Language of document : ECLI:EU:T:2018:9

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

tal-14 ta’ Diċembru 2017 (*)

“Riċerka u żvilupp teknoloġiku – EIT – Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Orizzont 2020 – Sejħa għal proposti għall-ħatra ta’ Komunità ta’ Konoxxenza u Innovazzjoni – Ċaħda tal-offerta tar-rikorrenti – Regolament (KE) Nru 294/2008 – Regolament (UE) Nru 1290/2013 – Delegazzjoni illegali ta’ kompetenzi”

Fil-Kawża T-76/15,

Kenup Foundation, stabbilita fil-Kalkara (Malta),

Candena GmbH, stabbilita f’Lunebourg (il-Ġermanja),

CO BIK Center odličnosti za biosenzoriko, instrumentacijo in procesno kontrolo, stabbilit f’Ajdovščina (is-Slovenja),

Evotec AG, stabbilita f’Hamburg (il-Ġermanja),

inizjalment irrappreżentati minn U. Soltész, C. Wagner, H. Weiß u A. Richter, sussegwentement minn U. Soltész, H. Weiß u A. Richter u fl-aħħar nett minn U. Soltész u H. Weiß, avukati,

rikorrenti,

sostnuti minn

Ir-Repubblika ta’ Malta, irrappreżentata minn E. Perici Calascione, bħala aġent,

u minn

Stiftung Universität Lüneburg, irrappreżentata minn F. Oehl, avukat,

intervenjenti,

vs

L-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT), irrappreżentat minn M. Kern, bħala aġent, assistit minn P. de Bandt u M. Gherghinaru, avukati,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-deċiżjonijiet tad-9 ta’ Diċembru 2014, li s-sens tagħhom ġie kkomunikat b’ittra tal-10 ta’ Diċembru 2014, li permezz tagħhom l-EIT ħatar il-Komunità ta’ Konoxxenza u Innovazzjoni (KKI) “Innovazzjoni għal ħajja b’saħħitha u tixjiħ attiv” u ċaħad il-proposta magħmula mill-konsorzju Kenup,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla),

komposta minn V. Tomljenović, President tal-Awla, A. Marcoulli (Relatur) u A. Kornezov, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

[omissis]

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

9        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Frar 2015, ir-rikorrenti, Kenup Foundation, Candena GmbH, CO BIK Center odličnosti za biosenzoriko, instrumentacijo in procesno kontrolo (iktar ’il quddiem l-“organu ta’ riċerka” u Evotec AG, ressqu din il-kawża.

10      Ir-risposta tal-EIT ġiet ippreżentata fl-1 ta’ Ġunju 2015.

11      Permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Lulju 2015, il-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali aċċetta l-intervent tar-Repubblika ta’ Malta insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti.

12      Permezz ta’ digriet tad-19 ta’ Ottubru 2015, il-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali aċċetta l-intervent ta’ Stiftung Universität Lüneburg insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti.

13      In-nota ta’ intervent tar-Repubblika ta’ Malta ġiet ippreżentata fis-16 ta’ Novembru 2015.

14      Ir-replika ġiet ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Novembru 2015.

15      In-nota ta’ intervent ta’ Stiftung Universität Lüneburg ġiet ippreżentata fit-2 ta’ Diċembru 2015.

16      Il-kontroreplika ġiet ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Jannar 2016.

17      Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, din il-kawża ġiet assenjata lis-Seba’ Awla, li fiha nħatar Imħallef Relatur ġdid.

18      Permezz ta’ att tal-10 ta’ Mejju 2016, ir-rikorrenti pproduċew prova ġdida li fir-rigward tagħha tressqu osservazzjonijiet mill-EIT, mir-Repubblika ta’ Malta u minn Stiftung Universität Lüneburg.

19      Fil-5 ta’ Mejju 2017, il-Qorti Ġenerali għamlet, abbażi ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet li min-naħa tagħhom weġbuhom fit-terminu mogħti.

