Language of document : ECLI:EU:T:2015:504

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

15 ta’ Lulju 2015 (*)

“Kompetizzjoni — Akkordji — Swieq Ewropej tal-istabbilizzaturi tas-sħana — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE — Ksur imwettaq minn sussidjarji — Multi — Responsabbiltà in solidum tas-sussidjarji u tal-kumpannija parent — Qbiż tal-limitu ta’ 10 % għal waħda mis-sussidjarji — Deċiżjoni ta’ adozzjoni mill-ġdid — Tnaqqis tal-ammont tal-multa għal din is-sussidjarja — Imputazzjoni tal-obbligu ta’ ħlas tal-ammont imnaqqas tal-multa lis-sussidjarja l-oħra u lill-kumpannija parent — Drittijiet tad-difiża — Dritt ta’ smigħ — Dritt ta’ aċċess għall-fajl”

Fil-Kawża T‑189/10,

GEA Group AG, stabbilita f’Düsseldorf (il-Ġermanja), irrappreżentata minn A. Kallmayer, I. Du Mont u G. Schiffers, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn R. Sauer u F. Ronkes Agerbeek, bħala aġenti, assistiti minn W. Berg, avukat,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 727, tat-8 ta’ Frar 2010, li emendat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 8682 finali, tal-11 ta’ Novembru 2009, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38589 – Stabbilizzaturi tas-sħana), jew, sussidjarjament, talba għat-tnaqqis tal-ammont tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Prek, President, I. Labucka (Relatur) u V. Kreuschitz, Imħallfin,

Reġistratur: J. Weychert, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-24 ta’ Settembru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Din il-kawża tikkonċerna d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 727, tat-8 ta’ Frar 2010 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li emendat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 8682 finali, tal-11 ta’ Novembru 2009, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38589 – Stabbilizzaturi tas-sħana) (iktar ’il quddiem l-“ewwel deċiżjoni”). L-ewwel deċiżjoni ġiet ikkontestata minn GEA Group AG, ir-rikorrenti, fil-Kawża T‑45/10, GEA Group vs Il-Kummissjoni.

[omissis]

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

23      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ April 2010, ir-rikorrenti ppreżentat kawża kontra d-deċiżjoni kkontestata.

[omissis]

55      F’din il-kawża, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn ġiet imposta fuqha multa;

–        sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuqha fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

56      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

57      F’dan l-istess jum, fis-sentenza GEA Group vs Il-Kummissjoni (T‑45/10), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors kontra l-ewwel deċiżjoni.

 Id-dritt

58      Permezz ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali, prinċipalment, tannulla d-deċiżjoni kkontestata u, sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuqha.

59      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

60      Fl-ambitu tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet ta’ difiża tagħha, sa fejn, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, hija la nstemgħet u lanqas ma ngħatat aċċess għall-fajl u li l-Kummissjoni kisret, fil-konfront tagħha, l-obbligu ta’ newtralità impost fuqha.

[omissis]

67      Għall-finijiet ta’ evalwazzjoni tal-ewwel motiv tar-rikors, għandu, b’mod preliminari, jitfakkar li d-dritt ta’ smigħ, li huwa komponent essenzjali tad-drittijiet tad-difiża, jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea li għandu jiġi osservat f’kull proċedura, anki ta’ natura amministrattiva, li tista’ twassal għal sanzjonijiet, speċifikament għal multi, u li dan il-prinċipju jimplika partikolarment li l-impriża kkonċernata tkun tqiegħdet f’pożizzjoni, matul il-proċedura amministrattiva, li tikkomunika b’mod effettiv il-perspettiva tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Frar 1979, Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, 85/76, Ġabra, EU:C:1979:36, punt 9; tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, EU:C:1983:158; u tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punti 64 sa 66).

68      Għandu jitfakkar ukoll li d-dritt ta’ aċċess għall-fajl, korollarju tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża, jimplika, ukoll, li l-Kummissjoni għandha tagħti lill-impriża kkonċernata l-possibbiltà li tagħmel eżami tad-dokumenti kollha li jkunu jinsabu fil-fajl tal-istruttorja li jistgħu jkunu rilevanti għad-difiża tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ Ottubru 2003, Corus UK vs Il-Kummissjoni, C‑199/99 P, Ġabra, EU:C:2003:531, punti 125 sa 128; Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 67 iktar ’il fuq, EU:C:2004:6, punt 68; u tad-29 ta’ Ġunju 1995, Solvay vs Il-Kummissjoni, T‑30/91, Ġabra, EU:T:1995:115, punt 81).

