Language of document : ECLI:EU:T:2016:226

Kawża T‑77/15

(pubblikazzjoni b’estratti)

Tronios Group International BV

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Trade mark tal-Unjoni Ewropea verbali SkyTec – Trade mark nazzjonali verbali preċedenti SKY – Raġuni relattiva għal rifjut – Dekadenza minħabba tolleranza – Artikolu 54(2) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 – Probabbiltà ta’ konfużjoni – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tal-20 ta’ April 2016

1.      Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Ċessjoni, revoka u invalidità – Dekadenza minħabba tolleranza – Terminu ta’ dekadenza – Bidu tad-dekorrenza

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 54(2))

2.      Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedura għat-tressiq ta’ kawża – Kawża mressqa quddiem il-qorti tal-Unjoni – Ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali – Stħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell – Eżami mill-ġdid tal-fatti fid-dawl ta’ provi mhux prodotti qabel quddiem l-istanzi tal-Uffiċċju – Esklużjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikoli 65(2) u 76(1)

1.      Għandhom jiġu sodisfatti erba’ kundizzjonijiet sabiex jibda jiddekorri t-terminu ta’ dekadenza minħabba tolleranza f’każ ta’ użu ta’ trade mark sussegwenti identika għat-trade mark preċedenti jew simili tant li toħloq konfużjoni. Fl-ewwel lok, it-trade mark sussegwenti għandha tkun irreġistrata, fit-tieni lok, jeħtieġ li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħha tkun saret in bona fide mill-proprjetarju tagħha, fit-tielet lok, hija għandha tintuża fl-Istat Membru fejn it-trade mark preċedenti hija protetta u, fl-aħħar, fir-raba’ lok, il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti għandu jkun jaf bl-użu ta’ din it-trade mark wara r-reġistrazzjoni tagħha.

l-Artikolu 54(2) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja għandu l-għan li jippenalizza lill-proprjetarji ta’ trade marks preċedenti li ttolleraw l-użu ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea sussegwenti għal ħames snin konsekuttivi, meta kienu jafu b’dan l-użu, bit-telf tal-azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u tal-azzjoni ta’ oppożizzjoni għal din it-trade mark. Din id-dispożizzjoni tipprova ssib bilanċ bejn l-interessi tal-proprjetarju ta’ trade mark sabiex jissalvagwardja l-funzjoni essenzjali tagħha u l-interessi ta’ operaturi ekonomiċi oħra sabiex jużaw sinjali li jistgħu jindikaw il-prodotti u s-servizzi tagħhom. Dan l-għan jimplika li, sabiex tiġi ssalvagwardata din il-funzjoni essenzjali, il-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti għandu jkun jista’ jopponi l-użu ta’ trade mark sussegwenti identika jew li tixbah lil tiegħu. Fil-fatt, huwa biss mill-mument li l-proprjetarju tat-trade mark preċedenti jsir jaf bl-użu tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea sussegwenti li huwa għandu l-possibbiltà li ma jittollerax dan l-użu u, għalhekk, li jopponih jew li jitlob għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark sussegwenti u li, għalhekk, it-terminu ta’ dekadenza minħabba tolleranza jibda jiddekorri.

Għaldaqstant mill-interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 54(2) tar-Regolament Nru 40/94 jirriżulta li d-data rilevanti għall-kalkolu tal-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ dekadenza hija dik tal-għarfien tal-użu tat-trade mark posterjuri.

Din l-interpretazzjoni teħtieġ li l-proprjetarju tat-trade mark sussegwenti jipproduċi l-prova tal-eżistenza ta’ għarfien effettiv dwar l-użu tal-imsemmija trade mark mill-proprjetarju tat-trade mark preċedenti, li fin-nuqqas tagħha dan tal-aħħar ma jkunx jista’ jopponi l-użu tat-trade mark sussegwenti. Fil-fatt, f’dan ir-rigward, hemm lok li tittieħed inkunsiderazzjoni r-regola analoga ta’ dekadenza minħabba tolleranza msemmija fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/104 dwar it-trade marks, issostitwit permezz tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2008/95/KE dwar it-trade marks, li fir-rigward tagħha l-ħdax-il premessa tal-imsemmija direttiva (il-premessa 12 tad-Direttiva 2008/95) tippreċiża li dan il-motiv ta’ dekadenza japplika meta l-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti “kuxjentement ittollera l-użu għal tul ta’ żmien sostanzjali”, jiġifieri “deliberatament” jew “b’mod informat”. Għandu jiġi kkonstatat li din l-evalwazzjoni tapplika mutatis mutandis għall-Artikolu 54(2) tar-Regolament Nru 207/2009 fejn il-formulazzjoni tikkorrispondi għal dik tal-Artikolu 9(1) tad-Direttivi 89/104 u 2008/95.

(ara l-punti 30-33)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 36)