Language of document : ECLI:EU:C:2022:650

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit‑8 ta’ Settembru 2022 (1)

Kawża C162/21

Pesticide Action Network Europe et

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju))

“Agrikoltura – Suq intern – Protezzjoni tas-saħħa – Regolament (KE) Nru 1107/2009 – Prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti – Neonikotinojdi – Protezzjoni tan-naħal – Sustanzi attivi li l-użu tagħhom ġie pprojbit mill-Kummissjoni Ewropea għal ċerti applikazzjonijiet – Artikolu 53 – Awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq mill-Istat Membru għal użu limitat u kkontrollat minħabba perikolu li ma jistax jiġi mrażżan permezz ta’ kwalunkwe mezz raġonevoli ieħor – Proporzjonalità – Każijiet eċċezzjonali”






I.      Introduzzjoni

1.        L-użu tal-prodotti msejħa “neonikotinojdi” fi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti ġie indirizzat diversi drabi mill-Qorti tal-Ġustizzja. Dawn is-sustanzi huma, minn naħa, partikolarment adatti għal ċerti applikazzjonijiet u, min-naħa l-oħra, hemm raġunijiet biex wieħed jassumi li huma partikolarment ta’ ħsara għan-naħal. Għalhekk, qabelxejn, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat projbizzjoni nazzjonali ta’ dawn is-sustanzi attivi (2) u, sussegwentement, tar-restrizzjonijiet sinjifikattivi għall-użu tagħhom mill-Kummissjoni (3). Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari għandu bħala għan li jiġi stabbilit, għall-ewwel darba, sa fejn Stat Membru jista’ madankollu jidderoga minn dawn ir-restrizzjonijiet permezz tal-hekk imsejħa awtorizzazzjoni ta’ emerġenza, sabiex jiġi evitat perikolu għal ċerti għelejjel agrikoli li jirriżulta mill-użu tan-neonikotinojdi.

2.        Il-bażi legali għal tali awtorizzazzjoni ta’ emerġenza hija l-Artikolu 53(1) tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti (4). Din id-dispożizzjoni teżiġi eżami tal-proporzjonalità, b’tali mod li jista’ jkun neċessarju li jiġu bbilanċjati r-riskji tal-użu ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti u l-vantaġġi tiegħu, u dan jikkostitwixxi s-suġġett ta’ waħda mid-domandi preliminari. Id-domandi l-oħra jirrigwardaw il-possibbiltà li żrieragħ jiġu ttrattati bil-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti, jitqiegħdu fis-suq u jinżergħu, il-possibbiltà li ssir deroga mir-restrizzjonijiet espressament stabbiliti mill-Kummissjoni fl-awtorizzazzjoni ta’ sustanza attiva kif ukoll il-kwalità neċessarja tal-perikolu li l-awtorizzazzjoni ta’ emerġenza hija intiża li trażżan. Ir-risposti għal dawn id-domandi jispeċifikaw li l-ibbilanċjar għandu josserva ċerti limiti.

II.    Ilkuntest ġuridiku

3.        Il-premessa 8 tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti tiddeskrivi l-għanijiet fundamentali tal-leġiżlazzjoni:

“L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jassigura livell għoli ta’ protezzjoni kemm tas-saħħa tal-bniedem kif ukoll dik tal-annimali u tal-ambjent u fl-istess ħin li jissalvagwardja l-kompetittività tal-agrikoltura Komunitarja. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-protezzjoni ta’ gruppi vulnerabbli tal-popolazzjoni, inklużi nisa’ tqal, trabi u tfal. Għandu jkun applikat il-prinċipju ta’ prekawzjoni u dan ir-Regolament għandu jassigura li l-industrija turi li s-sustanzi jew il-prodotti maħduma jew imqiegħda fis-suq ma jkollhomx effett negattiv fuq is-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew kwalunkwe effett inaċċettabbli fuq l-ambjent.”

4.        Il-premessa 24 tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti tiddeskrivi l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti fit-termini li ġejjin:

“Id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-awtorizzazzjoni għandhom jiżguraw standard għoli ta’ protezzjoni. B’mod partikolari, meta jingħataw l-awtorizzazzjonijiet għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, l-objettiv tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u tal-ambjent għandu jieħu prijorità fuq l-objettiv li titjieb il-produzzjoni tal-pjanti. Għalhekk, għandu jintwera, qabel ma l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jitqiegħdu fis-suq, li dawn joffru benefiċċju ċar għall-produzzjoni tal-pjanti u li m’għandhom ebda effett ta’ ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali, inkluż dik ta’ gruppi vulnerabbli, jew xi effetti inaċċettabbli fuq l-ambjent.”

5.        Il-premessa 32 tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti tippreċiża s-setgħat ta’ emerġenza li l-Istati Membri għandhom skont l-Artikolu 53 tiegħu:

“F’każijiet eċċezzjonali, l-Istati Membri għandhom jingħataw permess jawtorizzaw prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li ma jikkonformawx mal-kondizzjonijiet previsti f’dan ir-Regolament, fejn dan ikun meħtieġ minħabba periklu jew theddida għall-produzzjoni tal-pjanti jew għall-ekosistemi li ma tistax tiġi mrażżna bi kwalunkwe mezz raġonevoli ieħor. Tali awtorizzazzjonijiet temporanji għandhom ikunu riveduti fil-livell Komunitarju.”

6.        L-Artikolu 2(1) tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti jinkludi definizzjoni tat-terminu “prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti”:

“Dan ir-Regolament għandu japplika għall-prodotti, fil-forma li fiha jiġu forniti lill-utent, li jikkonsistu fi jew li fihom sustanzi attivi, aġenti protettivi jew sinerġisti, u li huma maħsuba għal wieħed mill-użi li ġejjin:

(a)      il-protezzjoni tal-pjanti jew tal-prodotti tal-pjanti mill-organiżmi li jagħmlu l-ħsara, jew il-prevenzjoni tal-azzjoni ta’ organiżmi bħal dawn, ħlief meta l-iskop prinċipali ta’ dawn il-prodotti jitqies li huwa għal raġunijiet ta’ iġjene pjuttost milli għall-protezzjoni tal-pjanti jew tal-prodotti tal-pjanti;

Dawn il-prodotti huma msejħa ‘prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti’.”

7.        Id-definizzjonijiet tat-termini ta’ “organiżmi li jagħmlu l-ħsara” u ta’ “ambjent” li jinsabu fl-Artikolu 3 tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti huma wkoll ta’ interess:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

[…]

7.      ‘organiżmi li jagħmlu ħsara’ tfisser kwalunkwe speċi, varjant jew bijotip li jappartjenu għar-renju tal-annimali jew tal-pjanti jew kwalunkwe aġent patoġeniku li jagħmel ħsara lill-pjanti jew lill-prodotti tal-pjanti;

[…]

13.      ‘ambjent’ tfisser ilmijiet (inklużi dawk tal-art, tal-wiċċ, dawk transitorji, tal-kosta u tal-baħar), sediment, ħamrija, arja, art, speċi slavaġ ta’ fawna u ta’ flora, u kwalunkwe interrelazzjoni bejniethom, kif ukoll kwalunkwe relazzjoni ma’ organiżmi ħajjin oħra”.

8.        L-approvazzjoni tas-sustanzi attivi hija rregolata fis-subtaqsimiet 1 u 2 tat-Taqsima 1 tal-Kapitolu II tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti (Artikoli 4 sa 13).

9.        L-Artikolu 4 tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti jinkludi l-kriterji għall-approvazzjoni. B’mod partikolari, skont l-Artikolu 4(2) u (3), l-effetti ta’ ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem u tal-annimali kif ukoll l-effetti inaċċettabbli fuq l-ambjent għandhom jiġu esklużi.

10.      L-Artikolu 4(7) tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti jippermetti, taħt ċerti kundizzjonijiet, li jiġu approvati sustanzi attivi li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ġenerali:

“B’deroga mill-paragrafu 1, fejn abbażi ta’ evidenza ddokumentata li tkun inkluża fl-applikazzjoni sustanza attiva tkun meħtieġa biex jiġi kkontrollat periklu serju għas-saħħa tal-pjanti li ma jkunx jista’ jinżamm b’mezzi disponibbli oħrajn, inklużi dawk mhux kimiċi, tali sustanza attiva tista’ tiġi approvata għal perijodu limitat li jkun meħtieġ biex jiġi kkontrollat dak il-periklu serju iżda li ma jaqbiżx il-ħames snin anke jekk ma tissodisfax il-kriterji mniżżlin fil-punti 3.6.3, 3.6.4, 3.6.5 jew 3.8.2 tal-Anness II, bil-kondizzjoni li l-użu tas-sustanza attiva jkun soġġett għal miżuri ta’ trażżin tar-riskju biex ikun żgurat li l-espożizzjoni tal-bnedmin u tal-ambjent tkun minimizzata. […]

[…]

L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom sustanzi attivi u li jkunu approvati b’konformità ma’ dan il-paragrafu biss meta jkun meħtieġ li jiġi kkontrollat dak il-periklu serju għas-saħħa tal-pjanti fit-territorju tagħhom.