69      L-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jirrifletti dan il-prinċipju inkwantu jipprevedi li tintbagħat lill-partijiet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li għandha tipprovdi, b’mod ċar, l-elementi essenzjali kollha li fuqhom il-Kummissjoni tkun qiegħda tibbaża ruħha f’dak l-istadju tal-proċedura sabiex il-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jieħdu, b’mod effettiv, konjizzjoni tal-aġir imputat lilhom mill-Kummissjoni, kif ukoll ta’ provi li hija jkollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra, EU:C:2002:582, punti 315 u 316, u Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 66 iktar ’il fuq, EU:C:2004:6, punti 66 u 67).

70      Barra minn hekk, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jirrikjedi, b’mod partikolari, li l-impriża suġġetta għal investigazzjoni tkun tpoġġiet fil-pożizzjoni, matul il-proċedura amministrattiva, li tikkomunika, b’mod effettiv, il-perspettiva tagħha dwar il-verità u r-rilevanza tal-fatti allegati kif ukoll dwar id-dokumenti użati mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ ksur tat-Trattat (sentenzi Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 67 iktar ’il fuq, EU:C:1983:158, punt 10; tal-25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il-Kummissjoni, C‑407/04 P, Ġabra, EU:C:2007:53, punt 44; u tal-10 ta’ Mejju 2007, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, C‑328/05 P, Ġabra, EU:C:2007:277, punt 71).

71      Issa, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti la nstemgħet u lanqas ma ngħatat aċċess għall-fajl.

72      Għalhekk, hemm lok li d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata, sa fejn ir-rikorrenti wriet b’mod suffiċjenti mhux li, fin-nuqqas ta’ dawn l-irregolaritajiet proċedurali, jiġifieri li kieku hija nstemgħet u li kieku hija ngħatat aċċess għall-fajl, id-deċiżjoni kkontestata kien ikollha kontenut differenti, iżda li, fl-assenza ta’ dawn l-irregolaritajiet, hija kienet tkun tista’ tiżgura aħjar id-difiża tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2013, Fluorsid u Minmet vs Il-Kummissjoni, T‑404/08, Ġabra, EU:T:2013:321, punt 110 u l-ġurisprudenza ċċitata), filwaqt li huwa speċifikat li, għal dan l-għan, wieħed għandu jqiegħed lilu nnifsu fl-istadju tal-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri qabel id-data ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri t-8 ta’ Frar 2010 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2006, Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, T‑329/01, Ġabra, EU:T:2006:268, punt 377).

73      Fl-ewwel lok, f’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, fl-istadju tal-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, setgħet tiġi argumentata l-kwistjoni dwar liema kienu l-obbligi tal-Kummissjoni fir-rigward tar-relazzjonijiet ta’ solidarjetà bejn il-kumpanniji kodebituri in solidum, sa fejn dawn kienu kkostitwixxew l-istess impriża, fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE.

74      Fil-fatt, huwa biss b’sentenza tat-3 ta’ Marzu 2011, jiġifieri iktar minn sena wara d-data ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li hija biss il-Kummissjoni li, fl-ambitu tal-eżerċizzju tal-kompetenza tagħha li timponi multi, skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, għandha tiddetermina l-parti mill-kwota rispettiva tad-diversi kumpanniji fl-ammonti li għalihom huma ġew ikkundannati in solidum, sa fejn huma kienu jifformaw parti mill-istess impriża, u li dan il-kompitu ma setax jitħalla għall-qrati nazzjonali (sentenza tat-3 ta’ Marzu 2011, Siemens u VA Tech Transmission & Distribution vs Il-Kummissjoni, T‑122/07 sa T‑124/07, Ġabra, EU:T:2011:70, punt 157).

75      Din il-kwistjoni setgħet iktar u iktar tiġi argumentata fl-istadju tal-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata inkwantu s-sentenza Siemens u VA Tech Transmission & Distribution vs Il-Kummissjoni, punt 74 iktar ’il fuq (EU:T:2011:70), ġiet annullata mill-Qorti tal-Ġustizzja, peress li din iddeċidiet li l-qsim tal-multa bejn kodebituri in solidum kien jaqa’ biss taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali (sentenza Siemens, punt 41 iktar ’il fuq, EU:C:2014:256, punt 62).