20      Permezz ta’ att tal-4 ta’ Lulju 2017, ir-rikorrenti ppreżentaw motiv ġdid u pproduċew provi ġodda, li fir-rigward tagħhom tressqu osservazzjonijiet mill-EIT u mir-Repubblika ta’ Malta.

21      Il-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) iddeċidiet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr il-fażi orali tal-proċedura.

22      Ir-rikorrenti, sostnuti mir-Repubblika ta’ Malta u minn Stiftung Universität Lüneburg, jitolbu, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjonijiet tad-9 ta’ Diċembru 2014, li s-sens tagħhom ġie kkomunikat b’ittra tal-10 ta’ Diċembru 2014 (iktar il-quddiem id-“deċiżjonijiet ikkontestati”), li permezz tagħhom l-EIT ħatar il-KKI “Innovazzjoni għal ħajja b’saħħitha u tixjiħ attiv” u ċaħad il-proposta magħmula mill-konsorzju Kenup;

–        tikkundanna lill-EIT għall-ispejjeż.

23      L-EIT jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż, inklużi l-ispejjeż sostnuti minnu.

 Id-dritt

[omissis]

 Fuq il-mertu

[omissis]

47      Fl-ewwel lok il-Qorti Ġenerali ser teżamina l-ewwel motiv.

48      Ir-rikorrenti, sostnuti mir-Repubblika ta’ Malta u minn Stiftung Universität Lüneburg, isostnu li, permezz tal-evalwazzjoni tagħhom, l-esperti indipendenti maħtura mill-EIT aġixxew lil hinn mis-sempliċi rwol konsultattiv mogħti lilhom mil-liġi. Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, dawn l-esperti ġew inkarigati mill-preselezzjoni tal-proposti u setgħu, abbażi ta’ dan, jeliminaw il-proposta ppreżentata mill-konsorzju Kenup mingħajr l-adozzjoni ta’ deċiżjoni min-naħa tal-Bord tat-Tmexxija, u mingħajr ma din ġiet eżaminata minn dan tal-aħħar. Issa, għalkemm l-esperti għandhom rwol preponderanti fl-evalwazzjoni tal-proposti ta’ KKI, l-għażla u l-ħatra tagħhom taqa’ biss taħt il-kompetenza tal-Bord tat-Tmexxija, mingħajr possibbiltà ta’ deroga, b’mod partikolari fid-dawl tal-importanza fundamentali ta’ tali deċiżjoni. Id-deċiżjoni ta’ preselezzjoni meħuda mill-esperti tista’ ħafna inqas tiġi attribwita lill-Bord tat-Tmexxija peress li dan tal-aħħar, bi ksur tar-Regolament Nru 1290/2013, ma ħatarx l-esperti, li la rċevew istruzzjonijiet jew linji gwida u lanqas ma kienu s-suġġett ta’ superviżjoni min-naħa ta’ dan tal-aħħar, sa fejn dawn l-inkariġi twettqu mill-uffiċjal awtorizzanti, jiġifieri d-Direttur tal-EIT. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li d-Direttur tal-EIT eżerċita influwenza indebita fuq il-proċedura ta’ evalwazzjoni. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jsostnu li, peress li l-esperti kellhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa, il-Bord tat-Tmexxija ma setax jibbaża ruħu fuq l-evalwazzjoni tagħhom mingħajr ma jivverifikaha.

