Language of document : ECLI:EU:T:2013:446

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

16 ta’ Settembru 2013 (*)

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq Belġjan, Ġermaniż, Franċiż, Taljan, Olandiż u Awstrijak tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE — Koordinazzjoni taż-żidiet fil-prezzijiet u l-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva — Kunċett ta’ ksur — Ksur uniku — Suq rilevanti — Linji gwida għall-kalkolu tal-ammont tal-multi tal-2006 — Gravità — Koeffiċjenti”

Fil-Kawża T‑396/10,

Zucchetti Rubinetteria SpA, stabbilita f’Gozzano (l-Italja), irrappreżentata minn M. Condinanzi, P. Ziotti u N. Vasile, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Castillo de la Torre, A. Antoniadis u L. Malferrari, bħala aġenti, assistiti inizjalment minn F. Ruggeri Laderchi u A. De Matteis, sussegwentement minn F. Ruggeri Laderchi, avukati,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba intiża, prinċipalment, għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 4185 finali, tat-23 ta’ Ġunju 2010, dwar proċedura skont l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39092 – Installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju), sa fejn tirrigwarda lir-rikorrenti, u, sussidjarjament, għall-kanċellament jew it-tnaqqis tal-multa li ġiet imposta fuqha,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn I. Pelikánová, President tal-Awla, K. Jürimäe (Relatur) u M. van der Woude, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Ġunju 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 4185 finali, tat-23 ta’ Ġunju 2010, dwar proċedura skont l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39092 – Installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju,) (iktar ʼil quddiem id-“deċiżjoni kkontestataˮ), il-Kummissjoni Ewropea kkonstatat l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) fis-settur tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju. Dan il-ksur, li fih ħadu sehem 17-il impriża, allegatament seħħ matul diversi perijodi bejn is-16 ta’ Ottubru 1992 u d-9 ta’ Novembru 2004 u kien ħa l-forma ta’ numru ta’ ftehimiet antikompetittivi jew ta’ prattiki miftiehma li jkopru t-territorju tal-Belġju, tal-Ġermanja, ta’ Franza, tal-Italja, tal-Pajjiżi l-Baxxi u tal-Awstrija (premessi 2 u 3 u l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata).

2        Iktar preċiżament, il-Kummissjoni indikat, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-ksur ikkonstatat kien jikkonsisti, l-ewwel nett, fil-koordinazzjoni, mill-imsemmija manifatturi tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju, taż-żidiet fil-prezzijiet annwali u ta’ elementi oħra ta’ tarifikazzjoni, fil-kuntest ta’ laqgħat regolari fi ħdan l-assoċjazzjonijiet nazzjonali għall-professjonisti, it-tieni nett, fl-iffissar jew fil-koordinazzjoni tal-prezzijiet fl-okkażjoni ta’ okkorrenzi speċifiċi bħaż-żidiet fil-prezzijiet tal-materja prima, l-introduzzjoni tal-Ewro kif ukoll tat-taxxi tat-toroq u t-tielet nett, fl-iżvelar u skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonstatat li l-iffissar tal-prezzijiet fis-settur tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju kien isegwi ċiklu annwali. F’dan il-kuntest, il-manifatturi kienu jiffissaw il-listi tal-prezzijiet tagħhom li kienu jibqgħu ġeneralment validi għal sena u kienu jservu ta’ bażi għar-relazzjonijiet kummerċjali mal-grossisti (premessi 152 sa 163 tad-deċiżjoni kkontestata).

3        Il-prodotti kkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata huma l-installazzjonijiet sanitarji għal kmamar tal-banju li jagħmlu parti minn wieħed mit-tliet sottogruppi ta’ prodotti li ġejjin: viti u fittings, diviżorji tad-doċċa u aċċessorji, kif ukoll oġġetti taċ-ċeramika (iktar ʼil quddiem it-“tliet sottogruppi ta’ prodottiˮ) (premessi 5 u 6 tad-deċiżjoni kkontestata).

4        Ir-rikorrenti, Zucchetti Rubinetteria SpA, hija impriża Taljana li, fost it-tliet sottogruppi ta’ prodotti, timmanifattura u tikkumerċjalizza esklużivament viti u fittings.

5        Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-prattiki deskritti fil-punt 2 iktar ʼil fuq kienu jagħmlu parti minn pjan globali intiż sabiex jirrestrinġi l-kompetizzjoni bejn id-destinatarji tal-imsemmija deċiżjoni u kienu jippreżentaw il-karatteristiċi ta’ ksur uniku u kontinwu, li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu kien ikopri t-tliet sottogruppi ta’ prodotti msemmija fil-punt 3 iktar ʼil fuq u kien ikopri t-territorju tal-Belġju, tal-Ġermanja, ta’ Franza, tal-Italja, tal-Pajjiżi l-Baxxi u tal-Awstrija (premessi 778 u 793 tad-deċiżjoni kkontestata) (iktar ʼil quddiem il-“ksur ikkonstatatˮ). F’dan ir-rigward, hija enfasizzat b’mod partikolari l-fatt li dawn il-prattiki kienu konformi ma’ mudell rikorrenti li kien irriżulta li kien l-istess fis-sitt Stati Membri li kienu qegħdin jiġu investigati mill-Kummissjoni (premessi 778 u 793 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija nnotat ukoll l-eżistenza ta’ assoċjazzjonijiet nazzjonali għall-professjonisti li jirrigwardaw it-tliet sottogruppi ta’ prodotti kollha kemm huma, li hija semmiet “organi ta’ koordinazzjoniˮ, ta’ assoċjazzjonijiet nazzjonali għall-professjonisti li jinkludu membri li l-attività tagħhom kienet tikkonċerna minn tal-inqas tnejn minn dawn it-tliet sottogruppi ta’ prodotti, li hija semmiet “assoċjazzjonijiet ta’ ħafna prodottiˮ, kif ukoll ta’ assoċjazzjonijiet speċjalizzati li jinkludu membri li l-attività tagħhom kienet tirrigwarda wieħed minn dawn it-tliet sottogruppi ta’ prodotti (premessi 796 u 798 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-aħħar nett, hija kkonstatat il-preżenza ta’ grupp ċentrali ta’ impriżi li kien ipparteċipa fl-akkordju f’diversi Stati Membri u fil-kuntest ta’ organi ta’ koordinazzjoni u ta’ assoċjazzjonijiet ta’ ħafna prodotti (premessi 796 u 797 tad-deċiżjoni kkontestata).

6        Fir-rigward tal-indikazzjonijiet li jistgħu jiġu dedotti mill-prattiki antikompetittivi li seħħew, b’mod partikolari, fl-Italja, dawn kienu ġew implementati fi ħdan żewġ gruppi informali. L-ewwel nett, ċerti impriżi, fosthom ir-rikorrenti, allegatament iltaqgħu fi ħdan l-Euroitalia minn darbtejn sa tliet darbiet bejn Lulju 1992 u Ottubru 2004. Fi ħdan dan il-grupp, li kien ġie stabbilit meta l-produtturi Ġermaniżi kienu daħlu fis-suq Taljan, l-iskambju ta’ informazzjoni kien jikkonċerna mhux biss il-viti u l-fittings, iżda wkoll l-oġġetti taċ-ċeramika. It-tieni nett, il-laqgħat kienu jseħħu fi ħdan il-grupp Michelangelo (mill-isem tal-lukanda fejn kienu jsiru l-laqgħat), li għalihom kienet ukoll allegatament ipparteċipat ir-rikorrenti, bejn l-aħħar tas-sena 1995 jew il-bidu tas-sena 1996 u l-25 ta’ Lulju 2003. Matul dawn il-laqgħat, id-diskussjonijiet kienu jikkonċernaw firxa wiesgħa ta’ prodotti sanitarji, b’mod partikolari viti u fittings u oġġetti taċ-ċeramika (premessi 97 sa 100 tad-deċiżjoni kkontestata).

7        Fir-rigward tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti għall-laqgħat ta’ Euroitalia u ta’ Michelangelo, il-Kummissjoni tinnota, minn naħa li, għalkemm ir-rikorrenti tikkontesta l-klassifikazzjoni legali ta’ akkordju, hija mandankollu tirrikonoxxi li kellha diskussjonijiet inapproprjati mal-kompetituri tagħha. Min-naħa l-oħra, indipendentement mill-fatt jekk kinitx jew le applikat iż-żidiet fil-prezzijiet inkwistjoni, ir-rikorrenti kienet ħadet sehem attiv fl-organizzazzjoni tal-laqgħat u fid-diskussjonijiet meta dawn saru, li huwa stabbilit minn provi bil-miktub li l-Kummissjoni għandha għad-dispożizzjoni tagħha (ara premessi 470 sa 474 tad-deċiżjoni kkontestata).

8        Fir-rigward tal-istabbiliment tal-parteċipazzjoni eventwali tal-impriżi inkwistjoni fil-ksur ikkonstatat, il-Kummissjoni tinnota li ma hemmx biżżejjed provi li jippermettu li jiġi konkluż li r-rikorrenti, kif ukoll impriżi oħra Taljani li pparteċipaw fil-laqgħat ta’ Euroitalia u ta’ Michelangelo, kienu jafu bi pjan ġenerali (premessi 851 sa 879 tad-deċiżjoni kkontestata).

9        Barra minn hekk, il-Kummissjoni bbażat ruħha, għall-kalkolu tal-multi li hija imponiet fuq l-impriżi msemmija fid-deċiżjoni kkontestata, fuq il-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ʼil quddiem “il-linji gwida tal-2006”) (premessi 1174 sa 1399 tad-deċiżjoni kkontestata).

10      Fl-Artikolu 1(5)(18) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li r-rikorrenti pparteċipat fi ksur bejn is-16 ta’ Ottubru 1992 u d-9 ta’ Novembru 2004 fir-rigward tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju fit-territorju Taljan.

11      Fl-Artikolu 2(17) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni timponi multa ta’ EUR 3 996 000 fuq ir-rikorrenti.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

12      Ir-rikorrenti fetħet din il-kawża b’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Settembru 2010.

13      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (ir-Raba’ Awla) ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

14      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-12 ta’ Ġunju 2012.

15      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċipalment, tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċernaha;

–        sussidjarjament, tikkanċella jew tnaqqas b’mod kunsiderevoli l-ammont tal-multa imposta fuqha;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

16      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

17      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni Ewropea, fir-rigward tad-deċiżjonijiet ta’ sanzjoni adottati mill-Kummissjoni sabiex tissanzjona l-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, huwa msejjes fuq l-istħarriġ tal-legalità, previst fl-Artikolu 263 TFUE, li huwa kkompletat, meta quddiemha titressaq talba f’dan is-sens, minn ġurisdizzjoni sħiħa, rikonoxxuta lil din il-qorti bis-saħħa tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, skont l-Artikolu 261 TFUE (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il-Kummissjoni, C‑386/10 P, Ġabra p. I‑13085, punti 53, 63 u 64). Din il-ġurisdizzjoni tagħti s-setgħa lill-qorti, apparti mis-sempliċi stħarriġ tal-legalità tas-sanzjoni, li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni, u konsegwentement, fejn applikabbli, li tikkanċella, tnaqqas jew iżżid l-ammont tal-multa jew il-pagamenti ta’ penalità imposti (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Diċembru 2011, KME et vs Il-Kummissjoni, C‑272/09 P, Ġabra p. I‑12789, punt 103, u l-ġurisprudenza ċċitata; ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Ottubru 2011, Romana Tabacchi vs Il-Kummissjoni, T‑11/06, Ġabra p. II‑6681, punt 265).

18      Fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt preċedenti, għandhom jiġu eżaminati, għall-ewwel, it-talbiet imressqa, prinċipalment, mir-rikorrenti, intiżi sabiex jinkiseb l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tirrigwardaha u, sussegwentement, dawk imressqa sussidjarjament, intiżi, essenzjalment, sabiex il-Qorti Ġenerali teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha biex tbiddel, billi tikkanċella jew tnaqqas il-multa li l-Kummissjoni imponietilha.

 Dwar it-talbiet, imressqa b’mod prinċipali, intiżi għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata

19      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq żbalji mwettqa mill-Kummissjoni fl-istabbiliment tas-suq rilevanti. It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta kkunsidrat li l-prattiki inkwistjoni kienu jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 101 TFUE. It-tielet motiv huwa bbażat fuq żbalji u ksur imwettaq mill-Kummissjoni fil-kalkolu tal-ammont tal-multa.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żbalji mwettqa mill-Kummissjoni fl-istabbiliment tas-suq rilevanti

20      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 101 TFUE, wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u naqset milli twettaq l-obbligi tagħha ta’ istruzzjoni u ta’ motivazzjoni, fir-rigward tad-definizzjoni tas-suq rilevanti adottata fid-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari fil-premessa 791 tal-imsemmija deċiżjoni. Kif hija kkonfermat, matul is-seduta, bħala tweġiba għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali hija tqajjem żewġ ilmenti prinċipali f’dan ir-rigward.

