Language of document : ECLI:EU:T:2006:268

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tielet Awla)

27 ta' Settembru 2006(*)

"Kompetizzjoni – Akkordji – Glukonat tas-sodju – Artikolu 81 KE – Multa – Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 – Linji gwida għall-kalkolu ta' l-ammont tal-multi – Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni – Prinċipju tal-proporzjonalità – Trattament ugwali – Non retroattività – Obbligu ta’ motivazzjoni – Drittijiet tad-difiża"

Fil-kawża T-329/01

Archer Daniels Midland Co., stabbilita f'Decatur, Illinois (L-Istati Uniti), irrappreżentata minn .C. O. Lenz, Avukat, L. Martin Alegi, M. Garcia u E. Batchelor, solicitors,

rikorrenti

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn A. Whelan, A. Bouquet u W. Wils, bħala aġenti,

konvenuta

li għandha bħala suġġett, prinċipalment, talba għall-annullament ta' l-ewwel Artikolu tad-Deċiżjoni C(2001) 2931 finali tal-Kummissjoni, tat-2 ta' Ottubru 2001, dwar proċedura ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u ta' l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (COMP/E-1/36.756 – Glukonat tas-sodju), safejn din tikkonċerna r-rikorrenti jew, almenu, safejn tikkunstata li hija pparteċipat fi ksur wara l-4 ta' Ottubru 1994, u talba għall-annullament ta' l-Artikolu 3 ta' din id-deċiżjoni safejn tikkonċerna r-rikorrenti kif ukoll, sussidjarjament, talba għal annullament jew tnaqqis tal-multa imposta b'din id-deċiżjoni fuq ir-rikorrenti,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tielet Awla),

komposta minn J. Azizi, President, M. Jaeger u F. Dehousse, Imħallfin,

Reġistratur: I. Natsinas, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta' Frar 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Fatti li jwasslu għall-kawża

1        Il-kumpannija Archer Daniels Midland Co. (iktar 'il quddiem "ADM"), hija l-kumpannija parent ta’ grupp ta’ impriżi li joperaw fis-settur ta' l-ipproċessar ta' ċereali u ta' żerriegħa li minnha jingħasar iż-żejt. Hija stabbilixxit ruħha fis-suq tal-glukonat tas-sodju fl-1990.

2        Il-glukonat tas-sodju jagħmel parti mill-aġenti kelanti, li huma prodotti li jagħmlu inattivi l-jonijiet metalliċi fil-proċessi industrijali. Dawn il-proċessi jinkludu, b’mod partikolari, it-tindif industrijali (tindif ta’ fliexken u ta’ utensili), it-trattament ta’ l-uċuh (trattament kontra s-sadid, tneħħija ta' xaħam, inċiżjoni ta’ l-aluminju) u t-trattament ta’ l-ilma. L-aġenti kelanti huma għaldaqstant użati fl-industrija ta' l-ikel, fl-industrija kożmetika, fl-industrija farmaċewtika, fl-industrija tal-karta, fl-industrija tal-konkrit u f'industriji oħra. Il-glukonat tas-sodju jinbiegħ fid-dinja kollha u l-impriżi li jikkompetu ma' xulxin huma preżenti fis-swieq dinjija.

3        Fl-1995, il-bejgħ totali ta’ glukonat tas-sodju fil-livell dinji kien ta’ madwar 58.7 miljun EUR, u dak magħmul fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) kien ta' madwar 19.6 miljun EUR. Fiż-żmien meta seħħew il-fatti, il-kważi-totalità tal-produzzjoni dinjija ta’ glukonat tas-sodju kienet f’idejn ħames impriżi, jiġifieri, l-ewwel, Fujisawa Pharmaceutical Co. Ltd (iktar 'il quddiem “Fujisawa”), it-tieni, Jungbunzlauer AG (iktar 'il quddiem “Jungbunzlauer”), it-tielet, Roquette Frères SA (iktar 'il quddiem “Roquette”), ir-raba', Glucona vof (iktar 'il quddiem "Glucona"), impriża kkontrollata b'mod konġunt, sa' Diċembru 1995, minn Akzo Chemie BV, sussidjarja sa 100% ta' Akzo Nobel NV (iktar 'il quddiem "Akzo"), u ta' Coöperatieve Verkoop- en Productievereniging van Aardappelmeel en Derivaten Avebe BA (iktar 'il quddiem "Avebe"), u, il-ħames, ADM.

4        F’Marzu 1997, il-Ministeru tal-Ġustizzja Amerikan informa lill-Kummissjoni li, sussegwentement għal inkjesta li saret fuq is-swieq tal-lisina u ta’ l-aċidu ċitriku, kienet infetħet inkjesta wkoll fuq is-suq tal-glukonat tas-sodju. F’Ottubru u Diċembru 1997 kif ukoll fi Frar 1998, il-Kummissjoni ġiet informata li Akzo, Avebe, Glucona, Roquette u Fujisawa kienu rrikonoxxew li kienu pparteċipaw f'akkordju li kien jikkonsisti fl-iffissar tal-prezzijiet tal-glukonat tas-sodju u fit-tqassim tal-volumi ta’ bejgħ ta’ dan il-prodott fl-Istati Uniti u f'pajjiżi oħra. Wara numru ta’ ftehim konklużi mal-Ministeru tal-Ġustizzja Amerikan, ġew imposti multi mill-awtoritajiet Amerikani fuq dawn l-impriżi. Il-multa imposta fuq ADM għall-akkordju fuq is-suq tal-glukonat tas-sodju ġiet inkluża f'multa globali ta' 100 miljuni ta' dollari Amerikani (USD), imħallsa fil-kuntest tal-kawżi tal-lisina u ta’ l-aċidu ċitriku.

5        Fit-18 ta’ Frar 1998, il-Kummissjoni bagħtet, skond l-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17 tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (ĠU 13, 1962, p. 204), talbiet għal informazzjoni lill-produtturi, importaturi, esportaturi u xerrejja prinċipali tal-glukonat tas-sodju fl-Ewropa.

6        Wara li saret it-talba għal informazzjoni, Fijisawa kkuntattjat lill-Kummissjoni sabiex tinformaha li hija kienet ikkooperat ma’ l-awtoritajiet Amerikani fil-kuntest ta’ l-inkjesta deskritta hawn fuq u li hija xtaqet tagħmel l-istess mal-Kummissjoni abbażi tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Lulju 1996 dwar in-non-impożizzjoni ta’ multi jew it-tnaqqis ta’ l-ammont tagħhom fil-każijiet dwar akkordji (ĠU C 207, p. 4, iktar 'il quddiem il-“Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni”). Fit-12 ta’ Mejju 1998, wara laqgħa li saret mal-Kummissjoni fl-1 ta’ April 1998, Fujisawa pprovdiet dikjarazzjoni bil-miktub u fajl li jinkludi sunt ta' l-istorja ta’ l-akkordju u ċertu numru ta’ dokumenti.

7        Fis-16 u 17 ta’ Settembru 1998, il-Kummissjoni wettqet investigazzjonijiet, skond l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 17, fil-bini ta’ Avebe, ta’ Glucona, ta’ Jungbunzlauer u ta’ Roquette.

8        Fl-10 ta' Novembru 1998, il-Kummissjoni bagħtet talba għal informazzjoni lil ADM. Fis-26 ta' Novembru 1998, ADM ħabbret l-intenzjoni tagħha li tikkoopera mal-Kummissjoni. Matul il-laqgħa li nżammet fil-11 ta' Diċembru 1998, ADM bagħtet l-"ewwel rata minħabba l-kooperazzjoni tagħha". Iktar tard fil-21 ta' Jannar 1999 din l-impriża bagħtet dikjarazzjoni u dokumenti relatati mal-kwistjoni lill-Kummissjoni.

9        Fit-2 ta’ Marzu 1999, il-Kummissjoni bagħtet talbiet għal informazzjoni dettaljata lil Glucona, lil Roquette u lil Jungbunzlauer. Permezz ta’ ittri ta’ l-14, 19 u 20 ta’ April 1999, dawn l-impriżi wrew ix-xewqa tagħhom li jikkooperaw mal-Kummissjoni u pprovdewlha xi informazzjoni fuq l-akkordju. Fil-25 ta’ Ottubru 1999, il-Kummissjoni bagħtet talbiet għal informazzjoni addizzjonali lil ADM, lil Fujisawa, lil Glucona, lil Roquette u lil Jungbunzlauer.

10      Fis-17 ta’ Mejju 2000, abbażi ta’ l-informazzjoni li kienet ġiet ikkomunikata lilha, il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet lil ADM u lill-impriżi l-oħra kkonċernati għall-ksur ta’ l-Artikolu 81(1) KE u ta’ l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim fuq iż-ŻEE (iktar 'il quddiem il-“Ftehim ŻEE”). ADM u l-impriżi l-oħra kollha kkonċernati bagħtu osservazzjonijiet bil-miktub b'risposta għall-oġġezzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni. Ebda waħda minn dawn il-partijiet ma talbet li ssir seduta jew ikkontestat il-materjalità tal-fatti esposti fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet

11      Fil-11 ta’ Mejju 2001, il-Kummissjoni bagħtet talbiet għal informazzjoni addizzjonali lil ADM u lill-impriżi kkonċernati l-oħra.

12      Fit-2 ta’ Ottubru 2001, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2001) 2931 finali dwar proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 KE u ta’ l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (każ COMP/E-1/36.756 – Glukonat tas-sodju) (iktar 'il quddiem id-“Deċiżjoni”). Id-Deċiżjoni ġiet innotifikata lil ADM permezz ta’ ittra tat-12 ta' Ottubru 2001.

13      Id-Deċiżjoni tinkludi b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet li ġejjin:

"Artikolu 1

[Akzo], [ADM], [Avebe], [Fujisawa], [Jungbunzlauer] u [Roquette] kisru l-Artikolu 81(1) KE u – mill-1 ta’ Jannar 1994 'il quddiem – l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipaw fi ftehim u/jew prattika miftiehma kontinwa fis-settur tal-glukonat tas-sodju.

Il-ksur dam għaddej:

–        fil-każ ta’ [Akzo], ta’ [Avebe], ta’ [Fujisawa] u ta’ [Roquette], minn Frar 1987 sa Ġunju 1995;

–        fil-każ ta’ [Jungbunzlauer], minn Mejju 1988 sa Ġunju 1995;

–        fil-każ ta’ [ADM], minn Ġunju 1991 sa Ġunju 1995.

[…]

Artikolu 3

Qed jiġu imposti l-multi segwenti għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 1:

a)      [Akzo]                                     9 miljuni EUR

b)      [ADM]                                     10,13 miljun EUR

c)      [Avebe]                                     3,6 miljun EUR

d)      [Fujisawa]                            3,6 miljun EUR

e)      [Jungbunzlauer]                   20,4 miljun EUR

f)      [Roquette]                            10,8 miljun EUR

[…]"

14      Għall-finijiet tal-kalkolu ta’ l-ammont tal-multi, il-Kummissjoni applikat, fid-Deċiżjoni, il-metodoloġija esposta fil-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u ta’ l-Artikolu 65(2) tat-Trattat KEFA (ĠU 1998, C 9, p. 3, iktar 'il quddiem il-“linji gwida”), kif ukoll il-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

15      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ddeterminat l-ammont bażi tal-multa skond il-gravità u d-dewmien tal-ksur.

16      F’dan il-kuntest, għal dak li jikkonċerna l-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni fl-ewwel lok ikkunsidrat li l-impriżi kkonċernati kienu wettqu ksur gravi ħafna, fid-dawl tan-natura tiegħu, ta' l-impatt konkret tiegħu fuq is-suq tal-glukonat tas-sodju fiż-ŻEE u tal-firxa tas-suq ġeografiku kkonċernat (premessa 371 tad-Deċiżjoni).

17      Sussegwentement, il-Kummissjoni qieset li kellha tieħu in kunsiderazzjoni l-kapaċità ekonomika reali li tikkawża dannu għall-kompetizzjoni u tistabbilixxi l-multa f'livell li jiggarantixxi effett dissważiv suffiċjenti. Konsegwentement, filwaqt li bbażat ruħha fuq il-fatturati dinjija magħmula mill-impriżi kkonċernati mill-bejgħ tal-glukonat tas-sodju matul is-sena 1995, l-aħħar sena tal-perijodu tal-ksur, ikkomunikati mill-impriżi kkonċernati wara talbiet għal informazzjoni tal-Kummissjoni u li abbażi tagħhom il-Kummissjoni kkalkulat l-ishma fis-suq rispettivi ta’ dawn l-impriżi, il-Kummissjoni kklassifikat dawn l-impriżi f’żewġ kategoriji. Fl-ewwel kategorija, hija kklassifikat l-impriżi li, skond l-informazzjoni li kellha, kellhom ishma fis-suq dinji tal-glukonat tas-sodju ta' iktar minn 20%, jiġifieri Fujisawa (35.54%), Jungbunzlauer (24.75%) u Roquette (20.95%). Għal dawn l-impriżi, il-Kummissjoni ffissat ammont ta’ tluq ta’ 10 miljun EUR. Fit-tieni kategorija, hija kklassifikat l-impriżi li, skond l-informazzjoni li kellha, kellhom ishma fis-suq dinji tal-glukonat tas-sodju ta' inqas minn 10%, jiġifieri Glucona (madwar 9.5%) u ADM (9.35%). Għal dawn l-impriżi, il-Kummissjoni ffissat ammont ta’ tluq tal-multa ta' 5 miljun EUR, jiġifieri għal Akzo u Avebe li flimkien kienu jippossiedu lil Glucona, 2.5 miljun EUR kull waħda (premessa 385 tad-Deċiżjoni).

18      Minbarra dan, sabiex tassigura li l-multa jkollha effett suffiċjentement dissważiv, minn naħa, u sabiex tieħu in kunsiderazzjoni l-fatt li l-impriżi kbar għandhom għarfien u infrastrutturi ġuridiċi u ekonomiċi li jippermettulhom japprezzaw aħjar li l-imġiba tagħhom tikkostitwixxi ksur u l-konsegwenzi li joħorġu mill-imġiba tagħhom mill-aspett tad-dritt tal-kompetizzjoni, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni għamlet aġġustament ta’ dan l-ammont ta’ tluq. Konsegwentement, filwaqt li ħadet in kunsiderazzjoni d-daqs u r-riżorsi globali ta’ l-impriżi kkonċernati, il-Kummissjoni applikat koeffiċjent multiplikatur ta’ 2.5 għall-ammonti ta’ tluq iddeterminati għal ADM u AKZO u għaldaqstant żiedet dan l-ammont ta’ tluq b’mod li ġie ffissat għal 12.5 miljun EUR fil-każ ta’ ADM u għal 6.25 miljun EUR fil-każ ta’ Akzo (premessa 388 tad-Deċiżjoni).

19      Għal dak li jikkonċerna d-dewmien tal-ksur imwettaq minn kull impriża, l-ammont ta’ tluq ġie miżjud, minbarra dan, b'10% fis-sena, jiġifieri żieda ta’ 80% għal Fujisawa, għal Akzo, għal Avebe u għal Roquette, ta’ 70% għal Jungbunzlauer u ta’ 35% għal ADM (premessi 389 sa 392 tad-Deċiżjoni).

20      Kien għalhekk li l-Kummissjoni ffissat l-ammont bażi tal-multi għal 16,88 miljun EUR għal dak li jikkonċerna lil ADM. Fir-rigward ta’ Akzo, ta’ Avebe, ta’ Fujisawa, ta’ Jungbunzlauer u ta’ Roquette, l-ammont bażi ġie ffissat, rispettivament, għal 11.25, għal 4.5, għal 18, għal 17 u għal 18 miljun EUR (premessa 396 tad-Deċiżjoni).

21      Fit-tieni lok, l-ammont ta’ bażi tal-multa imposta fuq Jungbunzlauer ġie miżjud b'50% minħabba ċirkustanzi aggravanti, għar-raġuni li din l-impriża kellha rwol ta’ mexxej fil-kuntest ta’ l-akkordju (premessa 403 tad-Deċiżjoni).

22      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni eżaminat u ċaħdet l-argumenti ta’ xi impriżi, fosthom ADM, li skondhom dawn l-impriżi kellhom jibbenefikaw minn ċirkustanzi attenwanti (premessi 404 sa 410 tad-Deċiżjoni).

23      Fir-raba’ lok, skond it-Titolu B tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, il-Kummissjoni akkordat lil Fujisawa “tnaqqis sinjifikattiv ħafna” (jiġifieri 80%) ta’ l-ammont tal-multa li kienet tiġi imposta fuqha fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni. Fl-aħħar nett, skond it-Titolu D ta’ din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni akkordat “tnaqqis sinjifikattiv” (jiġifieri 40%) ta’ l-ammont tal-multa lil ADM u lil Roquette u ta’ 20% lil Akzo, lil Avebe u lil Jungbunzlauer (premessi 418, 423, 426 u 427).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

24      Permezz ta' att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-21 ta’ Diċembru 2001, ADM ressqet dan ir-rikors.

25      Fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tielet Awla) ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ressqet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet, li rrispondew għalihom fit-termini mogħtija.

26      Il-partijiet instemgħu matul it-trattazzjoni orali li nżammet matul is-seduta tat-18 ta' Frar 2004.

27      B'ittra tal-21 ta' Lulju 2006, ADM talbet lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex tieħu in kunsiderazzjoni motiv ġdid ibbażat fuq il-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti f'applikazzjoni ta' l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU C 210 p. 2, iktar 'il quddiem il-"linji gwida ta' l-2006") minħabba li dawn il-linji gwida jikkostitwixxu element ta' dritt u ta' fatt li ġie rrivelat matul il-proċediment fis-sens ta' l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza. Fir-rigward tal-prinċipju ġenerali ta' amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, il-Qorti tal-Prim'Istanza, mingħajr ma fetħet mill-ġdid il-proċedura, stiednet lill-Kummissjoni sabiex tieħu pożizzjoni fuq it-talba ta' ADM. B'ittra tal-11 ta' Awissu 2006, il-Kummissjoni sostniet li hija qieset li ma kienx hemm lok li t-talba ta' ADM tiġi milqugħa.

28      ADM titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni safejn jirrigwardaha, jew, almenu, safejn jikkunsidra li hija pparteċipat fi ksur wara l-4 ta' Ottubru 1994;

–        tannulla l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni safejn jirrigwardaha;

–        sussidjarjament, tannulla jew tnaqqas sostanzjalment l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha;

–        tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

29      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tordna lil ADM tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

30      Il-motivi invokati minn ADM, li kollha jittrattaw l-iffissar ta’ l-ammont tal-multi imposti fuqha, jirrigwardaw, fl-ewwel lok, l-applikabbiltà tal-linji gwida għal dan il-każ, fit-tieni lok, il-gravità tal-ksur, fit-tielet lok, id-dewmien tal-ksur, fir-raba' lok, l-eżistenza ta' ċirkustanzi attenwanti, fil-ħames lok, il-kooperazzjoni tagħha matul il-proċedura amministrattiva u, fis-sitt lok, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża.

A –  Fuq l-applikabbiltà tal-linji gwida

1.     Fuq il-ksur tal-prinċipji ta' ċertezza legali u ta' non retroattività tal-pieni

a)     L-argumenti tal-partijiet

31      ADM issostni li l-metodu ta' kalkolu tal-multi stabbilit bil-linji gwida jitbiegħed radikalment mill-prattika preċedenti tal-Kummissjoni f'dan ir-rigward li, kif il-Kummissjoni tammettih fid-Deċiżjoni (premessa 395), ikkonsista fl-iffissar ta' l-ammont tal-multa skond ir-rata ta' bażi li tirrappreżenta perċentwali tal-bejgħ fuq is-suq Komunitarju kkonċernat. Għall-kuntrarju, il-linji gwida jintroduċu mil-lum 'il quddiem rata fissa ta' multa, per eżempju ta' 20 miljun EUR fil-każ ta' ksur gravi ħafna, indipendentement mill-volum tal-bejgħ tal-prodott ikkonċernat.

32      ADM tosserva li, matul il-perijodu kkonċernat f'din il-kawża (li jibda mis-sena 1991 sas-sena 1994 jew mis-sena 1991 sas-sena 1995), il-Kummissjoni imponiet, b'applikazzjoni ta' din il-prattika stabbilita, multi li l-ammont tagħhom kien ġeneralment bejn 2 u 9% tal-fatturat magħmul mill-bejgħ tal-prodott in kwistjoni fuq is-suq Komunitarju. Min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni tal-politika ġdida li ħierġa mil-linji gwida twassal għal multi li l-ammont tagħhom huwa bejn 43 u 153 darba iktar minn dak tal-multi li ġew imposti fuq il-bażi tal-prattika preċedenti.

33      ADM tirrikonoxxi li l-Kummissjoni tiddisponi minn setgħa ta' diskrezzjoni sabiex iżżid il-multi billi l-politika dwar id-dritt tal-kompetizzjoni teżiġi li jiġu imposti multi b'natura dissważiva iktar għolja. Madankollu, billi timponi multa li l-ammont tagħha huwa bejn 43 u 153 drabi iktar għoli minn dak li hija kienet iffissat skond il-proċedura preċedenti, il-Kummissjoni kienet manifestament qabżet dan il-marġini ta' evalwazzjoni. Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, din il-konklużjoni hija kkorroborata bis-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-20 ta' Marzu 2002, Lögstör Rör vs Il-Kummissjoni (T‑16/99, Ġabra p. II-1633, punt 237). Minn naħa, hija tenfasizza l-fatt li, f'din is-sentenza, il-Qorti tal-Prim'Istanza aċċettat il-possibbiltà għall-Kummissjoni li tgħolli l-livell tal-multi fil-limiti indikati bir-Regolament Nru 17 bil-kundizzjoni li din hija neċessarja sabiex tassigura l-implementazzjoni tal-politika Komunitarja tal-kompetizzjoni. Madankollu, la fid-Deċiżjoni u lanqas fid-dokumenti tagħha, il-Kummissjoni ma kienet ipprovdiet ġustifikazzjoni jew resqet provi li juru li l-implementazzjoni ta' din il-politika teħtieġ li jiġu imposti multi ta' ammont bejn 43 u 153 darba għola minn dawk irrilevati matul l-eżami tal-prattika preċedenti. Min-naħa l-oħra, hija tosserva li, fil-kawża li wasslet għall-kawża ċċitata kif ukoll fil-kawżi l-oħra kollha li jirrigwardaw l-akkordju dwar il-pajpijiet ta' tisħin distrettwali, bl-eċċezzjoni ta' dik relatata mal-kumpannija ABB, il-Kummissjoni imponiet multi fuq livell komparabbli ma' dak li kien ipprevala meta l-prattika preċedenti tal-Kummissjoni kienet applikata. Fil-fatt, hija ssostni, li l-impriżi in kwistjoni f'dan l-akkordju ġew ikkundannati biss għal multi li jirrappreżentaw bejn 3 u 14% tal-bejgħ affettwat, u anki li kienet ġiet imposta multa fuq ABB li tikkorrispondi biss għal 44% tal-fatturat tagħha.

34      ADM tqis li l-impriżi kkonċernati għandhom ikunu jistgħu joperaw f'kundizzjonijiet prevedibbli. Hekk kif jispjegaw ukoll il-linji gwida (inċiż 1), fl-iffissar ta' l-ammont tal-multi, il-Kummissjoni hija obbligata tirrispetta linja politika koerenti u mhux diskriminatorja. ADM tqis li n-nuqqas ta' ċertezza legali fl-iffissar tal-multi huwa antinomiku ma' l-idea ta' implementazzjoni effettiva tan-natura dissważiva ta' multa. Sabiex l-effett dissważiv individwali ta' multa jkun effettiv, huwa indispensabbli li l-impriżi jkunu jafu minn qabel is-sanzjonijiet applikabbli. Hija tirrileva li amnistija globali jew politika ta' indulġenza effiċjenti jirrikjedu li s-sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta' rifjut ta' kollaborazzjoni huma ċarament iddefiniti minn qabel. Bl-istess mod, mhuwiex raġonevoli li tiġi mantnuta stat ta' inċertezza kostanti fir-rigward tal-livell tal-multi li jistgħu jkunu imposti fil-każ ta' ksur tar-regoli ta' kompetizzjoni, b'mod partikolari minħabba l-mogħdija ta' żmien sinjifikattiv neċessarju għat-tmiem ta' l-investigazzjonijiet fuq dan il-ksur. Konsegwentement, il-prinċipju ta' ċertezza legali teżiġi li l-approċċ li l-Kummissjoni tadotta sabiex tikkalkula l-multi skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 jista' jiġi previst bi grad suffiċjenti ta' ċertezza.

35      ADM iżżid li jirriżulta mill-manwal tal-linji gwida tas-Sentencing Commission ta' l-Istati Uniti [punt 1B1.11(b)(1), iktar 'il quddiem il-"linji gwida Amerikani"] u mill-ġurisprudenza ta' Qorti ta' l-Appell federali [sentenza United States vs Kimler, 167 F. 3d 889 (5th Circ. 1999)] li l-applikazzjoni b'effett rettroattiv ta' linji gwida ġodda fir-rigward ta' multi hija pprojbita bir-regola ex post facto tal-Kostituzzjoni ta' l-Istati Uniti, billi hija twassal sabiex timponi piena iktar ħarxa minn dik prevista fil-mument meta l-ksur twettaq.

36      Konsegwentement, skond ADM, l-applikazzjoni retroattiva tal-politika ġdida prevista fil-linji gwida għal ksur li, bħal f'dan il-każ, seħħ qabel il-pubblikazzjoni tagħhom u li għandha bħala effett li timponi fuq ADM multa ħafna għola mil-livell tal-multi imposti skond il-prattika preċedenti, u dan bla ma' din id-differenza hija neċessarja biex tassigura r-rispett tal-politika fir-rigward tad-dritt tal-kompetizzjoni, tikser il-prinċipju ta' ċertezza legali u hija illegali.

37      Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

38      L-ewwel nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li l-prinċipju ta’ non retroattività tal-liġijiet kriminali, skond l-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, bħala dritt fundamentali, jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju li l-osservanza tiegħu għandha tiġi rrispettata meta jiġu imposti multi għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, u li dan il-prinċipju jeżiġi li s-sanzjonijiet imposti jikkorrispondu ma’ dawk li kienu ġew iffissati meta kien seħħ il-ksur (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri vs Il-Kummissjoni, C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, Ġabra p. I-5425, punt 202; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Marzu 2002, LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, T-23/99, Ġabra p. II-1705, punti 218 sa 221, u tad-9 ta’ Lulju 2003, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, T-224/00, Ġabra p. II-2597, punt 39).

39      Wara, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-adozzjoni tal-linji gwida li jistgħu jbiddlu l-politika ġenerali tal-kompetizzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-multi tista', prinċipalment, taqa' fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ non retroattività.

40      Fil-fatt, minn naħa, il-linji gwida jista' jkollhom effetti legali. Dawn l-effetti legali jirriżultaw mhux minn natura legali tal-linji gwida, iżda mill-adozzjoni u l-pubblikazzjoni tagħhom mill-Kummissjoni. Din l-adozzjoni u pubblikazzjoni tal-linji gwida twassal għal awtolimitazzjoni tal-kapaċità ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni, li ma tistax tabbandunahom sabiex tikkundanna, f’dan il-każ, il-ksur ta’ prinċipji ġenerali tad-dritt, bħat-trattament ugwali, il-protezzjoni ta’ l-aspettattiva leġittima u ċ-ċertezza legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 41 iktar 'il fuq, punti 209 sa 212).

41      Min-naħa l-oħra, il-linji gwida, billi huma strument ta’ politika fil-qasam tal-kompetizzjoni, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta' non retroattività, fil-bidu ta’ interpretazzjoni ġurisprudenzjali ġdida ta’ norma li tistabbilixxi ksur, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fir-rigward ta’ l-Artikolu 7(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (ara, b’mod partikolari, Qorti Ewr. D. B., sentenzi S.W. u C.R. vs Ir-Renju Unit, tat-22 ta’ Novembru 1995, serje A Nri 335-B u 335-C, § 34 sa 36 u §32 sa 34; Cantoni vs Franza, tal-15 ta’ Novembru 1996, Ġabra tas-sentenzi u deċiżjonijiet 1996-V, § 29 sa 32, u Coëme et vs Il-Belġju, tat-22 ta’ Ġunju 2000, Ġabra tas-sentenzi u deċiżjonijiet 2000-VII, § 145), li fiha, din l-aħħar dispożizzjoni tmur kontra l-applikazzjoni retroattiva ta’ interpretazzjoni ġdida ta’ norma li tistabbilixxi ksur. Skond din il-ġurisprudenza, dan ikun il-każ jekk ikun jirrigwarda interpretazzjoni ġurisprudenzjali li r-riżultat tiegħu mhuwiex raġonevolment prevvedibbli meta jkun twettaq il-ksur, b’mod partikolari fid-dawl ta’ l-interpretazzjoni aċċettata f’dak iż-żmien fil-ġurisprudenza dwar id-dispożizzjoni legali kkonċernata. Għandu jiġi madankollu ppreċiżat li jirriżulta minn din l-istess ġurisprudenza li l-portata tal-kunċett ta’ prevvedibbiltà jiddependi ħafna mill-kontenut tat-test partikolari, mil-qasam li jkopri kif ukoll min-numru u l-kwalità tad-destinatarji tiegħu. Barra minn hekk, il-prevvedibbiltà tal-liġi ma tmurx kontra li persuna kkonċernata jkollha tasal biex tirrikorri għal kjarifiki sabiex tevalwa, b’mod raġonevoli fiċ-ċirkustanzi tal-każ, il-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw minn att iddeterminat. B’mod iżjed partikolari, fir-rigward tas-sentenza Cantoni vs Franza (iċċitata iktar ’il fuq, § 35), dan jirrigwarda speċjalment lill-professjonisti, li huma mdorrija jużaw prudenza kbira fl-eżerċizzju tal-professjoni tagħhom. Wieħed jista' wkoll jistenna mingħandhom li huma jagħtu attenzjoni partikolari biex jevalwaw ir-riskji li dan jimplika (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 41 iktar 'il fuq, punti 215 sa 223).

42      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm għalhekk lok li jiġi vverifikat jekk it-tibdil li jikkostitwixxi l-adozzjoni tal-linji gwida kienx raġonevolment prevvedibbli meta seħħ il-ksur ikkonċernat.

43      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-innovazzjoni prinċipali tal-linji gwida hija li tieħu bħala punt inizjali l-kalkolu ta’ ammont bażi, iddeterminat mill-iskali previsti f’dan ir-rigward mill-imsemmija linji gwida, liema skali jirriflettu l-gradi differenti ta’ gravità ta' ksur, iżda li, bħala tali, m’għandhomx relazzjoni mal-fatturat rilevanti. Dan il-metodu jistrieh essenzjalment fuq tariffa, pjuttost relattiva u semplifikata, tal-multi (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 37 iktar 'il fuq, punt 225).

44      Għaldaqstant, għandu jiġi mfakkar li l-fatt li l-Kummissjoni fil-passat applikat multi ta’ ċertu livell għal ċerti tipi ta’ ksur m'għandux ineħħilha l-possibbiltà li tgħolli dan il-livell fil-limiti indikati mir-regolament Nru 17, jekk dan huwa neċessarju sabiex tiġi żgurata l-implementazzjoni tal-politika Komunitarja tal-kompetizzjoni, iżda li, bil-kontra, l-applikazzjoni utili tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni teżiġi li l-Kummissjoni tkun tista' f’kull ħin tadatta l-livell ta’ multi għall-bżonnijiet ta’ din il-politika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 37 iktar 'il fuq, punt 227, tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 109, u tat-2 ta’ Ottubru 2003, Aristrain vs Il-Kummissjoni, C-196/99 P, Ġabra p. I-11005, punt 81; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-10 ta’ Marzu 1992, Solvay vs Il-Kummissjoni, T-12/89, Ġabra p. II-907, punt 309, u ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, Europa Carton vs Il-Kummissjoni, T-304/94, Ġabra p. II-869, punt 89; sentenza Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, punt 37 iktar 'il fuq, punt 56).

45      Jirriżulta minn dan li l-impriżi implikati fi proċedura amministrattiva li jistgħu jagħtu lok għal multa ma jiksbux aspettattiva leġittima mill-fatt li l-Kummissjoni ma tkunx ser taqbeż il-livell tal-multi mitluba preċedentement, lanqas fil-metodu ta’ kalkolu ta’ dawn l-aħħar (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 37 iktar 'il fuq, punt 228).

46      Konsegwentement, l-imsemmija impriżi għandhom jieħdu in kunsiderazzjoni l-possibbiltà li, f’kull żmien, il-Kummissjoni tiddeċiedi li tgħolli l-livell tal-multi meta mqabbel ma dak li ġie applikat fl-imgħoddi. Dan huwa validu mhux biss meta l-Kummissjoni tipproċedi li tgħolli l-livell ta’ l-ammont tal-multi billi taqta’ fuq multi f’deċiżjonijiet individwali, iżda wkoll jekk din iż-żieda ssir bl-applikazzjoni, għal każijiet speċifiċi, tar-regoli ta’ kondotta li għandhom portata ġenerali bħal-linji gwida (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 37 iktar 'il fuq, punti 229 u 230).

47      B'hekk, bla ħsara għall-iżviluppi li jidhru fil-punti 98 u s-segwenti punti iktar 'l isfel, huwa żbaljat li ADM essenzjalment issostni li ż-żieda tal-livell tal-multi mill-Kummissjoni, fil-kuntest ta' l-akkordju, huwa manifestament sproporzjonat meta mqabbel ma' l-obbjettiv li jassigura l-implementazzjoni tal-politika ta' kompetizzjoni.

48      B’hekk, iċ-ċirkustanza invokata minn ADM – li kieku kellha tiġi meqjusa bħala stabbilita - li l-applikazzjoni ta’ politika ġdida twassal għal multi li jammontaw għal bejn 43 u 153 darba iktar minn dawk tal-multi li kienu ġew imposti abbażi tal-prattika preċedenti ma tistax twassal għal ksur tal-prinċipju ta’ non retroattività. Fil-fatt, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 40 tal-preżenti sentenza, għandu jkun raġonevolment previdibbli għal ADM li l-Kummissjoni f’kull mument tista' tirrevedi l-livell ġenerali tal-multi fil-kuntest ta’ l-implementazzjoni ta’ politika oħra tal-kompetizzjoni. B’hekk, ADM kellha raġonevolment tipprevedi tali żieda – li tqisha bħala stabbilita – fiż-żmien fejn il-ksur ikkonċernat kien seħħ.