49      L-EIT jikkontesta dawn l-argumenti billi jsostni li d-deċiżjoni ta’ ħatra tal-KKI ġiet adottata mill-Bord tat-Tmexxija, wara proċedura li żvolġiet konformement mar-regoli applikabbli għall-EIT u mas-sejħa għal proposti. L-EIT jinsisti fuq il-fatt li l-organizzazzjoni u l-amministrazzjoni ta’ sejħa għal proposti ma jaqgħux biss taħt ir-responsabbiltà tal-Bord tat-Tmexxija, sa fejn hemm funzjonijiet li huma assenjati kemm lill-esperti indipendenti kif ukoll lid-Direttur tal-EIT. Dwar dan il-punt, huwa jsostni li, bil-kontra ta’ dak li jallegaw ir-rikorrenti, l-għażla tal-esperti ma taqax taħt il-kompetenza tal-Bord tat-Tmexxij. Barra minn hekk, huwa jsostni li l-proċess kollu ta’ ħatra baqa’ taħt il-kontroll sħiħ tal-Bord tat-Tmexxija. Għalhekk, huwa jsostni li dan tal-aħħar adotta l-kriterji għall-għażla tal-KKI, it-test tas-sejħa għal proposti u l-approċċ globali tal-evalwazzjoni. Huwa approva wkoll il-profili, il-kriterji u l-proċedura għall-għażla tal-esperti indipendenti kif ukoll il-kompożizzjoni tal-bordijiet ta’ esperti. Barra minn hekk, il-Bord tat-Tmexxija kien ġie debitament informat bir-riżultati tal-proċess ta’ evalwazzjoni mmexxi mill-esperti. Fl-aħħar nett, id-deċiżjoni ta’ ħatra tal-KKI u ta’ ċaħda tal-proposta tal-konsorzju Kenup ġiet adottata, wara l-intervisti, unikament mill-Bord tat-Tmexxija, sa fejn l-esperti ma adottaw ebda deċiżjoni dwar dan il-punt.

50      Għandu jitqies li l-ewwel motiv tar-rikors huwa kompost minn żewġ partijiet. Permezz tal-ewwel parti, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-proposta tal-konsorzju Kenup ittieħdet minn awtorità li ma għandhiex il-kompetenza tagħmel dan peress li din tirriżulta minn deċiżjoni tal-esperti indipendenti u mhux minn deċiżjoni formali tal-Bord tat-Tmexxija. Permezz tat-tieni parti tal-motiv, ir-rikorrenti jsostnu li l-kompetenzi mogħtija lill-Bord tat-Tmexxija ġew iddelegati illegalment lill-esperti indipendenti, mingħajr gwida jew kontroll, min-naħa ta’ dan tal-ewwel, tax-xogħlijiet ta’ dawn tal-aħħar.

51      Preliminarjament, għandu l-ewwel nett jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 1290/2013, il-parteċipazzjoni fl-azzjonijiet indiretti mwettqa għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-Programm Qafas Orizzont 2020 hija rregolata mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2012, dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU 2012, L 298, p. 1), u tar-Regolament Delegat, bla ħsara għar-regoli speċifiċi ddefiniti fir-Regolament Nru 1290/2013. Skont l-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 1290/2013, ir-Regolament Nru 294/2008 jista’ wkoll jistabbilixxi regoli li jmorru lil hinn mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1290/2013.

52      Minn dan jirriżulta li meta l-EIT iwettaq, bħal f’dan il-każ, l-għażla u l-ħatra ta’ KKI intiża għall-implementazzjoni tal-Programm Qafas Orizzont 2020, huwa għandu jikkonforma ruħu, l-ewwel nett, mar-regoli ddefiniti fir-Regolament Nru 294/2008, sussegwentement, mar-regoli ta’ parteċipazzjoni għall-Programm Qafas Orizzont 2020 u, fl-aħħar nett, mar-Regolament Nru 1605/2002 u mar-Regolament Delegat.

53      Wara dan, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 294/2008, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għal dan il-każ, “[L]-EIT [għandu jkollu] Bord tat-Tmexxija magħmul minn membri ta’ livell għoli b’esperjenza fl-edukazzjoni għolja, ir-riċerka, l-innovazzjoni u n-negozju [u] għandu jkun responsabbli għat-tmexxija tal-attivitajiet tal-EIT, għall-għażla, in-nomina u l-evalwazzjoni tal-KICs [KKI], u għad-deċiżjonijiet strateġiċi l-oħrajn kollha”. L-Artikolu 5 tal-istess regolament jipprevedi li, “[s]abiex jikseb l-objettiv tiegħu, l-EIT għandu […] jagħżel u jinnomina KKI”. Skont l-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament, “[S]ħubija għandha tiġi magħżula u nominata mill-EIT biex issir KKI abbażi ta’ proċedura kompetittiva, miftuħa u trasparenti [u] għandhom jiġu adottati u pubblikati mill-EIT kriterji dettaljati għall-għażla tal-KKI abbażi tal-prinċipji ta’ eċċellenza u ta’ rilevanza fir-rigward ta’ l-innovazzjoni”. Dan l-artikolu jispeċifika wkoll li “fil-proċess ta’ għażla għandhom ikunu involuti esperti esterni u indipendenti”.