Fl-istess waqt, l-Istati Membri għandhom iħejju pjan ta’ tneħħija gradwali li jikkontrolla l-periklu serju b’mezzi oħrajn, inklużi l-metodi mhux kimiċi, u għandhom jgħaddu dak il-pjan lill-Kummissjoni minnufih.”

11.      L-Artikolu 6 tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti jippermetti kundizzjonijiet u restrizzjonijiet tal-approvazzjoni:

“L-approvazzjoni tista’ tkun soġġetta għal kondizzjonjiiet u restrizzjonijiet li jinkludu:

[…]

(c)      ir-restrizzjonijiet li jirriżultaw mill-evalwazzjoni tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8 meta jitqiesu l-kondizzjonijiet agrikoli, tas-saħħa tal-pjanti u ambjentali, inklużi dawk klimatiċi, ikkonċernati;

[…]

(e)      il-mod u l-kondizzjonijiet tal-applikazzjoni;

[…]

(h)      l-għażla ta’ żoni fejn l-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, inklużi l-prodotti li jittrattaw il-ħamrija, li fihom is-sustanza attiva tista’ ma tkunx awtorizzata jew fejn l-użu jista’ jiġi awtorizzat taħt kondizzjonijiet speċifiċi;

[…]

(j)      kwalunkwe kondizzjoni partikolari oħra li tirriżulta mill-evalwazzjoni tal-informazzjoni li saret disponibbli fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament.”

12.      Il-kontenut ta’ approvazzjoni ta’ sustanzi attivi jirriżulta mill-Artikolu 13(2) tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti:

“Abbażi tar-rapport ta’ reviżjoni, fatturi oħra li huma leġittimi għall-kwistjoni meqjusa u għall-prinċipju ta’ prekawzjoni fejn ikunu rilevanti l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002, għandu jiġi adottat Regolament skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 79(3), li jipprovdi li:

(a)      sustanza attiva ġiet approvata, soġġett għall-kondizzjonijiet u għar-restrizzjonijiet, kif imsemmija fl-Artikolu 6, fejn xieraq;

(b)      sustanza attiva ma ġietx approvata; jew

(c)      il-kondizzjonijiet tal-approvazzjoni ġew emendati.”

13.      Skont l-Artikolu 28(1) tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti, prodott għall-protezzjoni tal-pjanti jeħtieġ li jiġi awtorizzat mill-Istat Membru kkonċernat:

“Prodott għall-protezzjoni tal-pjanti m’għandux jitqiegħed fis-suq jew jintuża ħlief jekk ikun ġie awtorizzat fl-Istat Membru kkonċernat skont dan ir-Regolament.”

14.      Il-kundizzjonijiet għal awtorizzazzjoni jirriżultaw mill-Artikolu 29 tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti:

“(1)      Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 50 prodott għall-protezzjoni tal-pjanti għandu jiġi awtorizzat biss meta skont il-prinċipji uniformi msemmija fil-paragrafu 6 dan jikkonforma mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)      is-sustanzi attivi, l-aġenti protettivi u s-sinerġisti tiegħu ġew approvati;

(b)      […]”

15.      Skont l-Artikolu 49(1) tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti, l-Istati Membri ma għandhomx jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq u l-użu taż-żrieragħ ittrattati bi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti awtorizzati għall-użu f’mill-inqas Stat Membru wieħed. L-Artikolu 49(2) jipprevedi l-adozzjoni ta’ miżuri sabiex jindirizzaw tħassib sinjifikattiv li ż-żrieragħ ittrattati x’aktarx jikkostitwixxu riskju serju għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali jew għall-ambjent.

16.      Taħt l-intestatura “Sitwazzjonijiet ta’ emerġenza fil-protezzjoni tal-pjanti”, l-Artikolu 53 tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti jippermetti lill-Istati Membri jawtorizzaw, b’mod derogatorju, prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ġenerali:

“1.      B’deroga mill-Artikolu 28, f’ċirkostanzi speċjali Stat Membru jista’ jawtorizza, għal perijodu li ma jaqbiżx il-120 jum, it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, għal użu limitat u kkontrollat, fejn miżura bħal din tidher li hija meħtieġa minħabba periklu li ma jistax jiġi mrażżan permezz ta’ kwalunkwe mezz raġonevoli ieħor.

L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma immedjatament lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bil-miżura li ttieħdet, fejn jipprovdi informazzjoni dettaljata dwar is-sitwazzjoni u kwalunkwe miżura meħuda biex tiġi żgurata s-sikurezza tal-konsumatur.

2.      Il-Kummissjoni tista’ titlob lill-Awtorità għal opinjoni, jew għal għajnuna xjentifika jew teknika.

L-Awtorità għandha tagħti l-opinjoni tagħha jew ir-riżultati tal-ħidma tagħha lill-Kummissjoni fi żmien xahar mid-data tat-talba.

3.      Jekk meħtieġ, għandha tittieħed deċiżjoni skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 79(3) dwar id-data u l-kundizzjonijiet li taħthom l-Istat Membru:

(a)      jista’ jew ma jistax jestendi jew jirrepeti t-tul ta’ żmien tal-miżura; jew

(b)      għandu jirtira jew jemenda l-miżura tiegħu.

4.      […]”

III. Ilfatti u ttalba għal deċiżjoni preliminari

17.      It-tijametossam u l-klotijanidin huma insettiċidi tal-grupp tan-neonikotinojdi użati fl-agrikoltura għat-trattament taż-żrieragħ. Dawn kienu inizjalment awtorizzati fl-Unjoni. Fl‑2018, il-Kummissjoni rregolat mill-ġdid l-awtorizzazzjonijiet għall-klotijanidin (5) u t-tijametossam (6) billi imponiet restrizzjonijiet stretti ħafna minħabba r-riskji għan-naħal. Dawn ir-regolamenti ilhom sa mid‑19 ta’ Diċembru 2018 jipprojbixxu l-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom dawn is-sustanzi attivi barra s-serer mtella’ b’mod permanenti. Iż-żrieragħ ittrattati wkoll b’dawn is-sustanzi attivi jistgħu jintużaw biss f’serer bħal dawn. Sa fejn jista’ jingħad, dawn l-awtorizzazzjonijiet ristretti skadew fl‑2019, mingħajr ma ġew issostitwiti (7). Għaldaqstant, il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti abbażi ta’ dawn is-sustanzi attivi ma jistgħux jibqgħu jiġu awtorizzati fl-Unjoni, skont il-proċedura ġenerali ta’ awtorizzazzjoni.

18.      Madankollu, fil-ħarifa tal‑2018, l-Istat Belġjan ħareġ sitt awtorizzazzjonijiet għall-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li huma bbażati fuq is-sustanzi attivi klotijanidin u tijametossam għat-trattament taż-żrieragħ ta’ ċerti għelejjel, inklużi l-pitravi taz-zokkor, it-tqegħid fis-suq ta’ dawn iż-żrieragħ u ż-żrigħ tagħhom fl-għelieqi. Il-perijodu ta’ awtorizzazzjoni kien essenzjalment jinkludi r-rebbiegħa tal‑2019. Madankollu, il-prodotti kkonċernati kienu diġà ilhom awtorizzati u użati fil-Belġju għal bosta snin.

19.      B’mod partikolari, mill-argumenti ta’ SESVanderhave S.A., intervenjenti insostenn tal-Istat Belġjan fil-kawża prinċipali, jirriżulta li l-użu awtorizzat tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jservi sabiex jiġġieled l-afidi li jittrażmettu virus li kapaċi jikkawża ħsara lill-għelejjel ikkonċernati, b’mod partikolari lill-pitravi taz-zokkor.

