Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Polonja) fl-14 ta’ Ġunju 2021 – Hewlett Packard Development Company LP vs Senetic Spółka Akcyjna

(Kawża C-367/21)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Sąd Okręgowy w Warszawie

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Hewlett Packard Development Company LP

Konvenut: Senetic Spółka Akcyjna

Domandi preliminari

1)    It-tieni sentenza tal-Artikolu 36 TFUE moqrija flimkien mal-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea 1 , kif ukoll mat-tieni sentenza tal-Artikolu 19(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu prassi tal-qrati nazzjonali tal-Istati Membri li skontha l-qrati:

- meta jieħdu inkunsiderazzjoni pretensjonijiet tad-detentur ta’ trade mark intiżi sabiex jiġu pprojbiti l-importazzjoni, l-esportazzjoni, ir-reklamar tal-prodotti li jġorru trade mark tal-Unjoni jew sabiex jiġi ordnat l-irtirar ta’ tali prodotti mis-suq,

- meta jordnaw, fi proċeduri kawtelatorji, il-qbid tal-prodotti li jġorru trade mark tal-Unjoni;

fid-deċiżjonijiet tagħhom jagħmlu riferiment għal “oġġetti li ma tqegħdux fis-suq fit-territorju taż-Żona Ekonomika Ewropea mid-detentur tat-trade mark jew bil-kunsens tiegħu”, u konsegwentement id-determinazzjoni ta’ liema oġġetti li jġorru trade mark tal-Unjoni huma kkonċernati mill-ordnijiet u mill-projbizzjonijiet imposti (jiġifieri d-determinazzjoni ta’ liema oġġetti ma tqegħidux fis-suq fit-territorju taż-Żona Ekonomika Ewropea mid-detentur tat-trade mark jew bil-kunsens tiegħu) titħalla, fid-dawl tal-formulazzjoni ġenerali tal-kontenut tad-deċiżjoni, f’idejn l-awtorità li teżegwixxi, liema awtorità, meta twettaq id-determinazzjoni msemmija, tibbaża ruħha fuq id-dikjarazzjonijiet tad-detentur tat-trade mark jew fuq il-mezzi pprovduti mid-detentur (fosthom mezzi informatiċi u databases), u l-ammissibbiltà tal-kontestazzjoni tad-determinazzjonijiet hawn fuq imsemmija, tal-awtorità li teżegwixxi, quddiem il-qorti fi proċeduri ta’ eżami hija eskluża jew limitata min-natura tar-rimedji legali disponibbli għall-konvenut fi proċedura kawtelatorja jew ta’ eżekuzzjoni?

2)    L-Artikoli 34, 35 u 36 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li jeskludu l-possibbiltà li d-detentur tar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja (attwalment tal-Unjoni) jinvoka l-protezzjoni prevista fl-Artikolu 9 u fl-Artikolu 102 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1) (attwalment l-Artikolu 9 u l-Artikolu 130 tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) Nru 2017/1001 tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea), fil-każ fejn:

    - id-detentur ta’ reġistrazzjoni Komunitarja (trade mark tal-Unjoni) iwettaq, fi ħdan iż-Żona Ekonomika Ewropea u lil hinn minnha, id-distribuzzjoni ta’ prodotti li jġorru din it-trade mark b’tali mod li hija titwettaq minn distributuri awtorizzati li jistgħu sussegwentement ibigħu il-prodotti li jġorru t-trade mark, lil persuni li ma jkunux ir-riċevituri finali ta’ tali prodotti biss jekk dawn jagħmlu parti min-network uffiċjali ta’ distribuzzjoni, u fl-istess waqt id-distributuri awtorizzati huma obbligati jakkwistaw il-prodotti esklużivament mingħand distributuri awtorizzati oħra jew mingħand id-detentur tat-trade mark;

    - il-prodotti li jġorru t-trade mark ma fihom ebda marka jew fatturi distintivi oħra li jkunu jistgħu jippermettu li jiġi ddeterminat il-post tat-tqegħid tagħhom fis-suq mid-detentur tat-trade mark jew bil-kunsens tiegħu;

    - il-konvenut akkwista l-prodotti li jġorru t-trade mark fit-territorju taż-Żona Ekonomika Ewropea;

    - il-konvenut irċieva dikjarazzjonijiet mingħand il-bejjiegħa tal-prodotti li jġorru t-trade mark li, skont id-dispożizzjonijiet tal-liġi, dawn il-prodotti jistgħu jkunu kkummerċjalizzati fit-territorju taż-Żona Ekonomika Ewropea;

    - id-detentur tar-reġistrazzjoni tat-trade mark tal-Unjoni ma jipprovdi ebda mezz informatiku (jew mezzi oħra) u lanqas ma juża sistema ta’ mmarkar li tippermetti lil xerrej potenzjali tal-prodott li jġorr trade mark li jwettaq verifika indipendenti tal-legalità tal-kummerċ ta’ tali prodotti fit-territorju taż-Żona Ekonomika Ewropea qabel ma jakkwista l-prodott, u jirrifjuta li jwettaq tali verifika fuq talba tax-xerrej?

____________

1 ĠU 2017, L 154, p. 1.