21      L-ewwel nett, fir-rigward tat-tliet sottogruppi ta’ prodotti r-rikorrenti ssostni qabelxejn li l-Kummissjoni ma tatx definizzjoni preċiża tas-swieq rilevanti, minkejja l-fatt li din l-analiżi kienet tikkostitwixxi kundizzjoni preliminari indispensabbli għall-klassifikazzjoni tal-fatti inkwistjoni bħala ksur uniku. Sussegwentement, il-Kummissjoni bi żball ikkunsidrat li t-tliet sottogruppi ta’ prodotti kienu jagħmlu parti minn suq wieħed rilevanti ta’ prodotti, anki jekk, minn naħa, dawn ma humiex sostitwibbli kemm mill-perspettiva tal-offerta kif ukoll minn dik tad-domanda u, min-naħa l-oħra, kienu prodotti differenti mill-perspettiva tat-teknoloġija, kummerċjali u tal-estetika. F’dan ir-rigward, hija tosserva li, anki jekk seta’ jiġi kkunsidrat li kienet teżisti komplementarjetà u rabta ekonomika bejn il-viti u l-fittings u l-oġġetti taċ-ċeramika, dawn huma insuffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ suq wieħed rilevanti.

22      It-tieni nett, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx, fid-deċiżjoni kkontestata, il-portata tas-suq ġeografiku rilevanti kif kellu jkun definit skont il-punt 8 tal-Att tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti għall-għanijiet tal-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 155). F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tosserva li l-Kummissjoni llimitat ruħha li tippreċiża li l-ksur ikkonstatat kien jirrigwarda s-sitt Stati Membri msemmija fil-punt 1 iktar ʼil fuq.

23      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.

24      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ilment tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi li kien hemm ksur uniku meta t-tliet sottogruppi ta’ prodotti ma kinux jagħmlu parti minn suq wieħed ta’ prodotti, l-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li, fid-deċiżjoni kkontestata, minn naħa, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma kkunsidrat li l-imsemmija tliet sottogruppi, li hija ddistingwiet b’mod ċar fil-premessi 5 sa 12 tad-deċiżjoni kkontestata, kienu jagħmlu parti minn suq wieħed ta’ prodotti. Fil-fatt, fil-premessa 791 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni nnotat li “s-sempliċi fatt li l-prodotti kkonċernati mill-ksur kienu jaqgħu f’diversi swieq ma huwiex biżżejjed sabiex jikkontesta l-fatt li aġir partikolari jikkostitwixxi ksur uniku”.

25      Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-Kummissjoni kienet ikkunsidrat li kien jeżisti ksur uniku fis-settur tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju, meta jiġu kkunsidrati l-interdipendenza tal-prattiki antikompetittivi dwar kull wieħed mit-tliet sottogruppi ta’ prodotti u l-eżistenza ta’ pjan ġenerali, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 796 tad-deċiżjoni kkontestata, ma jimplikax li l-Kummissjoni kienet minn dan ikkonkludiet li t-tliet sottogruppi ta’ prodotti kienu jagħmlu parti minn suq wieħed. Fil-fatt, f’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE jista’ jirriżulta mhux biss minn ftehimiet jew minn prattiki miftiehma li huma iżolati u li għandhom jiġu ppenalizzati bħala diversi ksur separati, iżda wkoll minn sensiela ta’ ftehimiet jew ta’ prattiki miftiehma li huma marbuta ma’ xulxin b’tali mod li għandhom jiġu kkunsidrati bħala li huma elementi kostituttivi ta’ ksur uniku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 258, u l-ġurisprudenza ċċitata). Sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur uniku, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi li l-ftehimiet jew il-prattiki miftiehma, għalkemm jirrigwardaw oġġetti, servizzi jew territorji separati, jifformaw parti minn pjan ġenerali implementat intenzjonalment mill-impriżi kkonċernati għat-twettiq ta’ għan antikompetittiv uniku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 258 u 260, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2008, Lafarge vs Il‑Kummissjoni, T‑54/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 482).

26      Għalhekk, il-Kummissjoni ma wettqet l-ebda żball meta kkonstatat li t-tliet sottogruppi ta’ prodotti kienu s-suġġett ta’ ksur uniku, anki jekk kienu jaqgħu taħt swieq ta’ prodotti distinti.

27      It-tieni nett, għandu jiġi nnotat li l-Kummissjoni ma kellha l-ebda obbligu li tagħti definizzjoni preċiża, fid-deċiżjoni kkontestata, tas-swieq tal-prodotti li t-tliet sottogruppi ta’ prodotti kienu jagħmlu parti minnhom.

28      Minn naħa, kif il-Kummissjoni indikat, essenzjalment, fil-premessa 891 tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr kontestazzjoni min-naħa tar-rikorrenti, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE, il-Kummissjoni hija obbligata tagħti definizzjoni tas-suq inkwistjoni sabiex tistabbilixxi jekk ftehim jistax jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membru u jekk għandux bħala għan jew effett li jostakola, jirrestrinġi jew jikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan l-Unjoni. Konsegwentement, il-Kummissjoni għandha l-obbligu ta’ definizzjoni tas-suq inkwistjoni f’deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 101(1) TFUE biss meta, mingħajr tali definizzjoni, ma huwiex possibbli li jiġi stabbilit jekk il-ftehim, id-deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni bejn impriżi jew il-prattika miftiehma inkwistjoni jistgħux jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri u jekk għandhomx bħala għan jew effett li jostakolaw, jirrestrinġu jew jikkawżaw distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, T‑38/02, Ġabra p. II‑4407, punt 99, u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      F’dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti la tressaq argument u lanqas ma tipproduċi prova sabiex jiġi stabbilit li, għal kuntrarju ta’ dak li kkunsidrat il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, il-prattiki miftiehma li kienu seħħew fi ħdan Euroitalia u Michelangelo fir-rigward tal-viti u l-fittings ikkummerċjalizzati fl-Italja ma kinux tali li jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri u ma kellhomx l-għan li jirrestrinġu u li joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern.

30      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi nnotat, l-istess bħalma tosserva l-Kummissjoni fil-premessa 892 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-konstatazzjoni li tgħid li t-tliet sottogruppi ta’ prodotti jaqgħu taħt swieq ta’ prodotti differenti, ma tikkontestax, fi kwalunkwe każ, il-punti ta’ fatt li wassluha sabiex tqis, essenzjalment, fil-premessa 796 tal-imsemmija deċiżjoni, li l-imsemmija prattiki kellhom jiġu kkunsidrati bħala li jagħmlu parti minn ksur uniku, meta jiġu kkunsidrati r-rabtiet ta’ interdipendenza li jeżistu bejniethom u l-eżistenza tal-pjan ġenerali implementat.

31      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti tar-rikorrenti intiżi li jsostnu li t-tliet sottogruppi ta’ prodotti ma jagħmlux parti minn suq wieħed ta’ prodotti, peress li ma humiex sostitwibbli kemm mill-perspettiva tal-offerta jew tad-domanda u peress li huma differenti mill-perspettiva tat-teknoloġija, kummerċjali u tal-estetika, għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi.

32      Iż-żewġ argumenti l-oħra tar-rikorrenti ma jaffettwawx il-konstatazzjoni magħmula fil-punt 31 iktar ʼil fuq.

33      Fir-rigward tal-ewwel argument tar-rikorrenti, li jgħid li hija pparteċipat biss għall-parti Taljana tal-ksur ikkonstatat, huwa biżżejjed li jiġi nnotat, f’dan ir-rigward, li tali konstatazzjoni ma timplikax li l-Kummissjoni ma tistax b’mod validu tikkonkludi li kien hemm ksur uniku li għalih kienu pparteċipaw impriżi oħra msemmija fid-deċiżjoni kkontestata.

34      Fir-rigward tat-tieni argument tar-rikorrenti, li jgħid li l-Kummissjoni, bi żball, għamlet riferiment, fil-premessa 791 tad-deċiżjoni kkontestata, għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ġunju 2005 (Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T‑71/03, T‑74/03, T‑87/03 u T‑91/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 90), għandu jiġi nnotat qabelxejn li, fil-premessa 791 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat dan li ġej:

“Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni għandha d-dritt li tibbaża d-deskrizzjoni tagħha tas-suq inkwistjoni fil-kawżi ta’ akkordji fuq l-aġir tal-impriżi parteċipanti. Il-Qorti Ġenerali […] indikat, fil-punt 90 tas-sentenza tagħha Tokai Carbon [et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ʼil fuq], li “[ma] kinitx il-Kummissjoni li għażlet b’mod arbitrarju s-suq inkwistjoni, iżda kienu l-membri tal-akkordju li fih [l-impriża inkwistjoni f’dik il-kawża]” pparteċipat li kienu b’mod volontarju kkonċentraw l-aġir antikompetittiv tagħhom fuq il-prodotti [inkwistjoni f’dik il-kawża]. Is-sempliċi fatt li l-prodotti kkonċernati mill-ksur kienu jaqgħu f’diversi swieq ma huwiex biżżejjed sabiex jikkontesta l-fatt li aġir partikolari jikkostitwixxi ksur uniku”.

35      Sussegwentement, għandu jiġi nnotat li, fil-premessa 889 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset, billi rrinvijat is-sentenza Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, punt 34 iktar ʼil fuq (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1248 tad-deċiżjoni kkontestata) dan li ġej:

“[huma] essenzjalment il-parteċipanti fl-akkordju li jiddefinixxu l-portata u l-parametri maġġuri tal-akkordju, billi jikkonċentraw intenzjonalment l-aġir antikompetittiv tagħhom fuq il-prodotti u t-territorji inkwistjoni.”

36      Mill-premessi 791 u 889 tad-deċiżjoni kkontestata għaldaqstant jirriżulta li, fil-kuntest tal-eżami tal-kwistjoni li jsir magħruf jekk il-prattiki illegali inkwistjoni jikkostitwixxux diversi ksur jew ksur uniku (ara l-punt 5.2.3 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni kkunsidrat ġustament li huwa xieraq li jiġi eżaminat jekk l-impriżi stess iqisux dawn il-prattiki bħala li jifformaw parti minn pjan ġenerali implementat intenzjonalment mill-impriżi kkonċernati għat-twettiq ta’ għan antikompetittiv uniku u mhux jekk il-prattiki inkwistjoni jirrigwardawx prodotti li jaqgħu taħt suq wieħed.

37      L-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta għamlet riferiment għas-sentenza Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, punt 34 iktar ʼil fuq, sabiex issostni l-konstatazzjoni li kien hemm ksur uniku, għandu għaldaqstant jiġi miċħud bħala infondat.

38      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ilment tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni ma ddefinixxietx is-suq ġeografiku rilevanti, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 28 iktar ʼil fuq, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE, il-Kummissjoni hija biss obbligata li tagħti definizzjoni tas-suq rilevanti sabiex tistabbilixxi jekk il-prattiki inkwistjoni jaffettwawx il-kummerċ bejn l-Istati Membri u jekk għandhomx bħala għan jew effett li jostakolaw, jirrestrinġu jew jikkawżaw distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern.

39      Fil-każ ineżami, għandu jiġi kkonstatat, qabel kollox, li, fil-premessa 122 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li l-prattiki illegali inkwistjoni kienu jirrigwardaw il-bejgħ tat-tliet sottogruppi ta’ prodotti f’sitt Stati Membri, jiġifieri fil-Belġju, fil-Ġermanja, fi Franza, fl-Italja, fil-Pajjiżi l-Baxxi u fl-Awstrija.

40      Sussegwentement, fil-premessa 123 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni nnotat li “l-volum tal-bejgħ tal-manifatturi tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju [kien] jixhed l-importanza kunsiderevoli tal-kummerċ bejn l-Istati Membri tal-Unjoni […] kif ukoll bejn il-partijiet kontraenti tal-Ftehim ŻEE”.

41      Iktar minn hekk, fil-premessa 124 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat, b’mod partikolari, li “l-karatteristiċi transfrontalieri ta’ dawn il-ftehim [ta’ koordinazzjoni taż-żidiet fil-prezzijiet] [kienu] jidhru wkoll fl-eżistenza tar-rabtiet bejn l-assoċjazzjonijiet nazzjonali involuti, b’mod partikolari, fil-preżenza ta’ nukleu żgħir magħmul mill-istess impriżi f’dawn l-Istati Membri kollha”.

42      Barra minn hekk, fil-premessi 814 sa 823 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat ir-rabtiet transfrontalieri bejn il-ftehimiet kollużorji inkwistjoni. F’dan il-kuntest, hija qieset b’mod partikolari, fil-premessa 814 ta’ din id-deċiżjoni, li dawn ir-rabtiet transfrontalieri kienu evidenzjati minn diskussjonijiet u skambji ta’ informazzjoni li kienu saru fi ħdan l-assoċjazzjonijiet nazzjonali.