20.      Żewġ assoċjazzjonijiet li jwettqu kampanji kontra l-pestiċidi u li jippromwovu l-bijodiversità, kif ukoll persuna li trabbi n-naħal (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”) ippreżentaw rikors quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju) kontra dawn l-awtorizzazzjonijiet. Huma jsostnu li bosta studji xjentifiċi wrew li l-użu ta’ dawn in-neonikotinojdi jippreżenta riskji sinjifikattivi għan-naħal, għan-naħal bagħli u għal insetti oħra li jfittxu l-fjuri. Huma jsostnu li l-awtorizzazzjoni tat-tqegħid fis-suq u tal-użu ta’ żrieragħ ittrattati fl-għelieqi hija inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

21.      L-Istat Belġjan iqis, għall-kuntrarju, li l-kundizzjonijiet tal-użu jippermettu li jiġi evitat riskju inaċċettabbli għan-naħal. Peress li l-għelejjel ikkonċernati jinħasdu qabel joħorġu l-fjuri, kull kuntatt bejn in-naħal u l-pjanta jista’ jiġi evitat. Diversi impriżi kif ukoll ir-rappreżentanti tas-settur agrikolu Belġjan tal-pitravi u tal-produtturi taz-zokkor intervjenew fil-kawża insostenn tal-Istat Belġjan.

22.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċedura quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi segwenti:

“1)      L-Artikolu 53 tar-Regolament [dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti] għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lil Stat Membru jagħti, taħt ċerti kundizzjonijiet, awtorizzazzjoni relatata mat-trattament, mal-bejgħ jew maż-żrigħ ta’ żrieragħ ittrattati bi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti?

2)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, l-Artikolu 53 iċċitat iktar ’il fuq jista’ japplika, taħt ċerti kundizzjonijiet, għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom sustanzi attivi li l-bejgħ u l-użu tagħhom huwa ristrett jew ipprojbit fit-territorju tal-Unjoni Ewropea?

3)      Iċ-‘ċirkostanzi speċjali’ meħtieġa mill-Artikolu 53 tar-Regolament iċċitat iktar ’il fuq ikopru sitwazzjonijiet li għalihom l-okkorrenza ta’ perikolu ma hijiex ċerta iżda sempliċement plawżibbli?

4)      Iċ-‘ċirkostanzi speċjali’ meħtieġa mill-Artikolu 53 tar-Regolament iċċitat iktar ’il fuq ikopru sitwazzjonijiet li għalihom l-okkorrenza ta’ perikolu hija prevedibbli, komuni u anki ċiklika?

5)      L-espressjoni ‘li ma jistax jiġi mrażżan permezz ta’ kwalunkwe mezz raġonevoli ieħor’ użata fl-Artikolu 53 tar-Regolament għandha tiġi interpretata fis-sens li tagħti importanza ugwali, b’teħid inkunsiderazzjoni tat-termini tal-premessa 8 tar-Regolament, minn naħa, lill-garanzija ta’ livell għoli ta’ protezzjoni kemm tas-saħħa tal-bniedem kif ukoll dik tal-annimali u tal-ambjent, u, min-naħa l-oħra, lis-salvagwardja tal-kompetittività tal-agrikoltura Komunitarja?”

23.      Ir-rikorrenti, ir-Renju tal-Belġju kif ukoll SESVanderhave S.A., intervenjenti fil-kawża prinċipali, kif ukoll il-Finlandja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Ellenika u l-Ungerija kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom dwar dawn id-domandi preliminari. Ir-rikorrenti, il-Belġju, il-Greċja, Franza u l-Kummissjoni pparteċipaw fis-seduta li nżammet fis‑17 ta’ Marzu 2022.

IV.    Lanaliżi legali

24.      Skont l-Artikolu 28(1) tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti, prodott għall-protezzjoni tal-pjanti għandu jiġi awtorizzat mill-Istat Membru kkonċernat. Din l-awtorizzazzjoni hija suġġetta, b’mod partikolari, skont l-Artikolu 29 ta’ dan ir-regolament, għall-approvazzjoni mill-Kummissjoni, skont l-Artikoli 4 sa 13, tas-sustanzi attivi, tal-aġenti protettivi u tas-sinerġizzanti li jinstabu fil-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti.

25.      Madankollu, l-Artikolu 53(1) tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti jippermetti lill-Istati Membri jawtorizzaw, f’każ ta’ emerġenza, prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti oħra.

26.      Il-ħames domandi magħmula fit-talba għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw elementi differenti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-għoti ta’ tali awtorizzazzjoni ta’ emerġenza. Qabelxejn, ser neżamina l-ħames domanda, li r-risposta tagħha turi b’mod partikolarment ċar il-funzjonament ta’ din id-dispożizzjoni. Imbagħad ser neżamina t-tieni, it-tielet u r-raba’ domanda u, fl-aħħar nett, l-ewwel domanda.

A.      Ilħames domanda: ibbilanċjar talinteressi

27.      Il-ħames domanda hija maħsuba biex jiġi ddeterminat kif, fl-applikazzjoni tal-Artikolu 53(1) tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti, għandhom jiġu bbilanċjati ż-żewġ għanijiet tal-premessa 8, jiġifieri, minn naħa, li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali kif ukoll tal-ambjent u, min-naħa l-oħra, is-salvagwardja tal-kompetittività tal-agrikoltura Komunitarja.

28.      Din id-domanda hija marbuta mal-fatt li, skont l-Artikolu 53(1) tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti, awtorizzazzjoni ta’ emerġenza hija ammissibbli biss sa fejn din tirriżulta neċessarja fid-dawl ta’ perikolu li ma jistax jiġi mrażżan permezz ta’ kwalunkwe mezz raġonevoli ieħor. Skont il-premessa 32, l-Istati Membri jistgħu, f’każijiet eċċezzjonali, jawtorizzaw prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti sa fejn dan ikun neċessarju sabiex jiġi evitat perikolu jew theddida għall-produzzjoni tal-pjanti jew għall-ekosistemi li ma jistgħux jiġu kkontrollati b’mezzi xierqa oħra.

29.      B’dan il-mod, il-leġiżlatur tal-Unjoni ssuġġetta l-eżerċizzju tas-setgħa prevista fl-Artikolu 53(1) tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti għal stħarriġ tal-proporzjonalità.

30.      Skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-miżuri li jikkawżaw effetti negattivi huma legali biss jekk ikunu xierqa u neċessarji sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija. F’dan ir-rigward, meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa (bl-istess mod (8)), għandha tintgħażel dik li toħloq l-inqas effetti negattivi; barra minn hekk, l-effetti negattivi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija (9).

31.      Fil-kuntest tal-Artikolu 53(1) tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti, il-“piż” ma jikkonsistix fil-limitazzjoni tal-libertà jew l-ugwaljanza tad-detenturi tad-drittijiet fundamentali, iżda fit-tnaqqis tal-portata tal-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa li huma ggarantiti mid-dispożizzjonijiet ġenerali tal-imsemmi regolament. Għalkemm dawn l-għanijiet huma stabbiliti fl-Artikoli 35 u 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u għalkemm, tal-inqas fil-kuntest tal-Artikolu 37 tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà tkellmet dwar “dritt”, fis-sens tal-Artikolu 52(2) tal-Karta (10), irregolat mit-Trattati, jibqa’ l-fatt li l-kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni ta’ emerġenza ma jistgħux jikkostitwixxu konkretizzazzjoni ta’ limitazzjonijiet għad-drittijiet fundamentali fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 52(1) tal-Karta. Madankollu, anki hawn, il-fażijiet tal-eżami tal-prinċipju ta’ proporzjonalità jiffaċilitaw bilanċ bejn l-interessi kunfliġġenti.

32.      Fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 53(1) tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti, huwa neċessarju, qabelxejn, li jiġu identifikati l-perikolu jew it-theddida għall-produzzjoni tal-pjanti jew għall-ekosistemi li għandhom jiġu mrażżna. Dan huwa l-għan tal-miżura.

33.      Sussegwentement, għandu jiġi ddeterminat jekk l-użu ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li għandu jkun is-suġġett ta’ awtorizzazzjoni huwiex l-ewwel nett kapaċi li jrażżan dan il-perikolu.

34.      Jekk jiġi stabbilit li huwa kapaċi, jista’ jiġi vverifikat jekk l-awtorizzazzjoni tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti hijiex neċessarja. Skont il-formulazzjoni tal-Artikolu 53(1) tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti, għandu jiġi eżaminat jekk il-perikolu għandux jiġi mrażżan permezz ta’ kwalunkwe mezz raġonevoli ieħor. F’dan ir-rigward, wieħed jista’ jqis, pereżempju, prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti oħra li huma bbażati fuq sustanzi attivi li l-użu korrispondenti tagħhom ġie approvat mill-Kummissjoni, l-użu ta’ varjetajiet ta’ pjanti reżistenti għall-perikolu jew konverżjoni tal-produzzjoni lejn prodotti oħra.

