Language of document : ECLI:EU:T:2006:266

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tielet Awla)

27 ta' Settembru 2006 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Glukonat tas-sodju–Artikolu 81 KE – Multa – Imputabbiltà ta’ l-imġiba li tikkostitwixxi ksur ta’ assoċjazzjoni mingħajr personalità ġuridika lill-kumpannija parent tagħha – Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 – Drittijiet tad-difiża – Dokumenti favur id-difiża – Prinċipju tal-proporzjonalità – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-kawża T-314/01,

Coöperatieve Verkoop- en Productievereniging van Aardappelmeel en Derivaten Avebe BA, stabbilita f'Veendam (l-Olanda), irrappreżentata minn C. Dekker, Avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn A. Bouquet, A. Whelan u W. Wils, bħala aġenti, assistiti minn M. van der Woude, Avukat,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett l-annullament ta’ l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni C(2001) 2931 finali tat-2 ta’ Ottubru 2001 dwar proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u ta’ l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (COMP/E-1/36.756 – Glukonat tas-sodju), safejn dan jikkonċerna r-rikorrenti jew, sussidjarjament, l-annullament ta’ l-Artikolu 3 ta’ din id-Deċiżjoni safejn dan jikkonċerna r-rikorrenti,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tielet Awla),

komposta minn J. Azizi, President, M. Jaeger u F. Dehousse, Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta' Frar 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Il-Coöperatieve Verkoop- en Productievereniging van Aardappelmeel en Derivaten Avebe BA (iktar 'il quddiem “Avebe”) hija l-kumpannija parent ta’ grupp ta’ impriżi speċjalizzati fl-ipproċessar tal-lamtu. Fiż-żmien meta seħħew il-fatti u sa Diċembru 1995, Avebe kienet attiva fis-suq tal-glukonat tas-sodju permezz tas-sehem tagħha fil-kumpannija Glucona vof, impriża li hija kienet tikkontrolla flimkien mal-kumpannija Akzo Nobel Chemicals BV (iktar 'il quddiem “ANC”, li hija kumpannija kkontrollata minn Akzo Nobel NV (iktar 'il quddiem “Akzo”). F’Diċembru 1995, Avebe akkwistat l-ishma ta’ ANC fi Glucona vof, li saret kumpannija b’responsabbiltà limitata u ħadet l-isem ta’ Glucona BV (iktar ‘il quddiem, il-kumpanniji Glucona vof u Glucona BV jissejħu indistintament “Glucona”).

2        Il-glukonat tas-sodju jagħmel parti mill-aġenti kelanti, li huma prodotti li jagħmlu inattivi l-jonijiet metalliċi fil-proċessi industrijali. Dawn il-proċessi jinkludu, b’mod partikolari, it-tindif industrijali (tindif ta’ fliexken u ta’ utensili), it-trattament ta’ l-uċuh (trattament kontra s-sadid, tneħħija ta' xaħam, inċiżjoni ta’ l-aluminju) u t-trattament ta’ l-ilma. L-aġenti kelanti huma għaldaqstant użati fl-industrija ta' l-ikel, fl-industrija kożmetika, fl-industrija farmaċewtika, fl-industrija tal-karta, fl-industrija tal-konkrit u f'industriji oħra. Il-glukonat tas-sodju jinbiegħ fid-dinja kollha u l-impriżi li jikkompetu ma' xulxin huma preżenti fis-swieq dinjija.

3        Fl-1995, il-bejgħ totali ta’ glukonat tas-sodju fil-livell dinji kien ta’ madwar 58.7 miljun EUR, u dak magħmul fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) kien ta' madwar 19.6 miljun EUR. Fiż-żmien meta seħħew il-fatti, il-kważi-totalità tal-produzzjoni dinjija ta’ glukonat tas-sodju kienet f’idejn ħames impriżi, jiġifieri, l-ewwel, Fujisawa Pharmaceutical Co. Ltd (iktar 'il quddiem “Fujisawa”), it-tieni, Jungbunzlauer AG, it-tielet, Roquette Frères SA (iktar 'il quddiem “Roquette”), ir-raba', Glucona vof u l-ħames, Archer Daniels Midland Co. (iktar 'il quddiem “ADM”).

4        F’Marzu 1997, il-Ministeru tal-Ġustizzja Amerikan informa lill-Kummissjoni li, sussegwentement għal inkjesta li saret fuq is-swieq tal-lisina u ta’ l-aċidu ċitriku, kienet infetħet inkjesta wkoll fuq is-suq tal-glukonat tas-sodju. F’Ottubru u Diċembru 1997 kif ukoll fi Frar 1998, il-Kummissjoni ġiet informata li Akzo, Avebe, Glucona, Roquette u Fujisawa kienu rrikonoxxew li kienu pparteċipaw f’akkordju li kien jikkonsisti fl-iffissar tal-prezzijiet tal-glukonat tas-sodju u fit-tqassim tal-volum ta’ bejgħ ta’ dan il-prodott fl-Istati Uniti u f'pajjiżi oħra. Wara numru ta’ ftehim konklużi mal-Ministeru tal-Ġustizzja Amerikan, ġew imposti multi mill-awtoritajiet Amerikani fuq dawn l-impriżi.

5        Fit-18 ta’ Frar 1998, il-Kummissjoni bagħtet, skond l-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17 tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (ĠU 1962, 13, p. 204), talbiet għal informazzjoni lill-produtturi, importaturi, esportaturi u xerrejja prinċipali tal-glukonat tas-sodju fl-Ewropa.

6        Wara li saret it-talba għal informazzjoni, Fijisawa kkuntattjat lill-Kummissjoni sabiex tinformaha li hija kienet ikkooperat ma’ l-awtoritajiet Amerikani fil-kuntest ta’ l-inkjesta deskritta hawn fuq u li hija xtaqet tagħmel l-istess mal-Kummissjoni abbażi tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Lulju 1996 dwar in-non-impożizzjoni ta’ multi jew it-tnaqqis ta’ l-ammont tagħhom fil-każijiet dwar akkordji (ĠU C 207, p. 4, iktar 'il quddiem il-“Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni”). Fit-12 ta’ Mejju 1998, wara laqgħa li saret mal-Kummissjoni fl-1 ta’ April 1998, Fujisawa pprovdiet dikjarazzjoni bil-miktub u fajl li jinkludi sunt ta' l-istorja ta’ l-akkordju u ċertu numru ta’ dokumenti.

7        Fis-16 u 17 ta’ Settembru 1998, il-Kummissjoni wettqet investigazzjonijiet, skond l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 17, fil-bini ta’ Avebe, ta’ Gluxona, ta’ Jungbunzlauer u ta’ Roquette.

8        Fit-2 ta’ Marzu 1999, il-Kummissjoni bagħtet talbiet għal informazzjoni dettaljata lil Glucona, lil Roquette u lil Jungbunzlauer. Permezz ta’ ittri ta’ l-14, 19 u 20 ta’ April 1999, dawn l-impriżi wrew ix-xewqa tagħhom li jikkooperaw mal-Kummissjoni u pprovdewlha xi informazzjoni fuq l-akkordju. Fil-25 ta’ Ottubru 1999, il-Kummissjoni bagħtet talbiet għal informazzjoni addizzjonali lil ADM, lil Fujisawa, lil Glucona, lil Roquette u lil Jungbunzlauer.

9        Fis-17 ta’ Mejju 2000, abbażi ta’ l-informazzjoni li kienet ġiet ikkomunikata lilha, il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet lil Akżo u lill-impriżi l-oħra kkonċernati għall-ksur ta’ l-Artikolu 81(1) KE u ta’ l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim fuq iż-ŻEE (iktar 'il quddiem il-“Ftehim ŻEE”). Akzo u l-impriżi l-oħra kollha kkonċernati bagħtu osservazzjonijiet bil-miktub b'risposta għall-oġġezzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni. Ebda waħda minn dawn il-partijiet ma talbet li ssir seduta jew ikkontestat il-materjalità tal-fatti esposti fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet.

10      Fil-11 ta’ Mejju 2001, il-Kummissjoni bagħtet talbiet għal informazzjoni addizzjonali lil Avebe u lill-impriżi kkonċernati l-oħra.

11      Fit-2 ta’ Ottubru 2001, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2001) 2931 finali dwar proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 KE u ta’ l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (każ COMP/E-1/36.756 – Glukonat tas-sodju) (iktar 'il quddiem id-“Deċiżjoni”). Id-Deċiżjoni ġiet innotifikata lil Avebe permezz ta’ ittra ta’ l-10 ta’ Ottubru 2001.

12      Id-Deċiżjoni tinkludi b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet li ġejjin:

“Artikolu 1

[Akzo], [ADM], [Avebe], [Fujisawa], [Jungbunzlauer] u [Roquette] kisru l-Artikolu 81(1) [...] KE u – mill-1 ta’ Jannar 1994 'il quddiem – l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipaw fi ftehim u/jew prattika miftiehma kontinwa fis-settur tal-glukonat tas-sodju.

Il-ksur dam għaddej:

–        fil-każ ta’ [Akzo], ta’ [Avebe], ta’ [Fujisawa] u ta’ [Roquette], minn Frar 1987 sa Ġunju 1995;

–        fil-każ ta’ [Jungbunzlauer], minn Mejju 1988 sa Ġunju 1995;

–      fil-każ ta’ [ADM], minn Ġunju 1991 sa Ġunju 1995.

[...]

Artikolu 3

Qed jiġu imposti l-multi segwenti għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 1

a)      [Akzo]                                     9 miljuni EUR

b)      [ADM]                                     10.13 miljun EUR

c)      [Avebe]                                     3.6 miljun EUR

d)      [Fujisawa]                            3.6 miljun EUR

e)      [Jungbunzlauer]                   20.4 miljun EUR

f)      [Roquette]                            10.8 miljun EUR"

13      Fil-premessi 296 sa 309 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni analizzat ir-relazzjonijiet li kienu jeżistu matul il-perijodu kkonċernat mill-akkordju bejn Glucona u l-kumpanniji parent tagħha, Avebe u Akzo. B’mod partikolari, hija nnutat li, sal-15 ta’ Awwissu 1993, Glucona kienet ġiet ġestita minn rappreżentanti ta’ Avebe u ta’ Akzo flimkien, imma li, minn dik id-data 'l quddiem, minħabba ristrutturazzjoni ta’ Glucona, hija kienet ġiet ġestita esklużivament minn rappreżentant ta’ Avebe. Madankollu, il-Kummissjoni kkunsidrat li Avebe u Akzo kellhom jiġu kkunsidrati responsabbli għall-imġiba antikompetittiva tas-sussidjarja tagħhom matul il-perijodu kollu kkonċernat u li, għaldaqstant, kellhom ikunu d-destinatarji tad-Deċiżjoni.

14      Għall-finijiet tal-kalkolu ta’ l-ammont tal-multi, il-Kummissjoni applikat, fid-Deċiżjoni, il-metodoloġija esposta fil-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u ta’ l-Artikolu 65(2) tat-Trattat KEFA (ĠU C 9, 1998, p. 3, iktar 'il quddiem il-“linji gwida”), kif ukoll il-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

15      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ddeterminat l-ammont ta’ bażi tal-multa skond il-gravità u d-dewmien tal-ksur.

16      F’dan il-kuntest, għal dak li jikkonċerna l-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni fl-ewwel lok ikkunsidrat li l-impriżi kkonċernati kienu wettqu ksur gravi ħafna, fid-dawl tan-natura tiegħu, ta' l-impatt konkret tiegħu fuq is-suq tal-glukonat tas-sodju fiż-ŻEE u tal-firxa tas-suq ġeografiku kkonċernat (premessa 371 tad-Deċiżjoni).

17      Sussegwentement, il-Kummissjoni qieset li kellha tieħu in kunsiderazzjoni l-kapaċità ekonomika reali li tikkawża dannu għall-kompetizzjoni u tistabbilixxi l-multa f'livell li jiggarantixxi effett dissważiv suffiċjenti. Konsegwentement, filwaqt li bbażat ruħha fuq il-fatturati dinjija magħmula mill-impriżi kkonċernati mill-bejgħ tal-glukonat tas-sodju matul is-sena 1995, l-aħħar sena tal-perijodu tal-ksur, fatturati li l-partijiet kienu bagħtu lill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni kklassifikat l-impriżi kkonċernati f’żewġ kategoriji. Fl-ewwel kategorija, hija kklassifikat l-impriżi li, skond l-informazzjoni li kellha, kellhom ishma fis-suq dinji tal-glukonat tas-sodju ta' iktar minn 20%, jiġifieri Fujisawa (35.54%), Jungbunzlauer (24.75%) u Roquette (20.95%). Għal dawn l-impriżi, il-Kummissjoni ffissat ammont ta’ tluq ta’ 10 miljun EUR. Fit-tieni kategorija, hija kklassifikat l-impriżi li, skond l-informazzjoni li kellha, kellhom ishma fis-suq dinji tal-glukonat tas-sodju ta' inqas minn 10%, jiġifieri Glucona (madwar 9.5%) u ADM (9.35%). Għal dawn l-impriżi, il-Kummissjoni ffissat ammont ta’ tluq tal-multa ta' 5 miljun EUR, jiġifieri għal Akzo u Avebe li flimkien kienu jippossiedu lil Glucona, 2.5 miljun EUR kull waħda (premessa 385 tad-Deċiżjoni).