76      B’hekk, ir-rikorrenti setgħet, matul il-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u, għaldaqstant, qabel ma ngħatat is-sentenza Siemens, punt 41 iktar ’il fuq (EU:C:2014:256), tikkontesta l-fatt li hija ma bbenefikatx mit-tnaqqis tal-ammont tal-multa ta’ ACW li magħha hija ġiet ikkundannata in solidum għall-ksur imwettaq minn din tal-aħħar peress li, fil-mument tal-ksur, huma kienu jikkostitwixxu impriża, fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE.

[omissis]

78      Fit-tieni lok u sussidjarjament, għandu jiġi rrilevat li, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-multa imposta fuq ir-rikorrenti tilħaq ammont ikbar minn dak tal-multa imposta fuq is-sussidjarji tagħha, meta r-responsabbiltà tagħha hija kompletament imnissla mir-responsabbiltà tagħhom.

79      Fil-fatt, skont l-ewwel deċiżjoni, l-ammont totali tal-multa li bih kienet marbuta r-rikorrenti kien jilħaq EUR 3 346 200 u dak, akkumulat, tas-sussidjarji tagħha EUR 5 278 171 (EUR 1 913 971 għal CPA u EUR 3 346 200.00 għal ACW), filwaqt li, skont id-deċiżjoni kkontestata, dawn l-ammonti huma EUR 3 346 200 u EUR 3 000 100 (EUR 1 913 971 għal CPA u EUR 1 086 129 għal ACW), rispettivament.

80      Issa, fl-istadju tal-proċedura amministrattiva li wasslet għad-deċiżjoni kkontestata, setgħet tiġi argumentata l-kwistjoni ta’ jekk kumpannija parent setgħetx, għall-aġir ta’ ksur tas-sussidjarja tagħha, tingħata multa f’ammont ikbar minn dak tal-multa tas-sussidjarja tagħha meta r-responsabbiltà ta’ din il-kumpannija parent kienet kompletament imnissla minn dik tas-sussidjarja tagħha.

81      Din il-kwistjoni setgħet iktar u iktar tiġi argumentata peress li, l-ewwel nett, ġie deċiż, wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li, ladarba r-responsabbiltà ta’ kumpanniji parent, għall-ksur imwettaq, kienet kompletament imnissla minn dik ta’ sussidjarja li sussegwentement appartjeniet lilhom, is-somma totali tal-ammonti li għalihom il-kumpanniji parent ġew ikkundannati ma setgħetx teċċedi l-ammont li għalih is-sussidjarja kienet ikkundannata (sentenzi Areva, punt 42 iktar ’il fuq, EU:C:2014:257, punti 137 u 138, u tal-24 ta’ Marzu 2011, Tomkins vs Il-Kummissjoni, T‑382/06, Ġabra, EU:T:2011:112, punt 57).

82      It-tieni nett, wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti tal-Ġustizzja twasslet ukoll sabiex tikkunsidra li, fir-rigward tal-ħlas ta’ multa imposta għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, ir-relazzjoni ta’ solidarjetà eżistenti bejn iż-żewġ kumpanniji li jikkostitwixxu entità ekonomika ma setgħetx tiġi redotta għal forma ta’ kawzjoni mogħtija mill-kumpannija parent sabiex tiggarantixxi l-ħlas tal-multa imposta fuq is-sussidjarja u li argumentazzjoni fis-sens li din il-kumpannija parent ma setgħetx tiġi kkundannata għall-ħlas ta’ multa ta’ ammont ikbar minn dak tal-multa imposta fuq is-sussidjarja tagħha kienet għalhekk mingħajr bażi (sentenzi tas-26 ta’ Novembru 2013, Kendrion vs Il-Kummissjoni, C‑50/12 P, Ġabra, EU:C:2013:771, punt 58, u tad-19 ta’ Ġunju 2014, FLS Plast vs Il-Kummissjoni, C‑243/12 P, Ġabra, EU:C:2014:2006, punt 107).

83      B’hekk, ir-rikorrenti setgħet tikkontesta, fl-istadju tal-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-ammont tal-multa intiża għaliha b’paragun mal-ammonti tal-multi imposti fuq is-sussidjarji tagħha għall-aġir ta’ ksur ta’ dawn tal-aħħar.

[omissis]

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 727, tat-8 ta’ Frar 2010, li emendat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 8682 finali, tal-11 ta’ Novembru 2009, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38589 – Stabbilizzaturi tas-sħana), hija annullata sa fejn din tikkonċerna lil GEA Group AG.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-15 ta’ Lulju 2015.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.


1 – Qed jiġu rriprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis utli għall-pubblikazzjoni.