35.      Diġà din l-analiżi ta’ miżuri differenti tista’ tirrendi neċessarju l-ibbilanċjar tal-interessi differenti legalment protetti. Dan huwa espress fil-premessa 32 tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti bil-fatt li l-awtorizzazzjoni hija possibbli biss jekk il-perikolu ma jkunx jista’ jiġi kkontrollat b’mezzi raġonevoli oħra. Jekk l-effettività tal-prodotti l-oħra ma tkunx manifestament ekwivalenti jew superjuri, għandu jiġi kkunsidrat jekk għandhiex tiġi ttollerata effettività inqas fid-dawl tar-riskji ppreżentati mill-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li għandu jiġi awtorizzat.

36.      Finalment, meta ma jkunux jeżistu mezzi oħra adegwati biex irażżnu l-perikolu, għandu jiġi kkunsidrat jekk ir-riskji assoċjati mal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti humiex proporzjonati mal-protezzjoni tal-għelejjel kontra l-perikolu. Huwa partikolarment diffiċli li jiġi ġġustifikat li l-użu tal-prodott huwa “meħtieġ” fis-sens tal-Artikolu 53(1) jew “raġonevoli” fis-sens tal-premessa 32 tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti jekk ir-riskji tiegħu jkunu ikbar mill-benefiċċji.

37.      L-ibbilanċjar għandu jitwettaq fid-dawl tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, peress li, skont il-premessa 8 kif ukoll l-Artikolu 1(4) tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti, id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament b’mod ġenerali huma bbażati fuq dan il-prinċipju (11). Dan l-ewwel jeħtieġ id-determinazzjoni tal-effetti potenzjalment negattivi tal-użu tas-sustanzi attivi u tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fuq is-saħħa u l-ambjent (12) u, it-tieni, evalwazzjoni globali tar-riskji għas-saħħa bbażata fuq id-data xjentifika disponibbli l-iktar affidabbli u fuq l-iktar riżultati reċenti tar-riċerka internazzjonali (13).

38.      F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, l-applikant ikkonċernat, bħala prinċipju, ma jistax jiġi kkritikat jekk jipprovdi l-informazzjoni u r-rapporti neċessarji għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni ta’ emerġenza, peress li din il-prattika hija wkoll prevista għall-proċeduri l-oħra previsti mir-Regolament dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti (14).

39.      Madankollu, skont il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li l-Istati Membri għandhom josservaw fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, l-awtoritajiet kompetenti huma obbligati jwettqu eżami diliġenti u imparzjali tal-aspetti rilevanti kollha b’mod li jiżguraw ruħhom li huma jkollhom, waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħhom, l-iktar elementi kompleti u affidabbli possibbli sabiex jagħmlu dan (15). Dan jimplika, b’mod partikolari, li huma ma għandhomx sempliċement jaċċettaw l-informazzjoni pprovduta mill-applikant mingħajr ma jeżaminawha, iżda għandhom jevalwawha b’mod kritiku u jieħdu inkunsiderazzjoni wkoll informazzjoni rilevanti li toriġina minn sorsi oħra.

40.      Fil-kuntest tal-ibbilanċjar, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iqabblu r-riskji hekk identifikati mal-vantaġġi tal-użu inkwistjoni, identifikati wkoll abbażi tal-aħjar għarfien xjentifiku.

41.      Għall-finijiet ta’ dan l-ibbilanċjar, mill-premessa 8 tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti jirriżulta, prima facie, li l-garanzija ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u tal-ambjent, minn naħa, u s-salvagwardja tal-kompetittività tal-agrikoltura, min-naħa l-oħra, huma pari passu mil-lat astratt fl-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament u għalhekk, b’mod partikolari, fil-kuntest tal-ibbilanċjar imsemmi fl-Artikolu 53(1). Fil-fatt, iż-żewġ għanijiet għandhom jintlaħqu “fl-istess ħin”.

42.      Madankollu, il-premessa 8 tipprevedi wkoll li s-sustanzi u l-prodotti li għandhom jiġu awtorizzati sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet ma għandu jkollhom l-ebda effett ta’ ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali u lanqas effetti inaċċettabbli fuq l-ambjent. Dan għandu jintwera mill-industrija, jiġifieri l-impriża li tippreżenta l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni rispettiva.

43.      Il-premessa 24 tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti msemmija fil-kuntest ta’ din il-proċedura, ma twassal għal ebda konklużjoni oħra. Skontha, l-għan tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali kif ukoll tal-ambjent għandu jipprevali, fl-għoti ta’ awtorizzazzjoni ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, fuq l-għan li tittejjeb il-produzzjoni tal-pjanti. Għalhekk, għandu jintwera, qabel ma prodott għall-protezzjoni tal-pjanti jitqiegħed fis-suq, li dan joffri benefiċċju ċar lill-produzzjoni tal-pjanti u li ma għandu ebda effett ta’ ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem, inkluża dik tal-gruppi partikolarment vulnerabbli, jew tal-annimali, jew effetti (16) inaċċettabbli fuq l-ambjent.

44.      L-istess għan li jiġu esklużi effetti ta’ ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali u effetti inaċċettabbli fuq l-ambjent jirriżulta wkoll mill-premessa 10 kif ukoll mill-Artikolu 4(2) u (3), l-Artikolu 23(2), l-Artikolu 27(1), l-Artikolu 54(1) u l-Artikolu 56(1) tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti.

45.      Minn dan jirriżulta, l-ewwel, li, fil-kuntest tal-ibbilanċjar magħmul fl-applikazzjoni tal-Artikolu 53(1) tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti, il-garanzija ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali kif ukoll tal-ambjent, minn naħa, u s-salvagwardja tal-kompetittività tal-agrikoltura, min-naħa l-oħra, ma humiex pari passu mil-lat astratt. Għall-kuntrarju, fil-kuntest ta’ dan l-ibbilanċjar, il-prevenzjoni tal-effetti ta’ ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew tal-effetti inaċċettabbli fuq l-ambjent għandha, bħala prinċipju, tipprevali fuq il-kunsiderazzjonijiet ekonomiċi. Dan huwa espress ukoll fit-titolu tal-Artikolu 53, peress li dan jirreferi għal sitwazzjoni ta’ emerġenza, bħal fil-premessa 32, li tillimita l-applikazzjoni għal każijiet eċċezzjonali.

46.      It-tieni, fil-kuntest tal-ibbilanċjar, il-prevenzjoni tal-effetti ta’ ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali fl-applikazzjoni tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti hija ta’ importanza biċ-ċar ikbar mill-prevenzjoni tal-effetti negattivi fuq l-ambjent. Dan peress li r-Regolament ma huwiex maħsub biss biex jeskludi effetti inaċċettabbli fuq l-ambjent, iżda l-effetti kollha ta’ ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali. Skont il-fehma tal-leġiżlatur, konsegwenzi aċċettabbli ta’ ħsara għall-ambjent, li jistgħu jiġu aċċettati fl-awtorizzazzjoni ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, huma għalhekk ukoll possibbli.

47.      Għalhekk, meta l-użu ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti jwassal għal effetti ta’ ħsara għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali, awtorizzazzjoni ta’ emerġenza tista’ tinħareġ, skont l-Artikolu 53(1) tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti, biss jekk din tkun neċessarja sabiex jiġu mrażżna perikoli partikolarment serji. Wieħed jista’ jimmaġina, pereżempju, perikoli konkreti għas-sigurtà tal-ikel tal-popolazzjoni li l-awtorizzazzjoni ta’ emerġenza hija intiża li trażżan. Għall-kuntrarju, sempliċi kunsiderazzjonijiet ekonomiċi ma għandhomx ikunu suffiċjenti.

48.      B’kuntrast ma’ dan, fil-każ ta’ effetti “sempliċement” negattivi fuq l-ambjent, il-marġni ta’ diskrezzjoni għall-ibbilanċjar huwa iktar estiż. Għaldaqstant, interessi ekonomiċi kbar jistgħu possibbilment jieħdu preċedenza fuq ħsara żgħira lill-ambjent.

49.      F’dan ir-rigward, id-distinzjoni bejn il-protezzjoni tas-saħħa tal-annimali u l-protezzjoni tal-ambjent tista’ tiġi dedotta indirettament mid-definizzjoni tal-ambjent mogħtija fil-punt 13 tal-Artikolu 3 tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti. Skont din id-dispożizzjoni, b’mod partikolari, l-ispeċi ta’ fawna selvaġġa jaqgħu taħt l-ambjent. Barra minn hekk, peress li ċerti speċi ta’ fawna selvaġġa jistgħu jikkostitwixxu organiżmi ta’ ħsara skont l-Artikolu 3(7), li skont il-punt (a) tal-Artikolu 2(1) għandhom jiġu ripellati minn prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, pereżempju l-afidi kkontrollati f’dan il-każ, ikun ukoll kontradittorju li wieħed ikollu jeskludi kwalunkwe effett ta’ ħsara fuq is-saħħa tagħhom.