54      Fl-aħħar nett, l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1290/2013 jipprevedi li “l-proposti ppreżentati għandhom jiġu evalwati abbażi [ta’ diversi] kriterji tal-għoti[, jiġifieri l-]eċċellenza[, l-]impatt [u l-]kwalità u [1-]effiċjenza tal-implimentazzjoni”, li “l-proposti għandhom jiġu klassifikati skont ir-riżultati tal-evalwazzjoni”, li l-“għażla għandha ssir abbażi ta’ dik il-klassifikazzjoni” u li l-“evalwazzjoni għandha titwettaq minn esperti indipendenti”. L-Artikolu 40 tal-istess regolament jipprevedi wkoll li l-“Kummissjoni u, fejn adatt, korpi ta’ finanzjament jistgħu jaħtru esperti indipendenti biex jevalwaw proposti f’konformità mal-Artikolu 15 jew biex jagħtu pariri dwar jew jassistu […] fl-evalwazzjoni tal-proposti […]”.

55      Mid-dispożizzjonijiet kollha mfakkra fil-punti 53 u 54 iktar ’il fuq jirriżulta li, minn naħa, l-għażla u l-ħatra tal-KKI jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Bord tat-Tmexxija u li, min-naħa l-oħra, esperti indipendenti għandhom jipparteċipaw fil-proċedura ta’ għażla billi jevalwaw il-proposti, sabiex iwettqu l-klassifikazzjoni tagħhom. Il-Bord tat-Tmexxija jwettaq l-għażla tal-KKI abbażi ta’ din il-klassifikazzjoni.

56      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza jirriżulta li, anki meta l-EIT jitlob l-għajnuna ta’ esperti esterni, huwa ma huwiex eżentat milli jevalwa xogħlijiethom (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2009, Zenab vs Il-Kummissjoni, T-33/06, mhux ippubblikata, EU:T:2009:250, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      Il-fondatezza ta’ kull waħda mill-partijiet tal-ewwel motiv għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet u tal-prinċipji mfakkra fil-punti 51 sa 56 iktar ’il fuq.

 Fuq l-ewwel parti

58      Għandu, l-ewwel nett, jiġi osservat li d-deċiżjonijiet ikkontestati ġew adottati fil-kuntest tal-proċedura ta’ għażla tal-KKI “Innovazzjoni għal ħajja b’saħħitha u tixjiħ attiv”, kif iddefinita fis-sejħa għal proposti adottata mill-EIT. Skont l-indikazzjonijiet tal-punt 7 ta’ din is-sejħa, li huwa paċifiku li ġew osservati kemm mill-esperti indipendenti kif ukoll mill-EIT, il-proposti eleġibbli kellhom jiġu evalwati minn esperti esterni indipendenti ta’ livell għoli. Kull proposta ġiet għalhekk eżaminata minn ħames esperti, jiġifieri tliet esperti tematiċi u żewġ esperti msejħa “orizzontali”, li kull wieħed minnhom kellu jfassal rapport ta’ evalwazzjoni għal kull proposta. Il-bord ta’ esperti kellu sussegwentement ifassal rapport ta’ evalwazzjoni kkonsolidat għal kull proposta. Wara dan, l-aħjar tliet proposti fil-klassifikazzjoni ġew evalwati mit-tieni bord ta’ esperti indipendenti ta’ livell għoli inkarigati li jistabbilixxu rakkomandazzjoni finali li tinkludi ħarsa ġenerali tat-tliet proposti kif ukoll rakkomandazzjonijiet dwar kif dawn jistgħu jittejbu jew jissaħħu. Fl-aħħar nett, ir-rappreżentanti tat-tliet proposti li jirċievu l-aħjar marka kellhom jiġu intervistati mill-Bord tat-Tmexxija qabel ma dan tal-aħħar jaħtar il-KKI magħżula.