43      Fl-aħħar nett, fil-premessi 824 sa 833 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni nnotat li kienu jeżistu flussi kummerċjali importanti bejn dawn is-sitt Stati Membri.

44      Mill-konstatazzjoni magħmula fil-punti 39 sa 43 iktar ʼil fuq jirriżulta għaldaqstant li, għalkemm il-Kummissjoni qieset li l-prattiki illegali inkwistjoni kienu ġew implementati f’sitt Stati Membri b’mod partikolari, hija mandankollu esponiet ukoll ir-raġunijiet li minħabba fihom hija kienet tqis li l-kummerċ u l-kompetizzjoni fl-Unjoni kienu ġew effettwati mill-imsemmija prattiki. Għalhekk, il-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu li tiddefinixxi f’iktar dettall is-suq rilevanti tal-prodotti li fih kellhom jiġu inklużi l-viti u l-fittings.

45      Għaldaqstant, it-tieni lment tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud bħala infondat.

46      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni, għal kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, ma kisritx l-Artikolu 101 TFUE, ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni u ma naqsitx milli twettaq l-obbligi tagħha ta’ istruzzjoni u ta’ motivazzjoni fir-rigward tad-definizzjoni tas-suq fejn kienu ġew implementati l-prattiki illegali inkwistjoni.

47      Għaldaqstant, l-ewwel motiv, kollu kemm hu, għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ ksur marbuta mal-klassifikazzjoni tad-diskussjonijiet inkwistjoni fi ħdan Euroitalia u Michelangelo bħala akkordju

48      Ir-rikorrenti ssostni li, għalkemm il-Kummissjoni setgħet ġustament takkużaha li kienet “ipparteċipat f’diskussjonijiet inapproprjati dwar il-prezzijiet”, madankollu dawn id-diskussjonijiet ma wasslu għal ebda ftehim ta’ ffissar jew ta’ koordinazzjoni taż-żidiet fil-prezzijiet. F’dan il-kuntest, hija ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 101 TFUE billi kklassifikat il-fatti bħala ksur, wettqet żbalji ta’ evalwazzjoni tal-fatti, naqset milli twettaq l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni skont l-Artikolu 296 TFUE, u għamlet użu ħażin ta’ poter.

49      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li mis-sottomissjonijiet bil-miktub tar-rikorrenti ma jirriżultax b’mod ċar liema argumenti hija tinvoka insostenn ta’ kull wieħed mid-diversi ksur imsemmija fil-punt preċedenti. Min-naħa l-oħra, ma hemmx dubju li essenzjalment hija tqajjem tliet ilmenti prinċipali insostenn tat-tieni motiv tagħha. It-tieni motiv għandu jiġi eżaminat fid-dawl tal-imsemmija lmenti.

50      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tosserva li, għalkemm il-Kummissjoni wasslet ġustament għal konklużjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, li hija ma pparteċipatx fi ksur uniku, kumpless u kontinwu, il-Kummissjoni, min-naħa l-oħra, ikkonstatat bi żball li r-rikorrenti kienet ipparteċipat fi ksur ħafna iktar gravi minn dak li kien jikkonsisti f’sempliċi parteċipazzjoni fi skambju ta’ informazzjoni sensittiva dwar is-suq tal-viti u l-fittings. F’dan ir-rigward, hija ssostni li, għal kuntrarju tal-prattiki antikompetittivi li, minn naħa, jirrigwardaw iż-żewġ sottogruppi ta’ prodotti minbarra l-viti u l-fittings u, min-naħa l-oħra, seħħew fi Stati Membri barra l-Italja, id-diskussjonijiet dwar il-prezzijiet li għalihom hija kienet ipparteċipat ma wasslux għall-koordinazzjoni jew għall-iffissar tal-prezzijiet. Għaldaqstant ma jeżistux indikazzjonijiet konkordanti u suffiċjenti li juru paralleliżmu fl-aġir tal-parteċipanti fl-imsemmija laqgħat, peress li kull impriża kienet taġixxi b’mod indipendenti, fatt li l-impriżi li kienu kisbu tnaqqis tal-ammont tal-multa skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, iktar ʼil quddiem il-“Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoniˮ) kienu, barra minn hekk, ammettew.

51      Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

52      L-ewwel nett, għandu jiġi nnotat, qabelxejn, l-istess bħalma tosserva l-Kummissjoni li, għalkemm ir-rikorrenti tikkontesta l-fatt li “kkoordinat” jew “iffissat” iż-żidiet fil-prezzijiet mal-kompetituri tagħha, hija madankollu tirrikonoxxi b’mod espliċitu, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, li kienet ipparteċipat f’“diskussjonijiet inapproprjati dwar il-prezzijiet”.

53      Sussegwentement, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, sabiex ikun hemm ftehim fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE huwa biżżejjed li l-impriżi inkwistjoni jkunu esprimew l-intenzjoni komuni tagħhom li jaġixxu b’mod speċifiku fis-suq (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Diċembru 1991, Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, T‑7/89, Ġabra p. II‑1711, punt 256, u tal-20 ta’ Marzu 2002, HFB et vs Il-Kummissjoni, T‑9/99, Ġabra p. II‑1487, punt 199).

54      Ftehim fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE jista’ jiġi kkunsidrat bħala konkluż meta jkun hemm qbil bejn l-intenzjonijiet fuq il-prinċipju nnifsu tar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni, anki jekk l-elementi speċifiċi tar-restrizzjoni prevista jkunu għadhom qegħdin jiġu nnegozjati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza HFB et vs Il‑Kummissjoni, punt 53 iktar ’il fuq, punti 151 sa 157 u 206).

55      Il-kunċett ta’ prattika miftiehma jikkonċerna forma ta’ koordinazzjoni bejn impriżi li, mingħajr ma wasslet għal ftehim veru u proprju, xjentement tissostitwixxi r-riskju tal-kompetizzjoni b’kooperazzjoni prattika bejniethom (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, Ġabra p. I‑4125, punt 115, u Hüls vs Il-Kummissjoni, C‑199/92 P, Ġabra p. I‑4287, punt 158).

56      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 101(1) TFUE jipprekludi kull kuntatt dirett jew indirett bejn operaturi ekonomiċi li jista’ jew jinfluwenza l-aġir fis-suq ta’ kompetitur attwali jew potenzjali, jew inkella jiżvela lit-tali kompetitur l-aġir li l-operatur ekonomiku nnifsu ddeċieda li japplika jew li għandu l-intenzjoni li jaddotta fis-suq, meta dawn il-kuntatti jkollhom bħala għan jew bħala effett ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 55 iktar ’il fuq, punti 116 u 117).

57      Skambju ta’ informazzjoni jmur kontra r-regoli tal-kompetizzjoni meta jnaqqas jew jikkanċella l-livell ta’ inċertezza fuq il-funzjonament tas-suq inkwistjoni u b’hekk jirrestrinġi l-kompetizzjoni bejn l-impriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Ottubru 2003, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, C‑194/99 P, Ġabra p. I‑10821, punt 81, u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      Fil-fatt, l-iżvelar ta’ informazzjoni sensittiva jelimina l-livell ta’ inċertezza fir-rigward tal-aġir futur ta’ kompetitur u għalhekk jinfluwenza, direttament jew indirettament, l-istrateġija tad-destinatarju tal-informazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-23 ta’ Novembru 2006, Asnef-Equifax u Administratión del Estado, C‑238/05, Ġabra p. I‑11125, punt 51, u l-ġurisprudenza ċċitata). Kull operatur ekonomiku għandu għalhekk jiddetermina b’mod awtonomu l-politika li huwa jixtieq isegwi fis-suq intern u l-kundizzjonijiet li huwa għandu l-intenzjoni li joffri lill-klijentela tiegħu (ara s-sentenza Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, punt 57 iktar ʼil fuq, punt 82, u l-ġurisprudenza ċċitata).

59      Għalkemm huwa minnu li dan ir-rekwiżit ta’ awtonomija ma jeskludix id-dritt tal-operaturi li jadattaw ruħhom b’mod intelliġenti għall-imġiba, kkonstatata jew mistennija, tal-kompetituri tagħhom, dan madankollu jipprekludi strettament kull kuntatt dirett jew indirett bejn tali operaturi, li jkollu bħala għan jew bħala effett li jwassal għal kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li ma jikkorrispondux għall-kundizzjonijiet normali tas-suq inkwistjoni, fid-dawl tan-natura tal-prodotti jew tas-servizzi pprovduti, tal-importanza u tan-numru ta’ impriżi, kif ukoll tal-volum tal-imsemmi suq (ara s-sentenza Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, punt 57 iktar ʼil fuq, punt 83, u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      Għaldaqstant mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 53 sa 59 iktar ʼil fuq jirriżulta li l-Kummissjoni kkunsidrat, ġustament, li l-impriżi inkwistjoni, inkluża r-rikorrenti, kienu kkoordinaw iż-żidiet fil-prezzijiet futuri tagħhom u li tali prattika ta’ koordinazzjoni kienet tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE sa fejn din hija tali li telimina l-inċertezza li r-rikorrenti seta’ jkollha rigward aġir futur tal-kompetituri tagħha u għalhekk tinfluwenza, direttament jew indirettament, il-politika kummerċjali tagħhom.

61      It-tieni nett, u f’kull każ, għandu jiġi nnotat li l-Kummissjoni qieset, fil-premessa 472 tad-deċiżjoni kkontestata, li “[ma kienx ta’ ħafna importanza l-fatt jekk ir-rikorrenti kinitx jew ma kinitx] applikat iż-żidiet kollha fil-prezzijiet invokati waqt il-laqgħat, [peress li] hija [kienet] ħadet sehem manifestament attiv fl-organizzazzjoni tal-laqgħat u [kienet] ipparteċipat attivament fid-diskussjonijiet kollha dwar il-prezzijiet fil-kuntest ta’ dawn il-laqgħat, u dan, b’mod sistematiku u kontinwu fuq perijodu twil ħafna ta’ żmien (iktar minn [għaxar] snin)”. Il-Kummissjoni nnotat ukoll, fil-premessa 467 ta’ din id-deċiżjoni, li “l-parteċipanti [kienu] ħadu miżuri konkreti sabiex jivverifikaw l-iżvilupp fiż-żidiet fil-prezzijiet, kif [juru] d-diskussjonijiet dwar il-prezzijiet li kienu jsiru fuq bażi regolari” matul dawn il-laqgħat u li “l-parteċipanti [kienu] stabbilixxew relazzjonijiet stretti kkaratterizzati minn grad ta’ kooperazzjoni u ta’ interdipendenza tali li l-libertà ta’ azzjoni tagħhom kienet minħabba f’hekk limitata”.

62      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li r-rikorrenti la ressqet argument u lanqas ipproduċiet prova intiżi sabiex tikkonfuta ż-żewġ evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni msemmija fil-premessa 467 tad-deċiżjoni kkontestata u mfakkra fil-punt preċedenti. Issa, abbażi ta’ dawn l-evalwazzjonijiet, il-Kummissjoni setgħet ġustament tikkunsidra li d-diskussjonijiet dwar iż-żidiet fil-prezzijiet inkwistjoni kienu pprojbiti mill-Artikolu 101(1) TFUE, peress li kienu tali li jinfluwenza l-aġir ta’ kull kompetitur fis-suq.

63      Min-naħa l-oħra, għal kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, it-terminu “koordinazzjoni fil-prezzijiet” huwa xieraq sabiex jikkaratterizza l-ksur li pparteċipat fih ir-rikorrenti. Fil-fatt, anki jekk stess jirriżulta li d-diskussjonijiet dwar iż-żidiet fil-prezzijiet futuri ma wasslux għal ftehim bejn il-membri tal-akkordju fuq il-prezzijiet li jiffatturaw, jibqa’ l-fatt li dawn id-diskussjonijiet kienu jippermettu li dawn iż-żidiet jiġu kkoordinati, fid-dawl tan-natura sistematika tal-iskambji illegali inkwistjoni.

64      Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqet l-ebda żball fil-klassifikazzjoni tal-ksur li kienet ipparteċipat fih ir-rikorrenti.

65      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-argumenti l-oħra tar-rikorrenti li jaffermaw (ara punti 12.5 sa 12.7, 12.11, 12.12 tar-rikors) li l-Kummissjoni bi żball ikkunsidrat li l-prattiki illegali marbuta mal-viti u l-fittings fis-suq Taljan kienu daqstant gravi daqs dawk li jirrigwardaw iż-żewġ sottogruppi l-oħra ta’ prodotti fi Stati Membri oħra jew li d-diskussjonijiet inkwistjoni kienu jirrigwardaw biss il-viti u l-fittings, bl-esklużjoni taż-żewġ sottogruppi ta’ prodotti l-oħra, għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi. Fil-fatt, dawn l-argumenti ma jikkontestawx il-klassifikazzjoni tal-ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE adottata mill-Kummissjoni, peress li r-rikorrenti pparteċipat f’koordinazzjoni taż-żidiet fil-prezzijiet futuri.