18      Minbarra dan, sabiex tassigura li l-multa jkollha effett suffiċjentement dissważiv, minn naħa, u sabiex tieħu in kunsiderazzjoni l-fatt li l-impriżi kbar għandhom għarfien u infrastrutturi ġuridiċi u ekonomiċi li jippermettulhom japprezzaw aħjar li l-imġiba tagħhom tikkostitwixxi ksur u l-konsegwenzi li joħorġu mill-imġiba tagħhom mill-aspett tad-dritt tal-kompetizzjoni, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni għamlet aġġustament ta’ dan l-ammont ta’ tluq. Konsegwentement, filwaqt li ħadet in kunsiderazzjoni d-daqs u r-riżorsi globali ta’ l-impriżi kkonċernati, il-Kummissjoni applikat koeffiċjent multiplikatur ta’ 2.5 għall-ammonti ta’ tluq iddeterminati għal ADM u AKZO u għaldaqstant żiedet dan l-ammont ta’ tluq b’mod li ġie ffissat għal 12.5 miljun EUR fil-każ ta’ ADM u għal 6.25 miljun EUR fil-każ ta’ Akzo (premessa 388 tad-Deċiżjoni).

19      Għal dak li jikkonċerna d-dewmien tal-ksur imwettaq minn kull impriża, l-ammont ta’ tluq ġie miżjud, minbarra dan, b'10% fis-sena, jiġifieri żieda ta’ 80% għal Fujisawa, għal Akzo, għal Avebe u għal Roquette, ta’ 70% għal Jungbunzlauer u ta’ 35% għal ADM (premessi 389 sa 392 tad-Deċiżjoni).

20      Kien għalhekk li l-Kummissjoni ffissat l-ammont ta’ bażi tal-multi għal 4.5 miljun EUR għal dak li jikkonċerna lil Avebe. Fir-rigward ta’ ADM, ta’ Akzo, ta’ Fujisawa, ta’ Jungbunzlauer u ta’ Roquette, l-ammont ta’ bażi ġie ffissat, rispettivament, għal 16.88, għal 11.25, għal 18, għal 17 u għal 18 miljun EUR (premessa 396 tad-Deċiżjoni).

21      Fit-tieni lok, l-ammont ta’ bażi tal-multa imposta fuq Jungbunzlauer ġie miżjud b'50% minħabba ċirkustanzi aggravanti, għar-raġuni li din l-impriża kellha rwol ta’ mexxej fil-kuntest ta’ l-akkordju (premessa 403 tad-Deċiżjoni).

22      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni eżaminat u ċaħdet l-argumenti ta’ xi impriżi, fosthom Avebe, li skondhom dawn l-impriżi kellhom jibbenefikaw minn ċirkustanzi attenwanti (premessi 404 sa 410 tad-Deċiżjoni).

23      Fir-raba’ lok, skond it-Titolu B tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, il-Kummissjoni akkordat lil Fujisawa “tnaqqis sinjifikattiv ħafna” (jiġifieri 80%) ta’ l-ammont tal-multa li kienet tiġi imposta fuqha fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni. Fl-aħħar nett, skond it-Titolu D ta’ din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni akkordat “tnaqqis sinjifikattiv” (jiġifieri 40%) ta’ l-ammont tal-multa lil ADM u lil Roquette u ta’ 20% lil Akzo, lil Avebe u lil Jungbunzlauer (premessi 418, 423, 426 u 427).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

24      B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-17 ta’ Diċembru 2001, Akzo ressqet dan ir-rikors.

25      Fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tielet Awla) ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ressqet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet, li huma rrispondew għalihom fit-termini mogħtija.

26      It-trattazzjoni orali tal-partijiet instemgħet fis-seduta tas-17 ta’ Frar 2004.

27      Avebe titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni safejn jistabbilixxi li hija wettqet ksur fil-perijodu bejn ix-xahar ta’ Frar 1987 u l-15 ta’ Awwissu 1993;

–        sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni safejn jistabbilixxi li hija wettqet ksur fil-perijodu preċedenti għat-30 ta’ April 1990;

–        sussidjarjament għat-talba preċedenti, tannulla l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni safejn dan jikkonċernaha;

–        tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

28      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tordna lil Avebe tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

A –  Introduzzjoni

29      Avebe ma tikkontestax li l-akkordju kkostitwixxa ksur ta’ l-Artikolu 81 KE. Lanqas ma tikkontesta li dan il-ksur kellu jiġi imputat lilha għall-perijodu bejn il-15 ta’ Awwissu 1993, data li minnha hija kienet tiġġestixxi lil Glucona waħedha (ara punt 13 hawn fuq), u t-tmiem ta’ l-akkordju. Min-naħa l-oħra, Avebe hija ta’ l-opinjoni li l-Kummissjoni ma setgħetx validament timputalha l-ksur imwettaq minn Glucona fil-perijodu preċedenti għall-15 ta’ Awwissu 1993.

30      F’dan il-kuntest, Avebe tqajjem erba’ motivi, ibbażati fuq il-ksur, fl-ewwel lok, ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni, fit-tieni lok, tad-drittijiet tad-difiża, fit-tielet lok, ta’ l-Artikolu 81(1) KE u ta’ l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u, fir-raba’ lok, tal-prinċipju tal-proporzjonalità.

31      Qabel ma tiddeċiedi fuq il-fondatezza tad-diversi motivi invokati f'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li hemm lok li tfakkar xi elementi ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni, kif joħorġu mill-premessi 296 sa 309 tad-Deċiżjoni.

32      Fil-premessa 296 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni bdiet l-analiżi tagħha billi affermat li “[irriżulta] mill-fatti li Glucona ma [kinitx iddeterminat] l-imġiba tagħha b’mod awtonomu, imma [kienet] applikat l-istruzzjonijiet li kienu jagħtuha l-kumpanniji parent tagħha [ANC u Avebe]: l-uffiċjali eżekuttivi kollha ta’ Glucona fl-istess ħin kellhom responsabbiltajiet professjonali fil-kumpanniji parent”.

33      Sussegwentement, fil-premessi 297 sa 299 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni ddeskriviet l-organizzazzjoni interna ta’ Glucona kif ġej:

“(297) Mill-1 ta’ April 1972 sal-15 ta’ Awwissu 1993, żewġ diretturi, rispettivament maħtura mill-kumpanniji parent, kienu jifformaw il-bord ta’ ġestjoni tas-soċjetà u kienu responsabbli konġuntament mid-deċiżjonijiet politiċi u mill-ġestjoni ta’ Glucona. Ir-rappreżentant ta’ Akzo kien inkarigat mill-bejgħ u mill-politika kummerċjali, filwaqt li dak ta’ Avebe kien inkarigat mill-produzzjoni u mill-attivitajiet ta’ riċerka u ta’ żvilupp. Glucona kellha wkoll bord ta’ sorveljanza, ikkostitwit minn żewġ rappreżentanti ta’ kull kumpannija parent. Il-kariga ta’ President tal-bord ta’ sorveljanza kien okkupat alternattivament minn rappreżentanti ta’ Akzo u ta’ Avebe.

(298)          Fil-15 ta’ Awwissu 1993, seħħet tibdila strutturali fid-direzzjoni ta’ Glucona, bil-ħatra ta’ Direttur Ġenerali wieħed biss. Uffiċjal eżekuttiv ta’ Avebe nħatar għal din il-kariga.

(299)          Jirriżulta mill-provi dokumentali li d-direttur maħtur minn Akzo kellu sehem importanti fil-ġestjoni ta’ Glucona sa Awwissu 1993. Matul il-perijodu in kwistjoni, Glucona kienet taqsam il-bini ta’ Akzo f'Amersfoort [l-Olanda]. Fid-dokumenti kollha ta' dak iż-żmien li jinsabu fil-pussess tal-Kummissjoni, il-membri ta’ l-akkordju jirreferu għal Glucona bl-isem ta’ ‘Akzo’. Minħabba n-natura tal-qasam ta’ responsabbiltà tagħhom (politika kummerċjali u bejgħ), ir-rappreżentanti ta’ Akzo fil-fatt ipparteċipaw b’mod aktar dirett fl-attivitajiet ta’ l-akkordju, għall-anqas sa Awwissu 1993. Minn dik id-data, uffiċjal eżekuttiv ta’ Avebe ġie maħtur Direttur Ġenerali ta’ Glucona u hemm provi li jindikaw li sussegwentement huwa ħa sehem attiv fl-attivitajiet ta’ l-akkordju. Għal dan l-iskop, il-predeċessur tiegħu tah l-informazzjoni neċessarja matul is-sajf ta' l-1993”.

34      Fil-premessa 300 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni ġabret fil-qosor l-evalwazzjoni li hija kienet għamlet fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet għal dak li jikkonċerna l-kwistjoni ta’ l-imputabbiltà tal-ksur lill-impriżi kkonċernati, kif ġej:

“Fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni ħabbret l-intenzjoni tagħha li tikkunsidra lil Akzo u Avebe bħala responsabbli konġuntament matul iż-żmien kollu li dam il-ksur. Fid-dawl ta’ l-istruttura tal-ġestjoni dupliċi stabbilita mill-kumpanniji parent, tas-sehem indaqs tagħhom fl-impriża komuni u tar-responsabbiltà maqsuma taż-żewġ kodiretturi, il-Kummissjoni kkunsidrat li kien hemm lok li jiġi preżunt li huma kienu eżerċitaw influwenza ugwali fuq l-imġiba ta’ l-impriża komuni u kienu rċevew l-istess informazzjoni dwar il-parteċipazzjoni ta’ Glucona fl-akkordju.”

35      Fil-premessi 301 sa 305 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni ġabret fil-qosor l-osservazzjonijiet ippreżentati f’dan ir-rigward minn Akzo u minn Avebe fir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet. B’mod partikolari, fil-premessa 301 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni nnutat dan li ġej:

“Fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, Akzo ma kkontestatx l-opinjoni tal-Kummissjoni u kkonfermat li Avebe kienet dejjem inżammet informata bil-parteċipazzjoni ta’ Glucona fl-akkordju fuq il-glukonat tas-sodju: ‘għalkemm huwa veru li r-rappreżentant ta’ Akzo fi ħdan il-bord ta’ ġestjoni kien inkarigat mill-politika kummerċjali u mill-bejgħ u dak ta’ Akzo mill-produzzjoni u mir-riċerka u żvilupp, Avebe madankollu kienet inżammet kostantement informata bil-ftehim antikompetittivi konklużi minn Glucona u kellha l-istess responsabbiltà fir-rigward ta' dawn il-ftehim’. Akzo żżid tgħid li ‘Avebe kienet għal kollox informata bil-ftehim antikompetittivi stabbiliti minn Glucona, anki jekk ma kinitx hija stess parti fil-ftehim kostituttiv ta’ l-akkordju qabel l-1993’”.

36      Fil-premessa 306 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni ammettiet “li, safejn kienet taf hi, Avebe qatt ma ħadet sehem personalment fil-laqgħat multilaterali ta’ l-akkordju qabel Ottubru 1999” u li “barra minn hekk, Akzo [kienet ikkonċediet] li ‘[Avebe] ma kinitx personalment parti fil-ftehim kostituttiv ta’ l-akkordju qabel l-1993’”. Madankollu l-Kummissjoni żiedet tgħid li “ma [kien] hemm ebda dubju li l-membri ta’ Avebe fi ħdan il-bord ta’ Glucona kienu jafu bil-prattiċi antikompetittivi ta’ din ta’ l-aħħar”.

37      Fil-premessi 307 u 308 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni stabbiliet l-elementi segwenti in sostenn ta’ din l-aħħar konklużjoni:

–        fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni l-fatt li, sax-xahar ta’ Awwissu 1993, iż-żewġ diretturi ta’ Glucona, li kienu ġew maħtura rispettivament minn Akzo u minn Avebe, kellhom ir-responsabbiltà konġunta tal-ġestjoni ta’ Glucona u li, permezz ta’ dawn iż-żewġ diretturi, Akzo u Avebe kienu jipparteċipaw b’mod ugwali fil-bordijiet ta’ ġestjoni u ta’ sorveljanza ta’ Glucona;

–        fit-tieni lok, il-Kummissjoni invokat nota miktuba fl-1 ta’ Mejju 1990 minn membru tad-direzzjoni ta’ Avebe rigward laqgħa miżmuma fit-30 ta’ April 1990 ma’ rappreżentanti ta’ ANC u ta’ ADM (iktar 'il quddiem in-“nota ta’ l-1 ta’ Mejju 1990”). Din in-nota kellha bħala suġġett “Taħdidiet ma’ ADM dwar il-glukonat tas-sodju” u kienet indirizzata lil bosta membri tad-direzzjoni ta’ Avebe, li fosthom il-membru li, dak iż-żmien, kien id-direttur ta’ Glucona maħtur minn Avebe. Il-Kummissjoni ddeduċiet mill-kontenut ta’ din in-nota “li Avebe ma setgħetx ma tkunx taf li Glucona kienet involuta f'azzjonijiet intiżi biex jikkontrollaw il-kompetizzjoni fis-suq”;

–        fit-tielet lok, il-Kummissjoni rrilevat li, meta, fil-15 ta’ Awwissu 1993, Avebe ħadet waħedha l-ġestjoni ta’ Glucona, “ir-rappreżentant ta’ Avebe ma ħa ebda miżura sabiex itemm, jew, għall-anqas, sabiex jopponi l-prattiċi antikompetittivi li dak iż-żmien il-kumpannija kienet totalment informata bihom”, imma li, bil-kontra, “Avebe assigurat il-kontinwità [tagħhom] u daħlet metodikament minflok Akzo, billi talbet li tiġi informata b’mod preċiż bis-sitwazzjoni ta’ l-akkordju”.