59      Minn dak li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li l-esperti indipendenti seimpliċement evalwaw il-proposti trażmessi mingħajr ma adottaw xi deċiżjoni formali ta’ eliminazzjoni tal-offerti li ġew ikklassifikati taħt it-tielet livell. Bil-kontra ta’ dak li jallegaw ir-rikorrenti, id-deċiżjoni formali li tiċħad il-proposta magħmula mill-konsorzju Kenup ittieħdet mill-Bord tat-Tmexxija fl-istess ħin li ġie deċiż li l-proposta identifikata bl-isem “InnoLife – Better, longer lives” tinħatar bħala l-KKI “Innovazzjoni għal ħajja b’saħħitha u tixjiħ attiv”.

60      B’konsegwenza ta’ dan, l-ewwel parti tal-motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti

61      Mill-proċess ta’ evalwazzjoni tal-proposti, kif deskritt fil-punt 58 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-bord ta’ esperti inkarigat mir-rakkomandazzjoni finali kellu jeżamina biss it-tliet proposti li rċevew l-aħjar marka wara l-evalwazzjoni tal-ewwel bord ta’ esperti. Barra minn hekk, il-Bord tat-Tmexxija kellu jintervista biss ir-rappreżentanti ta’ dawn it-tliet proposti. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li s-sejħa għal proposti kienet tindika b’mod ċar li l-KKI kienet ser tingħażel mill-EIT abbażi, l-ewwel nett, tar-rapporti ta’ evalwazzjoni kkonsolidati relatati mal-aħjar tliet proposti, kif stabbiliti mill-bord ta’ esperti, it-tieni nett, tar-rapport stabbilit mill-bord inkarigat mir-rakkomandazzjoni finali kif ukoll, it-tielet nett, tar-riżultat tal-intervisti. Għalhekk, l-EIT kellu jwettaq l-għażla tiegħu biss fid-dawl tax-xogħlijiet imwettqa mill-esperti indipendenti fuq it-tliet proposti li rċevew l-aħjar marka u fid-dawl tar-riżultat tal-intervisti mar-rappreżentanti ta’ dawn tal-aħħar.

62      F’dan ir-rigward, mill-atti tal-proċess jirriżulta li l-membri tal-Bord tat-Tmexxija kellhom għad-dispożizzjoni tagħhom, peremezz ta’ sit internet protett, il-proposti kollha ppreżentati abbażi tal-KKI “Innovazzjoni għal ħajja b’saħħitha u tixjiħ attiv”, fosthom il-proposta tal-konsorzju Kenup. Barra minn hekk, qabel l-intervisti, id-Direttur tal-EIT kien fakkar lill-Bord tat-Tmexxija d-diversi stadji tal-proċedura ta’ evalwazzjoni, inklużi d-diversi marki assenjati globalment u għal kull subkriterju lill-ħames proposti magħmula. Min-naħa l-oħra, ebda analiżi tal-proposta tal-konsorzju Kenup imwettqa mill-esperti indipendenti ma kienet ġiet trażmessa lill-membri tal-Bord tat-Tmexxija. Fil-fatt, l-Anness 1 tan-nota ta’ informazzjoni tal-1 ta’ Diċembru 2014 stabbilita mid-Direttur tal-EIT u intiża għall-membri tal-Bord tat-Tmexxija, li ġiet prodotta mill-EIT fuq talba tal-Qorti Ġenerali, kien jinkludi biss sunt tar-rapporti ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-bord ta’ esperti li kienu jirrigwardaw biss il-proposti magħżula għall-fażi tal-intervisti. Barra minn hekk, mill-proċedura ta’ sejħa għal proposti ma jirriżultax li, u lanqas ma huwa sostnut, membri tal-Bord tat-Tmexxija kienu assistew għal-laqgħat ta’ xogħol tal-esperti.