50.      It-tħassib fir-rigward tan-neonikotinojdi jirrigwarda l-effetti fuq in-naħal, inkluż in-naħal tal-għasel użat fit-trobbija tan-naħal (17). Dan tal-aħħar, b’mod differenti min-naħal selvaġġ jew tan-naħal bagħli, ma huwiex speċi ta’ fawna selvaġġa, b’tali mod li, tal-inqas huwa kkonċernat f’dan ir-rigward l-għan ta’ protezzjoni ogħla tas-saħħa tal-annimali.

51.      Għaldaqstant, ir-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li l-applikazzjoni tal-Artikolu 53(1) tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti teħtieġ eżami konkret, fid-dawl tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, tal-kwistjoni dwar jekk il-vantaġġi għas-salvagwardja tal-kompetittività tal-agrikoltura li jirriżultaw mill-użu tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti inkwistjoni jegħlbux ir-riskji inerenti fl-użu ta’ dan il-prodott. Meta l-użu ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti jikkawża effetti ta’ ħsara għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali, awtorizzazzjoni ta’ emerġenza tista’ tingħata biss jekk tkun neċessarja sabiex jiġu mrażżna perikoli partikolarment serji. Għall-kuntrarju, fil-każ ta’ konsegwenzi “sempliċement” negattivi għall-ambjent, il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-ibbilanċjar huwa iktar estiż.

B.      Ittieni domanda: issustanzi attivi li ttqegħid fissuq jew lużu tagħhom huwa limitat jew ipprojbit

52.      It-tieni domanda hija intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk l-Istati Membri jistgħux jawtorizzaw, skont l-Artikolu 53(1) tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti, prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom sustanzi attivi li t-tqegħid fis-suq jew l-użu tagħhom huwa limitat jew ipprojbit. Minkejja li l-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) jagħmel din id-domanda biss fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, madankollu, jidhirli li jkun utli li din tiġi diskussa indipendentement minn din l-ipoteżi.

53.      Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, din id-domanda għandha tiġi ppreċiżata fis-sens li tistaqsi jekk l-Istati Membri jistgħux jawtorizzaw prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti għal użi kuntrarji għar-restrizzjonijiet imposti mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-approvazzjoni tas-sustanzi attivi użati.

54.      Miżura skont l-Artikolu 53(1) tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti tista’ tittieħed b’deroga mill-Artikolu 28 ta’ dan ir-regolament. Skont din id-dispożizzjoni, prodott għall-protezzjoni tal-pjanti għandu jiġi awtorizzat mill-Istat Membru kkonċernat. Skont il-punt (a) tal-Artikolu 29(1), din l-awtorizzazzjoni hija suġġetta, b’mod partikolari, għall-approvazzjoni tas-sustanzi attivi tiegħu. Din l-awtorizzazzjoni hija, min-naħa tagħha, mogħtija mill-Kummissjoni, skont l-Artikoli 13 u 79, b’kollaborazzjoni mal-Kumitat Permanenti tal-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali.

55.      Minn dan isegwi li l-Artikolu 53(1) tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti jippermetti preċiżament lill-Istati Membri jawtorizzaw prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li s-sustanzi attivi tagħhom ma jkunux ġew approvati mill-Kummissjoni.

56.      Madankollu, skont il-fehma tar-rikorrenti, dan huwa l-każ biss għas-sustanzi attivi li l-Kummissjoni għadha ma ddeċidietx fuqhom. Għall-kuntrarju, il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom sustanzi attivi li t-tqegħid fis-suq jew l-użu tagħhom ġie limitat jew ipprojbit mill-Kummissjoni ma jistgħux jiġu awtorizzati mill-Istati Membri skont din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, l-awtorizzazzjonijiet Belġjani inkwistjoni ma humiex kompatibbli. B’mod partikolari, l-awtorizzazzjonijiet tal-Kummissjoni taż-żewġ neonikotinojdi inkwistjoni jipprojbixxu espressament l-użu ta’ żrieragħ ittrattati barra mis-serer, filwaqt li l-awtorizzazzjonijiet Belġjani jippermettu preċiżament l-użu ta’ żrieragħ ittrattati fl-għelieqi.

57.      Minkejja li l-formulazzjoni tal-Artikolu 53(1) u tal-Artikolu 28 tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti ma tinfurzax l-interpretazzjoni sostnuta mir-rikorrenti, iżda tal-inqas tawtorizzaha. Il-kompetenza tal-Istati Membri skont l-Artikolu 53(1) tkun limitata għas-sustanzi attivi mhux approvati, filwaqt li s-sustanzi attivi approvati mill-Kummissjoni b’kundizzjonijiet restrittivi ma jkunux koperti. Dawn ir-restrizzjonijiet ma jistgħux jiġu megħluba abbażi tal-Artikolu 53(1).

58.      Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-fatt li l-Kummissjoni diġà tevalwa r-riskji ta’ sustanza attiva meta hija tawtorizzaha, billi tistabbilixxi, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti, kundizzjonijiet u restrizzjonijiet li jipprekludu ċertu użu.

59.      Madankollu, il-premessa 32 tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti tindika li l-Artikolu 53(1) ta’ dan ir-regolament għandu jkollu portata ħafna iktar wiesgħa. Skont dan l-artikolu, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jawtorizzaw prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet previsti mir-Regolament. Huwa jirreferi mhux biss għas-sustanzi attivi li ma ġewx approvati mill-Kummissjoni, iżda wkoll għall-użi ta’ sustanzi attivi approvati li l-Kummissjoni eskludiet permezz ta’ limitazzjoni jew kundizzjoni għall-approvazzjoni (18).

60.      Minn dan isegwi li, skont l-Artikolu 53(1) tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti, l-Istati Membri għandhom jiddeċiedu dwar jekk, eċċezzjonalment, il-bżonnijiet tal-protezzjoni tal-pjanti konkretament preżenti fuq il-post jegħlbux ir-riskji inerenti fi prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li wasslu lill-Kummissjoni timponi kundizzjonijiet jew restrizzjonijiet u għaldaqstant jiġġustifikaw awtorizzazzjoni ta’ emerġenza.

61.      Ċertament, skont din l-interpretazzjoni, l-Artikolu 53(1) tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti jippermetti lill-Istati Membri jaċċettaw ċerti riskji li wasslu lill-Kummissjoni sabiex teskludi l-użu inkwistjoni. Dawn ir-riskji għandhom madankollu jiġu eżaminati mill-Istati Membri meta tingħata l-awtorizzazzjoni ta’ emerġenza, għaliex, kif indikajt, huma għandhom jibbażaw id-deċiżjoni tagħhom fuq l-informazzjoni l-iktar kompleta u affidabbli possibbli (19).

62.      Ir-riskju ta’ negliġenza tat-tħassib tal-Kummissjoni huwa barra minn hekk limitat mill-fatt li l-Istati Membri huma suġġetti għas-superviżjoni tal-Kummissjoni fl-adozzjoni ta’ awtorizzazzjoni ta’ emerġenza. Fil-fatt, l-Istat Membru kkonċernat huwa marbut, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(1) tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti, jinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra. Il-Kummissjoni tista’, skont l-Artikolu 53(2) u (3), tirrevedi, jew, jekk ikun il-każ, tillimita jew saħansitra tipprojbixxi l-awtorizzazzjoni ta’ emerġenza.

63.      Għalkemm ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni teżerċita din is-setgħa ta’ kontroll b’mod prudenti ħafna, dan ikun imur pjuttost kontra l-fatt li l-Istati Membri jeċċedu l-kompetenzi tagħhom skont l-Artikolu 53(1) tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti, għall-inqas skont il-fehma tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, f’każ li l-Kummissjoni tikser b’dan il-mod ir-Regolament dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti u, b’mod partikolari, l-Artikolu 53 tiegħu, l-assoċjazzjonijiet għall-ħarsien tal-ambjent jistgħu, wara l-aħħar emendi tar-Regolament ta’ Århus (20), jitolbu eżami mill-ġdid supplimentari jew alternattiv għal proċeduri bħal dawk f’dan il-każ u, jekk ikun il-każ, jadixxu lill-qrati tal-Unjoni.

64.      Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li, fl-applikazzjoni tal-Artikolu 53(1) tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti, l-Istati Membri għandhom b’mod partikolari jevalwaw jekk il-bżonnijiet konkreti ta’ protezzjoni tal-pjanti li jeżistu fuq il-post jipprevalux, eċċezzjonalment, fuq ir-riskji li prodott għall-protezzjoni tal-pjanti jippreżenta għas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew għall-ambjent u, għaldaqstant, jippermettu awtorizzazzjoni ta’ emerġenza ta’ użu li l-Kummissjoni pprojbixxiet fl-approvazzjoni tas-sustanza attiva inkwistjoni.