49      Fl-aħħar nett, safejn ADM tqis li, biex jiġi żgurat l-effett dissważiv tal-multi, huwa neċessarju li l-impriżi jkunu jafu minn qabel il-livell tal-multi li huma għandhom jistennew li se jingħataw jekk huma jwettqu xi ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni, huwa biżżejjed li jiġi ppreċiżat li n-natura dissważiva tal-multi ma jippreżupponi bl-ebda mod li l-impriżi jkunu jafu minn qabel il-livell preċiż tal-multa li għandhom jistennew għal imġiba antikompetittiva stabbilita.

50      Konsegwentement, il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta' ċertezza legali u ta' non retroattività tal-pieni għandu jiġi miċħud.

2.     Fuq il-ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali

a)     L-argumenti tal-partijiet

51      ADM issostni li l-applikazzjoni tal-linji gwida tikser il-prinċipju ta' trattament ugwali, għax hija twassal sabiex tiddifferenzja bejn l-impriżi li wettqu ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni in funzjoni, mhux tad-data tal-ksur, iżda tad-data ta' adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni ffissata minn din ta' l-aħħar b'mod arbitrarju. B'mod ta' eżempju, ADM tesponi li l-impriżi milquta bid-deċiżjoni 97/624/KE tal-Kummissjoni, ta' l-14 ta' Mejju 1997, dwar proċedura ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu [82] tat-Trattat KE (IV/34.621, 35.059/F-3 – Irish Sugar plc) (ĠU L 258, p. 1), u bid-Deċiżjoni 94/210/KE tal-Kummissjoni, tad-29 ta' Marzu 1994, dwar proċedura ta' applikazzjoni ta' l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat KE (IV/33.941 – HOV-SVZ/MCN) (ĠU L 104, p. 34), ġew imposti b'multi li ma jirrappreżentawx rispettivament ħlief 6,8 u 5% ta' l-ammont tal-bejgħ magħmul fuq is-suq rilevanti, filwaqt li l-ksur in kwistjoni kien konkomitanti ma' l-akkordju fuq il-glukonat tas-sodju.

52      Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

53      Huwa ta' ġurisprudenza stabbilita li l-fatt li kienet applikat metodu pprovdut fil-linji gwida sabiex tikkalkula l-ammont tal-multa m'għandux ikun kostituttiv ta' trattament diskriminatorju meta mqabbel ma' l-impriżi li kkommettew ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni matul l-istess perijodu iżda li, għal raġunijiet applikabbli fid-data tal-kxif tal-ksur jew għal raġunijiet ta' l-iżvolġiment tal-proċedura amministrattiva li jirrigwardawhom, kienu s-suġġett ta' kundanni f'dati preċedenti għall-adozzjoni u għall-pubblikazzjoni tal-linji gwida (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, punt 37 iktar 'il fuq, punti 69 sa 73; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta' Lulju 2001, Tate & Lyle et vs Il-Kummissjoni, T-202/98, T-204/98 u T-207/98, Ġabra p. II-2035, punti 118 u 119).

54      Konsegwentement, għar-raġunijiet invokati fis-sentenzi ċċitati fil-punt preċedenti, il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali għandu wkoll jiġi miċħud.

B –  Fuq il-gravità tal-ksur

1.     Introduzzjoni

55      ADM tqis li l-Kummissjoni ma evalwatx korrettament il-gravità tal-ksur fil-kuntest tal-kalkolu ta' l-ammont tal-multa. Il-motivi mqajma f'dan ir-rigward jikkonċernaw, fl-ewwel lok, in-nuqqas jew l-insuffiċenza ta' teħid in kunsiderazzjoni tal-fatturat ibbażat fuq il-bejgħ tal-prodott in kwistjoni, fit-tieni lok, in-nuqqas jew l-insuffiċenza ta' teħid in kunsiderazzjoni tad-daqs limitat tas-suq tal-glukonat tas-sodju, fit-tielet lok, it-teħid doppju in kunsiderazzjoni tan-neċessità ta' effett dissważiv tal-multa, fir-raba' lok, l-applikazzjoni ta' koeffiċient ta' żieda fuq l-ammont inizjali u, fil-ħames lok, l-impatt konkret fuq is-suq.

56      Qabel tiddeċiedi fuq il-mertu tad-diversi motivi invokati f'dan il-kuntest, għandu jsir sommarju tal-metodu użat mill-Kummissjoni f'dan il-każ fir-rigward ta' l-evalwazzjoni u t-teħid in kunsiderazzjoni tal-gravità tal-ksur, hekk kif joħroġ mill-premessi tad-Deċiżjoni.

57      Joħroġ mid-Deċiżjoni li, sabiex tevalwa l-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni, l-ewwel nett, ikkunsidrat li l-impriżi kkonċernati kienu kkommettew ksur gravi ħafna, fid-dawl tan-natura tiegħu, ta' l-impatt konkret fuq is-suq tal-glukonat tas-sodju fiż-ŻEE u tal-firxa tas-suq ġeografiku kkonċernat, li affettwa ż-ŻEE kollha (premessi 334 sa 371 tad-Deċiżjoni).

58      Sussegwentement, il-Kummissjoni kkunsidrat li kellu jiġi applikat fuq l-impriżi kkonċernati "trattament differenti sabiex jieħu in kunsiderazzjoni l-kapaċità tagħhom ekonomika reali [li] toħloq dannu sinjifikattiv għal kompetizzjoni u [...] tiffissa l-multa fuq livell li jiggarantixxi effett dissważiv suffiċjenti". F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni indikat li hija tieħu in kunsiderazzjoni tal-piż speċifiku ta' kull impriża, u għaldaqstant ta' l-effett reali ta' l-aġir illegali tagħha fuq il-kompetizzjoni (premessi 378 u 379 tad-Deċiżjoni).

59      Għall-finijiet ta' l-evalwazzjoni ta' dawn l-elementi, il-Kummissjoni għażlet li tibbaża ruħha fuq il-fatturati mwettqa mill-impriżi kkonċernati mill-bejgħ tal-glukonat tas-sodju fuq livell dinji matul l-aħħar sena tal-perijodu ta' ksur, jiġifieri s-sena 1995. Il-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, ikkunsidrat li, "[billi] is-suq [tal-glukonat tas-sodju huwa] globali, dawn l-ammonti taw l-aħjar indikazzjoni possibbli tal-kapaċità ta' l-impriżi parteċipanti [li] jikkawżaw dannu sinjifikattiv lill-operaturi l-oħra fis-suq u/jew liż-ŻEE" (premessa 381 tad-Deċiżjoni). Il-Kummissjoni żżid li, skond hi, dan il-metodu kien ikkorroborat bil-fatt li kien akkordju mondjali, li l-għan tiegħu kien, b'mod partikolari, li jaqsam is-swieq fuq skala mondjali u, għaldaqstant, li jeħles ċerti żoni tas-suq taż-ŻEE mill-kompetizzjoni. Hija kkunsidrat, barra minn hekk, li l-fatturat mondjali ta' parti waħda fl-akkordju ta wkoll idea tal-kontribuzzjoni tagħha fl-effiċjenza ta' l-akkordju fit-totalità tiegħu jew, għall-kuntrarju, ta' l-instabbiltà li kien jaffettwaha kieku l-imsemmija parti ma kinitx ipparteċipat fih (premessa 381 tad-Deċiżjoni).

60      Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni għażlet li tiddefinixxi żewġ kategoriji ta' impriżi, jiġifieri, minn naħa, dik ifformata mit-"tliet produtturi prinċipali tal-glukonat tas-sodju [li] kellhom l-ishma tas-suq mondjali għola minn 20% u, min-naħa l-oħra, dik ifformata mill-impriżi "li l-ishma tas-suq tagħhom kienu b'mod sinjifikattiv inferjuri fuq is-suq mondjali tal-glukonat tas-sodju (inqas minn 10%)" (premessa 382 tad-Deċiżjoni). B'hekk, il-Kummissjoni ffissat ammont inizjali ta' 10 miljun EUR għall-impriżi ta' l-ewwel kategorija, li inkludiet Fujisawa, Jungbunzlauer u Roquette, li l-ishma tagħhom tas-suq kienu rispettivament ta' madwar 36,25 u 21% u ammont inizjali ta' 5 miljun EUR għall-impriżi li jappartjenu għat-tieni kategorija, jiġifieri Glucona u ADM, li l-ishma tagħhom tas-suq kienu ta' madwar 9% kull waħda. Billi Glucona kienet miżmuma konġuntament minn Akzo u Avebe, il-Kummissjoni għaldaqstant ikkunsidrat għal kull waħda minn dawn l-impriżi ammonti bażiċi ta' 2.5 miljuni ta' EUR (premessa 385 tad-Deċiżjoni).

61      Fl-aħħar nett, sabiex tassigura li l-multa jkollha effett dissważiv biżżejjed, minn naħa, u sabiex tieħu in kunsiderazzjoni l-fatt li l-impriżi kbar għandhom għarfien u infrastrutturi ġuridiċi u ekonomiċi li jippermettulhom japprezzaw aħjar li l-imġiba tagħhom tikkostitwixxi ksur u l-konsegwenzi li joħorġu mill-imġiba tagħhom mill-aspett tad-dritt tal-kompetizzjoni, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni għamlet aġġustament ta’ dan l-ammont inizjali. Konsegwentement, filwaqt li ħadet in kunsiderazzjoni d-daqs u r-riżorsi globali ta’ l-impriżi kkonċernati, il-Kummissjoni applikat koeffiċjent multiplikatur ta’ 2.5 għall-ammonti inizjali ddeterminati għal ADM u AKZO u għaldaqstant ffissat l-ammont tal-multa, skond il-gravità tal-ksur, għal 12.5 miljun EUR fil-każ ta’ ADM u għal 6.25 miljun EUR fil-każ ta’ Akzo (premessa 388 tad-Deċiżjoni).

2.     Fuq in-nuqqas jew l-insuffiċenza ta' teħid in kunsiderazzjoni tal-fatturat tal-bejgħ tal-prodott in kwistjoni

a)     L-argumenti tal-partijiet

62      ADM takkuża lill-Kummissjoni li ma ħaditx in kunsiderazzjoni, jew b'mod insuffiċjenti, il-fatturat tagħha magħmul permezz tal-bejgħ tal-prodott in kwistjoni għall-kalkolu ta' l-ammont bażi tal-multa.

63      Minn naħa, ADM issostni li joħroġ mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza li l-fatturat magħmul permezz tal-prodott in kwistjoni huwa element importanti fil-kalkolu tal-multi (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Lulju 1994, Parker Pen vs Il-Kummissjoni, T-77/92, Ġabra p. II-549, punti 92 sa 95; tat-8 ta' Ottubru 1996, Compagnie maritime belge transports et vs Il-Kummissjoni, T-24/93 sa T-26/93 u T-28/93, Ġabra p. II-1201, punt 233; tal-21 ta' Ottubru 1997, Deutsche Bahn vs Il-Kummissjoni, T-229/94, Ġabra p. II-1689, punt 127, u ta' l-14 ta' Mejju 1998, SCA Holding vs Il-Kummissjoni, T‑327/94, Ġabra p. II-1373, punt 176).

64      ADM tqis li t-teħid in kunsiderazzjoni tal-fatturat magħmul permezz tal-prodott in kwistjoni fiż-ŻEE hija bażi approprjata sabiex jiġu evalwati d-danni għall-kompetizzjoni fuq is-suq tal-prodott ikkonċernat fost il-Komunità kif ukoll l-importanza relattiva tal-parteċipanti fl-akkordju meta mqabbla mal-prodotti in kwistjoni. Din il-konklużjoni hija kkorroborata bil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (sentenzi tat-Tribunal Europa Carton vs Il-Kummissjoni, punt 43 iktar 'il fuq, punt 126, u ta' l-14 ta' Mejju 1998, KNP BT vs Il-Kummissjoni, T-309/94, Ġabra p. II-1007, punt 108, ikkonfermata fl-appell bis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Novembru 2000, KNP BT vs Il-Kummissjoni, C-248/98 P, Ġabra p. I-9641).

65      Barra minn hekk, skond ADM, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-20 ta' Marzu 2002, HFB et vs Il-Kummissjoni (T-9/99, Ġabra p. II-1487, punt 442), tikkonferma li teħid in kunsiderazzjoni sproporzjonat tad-daqs globali ta' impriża għall-iffissar tal-multa huwa illegali.

66      Bl-istess mod, ADM issostni li, fil-prattika deċiżjonali ta' l-aħħar snin li tirrigwarda l-kawżi simili għal dawk ta' dan il-każ [deċiżjoni 94/601/KE tal-Kummissjoni, tat-13 ta' Lulju 1994, dwar proċedura ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 85 tat-Trattat KE (IV/C/33.833 – Carton) (ĠU L 243, p. 1); deċiżjoni 94/815/KE tal-Kummissjoni, tat-30 ta' Novembru 1994, dwar proċedura ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 85 tat-Trattat KE (IV/33.126 u 33.322 – Ciment) (ĠU L 343, p. 1); deċiżjoni 86/398/KEE tal-Kummissjoni, tat-23 ta' April 1986, dwar proċedura ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 85 tat-Trattat KEE (IV/31.149 – Polypropylène) (ĠU L 230, p. 1) ; deċiżjoni 89/515/KEE tal-Kummissjoni, tat-2 ta' Awwissu 1989, dwar proċedura ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 85 tat-Trattat KEE (IV/31.553 - Materjali wweldjati) (ĠU L 260, p. 1), u deċiżjoni 94/215/KEFA tal-Kummissjoni, tas-16 ta' Frar 1994. dwar proċedura ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 65 tat-Trattat KEFA dwar l-akkordji u prattiċi miftiehma li jimplikaw il-produtturi Ewropew ta' travi (ĠU L 116, p. 1)], il-Kummissjoni hija stess bbażat ruħha fuq il-volum tal-bejgħ magħmul bil-prodott in kwistjoni fis-suq Komunitarju, hekk kif barra minn hekk hija ammettietu fid-Deċiżjoni (premessa 395). Għalhekk, hija tirrileva li, billi tibbaża ruħha fuq dan il-kriterju ta' kalkolu, il-Kummissjoni ffissat multi li l-ammont tagħhom kien ta' bejn 2 u 9% tal-fatturat magħmul mill-impriżi kkonċernati permezz tal-prodott ikkonċernat. ADM tenfasizza li, kieku l-Kummissjoni kienet ukoll segwiet dan il-kriterju ta' kalkolu f'dan il-każ, hija kienet tkun obbligata timponilha multa ta' bejn 66000 u 236000 EUR. Min-naħa l-oħra, billi naqset milli tikkonforma ruħha ma' dan il-kriterju ta' kalkolu, il-Kummissjoni imponitilha, f'dan il-każ, multi li l-ammont tagħhom huwa bejn 43 u 153 darba għola minn dak tal-multi li hija kienet timponi fuq din il-bażi.

67      ADM tqis li l-approċċ segwit mill-Kummissjoni għandu bħala effett li jippenalizza prodott modest b'valur baxx ta' merkanzija bl-istess mod ta' akkordju li jirrigwarda prodott li għandu valur ta' merkanzija għoli u ekonomikament sinjifikattiv. Hija tqis li, fl-ebda mill-istadji tal-kalkolu tal-multa, il-Kummissjoni ma ħadet biżżejjed in kunsiderazzjoni l-ammont limitat tal-fatturat bil-bejgħ tal-glukonat tas-sodju li hija għamlet.

68      ADM iżżid li, anki billi tieħu in kunsiderazzjoni l-bejgħ ta' glukonat tas-sodju magħmul minnha fiż-ŻEE fil-perijodu kollu li matulu seħħ l-akkordju, u mhux biss matul sena waħda biss, il-multa stabbilita mill-Kummissjoni tibqa' manifestament sproporzjonata, Fil-fatt, il-fatturat tagħha magħmul bil-bejgħ tal-glukonat tas-sodju fiż-ŻEE bejn ix-xahar ta' Ġunju 1991 u x-xahar ta' Ġunju 1995 (jiġifieri d-dewmien allegat mill-Kummissjoni) mhuwiex iktar għoli minn madwar 7.83 miljun EUR għall-glukonat tas-sodju u, konsegwentement, il-multa tirrappreżenta 216% ta' dan l-ammont. Bejn ix-xahar ta' Ġunju 1991 u x-xahar ta' Ottubru 1994 (jiġifieri l-perijodu kollu li matulu ADM tqis li pparteċipat fl-akkordju), il-fatturat magħmul minnha fiż-ŻEE għall-glukonat tas-sodju huwa ta' madwar 5.96 miljun EUR u l-multa imposta tirrappreżenta 283% ta' dan l-ammont. Huwa x'inhuwa l-perijodu preċiż ta' parteċipazzjoni fl-akkordju meħud in kunsiderazzjoni, il-multa taqbeż iktar minn 200% tal-valur totali tal-bejgħ tal-perijodu kollu li matulu ADM ipparteċipat fl-akkordju. Fil-fatt, multa li tikkorrispondi għal 644% tal-bejgħ annwali tirriżulta mill-applikazzjoni tal-metodu segwit mill-awtoritajiet Amerikani, iċċitata mill-Kummissjoni, għal akkordju li dam 32 sena (u mhux inqas minn erba' snin).

69      Konsegwentement, ADM tqis li l-Kummissjoni mhux biss kisret il-prinċipji li joħorġu mill-ġurisprudenza, iżda wkoll kisret il-prinċipju ta' proporzjonalità.

70      Min-naħa l-oħra, ADM tqis li l-linji gwida jindikaw li huwa "neċessarju li tiġi meħuda in kunsiderazzjoni l-kapaċità ekonomika effettiva ta' min wettaq il-ksur li joħloq dannu sinjifikattiv għall-operaturi oħra, b'mod partikolari għall-konsumaturi" u li huma jipprovdu barra minn hekk, fil-każ ta' kartelli, evalwazzjoni eventwali intiża sabiex tirrifletti "l-impatt reali […] ta' l-imġiba illegali ta' kull impriża fuq il-kompetizzjoni".

71      Issa, skond ADM, l-impatt ekonomiku, kemm jekk huwa fuq il-kompetizzjoni jew fuq l-operaturi l-oħra, jista' biss jiġi evalwat meta mqabbel ma' l-ammont tal-bejgħ tal-prodott in kwistjoni. Biss it-teħid in kunsiderazzjoni ta' dan il-bejgħ jippermetti li tiġi stmata l-firxa tad-dannu potenzjali għall-konsumaturi jew għall-kompetizzjoni skond il-profitt antikompetittiv jew profitti oħra illegali.

72      Konsegwentement, hija tqis li, billi naqset milli tieħu in kunsiderazzjoni l-fatturat li ġej mill-bejgħ tal-prodott in kwistjoni, il-Kummissjoni ma applikatx korrettament il-linji gwida tagħha stess.

73      Fl-aħħar nett, ADM issostni li, billi naqset milli tipprovdi motivi speċifiċi in sostenn tad-deċiżjoni tagħha li ma tiħux in kunsiderazzjoni l-bejgħ li ADM għamlet fuq is-suq tal-prodott in kwistjoni fiż-ŻEE, il-Kummissjoni kisret l-obbligu ta' motivazzjoni.

74      Il-Kummissjoni titlob li l-motivi invokati jiġu miċħuda.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

75      ADM tqajjem il-ksur, fl-ewwel lok, tal-prinċipju ta' proporzjonalità, fit-tieni lok, tal-linji gwida u fit-tielet lok, ta' l-obbligu ta' motivazzjoni.

 Fuq il-ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità

76      Hekk kif dan ġie rrikonoxxut permezz ta’ ġurisprudenza stabbilita, il-gravità tal-ksur trid tiġi stabbilita fid-dawl ta’ numru ta’ elementi bħal, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża u l-kuntest tagħha, u dan mingħajr ma teżisti lista restrittiva jew eżawrjenti tal-kriterji li għandhom obbligatorjament jittieħdu in kunsiderazzjoni (Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Marzu 1996, SPO et vs Il-Kummissjoni, C-137/95 P, Ġabra p. I-1611, punt 54; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Lulju 1997, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, C-219/95 P, Ġabra p. I-4411, punt 33; sentenza HFB et vs Il-Kummissjoni, punt 64 iktar 'il fuq, punt 443).

77      Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li, fost l-elementi ta’ evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, skond il-każ, jistgħu jkunu parti minn din l-evalwazzjoni l-volum u l-valur tal-merkanziji li huma s-suġġett tal-ksur kif ukoll id-daqs u s-saħħa ekonomika ta’ l-impriża u, għaldaqstant, l-influwenza li din tista' teżerċita fis-suq rilevanti. Minn naħa, isegwi li huwa possibbli, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa, li l-fatturat globali ta’ l-impriża tittieħed ukoll in kunsiderazzjoni, peress li jikkostitwixxi indikazzjoni, anki jekk aprossimattiva u imperfetta, tad-daqs u s-saħħa ekonomika tagħha, kif ukoll tas-sehem ta’ l-impriżi kkonċernati fis-suq li tista' tagħti għalhekk indikazzjoni tal-kobor tal-ksur. Min-naħa l-oħra, jirriżulta minn dan li m’għandux jiġi attribwit la lil waħda u lanqas lill-oħra ta' dawn il-figuri importanza sproporzjonata meta mqabbla ma’ elementi oħra ta’ evalwazzjoni, billi l-iffissar ta’ ammont approprjat ta’ multa ma jistax ikun ir-riżultat ta’ sempliċi kalkolu abbażi tal-fatturat globali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 47 iktar 'il fuq, punti 120 u 121; is-sentenzi Parker Pen vs Il-Kummissjoni, punt 62 iktar 'il fuq, punt 94; SCA Holding vs Il-Kummissjoni, punt 62 iktar 'il fuq, punt 176; Archer Daniels Midland et Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, punt 37 iktar 'il fuq, punt 188, u HFB et vs Il-Kummissjoni, punt 64 iktar 'il fuq, punt 444).

78      Jirriżulta minn dan li, għalkemm m'għandux jiġi miċħud, kif issostni ADM, li l-fatturat tal-prodott ikkonċernat jista' jikkostitwixxi bażi approprjata biex jiġu evalwati t-theddidiet għall-kompetizzjoni fis-suq tal-prodott ikkonċernat fi ħdan il-Komunità kif ukoll l-importanza relattiva tal-parteċipanti fl-akkordju meta mqabbla mal-prodotti kkonċernati, ma jfissirx li dan l-element jikkostitwixxi, b'xi mod, l-uniku kriterju li bih il-Kummissjoni għandha tevalwa l-gravità tal-ksur.

79      Konsegwentement, kontra dak li ssostni ADM, dan l-element ikun qed jingħatalu importanza sproporzjonata filwaqt li jillimita, bħal ma jidher li qed tipproponi, l-evalwazzjoni tar-relazzjoni bejn il-multa imposta u l-fatturat tal-prodott in kwistjoni sabiex tiġi evalwata n-natura proporzjonata tiegħu.

80      F'kull każ, iċ-ċirkustanza biss invokata minn ADM li l-multa imposta taqbeż l-ammont tal-fatturat li hija għamlet fiż-ŻEE bil-bejgħ ta' dan il-prodott matul il-perijodu kkonċernat bl-akkordju, jew anki taqbżu b'mod sinjifikattiv, mhuwiex biżżejjed sabiex juri n-natura sproporzjonata tal-multa. Fil-fatt, għandha tiġi evalwata n-natura proporzjonata ta' dan il-livell ta' multa b'paragun ma' l-elementi kollha li l-Kummissjoni għandha tieħu in kunsiderazzjoni tagħhom fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, jiġifieri, in-natura stess tal-ksur, l-impatt tiegħu konkret fuq is-suq ikkonċernat u l-firxa tas-suq ġeografiku. Il-mertu tad-Deċiżjoni b'paragun ma' xi wħud minn dawn il-kriterji huwa, billi jiġu segwiti l-argumenti ta' ADM, eżaminat iktar 'l isfel.

81      Għaldaqstant, il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità li l-ammont tal-multa imposta jaqbeż l-ammont tal-fatturat li ADM għamlet fiż-ŻEE bil-bejgħ tal-prodott in kwistjoni matul il-perijodu ta' l-akkordju għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-ksur tal-linji gwida

82      Hekk kif il-Qorti tal-Prim’Istanza diġà kellha l-okkażjoni tikkonstata, il-linji gwida ma jipprevedux li l-ammont tal-multi huwa kkalkulat permezz tal-fatturat globali jew tal-fatturat magħmul mill-impriżi fis-suq ikkonċernat. Madankollu, huma ma jmorrux kontra li l-fatturati jittieħdu in kunsiderazzjoni meta jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa sabiex jiġu rrispettati l-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju u dan meta ċ-ċirkustanzi jeżiġu hekk (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 41 iktar 'il quddiem, punt 283, ikkonfermata fl-appell mis-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 37 iktar 'il quddiem, punt 258, u Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, punt 37 iktar 'il fuq, punt 187).

83      Konsegwentement, il-linji gwida ma jipprevedux li l-fatturati ta’ l-impriżi kkonċernati – kemm jekk huwa l-fatturat globali jew dak ibbażat fuq il-bejgħ tal-prodott ikkonċernat – jikkostitwixxu l-punt inizjali għall-kalkolu tal-multi u, wisq inqas, li jikkostitwixxu l-uniċi kriterji rilevanti sabiex tiġi ddeterminata l-gravità tal-ksur.

84      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tista' tieħu dan in kunsiderazzjoni bħala element rilevanti fost oħrajn. Dan huwa partikolarment il-każ meta, skond it-tielet sas-sitt inċiż tal-punt 1A tal-linji gwida, il-Kummissjoni tadatta l-ammont sabiex tiggarantixxi livell dissważiv biżżejjed tal-multi. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tieħu in kunsiderazzjoni l-kapaċità effettiva ta’ min wettaq il-ksur li jikkawża dannu kunsiderevoli lill-operaturi l-oħra u n-neċessità li tiġi żgurata li l-multa jkollha natura dissważiva biżżejjed (punt 1 A, ir-raba’ inċiż) u tieħu in kunsiderazzjoni l-ammonti ddeterminati fuq il-piż speċifiku, u għalhekk ta' l-impatt reali, ta’ l-imġiba illegali ta’ kull impriża fuq il-kompetizzjoni, partikolarment meta teżisti disparità kunsiderevoli fid-dimensjoni ta’ l-impriżi li wettqu ksur ta’ l-istess natura (punt 1 A, is-sitt inċiż).

85      B'mod partikolari, il-Kummissjoni sostniet fid-dokumenti tagħha li, sabiex tevalwa, fil-kuntest tat-trattament differenti bejn l-impriżi kkonċernati, l-effett reali ta' l-imġiba illegali ta' kull impriża fuq il-kompetizzjoni, hija għandha tieħu in kunsiderazzjoni l-fatturat ibbażat fuq il-bejgħ tal-prodott in kwistjoni.

86      Hekk kif jirriżulta mill-premessi 378 sa 382 tad-Deċiżjoni, kuntrarjament għal dak li ssostni ADM, il-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, tabilħaqq ħadet in kunsiderazzjoni l-fatturati tal-partijiet ikkonċernati bbażati fuq il-bejgħ tal-prodott in kwistjoni. Fil-fatt, hekk kif diġà ġie kkonstatat fil-punti 57 u 59 iktar 'il fuq, sabiex tapplika l-imsemmi trattament differenti bejn l-impriżi kkonċernati, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-fatturati magħmula minn dawn ta' l-aħħar mill-bejgħ tal-glukonat tas-sodju fuq livell dinji matul l-aħħar sena tal-perijodu li jikkostitwixxi ksur, jiġifieri s-sena 1995.

87      Issa, f'dan il-każ, dan huwa kartell li jgħaqqad l-impriżi li għandhom il-kważi totalità ta' l-ishma tas-suq tal-prodott rilevanti fuq livell dinji. Barra minn hekk, il-kartell jirrigwarda l-iffissar tal-prezzijiet u t-taqsim tas-suq bl-attribuzzjoni ta' kwoti ta' bejgħ. F'każ bħal dan, fil-kuntest ta' trattament differenti bejn l-impriżi kkonċernati, il-Kummissjoni tista' validament tibbaża ruħha fuq il-fatturati magħmula mill-membri ta' dan l-akkordju bil-bejgħ tagħhom tal-glukonat tas-sodju fuq livell dinji. Fil-fatt, billi l-obbjettiv ta' dan it-trattament differenti huwa li jevalwa l-kapaċità ekonomika effettiva ta' min wettaq il-ksur li jikkawża dannu lill-kompetizzjoni bl-imġiba li tikkostitwixxi ksur u, għaldaqstant, li jieħu in kunsiderazzjoni l-piż speċifiku tiegħu fil-kartell, il-Kummissjoni ma qabżitx il-marġini wiesa' tagħha ta' evalwazzjoni meta kkunsidrat li s-sehem tas-suq dinji tal-membri rispettivi ta' l-akkordju kien valur indikattiv approprjat.

88      Konsegwentement, il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-linji gwida għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni

89      Hija ġurisprudenza stabbilita li l-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 253 KE għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament ta’ l-awtorità Komunitarja, awtriċi ta’ l-att ikkontestat, b’mod li tippermetti lil min hu kkonċernat ikun jaf il-ġustifikazzjonijiet tal-miżura li ttieħdet u lill-qorti kompetenti li teżerċità l-istħarriġ tagħha. Il-ħtieġa għal motivazzjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut ta’ l-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista' jkollhom biex jirċievu xi spjegazzjonijiet. Mhuwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha ta’ fatt u ta’ dritt rilevanti, safejn il-kwistjoni li jsir magħruf jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax l-eżiġenzi ta’ l-Artikolu 253 KE għandu jiġi apprezzat fir-rigward mhux biss minn kif inhi msejħa, iżda wkoll mill-kuntest tagħha kif ukoll mir-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C-367/95 P, Ġabra p. I-1719, punt 63, u tat-30 ta’ Settembru 2003, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-301/96 , Ġabra p. I-9919, punt 87).

90      Fir-rigward ta’ deċiżjoni li timponi multi fuq numru ta’ impriżi għal ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni, il-portata ta’ l-obbligu tal-motivazzjoni għandha tiġi partikolarment iddeterminata fid-dawl tal-fatt li l-gravità tal-ksur għandha tiġi stabbilita permezz ta’ numru kbir ta’ elementi bħal, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kawża u l-kuntest tagħha, u dan mingħajr ma teżisti lista restrittiva jew eżawrjenti tal-kriterji li għandhom obbligatorjament jittieħdu in kunsiderazzjoni (digriet SPO et vs Il-Kummissjoni, punt 98 iktar 'il fuq, punt 54).

91      F'dan il-każ, il-Kummissjoni ma kkalkulatx l-ammont tal-multa fuq il-bażi tal-fatturat relatat mal-prodott kkonċernat fiż-ŻEE. Issa, kuntrarjament għal dak li tiddikjara ADM, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata li tikkalkula l-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta fuq impriża fuq il-bażi tal-fatturat tagħha relatat mal-prodott ikkonċernat fiż-ŻEE (ara l-punti 85 u 86 iktar 'il fuq). Konsegwentement, hija ma tistax takkuża lill-Kummissjoni li ma indikatx il-motivi li għalihom hija m'għamlitx użu minn dan il-fattur sabiex tikkalkula l-ammont tal-multa li ġiet imposta.

92      Konsegwentement, il-motiv ibbażat fuq il-ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni għandu wkoll jiġi miċħud.

3.     Fuq in-nuqqas jew l-insuffiċenza ta' teħid in kunsiderazzjoni tad-daqs limitat tas-suq tal-prodott in kwistjoni

a)     L-argumenti tal-partijiet

93      ADM tqis li, kuntrarjament għal dak li hija ddikjarat fil-premessa 377 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni ma kkunsidratx, jew inkella, ma kkunsidratx korrettament, għall-kalkolu tal-multa, id-daqs limitat tas-suq tal-prodott in kwistjoni.

94      Fl-ewwel lok, ADM tosserva li l-Kummissjoni ffissat l-ammont inizjali għall-impriżi kollha kkonċernati għal 40 miljun EUR li 5 miljun EUR minnhom għal ADM biss (premessa 385 tad-Deċiżjoni). Issa, l-ammont ta' 40 miljun EUR jikkorrispondi għal iktar minn 200% tal-bejgħ ta' glukonat tas-sodju magħmul fiż-ŻEE fl-1995 għall-impriżi kollha kkonċernati. Barra minn hekk, hija tallega li l-multa finali imposta mill-Kummissjoni kkorispondiet, qabel it-tnaqqis għal kooperazzjoni, għal 438% u, wara dan it-tnaqqis, għal 294% ta' l-ammont tal-multa tal-bejgħ ta' glukonat tas-sodju fiż-ŻEE fl-1995 (premessi 396 u 440 tad-Deċiżjoni).

95      Fit-tieni lok, billi tqabbel il-multa li l-Kummissjoni imponitilha f'dan il-każ ma' dawk imposti fil-kawża "Fosfati taż-żingu", Deċiżjoni 2003/437/KE tal-Kummissjoni, tal-11 ta' Diċembru 2001, dwar proċedura ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u ta' l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/E-1/37.027 – Żingu tal-fosfat) (ĠU 2003, L 153, p. 1), ADM tqis li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta' trattament ugwali. Hija tirrileva fil-fatt li, minkejja li dawn iż-żewġ kawżi huma in parti kontemporanji u komparabbli abbażi mhux biss tad-daqs tas-swieq ikkonċernati, iżda wkoll tal-gravità u tad-dewmien tal-ksur, il-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni d-daqs limitat tas-suq taż-żingu tal-fosfat fl-Ewropa u, f'din il-kawża l-oħra, iffissat il-multa globali għal 11.95 miljun EUR (jew 75% ta' l-ammont globali tal-bejgħ tal-prodott in kwistjoni) kontra 40 miljun EUR ta' multa globali fil-kawża tal-glukonat tas-sodju (li jirrappreżenta iktar minn 200% tal-bejgħ tal-prodott in kwistjoni fiż-ŻEE). Barra minn hekk, ADM tosserva li, fil-kawża msejħa "Fosfati taż-żingu", l-ammont bażi kien ġie ffissat għal 3 miljun EUR għall-impriżi li għandhom sehem fis-suq li jaqbeż 20% u għal 0,75 miljun EUR għall-impriża li ppreżentat sehem tas-suq nettament inferjuri. Issa, hija tfakkar li, fil-każ tal-glukonat tas-sodju, il-Kummissjoni ffissat l-ammont inizjali għall-kalkolu tal-multa għal 10 miljun EUR għall-impriżi li s-sehem tagħhom kien jaqbeż 20% u għal 5 miljun EUR għal dawk li għandhom sehem fis-suq nettament inferjuri.

