Language of document : ECLI:EU:T:2013:496





Digriet tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) tad-9 ta’ Settembru 2013 —
Planet vs Il-Kummissjoni

(Kawża T‑489/12)

“Klawżola ta’ arbitraġġ — Sitt Programm-Qafas għal attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni — Kuntratti dwar il-proġetti Ontogov, FIT u RACWeb — Spejjeż eliġibbli — Nuqqas ta’ interess ġuridiku — Inammissibbiltà”

1.                     Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Interess ġuridiku — Neċessità ta’ interess reali u attwali — Evalwazzjoni fil-mument tal-preżentata tar-rikors — Kundizzjoni li għandha tiġi rrispettata fil-kuntest tar-rikorsi kollha ppreżentati quddiem il-qorti tal-Unjoni — Interess relatat ma’ sitwazzjonijiet futuri u inċerti — Esklużjoni (Artikoli 263 TFUE, 272 TFUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE) (ara l-punti 31, 32, 48)

2.                     Rikors għal annullament — Rikors li fil-verità jirrigwarda tilwima ta’ natura kuntrattwali — Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni — Inammissibbiltà — Klassifikazzjoni mill-ġdid tar-rikors — Esklużjoni (Artikoli 256 TFUE, 263 TFUE, 272 TFUE u 288 TFUE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 44(1)(c)] (ara l-punti 51-54)

Suġġett

Rikors ibbażat fuq l-Artikolu 272 TFUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE intiż sabiex jiġi kkonstatat, minn naħa, li r-rifjut tal-Kummissjoni li tikkunsidra bħala spejjeż eliġibbli ċerti ammonti allokati b’implementazzjoni tal-kuntratti “Ontology enabled E‑Gov Service Configuration (Ontogov)”, “Fostering self-adaptive e-government service improvement using semantic technologies (FIT)” u “Risk Assessment for Customs in Western Balkans (RACWeb)”, konklużi fil-kuntest tas-Sitt Programm-Qafas tal-Komunità Ewropea għal attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni li jikkontribwixxi għat-twettiq taż-Żona Ewropea tar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2002‑2006), jikkostitwixxi ksur min-naħa tal-Kummissjoni tal-obbligi kuntrattwali tagħha u, min-naħa l-oħra, li dawn l-ammonti jikkostitwixxu spejjeż eliġibbli u ma għandhomx jitħallsu lura.

Dispożittiv

1)

Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli.

2)

Planet AE Anonymi Etaireia Parochis Symvouleftikon Ypiresion hija kkundannata għall-ispejjeż.