38      Fl-aħħar nett, il-premessa 309 tad-Deċiżjoni taqra kif ġej:

“Fid-dawl tal-premessi preċedenti, il-Kummissjoni tqis li ż-żewġ kumpanniji parent għandhom jinżammu responsabbli għall-imġiba antikompetittiva tas-sussidjarja tagħhom matul il-perijodu kollu kkonċernat u għalhekk huma destinatarji ta’ din id-Deċiżjoni.”

B –  Fuq il-ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni

39      Avebe tirrileva li, minn naħa, fil-premessa 306 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni affermat li “ma [kien] hemm ebda dubju li l-membri ta’ Avebe fi ħdan il-bord ta’ Glucona kienu jafu bil-prattiċi antikompetittivi ta’ din ta’ l-aħħar”. Min-naħa l-oħra, hija tafferma li, fil-premessa 308 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni nnutat li, meta, fil-15 ta’ Awwissu 1993, wieħed mill-membri tal-persunal tagħha nħatar direttur bir-responsabbiltà sħiħa tal-ġestjoni ta’ Glucona, huwa kien ġie informat bl-eżistenza tal-ftehim minn membru ta’ Akzo li, sa dak iż-żmien, kien responsabbli tal-ġestjoni ta’ Glucona. Minn dan jirriżulta, skond Avebe, li l-motivazzjoni tad-Deċiżjoni fuq il-kwistjoni jekk hija kinitx informata bl-akkordju qabel il-15 ta’ Awwissu 1993 hija kontradittorja jew, għall-anqas, inkompleta.

40      Il-Kummissjoni tikkontesta l-allegazzjoni li, għal dak li jikkonċerna l-kwistjoni jekk Avebe kinitx informata bl-akkordju qabel il-15 ta’ Awwissu 1993, il-motivazzjoni li tinsab fid-Deċiżjoni hija kontradittorja jew insuffiċjenti.

41      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li l-motivazzjoni mitluba mill-Artikolu 253 KE għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament ta’ l-awtorità Komunitarja, awtriċi ta’ l-att ikkontestat, b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C-367/95 P, Ġabra p. I-1719, punt 63, u tat-30 ta’ Settembru 2003, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-301/96, Ġabra p. I-9919, punt 87; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Novembru 2002, Lagardère u Canal+ vs Il-Kummissjoni, T-251/00, Ġabra p. II-4825, punt 155).

42      Għandu mill-ewwel jiġi kkunsidrat li l-ilment ta’ Avebe bbażat fuq l-eżistenza ta’ kontradizzjoni bejn il-premessi 306 u 308 tad-Deċiżjoni (ara, inkwantu għal dawn ta’ l-aħħar, punti 36 u 37 hawn fuq) jistrieħ fuq qari inkomplet tad-Deċiżjoni. Fil-fatt, fil-premessa 308 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni ma indikatx, minkejja dak li jidher li ssuġġeriet Avebe, li, fil-15 ta’ Awwissu 1993, id-direttur ġdid ta’ Glucona kien ġie informat għall-ewwel darba bl-eżistenza ta’ l-akkordju, li fil-fatt kien ikun f’kontradizzjoni mal-premessa 306 tad-Deċiżjoni, li fiha l-Kummissjoni affermat li l-membri ta’ Avebe fi ħdan il-bord ta’ Glucona kienu jafu bil-prattiċi antikompetittivi ta’ din ta’ l-aħħar. Min-naħa l-oħra, jirriżulta mill-premessa 308 tad-Deċiżjoni li, f’dik id-data, ir-rappreżentant ta’ Avebe inkwantu direttur ġdid ta’ Glucona, talab li jiġi informat “bi preċiżjoni bis-sitwazzjoni ta’ l-akkordju”.

43      Sussegwentement, safejn Avebe takkuża lill-Kummissjoni li mmotivat id-Deċiżjoni tagħha insuffiċjentement fir-rigward tal-kwistjoni jekk hija kinitx informata bl-akkordju qabel il-15 ta’ Awwissu 1993, jirriżulta mill-premessi 296 et seq. tad-Deċiżjoni (ara wkoll il-punti 32 sa 38 hawn fuq) li l-Kummissjoni qieset li Avebe bilfors kienet taf bl-imġiba antikompetittiva tas-sussidjarja tagħha, peress li, sa Awwissu 1993, iż-żewġ kodiretturi ta’ Glucona kienu responsabbli konġuntament mill-ġestjoni tagħha u peress li Akzo u Avebe kienu jipparteċipaw b’mod strettament ugwali fil-bordijiet ta’ ġestjoni u ta’ sorveljanza ta’ Glucona (premessa 307 tad-Deċiżjoni). Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat li hija kkunsidrat li l-pożizzjoni tagħha kienet korroborata mill-kontenut tan-nota ta’ l-1 ta’ Mejju 1990 kif ukoll mill-fatt li, wara li ħa r-responsabbiltà sħiħa tal-ġestjoni ta’ Glucona fil-15 ta’ Awwissu 1993, ir-rappreżentant ta’ Avebe ma ħa ebda miżura sabiex itemm jew, għall-anqas, sabiex jopponi l-prattiċi antikompetittivi li Avebe kienet totalment informata bihom, imma bil-kontra assigura l-kontinwità tagħhom u daħal metodikament minflok Akzo, billi talab li jiġi informat bi preċiżjoni bis-sitwazzjoni ta’ l-akkordju (premessi 307 u 308 tad-Deċiżjoni).

44      Minn dan isegwi li mill-premessi tad-Deċiżjoni jirriżulta suffiċjentment li, sabiex tikkonkludi li l-ksur seta’ jiġi imputat lil Avebe, il-Kummissjoni, minn naħa, ibbażat ruħha fuq l-istruttura legali ta’ Glucona u, min-naħa l-oħra, fuq id-diversi aspetti fattwali li jikkonċernaw ir-relazzjonijiet bejn il-kumpanniji parent, Akzo u Avebe, u l-impriża komuni tagħhom, Glucona.

45      Konsegwentement, il-motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi miċħud.

C –  Fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża

1.     Rimarki introduttivi

46      Dan il-motiv jinkludi żewġ partijiet. Minn naħa, Avebe takkuża lill-Kummissjoni li ħadet in kunsiderazzjoni dikjarazzjoni li Akzo kienet għamlet fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet (iktar 'il quddiem id-“dikjarazzjoni ta’ Akzo”) mingħajr ma ppermettiet lil Akzo li tieħu pożizzjoni fuq din id-dikjarazzjoni, u b’hekk kisret id-drittijiet ta’ difiża tagħha. Min-naħa l-oħra, Avebe takkuża lill-Kummissjoni li ma ħaditx il-miżuri neċessarji sabiex tikseb kopja ta’ dikjarazzjoni li rappreżentant ta’ Akzo kien għamel quddiem id-Department of Justice ta’ l-Istati Uniti (iktar 'il quddiem l-“allegata dikjarazzjoni ta’ Akzo quddiem l-awtoritajiet Amerikani”).

2.     Fuq id-dikjarazzjoni ta’ Akzo

47      Akzo tosserva li jirriżulta mill-premessi 301 u 309 tad-Deċiżjoni (ara punti 35 u 38 hawn fuq) li, sabiex tikkonkludi li Avebe kienet taf bl-akkordju qabel l-1993, il-Kummissjoni qagħdet fuq id-dikjarazzjoni ta’ Akzo. Madankollu, Avebe ssostni li l-Kummissjoni ma qegħdithiex f'pożizzjoni, matul il-proċedura amministrattiva, li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fuq id-dikjarazzjoni ta’ Akzo. Għaldaqstant, skond Avebe, il-Kummissjoni ma setgħetx, mingħajr ma tikser id-drittijiet tad-difiża tagħha, toqgħod fuq din id-dikjarazzjoni sabiex turi li Avebe kienet taf bl-akkordju qabel l-1993.

48      Il-Kummissjoni ssostni li hija qatt ma użat id-dikjarazzjoni ta’ Akzo, riprodotta fil-premessa 301 tad-Deċiżjoni, bħala prova kontra Avebe imma li hija rriproduċietha biss fil-kuntest tas-sommarju tagħha ta’ l-argumenti tal-partijiet.

49      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju u għandu jiġi osservat fiċ-ċirkustanzi kollha, b’mod partikolari f’kull proċedura li tista’ twassal għal pieni, anki jekk din tirrigwarda proċedura amministrattiva. Hija teżiġi li l-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi kkonċernati jitqiegħdu f'pożizzjoni, sa mill-istadju tal-proċedura amministrattiva, li jippreżentaw b'mod effettiv l-opinjoni tagħhom fuq ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti, ilmenti u ċirkustanzi allegati mill-Kummissjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Frar 1979, Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, 85/76, Ġabra p. 461, punt 11, u tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-10 ta’ Marzu 1992, Shell vs Il-Kummissjoni, T-11/89, Ġabra p. II-757, punt 39, ikkonfermata fuq appell permezz tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999).

50      Għandu jiġi mfakkar ukoll li, jekk il-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li tibbaża ruħha fuq silta minn risposta għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet jew fuq dokument anness ma’ tali risposta sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur fi proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81(1) KE, il-partijiet l-oħra involuti f’din il-proċedura għandhom jitqiegħdu f'pożizzjoni li jippronunzjaw ruħhom fuq tali element ta’ prova. F’tali ċirkustanzi, is-silta in kwistjoni minn risposta għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet jew id-dokument anness ma’ din ir-risposta fil-fatt jikkostitwixxi prova inkriminanti kontra d-diversi partijiet li jkunu involuti fil-ksur (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, T-25/95, T-26/95, T-30/95, T-31/95, T-32/95, T-34/95, T-35/95, T-36/95, T-37/95, T-38/95, T-39/95, T-42/95, T-43/95, T-44/95, T-45/95, T-46/95, T-48/95, T-50/95, T-51/95, T-52/95, T-53/95, T-54/95, T-55/95, T-56/95, T-57/95, T-58/95, T-59/95, T-60/95, T-61/95, T-62/95, T-63/95, T-64/95, T-65/95, T-68/95, T-69/95, T-70/95, T-71/95, T-87/95, T-88/95, T-103/95 u T-104/95, Ġabra p. II-491, punt 386, u l-ġurisprudenza ċċitata fiha).

51      Dawn il-prinċipji japplikaw ukoll meta l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq silta minn risposta għal dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet sabiex timputa ksur lil impriża.

52      Huwa obbligu ta’ l-impriża kkonċernata li tipprova li r-riżultat li l-Kummissjoni waslet għalih fid-deċiżjoni tagħha kien ikun differenti li kieku kellu jiġi eskluż bħala mezz ta’ prova inkriminanti dokument mhux ikkomunikat li fuqu l-Kummissjoni bbażat ruħha sabiex tikkonstata li din l-impriża wettqet ksur (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, Ġabra p. I-123, punti 71 sa 73).

53      F’dan il-każ, jirriżulta mill-premessi 296 sa 309 tad-Deċiżjoni li l-Kummissjoni bniet l-analiża tagħha kif ġej: fil-premessi 297 sa 299, hija ddeskriviet l-organizzazzjoni ta’ Glucona; fil-premessa 300, hija fakkret il-konklużjoni preliminari tagħha, imsemmija fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, fir-rigward tal-kwistjoni ta’ l-imputabbiltà tal-ksur lill-impriżi kkonċernati; fil-premessi 301 sa 305, hija ġabret fil-qosor l-osservazzjonijiet ifformulati f’dan ir-rigward mill-imsemmija impriżi; fl-aħħar nett, fil-premessi 306 sa 309, hija wettqet l-evalwazzjoni ġuridika tagħha (ara, fil-qosor, punti 32 sa 38 hawn fuq).

54      Il-Kummissjoni ċċitat id-dikjarjazzjoni ta’ Akzo, invokata minn Avebe, fil-premessa 301 tad-Deċiżjoni, jiġifieri fil-parti tad-Deċiżjoni li tippreżenta fil-qosor l-osservazzjonijiet ifformulati minn dawn l-impriżi fir-rigward tal-konklużjoni preliminari tagħha li tinsab fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet f'dak li għandu x'jaqsam mal-kwistjoni ta’ l-imputabbiltà tal-ksur lill-impriżi kkonċernati.

55      Avebe lanqas tallega li, fil-parti ta’ l-analiżi tagħha dwar l-evalwazzjoni ġuridika tar-relazzjonijiet li kienu jeżistu bejn Glucona u l-kumpanniji parent tagħha, Avebe u Akzo, il-Kummissjoni għamlet referenza għad-dikjarazzjoni ta’ Akzo.