C.      Ittielet u rraba’ domanda: linterpretazzjoni talkunċett ta’ “ċirkostanzi speċjali”

65.      It-tielet u r-raba’ domanda jirrigwardaw il-fatt li, skont kważi l-verżjonijiet lingwistiċi kollha tal-Artikolu 53(1) tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti, Stat Membru jista’ jadotta miżuri f’ċirkustanzi “speċjali”, sakemm tali miżura tirriżulta neċessarja fid-dawl ta’ perikolu li ma jistax jiġi mrażżan mod ieħor. F’dan ir-rigward, huwa biss fil-verżjoni Ġermaniża li l-kelma “bestimmte” [“ċerti”] tintuża.

66.      Il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) jistaqsi jekk dawn iċ-ċirkustanzi jkoprux sitwazzjonijiet li fihom is-seħħ ta’ perikolu ma jkunx ċert, iżda sempliċement plawżibbli (it-tielet domanda) jew fejn is-seħħ ta’ perikolu jkun prevedibbli, komuni u anki ċikliku (ir-raba’ domanda).

1.      Ittielet domanda: innatura plawżibbli jew ċerta talperikolu

67.      It-tielet domanda hija intiża sabiex tippreċiża l-probabbiltà tal-perikolu neċessarja sabiex tiġġustifika awtorizzazzjoni ta’ emerġenza skont l-Artikolu 53(1) tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti.

68.      Din id-domanda hija spjegata mill-fatt li, fil-mument tal-użu tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti għat-trattament taż-żrieragħ fil-ħarifa u fix-xitwa, huwa diffiċli li tiġi evalwata l-portata tal-perikolu ta’ ħsara lill-għelejjel fil-perijodu tat-tkabbir fir-rebbiegħa u fis-sajf tas-sena ta’ wara. Kemm ser jitfaċċaw afidi li jxerrdu l-viruses korrispondenti jista’ ma jkunx prevedibbli b’ċertezza, kemm jekk matul it-trattament taż-żrieragħ jew fiż-żrigħ tagħhom.

69.      Il-formulazzjoni tal-Artikolu 53(1) tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti u, b’mod partikolari, il-kunċett “ċirkostanzi speċjali” imsemmi fid-domanda ma humiex verament utli sabiex tingħata risposta għal din id-domanda.

70.      Għalkemm il-premessa 32 u t-titolu tal-Artikolu 53 jindikaw li dawn iċ-ċirkustanzi huma maħsuba biex jinkludu biss sitwazzjonijiet eċċezzjonali jew ta’ emerġenza, perikolu ma għandux għalfejn ikun “ċert” biex jikkostitwixxi tali każ. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, ma huwiex neċessarju li jiġi kkunsidrat li teżisti urġenza partikolari jew perikolu imminenti sabiex jiġi konkluż li jeżisti tali każ.

71.      Is-soluzzjoni tinsab pjuttost fil-funzjoni, diġà msemmija, tal-Artikolu 53(1) tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti, li hija li tiffavorixxi, fil-każ ta’ emerġenza jew f’ċirkustanzi partikolari, bilanċ proporzjonat bejn l-interessi kunfliġġenti (21).

72.      Minn din il-perspettiva, il-prevenzjoni ta’ perikolu sempliċement plawżibbli tista’ wkoll tkun proporzjonata meta ma jkunx hemm mezzi xierqa oħra. Għall-kuntrarju, li wieħed jistenna li l-perikolu jkun ċert jista’ jipprekludi, kif isostnu diversi intervenjenti, li l-perikolu jkun għadu jista’ jiġi mrażżan bil-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti inkwistjoni. F’dan il-każ, awtorizzazzjoni ta’ emerġenza ma tkunx iktar, jew tal-inqas bl-istess mod, xierqa sabiex tilħaq l-għan tagħha. F’dak il-każ, dewmien fil-kisba ta’ awtorizzazzjoni ta’ emerġenza ma jikkostitwixxix approċċ alternattiv inqas restrittiv, fis-sens tal-fażi tal-eżami tan-neċessità (22).

73.      Madankollu, ir-riferiment magħmul mir-rikorrenti għall-prattika segwita fir-Renju Unit (23) juri li jista’ jkun possibbli li awtorizzazzjoni ta’ emerġenza mogħtija fi stadju bikri tiġi suġġetta għal kundizzjonijiet xierqa li jżidu l-probabbiltà li l-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti jintuża biss jekk ikun effettivament neċessarju. Għalkemm ingħatat hemmhekk, fil-ħarifa, awtorizzazzjoni ta’ emerġenza għan-neonikotinojdi, kien qiegħed jiġi osservat l-iżvilupp u fir-rebbiegħa ġie rrinunzjat l-użu tagħhom, peress li l-perikolu kien jidher, f’dak il-mument, inqas serju milli kien previst inizjalment.

74.      Madankollu, bħala regola ġenerali, huwa l-ibbilanċjar tal-vantaġġi u tal-iżvantaġġi rispettivi li huwa deċiżiv: ċertament, perikolu plawżibbli għandu piż inferjuri għal dak li jeżisti b’ċertezza. Madankollu, il-perikolu sempliċement plawżibbli ta’ ħsara partikolarment għolja jista’ jkollu grad ta’ gravità paragunabbli ma’ dak tal-perikolu ċert ta’ inqas ħsara. Dawn iż-żewġ varjanti b’hekk ma jistgħux jiġu, b’mod astratt, meħuda inkunsiderazzjoni mir-rikorrenti fl-applikazzjoni tal-Artikolu 53(1) tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti, jew esklużi minnha. Fil-fatt, il-kwistjoni dwar jekk perikolu sempliċement plawżibbli huwiex suffiċjenti sabiex jiġġustifika awtorizzazzjoni ta’ emerġenza tiddependi pjuttost fuq jekk dan jegħlibx il-perikoli għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali kif ukoll għall-ambjent marbuta mal-użu tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti.

75.      Barra minn hekk, l-istess domanda tista’ tqum fir-rigward ta’ dawn il-perikoli msemmija l-aħħar, peress li jistgħu wkoll ikunu plawżibbli jew ċerti. Il-miżura sa fejn għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni jirriżulta mill-ġurisprudenza dwar il-prinċipju ta’ prekawzjoni. Tali prinċipju jiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi meta jirriżulta impossibbli li tiġi ddeterminata b’ċertezza l-eżistenza jew il-portata tar-riskju allegat minħabba n-natura mhux konklużiva tar-riżultati tal-istudji mwettqa, iżda fejn il-probabbiltà ta’ ħsara reali għall-ambjent tippersisti fl-ipoteżi li r-riskju jimmaterjalizza ruħu (24). Dawn huma perikoli li, mingħajr ma huma ċerti, huma madankollu suffiċjentement iddokumentati, jiġifieri jeżistu indizji serji u konklużivi (25).

76.      Barra minn hekk, sabiex ikunu jistgħu jitqabblu l-perikoli hekk iddefiniti għas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew għall-ambjent mal-perikolu għall-agrikoltura li l-awtorizzazzjoni ta’ emerġenza hija intiża li trażżan, huwa neċessarju li għal dan tal-aħħar jiġi applikat l-istess metodu ta’ evalwazzjoni bħal dak użat għal dawk tal-ewwel. Dan ifisser, fil-prattika, li anki l-perikolu għall-agrikoltura għandu jiġi evalwat abbażi tal-istudji eżistenti u awtorizzazzjoni ta’ emerġenza tista’ tiġi awtorizzata biss fil-preżenza ta’ indizji serji u konklużivi.

77.      Għaldaqstant, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-awtorizzazzjoni tal-użu tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti skont l-Artikolu 53(1) tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti tiddependi mhux min-natura ċerta jew plawżibbli tas-seħħ tal-perikolu li l-użu huwa intiż li jrażżan, iżda mill-punt dwar jekk il-vantaġġi ta’ dan l-użu jegħlbux l-iżvantaġġi marbuta miegħu. F’dan ir-rigward, il-vantaġġi u l-iżvantaġġi tal-użu inkwistjoni, inkluż il-grad tal-probabbiltà tal-perikolu inkwistjoni, għandhom ikunu suffiċjentement iddokumentati u, għaldaqstant, għandhom jiġu dedotti minn indizji serji u konklużivi.