96      Fit-tielet lok, ADM tqis li d-Deċiżjoni hija, fuq dan il-punt, ukoll ivvizjata bi ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni safejn teżisti, skondha, kuntradizzjoni bejn, minn naħa, il-premessa 377 u, min-naħa l-oħra, il-premessi 394 u 395 tad-Deċiżjoni. Fil-fatt, ADM issostni, fil-premessa 377, li l-Kummissjoni tiddikjara li ħadet in kunsiderazzjoni l-fatturat magħmul bil-prodott in kwistjoni filwaqt li, fil-premessi 394 u 395, hija tiċħad l-argumenti ppreżentati minn ADM intiżi sabiex l-imsemmi fatturat huwa meħud in kunsiderazzjoni.

97      Il-Kummissjoni titlob li l-motivi invokati jiġu miċħuda. Fir-rigward tal-paragun ta' dan il-każ mal-kawża msejħa "Fosfati taż-żingu", il-Kummissjoni ssostni li, f'din il-kawża l-oħra, fl-ewwel lok, il-multi inizjalment ikkalkulati kienu ġew imnaqsa bin-nofs minħabba l-limitu ta' 10% tal-fatturat globali previst fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17 u, fit-tieni lok, li ebda ċirkustanza aggravanti ma kienet ġiet ikkunsidrata mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, id-differenzi li setgħu jeżistu fit-trattament ta' dawn iż-żewġ kawżi jiġġustifikaw ruħhom bil-marġini ta' evalwazzjoni li tiddisponi minnu l-Kummissjoni f'dan ir-rigward.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

98      ADM tinvoka l-ksur, fl-ewwel lok, tal-prinċipju ta' proporzjonalità, fit-tieni lok, tal-prinċipju ta' trattament ugwali u, fit-tielet lok, ta' l-obbligu ta' motivazzjoni.

 Fuq il-ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità

99      Għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, l-ammont tal-multa huwa ddeterminat abbażi tal-gravità tal-ksur u tad-dewmien tiegħu. Minbarra dan, skond il-linji gwida, il-Kummissjoni għandha tiffissa l-ammont inizjali skond il-gravità tal-ksur billi tieħu in kunsiderazzjoni n-natura stess tal-ksur, l-impatt konkret tiegħu fuq is-suq u l-firxa tas-suq ġeografiku.

100    Għaldaqstant, dan il-kuntest ġuridiku ma jimponix, bħala tali, fuq il-Kummissjoni li tieħu in kunsiderazzjoni tad-daqs żgħir tas-suq tal-prodotti.

101    Madankollu, skond il-ġurisprudenza, fl-evalwazzjoni tal-gravità ta’ ksur, huwa obbligu tal-Kummissjoni li tieħu in kunsiderazzjoni numru kbir ta’ elementi li n-natura u l-importanza tagħhom ivarjaw skond it-tip ta’ ksur in kwistjoni u ċ-ċirkustanzi partikolari tal-ksur ikkonċernat (sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 43 iktar 'il fuq, punt 120). Fost dawn l-elementi li jikkonfermaw il-gravità ta’ ksur, ma jistax jiġi eskluż li jista' jidher, skond il-każ, id-daqs tas-suq tal-prodott in kwistjoni.

102    Konsegwentement, jekk id-daqs tas-suq jista' jikkostitwixxi element li għandu jittieħed in kunsiderazzjoni sabiex tiġi stabbilita l-gravità tal-ksur, l-importanza tiegħu tvarja skond iċ-ċirkustanzi partikolari tal-ksur ikkonċernat.

103    F'dan il-każ, il-ksur jirrigwarda b'mod partikolari akkordju fuq il-prezzijiet, li, min-natura tiegħu, huwa intrinsikament gravi ħafna. Barra minn hekk, l-impriżi li huma parti fl-akkordju għandhom flimkien iktar minn 90% tas-suq dinji u 95% tas-suq Europew (premessa 9 tad-Deċiżjoni). Fl-aħħar nett, jidher li l-glukonat tas-sodju huwa materja prima użata f'numru ta' prodotti lesti varji ħafna li jaffettwa b'hekk diversi swieq (premessi 6 u 8 tad-Deċiżjoni). F'dan il-kuntest, iċ-ċokon tad-daqs in kwistjoni, fil-każ li dan javvera ruħu, huwa biss ta' importanza minuri meta mqabbel ma' l-elementi l-oħra li jikkonfermaw il-gravità tal-ksur.

104    F'kull każ, għandu jitqies li l-Kummissjoni qieset li l-ksur kellu jiġi kkunsidrat bħala gravi ħafna fis-sens tal-linji gwida, li, għal dawn il-każijiet, jipprovdu li l-Kummissjoni tista' "tikkunsidra" ammont inizjali li jaqbeż l-20 miljun EUR. Madankollu, f'dan il-każ, joħroġ mill-premessa 385 tad-Deċiżjoni li l-Kummissjoni kkunsidrat biss ammont inizjali ta' 10 miljun EUR għall-impriżi li jagħmlu parti mill-ewwel kategorija u ta' 5 miljun EUR għal dawk li jagħmlu parti mit-tieni kategorija, li jikkorrispondi għal nofs, tabilħaqq kwart, ta' l-ammont li, skond il-linji gwida, hija setgħet "tikkunsidra" għall-ksur gravi ħafna.

105    Dan l-iffissar ta' l-ammont inizjali tal-multa jikkonferma li, kif indikat fil-premessa 377 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni, b'mod partikolari, id-daqs limitat tas-suq ta' prodotti in kwistjoni.

106    Konsegwentement, il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali

107    Għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta' trattament ugwali huwa miksur biss meta sitwazzjonijiet komparabbli huma ttrattati b'mod differenti jew meta sitwazzjonijiet differenti huma ttrattati b'mod identiku, sakemm dan it-trattament mhuwiex oġġettivament iġġustifikat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta' Diċembru 1984, Sermide, 106/83, Ġabra p. 4209, punt 28, u tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Mejju 1998, BPB de Eendracht vs Il-Kummissjoni, T-311/94, Ġabra p. II-1129, punt 309).

108    Għandu jiġi mfakkar ukoll li l-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni ma sservix bħala kuntest ġuridiku għall-multi fir-rigward tal-kompetizzjoni, billi dan ta' l-aħħar huwa ddefinit mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, hekk kif ikkompletat mil-linji gwida (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 37 iktar 'il fuq, punti 209 sa 213, u l-ġurisprudenza ċċitata fiha).

109    Barra minn hekk, l-ammont tal-multi li jiġi ddeterminat jirriżulta mis-setgħa wiesgħa ta' evalwazzjoni tal-Kummissjoni b'tali mod li l-operaturi ma jistgħux ikollhom aspettattivi leġittimi meta dawn l-ammonti jiġu ddeterminati mill-Kummissjoni (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 37 iktar 'il fuq, punti 171 u 172, u l-ġurisprudenza ċċitata fiha).

110    Fl-aħħar nett, għandu jiġi mfakkar li l-fatt biss li l-Kummissjoni kkunsidrat, fil-prinċipju tagħha deċiżjonali preċedenti, li mġiba ġġustifikat multa ta' ċertu ammont ma jimplika bl-ebda mod li hija obbligata li tagħmel l-istess evalwazzjoni f'deċiżjoni li tittieħed sussegwentement (ara b'mod partikolari, b'analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-17 ta' Diċembru 1991, Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, T-7/89, Ġabra p. II-1711, punt 357; ta' l-14 ta' Mejju 1998, Mayr-Melnhof vs Il-Kummissjoni, T‑347/94, Ġabra p. II‑1751, punt 368, u LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 37 iktar 'il fuq, punti 234 u 337).

111    B'hekk, f'dan il-każ, għandu jiġi kkunsidrat li s-sempliċi invokazzjoni minn ADM tad-Deċiżjoni msejħa "Fosfati taż-żingu" hija fiha nnifisha inoperanti, billi l-Kummissjoni ma kinitx obbligata li tevalwa bl-istess mod din il-kawża.

112    Fir-rigward ta' l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali f'dan il-każ, għandu jiġi enfasizzat li d-deċiżjonijiet l-oħra tal-Kummissjoni intervenuti fir-rigward tal-multi jippreżentaw prinċipalment natura indikattiva biss, iktar u iktar peress li d-data ċirkustanzjali ta' dawn id-deċiżjonijiet l-oħra, bħas-swieq, il-prodotti, l-Istati, l-impriżi u l-perijodi kkonċernati mhumiex identiċi għal dawk tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-13 ta' Jannar 2004, JCB Service vs Il-Kummissjoni, T-67/01, Ġabra p. II-49, punt 187).

113    Issa, f'dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, prima facie, li ċ-ċirkustanzi ta' l-akkordju li jagħmlu s-suġġett tad-Deċiżjoni jiddivrenzjaw minn dawk li huma s-suġġett tad-deċiżjoni msejħa "Fosfati taż-żingu". Fil-fatt, l-akkordju fuq is-suq tal-fosfati taż-żingu applika biss fit-territorju taż-ŻEE, filwaqt li l-akkordju fuq il-glukonat tas-sodju kien dinji. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dan il-każ, l-akkordju fuq is-suq tal-fosfati taż-żingu għaqqad biss l-impriżi ta' daqs relattivament limitat. B'hekk, il-fatturati mondjali ta' l-impriżi kkonċernati fid-Deċiżjoni msejħa "Fosfati taż-żingu" huma, għas-sena 2000, bejn 7.09 u 278.8 miljun EUR, filwaqt li f'din il-kawża l-fatturati dinjija ta' l-impriżi kkonċernati għas-sena 2000 huma bejn 314 miljun u 14,003 biljun EUR, li 13,936 biljun EUR minnhom għal ADM.

114    F'kull każ, anki li kieku ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha għall-finijiet li jiġi ddeterminat l-ammont approprjat tal-multa tal-kawża li huma s-suġġett tad-deċiżjoni msejħa "Fosfati taż-żingu" jistgħu jiġu kkunsidrati bħala komparabbli ma' dawk ta' dan il-każ, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis, skond is-setgħa tagħha ta' ġurisdizzjoni assoluta, li l-ammont bażi ffissat mill-Kummissjoni għall-ksur magħmul minn ADM f'dan il-każ huwa approprjat fid-dawl ta' l-elementi kollha rrilevati mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni u ta' l-evalwazzjoni li saret ta' xi wħud minn dawn l-elementi f'din is-sentenza.

115    Konsegwentement, ADM ma tistax validament tibbaża ruħha fuq id-deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-kawża msejħa "Fosfati taż-żingu" sabiex turi l-eżistenza ta' ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali f'dan il-każ.

 Fuq il-ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni

116    Fir-rigward ta' l-eżistenza, allegata minn ADM, ta' kuntradizzjoni bejn, minn naħa, il-premessa 377 u, min-naħa l-oħra, il-premessi 394 u 395 tad-Deċiżjoni, għandu jiġi nnotat li, fil-premessa 377 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni indikat li hija kkunsidrat, fil-kuntest ta' l-iffissar ta' l-ammonti inizjali, id-daqs limitat tas-suq tal-glukonat tas-sodju. Kuntrarjament għal dak li ssostni ADM, il-Kummissjoni ma kkuntraditx din l-indikazzjoni meta, fil-premessa 395 tad-Deċiżjoni, hija ċaħdet l-argumenti magħmula b'mod partikolari minn ADM u bbażati, sostanzjalment, fuq li l-Kummissjoni kellha tiffissa l-multi skond il-fatturat magħmul mill-impriżi kkonċernati fuq is-suq in kwistjoni. Fil-fatt, minn naħa, iċ-ċirkustanza li xi partijiet, li minnhom ADM, jagħmlu biss ftit fatturat fuq is-suq in kwistjoni ma jindikax neċessarjament li dan is-suq huwa ta' daqs limitat. Min-naħa l-oħra, hekk kif ingħad diġà fil-punt 103 iktar 'il fuq, billi kkunsidrat biss, f'dan il-każ, ammont inizjali ta' 10 miljun EUR minkejja l-fatt li dan kien ksur, min-natura tiegħu stess, gravi ħafna, il-Kummissjoni kkunsidrat id-daqs limitat tas-suq. Għaldaqstant, id-Deċiżjoni mhijiex ivvizzjata b'kuntradizzjoni fuq dawn il-punti.

117    Konsegwentement, il-motiv ibbażat fuq il-ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni għandu wkoll jiġi miċħud.

4.     Fuq il-kunsiderazzjoni doppja ta' l-effett dissważiv tal-multa

a)     L-argumenti tal-partijiet

118    ADM tqis li l-Kummissjoni kkunsidrat darbtejn in-natura dissważiva tal-multa sabiex tikkalkula l-ammont tagħha, jiġifieri, minn naħa, sabiex tikkwalifika r-rwol tal-parteċipanti fl-akkordju fil-kuntest ta' l-iffissar ta' l-ammont inizjali (premessi 378, 382 u 385 tad-Deċiżjoni) u, min-naħa l-oħra, sabiex tapplika żieda ta' 250% biex tieħu in kunsiderazzjoni d-daqs tagħha u r-riżorsi globali tagħha (premessi 386 u 388 tad-Deċiżjoni). F'kull każ, għalkemm l-argumentazzjoni tal-Kummissjoni quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza kienet korretta, id-Deċiżjoni hija, fuq dan il-punt, ivvizzjata bi ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni.

119    Il-Kummissjoni tikkontesta li effettwat kunsiderazzjoni doppja ta' l-effett dissważiv tal-multa. Għall-kuntrarju, hija tqis li pproċediet f'żewġ stadji distinti u konsekuttivi, ibbażati fuq kriterji differenti, sabiex tiffissa l-multa fuq livell dissważiv biżżejjed (premessi 378 u 380 tad-Deċiżjoni). Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li mmotivat biżżejjed id-Deċiżjoni fuq dan il-punt.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

120    ADM tinvoka b'hekk il-ksur, fl-ewwel lok, tal-linji gwida u, fit-tieni lok, ta' l-obbligu ta' motivazzjoni.

 Fuq il-ksur tal-linji gwida

121    Hekk kif ADM issostni tajjeb legalment, il-Kummissjoni invokat in-neċessità li tiffissa l-multi fuq livell dissważiv meta hija applikat fuq il-parteċipanti fl-akkordju trattament differenti skond is-sehem tagħhom fis-suq, billi poġġiet lil ADM fil-kategorija ta' l-impriżi li għandhom sehem fis-suq inferjuri għal 10% (premessi 378, 382 u 385 tad-Déciżjoni). Bl-istess mod, il-Kummissjoni invokat dan l-element billi hija applikat fuq ċerti membri ta' l-akkordju, fosthom ADM, il-koeffiċjent multiplikatur ta' 2.5 sabiex tieħu in kunsiderazzjoni d-daqs tagħhom u r-riżorsi globali tagħhom (premessi 386 sa 388 tad-Deċiżjoni).

122    Madankollu, sabiex tiffissa l-ammont inizjali tal-multa skond il-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni, minn naħa, ikkwalifikat il-ksur bħala tali billi kkunsidrat elementi oġġettivi, jiġifieri n-natura stess tal-ksur, l-impatt tiegħu fuq is-suq u l-firxa ġeografika ta' dan is-suq. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni kkunsidrat elementi suġġettivi, jiġifieri ċ-ċirkustanzi marbuta speċifikament ma' kull membru ta' l-akkordju, bħad-daqs ta' l-impriża u r-riżorsi globali tiegħu. Huwa fil-kuntest ta' din it-tieni parti ta' l-analiżi tagħha li hija segwiet, b'mod partikolari, l-obbjettiv li tassigura livell dissważiv tal-multa.

123    Għalhekk, hekk kif il-Kummissjoni ssostniet ġustament, anki jekk, fil-kuntest ta' din it-tieni parti ta' l-analiżi tagħha, hija rreferiet darbtejn għal dan l-obbjettiv, hija, fir-realtà, ipproċediet għal kalkolu wieħed, li hija qasmet f'żewġ biċċiet, u li kellu bħala għan li jiffissa l-multa, għal kull wieħed mill-membri ta' l-akkordju, fuq livell li, meta jiġu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi speċifiċi tagħhom, l-obbjettiv ta' dissważjoni jista' jkun ippreġudikat fir-rigward ta' l-elementi oġġettivi u suġġettivi kollha tal-gravità tal-ksur.

124    Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni ADM, il-Kummissjoni ma kkunsidratx darbtejn l-element dissważiv tal-multa.

125    Konsegwentement, il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-linji gwida għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni

126    Għandu jiġi kkonstatat li ADM ma ressqet l-ebda argument konkret in sostenn ta' l-affermazzjoni tagħha u sempliċement akkużat lill-Kummissjoni li ma pprovditx motivazzjoni talli għaddiet darbtejn l-element dissważiv tal-multa.

127    F'kull każ, ġie diġà deċiż fil-punti 120 sa 124 iktar 'il fuq li l-Kummissjoni ma kinitx ikkunsidrat darbtejn l-element dissważiv tal-multa. Għaldaqstant, hija ma kellhiex bżonn tipprovdi motivazzjoni speċifika f'dan ir-rigward.

128    Konsegwentement, il-motiv ibbażat fuq il-ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni għandu wkoll jiġi miċħud.

5.     Fuq l-applikazzjoni ta' koeffiċjent ta' żieda fuq l-ammont inizjali

a)     L-argumenti tal-partijiet

129    ADM tqis li l-applikazzjoni ta' koeffiċjent ta' żieda ta' 2.5 fl-ammont inizjali fuq l-ammont inizjali jikkostitwixxi miżura manifestament sproporzjonata li hija barra minn hekk ibbażata fuq raġonament żbaljat u li jikser il-prinċipju ta' trattament ugwali.

130    Fl-ewwel lok, ADM issostni li, meta jiġi kkunsidrat li l-impriżi huma entitajiet ekonomiċi medji, sabiex il-multa jkollha natura effettivament dissważiva, huwa biss neċessarju li hija tkun iffissata fuq livell li l-ammont tagħha dovut jaqbeż il-profitt magħmul mill-ksur. Hija tqis li jekk l-impriżi jikkunsidraw li t-telf marbut mas-sanzjoni jannulla l-profitt mill-akkordju, il-multa jkollha diġà effett dissważiv. Dan l-approċċ ġie kkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 43 iktar 'il fuq (punt 108). Dan jikkorrispondi wkoll għal-linji gwida, li jipprovdu (fil-punt I A tar-raba' inċiż) li għandu jiġi evalwat l-effett dissważiv meta mqabbel mal-kapaċità tal-parteċipanti fl-akkordju in kwistjoni li jippreġudika lill-konsumaturi u, konsegwentement, jeżiġu li kull profitt li jirriżulta minn akkordju illegali jittieħed in kunsiderazzjoni fid-determinazzjoni ta' l-effett dissważiv approprjat. Fl-aħħar nett, dan l-approċċ huwa kunċett komuni għal leġiżlazzjonijiet Komunitarji oħra.

131    Anki kieku kien stabbilit li multa li ma taqbiżx il-livell ta' profitti eventwali hija insuffiċjenti, bażi raġonevoli sabiex tiggarantixxi lill-multa effett dissważiv tikkonsisti f'll tevalwa l-profitti magħmula mill-akkordju skond perċentwali tal-bejgħ tal-prodott ikkonċernat billi tiġi miżjuda b'żieda intiża sabiex tieħu in kunsiderazzjoni rati ta' żball. Dan huwa preċiżament l-approċċ raġonevoli segwit fl-Istati Uniti. Il-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 43 iktar 'il fuq, punt 108) u l-Qorti tal-Prim'Istanza (sentenza HFB et vs Il-Kummissjoni, punt 64 iktar 'il fuq, b'mod partikolari punt 456) irrikonoxxew fil-ġurisprudenza tagħhom l-eżistenza ta' rabta bejn l-effett dissważiv tal-multa u l-profitti li jistgħu jirriżultaw mill-akkordju.

132    ADM ma tikkontestax li l-fatturat globali jista' jiġi meħud in kunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-multa. Madankollu, il-fatt li tat lil dan ta' l-aħħar importanza sproporzjonata twassal għal multa sproporzjonata. Il-Kummissjoni sempliċement f'dan ir-rigward tiddefendi ż-żieda applikata permezz ta' paragun billi tirreferi għall-fatturat ta' ADM. Issa, l-ebda spjegazzjoni raġonevoli ma tista' jiġġustifika li l-kalkolu taż-żieda b'effett dissważiv kien ġie ċċentrat fuq il-fatturat globali tagħha. L-approċċ magħżul mill-Kummissjoni ma jispjega bl-ebda mod għalfejn kien jeħtieġ jitnaqqsu kompletament il-profitti magħmula minn ADM permezz tal-bejgħ ta' prodotti li m'għandhom l-ebda relazzjoni mal-ksur in kwistjoni fl-obbjettiv ta' dissważjoni ta' l-impriżi kkonċernati milli jkomplu l-attivitajiet tagħhom fi ħdan akkordju li jirrigwarda l-glukonat tas-sodju.

133    Fit-tieni lok, fir-replika tagħha, ADM tallega sussidjarjament li, anki jekk il-Qorti tal-Prim'Istanza kellha tiddeċiedi li, kuntrarjament għat-talbiet preċedentement esposti, iż-żieda ta' natura dissważiva kienet iġġustifikata fir-rigward tad-daqs u tar-riżorsi globali ta' ADM, jibqa' l-fatt li, fl-opinjoni tagħha, il-Kummissjoni ma setgħetx validament iżżid maż-żieda b'effett dissważiv ta' 7.5 miljun EUR żieda supplementari tal-multa ta' 35% intiża sabiex tieħu in kunsiderazzjoni d-dewmien tal-ksur. Din iż-żieda tista' tkun loġikament iġġustifikata parzjalment biss meta ż-żieda b'effett dissważiv tkun ibbażata fuq il-profitti eventwali ta' l-akkordju. Għalhekk, skondha, iktar ma d-dewmien ta' l-akkordju jkun twil, iktar il-profitti eventwali jkunu kunsiderevoli u, għaldaqstant, żieda li hija intiża sabiex tieħu in kunsiderazzjoni d-dewmien ta' l-akkordju hija approprjata. Il-metodu korrett ta' kalkolu tal-multa kien jikkonsisti filli ż-żieda tiġi applikata biss fuq l-ammont bażi ta' 5 miljun EUR. Il-Kummissjoni tidher li hija stess ipprovat tilħaq dan ir-riżultat, billi, fil-premessa 392 tad-Deċiżjoni, hija ddikjarat li "l-ammont inizjali ddeterminat fuq il-bażi tal-gravità (premessa 385) [kien] għalhekk miżjud b'35%". Madankollu, il-premessa 385 tad-Deċiżjoni jagħmel biss riferiment għall-punt ta' tluq inizjali ta' 5 miljun EUR.

134    Fit-tielet lok, ADM tqis li, billi kkunsidrat, għaż-żieda ta' l-ammont inizjali tal-multa, li l-impriżi ta' dimensjoni kbira għandhom tagħrif u infrastrutturi legali u ekonomiċi li jippermettulhom sabiex japprezzaw aħjar in-natura ta' ksur ta' l-imġiba tagħhom u l-konsegwenzi li jirriżultaw mill-perspettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni (premessa 386 tad-Deċiżjoni), il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta' trattament ugwali.

135    Fil-fatt, skondha, l-impriżi implikati fil-ksur huma kollha gruppi multinazzjonali li l-fatturati dinjija tagħhom jaqbżu t-300 miljun EUR u li, konsegwentement, igawdu kollha minn kompetenza legali interna u esterna li tippermettilhom li jiddeterminaw ir-riskji li jidħlu f'akkordju illegali u li jevalwaw il-konsegwenzi tal-ksur.

136    Barra minn hekk, id-Deċiżjoni mhijiex biżżejjed motivata fuq dan il-punt.

137    Il-Kummissjoni tqis li l-argument ibbażat fuq iż-żieda supplementari tal-multa ta' 35% intiża sabiex tieħu in kunsiderazzjoni d-dewmien tal-ksur huwa motiv ġdid li għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli skond l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza. Barra minn hekk, il-Kummissjoni titlob li l-motivi l-oħra invokati jiġu miċħuda.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

138    ADM tinvoka b'hekk il-ksur, fl-ewwel lok, tal-prinċipju ta' proporzjonalità, fit-tieni lok, tal-prinċipju ta' trattament ugwali u, fit-tielet lok, ta' l-obbligu ta' motivazzjoni.

 Fuq il-ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità

139    Fil-kuntest ta' dan il-motiv, ADM tqajjem żewġ ilmenti differenti.

140    Minn naħa, ADM issostni sostanzjalment li, meta jiġi kkunsidrat li l-impriżi huma entitajiet ekonomiċi medji u sabiex il-multa jkollha effettivament natura dissważiva, huwa biss neċessarju li hija tkun iffissata fuq livell tali li l-ammont tagħha dovut jaqbeż il-profitt li jirriżulta mill-ksur. F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li d-disważjoni hija waħda mill-kunsiderazzjonijiet prinċipali li għandha tgħin biex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multi (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Lulju 1970, Chemiefarma vs Il-Kummissjoni, 41/69, Ġabra p. 661, punt 173, u ta' l-14 ta' Lulju 1972, BASF vs Il-Kummissjoni, 49/69, Ġabra p. 713, punt 38, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 89 iktar 'il fuq).

141    Issa, jekk il-multa kellha tiġi ffissata fuq livell li sempliċement jannulla l-profitt ta' l-akkordju, hija ma jkollhiex effett dissważiv. Fil-fatt jista' jkun raġonevolment preżunt li l-impriżi jikkunsidraw b'mod razzjonali, fil-kuntest tal-kalkolu finanzjarju u tat-tmexxija tagħhom, mhux biss il-livell tal-multi li huma jirriskjaw li jkunu imposti fuqhom fil-każ ta' ksur, iżda wkoll tal-livell ta' riskju ta' tikxif ta' l-akkordju. Barra minn hekk, jekk wieħed jirriduċi l-funzjoni tal-multa għal eliminazzjoni sempliċi tal-profitt jew tal-profitt previst, wieħed ma jikkunsidrax biżżejjed in-natura ta' ksur ta' l-imġiba in kwistjoni skond l-Artikolu 81(1)KE. Fil-fatt, bit-tnaqqis tal-multa għal kumpens sempliċi tad-dannu eżistenti, wieħed ikun qed jinjora, barra l-effett dissważiv li jista' jirrigwarda biss imġiba futura, in-natura penali ta' din il-miżura meta mqabbla mal-ksur konkret effettivament imwettaq. B'hekk, kemm l-effett dissważiv kif ukoll l-effett penali tal-multa jiġġustifikaw li l-Kummissjoni tista' timponi multa li, skond iċ-ċirkustanzi ta' dan il-każ, tista' anki taqbeż sostanzjalment l-ammont tal-profitt previst mill-impriża kkonċernata.

142    Bl-istess mod, fil-każ ta' impriża li, bħal ADM, hija preżenti f'numru kbir ta' swieq u tiddisponi minn kapaċità finanzjarja partikolarment sinjifikattiva, il-kunsiderazzjoni tal-fatturat magħmul fuq is-suq ikkonċernat jista' ma jkunx biżżejjed sabiex jassigura effett dissważiv tal-multa. Fil-fatt, iktar kemm impriża hija kbira u tiddisponi minn riżorsi globali li jagħtuha l-kapaċità li taġixxi b'mod indipendenti fuq is-suq, iktar hija għandha tkun konxja ta' l-importanza tar-rwol tagħha fir-rigward tat-tħaddim tajjeb tal-kompetizzjoni fuq is-suq. Għaldaqstant, iċ-ċirkustanzi ta' fatt li jirrigwardaw is-saħħa ekonomika ta' impriża li rrendiet ruħha ħatja ta' ksur għandhom jiġu kkunsidrati għall-iffissar ta' l-ammont tal-multa sabiex jiġi ggarantit l-effett dissważiv tagħha.

143    Barra minn hekk, hekk kif il-Kummissjoni rrilevat bla ma ġiet ikkontestata fuq dan il-punt minn ADM, l-ammont tal-multa kkunsidrata għal ADM wara applikazzjoni tal-koeffiċjent multiplikatur ta' 2.5 jirrappreżenta biss parti żgħira, jiġifieri 0.0538 % tal-fatturat globali annwali tagħha, u ma jistax, ukoll minn din il-perspettiva, jiġi kkunsidrat bħala sproporzjonat.

144    Min-naħa l-oħra, fir-replika tagħha, ADM tallega li l-Kummissjoni ma setgħet fl-ebda każ teffettwa żieda supplementari tal-multa ta' 35% ma' l-ammont ta' 7.5 miljun EUR li kien jinkludi diġà żieda għal effett dissważiv sabiex tieħu in kunsiderazzjoni d-dewmien tal-ksur. F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar, l-ewwel nett, li, skond l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, ebda motiv ġdid ma jista' jiġi ppreżentat matul il-kawża sakemm dan il-motiv ma jkunx ibbażat fuq elementi ta' fatt u ta' dritt li joħorġu matul il-proċedura. Min-naħa l-oħra, motiv li jikkostitwixxi raġuni ta' motiv ipprovdut preċedentement, direttament jew impliċitament, fir-rikors promotorju ta' istanza u li jirrappreżenta rabta mill-qrib ma' dan ta' l-aħħar, għandu jiġi ddikjarat ammissibbli. Soluzzjoni analoga hija imposta għal ilment invokat in sostenn ta' motiv (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-21 ta' Marzu 2002, Joynson vs Il-Kummissjoni, T-231/99, Ġabra p. II-2085, punt 156).

145    F'dan il-każ, fir-rikors tagħha, ADM invokat in-natura eċċessiva tal-koeffiċjent multiplikatur ta' 2.5 billi kkunsidrat, sostanzjalment, li qabeż dak li kien neċessarju sabiex jassigura livell dissważiv tal-multa. Hija ssostni, fir-replika tagħha, u sussidjarjament meta mqabbla ma' dan l-aħħar ilment li, f'kull każ, il-Kummissjoni kellha tapplika ż-żieda ta' 35% minħabba d-dewmien ta' l-akkordju, mhux ma' l-ammont miksub wara l-applikazzjoni tal-koeffiċjent multiplikatur ta' 2.5, iżda ma' dak stabbilit qabel l-applikazzjoni ta' dan il-koeffiċjent. F'dan ir-rispett, ADM tinvoka lment li jippreżenta rabta mill-qrib ma' dak invokat fir-rikors, u tipproċedi b'hekk għal raġuni sempliċi tal-motiv ipprovdut preċedentement. Konsegwentement, hemm lok li dan l-ilment jiġi eżaminat fid-dawl tal-mertu tiegħu.

146    Fir-rigward tal-mertu ta' l-ilment invokat minn ADM, huwa korrett li l-Kummissjoni applikat il-koeffiċjent multiplikatur ibbażat fuq id-dewmien tal-ksur ma' l-ammont bażi diġà miżjud bil-koeffiċjent multiplikatur ta' 2.5. F'dan ir-rigward, hekk kif dan għadu kif ġie deċiż (ara l-punti 139 sa 142 iktar 'il fuq), il-koeffiċjent multiplikatur ta' 2.5 huwa fattur ta' dissważjoni li jassigura, fl-ewwel lok, in-natura suffiċjentement dissważiva tal-multa meta mqabbla mal-karatteristiċi ta' l-impriża kkonċernata. Issa, xejn ma waqqaf lill-Kummissjoni milli żżid, sussegwentement, l-ammont hekk ikkalkulat b'tieni fattur li jikkunsidra, min-naħa tiegħu, karatteristiċi ta' l-imġiba ta' ksur. Fil-fatt, iktar l-impriżi huma lesti li jikkommettu ksur gravi ħafna, fuq perijodu twil, iktar hemm bżonn ta' dissważjoni kbira.

147    Fir-rigward tar-riferiment għall-premessa 385 effettwata fil-premessa 392 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni ammettiet quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza li dan kien żball. Madankollu, dan l-iżball m'għandux effett fuq il-legalità tad-Deċiżjoni, għax joħroġ ċar mill-mod kif iż-żieda marbuta mad-dewmien ġiet ikkalkulata u mir-riferiment għall-ammont inizjali ddeterminat fuq il-bażi tal-gravità tal-ksur – li jinkludi ż-żieda minħabba l-koeffiċjent multiplikatur ta' 2.5 – li l-Kummissjoni kkunsidrat fil-fatt l-ammont bażi kkunsidrat għall-gravità tal-ksur wara dan l-aġġustament. Dan joħroġ barra minn hekk ukoll mis-sekwenza loġika ta' l-analiżi tal-Kummissjoni li, fil-premessi 378 sa 388 tad-Deċiżjoni, ikkunsidrat, pass pass, iċ-ċirkustanzi speċifiċi marbuta ma' l-impriżi diversi kkonċernati. Għaldaqstant huwa ċar li r-riferiment magħmul fil-premessa 392 ikkonċernat, fir-realtà, mhux il-premessa 385 biss, iżda l-premessi 385 sa 388, F'dan il-kuntest, għandu jiġi kkunsidrat ukoll li l-linji gwida jippreċiżaw f'dan ir-rigward li t-teħid in kunsiderazzjoni tad-dewmien tal-ksur għandu jwassal "għall-iffissar eventwali ta' ammont addizzjonali ta' multa" (it-tieni inċiż tal-punt 1 B).