56      Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li ssostni Akzo, il-Kummissjoni ma bbażatx ruħha fuq id-dikjarazzjoni ta’ Akzo. Għall-kuntrarju, fil-premessi 307 u 308 tad-Deċiżjoni (ara punti 36 u 37 hawn fuq), il-Kummissjoni invokat, minn naħa, l-istruttura legali ta’ Glucona u, min-naħa l-oħra, diversi aspetti fattwali li jikkonċernaw ir-relazzjonijiet bejn il-kumpanniji parent, Akzo u Avebe, u l-impriża komuni tagħhom, Glucona. Avebe ma tikkontestax li kellha aċċess għad-dokumenti invokati f'dan ir-rigward mill-Kummissjoni. Fejn fil-premessa 309 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni fformulat il-konklużjoni ta’ l-evalwazzjoni ġuridika tagħha permezz tal-kliem “Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti”, il-Kummissjoni għaldaqstant għamlet referenza biss, għal dak li jikkonċerna l-parteċipazzjoni ta’ Avebe, għall-premessi 307 u 308 tad-Deċiżjoni u mhux għall-premessa 301 tad-Deċiżjoni.

57      Għall-kompletezza, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li, anki jekk wieħed jikkunsidra li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq id-dikjarazzjoni ta’ Akzo, li mhuwiex il-każ, Avebe ma pprovatx, skond il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 52 hawn fuq, li r-riżultat li l-Kummissjoni kienet waslet għalih fid-Deċiżjoni kien ikun differenti li kieku din id-dikjarazzjoni ta’ Akzo kellha tiġi eskluża bħala mezz ta’ prova sabiex jiġi kkonstatat li Avebe wettqet ksur.

58      Konsegwentement, l-ewwel parti tal-motiv dwar id-dikjarazzjoni ta’ Akzo hija bbażata fuq premessa żbaljata u għaldaqstant ma tistax tiġi milqugħa.

3.     Fuq l-allegata dikjarazzjoni ta’ rappreżentant ta’ Akzo quddiem l-awtoritajiet Amerikani

a)     L-argumenti tal-partijiet

59      Fir-replika tagħha, Avebe ssostni li, meta ġie interrogat mid-Department of Justice ta’ l-Istati Uniti fil-kuntest tal-proċedura li ttieħdet fl-Istati Uniti b’relazzjoni għall-akkordju, rappreżentant ta’ Akzo ddikjara li Avebe ma kinitx ġiet informata bl-akkordju qabel il-15 ta’ Awwissu 1993. Avebe tqis li kienet informat lill-Kummissjoni bl-eżistenza ta’ din l-allegata dikjarazzjoni matul il-proċedura amministrattiva. Issa skond Avebe, minħabba l-fatt li hija stess ma setgħetx tikseb kopja ta’ din id-dikjarazzjoni sabiex tkun tista’ tissottomettiha lill-Kummissjoni, u billi din id-dikjarazzjoni setgħet tikkostitwixxi prova liberatorja għal Avebe, il-Kummissjoni kien imissha kisbet kopja tagħha mingħand l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Uniti. Wara mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Avebe spjegat li hija ma kinitx espressament talbet lill-Kummissjoni sabiex tikseb dan id-dokument, peress li hija ma kinitx għadha taf, f’dak il-mument, li l-Kummissjoni kienet ser tibbaża ruħha fuq id-dikjarazzjoni ta’ Akzo, eżaminata fil-punti 49 sa 58 hawn fuq. Fil-fatt, kien biss fid-Deċiżjoni li hija kienet iffaċċjata bid-dikjarazzjoni ta’ Akzo li tmur kontra dak li jingħad fl-allegata dikjarazzjoni ta’ Akzo quddiem l-awtoritajiet Amerikani.

60      Skond il-Kummissjoni, din il-parti tal-motiv ma tqajmitx fir-rikors u għaldaqstant għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli. F’kull każ, il-Kummissjoni tqis li din il-parti tal-motiv mhijiex fondata.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 Fuq l-ammissibbiltà

61      Skond l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, ebda motiv ġdid ma jista’ jiġi ppreżentat matul il-kawża sakemm dan il-motiv ma jkunx ibbażat fuq elementi ta’ fatt u ta’ dritt li joħorġu matul il-proċedura. Madankollu, motiv li jikkostitwixxi amplifikazzjoni ta’ motiv imsemmi qabel, direttament jew impliċitament, fir-rikors promotur tal-kawża u li huwa marbut strettament ma' dan il-motiv, għandu jiġi ddikjarat ammissibbli. L-istess japplika għal osservazzjoni mressqa in sostenn ta’ motiv (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Marzu 2002, Joynson vs Il-Kummissjoni, T-231/99, Ġabra p. II-2085, punt 156).

62      F’dan il-każ, huwa biss fl-istadju tar-replika li Avebe qajmet, bħala motiv ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża, l-eżistenza ta' l-allegata dikjarazzjoni ta’ Akzo quddiem l-awtoritajiet Amerikani.

63      Min-naħa l-oħra, fil-kuntest ta’ motiv ieħor, Avebe kienet diġà essenzjalment invokat dan l-istess ilment fir-rikors tagħha (ara punt 59 hawn fuq). Fil-fatt, hija kienet qajmet dan l-argument fir-rikors tagħha, anki jekk, formalment, hija kienet għamlet dan biss fil-parti tar-rikors tagħha relattiva għall-motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 81 KE u ta’ l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17.

64      Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, hija ma qajmitx motiv ġdid fir-replika, imma invokat biss l-istess ilment, din id-darba formalment ippreżentat fil-parti ta’ din in-nota ddedikata għall-ksur tad-drittijiet tad-difiża.

65      Konsegwentement, din il-parti tal-motiv għandha tiġi eżaminata fil-mertu.

 Fuq il-mertu

66      Għandu jiġi mfakkar li, fir-rigward tad-dokumenti favur id-difiża, il-ġurisprudenza enfasizzat li, fil-kuntest tal-proċedura kontradittorja stabbilita bir-regolamenti li jimplementaw l-Artikoli 81 KE u 82 KE, mhijiex biss il-Kummissjoni li għandha tiddeċiedi liema huma d-dokumenti utli għad-difiża ta’ l-impriżi involuti fi proċedura ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ Ġunju 1995, Solvay vs Il-Kummissjoni, T-30/91, Ġabra p. II-1775, punt 81). B’mod partikolari, fid-dawl tal-prinċipju ġenerali ta’ l-ugwaljanza ta’ l-armi (equality of arms), mhuwiex aċċettabbli li l-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi waħedha jekk tużax xi dokumenti kontra r-rikorrenti jew le, meta r-rikorrenti ma kellhiex aċċess għalihom u għalhekk ma setgħetx tieħu d-deċiżjoni korrispettiva li tużahom jew le għad-difiża tagħha (sentenza Solvay vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 83, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ Ġunju 1995, ICI vs Il-Kummissjoni, T-36/91, Ġabra p. II-1847, punt 111).

67      Skond il-ġurisprudenza, meta jiġri li, matul il-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni ma tkunx ikkomunikat lir-rikorrenti dokumenti li seta' jkun fihom provi favur id-difiża, jista' jiġi kkonstatat ksur tad-drittijiet tad-difiża biss jekk jiġi stabbilit li l-proċedura amministrattiva setgħet twassal għal riżultat differenti li kieku r-rikorrenti kellha aċċess għad-dokumenti in kwistjoni matul din il-proċedura (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Diċembru 1991, Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, T-7/89, Ġabra p. II-1711, punt 56, u s-sentenza Solvay vs Il-Kummissjoni, punt 66 iktar 'il fuq, punt 98). Meta l-imsemmija dokumenti jinsabu fil-proċess ta’ l-istruttorja tal-Kummissjoni, tali ksur tad-drittijiet tad-difiża huwa indipendenti mill-imġiba ta’ l-impriża kkonċernata matul il-proċedura amministrattiva (sentenza Solvay vs Il-Kummissjoni, punt 66 iktar 'il fuq, punt 96). Min-naħa l-oħra, meta d-dokumenti favur id-difiża ma jkunux jinsabu fil-proċess ta’ l-istruttorja tal-Kummissjoni, jista' jiġi kkonstatat ksur tad-drittijiet tad-difiża biss jekk ir-rikorrenti tkun ippreżentat talba espressa lill-kummissjoni għal aċċess għal dawn id-dokumenti matul il-proċedura amministrattiva, billi fin-nuqqas ma jkunx aktar possibbli li tinvoka dan l-ilment f'każ li tressaq rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni definittiva (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, punt 50 iktar 'il fuq, punt 383, u tat-30 ta’ Settembru 2003, Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, T-191/98, T-212/98 sa T-214/98, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra p. II-3275, punt 340).

68      F’dan il-każ, huwa paċifiku li, kif jirriżulta mill-premessa 300 tad-Deċiżjoni (ara punt 34 hawn fuq), fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni ħabbret l-intenzjoni tagħha li tikkunsidra lil Akzo u Avebe bħala responsabbli konġuntament matul iż-żmien kollu li dam il-ksur.

69      Bl-istess mod, jirriżulta mir-risposti tal-partijiet għal ċerti mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza li, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, Avebe kkontestat li kienet taf bl-akkordju qabel ix-xahar ta’ Awwissu 1993 filwaqt li enfasizzat li, fil-kuntest tal-proċedura fl-Istati Uniti, hija kienet irrikonoxxiet biss li kienet ħatja ta’ ksur għall-perijodu li jiġi wara din id-data. F’dan il-kuntest, f’nota f'qiegħ il-paġna tar-risposta għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, Avebe indikat li, “[s]afejn taf [hi] [...], [ir-rappreżentant ta’ Akzo] k[ien] ukoll iddikjara waqt seduti [li saru] fil-kuntest ta’ din il-proċedura li Avebe ma kinitx taf bl-akkordji ta’ kartell qabel ix-xahar ta’ Awwissu 1993”.

70      Minbarra dan, wara mistoqsijiet bil-miktub mill-Qorti tal-Prim’Istanza, Avebe ppreżentat skambju ta’ korrispondenza bejn il-konsulenti tagħha u s-servizzi tad-Department of Justice ta’ l-Istati Uniti fejn jirriżulta li, minn Lulju 2000, Avebe kienet ippruvat bosta drabi tikseb mingħand dawn is-servizzi kopja ta' l-allegata dikjarazzjoni ta’ Akzo quddiem l-awtoritajiet Amerikani. Avebe xtaqet tippreżentaha lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva. Madankollu, skond dan l-iskambju ta’ korrispondenza, dawn is-servizzi ċaħdu dawn it-talbiet billi indikaw li, jekk ikun il-każ, huma jkunu lesti li jipprovduhom lill-Kummissjoni li kieku kellha tagħmel tali talba.

71      F’tali sitwazzjoni, mingħajr mhuwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni kellhiex tieħu miżuri xierqa sabiex tikseb kopja ta' l-allegata dikjarazzjoni ta’ Akzo quddiem l-awtoritajiet Amerikani u anki jekk jitqies li hija kienet f'pożizzjoni li tagħmel dan, jibqa’ l-fatt li Avebe ma tistax takkuża lill-Kummissjoni li ma kinitx aġixxiet b’dan il-mod sabiex ikollha dokument li seta’ eventwalment jikkostitwixxi prova liberatorja għal Avebe.

72      Fil-fatt, kif indikat fil-punt 67 hawn fuq, wara r-risposti mogħtija mill-awtoritajiet Amerikani, Avebe kien imissha f’kull każ talbet espressament lill-Kummissjoni li tikseb dan id-dokument. Issa, kif jirriżulta mill-punt 69 hawn fuq, Avebe limitat ruħha li tagħmel allużjoni sempliċi u vaga għal din l-allegata dikjarazzjoni f’nota f'qiegħ il-paġna, ħaġa li ma tistax tiġi kkunsidrata bħala talba espressa fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata iktar 'il fuq.

73      Avebe tiżblaja meta tiġġustifika n-nuqqas ta’ talba espressa matul il-proċedura amministrattiva billi tinvoka ċ-ċirkustanza li kien biss fid-Deċiżjoni li hija kienet ġiet iffaċċjata bid-dikjarazzjoni ta’ Akzo li tmur kontra dak li jingħad fl-allegata dikjarazzjoni ta’ Akzo quddiem l-awtoritajiet Amerikani. Fil-fatt, Avebe ma tikkontestax li diġà kien jirriżulta ċar mid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tikkunsidra Akzo u Avebe bħala responsabbli konġuntament matul iż-żmien kollu li dam il-ksur. Għalhekk Avebe kellha tkun taf li kien obbligu tagħha, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, li tressaq kull prova effettiva sabiex turi li hija ma kinitx taf bl-akkordju qabel ix-xahar ta’ Awwissu 1993. Bl-istess mod, jirriżulta mill-iskambju ta’ korrispondenza bejn il-konsulenti tagħha u s-servizzi tad-Department of Justice ta’ l-Istati Uniti, ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza minn Avebe, li l-konsulenti tagħha kienu jafu perfettament li, matul il-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni, Akzo setgħet issostni li Avebe kienet informata bl-akkordju matul iż-żmien kollu li dam għaddej. Minbarra dan, kif diġà ġie deċiż fil-punt 56 hawn fuq, il-Kummissjoni ma bbażatx ruħha fuq id-dikjarazzjoni ta’ Akzo, imma invokata biss fil-parti tad-Deċiżjoni tagħha relatata mal-ġabra fil-qosor ta’ l-argumenti tal-partijiet.