63      Ċertament, kif isostni l-EIT fir-risposta tiegħu, il-membri tal-Bord tat-Tmexxija kienu ħielsa li jagħmlu mistoqsijiet u li jitolbu informazzjoni addizzjonali dwar il-proposti kollha u dwar l-evalwazzjoni tagħhom mill-esperti. Madankollu, kif ġie espost fil-punt 62 iktar ’il fuq, il-membri tal-Bord tat-Tmexxija ma kellhomx l-evalwazzjonijiet jew sunt tal-evalwazzjonijiet magħmula mill-bord ta’ esperti fir-rigward taż-żewġ proposti mhux magħżula għall-fażi tal-intervisti.

64      F’kull każ, l-eventwali inizjattivi tal-Bord tat-Tmexxija ma setgħux jikkonfutaw il-fatt li kienu biss it-tliet proposti mogħtija l-aħjar marka mill-esperti li setgħu jinħatru bħala KKI “Innovazzjoni għal ħajja b’saħħitha u tixjiħ attiv”. Fil-fatt, il-proċedura stabbilita mis-sejħa għal proposti kienet tipprekludi lill-Bord tat-Tmexxija kemm milli jagħżel il-proposta tal-konsorzju Kenup kif ukoll milli jistieden lir-rappreżentanti ta’ dan il-konsorzju jipparteċipaw għall-intervisti, ladarba l-esperti indipendenti kienu kklassifkaw din il-proposta fir-raba’ pożizzjoni. Din il-konklużjoni hija kkonfermata minn kliem tal-ittra tal-10 ta’ Diċembru 2014, li informat lill-koordinatur tal-konsorzju Kenup biċ-ċaħda tal-proposta tiegħu, li bla dubju jorbot din iċ-ċaħda mal-fatt li l-proposta tal-konsorzju ma ġietx ikklassifikata fl-ewwel tliet pożizzjonijiet. Dwar dan il-punt, jista’ jiġi osservat, hekk kif jagħmlu r-rikorrenti, li, fir-risposta tiegħu għat-talba tagħhom għal informazzjoni addizzjonali, l-EIT kien indika li l-esperti kienu ngħataw, mis-sejħa għal proposti, delega ta’ kompetenza sabiex iwettqu l-preselezzjoni tal-proposti.

65      Għaldaqstant, skont il-proċedura ddefinita fis-sejħa għal proposti, il-Bord tat-Tmexxija seta’ biss, wara l-intervisti, jibdel il-klassifikazzjoni tal-aħjar tliet proposti stabbilita mill-esperti, kif barra minn hekk jindika l-EIT fil-punt 63 tar-risposta tiegħu. Issa, iċ-ċirkustanza li, skont l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1290/2013, l-għażla tal-KKI ssir abbażi tal-klassifikazzjoni tal-proposti, skont l-evalwazzjoni mwettqa mill-esperti indipendenti, ma tistax timplika li l-EIT huwa marbut, anki parzjalment, fir-rigward tal-ordni tal-proposti hekk deċiż.

66      F’dan ir-rigward, il-fatt li l-membri tal-konsorzju Kenup ma kkontestawx it-termini tas-sejħa għal proposti qabel l-għeluq ta’ din is-sejħa ma jistax iċaħħadhom mill-possibbiltà li jinvokaw, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, l-irregolarità tal-proċedura ta’ għażla ddefinita minn din is-sejħa għal proposti. Dwar dan il-punt, jista’ jitfakkar li dokument ta’ sejħa għal offerti, bħalma hija, f’dan il-każ, is-sejħa għal proposti, ma huwiex att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament abbażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Għalhekk, id-deċiżjonijiet ikkontestati kienu l-ewwel atti kontestabbli mir-rikorrenti u, għaldaqstant, l-ewwel atti li kienu jawtorizzawhom jikkontestaw inċidentalment il-legalità tal-proċedura ta’ għażla tal-KKI stabbilita mill-EIT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2011, Evropaïki Dynamiki vs BEI, T-461/08, EU:T:2011:494, punti 73 u 74 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, l-EIT ma jistax jinvoka utilment li l-esklużjoni tal-konsorzju Kenup tirriżulta mill-aplikazzjoni stretta tal-proċedura ta’ sejħa għal proposti ddefinita mill-Bord tat-Tmexxija.