148    Għaldaqstant, huwa żbaljat li ADM takkuża lill-Kummissjoni li kienet għaddiet maż-żieda skond il-bżonnijiet tad-dissważjoni żieda supplementari tal-multa ta' 35% intiża sabiex tieħu in kunsiderazzjoni d-dewmien tal-ksur.

149    Konsegwentement, il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali

150    ADM issostni li l-impriżi implikati fil-ksur appartenew kollha lill-gruppi multinazzjonali li, għaldaqstant, ibbenefikaw kollha minn kompetenza legali interna u esterna li tippermettilhom li jiddeterminaw jekk huwiex riskjuż li jidħlu f'akkordju illegali u li jevalwaw il-konsegwenzi tal-ksur.

151    F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni ċertament ikkunsidrat żewġ raġunijiet sabiex tapplika fuq l-ammont inizjali tal-multa ta' ċerti membri ta' l-akkordju, li minnhom ADM, koeffiċjent multiplikatur ta' 2.5. Fil-fatt, il-Kummissjoni invokat il-ħtieġa, minn naħa, li tassigura lill-multa effett dissważiv biżżejjed u, min-naħa l-oħra, li tikkunsidra l-fatt li l-impriżi ta' dimensjoni kbira jiddisponu minn tagħrif u minn infrastrutturi legali u ekonomiċi li jippermettulhom li japprezzaw aħjar in-natura ta' ksur ta' l-imġiba tagħhom u l-konsegwenzi li joħorġu mill-perspettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni (premessa 386 tad-Deċiżjoni).

152    Madankollu, jirriżulta mill-premessa 388 tad-Deċiżjoni li huwa essenzjalment sabiex tassigura natura dissważiva lill-multa li l-Kummissjoni ddeċidiet li tapplika koeffiċjent multiplikatur ta' 2.5 għal ADM. Issa, hekk kif diġà ġie msemmi fil-punti 138 sa 142 iktar 'il fuq, huwa korrett li l-Kummissjoni kkunsidrat il-ħtieġa li tassigura lill-multa effett dissważiv biżżejjed u, b'mod iktar partikolari, li hija setgħet ikkunsidrat, hekk kif jindika l-premessa 387 tad-Deċiżjoni, li kien hemm lok li jiżdied l-ammont inizjali kkalkulat skond l-importanza relattiva tas-suq ikkonċernat sabiex jieħu in kunsiderazzjoni d-daqs u r-riżorsi globali ta' l-impriżi kkonċernati. Barra minn hekk, billi ADM u Akzo kellhom, fl-2000, kull wieħed fatturat dinji ta' madwar 14 biljun EUR filwaqt li l-membri l-oħra ta' l-akkordju kellhom fatturat varjabbli biss bejn 300 miljun u 3 biljun EUR approssimament, m'għandux jiġi kkontestat li, sabiex jiġi mwettaq dan l-obbjettiv, il-Kummissjoni validament setgħet tiddistingwi żewġ kategoriji ta' membri ta' l-akkordju skond id-daqs u r-riżorsi globali tagħhom u żżid l-ammont inizjali tal-multa ta' ADM u AKZO b'koeffiċjent multiplikatur ta' 2.5.

153    Fir-rigward tat-tagħrif u l-infrastrutturi legali u ekonomiċi ta' l-impriżi kkonċernati, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li dawn ta' l-aħħar jistgħu jiġu meħuda in kunsiderazzjoni għal żieda ta' l-ammont tal-multa. F'dan il-każ, ADM ma tikkontestax li tiddisponi minn dan it-tagħrif u l-infrastrutturi legali u ekonomiċi. Impriża bħal ADM li għandha fatturat dinji fis-sena 2000 ta' madwar 14 biljun EUR tista' barra minn hekk tiġi kkunsidrata li tiddisponi minn dan it-tagħrif u dawn l-infrastrutturi. Konsegwentement, huwa korrett li l-Kummissjoni kkunsidrat l-eżistenza ta' dan it-tagħrif u dawn l-infrastrutturi sabiex iżżid l-ammont bażi tal-multa ta' ADM. Din l-evalwazzjoni ma tistax tiġi kkontestata bl-argument ta' ADM li l-impriżi tal-kategorija l-oħra jiddisponu wkoll minn tagħrif u infrastrutturi legali u ekonomiċi ta' natura li jiġġustifikaw ukoll żieda tal-multa tagħhom. Fil-fatt, anki jekk din iċ-ċirkustanza hija sodisfatta u huwa żbaljat li l-Kummissjoni ma kkunsidratx ukoll din iċ-ċirkustanza fir-rigward ta' l-impriżi ta' din it-tieni kategorija, dan m'għandux, fl-ebda każ, jiġi invokat minn ADM sabiex tikseb tnaqqis taż-żieda li ġiet imposta fuqha.

154    Konsegwentement, il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni

155    ADM tiddikjara, bla ma tipprovdi iktar argumenti, li d-Deċiżjoni mhijiex suffiċjentement motivata fir-rigward ta' l-applikazzjoni tal-koeffiċjent multiplikatur ta' 2.5. F'dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li, fil-premessa 386 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni qajmet iż-żewġ raġunijiet diġà msemmija fil-punt 150 iktar 'il fuq sabiex tapplika l-koeffiċjent ta' żieda. Sussegwentement, fil-premessa 387 tad-Deċiżjoni, hija spjegat li, minħabba l-fatturati indikati fil-premessa 48 ta' din l-istess Deċiżjoni, kien jeħtieġ li l-membri ta' l-akkordju jiġu kklassifikati f'żewġ kategoriji. Fl-aħħar, fil-premessa 388 tad-Deċiżjoni, hija indikat li hija tqis li l-applikazzjoni tal-koeffiċjent multiplikatur ta' 2.5 kien approprjat sabiex jassigura natura dissważiva tal-multa.

156    Fir-rigward ta' l-importanza tal-koeffiċjent ta' żieda applikat fuq ADM, il-Kummissjoni setgħet tillimita ruħha li tinvoka d-daqs ta' din l-impriża, hekk kif jirriżulta b'mod approssimattiv mill-fatturat globali magħmul minn din ta' l-aħħar, u tenfasizza n-neċessità li tassigura n-natura dissważiva tal-multa. Ma kinitx obbligata, skond l-obbligu ta' motivazzjoni, li tindika l-ammonti relatati mal-mod ta' kalkolu li huma l-bażi ta' din l-għażla (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Novembru 2000, Sarrió vs Il-Kummissjoni, C-291/98 P, Ġabra p. I-9991, punt 80).

157    Konsegwentement, il-Kummissjoni mmotivat biżżejjed id-Deċiżjoni fuq dan il-punt u l-motiv ibbażat fuq il-ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni għandu wkoll jiġi miċħud.

6.     Fuq l-eżistenza ta' żbalji ta' evalwazzjoni relatati ma' l-impatt konkret ta' l-akkordju fuq is-suq

a)     Introduzzjoni

158    L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li l-gravità tal-ksur għandha tiġi stabbilita skond diversi elementi (ara l-punt 75 iktar 'il fuq). F'dan il-kuntest, l-impatt konkret ta' l-akkordju fuq is-suq ikkonċernat jista' jiġi meħud in kunsiderazzjoni bħala wieħed mill-kriterji rilevanti.

159    Fil-linji gwida tagħha (l-ewwel inċiż tal-punt 1 A), il-Kummissjoni indikat li, biex tevalwa l-gravità ta’ ksur, hija għandha tieħu in kunsiderazzjoni, minbarra n-natura proprja ta’dan il-ksur u l-estensjoni tas-suq ġeografiku kkonċernat, “l-impatt konkret [tal-ksur] fuq is-suq meta jista' jiġi mkejjel”.

160    Fir-rigward ta' dan il-każ, jirriżulta mill-premessi 334 sa 388 tad-Deċiżjoni li l-Kummissjoni effettivament iffissat l-ammont tal-multa, li ġie ddeterminat skond il-gravità tal-ksur, billi kkunsidrat dawn it-tliet kriterji. B'mod partikolari, hija kkunsidrat, f'dan il-kuntest, li l-akkordju kellu "inċidenza reali" fuq is-suq tal-glukonat tas-sodju (premessa 371 tad-Deċiżjoni).

161    Issa, skond ADM, il-Kummissjoni kkommettiet diversi żbalji fl-evalwazzjoni ta' l-impatt konkret ta' l-akkordju fuq is-suq in kwistjoni. Skond ADM, dawn l-iżbalji jaffettwaw il-kalkolu ta' l-ammont tal-multi.

b)     Fuq il-fatt li l-Kummissjoni kienet għażlet approċċ żbaljat sabiex turi li l-akkordju kellu impatt konkret fuq is-suq

 L-argumenti tal-partijiet

162    ADM tqis li l-Kummissjoni ma ressqitx il-prova ta' l-eżistenza ta' impatt konkret ta' l-akkordju fuq is-suq tal-glukonat tas-sodju, u dan, b'mod partikolari, minħabba żbalji magħmula fl-approċċ tagħha biex tipproċedi għal din id-dimostrazzjoni.

163    L-ewwel nett, skond ADM, il-Kummissjoni limitat ruħha li tikkonstata li l-akkordju kien effettivament ġie implementat u ddeduċiet minn din iċ-ċirkustanza li l-akkordju kellu wkoll impatt konkret fuq is-suq. Issa, ADM tenfasizza, hekk kif jirriżulta mill-ewwel inċiż tal-punt 1 A tal-linji gwida u kif il-Kummissjoni hija stess ammettiet fil-premessa 341 tad-Deċiżjoni, li l-implementazzjoni ta' akkordju ma jistax jiġi konfuż ma' l-impatt konkret ta' dan ta' l-aħħar fuq is-suq ikkonċernat.

164    Bl-istess mod, ADM hija ta' l-opinjoni li l-Kummissjoni ma setgħetx validament tibbaża ruħha fuq id-dewmien relattivament twil ta' l-akkordju sabiex tasal għall-konklużjoni ta' l-eżistenza ta' impatt konkret ta' dan ta' l-aħħar fuq is-suq ikkonċernat. Fil-fatt, skond ADM, billi għamlet hekk, il-Kummissjoni ma ressqitx il-prova ta' l-eżistenza ta' impatt konkret, iżda unikament invokat, b'mod illegali, preżunzjoni f'dan is-sens.

165    Fl-aħħar, fir-rigward ta' l-evoluzzjoni tal-prezzijiet tal-glukonat tas-sodju, ADM tqis li l-Kummissjoni ma ressqitx, kif hija kienet obbligata tagħmel skond l-ewwel inċiż tal-punt 1 A tal-linji gwida, il-prova li l-akkordju kellu impatt "li jista' jiġi mkejjel" fuq din l-evoluzzjoni. Min-naħa l-oħra, skond ADM, il-Kummissjoni bbażat ruħha biss fuq grafika kkonfiskata fl-uffiċċji ta' Roquette waqt l-ispezzjoni u, waqt il-konfrontazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni bbażati fuq din il-grafika bl-argumenti elaborati ta' ADM, il-Kummissjoni nnotat li dawn "l-argumenti […] ma jurux b'mod konvinċenti li l-implementazzjoni ta' l-akkordju ma [setax] jilgħab l-ebda rwol fil-varjazzjonijiet tal-prezzijiet" (premessa 359 tad-Deċiżjoni). Bl-istess mod, ADM tikkritika l-fatt li, bla ma tiċħad tabilħaqq il-validità ta' l-argumenti tagħha, il-Kummissjoni limitat ruħha li tosserva li l-evoluzzjoni tal-prezzijiet tal-glukonat tas-sodju, hekk kif irriżultat mill-imsemmija grafika, "[tgħodd] ukoll perfettament għal kollużjoni eżistenti" (ibidem). Issa, skond ADM, billi pproċediet b'dan il-mod, il-Kummissjoni ma ressqitx il-prova ta' l-eżistenza ta' impatt konkret ta' l-akkordju fuq is-suq, iżda, għall-kuntrarju, reġgħet illegalment qalbet l-oneru tal-provi fuq il-partijiet.

166    Il-Kummissjoni ma tikkontestax li l-kriterji ta' l-implementazzjoni u ta' l-impatt konkret ta' akkordju fuq is-suq ikkonċernat m'għandhomx jiġu konfużi u li huwa għaliha li tressaq il-provi f'dan ir-rigward. Madankollu, skondha, f'dan il-każ, hija ma reġgħetx qalbet l-oneru tal-provi, iżda, min-naħa l-oħra, ipproduċiet biżżejjed tali dimostrazzjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

167    Fid-dawl ta' l-ilmenti magħmula minn ADM fir-rigward ta' l-istess approċċ magħżul mill-Kummissjoni sabiex turi li l-akkordju kellu impatt konkret fuq is-suq tal-glukonat tas-sodju, għandu jsir sommarju ta' l-analiżi effettwata mill-Kummissjoni, hekk kif jirriżulta mill-premessi 340 sa 369 tad-Deċiżjoni, qabel ma tingħata deċiżjoni fuq il-mertu ta' l-argumenti invokati minn ADM.

–       Sommarju ta' l-analiżi magħmula mill-Kummissjoni

168    L-ewwel nett, fil-premessa 340 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni ppreżentat l-analiżi tagħha kif ġej:

"Il-Kummissjoni tqis li l-ksur, imwettaq minn impriżi li, matul il-perijodu previst minn din id-deċiżjoni, irrappreżentaw iktar minn 90 % tas-suq dinji u 95 % tas-suq Ewropew tal-glukonat tas-sodju, kellu impatt reali fuq is-suq fiż-ŻEE, għaliex dan ġie implementat b'mod għaqli. Peress li l-ftehim kien intiż speċifikament sabiex jirrestrinġi l-volumi ta' bejgħ, sabiex jinżammu prezzijiet għola minn dawk li kienu jinżammu fin-nuqqas tal-ftehim u sabiex il-bejgħ lill-ċerti klijenti jkun limitat, dawn kellhom jeffettwaw l-iskema normali ta' l-imġiba fuq is-suq u, għaldaqstant, ikollhom effett fuq dan ta' l-aħħar."

169    Fil-premessa 341 tad-Deċiżjoni, hija enfasizzat li, "safejn possibbli, saret distinzjoni bejn il-kwistjoni ta' l-implementazzjoni tal-ftehim u l-kwistjoni ta' l-effetti li dan ta' l-aħħar kellu fuq is-suq", iżda li "madankollu ma setax jiġi evitat li wħud mill-elementi ta' fatt jintużaw darbtejn sabiex tittieħed deċiżjoni fuq dawn iż-żewġ punti".

170    Minħabba dan, l-ewwel nett, il-Kummissjoni analizzat l-implementazzjoni ta' l-akkordju (premessi 342 sa 351 tad-Deċiżjoni). Hija tgħid li l-implementazzjoni ta' l-akkordju kienet ipprovata minn diversi elementi li wasslu għal dak li hija tqis bħala l-qofol ta' l-akkordju, jiġifieri l-kwoti tal-bejgħ. Barra minn dan, il-Kummissjoni invokat il-fatt li "[l]-akkordju kien ikkaratterizzat bil-għan kostanti li jiġu ffissati prezzijiet mira u/jew minimi" u żiedet li, fl-opinjoni tagħha, "[d]awn il-prezzijiet kellhom ikollhom effett fuq l-imġiba ta' dawk li ħadu sehem, anki jekk dawn ma kinux sistematikament mimsusa minn dawn ta' l-aħħar" (premessa 348 tad-Deċiżjoni). Il-Kummissjoni kkonkludiet li "wieħed ma setax ikollu dubji fuq l-effiċjenza ta' l-implementazzjoni ta' [l-akkordju]" (premessa 350 tad-Deċiżjoni).

171    It-tieni nett, il-Kummissjoni evalwat l-impatt tal-ksur fuq is-suq tal-glukonat tas-sodju. F'dan ir-rigward, hija qabel kollox irriferiet għall-evalwazzjoni tas-suq rilevanti li saret fil-premessi 34 sa 41 tad-Deċiżjoni. Wara dan, billi rreferiet għall-evalwazzjoni li kienet diġà saret fil-premessi 235 u 236 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni, billi invokat iż-żewġ tabelli (iktar 'il quddiem "il-grafiċi") ikkonfiskati mill-uffiċċji ta' Roquette (premessa 354 tad-Deċiżjoni), sostniet dan li ġej:

"L-evoluzzjoni tal-prezzijiet, hekk kif jirriżulta mill-[grafiċi] li nstabu fl-uffiċċji ta' Roquette matul l-ispezzjoni, turi li l-iskop imfittex mill-membri li ħadu sehem fl-akkordju kien intlaħaq, minn ta' l-inqas f'parti minnu. Iż-żewġ [grafiċi], li jiddeskrivu l-evoluzzjoni tal-prezz fi FRF fis-suq Ewropew tal-glukonat tas-sodju mill-1977 sa l-1995, juru li fl-1985 kien hemm tnaqqis. Din il-fluttwazzjoni probabbilment kienet ir-riżultat tat-tmiem ta' l-akkordju l-qadim u ż-żieda tal-kapaċitajiet ta' produzzjoni li rriżultat. Lejn it-tmiem tas-sena 1986, il-livell tal-prezzijiet kien naqas bi kważi n-nofs meta mqabbel ma' dak tal-bidu tas-sena 1985. Huwa x'aktarx minnu li l-applikazzjoni tal-ftehim li stabbilixxew l-akkordju l-ġdid sa mill-1986 ikkontribwixxew b'mod kunsiderevoli għaż-żieda (irduppjar) fil-prezz li ġie kkonstatat bejn l-1987 u l-1989. Wara tnaqqis fl-1989, li kien inqas qawwi minn dak ta' l-1985, il-livell tal-prezzijiet baqa', sa l-1995, madwar 60% għola minn dak ta' l-1987."

172    Fil-premessi 235 u 236 tad-Deċiżjoni, li għalihom tirreferi l-premessa 354 ta' din ta' l-aħħar, il-Kummissjoni kkunsidrat dan li ġej:

"(235) Żewġ dokumenti li ġew ikkonfiskati mill-uffiċċji ta' Roquette matul l-ispezzjoni huma espliċiti biżżejjed u jikkostitwixxu elementi ta' prova dwar ir-riżultati miksuba mill-akkordju fuq il-glukonat tas-sodju. Dawn b'mod partikolari fihom [grafiċi] li jipprovdu l-prezz medju "Ewropew" tal-glukonat tas-sodju mill-1977 sa l-1995.

(236)          [Waħda mill-grafiċi] turi b'mod ċar li fl-1981 u fl-1987, meta rispettivament ġew implementati l-"ewwel" u t-"tieni" akkordji, il-prezzijiet telgħu bħal vleġġa. Il-prezzijiet waqgħu f'daqqa fl-1985, u dan jikkorrispondi mat-tmiem ta' l-"ewwel akkordju", peress li Roquette kienet ħarġet minnu. Bejn l-1987 u l-1989, kien hemm żieda qawwija fil-prezz tal-glukonat tas-sodju; fil-fatt dan ġie rduppjat. Wara dan, mill-1989 sa l-1995, dan baqa' għola b'madwar 60% mill-prezz li dan kellu fil-perijodu ta' l-1987. Għandu jiġi osservat li, kuntrarjament għall-perijodu 1981-1986, il-prezz tal-glukonat tas-sodju seta' jinżamm fuq livell għoli ħafna sa l-1995.".

173    Wara dan, il-Kummissjoni ġabret flimkien, analizzat u ċaħdet id-diversi argumenti li l-partijiet ikkonċernati invokaw matul il-proċedura amministrattiva sabiex jikkontestaw il-konklużjoni li hija kienet laħqet fuq il-grafiċi kkonfiskati mill-uffiċċji ta' Roquette. F'dak li jirrigwarda l-argumenti ta' ADM, li b'mod partikolari sostniet li din l-evalwazzjoni tal-prezzijiet kienet isseħħ anke li kieku ma kienx hemm l-akkordju, il-Kummissjoni qalet dan li ġej (premessa 359, 365 u 369 tad-Deċiżjoni):

"(359) […] L-argumenti mressqa minn ADM ma jippruvawx b'mod konvinċenti li l-implementazzjoni ta' l-akkordju ma kellha l-ebda sehem fil-fluttwazzjoni tal-prezz. Għalkemm huwa minnu li s-sitwazzjoni proposta minn ADM tista' tivverifika ruħha fin-nuqqas ta' akkordju, madankollu dan jgħodd ukoll għal akkordju li jkun jeżisti. Iż-żieda ta' kapaċità li ġiet irreġistrata f'nofs is-snin 80 setgħet kienet, fl-istess hin, kemm il-kawża kif ukoll ir-riżultat tat-tmiem ta' l-ewwel akkordju (1981-1985). F'dak li jirrigwarda l-evoluzzjoni li seħħet sa mill-1987, din hija kompletament kompatibbli mar-riativazzjoni ta' l-akkordju li sar fuq dan il-perijodu. Konsegwentement, il-fatt li l-prezz tal-glukonat tas-sodju beda jiżdied ma jistax jiġi spjegat biss minħabba l-kompetizzjoni, iżda għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-ftehim li l-partijiet li ħadu sehem laħqu fuq il-"prezz minimu", it-tqassim ta' l-ishma tas-suq kif ukoll is-sistema ta' informazzjoni u ta' sorveljanza. Dawn il-fatturi kollha kkontribwixxew għas-suċċess taż-żidiet tal-prezz.

[…]

(365)          [Waħda mill-grafiċi] li nstabet fl-uffiċċji ta' Roquette tikkonferma li bejn l-1991 u l-1995, jiġifieri l-perijodu li matulu ADM pparteċipat fl-akkordju, il-prezzijiet baqgħu stabbli jew naqsu ftit. Xejn ma jindika li l-prezzijiet kienu waqgħu ħafna u inqas u inqas li dawn ma kinux lukrattivi. Il-ħruġ ta' ADM mis-suq iktar tista' tiġi spjegata permezz tal-problemi tekniċi gravi, li hija kellha eżatt wara li hija daħlet fl-akkordju u li baqgħu jippersistu.

[…]

(369)          Fl-aħħar nett, ma tantx jidher probabbli li l-partijiet kienu ddeċidew, għal diversi drabi, li jiltaqgħu mad-dinja kollha sabiex bejniethom jiftehmu l-kwoti tal-bejgħ, jiffissaw il-prezzijiet u jaqsmu l-klijenti għall-perijodu daqshekk twil, jekk fost l-oħrajn wieħed jikkunsidra r-riskji meħuda, li kieku, kif huma jsostnu, l-akkordju kellu biss effett żgħir jew limitat fuq is-suq tal-glukonat tas-sodju."

–       Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prin'Istanza

174    L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li, skond l-ewwel inċiż tal-Punt 1A tal-linji gwida, fil-kalkolu tal-multa tagħha skond il-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra, b'mod partikolari, l-"impatt konkret [tal-ksur] fuq is-suq meta dan ikun jista' jitkejjel".

175    F'dan ir-rigward, għandu jiġi analizzat is-sinjifikat eżatt tal-kliem "meta dan [jiġifieri l-impatt konkret] ikun jista' jitkejjel". B'mod partikolari, għandu jiġi ddeterminat jekk, skond dan il-kliem, il-Kummissjoni tistax tikkunsidra l-impatt konkret ta' ksur fil-kuntest tal-kalkolu ta' l-ammont tal-multi biss jekk, u safejn, din tkun kapaċi tikkwantifika dan l-impatt.

176    Kif ġustament ikkunsidrat il-Kummissjoni, l-eżami ta' l-impatt ta' akkordju fuq is-suq ikkonċernat neċessarjament jimplika l-użu ta' ipoteżi. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni għandha b'mod partikolari teżamina x'kien ikun il-prezz tal-prodott in kwistjoni li kieku ma kienx hemm l-akkordju. Issa, fl-eżami tal-kawżi ta' l-evoluzzjoni reali tal-prezzijiet, huwa perikoluż li jsiru spekulazzjonijiet fuq is-sehem rispettiv ta' kull waħda minn dawn ta' l-aħħar. Għandha tiġi kkunsidrata ċ-ċirkustanza oġġettiva li, minħabba l-akkordju fuq il-prezz, il-partijiet espliċitament irrinunċjaw għal-libertà tagħhom li jikkompetu kontra xulxin permezz tal-prezz. Għalhekk, l-evoluzzjoni ta' l-influwanza li tirriżulta minn fatturi oħra li mhumiex din l-astensjoni volontarja tal-partijiet li ħadu sehem fl-akkordju għandha bilfors tkun ibbażata fuq probabbiltajiet raġonevoli u li ma jistgħux jiġu kkwantifikati bi preċiżjoni.

177    Għalhekk, sabiex ma jintilifx l-effett utli ta' dan il-kriterju li jista' jiġi kkunsidrat għad-determinazzjoni ta' l-ammont tal-multa, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli bbażat ruħha fuq l-impatt konkret li akkordju kellu fuq is-suq rilevanti, anke jekk hija ma tkunx tista' tikkwantifika dan l-impatt jew tipprovdi evalwazzjoni numerika f'dan ir-rigward.

178    Konsegwentement, l-impatt konkret ta' akkordju fuq is-suq ikkonċernat għandu jiġi kkunsidrat bħala sufiċjentement ipprovat jekk il-Kummissjoni tista' tipprovdi indizi konkreti u kredibbli li jindikaw, bi probabbiltà raġjonevoli, li l-akkordju kellu impatt ċert fuq is-suq.

179    F'dan il-każ, jirriżulta mis-sommarju ta' l-analiżi effettwata mill-Kummissjoni (ara l-punti 167 sa 172 iktar 'il fuq) li din ta' l-aħħar ibbażat ruħha fuq żewġ indizzji sabiex tasal għall-konklużjoni ta' l-eżistenza ta' "inċidenza reali" ta' l-akkordju fuq is-suq. Fil-fatt, minn naħa, hija invokat il-fatt li l-membri ta' l-akkordju kienu implementaw b'mod għaqli l-ftehim ta' l-akkordju (ara, b'mod partikolari, il-premessa 340, iċċitata fil-punt 167 iktar 'il fuq) u li dan ta' l-aħħar dam sejjer matul perijodu twil (premessa 369 tad-Deċiżjoni, iċċitata fil-punt 172 iktar 'il fuq). Min-naħa l-oħra, hija kkunsidrat jekk il-grafiċi kkonfiskati fl-uffiċċji ta' Roquette jurux li l-prezzijiet iffissati u dawk realment mitluba fuq is-suq mill-membri ta' l-akkordju jikkorrispondu (premessa 354 tad-Deċiżjoni, ara l-punt 170 iktar 'il fuq).

180    Kuntrarjament għal dak li ssostni ADM, il-Kummissjoni ma limitatx ruħha li tiddeduċi biss impatt konkret fuq is-suq tal-glukonat tas-sodju mill-implementazzjoni effettiva ta' l-akkordju. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-estratti tad-Deċiżjoni ċċitata iktar 'il fuq, il-Kummissjoni ppruvat, kemm jista' jkun, teżamina b'mod separat l-implementazzjoni ta' l-akkordju u l-impatt konkret fuq is-suq billi tikkunsidra, sostanzjalment, li l-implementazzjoni ta' akkordju hija kundizzjoni preliminari u neċessarja sabiex jiġi ppruvat l-impatt konkret ta' dan ta' l-aħħar mingħajr ma hija madankollu kundizzjoni suffiċjenti ta' din il-prova (ara, f'dan is-sens, il-premessa 341 tad-Deċiżjoni). Ċertament, fil-premessa 341 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni ammettiet li kien "inevitabbli li wħud mill-elementi ta' fatt użati jintużaw darbtejn sabiex tittieħed deċiżjoni fuq dawn iż-żewġ punti" – raġuni għalfejn il-Kummissjoni ma użatx dejjem, kif sostnut minn ADM, il-kliem approprjat fil-kuntest ta' kull waħda minn dawn il-partijiet ta' l-analiżi tagħha. Jibqa' l-fatt li huwa żbaljat li ADM takkuża l-Kummissjoni talli kkonfondiet l-implementazzjoni u l-impatt konkret ta' l-akkordju. Barra minn hekk, min-natura tagħha ta' kundizzjoni preliminari għall-impatt konkret ta' akkordju, l-implementazzjoni effettiva ta' akkordju tikkostitwixxi bidu ta' indiċi ta' l-eżistenza ta' impatt konkret ta' l-akkordju.

181    Barra minn hekk, il-Kummissjoni m'għandhiex tiġi kkritikata li kkunsidrat li, f'każ bħal dan il-każ, fejn il-membri ta' l-akkordju rrappreżentaw iktar minn 90% tas-suq dinji u 95% tas-suq taż-ŻEE tal-glukonat tas-sodju u ddedikaw sforzi kbar għall-organizzazzjoni, għas-segwitu u għas-sorveljanza tal-ftehim ta' dan l-akkordju, l-implementazzjoni ta' dan ta' l-aħħar ikkostitwixxa indiċi qawwi ta' l-eżistenza ta' effetti fuq is-suq, meta jiġi kkunsidrat (ara l-punt 178 iktar 'il fuq) li, f'dan il-każ, il-Kummissjoni ma limitatx ruħha għal din l-analiżi.

182    Barra minn hekk, il-Kummissjoni setgħet validament tqis li l-piż ta' dan l-indiċi jiżdied bid-dewmien ta' l-akkordju. Fil-fatt, l-iżvolġiment tajjeb ta' akkordju kumpless li jirrigwarda, bħal f'dan il-każ, l-iffissar tal-prezz, il-qsim tas-swieq u l-iskambju ta' informazzjoni jwassal b'mod partikolari għal spejjeż kunsiderevoli ta' amministrazzjoni u ta' tmexxija. Il-Kummissjoni setgħet, għaldaqstant, b'mod raġonevoli tikkunsidra li l-fatt li l-impriżi dewmu l-ksur u assiguraw l-effiċjenza tat-tmexxija amministrattiva tiegħu matul perijodu twil, u dan minkejja r-riskji inerenti għal tali attivitajiet illegali, jindika li l-membri ta' l-akkordju għamlu ċertu profitt minn dan l-akkordju u, għaldaqstant, li huwa kellu impatt konkret fuq is-suq ikkonċernat, anki jekk dan ta' l-aħħar ma jistax jiġi kkwantifikat.

183    Fir-rigward tal-grafiċi kkonfiskati fl-uffiċċji ta' Roquette, jirriżulta mill-analiżi magħmula mill-Kummissjoni (ara l-punti 170 u 171 iktar 'il fuq) li, mingħajr ma ppretendiet li dawn il-grafiċi kkostitwixxew prova mhux konfutabbli ta' l-eżistenza ta' impatt ta' l-akkordju fuq il-prezzijiet u mingħajr lanqas ma pprovat tikkwantifika dan l-impatt, il-Kummissjoni kkunsidrat li kien "probabbli ħafna" li l-applikazzjoni tal-ftehim kien "ikkontribwit b'mod kunsiderevoli" għall-evoluzzjoni tal-prezzijiet.

184    Għandu jiġi eżaminat iktar 'il quddiem jekk, bħalma ssostni ADM, il-Kummissjoni kkommettiet żbalji fl-evalwazzjoni ta' l-elementi fattwali li fuqhom hija bbażat il-konklużjonijiet tagħha. Madankollu, fir-rigward ta' dak li ġie diġà deċiż fil-punt 177 iktar 'il fuq, ADM takkuża b'mod żbaljat lill-Kummissjoni talli segwit approċċ żbaljat sabiex turi li l-akkordju kien influwenza l-evoluzzjoni tal-prezzijiet tal-glukonat tas-sodju. Il-fatt li, f'risposta għall-argumenti ta' ADM, il-Kummissjoni, essenzjalment, issottomettiet li hija ma kinitx f'miżura li teskludi li din l-istess evoluzzjoni setgħet seħħet ukoll fin-nuqqas ta' akkordju, iżda li, minħabba l-implementazzjoni effiċjenti ta' l-akkordju u tal-paralellismu bejn il-prezzijiet osservati u l-prezzijiet miftiehma, dawn l-argumenti ma kinux konvinċenti, mhuwiex ta' natura li jwaqqa' din il-konklużjoni. Fil-fatt, il-Kummissjoni b'hekk, mingħajr ma teżiġi mill-impriżi kkonċernati, bħalma ssostni ADM, li jġibu l-prova kuntrarja, jiġifieri prova li, għar-raġunijiet indikati fil-punt 176 iktar 'il fuq, hija fil-parti l-kbira prattikament impossibbli li tinġab, għall-kuntrarju, ikkunsidrat bil-għaqal l-argumenti diversi favur u kontra l-konklużjoni tagħha stess.

185    Minn dak kollu li ntqal joħroġ li l-Kummissjoni ma adottatx approċċ żbaljat sabiex tevalwa l-impatt konkret ta' l-akkordju fuq is-suq tal-glukonat tas-sodju.

c)     Fuq l-evalwazzjoni ta' l-evoluzzjoni tal-prezzijiet tal-glukonat tas-sodju

186    ADM tqis li l-provi li l-Kummissjoni resqet fid-Deċiżjoni ma jelaborawx il-konklużjoni li skondha huwa "probabbli ħafna li l-applikazzjoni tal-ftehim li jistabbilixxu l-akkordju ġdid mill-1986 kien ikkontribwit kunsiderevolment għaż-żieda b'saħħitha (doppja) tal-prezz bejn 1987 u 1989" (premessa 354 tad-Deċiżjoni). Hija tressaq, f'dan il-kuntest, żewġ linji differenti ta' argumenti.

 Fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma ddisponitx minn informazzjoni suffiċjenti u ttraskurat il-fatturi l-oħra invokati matul il-proċedura amministrattiva

–       L-argumenti tal-partijiet

187    ADM tinvoka l-fatt li huwa improbabbli li l-akkordju kellu effetti oħra minn dawk li jirriżultaw mill-forzi tas-suq. Fil-fatt, joħroġ mill-premessi tad-Deċiżjoni li l-impriżi kkonċernati indikaw huma stess li l-prezz iffissat bejn l-1986 u l-1987 ma jkoprix il-kost tal-materji primi, u dan ukoll fl-1989, meta l-prezz kien fuq il-livell l-aktar għoli tiegħu. F'sitwazzjoni bħal din, skond ADM, il-prezz kellu, f'kull każ, jiżdied, u dan anki fin-nuqqas ta' akkordju.