2.      Irraba’ domanda: perikolu prevedibbli, komuni u ċikliku

78.      Ir-raba’ domanda tirrigwarda wkoll il-perikolu li jiġġustifika l-awtorizzazzjoni ta’ emerġenza. Il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) jistaqsi jekk perikolu li huwa prevedibbli, komuni u anki ċikliku huwiex biżżejjed f’dan ir-rigward.

79.      L-isfond ta’ din id-domanda jinstab fil-fatt li r-riskju marbut mal-afidi u mal-mard virali jidher li huwa prevedibbli u komuni fil-Belġju, b’mod partikolari skont id-dikjarazzjonijiet ta’ SESVanderhave. Għaldaqstant, awtorizzazzjonijiet simili intiżi sabiex jipprevjenu l-istess perikoli diġà ngħataw fil-passat u huma wkoll mistennija fil-futur.

80.      Mill-perspettiva biss tal-ibbilanċjar tal-vantaġġi u tal-iżvantaġġi tal-użu tas-sustanzi inkwistjoni, wieħed jista’ jasal għall-konklużjoni li huwa irrilevanti jekk is-seħħ ta’ perikolu huwiex prevedibbli, komuni u anki ċikliku. Dan peress li tali perikoli jistgħu jipprevalu wkoll fuq il-perikoli marbuta mal-użu tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti kkonċernat. Huma jistgħu għalhekk jikkostitwixxu ċirkustanzi speċjali jew ċirkustanzi partikolari fis-sens tal-Artikolu 53(1) tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti.

81.      L-oriġini tal-Artikolu 53(1) tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti, enfasizzata mill-Kummissjoni, tikkonferma, mal-ewwel daqqa t’għajn, din l-evalwazzjoni. Fil-fatt, il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel tal-Parlament ma rrnexxilux jikseb l-adozzjoni tal-proposta li din is-setgħa ssir dipendenti fuq perikolu imprevedibbli jew emerġenzi oħra, kif kien il-każ qabel taħt l-Artikolu 8(4) u l-premessa 18 tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti (26) li kienet applikabbli preċedentement (27).

82.      Madankollu, fuq dan il-punt, il-premessa 32 tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti tagħmel preċiżazzjoni li tillimita l-marġni ta’ diskrezzjoni tal-ibbilanċjar. Skont din il-premessa, l-applikazzjoni tal-Artikolu 53(1) tkopri biss “każijiet eċċezzjonali”. Anki perikoli prevedibbli jew ċikliċi jistgħu jikkostitwixxu każijiet eċċezzjonali meta s-seħħ tagħhom ikun rari, jiġifieri fuq bażi eċċezzjonali. Għall-kuntrarju, perikolu komuni, li għalhekk jippreżenta ruħu ta’ spiss, ma jikkostitwixxix, skont it-tifsira tiegħu stess, każ eċċezzjonali. Huwa lanqas ma jikkostitwixxi “sitwazzjonijiet ta’ emerġenza” kif imsemmija fit-titolu tal-Artikolu 53.

83.      Barra minn hekk, ir-restrizzjoni għal każijiet rari eċċezzjonali jew ta’ emerġenza tikkorrispondi mar-rekwiżit tal-Artikolu 53(1) tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti biex jippermetti l-użu “limitat” inkwistjoni. B’kuntrast ma’ dan, jekk l-użu huwa intiż sabiex irażżan riskju komuni, dan għandu jiġi awtorizzat fil-prattika b’mod permanenti, jiġifieri mingħajr limitu.

84.      Il-paragun mad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti jenfasizza l-portata tal-kunċetti ta’ deroga u ta’ sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, peress li dawn għadhom ma jinsabux fid-Direttiva. L-użu tagħhom fir-Regolament dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti għandu għalhekk jiġi kkunsidrat bħala limitazzjoni ddeliberata tas-setgħa ta’ awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 53.

85.      Il-konsegwenza ta’ din l-interpretazzjoni ma hijiex li perikoli komuni għandhom neċessarjament jiġu aċċettati. Jekk ebda mezz ieħor ma jinstab, anki f’każ ta’ riċerka intensa, sabiex jiġi evitat il-perikolu, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni tali perikoli meta tiddeċiedi li tawtorizza sustanzi attivi u, f’ċerti ċirkustanzi, tiddefinixxi, b’applikazzjoni tal-Artikolu 6 tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti, żoni li fihom is-sustanzi attivi jistgħu jintużaw iktar milli f’żoni oħra tal-Unjoni minħabba li s-seħħ tal-perikoli huwa komuni hemmhekk. L-Artikolu 6(h) juri li tali restrizzjonijiet fl-ispazju tal-awtorizzazzjonijiet ta’ sustanzi attivi huma possibbli. F’dan ir-rigward, jekk il-kundizzjonijiet ġenerali ta’ awtorizzazzjoni jipprekludu dan, għandu jkun, mill-inqas, possibbli li jsir riferiment għall-Artikolu 4(7) tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti.

86.      Għaldaqstant, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li awtorizzazzjoni ta’ emerġenza skont l-Artikolu 53(1) tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti tista’ tingħata biss b’mod eċċezzjonali. Riskju komuni, li jippreżenta ruħu ta’ spiss, ma jikkostitwixxix każ eċċezzjonali u għalhekk ma huwiex biżżejjed.

D.      Lewwel domanda: iżżrieragħ ittrattati bi prodotti għallprotezzjoni talpjanti

87.      L-ewwel domanda hija intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 53(1) tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti jippermettix lil Stat Membru jagħti, taħt ċerti kundizzjonijiet, awtorizzazzjoni għat-trattament taż-żrieragħ ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti kif ukoll għall-bejgħ jew għaż-żriegħ ta’ żrieragħ ittrattati b’tali prodotti.

88.      Peress li l-Artikolu 53(1) tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti jippermetti lill-Istati Membri jawtorizzaw l-użu ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti, din is-setgħa tinkludi, skont il-formulazzjoni tiegħu stess, l-awtorizzazzjoni li ż-żrieragħ jiġu ttrattati bil-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti awtorizzat, għaliex dan ikun jikkostitwixxi użu tal-prodott.

89.      Ir-Regolament dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti huwa bbażat, barra minn hekk, fuq il-preżunzjoni li l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jintużaw b’dan il-mod, peress li jirreferi, diversi drabi, għat-trattament taż-żrieragħ u jirregola anki, fl-Artikolu 49 tiegħu, it-tqegħid fis-suq tagħhom.

90.      Kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, l-għan tal-Artikolu 53(1) tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti lanqas ma jipprekludi li t-trattament taż-żrieragħ li jseħħ, min-natura tiegħu, ħafna qabel l-eventwali infestazzjoni b’organiżmi ta’ ħsara fi stadju sussegwenti. Kif diġà ġie rrilevat (28), din il-leġiżlazzjoni ma hijiex intiża esklużivament sabiex trażżan il-perikoli imminenti.

91.      L-awtorizzazzjoni tat-tqegħid fis-suq jew taż-żrigħ taż-żerriegħa ttrattata bi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti ma hijiex espressament imsemmija fl-Artikolu 53(1) tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti, iżda fl-aħħar mill-aħħar dawn jikkostitwixxu wkoll, indirettament, użu tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti. Dan peress li huwa biss fiż-żrigħ ta’ żrieragħ ittrattati li l-prodott jista’ jissodisfa l-funzjoni tiegħu. It-tqegħid fis-suq, jiġifieri t-trasferiment lill-bdiewa, huwa intiż sabiex jippermetti dan iż-żrigħ.

92.      Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-idea, imressqa minn Franza u mill-Belġju, li anki ż-żrieragħ ittrattati stess jistgħu jiġu kkunsidrati bħala prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, fis-sens tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti.

93.      Madankollu, l-Istat Membru għandu jillimita kemm it-tqegħid fis-suq kif ukoll iż-żrigħ fiż-żona tat-territorju tiegħu fejn iseħħ il-perikolu li għandu jiġi mrażżan. Ir-raġuni għal dan hija li użu iktar estensiv taż-żrieragħ ittrattati ma jistax jiġi ġġustifikat minn dan il-perikolu. Għall-kuntrarju, il-formulazzjoni nnifisha tal-Artikolu 53(1) tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti tippermetti biss awtorizzazzjoni għal użu limitat u kkontrollat. Din il-limitazzjoni neċessarja għandha wkoll tiddefinixxi t-territorju li fih l-użu huwa possibbli.

94.      Minn dan isegwi, barra minn hekk, li l-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ żrieragħ ittrattati skont l-Artikolu 53(1) tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti ma tipproduċix l-effett tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar it-tqegħid fis-suq ta’ żrieragħ ittrattati skont l-Artikolu 49. Fil-fatt, l-Artikolu 49 jippermetti, fl-Unjoni kollha, il-kummerċ liberu ta’ żrieragħ ittrattati bi prodott għall-protezzjoni tal-pjanti awtorizzat skont l-Artikolu 28. Madankollu, dan ma jkunx preċiżament jikkostitwixxi użu limitat u kkontrollat.