66      Minn dan isegwi li l-ewwel motiv tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

67      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li, matul il-laqgħat ta’ Euroitalia li kienu nżammew mis-16 ta’ Ottubru 1992 u sussegwentement, matul il-laqgħat ta’ Michelangelo, il-kompetituri tagħha kienu llimitaw ruħhom li jikkomunikaw, fil-kuntest tad-diskussjonijiet dwar l-iżvilupp tas-suq, informazzjoni dwar il‑politika ta’ prezzijiet li huma kienu stabbilixxew minn qabel. Skont ir-rikorrenti, il-politika ta’ prezzijiet adottata kienet ta’ spiss tvarja minn impriża għal oħra u ta’ spiss kienet vaga ħafna. Iż-żidiet fil-prezzijiet diskussi kienu jirrigwardaw iż-żidiet tas-snin preċedenti u d-daqs ta’ dawn iż-żidiet kien ikkontemplat biss b’mod ġenerali, mingħajr ma kien ikkwantifikat. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti dejjem aġixxiet fis-suq b’mod awtonomu u b’indipendenza totali, kemm fir-rigward tal-kalendarju taż-żidiet fil-prezzijiet kif ukoll waqt l-istabbiliment tal-ammont tagħhom. Matul is-seduta, ir-rikorrenti indikat ukoll, bħala tweġiba għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali, li hija kienet tikkunsidra li l-prattiki inkwistjoni la kienu eliminaw u lanqas ma kienu naqqsu l-inċertezza dwar l-aġir tal-kompetituri tagħha, peress li ma kienx hemm segwitu effettiv għall-iskambju ta’ informazzjoni inkwistjoni.

68      Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

69      Preliminarjament, għandu jiġi nnotat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssemmi qabelxejn, fil-premessi 398 sa 408, il-mekkaniżmi prinċipali tal-funzjonament tal-akkordju fl-Italja, fi ħdan Euroitalia u Michelangelo, dwar il-viti u l-fittings. Sussegwentement, fil-premessi 409 u 410 ta’ din id-deċiżjoni, hija tfakkar li diskussjonijiet illegali bdew fi ħdan l-assoċjazzjoni Federceramica bejn l-1990 u l-1992, iżda li hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni dawn il-laqgħat sabiex tissanzjona, b’mod partikolari, lir-rikorrenti. Finalment, fil-premessi 411 sa 462 tad-deċiżjoni kkontestata, hija tiddeskrivi d-diversi laqgħat ta’ Euroitalia jew ta’ Michelangelo, li matulhom hija tikkunsidra li l-impriżi inkwistjoni, fosthom ir-rikorrenti, kellhom diskussjonijiet illegali, mis-16 ta’ Ottubru 1992 sad-9 ta’ Novembru 2004. Issa, sa fejn ir-rikorrenti tikkontesta l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni unikament fir-rigward ta’ ċerti laqgħat ta’ Euroitalia li matulhom kienu saru diskussjonijiet illegali, huwa biss fir-rigward ta’ dawn il-laqgħat li għandu jiġi mistħarreġ jekk il-Kummissjoni wettqitx żbalji ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li r-rikorrenti kienet ipparteċipat f’dikussjonijiet antikompetittivi.

70      L-ewwel nett, fir-rigward tal-laqgħa ta’ Euroitalia tas-16 ta’ Ottubru 1992, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni interpretat b’mod ħażin il-fatti meta kkunsidrat li mir-rendikont ta’ din il-laqgħa kien jirriżulta li l-impriżi li kienu pparteċipaw fiha kienu ftiehmu li jġibu fil-laqgħa li jmiss, mhux “ir-riżultati” tagħhom, iżda unikament il-“kontijiet” ivverifikati tagħhom. Issa, dawn il-kontijiet kien fihom informazzjoni li hija magħrufa mill-pubbliku inġenerali. Dan ir-rendikont għaldaqstant ma huwiex prova li hija kienet ipparteċipat f’diskussjonijiet antikompetittivi.

71      F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li, sabiex tikkonkludi, fil-premessi 411 tad-deċiżjoni kkontestata, li d-diskussjonijiet li kienu saru matul din il-laqgħa tas-16 ta’ Ottubru 1992 kienu illegali, il-Kummissjoni bbażat ruħha, kif jirriżulta min-nota ta’ qiegħ il-paġna 506 ta’ din id-deċiżjoni, fuq ir-rendikont, li jindika b’mod partikolari dan li ġej:

“problema ta’ żidiet fil-prezzijiet minn 5 għal 7 %? f’Jannar? […] fil-laqgħa li jmiss iridu jinġiebu l-kontijiet. Iż-żidiet fil-prezzijiet għandhom jiġu kkomunikati f’Diċembru jew f’Jannar”.

72      Issa, jekk ir-rendikont imsemmi fil-punt preċedenti jinqara fid-dawl tad-dikjarazzjoni ta’ Grohe Beteilingungs GmbH (iktar ʼil quddiem “Grohe”) fil-kuntest tat-talba tagħha għal tnaqqis tal-multa, li r-rikorrenti ma tikkontestax il-valur probatorju tagħha, minnha jirriżulta mingħajr ambigwità li l-parteċipanti għal din il-laqgħa, fosthom ir-rikorrenti u Grohe, kienu pprevedew li jżidu l-prezzijiet tagħhom minn Diċembru jew Jannar ta’ wara. Fil-fatt, skont it-talba għal tnaqqis tal-multa ta’ Grohe, matul il-laqgħat ta’ Euroitalia li kienu jsiru f’Settembru jew f’Ottubru ta’ kull sena, il-parteċipanti kienu jiddiskutu l-previżjonijiet taż-żidiet fil-prezzijiet individwali tagħhom għas-sena ta’ wara (ara l-premessa 402 tad-deċiżjoni kkontestata).

73      Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li r-rendikont ta’ din il-laqgħa tas-16 ta’ Ottubru 1992 ma jippermettix li jiġi stabbilit b’mod espliċitu liema kienu l-impriżi li kienu ddeċidew li jżidu l-prezzijiet tagħhom u liema kienu l-ammonti eżatti ta’ dawn iż-żidiet fil-prezzijiet, ma jaffettwax il-konstatazzjoni li dan ir-rendikont, moqri fid-dawl tad-dikjarazzjoni ta’ Grohe, jistabbilixxi b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-parteċipanti f’din il-laqgħa, fosthom ir-rikorrenti, kienu, minn tal-inqas, ftiehmu fuq il-prinċipju nnifsu ta’ restrizzjoni futura tal-kompetizzjoni, anki jekk l-elementi speċifiċi tar-restrizzjoni mixtieqa kienu għadhom fil-fażi ta’ diskussjonijiet. Aġir bħal dan jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 54 u 55 iktar ʼil fuq.

74      Għalhekk, il-Kummissjoni ma wettqet l-ebda żball ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li r-rikorrenti kienet ħadet sehem f’diskussjonijiet antikompetittivi matul il-laqgħa ta’ Euroitalia fis-16 ta’ Ottubru 1992.

75      It-tieni nett, fir-rigward tal-laqgħa ta’ Euroitalia tal-15 ta’ Marzu 1993, ir-rikorrenti tafferma li d-diskussjonijiet miżmuma f’din l-okkażjoni juru l-awtonomija fl-istrateġija kummerċjali tal-impriżi li kienu pparteċipaw fiha, peress li ż-żidiet fil-prezzijiet kienu ġew previsti qabel ma nżammet din il-laqgħa u li kienet teżisti differenza kunsiderevoli f’dawn iż-żidiet u fit-tnaqqis mixtieq.

76      F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi nnotat li r-rikorrenti ma tikkontestax il-konstatazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fil-premessa 412 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li n-noti bil-miktub tad-Direttur Ġenerali ta’ Hansgrohe AG kienu juru li l-impriżi kienu skambjaw informazzjoni rigward il-perċentwali taż-żidiet fil-prezzijiet rispettivi tagħhom għas-sena 1993. Min-naħa l-oħra, għalkemm huwa minnu li dawn iż-żidiet, bħal dawk ippjanati minn Hansa Metallwerke AG (iktar ʼil quddiem “Hansa”) (ara l-premessa 412 tad-deċiżjoni kkontestata) kienu ġew implementati ġimgħa qabel il-laqgħa tal-15 ta’ Marzu 1993, tali skambju ta’ informazzjoni madankollu żġur kien ser jinfluwenza l-aġir tal-impriżi inkwistjoni fir-rigward tal-applikazzjoni effettiva taż-żidiet fil-prezzijiet futuri tagħhom. Fil-fatt, dan l-iskambju ta’ informazzjoni kien jikkontribbwixxi sabiex tiġi stabbilita klima ta’ kunfidenza u ta’ dixxiplina ta’ grupp fi ħdan Euroitalia fir-rigward tal-intenzjoni tal-parteċipanti sabiex iżidu l-prezzijiet.

77      F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Kummissjoni ma wettqet l-ebda żball ta’ evalwazzjoni tal-fatti f’dan ir-rigward.

78      It-tielet nett, fir-rigward tal-laqgħat ta’ Euroitalia tal-21 ta’ Ottubru 1994, tas-16 ta’ Ottubru 1995, u tal-14 ta’ Mejju 1996, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li kull wieħed u waħda minn dawn il-laqgħat tikkonferma li l-impriżi kkonċernati ma kinux ikkoordinaw il-politika tagħhom dwar il-prezzijiet, li għaldaqstant baqgħu “awtonomi u ddifferenzjati”. Madankollu, kif jirriżulta mir-rendikonti ta’ dawn il-laqgħat, kif indikat, rispettivament, fil-premessi 416, 418 u 420 tad-deċiżjoni kkontestata u li r-rikorrenti ma tikkontestax il-kontenut tagħhom, jidher li d-diskussjonijiet inkwistjoni kienu jikkonċernaw ukoll żidiet fil-prezzijiet li kellhom jiġu implementati fil-futur.

79      Fil-fatt, qabelxejn, fir-rigward tal-laqgħa tal-21 ta’ Ottubru 1994, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tikkontestax li, kif il-Kummissjoni nnotat fil-premessa 416 tad-deċiżjoni kkontestata, u kif jirriżulta mir-rendikont ta’ din il-laqgħa stabbilit mir-rikorrenti stess, RAF Rubinetteria SpA kienet f’dik l-okkażjoni indikat l-intenzjoni tagħha li żżid l-prezzijiet tagħha b’7 % mill-1 ta’ Jannar ta’ wara.

80      Sussegwentement, fir-rigward tal-laqgħa tas-16 ta’ Ottubru 1995, kif tosserva l-Kummissjoni fil-premessa 418 tad-deċiżjoni kkontestata, mir-rendikont tal-laqgħa msemmi fil-punt preċedenti jirriżulta b’mod partikolari li f’dik l-okkażjoni Rubinetteria Cisal SpA kienet indikat li kellha l-intenzjoni li żżid il-prezzijiet tagħha minn 5 għal 6 %.

81      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-laqgħa tal-14 ta’ Mejju 1996, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm il-partijiet ma pprovdewx ir-rendikont ta’ din il-laqgħa, jibqa’ l-fatt li r-rikorrenti ma tikkontestax il-fatt li, kif il-Kummissjoni nnotat fil-premessa 420 tad-deċiżjoni kkontestata, Hansa f’dik l-okkażjoni indikat li hija kienet ser iżżid l-prezzijiet tagħha f’Settembru li jmiss. Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, mil-laqgħa li kienet inżammet xahrejn qabel, jiġifieri fit-12 ta’ Marzu 1996 u mill-premessa 419 tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li American Standard Inc. kienet, barra minn hekk, ipprevediet li żżid il-prezzijiet tagħha b’5 % mill-1 ta’ Mejju 1996. Dan jikkonferma għaldaqstant il-fatt li d-diskussjonijiet tal-membri ta’ Euroitalia, matul l-ewwel sitt xhur tal-1996, kienu jirrigwardaw ukoll iż-żidiet fil-prezzijiet futuri.

82      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma wettqet l-ebda żball ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li d-diskussjonijiet illegali dwar żidiet fil-prezzijiet futuri kienu seħħew matul laqgħat ta’ Euroitalia tal-21 ta’ Ottubru 1994, tas-16 ta’ Ottubru 1995 u tal-14 ta’ Mejju 1996.

83      Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-laqgħat ta’ Euroitalia tal-31 ta’ Jannar u tat-22 ta’ Settembru 1997, tas-26 ta’ Jannar u tas-16 ta’ Ottubru 1998, tas-7 ta’ Mejju 1999 kif ukoll tal-31 ta’ Jannar u tat-28 ta’ Ottubru 2002, ir-rikorrenti tosserva li, waqt dawn il-laqgħat, hija u parteċipanti oħra “kkomunikaw l-intenzjoni tagħhom li ma jipproċedux għaż-żidiet fil-listi [tal-prezzijiet] tagħhom, għalkemm parteċipanti oħra fil-laqgħat kienu ddikjaraw li kienu diġà applikaw […] żidiet, anki sinjifikattivi, fil-prezzijiet tagħhom”.