188    ADM tqis ukoll li l-Kummissjoni kellha wisq ftit informazzjoni fir-rigward tal-perijodu li jibda mis-sena 1987 sas-sena 1989: hija m'għandhiex prova tal-prezz li kien ġie miftiehem qabel id-9 ta' Awwissu 1989. ADM tqis fl-aħħar li l-prezzijiet relatati mal-perijodu inkluż bejn l-1986 u l-1987 jissupponu strateġija ta' prezzijiet predatorji intiża biex tisforza lill-kumpannija FinnSugar, kumpannija li mingħandha ADM kienet xtrat fl-1989 it-teknoloġija sabiex tipproduċi l-glukonat tas-sodju (iktar 'il quddiem "FinnSugar"), sabiex tabbanduna dawn il-pjanijiet ta' espansjoni.

189    Il-Kummissjoni tikkontesta din l-evalwazzjoni, billi tenfasizza li, meta l-prezz ta' prodott iwassal għall-falliment u meta l-offerta hija żejda meta mqabbla mat-talba, il-prezz jista' jiżdied biss fil-każ tal-falliment ta' waħda mill-impriżi fuq is-suq u meta impriża ma tistax f'dan il-każ tgħolli l-prezzijiet b'deċiżjoni sempliċi unilaterali mingħajr ma titlef xi ishma fuq is-suq. Il-Kummissjoni tqis għaldaqstant li, minkejja li din iż-żieda setgħet tipproduċi ruħha fin-nuqqas ta' akkordju, l-akkordju eżista u offra l-ispjegazzjoni l-iktar plawsibbli tal-movimenti tal-prezzijiet ikkonstatati.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

190    Hija ġurisprudenza stabbilita li, għall-finijiet ta' kontroll ta’ l-evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni fuq l-impatt konkret ta’ l-akkordju fuq is-suq, għandha fuq kollox tiġi eżaminata l-evalwazzjoni tagħha fir-rigward ta’ l-effetti maħluqa mill-akkordju fuq il-prezzijiet (sentenza Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, punt 37 iktar 'il fuq, punt 148, u, f’dan is-sens, sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, Cascades vs Il-Kummissjoni, T-308/94, Ġabra p. II-925, punt 173, u Mayr-Melnhof vs Il-Kummissjoni, punt 109 iktar 'il fuq, punt 225).

191    Barra minn hekk, il-ġurisprudenza tfakkar li, fid-determinazzjoni tal-gravità tal-ksur, hemm lok li jittieħed in kunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-kuntest regolamentari u ekonomiku ta’ l-imġiba inkriminata (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 1975, Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, 40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, Ġabra p. 1663, punt 612, u Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, punt 75 iktar 'il fuq, punt 38) u li, biex tevalwa l-impatt konkret ta’ ksur fuq is-suq, huwa dmir tal-Kummissjoni li tirreferi għall-kompetizzjoni li ġeneralment teżisti fin-nuqqas ta’ ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 619 u 620; sentenza Mayr-Melnhof vs Il-Kummissjoni, punt 109 iktar 'il fuq, punt 235, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Marzu 1999, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, T-141/94, Ġabra p. II-347, punt 645).

192    Minn naħa, jirriżulta li, fil-każ ta’ akkordji bbażati b'mod partikolari fuq il-prezzijiet, għandu jiġi kkonstatat li l-ftehim effettivament ippermettew lill-partijiet ikkonċernati jilħqu livell ta’ prezzijiet għola minn dak li kien jintlaħaq fin-nuqqas ta’ akkordju. Min-naħa l-oħra, jirriżulta minn dan li, fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tieħu in kunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet oġġettivi kollha tas-suq ikkonċernat, fir-rigward tal-kuntest ekonomiku u eventwalment regolamentari prevalenti. Jirriżulta mis-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza mogħtija fil-kawża relatata mal-kartell tal-kartun (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Mayr-Melnhof vs Il-Kummissjoni, punt 109 iktar 'il fuq, punti 234 u 235) li għandha tittieħed in kunsiderazzjoni l-eżistenza, jekk ikun il-każ, ta’ “fatturi ekonomiċi oġġettivi” li juru li, fil-kuntest ta’ “kompetizzjoni ħielsa”, il-livell tal-prezzijiet ma kienx jevolvi bl-istess mod tal-prezzijiet mitluba (ara, ukoll, is-sentenzi Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, punt 37 iktar 'il fuq, punti 151 u 152; sentenza Cascades vs Il-Kummissjoni, punt 189 iktar 'il fuq, punti 183 u 184).

193    F'dan il-każ, ADM ma tikkuntestax il-fatti kkonstatati mill-Kummissjoni. B'mod partikolari, ADM ma tikkuntestax l-evoluzzjoni tal-prezzijiet hekk kif il-Kummissjoni ddeskrivitha, minn naħa, fil-parti tal-fatti relatata mad-deskrizzjoni ta' l-avvenimenti (premessi 76 sa 80 tad-Deċiżjoni) u, min-naħa l-oħra, fl-analiżi ta' l-impatt ta' l-akkordju fuq is-suq (premessa 354 tad-Deċiżjoni) billi tibbaża ruħha fuq il-grafiċi li nstabu fl-uffiċċji ta' Roquette matul l-ispezzjoni.

194    Il-fatti rilevanti, hekk kif jirriżultaw mill-premessi tad-Deċiżjoni, jistgħu jingħataw f'sinteżi kif ġej:

–        fil-ħarifa ta' l-1984, l-akkordju preċedenti ġie fit-tmiem tiegħu (premessa 76 tad-Deċiżjoni);

–        għal madwar sentejn (jiġifieri sal-ħarifa 1986 approssimament), is-suq tal-glukonat tas-sodju kien dominat mill-kompetizzjoni ħielsa (premessa 77 tad-Deċiżjoni);

–        f'Mejju 1986, l-ewwel inizjattivi ġew meħuda għall-implementazzjoni ta' akkordju ġdid (premessa 79 tad-Deċiżjoni);

–        fi Frar 1987, l-akkordju ġdid ġie konkluż u baqa' sejjer, b'diversi modifiki, sa' l-1995 (premessi 79 u 80 tad-Deċiżjoni).

195    Sussegwentement, l-evoluzzjoni tal-prezz tal-glukonat tas-sodju, hekk kif tirriżulta mill-premessa 354 tad-Deċiżjoni, tista' tingħata sintetikament kif ġej:

–        fl-1985, il-prezzijiet tal-glukonat tas-sodju waqgħu u, fl-1996, huma naqsu bi kważi n-nofs meta mqabbla mal-bidu tas-sena 1985;

–        bejn 1987 u 1989, il-prezzijiet tal-glukonat tas-sodju rdoppjaw;

–        fl-1989, il-prezzijiet waqgħu mill-ġdid, iżda b'mod li jidher inqas minn dak ta' l-1985, u stabbilizzaw ruħhom, sa' l-1995, fuq livell ta' bejn 60% għola mil-livell ta' l-1987.

196    Fl-ewwel lok, isegwi li, sabiex jiġi apprezzat jekk il-ftehim ippermettew effettivament għall-impriżi kkonċernati li jilħqu livell ta' prezz ta' tranżazzjoni għola minn dak li kien jipprevali fin-nuqqas ta' akkordju, il-Kummissjoni korrettament ikkomparat, minn naħa, il-prezzijiet tal-glukonat tas-sodju eżistenti bejn it-tmiem ta' l-akkordju preċedenti u l-konklużjoni, fi Frar 1987, ta' l-akkordju l-ġdid, perijodu li fih is-suq kien ikkaratterizzat mill-kompetizzjoni ħielsa, mal-prezzijiet mitluba wara 1987, billi kkunsidrat id-dekors ta' ċertu żmien neċessarju għall-implementazzjoni effiċjenti ta' l-akkordju, min-naħa l-oħra.

197    Bl-istess mod, sabiex tikkompara s-sitwazzjoni tal-prezzijiet effettivament mitluba ma' dik li kienet tipprevali bla akkordju, il-Kummissjoni korrettament enfasizzat li, bejn l-1989 u l-1995, il-prezzijiet ġew ikkaratterizzati bi stabbiltà relattiva. Issa, hekk kif il-Kummissjoni indikat fil-premessa 42 tad-Deċiżjoni, bla ma ġiet ikkontestata fuq dan il-punt minn ADM, is-suq tal-glukonat tas-sodju kien, prinċipalment, suġġett għal varjazzjonijiet kunsiderevoli. Konsegwentement, il-Kummissjoni setgħet validament tikkonkludi li, mingħajr akkordju, il-partijiet ma setgħux jagħmlu ċertu stabbiltà fil-prezz tal-glukonat tas-sodju. ADM ma invokatx l-ebda argument sabiex tirrifjuta din il-konklużjoni.

198    Fit-tieni lok, fir-rigward ta' l-irdoppjar tal-prezzijiet li seħħ bejn l-1987 u l-1989, għandu jiġi kkunsidrat li, għalkemm, kif issostni ADM, il-prezz tal-glukonat tas-sodju kien fl-1987 fuq livell li jwassal għall-falliment u l-offerta kienet żejda bħalma kien il-każ matul is-snin l-1986 u l-1987, mhuwiex konċepibbli li l-prezzijiet setgħu żdiedu fin-nuqqas ta' fattur estern. Fil-fatt, jekk l-offerta kienet żejda, il-prezzijiet kienu jonqsu jew jibqgħu baxxi sakemm il-prodott jsir rari mill-ġdid, minħabba t-tluq mis-suq ta' wieħed mill-operaturi bħal fil-każ ta' falliment jew ta' akkwist. Issa, f'dan il-każ, il-Kummissjoni kkonstatat li l-prezzijiet kienu żdiedu bl-implementazzjoni effettiva ta' l-akkordju l-ġdid.

199    Fir-rigward ta' dak li ntqal, il-Kummissjoni setgħet tikkonkludi li hija ddisponiet minn provi konkreti u kredibbli li jindikaw li l-akkordju kellu impatt konkret fuq is-suq li kien, fis-sens tal-linji gwida, "jista' jiġi mkejjel" permezz ta' paragun bejn il-prezz ipotetiku li, skond probabbiltà raġonevoli, kien jipprevali fin-nuqqas ta' akkordju u l-prezz applikat wara l-akkordju.

200    L-argumenti invokati minn ADM ma jippermettux li titwaqqa' din il-konklużjoni. B'mod partikolari, iċ-ċirkustanza invokata minn ADM li, skond id-dikjarazzjonijiet tal-kompetituri tagħha, dan il-prezz, anki fuq il-livell l-aktar għoli tiegħu, ma jkoprix lanqas l-ispiża tal-materji primi mhijiex rilevanti. Fil-fatt, anki kieku din iċ-ċirkustanza tkun stabbilita, ma jistax jiġi eskluż li l-prezz applikabbli fin-nuqqas ta' akkordju fuq suq b'kompetizzjoni mhux imfixkla jkun xorta waħda inqas mill-ispiża tal-materja prima, iżda jekk ikun il-każ fuq livell anki iktar għoli mill-prezz tal-bejgħ. Għaldaqstant, il-Kummissjoni analizzat korrettament id-diversi argumenti invokati minn ADM u mill-partijiet l-oħra matul il-proċedura amministrattiva (ara wkoll il-punt 182 iktar 'il fuq).

201    Konsegwentement, huwa żbaljat li ADM takkuża lill-Kummissjoni li ma ddisponitx minn informazzjoni suffiċjenti u li kienet ikkunsidrat ħażin il-fatturi l-oħra invokati matul il-proċedura amministrattiva.

 Fuq il-fatt li ADM ma kinitx membru ta' l-akkordju fil-mument tad-diskussjonijiet tal-prezzijiet tal-glukonat tas-sodju bejn 1987 u 1989

–       L-argumenti tal-partijiet

202    ADM issostni li l-perijodu ta' żieda tal-prezzijiet tal-glukonat tas-sodju bejn l-1987 u l-1989 kien preċedenti għad-dħul tagħha fl-akkordju u li, konsegwentement, il-Kummissjoni ma setgħetx timponilha multa iktar għolja minħabba l-impatt ekonomiku li l-akkordju kellu f'mument meta hija ma pparteċipatx fih.

203    Il-Kummissjoni tikkuntesta l-mertu ta' dan l-argument.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

204    Hija ġurisprudenza stabbilita li l-imġiba effettiva li impriża tallega li adottat hija bla rilevanza għall-finijiet ta' l-evalwazzjoni ta' l-impatt ta' l-akkordju fuq is-suq, u li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni biss l-effetti li jirriżultaw mill-ksur fit-totalità tiegħu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta' Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C 49/92 P, Ġabra p. I-4125, punti 150 u 152, u s-sentenza Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, punt 37 iktar 'il fuq, punti 160 u 167).

205    Hekk kif il-Kummissjoni invokat ġustament, anki jekk ADM daħlet tagħmel parti fl-akkordju biss wara l-irduppjar tal-prezzijiet tal-glukonat tas-sodju bejn 1987 u 1989 hija, matul il-perijodu kollu tal-parteċipazzjoni tagħha, għamlet profitt mit-twettiqiet ta' l-akkordju preċedenti għad-dħul tagħha, jiġifieri żieda qawwija tal-prezzijiet u stabilizzazzjoni fuq livell għola. Barra minn hekk, hija assigurat is-sostenibbiltà tiegħu.

206    Għaldaqstant, il-Kummissjoni setgħet validament tikkunsidra l-akkordju fit-totalità tiegħu sabiex tiddetermina l-impatt konkret ta' l-akkordju fir-rigward tal-partijiet kollha implikati. Il-mument tad-dħul ta' ADM fl-akkordju huwa bla rilevanza għad-determinazzjoni ta' l-impatt konkret ta' l-akkordju.

207    Konsegwentement, l-ilment ibbażat fuq il-fatt li ADM ma kinitx membru ta' l-akkordju fil-mument taż-żieda tal-prezzijiet tal-glukonat tas-sodju bejn l-1987 u l-1989 għandu jiġi miċħud.

d)     Dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti

 L-argumenti tal-partijiet

208    ADM tqis li l-Kummissjoni kkommettiet xi żbalji fid-definizzjoni tas-suq rilevanti. Issa, hija tenfasizza li d-definizzjoni tas-suq rilevanti hija neċessarja sabiex jiġi mkejjel l-impatt ta' l-akkordju fuq dan is-suq u li, għaldaqstant, dawn l-iżbalji kellhom impatt fuq il-kalkolu tal-multa.

209    Fl-ewwel lok, ADM tirrileva li, anki jekk, fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni hija stess irrikonoxxiet li l-glukonat tas-sodju jista', skond l-applikazzjonijiet, jiġi ssostwit minn aġenti oħra, hija madankollu eskludiet is-sostituti tal-glukonat tas-sodju mid-definizzjoni tagħha tas-suq rilevanti.

210    Issa, billi taġixxi b'dan il-mod, il-Kummissjoni kkuntradixxiet il-prattika stabbiltà tagħha stess li skondha s-sostituti parzjali jistgħu jagħmlu parti mis-suq rilevanti. Bl-istess mod, skond ADM, il-Kummissjoni ma applikatx korrettament il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq id-Definizzjoni tas-Suq in kwistjoni għall-finijiet tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni (ĠU C 372, tad-9 ta' Diċembru 1997, p. 5, iktar 'il quddiem il-"Komunikazzjoni fuq id-definizzjoni tas-suq").

211    Fil-fatt, skondha, il-provi jindikaw li, jekk ix-xerrejja ta' glukonat tas-sodju kienu qalbu għall-aġenti kelanti ta' sostituzzjoni, huma kienu naqsu effiċjentement fix-xejn żieda żgħira, iżda sinjifikattiva, fil-prezz u li, konsegwentement, is-suq ikun aktar vast minn dak li l-Kummissjoni allegat. Billi tibbaża ruħha fuq pubblikazzjoni intitolata "Chemical Economics Handbook" (B. Davenport et, SRI International 2000, iktar 'il quddiem ir-"rapport CEH 2000"), hija tosserva dan li ġej:

–        l-aġenti segwenti, meta mkejla skond l-angolu tal-korrelazzjoni tal-prezzijiet, huma s-sostituti aktar qrib tal-glukonat tas-sodju milli mill-aċidu glukoniku: il-glukoħeptonate, il-HEDTA (fi trab), l-amino (aċidu), l-aċidu NTA (xott), l-aminonotri (bħal melħ NA5) u l-aċidu EDTA (xott);

–        il-glukoħeptonat huwa sostitut iktar qrib ta' l-aċidu glukoniku milli tal-glukonat tas-sodju;

–        il-korrelazzjoni bejn il-prezzijiet tal-glukonat tas-sodju u tal-glukoħeptonat huwa għola minn 96 %, li jissuġġerixxi li dawn il-prezzijiet jevolvu skond skala virtwali magħluqa;

–        il-korrelazzjonijiet bejn l-aġenti kollha ta' kelanti msemmija fir-rapport CEH 2000 u l-glukonat tas-sodju huma għola minn 60%, li jippermetti li wieħed jaħseb li l-prezzijiet tal-glukonat tas-sodju ġew affettwati ħafna mill-moviment tal-prezzijiet ta' l-aġenti l-oħra tal-kelatina;

–        il-korrelazzjoni tal-prezzijiet bejn l-aċidu glukoniku u aġenti oħra ta' kelatina hija għola minn 60% bl-eċċezzjoni ta' żewġ forom ta' sostituzzjoni ta' NTA.

212    Billi tinvoka l-Komunikazzjoni fuq id-Definizzjoni tas-Suq (punt 39), diversi deċiżjonijiet tal-Kummissjoni relatati ma' operazzjonijiet ta' konċentrazzjoni kif ukoll is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta' Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni (C-185/95 P, Ġabra p. I-8417, punt 100), ADM issostni li livell għoli ta' korrelazzjoni bejn il-prezzijiet tal-prodotti huwa prova li huma jappartjenu għall-istess suq tal-prodotti għall-finijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni. Issa, joħroġ mir-rapport CEH 2000 li teżisti kompetizzjoni fuq il-prezzijiet għall-aġenti kollha ta' kelatina u li l-glukonat tas-sodju u l-glukoħeptonat huma ġeneralment interkambjabbli f'numru ta' applikazzjonijiet.

213    Skond ADM, il-konklużjonijiet tar-rapport CEH 2000 huma kkorroborati bix-xhieda tal-konsumaturi interrogati mill-Kummissjoni matul l-investigazzjoni tagħha, bir-risposti pprovduta mill-impriżi kkonċernati lill-Kummissjoni u bil-memorandi interni ta' dawn l-impriżi.

214    Konsegwentement, skond ADM, kemm il-provi identifikati mill-Kummissjoni – li minnhom hija madankollu waslet għal konklużjonijiet żbaljati – kif ukoll ir-rapport CEH 2000 juru li s-suq rilevanti kellu jiġi ddefinit b'mod iktar wiesa', li jinkludi prodotti bħal, b'mod partikolari, il-glukonati u l-glukoħeptonati, l-aċidu glukoniku, l-aċidu glukoħeptoniku, l-"ilmijiet prinċipali" u l-linjosulfonati.

215    L-argumenti invokati mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni m'għandhomx, skond ADM, iwaqqgħu din il-konklużjoni. Fil-fatt, mhuwiex rilevanti li wieħed isir jaf jekk is-sostituti tal-glukonat tas-sodju humiex imperfetti jew parzjali, għax, hekk kif jirriżulta mill-punt 17 tal-Komunikazzjoni fuq id-Definizzjoni tas-Suq, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tiddetermina jekk prodott ta' sostituzzjoni jistax jagħmel biżżejjed bejgħ sabiex ifixkel żieda żgħira, iżda sinjifikattiva, tal-prezzijiet, u mhux jekk sostitut jieħu l-bejgħ kollu ta' prodott, li jseħħ fil-każ ta' sostitut perfett. Barra minn hekk, mhuwiex minnu li n-nuqqas ta' sostitut ġenerali tal-glukonat tas-sodju, validu għall-applikazzjonijiet tiegħu kollha possibbli, jikkorrobora l-ipoteżi li skondha l-glukonat tas-sodju huwa suq ta' prodotti rilevanti għall-finijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni (premessa 37 tad-Deċiżjoni). B'mod partikolari, hija ssostni li l-Kummissjoni ma indikatx applikazzjoni speċifika li l-glukonat tas-sodju m'għandux sostitut għalih.

216    Bl-istess mod, skond ADM, l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta' Frar 1979, Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni (85/76, Ġabra p. 461), huwa żbaljat. Fl-ewwel lok, hija tirrileva li, f'din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja użat il-kriterju ta' l-eżistenza ta' grad suffiċjenti ta' interkambjabbiltà bil-għan ta' użu l-istess bejn il-prodotti kollha ta' suq l-istess. Issa, huwa dan it-test li huwa wieħed mit-teoriji ekonomiċi li huma l-bażi tal-Komunikazzjoni fuq id-Definizzjoni tas-Suq u li jikkostitwixxi wkoll il-bażi ta' l-argument tagħha. Fit-tieni lok, il-fatti li jwasslu għal din is-sentenza huma differenti minn dawk tal-każ in kwistjoni. Fil-fatt, filwaqt li, f'din il-kawża l-oħra, il-vitamini Ċ u E ma kellhomx sostituti fl-użi nutrizzjonali tagħhom, fil-każ in kwistjoni, il-Kummissjoni ma kienet identifikat l-ebda applikazzjoni li l-glukonat tas-sodju m'għandux sostitut għaliha. Fit-tielet lok, hija tqis li huwa plawżibbli li, għalkemm kwantitajiet limitati biss ta' vitamini Ċ u E kienu ġew mibjugħa bil-għan ta' użi tekniċi, il-prodotti ta' sostituzzjoni ma kellhomx impatt fuq l-istrateġija dwar l-iffissar tal-prezzijiet tal-vitamini Ċ u E, żviluppata mir-rikorrenti f'din il-kawża l-oħra. Il-limitu tad-dispersjoni tal-bejgħ għall-prodotti ta' sostituzzjoni li għandhom użu tekniku ma kienx naqqas fix-xejn l-effett taż-żieda tal-prezzijiet minħabba l-profitti magħmula mill-bejgħ, fuq skala iktar wiesgħa u prezz iktar għoli, intiżi għall-applikazzjonijiet nutrizzjonali li l-ebda sostitut ma kien disponibbli għalih.

217    ADM tqis li, f'kull każ, l-importanza kruċjali li l-Kummissjoni tattribwixxi, fil-premessa 37 tad-Deċiżjoni kif ukoll fil-punt 78 tad-difiża tagħha, lix-xhieda tal-klijenti tista' tiġi kkuntestata. Il-premessa 37 tad-Deċiżjoni tiddefinixxi l-klijenti bħala "preparaturi li jimmanifatturaw diversità ta' prodotti għal setturi diversi industrijali, u jisfruttaw għalhekk almenu żewġ kwalitajiet tal-glukonat tas-sodju". Issa, xejn ma jelabora din l-affermazzjoni. Fil-fatt, ir-rapport tal-CEH 2000 jissuġġerixxi lill-impriżi li jixtru l-glukonat tas-sodju sabiex jimmanifatturaw prodotti oħra jkunu ġeneralment speċifiċi għal industrija partikolari. L-ebda wieħed mill-klijenti interrogati ma jidher jikkorrispondi mad-definizzjoni tal-Kummissjoni.

218    ADM tirrimarka wkoll li, fil-kawża Dow Chemical Company, il-US Federal Trade Commission ikkonkluda li, minkejja l-applikazzjonijiet tagħhom, l-aġenti tal-kelatina fformaw suq ekonomiku.

219    Fit-tieni lok, ADM tinnota li, fil-premessa 38 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonstatat li "il-maġġoranza l-kbira tal-klijenti li l-Kummissjoni interrogat fuq il-kwistjoni tas-sostitwibbiltà rrispondew li ma setgħux jissostitwixxu l-glukonat tas-sodju bi prodott ieħor fil-proċess industrijali tagħhom. Skond ADM, din il-konklużjoni hija żbaljata. Il-provi miġbura f'dan ir-rigward mill-Kummissjoni mingħand il-konsumaturi huma selettivi, ambigwi u vvizzjati min-natura tad-domandi magħmula.

220    F'dan ir-rigward, l-ewwel nett, ADM issostni li ħamsa minn tnax-il utent finali, li rrispondew għad-domanda magħmula mill-Kummissjoni, ikkunsidraw li l-glukonat tas-sodju kien sostitwibbli, minkejja li wieħed minnhom kien ippreċiża li l-aċidu glukoniku kien il-prodott ta' sostituzzjoni. Dawn ir-risposti kienu ġew ikkonfermati minn distributur li kien indika volontarjament li eżistew numru ta' sostituti. ADM tenfasizza li x-xerrejja, li rrispondew għall-mistoqsija u li kkonfermaw is-sostitwibbiltà tal-glukonat tas-sodju, irrappreżentaw il-maġġoranza tal-kumpanniji li joperaw fis-setturi tat-trattament tas-superfiċji u tat-tindif industrijali (Solvay, Chemische Werke Kluthe u Henkel), kienu jieħdu 50% tal-bejgħ tal-glukonat tas-sodju u kienu jinkludu tnejn mill-ikbar konsumaturi bil-grossa (Henkel u British Gypsum).

221    It-tieni nett, hija ssostni li wieħed biss mix-xerrejja l-oħra interrogati mmotiva r-risposta tiegħu filwaqt li, fil-Komunikazzjoni tagħha fuq id-definizzjoni tas-suq (punt 40), il-Kummissjoni hija stess enfasizzat li r-risposti f'dan ir-rigward jistgħu jiġu kkunsidrati biss meta huma biżżejjed sostnuti b'elementi ta' fatt.

222    It-tielet nett, ADM tqis li, fil-kwestjonarju mibgħut mill-Kummissjoni, din ta' l-aħħar m'għamlitx il-mistoqsija tajba. Fil-fatt hija kienet limitat ruħha li tistaqsi lix-xerrejja jekk setgħux jissostitwixxu l-glukonat tas-sodju, aktar milli tinterrogahom fuq ir-reazzjoni eventwali tagħhom għal żieda permanenti żgħira iżda sinjifikattiva tal-prezz. Hija tirrileva, barra minn hekk, li, fost ir-risposti negattivi, waħda biss kienet motivata, mingħajr m'huwa possibbli li jiġi ddeterminat b'mod ċar jekk xi diffikultajiet tekniċi minuri impedixxewx is-sostituzzjoni jew jekk ix-xerrejja ma setgħu qatt jużaw prodott ieħor anki fil-preżenza ta' żieda li damet għal żmien twil tal-prezz tal-glukonat tas-sodju.

223    Fit-tielet lok, ADM tosserva li, fil-premessa 38 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni kkunsidrat li "il-fatt biss li l-produtturi ta' glukonat tas-sodju fformaw akkordju, ipparteċipaw fih u kkontribwixxew għalih xi riżorsi matul perijodu twil u li għażlu li ma jestenduhx, per eżempju għall-ilmijiet prinċipali, juri li huma kkunsidraw li l-glukonat tas-sodju fforma suq ta' prodotti kkonċernati".

224    Issa, ADM issostni li, kuntrarjament għall-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni, il-provi jħallu li jiġi supponut li l-partijiet kienu preokkupati bl-eventwalità li l-klijenti jaqilbu għal prodotti ta' sostituzzjoni mhux ikkontrollati mill-membri ta' l-akkordju u li huma kienu ppruvaw, għalxejn, jestendu l-ftehim għall-ilmijiet prinċipali sabiex jipprevjenu kull frodi lill-akkordju. Barra minn hekk, l-element invokat mill-Kummissjoni, jiġifieri l-parteċipazzjoni fl-akkordju, jista' jkollu numru ta' raġunijiet u ma jikkorroborax tabilħaqq il-konklużjoni magħmula.

225    Il-Kummissjoni titlob li l-argumenti kollha ta' ADM jiġu miċħuda.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

226    Hemm lok li jiġi osservat, preliminarjament, li, fil-premessi 34 sa 41 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni eżaminat is-suq tal-prodott in kwistjoni u ddefiniet dan is-suq bħala li huwa dak tal-glukonat tas-sodju fil-forom solidi u likwidi tiegħu u tal-prodott bażiku tiegħu, l-aċidu glukoniku. Barra minn hekk, f'risposta għall-argumenti li ADM qajmet matul il-proċedura amministrattiva, hija ammettiet li kienu jeżistu ċertu numru ta' prodotti ta' sostituzzjoni parzjali għall-glukonat tas-sodju, skond l-użu li jsir minnu, iżda kkunsidrat li xejn ma kien jipprova li dawn il-prodotti eżerċitaw pressjoni effettiva fuq il-prezzijiet ta' dan ta' l-aħħar. Hija, għall-kuntrarju, ikkunsidrat li diversi elementi kkuntradixxew it-teżi sostnuta minn ADM. B'hekk, hija sostniet li ma kienx hemm prodotti ta' sostituzzjoni sħiħa għall-glukonat tas-sodju u li, billi dan il-prodott kien iktar favur l-ambjent, ċerti utenti kienu jippreferuh minn prodotti ta' sostituzzjoni potenzjali. Barra minn hekk, hija kkunsidrat li din il-perspettiva kienet ikkonfermata, minn naħa, bir-risposti pprovduti mill-klijenti tal-membri ta' l-akkordju u, min-naħa l-oħra, bl-eżistenza stess ta' l-akkordju li kien limitat għall-glukonat tas-sodju u kien jikkostitwixxi b'hekk, fl-opinjoni tagħha, indiċi li l-membri stess ikkunsidraw is-suq bħala li huwa limitat għall-glukonat tas-sodju (premessi 37 u 38 tad-Deċiżjoni).

227    Barra minn hekk, fil-parti tad-Deċiżjoni dwar l-impatt konkret ta' l-akkordju fuq is-suq, il-Kummissjoni rriferiet għall-eżami tas-suq miġjub fil-qosor fil-punt preċedenti (premessa 353 tad-Deċiżjoni).

228    ADM issostni essenzjalment li l-Kummissjoni ddefiniet is-suq tal-prodotti kkonċernati b'mod wisq ristrett billi teskludi l-prodotti ta' sostituzzjoni tal-glukonat tas-sodju.

229    F'dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, l-ewwel nett, li ADM ma tibbażax dan l-ilment fuq id-definizzjoni żbaljata tas-suq tal-prodotti kkonċernati sabiex turi li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 81(1) KE. Hija ma tikkuntestax li kienet ikkommettiet ksur ta' din id-dispożizzjoni bil-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju fuq is-suq tal-glukonat tas-sodju. L-uniku obbjettiv li ADM għandha, f'dan il-kuntest, huwa li tistabbilixxi li l-Kummissjoni imponitilha multa għolja wisq, b'mod partikolari, minħabba li hija, skond ADM, waslet għall-konklużjoni ta' l-eżistenza ta' impatt konkret ta' dan l-akkordju fuq is-suq ikkonċernat u kkunsidrat dan l-element fl-iffissar ta' l-ammont tal-multa.

230    Issa, jista' jkun hemm segwitu għal dan l-argument biss jekk ADM turi li, għalkemm il-Kummissjoni kienet iddefiniet b'mod ieħor is-suq tal-prodotti kkonċernati, hija kellha tikkonstata li l-ksur ma kellux impatt konkret fuq is-suq definit bħala li huwa dak tal-glukonat tas-sodju u tas-sostituti tiegħu (ara l-punt 177 iktar 'il fuq).

231    Fil-fatt, dimostrazzjoni bħal din biss hija ta' natura li l-evalwazzjoni ta' l-ammont tal-multa effettwata mill-Kummissjoni skond il-gravità tal-ksur tiġi invalidata.

232    Hekk kif ġie diġà deċiż fil-punti 195 u 196 iktar 'il fuq, f'dan il-każ, sabiex tiġi konkluża l-eżistenza ta' impatt reali tal-ksur fuq is-suq tal-glukonat tas-sodju, il-Kummissjoni kkumparat il-prezzijiet effettivament mitluba mal-prezzijiet li kienu jipprevalu mingħajr akkordju u, f'dan ir-rigward, ibbażat ruħha fuq konstatazzjoni doppja. L-ewwel nett, hija kkumparat, minn naħa, il-prezzijiet tal-glukonat tas-sodju mitluba waqt il-perijodu preċedenti għall-akkordju, ikkaratterizzat mill-kompetizzjoni ħielsa, mal-prezzijiet mitluba wara ċertu żmien li kien neċessarju għall-implementazzjoni effettiva ta' l-akkordju fl-1989, min-naħa l-oħra. It-tieni nett, hija kkonstatat li, bejn l-1989 u l-1995, il-prezzijiet ġew relattivament stabbli filwaqt li, b'mod ġenerali, dan is-suq jikkaratterizza ruħu permezz ta' fluttwazzjoni kbira tal-prezzijiet (premessa 354 tad-Deċiżjoni).

233    F'sitwazzjoni bħal din, sabiex l-argument li ADM ibbażat fuq l-iżbalji fid-definizzjoni tas-suq rilevanti jista' jiġi milqugħ, din ta' l-aħħar għandha turi li paragun tas-sitwazzjoni tal-prezzijiet effettivament mitluba fuq is-suq iktar wiesgħa li tikkorrispondi għad-definizzjoni li hija tiddefendi ma' dik li, fuq dan l-istess suq iktar wiesgħa, kienet tipprevali mingħajr akkordju, jindika li l-akkordju ma kellux impatt fuq dan is-suq. Fil-fatt, hekk kif ġie deċiż fil-punt 177 iktar 'il fuq, huwa biss f'din iċ-ċirkustanza li l-Kummissjoni ma kinitx tkun tista' tibbaża ruħha fuq il-kriterju ta' l-impatt konkret ta' l-akkordju fil-kuntest tal-kalkolu tagħha tal-multa skond il-gravità tal-ksur.