95.      Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-awtorizzazzjoni ta’ emerġenza ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti skont l-Artikolu 53(1) tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti tista’ tinkludi t-trattament taż-żrieragħ bi prodott għall-protezzjoni tal-pjanti kif ukoll il-bejgħ jew iż-żrigħ, fit-territorju kopert mill-awtorizzazzjoni, ta’ żrieragħ ittrattati bil-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti.

V.      Konklużjoni

96.      Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari kif ġej:

“1)      Ir-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li l-applikazzjoni tal-Artikolu 53(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, teħtieġ eżami konkret, fid-dawl tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, tal-kwistjoni dwar jekk il-vantaġġi għas-salvagwardja tal-kompetittività tal-agrikoltura li jirriżultaw mill-użu tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti inkwistjoni jegħlbux ir-riskji inerenti fl-użu ta’ dan il-prodott. Meta l-użu ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti jikkawża effetti ta’ ħsara għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali, awtorizzazzjoni ta’ emerġenza tista’ tingħata biss jekk tkun neċessarja sabiex jiġu mrażżna perikoli partikolarment serji. Għall-kuntrarju, fil-każ ta’ konsegwenzi “sempliċement” negattivi għall-ambjent, il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-ibbilanċjar huwa iktar estiż.

2)      Ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li, fl-applikazzjoni tal-Artikolu 53(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, l-Istati Membri għandhom b’mod partikolari jevalwaw jekk il-bżonnijiet konkreti ta’ protezzjoni tal-pjanti li jeżistu fuq il-post jipprevalux, eċċezzjonalment, fuq ir-riskji li prodott għall-protezzjoni tal-pjanti jippreżenta għas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew għall-ambjent u, għaldaqstant, jippermettu awtorizzazzjoni ta’ emerġenza ta’ użu li l-Kummissjoni pprojbixxiet fl-approvazzjoni tas-sustanza attiva inkwistjoni.

3)      Ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-awtorizzazzjoni ta’ emerġenza tal-użu tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti skont l-Artikolu 53(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tiddependi mhux min-natura ċerta jew plawżibbli tas-seħħ tal-perikolu li l-użu huwa intiż li jrażżan, iżda mill-punt dwar jekk il-vantaġġi ta’ dan l-użu jegħlbux l-iżvantaġġi marbuta miegħu. F’dan ir-rigward, il-vantaġġi u l-iżvantaġġi tal-użu inkwistjoni, inkluż il-grad tal-probabbiltà tal-perikolu inkwistjoni, għandhom ikunu suffiċjentement iddokumentati u, għaldaqstant, għandhom jiġu dedotti minn indizji serji u konklużivi.

4)      Ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-awtorizzazzjoni ta’ emerġenza skont l-Artikolu 53(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tista’ tingħata biss b’mod eċċezzjonali. Perikolu komuni, li jippreżenta ruħu ta’ spiss, ma jikkostitwixxix każ eċċezzjonali u għalhekk ma huwiex biżżejjed.

5)      Ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-awtorizzazzjoni ta’ emerġenza ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti skont l-Artikolu 53(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tista’ tinkludi t-trattament taż-żrieragħ bi prodott għall-protezzjoni tal-pjanti kif ukoll il-bejgħ jew iż-żrigħ, fit-territorju kopert mill-awtorizzazzjoni, ta’ żrieragħ ittrattati bil-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti.”


1      Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2      Sentenza tat‑8 ta’ Ottubru 2020, Union des industries de la protection des plantes (C‑514/19, EU:C:2020:803).


3      Sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2021, Bayer CropScience u Bayer vs Il‑Kummissjoni (C‑499/18 P, EU:C:2021:367).


4      Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU 2009 L 309, p. 1).


5      Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/784 tad‑29 ta’ Mejju 2018 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 f’dak li għandu x’jaqsam mal-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva klotijanidin (ĠU 2018, L 132, p. 35).


6      Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/785 tad‑29 ta’ Mejju 2018 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 f’dak li għandu x’jaqsam mal-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva tijametossam (ĠU 2018, L 132, p. 40).


7      Punti 121 u 140 tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal‑25 ta’ Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-lista ta’ sustanzi attivi approvati (ĠU 2011, L 153, p. 1) fil-verżjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2081 (ĠU 2021, L 426, p. 28).


8      Ara s-sentenzi tat‑23 ta’ Diċembru 2015, The Scotch Whisky Association (C‑333/14, EU:C:2015:845, punt 49), tas‑26 ta’ Settembru 2018, Van Gennip et (C‑137/17, EU:C:2018:771, punt 64), u tas‑26 ta’ April 2022, Il-Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (Uploadfilter) (C‑401/19, EU:C:2022:297, punt 83).


9      Sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 1989, Schräder v Hauptzollamt Gronau (265/87, EU:C:1989:303, punt 21), tad‑9 ta’ Marzu 2010, ERG et (C‑379/08 u C‑380/08, EU:C:2010:127, punt 86), u tal‑4 ta’ Ġunju 2020, L-Ungerija vs Il‑Kummissjoni (C‑456/18 P, EU:C:2020:421, punt 41).


10      Sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Associazione Italia Nostra Onlus (C‑444/15, EU:C:2016:978, punt 62), u tat‑13 ta’ Marzu 2019, Il-Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑128/17, EU:C:2019:194, punt 130).


11      Sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2019, Blaise et (C‑616/17, EU:C:2019:800, punt 44).


12      Sentenzi tat‑28 ta’ Marzu 2019, Verlezza et (C‑487/17 sa C‑489/17, EU:C:2019:270, punt 57), u tas‑6 ta’ Mejju 2021, Bayer CropScience u Bayer vs Il‑Kummissjoni (C‑499/18 P, EU:C:2021:367, punt 80).


13      Sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2019, Blaise et (C‑616/17, EU:C:2019:800, punt 46).


14      Ara s-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2019, Blaise et (C‑616/17, EU:C:2019:800, punti 77 u 78).


15      Sentenzi tal‑14 ta’ Mejju 2020, AGROBET CZ (C‑446/18, EU:C:2020:369, punt 44), u tal‑21 ta’ Ottubru 2021, CHEP Equipment Pooling (C‑396/20, EU:C:2021:867, punt 48).


16      F’dan il-każ, għalkemm il-verżjoni Ġermaniża tuża t-terminu “unzulässig” [“mhux permissibbli”/“illegali”], jidher li dan huwa x’aktarx żball fit-traduzzjoni.


17      Premessi tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/784 u (UE) 2018/785.


18      Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas‑17 ta’ Mejju 2018, Bayer CropScience u Bayer vs Il‑Kummissjoni (T‑429/13 u T‑451/13, EU:T:2018:280, punt 463), u l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Bayer CropScience u Bayer vs Il‑Kummissjoni (C‑499/18 P, EU:C:2020:735, punt 183). Ara wkoll is-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2013, Sumitomo Chemical (C‑210/12, EU:C:2013:665, punt 36), dwar ir-regolament preċedentement applikabbli.


19      Ara punt 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


20      Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU 2006, L 264, p. 13), kif emendat bir-Regolament (UE) 2021/1767 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Ottubru 2021 (ĠU 2021, L 356, p. 1).


21      Ara l-osservazzjonijiet dwar il-ħames domanda, punti 31 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.


22      Ara l-punti 34 u 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


23      Punt 53 tar-rikors promotur.


24      Sentenzi tat‑23 ta’ Settembru 2003, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (C‑192/01, EU:C:2003:492, punt 52), tat‑28 ta’ Jannar 2010, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑333/08, EU:C:2010:44, punt 93), tal‑1 ta’ Ottubru 2019, Blaise et (C‑616/17, EU:C:2019:800, punt 43), u tas‑6 ta’ Mejju 2021, Bayer CropScience u Bayer vs Il‑Kummissjoni (C‑499/18 P, EU:C:2021:367, punt 80).


25      Sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2021, Bayer CropScience u Bayer vs Il‑Kummissjoni (C‑499/18 P, EU:C:2021:367, punt 130). Ara wkoll is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2003, Monsanto Agricoltura Italie et (C‑236/01, EU:C:2003:431, punt 113).


26      Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal‑15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 11, p.332).


27      Rapport A6–0359/2007 tal‑5 ta’ Diċembru 2007 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti (https://www.europarl.europa.eu/doceo/document/A-6-2007-0359_MT.html).


28      Ara l-punti 70 u 72 ta’ dawn il-konklużjonijiet.