84      F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat, qabelxejn, li, kif ġustament tosserva l-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, minn naħa, il-fatt li r-rikorrenti kienet informat parteċipanti oħra fil-laqgħat imsemmija fil-punt preċedenti bil-fatt li hija ma kinitx ser timplementa ż-żidiet fil-prezzijiet futuri ma jaffettwax il-konstatazzjoni li kien hemm diskussjonijiet illegali dwar iż-żidiet fil-prezzijiet futuri matul dawn il-laqgħat, li fihom hija pparteċipat (ara l-premessi 412, 422, 425, 427, 431, 434, 448 u 451 tad-deċiżjoni kkontestata). Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe ipoteżi, il-fatt li r-rikorrenti kienet iddeċidiet li ma żżidx l-prezzijiet tagħha ma jistax jitqies bħala li hija kienet qiegħda volontarjament tiddissassoċja ruħha mill-attivitajiet illegali tal-akkordju inkwistjoni, peress li, billi pparteċipat għal dawn il-laqgħat, hija setgħet tibbenefika mill-informazzjoni li l-kompetituri tagħha kienu skambjaw.

85      Sussegwentement, fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-laqgħa tal-31 ta’ Jannar 1997, li fir-rigward tagħha r-rikorrenti ssostni li ż-żidiet fil-prezzijiet mixtieqa kienu estremament differenti u li l-Kummissjoni ssemmi fil-premessa 422 tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi nnotat li l-fatt li dawn iż-żidiet kienu differenti ma jaffettwax il-konstatazzjoni li d-diskussjonijiet inkwistjoni kienu ta’ natura li jinfluwenzaw l-aġir fis-suq tal-impriżi li jipparteċipaw f’dawn il-laqgħat.

86      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti dwar il-laqgħa tas-26 ta’ Jannar 1998, li jgħid li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx, fil-premessa 427 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-parteċipanti kienu jikkontrollaw l-implementazzjoni taż-żidiet fil-prezzijiet li kienu ġew deċiżi minn qabel, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk jitqies li dan l-argument huwa fondat, dan il-fatt ibiddilx il-konstatazzjoni li d-diskussjonijiet li saru matul dawn il-laqgħat kienu illegali, sa fejn dawn kienu jirrigwardaw iż-żidiet fil-prezzijiet li kellhom jiġu applikati fl-1998, fatt li r-rikorrenti ma tikkontestax. Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, kif jirriżulta mill-kontenut tal-laqgħat ta’ Euroitalia, b’mod partikolari dawk tal-20 ta’ April 1993 (ara l-premessa 413 tad-deċiżjoni kkontestata), tat-22 ta’ Marzu 1994 (ara l-premessa 415 tad-deċiżjoni kkontestata) u tal-14 ta’ Mejju 1996 (ara l-premessa 420 tad-deċiżjoni kkontestata), li ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti, il-parteċipanti f’dawn il-laqgħat kienu jinformaw lil xulxin dwar iż-żidiet preċedenti fil-prezzijiet tagħhom, b’tali mod li kull kompetitur kien f’pożizzjoni li jikkontrolla direttament l-implementazzjoni taż-żidiet fil-prezzijiet imħabbra minn qabel.

87      Fid-dawl tal-konstatazzjonijiet esposti fil-punti 71 sa 86 iktar ʼil fuq, it-tieni lment tar-rikorrenti, li jgħid li, essenzjalment, id-diskussjonijiet li kienu saru fi ħdan Euroitalia u fi ħdan Michelangelo, li fihom hija kienet ipparteċipat, ma kinux ta’ natura antikompetittiva, għandu jiġi miċħud bħala infondat.

88      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-Kummissjoni ma evalwatx, għal kuntrarju ta’ dak li kienet tobbligaha tagħmel il-ġurisprudenza, sa fejn f’dan il-każ l-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-kompetituri kien naqqas jew ikkanċella l-livell ta’ inċertezza fuq il-funzjonament tas-suq inkwistjoni. F’dan il-każ, il-karatteristiċi tas-suq rilevanti juru li l-prattiki inkwistjoni ma setgħux joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni f’dan is-suq. Qabel kollox, huwa biss fil-każ ta’ suq ikkaratterizzat minn numru limitat ta’ operaturi li skambju ta’ informazzjoni jista’, essenzjalment, joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni f’dan is-suq. Issa, l-ishma tas-suq ikkunsidrati flimkien tal-impriżi li pparteċipaw fil-laqgħat ta’ Michelangelo u ta’ Euroitalia jammontaw għal inqas minn 40 %. Sussegwentement, ma kienx hemm ostakolu għad-dħul f’dan is-suq. Barra minn hekk, il-kompetittività u s-setgħa kuntrattwali fuq il-livell tad-domanda kienu ogħla. Fl-aħħar nett, l-offerta, b’mod partikolari fis-settur tal-viti u l-fittings, kienet partikolarment frammentarja.

89      Għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 57 iktar ʼil fuq, skambju ta’ informazzjoni jmur kontra r-regoli tal-kompetizzjoni meta jnaqqas jew jikkanċella l-livell ta’ inċertezza fuq il-funzjonament tas-suq inkwistjoni u b’hekk jirrestrinġi l-kompetizzjoni bejn l-impriżi.

90      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ġustament iddeċidiet li l-kompatibbiltà ta’ sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni mar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni ma tistax tiġi evalwata b’mod astratt. Din hija suġġetta għall-kundizzjonijiet ekonomiċi fis-swieq ikkonċernati u għall-karatteristiċi relatati mas-sistema inkwistjoni, bħal, b’mod partikolari, l-għanijiet tagħha, il-kundizzjonijiet ta’ aċċess u ta’ parteċipazzjoni fl-iskambju, kif ukoll in-natura tal-informazzjoni skambjata – dawn jistgħu, pereżempju, ikunu pubbliċi jew kunfidenzjali, miġbura jew iddettaljati, storiċi jew attwali, il-perijodiċità tagħhom u l-importanza tagħhom għall-iffisar tal-prezzijiet, tal-volumi jew tal-kundizzjonijiet tal-provvista tas-servizzi (sentenza Asnef-Equifax u Administración del Estado, punt 58 iktar ʼil fuq, punt 54).

91      F’dan il-każ, għandu jiġi nnotat li l-illegalità fir-rigward tar-regoli tal-kompetizzjoni tad-diskussjonijiet inkwistjoni tirriżulta mingħajr ambigwità mid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, il-komunikazzjoni reċiproka taż-żidiet individwali tal-prezzijiet futuri mill-impriżi membri ta’ Euroitalia u ta’ Michelangelo, li r-rikorrenti speċifikat, matul is-seduta, li kienu jirrappreżentaw 38 % tas-suq tal-viti u l-fittings fl-Italja, kellha mingħajr dubju bħala għan, u effett, li tnaqqas l-inċertezza tal-kompetituri dwar il-funzjonament tas-suq fil-futur. Ir-rikorrenti, barra minn hekk, ma tagħti l-ebda spjegazzjoni dwar l-għan alternattiv li dan l-iskambju ta’ informazzjoni kunfidenzjali seta’ eventwalment ikollu.

92      Sa fejn il-kompetituri li pparteċipaw fid-diskussjonijiet illegali kellhom sehem sinjifikattiv tas-suq tal-viti u l-fittings fl-Italja, peress li huma flimkien kellhom, bejn 38 u 40 % tal-ishma ta’ dan is-suq, l-iskambju ta’ informazzjoni dwar l-implementazzjoni taż-żidiet fil-prezzijiet futuri neċessarjament kien inaqqas il-livell ta’ inċertezza li kellha teżisti bejniethom u kien iħeġġiġhom sabiex iżidu l-prezzijiet tagħhom filwaqt li jnaqqsu r-riskju li jitilfu l-ishma tas-suq.

93      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-koordinazzjoni taż-żidiet fil-prezzijiet f’dan il-każ kienet, meta tiġi kkunsidrata l-istruttura tas-suq Taljan tal-viti u l-fittings, antikompetittiva.

94      L-argumenti l-oħra tar-rikorrenti ma jistgħux jinvalidaw il-konklużjoni msemmija fil-punt preċedenti.

95      Qabelxejn, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li mill-ġurisprudenza jirriżulta li, meta offerta hija maqsuma, it-tixrid u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn kompetituri tista’ tkun newtra, saħansitra pożittiva, għan-natura kompetittiva tas-suq (ara b’mod partikolari s-sentenza Asnef-Equifax u Administración del Estado, punt 58 iktar ʼil fuq, punt 58), ma jaffettwax il-konstatazzjonijiet, imsemmija fil-punti 90 u 91 iktar ʼil fuq, li jgħidu li l-iskambju ta’ informazzjoni dwar iż-żidiet fil-prezzijiet futuri bejn kompetituri li kellhom bejn 38 u 40 % tal-ishma tas-suq tal-viti u l-fittings kellu bħala għan, u neċessarjament bħala riżultat, effett negattiv fuq il-kompetizzjoni. Dan l-argument għandu għaldaqstant jiġi miċħud bħala ineffettiv.

96      Sussegwentement, ir-rikorrenti ssostni li l-assenza ta’ ostakolu għad-dħul fis-suq Taljan tal-viti u l-fittings kif ukoll il-kompetittività u s-setgħa kuntrattwali għolja fil-livell tad-domanda tal-grossisti setgħu llimitaw l-effetti tal-iskambju ta’ informazzjoni dwar iż-żidiet fil-prezzijiet ippjanati mill-kompetituri f’dan is-suq. F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li, anki jekk dawn l-aspetti speċifiċi tas-suq Taljan tal-viti u l-fittings kienu vera, jibqa’ l-fatt li r-rikorrenti ma pproduċiet l-ebda prova li tistabbilixxi li, f’dan il-każ, l-imsemmija aspetti speċifiċi kellhom jinnewtralizzaw l-effetti tal-prattiki antikompetittivi inkwistjoni. Għalhekk, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala infondat.

97      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet ilment tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud u għaldaqstant, anki t-tliet ilmenti li hija tqajjem fil-kuntest tat-tieni motiv għandhom jiġu miċħuda.

98      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti u fid-dawl tad-diversi ksur invokati mir-rikorrenti u elenkati fil-punt 48 iktar ʼil fuq, għandu jiġi kkonstatat li hija ma stabbilixxietx, li, l-ewwel nett, il-Kummissjoni kienet wettqet żbalji ta’ evalwazzjoni tal-fatti meta kkunsidrat, minn naħa, li d-diskussjonijiet li kienu saru matul il-laqgħat li fihom hija kienet ipparteċipat kienu antikompetittivi (ara punti 67 sa 87 iktar ʼil fuq) u, min-naħa l-oħra, dawn setgħu joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara punti 88 sa 97 iktar ʼil fuq) u t-tieni nett, li l-Kummissjoni kienet kisret l-Artikolu 101 TFUE billi kklassifikat il-fatti bħala antikompetittivi (ara punti 50 sa 66 iktar ʼil fuq). Barra minn hekk, minn dawn il-konstatazzjonijiet jirriżulta li, minn naħa, ir-rikorrenti ma stabbilixxietx li l-Kummissjoni għamlet użu ħażin ta’ poter meta kkonkludiet li r-rikorrenti kienet ipparteċipat fil-ksur tal-Artikolu 101 TFUE. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma kisritx l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni peress li, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessi tad-deċiżjoni kkontestata ċċitati fil-punti 61, 69, 71, 76, 79, 84 sa 86 iktar ʼil fuq, il-Kummissjoni indikat b’mod suffiċjenti skont il-liġi r-raġunijiet li għalihom hija kkunsidrat li r-rikorrenti kienet ipparteċipat f’diskusssjonijiet antikompetittivi bi ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE.

99      Għaldaqstant, it-tieni motiv, kollu kemm hu, għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żbalji u fuq ksur imwettqa mill-Kummissjoni fil-kalkolu tal-ammont tal-multa

100    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet diversi żbalji u ksur fil-kuntest tal-kalkolu tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha. F’dan ir-rigward, hija tinvoka żewġ ilmenti prinċipali.