234    Issa, f'dan ir-rigward, ADM sempliċement tiddikjara li "il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni fuq is-suq tal-prodott rilevanti għandhom rwol ċentrali fl-evalwazzjoni tagħha ta' l-impatt ekonomiku", li l-iżbalji allegatament magħmula minn din ta' l-aħħar "jalteraw b'hekk l-opinjoni li l-Kummissjoni ffurmat fuq l-impatt ekonomiku u jivvizzjaw il-kalkolu tagħha tal-multi" u, fl-aħħar, li, għalkemm il-Kummissjoni kienet iddefiniet is-suq billi tinkludi s-sostituti tal-glukonat tas-sodju, din ta' l-aħħar "kienet waslet għall-konklużjoni ta' l-ineffiċjenza ta' kull tentattiv mill-partijiet li jikkontrollaw il-prezz tal-glukonat tas-sodju".

235    Ċertament, ADM tiddedika parti kunsiderevoli tad-dokumenti tagħha għall-analiżi tad-data dwar is-suq tal-ġelatina u għad-diskussjoni tat-teoriji ekonomiċi rilevanti għad-definizzjoni tas-suq in kwistjoni fid-dritt tal-kompetizzjoni.

236    Madankollu, ADM ma tipprova bl-ebda mod li tirrifjuta l-analiżi li l-Kummissjoni għamlet fid-Deċiżjoni fir-rigward tas-suq tal-glukonat tas-sodju, billi tipprovdi almenu l-bidu ta' paragun bejn il-livell tal-prezzijiet li kienu ġew effettivament mitluba, waqt il-perijodu ta' l-akkordju, fuq is-suq iktar wiesa' ta' l-aġenti ta' kelatina ma' dak li, skond il-probabbiltà kollha, kien jipprevali fuq dan l-istess suq iktar wiesgħa fin-nuqqas ta' akkordju limitat fuq il-glukonat tas-sodju.

237    Għaldaqstant, ADM tonqos milli turi jew almenu tressaq l-elementi li, mqiegħda flimkien, jikkostitwixxu numru ta' indiċijiet koerenti li juru bi probabbiltà raġonevoli li l-impatt ta' l-akkordju dwar il-glukonat tas-sodju fuq is-suq iktar wiesa' ta' l-aġenti ta' kelatina kien ineżistenti jew, almenu, żgħir.

238    Konsegwentement, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk, hekk kif tallega ADM, il-Kummissjoni kkommettiet żball ta' dritt billi teskludi, għall-bżonnijiet tad-Deċiżjoni, is-sostituti tal-glukonat tas-sodju mis-suq tal-prodotti kkonċernati, hemm lok li l-ilment ibbażat fuq id-definizzjoni żbaljata tas-suq in kwistjoni jiġi miċħud.

239    Fid-dawl ta' dak kollu li ntqal, għandu jiġi konkluż li ADM ma ppruvatx li l-Kummissjoni kkommettiet xi żbalji fl-evalwazzjoni ta' l-impatt konkret ta' l-akkordju fuq is-suq.

C –  Fuq l-eżistenza ta' żbalji ta' evalwazzjoni dwar id-dewmien tal-ksur

240    ADM tqis li l-Kummissjoni kkommettiet żbalji ta' evalwazzjoni billi kkunsidrat li l-ksur baqa' sejjer sax-xahar ta' Ġunju 1995. Hija ssostni, minn naħa, li hija temmet il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju matul il-laqgħa ta' l-4 ta' Ottubru 1994 f'Londra u, min-naħa l-oħra, li l-laqgħa li saret bejn it-3 u l-5 ta' Ġunju 1995 f'Anaheim (Kalifornja) m'għandhiex tiġi kkunsidrata bħala segwitu tal-ksur. Għaldaqstant, skond ADM, il-multa għandha tiġi mnaqqsa bħala konsegwenza ta' dan.

1.     Fuq il-fatt li ADM kienet temmet il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju matul il-laqgħa ta' l-4 ta' Ottubru 1994 f'Londra

a)     L-argumenti tal-partijiet

241    Skond ADM, huwa żbaljat li l-Kummissjoni ċaħdet l-argumenti ppreżentati minnha u kkonkludiet, fil-premessi 319 sa 323 tad-Deċiżjoni, li hija ma temmitx il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju matul il-laqgħa ta' l-4 ta' Ottubru 1994 iżda li l-parteċipazzjoni tagħha baqgħet sejra sax-xahar ta' Ġunju 1995.

242    L-ewwel nett, billi tirreferi għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-6 ta' April 1995, Tréfileurope vs Il-Kummissjoni (T-141/89, Ġabra p. II-791, punt 85), u għas-sentenza BPB de Eendracht vs Il-Kummissjoni, punt 106 iktar 'il fuq (punt 203), ADM issostni li impriża ttemm il-parteċipazzjoni tagħha f'akkordju meta hija tiddiżassoċja ruħha pubblikament hija stess u tirtira mill-ftehim. Issa, dan huwa dak li għamlet ADM matul il-laqgħa ta' l-4 ta' Ottubru 1994.

243    Fil-fatt hija tinvoka li, matul din il-laqgħa, ir-rappreżentanti tagħha informaw il-parteċipanti l-oħra li hija kienet ser tabbanduna l-grupp jekk il-kwistjonijiet sospensivi fuq il-kwoti ma kinux solvuti. L-ebda ftehim ma kien sar u r-rappreżentanti tagħha kienu telqu, hekk kif jirriżulta mid-dokument 6 tal-Kummissjoni. Hija tenfasizza li l-Kummissjoni aċċettat f'isimha dan is-sommarju tal-laqgħa ta' l-4 ta' Ottubru 1994 (premessa 228 tad-Deċiżjoni). Dawn il-fatti jikkorrispondu mhux biss għall-konklużjonijiet tal-Kummissjoni stess li skondhom il-laqgħat kienu saru progressivament stressanti qabel din il-laqgħa, iżda anki għall-provi li Jungbunzlauer kienet tat lill-Kummissjoni f'dak li jirrigwarda din il-laqgħa.

244    Barra minn hekk, ADM tirrimarka li, billi tikkonferma l-irtir tagħha mill-akkordju, hija waqfet milli tikkommunika l-fatturati tagħha fl-akkordju, ħaġa li l-Kummissjoni rrikonoxxiet fil-premessa 228 tad-Deċiżjoni. Kuntrarjament, għall-interpretazzjoni sostnuta mill-Kummissjoni fil-premessa 321 tad-Deċiżjoni, dan l-att ma kienx jikkostitwixxi strateġija sempliċi ta' negozjati fi ħdan l-akkordju, li kien juri l-intenzjoni ferma tagħha li tkompli l-attivitajiet restrittivi. Fil-fatt, hija tenfasizza li din kienet imġiba oġġettiva li ġiet miftehma b'mod ċar mill-partijiet l-oħra u li indikat li hija waqfet milli tagħmel parti mill-akkordju.

245    Il-Kummissjoni titlob li dan l-argument għandu jiġi miċħud.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

246    Fl-ewwel lok, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza invokata minn ADM hija stess (ara l-punt 241 iktar 'il fuq), wieħed jista' jasal għall-konklużjoni tat-tmiem definittiv tas-sħubija tagħha fl-akkordju biss jekk ADM kienet iddistakkat ruħha pubblikament mill-kontenut tal-laqgħat.

247    Issa, jirriżulta mid-deskrizzjoni stess tal-fatti minn ADM li, barra minn hekk, taqbel ma' dik fid-Deċiżjoni (ara, b'mod partikolari, il-premessi 228 u 321) li, matul il-laqgħa ta' l-4 ta' Ottubru 1994 f'Londra, ADM ma ddistakkatx ruħha pubblikament mill-obbjettivi ta' l-akkordju u mir-raġunijiet ta' implementazzjoni sabiex tilħaq dawn l-obbjettivi, b'mod partikolari l-qsim ta' kwoti ta' bejgħ ta' glukonat tas-sodju bejn il-membri ta' dan ta' l-aħħar. Għall-kuntrarju, jirriżulta minnha li ADM ippruvat, għalxejn, issolvi l-kunflitt li qam bejn il-membri tal-kartell u tasal għal kompromess fuq il-kwantitajiet ta' bejgħ. Din l-attitudni turi aktar f'aċċettazzjoni tal-prinċipju ta' implementazzjoni ta' l-akkordju. Konsegwentement, fil-premessa 321 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni setgħet validament tikkwalifika l-imġiba ta' ADM matul din il-laqgħa bħala waħda ta' strateġija bil-għan li tikseb iktar konċessjonijiet min-naħa tal-membri l-oħra ta' l-akkordju, aktar milli biex iġġib fit-tmiem is-sħubija ta' din ta' l-aħħar.

248    Barra minn hekk ma jirriżulta, minn ebda dokument invokat minn ADM li l-membri l-oħra kienu fehmu l-imġiba tagħha matul din il-laqgħa bħala distakkar pubbliku mill-kontenut stess ta' l-akkordju.

249    Fil-fatt, l-ewwel nett, l-ittra tal-21 ta' Mejju 1999, indirizzata minn Jungbunzlauer lill-Kummissjoni, ma tinkludi ebda deskrizzjoni ta' l-imġiba ta' ADM matul il-laqgħa ta' l-4 ta' Ottubru 1994 f'Londra. Huwa biss indikat fiha li, "[m]eta, fl-4 ta' Ottubru 1994 f'Londra, Roquette ddikjarat li hija mhijiex ser tirrispetta iktar l-ebda [mill-]ftehim [ta' l-akkordju], dawn ta' l-aħħar ġew fit-tmiem tagħhom".

250    It-tieni nett, fl-ittra tat-12 ta' Mejju 1998, indirizzata minn Fujisawa lill-Kummissjoni, din il-parti ma tat l-ebda deskrizzjoni ta' din il-laqgħa li, barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mill-premessa 224 tad-Deċiżjoni, hija ma ħaditx sehem fiha. Għall-kuntrarju, f'din l-ittra Fujisawa indikat li l-akkordju ġie fit-tmiem tiegħu biss fl-1995.

251    It-tielet nett, id-deskrizzjoni ta' din il-laqgħa minn Jungbunzlauer fl-ittra tagħha tat-30 ta' April 1999 indirizzata lill-Kummissjoni ma għandhiex iktar indikazzjonijiet fuq li, matul din il-laqgħa, ADM kienet iddikjarat li riedet tirtira mill-akkordju. Għall-kuntrarju, Jungbunzlauer indikat, f'din l-ittra, li ADM kienet talbet strutturar mill-ġdid tal-kwantitajiet ta' bejgħ iżda kienet ġiet injorata.

252    Fit-tieni lok, fuq il-fatt li ADM tinvoka li, wara din il-laqgħa, hija waqfet milli tikkomunika l-fatturati tagħha lill-membri l-oħra ta' l-akkordju, hemm lok li jiġi osservat li, hekk kif joħroġ mill-premessi 81 sa 90 tad-Deċiżjoni, l-akkordju kkonsista f'mekkaniżmu kumpless li jirrigwarda l-qsim tas-swieq, l-iffissar tal-prezzijiet u l-iskambju ta' informazzjoni fuq il-klijenti. Is-sempliċi fatt, li għandu jiġi supponut bħala stabbilit, li ADM kienet waqfet, wara din il-laqgħa, milli tissottometti lill-membri l-oħra ta' l-akkordju l-fatturati tagħha ma jipprovax li l-akkordju waqaf li jeżisti jew li ADM waqfet milli tipparteċipa fih.

253    Konsegwentement, ADM ma stabbilietx li l-Kummissjoni kkommettiet xi żbalji ta' evalwazzjoni meta kkunsidrat li ADM ma waqfitx mill-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju matul il-laqgħa ta' l-4 ta' Ottubru 1994.

2.     Dwar in-natura tal-laqgħa li saret mit-3 sal-5 ta' Ġunju 1995 f'Anaheim

a)     L-argumenti tal-partijiet

254    ADM tqis li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni (premessi 232 u 322), il-laqgħa mit-3 sal-5 ta' Ġunju 1995 m'għandhiex tiġi kkunsidrata bħala s-segwitu tal-ksur. Fil-fatt, minn naħa, din il-laqgħa kienet ikkoinċidiet ma' laqgħa industrijali. Min-naħa l-oħra, matul din il-laqgħa, il-parteċipanti kienu ppruvaw jerġgħu jiġbru flimkien il-kwoti ta' bejgħ inizjali b'mod anonimu (premessa 232 tad-Deċiżjoni). Issa, is-sistema anonima ta' skambju ta' informazzjoni fir-rigward tal-volum propost ma kinitx tkun forma illegali ta' skambju ta' informazzjoni. Fil-fatt, din is-sistema kienet timplika li l-partijiet jgħoddu flimkien il-volumi ta' bejgħ b'mod li l-ebda informazzjoni speċifika ta' impriża ma tiġi mikxufa lil xi parteċipant kwalunkwe. Din is-sistema ma kinitx tinkludi mekkaniżmu ta' sorveljanza tal-bejgħ speċifiku ta' l-impriżi, tal-ftehim ta' prezzijiet jew ta' qsim tal-bejgħ, li l-Kummissjoni kienet tqis bħala elementi importanti ta' l-akkordju fuq il-glukonat tas-sodju. F'kull każ, is-sistema prevista mill-parteċipanti sabiex jintlaħaq l-obbjettiv li jiġi stabbilit id-daqs totali tas-suq ma kinitx irnexxiet.

255    L-indikazzjonijiet li jinsabu f'dokument sottomess minn Roquette u invokat mill-Kummissjoni fil-premessi 233 u 322 tad-Deċiżjoni li skondhom din il-laqgħa kienet tirrigwarda l-"kumpens" kif ukoll l-"obbjettiv ta' produzzjoni dinjija" jew il-"prezzijiet" huma vagi u ambigwi. Barra minn hekk, mhuwiex il-każ tad-dikjarazzjoni ta' xhud, iżda ta' sommarju tal-ftehim ippreparat minn prokuratur Amerikan li kien iservi ta' bażi għad-diskussjoni max-xhieda ta' Roquette. Fil-kwalità ta' dikjarazzjoni ġudizzjarja bbażata fuq sorsi mhux magħrufa, dan id-dokument jista' jkollu biss valur probatorju dgħajjef fil-konfront tad-depożizzjonijiet tax-xhieda okulari implikati.

256    Fir-rigward tal-faks ta' l-1 ta' Mejju 1995 indirizzata minn Glucona lil-lukanda fejn kellha ssir il-laqgħa tax-xahar ta' Ġunju 1995, ADM tinvoka li, skond dan id-dokument, ir-riżervazzjoni kkonċernat is-6 ta' Ġunju 1995, filwaqt li l-laqgħa kienet saret bejn it-3 u l-5 ta' Ġunju 1995. Barra minn hekk, hija tenfasizza li din ir-riżervazzjoni setgħet waslet għal laqgħa differenti u li, anki jekk hija kkonċernat l-akkordju, din il-faks turi l-aktar li Glucona ħasbet li setgħet tipperswadi l-parteċipanti l-oħra li jifformaw mill-ġdid l-akkordju.

257    Il-Kummissjoni titlob li dan l-argument jiġi miċħud.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

258    Fl-ewwel lok, hemm lok li jiġi osservat li ADM ma tikkontestax, hekk kif il-Kummissjoni rrimarkat fil-premessa 232 tad-Deċiżjoni, li, matul din il-laqgħa, li għaliha l-membri kollha ta' l-akkordju kienu preżenti, il-parteċipanti ddiskutew il-volumi ta' bejgħ ta' glukonat tas-sodju magħmula fl-1994. Il-Kummissjoni, b'mod partikolari, irrilevat, mingħajr ma ADM ikkuntestat dan l-element, li skond dak li qalet din ta' l-aħħar Jungbunzlauer kienet talbitha "li tikkomunika l-ammonti totali tal-bejgħ tal-glukonat tas-sodju magħmul minn ADM fl-1994" (premessa 232 tad-Deċiżjoni).

259    Issa, għandu jiġi nnotat li dan il-mod kif wieħed jipproċedi kkoinċida, fil-parti l-kbira, mal-prattika kostanti fl-akkordju li mmirat sabiex tassigura r-rispett tal-kwoti ta' bejgħ allokati u li, hekk kif joħroġ mill-premessi 92 u 93 tad-Deċiżjoni, ikkonsista filli, qabel kull laqgħa, il-membri ta' l-akkordju jikkomunikaw il-fatturati tagħhom lil Jungbunzlauer, li ġabrithom u ddistribwixxithom matul il-laqgħat.

260    Fit-tieni lok, ADM tikkonferma d-deskrizzjoni ta' l-avvenimenti kkunsidrata mill-Kummissjoni fil-premessa 232 tad-Deċiżjoni li skondha, matul din il-laqgħa, ġiet proposta sistema ġdida ta' skambju ta' informazzjoni dwar il-volum ta' bejgħ. Din is-sistema kellha tippermetti li jiġi ddeterminat, b'mod anonimu, jiġifieri b'mod li ebda mill-membri ma jkun jaf il-fatturati ta' l-oħrajn, id-daqs totali tas-suq tal-glukonat tas-sodju bil-mod li ġej:

"L-impriża A tikteb numru arbitrarju li jirrappreżenta parti mill-volum totali tagħha; l-impriża B turi sussegwentement lill-impriża Ċ is-somma ta' l-ammonti ta' l-impriża A u ta' l-impriża B; l-impriża C iżżid il-volum totali tagħha ma' din is-somma; fl-aħħar l-impriża A żżid il-bqija tal-volum totali tagħha ma' din is-somma u tikkomunika dan it-total lill-grupp." (Premessa 233 tad-Deċiżjoni.)

261    ADM tista' biss validament tinvoka f'dan ir-rigward li din is-sistema ma tikkostitwixxix ksur ta' l-Artikolu 81 KE, b'mod partikolari minħabba li hija ma tinkludix ftehim ta' ffissar tal-prezzijiet, ta' qsim tal-kwoti ta' bejgħ u ta' mekkaniżmu ta' sorveljanza tal-bejgħ speċifiku għall-impriżi.

262    Fil-fatt, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi apprezzat jekk, meħuda individwalment, din l-imġiba kkostitwixxiet ksur tar-regoli ta' kompetizzjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni setgħet b'mod iġġustifikat tqis li hija kkostitwixxiet tentattiv ġdid tal-membri ta' l-akkordju li "jistabbilixxu mill-ġdid l-ordni fuq is-suq" u li jmantnu l-prattiċi tagħhom antikompetittivi implementati matul is-snin preċedenti bil-għan li jassiguraw il-kontroll tas-suq permezz ta' azzjoni konġunta, anki jekk, jekk ikun il-każ, taħt forom u metodi differenti. Iċ-ċirkustanza li l-membri ta' l-akkordju kienu ppruvaw jimplementaw sistema ta' skambju "anonimu" ta' informazzjoni, hekk kif deskritt fil-punt 259 iktar 'il fuq, seta' raġonevolment jiġi interpretat mill-Kummissjoni bħala li hija konsegwenza naturali ta' l-imġiba ta' l-impriżi fl-akkordju li, hekk kif jirriżulta b'mod partikolari mill-premessa 93 tad-Deċiżjoni, kien ikkaratterizzat minn "klima ta' suspett reċiproku li dejjem jikber", iżda li madankollu kellu bħala obbjettiv li jaqsam is-suq. Minn din il-perspettiva, il-Kummissjoni setgħet validament tqis li, bl-implementazzjoni tas-sistema ġdida ta' skambju ta' informazzjoni, il-membri ta' l-akkordju jippruvaw li huma "kienu għadhom [reżoluti] li jsibu soluzzjoni li tippermettilhom li jkomplu l-prattiċi tagħhom antikompetittivi" (premessa 322 tad-Deċiżjoni) u li "imantnu l-kontroll tagħhom tas-suq b'azzjoni konġunta" (premessa 232 tad-Deċiżjoni).

263    Fit-tielet lok, l-annotazzjoni qasira li Roquette resqet f'din il-laqgħa u li l-Kummissjoni invokat fil-premessi 233 u 322 tad-Deċiżjoni ("6.95 Anaheim: Diskussjoni: kumpens; mira ta' 44000 mt produzzjoni fuq livell dinji; prezz") tista' raġonevolment tiġi kkunsidrata bħala li tikkonferma t-teżi difiża mill-Kummissjoni, anki jekk huwa veru li, meħuda individwalment u bbażata fuq il-kuntest tagħha, din in-nota tagħti biss idea impreċiża tal-kontenut tad-diskussjonijiet miżmuma matul il-laqgħa tat-3, tar-4 u tal-5 ta' Ġunju 1995. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni ADM, safejn Roquette ssottomettiet spontanjament dan id-dokument lill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva, din ta' l-aħħar setgħet validament tagħmel użu minnu sabiex tikkorrobora t-teżi tagħha.

264    Fir-raba' lok, id-diversi dikjarazzjonijiet tal-membri ta' l-akkordju, invokati minn ADM, mhumiex ta' natura li jwaqqaw il-pożizzjoni difiża mill-Kummissjoni. Fil-fatt, id-dikjarazzjoni ta' impjegat ta' Roquette, annessa ma' l-ittra ta' din ta' l-aħħar tat-22 ta' Lulju 1999, li skondha din il-laqgħa "ma waslet imkien u ma serviet għal xejn", li tikkoinċidi ma' dikjarazzjoni ta' Jungbunzlauer fl-ittra tagħha tat-30 ta' April 1999, hija bla rilevanza, safejn hija tikkonferma li din il-laqgħa ma modifikatx l-iffunzjonar ta' ksur uniku u kontinwu (premessa 254 tad-Deċiżjoni). B'hekk, din l-ittra ma tippruvax in-nuqqas ta' intenzjoni, min-naħa tal-membri ta' l-akkordju, li jkomplu fl-imġiba tagħhom ta' ksur.

265    Hemm lok, f'dan il-kuntest, li jiġi mfakkar li, għall-finijiet ta' l-eżami ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 81(1)(KE) għal ftehim jew għal prattika miftiehma, il-kunsiderazzjoni ta' l-effetti konkreti ta' ftehim hija superfluwa, safejn jidher li dan ta' l-aħħar kellu bħala skop li jimpedixxi, joħloq restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni ġewwa s-suq komuni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta' Lulju 1966, Consten u Grundig vs Il-Kummissjoni, 56/64 u 58/64, Ġabra p. 429, 496, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 203 iktar 'il fuq, punt 99, u tat-8 ta' Lulju 1999, Hüls vs Il-Kummissjoni, C-199/92 P, Ġabra p. I-4287, punt 178; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-23 ta' Frar 1994, CB u Europay vs Il-Kummissjoni, T‑39/92 u T-40/92, Ġabra p. II-49, punt 87).

266    Fil-ħames lok, iċ-ċirkustanza li din il-laqgħa saret fil-kuntest ta' laqgħa industrijali ġenerali hija bla rilevanza, għax hija ma teskludix li l-impriżi kkonċernati kienu approfittaw minn din il-laqgħa ġenerali sabiex jingħaqdu fir-rigward ta' l-akkordju.

267    Konsegwentement, il-Kummissjoni setgħet validament tqis li ADM ipparteċipat fl-akkordju sa' Ġunju 1995.

268    Minn dak kollu li ntqal, għandu jiġi konkluż li ADM ma stabbilietx li l-Kummissjoni kienet ikkommettiet żbalji ta' evalwazzjoni fir-rigward tad-dewmien tal-ksur.

D –  Fuq iċ-ċirkustanzi attenwanti

269    Fir-rigward ta' l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni taċ-ċirkustanzi attenwanti, ADM tqajjem żbalji ta' evalwazzjoni relatati, fl-ewwel lok, mal-waqfien tal-parteċipazzjoni fl-akkordju qabel l-investigazzjoni, fit-tieni lok, man-nuqqas ta' neċessità li tiggarantixxi natura dissważiva tal-multa u, fit-tielet lok, ma' l-adozzjoni ta' kodiċi ta' kondotta minn ADM.

1.     Fuq il-waqfien tal-parteċipazzjoni fl-akkordju

a)     L-argumenti tal-partijiet

270    ADM issostni li, fl-inċiż 3 tal-punt 3 tal-linji gwida, il-"waqfien tal-ksur wara l-ewwel interventi tal-Kummissjoni (b'mod partikolari verifiki)" hija rrikonoxxuta bħala ċirkustanza attenwanti. Hija tqis li, f'dan il-każ, hija kellha tibbenefika minn din iċ-ċirkustanza attenwanti, billi hija temmet l-imġiba tagħha ta' ksur wara l-ewwel intervent ta' l-awtoritajiet Amerikani tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, hija ssostni li l-fatti ta' din il-kawża huma kważi identiċi ma' dawk tal-kawża msejħa ta' l-"aċidi aminiċi" [deċiżjoni 2001/418/KE tal-Kummissjoni, tas-7 ta' Ġunju 2000, dwar proċedura ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u ta' l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/36.545/F3 – Aċidi aminiċi) (ĠU L 152, 2001, p. 24, iktar 'il fuq il-"kawża ta' l-aċidi aminiċi")], li fiha l-Kummissjoni kienet attribwiet tnaqqis ta' l-ammont tal-multa ta' 10%. Barra minn hekk, hija tinvoka s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-20 ta' Marzu 2002, ABB Asea Brown Boveri vs Il-Kummissjoni (T-31/99, Ġabra p. II-1881, punt 238), li fiha l-Qorti tal-Prim'Istanza kienet iddeċidiet li kellha tingħata tnaqqis tal-multa lill-impriżi li kienu kkollaboraw mal-Kummissjoni sabiex itemmu l-akkordju. Fl-aħħar nett, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, jeżistu każijiet fejn l-akkordji baqgħu sejrin wara l-intervent ta' l-awtoritajiet kompetenti.

271    Il-Kummissjoni tqis li ADM ma tistax, f'dan il-każ, validament tinvoka t-tielet inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida. Fil-fatt, skond il-Kummissjoni, fil-każ ta' akkordji sigrieti, huwa inkonċepibbli li huma jkomplu jeżistu wara li jkunu ġew mikxufa. Għaldaqstant, l-applikazzjoni ta' ċirkustanza attenwanti minħabba l-waqfien tal-ksur mill-ewwel interventi tal-Kummissjoni hija inapproprjata.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

272    Il-punt 3 tal-linji gwida, intitolat “Ċirkustanzi attenwanti”, jipprevedi tnaqqis fl-ammont bażi tal-multa meta l-Kummissjoni ssib xi ċirkustanzi attenwanti partikolari, bħal, per eżempju, il-waqfien mill-ksur wara l-ewwel interventi mill-Kummissjoni (b’mod partikolari wara l-ewwel verifiki).

273    Il-Kummissjoni tirrikonoxxi fid-Deċiżjoni li ADM kif ukoll il-membri l-oħra ta' l-akkordju temmew il-ksur mill-bidu ta' l-intervent ta' l-awtoritajiet Amerikani, fis-27 ta' Ġunju 1995 (premessa 234 tad-Deċiżjoni).

274    F’dan ir-rigward, għandu jiġi għaldaqstant imfakkar, l-ewwel nett, li, sabiex jiġi stabbilit suq komuni li għandu livell għoli ta’ kompetittività, l-Artikolu 3 KE jipprevedi li l-azzjoni tal-Komunità tirrigwarda reġim li jiżgura li l-kompetizzjoni ma tiġix iddanneġġata fis-suq intern. L-Artikolu 81(1) KE, li jipprojbixxi l-ftehim kollha bejn l-impriżi, id-deċiżjonijiet kollha ta’ assoċjazzjonijiet ta’ l-impriżi, u l-prattiċi miftiehma kollha li jistgħu jeffettwaw il-kummerċ bejn Stati Membri u li għandhom bħala għan jew bħala effett il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni u d-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq komuni, jikkostitwixxi wieħed mill-istrumenti prinċipali li jippermetti l-implementazzjoni ta’ dan ir-reġim.

275    B’hekk, għandu jiġi mfakkar li hija responsabbiltà tal-Kummissjoni kemm li ssegwi politika ġenerali intiża li tapplika fil-qasam tal-kompetizzjoni, il-prinċipji ffissati mit-trattat u li f’dan is-sens tagħti direzzjoni lill-imġiba ta’ l-impriżi kif ukoll li tistruwixxi u tneħħi ksur individwali. Biex tagħmel dan, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li timponi multi fuq l-impriżi li, b’intenzjoni jew b’negliġenza, jikkommettu b’mod partikolari ksur ta’ l-Artikolu 81(1) KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 43 iktar 'il fuq, punt 105).

276    Isegwi li, fl-evalwazzjoni tal-gravità ta’ ksur sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa, il-Kummissjoni għandha tieħu in kunsiderazzjoni mhux biss iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, iżda wkoll il-kuntest li fih il-ksur jinsab filwaqt li tara n-natura dissważiva ta’ l-azzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 43 iktar 'il fuq, punt 106). Fil-fatt, hija biss il-kunsiderazzjoni ta’ dawn l-aspetti li tippermetti li tiġi ggarantita effikaċja sħiħa ta’ l-azzjoni tal-Kummissjoni sabiex iżżomm kompetizzjoni mingħajr distorsjonijiet fis-suq komuni.

277    Analiżi purament testwali tad-dispożizzjoni li tinsab fit-tielet inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida tista' tagħti l-impressjoni li, b’mod ġenerali u mingħajr riżerva, għal min iwettaq il-ksur, il-fatt biss li jwaqqaf kull ksur mill-ewwel interventi tal-Kummissjoni jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti. Issa, tali interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tnaqqas l-effett utli tad-dispożizzjonijiet li jippermettu ż-żamma ta’ kompetizzjoni effikaċi, peress li ddgħajjef kemm is-sanzjoni li tista' tiġi imposta wara li jkun hemm ksur ta’ l-Artikolu 81 KE, kif ukoll l-effett dissważiv ta' tali sanzjoni.

278    Fil-fatt, b’differenza miċ-ċirkustanzi attenwanti l-oħra, din iċ-ċirkustanza ma hi inerenti la għall-partikolarità suġġettiva ta’ min iwettaq il-ksur u l-anqas għall-fatti proprji tal-każ ikkonċernat, meta din prinċipalment tiġi mill-intervent estern tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, il-waqfien minn ksur biss wara l-intervent tal-Kummissjoni mhuwiex assimilat mal-merti li jirriżultaw minn inizjattiva awtonoma ta’ min iwettaq il-ksur, iżda jikkostitwixxi biss reazzjoni approprjata u normali għall-imsemmi intervent. Barra minn hekk, din iċ-ċirkustanza twassal biss għal ritorn minn min iwettaq il-ksur għal komportament leċitu u ma tikkontribwixxix sabiex tirrendi l-inizjattivi tal-Kummissjoni iżjed effiċjenti. Fl-aħħar nett, l-allegata natura attenwanti ta’ din iċ-ċirkustanza ma tiġġustifikax ruħha biss mis-sejħa li jintemm il-ksur li hija tirrigwarda, u dan iżjed meta jiġu meqjusa ċ-ċirkustanzi hawn fuq imsemmija. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, li l-kwalifika tal-kontinwazzjoni ta’ ksur wara l-ewwel interventi tal-Kummissjoni bħala ċirkustanza aggravanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Marzu 2002, Sigma Tecnologie vs Il-Kummissjoni, T-28/99, Ġabra p. II-1845, punti 102 u s-segwenti) diġà ġustament jikkostitwixxi sejħa sabiex jintemm il-ksur, iżda li, bil-kontra taċ-ċirkustanza attenwanti kkonċernata, ma tnaqqas la s-sanzjoni u l-anqas l-effett dissważiv ta’ din is-sanzjoni.

279    Għalhekk, ir-rikonoxximent tal-waqfien minn ksur wara l-ewwel interventi tal-Kummissjoni bħala ċirkustanza attenwanti hi ta’ ħsara inġustifikata għall-effettività ta’ l-Artikolu 81(1) KE, minħabba t-tnaqqis kemm tas-sanzjoni kif ukoll ta’ l-effett dissważiv tas-sanzjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax timponi fuqha nnifisha li tikkunsidra sempliċi waqfien mill-ksur wara l-ewwel interventi tagħha bħala ċirkustanza attenwanti. B’hekk, hemm lok li d-dispożizzjoni li tinsab fit-tielet inċiż tal-punt 3, tal-linji gwida, tiġi interpretata b’mod restrittiv, b’mod li din ma tmurx kontra l-effettività ta’ l-Artikolu 81(1) KE.

280    Għaldaqstant, hemm lok li din id-dispożizzjoni tiġi interpretata fis-sens li biss iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ ikkonċernat, li fihom l-ipoteżi tal-waqfien mill-ksur wara l-ewwel interventi tal-Kummissjoni tikkonkretizza ruħha, jistgħu jiġġustifikaw il-kunsiderazzjoni ta’ din l-aħħar ċirkustanza bħala ċirkustanza attenwanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ABB Asea Brown Boveri vs Il-Kummissjoni, punt 269 iktar 'il fuq, punt 213).

281    F’dan il-każ, għandu għaldaqstant jiġi mfakkar li l-ksur ikkonċernat jiġi minn akkordju sigriet li għandu bħala għan l-iffissar tal-prezzijiet u diviżjoni tas-swieq. Dan it-tip ta’ akkordju huwa espressament ipprojbit mill-Artikolu 81(1) (a) u (ċ), KE, u jikkostitwixxi ksur partikolarment gravi. Il-partijiet għandhom għalhekk ikollhom għarfien tan-natura illegali ta’ l-imġiba tagħhom. In-natura sigrieta ta’ l-akkordju jikkonferma l-fatt li l-partijiet kellhom għarfien tan-natura illegali ta’ l-azzjoni tagħhom. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li m’hemmx dubju li dan il-ksur seħħ intenzjonalment mill-partijiet ikkonċernati.

282    Issa, il-Qorti tal-Prim’Istanza diġà kkunsidrat espressament li l-waqfien minn ksur imwettaq intenzjonalment m’għandux jiġi meqjus bħala ċirkustanza attenwanti meta din ġiet iddeterminata bl-intervent tal-Kummissjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Marzu 1999, Aristrain vs Il-Kummissjoni, T-156/94, Ġabra p. II-645, punt 138, u Ensidesa vs Il-Kummissjoni, T-157/94, Ġabra p. II-707, punt 498).

283    Minn dak li ntqal, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li, f’dan il-każ, il-fatt li ADM temmet il-ksur wara l-ewwel intervent minn awtorità tal-kompetizzjoni ma jikkostitwixxix ċirkustanza attenwanti.

