dewmien mhux raġonevoli tal-proċedura

2.  Fuq l-ilmenti bbażati fuq in-nuqqas ta’ diliġenza u ta’ imparzjalitŕ fl-eżami ta’ l-ilment u n-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

3.  Fuq l-ilment ibbazat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 2842/98

4.  Fuq l-ilmenti bbażati fuq il-ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-proċess

Fuq l-ispejjeż



*Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.