67      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrenti huma fondati li jsostnu li l-Bord tat-Tmexxija ma eżerċitax b’mod sħiħ il-kompetenzi ta’ għażla tal-proposti, bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 294/2008, sa fejn parti minn dawn il-kompetenzi ġiet iddelegata lil esperti mingħajr ma kien hemm il-possibbiltà li dan il-bord ikun jista’, f’xi mument, jagħmel evalwazzjoni utli tax-xogħlijiet li dawn l-esperti għamlu fir-rigward tal-proposti mhux ikklassifikati fost l-ewwel tlieta.

68      Iċ-ċirkustanza li l-Bord tat-Tmexxija adotta t-test tas-sejħa għal proposti, il-kriterji ta’ għażla tal-KKI kif ukoll il-kriterji ta’ għażla tal-esperti inkarigati mill-evalwazzjoni tal-proposti u li huwa segwa l-proċedura kollha li wasslet għall-għażla tagħhom ma tistax tikkonfuta din il-konstatazzjoni.

69      Minn dan isegwi li l-ewwel motiv, fil-kuntest tat-tieni parti tiegħu, għandu jiġi milqugħ u li, għal din ir-raġuni, għandhom jiġu annullati kemm id-deċiżjoni li permezz tagħha l-EIT ċaħad il-proposta tal-konsorzju Kenup kif ukoll id-deċiżjoni, marbuta strettament magħha, li permezz tagħha huwa ħatar il-proposta identifikata bl-isem “InnoLife – Better, longer lives”, mingħajr ma jkun meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar id-disa’ motivi l-oħra tar-rikors, b’mod partikolari dwar il-motiv ibbażat fuq l-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi f’dak li jirrigwarda l-membri tal-Bord tat-Tmexxija, b’mod partikolari dwar il-kwistjoni ta’ jekk l-EIT ħax il-miżuri diliġenti kollha meħtieġa sabiex jiżgura l-eżerċizzju imparzjali u oġġettiv tal-funzjonijiet tal-imsemmija membri, sa fejn, barra minn hekk, minn naħa, ir-rekwiżit ta’ imparzjalità jkopri mhux biss l-imparzjalità suġġettiva iżda wkoll l-imparzjalità oġġettiva, ta’ dawn tal-aħħar, fis-sens li l-korp jew l-organu tal-Unjoni għandu joffri garanziji suffiċjenti sabiex jiġi eskluż kull dubju leġittimu f’dan ir-rigward (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il-Kummissjoni, C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punt 155), u sa fejn, min-naħa l-oħra, tali kontroll għandu jitwettaq indipendentement minn kull evalwazzjoni dwar il-livell ta’ esperjenza tagħhom.

[omissis]

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjonijiet tad-9 ta’ Diċembru 2014, li s-sens tagħhom ġie kkomunikat b’ittra tal-10 ta’ Diċembru 2014, li permezz tagħhom l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) ħatar il-Komunità ta’ Konoxxenza u Innovazzjoni (KKI) “Innovazzjoni għal ħajja b’saħħitha u tixjiħ attiv” u ċaħad il-proposta magħmula mill-konsorzju Kenup, huma annullati.

2)      L-EIT għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti minn Kenup Foundation, Candena GmbH, CO BIK Center odličnosti za biosenzoriko, instrumentacijo in procesno kontrolo u minn Evotec AG.

Tomljenović

Marcoulli

Kornezov

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-14 ta’ Diċembru 2017.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż


1      Qed jiġu rriprodotti biss dawk il-punti tas-sentenza li l-Qorti Ġenrali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.