74      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, it-tieni parti ta’ dan il-motiv, relattiva għall-allegata dikjarazzjoni ta’ Akzo quddiem l-awtoritajiet Amerikani, għandha wkoll tiġi miċħuda.

75      Konsegwentement, il-motiv ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża għandu jiġi miċħud.

D –  Fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 81(1) KE u ta’ l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17

1.     Introduzzjoni

76      Avebe ssostni, prinċipalment, li l-Kummissjoni għamlet żbalji ta’ dritt meta imputat il-ksur għall-perijodu preċedenti għall-15 ta’ Awwissu 1993 lil Glucona u mhux lil Akzo. Sussidjarjament, Avebe ssostni li, anki jekk il-ksur seta’ validament jiġi imputat għal dan il-perijodu lil Glucona, hija ma setgħetx tiġi kkunsidrata responabbli għal din l-imġiba ta’ Glucona li tikkostitwixxi ksur.

2.     Safejn il-Kummissjoni ma setgħetx timputa lil Glucona l-ksur magħmul qabel il-15 ta’ Awwissu 1993

a)     Kunsiderazzjonijiet preliminari

77      Għandu jiġi eżaminat jekk, kif issostni Avebe, għal dak li jikkonċerna l-perijodu preċedenti għall-15 ta’ Awwissu 1993, il-ksur sarx mhux minn Glucona, l-impriża komuni tal-kumpanniji parent Akzo u Avebe, imma minn Akzo biss.

78      Avebe ma tikkontestax li Glucona kienet tikkostitwixxi impriża fis-sens tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni, għalkemm il-forma ġuridika tagħha ma tagħtihiex personalità ġuridika. Fil-fatt, skond ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tad-dritt tal-kompetizzjoni, il-kunċett ta’ impriża jinkludi kull entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus ġuridiku ta’ din l-entità u mill-mod kif hija ffinanzjata (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ April 1991, Höfner u Elser, C-41/90, Ġabra p. I-1979, punt 21, u tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Marzu 2000, Consiglio Nazionale degli Spedizionieri Doganali vs Il-Kummissjoni, T-513/93, Ġabra p. II-1807, punt 36).

79      Min-naħa l-oħra, Avebe tikkunsidra li, fiċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ dan il-każ, il-ksur twettaq, għar-rigward tal-perijodu preċedenti għall-15 ta’ Awwissu 1993, minn Akzo u mhux minn Glucona. Avebe tibbaża ruħha, f’dan ir-rigward, minn naħa, fuq id-dispożizzjonijiet tal-kuntratt ta' negozju konkluż fl-1972 bejn Akzo u Avebe, dwar il-ħolqien ta’ Glucona (iktar 'il quddiem il-“kuntratt ta' negozju ta’ l-1972”) u, min-naħa l-oħra, fuq diversi aspetti fattwali li jikkonċernaw ir-relazzjonijiet bejnha, Akzo u Glucona.

b)     Għal dak li jikkonċerna l-kuntratt ta' negozju ta’ l-1972

 L-argumenti tal-partijiet

80      Preliminarjament, Avebe tindika li, skond ftehim ta’ kooperazzjoni konkluż fl-1996 mal-kumpannija Noury & van der Lande dwar il-produzzjoni u l-bejgħ ta’ diversi prodotti, fosthom il-glukonat tas-sodju, hija kienet diġà ġiet inkarigata, b’mod partikolari, mill-produzzjoni ta’ dan il-prodott filwaqt li din il-kumpannija l-oħra kienet inkarigata, b’mod partikolari, mill-bejgħ ta’ dan il-prodott u għalhekk kienet responsabbli mill-imġiba fuq is-suq.

81      Avebe ssostni li, wara li Akzo ħadet il-kumpannija Noury & van der Lande, it-tqassim tar-rwoli baqa’, fis-sustanza, ma nbidilx sal-mument meta, fil-15 ta’ Awwissu 1993, Avebe ħadet f'idejha l-ġestjoni ta’ Glucona. Skond Avebe, jirriżulta mid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-kuntratt ta' negozju ta’ l-1972 li hija kienet inkarigata mill-produzzjoni filwaqt li Akzo kienet responsabbli mill-bejgħ tal-glukonat tas-sodju.

82      Fil-fatt, fl-ewwel lok, skond Avebe, jirriżulta mill-kuntratt ta' negozju ta’ l-1972 li Glucona kienet ġestita minn żewġ diretturi, wieħed ġej minn Akzo u l-ieħor minn Avebe, b’mod li dawn iż-żewġ diretturi kienu inkarigati mill-affarijiet li kienu jikkonċernaw l-aktar is-soċji rispettivi tagħhom, kellhom kuntatti separati magħhom u ftit li xejn kienu interessati, jew saħansitra bl-ebda mod ma kienu interessati, fl-affarijiet li kienu jaqgħu taħt il-kompetenza tad-direttur l-ieħor. Issa, skond il-kuntratt ta' negozju ta’ l-1972, il-bejgħ tal-glukonat tas-sodju kien fdat f'idejn Akzo li kienet tiddefinixxi u teżegwixxi l-politika ta’ Glucona f'dan il-qasam b’mod li Avebe ma kellhiex influwenza deċiżiva fuq l-imġiba ta’ Glucona fis-suq. Għall-kuntrarju, l-attivitajiet ta’ bejgħ eżerċitati minn Akzo għall-benefiċċju ta’ Glucona kienu integrati fl-organizzazzjoni tal-bejgħ ta’ Akzo, billi Glucona ma kellhiex organizzazzjoni tal-bejgħ tagħha stess.

83      Fit-tieni lok, skond Avebe, il-fatt li, skond il-kuntratt ta' negozju ta’ l-1972, Akzo kienet irċeviet kumpens għall-bejgħ tal-glukonat tas-sodju jindika li l-bejgħ ta’ dan il-prodott kien fir-realtà magħmul minn Akzo mingħajr l-intervent ta’ Glucona.

84      Fit-tielet lok, Avebe tikkunsidra li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, abbażi tal-kuntratt ta' negozju ta’ l-1972, Akzo ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala sempliċi aġent li kien jaġixxi biss f’isem Glucona. Hija tenfasizza li l-kuntratt ta' negozju ta’ l-1972 kien jipprovdi li seta' jiġi introdott tqassim tax-xogħol bejn il-membri, li fil-fatt kien dak li seħħ f’dan il-każ. Skond Avebe, Akzo ħadet f'idejha – ċertament, f’isem u għar-riskju ta’ Glucona, imma, mill-bqija, b’mod indipendenti u f’isimha stess – l-attivitajiet ta’ marketing u ta’ bejgħ tal-glukonat tas-sodju u dawn l-attivitajiet kienu jinsabu fi ħdan l-organizzazzjoni ta’ Akzo.

85      Avebe ssostni f’dan il-kuntest li l-fatt li Akzo kienet inkarigata mill-bejgħ f’isem u għar-riskju u periklu ta’ Glucona ma jfissirx neċessarjament li Glucona kellha tiġi kkunsidrata bħala l-impriża li wettqet il-ksur previst fl-Artikolu 81 KE. Sabiex jiġi stabbilit min f’dan il-każ kiser l-Artikolu 81 KE, fil-fatt m’għandux jiġi ddeterminat dak li f’ismu u għar-riskju u l-perikoli tiegħu twettqu l-operazzjonijiet, imma – essenzjalment – għandu jiġi identifikat dak li fil-fatt wettaq l-operazzjonijiet li abbażi tagħhom sar il-ksur.

86      Il-pożizzjoni sostnuta mill-Kummissjoni twassal sabiex il-mandanti ta’ aġent li jaġixxi għal bosta impriżi u li jwettaq ksur ta' l-Artikolu 81(1) KE jinżammu responsabbli għall-ksur magħmul minn dan l-aġent fl-eżerċizzju ta’ l-attivitajiet tiegħu. Skond Avebe, dan huwa l-każ meta l-mandant ikun qabbad lill-aġent sabiex iwettaq il-ksur jew meta l-mandant ikun jaf bl-imġiba ta’ l-aġent tiegħu u ma jordnalux li jtemm il-ksur. Madankollu, meta l-aġent iwettaq ksur mingħajr ma jkun jaf il-mandant tiegħu, il-ksur ma jistax jiġi imputat lilu. Issa, skond Avebe, il-Kummissjoni ma pprovatx li Glucona kienet tat mandat lil Akzo sabiex tieħu sehem fl-akkordju jew li Glucona bħala tali kienet taf bil-parteċipazzjoni ta’ Akzo fl-akkordju. Avebe żżid tgħid li l-fatt li wieħed mid-diretturi ta’ Glucona, jiġifieri dak ġej minn Akzo, kien informat bil-ksur mhuwiex biżżejjed sabiex dan il-ksur jiġi imputat lil Glucona, peress li dan id-direttur għamel dawn l-atti fil-kwalità tiegħu ta' membru tal-persunal ta’ Akzo inkarigat mill-bejgħ tal-prodotti ta’ Glucona.

87      Avebe tammetti li ma jistax jiġi sostnut, b’mod ġenerali, li ma jistgħux jittieħdu proċeduri kontra mandant abbażi ta’ l-imġiba ta’ aġent li għandu wkoll il-kwalità ta’ direttur ta’ dan il-mandant jew li jeżerċita funzjoni oħra ta’ direzzjoni fl-organizzazzjoni ta' dan il-mandant. Madankollu, f’dan il-każ, jeżistu raġunijiet li jiddistingwu l-funzjoni ta’ l-aġent, minn naħa, u dawk ta’ direttur fl-organizzazzjoni tal-mandant, min-naħa l-oħra. Fil-fatt, fl-ewwel lok, ir-raġunijiet biex jikkwalifikaw lil Akzo bħala aġent mhumiex ġejjin mill-ħsieb li tiġi evitata kull eventwali responsabbiltà għall-ksur għall-Artikolu 81 KE, imma huma relatati għall-fatt li Akzo diġà kellha organizzazzjoni ta’ bejgħ tal-glukonat tas-sodju, kif jirriżulta mill-kuntratt ta' negozju ta’ l-1972. Fit-tieni lok, f’dan il-każ, l-aġent, Akzo, huwa impriża kbira li membru tal-persunal tagħha kien jokkupa part time il-kariga ta’ direttur ta’ Glucona, imma li mill-bqija kien jeżerċita attivitajiet fil-kuntest ta’ l-organizzazzjoni ta’ l-impriża tiegħu stess.

88      Il-Kummissjoni titlob li l-argument ta’ Avebe jiġi miċħud.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

89      Fl-ewwel lok, jirriżulta mill-Artikolu 1 tal-kuntratt ta' negozju ta’ l-1972 li Avebe u Akzo ħolqu l-impriża komuni Glucona li kellha bħala skop “il-manifattura, il-bejgħ u t-tqegħid is-suq fl-interess komuni tagħhom” ta’ xi prodotti, fosthom il-glukonat tas-sodju.

90      Minbarra dan, skond l-Artikolu 5(1) tal-kuntratt ta' negozju ta’ l-1972, is-“soċji [ta’ Glucona kienu] awtorizzati konġuntament biss li jaġixxu u jiffirmaw f’isem il-kumpannija, li jorbtu lill-kumpannija ma’ terzi u lil terzi mal-kumpannija u li jirċievu u joħorġu fondi f’isem il-kumpannija”. Skond l-Artikolu 5(2) ta’ l-istess kuntratt, iż-żewġ membri, Akzo u Avebe, kellhom jinnominaw rispettivament żewġ rappreżentanti li “kellhom jeżerċitaw konġuntament is-setgħat imsemmija fil-paragrafu 1 għas-soċju kkonċernat, bla ħsara għad-dritt ta’ kull soċju li jeżerċita huwa stess dawn is-setgħat”. Dawn ir-rappreżentanti kellhom iżommu “kuntatti regolari bejniethom u jiddiskutu mad-diretturi [ta’ Glucona] dwar is-suġġetti kollha li jikkonċernaw il-kumpannija”. Skond l-Artikolu 5(3) tal-kuntratt ta' negozju ta’ l-1972, il-ġestjoni ta’ kuljum kienet taqa’ fuq żewġ diretturi, maħtura rispettivament minn Akzo u minn Avebe. Dawn id-diretturi kellhom jiddedikaw parti sostanzjali mill-ħin tagħhom għan-negozju ta’ Glucona. Huma kellhom “jaħdmu f’kollaborazzjoni stretta u [kienu] responsabbli konġuntament mill-politika segwita” u kellhom “jirrapportaw regolarment lir-rappreżentanti tagħhom dwar il-politika segwita u li jipprovdulhom kull informazzjoni rilevanti fuq dan is-suġġett”.

91      Fl-aħħar nett, fl-Artikolu 13(2) tal-kuntratt, kien speċifikat li, “[sakemm] iż-żewġ soċji ma jippreferux jagħżlu sistema oħra, [Glucona] [kienet qed] tafda l-bejgħ tal-prodotti tagħha lil [Akzo]” u kellha tirrimborża lil Akzo parti proporzjonali ta’ l-ispejjeż ta’ l-organizzazzjoni tal-bejgħ ta’ din ta’ l-aħħar fi proporzjon għaż-żmien iddedikat għall-bejgħ tal-prodotti ta’ Glucona.