101    Permezz tal-ewwel ilment tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet diversi ksur fir-rigward tal-applikazzjoni tal-koeffiċjenti ta’ 15 % li hija adottat fil-premessi 1220 u 1225 tad-deċiżjoni kkontestata. Qabel kollox, il-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-istabbiliment ta’ dawn il-koeffiċjenti. Sussegwentement, hija wettqet żball ta’ evalwazzjoni fl-istabbiliment ta’ dawn il-koeffiċjenti u kisret il-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u ta’ responsabbiltà personali, kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità, meta applikat dawn il-koeffiċjenti fir-rigward tagħha anki meta r-rwol tagħha fil-ksur ikkonstatat kien inqas gravi minn dak tal-impriżi l-oħra. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti tosserva wkoll li d-deċiżjoni kkontestata hija kontradittorja, peress li l-Kummissjoni kkunsidrat, mingħajr ma għamlet distinzjoni bejn l-impriżi, li l-ksur kien jirrigwarda sitt Stati Membri. Issa, il-ksur attribwit lir-rikorrenti kien jirrigwarda biss l-Italja. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, sa fejn hija kellha tagħmel distinzjoni bejn l-impriżi li kienu pparteċipaw fil-ksur uniku u dawk li kienu pparteċipaw f’parti waħda biss minn dan il-ksur, bħal pereżempju r-rikorrenti. Il-Kummissjoni għaldaqstant ma kellhiex tapplika l-istess koeffiċjenti sabiex tissanzjona l-impriżi kollha ssanzjonati fid-deċiżjoni kkontestata.

102    Għandu jiġi kkonstat li l-ksur invokat mir-rikorrenti, imsemmija fil-punt 100 iktar ʼil fuq, huma kollha intiżi sabiex jikkontestaw, imma minn perspettivi differenti, il-koeffiċjenti ta’ 15 % tad-dħul mill-bejgħ li r-rikorrenti għamlet mill-bejgħ tal-viti u l-fittings fl-Italja, li l-Kummissjoni adottat sabiex tikkalkola l-ammont bażiku tal-multa, skont, minn naħa, il-punti 21 sa 23 tal-linji gwida tal-2006 u, min-naħa l-oħra, il-punt 25 ta’ dawn il-linji gwida. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandhom fl-ewwel lok jitfakkru r-regoli li japplikaw għall-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa previst fil-linji gwida tal-2006, fit-tieni lok, li jiġu nnotati r-raġunijiet mogħtija mill-Kummissjoni insostenn tal-għażla tagħha li timponi koeffiċjenti ta’ 15 % u, fit-tielet lok, li jiġi evalwat jekk, meta mxiet b’dan il-mod, hija wettqitx l-iżbalji u l-ksur invokati mir-rikorrenti.

103    Fl-ewwel lok, fir-rigward tar-regoli applikabbli għall-kalkolu tal-ammont tal-multa, għandu jitfakkar li, skont il-punti 9 sa 11 tal-linji gwida tal-2006, il-metodoloġija użata mill-Kummissjoni sabiex tiffissa l-multi tinvolvi żewġ stadji. Fl-ewwel stadju, il-Kummissjoni tistabbilixxi ammont bażiku għal kull impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi. Fit-tieni stadju, hija tista’ żżid jew tnaqqas dan l-ammont bażiku, u dan fid-dawl taċ-ċirkustanzi aggaravanti jew attenwanti li jikkaratterizzaw il-parteċipazzjoni ta’ kull waħda mill-impriżi kkonċernati.

104    Fir-rigward iktar preċiżament tal-ewwel fażi tal-metodu għall-iffissar tal-multi, skont il-punti 21 sa 23 tal-linji gwida tal-2006, il-proporzjon meħud inkunsiderazzjoni tal-valur tal-bejgħ (iktar ʼil quddiem il-“koeffiċjenti ‘gravità tal-ksur’”) huwa ffissat għal-livell li jvarja minn 0 % sa 30 %, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni numru ta’ fatturi, bħan-natura tal-ksur, is-sehem globali tas-suq tal-partijiet ikkonċernati kollha, il-portata ġeografika tal-ksur u l-implementazzjoni jew le tal-ksur, filwaqt li huwa miftiehem li l-ftehim ta’ ffissar tal-prezz, tat-tqassim tas-suq u tal-limitazzjoni ta’ produzzjoni, huma inklużi, min-natura tagħhom stess, fost ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni l-iktar gravi. Skont il-punt 25 tal-linji gwida tal-2006, huwa ppreċiżat li, b’għan ta’ dissważjoni, il-Kummissjoni għandha tinkludi fl-ammont bażiku proporzjon, li jippermetti li jiġi kkalkolat ammont addizzjonali (iktar ’il quddiem il-“koeffiċjenti ‘ammont addizzjonali’”), li s-somma tiegħu tkun tvarja bejn 15 % u 25 % tal-valur tal-bejgħ, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi ċċitati iktar ʼil fuq.

105    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-istabbiliment tal-koeffiċjenti tal-valur tal-bejgħ ta’ kull impriża kkonċernati adottati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi nnotat li l-premessi 1211 sa 1214 tal-imsemmija deċiżjoni huma fformulati kif ġej:

“1211      Il-ftehim orrizzontali tal-iffissar tal-prezzijiet huma inklużi, min-natura tagħhom stess, fost ir-restrizzjonjiet tal-kompetizzjoni l-iktar gravi. Id-destinatarji tad-[deċiżjoni kkontestata] pparteċipaw fi ksur uniku, kumpless u kontinwu tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, bil-għan komuni li joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju (ara l-punt 5). L-arranġamenti kollużorji kienu jkopru minn tal-inqas sitt Stati Membri, affettwaw is-sottogruppi ta’ prodotti kollha li kienu s-suġġett tal-investigazzjoni u kienu applikati unikament għal benefiċċju tal-produtturi membri tal-akkordju u għad-detriment tal-klijenti tagħhom u, finalment, tal-konsumaturi.

1212      Is-sehem fis-suq globali tal-impriżi li fir-rigward tagħhom ġie stabbilit il-ksur ivarja skont l-Istat Membru, iżda huwa stmat għal madwar 54.3 % għall-gruppi kollha ta’ prodotti u fl-Istati Membri kollha koperti mill-investigazzjoni tal-Kummissjoni. Din il-figura ma tiħux inkunsiderazzjoni l-ishma tas-suq tal-parteċipanti ż-żgħar l-oħra, li ma humiex destinatarji tad-[deċiżjoni kkontestata].

1213      L-akkordju kien ikopri minn tal-inqas sitt Stati Membri, jiġifieri l-Ġermanja, l-Awstrija, il-Belġju, Franza, l-Italja u l-Pajjiżi l-Baxxi.

1214      Huwa stabbilit li l-ksur ġie ġeneralment implementat [...] anki jekk għad ma hemmx provi suffiċċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li dan dejjem sar b’mod rigoruż.”

106    Fir-rigward tal-koeffiċjenti “gravità tal-ksur”, il-Kummissjoni nnotat, fil-premessa 1220 tad-deċiżjoni kkontestata, abbażi tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti, dan li ġej:

“1220      Bħala konklużjoni, fid-dawl tal-fatturi msemmija f’dan il-punt, u b’mod partikolari n-natura tal-ksur, il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ ta’ kull impriża kkonċernata li ser jintuża sabiex jiġi stabbilit l-ammont bażiku tal-multi għandu jkun ta’ 15 %.”

107    Fir-rigward tal-koeffiċjenti “ammont addizzjonali”, il-Kummissjoni indikat, fil-premessa 1225 tad-deċiżjoni kkontestata, dan li ġej:

“1225      Fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża u meta jittieħdu inkunsiderazzjonita l-kriterji invokati [fil-premessi 1210 sa 1220 tad-deċiżjoni kkontestata], il-perċentwali li għandha tiġi applikata għall-[koeffiċjenti “ammont addizzjonali”] hija ta’ 15 %.”

108    Mir-raġunijiet mogħtija fil-premessi 1211 sa 1214, 1220 u 1225 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni ġġustifikat l-applikazzjoni tal-koeffiċjenti “gravità tal-ksur” u “ammont addizzjonali” ta’ 15 % billi bbażat ruħha fuq l-evalwazzjoni li tgħid li l-impriżi ssanzjonati fid-deċiżjoni kkontestata kienu pparteċipaw fi ksur uniku fis-settur tal-installazzjonijiet sanitarji li jkopri tliet sottogruppi ta’ prodotti f’sitt Stati Membri u li l-“ftehim orizzontali tal-iffissar tal-prezzijiet”, li ġie implementat f’dan il-każ, huwa fost ir-restrizzjonijiet l-iktar gravi tal-kompetizzjoni minħabba n-natura tiegħu stess.

109    Madankollu, kif issostni ġustament ir-rikorrenti, il-Kummissjoni, minn naħa, qieset, fil-premessa 879 tad-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, ikkonfermat fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, li kellu jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti, l-istess bħal manifatturi indipendenti Taljani l-oħra ssanzjonati f’din id-deċiżjoni, ipparteċipat biss fil-parti Taljana tal-ksur uniku dwar il-viti u l-fittings u l-oġġetti taċ-ċeramika, iżda mhux tad-diviżorji tad-doċċa, “fl-assenza ta’ provi li jistabbilixxu l-għarfien tagħhom tal-portata ġenerali tal-akkordju”. Dan il-fatt għaldaqstant wassal sabiex fl-Artikolu 1(5)(18) tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni tindika, b’mod partikolari, li r-rikorrenti wettqet ksur marbuta mal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju fl-Italja.

110    Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 105 sa 109 iktar ʼil fuq li għandhom, fit-tielet lok, jiġu eżaminati l-ħames żbalji u ksur invokati mir-rikorrenti u msemmija fil-punt 101 iktar ʼil fuq.

111    L-ewwel nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, għandha titfakkar il-ġurisprudenza li tgħid li, fil-qasam tal-iffissar tal-ammont bażiku tal-multa, il-Kummissjoni tissodisfa l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni meta tindika, fid-deċiżjoni tagħha, l-elementi ta’ evalwazzjoni li jkunu ppermettewlha tevalwa l-gravità tal-ksur imwettaq, mingħajr ma hija obbligata li tagħti spjegazzjoni iktar dettaljata jew li tindika ċ-ċifri relatati mal-metodu ta’ kalkolu tal-multa (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T‑236/01, T‑239/01, T‑244/01 sa T‑246/01, T‑251/01 u T‑252/01, Ġabra p. II‑1181, punt 252, u l-ġurisprudenza ċċitata).

112    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, għal kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni indikat, fil-premessi 1211 sa 1214, 1220 u 1225 tad-deċiżjoni kkontestata, esposti fil-punti 105 sa 107 iktar ʼil fuq, ir-raġunijiet li wassluha sabiex tadotta, fil-premessi 1220 u 1225 tad-deċiżjoni kkontestata, il-koeffiċjenti “gravità tal-ksur” u “ammont addizzjonali” ta’ 15 %.

113    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni għandu jiġi miċħud bħala infondat.

114    It-tieni nett, fir-rigward tal-iżball ta’ evalwazzjoni tal-fatti invokat mir-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni bi żball ikkunsidrat li l-koeffiċjenti “gravità tal-ksur” u “ammont addizzjonali” ta’ 15 % huma ġġustifikati minħabba l-fatt li l-impriżi kkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata kienu pparteċipaw fi ksur uniku li jirrigwarda tliet sottogruppi ta’ prodotti u li jkopri sitt Stati Membri. Fil-fatt, kif qieset il-Kummissjoni stess, fil-premessa 879 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti kienet implikata fil-ksur li jirrigwarda l-“koordinazzjoni taż-żidiet fil-prezzijiet”, fl-Italja, u mhux fil-ħames Stati Membri l-oħra msemmija fil-punt 1 iktar ʼil fuq, minħabba l-fatt li d-diskussjonijiet illegali li saru kienu jirrigwardaw il-viti u l-fittings u l-oġġetti taċ-ċeramika, iżda mhux id-diviżorji tad-doċċa. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti ma tikkontestax, f’dan il-kuntest, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li hija pparteċipat fi ksur li kien jirrigwarda wkoll l-oġġetti taċ-ċeramika u mhux biss il-viti u l-fittings.

115    Mill-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li tinsab fil-premessa 879 tad-deċiżjoni kkontestata għaldaqstant jirriżulta li hija ma setgħetx b’mod validu tiġġustifika l-applikazzjoni fil-konfront tar-rikorrenti tal-koeffiċjenti “gravità tal-ksur” u “ammont addizzjonali” ta’ 15 % minħabba l-fatt li hija kienet ipparteċipat fil-ksur uniku li jkopri tliet sottogruppi ta’ prodotti u sitt territorji. Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni tal-fatti f’dan ir-rigward.

116    Qabel kollox, l-argumenti tal-Kummissjoni intiżi li jsostnu li l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti jirrifletti l-parteċipazzjoni tagħha biss fil-parti Taljana tal-ksur ikkonstatat, li l-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni għal kull impriża jirrifletti l-involviment individwali, effettiv u konkret tagħhom fil-ksur, u li l-koeffiċjenti “gravità tal-ksur” u “ammont addizzjonali” ta’ 15 % huma modesti, meta tiġi kkunsidrata l-gravità tal-ksur li hija wettqet, huma ineffettivi. Fil-fatt, l-ebda wieħed minn dawn l-argumenti ma jinvalida l-konstatazzjoni li l-Kummissjoni ma setgħetx b’mod validu tibbaża ruħha fuq ir-raġuni esposta fil-punt 115 iktar ʼil fuq sabiex tadotta l-koeffiċjenti “gravità tal-ksur” u “ammont addizzjonali” ta’ 15 %.

