Language of document :

Rikors ippreżentat fl-14 ta' Settembru 2010 - Stichting Corporate Europe Observatory vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-395/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Stichting Corporate Europe Observatory (Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) (rappreżentanti: S. Crosby, solicitor, u S. Santoro, lawyer)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla r-rifjut impliċitu tat-talba konfermatorja tar-rikorrenti

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikors huwa intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad impliċitament it-talba tar-rikorrenti, imressqa skont ir-Regolament Nru 1049/2001 1, ta' aċċess għal ċerti dokumenti dwar in-negozjati kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Indja.

Ir-rikorrenti tissolleva tliet motivi insostenn tar-rikors tagħha.

L-ewwel nett, hija ssostni illi l-Kummissjoni kisret ir-Regolament Nru 1049/2001 billi ma rrisponditx għat-talba konfermatorja fit-terminu previst.

It-tieni nett, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni kisret ir-Regolament Nru 1049/2001 u t-Trattat billi ċaħdet impliċitament talba konfermatorja mingħajr ma tat raġunijiet jew mingħajr ma tat raġunijiet skont ir-rekwiżiti mitluba mit-Trattat u mill-Qorti tal-Ġustizzja.

It-tielet nett, hija ssostni illi billi ma rrisponditx it-talba konfermatorja, il-Kummissjoni kisret formalità proċedurali sostanzjali jew ikkommettiet żball ta' liġi.

____________

1 - Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta' Mejju 2010, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331)