92      Jirriżulta minn dawn id-dispożizzjonijiet tal-kuntratt ta' negozju ta’ l-1972 li, anki jekk in-negozju kurrenti relattiv għall-bejgħ tal-glukonat tas-sodju f’isem Glucona kienu “fdati” lil Akzo, Avebe ma tistax validament issostni li, sempliċement bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tal-kuntratt ta' negozju ta’ l-1972, il-ksur seta’ jiġi imputat biss lil Akzo għar-raġuni li hija biss kienet responsabbli tal-politika ta' kummerċjalizzazzjoni ta’ Glucona.

93      Fil-fatt, fid-dawl ta’ l-istruttura legali ta’ Glucona, Akzo u Avebe kienu jiddefinixxu l-politika ta’ Glucona konġuntament. Dan implika li, permezz tar-rappreżentanti tagħhom u tad-diretturi ta’ Glucona, Akzo u Avebe kienu jikkonsultaw bejniethom regolarment. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, skond il-kuntratt ta' negozju ta’ l-1972, Avebe kienet taf sewwa kemm bid-definizzjoni kif ukoll bl-eżekuzzjoni tal-politika ta' kummerċjalizzazzjoni tal-glukonat tas-sodju.

94      L-affermazzjonijiet ta’ Avebe li ż-żewġ diretturi kienu inkarigati fuq kollox, jew saħansitra esklużivament, mill-affarijiet li kienu jikkonċernaw fl-ewwel lok il-qasam attribwit lis-soċju rispettiv li kien innominahom, kellhom kuntatti separati magħhom u ftit li xejn kienu interessati, jew saħansitra bl-ebda mod ma kienu interessati, fl-affarijiet li kienu jaqgħu taħt il-kompetenza tad-direttur l-ieħor, mhumiex riflessi fid-dispożizzjonijiet tal-kuntratt ta' negozju, jew saħansitra jmorru, in parti, kontra dawn id-dispożizzjonijiet. Fil-fatt, kif għadu kif ġie enfasizzat, skond il-kuntratt ta' negozju ta’ l-1972, Akzo u Avebe kienu responsabbli konġuntament mid-definizzjoni tal-politika ta’ Glucona, li dwarha huma kellhom jikkonsultaw bejniethom regolarment permezz tar-rappreżentanti tagħhom u tad-diretturi ta’ Glucona.

95      Barra minn hekk, anki jekk, bħal ma ssostni Glucona, id-dispożizzjonijiet tal-kuntratt ta' negozju ta’ l-1972, b’mod partikolari l-Artikolu 13(2) u l-Artikolu 14(1) tiegħu, kellhom jiġu interpretati fis-sens li d-direttur maħtur minn Akzo kien jikkummerċjalizza l-glukonat tas-sodju fil-kwalità tiegħu ta' membru tal-persunal ta’ Akzo, inkarigat mill-bejgħ tal-prodotti ta’ Glucona, jibqa’ l-fatt li, fid-dawl tas-sitwazzjoni ġuridika maħluqa mill-kuntratt ta' negozju ta’ l-1972, l-aġir ta’ dan id-direttur, maħtur minn Akzo, kien imputabbli lil Glucona.

96      Konsegwentement, abbażi biss tad-dispożizzjonijiet tal-kuntratt ta' negozju ta’ l-1972, il-Kummissjoni, għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 KE, setgħet tikkunsidra, mingħajr ma tagħmel żball manifest, li l-membri tal-bord ta’ Glucona kollha kienu jafu bil-prattiċi antikompetittivi ta’ din ta’ l-aħħar.

97      F’tali sitwazzjoni, kienet Avebe li kellha l-obbligu li tipprova, matul il-proċedura amministrattiva, bl-għajnuna ta’ serje ta' provi li jikkostitwixxu sensiela ta’ indizji konverġenti u konvinċenti li, minkejja din is-sitwazzjoni legali, Akzo biss kienet taf dwar u kienet tiddetermina l-imġiba ta’ Glucona li tikkostitwixxi ksur.

c)     Għal dak li jikkonċerna diversi elementi fattwali

98      Avebe tinvoka sitt elementi fattwali sabiex tipprova li hija ma kinitx informata bl-eżistenza ta’ l-akkordju.

99      Fl-ewwel lok, Avebe tenfasizza li r-rappreżentanti tagħha qatt ma pparteċipaw fil-laqgħat ta’ l-akkordju qabel Ottubru 1993.

100    Il-Kummissjoni ma sostnietx argumenti speċifiċi fuq dan is-suġġett.

101    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li l-Kummissjoni ma tikkontestax dan il-fatt u li barra minn hekk hija kkonċediet l-eżistenza ta' dan il-fatt fil-premessa 306 tad-Deċiżjoni. Madankollu, fid-dawl tat-tqassim tax-xogħol previst fil-kuntratt ta' negozju ta’ l-1972, flimkien mal-klawżoli ta’ l-imsemmi kuntratt li jipprovdu għal awtorizzazzjoni konġunta tas-soċji u jiggarantixxu li kull soċju ta’ Glucona jkollu sehem u informazzjoni fir-rigward tal-attivitajiet imwettqa mill-parti l-oħra (ara punt 90 hawn fuq), dan il-fatt ma jippermettix li jiġi konkluż li r-rappreżentanti ta’ Avebe fi ħdan Glucona u, għaldaqstant, ta’ Avebe stess, ma setgħux ikunu informati bl-imġiba li tikkostitwixxi ksur.

102    Fit-tieni lok, Avebe tosserva li l-Kummissjoni ma setgħetx, fil-premessa 307 tad-Deċiżjoni, tibbaża ruħha fuq in-nota ta’ l-1 ta’ Mejju 1990. Hija fil-fatt tinvoka l-fatt li hija kienet diġà spjegat fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet li l-laqgħa li dwarha tittratta din in-nota assolutament ma kellhiex x’taqsam mal-laqgħat multilaterali ta’ l-akkordju u li din kienet saret fil-kuntest ta’ kooperazzjoni strutturali li kienet maħsuba ma’ ADM. Dawn id-diskussjonijiet ma kinux jidħlu fil-kuntest ta’ l-attivitajiet regolari ta’ bejgħ ta’ Glucona, imma kienu jirrigwardaw bidla ta’ natura strutturali tal-produzzjoni ta’ Glucona fl-Istati Uniti. Dan jispjega għaliex id-direttur ta’ Glucona maħtur minn Avebe kien preżenti għal dawn id-diskussjonijiet u għaliex Avebe kienet ukoll informata bl-istat tad-diskussjonijiet ma’ ADM, fil-kwalità tagħha ta' soċju ta’ Glucona.

103    Il-Kummissjoni tikkunsidra li jirriżulta min-nota ta’ l-1 ta’ Mejju 1990 li kienet Glucona – u mhux biss Akzo – li kienet tbigħ il-glukonat tas-sodju, li adottat imġiba f'dan is-suq, li pparteċipat fin-negozjati u li kienet ikkunsidrata bħala parteċipanti f'dan is-suq mill-membri l-oħra ta’ l-akkordju.

104    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li n-nota ta’ l-1 ta’ Mejju 1990 inkitbet minn membru tad-direzzjoni ta’ Avebe rigward laqgħa li seħħet fit-30 ta’ April 1990 ma’ rappreżentanti ta’ ANC u ta’ ADM. Jirriżulta minn din in-nota li, matul din il-laqgħa, il-parteċipanti ddiskutew it-tiġdid ta’ xi kuntratti ta’ provvista ta’ glukonat tas-sodju konklużi minn ADM.

105    Anki jekk wieħed iqis li din il-laqgħa ma kellha xejn x’taqsam mal-laqgħat multilaterali ta’ l-akkordju, imma li kienet saret, kif issostni Avebe, fil-kuntest ta’ kooperazzjoni strutturali maħsuba ma’ ADM, jibqa’ l-fatt li, kif isssotni ġustament il-Kummissjoni, din in-nota turi li Avebe kienet taf sewwa bil-kwistjonijiet tat-tqegħid fis-suq tal-glukonat tas-sodju minn Glucona. Barra minn hekk, din il-konklużjoni tinsab imsaħħa mill-eżistenza ta’ abbozz ta’ ftehim bejn Akzo, Avebe u ADM, li Avebe stess ippreżentat lill-Qorti tal-Prim’Istanza, u fejn jirriżulta li Avebe u Akzo kellhom flimkien jassiguraw it-tqegħid fis-suq tal-glukonat tas-sodju fl-Istati Uniti. Ma jidher imkien f’dan id-dokument li l-attivitajiet ta’ Avebe kienu ġew limitati għall-produzzjoni tal-glukonat tas-sodju u li Akzo biss kellha tkun inkarigata mit-tqegħid fis-suq ta’ dan il-prodott.

106    Konsegwentement, Avebe tiżbalja meta takkuża lill-Kummissjoni li invokat din in-nota bħala waħda mill-elementi fattwali li jindikaw li Avebe ma setgħetx ma tkunx taf li Glucona pparteċipat f'azzjonijiet antikompetittivi.

107    Fit-tielet lok, Avebe tikkunsidra li l-Kummissjoni żbaljat li, fil-premessa 308 tad-Deċiżjoni, invokat l-imġiba ta’ Avebe meta, fil-15 ta’ Awwissu 1993, hija ħadet waħedha l-ġestjoni ta’ Glucona, u minn dan iddeduċiet li Avebe kienet responsabbli għall-ksur imwettaq qabel din id-data. Tali raġunament ġie ċċensurat permezz tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, Mayr-Melnhof vs Il-Kummissjoni, T-347/94, Ġabra p. II-1751, punti 400 et seq.

108    Skond il-Kummissjoni, Avebe tiżbalja meta tinvoka s-sentenza Mayr-Melnhof vs Il-Kummissjoni, punt 107 iktar 'il fuq, minħabba li din is-sentenza kienet tikkonċerna sitwazzjoni differenti mis-sitwazzjoni f'dan il-każ. F’dan il-każ, hija invokat dan l-element, fost oħrajn, unikament sabiex turi li, sa minn qabel il-15 ta’ Awwissu 1993, Avebe kellha tkun taf li Glucona pparteċipat fl-akkordju.

109    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tinnota li, kif enfasizzat ġustament il-Kummissjoni, fis-sentenza Mayr-Melnhof vs Il-Kummissjoni, punt 107 iktar ‘il fuq, kien ġie deċiż li l-kumpannija Mayr-Melnhof setgħet biss tiġi ddikjarata responsabbli għall-imġiba ta’ waħda mis-sussidjarji tagħha mid-data li fiha kienet ħadet il-kontroll tagħha. Issa f’dan il-każ, fid-dawl tal-konnessjonijiet legali ta’ proprjetà u ta’ kontroll stabbiliti sa mill-ħolqien ta’ Glucona, ma kienx hemm kwistjoni dwar jekk Avebe kellhiex tiġi kkunsidrata responsabbli għal atti li kienet wettqet kumpannija f’mument meta Avebe ma kinitx teżerċita kontroll fuqha. Konsegwentement, Avebe ma tistax validament tinvoka din is-sentenza għas-sostenn ta’ l-argument tagħha.

110    Billi dan huwa l-każ, anki jekk, meħuda individwalment, l-imġiba ta’ Avebe mhijiex biżżejjed sabiex turi li, meta fil-15 ta’ Awwissu 1993, hija ħadet waħedha l-ġestjoni ta’ Glucona, hija kienet taf, sa minn qabel din id-data, li Glucona kienet ipparteċipat f'dan l-akkordju, jibqa’ l-fatt li l-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li ma ħaditx in kunsiderazzjoni dan l-element fid-dawl ta’ elementi oħra partikolarment plawżibbli, fosthom ir-responsabbiltà konġunta taż-żewġ kodiretturi ta’Glucona (ara premessa 307 tad-Deċiżjoni u punti 90 sa 96 hawn fuq), sabiex tikkorrabora l-pożizzjoni tagħha.

111    Fir-raba’ lok, Avebe ssostni li, fir-rendikonti tal-laqgħat li saru fi ħdan Glucona, xejn ma jissemma fuq l-eżistenza ta’ l-akkordju. Għaldaqstant, l-entitajiet ta’ Glucona la kienu approvaw l-imġiba ta’ Akzo espressament u lanqas taċitament, minħabba li huma kellhomx konoxxenza tagħha.

112    Skond il-Kummissjoni, jirriżulta minn dawn ir-rendikonti li s-suġġetti li ġew ikkunsidrati matul il-laqgħat kienu jikkonċernaw is-sensiela sħiħa ta’ l-attivitajiet ta’ Glucona.

113    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li l-fatt li ma jissemma xejn bil-miktub dwar l-eżistenza ta’ l-akkordju fir-rendikonti tal-laqgħat li saru fi ħdan Glucona mhuwiex, fid-dawl tan-natura sigrieta ta’ l-akkordju, argument rilevanti sabiex juri li Avebe ma kinitx jew ma setgħetx tkun informata b’dan l-akkordju, jew, inqas u inqas, li l-entitajiet ta’ Glucona ma kinux espressament jew impliċitament approvaw l-imġiba antikompetittiva.