117    Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti tal-Kummissjoni li jgħidu li hija osservat id-diversi stadji fil-kalkolu tal-multa li huma previsti fil-linji gwida tal-2006, li hija użat id-dħul mill-bejgħ li l-impriżi kkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata kienu tawha, li hija għandha marġni ta’ diskrezzjoni fl-istabbiliment tal-ammont tal-multi u li l-gravità tal-ksur li pparteċipat fih ir-rikorrenti hija riflessa fl-ammont tal-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni huma wkoll ineffettivi. Fil-fatt, dawn l-argumenti ma jaffettwawx il-konstatazzjoni li l-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża ruħha fuq ir-raġuni esposta fil-punt 115 iktar ʼil fuq.

118    Fl-aħħar nett, l-argument magħmul mill-Kummissjoni bi tweġiba għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali matul is-seduta, li jgħid li d-differenza fil-portata ġeografika li tirriżulta mill-parteċipazzjoni ta’ impriżi, minn naħa, fil-ksur uniku fil-globalità tiegħu, u, min-naħa l-oħra, fit-territorju Taljan biss, ma tiġġustifikax l-applikazzjoni distinta tal-koeffiċjenti “gravità tal-ksur” u “ammont addizzjonali”, għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, ksur li jkopri sitt territorji tal-Unjoni u li jirrigwarda tliet sottogruppi ta’ prodotti ma jistax ikun ikkunsidrat b’mod validu gravi daqs ksur fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed biss u li jirrigwarda żewġ sottogruppi ta’ prodotti. Fid-dawl tal-portata tal-effetti tiegħu fuq il-kompetizzjoni fl-Unjoni, l-ewwel ksur għandu jiġi kkunsidrat bħala iktar gravi mit-tieni wieħed.

119    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 114 sa 118 iktar ʼil fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni wettqet żewġ żbalji ta’ evalwazzjoni meta bbażat l-applikazzjoni tal-koeffiċjenti “gravità tal-ksur” u “ammont addizzjonali” ta’ 15 % fuq il-fatt li r-rikorrenti kienet ipparteċipat fi ksur uniku li jkopri sitt territorji tal-Unjoni u tliet sottogruppi ta’ prodotti. Għaldaqstant l-argument tar-rikorrenti f’dan ir-rigward għandu jiġi milqugħ.

120    It-tielet nett, fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċeduri miftuħa mill-Kummissjoni biex tissanzjona l-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju timplika li l‑multi ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija, jiġifieri fir-rigward tal-osservanza ta’ dawn ir-regoli, u li l-ammont tal-multa imposta fuq l-impriża abbażi ta’ ksur fil-qasam tal-kompetizzjoni għandu jkun proporzjonat mal-ksur, evalwat fit-totalità tiegħu, billi jieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-gravità tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, T‑67/00, T‑68/00, T‑71/00 u T‑78/00, Ġabra p. II‑2501, punt 532). B’mod partikolari, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jimplika li l-Kummissjoni għandha tiffissa l-multa proporzjonalment għall-elementi meħuda inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur u li f’dan ir-rigward hija għandha tapplika dawn l-elementi b’mod koerenti u oġġettivament iġġustifikat (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni, T‑43/02, Ġabra p. II‑3435, punti 226 sa 228, u tat-28 ta’ April 2010, Amann & Söhne u Cousin Filterie vs Il‑Kummissjoni, T‑446/05, Ġabra p. II‑1255, punt 171).

121    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti pparteċipat fi ksur li kien jikkonsisti fl-implementazzjoni ta’ koordinazzjoni taż-żidiet fil-prezzijiet futuri, li din il-koordinazzjoni ma kinitx tirrigwarda biss il-viti u l-fittings, kif ġie kkonstatat fil-kuntest tat-tieni motiv, iżda wkoll l-oġġetti taċ-ċeramika, fatt li r-rikorrenti ma kkontestatx fil-kuntest tar-rikors tagħha, u li dan il-ksur kien jirrigwarda t-territorju Taljan kollu. F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Kummissjoni setgħet, skont il-punti 21 sa 23 u 25 tal-linji gwida tal-2006, ġustament tikkunsidra li l-koeffiċjenti “gravità tal-ksur” u “ammont addizzjonali” ta’ 15 % kienu konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

122    Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità għandu jiġi miċħud bħala infondat.

123    Ir-raba’ nett, sa fejn ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u ta’ responsabbiltà personali, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, skont dan il-prinċipju, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra, matul l-evalwazzjoni tal-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni f’akkordju ta’ kull persuna li wettqet ksur, il-fatt li ċerti persuni li wettqu ksur jistgħu, jekk ikun il-każ, ma jinżammux responsabbli għall-partijiet kollha ta’ dan l-akkordju (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Mejju 2010, Chalkor vs Il-Kummissjoni, T‑21/05, Ġabra p. II‑1895, punt 100, u l-ġurisprudenza ċċitata).

124    F’dan il-każ, kif ġie kkonstatat fil-punt 115 iktar ʼil fuq, huwa minnu li l-Kummissjoni bi żball iġġustifikat l-applikazzjoni fil-konfront tar-rikorrenti tal-koeffiċjenti “gravità tal-ksur” u “ammont addizzjonali” ta’ 15 % billi kkunsidrat li din tal-aħħar kienet ipparteċipat fi ksur uniku li jkopri sitt territorji tal-Unjoni u tliet sottogruppi ta’ prodotti, minkejja l-fatt stess li hija kienet espressament irrikonoxxiet, fil-premessa 879 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti setgħet tinżamm responsabbli biss fir-rigward tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju fis-suq Taljan dwar żewġ sottogruppi ta’ prodotti. Madankollu, għandu wkoll jiġi kkonstatat li, kif ġie nnotat fil-punt 121 iktar ʼil fuq, l-applikazzjoni fil-konfront tar-rikorrenti tal-koeffiċjenti “gravità tal-ksur” u “ammont addizzjonali” ta’ 15 % hija totalment iġġustifikata fid-dawl tal-gravità tal-ksur li hija stess wettqet.

125    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u ta’ responsabbiltà personali meta imponiet koeffiċjenti “gravità tal-ksur” u “ammont addizzjonali” ta’ 15 % fil-konfront tar-rikorrenti.

126    Dan l-argument tar-rikorrenti għandu għaldaqstant jiġi miċħud bħala infondat.

127    Il-ħames nett, fir-rigward tal-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament invokat mir-rikorrenti għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jinkiser meta sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu ttrattati b’mod differenti jew meta sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati bl istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Diċembru 1984, Sermide, 106/83, Ġabra p. 4209, punt 28, u tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2009, Hoechst vs Il‑Kummissjoni, T‑161/05, Ġabra p. II‑3555, punt 79).

128    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li ġie applikat fuq id-destinatarji kollha tad-deċiżjoni kkontestata koeffiċjenti “gravità tal-ksur” u “ammont addizzjonali” ta’ 15 %, anki jekk, b’kuntrast mal-impriżi li pparteċipaw fil-ksur uniku li jkopri t-tliet sottogruppi ta’ prodotti f’sitt Stati Membri, ir-rikorrenti, l-istess bħall-erbat impriżi l-oħra Taljani ssanzjonati fl-Artikolu 1(5) tad-deċiżjoni kkontestata, setgħet biss tinżamm responsabbli għall-ksur fil-parti Taljana tiegħu. Għalhekk, il-gravità tal-ksur li pparteċipat fih ir-rikorrenti kienet inqas importanti, f’termini kemm ġeografiċi kif ukoll ta’ prodotti affettwati, minn dik tal-ksur imwettaq mid-destinatarji l-oħra tad-deċiżjoni kkontestata li ħadu sehem fi ksur uniku li jkopri sitt territorji u tliet sottogruppi ta’ prodotti. Madankollu, anki jekk jitqies li jista’ jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni missha ttrattat, meta stabbilixxiet dawn il-koeffiċjenti, l-impriżi li kienu ħadu sehem fil-ksur uniku li jkopri s-sitt territorji tal-Unjoni u t-tliet sottogruppi ta’ prodotti b’mod separat minn dawk li pparteċipaw fi ksur uniku f’territorju wieħed u għal żewġ sottogruppi ta’ prodotti, xorta jibqa’ l-fatt li tali trattament separat ma kienx ser ikun ta’ benefiċċju għar-rikorrenti. Fil-fatt, kif inhu msemmi fil-punt 121 iktar ʼil fuq, il-koeffiċjenti “gravità tal-ksur” u “ammont addizzjonali” ta’ 15 % applikati fil-konfront tar-rikorrenti jikkostitwixxu rati proporzjonali għall-gravità tal-ksur li kienet wettqet. Għalhekk, l-assenza ta’ trattament differenzjat bejn l-impriżi destinatarji kollha tad-deċiżjoni kkontestata ma ttiħditx għad-detriment tar-rikorrenti.

129    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni wettqet ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għad-detriment tagħha għandu jiġi miċħud bħala infondat.

130    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, l-argument tar-rikorrenti intiż sabiex isostni li l-Kummissjoni wettqet żewġ żbalji ta’ evalwazzjoni (ara punt 119 iktar ʼil fuq) għandu jintlaqa’ u l-kumplament tal-ewwel ilment għandu jiġi miċħud.

131    Permezz tat-tieni lment tagħha, ir-rikorrenti tikkontesta r-rifjut tal-Kummissjoni li tagħtiha, skont il-punt 29 tal-linji gwida tal-2006, tnaqqis tal-multa minħabba l-fatt li l-parteċipazzjoni tagħha kienet minima. Hija tipprovdi żewġ argumenti prinċipali insostenn ta’ din it-talba. L-ewwel nett, hija dejjem segwiet strateġija kummerċjali awtonoma, kif jirriżulta mid-diversi laqgħat li saru bejn il-15 ta’ Marzu 1993 u t-28 ta’ Ottubru 2002, fejn hija wriet l-intenzjoni tagħha li ma twettaqx iż-żidiet fil-prezzijiet. Għaldaqstant hija ddisassoċjat ruħha b’mod ċara u kunsiderevoli mill-ftehim li l-membri l-oħra tal-akkordju kienu approvaw. It-tieni nett, hija tqis li l-Kummissjoni ċaħdet bi żball, fid-deċiżjoni kkontestata, l-argument li jgħid li hija kellha tibbenefika minn tnaqqis tal-multa sa fejn r-rwol tagħha fil-ksur kien inqas gravi minn dak tal-membri l-oħra tal-akkordju. Fil-fatt, il-valur tal-bejgħ tal-prodotti, li ċertament jikkostitwixxi element ta’ evalwazzjoni tal-influwenza li l-impriża tista’ teżerċita minħabba fl-importanza ekonomika tagħha, ma jirriflettix mandankollu l-livell ta’ kemm hija gravi l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur. Barra minn hekk, huma l-impriżi multinazzjonali li taw bidu għall-prattiki antikompetittivi inkwistjoni fi ħdan Euroitalia u Michelangelo u li kienu pparteċipaw fi prattiki illegali f’bosta Stati Membri.

132    Il-punt 29 tal-linji gwida tal-2006 huwa fformulat kif ġej:

“L-ammont bażiku tal-multa jista’ jonqos meta l-Kummissjoni tikkonstata l-eżistenza ta’ ċirkustanzi attenwanti bħal:

–        meta l-impriża kkonċernata tipproduċi l-prova li hija temmet il-ksur sa mill-ewwel interventi tal-Kummissjoni. Dan mhux applikabbli għal ftehim jew prattiki ta’ natura sigrieta (b’mod partikolari l-krietel);

–        meta l-impriża kkonċernata tipproduċi l-prova li l-ksur twettaq b’negliġenza;

–        meta l-impriża kkonċernata tipproduċi l-prova li l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur hija sostanzjalment imnaqqsa u konsegwentement turi li, fil-perijodu li matulu hija aderixxiet mal-ftehim li jikkostitwixxi ksur, hija effettivament qagħdet lura milli tapplikah billi adottat aġir kompetittiv fis-suq; is-sempliċi fatt li impriża pparteċipat fi ksur għal tul ta’ żmien iqsar minn dak tal-impriżi l-oħra ma għandux jiġi kkunsidrat bħala ċirkustanza attenwanti, peress li din iċ-ċirkustanza hija riflessa diġà fl-ammont bażiku;

–        meta l-impriża kkonċernata tikkoopera effettivament mal-Kummissjoni, barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-komunikazzjoni dwar il-klemenza u lil hinn mill-obbligi ġuridiċi tagħha li tikkoopera;

–        meta l-aġir antikompetittiv ġie awtorizzat jew imħajjar mill-awtoritajiet pubbliċi jew mil-leġiżlazzjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

133    Fir-rigward taċ-ċirkustanza attenwanti prevista fit-tielet inċiż tal-punt 29 tal-linji gwida tal-2006, li hija biss rilevanti fid-dawl tal-argumenti invokati mir-rikorrenti, għandu jitfakkar li, l-istess bħalma tosserva l-Kummissjoni fil-premessa 1252 tad-deċiżjoni kkontestata, skont il-ġurisprudenza, sabiex impriża tkun tista’ tibbenefika minn tnaqqis tal-multa minħabba li naqset milli timplementa akkordju, iċ-ċirkustanzi jridu juru li, matul il-perijodu li fih l-impriża aderixxiet għall-ftehim li jikkostitwixxi ksur, hija effettivament qagħdet lura milli tapplikahom billi adottat aġir kompetittiv fis-suq jew, minn tal-inqas, hija b’mod ċar u kunsiderevoli kisret l-obbligi intiżi għall-implementazzjoni ta’ dan l-akkordju b’tali mod li fixklet l-istess funzjonament tal-akkordju (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2006, Daiichi Pharmaceutical vs Il-Kummissjoni, T‑26/02, Ġabra p. II‑713, punt 113).