284    Din il-konklużjoni mhijiex effettwata mill-fatt li, f’dan il-każ, huwa wara l-intervent ta’ l-awtoritajiet Amerikani u mhux tal-Kummissjoni li ADM temmet il-prattiċi antikompetittivi kkonċernati (premessa 234 tad-Deċiżjoni). Fil-fatt, il-fatt li ADM temmet kull ksur wara l-ewwel interventi mill-awtoritajiet Amerikani tal-kompetizzjoni ma jirrendix dan il-waqfien iżjed intenzjonali milli kieku tali waqfien kellu jseħħ wara l-ewwel interventi mill-Kummissjoni.

285    ADM terġa tinvoka s-sentenza ABB Asea Brown Boveri vs Il-Kummissjoni (punt 269 iktar 'il fuq, punt 238) biex tiddefendi l-argumenti tagħha, safejn il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li tnaqqis fil-multa kellu jingħata lill-impriżi li preċedentement ikkollaboraw mal-Kummissjoni biex jintemm l-akkordju. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi enfasizzat li din is-sentenza ma tippermettix li jiġi konkluż li l-fatt li r-rikorrenti waqfet il-ksur wara l-ewwel interventi minn awtorità tal-kompetizzjoni jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti f’kull każ. Barra minn hekk, fil-parti invokata minn ADM, is-sentenza ssemmi l-prinċipju li jgħid li, meta l-imġiba ta’ l-impriża inkriminata tkun ippermettiet lill-Kummissjoni tikkonstata ksur b'inqas diffikultà u, jekk ikun il-każ, biex ittemm dan il-ksur, din iċ-ċirkustanza għandha tittieħed in kunsiderazzjoni. Issa, din iċ-ċirkustanza timplika inizjattiva ta’ l-impriża inkriminata li tmur lil hinn mis-sempliċi waqfien mill-ksur wara l-intervent tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, din il-ġurisprudenza mhijiex ta' natura li tikkontesta l-analiżi mwettqa hawn fuq.

286    Fir-rigward tal-kawża ta’ l-aċidi aminiċi (ara l-punt 269 iktar 'il fuq), invokata minn ADM biex turi ksur tal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis l-ewwel nett li prattika amministrattiva ma tistax tirriżulta minn każ wieħed biss. Barra minn hekk, hekk kif inhu mfakkar fil-punt 109 iktar 'il fuq, il-fatt waħdu li l-Kummissjoni evalwat imġiba ta’ ċerta manjiera, fil-kuntest tal-prattika deċiżjonali preċedenti tagħha, ma jfissirx li hija obbligata tagħmel l-istess evalwazzjoni meta tiġi biex tadotta deċiżjoni ulterjuri. Fl-aħħar nett u f’kull każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li dan il-każ ma jqiegħed fid-dubju la l-analiżi li tirriżulta minn waħda mill-għanijiet prinċipali tal-Komunità diskussa hawn fuq u l-anqas il-ġurisprudenza li toħroġ mis-sentenzi Aristrain vs Il-Kummissjoni u Ensidesa vs Il-Kummissjoni, punt 281 iktar 'il fuq, peress li hija turi biss l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni.

287    Għaldaqstant, għar-raġunijiet hawn fuq imsemmija, in-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni, f’dan il-każ, tal-waqfien mill-ksur, wara l-ewwel interventi mill-awtoritajiet Amerikani tal-kompetizzjoni, bħala ċirkustanza attenwanti ma tistax tiġi kkunsidrata bħala żbaljata.

2.     Fuq in-nuqqas ta' neċessità li tiggarantixxi natura dissważiva tal-multa

a)     L-argumenti tal-partijiet

288    ADM tfakkar li, fil-kuntest tal-proċeduri diversi mibdija quddiem il-qrati Amerikani fir-rigward tal-kawżi tal-lisina u ta' l-aċidu ċitriku, hija diġà ħallset iktar minn 250 miljun USD għal ksur tar-regoli antitrust. Il-Kummissjoni kellha tikkunsidra ċ-ċirkustanzi fid-dawl taċ-ċirkustanzi attenwanti, kif hija kienet diġà għamlet fil-prattika deċiżjonali tagħha [deċiżjoni 89/190/KEE tal-Kummissjoni, tal-21 ta' Diċembru 1988, dwar proċedura ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 85 tat-Trattat KEE (Kawża IV/31.865 – PVC) (ĠU 1989, L 74, p. 1)].

289    Il-Kummissjoni titlob li dan l-argument jiġi miċħud.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

290    Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li l-prinċipju ta' ne bis in idem jipprojbixxi li l-istess presuna tiġi ssanzjonata iktar minn darba għall-istess imġiba illegali sabiex jiġi protett l-istess interess ġuridiku. L-applikazzjoni ta' dan il-prinċipju huwa suġġett għal tliet kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri l-identiċità tal-fatti, l-identiċità ta' min iwettaq il-ksur u l-identiċità ta' interess ġuridiku protett (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C-204/00 P, C-205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Rec. p. I‑123, punt 338).

291    B'hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Prim'Istanza diġà ddeċidew diversi drabi li, fil-każ fejn il-fatti bażi ta' żewġ kundanni kkonċernati għandhom l-oriġini tagħhom fl-istess grupp ta' ftehim, iżda jiddistingwu ruħhom madankollu fir-rigward kemm ta' l-għan tagħhom u kemm tal-lokalità territorjali tagħhom, dan il-prinċipju ma japplikax (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-14 ta' Diċembru 1972, Boehringer vs Il-Kummissjoni, 7/72, Ġabra p. 1281, punti 3 u 4, u tat-13 ta' Frar 1969, Wilhelm et, 14/68, Ġabra p. 1, punt 11; sentenzi Trefileurope vs Il-Kummissjoni, punt 241 iktar 'il fuq, punt 191, u tas-6 ta' April 1995, Sotralentz vs Il-Kummissjoni, T‑149/89, Ġabra p. II-1127, punt 29).

292    Issa, f'dan il-każ, minn naħa, il-ħlasijiet invokati minn ADM jikkonċernaw, in parti, elementi oħra, jiġifieri dawk relatati mas-swieq tal-lisina u ta' l-aċidu ċitriku. Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta' l-akkordju relatat mal-glukonat tas-sodju, skond il-prinċipju ta' territorjalità, ma jeżistix kunflitt fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tal-Kummissjoni u ta' l-awtoritajiet ta' kompetizzjoni ta' l-Istati terzi sabiex jimponu multi fuq l-impriżi li jiksru r-regoli ta' kompetizzjoni taż-ŻEE u ta' l-imsemmija Stati terzi (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, punt 37 iktar 'il fuq, punt 90, u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Lulju 1970, Bunchler vs Il-Kummissjoni, 44/69, Ġabra p. 733, punti 52 u 53, kif ukoll, b'analoġija, fir-rigward ta' konċentrazzjoni, għall-kompetenza Komunitarja fir-rigward ta' l-effetti ta' mġiba illegali b'mod parallel mal-kompetenzi ta' l-awtoritajiet ta' kompetizzjoni ta' Stati Terzi, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-25 ta' Marzu 1999, Gencor vs Il-Kummissjoni, T-102/96, Ġabra p. II-753, punti 95 u 98). Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu li tikkunsidra dawn iċ-ċirkustanzi skond il-prinċipju ta' ne bis in idem.

293    Billi ADM tiddikjara li l-Kummissjoni diġà, fil-passat, ikkunsidrat dan l-element fl-iffissar tal-multi fid-dawl taċ-ċirkustanzi attenwanti, għandu jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza, il-fatt biss li, fil-prattika deċiżjonali preċedenti, il-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni ċerti elementi bħala ċirkustanzi attenwanti ma jimplikax għaliha obbligu li tipproċedi bl-istess mod f'każ partikolari (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, punt 109 iktar 'il fuq, punt 357, u ta' l-14 ta' Mejju 1998, Mo och Domsjö vs Il-Kummissjoni, T-352/94, Ġabra p. II. 1989, punti 417 u 419).

294    F'kull każ u ad abundantiam, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li ADM tillimita ruħha li tirreferi għal deċiżjoni waħda biss u, min-naħa l-oħra, li, ippreżentata b'domanda bil-miktub tal-Qorti tal-Prim'Istanza, il-Kummissjoni ppruvat lill-Qorti tal-Prim'Istanza li, fil-prattika deċiżjonali tagħha mil-lum 'il quddiem stabbilita, hija ma tapplikax tali ċirkustanza attenwanti f'sitwazzjonijiet komparabbli għal dan il-każ.

295    Konsegwentement, huwa inġust li ADM ikkritikat lill-Kummissjoni li ma kinitx attribwietilha nuqqas tal-multa minħabba nuqqas allegat ta' neċessità ta' dissważjoni.

3.     Fuq l-adozzjoni ta' kodiċi ta' kondotta minn ADM

a)     L-argumenti tal-partijiet

296    ADM issostni li l-Kummissjoni kellha tieħu in kunsiderazzjoni, fil-kalkolu tal-multa, ta' l-implementazzjoni minn ADM ta' programm rigoruż u permanenti f'konformità mar-regoli ta' kompetizzjoni li jinkludu, b'mod partikolari, l-adozzjoni ta' kodiċi ta' kondotta indirizzat għall-impjegati kollha ta' l-impriża u l-kreazzjoni ta' dipartiment speċjalizzat.

297    Barra minn hekk, l-adozzjoni tal-programm f'konformità mar-regoli ta' kompetizzjoni, l-implementazzjoni ta' direzzjoni ġdida u t-tkeċċija tal-kapijiet ta' l-eżekuttiv implikati fil-ksur juru ndiema sinċera ta' l-impriża. Barra minn hekk, ADM tenfasizza li hija ma kinitx sa dak il-waqt is-suġġett ta' xi konstatazzjoni sfavorevoli skond id-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni.

298    Il-Kummissjoni titlob li dan l-argument jiġi miċħud.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

299    Kien ġie diġà deċiż li, jekk huwa ċertament importanti li impriża tieħu miżuri biex iwaqqfu milli fil-futur jiġi mwettaq ksur ġdid għad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni mill-membri tal-personal tagħha, it-teħid ta' tali miżuri ma jbiddilx ir-realtà tal-ksur ikkonstatat. Il-Kummissjoni mhijiex għalhekk marbuta li tikkunsidra tali element bħala ċirkustanza attenwanti, wisq iżjed meta l-ksur ikkonċernat jikkostitwixxi, bħal f’dan il-każ, ksur manifest ta’ l-Artikolu 81(1)(a) u (b) KE (sentenzi Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 37 iktar 'il fuq, punt 373; u Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, punt 37 iktar 'il fuq, punti 280 u 281).

300    Barra minn hekk, billi ADM iżżid li hija ma kinitx sa dak il-waqt is-suġġett ta' xi konstatazzjoni sfavorevoli skond id-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni, għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm, fil-każ kuntrarju, il-linji gwida jipprevedu li l-Kummissjoni tista' tikkunsidra ċirkustanzi aggravanti kontra impriża li diġà wettqet ksur wieħed jew diversi ksur ta' l-istess tip, dan ma jimplikax li, meta l-ksur in kwistjoni huwa l-ewwel wieħed ta' dan it-tip imwettaq mill-impriża kkonċernata, għandu jiġi applikat fuqha trattament favorevoli skond iċ-ċirkustanza attenwanti.

301    Għaldaqstant, huwa żbaljat li ADM takkuża lill-Kummissjoni li ma kinitx attribwitilha tnaqqis tal-multa minħabba l-adozzjoni ta' kodiċi ta' kondotta.

302    Jirriżulta mill-premessi kollha li jippreċedu li ADM ma pprovatx li l-Kummissjoni kkommettiet xi żbalji fl-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi attenwanti.

E –  Fuq il-kooperazzjoni ta' ADM matul il-proċedura amministrattiva

1.     Introduzzjoni

303    Fir-rigward tal-kooperazzjoni tagħha matul il-proċedura amministrattiva, ADM tqajjem żewġ motivi, ibbażati, minn naħa, fuq żbalji ta' evalwazzjoni u, min-naħa l-oħra, fuq il-ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali.

304    Qabel ma teżamina l-mertu ta' dawn il-motivi, għandu jingħata sommarju ta' l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kooperazzjoni ta' l-impriżi, hekk kif toħroġ mill-premessi 411 sa 427 tad-Deċiżjoni.

305    L-ewwel nett, b'applikazzjoni tat-Titolu B tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni (ara l-punt 6 iktar 'il fuq), il-Kummissjoni kkonċediet li Fujisawa tingħata "tnaqqis sinjifikattiv ħafna" ta' 80% ta' l-ammont tal-multa li kienet tiġi imposta fuqha fin-nuqqas ta' kooperazzjoni. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li kienet Fujisawa li kienet, fis-sens ta' din id-dispożizzjoni, iddenunzjat l-akkordju lill-Kummissjoni qabel ma din ta' l-aħħar ma kienet ipproċediet għal verifika. Il-Kummissjoni rrikonoxxiet ukoll li fil-mument meta Fujisawa kienet ipprovditha bid-dikjarazzjoni tal-fatti u d-dokumenti relatati ma' l-akkordju fit-12 ta' Mejju 1998, hija ma kellhiex informazzjoni suffiċjenti sabiex tipprova l-eżistenza ta' l-akkordju ddenunzjat. Il-Kummissjoni, b'mod partikolari, qieset li Fujisawa kienet l-ewwel membru ta' l-akkordju li pprovdiet elementi determinanti sabiex tipprova l-eżistenza ta' l-akkordju matul id-dewmien kollu tiegħu billi pprovditha b'lista tal-laqgħat ta' l-akkordju kif ukoll b'sommarju ta' l-atti ta' l-atturi prinċipali u ta' l-avvenimenti prinċipali bejn l-1981 u l-1995. Skond il-Kummissjoni, id-dikjarazzjoni ta' Fujisawa ppermettitilha li jkollha idea tal-prinċipji bażi ta' l-akkordju, jiġifieri l-istruttura u l-funzjonament ta' l-akkordju, inkluż ukoll il-ftehim prinċipali konklużi u l-mekkaniżmi ta' applikazzjoni elaborati (premessi 412 sa 418 tad-Deċiżjoni).

306    Sussegwentement, billi tiċħad l-argumenti ta' ADM ibbażati fuq il-fatt li hija ssodisfat il-kundizzjonijiet previsti skond it-Titolu Ċ ta' din l-istess Komunikazzjoni sabiex tibbenefika minn "tnaqqis sinjifikattiv" fuq l-ammont tal-multi, il-Kummissjoni qiset li, fil-mument meta ADM kienet bdiet tikkoopera magħha, hija ddisponiet diġà minn informazzjoni suffiċjenti, ikkomunikati minn Fujisawa, sabiex tipprova l-eżistenza ta' l-akkordju matul il-perijodu kollu (premessi 419 sa 423 tad-Deċiżjoni).

307    Fl-aħħar, b'applikazzjoni tat-Titolu D ta' din l-istess Komunikazzjoni, il-Kummissjoni kkonċediet "tnaqqis sinjifikattiv" ta' 40% ta' l-ammont tal-multa lil ADM u lil Roquette u ta' 20% lil Akzo, Avebe u Jungbunzlauer. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni kkunsidrat b'mod partikolari li Roquette kienet l-uniku membru ta' l-akkordju li kienet ikkomunikat id-dokumenti dwar il-kontenut u l-konklużjonijiet tal-laqgħat ta' l-akkordju u li, fid-dikjarazzjonijiet tagħhom, Roquette u ADM kienu ddeskrivew il-mekkaniżmu ta' l-akkordju u r-rwol tal-parteċipanti u pprovdew xi preċiżjonijiet fuq ċerti laqgħat. Il-Kummissjoni indikat li, kemm id-dikjarazzjonijiet ta' Fujisawa u kemm id-dokumenti ta' Roquette kif ukoll id-dikjarazzjonijiet ta' Roquette u ta' ADM kienu kkostitwixxew is-sors prinċipali tagħha għall-elaborazzjoni tad-Deċiżjoni (premessi 424 sa 427 tad-Deċiżjoni).

2.     Fuq l-evalwazzjoni żbaljata tal-kooperazzjoni ta' ADM

a)     L-argumenti tal-partijiet

308    ADM tqis li t-tnaqqis ta' 40% ta' l-ammont tal-multa tagħha, mogħtija skond id-dispożizzjonijiet tat-Titolu D tal-Komunikazzjoni fuq il-Kooperazzjoni, hija insuffiċjenti. Skondha, kuntrarjament għal dak li l-Kummissjoni rrimarkat fil-premessa 422 tad-Deċiżjoni, billi bagħtet lil Kummissjoni rendikont għall-perijodu li jibda mill-1991 sa l-1995, hija kienet l-ewwel li pprovdiet provi deċisivi għall-eżistenza ta' l-akkordju għall-perijodu li jiġi wara l-1991. Għaldaqstant, skondha, huwa inġustifikat li l-Kummissjoni rrifjutat li tattribwixxilha tnaqqis skond it-Titolu Ċ tal-Komunikazzjoni fuq il-Kooperazzjoni.

309    Fil-fatt, fl-ewwel lok, ADM tqis li l-provi pprovduti minn Fujisawa għal dan l-istess perijodu huma limitati.

310    L-ewwel nett, hija tirrimarka li Fujisawa kienet issottomettiet ittra parallela bid-dettalji dwar il-perijodu preċedenti għall-1990. Min-naħa l-oħra, Fujisawa kienet biss qajmet żewġ laqgħat bla ma ressqet l-ebda informazzjoni speċifika fuq il-ftehim fuq il-prezzijiet jew fuq il-volumi. Barra minn hekk, waħda minn dawn iż-żewġ laqgħat kienet dik tas-6 ta' Ġunju 1995 li, skond ADM, kienet saret wara li l-ksur kien waqaf (ara iktar 'il fuq). Fir-rigward tal-laqgħa l-oħra, dik ta' Atlanta f'Ġunju 1994, id-deskrizzjoni kienet vaga.

311    It-tieni nett, hija tosserva li Fujisawa kienet issottomettiet tabella b'lista tal-laqgħat ifformulata mid-diriġenti ta' din l-impriża li assistew fihom. Madankollu, minħabba l-ingaġġar limitat ħafna ta' dawn id-diriġenti matul dan il-perijodu, ix-xhieda dwar il-fatti li ġraw bejn l-1991 u l-1995 għandha biss xi indikazzjonijiet minimi jew mhux rilevanti fuq il-laqgħat. Fil-fatt, hija ssemmi biss ħamsa minn tlettax-il laqgħa li saru matul dan il-perijodu u li kienu s-suġġett tal-komunikazzjoni ta' l-ilmenti. Barra minn hekk, id-deskrizzjoni tal-kontenut ta' dawn il-laqgħat huwa ftit preċiż: il-prezzijiet miftiehma, it-tqassim tal-bejgħ jew il-mekkaniżmi ta' sorveljanza mhumiex imsemmija għal dan il-perijodu u l-ismijiet tar-rappreżentanti ta' l-impriżi l-oħra li assistew għal-laqgħat huma biss parzjalment imfakkra.

312    Fit-tieni lok, skond ADM, id-dokumenti miksuba matul l-ispezzjonijiet magħmula fl-uffiċċji ta' l-impriżi l-oħra qabel il-bidu tal-kollaborazzjoni ta' ADM jipprovdu ftit provi dwar il-perijodu li jiġi wara s-sajf ta' l-1991. Fil-fatt, id-dokumenti eżaminati fl-uffiċċji ta' Glucona jsemmu laqgħat li jikkoinċidu b'mod ġenerali mal-laqgħat ta' wirja ta' l-Institute of Food Technology (IFT) jew tal-Food Ingredients Europe (FIE) li kien probabbli, f'kull każ, li l-parteċipanti assistew għalihom iżda ma jiddettaljawx il-kontenut ta' dawn il-laqgħat. Barra minn hekk, Glucona ma kienet ipprovdiet l-ebda preċiżjoni oħra fuq il-kontenut ta' dawn il-laqgħat u kienet limitat ruħha li tiddikjara li d-diskussjoni kienet tirrigwarda "is-suq u l-bejgħ".

313    Għall-kuntrarju, ADM kienet ipproduċiet, l-ewwel nett, ix-xhieda ta' wieħed mill-impjegati preċedenti tagħha li kien ipprovda provi sinjifikattivi ħafna fuq il-laqgħat, il-kontenut tagħhom u l-mekkaniżmi ta' l-akkordju, it-tieni nett, l-ewwel informazzjoni ta' l-eżistenza ta' seba' laqgħat li ma kinux imsemmija la fix-xhieda ta' Fujisawa u ta' Glucona u lanqas fit-talbiet ta' informazzjoni tal-Kummissjoni, it-tielet nett, id-dettall tal-kontenut tal-laqgħat li ma kienx indikat la fix-xhieda ta' Fujisawa u lanqas f'dik ta' Glucona u l-ispjegazzjoni tal-ħatra ta' ċerti parteċipanti f'kull reġjun bħal "kumpanniji l-aħjar ippożizzjonati fir-rigward tal-prezz", il-prezzijiet imfittxija stabbiliti mill-akkordju kif ukoll l-influwenza u l-kontenut ta' l-akkordju u, ir-raba' nett, deskrizzjoni tar-rwol tal-parteċipanti fil-laqgħat.

314    Fit-tielet lok, ADM issostni li dawn l-elementi ta' prova ppermettew għall-Kummissjoni tikseb mill-parteċipanti l-oħra li jirrikonoxxu l-fatti u jikkooperaw. Fil-fatt, skondha, lejn l-aħħar ta' l-1998, il-provi tal-Kummissjoni kienu limitati ħafna: minkejja l-informazzjoni mressqa mill-awtoritajiet Amerikani, it-talbiet ta' informazzjoni u l-ispezzjonijiet għall-għarrieda fl-uffiċċji tal-partijiet matul is-snin 1997 u 1998, biss Fujisawa kienet offriet il-kollaborazzjoni tagħha lill-Kummissjoni (premessi 54 sa 56 tad-Deċiżjoni). Barra minn hekk, il-provi mogħtija minn Fujisawa kienu inkompleti u ma kinux ġew ikkorroborati biżżejjed bid-dokumenti kkonfiskati fl-uffiċċji tal-partijiet l-oħra (Avebe, Glucona, Jungbunzlauer u Roquette).

315    Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

316    Fil-Komunikazzjoni tagħha fuq il-kooperazzjoni, il-Kummissjoni ddefiniet il-kundizzjonijiet li fihom l-impriżi li jikkooperaw magħha waqt l-investigazzjoni tagħha fuq akkordju jistgħu jiġu eżentati mill-multa jew jibbenefikaw minn tnaqqis ta' l-ammont tal-multa li kieku huma jkollhom iħallsu (ara t-titolu A 3 tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni).

317    Peress illi, essenzjalment, ADM tqis li l-Kummissjoni rrifjutatilha b'mod żbaljat il-benefiċċju tat-tnaqqis imsemmi skond it-Titolu Ċ tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, għandu jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni ma kisritx il-kundizzjonijiet ta' applikazzjoni ta' l-imsemmi punt.

318    It-Titolu C tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, "It-Tnaqqis sinjifikattiv ta' l-ammont tal-multa", jipprovdi:

"L-impriża li, tissodisfa l-kundizzjonijiet esposti skond fit-[Titolu] B, inċiż b) sa e), tiddenunzja l-akkordju sigriet wara li l-Kummissjoni pproċediet għal verifika fuq deċiżjoni għand l-impriżi li huma partijiet fl-akkordju, mingħajr ma' din il-verifika setgħet tkun bażi suffiċjenti sabiex tiġġustifika l-ftuħ tal-proċedura bil-għan ta' l-adozzjoni ta' deċiżjoni, tibbenefika minn tnaqqis minn 50 sa 75% ta' l-ammont tal-multa."

319    Il-kundizzjonijiet tat-Titolu B, inċiż (b) sa (e), li t-Titolu C jirreferi għalihom, jirrigwardaw l-impriża li:

" b)      hija l-ewwel waħda li tipprovdi elementi determinanti sabiex tiġi pprovata l-eżistenza ta' l-akkordju;

c)      waqfet il-parteċipazzjoni tagħha fl-attività illegali l-aktar tard fil-mument meta hija tiddenunzja l-akkordju;

d)      tipprovdi lill-Kummissjoni l-informazzjoni utli kollha, kif ukoll id-dokumenti kollha u l-provi li hija tiddisponi minnhom fir-rigward ta' l-akkordju u tmantni kooperazzjoni permanenti u totali matul il-perijodu kollu ta' l-investigazzjoni;

e)      ma tkunx ġiegħlet impriża oħra tipparteċipa fl-akkordju u lanqas ma kellha rwol ta inizjatur jew rwol determinanti fl-attività illegali."

320    F'dan il-każ, sabiex turi li l-Kummissjoni kellha tattribwilha "tnaqqis sinjifikattiv ta' l-ammont tal-multa" skond it-Titolu Ċ tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, ADM issostni essenzjalment li l-provi mogħtija minn Fujisawa għall-perijodu li jibda mill-1991 sa' l-1995 kienu limitati. Issa, dan l-argument mhuwiex ta' natura li jipprova li l-Kummissjoni kisret il-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni meta jiġi kkunsidrat li, anki għall-perijodu li jibda mill-1991 sa' l-1995 li matulu ADM ħadet sehem fl-akkordju, din ta' l-aħħar ma kinitx "l-ewwel sabiex tipprovdi lill-Kummissjoni elementi determinanti sabiex tipprova l-eżistenza ta' l-akkordju" fis-sens tat-Titolu Ċ, moqri flimkien mat-Titolu B inċiż (b) tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

321    Fil-fatt, il-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ma tipprovdix li, sabiex din il-kundizzjoni tiġi sodisfatta, l-impriża li tiddenunzja l-akkordju sigriet lill-Kummissjoni għandha tipprovdi lil din ta' l-aħħar l-elementi determinanti kollha għall-elaborazzjoni ta' komunikazzjoni ta' l-ilmenti jew, wisq inqas, għall-adozzjoni ta' deċiżjoni li tikkonstata ksur. Min-naħa l-oħra, skond il-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, din il-kundizzjoni hija diġà sodisfatta meta l-impriża li tiddenunzja l-akkordju sigriet hija "l-ewwel" li tipprovdi xi "elementi determinanti sabiex tipprova l-eżistenza ta' l-akkordju".

322    Issa, ADM stess ma tikkontestax serjament li l-elementi pprovduti minn Fujisawa, inkluż għall-perijodu li jibda mill-1991 sa' l-1995, kienu determinanti sabiex jippruvaw l-eżistenza ta' l-akkordju iżda tillimita ruħha li tinvoka n-natura inkompleta tagħhom.

323    F'kull każ, għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif il-Kummissjoni sostniet ġustament fil-premessa 415 tad-Deċiżjoni, fl-ittra tagħha tat-12 ta' Mejju 1998 li tiddenunzja l-eżistenza ta' l-akkordju, Fujisawa rrilevat l-ewwel nett l-identità tal-membri ta' l-akkordju. Sussegwentement, hija pprovdiet lill-Kummissjoni deskrizzjoni tal-ftehim prinċipali konkluż bejn dawn ta' l-aħħar matul il-perijodu li jibda mill-1991 sa' l-1995 u mekkaniżmi ta' applikazzjoni ta' dan il-ftehim tal-funzjonament ta' l-akkordju. Fl-aħħar, hija ssottomettiet lill-Kummissjoni lista, anki jekk mhux kompleta, tal-laqgħat ta' l-akkordju b'sommarju tal-kontenut ta' xi wħud minnhom, inkluż għall-perijodu ta' l-1991 sa l-1995. Iċ-ċirkustanza invokata minn ADM li, għal dan il-perijodu, Fujisawa ma pprovdietx informazzjoni speċifika fir-rigward tal-kontenut tal-ftehim ma jippermettix li jiġi konkluż li l-elementi pprovduti minn din l-impriża ma kinux determinanti sabiex jippruvaw l-eżistenza ta' l-akkordju billi dan ta' l-aħħar ikkostitwixxa ksur uniku u kontinwu (premessa 254 tad-Deċiżjoni) li l-kontenut u l-mekkaniżmi tiegħu, b'mod partikolari, ma ġewx immodifikati wara d-dħul ta' ADM fl-akkordju (premessi 80 u 257 sa' 260).

324    Għaldaqtsant, il-Kummissjoni setgħet validament tikkunsidra li kienet Fujisawa li kienet l-ewwel impriża li tipprovdi elementi determinanti sabiex tipprova l-eżistenza ta' l-akkordju.

325    Isegwi wkoll li l-argumenti ta' ADM ibbażati, minn naħa, fuq il-fatt li d-dokumenti miksuba matul l-ispezzjonijiet mill-membri l-oħra ta' l-akkordju ipprovdew ftit wisq provi dwar il-perijodu li jiġi wara s-sajf ta' l-1991 u, min-naħa l-oħra, fuq li l-provi sottomessi minn ADM kienu ppermettew lill-Kummissjoni li tikseb mill-parteċipanti l-oħra li jirrikonoxxu l-fatti u jikkooperaw ma għandhom lanqas jiġu aċċettati.

326    Fil-fatt, fid-dawl tan-natura kumulattiva esposti fit-Titolu B, inċiż (b) sa (e), hekk kif irripetuti fit-Titolu Ċ tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni (ara l-punti 282 u 285 iktar 'il fuq), u peress li waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, jiġifieri dik prevista fit-Titolu B, inċiż b), f'konnessjoni mat-Titolu Ċ ta' din il-komunikazzjoni, ma kinitx sodisfatta, mhuwiex neċessarju li jiġi eżaminat jekk ADM issodisfatx il-kundizzjonijiet l-oħra previsti fl-imsemmija dispożizzjonijiet.

327    Għaldaqstant, il-motiv ibbażat fuq l-illegalità fid-dawl ta' l-evalwazzjoni żbaljata tal-kooperazzjoni ta' ADM għandu jiġi miċħud.

3.     Fuq il-ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali

328    Dan il-motiv huwa maqsum fi tliet partijiet. Fl-ewwel lok, ADM issostni li l-kollaborazzjoni tagħha fl-investigazzjoni kienet almenu ekwivalenti għal dik ta' parti konċernata b'deċiżjoni preċedenti tal-Kummissjoni. Fit-tieni lok, hija tqis li l-Kummissjoni ma setgħetx validament tattribwixxi lil Fujisawa tnaqqis superjuri minn dak li ġie attribwit lilha. Fit-tielet lok, hija ssostni li l-Kummissjoni ma setgħetx validament tattribwixxi lil Roquette l-istess tnaqqis li ġie mogħti lilha.

329    Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li l-prinċipju ta' trattament ugwali huwa miksur biss meta sitwazzjonijiet komparabbli huma ttrattati b'mod differenti jew meta sitwazzjonijiet differenti huma ttrattati b'mod identiku, sakemm tali trattament mhuwiex oġġettivament iġġustifikat (ara l-punt 106 iktar 'il fuq).

a)     Dwar il-fatt li l-kollaborazzjoni ta' ADM fl-investigazzjoni kienet almenu ekwivalenti għal dik ta' parti kkonċernata b'deċiżjoni preċedenti tal-Kummissjoni

 L-argumenti tal-partijiet

330    ADM issostni li l-kollaborazzjoni tagħha fl-investigazzjoni kienet almenu ekwivalenti, fid-dawl ta' kontribuzzjoni materjali fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni, ma' dik ta' waħda mill-partijiet ikkonċernati bid-Deċiżjoni 94/601 li permezz tagħha l-Kummissjoni naqset il-multa b'żewġ terzi. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kellha almenu tattribwilha t-tnaqqis massimu previst fit-Titolu D tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, jiġifieri ta' 50%.

331    Il-Kummissjoni titlob li din il-parti tal-motiv tiġi miċħuda.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

332    Għandu jiġi mfakkar li l-fatt biss li l-Kummissjoni kienet attribwiet, fil-prattika deċiżjonali preċedenti tagħha, ċerta rata ta' tnaqqis għal imġiba partikolari ma jimplikax li hija obbligata tattribwixxi l-istess tnaqqis fl-evalwazzjoni ta' mġiba simili fil-kuntest ta' proċedura amministrattiva ulterjuri (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza Mo och Domsjö vs Il-Kummissjoni, punt 292 iktar 'il fuq, punt 147, u Lögstör Rör vs Il-Kummissjoni, punt 32 iktar 'il fuq, punti 326 u 352, u l-ġurisprudenza ċċitata fihom).

333    Barra minn hekk, ADM ma resqet l-ebda element preċiż bil-għan li turi li s-sitwazzjoni fattwali f'din il-kawża l-oħra kienet komparabbli ma' dik ta' dan il-każ.

334    Għaldaqstant, din l-ewwel parti ta' dan il-motiv m'għandhiex tiġi milqugħa.

b)     Dwar il-fatt li l-Kummissjoni attribwiet lil Fujisawa tnaqqis superjuri għal dak irriżervat lil ADM

 L-argumenti tal-partijiet

335    ADM takkuża lill-Kummissjoni li attribwiet lil Fujisawa tnaqqis superjuri minn dak li ġie mogħti lilha. ADM tosserva li, fiż-żewġ każijiet, l-impriżi offrew il-kooperazzjoni tagħhom hekk kif kienu ġew ikkuntattjati mill-Kummissjoni fir-rigward ta' l-investigazzjoni tagħha. Hija tinnota li l-unika differenza hija li Fujisawa kienet l-ewwel li kellha din l-okkażjoni, billi kienet l-ewwel impriża kkuntattjata mill-Kummissjoni. F'dawn iċ-ċirkustanzi, ADM tiddikjara li hija għamlet l-isforzi kollha neċessarji sabiex tikkoopera mal-Kummissjoni hekk kif din l-okkażjoni ġiet offerta lilha.

336    Issa, il-Qorti tal-Prim'Istanza kienet iddeċidiet fis-sentenza tat-13 ta' Diċembru 2001, Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il-Kummissjoni (T-45/98 u T‑47/98, Ġabra p. II-3757, punti 246 sa 248, iktar 'il quddiem is-"sentenza Krupp") li l-evalwazzjoni tal-grad ta' kooperazzjoni pprovduta mill-impriżi ma jiddependix minn fatturi purament magħżula bl-addoċċ, bħalma hi l-ordni li biha jiġu interrogati mill-Kummissjoni.