114    Għalhekk, kif issollevat ġustament mill-Kummissjoni, jirriżulta minn bosta rendikonti li Avebe inżammet informata, xi drabi fid-dettall, bil-parti kummerċjali ta’ l-attivitajiet ta’ Glucona, kif jirriżulta mir-rapporti tal-laqgħat tat-8 ta’ Ottubru 1991, l-14 ta’ April u l-10 ta’ Diċembru 1992, u tat-2 ta’ Settembru 1993. Bħala eżempju, għandu jiġi nnutat li, fir-rendikont tal-laqgħa ta’ l-10 ta’ Diċembru 1992, wieħed jista’ jaqra fil-punt 8:

“Il-volum tal-baġit tal-glukonat tas-sodju għal 1993 huwa ħafna inqas sinjifikattiv minn qabel, minħabba l-forzi tas-suq (ADM). Anki jekk il-volum huwa inqas sinjifikattiv, huma mistennija prezzijiet aħjar. Minbarra dan, ser jintalbu rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni aktar għolja. Dan huwa dovut għan-natura indebolita tal-materji primi tagħna. L-enfasi ser tkun fuq l-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi barra l-KE. Għall-ewwel darba, minn bosta snin ilu 'l hawn, il-marġni gross tal-glukonat tas-sodju seta’ jilħaq il-limitu tiegħu ta’ profitabbiltà. Madankollu, dan huwa parzjalment dovut għal ristrutturazzjoni ta’ l-ispejjeż fissi [...]”.

115    Minn dan jirriżulta li s-suġġetti kkunsidrati matul dawn il-laqgħat kienu jikkonċernaw is-sensiela sħiħa ta’ l-attivitajiet ta’ Glucona u b’mod partikolari temi bħall-istrateġija kummerċjali, l-evoluzzjoni tas-suq u l-politika tal-prezzijiet u ta’ l-ishma fis-suq. Issa fid-dawl tan-natura essenzjali ta’ l-akkordju għad-definizzjoni tal-possibbiltajiet ta' aġir fis-suq tal-glukonat tas-sodju, jidher totalment eskluż li dawn it-temi setgħu jiġu ttrattati mingħajr ma tissemma l-eżistenza ta’ l-akkordju u l-parametri tiegħu.

116    Konsegwentement, Avebe lanqas ma tista' validament tinvoka r-rendikonti tal-laqgħat ta’ Glocona in sostenn ta’ l-argument tagħha.

117    Fil-ħames lok, Avebe tqajjem il-fatt li l-imsieħba kummerċjali u l-kompetituri ta’ Glucona kienu dejjem jidentifikaw lil Glucona ma’ Akzo u qatt ma’ Avebe, li Akzo użat, fil-korrispondenza tagħha mal-klijenti, karti ta’ l-ittri bl-isem ta’ Akzo u mhux ta’ l-Glucona, u li l-fatturazzjoni u l-ħlasijiet kienu jseħħu permezz ta' Akzo.

118    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

119    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata fl-ewwel lok li l-argument ta’ Avebe huwa kontradett mill-abbozz ta’ ftehim, imsemmi fil-punt 105 hawn fuq, li jindika bħala msieħba kummerċjali potenzjali ta’ ADM għat-tqegħid fis-suq tal-glukonat tas-sodju fl-Istati Uniti mhux biss lil Akzo, imma wkoll lil Avebe. F’kull każ, anki jekk wieħed jikkunsidra li jiġi pprovat li l-imsieħba u kompetituri ta’ Glucona kienu dejjem jidentifikaw lil Glucona ma' Akzo, jibqa’ l-fatt li dan il-fatt jikkonċerna biss ir-relazzjonijiet esterni ta’ Glucona u l-perċezzjoni ta' Glucona minn terzi. Min-naħa l-oħra, hija b’ebda mod ma tikkonċerna l-kwistjoni jekk, fid-dawl ta’ l-istruttura interna ta’ l-organizzazzjoni ta’ Glucona, Avebe kinitx jew kellhiex tkun informata bl-imġiba ta’ Glucona fis-suq tal-glukonat tas-sodju li tikkostitwixxi ksur.

120    Konsegwentement, Avebe lanqas ma tista' tinvoka dawn iċ-ċirkustanzi għas-sostenn ta’ l-argument tagħha.

121    Fis-sitt u l-aħħar lok, Avebe ssostni li d-direttur maħtur minn Akzo kellu l-uffiċċju tiegħu f’Amsersfoort (l-Olanda), fil-bini ta’ Akzo, filwaqt li d-direttur maħtur minn Avebe kien jieħu ħsieb, hemmhekk, l-amministrazzjoni tal-fabbriki ta’ Avebe f’Ter Apelkanaal (l-Olanda) u dawn iż-żewġ postijiet kienu madwar 200 kilometru 'l bogħod minn xulxin. Minbarra dan, hija ssostni li l-produzzjoni u l-bejgħ tal-glukonat tas-sodju kien jirrappreżenta biss parti minima mill-attivitajiet kollha kemm ta’ Avebe kif ukoll ta’ Akzo.

122    Il-Kummissjoni ma ressqitx argumenti speċifiċi fuq dan is-suġġett.

123    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar f’dan il-kuntest li l-kuntratt ta' negozju ta’ l-1972 kien jipprovdi espliċitament għal konsultazzjoni stretta tad-diretturi fuq il-kwistjonijiet kollha li jikkonċernaw l-impriża komuni. Minbarra dan, kif indikat fil-punt 115 hawn fuq, jirriżulta mir-rendikonti tal-laqgħat ta’ Glucona li s-suġġetti kkunsidrati matul dawn il-laqgħat kienu jikkonċernaw is-sensiela sħiħa ta’ attivitajiet ta’ Glucona u b’mod partikolari temi bħall-istrateġija kummerċjali, l-evoluzzjoni tas-suq u l-politika tal-prezzijiet u ta' l-ishma fis-suq. Konsegwentement, id-distanza ġeografika bejn Akzo u Avebe ma tikkostitwixxix argument konvinċenti sabiex jiġi sostnut li d-direttur maħtur minn Akzo ma kienx jaf bl-imġiba antikompetittiva.

124    Il-fatt, invokat minn Avebe, li l-produzzjoni u l-bejgħ tal-glukonat tas-sodju kien jirrappreżenta biss parti minima mill-attivitajiet kollha kemm ta’ Avebe kif ukoll ta’ Akzo lanqas mhuwa rilevanti. Fil-fatt, it-twaqqif ta’ Glucona kellu jservi għall-manifattura, għall-bejgħ u għat-tqegħid fis-suq in komuni ta’ xi prodotti, fosthom il-glukonat tas-sodju, attivitajiet li għalihom, skond il-kuntratt ta' negozju ta’ l-1972, id-diretturi ta’ Glucona kellhom jiddedikaw parti sostanzjali mill-ħin tax-xogħol tagħhom.

125    Konsegwentement, Avebe tiżbalja li tinvoka dawn iċ-ċirkustanzi in sostenn ta’ l-argument tagħha.

126    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, il-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li d-diversi elementi fattwali invokati minn Avebe ma kinux jippermettu li jiġi konkluż li, minkejja ċ-ċarezza tal-kuntest ġuridiku li jirregola l-istruttura ta’ l-impriża komuni u t-tqassim tar-responsabbiltajiet tas-soċji tagħha, Avebe ma kinitx taf bid-definizzjoni u bl-implementazzjoni tal-politika ta' tqegħid fis-suq tal-glukonat tas-sodju u, għaldaqstant, ma kinitx, jew ma setgħetx tkun, informata bl-imġiba antikompetittiva ta’ Glucona.

127    Konsegwentement, il-Kummissjoni setgħet validament tikkunsidra li l-ksur twettaq minn Glucona.

3.     Safejn il-Kummissjoni ma setgħetx timputa l-ksur imwettaq minn Glucona lil Avebe

a)     L-argumenti tal-partijiet

128    Avebe fis-sustanza ssostni li, anki jekk wieħed jikkunsidra li għandu jiġi konkluż li l-imġiba antikompettiva twettqet minn Glucona u mhux minn Akzo, il-Kummissjoni f'ebda każ ma setgħet timputa din l-imġiba lil Avebe.

129    F’dan il-kuntest, Avebe ssostni li, skond ġurisprudenza stabbilita, il-fatt li s-sussidjarja għandha personalità legali mhuwiex biżżejjed sabiex tiġi eskluża l-possibbiltà li l-imġiba tagħha tiġi imputata lill-kumpannija parent, b’mod partikolari meta s-sussidjarja ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-imġiba tagħha fis-suq, imma essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet li jingħatawlha mill-kumpannija parent (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, C-286/98 P, Ġabra p. I-9925, punt 26, u l-ġurisprudenza ċċitata fiha). Minn dan jirriżulta li għandha tittieħed in kunsiderazzjoni mhux biss l-istruttura legali formali ta’ impriża, imma l-istruttura deċiżjonali tagħha de facto. Issa, filwaqt li fis-sustanza tirrepeti l-istess argumenti bħal dawk diġà ppreżentati fil-kuntest ta’ l-ewwel parti ta’ dan il-motiv, Avebe tikkunsidra li Glucona ma kinitx tapplika istruzzjonijiet li hija kienet tagħtiha, imma li, bil-kontra, it-tqegħid fis-suq tal-glukonat tas-sodju kien isir minn Akzo.

130    Minbarra dan, f’sitwazzjoni fejn l-imġiba li tikkostitwixxi ksur twettqet minn assoċjazzjoni mingħajr personalità ġuridika, il-kriterju formali tar-rabtiet ġuridiċi bejnha u l-kumpannija parent tagħha mhuwiex rilevanti. Dak li għandu jimporta f’tali sitwazzjoni huwa biss jekk Glucona kinitx tifforma unità ekonomika ma’ Avebe, li ma kienx il-każ minħabba li Glucona ma kellhiex organizzazzjoni ta’ bejgħ imma l-parti l-kbira tal-persunal tagħha kienu jwettqu x-xogħol tagħhom fil-kuntest ta’ l-attivitajiet li huma kienu jwettqu għall-persuna l-oħra li kienet tħaddimhom. Huwa biss fil-każ fejn il-kumpannija parent ikollha 100% ta’ l-ishma tas-sussidjarja li l-Kummissjoni tista’ tibbaża ruħha fuq il-preżunzjoni li din is-sussidjarja essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet li jingħatawlha mill-kumpannija parent tagħha. Huwa biss f’tali kuntest li l-Kummissjoni ma jkollhiex l-obbligu li tivverifika jekk il-kumpannija parent effettivament eżerċitatx din is-setgħa. Issa f’dan il-każ, Avebe kellha biss 50% ta’ Glucona, billi l-50% l-oħra kienu f’idejn Akzo.

131    Minbarra dan, Avebe tinvoka s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, Metsä-Serla et vs Il-Kummissjoni, (T-339/94, T-340/94, T-341/94 u T-342/94, Ġabra p. II-1727, punt 51 sa 58). Hija tirrileva li, f’din il-kawża, il-Qorti tal-Prim’Istanza ħadet in kunsiderazzjoni l-fatt li assoċjazzjoni ta’ impriżi kienet irċeviet mandat mill-membri tagħhom sabiex teffettwa l-bejgħ tal-kartun kollu tagħhom u ffissat prezzijiet uniformi, filwaqt li aġixxiet f’isem u fl-interess ta' kull wieħed mill-membri tagħha. Għaldaqstant, f’din il-kawża, il-Qorti tal-Prim’Istanza ħadet in kunsiderazzjoni l-imġiba kostituttiva tal-ksur kif ukoll ir-relazzjoni diretta eżistenti bejn din l-imġiba u l-impriża li għandha tinżamm responsabbli għall-ksur.

132    Avebe tinvoka wkoll il-fatt li huwa improbabbli li, fil-15 ta’ Awwissu 1993, meta d-direttur maħtur minn Akzo informa lil dak maħtur minn Avebe bl-eżistenza ta’ l-istruttura ta’ l-akkordju, Avebe kienet taf b'dan l-akkordju. Avebe tenfasizza li l-Kummissjoni ġiet informata b'dan permezz ta’ ittra tat-23 ta’ April 1999, imma li hija interpretat ħażin din l-informazzjoni meta sostniet, fid-Deċiżjoni, li Avebe kienet talbet li tiġi informata b'mod approfondit bis-sitwazzjoni li tikkonċerna l-akkordju. Bl-istess mod, il-Kummissjoni ma kinitx ħadet in kunsiderazzjoni tal-fatt li, kif indikat fil-punt 26 tar-risposta għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, ir-rappreżentant ta’ Avebe fi ħdan Glucona aktar tard kien informa lill-President ta’ Avebe, ħaġa li tinvalida l-asserzjoni li Avebe diġà kienet taf bl-akkordju.