134    F’dan il-każ, minn naħa, għandu jiġi nnotat li l-argument tar-rikorrenti li jgħid li hija dejjem segwiet strateġija kummerċjali awtonoma ma huwiex fondat fuq il-fatti. Kif ġie kkonstatat fil-kuntest tal-eżami tat-tieni motiv iktar ʼil fuq (ara b’mod partikolari l-punti 52 sa 87 iktar ʼil fuq), l-impriżi membri ta’ Euroitalia kienu jagħmlu skambju ta’ informazzjoni dwar iż-żidiet fil-prezzijiet tagħhom u kienu jivverifikaw li l-kompetituri tagħhom kienu implementaw iż-żidiet fil-prezzijiet futuri li kienu ddiskutew minn qabel.

135    Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma tagħmel l-ebda argument jew ma tipproduċi ebda prova li tistabbilixxi li hija effettivament qagħdet lura mill-implementazzjoni taż-żidiet fil-prezzijiet diskussi waqt il-laqgħat ta’ Euroitalia u ta’ Michelangelo. Għal kuntrarju, kif innotat ġustament il-Kummissjoni fit-tabelli tagħha li jinsabu fl-Annessi 6 u 7 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti pparteċipat fi kważi l-laqgħat kollha fi ħdan Euroitalia u għal numru kbir ta’ laqgħat ta’ Michelangelo, laqgħat li fihom kienu jseħħu diskussjonijiet illegali.

136    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma wettqet l-ebda żball meta ma tat l-ebda tnaqqis tal-multa lir-rikorrenti abbażi ta’ dan.

137    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu, minn naħa, jintlaqa’ parzjalment it-tielet motiv u, min-naħa l-oħra, il-kumplament tat-tielet motiv kif ukoll l-ewwel u t-tieni motivi għandhom jiġu miċħuda.

138    Fir-rigward tal-konsegwenzi li għandhom jinsiltu abbażi tat-talbiet intiżi għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata, l-ewwel nett, għandhom jiġu miċħuda sa fejn dawn jirrigwardaw l-Artikolu 1(5)(18) tad-deċiżjoni kkontestata.

139    It-tieni nett, minn naħa, sa fejn il-Kummissjoni korrettament tikkonkludi li r-rikorrenti wettqet ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 101 TFUE, hija kienet iġġustifikata meta, abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 msemmi fil-premessa 1182 tad-deċiżjoni kkontestata, fl-Artikolu 2(17) tad-deċiżjoni kkontestata, iddeċidiet li timponi multa fuq ir‑rikorrenti. Għaldaqstant, it-talbiet għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu miċħuda sa fejn dawn jirrigwardaw l-Artikolu 2(17) ta’ din id-deċiżjoni.

140    Min-naħa l-oħra, sa fejn l-Artikolu 2(17) tad-deċiżjoni kkontestata jiffissa l-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta fuq ir-rikorrenti, u sa fejn fit-tieni kap tat-talbiet tagħha r-rikorrenti sussidjarajment titlob lill-Qorti Ġenerali tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuqha, il-qorti ġenerali ser tieħu inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi ta’ dawn l-iżbalji, ikkonstatati fil-punt 119 iktar ’il fuq, fir-rigward tal-imsemmi ammont, fil-kuntest tal-eżami tal-imsemmi kap tat-talbiet.

141    Mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 138 sa 140 iktar ʼil fuq jirriżulta li t-talbiet għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu miċħuda kompletament.

 Dwar it-talbiet, ippreżentati sussidjarjament, intiżi għall-kanċellament jew għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti

142    Fid-dawl tat-tieni kap tat-talbiet li permezz tiegħu r-rikorrenti titlob, sussidjarjament, lill-Qorti Ġenerali sabiex tikkanċella jew tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuqha (ara punt 15 iktar ʼil fuq), hija għandha, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, teżamina, minn naħa, il-konsegwenzi tal-iżbalji mwettqa mill-Kummissjoni, li huma esposti fil-punt 125 iktar ʼil fuq, fuq il-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, u min-naħa l-oħra, l-argument li r-rikorrenti tippreżenta insostenn tat-talba tagħha għall-kanċellament jew għat-tnaqqis tal-multa.

143    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, minn naħa, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-Qorti Ġenerali għandha twettaq l-evalwazzjoni tagħha stess, billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ inkwistjoni u billi tosserva l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, bħal pereżempju l-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Romana Tabacchi vs Il-Kummissjoni, punt 17 iktar ʼil fuq, punti 179 u 280) jew inkella l-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Settembru 2009, Erste Group Bank et vs Il-Kummissjoni, C‑125/07 P, C‑133/07 P, C‑135/07 P, Ġabra p. I‑8681, punt 187).

144    Min-naħa l-oħra, l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa ma huwiex ekwivalenti għal stħarriġ ex officio. Għalhekk, bl-eċċezzjoni tal-motivi ta’ ordni pubbliku li l-qorti tal-Unjoni għandha tqajjem ex officio, bħal pereżempju l-assenza jew l-insuffiċjenza tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, hija r-rikorrenti li għandha tqajjem il-motivi kontra din tal-aħħar u li għandha tipproduċi provi insostenn ta’ dawn il-motivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Chalkor vs Il‑Kummissjoni, punt 17 iktar ’il fuq, punt 64).

145    Minkejja l-fatt li l-evalwazzjoni tal-multa mill-qorti tal-Unjoni meta din tiddeċiedi bis-saħħa tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha ma hijiex suġġetta għal-linji gwida (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Lulju 2005, Brasserie nationale et vs Il-Kummissjoni, T‑49/02 sa T‑51/02, Ġabra p. II‑3033, punt 169), il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq, f’dan il-każ, li tispira ruħha minnhom sabiex tikkalkula mill-ġdid l-ammont tal-multa, b’mod partikolari minħabba l-fatt li huma jippermettu t-teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi kollha rilevanti tal-kawża preżenti u li jiġu imposti multi proporzjonati fuq l-impriżi kollha li kienu pparteċipaw fil-ksur ikkonstatat.

146    L-ewwel nett, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, minn naħa, fil-punt 115 iktar ʼil fuq, li l-Kummissjoni kienet ibbażat ruħha bi żball fuq il-motiv ibbażat, essenzjalment, fuq il-fatt li l-impriżi kollha kkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata kienu pparteċipaw fi ksur uniku sabiex jistabbilixxu l-koeffiċjenti “gravità tal-ksur” u “ammont addizzjonali” ta’ 15 %. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali kkonstatat ukoll li, kif ġie indikat fil-punt 121 iktar ʼil fuq, dawn il-koeffiċjenti jikkonformaw mal-prinċipju ta’ proporzjonalità fuq skala minn 0 % sa 30 % fir-rigward tal-koeffiċjenti “gravità tal-ksur” u fuq skala minn 15 % sa 25 % fir-rigward tal-koeffiċjenti “ammont addizzjonali”.

147    Ċertament, huwa wkoll minnu li l-koeffiċjenti “gravità tal-ksur” u “ammont addizzjonali” ta’ 15 % huma dawk li ġew magħżula mill-Kummissjoni, kif ġie kkonstatat fil-punt 128 iktar ʼil fuq, sabiex jiġu kkalkolati l-multi imposti fuq l-impriżi li pparteċipaw fil-ksur uniku li jkopri tliet sottogruppi ta’ prodotti f’sitt Stati Membri. Issa, dan tal-aħħar jikkostitwixxi ksur iktar gravi, minħabba l-portata ġeografika tiegħu u minħabba n-numru tas-sottogruppi ta’ prodotti kkonċernati, mill-ksur li fih ipparteċipat ir-rikorrenti.

148    Il-fatt li l-impriżi li pparteċipaw fil-ksur uniku li jkopri sitt Stati Membri u tliet sottogruppi ta’ prodotti kellhom jingħataw multa kkalkolata abbażi tal-koeffiċjenti “gravità tal-ksur” u “ammont addizzjonali” ta’ iktar minn 15 % magħżula sabiex tiġi ssanzjonata r-rikorrenti, ma jistax validament jiġġustifika li l-Qorti Ġenerali timponilha, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, multa ta’ ammont li ma jkunx dissważiv b’mod suffiċjenti fid-dawl tal-gravità tal-ksur li fih hija pparteċipat.

149    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tqis, fid-dawl tal-linji gwida tal-2006 u tal-evalwazzjonijiet esposti fil-punt 148 iktar ʼil fuq, li l-koeffiċjenti “gravità tal-ksur” u “ammont addizzjonali” ta’ 15 % huma xierqa

150    It-tieni nett, fir-rigward tat-talba tar-rikorrenti intiża sabiex il-Qorti Ġenerali tagħtiha tnaqqis tal-multa minħabba l-fatt li kellha biss rwol minuri fil-kuntest tal-laqgħat li hija pparteċipat fihom meta mqabbla mar-rwol tal-impriżi l-oħra multinazzjonali, il-Qorti Ġenerali tfakkar li, kif ġie kkonstatat fil-punt 62 iktar ʼil fuq, ir-rikorrenti la tressaq argument u lanqas ma tipproduċi prova ta’ natura tali li jikkonfutaw il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni, fil-premessi 467 u 492 tad-deċiżjoni kkontestata, li juru li r-rikorrenti pparteċipat attivament fl-implementazzjoni tal-prattiki illegali inkwistjoni, b’tali mod li r-rwol tagħha ma jistax jiġi kkunsidrat bħala minuri. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tqis li l-argument tar-rikorrenti ma jiġġustifikax il-fatt li l-multa ta’ EUR 3 996 000 li l-Kummissjoni imponiet fuqha tiġi mnaqqsa minħabba din ir-raġuni.

151    F’dawn iċ-ċirkustanzi, minn naħa, il-Qorti Ġenerali tqis, bis-saħħa tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, li l-ebda wieħed mill-elementi li r-rikorrenti invokat b’xi mod jew ieħor f’din il-kawża, u l-ebda raġuni ta’ ordni pubblika, ma jiġġustifikaw li hija tuża l-imsemmija ġurisdizzjoni sabiex tnaqqas l-ammont tal-multa imposta mill-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, hija tikkunsidra li, fid-dawl tal-elementi kollha miġjuba quddiemha, multa ta’ EUR 3 996 000 tikkostitwixxi, fid-dawl tat-tul u tal-gravità tal-ksur li pparteċipat fih ir-rikorrenti, sanzjoni xierqa li tippermetti li jiġi kkastigat, b’mod proporzjonat u dissważiv, l-aġir antikompetittiv tagħha.

152    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta, fir-rigward tat-talbiet, ippreżentati sussidjarjament, għall-kanċellament jew għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, fl-Artikolu 2(17) tad-deċiżjoni kkontestata, li peress li l-imsemmi ammont huwa identiku għal dak iffissat mill-Qorti Ġenerali, skont il-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, fil-punt 151 iktar ʼil fuq, huwa xieraq li dawn it-talbiet jiġu miċħuda.

153    Fid-dawl tal-konklużjonijiet misluta fil-punti 141 u 152 iktar ʼil fuq, ir-rikors huwa miċħud kompletament.

 Fuq l-ispejjeż

154    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Zucchetti Rubinetteria SpA għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tal-Kummissjoni Ewropea.

Pelikánová

Jürimäe

Van der Woude

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-16 ta’ Settembru 2013.

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Dwar it-talbiet, imressqa b’mod prinċipali, intiżi għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żbalji mwettqa mill-Kummissjoni fl-istabbiliment tas-suq rilevanti

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ ksur marbuta mal-klassifikazzjoni tad-diskussjonijiet inkwistjoni fi ħdan Euroitalia u Michelangelo bħala akkordju

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żbalji u fuq ksur imwettqa mill-Kummissjoni fil-kalkolu tal-ammont tal-multa

Dwar it-talbiet, ippreżentati sussidjarjament, intiżi għall-kanċellament jew għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.