337    Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

338    L-argumentazzjoni ta’ ADM hija essenzjalment ibbażata fuq il-prinċipji msemmija mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 138 sa 248 tas-sentenza Krupp. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi mfakkar li f’din is-sentenza, kif ukoll, fis-sentenza tagħha tat-13 ta’ Diċembru 2001, Acerinox vs Il-Kummissjoni (T-48/98, Ġabra p. II-3859, punti 132 sa 141), il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat l-applikazzjoni tat-titolu D tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, mill-Kummissjoni. Sostanzjalment hija ddeċidiet li sabiex tevita milli tidħol f’kunflitt mal-prinċipju ta’ trattament ugwali, il-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni għandha tiġi applikata fis-sens li, fir-rigward tat-tnaqqis tal-multi, il-Kummissjoni għandha tittratta bl-istess mod l-impriżi li jagħtu l-fatti li huma mitluba mingħandhom lill-Kummissjoni fl-istess stadju tal-proċedura u f’ċirkustanzi analogi ta’ informazzjonijiet li jinxtiebhu. Il-Qorti tal-Prim’Istanza żiedet li l-unika ċirkustanza li waħda minn dawn l-impriżi rrikonoxxiet il-fatti mitluba billi rrispondiet l-ewwel għad-domandi li l-Kummissjoni għamlitilhom fl-istess stadju tal-proċedura ma tikkostitwixxix raġuni oġġettiva biex tiriżervalhom trattament differenzjat.

339    Għandu jiġi kkonstatat li, f’dawn il-każijiet l-oħra u b'differenza tal-każ ikkonċernat, kien stabbilit li l-kooperazzjoni ta’ l-impriżi kkonċernati ma kienx jaqa' fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-titoli B u Ċ tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni. Anki kif jirriżulta mill-punt 219 tas-sentenza Krupp, il-Kummissjoni applikat għall-impriżi kollha kkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata d-dispożizzjonijiet tat-titolu D ta’ din il-komunikazzjoni. Dawn il-kawżi l-oħra qajmu għalhekk biss il-kwistjoni li jsir magħruf jekk, billi rriżervat trattament differenti lill-partijiet rikorrenti meta mqabbel ma’ dak mogħti lil impriża oħra kkonċernata, fil-marġini ta’ evalwazzjoni li hija għandha għall-applikazzjoni tat-titolu D ta’ din il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali.

340    Min-naħa l-oħra, f'dan il-każ, ADM tipprova turi, sostanzjalment, li kien minħabba fatturi purament każwali li Fujisawa kienet l-ewwel li kienet ġiet imsejħa sabiex tikkooperaw mal-Kummissjoni u li kienet għal din ir-raġuni li Fujisawa ġiet mogħtija tnaqqis f'applikazzjoni tat-titolu B tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni filwaqt li, kieku l-Kummissjoni kienet għażlet li tindirizza ruħha fl-ewwel lok għand ADM, din ta' l-aħħar kienet tkun tista' tapprofitta minn tnaqqis iktar sinjifikattiv f'applikazzjoni, almenu, tat-Titolu Ċ ta' din il-komunikazzjoni, għax hija kienet tkun tista' tkun l-ewwel waħda sabiex tipprovdi l-informazzjonijiet imressqa minn Fujisawa. ADM ma tqajjimx iż-żewġ sentenzi msemmija fil-punt 337 iktar 'il fuq sabiex turi li l-Kummissjoni applikatilha t-Titolu D tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni b'mod diskriminatorju meta mqabbel mal-membri l-oħra ta' l-akkordju (ara, f'dan ir-rigward, punti 346 sa 350 iktar 'il quddiem).

341    Issa, għandu jiġi osservat li, kuntrarjament għat-Titoli B u Ċ tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, it-Titolu D ta' din ta' l-aħħar ma jipprovdix trattament differenti ta' l-impriżi kkonċernati skond l-ordni li fih dawn ta' l-aħħar jikkooperaw mal-Kummissjoni. Konsegwentement, fil-kawżi li waslu għas-sentenzi Krupp u Acerinox vs Il-Kummissjoni (ara l-punt 337 iktar 'il fuq), il-Kummissjoni kkunsidrat dan l-element mingħajr ma huwa espressament previst fit-Titolu D ta' l-imsemmija komunikazzjoni.

342    B'dan il-mod, anki jekk, sabiex jiġi assigurat is-suċċess ta' l-iskema tal-kooperazzjoni ta' l-impriżi kkonċernati mal-Kummissjoni fir-rigward tal-kartelli sigrieti, din ta' l-aħħar għandha tiddisponi minn marġini wiesa' ta' evalwazzjoni fl-organizzazzjoni tal-proċedura, jibqa' l-fatt li l-Kummissjoni m'għandhiex taġixxi b'mod arbitrarju.

343    F'dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li, f'dan il-każ, joħroġ mill-inkartament u, b'mod partikolari, mill-premessi 53 sa 64 tad-Deċiżjoni li, wara li kienet ġiet informata, matul is-sena 1997, mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Uniti li Akzo u Avebe (Glucona) kienu rrikonoxxew li kienu pparteċipaw f'akkordju internazzjonali fuq is-suq tal-glukonat tas-sodju, fis-27 ta' Novembru 1997, il-Kummissjoni indirizzat lil dawn il-partijiet xi talbiet għall-informazzjoni dwar l-eżistenza ta' ostakli fid-dħul għall-importazzjoni ta' glukonat tas-sodju fl-Ewropa. B'mod partikolari, il-Kummissjoni talbithom jindikaw l-ismijiet tal-produtturi ta' glukonat tas-sodju l-iktar sinjifikattivi fuq livell dinji, l-ishma tas-suq ta' l-impriżi preżenti fuq is-suq fuq livelli dinjija u Ewropew u l-kapaċità ta' produzzjoni ta' dan il-prodott fuq livell dinji. Fir-risposta tagħhom tat-28 ta' Jannar 1998, Akzo u Glucona indikaw diversi drabi li l-produtturi ta' glukonat tas-sodju l-iktar sinjifikattivi fuq livell dinji u Ewropew kienu, barra miinnhom stess, Roquette, Jungbunzlauer u Fujisawa. Għalkemm, x'imkien f'din ir-risposta, il-preżenza ta' ADM fis-suq ikkonċernat ġiet imsemmija, madankollu din il-parti ma tidhirx fost il-produtturi ta' glukonat tas-sodju l-iktar sinjifikattivi.

344    Huwa f'dan il-kuntest li, fit-18 ta' Frar, il-Kummissjoni indirizzat xi talbiet għall-informazzjoni li jirrigwardaw l-istess elementi bħal dawk li jinsabu fit-talbiet ta' informazzjoni mibgħuta fis-27 ta' Novembru 1997 lil Akzo u lil Avebe (Glucona). Hekk kif jirriżulta mill-premessa 55 tad-Deċiżjoni, b'reazzjoni għal dawn it-talbiet, Fujisawa ddenunzjat l-akkordju għand il-Kummissjoni, u ressqitilha informazzjoni fuq dan is-suġġett.

345    Ma jistax jiġi eskluż li, barra l-proċedura quddiem l-awtoritajiet Amerikani, li l-membri kollha ta' l-akkordju kienu kkonċernati biha, it-talbiet ta' informazzjoni li l-Kummissjoni indirizzatilhom, b'mod partikolari, lil Fujisawa fit-18 ta' Frar 1998 ikkostitwew għal din ta' l-aħħar indikazzjoni supplementari li l-Kummissjoni kienet fil-proċess ta' xi investigazzjonijiet fuq is-suq tal-glukonat tas-sodju. Madankollu, l-iżvolġiment tal-proċedura amministrattiva, hekk kif deskritta fil-punti 342 u 343 iktar 'il fuq, ma jirriflettix proċedura arbitrarja tal-Kummissjoni, u ADM ma ressqitx provi f'dan is-sens.

346    Konsegwentement, ADM ma tistax tallega li l-Kummissjoni kienet ittrattatha b'mod diskriminatorju meta mqabbla ma' Fujisawa.

c)     Dwar il-fatt li l-Kummissjoni akkordat lil Roquette l-istess tnaqqis bħal dak mogħti lil ADM

 L-argumenti tal-partijiet

347    ADM tikkritika l-fatt li l-Kummissjoni attribwitilha l-istess tnaqqis tal-multa bħal Roquette. Fil-fatt, skond ADM, kuntrarjament għal dak li tindika l-Kummissjoni, il-provi pprovduti minn Roquette ma kellhomx l-istess valur bħal dawk li hija ssottomettiet, peress li l-kooperazzjoni tagħha kienet preċedenti, u li hija pprovdiet ix-xhieda l-aktar importanti u li hija bdiet il-kollaborazzjoni tad-difensuri l-oħra, inkluż Roquette.

348    Il-Kummissjoni titlob li din il-parti tal-motiv tiġi miċħuda.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

349    Għandu jiġi osservat li r-rata ta' tnaqqis attribwit lil Roquette u lil ADM, minkejja li identika, mhijiex ibbażata kompletament fuq l-istess kunsiderazzjonijiet. Fil-fatt, għalkemm huwa veru li ADM ipprovdiet xi provi qabel Roquette, jibqa' l-fatt li ADM ma tikkontestax li, hekk kif jirriżulta mill-premessa 426 tad-Deċiżjoni, kuntrarjament għal Roquette, hija ma pproduċitx id-dokumenti rilevanti dwar il-kontenut u l-konklużjonijiet tal-laqgħat ta' l-akkordju.

350    F'kull każ, peress li ADM tipprova turi li l-Kummissjoni attribwiet tnaqqis sinjifikattiv ħafna lil Roquette, għandu jiġi mfakkar li r-rispett tal-prinċipju ta' trattament ugwali meta mqabbel ma' att individwali għandu l-limiti tiegħu fir-rispett tal-prinċipju li skondu ħadd ma jista' jinvoka, għal benefiċċju tiegħu u kontra att konformi mad-dispożizzjonijiet rilevanti, illegalità mwettqa favur ħaddieħor (ara s-sentenzi Cascades vs Il-Kummissjoni, punt 189 iktar 'il fuq, punt 259, u SCA Holding vs Il-Kummissjoni, punt 62 iktar 'il fuq, punt 160).

351    Konsegwentement, din il-parti tal-motiv u l-motiv fit-totalità tiegħu għandhom jiġu miċħuda.

F –  Fuq il-vizzji li jaffettwaw il-proċedura amministrattiva

a)     L-argumenti tal-partijiet

352    Fil-kuntest ta' dan il-motiv, ADM tqajjem erba' lmenti.

353    Fl-ewwel lok, ADM issostni li, bi ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha, hi ma ġietx impoġġija f'pożizzjoni li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha, matul il-proċedura amministrattiva, fir-rigward ta' l-applikazzjoni tal-koeffiċjent multiplikatur ta' 2.5 fl-ammont ta' tluq, koeffiċjent li mhuwiex previst mil-linji gwida.

354    Fit-tieni lok, ADM takkuża lill-Kummissjoni li kienet insiet tippreċiża, fil-komunikazzjoni ta' l-ilmenti, li l-glukonat tas-sodju kien is-suq ta' prodotti rilevanti. Fil-fatt, fil-punti 3 sa 9 ta' din il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni kienet biss spjegat li l-glukonat tas-sodju kien wieħed minn diversi aġenti tal-kelatina, li kien jappartjeni lil familja speċifika ta' aġenti ta' kelatina u li kien jinkludi ċertu numru ta' sostituti parzjali. Minkejja li kienet stabbiliet li l-glukonat tas-sodju kien il-"prodott ta' riferiment", hija kienet immedjatament ippreċiżat li "il-prodotti ta' sostituzzjoni l-iktar simili kienu l-glukoħeptonat tas-sodju u l-EDTA". Billi l-Kummissjoni stabbiliet l-eżistenza tal-prodotti ta' sostituzzjoni fil-komunikazzjoni ta' l-ilmenti, hija kellha tippreċiża b'mod ċar il-konstatazzjonijiet tagħha fuq is-suq ta' prodotti u r-raġunijiet għalfejn hija qieset li dawn is-sostituti m'għamlux parti mis-suq in kwistjoni, b'mod li tippermetti lill-partijiet jippreżentaw l-osservazzjonijiet. B'hekk, il-Kummissjoni ma kinitx eżaminat, fil-kuntest tal-komunikazzjoni ta' l-ilmenti, il-kwistjoni essenzjali tad-definizzjoni tas-suq tal-prodotti rilevanti.

355    Fit-tielet lok, ADM tinvoka li l-Kummissjoni bbażat ruħha fid-Deċiżjoni (nota fl-aħħar tal-paġina nru 17) fuq pubblikazzjoni intitolata "Chemical Economics Handbook" (SRI International 1991) li ma kienx ġie mikxuf lill-partijiet.

356    Fir-raba' lok, skond ADM, il-Kummissjoni ma indikatx fil-komunikazzjoni ta' l-ilmenti li l-implementazzjoni ta' l-akkordju kellu neċessarjament ikollu impatt ekonomiku fuq dan is-suq.

357    Il-Kummissjoni titlob li dawn l-erba' lmenti mqajma fil-kuntest ta' dan il-motiv jiġu miċħuda.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

358    Għandu jiġi mfakkar li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża, li jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju u għandu jiġi osservat fiċ-ċirkustanzi kollha, b'mod partikolari f'kull proċedura li tista' twassal għal sanzjonijiet, anki jekk tirrigwarda proċedura amministrattiva, jeżiġi li l-impriżi u l-assoċazzjonijiet ta' l-impriżi kkonċernati jiġu mpoġġija f'pożizzjoni, mill-istadju tal-proċedura amministrattiva, li jagħtu b'mod utli l-perspettiva tagħhom fuq ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti, ta' l-ilmenti u taċ-ċirkustanzi allegati mill-Kummissjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-10 ta' Marzu 1992, Shell vs Il-Kummissjoni, T-11/89, Ġabra p. II-757, punt 39, u s-sentenza Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, punt 215 iktar 'il fuq, punt 11).

359    Bl-istess mod, skond il-ġurisprudenza, il-komunikazzjoni ta' l-ilmenti għandu jkollu sunt ta' l-ilmenti mogħti fi kliem suffiċjentement ċari, anki sommarji, sabiex jippermettu lil dawk ikkonċernati li jsiru jafu effettivament bl-imġiba li l-Kummissjoni takkużaha biha. Fil-fatt, huwa biss b'din il-kundizzjoni li l-komunikazzjoni ta' l-ilmenti tista' tissodisfa l-funzjoni li hija attribwita lilha permezz tar-regolamenti Komunitarji u li tikkonsisti f'li tipprovdi l-elementi kollha neċessarji lill-impriżi u assoċjazzjonijiet ta' l-impriżi sabiex ikunu jistgħu jissottomettu b'mod utli d-difiża tagħhom qabel ma' l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni definittiva (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-31 ta' Marzu 1993, Ahlström Osakeyhtiö et vs Il-Kummissjoni, C-89/85, C-104/85, C-114/85, C-116/85, C-117/85 u C-125/85 sa C-129/85, Ġabra p. I-1307, punt 42, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Mejju 1998, Mo och Domsjö vs Il-Kummissjoni, T-352/94, Ġabra p. II-1989, punt 63).

360    Fil-kuntest ta' l-ewwel u r-raba' lmenti tagħha, ADM takkuża sostanzjalment lill-Kummissjoni li ma informathiex bl-applikazzjoni ta' ċerti elementi li kienu determinanti għall-iffissar ta' l-ammont tal-multa, jiġifieri l-koeffiċjent multiplikatur ta' 2.5 (premessi 386 sa 388), u lanqas taċ-ċirkustanza li l-ksur kellu impatt reali fuq is-suq (premessa 340 tad-Deċiżjoni).

361    F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, peress li l-Kummissjoni tindika espressament, fil-komunikazzjoni ta' l-ilmenti tagħha, li hija ser teżamina jekk għandhomx jiġu imposti multi fuq l-impriżi kkonċernati u li hija ssemmi l-elementi prinċipali ta' fatt u ta' dritt li jistgħu jwasslu għal multa, bħall-gravità u d-dewmien tal-ksur allegat u l-fatt li kienet ikkommettiet dan il-ksur "b''mod intenzjonali u b'negliġenza", hija tissodisfa l-obbligu tagħha li tirrispetta d-dritt ta' l-impriżi li jiġu mismugħa. B'dan il-mod, hija tagħtihom l-elementi neċessarji sabiex jiddefendu ruħhom mhux biss kontra konstatazzjoni tal-ksur, iżda wkoll kontra l-fatt li fuqhom tiġi imposta multa (sentenzi Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 43 iktar 'il fuq, punt 21, u LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 37 iktar 'il fuq, punt 199).

362    Isegwi li, fir-rigward tad-determinazzjoni ta' l-ammont tal-multi, id-drittijiet tad-difiża ta' l-impriżi kkonċernati huma ggarantiti quddiem il-Kummissjoni bil-possibbiltà li jagħmlu osservazzjonijiet fuq id-dewmien, il-gravità u l-previdibbiltà tan-natura anti-kompetittiva tal-ksur (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-6 ta' Ottubru 1994, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni, T-83/91, Ġabra p. II-755, punt 235, u HFB et vs Il-Kummissjoni, punt 64 iktar 'il fuq, punt 312).

363    Fir-rigward ta' dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, fil-komunikazzjoni ta' l-ilmenti mibgħuta lil ADM, il-Kummissjoni b'mod ċar indikat li hija kienet qed tikkunsidra li timponilha multa li hija tiddetermina b'mod partikolari skond il-gravità u d-dewmien tal-ksur. Barra minn hekk, hija għamlet riferiment espliċitament għal-linji gwida, billi tindika b'mod ċar permezz ta' dan ir-riferiment li ADM kellha tistenna evalwazzjoni tas-sitwazzjoni tagħha skond dawn il-linji gwida u kellha għaldaqstant tiddefendi ruħha f'dan ir-rigward jekk hija kkunsidratu utli.

364    Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat fil-punt 345 tal-komunikazzjoni ta' l-ilmenti li hija kienet ser tiffissa l-ammont tal-multi fuq livell suffiċjentement dissważiv. Bl-istess mod, fil-punti 264 u 346 tal-komunikazzjoni ta' l-ilmenti, hija ppreċiżat, sostanzjalment, li, sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur, hija kienet ser tieħu in kunsiderazzjoni l-fatt li dan kien ksur gravi ħafna li kellu bħala għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni u li, barra minn hekk, fir-rigward ta' l-istess natura tal-ftehim konklużi, kellu neċessarjament impatt serju fuq il-kompetizzjoni.

365    Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża ta' l-impriżi kkonċernati ma jobbligax il-Kummissjoni tindika b'mod iktar preċiż, fil-komunikazzjoni ta' l-ilmenti, il-mod kif hija ser tagħmel użu minn kull wieħed minn dawn l-elementi għall-iffissar tal-livell tal-multa.

366    Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li l-qsim tal-membri ta' kartelli fi grupp jikkostitwixxi prattika li l-Kummissjoni żviluppat fuq il-bażi tal-linji gwida. Għalhekk, id-Deċiżjoni ġiet adottata f'kuntest magħruf tajjeb minn ADM u hija bbażata fuq prattika deċiżjoni kostanti (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta' Settembru 2003, Freistaat Sachsen et vs Il-Kummissjoni, C-57/00 P u C-61/00 P, Ġabra p. I-9975, punt 78).

367    Għaldaqstant, l-ewwel u r-raba' lmenti mhumiex fondati.

368    Fil-kuntest tat-tieni lment tagħha, ADM takkuża lill-Kummissjoni li nsiet tippreċiża, fil-komunikazzjoni ta' l-ilmenti, li l-glukonat tas-sodju kien is-suq tal-prodott rilevanti.

369    F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fil-punti 3 sa 9 tal-komunikazzjoni ta' l-ilmenti, il-Kummissjoni ddeskriviet, taħt it-Titolu "Il-prodott", il-karatteristiċi tal-glukonat tas-sodju. Għalkemm huwa veru, kif issostni ADM, li l-Kummissjoni indikat fiha li jeżistu ċertu prodotti ta' sostituzzjoni, jibqa' l-fatt li, kuntrarjament għal dak li ssostni ADM, il-formula applikata mill-Kummissjoni ma tippermetti l-ebda dubju fuq il-fatt li, fl-istadju tal-komunikazzjoni ta' l-ilmenti, din ta' l-aħħar ikkunsidrat li dawn il-prodotti ta' sostituzzjoni m'għamlux parti mis-suq tal-prodott in kwistjoni.

370    Fil-fatt, minn naħa, fil-punt 9 tal-komunikazzjoni ta' l-ilmenti, hija b'mod partikolari indikat li dawn il-prodotti kienu biss sostituti parzjali u li, kuntrarjament għal dawn il-prodotti l-oħra, il-glukonat tas-sodju kien "prodott ta' riferimant" li t-talba għalih qabżet b'mod sostanzjali dik tal-prodotti l-oħra. Min-naħa l-oħra, billi tanalizza s-suq rilevanti (punti 39 sa' 50 tal-komunikazzjoni ta' l-ilmenti), il-Kummissjoni għamlet riferiment kontinwu għall-glukonat tas-sodju mingħajr ma ssemmi l-imsemmija prodotti ta' sostituzzjoni.

371    Għaldaqstant, it-tieni lment mhuwiex fondat.

372    Fl-aħħar nett, billi, fil-kuntest tat-tielet ilment tagħha, ADM issostni li, fid-Deċiżjoni (nota fl-aħħar tal-paġina nru 17), il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq pubblikazzjoni intitolata "Chemical Economics Handbook" (SRI International 1991) li ma kienx ġie mikxuf lill-partijiet, huwa biżżejjed li jiġi osservat li, fin-nota fl-aħħar tal-paġina nru 4 tal-komunikazzjoni fuq l-ilmenti, il-Kummissjoni indikat li hija bbażat ruħha fuq din il-pubblikazzjoni fid-deskrizzjoni tal-prodott ikkonċernat. Issa, kif il-Kummissjoni tinvoka, mingħajr ma hija kkontestata fuq dan il-punt minn ADM, dan huwa ktieb pubblikament aċċessibli, u b'mod partikolari l-aktar għall-operaturi preżenti fuq suq ikkonċernat b'din il-pubblikazzjoni.

373    Konsegwentement, it-tielet ilment u, għaldaqstant, il-motiv fit-totalità tiegħu għandhom jiġu miċħuda.

G –  Fuq it-talba ta' teħid in kunsiderazzjoni ta' motiv ġdid

374    Wara l-adozzjoni tat-tqegħid fuq l-internet mill-Kummissjoni tal-linji gwida ta' l-2006, ADM talbet lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex tieħu in kunsiderazzjoni motiv ġdid ibbażat fuq dawn il-linji gwida. ADM tallega li jidher mil-linji gwida ta' l-2006 li fid-Deċiżjoni il-Kummissjoni ma ħaditx suffiċjentement in kunsiderazzjoni l-ammont żgħir wisq tal-bejgħ ta' ADM fis-suq rilevanti u li hija ma setgħetx tevalwa korrettament in-natura dissważiva tal-multa. B'mod partikolari, ADM tqis li l-ammont massimu tal-multa li ġiet imposta bih f'applikazzjoni tal-linji gwida ta' l-2006 u qabel l-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni kien ta' 3,8 miljun Euros minflok ta' 16,88 miljun Euros.

375    Il-Kummissjoni tikkontesta din it-talba ta' ADM.

376    Peress li ADM tirriformula t-talba tagħha ta' teħid in kunsiderazzjoni tal-linji gwida ta' 2006 wara l-għeluq tal-proċedura orali, għandu l-ewwel jiġi ddeterminat jekk hemm lok li tinfetaħ mill-ġdid il-proċedura orali sabiex jittieħed in kunsiderazzjoni l-motiv ġdid ta' ADM ibbażat fuq il-linji gwida ta' l-2006. F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim'Istanza tfakkar li mhijiex obbligata tilqa' talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali għall-finijiet tat-teħid in kunsiderazzjoni ta' fatti ġodda allegati ħlief jekk il-parti kkonċernata tibbaża ruħha fuq il-fatti ta' natura li jeżerċitaw influwenza deċiżiva fuq is-soluzzjoni tal-kawża, li hija ma kinitx setgħet issostni qabel it-tmiem tal-proċedura orali [sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta' Lulju 1999, ICI vs Il-Kummissjoni, C-200/92 P, Ġabra p. I-4399, punt 60 u 61, u tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-25 ta' Ġunju 2002, British American Tobacco (Investments) vs Il-Kummissjoni, T-311/00, Ġabra p. II-2781, punt 53).

377    F'dan il-każ, peress li r-rikorrenti tibbaża ruħha fuq il-linji gwida ta' l-2006 bl-iskop li tipprova l-illegalità tad-Deċiżjoni, għandu jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza, il-legalità ta' att Komunitarju jiġi evalwat skond l-elementi ta' fatt u ta' dritt li jeżistu fid-data li fiha l-att ġie meħud (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Frar 1979, Franza vs Il-Kummissjoni, 15/76 u 16/76, Ġabra p. 321, punti 7 u 8, u tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta' Diċembru 1996, Altmann et vs Il-Kummissjoni, T-177/94 u T-377/94, Ġabra p. II-2041, punt 119). Konsegwentement, huwa eskluż it-teħid in kunsiderazzjoni, matul l-evalwazzjoni tal-legalità ta' dan l-att, ta' elementi li jiġu wara d-data li fiha l-att Komunitarju ġie adottat (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-21 ta' Ottubru 1997, Deutsche Bahn vs Il-Kummissjoni, T-229/94, Ġabra p. II-1689, punt 102, u l-ġurisprudenza ċitata fiha).

378    Għaldaqstant, billi l-element ġdid invokat minn ADM jiġi manifestament wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni, dan l-element ma jistax jaffettwa l-validità (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-16 ta' Settembru 1998, IECC vs Il-Kummissjoni, T-133/95 u T-204/95, Ġabra p. II-3465, punt 37). L-adozzjoni tal-linji gwida ta' l-2006 ma tikkostitwixxix element ġdid ta' natura li teżerċita influwenza deċiżiva fuq il-legalità tad-Deċiżjoni. Mhemmx, għaldaqstant, lok li jinfetaħ mill-ġdid il-proċediment fuq din il-bażi.

379    Din il-konklużjoni hija kkonfermata permezz tal-preċiżjoni magħmula fil-punt 38 tal-linji gwida ta' l-2006 li tindika li dawn ta' l-aħħar japplikaw biss għall-kawżi li għalihom il-komunikazzjoni ta' l-ilmenti ġiet innotifikata wara d-data ta' pubblikazzjoni tagħhom fil-Ġurnal Uffiċjali. B'hekk, dawn il-linji gwida jeskludu huma stess espliċitament l-applikazzjoni tagħhom għal każijiet bħal dak f'din il-kawża. Billi dawn il-linji gwida huma sussegwenti għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni u, a fortiori, tal-komunikazzjoni ta' l-ilmenti li ppreċeditha, huma ma jagħmlux parti mill-kuntest ġuridiku jew fattwali rilevanti għal din ta' l-aħħar.

380    Peress li r-rikorrenti tinvoka il-linji gwida ta' l-2006 b'sostenn tal-motiv tagħha relatat man-natura sproporzjonata tal-multa, li fil-kuntest tagħhom il-Qorti tal-Prim'Istanza tiddisponi minn setgħa ta' ġurisdizzjoni sħiħa, għandu jiġi kkonstatat li ċ-ċirkostanza waħedha li l-applikazzjoni tal-metodu ġdid ta' kalkolu tal-multi previsti f'dawn il-linji gwida, li mhumiex applikabbli għall-fatti tal-każ, tista' twassal għal multa ta' ammont inferjuri għal dak impost permezz tad-Deċiżjoni ma jistax juri n-natura sproporzjonata ta' din ta' l-aħħar. Fil-fatt, din il-konstatazzjoni ma tikkostitwixxix l-espressjoni tal-marġni ta' evalwazzjoni li tiddisponi minnha l-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi, fir-rispett ta' l-eżiġenzi li jirriżultaw mir-Regolament Nru 17, il-metodu li hija beħsieba tapplika bl-iskop li tiddetermina l-ammont tal-multi u b'hekk li tmexxi l-politika ta' kompetizzjoni li hija nkarigata biha. Fost l-elementi ta' evalwazzjoni li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex tevalwa n-natura proporzjonali ta' l-ammont tal-multi imposti f'perijodu partikolari hekk kif jidhru, b'mod partikolari, iċ-ċirkustanzi ta' fatt u ta' dritt kif ukoll l-objettivi ta' kompetizzjoni ddefiniti mill-Kummissjoni skond il-kundizzjonijiet tat-Trattat KE, prevalenti f'din l-epoka. Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha, fil-punti 234 sa 295 tas-sentenza Dansk Rorindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 38 iktar 'il fuq, tiċħad il-motivi u l-argumenti tar-rikorrenti li jimmiraw sabiex jikkontestaw il-metodu ta' kalkolu li jirriżulta mil-linji gwida ta' l-1998 sakemm hija tikkonsisti sabiex tieħu bħala punt ta' tluq l-ammonti bażiċi ddefiniti permezz ta' l-imsemmija linji gwida li mhumiex iddeterminati skond il-fatturat rilevanti. Fl-aħħar, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Prim'Istanza kkunsidrat, fil-punti 76 sa 81, punti 98 sa 106, u punti 139 sa 148 iktar 'il fuq, li, f'dan il-każ, l-iffissar ta' l-ammont tal-multa b'applikazzjoni tal-linji gwida ta' l-1998 ma kisritx il-prinċipju ta' proporzjonalità.

381    F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonstata li l-adozzjoni tal-linji gwida ta' l-2006 mhijiex ta' natura li teżerċita influwenza deċisiva fuq is-soluzzjoni tal-kawża. Għaldaqstant m'hemmx lok li tinfetaħ il-proċedura orali.

Konklużjoni

382    Billi l-ebda mill-motivi mqajma kontra l-legalità tad-Deċiżjoni ma ġew milqugħa, mhemmx lok li jitnaqqas l-ammont tal-multa skond is-setgħat ta' ġurisdizzjoni sħiħa li huma attribwiti lill-Qorti tal-Prim'Istanza. Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

383    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li jkun deċiż illi tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, skond it-talbiet tal-konvenuta.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tielet Awla)

taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Archer Daniels Midland Co. hija kkundannata tbati l-ispejjeż.

Azizi

Jaeger

Dehousse

Mogħtija f'Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-27 ta' Settembru 2006

E. Coulon

 

       J. Azizi

Reġistratur

 

       President

Werrej

Fatti li jwasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

A –  Fuq l-applikabbiltà tal-linji gwida

1.  Fuq il-ksur tal-prinċipji ta' ċertezza legali u ta' non retroattività tal-pieni

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

2.  Fuq il-ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

B –  Fuq il-gravità tal-ksur

1.  Introduzzjoni

2.  Fuq in-nuqqas jew l-insuffiċenza ta' teħid in kunsiderazzjoni tal-fatturat tal-bejgħ tal-prodott in kwistjoni

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq il-ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità

Fuq il-ksur tal-linji gwida

Fuq il-ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni

3.  Fuq in-nuqqas jew l-insuffiċenza ta' teħid in kunsiderazzjoni tad-daqs limitat tas-suq tal-prodott in kwistjoni

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq il-ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità

Fuq il-ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali

Fuq il-ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni

4.  Fuq il-kunsiderazzjoni doppja ta' l-effett dissważiv tal-multa

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq il-ksur tal-linji gwida

Fuq il-ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni

5.  Fuq l-applikazzjoni ta' koeffiċjent ta' żieda fuq l-ammont inizjali

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq il-ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità

Fuq il-ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali

Fuq il-ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni

6.  Fuq l-eżistenza ta' żbalji ta' evalwazzjoni relatati ma' l-impatt konkret ta' l-akkordju fuq is-suq

a)  Introduzzjoni

b)  Fuq il-fatt li l-Kummissjoni kienet għażlet approċċ żbaljat sabiex turi li l-akkordju kellu impatt konkret fuq is-suq

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

–  Sommarju ta' l-analiżi magħmula mill-Kummissjoni

–  Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prin'Istanza

c)  Fuq l-evalwazzjoni ta' l-evoluzzjoni tal-prezzijiet tal-glukonat tas-sodju

Fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma ddisponitx minn informazzjoni suffiċjenti u ttraskurat il-fatturi l-oħra invokati matul il-proċedura amministrattiva

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq il-fatt li ADM ma kinitx membru ta' l-akkordju fil-mument tad-diskussjonijiet tal-prezzijiet tal-glukonat tas-sodju bejn 1987 u 1989

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

d)  Dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

C –  Fuq l-eżistenza ta' żbalji ta' evalwazzjoni dwar id-dewmien tal-ksur

1.  Fuq il-fatt li ADM kienet temmet il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju matul il-laqgħa ta' l-4 ta' Ottubru 1994 f'Londra

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

2.  Dwar in-natura tal-laqgħa li saret mit-3 sal-5 ta' Ġunju 1995 f'Anaheim

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

D –  Fuq iċ-ċirkustanzi attenwanti

1.  Fuq il-waqfien tal-parteċipazzjoni fl-akkordju

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

2.  Fuq in-nuqqas ta' neċessità li tiggarantixxi natura dissważiva tal-multa

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

3.  Fuq l-adozzjoni ta' kodiċi ta' kondotta minn ADM

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

E –  Fuq il-kooperazzjoni ta' ADM matul il-proċedura amministrattiva

1.  Introduzzjoni

2.  Fuq l-evalwazzjoni żbaljata tal-kooperazzjoni ta' ADM

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

3.  Fuq il-ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali

a)  Dwar il-fatt li l-kollaborazzjoni ta' ADM fl-investigazzjoni kienet almenu ekwivalenti għal dik ta' parti kkonċernata b'deċiżjoni preċedenti tal-Kummissjoni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

b)  Dwar il-fatt li l-Kummissjoni attribwiet lil Fujisawa tnaqqis superjuri għal dak irriżervat lil ADM

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

c)  Dwar il-fatt li l-Kummissjoni akkordat lil Roquette l-istess tnaqqis bħal dak mogħti lil ADM

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

F –  Fuq il-vizzji li jaffettwaw il-proċedura amministrattiva

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.