133    Fir-replika tagħha, Avebe ssostni minbarra dan li t-teżi tagħha hija korroborata permezz ta’ l-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma l-4 ta’ Novembru 1950, kif interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

134    Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-ġurisprudenza ċċitata minnha ma kinitx tirrigwarda każ bħal dak in eżami, fejn il-ksur twettaq minn assoċjazzjoni ta’ kooperazzjoni bejn żewġ impriżi awtonomi. Madankollu, filwaqt li tirreferi fis-sustanza għall-argumenti diġà ssollevati fil-kuntest ta’ l-ewwel parti ta’ dan il-motiv, il-Kummissjoni tqis li, f’dan il-każ, Avebe setgħet tinfluwenza b’mod determinanti l-imġiba ta’ Glucona fis-suq u li, b’mod partikolari, hija setgħet f’kull mument ittemm il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju. Dan huwa biżżejjed, fid-dawl tal-ġurisprudenza (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, T-354/94, Ġabra p. II-2111, punt 80), sabiex jiġi konkluż li Avebe kienet koresponsabbli għall-ksur u mhemmx bżonn li jiġi ppruvat jekk hija effettivament eżerċitat tali influwenza fuq Glucona.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

135    Għandu mill-ewwel jiġi mfakkar li skond ġurisprudenza stabbilita l-imġiba antikompetittiva ta’ impriża tista’ tiġi imputata lil impriża oħra meta hija ma tkunx iddeterminat l-imġiba tagħha fis-suq b’mod awtonomu, imma essenzjalment applikat id-direttivi maħruġa minn din ta’ l-aħħar, b’mod partikolari fid-dawl tar-rabtiet ekonomiċi u legali li jgħaqqduhom (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P, C-208/02 P u C-213/02 P, fil-Ġabra p. I-5425, punt 117, u tas-16 ta’ Novembru 2000, Metsä-Serla Oyj et vs Il-Kummissjoni, C-294/98 P, Ġabra p. I-10065, punt 27).

136    F’dan ir-rigward, għandu jiġi speċifikat li, skond din il-ġurisprudenza u kuntrarjament għat-teżi sostnuta mill-Kummissjoni fil-punti 48 sa 52 tar-risposta tagħha, il-Kummissjoni ma tistax tikkuntenta ruħha li tikkonstata li impriża “setgħet” teżerċita tali influwenza determinanti fuq l-impriża l-oħra, mingħajr ma jkun hemm bżonn li tivverifika jekk din l-influwenza ġietx effettivament eżerċitata. Għall-kuntrarju, jirriżulta minn din il-ġurisprudenza li bħala prinċipju huwa obbligu tal-Kummissjoni li tipprova tali influwenza determinanti abbażi ta’ serje ta' elementi fattwali, fosthom, b’mod partikolari, l-eventwali setgħa ta’ direzzjoni ta’ waħda minn dawn l-impriżi fir-rigward ta’ l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 135 iktar 'il fuq, punti 118 sa 122, tat-2 ta’ Ottubru 2003, Aristrain vs Il-Kummissjoni, C-196/99 P, Ġabra p. I-11005, punti 95 sa 99; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Marzu 2002, HFB et vs Il-Kummissjoni, T-9/99, Ġabra p. II-1487, punt 527). Issa fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2000, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, punt 129 iktar 'il fuq, invokata mill-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li, meta kumpannija parent tikkontrolla 100% lis-sussidjarja tagħha li hija ħatja ta’ imġiba li tikkostitwixxi ksur, teżisti preżunzjoni juris tantum li l-imsemmija kumpannija parent kienet effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq l-imġiba tas-sussidjarja tagħha. Għaldaqstant, huwa obbligu tal-kumpannija parent li twaqqa’ din il-preżunzjoni billi tippreżenta elementi ta’ prova li jistgħu juru l-awtonomija tas-sussidjarja tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2000, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, punt 129 iktar 'il fuq, punti 28 sa 29, u s-sentenza ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, punt 134 iktar 'il fuq, punt 80).

137    Sussegwentement, għandu jiġi mfakkar li, skond il-kuntratt ta' negozju ta’ l-1972, Glucona nħolqot taħt il-forma ġuridika ta’ “vennootschap onder firma” (vof). Huwa paċifiku li, skond id-dritt Olandiż, Glucona kienet għaldaqstant tikkostitwixxi entità purament kuntrattwali mingħajr personalità ġuridika distinta minn dik tas-soċji tagħha Akzo u Abebe, li kellhom sehem ta' 50% rispettivament fl-imsemmija entità. Minbarra dan, skond l-Artikolu 5(1) ta’ l-imsemmi kuntratt, iż-żewġ soċji kienu awtorizzati biss konġuntament li jaġixxu u jiffirmaw f’isem Glucona, li jorbtuha ma' terzi u li jorbtu lil terzi magħha u li jirċievu u joħorġu fondi f’isimha. Skond il-paragrafu 2 ta’ din l-istess dispożizzjoni, iż-żewġ soċji kellhom jaħtru rispettivament żewġ rappreżentanti li “kellhom jeżerċitaw konġuntament is-setgħat imsemmija fil-paragrafu 1 għas-soċju kkonċernat, bla ħsara għad-dritt ta’ kull soċju li jeżerċita huwa stess dawn is-setgħat”. Dawn ir-rappreżentanti kellhom iżommu “kuntatti regolari bejniethom u jiddiskutu mad-diretturi [ta’ Glucona] dwar is-suġġetti kollha li jikkonċernaw il-kumpannija”. Skond l-Artikolu 5(3) ta’ l-imsemmi kuntratt, il-ġestjoni ta’ kuljum kienet taqa’ fuq żewġ diretturi, maħtura rispettivament minn Akzo u Avebe. Dawn id-Diretturi kellhom jiddedikaw parti sostanzjali mill-ħin tagħhom għan-negozju ta’ Glucona. Huma kellhom “jaħdmu f’kollaborazzjoni stretta u [kienu] responsabbli konġuntament mill-politika segwita” u kellhom “jirrapportaw regolarment lir-rappreżentanti tagħhom dwar il-politika segwita u jipprovdulhom kull informazzjoni rilevanti fuq dan is-suġġett”. Fl-aħħar nett, fid-dawl ta’ l-istruttura legali ta’ Glucona, Akzo u Avebe assumew l-obbligi ta’ Glucona b’mod illimitat u in solidum.

138    Jirriżulta mill-elementi kollha preċedenti li l-kuntratt ta' negozju ta’ l-1972 kien jistabbilixxi setgħa ta’ direzzjoni konġunta ta’ Akzo u ta’ Avebe fir-rigward tal-ġestjoni kummerċjali ta’ Glucona, liema setgħa kellha tiġi eżerċitata konġuntament u f'konsultazzjoni stretta permanenti, kwantu għall-kwistjonijiet kollha li jikkonċernaw lil Glucona, minn żewġ diretturi rispettivament maħtura minn Akzo u minn Avebe u kkontrollati b’mod partikolari permezz taż-żewġ rappreżentanti ta’ dawn iż-żewġ soċji. Fid-dawl ta’ din is-setgħa ta’ direzzjoni konġunta u tal-fatt li Akzo u Avebe kellhom sehem ta’ 50% rispettivament fi Glucona u, għaldaqstant, flimkien kienu jikkontrollaw l-ishma tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li din hija sitwazzjoni analoga għal dik li tat lok għas-sentenza ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, li fiha kumpannija parent waħda kienet tikkontrolla 100% lis-sussidjarja tagħha, sabiex tiġi stabbilita l-preżunzjoni li l-imsemmija kumpannija parent kienet effettivament eżerċitat influwenza determinanti fuq l-imġiba tas-sussidjarja tagħha.

139    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra fil-fatt li, flimkien, l-elementi fattwali msemmija fil-punt 137 hawn fuq jikkostitwixxu indizji suffiċjentement importanti sabiex fuqhom tiġi bbażata l-preżunzjoni li Akzo u Avebe kienu jiddeterminaw konġuntament il-linja ta’ azzjoni ta’ Glucona fis-suq sal-punt li din kienet meqjusa li ma kellhiex awtonomija reali f’dan ir-rigward. Minbarra dan, kif jirriżulta mill-konstatazzjonijiet fil-punti 92 sa 126 hawn fuq dwar il-konoxxenza tar-rikorrenti ta’ l-imġiba ta’ Glucona, ir-rikorrenti ma ppreżentatx elementi ta’ prova li jistgħu jwaqqgħu din il-preżunzjoni.

140    Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li l-eżistenza ta’ responsabbiltà komuni bejn iż-żewġ soċji Akzo u Avebe għall-imġiba ta’ Glucona, indipendentement mill-portata eżatta tagħha skond id-dritt Olandiż, issaħħaħ il-preżunzjoni dwar l-effettiva determinazzjoni konġunta tal-politika kummerċjali ta’ Glucona mis-soċji tagħha. Fil-fatt, f’dawn iċ-ċirkustanzi, is-soċji għandhom kull interess li jevitaw li s-sussidjarja tagħhom taġixxi indipendentement mill-istruzzjonijiet tagħhom, minħabba r-riskju li jsibu ruħhom esposti, f’każ ta’ mġiba illegali min-naħa tas-sussidjarja tagħhom, għal proċeduri jew għal azzjonijiet għal kumpens ta' terzi.

141    Jirriżulta minn dak kollu li ntqal li, fid-dawl tar-rabtiet ekonomiċi u ġuridiċi stretti bejn, minn naħa, Glucona u, min-naħa l-oħra, Akzo u Avebe li kienu jeżerċitaw kontroll effettiv konġunt fuq Glucona, il-Kummissjoni m’għamlitx żball meta kkonstatat li l-imġiba ta’ Glucona li tikkostitwixxi ksur hija imputabbli lil Avebe. Minn dan joħroġ ukoll li, kuntrarjament għall-opinjoni tar-rikorrenti, Glucona, minn naħa, u Akzo u Avebe, min-naħa l-oħra, jifformaw entità ekonomika fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 78 hawn fuq, li fil-kuntest tagħha l-imġiba tas-sussidjarja li tikkostitwixxi ksur hija imputabbli lill-kumpanniji parent tagħha li huma responsabbli għaliha minħabba li effettivament jikkontrollaw il-politika kummerċjali tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Diċembru 2003, Minoan Lines vs Il-Kummissjoni, T-66/99, Ġabra p. II-5515, punt 122).

142    Konsegwentement, il-motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 81(1) KE u ta’ l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

E –  Fuq il-ksur tal-prinċipju tal-proporzjonalità

143    Avebe tikkunsidra li, anki jekk wieħed jikkunsidra li l-ksur jista’ jiġi imputat lilha, meta ffissat l-ammont ta’ bażi tal-multa fil-konfront tagħha, il-Kummissjoni kellha tieħu in kunsiderazzjoni, bħala ċirkustanzi attenwanti, is-sehem li kellha Avebe fil-kartell qabel il-15 ta’ Awwissu 1993.

144    Il-Kummissjoni ssostni li l-multa imposta fuq Avebe ġiet iffissata minħabba l-imġiba ta’ Glucona fil-kuntest ta’ l-akkordju u li, f’dan il-kuntest, hija ħadet in kunsiderazzjoni l-partikolaritajiet ta’ l-imġiba tagħha. Skond il-Kummissjoni, m’hemm ebda raġuni li titnaqqas ir-responsabbiltà ta’ kumpannija parent minħabba l-imġiba tas-sussidjarja tagħha. Dan huwa iktar u iktar minnu billi Glucona ma kellhiex personalità ġuridika distinta minn Avebe u minn Akzo. Għalhekk Avebe bl-ebda mod ma ġiet ikkunsidrata responsabbli għall-imġiba ta’ ħaddieħor imma għall-atti ta’ entità purament kuntrattwali li taqa’ taħt il-personalità ġuridika tagħha u li għaliha hija responsabbli in solidum.

145    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis, kif issostni l-Kummissjoni, li, minħabba l-imġiba ta’ Glucona, imputabbli lil Avebe bħalma hija lil Akzo, il-Kummissjoni ġustament setgħet timponi multa fuq Avebe mingħajr ma tikser il-prinċipju tal-proporzjonalità. B’mod aktar partikolari, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-kuntratt ta' negozju ta’ l-1972 li ħoloq l-impriża komuni Glucona (ara punti 90 sa 91 hawn fuq), il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li s-sehem li kellha Avebe fil-kartell qabel il-15 ta’ Awwissu 1993 ma jistax jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti li taffettwa n-natura proporzjonata tal-multa li ġiet imposta fuqha.

146    Għaldaqstant, il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju tal-proporzjonalità mhuwiex fondat.

147    Peress li ebda wieħed mill-motivi ssollevati kontra d-Deċiżjoni ma ġew milqugħa, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

148    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-konvenuta.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tielet Awla)

taqta' u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Il-Coöperatieve Verkoop- en Productievereniging van Aardappelmeel en Derivaten Avebe BA għandha tbati l-ispejjeż.

Azizi

Jaeger

Dehousse

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fis-27 ta' Settembru 2006.

E. Coulon

 

       J. Azizi

Reġistratur

 

       President

Werrej

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

A – Introduzzjoni

B – Fuq il-ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni

C – Fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża

1. Rimarki introduttivi

2. Fuq id-dikjarazzjoni ta’ Akzo

3. Fuq l-allegata dikjarazzjoni ta’ rappreżentant ta’ Akzo quddiem l-awtoritajiet Amerikani

a) L-argumenti tal-partijiet

b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-ammissibbiltà

Fuq il-mertu

D – Fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 81(1) KE u ta’ l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17

1. Introduzzjoni

2. Safejn il-Kummissjoni ma setgħetx timputa lil Glucona l-ksur magħmul qabel il-15 ta’ Awwissu 1993

a) Kunsiderazzjonijiet preliminari

b) Għal dak li jikkonċerna l-kuntratt ta' negozju ta’ l-1972

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

c) Għal dak li jikkonċerna diversi elementi fattwali

3. Safejn il-Kummissjoni ma setgħetx timputa l-ksur imwettaq minn Glucona lil Avebe

a) L-argumenti tal-partijiet

b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

E – Fuq il-ksur tal-prinċipju tal-proporzjonalità

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.